Kawża T-12/06

Deltafina SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Immunità minn multi — Kooperazzjoni — Multi — Proporzjonalità — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Għoti ta’ immunità kundizzjonali ta’ multi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 8(a) u (b), 11(a) sa (c), 15, 16, 18 u 19)

2.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Immunità totali — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punt 11(a))

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Natura provviżorja

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Għoti ta’ immunità kundizzjonali minn multi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni — Rifjut tal-Kummissjoni li tagħti immunità definittiva — Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Assenza

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punt 11)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Att intiż sabiex joħloq effetti esterni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ksur ikkwalifikat bħala serju ħafna unikament fuq il-bażi tan-natura tiegħu

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Aċċess għall-fajl — Obbligu tal-Kummissjoni li tiżvela dokumenti interni — Assenza

(Artikolu 81 KE)

1.      Meta tirċievi talba għal immunità mill-multi bis-saħħa tal-komunikazzjoni dwar immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-provi prodotti mill-impriża insostenn tat-talba tagħha sabiex tivverifika jekk din l-impriża tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati, skont il-każ, fil-punt 8(a) jew (b), tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Jekk din l-impriża tkun l-ewwel waħda li tissodisfa dawk il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tagħtiha bil-miktub immunità kundizzjonali mill-multi.

L-għoti tal-immunità kundizzjonali b’hekk jimplika l-ħolqien ta’ status proċedurali partikolari, matul il-proċedura amministrattiva, favur l-impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 8 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, li tipproduċi ċerti effetti ġuridiċi. Din l-immunità kundizzjonali madankollu ma tistax tiġi assimilata mal-immunità definittiva minn multi, li tingħata biss fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva.

B’mod iktar partikolari, l-għoti tal-immunità kundizzjonali, minn naħa, jiċċertifika li l-impriża kkonċernata kienet l-ewwel waħda li ssodisfat il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 8(a) jew (b), tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, b’mod li l-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni talbiet oħrajn għal immunità mill-multi qabel ma tkun iddeċidiet dwar din it-talba u, min-naħa l-oħra, tagħti garanzija lill-imsemmija impriża li l-Kummissjoni ser tagħtiha l-immunità mill-multi jekk, għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, hija tikkonkludi li din l-impriża tkun osservat il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 11(a) sa (c) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

Huwa biss fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali, li hija tagħti jew ma tagħtix, f’din id-deċiżjoni, l-immunità proprja minn multi lill-impriża li tibbenefika mill-immunità kundizzjonali. Huwa f’dan il-mument preċiż li l-istatus proċedurali li jirriżulta mill-immunità kundizzjonali jieqaf jipproduċi l-effetti tiegħu. Madankollu, l-immunità definittiva minn multi tingħata biss jekk din l-impriża tissodisfa, matul il-proċedura amministrattiva kollha u sal-mument tad-deċiżjoni finali, it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 11(a) sa (c) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

B’hekk, jirriżulta mis-sistema kif prevista mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni li, qabel id-deċiżjoni finali, l-impriża li titlob l-immunità ma tiksibx l-immunità mill-multi proprja iżda tibbenefika biss minn status proċedurali li jista’ jittrasforma ruħu f’immunità mill-multi għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu sodisfatti.

(ara l-punti 113-115, 117, 118)

2.      L-għoti tal-immunità minn kull multa jikkostitwixxi eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali tal-impriża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li hija ġġustifikata mill-għan li jingħata inċentiv għall-iskoperta, l-investigazzjoni u r-repressjoni kif ukoll id-dissważjoni ta’ prattiki li jagħmlu parti mir-restrizzjonijiet l-iktar serji tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għaldaqstant loġiku li jkun meħtieġ li, bi skambju għall-għoti tal-immunità minn kull multa għall-aġir li jikkostitwixxi ksur li hija tkun wettqet, l-impriża li titlob l-immunità toffri kooperazzjoni għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni li għandha, skont il-kliem stess tal-punt 11(a) tal-komunikazzjoni dwar immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, tkun “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza”.

Jirriżulta mill-kwalifikazzjoni tal-kooperazzjoni bħala “bis-sħiħ” li l-kollaborazzjoni li għandu jipprovdi l-applikant għal immunità lill-Kummissjoni sabiex jibbenefika mill-immunità għandha tkun kompluta, assoluta u mingħajr ebda riżerva. Il-kwalifikazzjoni ta’ “fuq bażi kontinwa” u “bi prontezza” timplika li din il-kollaborazzjoni għandha tingħata matul il-proċedura amministrattiva kollha u li bħala regola għandha tkun immedjata.

Barra minn hekk, tnaqqis tal-multa fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni ma jistax ikun iġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta, u b’mod iktar ġenerali, l-aġir tal-impriża inkwistjoni, ikunu jistgħu jitqiesu f’dan ir-rigward li juru kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha. Kif jirriżulta mill-kunċett stess ta’ kooperazzjoni, kif jidher mit-test tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, effettivament huwa biss meta l-aġir tal-impriża kkonċernata jkun juri tali spirtu ta’ kooperazzjoni li jista’ jingħata tnaqqis fuq il-bażi tal-imsemmi avviż. Din il-kunsiderazzjoni tapplika a fortiori għall-kooperazzjoni meħtieġa biex jiġi ġġustifikat il-benefiċċju tal-immunità minn kull multa, sa fejn l-immunità tikkostitwixxi trattament iktar favorevoli minn sempliċi tnaqqis tal-multa.

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ kooperazzjoni “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza” li tiġġustifika l-għoti tal-immunità minn kull multa jimplika kollaborazzjoni ġenwina, kompluta u kkaratterizzata minn spirtu reali ta’ kooperazzjoni.

F’dan ir-rigward, impriża li tkun tixtieq tibbenefika minn immunità minn kull multa fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tagħha fl-investigazzjoni ma tistax tonqos milli tinforma lill-Kummissjoni bil-fatti pertinenti li hija tkun taf bihom u li jistgħu jaffettwaw, anki jekk potenzjalment, l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva u l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. B’hekk, kooperazzjoni ġenwina u bis-sħiħ tippresupponi li, matul il-proċedura amministrattiva kollha, l-impriża kkonċernata tinforma lill-Kummissjoni fi żmien utli b’kull ċirkustanza pertinenti li jista’ jkollha influwenza negattiva fuq l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni kif ukoll dwar l-iskoperta u r-repressjoni effikaċi tal-akkordju inkwistjoni. Dan l-obbligu ta’ informazzjoni huwa saħansitra iktar importanti meta din iċ-ċirkustanza tkun tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn din l-impriża u l-membri l-oħrajn tal-akkordju u, a fortiori, jekk is-seħħ ta’ din iċ-ċirkustanza kien is-suġġett ta’ diskussjoni espliċita minn qabel bejn il-Kummissjoni u din l-impriża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ aġir li jirrifletti spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina tista’ ssir biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu fil-mument meta seħħ dan l-aġir. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura “fuq bażi kontinwa” tal-kooperazzjoni mitluba li trid tibqa’ tul il-proċedura kollha, kull aġir li jmur kontra l-ispirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina huwa suffiċjenti sabiex jikkaratterizza ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni. B’hekk, kull ċirkustanza sussegwenti għal dan l-aġir ma tistax tiġġustifika dan il-ksur.

Minn dan isegwi li konstatazzjoni eventwali ex post li l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni ma pproduċiex effetti negattivi ma tistax tiġi invokata biex tiġġustifika dan il-ksur.

(ara l-punti 125-130, 132, 134)

3.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħmel, fid-deċiżjoni finali tagħha li timponi multa għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, modifiki fid-deċiżjoni għall-argumenti li jkunu jinsabu fil-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kemm-il darba d-deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet tal-partijiet li jagħtu risposta billi ma jiġux akkużati bi ksur differenti minn dawk imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u billi tibbaża ruħha biss fuq il-fatti li dwarhom il-partijiet ikkonċernati kellhom l-okkażjoni li jagħtu spjegazzjoni.

(ara l-punt 176)

4.      Id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippresupponi li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konkordanti, li jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-partijiet ikkonċernati mill-amministrazzjoni. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli.

Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, impriża li tkun ressqet applikazzjoni għal immunità minn multi quddiem il-Kummissjoni ma tista’ tinvoka ebda garanzija preċiża, mingħajr kundizzjoni u konkordanti, li hija kienet ser tikseb l-immunità definittiva fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, konformement mal-punt 19 tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, huwa biss fil-mument meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali li għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 11 tal-imsemmi avviż humiex sodisfatti. Minn dan isegwi li, fil-fażi tal-proċedura ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni ma setgħet tagħti ebda garanzija preċiża lil Deltafina dwar il-benefiċċju tal-immunità definittiva.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tinforma lill-applikanti għal immunità li huma għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ kooperazzjoni, peress li l-avviż stess jindika b’mod ċar il-konsegwenzi ta’ tali ksur.

(ara l-punti 190-193)

5.      Il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA huma strument intiż li jippreċiża, fl-osservanza tad-dritt ta’ regoli superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni trid tapplika fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. L-imsemmija linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi.

B’hekk, għalkemm il-linji gwida ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regola tad-dritt li l-amministrazzjoni tkun, f’kull każ, obbligata tosserva, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li minnha l-amministrazzjoni ma tistax tiddevja, f’każ partikolari, mingħajr ma tippreżenta ġustifikazzjonijiet.

L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ppreċiżat, permezz tal-linji gwida, l-approċċ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa dan il-kriterju globalment skont iċ-ċirkustanzi pertinenti kollha, inklużi elementi li ma jissemmewx espressament fil-linji gwida.

(ara l-punti 217-219)

6.      Skont il-metodu stabbilit mil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq jekk dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni.

Madankollu, dawn it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol primordjali, b’mod partikolari, biex tikkaratterizza l-ksur “serji ħafna”. Min-naħa l-oħra, la l-impatt konkret fuq is-suq u lanqas id-daqs tas-suq ġeografiku ma jikkostitwixxu elementi neċessarji għall-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna fil-każ ta’ akkordji orizzontali li jirrigwardaw b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet. B’dan il-mod, l-akkordji orizzontali li jirrigwardaw b’mod partikolari l-iffissar tal-prezzijiet jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, u mingħajr ma d-daqs limitat tas-suq ġeografiku kkonċernat jipprekludi tali kwalifikazzjoni.

Biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu sabiex jagħtu effett reali lill-intenzjonijiet tagħhom. Peress li dak li jseħħ sussegwentement fir-rigward tal-prezzijiet tas-suq effettivament miksuba jista’ jiġi influwenzat minn fatturi oħra barra mill-kontroll tal‑membri tal-akkordju, il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa, fatturi esterni li kkontrabattew l‑isforzi tagħhom.

Il-Kummissjoni ma tistax tkun mistennija, meta tkun ġiet stabbilita l-implementazzjoni ta’ akkordju, li turi sistematikament li l-akkordji effettivament ippermettew lill-impriżi kkonċernati li jilħqu livell ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet ogħla, jew, fil-każ ta’ akkordji dwar xiri, inqas minn dawk li kien ikun hemm fin-nuqqas tal-akkordju. Ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli, peress li dan ikun jeħtieġ l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi, ibbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom ma tistax tiġi mistħarrġa faċilment mill-qorti u l-infallibbiltà tagħhom ma tkunx ipprovata.

Barra minn hekk, id-daqs tas-suq ġeografiku ma huwiex kriterju awtonomu fis-sens li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” biss dawk il-ksur li jirrigwardaw il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. La t-Trattat, la r-Regolament Nru 1/2003, u lanqas il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, ma jippermettu li jistgħu jiġu kkwalifikati b’dan il-mod biss ir-restrizzjonijiet li huma mifruxa ħafna ġeografikament. Barra minn hekk, ftehim jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri kif ukoll it-tqassim tal-kwantitajiet mixtrija, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala serji ħafna, sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir jiġi kkaratterizzat b’daqs ġeografiku partikolari. Minn dan isegwi li d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat, anki jekk ikun limitat, ma jipprekludix, fil-prinċipju, il-kwalifikazzjoni tal-ksur ikkonstatat bħala “serju ħafna”.

(ara l-punti 220, 222-224, 226, 248-250, 277, 279)

7.      Fil-kuntest tal-iffissar ta’ multi abbażi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni jiġi sodisfatt meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tikkwantifika l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur. F’dak li jirrigwarda deċiżjoni li timponi multi fuq diversi impriżi, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandu jiġi stabbilit skont għadd kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Peress li l-impatt konkret fuq is-suq ma jikkostitwixxix element neċessarju għall-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna fil-każ ta’ akkordji orizzontali li jfittxu, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. Il-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx motivat l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju li hija ma kinitx marbuta li tikkunsidra, u li hija dehrilha li ma kienx neċessarju li tikkunsidra f’dan il-każ, ma jfissirx li kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-iffissar tal-multa.

(ara l-punti 282, 284)

8.      Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħti aċċess matul il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni għad-dokumenti interni tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, id-dokumenti interni tal-Kummissjoni ma jinġibux għall-konjizzjoni tal-partijiet rikorrenti, ħlief jekk dan ikun meħtieġ minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, fuq il-bażi ta’ indizji serji li huma jridu jipprovdu. Din ir-restrizzjoni tal-aċċess għad-dokumenti interni hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni kkonċernata fil-qasam tar-repressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punt 313)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Immunità minn multi – Kooperazzjoni – Multi – Proporzjonalità – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T-12/06,

Deltafina SpA, stabbilita f’Orvieto (l-Italja), irrappreżentata minn R. Jacchia, A. Terranova, I. Van Bael, J.-F. Bellis u F. Di Gianni, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Whelan u F. Amato, sussegwentement minn Whelan u V. Di Bucci, u fl-aħħar nett minn É. Gippini Fournier u L. Malferrari, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, talba għall-annullament jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq Deltafina mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2005) 4012 finali tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio Gonzáles, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Deltafina SpA, hija kumpannija Taljana li l-attivitajiet prinċipali tagħha huma l-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk ipproċessat. 100 % tal-ishma tagħha huma miżmuma minn Universal Corp., kumpannija rreġistrata f’Richmond (l-Istati Uniti).

I –  Proċedura amministrattiva

2        Fit-3, fl-4 u fil-5 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għamlet investigazzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li japplika l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), fil-kwartjieri ġenerali tal-Fédération européenne des transformateurs de tabac (Federazzjoni Ewropea tal-Proċessuri tat-Tabakk) u tal-Maison des métiers du tabac fi Brussell (il-Belġju). Fl-istess jum, permezz ta’ faks, il-Fédération européenne des transformateurs de tabac informat lill-membri tagħha kollha dwar dawn l-investigazzjonijiet, inkluża l-Associazione professionale trasformatori tabacchi italiani (APTI, Assoċjazzjoni professjonali tal-proċessuri Taljani tat-tabakk mhux maħdum), li fost il-membri tagħha tinkludi l-ikbar impriżi fis-settur.

3        Fit-3, fl-4 u fil-5 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni għamlet ukoll investigazzjonijiet fil-kwartieri ġenerali tat-tliet proċessuri prinċipali Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum kif ukoll taż-żewġ assoċjazzjonijiet Spanjoli ta’ proċessuri u produtturi tat-tabakk. Fis-16 ta’ Jannar 2002, it-tliet proċessuri Spanjoli tat-tabakk mhux maħdum, li kienu suġġetti għal investigazzjonijiet, kif ukoll kumpannija tal-grupp Universal, ippreżentaw talba konġunta għal immunità lill-Kummissjoni abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996”).

4        Fil-15 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lil żewġ assoċjazzjonijiet professjonali Taljani, jiġifieri l-APTI, li tirrappreżenta lill-proċessuri tat-tabakk mhux maħdum, u l-Unione italiana tabacco (Unitab, Unjoni Taljana tat-Tabakk), li tirrappreżenta lill-produtturi tat-tabakk mhux maħdum. Fit-12 ta’ Frar 2002, l-APTI rrispondiet għat-talba għal informazzjoni. Fl-istess jum, il-bord tagħha ltaqa’ u matul din il-laqgħa ġiet diskussa t-talba tal-Kummissjoni.

5        Fid-19 ta’ Frar 2002, Deltafina ppreżentat lill-Kummissjoni talba għal immunità mill-multi abbażi tat-titolu A tal-Avviż tal-kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”) u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, skont it-titolu B tal-istess avviż. It-talba għal immunità kienet tikkonċerna akkordju preżunt bejn il-proċessuri tat-tabakk mhux maħdum fis-suq Taljan.

6        Fit-28 ta’ Frar 2002, saret konverżazzjoni telefonika bejn wieħed mill-avukati ta’ Universal u l-uffiċjal tad-direttorat ġenerali “Kompetizzjoni ” tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl.

7        Fis-6 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni informat lil Deltafina li t-talba tagħha kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u li hija kienet ser tagħtiha, wara l-proċedura amministrattiva, immunità mill-multi għal kull ksur ikkonstatat wara l-inkjesta li ssir mill-Kummissjoni b’rabta mal-provi prodotti, bil-kundizzjoni li Deltafina tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fil-punt 11 tal-imsemmi avviż.

8        Fl-14 ta’ Marzu 2002, saret laqgħa bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ Deltafina u ta’ Universal biex jiddiskutu l-modalitajiet tal-kooperazzjoni ta’ Deltafina mal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002”). Matul din il-laqgħa, issemma b’mod partikolari t-trattament kunfidenzjali tat-talba għal immunità ta’ Deltafina.

9        Fid-19, fil-21, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2002, Deltafina pprovdiet informazzjoni supplimentari lill-Kummissjoni.

10      Fit-22 ta’ Marzu 2002, saret konverżazzjoni telefonika bejn ir-rappreżentanti ta’ Deltafina u l-uffiċjal tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl dwar diversi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ta’ Deltafina mal-Kummissjoni.

11      Fit-2 ta’ April 2002, il-konsulent legali estern ta’ Universal informa lill-konsulenti legali esterni ta’ Standard Commercial Corp. (iktar ’il quddiem “SCC”) u ta’ Dimon Inc., kumpanniji parent rispettivament ta’ Transcatab SpA u ta’ Dimon Italia Srl, żewġ kumpanniji Taljani tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum, li Deltafina kienet ippreżentat talba għal immunità lill-Kummissjoni fir-rigward tal-akkordji bejn il-proċessuri fis-suq tat-tabakk fl-Italja.

12      Fl-4 ta’ April 2002, filgħodu, saret laqgħa tal-bord tal-APTI. Matul din il-laqgħa, il-president ta’ Deltafina informa lill-persuni preżenti li hija kienet bdiet tikkoopera mal-Kummissjoni fis-sens tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, billi bagħtitilha dokumenti li kienu jikkompromettuha.

13      Fl-istess jum, jiġifieri fl-4 ta’ April 2002, waranofsinhar, Dimon Italia u Transcatab, li r-rappreżentanti tagħhom kienu preżenti għal-laqgħa tal-APTI msemmija fil-punt preċedenti, ippreżentaw ukoll talba għal trattament favorevoli abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (rispettivament fl-16:15 u fis-18:47).

14      Fit-18 u d-19 ta’ April 2002, il-Kummissjoni għamlet investigazzjonijiet abbażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, fil-bini ta’ Dimon Italia u Transcatab, kif ukoll fil-bini ta’ Trestina Azienda Tabacchi SpA (iktar ’il quddiem “Trestina”) u ta’ Romana Tabacchi SpA.

15      Fit-18 ta’ April u s-17 ta’ Mejju 2002, Deltafina pprovdiet informazzjoni supplimentari oħra lill-Kummissjoni.

16      Fid-29 ta’ Mejju u l-11 ta’ Lulju 2002, saru żewġ laqgħat oħra bejn ir-rappreżentanti ta’ Deltafina u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

17      Fit-8 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni informat lil Dimon Italia u lil Transcatab li, peress li dawn kienu rispettivament l-ewwel u t-tieni impriża li pprovdew provi tal-ksur għall-finijiet tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni, hija kellha l-ħsieb li, fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, tnaqqas l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom fir-rigward tal-ksur eventwalment ikkonstatat.

18      Fil-25 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil diversi impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, fosthom Deltafina, Universal, Dimon Italia u Transcatab.

19      Fit-22 ta’ Ġunju 2004, saret seduta orali bil-parteċipazzjoni ta’ Deltafina. Matul din is-seduta, rappreżentant ta’ Dimon Italia ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal żewġ dokumenti mdaħħla fil-fajl – fotokopji li ttieħdu matul investigazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fil-bini ta’ Dimon Italia fit-18 ta’ April 2002 u li jikkonsistu f’noti miktuba bl-idejn meħuda mir-rappreżentanti ta’ din il-kumpannija – li jiġbru fil-qosor id-dikjarazzjonijiet tal-president ta’ Deltafina matul il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002.

20      Fil-21 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni adottat addendum għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-25 ta’ Frar 2004 (iktar ’il quddiem l-“addendum”), li permezz tiegħu hija informat lil Deltafina u lill-impriżi l-oħrajn ikkonċernati bl-intenzjoni tagħha li ma tagħtihiex l-immunità mill-multi minħabba l-ksur, minnha, tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

21      Fl-1 ta’ Marzu 2005 nżammet seduta dwar l-addendum. Wara din is-seduta, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet ġodda min-naħa ta’ Universal, Deltafina, Dimon u SCC.

II –  Id-deċiżjoni kkontestata

22      Wara li kkonsultat mal-Kumitat konsultattiv dwar l-akkordji u l-pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ, il-Kummissjoni adottat, fl-20 ta’ Ottubru 2005, id-Deċiżjoni C (2005) 4012 finali, dwar proċedura taħt l-Artikolu 81(1), [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Frar 2006 (ĠU L 353, p. 45).

23      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lil Deltafina fl-10 ta’ Novembru 2005.

24      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari dawn id-dispożizzjonijiet:

“Artikolu 1

1. Deltafina […], Universal […] kisru l-Artikolu 81(1) [KE] matul il-perjodi indikati billi pparteċipaw f’akkordji u/jew fi prattiki miftiehma fis-settur tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja.

Il-perjodi tal-ksur huma dawn:

a) għal Deltafina, Universal […], mid-29 ta’ Settembru 1995 sad-19 ta’ Frar 2002;

[…]

Artikolu 2

Il-multi segwenti huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a) Deltafina u Universal, in solidum, EUR 30 000 000;

[…]”

25      Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il quddiem.

A –  Fuq il-ksur u l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur

26      Fid-deċiżjoni kkontestata, wara d-deskrizzjoni tal-fatti pertinenti u l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti, il-Kummissjoni tikkonkludi li ġie stabbilit li Deltafina pparteċipat direttament, flimkien ma’ diversi impriżi oħrajn, f’akkordji u/jew fi prattiki miftiehma pprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE. Din l-evalwazzjoni ma ġietx ikkontestata f’din il-kawża.

27      Il-Kummissjoni eżaminat, sussegwentement, il-kwistjoni tal-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-impriżi li pparteċipaw fih, u kkonkludiet li kemm Deltafina kif ukoll il-kumpannija parent tagħha, Universal, kellhom jinżammu responsabbli għall-ksur inkwistjoni u jkunu destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

B –  Fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa

1.     Determinazzjoni tal-ammont ta’ tluq tal-multa

28      Għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Deltafina, il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, li sabiex tkun tista’ tiffissa l-ammont hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, u b’mod partikolari l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

29      B’hekk, il-Kummissjoni eżaminat, fl-ewwel lok, il-gravità tal-ksur. Hija tfakkar li, biex tevalwah, għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Il-Kummissjoni tindika, sussegwentement, li l-produzzjoni tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja tikkorrispondi għal 38 % tal-produzzjoni taħt il-kwota fl-Unjoni Ewropea, li kienet tirrappreżenta EUR 67 338 miljun fl-2001, jiġifieri fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur (premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni tqis li huwa serju ħafna, peress li jikkonċerna l-iffissar ta’ prezzijiet ta’ xiri ta’ varjetajiet ta’ tabakk mhux maħdum fl-Italja kif ukoll it-tqassim tal-kwantitajiet mixtrija (premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Fil-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, waqt li tirreferi għall-parti tal-imsemmija deċiżjoni li tirrigwarda l-analiżi tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (premessi 277 et seq), il-Kummissjoni tafferma li akkordju dwar ix-xiri jista’ joħloq distorsjoni fir-rieda tal-produtturi li jiġġeneraw ċertu redditu waqt li fl-istess ħin jillimita l-kompetizzjoni bejn il-proċessuri fis-swieq downstream u li dan huwa partikolarment il-każ meta, bħal fil-każ preżenti, il-prodott ikkonċernat fl-akkordju (it-tabakk mhux maħdum) ikun jikkostitwixxi “input” importanti għall-attivitajiet eżerċitati mill-parteċipanti downstream (f’dan il-każ, l-ewwel ipproċessar tat-tabakk u l-bejgħ ta’ tabakk ipproċessat).

33      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ksur imwettaq minn Deltafina għandu jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna (premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Sussegwentement, il-Kummissjoni tafferma li, meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża u tar-riperkussjonijiet probabbli tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħha. B’hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-multi għandhom jiġu ffissati skont il-pożizzjoni ta’ kull parti inkwistjoni fis-suq. F’dan ir-rigward, hija tikkunsidra li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Deltafina għandu jkun ogħla meta titqies il-kwalità tagħha bħala l-ikbar xerrejja, peress li s-sehem tas-suq tagħha huwa ta’ madwar 25 % fl-2001 (premessi 370 sa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li ammont bażiku li jirrifletti biss il-pożizzjoni fis-suq ma jkollux effett dissważiv biżżejjed fuq Deltafina, Dimon Italia/Mindo u Transcatab, peress li, minkejja d-dħul mill-bejgħ relattivament limitat tagħhom, kull waħda kienet tappartjeni – jew, fil-każ ta’ Mindo, qabel kienet tappartjeni – lil gruppi multinazzjonali b’saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli, li kienu l-ikbar negozjanti fit-tabakk fid-dinja u li kienu joperaw f’diversi livelli ta’ attività fi ħdan l-industrija tat-tabakk u fuq swieq ġeografiċi differenti (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Għaldaqstant, sabiex il-multa tkun ta’ natura dissważiva, il-Kummissjoni tapplika għall-ammont bażiku koeffiċjent moltiplikatur li jieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-impriżi kkonċernati. Għal Deltafina, il-koeffiċjent moltiplikatur applikat mill-Kummissjoni huwa ta’ 1.5. B’hekk, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiffissa l-ammont bażiku tal-multa ta’ Deltafina, kif immoltiplikat bil-koeffiċjent moltiplikatur, għal EUR 37.5 miljun.

37      Il-Kummissjoni sussegwentement iżżid dan l-ammont b’60 % minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur (premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod li l-ammont ta’ tluq tal-multa ta’ Deltafina huwa ffissat għal EUR 60 miljun (premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Ċirkustanza attenwanti

38      Il-Kummissjoni sussegwentement tieħu inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti favur Deltafina, il-kooperazzjoni effettiva tagħha fil-kuntest tal-proċedura barra mill-kamp tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Hija tibda billi tfakkar li għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 43 et seq iktar ’il quddiem, Deltafina ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tibbenefika mill-immunità totali jew mit-tnaqqis tal-multa skont il-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessa 385 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Il-Kummissjoni sussegwentement tindika li, fil-każijiet fejn l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jista’ japplika, il-kooperazzjoni tal-impriżi li huma partijiet għall-proċedura għandha fil-prinċipju tiġi evalwata fil-kuntest tal-imsemmi avviż. Hija tgħid ukoll li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li l-kooperazzjoni ta’ parti tista’ titqies li għandha, skont il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) [CA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), effett attenwanti fuq l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta meta l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 kien fil-prinċipju applikabbli (premessi 386 u 387 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Il-Kummissjoni tqis li dan huwa l-każ f’din il-kawża għal Deltafina għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, Deltafina kienet l-ewwel impriża li ppreżentat talba għall-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ftit jiem biss wara li ġie adottat) u l-ewwel impriża li ngħatat immunità kundizzjonali mill-Kummissjoni. Din hija wkoll l-ewwel deċiżjoni dwar il-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligi ta’ kooperazzjoni imposti fuq l-impriżi li jkunu ressqu talba għal immunità skont il-punt 11 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li Deltafina sa mill-bidu kkontribwixxiet b’mod sostanzjali għall-investigazzjoni tagħha u kompliet tagħmel dan matul il-proċedura kollha, bl-eċċezzjoni ta’ fatti li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-immunità finali (premessi 388 sa 390 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tħares b’mod favorevoli lejn il-kooperazzjoni ta’ Deltafina matul il-proċedura. Il-Kummissjoni fl-aħħar nett tgħid ukoll li Deltafina qatt ma kkontestat il-fatti li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u tal-aġir iktar ġenerali ta’ Deltafina matul il-proċedura, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-multa imposta kontriha għandha titnaqqas b’50 % (premessi 391 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Wara li qieset din iċ-ċirkustanza attenwanti, il-Kummissjoni tiffissa l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta in solidum fuq Deltafina u Universal għal EUR 30 miljun.

C –  Fuq it-talba għal immunità ta’ Deltafina

43      Il-Kummissjoni sussegwentement issemmi r-raġunijiet li wassluha tikkonkludi li Deltafina ma setgħetx tibbenefika minn immunità mill-multi fis-sens tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

44      Hija tispjega li, wara l-eżami tat-talba għal immunità mill-multi ppreżentata minn Deltafina, li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, hija kienet tatha immunità kundizzjonali fir-rigward tal-kundizzjonijiet kumulattivi stipulati fil-punt 11 tal-imsemmi avviż, u li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet l-osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni [punt 11(a) ta’ dan l-avviż] (premessi 405 sa 409 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Madankollu, il-Kummissjoni tirrileva, fil-premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, li matul is-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2004, deher illi Deltafina kienet żvelat it-talba għal immunità fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-APTI msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq, li fiha pparteċipaw ukoll ir-rappreżentanti ta’ Dimon Italia, ta’ Transcatab u ta’ Trestina, qabel ma l-Kummissjoni kellha l-opportunità tipproċedi għal investigazzjonijiet fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li dawn il-fatti kienu s-suġġett ta’ lmenti kontra Deltafina fl-addendum (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).

46      B’hekk, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, eżaminat il-fatti pertinenti fid-dettall sabiex tikkonkludi, sussegwentement, li Deltafina ma kinitx issodisfat il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 11 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

1.     Il-fatti pertinenti

47      Il-Kummissjoni tirrileva li, matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, kienet tqajmet il-kwistjoni tan-natura kunfidenzjali tat-talba għal immunità ta’ Deltafina. Skont il-Kummissjoni, matul din il-laqgħa, id-dipartimenti tagħha kienu ppreċiżaw li kienu qegħdin jipprevedu li jwettqu investigazzjonijiet għalgħarrieda fir-rigward tal-akkordju żvelat minn Deltafina, li dawn l-investigazzjonijiet ma setgħux isiru qabel il-perijodu ta’ bejn it-18 u l-20 ta’ April 2002 u li, b’hekk, kien neċessarju li tinżamm il-kunfidenzjalità sa din id-data sabiex ma jiġux avżati l-kompetituri u biex ma tiġix kompromessa l-effettività ta’ dawn l-investigazzjonijiet (premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li, matul din il-laqgħa, Deltafina kienet spjegat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni li kien diffiċli għaliha li ma tiżvelax it-talba tagħha għal immunità sad-data prevista għall-investigazzjonijiet għal numru ta’ raġunijiet, fosthom, fl-ewwel lok, iż-żamma ta’ laqgħat imminenti mal-kompetituri tagħha fi ħdan l-APTI, li matulhom kien ikun diffiċli li jinżammu kunfidenzjali, fit-tieni lok, in-neċessità li tiġi informata l-amministrazzjoni tan-nofs ta’ Deltafina bit-talba (ħmistax-il persuna) u, fit-tielet lok, in-neċessità li din it-talba għal immunità tiġi żvelata fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament li jinvolvu lil Universal fl-Istati Uniti (premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Fil-premessi 413 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirriproduċi l-kontenut tal-minuti interni tal-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002 li ttieħdu mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, kif ukoll noti meħuda minn wieħed mir-rappreżentanti ta’ Universal matul din il-laqgħa.

50      Il-Kummissjoni tirrileva, barra minn hekk, fil-premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata, li matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, id-dipartimenti tagħha kienu talbu lil Deltafina tipprovdilhom serje ta’ informazzjoni sabiex ikunu jistgħu jipproċedu għall-investigazzjonijiet fil-post. Fil-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm riferiment għat-test ta’ memorandum intern tad-dipartimenti tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Marzu 2002 li jiġbor fil-qosor l-istat ta’ progress tal-każ wara l-laqgħa tal-ġurnata ta’ qabel. Il-premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata tirriproduċi t-test tal-minuti ta’ laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ Deltafina tal-1 ta’ Marzu 2002, fejn l-imsemmi bord jieħu nota tan-neċessità li jintemm immedjatament l-aġir illegali marbut mal-akkordju u jistieden lill-parteċipanti josservaw l-iktar kunfidenzjalità stretta f’dak li jirrigwarda t-talba għal immunità.

51      Il-Kummissjoni sussegwentement tirreferi għad-dikjarazzjoni tal-president ta’ Deltafina matul il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002 billi tibbaża ruħha, minn naħa, fuq il-kontenut taż-żewġ dokumenti msemmija mill-avukati ta’ Dimon Italia matul is-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2004 u, min-naħa l-oħra, fuq dak ta’ memorandum iffirmat mill-president ta’ Deltafina stess li jagħti rendikont tal-kundizzjonijiet li fihom sar l-iżvelar tat-talba għal immunità matul din il-laqgħa (premessi 421 sa 426 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Il-Kummissjoni tirrileva li fl-istess jum meta sar dan l-iżvelar, Dimon Italia u Transcatab ippreżentaw ukoll talba għall-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u li d-dikjarazzjonijiet li saru mill-president ta’ Deltafina matul il-laqgħa tal-APTI ma ssemmewx f’dawk it-talbiet (premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Fl-aħħar nett, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li saret laqgħa oħra bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u Deltafina fid-29 ta’ Mejju 2002, li matulha la l-Kummissjoni u lanqas Deltafina ma qajmu l-kwistjoni tal-kunfidenzjalità u Deltafina ma ddikjaratx li żvelat it-talba tagħha għal immunità lil Dimon Italia u Transcatab matul il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002 (premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Nuqqas ta’ osservanza minn Deltafina tal-kundizzjoni ffissata fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

54      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li l-obbligu ta’ kooperazzjoni ffissat fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jikkostitwixxi element essenzjali tal-ftehim konkluż bejnha u l-applikant meta tingħata immunità kundizzjonali. Skont il-Kummissjoni, dan l-obbligu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-loġika bażika tal-politika tagħha dwar l-immunità, jiġifieri l-kontribuzzjoni determinanti tal-applikant għall-ftuħ ta’ investigazzjoni jew l-iskoperta ta’ ksur imwettaq minn akkordju. Fid-dawl ta’ din il-loġika, l-imsemmi obbligu b’hekk ma huwiex limitat, skont il-Kummissjoni, għat-trażmissjoni ta’ provi dwar il-ksur, iżda jippresupponi wkoll astensjoni mit-teħid ta’ kwalunkwe miżura li tista’ tikkomprometti l-kapaċità tagħha li tinvestiga u/jew li tikkonstata l-ksur (premessi 431 u 432 tad-deċiżjoni kkontestata).

55      Fil-premessa 433 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa rrilevat li meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tkun għadha ma għamlitx investigazzjonijiet u s-settur ma jkunx jaf b’investigazzjonijiet imminenti min-naħa tagħha, kull żvelar tal-eżistenza ta’ talba għal immunità joħloq ir-riskju li tiġi kompromessa totalment u irrevokabilment il-kapaċità tagħha li tipproċedi għal investigazzjonijiet effikaċi u biex tistabbilixxi l-ksur. L-effett utli tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jeżiġi, skont il-Kummissjoni, li l-investigazzjonijiet ma jkunux kompromessi mill-aġir tal-impriżi li jitolbu li jibbenefikaw minn trattament favorevoli. Huma b’hekk ma jistgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi li bihom, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa, il-kunfidenzjalità ma tistax tifforma parti mill-kundizzjoni stipulata fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li l-iżvelar intenzjonat u volontarju ta’ din l-informazzjoni mill-applikant għal immunità lill-kompetituri tiegħu għandu jitqies li huwa nuqqas mill-obbligu ta’ kooperazzjoni stabbilit fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

56      Il-Kummissjoni tgħid ukoll li t-“tensjoni intrinsika” bejn dan l-obbligu u dak iffissat fil-punt 11(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li abbażi tiegħu l-applikant għandu jtemm il-parteċipazzjoni tiegħu fil-ksur sa mhux iktar tard mid-data tat-talba tiegħu għal immunità, ma tawtorizzax lil applikant jinforma voluntarjament lill-membri l-oħrajn tal-akkordju li huwa ppreżenta applikazzjoni għal immunità. Din is-sitwazzjoni hija differenti minn sitwazzjoni fejn l-applikant iħossu kostrett jieħu miżuri li jistgħu jwasslu lill-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju li jissuspettaw li huwa ppreżenta tali talba (premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Il-Kummissjoni hija tal-fehma, barra minn hekk, li ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża tabilħaqq jindikaw li Deltafina kienet fehmet li l-kunfidenzjalità tagħmel parti mill-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni. Skont il-Kummissjoni, dan jirriżulta b’mod ċar, b’mod partikolari, mir-riżoluzzjoni tal-bord tad-diretturi ta’ Deltafina tal-1 ta’ Marzu 2002, li kienet timponi “kunfidenzjalità mill-iktar stretta” dwar dan is-suġġett (ara l-premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 50 iktar ’il fuq), u l-kliem stess tal-president ta’ Deltafina fejn qal li d-deċiżjoni ta’ Deltafina li tikkoopera mal-Kummissjoni “ma setgħetx tiġi kkomunikata lil impriżi oħrajn ħlief b’attenzjoni kbira u f’każ ta’ bżonn” (premessa 440 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Wara li qieset il-fatti pertinenti mfakkra iktar ’il fuq u l-portata tal-kundizzjoni stipulata fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni tikkonkludi li Deltafina ma osservatx din il-kundizzjoni. Fil-fatt, għalkemm hija kienet taf li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tipproċedi għal investigazzjonijiet fil-post matul il-perijodu bejn it-18 u l-20 ta’ April 2002, il-president tagħha informa volontarjament liż-żewġ kompetituri prinċipali tagħha bil-preżentazzjoni tat-talba tagħha għal immunità qabel ma saru dawn l-investigazzjonijiet fil-post (premessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      Il-Kummissjoni tirrileva wkoll, fil-premessa 442 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir ta’ Deltafina kien perfettament suxxettibbli li jikkomprometti r-riżultat ta’ dawk l-investigazzjonijiet, ħaġa li Deltafina kienet taf jew, ta’ mill-inqas, kien imissha kienet taf, b’mod partikolari peress li kienet ġiet informata speċifikament mill-Kummissjoni li kienu ser isiru l-investigazzjonijiet u peress li ntalbet iżżomm kunfidenzjali t-talba tagħha għal immunità, b’mod li ma tikkompromettix l-eżitu ta’ dawk l-investigazzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat jekk effettivament ġewx ippreġudikati l-investigazzjonijiet tagħha u, barra minn hekk, din iċ-ċirkustanza f’ebda każ ma tista’ tikkostitwixxi fattur determinanti biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Deltafina (premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata li la d-diskussjonijiet matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002 u lanqas l-aġir sussegwenti tagħha ma jħallu dubju dwar il-fatt li hija qatt ma ammettiet li Deltafina għandha inevitabbilment tiżvela t-talba tagħha għall-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 lill-kompetituri tagħha u li l-investigazzjonijiet b’hekk ma jistgħux isiru. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni li ppreċiżat li kien neċessarju li tinżamm il-kunfidenzjalità għal xahar iżjed sabiex jitħejjew dawk l-investigazzjonijiet li għalihom hija talbet l-informazzjoni meħtieġa u bdiet il-preparazzjonijiet sa mill-jum ta’ wara l-laqgħa (premessi 446 u 447 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Il-Kummissjoni tafferma li rrikonoxxiet kemm id-diffikultajiet prattiċi ta’ Deltafina biex iżżomm il-kunfidenzjalità tat-talba għal immunità, kif ukoll il-fatt li l-investigazzjonijiet kienu ser isiru estremament improbabbli kieku Deltafina kienet obbligata li tiżvela t-talba tagħha għal immunità lill-kompetituri tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li f’dan il-każ l-iżvelar minn Deltafina tat-talba tagħha għal immunità matul il-laqgħa tal-APTI kien volontarju u spontanju. Tali aġir qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat fil-kuntest ta’ tali talba għal immunità (premessi 444, 448 u 450 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Jirriżulta mill-premessa 449 tad-deċiżjoni kkontestata li l-fatt li Deltafina qatt ma informat lill-Kummissjoni b’dan l-iżvelar jagħti x’tifhem li hija ma kinitx qed tistenna li l-Kummissjoni ser tapprova l-aġir tagħha.

63      Il-Kummissjoni tirrileva li matul il-proċedura amministrattiva Deltafina argumentat li l-iżvelar ma kienx volontarju, iżda dovut għall-pressjoni li hija kienet qed issofri min-naħa tal-kompetituri tagħha. Madankollu, skont il-Kummissjoni, għalkemm it-tmiem tal-parteċipazzjoni fil-ksur li huwa meħtieġ wara l-preżentazzjoni ta’ talba għal immunità jista’ jagħti lok għal diffikultajiet prattiċi, Deltafina ma wrietx kif it-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħha fil-prattiki illeċiti u r-rifjut tagħha li tiltaqa’ mal-kompetituri tagħha “setgħu jostakolaw l-aġir kummerċjali leġittimu tagħha”. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-pressjonijiet eżerċitati mill-kompetituri li ma jirrappreżentawx theddid serju u imminenti ma jistgħux jeskludu n-natura volontarja tal-iżvelar inkwistjoni. Peress li l-president ta’ Deltafina ma aġixxiex taħt l-effett ta’ xi theddida kostrinġenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iżvelar tat-talba għal immunità matul il-laqgħa tal-APTI kien volontarju (premessi 451 sa 453 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li, wara ċerti pressjonijiet mill-konsulenti legali esterni tal-kumpanniji parent ta’ Dimon Italia u Transcatab, il-konsulent legali estern ta’ Universal kien ikkonferma, fit-2 ta’ April 2002, li Deltafina kienet ippreżentat lill-Kummissjoni talba għal immunità, ma jistax fih innifsu jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ Deltafina jew jirrimedja dan in-nuqqas. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkunsidra, fl-ewwel lok, li ebda konnessjoni ma ġiet stabbilita bejn l-iżvelar fl-Istati Uniti u l-aġir tal-president ta’ Deltafina, fit-tieni lok, li ksur distint tal-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni ma jistax jintuża biex jiġġustifika ksur ulterjuri tal-istess obbligu (ex iniuria non oritur ius), u, fit-tielet lok, li ma kien hemm ebda prova ta’ pressjonijiet eżerċitati mill-konsulenti legali esterni ta’ SCC u Dimon ħlief messaġġ telefoniku li l-konsulent legali estern ta’ SCC kien ħalla fis-segreterija telefonika tal-konsulent legali ta’ Universal (premessi 454 sa 459 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      Il-Kummissjoni sussegwentement tirrileva li, fi kwalunkwe każ, Universal ma informatx bi prontezza lill-Kummissjoni bl-iżvelar imwettaq mill-konsulent legali estern tagħha (premessa 459 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Fil-premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li, għar-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, Deltafina nasqet mill-obbligu ta’ kooperazzjoni li kienet obbligata tosserva skont il-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u li, għaldaqstant, ma setgħetx tingħatalha l-immunità b’mod li kellha tiġi imposta multa kontriha għall-ksur inkwistjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

67      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali mill-1 ta’ Diċembru 2009) fid-19 ta’ Jannar 2006, Deltafina ppreżentat dan ir-rikors.

68      B’ittra tas-26 ta’ Ġunju 2006, Deltafina talbet lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-verżjoni sħiħa ta’ dokument mehmuż mar-risposta. B’komunikazzjoni tat-22 ta’ Novembru 2006, ir-reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lil Deltafina bid-deċiżjoni tal-president tat-tielet awla li biha ċaħad din it-talba.

69      B’ittra tas-16 ta’ Settembru 2010, Deltafina informat lill-Qorti Ġenerali li kienet qed tirrinunzja għas-sitt motiv tagħha.

70      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

71      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ Settembru 2010.

72      Deltafina titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-multa imposta fuqha mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

73      Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Deltafina għall-ispejjeż.

 Id-dritt

74      Insostenn tat-talbiet tagħha, Deltafina tqajjem seba’ motivi.

75      L-ewwel erba’ motivi huma invokati fuq bażi prinċipali u jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din tikkundanna lil Deltafina biex tħallas multa. L-ewwel motiv jallega żball manifest inkwantu l-irtirar tal-immunità minn multi huwa bbażat fuq premessa fattwali żbaljata. It-tieni motiv jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni qieset li Deltafina kienet kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. It-tielet motiv jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni rtirat l-immunità meta qieset li l-iżvelar minn Deltafina tat-talba tagħha għal immunità kien ikkomprometta l-investigazzjoni. Ir-raba’ motiv jallega ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

76      L-aħħar tliet motivi ġew invokati sussidjarjament u huma intiżi biex jiksbu tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Deltafina. Il-ħames motiv jallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-natura eċċessiva tal-ammont bażiku tal-multa. Is-sitt motiv jallega żball inkwantu l-Kummissjoni qieset lil Universal bħala responsabbli konġuntament għall-aġir ta’ Deltafina u, konsegwentement, imponiet multa eċċessiva fuq din tal-aħħar. Is-seba’ motiv jallega evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti.

77      Peress li Deltafina rrinunzjat għas-sitt motiv tagħha b’ittra tas-16 ta’ Settembru 2010, ma hemmx lok li jiġi eżaminat.

I –  Fuq il-motivi invokati fuq bażi prinċipali

78      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel tliet motivi ta’ Deltafina huma bbażati fuq żbalji li allegatament jivvizzjaw b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu l-Kummissjoni ma tathiex l-immunità mill-multi minħabba l-ksur min-naħa tagħha tal-obbligu ta’ kooperazzjoni, previst fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

79      Peress li dawn il-motivi huma relatati mill-qrib, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

A –  Fuq l-ewwel tliet motivi, li jallegaw żbalji manifesti li jivvizzjaw in-nuqqas ta’ għoti tal-immunità definittiva lil Deltafina

1.     L-argumenti tal-partijiet

80      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, Deltafina ssostni li l-irtirar tal-immunità mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq żball manifest ta’ fatt, inkwantu huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-proċessuri Taljani tat-tabakk mhux maħdum ma kinux konxji mill-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni.

81      Skont Deltafina, jirriżulta mill-premessa 433 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-komunikazzjoni li saret mill-president tagħha matul il-laqgħa tal-4 ta’ April 2002 kienet tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni, peress li ħolqot ir-riskju li tiġi kompromessa l-effettività tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni affermat f’din il-premessa li kull informazzjoni li taħrab dwar l-eżistenza ta’ talba għal immunità tista’ tħeġġeġ lill-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur biex jeliminaw jew jaħbu l-provi. Madankollu, kundizzjoni essenzjali sabiex tkun iġġustifikata tali kundizzjoni hija li s-settur inkwistjoni ma jkunx diġà jaf bl-eżistenza tal-investigazzjoni u tal-prossibbiltà ta’ investigazzjonijiet għalgħarrieda. Huwa biss f’dan il-każ li komunikazzjoni lil terzi dwar l-eżistenza ta’ talba għal immunità tista’, teoretikament, tikkomprometti l-kapaċità tal-Kummissjoni li tmexxi l-investigazzjoni tagħha b’mod effikaċi. Għaldaqstant, Deltafina ssostni li l-premessa fundamentali għall-irtirar tal-immunità kellha neċessarjament tkun li s-settur inkwistjoni ma kienx jaf bl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

82      Skont Deltafina, il-proċessuri Taljani tat-tabakk mhux maħdum kienu jafu bl-eżistenza tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, minħabba l-investigazzjonijiet li saru f’Ottubru 2001 mill-Kummissjoni fi Brussell u fi Spanja u t-talbiet għal informazzjoni indirizzati fil-15 ta’ Jannar 2002 mill-Kummissjoni lill-APTI u lill-UNITAB. Diversi elementi oħrajn juru li s-settur kien informat dwar l-investigazzjoni, fosthom dikjarazzjoni ta’ Dimon li tinsab f’formola ppreżentata lill-awtorità Amerikana ta’ kontroll tas-swieq finanzjarji, il-fatt li kemm Dimon Italia kif ukoll Transcatab kienu diġà bdew iħejju t-talbiet tagħhom għal trattament favorevoli qabel l-iżvelar tal-4 ta’ April 2002, kif ukoll iċ-ċirkustanza li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet ġiet diskussa matul laqgħa tal-APTI.

83      Barra minn hekk, il-preżentazzjoni ta’ talba għal immunità ma twassalx awtomatikament għal investigazzjonijiet għalgħarrieda, peress li dawn ma jkunux meħtieġa meta l-applikant jipprovdi provi li jippermettu lill-Kummissjoni tikkonstata ksur. Fil-fatt, ikun indispensabbli li jsiru investigazzjonijiet għalgħarrieda biex jiġi kkonstatat ksur biss fl-ipoteżi msemmija fil-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Għall-kuntrarju, fil-każijiet imsemmija fil-punt 8(b) ta’ dan il-avviż, ma jkunx indispensabbli li jsiru investigazzjonijiet, sa fejn il-provi kollha meħtieġa jkunu diġà ġew ipprovduti lill-Kummissjoni mill-impriża li tkun ippreżentat it-talba għal immunità. F’din il-kawża, peress li t-talba għal immunità ta’ Deltafina ssodisfat, skont il-Kummissjoni stess, il-kundizzjonijiet tal-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, dan ma huwiex każ fejn ma kienx neċessarju li l-Kummissjoni tagħmel investigazzjonijiet għalgħarrieda.

84      Skont Deltafina, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, l-irtirar mill-Kummissjoni tal-immunità ta’ Deltafina b’hekk huwa bbażat fuq żball ta’ fatt manifest.

85      Fil-kuntest tat-tieni motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni qieset li Deltafina kienet kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Deltafina essenzjalment tqajjem tliet sensieli ta’ lmenti.

86      Fl-ewwel lok, hija ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, hija osservat b’mod rigoruż l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni, kif imsemmi fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Hija ssostni li avżat lill-Kummissjoni, matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, dwar l-impossibbiltà li ma tirrilevax li hija kienet ippreżentat talba għal immunità. Din l-impossibbiltà li żżomm is-sigriet kienet tirriżulta mill-erba’ ċirkustanzi li ġejjin: proċedura ta’ kontroll preliminari (due diligence) li kienet tinsab għaddejja għal operazzjoni finanzjarja mwettqa minn Universal fis-suq Amerikan; azzjoni antitrust kollettiva li nfetħet fl-Istati Uniti kontra Universal, Dimon u SCC; il-ħtieġa li tiġi informata l-amministrazzjoni tan-nofs ta’ Deltafina dwar il-preżentazzjoni tat-talba għal trattament favorevoli sabiex jiġi evitat is-segwitu tal-attivitajiet tal-kartell; l-imminenza tal-laqgħa tal-APTI, li matulha Deltafina kellha, għall-ewwel darba wara l-preżentazzjoni tat-talba tagħha għal trattament favorevoli, issib ruħha wicc imb’wiċċ mal-proċessuri l-oħrajn tat-tabakk mhux maħdum.

87      Peress li s-suq inkwistjoni huwa kkaratterizzat mid-daqs ferm ristrett tiegħu, mit-trasparenza u mill-faċilità ta’ kuntatti persunali bejn il-membri tal-akkordju, ir-rifjut min-naħa ta’ Deltafina li tipparteċipa fid-diskussjonijiet abitwali fil-ġimgħat wara l-preżentazzjoni tat-talba tagħha għal immunità kienet fatalment ser tqajjem suspetti f’moħħ il-membri l-oħrajn tal-akkordju. Ir-riskju li jkun jista’ jiġi dedott minn dan l-aġir li hija kienet ippreżentat talba għal immunità kien saħansitra ikbar meta wieħed iqis il-kuntest fattwali madwar it-talba tagħha għal immunità u b’mod partikolari l-investigazzjonijiet fi Spanja u fi Brussell f’Ottubru 2001, il-preżentazzjoni ta’ talba kollettiva għal immunità min-naħa ta’ Dimon, ta’ Deltafina u ta’ Transacatab fir-rigward tal-akkordji illeċiti fis-suq Spanjol, il-fatt li l-aġir ta’ Deltafina kien tipiku min-naħa tal-awtur tat-talba għal immunità, il-pressjonijiet eżerċitati mill-kompetituri tagħha, b’mod partikolari minn Dimon u SCC sabiex tinkiseb il-konferma li Deltafina kienet ressqet talba għal immunità. Deltafina ssostni li d-deċiżjoni kkontestata b’ebda mod ma tieħu inkunsiderzzjoni dan il-kuntest fattwali.

88      Barra minn hekk, Deltafina ssostni li kien l-obbligu li ttemm il-ksur minnufih li poġġiha f’sitwazzjoni impossibbli. Fil-fatt, kieku Deltafina ma kinitx obbligata tirtira mill-akkordju sa mill-preżentazzjoni tat-talba għal immunità, hija ma kinitx tkun obbligata li tagħmel din il-komunikazzjoni matul il-laqgħa tal-APTI, sabiex ittemm sitwazzjoni li kienet saret insostenibbli. L-iżvelar tat-talba għal immunità b’hekk kien il-konsegwenza diretta, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tal-obbligu li jintemm il-ksur. Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet b’mod apert l-eżistenza ta’ “tensjoni intrinsika” bejn l-obbligi ffissati fil-punt 11(a) u (b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (premessa 434 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda hija naqset milli tislet il-konsegwenzi neċessarji. Deltafina tistaqsi jekk il-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jeħtieġx li l-applikant jigdeb sabiex iżomm il-benefiċċju tal-immunità kundizzjonali.

89      Barra minn hekk, il-programmi ta’ klemenza fl-Istati Uniti u f’għadd kbir ta’ Stati Membri, fosthom ir-Renju Unit, il-Ġermanja u Franza, jippermettu lill-awtoritajiet jawtorizzaw lill-applikanti għal immunità biex ikomplu jipparteċipaw fil-ksur, sabiex jippreżervaw l-effett ta’ sorpriża tal-investigazzjonijiet ulterjuri. Din il-possibbiltà ddaħħlet fl-avviż il-ġdid dwar il-kooperazzjoni tal-2006 [Avviż tal-Kummissjoni dwar immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006”)]. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ kunfidenzjalità ddaħħal b’mod espliċitu biss fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

90      Fit-tieni lok, Deltafina ssostni li l-Kummissjoni kienet informata sew bil-fatt li, għal raġunijiet ta’ natura prattika indikati matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, Deltafina żvelat li hija kienet ippreżentat talba għal immunità qabel il-perijodu li jmur mit-18 sal-20 ta’ April 2002, perijodu li matulu l-Kummissjoni kienet indikat li kienet f’pożizzjoni li tagħmel investigazzjonijiet. Deltafina tafferma li hija kienet esprimiet mal-Kummissjoni t-tħassib tagħha li ma kinitx f’pożizzjoni li taħbi għal żmien twil il-preżentazzjoni tat-talba tagħha għal immunità, kemm fit-28 ta’ Frar 2002, matul konverżazzjoni bit-telefon bejn l-avukat ta’ Universal u l-uffiċjal tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl, kif ukoll matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002. Barra minn hekk, matul il-laqgħa tat-22 ta’ Ġunju 2004, l-imsemmi uffiċjal ikkonferma li huwa kien “ammetta” li l-iżvelar kellu jsir u li “l-kunfidenzjalità assolutament ma setgħetx tiġi miftiehma”.

91      Il-minuti tal-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002 li ttieħdu mill-Kummissjoni stess, kif ukoll in-noti tal-avukat ta’ Universal u tal-avukati ta’ Deltafina preżenti għal-laqgħa juru li l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu ħadu nota tal-impossibbiltà li fiha kienet tinsab Deltafina biex tevita li tiżvela t-talba tagħha għal immunità matul il-laqgħa tal-APTI. Il-kontenut ta’ konverżazzjoni telefonika li saret fit-22 ta’ Marzu 2002 bejn l-avukati ta’ Deltafina u l-uffiċjal inkarigat mill-fajl jikkonferma li l-Kummissjoni kienet taf sew bl-iżvelar imminenti minn Deltafina tal-kooperazzjoni tagħha.

92      Barra minn hekk, jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, miktuba mill-Kummissjoni, li l-uffiċjal inkarigat mill-fajl iddikjara li, fil-każ li jiġi żvelat li saret it-talba għal immunità, “l-obbligu ta’ Deltafina li tipprovdi provi kemm jista’ jkun malajr lill-Kummissjoni jsir saħansitra iktar pressanti”. Deltafina osservat dan l-obbligu, kif jirriżulta mill-premessi 389 sa 397 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, hija osservat l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni, inkwantu pprovdiet informazzjoni supplimentari, kif mitlub mid-dipartimenti tal-Kummissjoni matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, biex b’hekk aċċettat dan il-piż itqal minħabba l-impossibbiltà li żżomm il-kooperazzjoni tagħha sigrieta. Barra minn hekk, id-diriġenti ta’ Deltafina nstemgħu fit-tul mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Mejju 2002 u fil-11 ta’ Lulju 2002. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata ngħataw minn Deltafina. B’hekk, Deltafina kkonformat bis-sħiħ mat-talbiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tat-“tieni l-aħjar għażla” indikata minnha. Billi talbet lil Deltafina tipprovdi informazzjoni supplimentari, il-Kummissjoni ppermettiet li l-iżvelar tat-talba għal immunità ma jikkompromettix l-investigazzjoni.

93      Skont Deltafina, ir-raġuni għalfejn hija ma informatx lill-Kummissjoni li kienet żvelat it-talba tagħha għal immunità tinsab fiċ-ċirkustanza li, matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, hija kienet avżat lill-Kummissjoni dwar l-impossibbiltà materjali li ma tiżvelax din it-talba fl-okkażjoni tal-laqgħa imminenti tal-APTI. Skont Deltafina, l-uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigati mill-każ b’hekk kienu jafu sew li Deltafina kienet ser tagħmel din il-komunikazzjoni fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa.

94      Barra minn hekk, iż-żewġ dokumenti li jirrigwardaw il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002, li fuq il-bażi tagħhom Dimon Italia akkużat lil Deltafina li kisret l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni, kienu jagħmlu parti mill-fajl tal-Kummissjoni għal żmien twil, jiġifieri wara l-investigazzjoni li saret għand Dimon Italia fit-18 ta’ April 2002, u l-Kummissjoni qatt ma kienet sabet xi ħaġa ta’ ħtija fihom.

95      Fit-tielet lok, Deltafina tallega li l-komprensjoni inizjali żbaljata tal-aġir tagħha mill-Kummissjoni influwenzat il-konklużjonijiet ifformulati fid-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li, fl-addendum, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-premessa li Deltafina, Dimon Italia u Transcatab kienu organizzaw flimkien l-aġir tagħhom għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal immunità. Din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-punti 57 u 60 tal-addendum. F’dan l-aħħar punt, il-Kummissjoni b’mod partikolari kkwalifikat l-aġir ta’ Deltafina bħala “manifestament frawdolenti”. Madankollu, il-fajl juri li Deltafina, Dimon Italia u Transcatab ħejjew it-talbiet rispettivi tagħhom għal immunità b’mod awtonomu u mingħajr ebda qbil dwar l-ordni li fiha kellhom jiġu ppreżentati t-talbiet. L-aġir ta’ Deltafina b’hekk kien konformi mal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

96      Minkejja li l-akkużi li saru kontra Deltafina fl-addendum ma ġewx riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, madankollu għad hemm traċċi tagħhom fiha, b’mod partikolari fil-premessa 441, fejn il-Kummissjoni tafferma li Deltafina żvelat li ġiet ippreżentata t-talba “liż-żewġ kompetituri prinċipali tagħha” kif ukoll fit-titolu ta’ wara l-premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata (“Dikjarazzjonijiet li saru minn Deltafina lil Dimon u Transcatab fl-4 ta’ April 2002”).

97      Fil-kuntest tat-tielet motiv, Deltafina ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tat-talba tagħha għal immunità kkomprometta l-investigazzjoni. Fil-fatt, skont Deltafina, inkwantu hija ma setgħet tiżvela xejn lill-membri l-oħrajn tal-akkordju li huma ma kinux jafu diġà, dan l-iżvelar bl-ebda mod ma seta’ jikkomprometti l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li hija ssostni fil-premessa 433 tad-deċiżjoni kkontestata.

98      Għal dak li jirrigwarda speċifikament lil Dimon Italia u Transcatab, il-fatt li huma kienu informati mill-konsulent legali ta’ Universal dwar il-preżentazzjoni tat-talba għal immunità minn Deltafina kellu biss l-effett li jħaffef il-preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom għal trattament favorevoli, li fi kwalunkwe każ huma diġà kienu qegħdin iħejju. Il-kooperazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji ma kkompromettietx l-investigazzjoni. Għall-kuntrarju, din naqqset l-isforz investigattiv tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mill-fajl li l-Kummissjoni ftehmet dwar l-investigazzjonijiet li saru ma’ dawn iż-żewġ impriżi.

99      Fil-premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess ammettiet li “ikun impossibbli biex jiġi ddeterminat jekk effettivament ġewx ippreġudikati l-investigazzjonijiet tagħha”. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza ċċitata fl-istess premessa tad-deċiżjoni kkontestata, li l-investigazzjonijiet li saru fil-bini ta’ Trestina ma tawx riżultati ma kinitx konsegwenza tad-dikjarazzjoni tal-president ta’ Deltafina iżda tirriżulta pjuttost mill-fatt li l-Kummissjoni stess, permezz tal-aġir tagħha, kienet avżat minn qabel lis-settur Taljan kollu dwar l-investigazzjoni. Barra minn hekk, fil-każ ta’ Romana Tabacchi, il-Kummissjoni ma tilmentax dwar il-fatt li l-investigazzjoni ma tatx riżultati.

100    Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzonijiet kollha Deltafina b’hekk titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata li tikkundannaha għall-ħlas ta’ multa.

101    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-ewwel tliet motivi ta’ Deltafina.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

102    Qabel ma jiġu ezaminati d-diversi argumenti mqajma minn Deltafina, għandu jitfakkar il-kuntest ġuridiku tagħhom.

a)     Fuq il-programm ta’ klemenza

103    Fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ teħid ta’ passi kontra ksur tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni stabbilixxiet programm ta’ klemenza intiż biex bih jibbenefikaw minn trattament favorevoli l-impriżi li jikkooperaw magħha fl-investigazzjonijiet li jirrigwardaw l-akkordji sigrieti li jaffettwaw lill-Unjoni.

104    Dan il-programm ta’ klemenza, inizjalment stabbilit mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, sussegwentement ġie elaborat iktar fil-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, applikabbli f’dan il-każ, u sussegwentement fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

105    Jirriżulta mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li l-ħolqien ta’ programm ta’ klemenza huwa ġġustifikat mill-kunsiderazzjoni li huwa fl-interess tal-Unjoni li jingħata trattament favorevoli lill-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-investigazzjoniet dwar l-akkordji sigrieti li jirrigwardaw il-prattiki li jagħmlu parti mill-iktar ksur gravi tal-Artikolu 81 KE, jiġifieri dawk li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-iffissar tal-prezzijiet, tal-kwoti tal-produzzjoni jew ta’ bejgħ, it-tqassim tas-swieq jew ir-restrizzjoni tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet.

106    Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċċju li jieħdu l-konsumaturi u ċ-ċittadini mill-assigurazzjoni li jaraw l-akkordji sigrieti żvelati u pprojbiti huwa iktar importanti mill-interess li jista’ jkun hemm f’li jiġu ppenalizzati finanzjarjament l-impriżi, li jippermetti li jiġu skoperti u ppenalizzati tali prattiki (ara l-punt 4 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, riprodott fil-punt 3 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006).

107    Il-programm ta’ klemenza b’hekk isegwi għan ta’ investigazzjoni, ta’ repressjoni u ta’ dissważjoni tal-prattiki li jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 KE. Dan huwa bbażat fuq speċi ta’ ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni u l-impriżi li jkunu pparteċipaw f’dawn l-akkordji illeċiti li jiddeċiedu li jikkooperaw mal-Kummissjoni.

108    Fil-fatt, dawn l-impriżi joffru kooperazzjoni attiva u volontarja fl-investigazzjoni billi jiffaċilitaw il-kompitu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u r-repressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala kumpens għal din il-kooperazzjoni, huma jistgħu jiksbu trattament favorevoli fir-rigward tal-multi li kieku kienu jiġu imposti fuqhom, kemm-il darba huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

109    Il-programm ta’ klemenza, kif previst mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħti kemm immunità minn kull multa lill-ewwel impriża li tikkoopera fl-investigazzjoni, kif ukoll li tagħti tnaqqis tal-multi lill-impriżi li jikkooperaw wara. Fl-ewwel lok, l-impriża inkwistjoni tibbenefika minn eċċezzjoni totali mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, li bis-saħħa tagħha meta impriża tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija jkollha tirrispondi għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 77). Fil-każijiet l-oħrajn, il-grad ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni jvarja skont l-ordni kronoloġiku tal-preżentazzjoni tat-talba ta’ kooperazzjoni u l-kwalità tal-kooperazzjoni pprovduta.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li huwa inerenti fil-loġika tal-programm ta’ klemenza li wieħed biss mill-membri ta’ akkordju jista’ jibbenefika mill-immunità minn kull multa, peress li l-effett imfittex huwa li jinħoloq ambjent ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi tiġi mħeġġa d-denunzja tagħhom lill-Kummissjoni. Issa, din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed biss fosthom jista’ jibbenefika mill-immunità totali billi jiddenunzja lill-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur, biex b’hekk ikunu esposti għar-riskju li jeħlu l-multi.

111    Jirriżulta, mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza previst minn dan l-avviż, li s-sustanza tagħha hija rriprodotta fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, il-proċedura ta’ għoti ta’ immunità minn kull multa lil impriża tinkludi tliet fażijiet distinti.

112    Fl-ewwel fażi, l-impriża li jkollha l-ħsieb li tikkoopera mal-Kummissjoni għandha tavviċinaha u tipprovdilha provi fir-rigward ta’ akkordju li jkun preżunt li jaffettwa l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni. Dawn il-provi għandhom ikunu ta’ tali natura li jippermettu lill-Kummissjoni jew tadotta deċiżjoni li tordna investigazzjonijiet, fil-każ previst mill-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, jew tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE, fil-każ previst mill-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

113    Fit-tieni fażi, ladarba tkun ġiet riċevuta t-talba għal immunità, il-Kummissjoni tevalwa l-provi pprovduti insostenn ta’ din it-talba sabiex tivverifika jekk l-impriża inkwistjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati, skont il-każ, fil-punt 8(a) jew (b), tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Jekk din l-impriża tkun l-ewwel waħda li tissodisfa dawk il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tagħtiha bil-miktub immunità kundizzjonali mill-multi (punti 15 u 16 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002).

114    L-għoti tal-immunità kundizzjonali b’hekk jimplika l-ħolqien ta’ status proċedurali partikolari, matul il-proċedura amministrattiva, favur l-impriża li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 8 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li jipproduċi ċerti effetti ġuridiċi. Din l-immunità kundizzjonali madankollu ma tistax tiġi assimilata mal-immunità definittiva minn multi, li tingħata biss fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva.

115    B’mod iktar partikolari, l-għoti tal-immunità kundizzjonali, minn naħa waħda, jiċċertifika li l-impriża kkonċernata kienet l-ewwel waħda li ssodisfat il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 8(a) jew (b), tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, b’mod li l-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni talbiet oħrajn għal immunità mill-multi qabel ma tkun iddeċidiet dwar din it-talba (punt 18 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002) u, min-naħa l-oħra, tagħti garanzija lill-imsemmija impriża li l-Kummissjoni ser tagħtiha l-immunità mill-multi jekk, għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, hija titlob li din l-impriża tosserva l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 11(a) sa (c) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

116    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 11(a) sa (c) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002:

“B’żieda mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 8(a) u 9 jew fil-punti 8(b) u 10, kif xieraq, il-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin għandhom jkunu milħuqa f’kull każ biex jikkwalifikaw għal xi immunità minn multa:

a)       l-impriża tikkoopera bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza matul il-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni u tipprovdi lill-Kummissjoni kull prova li taqa’ fil-pussess tagħha jew hija disponibbli għaliha li tirrelata mal-ksur issuspettat. B’mod partikolari, din tibqa’ fid-dispożizzjoni tal-Kummissjoni biex twieġeb malajr għal kull talba li tista’ tikkontribwixxi għad-determinazzjoni tal-fatti kkonċernati;

b)       l-impriża ttemm l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi taħt il-punt 8(a) jew 8(b), kif xieraq;

c)       l-impriża ma ħadietx passi biex iġġiegħel impriżi oħra biex jipparteċipaw fil-ksur tal-liġi”

117    Fl-aħħar nett, huwa biss fit-tielet fażi, fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali, li hija tagħti jew ma tagħtix, f’din id-deċiżjoni, l-immunità proprja minn multi lill-impriża li tibbenefika mill-immunità kundizzjonali. Huwa f’dan il-mument preċiż li l-istatus proċedurali li jirriżulta mill-immunità kundizzjonali jieqaf jipproduċi l-effetti tiegħu. Madankollu, l-immunità definittiva minn multi tingħata biss jekk din l-impriża tissodisfa, matul il-proċedura amministrattiva kollha u sal-mument tad-deċiżjoni finali, it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 11(a) sa (c) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (punt 19 ta’ dan l-avviż).

118    B’hekk, jirriżulta mis-sistema kif prevista mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li, qabel id-deċiżjoni finali, l-impriża li titlob l-immunità ma tiksibx l-immunità mill-multi proprja iżda tibbenefika biss minn status proċedurali li jista’ jittrasforma ruħu f’immunità mill-multi għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu sodisfatti.

119    Issa, fin-noti ta’ osservazzjonijiet tagħha kif ukoll matul is-seduta, Deltafina allegat f’diversi okkażjonijiet li kien hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li “tirtiralha” l-immunità kundizzjonali li kienet ingħatatilha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fid-19 ta’ Frar 2002, Deltafina ressqet it-talba tagħha għal immunità jew għat-tnaqqis tal-multa. Sussegwentement, fis-6 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni, billi kien jidhrilha li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tatha, permezz ta’ ittra, l-istatus proċedurali ta’ immunità kundizzjonali. Fl-aħħar nett, għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, wara li qieset li Deltafina ma kinitx osservat il-kundizzjoni prevista fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħtihiex l-immunità definittiva.

121    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata b’ebda mod ma pproċediet, kif tallega Deltafina, għal “irtirar” tal-immunità kundizzjonali, peress li l-istatus proċedurali li jikkorrispondi għal din tal-aħħar waqaf jipproduċi l-effetti tiegħu fil-mument meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni finali tagħha. F’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni b’hekk ma “irtiratx” l-immunità kundizzjonali, iżda ddeċidiet li ma tagħtix lil Deltafina l-immunità definittiva.

122    Sa fejn ma kien hemm ebda “irtirar” tal-immunità kundizzjonali, l-argumenti ta’ Deltafina għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtihiex l-immunità definittiva.

b)     Fuq il-portata tal-obbligu ta’ kooperazzjoni

123    Peress li l-argument prinċipali ta’ Deltafina jirrigwarda l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħtihiex l-immunità definittiva minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni, previst mill-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandha tiġi kkjarifikata fl-ewwel lok il-portata ta’ dan l-obbligu.

124    Jirriżulta mill-istess termini tal-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ara l-punt 116 iktar ’il fuq), u b’mod partikolari mill-kwalifikazzjoni tal-kooperazzjoni meħtieġa bħala “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza”, li l-obbligu ta’ kooperazzjoni tal-impriża li titlob l-immunità jikkostitwixxi obbligu ferm ġenerali li ma huwiex iddelimitat b’mod preċiż, u li l-portata tiegħu tista’ tinftiehem biss fil-kuntest tiegħu, jiġifieri fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza.

125    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 103 et seq iktar ’il fuq li l-għoti tal-immunità minn kull multa jikkostitwixxi eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ responsabbiltà personali tal-impriża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li hija ġġustifikata mill-għan li jingħata inċentiv għall-iskoperta, l-investigazzjoni u r-repressjoni kif ukoll id-dissważjoni ta’ prattiki li jagħmlu parti mir-restrizzjonijiet l-iktar serji tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għaldaqstant loġiku li jkun meħtieġ li, bi skambju għall-għoti tal-immunità minn kull multa għall-aġir li jikkostitwixxi ksur li hija tkun wettqet, l-impriża li titlob l-immunità toffri kooperazzjoni għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni li għandha, skont il-kliem tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tkun “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza”.

126    Jirriżulta mill-kwalifikazzjoni tal-kooperazzjoni bħala “bis-sħiħ” li l-kollaborazzjoni li għandu jipprovdi l-applikant għal immunità lill-Kummissjoni sabiex jibbenefika mill-immunità għandha tkun kompluta, assoluta u mingħajr ebda riżerva. Il-kwalifikazzjoni ta’ “fuq bażi kontinwa” u “bi prontezza” timplika li din il-kollaborazzjoni għandha tingħata matul il-proċedura amministrattiva kollha u li bħala regola għandha tkun immedjata.

127    Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li tnaqqis tal-multa fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni ma jistax ikun iġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta, u b’mod iktar ġenerali, l-aġir tal-impriża inkwistjoni, ikunu jistgħu jitqiesu f’dan ir-rigward li juru kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha (ara, fir-rigward tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 395 ; tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, C‑301/04 P, Ġabra p. I-5915, punt 68, u Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 281).

128    Kif jirriżulta mill-kunċett stess ta’ kooperazzjoni, kif jidher mit-test tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, effettivament huwa biss meta l-aġir tal-impriża kkonċernata jkun juri tali spirtu ta’ kooperazzjoni li jista’ jingħata tnaqqis fuq il-bażi tal-imsemmi avviż (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 396, u Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 282).

129    Din il-kunsiderazzjoni tapplika a fortiori għall-kooperazzjoni meħtieġa biex jiġi ġġustifikat il-benefiċċju tal-immunità minn kull multa, inkwantu l-immunità tikkostitwixxi trattament iktar favorevoli minn sempliċi tnaqqis tal-multa.

130    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-kunċett ta’ kooperazzjoni “bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza” li tiġġustifika l-għoti tal-immunità minn kull multa jimplika kollaborazzjoni ġenwina, kompluta u kkaratterizzata minn spirtu reali ta’ kooperazzjoni.

131    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta impriża tipprovdi lill-Kummissjoni dikjarazzjoni fattwali mhux kompluta jew ineżatta, l-aġir tagħha ma jistax jitqies li jirrifletti spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina fis-sens tal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 397 ; Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, punt 127 iktar ’il fuq, punt 69, u Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 283).

132    Bl-istess mod, impriża li tkun tixtieq tibbenefika minn immunità minn kull multa fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tagħha fl-investigazzjoni ma tistax tonqos milli tinforma lill-Kummissjoni bil-fatti pertinenti li hija tkun taf bihom u li jistgħu jaffettwaw, anki jekk potenzjalment, l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva u l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. B’hekk, kooperazzjoni ġenwina u bis-sħiħ tippresupponi li, matul il-proċedura amministrattiva kollha, l-impriża kkonċernata tinforma lill-Kummissjoni fi żmien utli b’kull ċirkustanza pertinenti li jista’ jkollha influwenza negattiva fuq l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni kif ukoll dwar l-iskoperta u r-repressjoni effikaċi tal-akkordju inkwistjoni. Dan l-obbligu ta’ informazzjoni huwa saħansitra iktar importanti meta din iċ-ċirkustanza tkun tikkonċerna r-relazzjonijiet bejn din l-impriża u l-membri l-oħrajn tal-akkordju u, a fortiori, jekk is-seħħ ta’ din iċ-ċirkustanza kien is-suġġett ta’ diskussjoni espliċita minn qabel bejn il-Kummissjoni u din l-impriża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

133    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ aġir li jirrifletti spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina konformi mar-rekwiżiti indikati fil-punti 124 sa 132 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, fil-ġurisprudenza msemmija fil-punti 127 u 128 iktar ’il fuq, tista’ ssir biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu fil-mument meta seħħ dan l-aġir. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura “fuq bażi kontinwa” tal-kooperazzjoni mitluba li trid tibqa’ tul il-proċedura kollha, kull aġir li jmur kontra l-ispirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina huwa suffiċjenti sabiex jikkaratterizza ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni. B’hekk, kull ċirkustanza sussegwenti għal dan l-aġir ma tistax tiġġustifika dan il-ksur.

134    Minn dan isegwi li konstatazzjoni eventwali ex post li l-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni ma pproduċiex effetti negattivi ma tistax tiġi invokata biex tiġġustifika dan il-ksur.

135    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati l-fatti pertinenti u l-argumenti mqajma minn Deltafina.

c)     Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni minn Deltafina

136    Fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi tagħha, Deltafina ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji meta ma tathiex l-immunità mill-multi għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva minħabba l-ksur min-naħa tagħha tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst mill-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

137    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ġara li fl-4 ta’ April 2002, matul laqgħa tal-APTI, il-president ta’ Deltafina għamel dikjarazzjoni spontanja li permezz tagħha huwa informa lill-persuni preżenti li Deltafina kienet ippreżentat talba għal immunità lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza li jirrigwarda l-akkordji eżistenti bejn il-proċessuri fis-suq tat-tabakk fl-Italja u li, b’hekk, Deltafina kienet bdiet tikkoopera mal-Kummissjoni. Din il-komunikazzjoni hija deskritta fid-dettall mill-president ta’ Deltafina stess f’dikjarazzjoni bil-miktub li hija riprodotta letteralment fil-premessa 426 tad-deċiżjoni kkontestata. Jirriżulta minn din id-dikjarazzjoni li l-president ta’ Deltafina afferma li ddeċieda huwa stess li jagħmel din il-komunikazzjoni matul il-laqgħa tal-4 ta’ April 2002.

138    Deltafina ma tikkontestax iċ-ċirkustanza, li tissemma b’mod partikolari fil-premessa 449 tad-deċiżjoni kkontestata, li għalkemm hija ltqagħet mad-dipartimenti tal-Kummissjoni f’diversi okkażjonijiet wara dan l-iżvelar, hija qatt ma informathom bid-dikjarazzjoni li saret mill-president tagħha matul il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002. Fir-rikors tagħha, hija kkonfermat espliċitament din iċ-ċirkustanza.

139    Barra minn hekk il-Kummissjoni saret taf bl-iżvelar li sar mill-president ta’ Deltafina biss wara indikazzjoni li ngħatat minn Dimon Italia matul is-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2004, jiġifieri iktar minn sentejn wara dan l-iżvelar (ara l-premessi 410, 422, 423 u 449 tad-deċiżjoni kkontestata).

140    Fit-tieni lok, ġara wkoll li fit-2 ta’ April 2002, il-konsulent legali estern ta’ Universal, il-kumpannija parent ta’ Deltafina, informat lill-konsulenti legali esterni ta’ SCC u Dimon, il-kumpanniji parent rispettivi ta’ Transcatab u Dimon Italia, kompetituri ta’ Deltafina fis-suq Taljan, li Deltafina kienet ippreżentat talba għal immunità lill-Kummissjoni dwar l-akkordji bejn il-proċessuri fis-suq tat-tabakk fl-Italja. Din iċ-ċirkustanza, li ma hijiex ikkontestata minn Deltafina, tirriżulta mid-dikjarazzjoni li saret mill-konsulent legali estern ta’ Universal li hija rriprodotta fil-premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mill-aħħar frażi ta’ din id-dikjarazzjoni fejn huwa jafferma espliċitament “li informa lill-konsulenti legali tal-partijiet l-oħrajn fit-2 ta’ April 2002”.

141    Deltafina ma tikkontestax iċ-ċirkustanza li, għalkemm hija u Universal iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni f’diversi okkażjonijiet wara din il-komunikazzjoni, kien biss fi Frar 2005, wara li l-Kummissjoni bagħtet l-addendum, li hija u Universal informawha bil-komunikazzjoni li saret mill-konsulent legali estern ta’ Universal fit-2 ta’ April 2002 (ara l-premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rikors tagħha, Deltafina tikkonferma wkoll espliċitament din iċ-ċirkustanza.

142    Il-Kummissjoni b’hekk saret taf bil-komunikazzjoni li saret mill-konsulent legali estern ta’ Universal biss tliet snin wara li saret din il-komunikazzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni ma ġietx informata bi prontezza b’din il-komunikazzjoni jissemma espliċitament fil-premessa 459 in fine tad-deċiżjoni kkontestata.

143    Peress li Deltafina ppreżentat talba għal immunità fid-19 ta’ Frar 2002 u kisbet, fis-6 ta’ Marzu 2002, ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-istatus proċedurali tal-immunità kundizzjonali, hija kienet obbligata, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-immunità definittiva fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, tosserva bis-sħiħ l-obbligi li jirriżultaw mill-punt 11 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ kooperazzjoni bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza prevista mill-punt 11(a) ta’ dan l-avviż.

144    Kif tfakkar fil-punti 127, 128 u 131 iktar ’il fuq, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li impriża li tkun talbet il-benefiċċju ta’ trattament favorevoli previst mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tista’ tibbenefika minn dan it-trattament favorevoli biss meta l-aġir tagħha jkun juri spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina. Barra minn hekk, meta impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’dikjarazzjoni tal-fatti mhux kompluta jew mhux preċiża, l-aġir tagħha ma jistax jitqies li jirrifletti spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

145    F’dan il-każ, ġara li Deltafina naqset milli tinforma lill-Kummissjoni biċ-ċirkustanzi pertinenti għall-investigazzjoni, jiġifieri ċ-ċirkustanza li l-president tagħha kien żvela, matul il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002, li hija kienet ippreżentat talba għal immunità u li l-konsulent legali estern tal-kumpannija parent tagħha Universal kien għamel l-istess fil-konfront tal-kumpanniji parent ta’ wħud mill-kompetituri tagħha fit-2 ta’ April 2002. Ġara wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx taf b’dawn iċ-ċirkustanzi pertinenti għall-investigazzjoni għal iktar minn sentejn.

146    Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mill-fajl li l-kwistjoni tal-ħtieġa li tinżamm sigrieta l-preżentazzjoni ta’ talba għal immunità sabiex ma jiġux avżati l-kompetituri u li ma tiġix kompromessa l-effikaċja tal-investigazzjonijiet kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet espliċiti bejn il-partijiet matul il-kuntatti li saru fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza u, b’mod partikolari, matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002 (ara l-punti 8 u 47 sa 49 iktar ’il fuq, kif ukoll il-minuti ta’ din il-laqgħa msemmija fil-premessi 413 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata u mdaħħla fil-proċess minn Deltafina). B’mod partikolari, jirriżulta minn dawn id-dokumenti li l-Kummissjoni kienet talbet espliċitament lil Deltafina żżomm sigrieta t-talba għal immunità minħabba l-intenzjoni tagħha li tagħmel l-investigazzjonijiet. B’hekk, Deltafina kienet konxja mill-fatt li l-iżvelar eventwali tat-talba għal immunità kienet meqjusa li hija ċirkustanza pertinenti li tista’, ta’ mill-inqas potenzjalment, ikollha influwenza fuq l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni u fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li tikkonstata, tinvestiga u tirreprimi b’mod effikaċi l-akkordju inkwistjoni.

147    Barra minn hekk, ma jistax jiġi nnegat li, f’dak il-mument, l-iżvelar tat-talba għal immunità kien perċepit kemm minn Deltafina kif ukoll mill-Kummissjoni bħala ċirkustanza li tista’ toħloq, ta’ mill-inqas potenzjalment, effetti negattivi fuq l-investigazzjoni. Dan huwa kkonfermat, minn naħa, miċ-ċirkustanza li Deltafina stess dehrilha li huwa neċessarju li tinżamm l-iktar kunfidenzjalità stretta fir-rigward tat-talba għal immunità (ara l-punt 50 in fine iktar ’il fuq), li juri li hija kienet konxja mill-effetti negattivi possibbli tal-iżvelar ta’ din l-informazzjoni u, min-naħa l-oħra, miċ-ċirkustanza li hija stess tallega li aċċettat piż itqal minħabba l-impossibbiltà li żżomm il-kooperazzjoni tagħha sigrieta (ara l-punti 92 iktar ’il fuq u 163 iktar ’il quddiem), li juri li hija qablet li żvelar ta’ din l-informazzjoni kien jikkostitwixxi problema li teħtieġ soluzzjoni. B’hekk, Deltafina ma tistax issostni li hija ma kinitx taf li ż-żamma tal-kunfidenzjalità tat-talba għal immunità kienet titqies li hija element importanti għas-suċċess tal-investigazzjoni.

148    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li aġir li juri spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina kien jitlob li Deltafina tinforma bi prontezza lill-Kummissjoni bil-fatt li t-talba tagħha għal immunità kienet ġiet żvelata.

149    Issa, peress li naqset milli tinforma lill-Kummissjoni bl-iżvelar tat-talba għal immunità fit-2 u l-4 ta’ April 2002, u peress li dawn il-fatti setgħu, ta’ mill-inqas potenzjalment, jaffettwaw l-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni, Deltafina ma tistax issostni li l-aġir tagħha wera kooperazzjoni ġenwina min-naħa tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 127, 128 u 131 iktar ’il fuq u li, b’hekk, hija ma kisritx l-obbligu ta’ kooperazzjoni li jirriżulta mill-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li għalih kienet suġġetta bħala applikanta għal immunità.

150    L-argumenti speċifiċi mqajma minn Deltafina fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi tagħha ma jistgħux ipoġġu din il-konklużjoni f’dubju.

d)     Fuq l-argumenti speċifiċi mressqa minn Deltafina li jallegaw żbalji li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni ma tathiex l-immunità definittiva

 Fuq l-argument li jallega li l-Kummissjoni aċċettat li Deltafina tiżvela t-talba tagħha għal immunità fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-APTI

151    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument ta’ Deltafina, imqajjem fil-kuntest tat-tieni motiv, li l-Kummissjoni kienet taf u aċċettat li Deltafina tiżvela, fl-okkażjoni tal-laqgħa imminenti tal-APTI, li hija kienet ippreżentat talba għal immunità. Fil-fatt, fir-rikors, Deltafina ssostni li hija ma kinitx informat lill-Kummissjoni b’dan l-iżvelar peress li hija kienet diġà avżatha minn qabel, matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, bl-impossibbiltà li ma tiżvelax dan il-fatt matul il-laqgħa tal-APTI. B’hekk, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ġew informati li Deltafina kellha tiżvela dan il-fatt matul din il-laqgħa.

–       Fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet ġiet informata minn qabel

152    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas mid-dokumenti fil-proċess li Deltafina informat minn qabel b’mod espliċitu u ċar lill-Kummissjoni li, matul il-laqgħa imminenti tal-APTI, wieħed mir-rappreżentanti tagħha kellu jiżvela b’mod spontanju t-talba tagħha għal immunità, kif għamel il-president ta’ Deltafina fl-4 ta’ April 2002.

153    B’hekk, la l-minuti tal-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002 li ttieħdu mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u lanqas in-noti li ttieħdu minn wieħed mir-rappreżentanti ta’ Universal matul din il-laqgħa ma jsemmu ċ-ċirkustanza li, matul din il-laqgħa, Deltafina kienet avżat espliċitament lill-Kummissjoni li kienet ser tiżvela dan il-fatt (ara l-premessi 413 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata).

154    Ċertament, matul din il-laqgħa, Deltafina semmiet erba’ raġunijiet għalfejn fil-fehma tagħha kien impossibbli li żżomm sigrieta għal xahar ieħor it-talba tagħha għal immunità, li waħda minnhom kienet il-laqgħa imminenti tal-APTI. Madankollu, jirriżulta mill-minuti ta’ din il-laqgħa miktuba mir-rappreżentant ta’ Universal stess li Deltafina sempliċement saħqet dwar id-diffikultajiet li kellha biex iżżomm it-talba tagħha għal immunità sigrieta inkwantu aġir differenti min-naħa tagħha matul il-laqgħa imminenti tal-APTI meta mqabbel mal-aġir tagħha matul laqgħat preċedenti seta’ jqajjem dubji fost il-kompetituri tagħha dwar il-preżentazzjoni ta’ talba għal immunità (ara, b’mod partikolari, il-premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata). Deltafina min-naħa l-oħra ma semmitx li kellha l-intenzjoni li tiżvela spontanjament it-talba tagħha għal immunità.

155    Barra minn hekk, b’risposta għal mitoqsija li saret mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, Deltafina stess irrikonoxxiet, essenzjalment, li matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002 mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, hija ma kinitx informat lil dawn tal-aħħar b’mod espliċitu li matul il-laqgħa imminenti tal-APTI hija kienet ser tiżvela spontanjament it-talba tagħha għal immunità.

156    Barra minn hekk, ma jirriżulta minn ebda dokument fil-proċess li, f’xi okkażjoni oħra, Deltafina kienet avżat minn qabel u b’mod espliċitu lill-Kummissjoni li hija kienet ser tagħmel tali dikjarazzjoni spontanja.

157    B’mod partikolari, ma jistax jiġi aċċettat l-argument ta’ Deltafina li hija kienet informat lill-Kummissjoni bil-fatt li kienet ser tiżvela t-talba tagħha għal immunità matul il-konverżazzjoni telefonika li saret bejn l-uffiċjal inkarigat mill-fajl u r-rappreżentanti ta’ Deltafina fit-22 ta’ Marzu 2002, jiġifieri tnax-il jum qabel l-iżvelar tal-4 ta’ April 2002 (ara l-punti 10 u 91 iktar ’il fuq).

158    Fil-fatt, jirriżulta mis-sinteżi tal-kontenut ta’ din il-konverżazzjoni telefonika, li nkitbet minn wieħed mill-avukati ta’ Deltafina għal finijiet interni, li matul din il-konverżazzjoni r-rappreżentanti ta’ Deltafina “għamlu aċċenn” għall-fatt li l-laqgħa tal-APTI kienet ser issir dalwaqt u li b’hekk is-sigurtà tal-kunfidenzjalità kienet laħqet il-limiti tagħha (“tenuta confidenzialità era conseguentemente alla fine”). Għandu jiġi kkonstatat li tali “aċċenn” ma jikkostitwixxix informazzjoni preliminari, espliċita u ċara tal-fatt li l-president ta’ Deltafina ser jipproċedi matul il-laqgħa imminenti tal-APTI għal żvelar spontanju tat-talba għal immunità. B’hekk, Deltafina ma tistax tiddeduċi b’mod validu mill-fatt li l-uffiċjal inkarigat mill-fajl kienet irrisponda għal dan l-“aċċenn” li “il-punt kien ġie diskuss b’mod suffiċjenti fi Brussell u li kien ċar” li l-Kummissjoni kienet aċċettat li Deltafina kienet ser tiżvela spontanjament it-talba għal immunità. Din l-evalwazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata minn sinteżi tal-kontenut tal-istess konverżazzjoni telefonika li nkitbet mill-Kummissjoni għal finijiet interni, li minnha jirriżulta biss li matul din il-konverżazzjoni d-diskussjoni dwar il-possibbiltà li tinżamm sigrieta t-talba għal immunità kienet tikkonċerna, bħal matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, ir-riskju li matul il-laqgħa imminenti tal-APTI l-membri l-oħrajn tal-akkordju jifhmu li Deltafina kienet qiegħda tikkoopera mal-Kummissjoni.

159    Barra minn hekk, matul is-seduta, l-uffiċjal inkarigat mill-fajl li kien ipparteċipa kemm fil-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002 kif ukoll fil-konverżazzjoni telefonika tat-22 ta’ Marzu 2002, afferma li qatt ma kien fehem li Deltafina kellha l-intenzjoni li tagħmel dikjarazzjoni spontanja matul il-laqgħa imminenti tal-APTI u li jekk il-Kummissjoni fehmet li din kienet l-intenzjoni ta’ Deltafina, hija ma tatx il-kunsens tagħha, kif jirriżulta barra minn hekk mill-premessa 449 tad-deċiżjoni kkontestata. Rigward id-dikjarazzjoni tal-istess uffiċjal matul is-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2004 imsemmija minn Deltafina (ara l-punt 90 iktar ’il fuq), hija lanqas ma tista’ tissostanzja l-argument tagħha. Fil-fatt, b’ebda mod ma jirriżulta minn din id-dikjarazzjoni, kif issostni Deltafina, li dan l-uffiċjal aċċetta li kellu jsir żvelar spontanju tat-talba għal immunità.

160    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li Deltafina ma waslitx biex turi li hija kienet informat debitament lill-Kummissjoni minn qabel bil-fatt li hija kienet ser tiżvela spontanjament it-talba għal immunità matul il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002. Minn dan isegwi li, peress li l-Kummissjoni ma kinitx taf li Deltafina kienet ser tagħmel żvelar spontanju, hija ma setgħetx taċċettah jew tawtorizzah minn qabel. Għaldaqstant, l-argument ta’ Deltafina li l-Kummissjoni kienet taf li hija kienet ser tiżvela t-talba għal immunità matul il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002 għandu jiġi miċħud.

161    Deltafina madankollu, issostni wkoll li ż-żewġ dokumenti li jirrigwardaw il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002, li għalihom Dimon Italia għamlet riferiment matul is-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2004 biex turi lill-Kummissjoni l-fatt li Deltafina kienet żvelat it-talba tagħha għal immunità, kienu diġà fil-fajl fid-data meta saru l-investigazzjonijiet mill-Kummissjoni fil-bini ta’ Dimon Italia.

162    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ dokumenti huma sempliċi noti miktuba bl-idejn, li ma jinqrawx faċilment, li jagħtu rendikont tad-dikjarazzjonijiet li saru matul il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002, iżda li ma jippermettux li jiġi ddeterminat l-awtur. B’hekk, Deltafina ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li ma ndunatx fuq il-bażi ta’ dawn in-noti li l-president tagħha kien żvela t-talba tagħha għal immunità matul il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Kummissjoni ma ndunatx bl-eżistenza ta’ dokumenti li juru tali żvelar ma jistax jimmitiga n-nuqqas ta’ informazzjoni min-naħa tagħha u jiġġustifika aġir li jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni.

–       Fuq l-allegat ftehim dwar in-natura inevitabbli tal-iżvelar

163    Deltafina ssostni li, meta saret il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, li matulha kellhom jiġu ddefiniti r-“regoli tal-logħba”, jiġifieri l-modalitajiet tal-kooperazzjoni, hija kienet ikkonkludiet speċi ta’ ftehim mal-Kummissjoni. Skont dan il-ftehim, minn naħa, il-Kummissjoni aċċettat li, fid-dawl tal-erba’ ċirkustanzi msemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq, kien impossibbli għal Deltafina li żżomm il-kunfidenzjalità tat-talba tagħha għal immunità, u li, b’hekk, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni kien inevitabbli. Min-naħa l-oħra, bi skambju għar-rikonoxximent tan-natura inevitabbli ta’ dan l-iżvelar, Deltafina aċċettat piż itqal billi ntrabtet li tipprovdi provi kemm jista’ jkun malajr. Għaldaqstant, Deltafina osservat l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni, sa fejn ipprovdiet l-informazzjoni supplimentari mitluba mill-Kummissjoni.

164    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi aċċettat li t-teżi ta’ Deltafina kienet ġiet ipprovata, din ma hijiex ta’ tali natura li tinvalida l-konklużjoni li, billi naqset milli tinforma lill-Kummissjoni bl-iżvelar tat-talba għal immunità, Deltafina kisret l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni u, b’hekk, li l-Kummissjoni kellha dritt li ma tagħtihiex immunità definittiva (ara l-punt 149 iktar ’il fuq).

165    Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li, matul il-laqgħa tal-14 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni aċċettat li, minħabba ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq, kien impossibbli għal Deltafina li żżomm il-kunfidenzjalità tat-talba tagħha għal immunità, li huwa barra minn hekk ikkontestat mill-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax il-konstatazzjoni li, fil-kuntest ta’ aġir li juri spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina, kienet ir-responsabbiltà ta’ Deltafina li tinforma bi prontezza lill-Kummissjoni dwar il-fatt li kien seħħ l-iżvelar tat-talba għal immunità (ara l-punti 145 sa 149 iktar ’il fuq).

166    L-istess jgħodd fil-każ li Deltafina kienet effettivament imġiegħla tiżvela t-talba tagħha għal immunità għal waħda mir-raġunijiet li hija semmiet matul il-proċedura amministrattiva u, b’mod partikolari, fil-każ li hija effettivament sabet ruħha, kif hija ssostni, f’sitwazzjoni tant “pressanti” li kien meħtieġ li tiżvela din iċ-ċirkustanza, fuq il-bażi ta’ preokkupazzjoni leġittima li ma tiksirx l-obbligu li twaqqaf il-ksur previst mill-punt 11(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, bħala applikanta għal immunità, Deltafina baqgħet fi kwalunkwe każ suġġetta għall-obbligu ta’ kooperazzjoni kif spjegat fil-punti 123 sa 134 iktar ’il fuq, li jimponi li hija tinforma bi prontezza lill-Kummissjoni bl-iżvelar li kien sar.

167    Bl-istess mod, anki jekk wieħed jassumi li seħħet iċ-ċirkustanza msemmija minn Deltafina, jiġifieri li hija kkonformat mat-“tieni l-aħjar opzjoni” allegatament miftiehma mal-Kummissjoni sabiex tipprova timmitiga l-effetti negattivi tal-iżvelar billi tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza ma setgħetx tillibera lil Deltafina mill-obbligu tagħha li tinforma malajr lill-Kummissjoni bl-iżvelar tat-talba tagħha għal immunità.

168    Fir-rigward tal-invokazzjoni tal-programmi ta’ klemenza fid-dritt tal-Istati Uniti, kif ukoll ta’ pajjiżi oħrajn tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din ma hijiex pertinenti inkwantu miżura adottata minn dawk is-sistemi ġuridiċi ma tistax tikkmanda dik adottata mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 1407). Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argumenti li Deltafina tislet mill-avviż il-ġdid dwar il-kooperazzjoni tal-2006, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din ma hijiex applikabbli għall-fatti li taw lok għal din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, Ġabra p. I‑5361, punt 108).

 Fuq l-għarfien tal-investigazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ effetti fuq l-investigazzjoni

169    Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, Deltafina ssostni li d-deċiżjoni li ma tingħatax l-immunità kienet ibbażata fuq żball, inkwantu kienet ibbażata fuq il-premessa fattwali żbaljata li l-membri l-oħrajn tal-akkordju ma kinux jafu bl-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum. Dan l-argument lanqas ma jista’ jpoġġi inkwistjoni l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 149 iktar ’il fuq, li tgħid li Deltafina kisret l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni previst fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, anki jekk wieħed jippreżumi li ġie stabbilit li l-membri l-oħrajn tal-akkordju kienu jafu bl-eżistenza tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza ma teżentax lil Deltafina mill-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħha li jeżiġi li hija tinforma bi prontezza lill-Kummissjoni bl-iżvelar li sar darbtejn tat-talba għal immunità indikati fil-punti 137 u 140 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni hija indipendenti minn jekk il-kompetituri ta’ Deltafina kinux jafu jew le bl-eżistenza tal-investigazzjoni.

170    Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, Deltafina ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni qieset li l-iżvelar tat-talba għal immunità kkomprometta l-investigazzjoni. Madankollu, dan l-argument lanqas ma jista’ jpoġġi f’dubju l-konstatazzjoni tal-ksur minn Deltafina tal-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li l-iżvelar li sar darbtejn imsemmi iktar ’il fuq ma pproduċa ebda effett negattiv fuq l-investigazzjoni, li barra minn hekk ma ġiex ipprovat, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġġustifika a posteriori li Deltafina naqset milli tinforma lill-Kummissjoni b’dan l-iżvelar waqt li, kif jirriżulta mill-punti 146 u 147 iktar ’il fuq, hija kienet taf, billi ddiskutiet espliċitament mal-Kummissjoni, li żvelar eventwali tat-talba għal immunità kienet meqjusa li kienet ċirkustanza li setgħet ikollha effett negattiv fuq l-investigazzjoni (ara l-punti 133 u 134 iktar ’il fuq).

171    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument, imqajjem fil-kuntest tal-ewwel motiv, li jgħid li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ma tatx każ tad-distinzjoni bejn il-punt 8(a) u (b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, fl-ewwel lok, b’ebda mod ma jirriżulta mill-imsemmi avviż li, kif issostni Deltafina, huwa biss fl-ipoteżi msemmija fil-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li huma meħtieġa investigazzjonijiet għalgħarrieda u li fil-każ imsemmi fl-istess punt(b) il-Kummissjoni ma obbligatx ruħha li tagħmel tali investigazzjonijiet. Fit-tieni lok, jirriżulta mill-ġurisprudenza li anki jekk il-Kummissjoni diġà jkollha indizji, jew provi dwar l-eżistenza ta’ ksur, bħal fil-każ ta’ talba għal immunità msemmija fil-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni tista’ b’mod leġittimu tiddeċiedi li jkun neċessarju li tordna investigazzjonijiet supplimentari li jippermettulha tistabbilixxi aħjar il-ksur, it-tul ta’ żmien tiegħu jew iċ-ċirku ta’ impriżi involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette frères, C‑94/00, Ġabra p. I-9011, punt 78).

172    L-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet motivi għandhom b’hekk jiġu miċħuda.

173    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ma tatx lil Deltafina l-immunità definittiva fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni li hija kisret l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni previst fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

e)     Fuq l-ilment li jallega li Deltafina ma ppreżentatx it-talba tagħha għal trattament favorevoli bi ftehim mal-kompetituri prinċipali tagħha

174    Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, Deltafina fl-aħħar nett issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni inkwantu l-komprensjoni inizjali allegatament żbaljata mill-Kummissjoni tal-aġir tagħha, kif imsemmi fil-punti 57 u 60 tal-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kellha effett fuq il-konklużjonijiet ifformulati fid-deċiżjoni kkontestata.

175    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li la jirriżulta mill-affermazzjonijiet li jinsabu fil-punti 57 u 60 tal-addendum u lanqas minn punti oħrajn tiegħu li l-Kummissjoni f’dan id-dokument ibbażat ruħha fuq il-premessa li Deltafina, Dimon Italia u Transcatab kienu organizzaw flimkien l-aġir tagħhom għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għal immunità. Ir-rigward tal-frażi, iċċitata minn Deltafina, li tinsab fil-punt 57 tal-addendum, għandu jiġi kkonstatat li din hija ta’ natura purament ipotetika. Fir-rigward tal-frażi li tinsab fil-punt 60 tal-addendum, li biha l-Kummissjoni kkwalifikat bħala “frawdolenti” l-aġir ta’ Deltafina, din ma tirreferix għar-raġunament li jinsab fil-punt 57 tal-istess dokument, iżda tirreferi għall-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. L-argument ta’ Deltafina b’hekk huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-addendum.

176    Għandu jiġi rrilevat, fit-tieni lok, li kemm-il darba d-deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet tal-partijiet li jagħtu risposta billi ma jiġux akkużati bi ksur differenti minn dawk imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u billi tibbaża ruħha biss fuq il-fatti li dwarhom il-partijiet ikkonċernati kellhom l-okkażjoni li jagħtu spjegazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħmel modifiki fid-deċiżjoni għall-argumenti li jkunu jinsabu fil-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II-107, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-kuntest, Deltafina ma setgħetx issostni ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża u li, fi kwalunkwe każ, kif tammetti hija stess fin-noti tagħha, l-affermazzjonijiet li hija ssemmi f’dan l-argument ma ġewx irriprodotti fid-deċiżjoni kkontestata.

178    Barra minn hekk, Deltafina ma tispjegax b’mod konkret kif l-affermazzjonijiet li jinsabu fl-addendum jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata. Hija sempliċement tafferma li kien hemm traċċi ta’ dawn l-affermazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata u li jidher li l-komprensjoni inizjali żbaljata tal-Kummissjoni tal-aġir tagħha influwenza l-konklużjonijiet ifformulati fid-deċiżjoni kkontestata.

179    F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix l-immunità lil Deltafina kienet ibbażata fuq il-premessa li l-aġir tagħha kien frawdolenti inkwantu hija ppreżentat it-talba tagħha għal trattament favorevoli bi ftehim mal-kompetituri prinċipali tagħha. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix l-immunità lil Deltafina kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li Deltafina ma osservatx waħda mill-kundizzjonijiet previsti mill-punt 11 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, peress li hija kisret l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni fis-sens tal-imsemmi avviż.

180    Min-naħa l-oħra, u b’mod iktar ġenerali, is-sempliċi aċċenn għall-argumenti u għall-affermazzjonijiet li jinsabu f’addendum għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ma ġewx irriprodotti fid-deċiżjoni kkontestata ma tistax tpoġġi f’dubju l-validità tagħha, jekk ma huwiex stabbilit f’liema miżura d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bħala konsegwenza tar-raġunament inizjali żbaljat. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li allegazzjonijiet ġeneriċi bħal dawk imqajma minn Deltafina ma jistgħux ipoġġu f’dubju l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

181    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi miċħud ukoll dan l-ilment.

182    Fuq il-bażi ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, l-ewwel tliet motivi għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

B –  Fuq ir-raba’ motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

1.     L-argumenti tal-partijiet

183    Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, Deltafina tqajjem tliet ilmenti.

184    Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-irtirar mill-Kummissjoni tal-benefiċċju tal-immunità kundizzjonali, li kien ingħatalha, imur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għall-punt 29 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

185    Deltafina ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tirtira l-immunità mingħajr ma tkun informatha, minn qabel u b’mod ċar, li l-iżvelar tat-talba tagħha għal immunità matul il-laqgħa tal-APTI kienet ser titqies li huwa ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni. La l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u lanqas l-ittra tas-6 ta’ Marzu 2002, li permezz tagħha l-Kummissjoni tat lil Deltafina l-immunità kundizzjonali, ma jsemmu l-obbligu li tinżamm il-kunfidenzjalità tat-talba għal immunità. F’dan il-kuntest, Deltafina ma setgħetx raġonevolment tipprevedi li, jekk tiżvela li kienet ippreżentat talba għal trattament favorevoli, kienet ser titlef l-immunità. Barra minn hekk, l-uffiċjal inkarigat mill-fajl ammetta huwa stess, matul is-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2004, li ma kienx jaf li kien jeżisti tali obbligu għall-impriża li talbet l-immunità.

186    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tat l-immunità kundizzjonali lil Deltafina abbażi tal-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u hija rrikonoxxiet li l-provi mogħtija minn Deltafina kienu ta’ tali livell li jippermettu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur mingħajr il-ħtieġa li jsiru investigazzjonijiet. Deltafina b’hekk tafferma li ma setgħetx tipprevedi li kienet ser titlef id-dritt għal immunità minħabba li kienet ser tiġi ppreġudikata l-kapaċità tal-Kummissjoni li jsiru l-investigazzjonijiet.

187    Barra minn hekk, Deltafina ssostni wkoll li hija kienet informat bi prontezza lill-Kummissjoni dwar id-diffikultajiet biex tinżamm il-kunfidenzjalità tat-talba tagħha għal immunità u li hija kkonformat mal-obbligu “saħansitra akbar” (higher burden) li kien ġie assenjat lilha mill-Kummissjoni, billi pprovdietilha provi supplimentari konsistenti. Kien biss wara d-dikjarazzjoni ta’ Dimon Italia matul is-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2004 li l-Kummissjoni f’daqqa waħda bidlet il-pożizzjoni tagħha u imponiet il-multa l-iktar għolja fuq Deltafina.

188    Fit-tieni lok, Deltafina ssostni li l-irtirar min-naħa tal-Kummissjoni tal-immunità kundizzjonali li hija kienet tatha jmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu l-Kummissjoni, minkejja li kienet ġiet avżata minnha li hija kienet ser tiżvela l-fatt li kienet ippreżentat talba għal immunità fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-APTI, ma informathiex b’mod ċar li dan l-iżvelar kien ser iwassal għat-telf tal-immunità tagħha.

189    Fit-tielet lok, Deltafina ssostni li l-irtirar mill-Kummissjoni tal-immunità li kienet ingħatatilha tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-multa imposta fuqha – l-iktar waħda għolja mill-multi imposti mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri EUR 30 miljun – hija totalment sproporzjonata.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

190    Fir-rigward tal-ewwel ilment ta’ Deltafina, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jinsab fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, Ġabra p. 1095, punt 48). Skont il-ġurisprudenza, id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippresupponi li jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, għandhom ikunu ngħataw garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjoni u konkordanti, li jirriżultaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-partijiet ikkonċernati mill-amministrazzjoni. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni, T‑145/06, Ġabra p. II‑145, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, Nintendo u Nintendo of Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑13/03, Ġabra p. II‑947, punt 203, u l-ġurisprudenza ċċitata).

191    F’dan il-każ, l-ewwel kundizzjoni prevista mill-ġurisprudenza hija manifestament mhux sodisfatta. Fil-fatt, Deltafina ma tista’ tinvoka ebda garanzija preċiża, mingħajr kundizzjoni u konkordanti, li hija kienet ser tikseb l-immunità definittiva fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva.

192    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li konformement mal-punt 19 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kif ġie rrilevat fil-punt 117 iktar ’il fuq, huwa biss fil-mument meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali li għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 11 tal-imsemmi avviż humiex sodisfatti. Minn dan isegwi li, fil-fażi tal-proċedura ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni ma setgħet tagħti ebda garanzija preċiża lil Deltafina dwar il-benefiċċju tal-immunità definittiva (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I-5843, punt 118).

193    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tinforma lill-applikanti għal immunità li huma għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ kooperazzjoni, peress li l-avviż stess jindika b’mod ċar il-konsegwenzi ta’ tali ksur.

194    Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 30 tal-imsemmi avviż li jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura amministrattiva, xi waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-avviż ma tkunx sodisfatta, l-impriża kkonċernata tista’ ma tkomplix tibbenefika mit-trattament favorevoli previst. B’hekk ma hemm ebda obbligu għall-Kummissjoni li tavża lil Deltafina x’kienu ser ikunu l-konsegwenzi għaliha jekk tikser l-obbligu ta’ kooperazzjoni previst fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Deltafina b’hekk ma tistax issostni li l-Kummissjoni wettqet żball f’dan ir-rigward.

195    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni avżat espliċitament lil Deltafina dwar il-fatt li l-għoti tal-immunità kien suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kumulattivi stipulati fil-punt 11 tal-imsemmi avviż. Din it-twissija tirriżulta mhux biss mill-punt 30, imsemmi hawn fuq, tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li Deltafina, bħala applikanta għal immunità kellha tkun taf biha, iżda wkoll, b’mod espliċitu, mid-deċiżjoni mibgħuta lil Deltafina fis-6 ta’ Marzu 2002, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet tatha l-istatus tal-immunità kundizzjonali (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Fil-premessa 6 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni fil-fatt informat espliċitament lil Deltafina li “in-nuqqas ta’ ħarsien [osservanza] tal-kundizzjonijiet msemmija [fil-punt 11,](a) sa (c), f’kull mument tal-proċedura amministrattiva jista’ jagħti lok għat-telf ta’ kull trattament favorevoli”.

196    Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 149 u 173 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-aġir ta’ Deltafina ma setax jitqies li jirrifletti spirtu ta’ kooperazzjoni ġenwina u li, konsegwentement, hija kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni previst fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

197    B’hekk, f’dan il-każ, minkejja li kienet inizjalment ingħatat immunità kundizzjonali lil Deltafina, din tal-aħħar sussegwentement ma baqgħetx tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet previsti mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-għoti tal-immunità definittiva. Konsegwentement, hija ma setgħetx tkompli tibbenefika mit-trattament favorevoli fis-sens tal-punt 30 tal-imsemmi avviż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Deltafina ma tistax issostni li kellha aspettattivi leġittimi abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

198    Barra minn hekk, Deltafina lanqas ma tista’ tinvoka ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħha billi tibbaża ruħha fuq iċ-ċirkustanza li hija kienet ikkonformat mat-“tieni l-aħjar opzjoni” miftiehma mal-Kummissjoni billi tipprovdilha provi supplimentari. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 167 iktar ’il fuq, anki jekk wieħed jassumi li din iċ-ċirkustanza seħħet, hija ma tistax teżenta lil Deltafina mill-obbligu li kellha biex tinforma lill-Kummissjoni bil-fatt li t-talba tagħha għal immunità kienet ġiet żvelata. Għaldaqstant, billi ma informatx bi prontezza lill-Kummissjoni dwar dawn iċ-ċirkustanzi, fit-tmiem tal-proċedura Deltafina ma kinitx tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet previsti mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-għoti tal-immunità definittiva b’mod li l-Kummissjoni kellha d-dritt, jew l-obbligu li ma tagħtihiex l-immunità definittiva.

199    Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-punt 171 iktar ’il fuq li Deltafina ma setgħet ikollha ebda aspettattivi leġittimi partikolari abbażi tal-fatt li l-istatus proċedurali tal-immunità kundizzjonali kien ingħatalha fuq il-bażi tal-punt 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, pjuttost milli fuq il-bażi tal-punt 8(a) tal-imsemmi avviż.

200    Minn dan isegwi li l-ilment dwar ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

201    Fir-rigward tat-tieni lment, dwar l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu l-Kummissjoni, minkejja li kienet ġiet avżata minn qabel minn Deltafina li din tal-aħħar kienet ser tiżvela l-preżentazzjoni tat-talba tagħha għal immunità fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-APTI, ma informathiex b’mod ċar li dan l-iżvelar kien ser iwassal għat-telf tal-immunità tagħha, għandu jiġi rrilevat, mingħajr ma jingħad xejn dwar il-pertinenza tar-referenza għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba f’dan il-kuntest, li dan huwa bbażat fuq premessi żbaljati. Fil-fatt, minn naħa waħda, ġie kkonstatat li matul kuntatti li saru bejn il-Kummissjoni u Deltafina qabel il-laqgħa tal-APTI tal-4 ta’ April 2002, Deltafina ma informatx lill-Kummissjoni li hija kienet ser tiżvela spontanjament u volontarjament il-fatt li kienet ippreżentat talba għal immunità matul din il-laqgħa (ara l-punti 152 sa 160 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, ġie rrilevat ukoll fil-punti 193 u 194 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tinforma lil Deltafina dwar il-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni.

202    Minn dan isegwi li l-ilment li jallega ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud.

203    Fir-rigward tat-tielet ilment, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi li l‑atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik l-inqas restrittiva u l‑inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96, u s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 223).

204    Deltafina ssostni li, wara li qieset iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni kisret dan il-prinċipju billi ma tathiex l-immunità.

205    Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-loġika tal-programm ta’ klemenza kif spjegat fil-punti 103 et seq iktar ’il fuq, l-għoti tal-immunità minn kull multa, li tikkostitwixxi eċċezzjoni totali mill-prinċipju tar-responsabbiltà personali tal-impriża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, huwa ġġustifikat mill-kooperazzjoni tal-impriża li tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u r-repressjoni tal-ksur ta’ dawk ir-regoli. Għaldaqstant huwa biss bi skambju għal kooperazzjoni bis-sħiħ, fuq bażi kontinwa u bi prontezza li l-Kummissjoni tagħti l-immunità minn kull multa. Huwa għalhekk li l-għoti tal-immunità totali fi tmiem il-proċedura amministrattiva huwa suġġett għall-osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst mill-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ara l-punti 116 u 117 iktar ’il fuq).

206    F’dan il-kuntest, lanqas ma huwa sproporzjonat li jiġi previst, kif jagħmel il-punt 30 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura amministrattiva, waħda mill-kundizzjonijiet elenkati f’dan l-avviż ma tkunx sodisfatta, l-impriża kkonċernata tista’ ma tkomplix tibbenefika mit-trattament favorevoli previst. Fil-fatt, jekk l-impriża li titlob li tingħata trattament favorevoli tkun f’pożizzjoni li ma tosservax il-kundizzjonijiet previsti u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ kooperazzjoni, mingħajr ir-riskju li titlef il-benefiċċju ta’ dan it-trattament, il-bażi u l-għanijiet tal-programm ta’ klemenza jitpoġġew f’dubju.

207    F’dawn iċ-ċirkustanzi, inkwantu ġie kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat ksur min-naħa ta’ Deltafina tal-obbligu ta’ kooperazzjoni li għalih kienet suġġetta skont il-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Deltafina ma tistax issostni li, billi ma ngħatatx l-immunità totali fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

208    F’dak li jirrigwarda l-invokazzjoni tan-natura sproporzjonata tal-multa fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, Deltafina qajmet dan l-ilment fil-kuntest tal-ħames u s-seba’ motivi. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat dan l-ilment fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn il-motivi.

209    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

II –  Fuq il-motivi invokati sussidjarjament

A –  Fuq il-ħames motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-natura eċċessiva tal-ammont ta’ tluq tal-multa kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni

210    Permezz tal-ħames motiv tagħha, li huwa maqsum fi tliet partijiet, Deltafina tqajjem diversi lmenti li jsostnu li l-ammont ta’ tluq ta’ EUR 25 miljun iffissat mill-Kummissjoni huwa manifestament eċċessiv u sproporzjonat meta mqabbel mal-gravità tal-ksur. Deltafina b’hekk titlob lill-Qorti Ġenerali tiffissa ammont ġdid għall-multa.

211    Hemm lok l-ewwel nett li jiġi rrilevat li Deltafina tikkontesta formalment l-“ammont ta’ tluq” tal-multa, li jikkorrispondi, skont ir-raba’ inċiż tal-punt 1B tal-linji gwida, għat-total tal-ammonti stabbiliti skont il-gravità tal-ksur u t-tul tal-ksur. Madankollu, jirriżulta mill-argumentazzjoni tagħha li l-ammont tal-multa kkontestata huwa dak iddeterminat skont il-gravità tal-ksur, b’mod li l-ammont inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv huwa l-ammont ta’ tluq tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T 161/05, Ġabra p. II 3555, punt 107).

1.     Kunsiderazzjonijiet ġenerali

212    Preliminarjament, għandhom jitfakkru l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-iffissar tal-ammont tal-multi, u b’mod iktar partikolari l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam tal-multi.

213    L-Artikolu 81(1)(a) u (b) KE jiddikjara espressament li huma inkompatibbli mas-suq komuni l-akkordji u l-prattiki miftiehma li jikkonsistu fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jew ta’ kundizzjonijiet oħrajn ta’ tranżazzjoni jew fil-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tas-swieq. Il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jkunu jikkonsistu f’akkordji orizzontali, huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala partikolarment gravi meta jkollhom effett dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 675), jew fil-ksur nett tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 109, u tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 303).

214    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandu jiġi impost għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ żmien tiegħu.

215    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità tal-ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bil-fors jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 241 ; tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 54, u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 91).

216    Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha li jiffissaw multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni adottat il-linji gwida (l-ewwel pararafu tal-linji gwida).

217    Il-linji gwida huma strument intiż li jippreċiża, fl-osservanza tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punti 209 sa 213, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 219 u 223).

218    B’hekk, għalkemm il-linji gwida ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala regola tad-dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li minnha l-amministrazzjoni ma tistax tiddevja, f’każ partikolari, mingħajr ma tippreżenta ġustifikazzjonijiet (ara, f’dan s-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punti 209 u 210, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91).

219    L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 246, 274 u 275). Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ppreċiżat, permezz tal-linji gwida, l-approċċ tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa dan il-kriterju globalment skont iċ-ċirkustanzi pertinenti kollha, inklużi elementi li ma jissemmewx espressament fil-linji gwida (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punt 237).

220    Skont il-metodu stabbilit mil-linji gwida, fil-kalkolu tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tieħu bħala punt tat-tluq ammont determinat abbażi tal-gravità “intrinsika” tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-imsemmija gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq jekk dan jista’ jiġi kkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A).

221    F’dan il-kuntest, il-ksur huwa kklassifikat fi tliet kategoriji, jiġifieri “ksur ftit serju”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab bejn EUR 1 000 u EUR 1 miljun, “ksur serju”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun, u “ksur serju ħafna”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab lil hinn minn EUR 20 miljun (l-ewwel u t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A). F’dak li jirrigwarda l-ksur serju ħafna, il-Kummissjoni tippreċiża li essenzjalment dawn ikunu restrizzjonijiet orizzontali bħal “kartelli ta’ prezzijiet” u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiki oħra li jpoġġu fil-periklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħal qsim tas-swieq nazzjonali jew abbuż ċar minn pożizzjoni dominanti minn impriżi li jkollhom monopolju virtwali (it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A).

222    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imsemmija fil-punt 220 iktar ’il fuq ma għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol primordjali, b’mod partikolari, biex tikkaratterizza l-ksur “serji ħafna” (sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 101, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 137).

223    Min-naħa l-oħra, la l-impatt konkret fuq is-suq u lanqas id-daqs tas-suq ġeografiku ma jikkostitwixxu elementi neċessarji għall-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna fil-każ ta’ akkordji orizzontali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet. Fil-fatt, għalkemm dawn iż-żewġ kriterji huma elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dawn huma kriterji fost oħrajn għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punti 74 u 81, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Raiffeisen Zentralbank Österreich vs Il‑Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punti 240 u 311, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 91).

224    B’hekk, skont ġurisprudenza li issa wkoll saret stabbilita sew, jirriżulta mil-linji gwida li l-akkordji orizzontali li jirrigwardaw, b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq (sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 75; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 178, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 150), u mingħajr ma d-daqs limitat tas-suq ġeografiku kkonċernat jipprekludi tali kwalifikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 103, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 223 iktar ’il fuq, punt 91).

225    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur gravi ssemmi espressament l-impatt fuq is-suq u l-effetti fuq iż-żoni estiżi tas-suq komuni, dik tal-ksur serji ħafna, min-naħa l-oħra, ma ssemmi ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenzi Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 137; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 178 ; Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 150).

226    Barra minn hekk, hemm interdipendenza bejn it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fis-sens li grad għoli ta’ gravità fir-rigward ta’ waħda jew oħra mill-kriterji tista’ tikkumpensa għal grad baxx ta’ gravità tal-ksur taħt aspetti oħra (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punt 241).

227    Għal dak li jirrigwarda speċifikament dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-multa imposta fuq id-diversi destinatarji abbażi tal-metodu ġenerali li hija imponiet fuqha stess fil-linji gwida, u dan anki jekk hija ma ssemmihomx espressament fid-deċiżjoni msemmija.

228    Sa fejn Deltafina, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar ukoll li, kif ġie rrilevat fil-punt 203 iktar ’il fuq, dan il-prinċipju jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għall-kisba tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

229    Fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa mill-Kummissjoni biex tippenalizza l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet imfittxija, jiġifieri fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża abbażi ta’ ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fit-totalità tiegħu, billi jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punti 223 u 224, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni biex tevalwa l-gravità tal-ksur u li f’dan ir-rigward għandha tapplika dawk l-elementi b’mod koerenti u ġġustifikat oġġettivament (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 226 sa 228, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 171).

2.     Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-daqs limitat tas-suq u tad-dħul mill-bejgħ limitat ta’ Deltafina

a)     L-argumenti tal-partijiet

230    Deltafina ssostni li l-ammont ta’ tluq tal-multa huwa sproporzjonat inkwantu jikkorrispondi għal 37.1 % tal-valur totali tax-xiri fis-suq ikkonċernat, jiġifieri EUR 67.3 miljun, għal 52.2 % tal-valur tal-bejgħ tagħha ta’ tabakk Taljan ipproċessat, jiġifieri EUR 47.9 miljun, u għal 82.5 % tax-xiri tagħha ta’ tabakk mhux maħdum jew preproċessat, jiġifieri EUR 30.2 miljun. L-ewwel u t-tielet ċifri huma ta’ importanza partikolari, peress li l-ksur jikkonċerna prattiki ta’ xiri miftiehma. Deltafina tosserva, barra minn hekk, li l-ammont ta’ tluq huwa ogħla mill-profitt totali, wara t-taxxa, li hija kisbet matul il-perijodu 1996‑2002, jiġifieri EUR 23.5 miljun. It-tqabbil ta’ dawn iċ-ċifri ma’ dawk relatati ma’ akkordji oħrajn juri li l-ammont ta’ tluq iffissat f’dan il-każ mill-Kummissjoni huwa eċċessivament għoli.

231    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Deltafina.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

232    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment dwar in-natura sproporzjonata tal-multa meta mqabbla mal-valur totali tax-xiri fis-suq ikkonċernat, la jirriżulta mir-Regolament Nru 1/2003, u lanqas mil-linji gwida, li l-ammont tal-multi għandu jiġi ffissat direttament skont id-daqs tas-suq inkwistjoni, peress li dan il-fattur ma huwiex element obbligatorju, iżda biss element pertinenti fost oħrajn biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 132, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 55). Dawn id-dispożizzjonijiet b’hekk ma jimponux, waħedhom, li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs limitat tas-suq tal-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 148).

233    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 215 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, matul l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-numru kbir ta’ elementi li n‑natura u l-importanza tagħhom tvarja skont it-tip ta’ ksur inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat. Fost dawn l-elementi li jindikaw il-gravità ta’ ksur, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm, skont il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 120, u s-sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 267).

234    Konsegwentement, għalkemm id-daqs tas-suq jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal‑ksur, l-importanza tiegħu tvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

235    F’dan il-każ, fir-rigward tat-tip ta’ ksur, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-akkordju inkwistjoni kellu l-għan, b’mod partikolari, li jiġu ffissati b’mod komuni l-prezzijiet imħallsa mill-proċessuri għat-tabakk mhux maħdum kif ukoll it-tqassim tal-fornituri u tal-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum. Dawn il-prattiki jikkostitwixxu restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartell ta’ prezzijiet” fis-sens tal-linji gwida u għaldaqstant huma “serji ħafna” min-natura tagħhom stess. Għal dan it-tip ta’ akkordji, li huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala ksur nett tar-regoli tal-kompetizzjoni jew ksur partikolarment serju inkwantu għandhom effett dirett fuq il-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (ara l-punt 213 iktar ’il fuq), il-linji gwida jipprevedu sanzjoni b’ammont bażiku minimu li jmur lil hinn minn EUR 20 miljun.

236    Fir-rigward, fit-tieni lok, taċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat, għandu jiġi kkonstatat li d-daqs tas-suq inkwistjoni bl-ebda mod ma kien traskurabbli, inkwantu jirriżulta mill-premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata li l-produzzjoni tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja kienet tirrappreżenta 38 % tal-produzzjoni taħt il-kwota fl-Unjoni. Barra minn hekk, jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 290 tad-deċiżjoni kkontestata li, peress li l-akkordju jestendi wkoll għax-xiri mingħand “terzi li jippakkjaw” – jiġifieri intermedjarji li jixtru huma stess it-tabakk mhux maħdum tal-produtturi u jagħmlu proċessar inizjali tat-tabakk –, dan jirrigwarda xiri ta’ valur li jeċċedi s-sempliċi valur tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum prodott fl-Italja.

237    F’dan iċ-ċirkustanzi, Deltafina ma tistax issostni li l-multa tagħha hija sproporzjonata meta mqabbla mal-valur totali tax-xiri fis-suq ikkonċernat.

238    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ta’ Deltafina li huwa bbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-multa meta mqabbla mal-valur tax-xiri tagħha fis-suq ikkonċernat, kif ukoll meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ tagħha li jirriżulta mill-attivitajiet tagħha downstream, u mal-profitt totali miksub matul il-perijodu bejn l-1996 u l-2002, fl-ewwel lok għandu jiġi enfasizzat li d-dritt applikabbli ma jinkludix prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jgħid li s-sanzjoni għandha tkun proporzjonata mad-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriża fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 277, u l-ġurisprudenza ċċitata), u lanqas mad-dħul mill-bejgħ miksub fis-suq downstream jew mal-profitt miksub matul il-perijodu tal-akkordju.

239    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita huwa possibbli, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, liema dħul jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn dan id-dħul li tirriżulta mill-bejgħ tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant tista’ tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu. Jirriżulta minn dan li ebda waħda minn dawn iċ-ċifri ma għandha tingħata importanza sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturi l-oħra ta’ evalwazzjoni u, konsegwentement, l-iffissar ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-merkanzija kkonċernata tirrappreżenta biss porzjon żgħir ta’ dan id-dħul (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, punt 121; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 243, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 114).

240    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punt 34 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat il-multa abbażi tal-parti mis-suq ta’ kull impriża f’termini ta’ xiri tal-prodott inkwistjoni fis-suq fejn seħħ il-ksur. B’hekk, il-valur tax-xiri fis-suq ikkonċernat kien kriterju li kellu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa f’dan il-każ.

241    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-limitu massimu ta’ 10 % imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa relatat mad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata, u li l-ammont finali biss tal-multa għandu josserva dan il-limitu. F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessi 374 u 401 tad-deċiżjoni kkontestata li, wara li stabbilixxiet li l-kumpannija parent ta’ Deltafina, jiġifieri Universal, kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq Deltafina, il-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa f’livell li jiżgura li tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva, ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Universal. Jirriżulta, mill-informazzjoni indikata fil-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata, ħaġa li ma hijiex ikkontestata minn Deltafina, li l-multa imposta fuq Deltafina u Universal hija inqas minn 2 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ Universal u hija, konsegwentement, sostanzjalment inqas mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Deltafina ma tistax issostni li l-ammont bażiku ffissat mill-Kummissjoni kien sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs tal-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 232 iktar ’il fuq, punt 146, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 229).

242    Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li meta l-ammont tal-multa finali ma jkunx jaqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata matul l-aħħar sena tal-ksur, il-multa ma tistax titqies li hija sproporzjonata għas-sempliċi fatt li tkun taqbeż id-dħul mill-bejgħ miksub fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 200). L-istess jgħodd fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ miksub fis-suq downstream. Issa, f’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li l-ammont ta’ tluq tal-multa imposta fuq Deltafina, li hija ssostni li huwa ta’ natura sproporzjonata, lanqas ma jaqbeż id-dħul mill-bejgħ miksub fis-suq downstream. Barra minn hekk, l-ammont finali tal-multa huwa inqas minn dawn iż-żewġ dħul mill-bejgħ.

243    Barra minn hekk, meta titqies in-natura serja ħafna tal-ksur imwettaq, la ċ-ċirkustanza li l-multa tikkorrispondi għal 52.2 % tal-valur tal-bejgħ tat-tabakk Taljan ipproċessat ta’ Deltafina u għal 82.5 % tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum jew preproċessat, u lanqas iċ-ċirkustanza li din taqbeż il-profitt totali, wara t-taxxa, miksub minn Deltafina, sussidjarja Taljana tal-grupp Universal, matul il-perijodu bejn l-1996 u l-2002, ma huma eċċessivi sal-punt li jagħmlu din il-multa sproporzjonata.

244    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferimenti għad-deċiżjonijiet adottati qabel mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix, fiha nfisha, bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan huwa ddefinit unikament fir-Regolament Nru 1/2003, kif applikat fid-dawl tal-linji gwida, u li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-iffissar tal-ammont tal-multi u ma hijiex marbuta bl-evalwazzjonijiet li tkun tat qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 82, u Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 123). Minn dan isegwi li l-allegazzjonijiet ta’ Deltafina dwar il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu aċċettati.

245    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ħames motiv.

3.     Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jitqies id-daqs limitat tas-suq ġeografiku

a)     L-argumenti tal-partijiet

246    Deltafina ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs ġeografiku żgħir tas-suq ikkonċernat mill-ksur, li huwa limitat għall-Italja jew, iktar preċiżament, li jikkonċerna essenzjalment erba’ reġjuni Taljani biss (fejn tinsab ikkonċentrata 87.5 % tal-produzzjoni Taljana). Issa, f’għadd kbir ta’ preċedenti, il-Kummissjoni kienet qieset li, fid-dawl tal-fatt li l-ksur seħħ f’parti limitata tas-suq uniku, huwa kelu jitqies li huwa ksur “serju” iktar milli ksur “serju ħafna”.

247    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Deltafina.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

248    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-daqs tas-suq ġeografiku ma huwiex kriterju awtonomu fis-sens li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna” biss dawk il-ksur li jirrigwardaw il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. La t-Trattat, la r-Regolament Nru 1/2003, la l-linji gwida, u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jistgħu jiġu kkwalifikati b’dan il-mod biss ir-restrizzjonijiet li huma mifruxa ħafna ġeografikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 87, u Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punt 311).

249    Barra minn hekk, ftehim jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri kif ukoll it-tqassim tal-kwantitajiet mixtrija, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala serji ħafna, sempliċement fuq il-bażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma huwa neċessarju li tali aġir jiġi kkaratterizzat b’daqs ġeografiku partikolari (ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 222 sa 225 iktar ’il fuq).

250    Minn dan isegwi li d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat, anki jekk huwa limitat, ma jipprekludix, fil-prinċipju, il-kwalifikazzjoni tal-ksur ikkonstatat f’dan il-każ bħala “serju ħafna”.

251    Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li għalkemm, f’dan il-każ, il-produzzjoni tat-tabakk mhux maħdum kienet ikkonċentrata f’ċerti reġjuni tal-Italja, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju ma kinitx madankollu limitata għal dawk ir-reġjuni iżda kienet tkopri x-xiri tat-tabakk mhux maħdum fit-territorju Taljan kollu. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, it-territorju sħiħ ta’ Stat Membru jikkostitwixxi parti sostanzjali tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 28, u s-sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 150).

252    B’hekk, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, l-ammont bażiku ta’ EUR 25 miljun ma huwiex sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs ġeografiku tas-suq ikkonċernat.

253    Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda r-riferimenti għad-deċiżjonijiet adottati qabel mill-Kummissjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 244 iktar ’il fuq li l-allegazzjonijiet ta’ Deltafina dwar il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu aċċettati.

254    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ħames motiv.

4.     Fuq it-tielet parti tal-ħames motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jitqies in-nuqqas ta’ impatt tal-ksur fuq is-suq kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

255    Deltafina ssostni li l-ammont ta’ tluq tal-multa huwa manifestament sproporzjonat meta jitqies il-fatt li l-ksur ma kellux impatt jew kellu impatt limitat fuq is-suq ikkonċernat. Hija takkuża lill-Kummissjoni li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li jirriżulta mill-informazzjoni li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha li l-prattiki miftiehma, li kellhom l-għan li jiffissaw il-prezzijiet tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum, ma kinux ipproduċew effetti fuq is-suq tat-tabakk mhux maħdum. Fil-fatt, il-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess fid-deċiżjoni kkontestata li l-prezzijiet tat-tabakk mhux maħdum, minflok ma naqsu, żdiedu bi 53.5 % fl-Italja matul il-perijodu 1990-2000, waqt li matul l-istess perijodu l-prezzijiet ta’ prodotti agrikoli oħrajn żdiedu biss bi 15.9 %. Barra minn hekk, matul il-perijodu 1993-2000, il-prezzijiet tal-varjetajiet ta’ tabakk prodotti fl-ikbar kwantitajiet fl-Italja (jiġifieri l-Bright u l-Burley) ġarrbu l-ikbar żieda fl-Italja fost id-diversi Stati Membri. Il-Kummissjoni b’hekk kien imissha kkonkludiet li l-prattiki ppenalizzati, li kellhom l-għan li jillimitaw jew jipprevjenu ż-żieda tal-prezzijiet tat-tabakk mhux maħdum Taljan, kienu ineffikaċi. Din l-informazzjoni, li hija rrikonoxxuta espressament fid-deċiżjoni kkontestata, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u kellha twassal lill-Kummissjoni tiffissa ammont bażiku tal-multa inqas għoli.

256    Għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni affermat għall-ewwel darba fir-risposta tagħha, f’dan il-każ l-impatt tal-ksur fuq is-suq seta’ manifestament jitkejjel. L-informazzjoni li, skont il-Kummissjoni, kienet neċessarja biex ikun jista’ jitkejjel dan l-impatt ma tikkostitwixxix informazzjoni li hija impossibbli li tinsab u, barra minn hekk, dan it-tip ta’ analiżi huwa frekwenti fid-deċiżjonijiet dwar l-akkordji. B’hekk, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kienet obbligata li tqabbel is-sitwazzjoni li tirriżulta minn dan il-ksur ma’ dik li kienet teżisti fin-nuqqas tiegħu. Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħti ebda indikazzjoni tal-motivi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-ksur ma setax jitkejjel, din kienet ivvizzjata wkoll minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

257    Deltafina ssostni li anki jekk, f’dan il-każ, l-impatt tal-ksur fuq is-suq realment ma setax jitkejjel, quod non, billi ffissat l-ammont ta’ tluq tal-multa, il-Kummissjoni xorta waħda kellha tikkonkludi li l-ksur ma kellu ebda impatt fuq is-suq. Fil-fatt, jekk ikun impossibbli li jitkejjel l-impatt, dan ma jippermettix li wieħed jippresupponi li jeżisti tali impatt.

258    Fir-replika, Deltafina tippreċiża li l-motiv tagħha ma jirrigwardax il-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”, iżda ż-żieda tal-ammont ta’ tluq minħabba l-impatt tal-ksur fuq is-suq.

259    Deltafina b’hekk titlob li l-multa titnaqqas sa grad xieraq, fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, meta ffissat l-ammont ta’ tluq tal-multa, in-nuqqas ta’ impatt jew, sussidjarjament, l-impatt limitat tal-ksur fuq is-suq.

260    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Deltafina.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

261    Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li fost it-tliet kriterji msemmija fil-linji gwida għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara l-punt 220 iktar ’il fuq), in-natura tal-ksur għandha rwol primordjali għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna. B’hekk, akkordji jew prattiki miftiehma dwar l-iffissar tal-prezzijiet jew it-tqassim tas-swieq jistgħu jwasslu, sempliċement fuq il-bażi tan-natura tagħhom, għall-kwalifikazzjoni bħala “serji ħafna”, mingħajr ma huwa meħtieġ li tali aġir jiġi kkaratterizzat b’impatt konkret fuq is-suq paritkolari (ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 222 sa 225 iktar ’il fuq).

262    F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 235 iktar ’il fuq, l-akkordju inkwistjoni kellu l-għan, b’mod partikolari, li jiġu ffissati b’mod komuni l-prezzijiet imħallsa mill-proċessuri għat-tabakk mhux maħdum kif ukoll it-tqassim tal-fornituri u tal-kwantitajiet u skambju ta’ informazzjoni. Dawn il-prattiki jikkostitwixxu restrizzjoni orizzontali tat-tip “kartell tal-prezzijiet” fis-sens tal-linji gwida u b’hekk huma “serji ħafna” min-natura tagħhom.

263    Minn dan isegwi li f’dan il-każ l-Kummissjoni setgħet tikkwalifika l-akkordju bħala ksur serju ħafna mingħajr ma kienet obbligata turi impatt konkret ta’ dan il-ksur fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 76, u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 103).

264    Barra minn hekk, jirriżulta mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata li, għalkemm fil-premessa 365 tagħha l-Kummissjoni affermat, b’riferiment għall-kliem tal-linji gwida, li biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur hija trid tieħu inkunsiderazzjoni t-tliet elementi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-imsemmija linji gwida (ara l-punt 220 iktar ’il fuq), hija sussegwentement ma bbażatx l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fuq l-impatt konkret tal-ksur.

265    Fil-fatt, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (premessi 365 sa 369), ebda premessa ma tirreferi għal dan l-element. B’mod partikolari, fil-premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li tirreferi għall-parti tad-deċiżjoni li tanalizza l-portata restrittiva tal-akkordji bejn il-proċessuri, il-Kummissjoni, minn naħa waħda, issemmi kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali dwar l-akkordji fir-rigward tax-xiri u l-kapaċità tagħhom, bħal fil-każ tipiku tal-“kartelli tal-bejgħ”, li jbiddlu l-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, tafferma li din il-kapaċità hija iktar importanti fil-każ ta’ prodott bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ. Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala analiżi tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, iżda pjuttost jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-kapaċità tal-akkordju tax-xiri li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan il-każ.

266    Minn dan isegwi li l-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna ma tistax tiġi kkontestata abbażi tal-argumenti mqajma minn Deltafina fil-kuntest ta’ din il-parti.

267    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-replika, Deltafina kkjarifikat il-portata tal-argumenti mqajma fil-kuntest ta’ din il-parti, billi spjegat li hija ma tikkontestax il-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna, iżda tikkritika lill-Kummissjoni talli ffissat ammont ta’ tluq tal-multa li huwa sproporzjonat fir-rigward tan-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

268    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mis-sistema Komunitarja tas-sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolament Nru 17 u interpretata mill-ġurisprudenza, li l-akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-eventwali impatt reali tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq ogħla minn dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas tal-kartell, ma huwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 233 iktar ’il fuq, punti 120 u 129 ; tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punti 68 sa 77 ; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, I‑9858, punti 95 sa 101).

269    Skont il-ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa, elementi relatati mal-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk dwar l-effetti ta’ prattika antikompetittiva, b’mod speċjali fir-rigward ta’ ksur intrinsikament serju, bħal dawk li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 118 ; tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 96, u tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbonne-Lorraine vs Il-Kummissjoni, C‑554/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

270    F’dan il-każ, jirriżulta mill-analiżi tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-fatti allegati li l-proċessuri implementaw xjentement l-aġir antikompetittiv li għalih ġew ippenalizzati (ara, pereżempju, il-premessi 111, 124, 125, 141 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-kunsiderazzjoni hija kkonfermata barra minn hekk miċ-ċirkustanza li l-akkordju kien ta’ natura sigrieta, kif jirriżulta mill-premessi 363 u 473 tad-deċiżjoni kkontestata.

271    Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata li l-proċessuri ftehmu f’diversi okkażjonijiet dwar miżuri intiżi biex jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tal-akkordju, bħal li jibagħtu reċiprokament fatturi tal-fornituri rispettivi tagħhom (premessi 122 u 129 tad-deċiżjoni kkontestata), obbligu ta’ konsultazzjoni fil-każ ta’ xiri barra mill-akkordji (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata), obbligi ta’ kontroll tal-impjegati sabiex jiġi evitat li jieħdu inizjattivi mingħajr il-koordinazzjoni meħtieġa (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata), il-ħolqien ta’ struttura intiża biex tiżgura l-ħolqien ta’ għanijiet antikompetittivi (premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li jirriżulta mill-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-akkordju kien ġie implementat, ċirkustanza li ma hijiex ikkontestata minn Deltafina.

272    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, meta ffissat l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti probabbli tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża inkwistjoni. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessi 370 u 371 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li l-multi jiġu ffissati skont il-pożizzjoni ta’ kull parti inkwistjoni fis-suq sabiex tqis, minbarra l-piż speċifiku tagħha, ir-riperkussjonijiet probabbli tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża.

273    Jirriżulta mill-ġurisprudenza li s-sehem mis-suq miżmum ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fis-suq li kien suġġett għal prattika restrittiva jikkostitwixxi, anki fin-nuqqas ta’ prova ta’ effett konkret tal-ksur fuq is-suq, element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tar-responsabbiltà ta’ kull waħda minnhom fir-rigward tal-potenzjal ta’ din il-prattika li tagħmel ħsara lill-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punti 196 sa 198, u b’mod partikolari, il-punt 197). B’hekk, skont il-ġurisprudenza, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa l-ishma mis-suq miżmuma minn impriża huma rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza tagħha li setgħet teżerċita fuq is-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 139, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar ’il fuq, punt 62).

274    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, billi ffissat l-ammont bażiku tal-multa skont l-ishma mis-suq miżmuma minn kull parti, il-Kummissjoni użat kriterju pertinenti sabiex tiddetermina l-influwenza li l-aġir ta’ Deltafina seta’ kellu fuq is-suq.

275    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-preżenza ta’ ksur serju ħafna tar-regoli tal-kompetizzjoni u tal-elementi relatati mal-aspett intenzjonali bħal dawk imsemmija fil-punti 270 u 271, anki jekk wieħed jassumi li l-akkordju ma pproduċiex effetti fuq is-suq, kif issostni Deltafina, għandu jitqies li l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa ta’ Deltafina, li kienet l-operatriċi b’sehem mis-suq sostanzjalment ogħla minn dak tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju fis-suq inkwistjoni, f’livell superjuri b’minimu ta’ EUR 20 miljun kif imsemmi mil-linji gwida, u b’mod partikolari ta’ EUR 25 miljun, ma huwiex inadegwat.

276    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi aċċettat l-argument ta’ Deltafina li l-ammont ta’ tluq tal-multa kien manifestament sproporzjonat minħabba l-fatt li l-ksur ma pproduċa ebda effett fuq is-suq.

277    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda speċifikament l-informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li turi n-nuqqas ta’ effetti tal-akkordju fuq is-suq (ara l-punt 255 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ġurisprudenza li, biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li jiġi stabbilit li l-membri tal-akkordju kienu għamlu dak kollu li setgħu jagħmlu sabiex jagħtu effett reali lill-intenzjonijiet tagħhom. Dak li seħħ sussegwentement, fuq il-livell tal-prezzijiet tas-suq effettivament miksuba, seta’ ġie influwenzat minn fatturi oħra, barra mill-kontroll tal‑membri tal-akkordju. Għaldaqstant, il-membri tal-akkordju ma jistgħux jinvokaw favur tagħhom fatturi esterni li kkontrabattew l‑isforzi tagħhom, billi jsostnu li dawn huma elementi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa (ara s-sentenzi Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punt 287 ; tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 223 iktar ’il fuq, punt 86, u Gütermann et Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata).

278    B’hekk f’kuntest bħal dak ta’ din il-kawża, fejn b’mod partikolari l-membri tal-akkordju adottaw miżuri biex jagħtu effett konkret lill-għanijiet antikompetittivi tagħhom (ara l-punti 270, u b’mod partikolari, 271 iktar ’il fuq), bidla fil-prezzijiet tas-suq bħaż-żieda fil-prezzijiet tat-tabakk imsemmija minn Deltafina ma tistax tiġġustifika weħidha tnaqqis tal-multa. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-akkordju, iż-żieda fil-prezzijiet kellha tkun ogħla miż-żieda msemmija hawn fuq.

279    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tkun meħtieġa, meta tkun ġiet stabbilita l-implementazzjoni ta’ akkordju, li turi sistematikament li l-akkordji effettivament ippermettew lill-impriżi kkonċernati li jilħqu livell ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet ogħla, jew, bħal f’dan il-każ, fil-każ ta’ akkordji dwar xiri, inqas minn dawk li kien ikun hemm fin-nuqqas tal-akkordju. Ikun sproporzjonat li tintalab tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli, peress li dan ikun jeħtieġ l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi, ibbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom ma tistax tiġi mistħarrġa faċilment mill-qorti u l-infallibbiltà tagħhom ma hijiex ipprovata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 217 iktar ’il fuq, punt 286 ; tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 223 iktar ’il fuq, punt 85, u Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, punt 221 iktar ’il fuq, punt 129, u l-ġurisprudenza ċċitata).

280    B’hekk, anki jekk kellha informazzjoni li turi żieda fil-prezzijiet tat-tabakk mhux maħdum li kienet ogħla mill-medja ta’ dik ta’ prodotti agrikoli oħrajn, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex il-konsegwenza li l-Kummissjoni hija meħtieġa turi li l-akkordji bejn il-proċessuri effettivament ippermettielhom jilħqu livell ta’ prezz iktar baxx minn dak li kien ikun hemm fin-nuqqas tal-akkordju.

281    Fl-aħħar nett, Deltafina ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu l-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet għalfejn hija kkonkludiet li l-impatt tal-ksur ma kienx kwantifikabbli.

282    F’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fil-kuntest tal-iffissar ta’ multi abbażi tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, dan l-obbligu huwa sodisfatt meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tikkwantifika l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur. Fir-rigward ta’ deċiżjoni li timponi multi fuq diversi impriżi, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandu jiġi stabbilit skont għadd kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 463 u 465).

283    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 365 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni meta ffissat l-ammonti inizjali tal-multi imposti fuq id-diversi impriżi inkwistjoni. Il-Kummissjoni b’mod partikolari indikat il-kriterji li abbażi tagħhom, minn naħa, hija evalwat konformement mal-linji gwida, il-gravità tal-ksur u, min-naħa l-oħra, hija sussegwentement iffissat l-ammont bażiku billi kklassifikat l-impriżi skont l-importanza tagħhom fis-suq iddeterminat mis-sehem tagħhom mis-suq billi ħadet inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża u r-riperkussjonijiet probabbli tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tagħhom. Il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni b’hekk ġew sodisfatti.

284    Għal dak li jirrigwarda speċifikament l-ilment ta’ Deltafina, għandu jiġi rrilevat li peress li l-impatt konkret fuq is-suq ma jikkostitwixxix element neċessarju għall-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna fil-każ ta’ akkordji orizzontali li jfittxu b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara l-punti 222 sa 224 u 261 sa 265 iktar ’il fuq). F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punti 264 u 265 iktar ’il fuq, hija ma bbażatx l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fuq dan il-kriterju. Issa, il-fatt li l-Kummissjoni ma mmotivatx in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju li hija ma kellhiex tikkunsidra u li hija dehrilha li ma kienx neċessarju li tikkunsidra f’dan il-każ, ma jfissirx li kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-iffissar tal-multa ta’ Deltafina.

285    Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-analiżi li jikkonċernaw il-ksur tal-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 253 KE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Kummissjoni tispjega fid-deċiżjonijiet tagħha r-raġunijiet għalfejn hija ma adottatx, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, approċċi differenti minn dawk li effettivament ġew adottati fid-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, Ġabra p. II‑1769, punt 153, u l-ġurisprudenza ċċitata).

286    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata b’ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

287    Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li t-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

288    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

B –  Fuq is-seba’ motiv, li jallega evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità

1.     L-argumenti tal-partijiet

289    Fil-kuntest tas-seba’ motiv tagħha, Deltafina fl-ewwel lok tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-aġir tagħha, ċirkustanza attenwanti li kellha twassal għat-tnaqqis tal-multa. Huma jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura assolutament inċerta, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, tal-qafas regolatorju ta’ referenza fis-settur ikkonċernat mill-akkordju u b’hekk l-applikazzjoni inċerta tal-Artikolu 81 KE għall-akkordji interprofessjonali. Fil-fatt, il-liġi li tirregola dan it-tip ta’ akkordji, jiġifieri l-legge no 88 sulle norme sugli accordi interprofessionali e sui contratti di coltivazione e vendita dei prodotti agricoli (liġi Nru 88 dwar l-akkordji interprofessjonali u l-kuntratti ta’ kultivazzjoni u bejgħ tal-prodotti agrikoli), tas-16 ta’ Marzu 1988 (GURI Nru 69, tat-23 ta’ Marzu 1988, iktar ’il quddiem il-“liġi nru 88/88”) ħeġġet il-ftehim orizzontali bejn il-proċessuri. Issa, jirriżulta mill-premessi 315 u 359 sa 362 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kienet informata dwar dan il-kuntest, iżda li hija ma dderivat ebda konsegwenza dwar l-iffissar tal-ammont tal-multa.

290    Deltafina ssostni wkoll li fil-kawża li tat lok għad-deċiżjoni C (2004) 4030 finali tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Tabakk mhux maħdum − Spanja”), li l-kuntest regolatorju tagħha huwa sostanzjalment simili għal dak f’dan il-każ, il-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 40 % tal-multi lill-proċessuri.

291    Sussegwentement, Deltafina ssostni li l-multa imposta fuqha hija sproporzjonata meta jitqiesu l-fatti li wasslu lill-Kummissjoni biex ma tagħtihiex il-benefiċċju tal-immunità. Hija tisħaq li l-iżvelar min-naħa tagħha tat-talba għal immunità ma ppreġudikax l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, li l-bona fede tagħha matul il-fażi amministrattiva ma tistax tiġi ddubitata, li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li hija tat kontribut sostanzjali lill-investigazzjoni u li din il-kawża għandha “karatteristiċi eċċezzjonali”, inkwantu Deltafina kienet l-ewwel impriża li talbet l-immunità abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u inkwantu dan kien l-ewwel każ ta’ rtirar ta’ immunità kundizzjonali. Minkejja dan, il-Kummissjoni imponiet multa straordinarjament għolja għal aġir li anki l-uffiċjal responsabbli mil-każ, sa 26 xahar wara li seħħew il-fatti, ma kienx jaf jekk effettivament jikkostitwixxix ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni (ara l-punt 185 iktar ’il fuq). Deltafina ssemmi wkoll il-prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ multi simboliċi fil-każ fejn ikun hemm dubju raġonevoli dwar l-eżistenza ta’ ksur.

292    Fl-aħħar nett, matul is-seduta Deltafina, waqt li rreferiet għall-punt 169 tas-sentenza Nintendo u Nintendo of Europe vs Il-Kummissjoni, punt 190 iktar ’il fuq, ilmentat li l-Kummissjoni tatha l-istess tnaqqis mill-multa għall-kooperazzjoni tagħha bħal dik mogħtija lil Dimon Italia, jiġifieri 50 % tal-multa, filwaqt li Dimon Italia kienet bdiet tikkoopera iktar tard minnha, u li l-kooperazzjoni tagħha kienet ta’ kwalità iktar importanti minn dik mogħtija minn Dimon Italia.

293    Il-Kummissjoni titlob li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Deltafina.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

294    Fir-rigward tal-argument dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanza attenwanti, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, meta jiġi ddeterminat il-livell tas-sanzjoni, l-aġir tal-impriżi kkonċernati jista’ jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanza attenwanti li tkun ikkostitwita mill-kuntest ġuridiku nazzjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C‑198/01, Ġabra p. I‑8055, punt 57, u Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punti 228 et seq).

295    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-punt 3 tal-linji gwida jistabbilixxi, bħala ċirkustanzi attenwanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ammont ta’ tluq tal-multa, fosthom l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli tal-impriża dwar in-natura illeċita tal-aġir restrittiv.

296    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku nazzjonali u, b’mod partikolari, il-liġi Nru 88/88 imsemmija minn Deltafina. Il-Kummissjoni tanalizza b’mod partikolari l-impatt ta’ din il-liġi fil-premessi 315 sa 324 u 358 sa 362 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tafferma li l-kuntest ġuridiku nazzjonali kien tali li jiġġenera inċertezza dwar il-legalità tal-prattiki tal-APTI u tal-UNITAB. Kien preċiżament għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni imponiet multi simboliċi kontra dawn l-assoċjazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, il-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata).

297    Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-akkordju tal-proċessuri, li fih ipparteċipat Deltafina, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li dan “jaqa’ totalment taħt l-Artikolu 81(1) [KE,] peress li joħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Nru 88/88, inkwantu kien intiż essenzjalment biex jiffissa l-prezzijiet tal-konsenja massimi u mezzi għat-tqassim tal-kwantitajiet u l-fornituri”. Deltafina b’ebda mod ma tikkonesta din il-konstatazzjoni. Hija sempliċement tafferma, mingħajr ma tissostanzja l-allegazzjonijiet tagħha, li l-kuntest ġuridiku nazzjonali ħeġġeġ il-ftehim orizzontali bejn il-proċessuri.

298    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Deltafina ma tistax issostni li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest regolatorju ta’ referenza bħala ċirkustanza attenwanti.

299    Għal dak li jirrigwarda l-ilment dwar id-deċiżjoni Tabakk mhux maħdum – Spanja, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm Deltafina ma taffermahx espliċitament, hija essenzjalment qed tallega ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali inkwantu f’każ simili għal dak ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni applikat iċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni fir-rigward tal-proċessuri.

300    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jinkiser biss meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, ħlief jekk tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra p. 4209, punt 28, sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 79).

301    F’dan il-każ, paragun bejn iż-żewġ deċiżjonijiet inkwistjoni għal dak li jirrigwarda l-effett tal-qafas regolatorju nazzjonali fuq il-prattiki kkontestati juri li ż-żewġ sitwazzjonijiet kienu kkaratterizzati minn differenzi notevoli fir-rigward tal-impatt ta’ dan il-qafas regolatorju fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur. B’mod partikolari, jirriżulta mill-premessi 52 et seq, 349 et seq, 426 sa 429, 437, u 438 tad-deċiżjoni Tabakk mhux maħdum – Spanja, li fi Spanja l-awtoritajiet pubbliċi kellhom rwol importanti fin-negozjati tal-akkordji bejn produtturi u proċessuri. Dawn huma negozjati kkwalifikati bħala “pubbliċi”. Fi Spanja, kien hemm ukoll “prattika ministerjali li tawtorizza u tħeġġeġ lill-partijiet biex jinnegozjaw kollettivament il-kundizzjonijiet tax-xiri u tal-bejgħ tat-tabakk, inklużi l-prezzijiet” (premessa 60 tad-Deċiżjoni Tabakk mhux maħdum – Spanja). Il-Kummissjoni konkludiet li “in-negozjati pubbliċi bejn ir-rappreżentanti tal-produtturi u l-proċessuri [kienu] ddeterminaw, ta’ mill-inqas sa ċertu grad, il-qafas materjali (b’mod partikolari fir-rigward tal-okkażjonijiet biex jintlaħaq ftehim u tiġi adottata pożizzjoni komuni) li fih il-proċessuri setgħu jiżviluppaw, minbarra l-pożizzjoni komuni li huma adottaw fil-kuntest tan-negozjati pubbliċi, l-istrateġija sigrieta tagħhom dwar il-prezzijiet tal-kunsinna medji (massimu) u l-kwantitajiet” (premessa 438 tad-deċiżjoni Tabakk mhux maħdum – Spanja). Essenzjalment, hija għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multi imposti fuq il-proċessuri Spanjoli.

302    Issa, l-awtoritajiet pubbliċi ma żvolġewx dan ir-rwol fin-negozjati bejn il-proċessuri u l-produtturi f’dan il-każ. Deltafina b’hekk ma tistax issostni li, billi ma applikatx għaliha ċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

303    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni qieset, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma jimplikax li hija obbligata tagħti l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 337, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 224 iktar ’il fuq, punt 395). B’hekk, Deltafina ma tistax tinvoka ċirkustanza attenwanti f’kawża oħra biex tiddeduċi li kien hemm żball min-naħa tal-Kummissjoni f’dan il-każ.

304    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat l-ilment li l-multa hija sproporzjonata meta jitqiesu l-fatti li wasslu lill-Kummissjoni biex ma tagħtix l-immunità definittiva lil Deltafina.

305    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, wara li fid-deċiżjoni kkontestata ġie kkonstatat, b’mod mhux żbaljat, ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni minn Deltafina, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħtihiex l-immunità definittiva fit-tmiem tal-proċedura. B’hekk, billi ma kinitx għadha tibbenefika minn trattament favorevoli, ġiet imposta sanzjoni fuq Deltafina għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju illeċitu bejn il-proċessuri, li l-ammont tagħha ġie ffissat għal EUR 60 miljun (ara l-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata).

306    Madankollu, minkejja l-ksur minn Deltafina ta’ kundizzjoni neċessarja biex tibbenefika mill-immunità abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika fil-konfront tagħha tnaqqis tal-multa minħabba ċ-ċirkustanza attenwanti abbażi tal-kooperazzjoni sostanzjali li hija kienet tat fil-kuntest tal-proċedura. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonjiet miġbura fil-punti 38 sa 42 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni b’hekk iddeċidiet li tagħti lil Deltafina tnaqqis tal-multa ta’ 50 %.

307    Issa, għandu jiġi kkonstatat li fil-kwantifikazzjoni tat-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-multa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni u rrikonoxxiet kemm iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ dan il-każ kif ukoll l-importanza tal-kooperazzjoni pprovduta minn Deltafina matul il-proċedura, li Deltafina ssemmi insostenn tal-ilment tagħha. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u minkejja l-ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni minn Deltafina, il-Kummissjoni tat tnaqqis ferm sinjifikattiv mill-multa li kieku kellha tiġi imposta fuqha.

308    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, meta jitqies it-tnaqqis tal-multa li minnu bbenefikat Deltafina, hija ma tistax issostni li l-multa hija sproporzjonata meta jitqiesu l-fatti li wasslu lill-Kummissjoni biex tirtira l-benefiċċju tal-immunità fil-konfront tagħha. L-argumenti l-oħrajn ta’ Deltafina ma jistgħux ipoġġu f’dubju din l-evalwazzjoni.

309    Fir-rigward tal-argument dwar in-nuqqas ta’ preġudizzju għall-investigazzjoni, minbarra l-fatt li dan ma ġiex ipprovat, huwa irrilevanti f’dan il-każ kemm għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni (ara l-punt 171 iktar ’il fuq) kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni. Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni li seħħ, Deltafina ma tistax tinvoka allegata bona fede sabiex titlob tnaqqis addizzjonali tal-multa. Fir-rigward, fl-aħħar nett, tar-riferiment għall-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ multi simboliċi, hija lanqas ma tista’ tpoġġi f’dubju l-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq meta titqies il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 244 iktar ’il fuq.

310    Fl-aħħar nett, għalkemm matul is-seduta Deltafina invokat, għall-ewwel darba fil-proċedura, ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali mill-Kummissjoni minħabba t-tnaqqis ta’ multa mogħtija lil Dimon Italia, hija ressqet motiv ġdid, mingħajr ma bbażatu fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li ġew żvelati matul il-kawża. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tali motiv b’hekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

311    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

312    Konsegwentement, it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġi miċħuda fit-totalità tagħhom. Fir-rigward tat-talbiet, ippreżentati sussidjarjament, għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li, peress li ebda element f’dan il-każ ma jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa, ma hemmx lok li tintlaqa’ din it-talba. Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

III –  Fuq it-talba għall-produzzjoni ta’ dokument

313    Rigward it-talba ta’ Deltafina biex il-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi l-verżjoni sħiħa ta’ dokument mehmuż mar-risposta (ara l-punt 68 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li skont ġurisprudenza stabbilita l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħti aċċess matul il-proċedura għad-dokumenti interni tal-istituzzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 54, u tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II-491, punt 420). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, matul il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, id-dokumenti interni tal-Kummissjoni ma jinġibux għall-konjizzjoni tal-partijiet rikorrenti, ħlief jekk dan ikun meħtieġ minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali, fuq il-bażi ta’ indizji serji li huma jridu jipprovdu. Din ir-restrizzjoni għall-aċċess għad-dokumenti interni hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni kkonċernata fil-qasam tar-repressjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

314    Għandu jiġi kkonstatat li Deltafina ma wrietx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, fuq il-bażi ta’ indizji serji, li jeħtieġu l-produzzjoni tad-dokument sħiħ li għalih hija tirreferi fit-talba tagħha u li hija ma spjegatx ir-raġunijiet għalfejn dan id-dokument seta’ kien ta’ interess f’dak li jirrigwarda r-rispett tad-dritt li tingħata risposta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għall-produzzjoni ta’ dan id-dokument kollu ma tistax tintlaqa’.

 Fuq l-ispejjeż

315    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

316    Peress li Deltafina tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Deltafina SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Proċedura amministrattiva

II –  Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq il-ksur u l-imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur

B –  Fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa

1.  Determinazzjoni tal-ammont ta’ tluq tal-multa

2.  Ċirkustanza attenwanti

C –  Fuq it-talba għal immunità ta’ Deltafina

1.  Il-fatti pertinenti

2.  Nuqqas ta’ osservanza minn Deltafina tal-kundizzjoni ffissata fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq il-motivi invokati fuq bażi prinċipali

A –  Fuq l-ewwel tliet motivi, li jallegaw żbalji manifesti li jivvizzjaw in-nuqqas ta’ għoti tal-immunitŕ definittiva lil Deltafina

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)  Fuq il-programm ta’ klemenza

b)  Fuq il-portata tal-obbligu ta’ kooperazzjoni

c)  Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni minn Deltafina

d)  Fuq l-argumenti speċifiċi mressqa minn Deltafina li jallegaw żbalji li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni ma tathiex l-immunitŕ definittiva

Fuq l-argument li jallega li l-Kummissjoni aċċettat li Deltafina tiżvela t-talba tagħha għal immunitŕ fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-APTI

–  Fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet ġiet informata minn qabel

–  Fuq l-allegat ftehim dwar in-natura inevitabbli tal-iżvelar

Fuq l-għarfien tal-investigazzjoni u fuq in-nuqqas ta’ effetti fuq l-investigazzjoni

e)  Fuq l-ilment li jallega li Deltafina ma ppreżentatx it-talba tagħha għal trattament favorevoli bi ftehim mal-kompetituri prinċipali tagħha

B –  Fuq ir-raba’ motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

II –  Fuq il-motivi invokati sussidjarjament

A –  Fuq il-ħames motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba n-natura eċċessiva tal-ammont ta’ tluq tal-multa kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni

1.  Kunsiderazzjonijiet ġenerali

2.  Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-daqs limitat tas-suq u tad-dħul mill-bejgħ limitat ta’ Deltafina

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jitqies id-daqs limitat tas-suq ġeografiku

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq it-tielet parti tal-ħames motiv, li tallega ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jitqies in-nuqqas ta’ impatt tal-ksur fuq is-suq kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq is-seba’ motiv, li jallega evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti kif ukoll ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalitŕ

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

III –  Fuq it-talba għall-produzzjoni ta’ dokument

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.