KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-8 ta’ Lulju 2010 1(1)

Kawża C‑484/07

Fatma Pehlivan

vs

Staatssecretaris van Justitie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank s’‑Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru”





1.        Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għal darb’oħra qed tintalab tinterpreta d-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”) (2). Il-kwistjoni partikolari f’din il-kawża tirrigwarda l-istatus ta’ bint ħaddiem Tork li kienet awtorizzata tingħaqad miegħu, u li fil-fatt ingħaqdet miegħu, fi Stat Membru skont l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni. Qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin, liema skadenza tista’ toħloq drittijiet ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, hija żżewġet ċittadin Tork fit-Turkija, iżda baqgħet tgħix “taħt l-istess saqaf” mal-ħaddiem u martu fil-Pajjiżi l-Baxxi matul dak il-perijodu. L-awtoritajiet nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru ppruvaw jirrevokaw id-dritt ta’ residenza tagħha. Huma jargumentaw li, minħabba ż-żwieġ tagħha, hija ma baqgħetx iktar membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork għall-finijiet ta’ dak l-artikolu u li b’hekk tilfet id-dritt tagħha li tibqa’ fl-Istat Membru ospitanti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija

2.        Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija (3) (iktar ’il quddiem “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) ġie konkluż fl-1963.

3.        L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (4) huwa fformulat skont kif ġej:

“Fl-oqsma koperti minn dan il-Protokoll it-Turkija ma għandhiex tirċievi trattament iktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil xulxin skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.        Il-Kapitolu II tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa intitolat “Dispożizzjonijiet soċjali”. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu hija intitolata “Kwistjonijiet dwar l-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”. Din tiġbor fi ħdanha l-Artikoli 6 sa 16 tad-deċiżjoni.

5.        L-Artikolu 6(1) u (2) jipprovdi:

“(1) Suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għal xogħol għal membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork, li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–        għandu dritt, f’dak l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg skont il-liġi, għat-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu sabiex jaħdem għall-istess persuna li timpjega, jekk din għandha xogħol x’toffri;

–        għandu d-dritt, f’dak l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg skont il-liġi u suġġett għall-prijorità li tingħata lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità, li jirrispondi għall-offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ persuna li timpjega tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali, irreġistrata mas-servizzi ta’ xogħol ta’ dak l-Istat Membru;

–        wara erba’ snin ta’ impjieg skont il-liġi, jibbenefika, f’dak l-Istat Membru, minn aċċess liberu għall-attivitajiet kollha bi ħlas tal-għażla tiegħu.

(2) Vaganzi annwali u assenzi għal raġunijiet ta’ maternità jew inċident fuq ix-xogħol jew perijodi qosra ta’ mard għandhom jiġu ttrattati bħala perijodi ta’ impjieg skont il-liġi. Perijodi ta’ qgħad involontarju debitament iċċertifikat mill-awtoritajiet rilevanti u assenzi twal minħabba mard ma għandhomx jitqiesu bħala perijodi ta’ impjieg legali, iżda ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet akkwistati bħala riżultat tal-perijodu ta’ impjieg preċedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.        L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jiddikjara:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu:

–        għandhom ikunu intitolati – bla ħsara għall-prijorità mogħtija lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità – sabiex jirrispondu għal kwalunkwe offerta ta’ impjieg wara li jkunu ilhom residenti legalment għal ta’ mill-inqas tliet snin f’dak l-Istat Membru;

–        għandhom igawdu aċċess liberu għal kwalunkwe impjieg bi ħlas li jagħżlu huma kemm-il darba jkun ilhom residenti hemmhekk legalment għal mill-inqas ħames snin.

It-tfal ta’ ħaddiema Torok li jkunu kkompletaw kors ta’ taħriġ vokazzjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu jirrispondu għal kwalunkwe offerta ta’ impjieg hemmhekk, irrispettivament mit-tul ta’ żmien li jkun ilhom residenti f’dak l-Istat Membru, kemm-il darba wieħed mill-ġenituri tagħhom ikun ilu impjegat legalment fl-Istat Membru kkonċernat għal ta’ mill-inqas tliet snin.”

7.        L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima għandhom ikunu applikabbli ħlief għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt nazzjonali

8.        Il-Wet van 23 november 2000 tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet (Liġi tat-23 ta’ Novembru 2000 li tipprovdi għal reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin) (iktar ’il quddiem “il-Vw 2000”) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2001.

9.        Fl-istess data, il-Vreemdelingenbesluit (Digriet dwar Ċittadini Barranin) 2000 (iktar ’il quddiem “il-Vb 2000”) u l-Voorschrift Vreemdelingen (Regolament dwar Ċittadini Barranin) ukoll daħlu fis-seħħ. Fil-Vreemdelingencirculaire (Linji gwida dwar l-Implementazzjoni tal-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin) 2000 (iktar ’il quddiem “il-Vc 2000”), l-iStaatssecretaris van Justitie (Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja), il-konvenut fil-kawża prinċipali, spjega l-mod kif kien beħsiebu juża s-setgħat mogħtija lilu mill-Vw 2000 u l-Vb 2000.

10.      Permezz tal-Artikolu 14(1) tal-Vw 2000, l-awtoritajiet nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom is-setgħa, b’mod partikolari, li japprovaw u jiċħdu applikazzjonijiet għall-għoti u l-estensjoni ta’ permessi ta’ residenza għal terminu fiss minn ċittadini barranin u li jemendaw dawn il-permessi. L-Artikolu 14(2) jippermetti li dawn il-permessi jinħarġu suġġetti għal restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet.

11.      L-Artikolu 18(1) tal-Vw 2000 jipprovdi li applikazzjoni għall-estensjoni ta’ permess ta’ residenza b’terminu fiss tista’ tiġi miċħuda għal diversi raġunijiet. Dawn jinkludu każijiet fejn (1) l-applikant ikun issottometta informazzjoni skorretta jew ikun ħeba informazzjoni li kienet twassal għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni oriġinali għall-għoti jew għall-estensjoni ta’ permess u (2) l-applikant naqas milli jikkonforma ma’ restrizzjoni li għaliha kien suġġett l-għoti tal-permess jew ma’ kundizzjoni marbuta miegħu.

12.      L-Artikolu 19 tal-Vw 2000 jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali li jirtiraw permess ta’ residenza għal ċerti raġunijiet li kienu jippermettu li applikazzjoni għall-estensjoni tal-permess tiġi miċħuda. Dawn jinkludu l-kwistjonijiet imsemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq.

13.      L-Artikolu 3.51(1)(a) tal-Vb 2000 jipprovdi li permess ta’ residenza għal terminu fiss suġġett għal restrizzjoni relatata ma’ residenza kontinwa jista’ jingħata lil ċittadin barrani li jkun għex fil-Pajjiżi l-Baxxi għal tliet snin bħala d-detentur ta’ permess ta’ residenza, suġġett għar-restrizzjoni relatata mar-riunifikazzjoni ta’ familja ma’ persuna li jkollha dritt ta’ residenza permanenti.

14.      Il-linji gwida stipulati fil-Vc 2000 jinkludu dispożizzjonijiet intiżi sabiex jirregolaw il-mod kif l-awtoritajiet Olandiżi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-parti B11/3.5 tal-Vc 2000, fil-verżjoni li kienet tapplika fiż-żmien tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet ifformulata skont kif ġej:

“[…] ‘membri tal-familja’: ir-raġel/mara tal-ħaddiem/a Tork/a u l-qraba tagħhom mid-demm fil-linja dixxendenti taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti fuqhom, flimkien mal-qraba mid-demm fil-linja axxendenti ta’ dak/dik il-ħaddiem/a u l-mara/raġel tiegħu/tagħha li jkunu dipendenti fuqhom […]

‘legalment residenti’: dan it-terminu jippresupponi li l-membru tal-familja attwalment ikun għex mal-ħaddiem Tork għal perijodu kontinwu ta’ tliet snin jew ħamsa […] Meta jiġi kkalkulat dan il-perijodu, madankollu, għandha ssir konċessjoni għal interruzzjonijiet qosra fil-koabitazzjoni mingħajr l-intenzjoni li tiġi abbandunata tali koabitazzjoni. Eżempju jista’ jkun assenza mir-residenza komunali għal perijodu raġonevoli li għaliha jkun hemm raġunijiet validi jew żjara ta’ inqas minn sitt xhur mill-persuna kkonċernata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha […]”

15.      Il-Parti B2/8.3 tal-Vc 2000, fil-forma li kienet tapplika fiż-żmien tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kienet tipprovdi skont kif ġej:

“Permess ta’ residenza ma għandux jingħata jekk it-tifel/tifla li jkun/tkun maġġorenni, de facto ma jifformax/tifformax jew, fil-pajjiż ta’ oriġini, ma kienx/kinitx diġà jifforma/tifforma parti mill-familja tal-ġenitur. ‘De facto ma jifformax/tifformax parti mill-familja’ tfisser li:

–        ir-rabta tal-familja kienet diġà teżisti fil-pajjiż barrani;

–        hemm dipendenza morali u finanzjarja fuq il-ġenitur, li diġà kienet teżisti fil-pajjiż barrani; u

–        iċ-ċittadin barrani irid ikun sejjer jirrisjedi mal-ġenitur(i).

Tfal li jkunu laħqu l-età ta’ maġġorenni fil-fatt ma jibqgħux jifformaw parti mill-familja jekk ir-relazzjoni attwali tal-familja tista’ titqies li tkissret. Dan huwa dejjem il-każ f’waħda jew iktar miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

[…]

–        iċ-ċittadin barrani jifforma familja separata billi jidħol fi żwieġ jew f’relazzjoni;

–        iċ-ċittadin barrani jkun responsabbli għal jew ikollu l-kustodja ta’ tifel/tifla leġittimu/a jew illeġittimu/a, tifel/tifla taħt fostering jew adottat/a jew membri tal-familja dipendenti oħrajn”.

16.      Fir-rigward tad-dritt ta’ residenza ta’ membru tal-familja li jkun lesta l-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Parti B11/3.5.1 tal-Vc 2000 kienet tipprovdi:

“[…] aċċess liberu għas-suq tax-xogħol kif imsemmi fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa diġà applikabbli wara tliet snin ta’ residenza legali. Din ir-regola iktar favorevoli għall-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork tiddevja mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Din ir-regola iktar favorevoli għandha tiġi applikata f’kull ħin.

[…]

Skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ebda kundizzjoni ulterjuri ma għandha tiġi imposta fuq ir-residenza ta’ membri tal-familja wara tliet snin ta’ residenza legali. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17.      F. Pehlivan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, twieldet fis-7 ta’ Awwissu 1979 u hija ta’ nazzjonalità Torka. Hija daħlet fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-11 ta’ Mejju 1999. B’effett mid-9 ta’ Awwissu 1999, l-iStaatssecretaris van Justitie taha permess ta’ residenza normali għal terminu fiss bit-timbru “riunifikazzjoni tal-familja estiża mal-ġenituri”. Dan il-permess ġie pprorgat l-aħħar sal-24 ta’ Lulju 2003.

18.      Fit-22 ta’ Diċembru 2000, F. Pehlivan iżżewġet fit-Turkija lil Ekrem Pehlivan, ċittadin Tork. Twieled tifel fit-30 ta’ Marzu 2002. Għalkemm jidher li kienet meħtieġa tinnotifika ż-żwieġ lill-awtoritajiet Olandiżi fid-data meta seħħ, jew ftit wara, hija fil-fatt għamlet dan mhux qabel it-3 ta’ Mejju 2002.

19.      Ftit qabel it-twelid ta’ binha, fid-19 ta’ Marzu 2002, F. Pehlivan ippreżentat rikors għal bidla tat-timbru fuq il-permess tar-residenza tagħha, bil-għan li t-timbru jinbidel għal “residenza kontinwa”. B’deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2003 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni inkwistjoni”), l-iStaatssecretaris van Justitie rtira l-permess ta’ residenza ta’ F. Pehlivan u, fl-istess ħin, ċaħad l-applikazzjoni għall-bidla fit-timbru.

20.      Ir-raġuni mogħtija għad-deċiżjoni sabiex jiġi rrevokat il-permess ta’ residenza kienet li r-rabta familjari attwali kienet ġiet miksura bħala riżultat taż-żwieġ ta’ F. Pehlivan fit-22 ta’ Diċembru 2000. L-irtirar kien retrospettiv, b’effett minn din id-data.

21.      Mit-12 ta’ Awwissu 1999 sal-1 ta’ April 2005 (5), F. Pehlivan għexet mal-ġenituri tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija kompliet tagħmel dan minkejja ż-żwieġ tagħha. Skont dikjarazzjoni li saret minn F. Pehlivan lil kummissjoni uffiċjali f’dak il-pajjiż, żewġha ġie fil-Pajjiżi l-Baxxi u għex magħha u mal-ġenituri tagħha għal disa’ xhur minn Ġunju 2002. Huwa ġie ddeportat wara li ġiet miċħuda l-applikazzjoni tiegħu għal residenza. B’sentenza ta’ qorti Torka tal-10 ta’ Frar 2004, iż-żwieġ ġie xolt.

22.      Peress li ma kinitx sodisfatta bid-deċiżjoni li jiġi rrevokat il-permess ta’ residenza tagħha u li tiġi miċħuda l-applikazzjoni tagħha għal bidla fit-timbru assoċjat ma’ dan il-permess, F. Pehlivan oġġezzjonat għad-deċiżjoni inkwistjoni fis-7 ta’ Novembru 2003. B’deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2005, l-iStaatssecretaris van Justitie ċaħad din l-oġġezzjoni.

23.      Fid-29 ta’ Diċembru 2005, F. Pehlivan ikkontestat din l-aħħar deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank s’-Gravenhage (Qorti Distrettwali, Den Haag).

24.      Peress li kienet tal-fehma li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kienet meħtieġa sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1a      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1) tad-(Deċiżjoni Nru 1/80) għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika meta membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork ikun effettivament għex ma’ dan il-ħaddiem għal tliet snin mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu kkontestaw id-dritt ta’ residenza tiegħu matul dan il-perijodu ta’ tliet snin?

1b      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1) tad-(Deċiżjoni Nru 1/80) jipprekludi li matul dawn it-tliet snin Stat Membru jkun jista’ jiddeċiedi li jekk il-membru tal-familja li jkun tħalla jidħol fit-territorju jiżżewweġ, ma jibqax jibbenefika mid-drittijiet taħt din id-dispożizzjoni, anki jekk huwa jibqa’ jgħix mal-ħaddiem Tork?

2      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1), jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra u/jew prinċipju tad-dritt Komunitarju jipprekludi li, wara li jiskadu t-tliet snin, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkontestaw, retroattivament, id-dritt ta’ residenza tal-barrani billi jibbażaw irwieħhom fuq il-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja u/jew il-legalità tar-residenza tiegħu matul dawn it-tliet snin?

3a      Il-fatt li barrani, intenzjonalment jew le, naqas milli jressaq provi li d-dritt nazzjonali jqis li huma importanti għall-finijiet tad-dritt ta’ residenza tiegħu, huwa rilevanti għar-risposta għad-domandi preċedenti, u jekk dan huwa l-każ, b’liema mod?

3b      Il-fatt li dawn il-provi ġew magħrufa matul il-perijodu ta’ tliet snin jew biss wara li skada dan il-perijodu, huwa rilevanti? F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, ladarba informati, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom iwettqu analiżi (fil-fond) qabel ma jieħdu deċiżjoni. Jekk dan huwa l-każ, b’liema mod?”

25.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn F. Pehlivan, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Italja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, u mill-Kummissjoni Ewropea. F. Pehlivan, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul is-seduta li saret fil-15 ta’ April 2010.

 Evalwazzjoni

26.      Id-domandi magħmula jqajmu numru ta’ punti. L-iktar importanti fosthom hija dik li tinsab fid-domanda 1b, li tirrigwarda l-kwistjoni sostantiva tal-impatt ta’ żwieġ fuq id-dritt ta’ residenza ta’ persuna taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 7”). L-ewwel nett ser nirrispondi għal din l-ewwel domanda. Imbagħad ser nanalizza d-domandi 1a u 2, li jirrigwardaw id-dritt ta’ Stat Membru li jikkontesta drittijiet allegatament akkwistati taħt dan l-artikolu u li għandhom jiġu indirizzati flimkien. Peress li d-domandi 3a u 3b jirrigwardaw kwistjonijiet li jiddependu fuq ir-risposti għad-domandi l-oħrajn, ser nindirizzhom fl-aħħar.

 Domanda 1b

27.      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali essenzjalment qed tikkontesta l-validità ta’ regola nazzjonali li tipprovdi li, jekk persuna, bħal F. Pehlivan, li tidħol fi Stat Membru legalment u tkun residenti hemmhekk skont l-Artikolu 7, tiżżewweġ fil-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, dik il-persuna ma tibqax intitolata tgawdi d-drittijiet li jirriżultaw minnu.

28.      Kull wieħed mill-Istati Membri li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jargumenta li tali regola nazzjonali hija valida. Fil-fehma tagħhom, id-deċiżjoni inkwistjoni, li permezz tagħha d-dritt ta’ residenza ta’ F. Pehlivan fil-Pajjiżi l-Baxxi ġie tterminat minħabba ż-żwieġ tagħha, kienet perfettament leġittima. Minn naħa tagħhom, F. Pehlivan u l-Kummissjoni jsostnu li d-deċiżjoni ma kellhiex tinħareġ u li d-dritt ta’ residenza ta’ F. Pehlivan għandu jkompli jibqa’ fis-seħħ, mingħajr ma jkun affettwat miż-żwieġ tagħha. F. Pehlivan iddikjarat fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub kif ukoll fis-seduta li hija ma ħbiet l-ebda informazzjoni mill-awtoritajiet b’mod frawdolenti jew diżonest.

 Osservazzjonijiet preliminari

29.      Fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat il-kuntest li fih ġie adottat l-Artikolu 7.

30.      L-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi l-għan tiegħu. Dan jipprovdi li l-għan tal-ftehim huwa li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tal-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti. Permezz tal-Artikolu 12 tal-ftehim, il-partijiet kontraenti jaqblu li jkunu marbuta bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema stipulati f’dawk li issa huma l-Artikoli 45 TFUE, 46 TFUE u 47 TFUE.

31.      Id-Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (6) stabbilixxiet numru ta’ miżuri intiżi sabiex jimplementaw id-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. B’mod partikolari, l-Artikolu 2 ta lill-ħaddiema Torok impjegati fi Stat Membru ċerti drittijiet limitati ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol f’dak l-Istat wara perijodu ta’ tlett snin ta’ impjieg legali hemmhekk. Wara impjieg għal ħames snin, dawk il-ħaddiema kienu intitolati għal aċċess liberu f’dak l-Istat Membru għal kwalunkwe impjieg bi ħlas li huma jagħżlu. L-Artikolu 3 stabbilixxa li t-tfal Torok li kienu qed “jirrisjedu legalment” mal-ġenituri tagħhom f’dak l-Istat kellhom jingħataw aċċess hemmhekk għal korsijiet ġenerali ta’ edukazzjoni. Madankollu, ma ngħataw ebda dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru fejn kien qed jaħdem il-ġenitur tagħhom.

32.      Id-Deċiżjoni Nru 2/76 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni Nru 1/80. It-tielet premessa għal din l-aħħar deċiżjoni tindika li ġie meqjus “neċessarju sabiex jittejjeb it-trattament mogħti [lil] ħaddiema u l-membri tal-familji tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fir-rigward tal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 2/76.

33.      Permezz tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 ġew estiżi. B’mod partikolari, ħaddiem Tork “li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru” ngħata grad ta’ sigurtà fl-impjieg wara sena impjieg legali, fil-forma tad-dritt li jiġġeddidlu l-permess sabiex jaħdem mal-istess sid ix-xogħol jekk l-impjieg ikun disponibbli. Il-perijodu ta’ ħames snin ta’ impjieg legali wara li dak il-ħaddiem kien preċedentement intitolat għal aċċess liberu fl-Istat Membru għal impjieg bi ħlas tal-għażla tiegħu taħt id-Deċiżjoni Nru 2/76 ġie mnaqqas għal wieħed ta’ erba’ snin.

 Artikolu 7

34.      Permezz tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li t-termini tiegħu jinsabu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet dwar il-membri tal-familja tal-ħaddiem Tork ġew estiżi b’mod sinjifikattiv. B’mod partikolari, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li huwa legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, li kienu awtorizzati biex jingħaqdu miegħu, għandhom ikunu intitolati għal aċċess limitat għas-suq tax-xogħol f’dak il-pajjiż wara li jkunu ilhom residenti legalment għal mill-inqas tliet snin. Wara li jkunu ilhom residenti legalment għal mill-inqas ħames snin, huma għandhom igawdu aċċess ħieles għal kwalunkwe impjieg bi ħlas li jagħżlu huma. Il-motivi tal-politika soċjali li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 7 huma ċari. Billi jipprovdi li ħaddiem Tork li juża d-drittijiet disponibbli taħt l-Artikolu 6 jistgħu jingħaqdu miegħu l-membri tal-familja tiegħu, il-preżenza ta’ dak il-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti tiġi arrikkita. Ir-riżultat ikun ta’ benefiċċju kemm għall-ħaddiem (f’termini tat-titjib fil-kwalità tal-ħajja tiegħu) kif ukoll għall-Istat ospitanti (f’termini ta’ forza tax-xogħol iktar stabbli). Il-biċċa l-kbira tal-politika soċjali tal-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq tali kunsiderazzjonijiet ta’ vantaġġ reċiproku.

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 f’numru ta’ okkażjonijiet u stabbilixxiet diversi prinċipji ġenerali rilevanti għall-membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 7 għandu jingħata effett dirett fl-Istati Membri, bir-riżultat li ċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet taħtu jistgħu jinvokaw direttament id-drittijiet li jagħtihom (7). Minn dan jirriżulta li drittijiet disponibbli lill-membri tal-familja huma drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, iktar milli drittijiet taħt id-dritt nazzjonali li f’xi stadju futur jistgħu jsiru drittijiet “Ewropej”. Dan jinkludi d-dritt ta’ residenza tal-membru tal-familja, ladarba jkun ġie awtorizzat jidħol fl-Istat Membru ospitanti, sakemm jiġu akkwistati d-drittijiet ta’ impjieg taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7. B’hekk, il-kwistjoni ta’ liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu marbuta ma’ dawn id-drittijiet hija waħda li għandha tiġi ddeterminata bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mhux tad-dritt nazzjonali.

36.      Fit-tieni lok, id-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tagħtix definizzjoni ta’ “membru tal-familja” ta’ ħaddiem Tork. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-kunċett ta’ “membru tal-familja” għandu jiġi interpretat b’mod uniformi f’livell Komunitarju sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri (8). Dan huwa riżultat inevitabbli tal-fatt li l-Artikolu 7 għandu effett dirett.

37.      Fit-tielet lok, ebda dritt ma jinħoloq meta dan ikun ibbażat fuq rappreżentazzjonijiet frawdolenti. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ dritt ta’ residenza allegatament ibbażat fuq żwieġ meta, fil-fatt, iż-żwieġ ikun wieħed ta’ konvenjenza (9). Għandi nenfasizza, madankollu, li ma hemmx kwistjoni ta’ żwieġ ta’ konvenjenza f’din il-kawża.

38.      Fir-raba’ lok, id-deċiżjoni inizjali dwar jekk membru tal-familja għandux jitħalla jidħol u jirrisjedi ma’ ħaddiem Tork fi Stat Membru hija f’idejn dak l-Istat (10). L-Istat ospitanti huwa intitolat li jissuġġetta dak id-dħul u residenza għal ċerti kundizzjonijiet u b’hekk jirregola r-residenza ta’ dik il-persuna sakemm issir intitolata li tirrispondi għal offerta ta’ impjieg (11).

 Il-kundizzjonijiet li Stat Membru jista’ jimponi fir-rigward tad-dritt ta’ residenza matul il-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7.

39.      Liema kundizzjonijiet jista’ jimponi Stat Membru fir-rigward tar-rekwiżit li, sabiex jinħolqu d-drittijiet taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, il-membru tal-familja jrid ikun ilu “residenti legalment” fl-Istat Membru ospitanti għal ta’ mill-inqas tliet snin?

40.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Italja jargumentaw li ma hemmx restrizzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet li Stat Membru jista’ jimponi fuq id-dħul u r-residenza tal-membru tal-familja. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jadotta pożizzjoni iktar ċara. Huwa jaċċetta li jeżistu limitazzjonijiet dwar in-natura tal-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu stipulati. Huwa ma jikkunsidrax, madankollu, li kundizzjoni li tirrigwarda żwieġ, tat-tip imposta fuq F Pehlivan, taqa’ fi ħdan dawk il-limitazzjonijiet.

41.      Jiena għandi opinjoni differenti.

42.      Huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt tal-Istati Membri li jimponu kundizzjonijiet f’dawn iċ-ċirkustanzi ma huwiex mingħajr limitu. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja f’Kadiman, (12) is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri hija waħda “biex jissuġġettaw dak id-dritt ta’ residenza għal kundizzjonijiet ta’ tali tip sabiex jiġi żgurat li l-preżenza tal-membru tal-familja fit-territorju tiegħu hija konformi mal-ispirtu u l-iskop tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (13)

43.      X’inhu l-“ispirtu u l-għan” tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7?

44.      F’termini ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li “jiffavorixxi l-impjieg u r-residenza tal-ħaddiem Tork li jappartjeni lis-suq legali tal-impjieg ta’ Stat Membru filwaqt li jiggarantixxi li jinżammu r-rabtiet tiegħu tal-familja” (14). B’mod simili, hija ddikjarat li “s-sistema stabbilita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 hija intiża sabiex toħloq kundizzjonijiet li jwasslu għall-għaqda tal-familja fl-Istat Membru ospitanti, l-ewwel billi tippermetti lill-membri tal-familja jkunu ma’ ħaddiem immigrant u mbagħad billi tikkonsolida l-pożizzjoni tagħhom billi tagħtihom id-dritt jiksbu impjieg f’dak l-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (15). F’Eyüp (16), hija użat l-espressjoni “għaqda tal-familja de facto fl-Istat Membru ospitanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (17).

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkretizzat dan il-għan billi rreferiet għall-kundizzjonijiet li jippermettu li “l-familja tkun flimkien”, u għar-rekwiżit li “l-għaqda tal-familja, li għaliha l-persuna kkonċernata daħlet fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għandha tidher bil-fatt li matul ċertu perijodu l-wild kien effettivament jirrisjedi f’komunità domestika mal-ħaddiem, u li dan għandu jkun il-każ sakemm il-persuna kkonċernata ma tissodisfax, hija nnfisha, il-kundizzjonijiet sabiex ikollha aċċess għas-suq tax-xogħol f’dan l-Istat” (18). B’mod iktar konċiż, qalet li l-ħaddiem u l-membru tal-familja kkonċernat għandhom “jgħixu taħt l-istess saqaf” (19).[traduzzjoni mhux uffiċjali]

46.      Iż-żwieġ ta’ F. Pehlivan matul il-perijodu ta’ tliet snin inkwistjoni jaffettwa l-pożizzjoni tagħha? Fi kliem ieħor, jista’ jingħad li hija ma baqgħetx iktar waħda mill-“membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork” minħabba dak l-att, u b’hekk tilfet kwalunkwe dritt li seta’ kellha? Jiena tal-opinjoni li huwa żbaljat li wieħed jaħseb li tista’ tingħata risposta għal din id-domanda fil-forma ta’ sempliċi “iva” jew “le”. Il-vera domanda ma hijiex jekk il-persuna kkonċernata żżewġitx. Jiena nissuġġerixxi li ma jistax ikun hemm ebda preżunzjoni inkonfutabbli li ż-żwieġ inevitabbilment iwassal sabiex jintilfu d-drittijiet taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7. Għall-kuntrarju, id-domanda li għandha tkun magħmula hija “iż-żwieġ wassal biex jintilfu r-rabtiet tal-familja mal-ħaddiem Tork?”

47.      Jiena tal-opinjoni, li huwa żbaljat li wieħed jikkunsidra li d-domanda tista’ tingħata risposta sempliċi permezz ta’ “iva” jew “le”. Id-domanda vera ma hijiex: “Il-persuna kkonċernata żżewġet?”. Fil-fehma tiegħi, ma jistax ikun hemm preżunzjoni inkonfutabbli li ż-żwieġ iwassal b’mod inevitabbli għat-telf tad-drittijiet taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7. Id-domanda hija pjuttost din: “Iż-żwieġ wassal għal ksur tar-rabtiet familjari mal-ħaddiem Tork?”

48.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa għalkollox possibbli li r-rabtiet tal-familja jinżammu wara żwieġ. Wara kollox, il-fatt huwa li numru sinjifikattiv ta’ koppji jgħixu mal-familji tagħhom wara li jiżżewġu. Ma hijiex xi ħaġa rari li tliet ġenerazzjonijiet jew saħansitra erba’ jgħixu taħt l-istess saqaf. Kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward aktarx li ddur maċ-ċirkustanzi soċjali u/jew ekonomiċi tal-persuni kkonċernati. Fil-każ ta’ familji li jkunu qed jippruvaw jistabbilixxu ruħhom f’pajjiż barrani, normalment tkun taħlita ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li tiddetta l-għażla. Ir-rabtiet tal-familja aktarx li jkunu b’saħħithom u ma jkunx hemm wisq flus. Fil-fehma tiegħi, ma jista’ jkun hemm ebda regola vinkolanti dwar x’jikkostitwixxi familja separata. Hija kwistjoni ta’ fatt, li għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ każ b’każ, jekk ir-rabtiet tal-familja jinżammux wara ż-żwieġ. Il-fatturi rilevanti kollha għandhom jiġu mwieżna.

49.      Għalkemm finalment hija kwistjoni li għandha tiġi riżolta mill-qorti nazzjonali, ma hemm xejn fit-talba għal deċiżjoni preliminari li tissuġġerixxi li, fil-każ ta’ F. Pehlivan, ir-rabtiet tal-familja ma nżammux. Id-digriet tar-rinviju jgħid li hija daħlet fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-11 ta’ Mejju 1999 u għexet mal-ġenituri tagħha hemmhekk mit-12 ta’ Awwissu 1999. Għalkemm hija żżewġet fit-Turkija fit-22 ta’ Diċembru 2000 u żewġha għex magħha fid-dar tal-ġenituri tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa għamel hekk biss għal perijodu ta’ disa’ xhur (minn Ġunju 2002) qabel ma ġie ddeportat. Sena wara, fl-10 ta’ Frar 2004, iż-żwieġ ġie xolt. F. Pehlivan kompliet tgħix mal-ġenituri tagħha (f’diversi indirizzi) sal-1 ta’ April 2005 (20), meta hija u binha marru jgħixu post ieħor. F. Pehlivan f’ebda stadju ma waqqfet tgħix taħt l-istess saqaf mal-ġenituri tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perijodu ta’ tliet snin għall-akkwist ta’ drittijiet taħt l-Artikolu 7.

50.      Jidhirli li l-approċċ li jiena nipproponi huwa rifless fil-ġurisprudenza rilevanti. Il-kawża Eyüp, bħal din il-kawża, kienet tirrigwarda l-effett ta’ żwieġ fuq drittijiet taħt l-Artikolu 7 (21). Din il-kawża kienet tinvolvi l-mara ta’ ħaddiem Tork li kien legalment irreġistrat fis-suq tax-xogħol Awstrijak. Hija ngħaqdet miegħu f’dak l-Istat Membru. Sentejn wara, il-koppja ddivorzjat, iżda huma baqgħu jgħixu flimkien, kif muri mill-fatt li kellhom erbat itfal flimkien wara s-separazzjoni. Għalkemm sussegwentement reġgħu iżżewġu, huma għamlu dan biss sostanzjalment wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin għall-akkwist ta’ drittijiet taħt l-Artikolu 7. Billi ddeċidiet li l-mara ma kinitx tilfet id-drittijiet tagħha taħt dan l-artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment injorat l-effett tad-divorzju fuq id-dritt tagħha li tibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat. Hija osservat li l-imġiba tal-koppja kienet “b’mod permanenti konformi mal-għan bażiku [tal-Artikolu 7], jiġifieri l-għaqda tal-familja de facto fl-Istat Membru ospitanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (22).

51.      Jekk dan ir-raġunament jiġi applikat għal persuna fis-sitwazzjoni ta’ F. Pehlivan, jiena tal-opinjoni li l-bidla fl-istatus matrimonjali tagħha b’ebda mod ma għandu jaffettwa d-drittijiet tagħha taħt l-Artikolu 7.

52.      Huwa minnu, kif isostni l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, li l-Qorti tal-Ġustizzja f’Eyüp osservat ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma kkontestawx id-dritt ta’ residenza tal-mara matul il-perijodu ta’ koabitazzjoni (23). Madankollu, nifhem li din l-osservazzjoni saret en passant u ma tifformax parti mir-raġunament essenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, li kien ibbażat fuq il-koabitazzjoni kontinwa tal-koppja kkonċernata.

53.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jwassluni sabiex nikkonkludi li kundizzjoni tat-tip imsemmi fid-domanda 1b, fejn l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu awtomatikament jirtiraw id-dritt ta’ residenza ta’ membru tal-familja li jiżżewweġ matul il-perijodu ta’ tliet snin għall-akkwist ta’ drittijiet taħt l-Artikolu 7, ma tistax tiġi imposta validament.

54.      Jeżistu xi kwistjonijiet li jeħtieġu li jiena nikkwalifika din il-fehma jew li niddevja minnha?

55.      Fl-ewwel lok, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li jista’ jkollu jiġi kkunsidrat ir-Regolament Nru 1612/68 (24) għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 (25) jaffettwa r-raġunament li spjegajt iktar ’il fuq?

56.      Ma nemminx li dan huwa l-każ.

57.      Taħt l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, il-membri tal-familja li huma intitolati li “jinstallaw” ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor huma (a) il-mara/raġel tiegħu/tagħha u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti u (b) qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara/raġel tiegħu/tagħha. L-Artikolu 11 jagħti d-dritt għal attività ta’ xogħol bħala persuna impjegata fi Stat Membru fejn ċittadin ta’ Stat Membru ikun qed jaħdem lill-mara/raġel tiegħu/tagħha u lit-tfal “li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti fuqu”. Hekk kif japplika d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Gvern Taljan jargumenta li persuna li għandha 21 sena jew iktar ma għandhiex tkun ikklassifikata bħala membru tal-familja ħlief jekk tkun dipendenti fuq il-ħaddiem inkwistjoni (26).

58.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ir-Regolament Nru 1612/68 meta interpretat l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, hija rrimarkat ukoll li l-użu ta’ dan ir-regolament bħala għajnuna għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 huwa limitat (27). B’mod partikolari, l-Artikolu 10 tar-regolament jipprovdi dritt mingħajr kundizzjoni favur il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE sabiex jistabbilixxu ruħhom ma’ ġenitur li jkun qed jaħdem fi Stat Membru ieħor. B’kuntrast, l-Artikolu 7 jipprovdi biss dritt limitat li jeħtieġ, bħala minimu, li l-awtorizzazzjoni ta’ dħul u residenza tingħata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat ikkonċernat. Waqt li l-Artikolu 11 tar-regolament jippermetti lill-membri tal-familja jidħlu f’relazzjoni ta’ impjieg immedjatament malli jaslu, id-dritt ekwivalenti taħt l-Artikolu 7 huwa limitat bir-rekwiżit li jagħmel perijodu ta’ tliet snin fl-Istat Membru qabel ma jagħmel dan. Il-kuntest ġenerali tar-regoli jista’ jkun simili f’kull każ; il-kuntest partikolari ma huwiex.

59.      Ninnota wkoll li meta l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba f’Diatta sabiex tikkunsidra l-kelma “jinstallaw” taħt l-Artikolu 10 tar-regolament, hija qalet espressament li “rekwiżit li l-familja trid tgħix taħt l-istess saqaf b’mod permanenti ma jistax jiġi implikat [fir-regolament]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (28), waqt li hija preċiżament din il-kundizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja imponiet fil-każ ta’ membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jasserixxi drittijiet taħt l-Artikolu 7. 

60.      B’hekk, jiena tal-opinjoni li d-diverġenza bejn il-formulazzjoni, l-għanijiet u l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68 u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija tali li ebda gwida utli ma tista’ tiġi dderivata minn din tal-ewwel dwar l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar f’dan il-każ.

61.      Fit-tieni lok, il-Gvern Taljan jargumenta li jekk l-Artikolu 7 jiġi interpretat b’tali mod li ma jirriflettix b’mod preċiż id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1612/68, dan jagħti trattament iktar favorevoli lil dawk li jibbenefikaw taħt l-Artikolu 7 milli lill-kontropartijiet tagħhom mill-Unjoni Ewropea. Tali riżultat huwa prekluż mill-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

62.      Ma naqbilx ma’ din il-perspettiva.

63.      Huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv. Iktar milli wieħed iħares lejn l-ekwivalenza preċiża f’termini tad-drittijiet mogħtija lil ċittadini Torok u dawk mogħtija lil dawk tal-Unjoni, jeħtieġ li titqies l-istampa ġenerali (29). Id-drittijiet ta’ dawn tal-ewwel taħt id-Deċiżjoni Nru 1/80 huma f’bosta modi iktar ristretti minn dawk disponibbli lil dawn tal-aħħar taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali (30). Meta wieħed jaraha minn din il-perspettiva, ma jidhirlix li jekk l-Artikolu 7 jiġi interpretat fil-mod kif nipproponi, dan ser jirriżulta fi ksur tal-Artikolu 59.

64.      Fit-tielet lok, il-Gvern Olandiż jirreferi għad-Direttiva 2003/86 (31). Huwa josserva li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2)(b) u tal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-membri tal-familja jidħlu u jirrisjedu fit-territorju tagħhom, ma jestendux għat-tfal miżżewġin tal-isponsor (32). Huwa jargumenta li dan ifisser li l-leġiżlatur, meta adotta din id-direttiva, u, b’estensjoni, b’mod ġenerali, huwa tal-fehma li l-kunċett ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma għandux japplika għat-tfal miżżewġin.

65.      Għal darb’oħra, ma nista’ nsib ebda gwida utli fid-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni Komunitarja. Peress li tittratta l-eżerċizzju tad-dritt ġenerali għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-territorju tal-Istati Membri (33), il-portata tagħha hija ferm ikbar minn dik tal-Artikolu 7. Għalhekk huwa mistenni li l-applikazzjoni tiegħu tkun iktar ristretta. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(4) tad-direttiva jiddikjara espressament li huwa mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli ta’, fost l-oħrajn, “ftehim bilaterali […] bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-waħda, u pajjiżi terzi, fuq l-oħra”. Tali ftehim bilaterali naturalment jinkludi l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u d-Deċiżjoni Nru 1/80. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar huma iktar favorevoli, dawn għandhom jipprevalu.

66.      Fir-raba’ lok, il-konklużjoni tiegħi hija affettwata mill-fatt li, kif jirrimarka l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ir-rekwiżit li l-partijiet jgħixu taħt l-istess saqaf b’mod li jippermetti xi eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ koabitazzjoni attwali fl-istess post?

67.      Ma naħsibx.

68.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet f’Kadiman (34) li ċirkustanzi oġġettivi bħad-distanza tal-membru tal-familja mix-xogħol jew taħriġ vokazzjonali jistgħu jiġġustifikaw in-nuqqas li jkun jgħix taħt l-istess saqaf  (35). Madankollu, ma nikkunsidrax li dan jirrappreżenta devjazzjoni mir-rekwiżit li, sa fejn ikun possibbli u prattikabbli, ikun hemm koabitazzjoni attwali. Minflok, ninterpretah bħala indikazzjoni tal-portata tal-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn il-kunċett. Fi kliem ieħor, fejn ikun xieraq, l-enfasi għandha tkun fuq l-ispirtu iktar milli fuq l-ittra ta’ dak ir-rekwiżit.

69.      Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza ser nindirizza l-kwistjoni dwar liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu imposti minn Stat Membru sabiex membru tal-familja jkun “residenti legalment” għall-finijiet tal-Artikolu 7. B’risposta għal domanda li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, il-Kummissjoni donnha argumentat li, ladarba tkun ittieħdet id-deċiżjoni sabiex jiġi awtorizzat id-dħul, l-unika kundizzjoni (apparti kundizzjoni purament amministrattiva) li Stat ospitanti jista’ jimponi fir-rigward tal-kunċett ta’ residenza legali hija dik tal-koabitazzjoni

70.      Ma naqbilx.

71.      Huwa, naturalment, ċar li l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li l-membru tal-familja jgħix taħt l-istess saqaf bħall-ħaddiem Tork li miegħu jkun ġie biex jingħaqad. Din hija l-kundizzjoni sostantiva evidenti li tista’ tiġi imposta u hija riżultat inevitabbli tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward (36). Peress li d-dritt ta’ impjieg taħt l-Artikolu 7 jinħoloq biss fit-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin, l-awtoritajiet nazzjonali jista’ jkollhom ukoll il-fakultà li jimponu l-kundizzjoni sostantiva li, matul il-perijodu ta’ kwalifikazzjoni, ma jittiħidx impjieg.

72.      Minn dan isegwi li Stat Membru jista’ jeħtieġ li membru tal-familja jikkonforma mal-kundizzjonijiet amministrattivi intiżi biex jiġi ssorveljat u vverifikat li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet sostantivi huma sodisfatti: kemm li jkun hemm koabitazzjoni kif ukoll li l-membru tal-familja, fil-fatt, ma huwiex jaħdem. Jidhirli wkoll li l-Istat ospitanti għandu l-fakultà li jivverifika f’intervalli xierqa li r-raġunijiet li għalihom tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni għad-dħul u r-residenza fl-ewwel lok tabilħaqq kienu sodisfatti u għadhom sodisfatti. Fil-każ ta’ persuna li titħalla tidħol fl-Istat ospitanti fuq il-bażi li huwa (jew hija) ser jingħaqad (tingħaqad) mal-mara/raġel hemmhekk; (li, naturalment mhijiex is-sitwazzjoni f’din il-kawża) fil-fehma tiegħi jkun f’loku jekk dak l-Istat jimponi kundizzjonijiet intiżi li jistabbilixxu li ż-żwieġ ma kienx purament wieħed ta’ konvenjenza (37). Kundizzjoni amministrattiva li teħtieġ reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti mal-wasla u tiġdid kontinwu ta’ din ir-reġistrazzjoni lanqas ma tkun barra minn lokha. Kundizzjoni li teħtieġ li l-membru tal-familja jġedded il-permess ta’ residenza tiegħu malli jiskadi b’mod ċar tkun f’lokha.

73.      Jidhirli wkoll li jkun f’loku li Stat Membru jimponi dik li nista’ nsejjaħ “kundizzjoni ta’ ordni pubblika” li l-membri tal-familja jridu jikkonformaw mar-regoli relatati mal-politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika matul ir-residenza tagħhom. Dan jirrifletti l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima I tad-deċiżjoni għandhom jiġu applikati “ħlief għal limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għad-domanda 1b hija li l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jistipula fil-perijodu ta’ tliet snin stabbilit f’din id-dispożizzjoni li, jekk il-membru tal-familja li jkun tħalla jidħol jiżżewweġ, ebda dritt ulterjuri ma jiġi akkwistat taħt din id-dispożizzjoni, anki jekk il-membru tal-familja jkompli jgħix mal-ħaddiem Tork.

 Domandi 1a u 2

75.      Ir-risposta li nipproponi għad-domanda 1b hija fiha nnifisha suffiċjenti sabiex tippermetti lill-qorti nazzjonali tindirizza d-dritt ta’ residenza ta’ F. Pehlivan fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nindirizza wkoll id-domandi 1a u 2.

76.      Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti nazzjonali essenzjalment qed tistaqsi jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħux jikkontestaw id-dritt ta’ residenza allegatament akkwistat taħt l-Artikolu 7 ladarba jkun skada l-perijodu ta’ tliet snin għall-akkwist tad-drittijiet taħt dan l-artikolu.

 Il-pożizzjoni qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7.

77.      Id-domandi 1a u 2 iqajmu biss indirettament il-kwistjoni taċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru ospitanti jista’ jkeċċi lil membru tal-familja li jkun ġie awtorizzat jidħol fi Stat ospitanti bħala membru tal-familja, iżda jkun għadu ma akkwistax drittijiet taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7. Il-kwistjoni kienet, madankollu, diskussa b’mod estensiv kemm fin-noti tal-osservazzjonijiet ta’ F. Pehlivan kif ukoll fis-seduta. Għaldaqstant ser nindirizzha fil-qosor.

78.      Hawnhekk, għal darb’oħra, l-argumenti kienu polarizzati. Meta ġiet mistoqsija tikkjarifika l-pożizzjoni tagħha fis-seduta, il-Kummissjoni ddikjarat li, ladarba membru tal-familja jkun ġie awtorizzat jidħol fi Stat Membru taħt l-Artikolu 7, ma hemm l-ebda ċirkustanza fejn l-Istat Membru jista’ jkeċċih. L-unika sanzjoni li tista’ tiġi imposta hija waħda ta’ natura amministrattiva. Il-Gvernijiet tal-Istati Membri huma tal-fehma opposta, u jsostnu li kwalunkwe ksur tal-kundizzjonijiet imposti validament mill-Istat ospitanti jista’ jwassal għal tkeċċija.

79.      Ma nista’ naqbel ma ebda waħda minn dawn il-pożizzjonijiet.

80.      Fil-punti 71 sa 73 iktar ’il fuq, jiena speċifikajt il-kundizzjonijiet li nikkunsidra li Stat ospitanti jista’ jimponi validament. Jiena qsamt dawn fi tliet kategoriji: sostantivi, amministrattivi u ta’ ordni pubblika.

81.      Ma nara ebda raġuni valida għalfejn Stat Membru ma għandux ikeċċi membru tal-familja li sempliċement u irrevokabbilment ikun kiser kundizzjoni sostantiva. Tali persuna tkun uriet b’mod ċar li ma hijiex kapaċi tonora l-impenji tagħha li fuqhom ikun ibbażat id-dritt ta’ residenza. Dan huwa, madankollu, suġġett għall-kundizzjoni li jkunu osservati r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (38). Ġie sottomess f’isem F. Pehlivan li espulsjoni bi ksur ta’ dik il-linja tal-ġurisprudenza ma tistax tkun valida. Naqbel.

82.      Fil-każ ta’ kundizzjonijiet amministrattivi, kwalunkwe miżura relatata ma’ ksur trid tkun proporzjonata. B’hekk, f’Ergat (39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “b’[konnessjoni mas-setgħa tal-Istati Membri li jimponu sanzjoni għal ksur ta’ obbligi amministrattivi], isegwi minn ġurisprudenza stabbilita dwar is-suġġett tan-nuqqas ta’ konformità mal-formalitajiet meħtieġa sabiex jiġi stabbilit id-dritt ta’ residenza ta’ individwu li jgawdi l-protezzjoni tad-dritt Komunitarju li, waqt li l-Istati Membri huma intitolati li jissoġġettaw in-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet għal sanzjoni komparabbli għal dawk relatati ma’ kontravenzjonijiet inqas serji mwettqa miċ-ċittadini tagħhom stess, ma humiex intitolati jimponu sanzjoni sproporzjonata li toħloq ostaklu għal dak id-dritt ta’ residenza […]”. Hija osservat ukoll li “japplika b’mod partikolari għal sentenza ta’ ħabs u, a fortiori, għad-deportazzjoni, li tinnega d-dritt proprju ta’ residenza mogħti u ggarantit mid-Deċiżjoni Nru 1/80 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

83.      Fir-rigward tal-inosservanza ta’ kundizzjoni ta’ ordni pubblika, għandu japplika l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. It-termini tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatati mal-implementazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandhom jiġu osservati (40). F’dan il-kuntest għandu jiġi osservat ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità. Sabiex dan il-punt jiġi spjegat bl-iktar mod sempliċi, kieku membru tal-familja jinstab ħati ta’ kontravenzjoni relattivament inqas serja għal sewqan b’veloċità eċċessiva, ikun għal kollox sproporzjonat jekk jiġi konsegwentement imkeċċi.

84.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nindirizza wkoll il-kwistjoni taċ-ċertezza legali f’dan l-istadju. Dan il-prinċipju jeħtieġ li r-regoli tal-liġi jkunu ċari, preċiżi u previdibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari fejn jista’ jkollhom konsegwenzi negattivi fuq l-individwi. Il-punt ġie diskuss fit-tul fis-seduta u fi kwalunkwe każ jimmerita risposta.

85.      Għalkemm kienet meħtieġa tagħmel dan immedjatament, F. Pehlivan ma informatx lill-awtoritajiet nazzjonali dwar iż-żwieġ tagħha qabel Mejju 2002, jiġifieri, madwar 16-il xahar wara li seħħ (41).

86.      Hija qalet fis-seduta li, kieku d-dritt tagħha ta’ dħul fil-Pajjiżi l-Baxxi kien ibbażat fuq l-istat matrimonjali tagħha, dan kien jiġi indikat b’mod ċar fuq il-permess ta’ residenza tagħha li nħarġilha mad-dħul. B’hekk kien ikun ċar, impliċitament iżda b’mod neċessarju, li kwalunkwe bidla fl-istatus matrimonjali tagħha kien ikollha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, kif nifhem il-pożizzjoni ta’ F. Pehlivan (u ma nifhimx li xi waħda mill-partijiet l-oħrajn argumentat mod ieħor fis-seduta), is-sinjifikat tal-istatus tagħha bħala persuna mhux miżżewġa bl-ebda mod ma jirriżulta mill-permess ta’ residenza li nħarġilha meta daħlet fil-Pajjiżi l-Baxxi.

87.      Minflok, jidher pjuttost li r-rekwiżit għal F. Pehlivan li tinnotifika l-bidla fl-istatus tagħha kien kwistjoni li kellu jiġi dderivat mill-Vc 2000, u b’mod partikolari mill-Parti B2/8.3 tiegħu (42). Fil-fatt mid-dokument jidher li sitwazzjoni identika tirriżulta meta l-persuna kkonċernata jkollha tarbija, kif kellha F. Pehlivan fil-perijodu ta’ tliet snin inkwistjoni. Il-Vc 2000 huwa dokument voluminuż. Ma jifformax parti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola d-drittijiet ta’ residenza. Fis-seduta, ġie deskritt mill-Gvern Olandiż bħala “dokument amministrattiv” li jagħti gwida dwar il-politika lill-uffiċjali li japplikaw il-liġi. Jidhirli li ma kien hemm l-ebda ħjiel serju li ma kienx ser ikun ferm diffiċli, jekk mhux impossibbli, għal persuna normali bħal F. Pehlivan sabiex taċċessa u tifhem il-kontenut tiegħu.

88.      Jekk dan huwa l-każ, ma nistax nara kif jista’ jiġi ssuġġerit li F. Pehlivan kien imissha rrealizzat li kellha tinnotifika ż-żwieġ tagħha lill-awtoritajiet Olandiżi. In-nuqqas li tiġi informata b’mod ċar li hija kellha obbligu li tagħmel dan imur manifestament kontra r-rekwiżit taċ-ċertezza legali. La jista’ jkun hemm kjarezza u lanqas preċiżjoni fil-kontenut ta’ dokument (il-Vc 2000) li huwa, għal skopijiet prattiċi, inaċċessibbli għal persuna normali fil-pożizzjoni ta’ F. Pehlivan. Il-prinċipju taċ-ċertezza legali b’hekk inkiser f’dan ir-rigward.

 Il-pożizzjoni wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7

89.      Ser nittratta din il-kwistjoni b’mod astratt – abbażi tal-opinjoni li esprimejt, din ma taffettwax il-pożizzjoni ta’ F. Pehlivan. Nassumu li skada l-perijodu ta’ tliet snin imsemmi fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7. Il-membru tal-familja kkonċernat kiser waħda mill-kundizzjonijiet li tapplika għar-residenza tiegħu fil-perijodu inkwistjoni, iżda l-Istat ospitanti jsir jaf bil-ksur biss iktar tard. L-Istat Membru jista’ jieħu azzjoni fir-rigward tal-ksur reatroattivament? B’mod partikolari, l-Istat ospitanti jista’ jkeċċi lill-persuna kkonċernata? Hemm bażi fl-argument li l-Istat Membru qed jaġixxi tard wisq?

90.      Kull wieħed mill-Istati Membri li ssottomettew osservazzjonijiet huwa tal-fehma li ż-żmien meta ssir il-kontestazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali huwa irrilevanti.

91.      Min-naħa tagħhom, F. Pehlivan u l-Kummissjoni huma tal-fehma opposta. Ladarba l-perijodu ta’ tliet snin ikun skada, il-membru tal-familja kkonċernat għandu drittijiet taħt l-Artikolu 7 li huma awtonomi u ma jistgħux jiġu kkontestati iktar.

92.      Ma naħsibx li dan huwa korrett.

93.      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 7 jeħtieġ li l-membru tal-familja kkonċernat għandu jkun ilu “residenti legalment għal ta’ mill-inqas tliet snin f’dak l-Istat Membru”. Minn dan isegwi li l-kriterju ma huwiex jekk il-persuna inkwistjoni kinitx residenti, iżda jekk kinitx residenti legalment. B’din l-espressjoni, nifhem li l-awturi tad-Deċiżjoni Nru 1/80 riedu jfissru li l-persuna kien imissha kkonformat mal-kundizzjonijiet sostantivi marbuta mad-dritt ta’ residenza ta’ dik il-persuna mad-dħul tagħha fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u ma’ kull tiġdid sussegwenti ta’ dak id-dritt ta’ residenza. Ma jistax ikun li, sempliċement billi tgħix fit-territorju ta’ dak l-Istat, u b’xejn iktar, persuna tista’ takkwista drittijiet.

94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq dan il-punt fir-rigward tal-Artikolu 7. Madankollu, kwistjoni simili qamet fil-kawża Kol (43), b’konnessjoni mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fejn il-kwistjoni kienet dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “impjieg legali” taħt dan l-artikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li ħaddiem ma setax jakkwista drittijiet taħt dak l-artikolu matul perijodu li fir-rigward tiegħu tkun saret dikjarazzjoni falza. Il-permess ta’ residenza tiegħu aktarx li jiġi annullat meta jinstab li kienet saret dikjarazzjoni falza (44).

95.      Madankollu, ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jissuġġerixxi li seta’ kien hemm kwistjonijiet ta’ frodi fil-każ ta’ F. Pehlivan. B’mod partikolari ma hemm xejn x’jindika li ż-żwieġ kien wieħed ta’ konvenjenza. Kif jirriżulta mill-opinjonijiet li esprimejt fil-punt 88 iktar ’il fuq, ma jistax jingħad li kien hemm nuqqas li tiġi kkomunikata informazzjoni. Dan huwa l-iktar li jista’ jiġi inferit f’din il-kawża. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ġermaniż issuġġerixxa li dan in-nuqqas huwa evidenza ta’ qerq. Ma nista’ nara ebda bażi għal dan is-suġġeriment u b’hekk niċħdu.

96.      F. Pehlivan issostni li l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi jipprekludi lil Stat Membru milli jirtira dritt ta’ residenza ladarba jkun skada l-perijodu ta’ tliet snin. Madankollu, l-aspettattiva li għaliha huwa leġittimament intitolat membru tal-familja hija li jkun intitolat li jasserixxi drittijiet taħt l-ewwel inċiż ta’ dak l-artikolu wara tliet snin ta’ residenza legali. B’hekk jiena tal-opinjoni li l-osservazzjonijiet ta’ F. Pehlivan ma humiex korretti.

97.      Id-domanda 2 issaqsi jekk hemmx “kwalunkwe dispożizzjoni oħra u/jew prinċipju tad-dritt Komunitarju” li jipprekludi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jikkontestaw dritt ta’ residenza allegatament akkwistat taħt l-Artikolu 7 ladarba jkun skada l-perijodu ta’ tliet snin għall-akkwist tad-drittijiet taħt dan l-artikolu.

98.      Diġà rreferejt iktar ’il fuq għar-rekwiżit ta’ konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-prinċipji fundamentali tal-proporzjonalità, iċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi. Dawn kollha jistgħu jillimitaw il-libertà tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jieħdu forma ta’ azzjoni partikolari f’ċirkustanzi partikolari. Fil-fehma tiegħi, ma jaffettwawx il-prinċipju li tali dritt ta’ residenza jista’ jiġi kkontestat wara l-iskadenza ta’ dak il-perijodu ta’ tliet snin.

99.      Kif indikajt fil-punt 75 tal-konklużjonijiet preżenti, jiena tal-opinjoni li r-risposta li nipproponi li għandha tingħata għad-domanda 1b hija suffiċjenti għall-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tad-dritt tar-residenza ta’ F. Pehlivan fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, fis-sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra neċessarju li jiġu ttrattati d-domandi 1a u 2, ir-risposta li nipproponi hija li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jikkontestaw dritt ta’ residenza allegatament akkwistat taħt l-Artikolu 7 ladarba jkun skada l-perijodu ta’ tliet snin għall-akkwist ta’ drittijiet taħt dan l-artikolu.

 Domandi 3a u 3b

100. Fid-dawl tar-risposti li pproponejt għad-domandi 1 u 2, mhuwiex neċessarju li nindirizza dawn id-domandi.

 Konklużjoni

101. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi rrinvjati mir-Rechtbank ’s-Gravenhage skont kif ġej:

(1)      Ir-risposta għad-domanda 1b hija li l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil Stat Membru milli jistipula fil-perijodu ta’ tliet snin stabbilit f’dik id-dispożizzjoni li, jekk il-membru tal-familja li jkun tħalla jidħol jiżżewweġ, ebda dritt ulterjuri ma jiġi akkwistat taħt dik id-dispożizzjoni, anki jekk il-membru tal-familja jkompli jgħix mal-ħaddiem Tork.

(2)      Fis-sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra neċessarju li jiġu trattati d-domandi 1a u 2, għandha tingħata risposta li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jikkontestaw dritt ta’ residenza allegatament akkwistat taħt l-Artikolu 7 ladarba jkun skada l-perijodu ta’ tliet snin għall-akkwist ta’ drittijiet taħt dan l-artikolu.

(3)      Fi kwalunkwe każ, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għad-domandi 3a jew 3b.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż


2 – Deċiżjoni Nru 1/80 tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963.


3 –      Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-KEE u t-Turkija, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963.


4 –      Protokoll Addizzjonali ffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72 tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41).


5 –      Din hija d-data rreġistrata fid-digriet tar-rinviju. Għalkemm l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Olandiż jitfgħu dubju dwar il-preċiżjoni tagħha, ma jidhirx li ġie kkontestat li F. Pehlivan għexet mal-ġenituri tagħha għal ta’ mill-inqas tliet snin wara li nħareġ il-permess ta’ residenza tagħha.


6 – Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 1976 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C‑325/05, Ġabra p. I‑6495), punt 47.


8 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz (C‑275/02, Ġabra I‑8765), punti 38 u 39.


9 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997 Kol, (C‑285/95, Ġabra I‑3069), punt 25.


10 – Sentenza tas-17 ta’ April 1997 Kadiman (C‑351/95, Ġabra I‑2133), punti 31 u 32.


11 – Ibid., punt 32.


12 – Ibid., punt 33.


13 – Enfasi miżjud minni.


14 – Ara s-sentenza Kadiman, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 34.


15 – Ara s-sentenza Kadiman, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 36; is-sentenza Ayaz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq, punt 41; u Kawża C‑467/02, Cetinkaya (Ġabra I‑10895), punt 25.


16 – Kawża C‑65/98 (Ġabra I‑4747).


17 – Punt 34.


18 – Ara, b’mod partikolari s-sentenza Kadiman, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punti 35, 37 u 40, kif ukoll is-sentenza Eyüp, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq, punt 28.


19 – Ara s-sentenza Kadiman, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 42.


20 –      Għall-inqas skont it-talba għal deċiżjoni preliminari. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 iktar ’il fuq.


22 – Punt 34.


23 – Ibid., punt 35.


24 –      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat. B’effett mit-30 ta’ April 2006, l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-regolament ġew imħassra u ssostitwiti bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), u l-corrigendum ĠU L 229, p. 35).


25 –      Ara s-sentenza Ayaz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq, punt 45.


26 – Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, F. Pehlivan targumenta li fil-ħin kollu inkwistjoni, hija kienet dipendenti fuq il-ġenituri tagħha. Kien biss fl-1 ta’ April 2005, meta hija marret tgħix f’dar separata, li hija rċeviet pagament mis-servizzi tas-sigurtà soċjali. Peress li l-qorti nazzjonali ma tindirizzax il-kwistjoni tad-dipendenza ta’ F. Pehlivan fid-deċiżjoni tar-rinviju, u fid-dawl tal-pożizzjoni li jiena ħadt fir-rigward tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1612/68 għad-domandi li saru, m’iniex ser nikkunsidra din il-kwistjoni iktar.


27 –            Ara s-sentenza Derin, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punt 68.


28 – Sentenza tat-13 ta’ Frar 1985, Diatta (267/83, Ġabra 1985), p. 567.


29 – Ara, f’dan is-sens is-sentenza Derin, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, punti 69 sa 71.


30 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli (C‑373/03, Ġabra p. I‑6181), punt 31. Għal analiżi iktar dettaljata tal-irwol tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Adizzjonali fil-kuntest tal-Artikolu 7, ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-sentenza C‑303/08, Bozkurt, mogħtija fl-istess jum bħal dawn il-konklużjonijiet, punt 48 et seq.


31 – Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).


32 – Iddefinit fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/86 bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha”.


33 – Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/86.


34 –      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq.


35 – Ara l-punt 42.


36 – Ara l-punt 44 et seq.


37 – Ma nixtiqx nibbaża bla bżonn fuq leġiżlazzjoni Ewropea oħra, peress li jiena tal-opinjoni li jkun żbaljat jekk dik il-leġiżlazzjoni titqies bħala limitattiva fl-approċċ tagħha, iżda ninnota f’dan ir-rigward li l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2003/86 jawtorizza lill-Istati Membri “jagħmlu kontrolli u spezzjonijiet speċifiċi fejn hemm raġuni li jkun issuspettat li hemm frodi jew żwieġ […] ta’ konvenjenza […] Kontrolli speċifiċi jistgħu wkoll isiru fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-permess[i] ta’ residenza ta’ membri tal-familja.”


38 – F. Pehlivan irreferiet għall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar id-dritt għal rispett tal-ħajja fil-familja u, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta’ Diċembru 2001, Sen vs IL-Pajjiżi l-Baxxi, rikors Nru 31465/46. Naqbel li din il-linja tal-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti hija rilevanti għal persuna fis-sitwazzjoni tagħha.


39 – Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat (C‑329/97, Ġabra 2000, p. I‑1487, punti 56 u 57.


40 – Għal analiżi iktar dettaljata tal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u tal-ġurisprudenza relatata miegħu, ara l-konklużjonijiet tiegħi għas-sentenza C‑303/08, Bozkurt, mogħtija fl-istess jum bħal dawn il-konklużjonijiet, punt 71 et seq.


41 – Ara l-punt 18 iktar ’il fuq.


42 – Iċċitat fil-punt 15 iktar ’il fuq.


43 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.


44 – Punt 26.