KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-8 ta’ April 2008 ( 1 )

Kawża C-71/07 P

Franco Campoli

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Pensjoni — Applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat skont l-għoli tal-ħajja medju fil-pajjiż ta’ residenza — Sistema tranżitorja stabbilita bir-Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal — Eċċezzjoni ta’ illegalità”

I — Introduzzjoni

1.

Permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni (T-135/05, ĠabraSP-A-2-297, II-A-2-1527; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ġie miċħud, peress li parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat, ir-rikors li bih Franco Campoli talab l-annullament tal-karti tal-pensjoni (pension slips) għax-xhur minn Mejju sa Lulju 2004, peress li kkunsidra li huma illegali taħt diversi aspetti.

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fuq l-appell li ġie ppreżentat minn Campoli mill-imsemmija sentenza.

II — Il-kuntest leġiżlattiv

3.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża huma dawk li, fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem: ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jirregolaw il-pensjonijiet tal-ex uffiċjali tal-Komunitjiet Ewropej.

4.

Għandu jiġi mfakkar preliminarjament li, fl-2004, ir-Regolamenti tal-Persunal kienu s-suġġett ta’ emenda ta’ portata konsiderevoli, magħmula permezz tar-Regolament Nru 723/2004 ( 2 ): ir-“Regolamenti tal-Persunal il-ġodda”, kif spiss huma msejħa r-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni emendata tar-Regolament imsemmi, daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

5.

Fil-verżjoni qabel l-emenda li għadu kemm sar riferiment għaliha, l-Artikolu 82 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-parti li tinteressa lilna hawnhekk, kien jipprovdi kif ġej:

“1.   Il-pensjonijiet ipprovduti hawn fuq għandhom jinħadmu b’riferiment għall-iskali tas-salarju fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar li fih jibda l-intitolament.

Għal dawn il-pensjonijiet japplika l-koeffiċjent tal-korrezzjoni stabbilit għall-pajjiż, li qiegħed fi ħdan il-Komunità, fejn min għandu dritt għall-pensjoni jagħti prova li jkun stabbilixxa r-residenza tiegħu.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għall-pensjonijiet, dejjem ġie wżat dak li huwa applikat għall-uffiċjali fis-servizz mal-Komunità, li kien juża bħala kriterju ta’ riferiment l-għoli tal-ħajja fid-diversi bliet kapitali tal-Istati Membri (jiġifieri l-hekk imsejjaħ “metodu belt kapitali”).

7.

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004, min-naħa l-oħra, l-istess Artikolu 82 jipprovdi:

“1.   […]

L-ebda koeffiċjent tal-korrezzjoni m’huwa applikabbli għall-pensjonijiet.

[…]”.

8.

L-għażla tal-leġiżlatur Komunitarju li jneħħi s-sistema ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-pensjoni tingħata spejgazzjoni, almenu parzjali, fil-premessa tletin tar-Regolament Nru 723/2004, li hija fformulata fit-termini li ġejjin:

“[L-] Integrazzjoni fil-fond ta’ l-Unjoni Ewropea u l-għażla libera tal-pensjonanti tal-post tar-residenza tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea, waqqgħu s-sistema tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni għall-pensjonijiet. Din is-sistema wkoll ħolqot problemi ta’ sorveljanza dwar il-post tar-residenza tal-pensjonanti li trid tingħeleb. Din is-sistema għandha għalhekk titneħħa, bi tranżizzjoni xierqa għall-pensjonanti u l-uffiċjali reklutati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”.

9.

Fil-prattika, barra minn hekk, il-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fil-verżjoni l-ġdida tar-Regolamenti tal-Persunal mhuwiex, kif tista’ tagħti l-impresssjoni l-premessa li għadha kemm ġiet iċċitatata, perijodu ta’ tranżizzjoni minn pensjoni kkalkolata bl-użu ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għal pensjoni li ma tużax dan il-koeffiċjent. Fil-fatt, għad-drittijiet kollha għal pensjoni miksuba qabel l-1 ta’ Mejju 2004 (u għalhekk, fil-każ tal-appellant, li ilu li ħareġ bil-pensjoni mill-2003, id-drittjiet kollha għal pensjoni), il-leġiżlatur tal-emenda ppreveda sempliċement sistema tranżitorja b’mod progressiv għal koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat billi jintuża l-“metodu belt kapitali” għal koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat skont il-“metodu pajjiż”. Fi kliem ieħor, għall-persuni li kisbu drittijiet għal pensjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-għoli tal-ħajja ta’ riferiment għall-kalkolu tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni m’għadux dak biss tal-belt kapitali tal-Istat Membru ta’ residenza, iżda dak medju tal-Istat kollu inkwistjoni. Dan jirriżulta, b’mod speċifiku, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 20 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikoli 1(3) u 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

10.

Sabiex ikunu mħarsa aħjar l-uffiċjali li ħarġu bil-pensjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Meta dawn id-disposizzjoniet jidħlu fis-seħħ, l-ammont nominali tal-pensjoni netta riċevuta qabel l-1 ta' Mejju 2004 hija garantita[…]”.

11.

Barra minn hekk, l-adattament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni previst mir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal sar għall-ewwel darba biss permezz tar-Regolament Nru 31/2005 ( 3 ), li ppreveda dan l-adattament, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Lulju 2004.

III — Il-fatti

12.

L-appellant beda jieħu l-pensjoni fix-xahar ta’ Frar 2003. Huwa għalhekk stabbilixxa r-residenza tiegħu, f’Londra, fir-Renju Unit. Għalhekk, għall-pensjoni tiegħu ġie applikat koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ 139.6 %, ikkalkolat abbażi tal-għoli tal-ħajja fil-belt ta’ Londra (“metodu belt kapitali”).

13.

Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, dan il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni ser jonqos progressivament, u ser jinbidel f’koeffiċjent ikkalkolat bil-“metodu pajjiż”, iżda tibqa’ riżervata l-garanzija li ma jonqosx l-ammont nominali tal-pensjoni li kien jirċievi qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

14.

Fl-14 ta’ Awwissu 2004 l-appellant ressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra lment skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, u talab l-annullament tal-karti tal-pensjoni (pension slips) għax-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju 2004. L-ilment ġie miċħud b’deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2004.

IV — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

15.

B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Marzu 2005, l-appellant ippreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu.

16.

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġie ammess sabiex jintervjeni fil-kawża.

17.

Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel xejn iddikjarat inammissibbli, peress li ma ġiex ippreżentat fil-kuntest tal-ilment, il-motiv relatat mal-metodu ta’ kalkolu tal-benefiċċju tal-familja u tal-benefiċċju tal-edukazzjoni. Hija ddikjarat inammissibbli wkoll, minħabba nuqqas ta’ locus standi, il-parti tar-rikors diretta kontra l-karti tal-pensjoni (pension slips) tax-xhur ta’ Mejju u Ġunju 2004, peress li l-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, kif intwera, sar biss mix-xahar ta’ Lulju 2004.

18.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ċaħdet il-motivi ta’ rikors imressqa mir-rikorrent ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ħarsien tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ non-retroattività, tad-drittijiet miksuba, ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll fuq abbuż ta’ poter u motivazzjoni insuffiċjenti.

19.

F’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrent in sostenn tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-uniċi argumenti, kif ser jintwera, li fuqhom huwa jinsisti fl-appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel xejn ċaħdet it-teżi li l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni bbażat fuq il-“metodu pajjiż” ma jistax, b’mod differenti minn dak ibbażat fuq il- “metodu belt kapitali” jiggarantixxi lill-pensjonanti kollha l-istess kapaċità ta’ xiri, indipendentement mill-post ta’ residenza tagħhom. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li, peress li kull sistema ta’ aġġustament tal-pensjonijiet hija, minnha nfisha, approssimattiva, ma hemmx raġunijiet sabiex jiġi deċiż li, minnha nnifisha, l-għażla tal-“metodu pajjiż” minflok il-“metodu belt kapitali” hija inqas adegwata sabiex tiggarantixxi trattament ugwali. Dan iktar u iktar meta l-leġiżlatur Komunitarju jaġixxi, f’dan il-kuntest, f’marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna ( 4 ).

20.

Dwar l-argument li l-koeffiċjenti l-ġodda huma diskriminatorji peress li japplikaw għall-pensjonanti koeffiċjent ibbażat fuq metodu differenti meta mqabbel ma’ dak użat għall-uffiċjali fis-servizz (li għalihom ikompli japplika il-“metodu belt kapitali”), il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li s-sitwazzjoni tal-uffiċjal li għadu attiv, marbut ma’ post tax-xogħol speċifiku, u dik ta’ uffiċjal bil-pensjoni, li huwa ħieles li jistabbilixxi ruħu fejn jixtieq, mhumiex komparabbli oġġettivament ( 5 ).

21.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad ċaħdet l-argument li bih ir-rikorrent sostna l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbel mal-pensjonanti residenti fil-Belġju, li għalihom kompliet tapplika, minkejja t-tranżizzjoni għall-“metodu pajjiż”, koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat abbażi tal-għoli ta’ ħajja fi Brussell, minflok fit-territorju kollu tal-Belġju. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li n-normi tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda dwar il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għall-pensjonanti ma jagħmlu bl-ebda mod riferiment għal Brussell iżda, sempliċiment, għall-Belġju. L-illegalità eventwali kkontestata mir-rikorrent ma tirrigwardax ir-Regolamenti tal-Persunal, iżda biss ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li huwa fil-fatt l-ammont tal-pensjoni mħallsa lill-ex uffiċjali residenti fil-Belġju li jikkostitwixxi l-punt ta’ riferiment għall-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni eventwali għall-pensjonanti residenti fi Stati Membri oħrajn. Fl-aħħar nett, f’kull każ, għandu madankollu jiġi mfakkar il-prinċipju li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, favurih, illegalità mwettqa favur oħrajn ( 6 ).

22.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument tar-rikorrent li jallega diskriminazzjoni meta mqabbel mal-pensjonanti residenti fl-Istati Membri “mhux għoljin ħafna”. Qabel ir-riforma, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-pensjoni tal-pensjonanti residenti f’dawn l-Istati kien inqas minn 100 % (fi kliem ieħor, il-pensjoni kienet imnaqqsa meta mqabbla mal-ammont ta’ riferiment). Wara r-riforma, min-naħa l-oħra, koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % ġie applikat għall-pensjonanti kollha: dan ifisser li l-ebda pensjonant, indipendentement mill-post ta’ residenza tiegħu, ma rċieva pensjoni li hija inqas minn dik imħallsa lill-pensjonanti residenti fil-Belġju. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-argument tar-rikorrent huwa inammissibbli, peress li jekk dan kien jintlaqa’, dan kien jinvolvi mhux biss tnaqqis fil-pensjonijiet tal-ex uffiċjali residenti fi Stati “mhux għoljin ħafna”, iżda l-ebda vantaġġ għar-rikorrent innifsu. F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat ukoll, fuq il-mertu, li l-introduzzjoni, min-naħa tal-leġiżlatur, ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu ta’ 100 % anki għall-Istati Membri “mhux għoljin ħafna” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala att manifestament arbitrarju jew inadegwat ( 7 ).

V — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

23.

L-appellant ippreżenta appell kontra l-imsemmija sentenza permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2007.

24.

L-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ t-talbiet magħmula mill-appellant fl-appell, billi tiġi annullata għaldaqstant id-deċiżjoni fuq l-ilment u l-karti tal-pensjoni (pension slips) tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjez kemm tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzzja.

25.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

preliminarjament, tiddikjara l-appell inammissibili;

sussidjarjament, tiċħdu kollu kemm hu, peress li mhuwiex fondat;

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell, peress li mhuwiex fondat;

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

VI — L-analiżi legali

A — Osservazzjonijiet preliminari

27.

F’dawn il-proċeduri ta’ appell l-appellant jerġa’ jippreżenta, fost il-ħafna aggravji li huwa sostna quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, dak biss dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

28.

B’mod iktar speċifiku, il-kritika tal-appellant hija kkonċentrata biss fuq ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza għal tlieta mill-erba’ argumenti mqajma quddiemha in sostenn ta’ dan il-motiv: l-appellant fil-fatt jiddikjara espliċitament li m’għandux l-intenzjoni li jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq it-tieni argument imsemmi, dwar allegata diskriminazzjoni bejn il-pensjonanti u l-uffiċjali fis-servizz ( 8 ).

29.

Qabel ma tiġi eżaminata l-kritika tal-appellant kontra s-sentenza appellata, madankollu, hemm bżonn li jiġi evalwat l-“appell inċidentali” ppreżentat mill-Kummissjoni.

B — Fuq l-“appell inċidentali” tal-Kummissjoni

1. L-argumenti tal-partijiet

30.

Fl-aħħar parti tar-risposta tagħha għall-appell, il-Kummissjoni tressaq “appell inċidentali” li fih tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddikjara l-inammissibbiltà, qabel xejn, tar-raba’ argument dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li dan ġie propost għall-ewwel darba biss fir-replika. Ser nittratta din il-kwistjoni speċifika iktar ’il quddiem, bħala permessa għad-diskussjoni fuq il-mertu tal-argument innifsu.

31.

Il-Kummissjoni ssostni mbagħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddikjara inammissibbli anki l-ewwel, it-tielet u (mill-ġdid) ir-raba’ argument, peress li ma ġewx ippreżentati fil-kuntest tal-ilment amministrattiv propost mir-rikorrent qabel ma ressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

32.

It-tliet argumenti li tagħhom il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tiddikjara sa mill-bidu l-inammissibbiltà huma, barra minn hekk, kif intqal, dawk biss imressqa mill-ġdid mill-appellant fl-appell.

33.

L-appellant, fir-replika tiegħu, isostni l-inammissibbiltà tal-“appell inċidentali”, peress li l-Kummissjoni ma tilfet fl-ebda parti mit-talbiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif mitlub mill-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma kinitx qajmet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza din l-eċċezzjoni ta’ inammissibiltà, u għalhekk ma setgħetx titlef fuq dan il-punt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma titlobx l-annullament jew ir-riforma tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda sempliċement dikjarazzjoni ta’ inammissibiltà tal-appell.

34.

Barra minn hekk, l-appellant isostni li l-appell inċidentali tal-Kummissjoni lanqas ma huwa fondat fil-mertu, peress li diġà ġie allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament uguali fil-kuntest tal-ilment skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-argumenti kollha żviluppati fil-kuntest ta l-appell in sostenn tal-eżistenza ta’ din id-differenza, anki jekk ma kinux speċifikatament preżenti diġà fl-ilment, kienu marbuta fil-qrib ma’ dak li ġie sostnut qabel.

35.

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tikkonferma li l-għan tal-appell inċidentali tagħha mhuwiex l-l-annullament jew ir-riforma tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 9 ). Hija ssostni madankollu li l-inammissibbiltà mill-bidu ta’ x’uħud mill-argumenti li sostna l-appellant quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tinbidel f’kawża ta’ inammissibiltà, fir-rigward tal-istess argumenti, tal-appell imressaq mill-appellant innifsu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li l-argumenti inkwistjoni jikkostitwixxu dawk l-argumenti kollha li ġew imressqa fl-appell, l-appell innifsu għandu jiġi ddikjarat inammissibili fl-intier tiegħu.

2. Il-kunsiderazzjonijiet

36.

L-“appell inċidentali” magħmul mill-Kummissjoni huwa mingħajr dubju atipiku, kif din l-istess istituzzjoni rrikonoxxiet fil-kuntest tal-kontroreplika tagħha ( 10 ). B’mod partikolari, huwa sinjifikattiv li l-Kummissjoni ma talbitx, wara dan l-“appell inċidentali”, l-annullament tas-sentenza kkontestatata. Dan juri b’mod ċar li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma irriżulta li hija tilfet fit-talbiet tagħha.

37.

L-“appell inċidentali” tal-Kummissjoni jista’ jidher għalhekk li huwa inammissibili minħabba nuqqas tar-rekwiżit ta’ telf tal-kawża, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li jista’ jressaq appell “kwalunkwe parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha”.

38.

Naħseb madankollu li s-soluzzjoni li għadni kemm spjegajt mhijiex koretta, u li aħjar jiġi adottat approċċ differenti għas-soluzzjoni tal-problema inkwistjoni.

39.

L-“appell inċidentali” tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ qbil bejn, minn naħa, il-kontenut tal-ilment amministrattiv ippreżentat mill-appellant skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Persunal tal-Persunal, u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

40.

Il-portata ta’ dan il-prinċipju ġiet eżaminata u ċċarata fil-kuntest ta’ numru kbir ta’ deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-proċedura prekontenzjuża prevista fir-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari l-preżentatata tal-ilment, huma “rekwiżit proċedurali essenzjali” ( 11 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-ħarsien tat-termini tal-proċedura prekontenzjuża inkwistjoni huwa prinċipju ta’ ordni pubbliku, li jista’ jiġi vverifikat ex officio mill-qorti ( 12 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza, min-naħa tagħha, abbażi ta’ din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li anki l-kwistjoni tal-qbil bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors ġurisdizzjonali huwa ta’ ordni pubbliku, u għalhekk jista’ jiġi eżaminat mill-qorti ( 13 ). Nikkunsidra li din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, strettament konnessa ma’ dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija ta’ min jaqbel magħha għal kollox.

41.

Jekk għalhekk il-verifika tal-qbil bejn il-kontenut tal-ilment amministrattiv u r-rikors quddiem il-qorti hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku li jista’ jiġi eżaminat ex ufficio, huwa fil-fehma tiegħi possibili li tikkwalifika l-“appell inċidentali” imressaq mill-Kummissjoni, lil hinn min-nomen iuris, sempliċiment bħala li dan l-att huwa konness ma’ kwistjoni li tista’ tiġi eżaminata ex ufficio.

42.

Fuq din il-linja ta’ raġunament, il-kwistjoni ta’ qbil, f’din il-kawża, bejn l-ilment amministrattiv imressaq mill-appellant skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal u r-rikors quddiem il-qorti li ġie mressaq wara quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ jkun oġġett ta’ eżami min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43.

Fir-rigward tad-definizzjoni eżatta tal-kunċett u tal-limiti tal-prinċipju ta’ qbil, ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, b’mod ġenerali, l-ilment amministrattiv ma jorbotx b’mod rigoruż u definittiv l-eventwali rikors ġudizzjarju, iżda li, fl-istess ħin, dan tal-aħħar ma jistax ibiddel la l-kawża u lanqas l-oġġett tal-ilment amministrattiv ( 14 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat barra minn hekk li, meta jsir rikors quddiem il-qorti, jiġu ammessi motivi u argumenti li, għalkemm mhumiex qegħdin fl-ilment amministrattiv, huma marbuta fil-qrib ma’ dawk imsemmija fihom ( 15 ).

44.

Fir-rigward tal-oġġett tal-ilment amministrattiv u dak tar-rikors quddiem il-qorti fil-każ in eżami, m’hemmx dubju li dawn jaqblu perfettament: taħt dan l-aspett, għalhekk, m’hemm l-ebda problema ta’ inammissibbiltà.

45.

L-identifikazzjoni tal-“kawża” li fuqha hija bbażata t-talba għal annullament li tinsab fl-ilment amministrattiv tidher iktar problematika.

46.

Dwar il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, l-uniku wieħed li reġa’ ġie mqajjem mill-appellant f’din il-proċedura ta’ appell, l-ilment ippreżentat skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal kien, fil-fatt, qasir ħafna, peress li kien limitat għall-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

“b) Ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

17.

Is-sistema l-ġdida tal-pensjoni stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 lanqas ma hija ġustifikata fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

18.

Fil-fatt, il-funzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni hija dik li tiggarantixxi l-istess kapaċità ta’ xiri lill-uffiċjali u lill-ex uffiċjali li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

19.

Huwa evidenti li, bil-ħolqien ta’ żewġ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għall-istess post, fil-każ preżenti Londra, tiġi stabbilita diskriminazzjoni bejn l-uffiċjali li huma residenti f’Londra għal raġunijiet professionali u l-ex uffiċjali li huma residenti hemm sabiex jgħaddu hemm il-perjodu tagħhom ta’ pensjoni.

20.

Hemm diskriminazzjoni ċara kontra l-ex uffiċjali, fosthom Campoli, li joqogħdu fl-istess belt ta’ Londra, inkwantu huma jibbenefikaw minn koeffiċjent ta’ korrezzjoni li huwa inqas minn dak applikat għall-uffiċjali, peress li, mill-1 ta’ Mejju 2004, huma m’għadhomx igawdu l-istess trattament”.

47.

Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament osservat li, mid-diversi argumenti mqajma mill-appellant sabiex isostni l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, fl-ilment amministrattiv kien hemm biss dak ibbażat fuq l-allegata diskriminazzjoni bejn uffiċjali fis-servizz u ex uffiċjali.

48.

Għandu għalhekk jiġi stabbilit jekk, f’din il-kawża, l-argumenti l-oħra invokati mill-appellant fil-proċeduri kontenzjużi sabiex isostni nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament jistgħux jitqiesu bħala “marbuta fil-qrib” ma’ dak li ġie espost fil-kuntest tal-ilment amministrattiv.

49.

Is-sitwazzjoni fil-każ konkret tidher pjuttost delikata, u tinsab fil-linja sottili li tifred l-ammissibbiltà u l-inammissibbiltà.

50.

Il-ġurisprudenza, kif fakkart iktar ’il fuq, iddikjarat ruħha kemm-il darba fuq il-kwistjoni tal-qbil bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors quddiem il-qorti, u adottat pożizzjoni li tfittex li tirrikonċilja l-interessi, li għandhom tendenza jkunu kontradittorji, tal-appellant u tal-amministrazzjoni. Għandu fil-fatt jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-iskop tal-ilment amministrattiv huwa wkoll dak li jippermetti lill-amministrazzjoni li tkun taf, bi preċiżjoni suffiċjenti, il-kontestazzjoni u t-talba ta’ dak li qed iressaq l-ilment. Min-naħa l-oħra, madankollu, l-amministrazzjoni, meta jkollha quddiemha ilment amministrattiv, hija marbuta li ma tinterpretax dan b’mod restrittiv iżda b’“moħħ miftuħ” ( 16 ).

51.

Jista’ jiġi sostnut, kif tagħmel essenzjalment il-Kummissjoni, li, minkejja li għandhom l-istess bażi legali, jiġifieri l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-argumenti tal-appellant li jsostnu li teżisti diskriminazzjoni meta mqabbel mal-ex uffiċjali l-oħrajn ma jistgħux jiġu kkunsidrati li ġew antiċipati, anki jekk biss b’mod indirett jew impliċitu fl-ilment amministrativ. F’dan l-ilment fil-fatt, kif intwera, l-unika sitwazzjoni msemmija bħala referenza sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bi preġudizzju tal-appellant kienet dik ta’ uffiċjali li għadhom fis-servizz.

52.

F’dan id-dawl, it-tliet aspetti inkwistjoni għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala “motivi ġodda” ġenwini pjuttost milli semplici argumenti in sostenn ta’ motiv diġà mressaq. Fi kliem ieħor, meta jiġi invokat nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ikun hemm daqstant “motivi” differenti daqs kemm jeżistu (gruppi ta’) persuni li fir-rigward tagħhom jiġi sostnut li hemm diskriminazzjoni.

53.

Skont il-Kummissjoni, dan jirriżulta wkoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Koninklijke Coöperatie Cosun UA vs Il-Kummissjoni ( 17 ), li fiha ġie kkunsidrat bħala motiv ġdid, ilment imressaq fl-appell ibbażat fuq differenza fit-trattament meta mqabbel ma’ suġġetti differenti minn dawk indikati, dejjem fir-rigward tad-differenza fit-trattament, fir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

54.

Nosserva madankollu li din is-sentenza ma tirrigwardax il-prinċipju ta’ qbil bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors, iżda l-kwistjoni tal-preżenza, fl-appell, ta’ motivi mhux imressqa fl-ewwel istanza. Jidhirli li huwa ċar li ż-żewġ sitwazzjonijiet m’humiex identiċi. B’mod partikolari, fost ir-raġunijiet li, fil-fehma tiegħi, jissuġġerixxu approċċ inqas rigoruż fl-evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ qbil bejn l-ilment u r-rikors għandu jiġi kkunsidrat il-fatt, enfassizat anki fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ilment amministrattiv huwa normalment ifformulat mingħajr l-għajnuna ta’ avukat ( 18 ). Dan, evidentement, mhuwiex il-każ ta’ rikors li tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li għalhekk huwa loġiku li jiġi mistenni li jkun iktar preċiż u komplet.

55.

Għandu jiġi osservat ukoll li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni, minkejja li osservat l-inammissibbiltà tat-talbiet tal-appellant dwar il-benefiċċju tal-familja u l-benefiċċju tal-edukazzjoni, peress li dawn ma kinux diġà jinsabu fl-ilment, ma eċċepiet l-ebda inammissibbilità dwar il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament.

56.

Huwa ċar li dan l-element ma jistax jiġi kkunsidrat bħala determinanti sabiex tiġi deċiża kwistjoni li, kif intwera iktar ’il fuq, tista’ titqajjem ex officio. Min-naħa l-oħra, jidhirli li ma jistax jiġi miċħud li dan l-istess element mhuwiex għal kollox nieqes minn sinjifikat.

57.

Nikkunsidra li l-fatt li tressqu l-argumenti inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisirx il-prinċipju ta’ qbil. Jidhirli fil-fatt li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari tad-dikjarazzjonijiet diġà mfakkra dwar il-bżonn li l-ilment jiġi interpretat b’moħħ miftuħ, peress li huwa att ifformulat mingħajr għajnuna legali, id-dikjarazzjoni tal-inammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti tista’ tfisser li d-dritt għal protezzjoni legali effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, jiġi ristrett b’mod eċċessiv ( 19 ).

58.

Barra minn hekk, jista’ wkoll jiġi osservat li f’każijiet bħal dak preżenti, li fihom is-suġġett tal-kawża huwa att ta’ natura leġiżlattiva, il-possibbiltajiet li l-proċedura prekontenzjuża twassal għal riżultat utli huma fil-fatt għal kollox teoretiċi.

59.

Nikkunsidra għalhekk li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ qbil għandha tiġi miċħuda.

60.

Ngħaddi issa għall-eżami fil-mertu tat-tliet argumenti mressqa mill-appellant.

C — Fuq il-legalità tal-“metodu pajjiż”

1. L-argumenti tal-partijiet

61.

L- appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi iddikjarat il-legalità tal-għażla tal-leġiżlatur li jissostitwixxi l-“metodu belt kapitali” bil-“metodu pajjiż”, żbaljatament tat prijorità lid-diskrezzjoni tal-leġiżlatur meta mqabbla mal-prinċipju tat-trattament ugwali. Dan jirriżulta partikolarment b’mod evidenti, fil-fehma tiegħu, mill-punt 105 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza wkoll naqset fl-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjoni tagħha.

62.

Barra minn dan, il-“metodu pajjiż” minnu nnifsu jmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan il-metodu, fil-fatt, jippenalizza lill-pensjonanti kollha residenti fil-kapitali, u, b’mod iktar ġenerali, fil-partijiet ta’ Stat fejn l-għoli tal-ħajja huwa ogħla minn dak medju tal-Istat stess. Barra minn hekk, il-“metodu pajjiż” effettivament ifixkel il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Komunità.

63.

Il-premessa tletin tar-Regolament Nru 723/2004, billi tipprovdi motivazzjoni għall-għażla tal-leġiżlatur li ma jibqax juża s-sistema tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għall-pensjonanti tal-ex uffiċjali tal-Komunità, hija bbażata fuq preżunzjoni ta’ solidità dubjuża ħafna, peress li l-integrazzjoni bejn id-diversi Stati Membri tippermetti li differenzi konsiderevoli bejniethom f’dak li jirrigwarda l-għoli tal-ħajja jibqgħu jeżistu.

64.

Il-Kummissjoni tiddikjara li, fil-fehma tagħha, il-motiv li ġie invokat mill-appellant jagħti interpretazzjoni distorta tal-argumenti żviluppati mill-Qorti tal-Prim’Istanza. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma affermatx is-supremazija tad-diskrezzjoni tal-leġiżlatur fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza, iżda sempliċement osservat li t-tranżizzjoni mill-“metodu belt kapitali” għall-“metodu pajjiż” ma twassalx għal distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata, tali li tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

65.

Dwar il-mertu tal-osservazzjonijiet tal-appellant fuq l-allegata differenza fit-trattament bejn pensjonati skont il-post ta’ residenza, il-Kummissjoni tosserva li, min-naħa tagħha, anki l-“metodu belt kapitali” joħloq differenza fit-trattament, peress li jagħti vantaġġ lill-pensjonanti li joqogħdu barra mill-belt kapitali, billi jiggarntilhom koeffiċjent ta’ korrezzjoni ogħla minn dak mitlub mill-għoli tal-post fejn joqogħdu.

66.

Il-Kunsill, bħall-Kummissjoni, qabel xejn jiċħad il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sens li din tagħti prijorità lis-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-leġiżlatur meta mqabbla mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. B’mod partikolari, fil-fehma tal-Kunsill, l-appellant ifixkel il-prinċipju ta’ trattament ugwali mal-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-kapaċita ta’ xiri. Skont il-Kunsill, il-punt 105 tas-sentenza appellata ma jirriferix għall-prinċipju ta’ trattament ugwali b’mod ġenerali, iżda sempliċement għall-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-kapaċita ta’ xiri.

2. Il-kunsiderazzjonijiet

67.

Il-kwistjoni prinċipali li għandha tiġi ttrattata sabiex tingħata risposta għal dan l-argument hija li jiġi stabbilit jekk l-għażla, min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju, li jiġi ssostitwit il-“metodu pajjiż” minflok il-“metodu belt kapitali”, sabiex jiġu determinati l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni tal-pensjonijiet tal-ex uffiċjali tal-Komunitajiet, tikkostitwixxix eżerċizzju leġittimu tad-diskrezzjoni mogħtija f’dan il-qasam lil-leġiżlatur innifsu u jekk, min-naħa l-oħra, ikunx b’dan il-mod miksur il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

68.

Nikkunsidra li huwa indispensabbli b’mod preliminari li jiġi osservat li kull sistema ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni (u, b’mod iktar ġenerali, kull sistema ta’ aġġustament ta’ ħlasijiet u/jew pensjonijiet) hija, minnha nfisha, neċessarjament impreċiża. Kif osservat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 20 ), sabiex tista’ tkun verament preċiża, is-sistema għandha tikkunsidra koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għal kull post ta’ residenza tal-ex uffiċjali tal-Komunitajiet. Anki d-diversi żoni fi ħdan l-istess belt, f’ħafna każijiet, għandhom probabbilment jiġu evalwati b’mod separat, bl-għoti ta’ koeffiċjenti diversi abbażi tal-għoli tal-ħajja rispettiv.

69.

Huwa għalhekk inevitabbli li, indipendentement mis-sistema magħżula, din tista’ twassal, mill-iktar, għal approssimazzjoni raġjonevoli tal-għoli tal-ħajja effettiv sostnut minn kull individwu ex uffiċjal.

70.

F’dan id-dawl, jidhirli li huwa għal kollox evidenti li kemm il-“metodu belt kapitali” kif ukoll il-“metodu pajjiż” għandhom vantaġġi u żvantaġġi. Per eżempju, għalkemm huwa minnu li l-“metodu belt kapitali” għandu tendenza iħares aħjar lil dawk li joqogħdu fil-bliet kapitali u fil-bliet il-kbar, fl-istess ħin effettivament jagħti lil min joqgħod barra minn dawn il-bliet trattament ekonomiku effettiv għoli ħafna, f’termini reali, minħabba li l-għoli tal-ħajja fil-provinċja huwa inqas. Min-naħa l-oħra, il-“metodu pajjiż”, li juża koeffiċjent li għandu tendenza jkun f’punt intermedjarju bejn l-għoli tal-ħajja fil-belt kapitali u dak fil-partijiet inqas “għolja” tal-Istat Membru, jista’ sa ċertu punt jippenalizza lir-residenti fil-postijiet l-iktar għolja tal-Istati: madankollu, peress li trid issir għażla ta’ koeffiċjent uniku ta’ korrezzjoni għal kull Stat Membru, il-“metodu pajjiż” jidhirli li mhux biss jista’ jintuża b’mod legali, iżda f’ċerti aspetti anki b’mod iktar ġust.

71.

L-appellant jenfasizza bil-qawwa li, fil-fehma tiegħu, il-“metodu pajjiż” ma jħarisx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, u jaġixxi għalhekk bħala kriterju diskriminatorju. Huwa ċar li l-idea bażika tiegħu hija dik li, fil-prattika, huwa biss il-“metodu belt kapitali” li jevita l-kritika potenzjali bbażata fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

72.

Ma naħsibx għalhekk li dan huwa l-post xieraq għal eżami dettaljat tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest tad-dritt Komunitarju ( 21 ). Kif diġà osservajt, garanzija ta’ ugwaljanza assoluta f’termini tal-kapaċità ta’ xiri fost l-ex uffiċjali tal-Komunitajiet hija għal kollox impossibbli li tiġi mwettqa. Nikkunsidra għalhekk li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tafferma li, fil-kuntest tad-diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur Komunitarju sabiex jorganizza s-sistema tal-pensjoni tal-ex uffiċjali, l-għażla li jintuża l-“metodu pajjiż” minflok il-“metodu belt kapitali” ma twassalx għal differenza arbitrarja jew manifestament inadegwata, li tista’ tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

73.

Fil-kritika tiegħu tas-sentenza appellata l-appellant jikkonċentra, b’mod partikolari, fuq il-punt 105 ta’ din tal-aħħar, billi jqis li din tindika kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkunsidrat is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-leġiżlatur bħala prevalenti fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza. It-test ta’ dan il-punt 105 huwa kif ġej:

“Għalkemm huwa minnu li l-metodu l-ġdid huwa, finanzjarjament, inqas favorevoli minn dak preċedenti, huwa daqstant minnu li, kif indikat iktar ’il fuq […], fil-kuntest tal-eżami tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet miksuba, il-leġiżlatur huwa ħieles li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal billi jadotta dispożizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk preċedenti għall-uffiċjali kkonċernati, bil-kundizzjoni li jipprevedi perijodu tranżitorju ta’ tul ta’ żmien suffiċjenti. Din il-libertà lanqas ma tista’ tiġi llimitata billi jiġi invokat il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-kapaċita ta’ xiri, iktar u iktar meta s-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 24(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda tiggarantixxi lill-pensjonanti bħall-appellant iż-żamma, mhux limitata fiż-żmien, tal-ammont nominali tal-pensjoni netta rċevuta qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda […]” ( 22 ).

74.

Ma naqbilx mal-interpretazzjoni li l-appellant ta għas-silta li għadni kif iċċitajt. Jidhirli fil-fatt li huwa evidenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssostnix, kif jidher però li qed jissuġġerixxi l-appellant, li l-previżjoni ta’ perijodu tranżitorju adegwat tikkostitwixxi l-uniku limitu sabiex jiddaħħal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, il-punt 105 iċċitat iktar ’il fuq bl-ebda mod ma jiġġustifika l-introduzzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija sempliċement tosserva li, jekk tiġi introdotta sistema ta’ pensjoni inqas favorevoli, il-leġiżlatur Komunitarju huwa obbligat li jipprevedi perijodu tranżitorju adegwat. Perijodu tranżitorju li, f’dan il-każ, ġie previst fid-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 20 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, li jipprovdi li t-tranżizzjoni mill-koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat bil-“metodu belt kapitali” għall-koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat bil-“metodu pajjiż” saret b’mod progressiv u gradwali bejn l-2004 u l-2008. Huwa wara kollox sinjifikattiv li l-Qorti tal-Prim’Istanza ttrattat din il-kwistjoni, diġà qabel il-punt 105, fil-parti tas-sentenza dwar l-allegat ksur tad-drittijiet miksuba (fil-kuntest ta’ motiv li ma ġiex ripetut mill-appellant f’dan l-appell).

75.

Fil-kuntest tal-argumenti tiegħu, l-appellant jiċċita diversi drabi s-sentenza Drouvis vs Il-Kummissjoni ( 23 ), peress li jikkunsidra li hija preċedent favorevoli għall-argumenti tiegħu. Anki f’dan ir-rigward, ma nistax naqbel mal-pożizzjoni tal-appellant. Fil-kawża Drouvis, ex uffiċjal tal-Kummissjoni, residenti fil-Greċja, talab li ma jiġi applikat għall-pensjoni tiegħu ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni: f’dak iż-żmien, fil-fatt, għall-Greċja dan il-koeffiċjent, ekwivalenti għal 86.5 %, kien ifisser tnaqqis tal-pensjoni effettivament imħallsa meta mqabbla mal-ammont bażi. F’din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-legalità tas-sistema ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jvarjaw skont il-post ta’ residenza tal-ex uffiċjali tal-Komunitajiet, u rrikonoxxiet ukoll il-legalità tal-użu ta’ koeffiċjent uniku ta’ korrezzjoni għal kull Stat Membru. Madankollu bl-ebda mod ma ġie ddikjarat li l-uniku mekkaniżmu aċċettabbli sabiex jiġi stabbilit dan il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni huwa dak li juża l-“metodu belt kapitali”.

76.

L-appellant jikkonċentra l-attenzjoni tiegħu barra minn hekk fuq il-premessa tletin tar-Regolament Nru 723/2004, diġà ċċitata iktar ’il fuq (punt 8), li indikat, inkwantu motivi li fuqhom saret l-għażla tas-sistema tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, kemm l-integrazzjoni fi tkabbir kontinwu tal-Istati Membri fl-Unjoni, kif ukoll id-diffikultajiet prattiċi marbuta mal-ġestjoni tas-sistema. L-appellant jikkritika n-natura żbaljata ta’ dan, peress li l-integrazzjoni ekonomika għadha’il bogħod milli tiġi mwettqa, u wkoll il-kwalità kontradittorja, peress li l-libertà ta’ moviment imsemmija f’din il-premessa għandha twassal għal sistema iktar xierqa ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, li tista’ tippermetti moviment liberu effettiv.

77.

Il-Kummissjoni tikkunsidra dawn il-kunsiderazzjonijiet bħala inammissibbli, kemm peress li huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ fatt, li bħala tali mhumiex suġġetti għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża ta’ appell, kif ukoll peress li ġew ippreżentati l-ewwel darba fl-istadju tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

78.

Madankollu jidhirli li, b’mod ħafna iktar sempliċi, ir-riferiment għall-premessa tletin tar-Regolament Nru 723/2004 m’hijiex rilevanti, ladarba hija tirrigwarda biss parzjalment is-sitwazzjoni tal-appellant. Huwa fil-fatt evidenti, fil-fehma tiegħi, li l-ewwel fażi tagħha, li fuqhom huma kkonċentrati l-kritiki tal-appellant, tirriferi għall-għażla li titneħħa s-sistema ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, għażla li m’għandha l-ebda rilevanza għall-għanjiet ta’ din il-kawża, peress li din it-tneħħija ma tinteressax lil dawk li, bħall-appellant, kienu ħarġu bil-pensjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda.

79.

Nikkunsidra għalhekk li l-ewwel argument tal-uniku motiv ta’ appell m’għandux jintlaqa’, peress li ma ġie pprovat ebda żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

D — Fuq id-diskriminazzjoni meta s-sitwazzjoni tal-appellant tiġi mqabbla ma’ dik tal-pensjonanti residenti fil-Belġju

1. L-argumenti tal-partijiet

80.

Meta jerġa’ jsemmi t-tielet argument imqajjem quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex isostni l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-appellant jafferma li teżisti diskriminazzjoni meta s-sitwazzjoni tiegħu tiġi mqabbla ma’ dik tal-pensjonanti residenti fil-Belġju, li jkomplu jgawdu minn pensjoni aġġustata għall-għoli tal-ħajja ta’ Brussell.

81.

B’mod partikolari, wara li reġa’ fakkar l-interpretazzjoni tiegħu tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-pensjonijiet tal-ex uffiċjali residenti fil-Belġju huma kkalkolati biss abbażi tal-għoli tal-ħajja fi Brussell, mingħajr ma’ jintuża għalhekk il-“metodu pajjiż”, l-appellant jikontesta l-argumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza kemm fil-punt 124, fejn hija osservat li l-“legalità ta’ att leġiżlattiv Komunitarju ma tistax tiddependi fuq il-mod li bih dan l-att huwa applikat fil-prattika”, kemm fil-punt 125, li fih hija fakkret il-ġurisprudenza stabbilita li biha “il-ħarsien tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jkun ikkonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li skontu ħadd ma jista jinvoka favurih illegalità li ġiet imwettqa favur oħrajn”.

82.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel fost iż-żewġ affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellant, barra milli jiċħad li l-ġurisprudenza taqbel mal-interpretazzjoni sostnuta milll-Qorti tal-Prim’Istanza, isaqsi liema atti oħrajn (ta’ applikazzjoni konkreta tas-sistema ġdida tal-pensjoni) huwa seta’ jikkontesta sabiex it-talbiet tiegħi jintlaqgħu. Fir-rigward tat-tieni affermazzjoni, min-naħa l-oħra, l-appellant josserva li l-kwistjoni hawnhekk mhijiex il-kontestazzjoni ta’ illegalità mwettqa favur oħrajn, iżda biss il-prova tal-eżistenza ta’ trattament diskriminatorju bejn żewġ persuni li huma parti mill-istess kategorija.

83.

Il-Kummissjoni tfakkar qabel xejn it-test tal-Artikolu 1(3)(a) tal-Anness XI sabiex terġa’ ssostni li, fis-sistema l-ġdida tal-pensjoni, ma hija prevista l-ebda rabta mal-għoli tal-ħajja fi Brussell.

84.

L-argumenti kollha żviluppati mill-Qorti tal-Prim’Istanza b’żjieda ma’ din il-konstatazzjoni fundamentali kienu jkunu għaldaqstant superfluwi, b’tali mod li l-ilmenti fil-konfront ta’ dawn għandhom jiġu miċħuda, peress li ma jistgħux ibiddlu l-konklużjonijiet li saru fis-sentenza. F’kull każ, il-Kummissjoni ssostni madankollu, b’mod sussidjarju, li l-argumenti addizzjonali li ġew żviluppati mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma korretti.

85.

Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, jinvoka argumenti essenzjalment analogi għal dawk tal-Kummissjoni.

2. Il-kunsiderazzjonijiet

86.

L-ewwel problema li għandha tiġi ttrattata sabiex jiġi evalwat dan l-argument tikkonsisti fid-determinazzjoni, b’mod oġġettiv, tar-riżultat intiż mid-domanda tal-appellant.

87.

Jekk fil-fatt l-għan tiegħu huwa li jinkiseb tnaqqis tal-pensjonijiet li fil-prattika jitħallsu lill-ex uffiċjali residenti fil-Belġju, jew tnaqqis fl-ammont ta’ riferiment sabiex jiġu kkalkolati l-pensjonijiet tal-ex uffiċjali tal-Komunitajiet, il-motiv jidher li huwa mingħajr dubju inammissibbli mill-bidu.

88.

Huwa fil-fatt stabbilit, fil-ġurisprudenza, li, fost il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors, jeżisti l-interess legali. Din hija wkoll kundizzjoni ta’ ordni pubbliku, li tista’ titqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja ( 24 ).

89.

Huwa ċar li l-appellant ma kellux (u m’għandux) interess li jikkontesta l-koeffiċjent ta’ korrezzjoni, li huwa ta’ 100 %, rikonoxxut lill-pensjonanti residenti fil-Belġju (jew aħjar, sabiex inkunu iktar preċiżi, in-nuqqas ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni, skont l-Artikolu 3(5) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal). Jekk jintlaqgħu l-argumenti tiegħu ppreżentati f’dan ir-rigward, fil-fatt, dan jista’ jwassal biss għal tnaqqis fil-pensjoni allokata lill-ex uffiċjali tal-Komunitajiet residenti fil-Belġju, mingħajr ebda vantaġġ konkret għall-appellant. Saħansitra, ladarba, skont l-Artikolu (1)(3) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, il-pensjonijiet tal-ex uffiċjali jiġu aġġustati bl-użu tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni kkalkolati “b’riferiment għall-Belġju”, ma jistax jiġi eskluż li jekk jintlaqa’ il-motiv taħt dan l-aspett dan jista’ jwassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal tnaqqis fil-pensjoni tal-appellant innifsu, ikkalkolata bl-applikazzjoni għall-pensjoni “bażika”, li hija dik imħallsa lill-pensjonanti residenti fil-Belġju, koeffiċjent ta’ korrezzjoni speċifiku għar-Renju Unit, ogħla minn 100 %.

90.

Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat, sabiex l-argument tal-appellant jista’ jitqies bħala ammissibbli, sa fejn huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ locus standi, li dan ikollu l-għan aħħari li jikseb għall-appellant koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat bl-użu tal-“metodu belt kapitali”.

91.

Nikkunsidra madankollu li l-punt ta’ tluq tal-pożizzjoni tal-appellant huwa żbaljat.

92.

Huwa meħtieġ li terġa’ tiġi spjegata malajr is-sitwazzjoni ta’ fatt. Jeżisti ammont bażiku, għall-pensjoni ta’ kull ex uffiċjal tal-Komunitajiet, li, fis-sistema prevista mir-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda, qatt ma jista’ jitnaqqas, indipendentement mill-post ta’ residenza tal-pensjonant. Fi kliem ieħor, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni minimu huwa ta’ 100 % (li jikkorrispondi, huwa ċar, għan-nuqqas ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni). Dan il-livell “minimu” ta’ pensjoni huwa rikonoxxut per eżempju, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 31/2005, lill-pensjonanti residenti fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, minbarra, skont l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, lill-pensjonanti residenti fil-Belġju u l-Lussemburgu, żewġ Stati Membri li għalihom ma japplikawx koeffiċjenti tal’ korrezzjoni. Għall-Istati Membri l-oħrajn, il-pensjonanti fil-pożizzjoni tal-appellant, li kisbu d-dritt tagħhom li jieħdu l-pensjoni qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda, jiġi applikat koeffiċjent ta’ korrezzjoni kkalkolat abbażi tad-differenza bejn l-għoli tal-ħajja fl-Istat Membru ta’ residenza u l-għoli tal-ħajja fil-Belġju [ara l-Artikolu 1(3)(a)(ii) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda], li jirriżulta f’żjieda tal-ammont tal-pensjoni mħallas fil-prattika. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 31/2005 diġà ċċitat, per eżempju, dan il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni kien għar-Renju Unit, sa mill-1 ta’ Lulju 2004, ta’ 137.5 %.

93.

Huwa għalhekk evidenti, abbażi ta’ dan il-kwadru fattwali, li l-Qorti tal-Prim’Istanza korrettement osservat, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li s-sistema l-ġdida tal-pensjonijiet ma tipprevedi ebda riferiment għall-għoli tal-ħajja fi Brussell. Sempliċiment, għall-pensjonijiet kif huwa wkoll il-każ tar-Remunerazzjonijiet lill-uffiċjali fis-servizz, għall-Belġju (u l-Lussemburgu) mhijiex prevista l-applikazzjoni ta’ xi koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-ammont ta’ riferiment.

94.

Huwa minnu li, fit-tranżizzjoni mir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki għal dawk ġodda, l-ammont ta’ riferiment tal-pensjonijiet ma ġiex mibdul. Min-naħa l-oħra, kieku dan l-ammont kien ġie mnaqqas, kienet tonqos ukoll il-pensjoni mħallsa fil-prattika lill-appellant.

95.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti żviluppati mill-Qorti tal-Prim’Istanza flimkien mal-konstatazzjoni fundamentali ċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punti 124 u 125, għalkemm fil-prinċipju korretti, jidhru superfluwi għall-għanjiet tad-deċiżjoni fuq il-motiv imressaq mill-appellant.

96.

Għalhekk nikkunsidra li anki t-tieni argument invokat mill-appellant fil-kuntest tal-motiv ta’ appell għandu jiġi miċħud, peress li ma teżisti l-ebda differenza fit-trattament li hija diskriminatorja bejn l-appellant u l-pensjonati ex uffiċjali tal-Komunitajiet residenti fil-Belġju.

E — Fuq id-diskriminazzjoni meta s-sitwazzjoni tal-appellant tiġi mqabbla ma’ dik tal-pensjonanti residenti f’wieħed mill-Istati Membri “mhux għolja ħafna”

1. L-argumenti tal-partijiet

97.

L-appellant fl-aħħar nett jerġa’ jressaq ir-raba’ argument sostnut quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex isostni li teżisti differenza fit-trattament, argument ibbażat fuq il-vantaġġ li ngħata lill-pensjonanti residenti fi Stati Membri “mhux għolja ħafna” billi japplika għalihom, bis-sistema l-ġdida, koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ 100 %. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljat meta kkunsidrat li l-appellant ma kellux locus standi sabiex jikkontesta dan l-allegat vantaġġ.

98.

L-appellant jirrikonoxxi li l-ġurisprudenza sostniet b’mod kostanti l-bżonn ta’ locus standi li jiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ lment. Huwa jikkunsidra mandakollu, b’differenza minn dak li ġie sostnut mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 135 tas-sentenza appellata, li, fil-każ tiegħu, il-locus standi jeżisti. B’mod partikolari, il-locus standi jirriżulta mill-fatt li, għal darba oħra, is-sitwazzjoni tal-pensjonanti residenti fi Stati “mhux għolja ħafna”, imqabbla ma’ dik tal-appellant, turi li teżisti differenza fit-trattament li hija diskriminatorja.

99.

Barra minn hekk, l-appellant jikkontesta wkoll l-argumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jgħidu li, peress li s-sistema tal-pensjoni tal-ex uffiċjali tal-Komunitajiet ma taħdimx bħala fond ta’ pensjoni, iżda hija organizzata abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà, jekk ikun hemm tnaqqis fil-pensjonijiet rikonoxxuti lill-ex uffiċjali ta’ Stati Membri “mhux għolja ħafna” dan ma jirriżulta f’ebda vantaġġ għall-appellant. B’mod partikolari, huwa jsostni li l-ekonomija magħmula b’dan il-mod tista’ tippermetti, per eżempju, li jerġa’ jiġi applikat il-“metodu belt kapitali” (punt 78 tal-appell).

100.

Barra minn hekk, l-appellant isostni li s-sentenza appellata għandha difett fil-parti fejn sostniet li d-deċiżjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li japplika koeffiċjent ta’ korrezzjoni ta’ 100 % għall-pensjonanti residenti fl-Istati Membri “mhux għolja ħafna” mhijiex manifestament arbitrarja jew inadegwata (punt 136 tas-sentenza appellata).

101.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill jerġgħu isostnu qabel xejn il-mertu, fil-fehma tagħhom, tad-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà tal-motiv iddikjarat mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Min-naħa l-oħra, skont dawn l-istituzzjonijiet, huma eżenti minn kull kritika anki l-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar is-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandu f’dan is-suġġett il-leġiżlatur Komunitarju, fil-limiti li, f’din il-kawża, ma kinux ġew maqbuża.

102.

Il-Kummissjoni ssostni barra minn hekk li dan l-argument kellu jiġi ddikjarat inammissibbli mill-Qorti tal-Prim'Istanza anki minħabba li ġie mressaq mill-appellant għall-ewwel darba biss fir-replika li saret quddiem il-qorti fi prim’istanza (punt 71 tar-risposta).

2. Il-kunsiderazzjonijiet

103.

Sabiex nibda mill-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li għadha kemm ġiet iċċitata, li tgħid li l-argument li qed jiġi eżaminat kellu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, nikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi sostnuta. Fil-fatt, għalkemm fir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-appellant ma kienx indika speċifikatament it-tqabbil mal-pensjonanti residenti fl-Istati Membri “mhux għolja ħafna” fil-kuntest ta’ dak li ngħad dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, huwa minnu però li l-argument inkwistjoni kien diġà jeżisti, għalkemm kien għadu mhux żviluppat biżżejjed, fil-parti tar-rikors fejn kien sostnut abbuż ta’ poter, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, il-punt 93 tal-att introduttiv tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet jgħid hekk :

“Fl-aħħar nett, abbażi tad-diversi prinċipji mfakkra, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija kontradittorja peress li hija tagħti, għall-pensjonijiet, koeffiċjent ta’ korrezzjoni li huwa 100 għall-bliet kapitali u l-Istati Membri li fihom, madankollu, il-koeffiċjent huwa inqas minn 100, kif huwa attwalment il-każ, b’mod partikolari, għal Ateni, Budapest, Lisbona, Praga u Varsavja”.

104.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, minkejja l-projbizzjoni ġenerali li jiġu ppreżentati motivi ġodda, jistgħu jiġu ppreżentati fil-kawża motivi li jikkostitwixxu amplifikazzjoni ta’ motiv li diġà ġie invokat qabel, b’mod espliċitu jew impliċitu fl-att introduttiv ( 25 ), nikkunsidra li l-argument li jinvoka differenza fit-trattament meta s-sitwazzjoni tal-appellant tiġi mqabbla ma’ dik tal-pensjonanti residenti fl-Istati Membri “mhux għolja ħafna” kien ammissibbli.

105.

Ngħaddi issa għall-kritika speċifika magħmula mill-appellant kontra s-sentenza appellata. L-appellant jikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat żbaljatament li ma kienx hemm locus standi.

106.

Għal dan il-għan, b’mod partikolari, l-appellant jikkontesta dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat fil-punti 133 et seq tas-sentenza appellata, fejn ġie ddikjarat li l-appellant ma wera bl-ebda mod li t-tneħħija tal-benefiċċju mogħti mir-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda lill-pensjonanti residenti fl-Istati Membri “mhux għolja ħafna” seta’ b’xi mod jagħtih vantaġġ.

107.

Ma jidhirlix li l-argumenti tal-appellant huma konvinċenti, u li jistgħu jqiegħdu f’dubju l-korrettezza tar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

108.

Huwa fil-fatt stabbilit fil-ġurisprudenza li, sabiex wieħed ikun jista’ jikkontesta l-legalità ta’ att Komunitarju, kemm b’mod dirett meta ssir il-kawża, kif ukoll, meta tingħata f’eċċezzjoni, huwa meħtieġ li l-locus standi jkun ifisser utilità prattika possibbli, għall-appellant, fil-każ ta’ deċiżjoni li tilqa’ l-ilmenti tiegħu ( 26 ).

109.

Jidhirli li huwa ċar li, hawnhekk, l-uniku suġġett tal-argument imressaq mill-appellant huwa l-fatt li l-leġiżlatur iddeċieda li jirrikonoxxi lill-pensjonati residenti fl-Istati Membri “mhux għolja ħafna” l-applikazzjoni immedjata tan-normi, li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda, dwar it-tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għall-pensjonijiet. Bil-kontra, din is-sistema l-ġdida (li għalih tkun partikolarment ta’ żvantaġġ, kif intwera) qatt ma ġiet applikata għall-appellant, peress li huwa jkompli jgawdi mill-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni ħafna ogħla minn 100 %.

110.

Peress li huwa ċar li tnaqqis eventwali tal-pensjonijiet imħallsa lill-ex uffiċjali residenti fl-Istati Membri “mhux għolja ħafna”, li jkun il-konsegwenza tad-dikjarazzjoni ta’ illegalità tal-imsemmija deċiżjoni tal-leġiżlatur, ma jinvolvi l-ebda vantaġġ evidenti għall-appellant, ir-raġunament li sar mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex l-argument jiġi ddikjarat bħala inammissibili ma jidhirlix li jista’ jiġi kkontestat.

111.

Il-locus standi tal-appellant, wara kollox, ikun nieqes anki fil-każ li fih l-ilment jiġi intepretat fis-sens li huwa dirett, b’mod ġenerali, kontra d-deċiżjoni tal-leġiżlatur li jneħħi l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni. Dan peress li, kif intwera, l-appellant mhuwiex personalment ikkonċernat minn din it-tneħħija.

112.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ukoll analiżi rapida tal-argument inkwistjoni anki fir-rigward tal-mertu, billi osservat li, anki f’dan il-każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur Komunitarju mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu. Jidhirli li anki dawn l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għalkemm fil-qosor, (peress li, wara kollox, ġew elaborati b’mod sussidjarju biss) bl-ebda mod ma jistgħu jiġu kkontestati.

113.

Il-leġiżlatur Komunitarju fil-fatt iddeċieda li japplika immedjatament, għall-pensjonanti residenti fl-Istati Membri “mhux għolja ħafna”, il mekkaniżmu ta’ kalkolu tal-pensjonijiet li ser ikun japplika b’mod ġenerali, fil-ġejjieni, għall-ex uffiċjali li jkollhom dritt għall-pensjoni wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti l-ġodda tal-Persunal. Barra minn hekk, sabiex tiġi ggarantita s-sitwazzjoni ta’ dawk li, bħall-appellant, joqogħdu fi Stat Membru “għoli” u li ħarġu bil-pensjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004, il-leġiżlatur ippreveda ż-żamma, favur dawn, ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni (għalkemm, kif intwera, ikkalkolat b’mod differenti). Ma jidhirlix li jista’ jingħad li hemm ksur manifest, mil-leġiżlatur, tal-limiti tas-setgħa tiegħu ta’ diskrezzjoni.

114.

Nikkunsidra għalhekk li anki dan l-aħħar argument imressaq mill-appellant għandu jiġi miċħud.

VII — Fuq l-ispejjeż

115.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell huwa miċħud il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regolament, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk dawn ikunu ġew mitluba.

116.

Min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-istess Artikolu 122 jipprevedi l-possibbiltà li, fl-appelli mressqa mill-uffiċjali jew minn impjegati oħrajn ta’ istituzzjoni, l-ispejjeż ikunu maqsuma bejn il-partijiet, kif mitlub mill-ekwità.

117.

Ladarba din il-proċedura hija l-ewwel waħda, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tittratta l-kwistjoni tar-riforma tas-sistema tal-pensjoni tal-uffiċjali tal-Komunitajiet li nħolqot bir-Regolamenti tal-Persunal l-ġodda, u peress li xi aspetti ġuridiċi tas-sistema l-ġdida jistgħu fil-fatt jidhru problematiċi, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna li l-ispejjeż jiġu maqsuma.

VIII — Konklużjoni

118.

Fid-dawl ta’ dak li ngħad qabel, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:

“1)

L-appell huma miċħud.

2)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 124, p. 1).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2004 li jemenda, mill-1 ta’ Lulju 2004, ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li jaffetwaw din ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet (ĠU 2005, L 8, p. 1).

( 4 ) Sentenza appellata, punti 99 sa 109.

( 5 ) Ibidem, punti 110 sa 115.

( 6 ) Ibidem, punti 116 sa 130.

( 7 ) Ibidem, punti 131 sa 139.

( 8 ) Ara l-punt 14 tar-rikors ta’ appell.

( 9 ) Ara f’dan is-sens it-talbiet tal-kontroreplika tal-Kummissjoni, kif ukoll il-punt 31 tagħha. Nosserva barra minn hekk li, fil-punt 40 tal-istess att, il-Kummissjoni però ddikjarat: “[…] Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza inkwantu hija ma ddikjaratx l-ewwel u t-tielet parti tal-motiv inammissibli peress li ma ġewx imqajma fil-fażi tal-ilment prekontenzjuż, u r-raba’ parti, barra minn hekk, peress li ġiet sostnuta biss fir-replika”. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-pożizzjoni li beħsiebni nieħu fir-rigward tal-“appell inċidentali”, mhuwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni talbitx jew le l-annullament, b’mod inċidentali, tas-sentenza appellata.

( 10 ) Punt 32 tal-kontroreplika tal-Kummissjoni.

( 11 ) Sentenza tat-3 ta’ Frar 1977, de Lacroix vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (91/76, Ġabra p. 225, punt 11).

( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 1981, Schiavo vs Il-Kunsill (kawżi magħquda 122/79 u 123/79, Ġabra p. 473, punt 22); tal-20 ta’ Marzu 1984, Razzouk u Beydoun vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda 75/82 u 117/82, Ġabra p. 1509, punt 13), u tal-4 ta’ Frar 1987, Pressler-Hoeft vs Il-Qorti tal-Awdituri (302/85, Ġabra p. 513, punt 5).

( 13 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Marzu 1990, Alexandrakis vs Il-Kummissjoni (T-57/89, Ġabra p. II-143, punt 8). Dan l-orjentament ġie kostantament stabbilit: ara pereżempju s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 1991, von Hoessle vs Il-Qorti tal-Awditur (T-19/90, Ġabra p. II-615); tas-16 ta’ Lulju 1992, Della Pietra vs Il-Kummissjoni (T-1/91, Ġabra p. II-2145), u tal-11 ta’ Settembru 2002, Nevin vs Il-Kummissjoni (T-127/00, ĠabraSP p. I-A-149 u II-781).

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Razzouk u Beydoun vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9, u tad-19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gaspari (C-316/97 P, Ġabra p. I-7597, punt 17).

( 15 ) Sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il-Kummissjoni (52/85, Ġabra p. 1555, punt 13); tal-20 ta’ Mejju 1987, Geist vs Il-Kummissjoni (242/85, Ġabra p. 2181, punt 9); tal-14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni (346/87, Ġabra p. 303, punt 27), u tal-10 ta’ Marzu 1989, Del Plato vs Il-Kummissjoni (126/87, Ġabra p. 643, punt 12).

( 16 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 1989, Casto Del Amo Martinez vs Il-Parlament (133/88, Ġabra p. 689, punt 13).

( 17 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006C-68/05 P, Ġabra p. I-10367, punti 95 sa 98). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl f’din il-kawża, ippreżentati fis-16 ta’ Mejju 2006 (b’mod partikolari l-punti 89 sa 103).

( 18 ) Sentenza Casto Del Amo Martinez vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13.

( 19 ) Fuq dan id-dritt ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Sentenza appellata, punt 100.

( 21 ) Kif huwa magħruf, dan il-prinċipju ġie stabbilit fil-formula li tgħid li sitwazzjonijiet analogi m’għandhomx ikunu trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti m’għandhomx ikunu trattati b’mod ugwali, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill (C-273/04, Ġabra p. I-8925, punt 86); tat-30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill (kawżi magħquda C-87/03 u C-100/03, Ġabra p. I-2915, punt 48); tas-17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et (C-44/94, Ġabra p. I-3115, punt 46), etc. Għall-qasam tal-impjieg pubbliku Komunitarju ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Appelbaum vs Il-Kummissjoni (119/83, Ġabra p. 2423), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 1991, Tagaras vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (kawżi magħquda T-18/89 u T-24/89, Ġabra p. II-53, punt 68).

( 22 ) It-traduzzjoni ta’ din is-silta, bħall-punti l-oħrajn tas-sentenza appellata, mhijiex uffiċjali.

( 23 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Frar 2003, Drouvis vs Il-Kummissjoni (T-184/00, ĠabraSP p. I-A-51 u II-297), ikkonfermata b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, C-18/03 P (Ġabra p. I-1971).

( 24 ) Digriet tas-7 ta’ Ottubru 1987, Di Muro vs Il-Kunsill u Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (108/86, Ġabra p. 3933, punt 10); ara anki s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ April 2005, Sniace (T-141/03, Ġabra p. II-1197, punt 22); tat-18 ta’ Frar 1993, McAvoy vs Il-Parlament (T-45/91, Ġabra p. II-83, punt 22), u tat-28 ta’ Marzu 2001, Institut des mandataires agréés vs Il-Kummissjoni (T-144/99, Ġabra p. II-1087, punti 29 sa 35). F’din l-aħħar deċiżjoni, barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tidher li tikkunsidra l-kundizzjoni ta’ locus standi bħala rekwiżit bħal dawk previżi fl-Artikolu  230 KE.

( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1983, Verros vs Il-Parlament (306/81, Ġabra p. 1755, punt 9); tat-13 ta’ Novembru 2001, Anton Dürbeck GmbH vs Il-Kummissjoni (C-430/00 P,  Ġabra p. I-8547, punt 17), u tas-26 ta’ April 2007, Alcon Inc. vs L-UASI (C-412/05 P, Ġabra p. I-3569, punti 38 sa 40).

( 26 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1973, Marcato vs Il-Kummissjoni (37/72, Ġabra p. 361, punt 7); tas-16 ta’ Diċembru 1976, Perinciolo vs Il-Kunsill (124/75, Ġabra p. 1953, punt 26), u tat-30 ta’ Ġunju 1983, Schloh vs Il-Kunsill (85/82, Ġabra p. 2105, punt 14). Kif jista’ jiġi dedott, fis-snin l-iktar reċenti hija l-Qorti tal-Prim’Istanza u, wara, anki t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ttrattaw l-eżistenza jew le ta’ locus standi, mentri l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hemm kriterju analogu sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ appelli minn deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza [ara, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni (C-19/93 P, Ġabra p. I-3319, punt 13); tat-13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament vs Richard (C-174/99 P, Ġabra p. I-6189, punt 33), u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 21); id-digriet tal-25 ta’ Jannar 2001, Lech-Stahlwerke GMBH vs Il-Kummissjoni (C-111/99 P, Ġabra p. I-727, punt 18)].