SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ April 2008 ( *1 )

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju — Direttiva 85/577/KEE — L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4, u Artikolu 5(1) — Kuntratt ta’ kreditu għal perijodu twil — Dritt ta’ revoka”

Fil-Kawża C-412/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ottubru 2006, fil-proċedura

Annelore Hamilton

vs

Volksbank Filder eG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-20 ta’ Settembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Hamilton, minn K.-O. Knops, Rechtsanwalt,

għal Volksbank Filder eG, minn M. Siegmann u J. Höger, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u A. Günther, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (ĠU L 372, p. 31, iktar ’il quddiem id-“direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Hamilton u Volksbank Filder eG (iktar ’il quddiem “Volksbank”) dwar talba għal annullament ta’ kuntratt ta’ kreditu u ta’ rimborż ta’ interessi mħallsa.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Ir-raba’ premessa tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb tipprovdi:

“[…] il-karatteristika speċjali tal-kuntratti magħmula barra mill-uffiċċju tan-negozjant hija li bħala regola huwa n-negozjant li jibda n-negozjati għall-kuntratt, li għalih il-konsumatur ma jkunx lest jew li ma jeskludix; billi ta’ spiss il-konsumatur ma jkunx jista’ jqabbel il-kwalità ta’ l-offerta ma’ offerti oħra; billi dan l-element ta’ sorpriża ġeneralment jeżisti mhux biss fil-kuntratti magħmula fuq it-tarġa tal-bieb iżda ukoll f’forom oħra ta’ kuntratti magħmula minn negozjant’il bogħod mill-bini fejn isir in-negozju;”

4

Skond il-ħames premessa ta’ din id-direttiva:

“[…] il-konsumatur għandu jingħata d-dritt li jħassar tul perijodu ta’ għallanqas sebat ijiem biex ikun jista’ jivverifika l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt;”

5

L-Artikolu 1(1) ta’ din l-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tgħodd għall-kuntratti li taħthom negozjant iforni merkanzija jew servizzi lil konsumatur u li jsiru:

[…]

waqt xi żjara minn xi negozjant

i)

fid-dar tal-konsumatur jew f’dik ta’ xi konsumatur ieħor […];

[…],

meta ż-żjara ma ssirx fuq talba espressa tal-konsumatur.”

6

L-Artikolu 4 ta’ l-istess direttiva jipprovdi:

“Fil-każ tat-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskop ta’ l-Artikolu 1, in-negozjanti jridu jagħtu lill-konsumaturi notifika bil-miktub tad-dritt tagħhom li jħassru [l-kuntratt] fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5, flimkien ma’ l-isem u l-indirizz ta’ xi persuna li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt kontriha.

Din in-notifika għandu jkollha d-data fuqha u jrid ikollha fiha dawk id-dettalji li jippermettu li l-kuntratt ikun identifikat. Trid tingħata lill-konsumatur:

(a)

fil-każ ta’ l-Artikolu 1 (1), fil-ħin li jkun sar il-kuntratt;

[…]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tistabilixxi miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur f’dawk il-kazi meta l-informazzoni msemmija f’dan l-Artikolu ma tingħatax.”

7

L-Artikolu 5 tad-direttiva fuq bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb jipprovdi:

“1.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinunżja għall-effetti tal-ftehim tiegħu billi jibgħat avviż fi żmien perijodu ta’ mhux anqas minn sebat ijiem minn meta tkun waslet lill-konsumatur in-notifika msemmija fl-Artikolu 4, skond il-proċedura stabilita fil-liġi nazzjonali.

[…]

2.   L-għotja ta’ l-avviż ikollha l-effett li tħoll lill-konsumatur minn kull obbligazzjoni li ġejja mill-kuntratt imħassar.”

8

Skond l-Artikolu 7 ta’ din l-imsemmija direttiva:

“Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja, l-effetti legali ta’ din ir-rinunzja għandhom jiġu rregolati mil-liġijiet nazzjonali, b’mod partikulari għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħlas lura ta’ flus għall-oġġetti jew għas-servizzi forniti u għar-ritorn ta' l-oġġetti li jkunu riċevuti.”

9

L-Artikolu 8 ta’ l-istess direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma tipprojbixxiex lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu lill-konsumatur fil-qasam li jkopru.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10

Ir-raba’ sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar ir-revoka ta’ kuntratti konklużi permezz ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb u tranżazzjonijiet simili (Gesetz über den Widerruf von Haustürgeschäften und ähnlichen Geschäften), tas-16 ta’ Jannar 1986, (BGBl. I, p. 122, iktar ’il quddiem il-“HwiG”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tipprovdi:

“Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, id-dritt ta’ revoka (“Widerruf”) tal-klijent jiskadi biss wara li ż-żewġ partijiet jeżegwixxu l-obbligi kollha tagħha.”

11

Għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, informazzjoni żbaljata hija ekwivalenti għal nuqqas ta’ informazzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fis-17 ta’ Novembru 1992, A. Hamilton iffirmat, minn ġo darha, kuntratt ta’ kreditu ma’ bank li d-drittijiet tiegħu ġew akkwistati mill-Volksbank sabiex tiffinanzja l-akkwist ta’ partijiet minn proprjetà immobbli (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kreditu fil-kawża”).

13

Dan il-kuntratt kien fih, skond il-liġi dwar il-kreditu għall-konsum (Verbraucherkreditgesetz), tas-17 ta’ Diċembru 1990, (BGBl. I, p. 2840), l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ revoka s-segwenti: “jekk minn jissellef irċieva l-ammont ta’ self, ir-revoka hija meqjusa li ma saritx jekk huwa ma jirrimborżax is-self fi żmien ġimgħatejn wara jew id-dikjarazzjoni ta’ revoka, jew inkella wara l-ħlas tas-self”.

14

Fis-16 ta’ Diċembru 1992, l-impjegati tal-bank li d-drittijiet tiegħu ġew akkwistati mill-Volksbank iffirmaw dan l-imsemmi kuntratt u huma ħallsu l-ammont ta’ self lil A. Hamilton li wara dan bdiet tħallas l-interessi ta’ dan is-self.

15

Minn meta l-kumpannija li tamministra l-proprjetà immobbli li fiha A. Hamilton kienet akkwistat xi partijiet bdiet proċeduri għall-falliment fl-1997, id-dħul ta’ kull xahar minn dawn il-proprjetajiet, li kien ikopri parti sostanzjali ta’ l-interessi dovuti skond il-kuntratt ta’ kreditu fil-kawża, ġarrab tnaqqis notevoli. Għaldaqstant A. Hamilton iddeċidiet li tiskeda d-dejn tagħha bis-saħħa tal-konklużjoni ta’ kuntratt ma’ istituzzjoni ta’ kreditu u b’self intermedjarju b’tali mod li, sa l-aħħar tax-xahar ta’ April 1998, hija kienet irrimborżat kompletament id-dejn lill-bank li d-drittijiet tiegħu ġew akkwistati mill-Volksbank, li, konsegwentement, radd lura l-garanziji ta’ dan is-self.

16

Fuq il-mertu tas-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger (C-481/99, Ġabra p. I-9945), fis-16 ta’ Mejju 2002, A. Hamilton irrevokat il-kuntratt ta’ kreditu fil-kawża.

17

Fis-27 ta’ Diċembru 2004, A. Hamilton ressqet rikors kontra Volksbank sabiex tikseb, minn naħa, ir-rimborż ta’ l-interessi mħallsa skond il-kuntratt ta’ kreditu fil-kawża kif ukoll ta’ l-ammont ta’ self mogħti skond dan il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, ħlas ta’ kumpens ta’ l-interessi mħallsa lill-istituzzjoni ta’ kreditu.

18

Skond l-Oberlandesgericht Stuttgart, il-kuntratt ta’ kreditu fil-kawża jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(1) tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, għaliex A. Hamilton innegozjatu u ffirmatu minn ġo darha.

19

L-Oberlandesgericht Stuttgart tistaqsi madankollu jekk id-dispożizzjonijiet tar-raba’ sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tal-HWiG, jistgħux jitqiesu li huma “miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur”, għaliex huma jipprvodu, fil-każ bħal dan fil-kawża prinċipali, għall-estinzjoni tad-dritt ta’ revoka.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(1) tad-[direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita fiż-żmien id-dritt ta’ revoka stabbilita mill-Artikolu 5 tad-direttiva, minkejja li l-konsumatur ikun irċieva informazzjoni żbaljata, b’mod li dan id-dritt jiskadi xahar wara l-eżekuzzjoni kompluta miż-żewġ partijiet ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari:

2)

Id-[direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-konsumatur ma jistax jitlef id-dritt tiegħu ta’ revoka — b’mod partikolari wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt — jekk huwa ma jkunx irċieva n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

21

Volksbank għandu dubju fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għaliex, skondu, il-kuntratt ta’ self fil-kawża ma kienx ġie konkluż f’sitwazzjoni ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb. Huwa jsostni li, konsegwentement, id-domandi ppreżentati huma ipotetiċi.

22

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonsisti li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra jekk, wara li A. Hamilton irrevokat il-kuntratt ta’ kreditu fil-kawża billi pproċediet għar-rimborż antiċipat tas-self, revoka ġdida ta’ dan il-kuntratt hijiex possibbli. Il-Kummissjoni ppreċiżat f’dan ir-rigward, billi rreferiet b’mod partikolari għall-punti 35 u 69 sa 70 rispettivament tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Heininger u Schulte, tal-25 ta’ Ottobru 2005, (C-350/03, Ġabra p. I-9215), kif ukoll għall-punt 34 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li jekk id-domanda tar-revoka ta’ kuntratt ta’ kreditu ipotekarju taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, il-konsegwenzi ta’ din ir-revoka jaqgħu, min-naħa l-oħra, taħt il-liġi nazzjonali, li għandha tiġi interpretata safejn huwa possibli fid-dawl tat-test u ta’ l-għan ta’ din l-imsemmija direttiva. Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija, skond il-Kummissjoni, ammissibbli.

23

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar illi hija biss il-qorti nazzjonali li qed tisma’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma setgħetx tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher, b’mod partikolari, li l-interpretazzjoni ta’ dritt Komunitarju mitluba mill-qorti nazzjonali m’għandha l-ebda konnessjoni mal-fatti reali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika (ara s-sentenza Schulte, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Għaldaqstant, minn naħa, peress li d-domandi preliminari f’din il-kawża jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt ta’ kreditu fil-kawża jaqa’, kif ġie mfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (i) tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(1) ta’ din l-imsemmija direttiva, mhuwiex possibbli li jingħad li d-domandi preliminari huma manifestament ipotetiċi jew mingħajr konnessjoni mal-fatti reali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

25

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

26

A. Hamilton issostni li l-konsumatur li ma jkunx ġie informat tajjeb bid-dritt ta’ revoka tiegħu ma jiksibx għarfien tiegħu la permezz ta’ l-eżekuzzjoni kompluta ta’ l-obbligi tiegħu lanqas fi żmien ta’ xaħar wara dan. Għaldaqstant, il-liġi nazzjonali fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix miżura xierqa għall-protezzjoni tal-konsumatur. Hija żżid li d-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb tipprovdi li l-konsumatur għandu jiġi informat bid-dritt ta’ revoka tiegħu min-negozjant u li ż-żmien ta’ mhux anqas minn sebat ijiem previst fl-Artikolu 5(1) ta’ din l-imsemmija direttiva jibda’ jiddekorri biss mill-mument li l-konsumatur ikun irċieva l-informazzjoni dwar id-dritt tiegħu mingħand in-negozjant.

27

Volksbank isostni li l-miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur huma, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, dawk li jistgħu jipproteġu lill-konsumatur mir-riskji inerenti fl-investiment finanzjarju, indipendentement minn revoka ta’ kuntratt konkluż permezz ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb.

28

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax dan l-argument, Volksbank isostni, minn naħa, li s-sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq, tikkonċerna l-krediti ipotekarji u mhux il-kuntratti ta’ self bħal dak fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li żmien sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ revoka jibda’, fil-kawża prinċipali, jiddekorri mill-eżekuzzjoni kompluta tal-kuntratt u mhux mill-konklużjoni tiegħu kif kien il-każ f’dik l-imsemmija sentenza.

29

Il-gvern Ġermaniż, minn naħa, jenfasizza li peress li r-relazzjoni kuntrattwali fil-kawża prinċipali, ta’ perijodu ta’ madwar sitt snin, kienet seħħet korrettament, in-negozjant għandu jkun jista’ jikkunsidra, fl-aħħar ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt u wara li jiskadi ż-żmien ta’ xahar wara din l-eżekuzzjoni, li din ir-relazzjoni ma tistax tkun ikkontestata aktar. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali tagħti żmien biżżejjed lill-konsumatur, b’mod partikolari matul il-perijodu kollu tal-kuntratt kif ukoll matul xahar wara l-eżekuzzjoni kompluta tiegħu, sabiex jiddeċiedi fuq ir-revoka tal-kuntratt konkluż permezz ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb. Barra minn hekk, il-limitazzjoni fiż-żmien ta’ dan id-dritt ta’ revoka huwa previst ukoll f’ċerti direttivi oħra li huma intiżi li jipproteġu lill-konsumatur.

30

Il-gvern Pollakk jenfasizza li l-limitazzjoni fiż-żmien tad-dritt ta’ revoka fil-każ ta’ kuntratti konklużi barra mil-lok tan-negozju, minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni jew informazzjoni żbaljata fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, ma tmurx, fil-prinċipju, kontra d-direttiva dwar il-bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb. Madankollu din il-limitazzjoni għandha tiġi żviluppata b’mod li tippermetti lill-konsumatur li jsir jaf bid-drittijiet tiegħu permezz ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni minbarra dawk mogħtija min-negozjant. Skond dan l-imsemmi gvern, din il-limitazzjoni, li tinkludi wkoll id-definizzjoni taż-żmien li matulu d-dritt ta’ revoka, għandha tiġi prevista, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, mil-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru.

31

Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li jekk huwa illegali, skond is-sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq, li tillimita fiż-żmien id-dritt ta’ revoka mill-konklużjoni tal-kuntratt, il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi, min-naħa l-oħra, limitazzjoni fiż-żmien ta’ dan id-dritt mill-eżekuzzjoni kompluta tal-kuntratt.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li d-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb għandha l-għan ewlieni li tipproteġi lill-konsumatur kontra r-riskju li jirriżulta minn ċirkustanzi speċifiċi inerenti għall-konklużjoni ta’ kuntratt barra mil-lok tan-negożju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schulte ċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

33

Għaldaqstant, il-ħames premessa tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb tippreċiża li l-konsumatur għandu jingħata d-dritt li jħassar tul perijodu ta’ għallanqas sebat ijiem biex ikun jista’ jivverifika l-obbligi li joħorġu mill-kuntratt. Il-fatt li t-terminu minimu ta’ sebat ijiem preskritt għar-revoka għandu jiġi kkalkulat minn meta l-konsumatur ikun irċieva l-informazzjoni dwar dan id-dritt huwa spjegat mill-premessa li, jekk il-konsumatur ma jkunx jaf bl-eżistenza ta’ dritt ta’ revoka, ikun impossibli għalih jeżerċita dak id-dritt (sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

34

Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, skond l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, A. Hamilton irċieviet mingħand Volksbank informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ revoka tagħha tal-kuntratt ta’ kreditu fil-kawża b’tali mod li hija kienet, skond l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, miċħuda mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, li l-partijiet fil-kawża prinċipali eżegwew kompletament dan l-imsemmi kuntratt.

35

Kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 18 u 19 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ revoka mogħtija bil-miktub lill-konsumatur għandha tkun ekwivalenti għal nuqqas ta’ kull informazzjoni f’dan ir-rigward, peress li dawn iż-żewġ ċirkustanzi, bl-istess mod, jiżgwidaw lill-konsumatur fuq id-dritt tiegħu ta’ revoka.

36

Għal sitwazzjonijiet bħal dawn, id-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb tipprovdi, fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tagħha, li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tistabbilixxi miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur”.

37

Għalhekk tqum il-kwistjoni, fil-kawża prinċipali, jekk miżura, li biha d-dritt ta’ revoka previst fl-Artikolu 5(1) ta’ din l-imsemmija direttiva jiskadi xahar wara l-eżekuzzjoni kompluta mill-partijiet ta’ l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu għall-perijodu twil, meta l-konsumatur ikun irċieva informazzjoni żbaljata dwar l-eżerċizzju ta’ dan l-imsemmi dritt, tistax madankollu titqies, fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-istess direttiva, li hija miżura xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur” li jirreferi għalihom it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb jindika li l-leġiżlatur komunitarju ried jagħti lil dawn il-miżuri portata uniformi fuq livell Komunitarju.

39

Barra minn hekk, it-terminu “xierqa”, f’din l-imsemmija dispożizzjoni, jindika li dawn il-miżuri ma jipprovdux protezzjoni assoluta għall-konsumaturi. Fil-fatt, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri għandu jiġi eżerċitat b’konformità kemm ma’ l-għan prinċipali tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb kif ukoll mad-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha.

40

Jekk huwa veru, kif ġie mfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li d-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb għandha bħala għan ewlieni l-protezzjoni għall-konsumatur, għandu jiġi enfasizzat li kemm l-istruttura ġenerali kif ukoll il-kliem ta’ ħafna mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jindikaw li din l-imsemmija protezzjoni hija sottomessa għal ċerti limiti.

41

Għaldaqstant, fir-rigward b’mod aktar partikolari ta’ l-għan tat-terminu ta’ revoka, il-ħames premessa ta’ din l-imsemmija direttiva tipprovdi, kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li d-dritt ta’ revoka jagħti lill-konsumatur li “ikun jista’ jivverifika l-obbligazzjonijiet [obbligi] li joħorġu mill-kuntratt” konkluż fuq it-tarġa tal-bieb. Fil-fatt, ir-referenza fl-imsemmija premessa għandha bħala kunċett “obbligazzjonijiet [obbligi] li joħorġu mill-kuntratt” tindika li l-konsumatur jista’ jirrevoka kuntratt bħal dan matul iż-żmien tiegħu.

42

Bl-istess mod, id-dispożizzjoni li tirregola l-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka, jiġifieri l-Artikolu 5(1) tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, jipprovdi, li “[i]l konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinzunja għall-effetti tal-ftehim tiegħu”. Fil-fatt, l-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-frażi “ftehim” tindika, kif ukoll sostna Volksbank fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dritt ta’ revoka jista’ jiġi eżerċitat sakemm ma jeżistix għall-konsumatur, fil-mument ta’ l-eżerċizzju ta’ dan l-imsemmi dritt, l-ebda ftehim li jirriżulta mill-kuntratt imħassar. Din il-loġika toħroġ minn wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ċivili, jiġifieri li l-eżekuzzjoni kompluta ta’ kuntratt tirriżulta, bħala regola ġenerali, mit-twettiq ta’ servizzi lil xulxin tal-partijiet ta’ dan il-kuntratt u tat-tmiem tiegħu.

43

Barra minn hekk, skond l-Artikolu 5(2) ta’ l-istess direttiva li tirregola l-konsegwenzi ta’ l-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka, in-notifika dwar ir-revoka għandha l-effett li tħoll il-konsumatur minn “kull obbligazzjoni [obbligu] li ġejja mill-kuntratt imħassar”. Ir-referenza għall-kunċett ta’ “obbligazzjoni” [obbligu], f’din l-imsemmija dispożizzjoni, tindika li l-eżistenza ta’ l-imsemmija konsegwenzi tissupponi li l-konsumatur eżerċita d-dritt ta’ revoka tiegħu fir-rigward ta’ kuntratt li kien ser jitwettaq, filwqt li wara l-eżekuzzjoni kompluta ta’ kuntratt, ma jkunx hemm aktar obbligu.

44

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-effetti legali tar-revoka, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-rimborż tal-ħlasijiet ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti u r-radd lura tal-merkanzija, l-Artikolu 7 tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb jirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

45

Isegwi li tikkostitwixxi “miżura xierqa”, fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, dik il-miżura li tipprovdi li l-eżekuzzjoni kompluta mill-partijiet ta’ obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu għal perijodu twil twassal għall-estinzjoni tad-dritt ta’ revoka.

46

Din l-interpretazzjoni ma tmurx kontra s-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq Heininger, Schulte, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Crailsheimer Volksbank (C-229/04, Ġabra p. I-9273). Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 16 u 18 tas-sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq, mill-punt 26 tas-sentenza Schulte, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll mill-punt 24 tas-sentenza Crailsheimer Volksbank, iċċitata iktar ’il fuq, li l-interpretazzjoni tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb li l-Qorti tal-Ġustizzja tat f’dawn is-sentenzi tikkonċerna l-kuntratti li ma kinux eżegwiti kompletament. Għaldaqstant, dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

47

Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’din is-sentenza, li d-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb tipprekludi li l-leġiżlatur nazzjonali japplika terminu ta’ sena li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-kuntratt għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka msemmi fl-Artikolu 5 ta’ l-imsemmija direttiva, meta l-konsumatur ma jingħatax in-notifika prevista fl-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, kif Volksbank, il-gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni ġustament sostnew, dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali l-leġiżlatur nazzjonali japplika terminu ta’ xahar li jibda mill-eżekuzzjoni kompluta mill-partijiet kontraenti ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt.

48

Għandu jiġi mfakkar, fir-rigward tat-terminu ta’ xahar previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża li jibda mill-eżekuzzjoni kompluta mill-partijiet ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, li skond l-Artikolu 8 tad-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu lill-konsumatur fil-qasam li jkopru.

49

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandha tingħata r-risposta għall-ewwel domanda magħmula li d-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb għandha tiġi interpretata fis-sens li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jipprovdi li d-dritt ta’ revoka msemmi fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jista’ jiġi eżerċitat mhux aktar tard minn xahar wara l-eżekuzzjoni kompluta mill-partijiet kontraenti ta’ l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu għal perijodu twil, meta l-konsumatur jkun irċieva informazzjoni żbaljata fuq il-modalitajiet ta’ l-eżerċizzju ta’ dan l-imsemmi dritt.

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m’hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju għandha tiġi interpretata fis-sens li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jipprovdi li d-dritt ta’ revoka msemmi fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jista’ jiġi eżerċitat mhux aktar tard minn xahar wara l-eżekuzzjoni kompluta mill-partijiet kontraenti ta’ l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu għal perijodu twil, meta l-konsumatur ikun irċieva informazzjoni żbaljata fuq il-modalitajiet ta’ l-eżerċizzju ta’ dan l-imsemmi dritt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.