Kawża C-68/07

Kerstin Sundelind Lopez

vs

Miguel Enrique Lopez Lizazo

(talba għal domanda preliminari mressqa mill-Högsta domstolen)

“Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikoli 3, 6 u 7 — Ġurisdizzjoni — Rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju — Konvenut ċittadin u residenti ta’ pajjiż terz — Regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni li jipprovdu vantaġġ eżorbitanti ”

Sommarju tas-sentenza

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju

(Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003,Artikoli 3(1)(a), 6, 7(1), u 17)

L-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ divorzju, fejn il-konvenut ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru ma jistgħux, sabiex jiddeċiedu fuq din it-talba, jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq id-dritt nazzjonali jekk qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Regolament.

Fil-fatt, skond it-termini ċari ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa biss fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 3, 4 u 5, li l-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata, f’kull Stat Membru, skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-kliem tiegħu wkoll huma nieqsa minn kull ambigwità, il-qorti ta’ Stat Membru li tintalab tieħu konjizzjoni ta’ kawża li għaliha ma jkollhiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament, u li għaliha qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha ex officio tiddikjara li m’għandhiex ġurisdizzjoni.

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiddaħħal in kwistjoni mill-Artikolu 6 tar-regolament, peress li l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 7(1) u 17 tiegħu ma tiddependix, mill-kwalità tal-konvenut, iżda biss fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk qorti ta’ Stat Membru għandhiex ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003 li huma intiżi li jistabilixxu regoli uniformi ta’ kunflitt fir-rigward tad-divorzju sabiex jassiguraw li l-moviment liberu tal-persuni jibqa’ sempliċi kemm jista’ jkun. Għaldaqstant, ir-regolament japplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkollhom rabta suffiċjentement b’saħħitha mat-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri skond il-kriterji ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmi Regolament, kriterji li, skond it-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1347/200, huma bbażati fuq il-prinċipju li għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti konċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni

(ara l-punti 18-19, 21, 25-26, 28 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Novembru 2007(*)

“Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 3, 6 u 7 – Ġurisdizzjoni – Rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju – Konvenut ċittadin u residenti ta’ pajjiż terz – Regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni li jipprovdu vantaġġ eżorbitanti”

Fil-kawża C‑68/07,

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skond l-Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mill-Högsta domstolen (l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2007, fil-proċedura

Kerstin Sundelind Lopez

vs

Miguel Enrique Lopez Lizazo,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Briguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Himmanen, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Wilderspin u P. Dejmek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3, 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2116/2004, tat-2 ta’ Diċembru 2004, fir-rigward ta’ Trattati mas-Santa Sede (ĠU L 367, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2001/2003”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura għal divorzju ppreżentata minn K. Sundelind Lopez kontra M. Lopez Lizazo.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skond ir-raba’, it-tmien u t-tnax-il premessa tar-Regolament tal-Kunsill, (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u l-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għat-tfal taż-żewġ konjugi (ĠU L 160 p. 19), li tħassar, fil-1 ta’ Marzu 2005, mir-Regolament Nru 2201/2003 :

“(4)      Differenzi bejn ċerti regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u l-infurzar jfixklu l-moviment liberu ta’ persuni u l-operazzjoni tajba tas-suq intern. Għalhekk hemm raġunijiet ħalli jkunu preskritti dispożizzjonijiet li jgħaqqdu r-regoli tal-konflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbilità tal-ġenituri sabiex jissimplifikaw il-formalitajiet għal riknoxximent ta’ malajr u awtomatiku u l-infurzar ta’ sentenzi.

[…]

(8)      Il-miżuri preskritti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti u uniformi biex jgħinu lin-nies li jiċċaqalqu il-bogħod kemm jista’ jkun. Għalhekk, għandu wkoll japplika għal ċittadini ta’ Stati li ma humiex membri li r-rabtiet tagħhom fit-terrirorju ta’ Stat Membru jkunu biż-żejjed mill-qrib, skond il-bażi tal-ġurisdizzjoni preskritta f’dan ir-Regolament.

[…]

(12)      Il-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni aċċettati f’dan ir-Regolament huma msejsa fuq ir-regola li għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti konċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni; id-deċiżjoni li tinkludi ċerti raġunijiet tikkorrespondi mal-fatt li dawn jeżistu f’sistemi legali nazzjonali differenti u li huma aċċettati mill-Istati Membri l-oħra.”

4        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali” jipprovdi :

“1. Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru :

a)      f’liema territorju:

–        il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

–        il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

–        il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

–        fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

–        l-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

–        l-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk;

b)      dwar in-nazzjonalità taż-żewg konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taz-żewġ konjuġi”.

5        L-Artikoli 4 u 5 ta’ l-imsemmi Regolament jistabilixxu r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward, rispettivament tal-kontrotalba u l-bidla tas-separazzjoni legali f’divorzju.

6        L-Artikolu 6 ta’ l-istess Regolament intitolat “In-natura esklussiva ta’ l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 3, 4 u 5”, jipprovdi :

“Il-konjuġi li:

a)      huwa/hija abitwalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru; jew

b))      huwa/hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha "id-domiċilju" fit-territorju f’wieħed minn dawn l-aħħar Stati Membri,

jista’ jiġi mħarrek/imħarrka fi Stat Membru ieħor skond l-Artikoli 3, 4 u 5 biss.”

7        Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2201/2003 intitolat “Il-Ġurisdizzjoni residwa :

“1. Fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 3, 4 u 5, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata, f’kull Stat Membru, skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat.

2. Kontrarju ta’ konvenut li m’huwiex abitwalment residenti u lanqas huwa/hija ċittadin ta’ Stat Membru jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, m’għandux/iex "id-domiċilju" fit-territorju ta’ dawn l-aħħar Stati Membri, kwalunkwe ċittadin ta’ Stat Membru li huwa/hija abitwalment residenti fit-territorju ta’ xi Stat Membru ieħor jista’/tista’, bħaċ-cittadini ta’ dak l-Istat, jagħmlu wżu mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li huma applikabbli f’dak l-Istat.”

8        L-Artikolu 17 ta’ l-imsemmi Regolament intitolat : “L-Eżaminazzjoni nkwantu għall-ġurisdizzjoni”, jipprovdi :

“Fejn qorti ta’ Stat Membru għandha l-pussess dwar każ li m’għandiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament u dwar liema xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddikjara b’mozzjoni proprja li m’għandhiex ġurisdizzjoni.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        Il-liġi dwar ir-relazzjonijiet ġuridiċi internazzjonali dwar iż-żwieġ u t-tutela [Lag (1904:26 s. 1) om vissa internationella rättsförhållande rörande äktenskap och förmynderskap, SFS 2005, Nru 431] jipprovdi, fl-Artikolu 2(2) tal-Kapitolu 3 tiegħu, li tista’ titressaq quddiem qorti Żvediża kawża matrimonjali jekk ir-rikorrent ikun ċittadin Żvediż li għandu r-residenza abitwali jew ikun irrisjeda fl-Iżveżja fi kwalunkwe mument wara li jilħaq l-età ta’ 18-il sena.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      K. Sundelind Lopez, ċittadina Żvediża, iżżewġet lil M. Lopez Lizazo, ċittadin Kuban. Waqt li kienu jgħixu flimkien, il-konjugi għexu fi Franza. Fil-mument preżenti, filwaqt li K. Sundelind Lopez għadha tirrisjedi fi Franza, ir-raġel tagħha jirrisjedi f’Kuba.

11      Billi bbażat ruħha fuq leġiżlazzjoni Żvediża, K. Sundelind Lopez ressqet talba għal divrozju quddiem is-Stockholms tingsrätt (Qorti ta’ l-ewwel istanza ta’ Stokkolma). Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2005, minħabba li, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2001/2003, huma biss il-qrati Franċiżi li għandhom ġurisdizzjoni u li, barra minn hekk, l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jostakola l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni Żvediżi.

12      B’sentenza tas-7 ta’ Marzu 2006, is-Svea hovrätt (Qorti ta’ l-Appell ta’ Svea) ċaħdet l-appell ippreżentat minn din id-deċiżjoni.

13      K. Sundelind Lopez ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Högsta domstolen (Qorti Suprema). Fl-appell tagħha, hija sostniet li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2001/2003, li jistabilixxi n-natura esklużiva tal-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri skond l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament meta l-konvenut ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru jew fejn ikun ċittadin ta’ Stat Membru, jimplika li l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ma tapplikax fejn il-konvenut ma jkollu l-ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi. Barra minn hekk, id-dritt nazzjonali huwa adatt, fil-kawża preżenti, biex ikun il-bażi tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Żvediżi.

14      Fid-deċiżjoni għar-rinviju, il-Högsta domstolen tirrileva li, fil-kawża preżenti, il-qrati Żvediżi ma jistgħux, b’differenza mill-qrati Franċiżi, jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda biss fuq id-dritt nazzjonali. L-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament ikollu b’hekk impatt dirett fuq l-eżitu tal-kawża prinċipali. Issa l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma interpretatx id-dispożizzjonijiet tiegħu

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-każ fejn il-konvenut, f’kawża li tirrigwarda talba għal divorzju, ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru jew ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru, tista’ tiġi eżaminata kawża minn qorti ta’ Stat Membru li ma jkollhiex ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament [2201/2003], anki jekk qorti ta’ Stat Membru ieħor jkun jista’ jkollha ġurisdizzjoni skond waħda mir-regoli li jattribwixxu l-ġurisdizzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 3 ?”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament
Nru 2201/2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ divorzju, konvenut li ma jkollux ir-residenza abitwali fi Stat Membru u li ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq id-dritt nazzjonali sabiex jiddeċiedu din it-talba, anki jekk il-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Regolament.

17      Fil-kawża prinċipali, mhuwiex ikkontestat li, skond l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati Franċiżi għandhom ġurisdizzjoni skond l-imsemmi regolament sabiex jiddeċiedu dwar it-talba ta’ K. Sundelind Lopez, kemm taħt it-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, bħala l-post ta’ l-aħħar residenza abitwali tal-konjugi, fil-każ fejn hija għadha tirrisejdi fi Franza, kemm, taħt il-ħames inċiż ta’ din l-istess dispożizzjoni, bħala post ta’ residenza abitwali, peress li hija għexet fi Franza għal mill-inqas sena qabel ma ppreżentat it-talba tagħha għal divorzju.

18      Issa, skond it-termini ċari ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa biss fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 3, 4 u 5, li l-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata, f’kull Stat Membru, skond il-liġijiet ta’ dak l-Istat.

19      Barra minn hekk, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-kliem tiegħu wkoll huma nieqsa minn kull ambigwità, il-qorti ta’ Stat Membru li tintalab tieħu konjizzjoni ta’ kawża li għaliha ma jkollhiex il-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament, u li għaliha qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, għandha ex officio tiddikjara li m’għandhiex ġurisdizzjoni.

20      Konsegwentement, peress li l-qrati Franċiżi għandhom ġurisdizzjoni li jiddeċiedu fuq it-talba fil-kawża prinċipali skond il-kriterji elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati Żvediżi ma jistgħux jistabilixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jiddeċiedu fuq din it-talba billi jibbażaw ruħhom fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali taghħom, skond l-Artikolu 7(1) ta’ l-imsemmi Regolament, iżda għandhom, skond l-Artikolu 17 tiegħu, jiddikjaraw ex officio li m’għandhomx ġurisdizzjoni, favur il-qrati Franċiżi.

21      Kontra dak li jsostni l-Gvern Taljan, din l-interpretazzjoni ma tiddaħħalx in kwistjoni mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2201/2003.

22      Ċertament, din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li konvenut li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru jew li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ma jistax jiġi mħarrek, fid-dawl tan-natura esklużiva tal-ġurisdizzjoni ddefinita fl-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003, quddiem qrati ta’ Stat Membru ħlief bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet – u, għaldaqstant, bl-esklużjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali – ma tipprekludix, min-naħa l-oħra, li konvenut li ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru jkun jista’, minn naħa tiegħu, jiġi mħarrek quddiem qorti ta’ Stat Membru skond ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat.

23      Skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, dan jista’ jkun il-każ fejn l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 3 sa 5 tiegħu, peress li l-Artikolu 7(2) ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi, fit-tali sitwazzjoni, li, jekk ir-rikorrenti jkun abitwalment residenti fit-territorju ta’ xi Stat Membru ieħor huwa jkun jista’, bħaċ-cittadini ta’ dak l-Istat, juża r-regoli nazzjonali ta’ ġurisdizzjoni li jkunu applikabbli f’dak l-Istat.

24      Madankollu, ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi regola ġenerali li tgħid li d-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru sabiex jiddeċiedu fuq il-kwistjonijiet relattivi għad-divorzju fir-rigward ta’ konvenut li m’għandux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u li mhuwiex ċittadin ta’ Stat Membru toħroġ, f’kull każ, mid-dritt nazzjonali, meta l-qorti ta’ Stat Membru jkollha ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 3 sa 5 ta’ l-imsemmi Regolament.

25      Din l-interpretazzjoni twassal fil-fatt li jiġu injorati t-termini ċari ta’ l-Artikoli 7(1) u 17 tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-applikazzjoni tiegħu ma tiddependix, kif ukoll jirriżulta mill-punti 18 sa 20 tal-kawża preżenti, mill-kwalità tal-konvenut, iżda biss fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk qorti ta’ Stat Membru għandhiex ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 3 sa 5 tar-Regolament Nru 2201/2003.

26      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-għan imfittex minn dan ir-Regolament ta’ l-aħħar. Fil-fatt, kif ukoll jirriżulta mir-raba’ premessa u mit-tmien premessa tar-Regolament Nru 1347/2000, li tagħhom id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni sabiex issir deċiżjoni fuq il-kwistjonijiet relattivi għad-divorzju ġew riprodotti fir-Regolament Nru 2201/2003, dawn huma intiżi li jistabilixxu regoli uniformi ta’ kunflitt fir-rigward tad-divorzju sabiex jassiguraw li l-moviment liberu tal-persuni jibqa’ sempliċi kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa applikabbli wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li jkollhom rabta suffiċjentement b’saħħitha mat-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri skond il-kriterji ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-imsemmi Regolament, kriterji li, skond it-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1347/200, huma bbażati fuq il-prinċipju li għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti konċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni.

27      Issa, fil-kawża prinċipali, jirriżulta, mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, li tali rabta teżisti ma’ Franza, u mhux ma’ l-Iżvezja.

28      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ divorzju, fejn il-konvenut ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru ma jistgħux, sabiex jiddeċiedu fuq din it-talba, jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq id-dritt nazzjonali jekk qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Regolament.

 Fuq l-ispejjeż

29      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2116/2004, tat-2 ta’ Diċembru 2004, fir-rigward ta’ Trattati mas-Santa Sede, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ divorzju, fejn il-konvenut ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u ma jkunx ċittadin ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru ma jistgħux, sabiex jiddeċiedu fuq din it-talba, jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq id-dritt nazzjonali jekk qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.