KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-337/07

Ibrahim Altun

vs

Stadt Böblingen

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Dritt ta’ residenza ta’ wild ħaddiem Tork — Ħaddiem li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol — Qgħad involontarju — Applikabbiltà tal-imsemmi ftehim għar-refuġjati Torok — Kundizzjonijiet għat-telf tad-drittijiet kweżiti”

1. 

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha talba għall-interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ( 2 ), tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni ( 3 ).

2. 

Din id-dispożizzjoni tikkonferixxi lil membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li kien ġie awtorizzat sabiex jingħaqad ma’ dan il-ħaddiem fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li jkun ilu residenti hemmhekk għal minn tal-inqas tliet snin, id-dritt li jwieġeb għal kull offerta ta’ xogħol f’dan it-territorju.

3. 

B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi jekk it-tifel ta’ ħaddiem Tork jistax jinvoka drittijiet mogħtija mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta dan il-ħaddiem ikun daħal bħala refuġjat politiku fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Hija tixtieq tkun taf ukoll jekk dan it-tifel jistax jibbenefika minn dawn id-drittijiet meta l-ħaddiem Tork, matul il-perijodu ta’ tliet snin ta’ residenza impost minn din id-dispożizzjoni, kien impjegat għal sentejn u sitt xhur qabel ma sab ruħu mingħajr xogħol matul is-sitt xhur l-oħra. Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk it-tifel ta’ ħaddiem Tork jistax jitlef il-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija mid-dispożizzjoni msemmija meta jiġi kkonstatat li l-ħaddiem Tork kien kiseb l-istatus ta’ refuġjat politiku, u għalhekk id-dritt ta’ residenza tiegħu, permezz ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa.

4. 

F’dawn il-konklużjonijiet se nindika għaliex, fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplikaw għal ħaddiem Tork li daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bħala refuġjat politiku u għall-membru tal-familja tiegħu. Sussegwentement, se nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni fis-sens li t-tifel ta’ ħaddiem Tork jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni meta dan il-ħaddiem, matul il-perijodu ta’ tliet snin meħtieġ, kien impjegat għal sentejn u sitt xhur u kien mingħajr xogħol fis-sitt xhur l-oħra. Fl-aħħar, se nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiem Tork ikun kiseb l-istatus ta’ refuġjat politiku tiegħu permezz ta’ aġir qarrieqi, il-membru tal-familja tiegħu jista’ jgawdi mid-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni biss jekk il-permess ta’ residenza ta’ dan il-ħaddiem ikun ġie rtirat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin ta’ għajxien flimkien meħtieġ.

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

1. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

5.

Sabiex jiġi rregolat il-moviment liberu tal-ħaddiema Torok fit-territorju tal-Komunità, fit-12 ta’ Settembru 1963 ġie konkluż Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn din tal-aħħar u r-Repubblika tat-Turkija. L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li “jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet, filwaqt li tittieħed kompletament inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu assigurati l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomika tat-Turkija u t-titjib fil-livell tal-impjieg u fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 4 ).

6.

L-implementazzjoni progressiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok li huwa s-suġġett ta’ dan il-ftehim għandha ssir skont ir-regoli dettaljati adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li l-kompitu tiegħu huwa li jassigura l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni ( 5 ).

2. Id-Deċiżjoni Nru 1/80

7.

F’dan id-dawl il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 1/80 li l-għan tagħha huwa b’mod partikolari li tittejjeb is-sitwazzjoni legali tal-ħaddiema u tal-membri tal-familja tagħhom meta mqabbla mas-sistema stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tal-20 ta’ Diċembru 1976. Din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet tipprevedi favur il-ħaddiema Torok dritt progressiv ta’ aċċess għax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti, kif ukoll, favur it-tfal ta’ dawn il-ħaddiema, id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni f’dan l-Istat.

8.

Id-dispożizzjonijiet applikabbli għad-drittijiet tal-ħaddiema Torok u għal dawk tal-membri tal-familja tagħhom jinsabu fl-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

9.

L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni jgħid kif ġej:

“1   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għax-xogħol għal membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork, li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

għandu dritt, f’dak l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu mingħand l-istess persuna li timpjega, jekk din għandha xogħol x’toffri;

għandu d-dritt, f’dak l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u suġġett għall-prijorità li tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta ta’ xogħol oħra fl-istess professjoni ma’ persuna li timpjega tal-għażla tiegħu, liema offerta tkun magħmula skont kundizzjonijiet normali u tkun irreġistrata ma’ l-amministrazzjoni tal-impjieg ta’ dak l-Istat Membru;

wara erba’ snin ta’ impjieg legali, jibbenefika, f’dak l-Istat Membru, minn aċċess liberu għal kwalunkwe attività b’salarju tal-għażla tiegħu.

2.   Il-leave annwali u l-assenzi minħabba maternità, inċidenti fuq ix-xogħol jew mard għal perijodu qasir għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ impjieg legali. Il-perijodi ta’ qgħad involontarju debitament iċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti u l-assenzi fit-tul minħabba mard m’għandhomx jitqiesu bħala perijodi ta’ impjieg legali iżda m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet miksuba bis-saħħa tal-perijodu preċedenti ta’ impjieg.

3.   Ir-regoli dettaljati għall-applikazzzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

għandhom id-dritt, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-anqas tliet snin;

għandhom igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-anqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-anqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.

L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima I tal-Kapitolu II tagħha, li fiha jinsabu l-Artikolu 6 u 7, “japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubbliċi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3. Id-Direttiva 2004/83/KE

12.

L-għan tad-Direttiva 2004/83/KE ( 6 ) huwa li tistabbilixxi regoli minimi għall-kwalifikazzjoni u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr Stat bħala refuġjati sabiex jiġi assigurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ dawn il-persuni ( 7 ).

13.

Skont l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva Nru 2004/83, l-Istati Membri għandhom sal-10 ta’ Ottubru 2006 sabiex jikkonformaw ruħhom magħha. Din id-direttiva daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Ottubru 2004 ( 8 ).

B — Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra

14.

Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati ( 9 ) kienet iffirmata fit-28 ta’ Lulju 1951 f’Ġinevra u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rratifikatha fl-1 ta’ Diċembru 1953. L-għan tagħha huwa li r-refuġjati u l-persuni mingħajr Stat ikollhom status u rikonoxximent fuq livell internazzjonali.

15.

F’dan is-sens, skont l-Artikolu 1(A)(2) ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu “refuġjat” japplika għal kull persuna li “jkollha biża’ raġonevoli ta’ persekuzzjoni minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, issib ruħha barra mill-pajjiż li tiegħu hija ċittadina u li ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex ċittadinanza u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn l-aħħar kellha r-residenza abitwali tagħha ma tistax jew, minħabba l-imsemmija biża’, ma tkunx trid tmur lura f’dak il-pajjiż”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16.

L-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jipprovdi li “[e]bda dispożizzjoni ta’ din il-Konvenzjoni ma tippreġudika d-drittijiet u l-vantaġġi l-oħra mogħtija, b’mod indipendenti minn din il-Konvenzjoni, lir-refuġjati”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

II — Il-kontroversja fil-kawża prinċipali

17.

Is-sitwazzjoni tal-missier tar-rikorrent fil-kawża prinċipali hija s-segwenti.

18.

Ali Altun huwa ċittadin Tork. Huwa wasal il-Ġermanja fis-27 ta’ Marzu 1996 bħala persuna li kienet qiegħda titlob l-ażil. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 1996, l-Uffiċċju federali għar-rikonoxximent ta’ refuġjati barranin irrikonoxxih bħala tali. B’hekk fit-23 ta’ Mejju 1996 inħariġlu permess ta’ vjaġġar internazzjonali mill-awtorità lokali kompetenti għall-barranin ta’ Mönchengladbach, kif ukoll permess ta’ residenza għal perijodu indeterminat fil-Ġermanja.

19.

Ali Altun għex fi Stuttgart mill-1 ta’ Mejju 1999 sal-1 ta’ Jannar 2000 u ilu minn dik id-data jgħix f’Böblingen.

20.

F’Lulju 1999 huwa beda attività professjonali ma’ aġenzija ta’ impjieg temporanju fi Stuttgart. Wara, mill-1 ta’ April 2000, ħadem bħala impjegat f’impriża li tipproduċi prodotti tal-ikel. Fl-1 ta’ Ġunju 2002, din l-impriża ġiet iddikjarata insolventi. Ali Altun inħeles mill-obbligu ta’ xogħol tiegħu u ġie mistieden sabiex jippreżenta ruħu bħala persuna mingħajr xogħol fl-uffiċċju tal-impjieg. Ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn Ali Altun u l-impriża li tipproduċi prodotti tal-ikel intemmet uffiċjalment fil-31 ta’ Lulju 2002.

21.

Huwa rċieva benefiċċji tal-qgħad mill-1 ta’ Ġunju 2002 sas-26 ta’ Mejju 2003.

22.

Minn Ġunju 1999, Ali Altun, li l-familja tiegħu kienet baqgħat fit-Turkija, beda jitlob riunifikazzjoni tal-familja għall-martu, ibnu u t-tfal bniet tiegħu.

23.

Ibnu Ibrahim Altun, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, wasal fil-Ġermanja fit-30 ta’ Novembru 1999, wara li kiseb viża, u għex għand missieru. Fid-9 ta’ Diċembru 1999 huwa kiseb permess ta’ residenza validu sal-31 ta’ Diċembru 2000 maħruġ mis-servizz tal-barranin tal-kapitali tal-Land ta’ Stuttgart. Dan il-permess ġie estiż mill-iStadt Böblingen fl-4 ta’ Diċembru 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2002 u, għal darb’oħra, fil-21 ta’ Novembru 2002 sat-8 ta’ Diċembru 2003.

24.

Inizjalment, Ibrahim Altun ippreżenta ruħu bħala persuna mingħajr xogħol fl-uffiċċju tal-impjieg qabel ma beda, fl-1 ta’ Settembru 2003, formazzjoni intiża għaż-żgħażagħ mingħajr impjieg, formazzjoni li huwa waqqaf fit-2 ta’ April 2004.

25.

Fit-22 ta’ Marzu 2003 Ibrahim Altun wettaq attentat ta’ stupru fuq tfajla ta’ sittax-il sena. Huwa ġie arrestat fit-28 ta’ April 2003 u nżamm taħt kustodja sas-27 ta’ Mejju 2003.

26.

Fis-16 ta’ Settembru 2003 huwa ġie kkundannat, permezz ta’ sentenza tal-Amtsgericht Böblingen (il-Ġermanja), għal sena u tliet xhur ta’ priġunerija sospiżi.

27.

Fl-20 ta’ Novembru 2003, Ibrahim Altun talab lill-iStadt Böblingen sabiex il-permess ta’ residenza tiegħu fit-territorju Ġermaniż jerġa’ jiġi estiż, estensjoni iżda li ġiet irrifjutata permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2004. Barra minn hekk, l-iStadt Böblingen ordnat lil Ibrahim Altun sabiex jitlaq mit-territorju Ġermaniż fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, huwa kellu jintbagħat lura lejn it-Turkija.

28.

L-iStadt Böblingen ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-fatt li Ibrahim Altun kien wettaq reat kriminali gravi, ħaġa din li tikkostitwixxi, skont id-dritt Ġermaniż, raġuni għaċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-estensjoni tal-permess ta’ residenza. Hija speċifikat ukoll li huwa ma kienx kiseb l-istatus legali previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

29.

Peress li l-oppożizzjoni mressqa minnu kontra din id-deċiżjoni ġiet miċħuda fil-5 ta’ Ottubru 2004, Ibrahim Altun ressaq rikors kontra din iċ-ċaħda quddiem il-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja). Huwa jqis li l-applikazzjoni għall-estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu m’għandhiex tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali iżda għandha tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

III — Id-domandi preliminari

30.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Verwaltungsgericht Stuttgart iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kisba ta’ drittijiet skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] tirrikjedi li l-‘persuna li jkollha d-dritt oriġinali’, li magħha kien jirrisjedi b’mod legali l-membru tal-familja għal matul perijodu ta’ tliet snin, tkun issodisfat il-kundizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni matul dan il-perijodu kollu?

2)

F’dan ir-rigward, sabiex membru tal-familju jikseb id-drittijiet previsti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […], huwa biżżejjed li l-‘persuna li jkollha d-dritt oriġinali’ kienet impjegata f’diversi xogħlijiet għal sentejn u sitt xhur u wara kienet spiċċat mingħajr xogħol intortament u li, barra minn hekk, wara baqgħet f’din is-sitwazzjoni għal perijodu itwal?

3)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] tista’ wkoll tiġi invokata minn persuna li kisbet permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin Tork li l-permess ta’ residenza tiegħu u, konsegwentement, l-aċċess għas-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru huma bbażati biss fuq l-għoti ta’ ażil politiku minħabba persekuzzjoni politika fit-Turkija?

4)

Fil-każ li t-tielet domanda tingħata risposta fl-affermattiv, membru tal-familja jista’ jinvoka l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] meta l-għoti ta’ ażil politiku u, abbażi ta’ dan, il-permess ta’ residenza u ta’ aċċess għas-suq legali tax-xogħol tal-‘persuna li jkollha d-dritt oriġinali’ (f’dan il-każ il-missier) ikunu bbażati fuq dikjarazzjonijiet foloz?

5)

Fil-każ li r-raba’ domanda tingħata risposta fin-negattiv, huwa neċessarju, qabel ma l-membri tal-familja jiġu rrifjutati d-drittijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […], li d-drittijiet tal-‘persuna li jkollha d-dritt oriġinali’ (f’dan il-każ il-missier) ikunu ġew formalment irtirati jew irrevokati minn qabel?”

IV — Analiżi

31.

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhom effett dirett, b’tali mod li ċ-ċittadin Tork li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jinvoka direttament quddiem il-qorti nazzjonali d-drittijiet mogħtija lilu minn dawn l-istess dispożizzjonijiet ( 10 ). Barrra minn hekk, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jkunu ssodisfati, mhuwiex biss l-effett dirett marbut ma’ din id-dispożizzjoni li jwassal sabiex dan iċ-ċittadin Tork igawdi dritt individwali fil-qasam tal-impjieg direttament taħt id-Deċiżjoni Nru 1/80 iżda huwa wkoll, barra minn hekk, l-effett utli ta’ dan id-dritt li neċessarjament jimplika l-eżistenza ta’ dritt relatat ta’ residenza bbażat ukoll fuq id-dritt Komunitarju u li huwa indipendenti miż-żamma tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal dawn id-drittijiet ( 11 ).

32.

Fil-kawża prinċipali mhuwiex ikkontestat li Ibrahim Altun, inkonformità mal-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, kien ġie awtorizzat sabiex jingħaqad ma’ missieru, Ali Altun, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u għex miegħu għal iktar minn tliet snin. Ibrahim Altun għalhekk jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

33.

Madankollu, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk it-tifel ta’ ħaddiem Tork jistax jinvoka drittijiet mogħtija mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta dan il-ħaddiem ikun daħal bħala refuġjat politiku fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

34.

Sussegwentement, permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan it-tifel jistax jibbenefika minn dawn id-drittijiet meta, matul il-perijodu ta’ tliet snin ta’ għajxien flimkien mal-ħaddiem Tork, dan tal-aħħar kien impjegat għal sentejn u sitt xhur qabel ma sab ruħu mingħajr xogħol fis-sitt xhur l-oħra.

35.

Fl-aħħar, permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tifel ta’ ħaddiem Tork jistax jitlef il-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta jiġi kkonstatat li l-ħaddiem Tork kiseb l-istatus ta’ refuġjat politiku, u għalhekk id-dritt ta’ residenza tiegħu, permezz ta’ dikjarazzjonijiet qarrieqa.

A — Fuq it-tielet domanda

36.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li ħaddiem Tork ikun daħal fit-territorju Ġermaniż bħala refuġjat politiku għandux xi impatt fuq l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-qorti tar-rinviju fil-fatt tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 2004/83 u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jipprekludux l-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

37.

Dan mhuwiex il-każ fil-fehma tiegħi.

38.

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 2004/83 daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Ottubru 2004 u li l-Istati Membri kellhom sal-10 ta’ Ottubru 2006 sabiex jikkonformaw ruħhom magħha ( 12 ). Jiena jidhirli għalhekk li din ma tapplikax għall-fatti fil-kawża prinċipali peress li Ali Altun wasal fit-territorju Ġermaniż fis-27 ta’ Marzu 1996.

39.

It-tieni nett, jiena naħseb li l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ma tipprekludix l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għall-ħaddiema Torok li daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bħala refuġjati.

40.

Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jipprevedi li “[e]bda dispożizzjoni ta’ din il-Konvenzjoni ma tippreġudika d-drittijiet u l-vantaġġi l-oħra mogħtija, b’mod indipendenti minn din il-Konvenzjoni, lir-refuġjati”.

41.

Issa, fil-fehma tiegħi, id-Deċiżjoni Nru 1/80 tagħti drittijiet u vantaġġi oħra minbarra dawk mogħtija mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra lir-refuġjati politiċi ta’ ċittadinanza Torka.

42.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-motivi li abbażi tagħhom huwa rikonoxxut id-dritt ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork mhumiex determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 13 ).

43.

Fis-sentenza Kus, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, mill-mument meta l-ħaddiem Tork jeżerċita attività bħala impjegat għal iktar minn sena filwaqt li jkollu permess ta’ residenza validu, huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni u dan anki jekk dan il-permess ta’ residenza jkun oriġinarjament ingħatalu għal finijiet differenti mill-eżerċizzju ta’ attività b’salarju ( 14 ).

44.

Għaldaqstant, refuġjat politiku Tork jista’, fil-fehma tiegħi, jibbenefika mid-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu peress li dan, qabel kollox, huwa ħaddiem.

45.

Barra minn hekk, kuntrarjament għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li ma tipprevedix drittijiet partikolari għall-membri tal-familja tar-refuġjat politiku, id-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprevedi l-possibbiltà għall-membri tal-familja tal-ħaddiem Tork ( 15 ), li jkunu awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu, li jiksbu drittijiet sabiex ikollhom aċċess għas-suq legali tax-xogħol.

46.

Jiena għalhekk tal-fehma li, mill-mument meta refuġjat politiku Tork jibbenefika minn permess ta’ residenza kif ukoll minn permess tax-xogħol validi, u għalhekk minn aċċess legali għas-suq tax-xogħol, id-Deċiżjoni Nru 1/80 tapplika fil-konfront tiegħu.

47.

Issa, skont id-dritt Ġermaniż, il-barranin li jkollhom fil-pussess tagħhom permess ta’ residenza jew dritt ta’ residenza għal tul indeterminat mhumiex suġġetti għal awtorizzazzjoni sabiex ikunu jistgħu jaħdmu ( 16 ). Għalhekk, dawn il-persuni, abbażi tas-sempliċi fatt li għandhom permess ta’ residenza għal tul indeterminat, għandhom id-dritt li jippreżentaw ruħhom fis-suq tax-xogħol Ġermaniż.

48.

Fil-kawża prinċipali l-awtoritajiet Ġermaniżi ħarġu permess ta’ residenza għal tul indeterminat lil Ali Altun. B’hekk huma ddeċidew li jagħtuh l-istatus ta’ ħaddiem filwaqt li tawh aċċess għas-suq legali tax-xogħol.

49.

Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li Ali Altun jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u, għalhekk, il-membri tal-familja tiegħu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jistgħu huma wkoll jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom minn dan l-artikolu.

50.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplikaw għall-ħaddiem Tork li daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bħala refuġjat politiku u għall-membri tal-familja tiegħu.

B — Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

51.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tifel ta’ ħaddiem Tork jistax jibbenefika mid-drittijiet taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta, matul il-perijodu ta’ tliet snin ta’ għajxien flimkien ma’ dan il-ħaddiem, dan tal-aħħar kien impjegat għal sentejn u sitt xhur qabel ma sab ruħu mingħajr xogħol fis-sitt xhur l-oħra.

52.

Il-qorti tar-rinviju fil-fatt tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, Ali Altun jistax jitqies bħala li kien jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol inkonformità mal-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Hija tistaqsi jekk dan jistax ikun il-każ meta l-ħaddiem Tork ma jkunx eżerċita impjieg legali għal perijodu ta’ tliet snin.

53.

Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li “[i]l-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu għandhom id-dritt, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-anqas tliet snin”.

54.

Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jeżiġi espressament l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fil-formulazzjoni tal-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni m’hemm ebda indikazzjoni li l-ħaddiem Tork għandu jkun eżerċita impjieg legali matul il-perijodu ta’ tliet snin li jkun għex flimkien mal-membru tal-familja.

55.

Fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Birden ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn il-kunċett ta’ ħaddiem, il-kunċett li ħaddiem jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol u l-kunċett ta’ impjieg legali.

56.

Minn dik is-sentenza jirriżulta li l-ħaddiem huwa persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi għal persuna oħra, bi ħlas, bl-esklużjoni tal-attivitajiet li jkunu tant minimi li jkunu purament marġinali u anċillari ( 18 ).

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi speċifikat li l-kunċett ta’ “suq legali tax-xogħol” għandu jiġi kkunsidrat bħala li jkopri l-ħaddiema kollha li jkunu kkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti legali u regolamentari tal-Istat ikkonċernat u b’hekk ikollhom id-dritt li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju tiegħu ( 19 ).

58.

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-ġurisprudenza stabbilita tagħha li minnha jirriżulta li l-legalità tal-impjieg tippreżumi sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru u timplika, għalhekk, l-eżistenza ta’ dritt mhux ikkontestat ta’ residenza ( 20 ).

59.

Id-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti tal-aħħar tista’ tidher li ma tantx hija ċara. Persuna li teżerċita impjieg legali tissodisfa minħabba dan il-fatt biss it-tieni kundizzjoni, jiġifieri li tagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol. Fil-fatt, ħaddiem Tork li jeżerċita attività b’salarju legali fit-territorju ta’ Stat Membru kien neċessarjament kiseb id-dritt li jeżerċita tali attività u huwa meqjus li osserva l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tirregola d-dħul tiegħu f’dan it-territorju u l-eżerċizzju ta’ impjieg.

60.

Madankollu, għalkemm huwa minnu li dawn iż-żewġ kunċetti huma marbuta ma’ xulxin, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li għandhom jiġu distinti minn xulxin.

61.

Fis-sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li ħaddiem Tork li jkun eżerċita impjieg għal iktar minn erba’ snin fi Stat Membru u jkun telaq dan l-impjieg sabiex ifittex attività oħra fl-istess Stat Membru ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li telaq definittivament mis-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat sakemm ikun għadu jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli billi tispeċifika li din il-kundizzjoni hija ssodisfata sa fejn dan il-ħaddiem iwettaq l-eventwali formalitajiet kollha meħtieġa fl-Istat Membru kkonċernat, b’mod partikolari, billi jirreġistra ruħu bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mas-servizzi kompetenti ( 22 ).

62.

Huma biss l-indisponibbiltà definittiva tal-ħaddiem Tork jew il-fatt li jkun telaq definittivament mis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti billi, pereżempju, joħroġ bil-pensjoni, li jeskluduh mis-suq legali tax-xogħol ( 23 ).

63.

Fil-fehma tiegħi, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett li ħaddiem jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ifisser li l-ħaddiem Tork għandu jkollu aċċess b’mod legali għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti. Dan ma jfissirx għalhekk li dan il-ħaddiem għandu effettivament jeżerċita attività professjonali.

64.

Naħseb li din is-soluzzjoni tista’ tiġi applikata għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u dan iktar u iktar meta l-perijodi ta’ qgħad ikunu involontarji.

65.

L-ewwel nett, il-koerenza fl-interpretazzjoni tal-istess kunċett teżiġi, fil-fehma tiegħi, li l-kunċett li ħaddiem “jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol” li jinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jiġi interpretat bl-istess mod bħal dak li jinsab fl-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni msemmija

66.

It-tieni nett, din l-interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, konformi mal-għan u l-istruttura tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

67.

Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija intiża sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni gradwali fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’waħda mid-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni msemmija u li, għaldaqstant, jibbenefikaw mid-drittijiet li tagħtihom ( 24 ).

68.

L-ewwel stadju jinvolvi l-għoti ta’ drittijiet, b’mod progressiv, lill-ħaddiem Tork abbażi tat-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu. B’hekk, fil-konfront tal-ħaddiem Tork, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprevedi, wara sena ta’ impjieg legali, id-dritt li jiġi mġedded il-kuntratt ta’ xogħol mal-istess persuna li timpjega, wara tliet snin ta’ impjieg legali, id-dritt li l-ħaddiem Tork jirrispondi għal offerta ta’ xogħol oħra fl-istess professjoni ma’ persuna li timpjega oħra, u, fl-aħħar, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, il-benefiċċju tal-aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tiegħu.

69.

Imbagħad, f’dak li jikkostitwixxi t-tieni stadju, sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-ħaddiem Tork fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, id-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprevedi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tagħha, il-possibbiltà għall-membri tal-familja tiegħu li jiġu awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu bil-għan li jistabbilixxu r-residenza tagħhom hemmhekk fid-dawl tar-riunifikazzjoni tal-familja. Barra minn hekk, bil-għan li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-familja ta’ dan il-ħaddiem Tork, dan l-artikolu jagħti lill-membri tal-familja d-dritt li jeżerċitaw, wara ċertu żmien, impjieg f’dan l-Istat Membru ( 25 ).

70.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa intiż għalhekk li joħloq kundizzjonijiet favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ospitanti billi l-ewwel jippermetti l-preżenza tal-membri tal-familja għand il-ħaddiem migrant u mbagħad billi jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom bid-dritt mogħti lilhom li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol ( 26 ).

71.

Issa, jidhirli li dawn il-kundizzjonijiet favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja, u għalhekk l-integrazzjoni tajba tal-ħaddiem Tork fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, jistgħu jiġu ppreġudikati jekk dan il-ħaddiem ma jintalabx biss li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru għal perijodu ta’ tliet snin iżda wkoll li jeżerċita impjieg legali matul dan il-perijodu kollu.

72.

Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, sabiex membru tal-familja tal-ħaddiem Tork jiġi mċaħħad mid-drittijiet mogħtija mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Aritkolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għar-raġuni li dan il-ħaddiem, fil-perijodu ta’ tliet snin li qatta’ fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, ħadem għal sentejn u sitt xhur biss u sab ruħu mingħajr xogħol involontarjament matul is-sitt xhur l-oħra.

73.

Jekk nieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika attwali li tista’ tkun diffiċli għall-persuni li qed ifittxu impjieg, u ċertament b’mod iktar partikolari għal ċittadin ta’ pajjiż terz, u fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li huwa, ta’ min wieħed ifakkar, li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem Tork billi jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja u billi tiġi ffavorita b’hekk l-integrazzjoni ta’ dan il-ħaddiem, jiena tal-fehma li tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li tnaqqas b’mod eċċessiv il-portata tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni.

74.

Għalhekk naħseb li mhuwiex meħtieġ li l-ħaddiem Tork ikun eżerċita impjieg legali għal perijodu ta’ tliet snin sabiex il-membru tal-familja tiegħu jkun jista’ jibbenefika mid-drittijiet mogħtija lilu mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-deċiżjoni msemmija.

75.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-ħaddiem Tork għandux ikun għamel parti mis-suq legali tax-xogħol matul it-tliet snin li jkun għex flimkien mal-membru tal-familja sabiex dan tal-aħħar jibbenefika mid-drittijiet mogħtija taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

76.

Fis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya ( 27 ), il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk ċittadin Tork, membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork u li kien jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza komuni, setax jitlef id-drittijiet mogħtija mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 minħabba s-sempliċi fatt li, f’mument partikolari, dan il-ħaddiem ma kienx baqa’ jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol.

77.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet mogħtija mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni jistgħu jiġu eżerċitati mill-membri tal-familja wara l-perijodu ta’ residenza għand il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti anki jekk, wara dan il-perijodu, il-ħaddiem imsemmi ma jibqax jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ( 28 ).

78.

Fil-fehma tiegħi, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjoni li ħaddiem jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol għandha tkun effettiva matul, minn tal-inqas, il-perijodu ta’ tliet snin ta’ residenza komuni mal-membru tal-familja.

79.

Fil-kawża prinċipali mhuwiex ikkontestat li Ibrahim Altun għex ma’ missieru għal minn tal-inqas tliet snin. Matul dan il-perijodu ta’ tliet snin, skont il-qorti tar-rinviju, Ali Altun eżerċita attività professjonali għal sentejn u sitt xhur u kien mingħajr xogħol għas-sitt xhur l-oħra. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa indikat li Ali Altun sab impjieg ġdid fis-7 ta’ Ottubru 2004 ( 29 ).

80.

Għalhekk jidhirli li Alt Altun kien jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol matul it-tliet snin ta’ għajxien flimkien ma’ ibnu Ibrahim Altun, u li dan tal-aħħar jista’ jibbenefika mid-drittijiet mogħtija mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

81.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena tal-fehma li t-tifel ta’ ħaddiem Tork jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni meta dan il-ħaddiem, matul il-perijodu ta’ tliet snin ta’ residenza meħtieġ, kien impjegat għal sentejn u sitt xhur u mbagħad kien mingħajr xogħol matul is-sitt xhur l-oħra.

C — Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

82.

Il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk membru tal-familja jistax jibbenefika mid-drittijiet mogħtija mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta l-ħaddiem Tork ikun daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bħala refuġjat politiku u meta l-għoti ta’ dan l-istatus kien ibbażat fuq dikjarazzjonijiet foloz.

83.

Fit-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tindika li “abbażi ta’ sensiela sħiħa ta’ indizji jista’ jiġi stabbilit li l-indikazzjonijiet mogħtija minn [Ali Altun] fil-kuntest tal-proċedura ta’ ażil ma jistgħux jikkorrispondu mal-verità” ( 30 ).

84.

Fl-osservazzjonijiet li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkunsidra li, fid-dawl tan-natura ipotetika tagħhom, din il-qorti mhijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar dawn id-domandi ( 31 ).

85.

Għalkemm huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax jekk il-permess ta’ residenza ta’ Ali Altun huwiex is-suġġett ta’ proċedura ta’ annullament quddiem il-qrati nazzjonali u jekk, effettivament, is-suġġett tal-kontroversja fil-kawża prinċipali jikkonċernax it-talba għall-annullament tal-permess ta’ residenza tat-tifel ta’ Ali Altun, xorta jibqa’ l-fatt, fil-fehma tiegħi, li s-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija marbuta mill-qrib ma’ dik ta’ missieru. Fil-fatt, skont id-Deċiżjoni Nru 1/80, huwa qabel kollox abbażi tas-sitwazzjoni tal-ħaddiem Tork li l-membru tal-familja tiegħu jkun jista’ jikseb drittijiet. Minn dan jirriżulta li element li jista’ jibdel is-sitwazzjoni tal-ħaddiem Tork jista’ jkollu konsegwenzi fuq dik tal-membru tal-familja tiegħu. Għalhekk naħseb li għandhom jingħataw risposti għal dawn id-domandi preliminari.

86.

Il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-istatus ta’ refuġjat politiku ta’ Ali Altun, kif ukoll id-dritt ta’ residenza li jirriżulta minn dan l-istatus, ingħataw abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz iċaħħadx lil Ibrahim Altun milli jibbenefika mid-drittijiet mogħtija mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

87.

Fil-fehma tiegħi, l-aġir qarrieqi ta’ ħaddiem Tork meta jidħol fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bħala refuġjat politiku jċaħħad lit-tifel ta’ dan il-ħaddiem milli jibbenefika minn dawn id-drittijiet meta l-awtoritajiet jirtiraw il-permess ta’ residenza tal-imsemmi ħaddiem qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin ta’ residenza meħtieġ.

88.

L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, Kol ( 32 ), li perijodi ta’ impjieg imwettqa wara l-kisba ta’ permess ta’ residenza li l-persuna kkonċernata tkun ingħatat biss minħabba aġir qarrieqi li wassal għal kundanna ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala legali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 peress li ċ-ċittadin Tork ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali permess li kien, għalhekk, ta’ natura tali li seta’ jiġi kkontestat wara li jsir magħruf il-qerq ( 33 ).

89.

Jidhirli li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata fil-kuntest tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, rajna li dan l-artikolu jissuġġetta l-kisba tad-drittijiet mogħtija minnu, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-ħaddiem Tork ikun jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol, jiġifieri li jkun legalment possibbli għalih li jkollu aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.

90.

Issa, jekk jirriżulta li dan il-ħaddiem Tork kien kiseb il-permess ta’ residenza tiegħu u l-permess tax-xogħol tiegħu minħabba aġir qarrieqi biss, l-aċċess għas-suq tax-xogħol ma jistax jiġi kkunsidrat bħala legali peress li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-permess ta’ residenza, li jippermetti dan l-aċċess għas-suq tax-xogħol, ma jkunux sodisfatti.

91.

F’każ bħal dan, jiena tal-fehma li l-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija lill-membru tal-familja mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jiddependi mill-fatt jekk dan tal-aħħar kienx kiseb jew le dawn id-drittijiet fil-mument tal-irtirar tal-permess ta’ residenza tal-ħaddiem Tork.

92.

Fil-fatt, kif diġà indikajt fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq, mill-mument li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-deċiżjoni msemmija jkunu sodisfatti, din id-dispożizzjoni tikkonferixxi fuq il-membri tal-familja tal-ħaddiem Tork drittijiet awtonomi ta’ aċċess għax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti li huma indipendenti miż-żamma tal-kundizzjonijiet imsemmija ( 34 ).

93.

Jiena għalhekk nikkunsidra li, la darba l-membru tal-familja jkun kiseb id-drittijiet mogħtija mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ma jkunx possibbli li dawn id-drittijiet jiġu kkontestati minħabba li l-ħaddiem Tork seta’, fil-passat, aġixxa b’mod qarrieqi u minħabba li l-awtoritajiet kompetenti, minħabba f’hekk, irtiraw il-permess ta’ residenza tiegħu wara l-kisba ta’ dawn id-drittijiet.

94.

Fil-fehma tiegħi, iċ-ċertezza legali tipprekludi li, minħabba l-aġir qarrieqi tal-ħaddiem Tork meta applika biex jikseb il-permess ta’ residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, il-membru tal-familja ta’ dan il-ħaddiem ikollu d-drittijiet li jkun kiseb bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni rtirati.

95.

Għall-kuntrarju, meta d-drittijiet mogħtija mill-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ikunu għadhom ma ġewx akkwistati meta jiġi rtirat id-dritt ta’ residenza tal-ħaddiem Tork, jiena naħseb li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jċaħħdu lill-membri tal-familja ta’ dan il-ħaddiem Tork mill-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija mill-artikolu msemmi.

96.

Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Aritkolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta ħaddiem Tork ikun kiseb l-istatus ta’ refuġjat politiku tiegħu permezz ta’ aġir qarrieqi, il-membru tal-familja tiegħu jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni biss meta l-permess ta’ residenza ta’ dan il-ħaddiem ikun irtirat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin ta’ għajxien flimkien meħtieġ.

97.

Inżid li, peress li l-applikazzjoni għall-estensjoni tar-residenza ta’ Ibrahim Altun ġiet miċħuda minħabba li dan tal-aħħar kien wettaq reat kriminali gravi, tqum il-kwistjoni ta’ jekk id-drittijiet mogħtija lilu minn din id-dispożizzjoni jistgħux jiġu limitati minħabba dan ir-reat.

98.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet mogħtija mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu limitati biss f’żewġ ċirkustanzi.

99.

L-ewwel nett, dawn id-drittijiet jistgħu jiġi limitati meta l-persuna kkonċernata tkun telqet mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr motivi leġittimi ( 35 ).

100.

It-tieni nett, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jiddeċiedu li jirtiraw dawn id-drittijiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, meta l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas-saħħa jew għas-sigurtà pubblika ( 36 ).

101.

Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 14, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura ta’ tkeċċija bbażata fuq din id-dispożizzjoni tista’ tiġi adottata biss jekk l-aġir individwali tal-persuna kkonċernata jiżvela riskju konkret ta’ perturbazzjonijiet gravi tal-ordni pubbliku ( 37 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li tali miżura ma tistax tiġi ordnata b’mod awtomatiku wara kundanna kriminali u bil-għan ta’ prevenzjoni ġenerali ( 38 ).

102.

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-qrati nazzjonali għandhom jieħdu iinkonsiderazzjoni, meta jivverifikaw il-legalità ta’ miżura ta’ tkeċċija ordnata fil-konfront ta’ ċittadin Tork, l-elementi fattwali li jkunu seħħew wara l-aħħar deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jistgħu jimplikaw li t-theddida attwali li kien jikkostitwixxi l-aġir tal-persuna kkonċernata għall-ordni pubbliku m’għadhiex teżisti jew tnaqqset b’mod mhux negliġibbli ( 39 ).

103.

Fl-aħħar nett, il-miżuri ta’ ordni pubbliku meħuda mill-Istat Membru ospitanti għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 40 ), jiġifieri għandhom ikunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom u m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dan l-għan.

104.

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha l-kompitu tistabbilixxi dawn l-elementi fattwali sabiex tikkonstata jekk l-aġir ta’ Ibrahim Altun jiżvelax riskju konkret ta’ perturbazzjonijiet gravi ġodda.

V — Konklużjoni

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Verwaltungsgericht Stuttgart bil-mod segwenti:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turikija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, japplikaw għat-tifel ta’ ħaddiem Tork meta dan il-ħaddiem ikun daħal fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bħala refuġjat politiku.

2)

L-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tifel ta’ ħaddiem Tork jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni meta dan il-ħaddiem, matul il-perijodu ta’ tliet snin ta’ residenza meħtieġa, kien impjegat għal sentejn u sitt xhur u kien mingħajr xogħol matul is-sitt xhur l-oħra.

3)

L-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Aritkolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li meta ħaddiem Tork ikun kiseb l-istatus ta’ refuġjat politiku tiegħu permezz ta’ aġir qarrieqi, il-membru tal-familja tiegħu jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn din id-dispożizzjoni biss meta l-permess ta’ residenza ta’ dan il-ħaddiem ikun irtirat wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin ta’ għajxien flimkien meħtieġ.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turikija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra. Dan il-Ftehim ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

( 3 ) Id-Deċiżjoni Nru 1/80 tista’ tiġi kkonsultata fil-pubblikazzjoni ‘Accord d’association et protocoles CEE-Turquie et autres textes de base’, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, Brussell, 1992.

( 4 ) Ara l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

( 5 ) Ara l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 304, p. 12).

( 7 ) Ara s-sitt premessa.

( 8 ) Ara l-Artikolu 39.

( 9 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, nru 2545 (1954). Konvenzjoni kif emendata bil-Protokoll dwar l-istatus ta’ refuġjati konkluż fil-31 ta’ Jannar 1967 fi New York (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”).

( 10 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ April 1997, Kadiman (C-351/95, Ġabra p. I-2133, punt 28); tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat (C-329/97, Ġabra p. I-1487, punt 34), u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp (C-65/98, Ġabra p. I-4747, punt 25).

( 11 ) Ara s-sentenza Ergat, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).

( 12 ) Ara l-Artikoli 38(1) u 39 tal-imsemmija direttiva.

( 13 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Payir et (C-294/06, Ġabra p. I-203, punti 40 u 45). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1992, Kus (C-237/91, Ġabra p. I-6781, punti 21 u 22).

( 14 ) Ara l-punt 23.

( 15 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tat definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ membru tal-familja. B’hekk hija ddeċidiet fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz (C-275/02, Ġabra p. I-8765), li t-tifel tal-konjuġi ta’ ħaddiem Tork ta’ inqas minn 21 sena jew dipendenti għandu jiġi kkunsidrat bħala membru tal-familja tiegħu u jista’, għalhekk, jibbenefika mid-drittijiet mogħtija mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (punt 48). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li din id-dispożizzjoni ma fiha ebda element ta’ natura li jagħti x’jifhem li l-portata tal-kunċett ta’ membru tal-familja hija limitata għall-familja mid-demm tal-ħaddiem Tork. Hija kompliet billi ddeċidiet li, fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk, iffirmat f’Rabat fis-27 ta’ April 1976 u approvat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2211/78, tas-26 ta’ Settembru 1978 (ĠU L 264, p. 1), dan il-kunċett ikopri l-axxendenti tal-ħaddiem Marokkin u tal-konjuġi tiegħu li jgħixu miegħu fl-Istat Membru ospitanti (punti 46 u 47).

( 16 ) Ara l-Artikolu 284(1) tal-Kodiċi Ġermaniż tas-sigurtà soċjali III (Sozialgesetzbuch III).

( 17 ) C-1/97, Ġabra p. I-7747.

( 18 ) Sentenza Birden, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).

( 19 ) Ibidem (punt 51).

( 20 ) Ibidem (punt 55).

( 21 ) C-171/95, Ġabra p. I-329

( 22 ) Punti 40 u 41. Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Dogan (C-383/03, Ġabra p. I-6237, punt 19).

( 23 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, Nazli (C-340/97, Ġabra p. I-957, punti 37 sa 39).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C-325/05, Ġabra p. I-6495, punt 53).

( 25 ) Ara s-sentenza Kadiman, iċċitata iktar ’il fuq (punti 34 u 35).

( 26 ) Ibidem (punt 36).

( 27 ) C-467/02, Ġabra. p. I-10895.

( 28 ) Ara l-punt 32 tas-sentenza msemmija.

( 29 ) Ara l-paġna 8 tal-osservazzjonijiet.

( 30 ) Ara l-paġna 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 31 ) Punt 46.

( 32 ) C-285/95, Ġabra p. I-3069.

( 33 ) Punt 26.

( 34 ) Ara s-sentenza Ayaz, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41). Ara wkoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ergat (punt 38) u Cetinkaya (punt 30).

( 35 ) Ara s-sentenza Cetinkaya, iċċitata iktar ’il fuq (punti 36 u 38).

( 36 ) Idem.

( 37 ) Ara s-sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).

( 38 ) Idem.

( 39 ) Ara s-sentenza Cetinkaya, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

( 40 ) Ara s-sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).