30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/11


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) ta' l-10 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari ta' l-Arbeidshof te Brussel — Il-Belġju) — Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding vs Firma Feryn NV

(Kawża C-54/07) (1)

(Direttiva 2000/43/KE - Kriterji ta' għażla tal-persunal diskriminatorji - Oneru tal-prova - Sanzjonijiet)

(2008/C 223/17)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Arbeidshof te Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding

Konvenuta: Firma Feryn NV

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Arbeidshof te Brussel- Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2(2)(a), 8(1) u 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, p. 22) — Kriterji ta' reklutaġġ ta' persunal direttament diskriminatorji minħabba razza jew etniċità — Oneru tal-prova — Evalwazzjoni u konstatazzjoni mill-qorti nazzjonali — Obbligu jew le, għall-qorti nazzjonali, li tordna t-tmiem tad-diskriminazzjoni

Dispożittiv

1)

Il-fatt li persuna li timpjega tiddikjara pubblikament li mhijiex se tirrekluta ħaddiema li għandhom ċerta oriġini etnika jew razzjali jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fir-rigward tar-reklutaġġ fis-sens ta' l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, peress li tali dikjarazzjonijiet huma ta' tali natura li jiddisswadu b'mod serju lil ċerti kandidati milli japplikaw, u għaldaqstant li jostakolaw l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol.

2)

Dikjarazzjonijiet pubbliċi li permezz taghhom persuna li timpjega tgħarraf li, fil-kuntest tal-politika ta' reklutaġġ tagħha mhijiex se tirrekluta ħaddiema ta' ċerta oriġini etnika jew razzjali, huma biżżejjed sabiex tiġi preżunta, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1) tad- Direttiva 2000/43, l-eżistenza ta' politika ta' reklutaġġ direttament diskriminatorja. Għaldaqstant, hija din il-persuna li timpjega li ghandha turi li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali. Tista' tagħmel dan billi turi li l-prattika reali ta' reklutaġġ ta' l-impriża ma tikkorrispondix ma' dawn id-dikjarazzjonijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-fatti allegati kontra l-persuna li timpjega huma stabbiliti u li għandha tevalwa jekk l-elementi ta' prova prodotti in sostenn ta' l-affermazzjonijiet ta' din il-persuna, li jgħidu li ma kisritx il-prinċipju ta' trattament ugwali, humiex suffiċjenti.

3)

L-Artikolu 15 tad- Direttiva 2000/43/KE jeħtieġ li, anke meta mhemmx vittma identifikabbli, ir-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex tiġi trasposta din id-direttiva għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.


(1)  ĠU C 82, 14.4.2007.