SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ Frar 2008 ( *1 )

“Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Dazju antidumping — Ħadid hematite mhux maħdum li joriġina mir-Russja — Deċiżjoni Nru 67/94/KEFA — Determinazzjoni tal-valur doganali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju varjabbli antidumping — Valur tat-tranżazzjoni — Bejgħ suċċessiv bi prezzijiet differenti — Possibbiltà għall-awtorità doganali li tieħu in kunsiderazzjoni l-prezz indikat f’bejgħ ta’ merkanzija li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali”

Fil-Kawża C-263/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ġunju 2006, fil-proċedura

Carboni e derivati Srl

vs

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Riunione Adriatica di Sicurtà SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Righini u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 67/94/KEFA, tat-12 ta’ Jannar 1994, li timponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ħadid hematite mhux maħdum, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna (ĠU L 12, p. 5), moqri flimkien ma’ l-Artikoli 29 sa 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Carboni e derivati Srl (iktar ’il quddiem “Carboni”) u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi, iktar ’il quddiem il-“Ministero”) kif ukoll Riunione Adriatica di Sicurtà SpA (iktar ’il quddiem “RAS”) dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali ta’ kunsinna ta’ ħadid hematite mhux maħdum li joriġina mir-Russja u li huwa importat fil-Komunità Ewropea, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju varjabbli antidumping stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni bażika antidumping u l-leġiżlazzjoni speċifika antidumping

3

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2424/88/KEFA, tad-29 ta’ Lulju 1988, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijet li huma riżultat ta’ dumping jew sussidji minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 209, p. 18, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni bażika”), tipprovdi fl-Artikoli 1, 2 u 13:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-deċiżjoni tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma riżultat ta’ dumping jew sussidji minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

Artikolu 2

Dumping

A. IL-PRINĊIPJU

1.   Jista’ jiġi applikat dazju antidumping għal kwalunkwe prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping meta r-rilaxx tiegħu fiċ-ċirkulazzjoni libera fil-Komunità tikkawża ħsara.

2.   Prodott huwa kkunsidrat suġġett ta’ dumping meta l-prezz tiegħu għall-esportazzjoni lejn il-Komunità huwa inqas mill-valur normali ta’ prodott simili.

[…]

Artikolu 13

Dispożizzjonijet ġenerali dwar id-dazji

[…]

2.   Dawn il-miżuri jindikaw, b’mod partikolari, l-ammont u t-tip tad-dazju stabbilit, il-prodott ikkonċernat, il-pajjiż ta’ l-oriġini jew ta’ l-esportazzjoni, l-isem tal-fornitur jekk dan huwa possibbli u r-raġunijiet li fuqhom dawn huma bbażati.

3.   L-ammont ta’ dawn id-dazji li huwa ddeterminat provviżorjament jew li huwa definittivament stabbilit ma jistax jaqbeż il-marġni ta’ dumping jew l-ammont tas-sussidju ; għandu jkun inqas jekk dan id-dazju inqas ikun biżżejjed sabiex ineħħi l-ħsara kkawżata.

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Fit-12 ta’ Jannar 1994, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni Nru 67/94 fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 11 tad-deċiżjoni bażika, li tipprovdi, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jiġu stabbiliti dazji provviżorji antidumping. Il-premessi erba’ u sittin, ħamsa u sittin, sitta u sittin u seba’ u sittin tad-Deċiżjoni Nru 67/94 huma fformulati kif ġej:

“(64)

Sar kalkolu sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-prezz li fih l-importazzjonijiet ikkonċernati ma jkomplux jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Komunità […]

(65)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li filwaqt li jassiguraw li jerġa’ jkun hemm kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-ħadid hematite mhux maħdum, il-miżuri għandhom ukoll jippermettu lill-pajjiżi esportaturi jiksbu qligħ aħjar mill-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

(66)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, f’dan il-każ partikolari, l-introduzzjoni ta’ prezz minimu hija iktar adattata minn kwalunkwe tip ta’ miżura oħra sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(67)

Il-Kummissjoni stabbiliet li, peress li l-prezz minimu għall-importazzjoni meqjus neċessarju sabiex jitneħħew l-effetti li jikkawżaw ħsara tad-dumping huwa, f’kull każ, inqas mill-valur normali stabbilit għall-kumpanniji kkonċernati, id-dazju provviżorju antidumping previst fl-Artikolu 13(3) tad-deċiżjoni Nru [2424/88/KEFA] mhuwiex ikbar mill-marġni ta’ dumping stabbiliti. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

5

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 67/94:

“1.   L-importazzjonijiet ta’ ħadid hematite mhux maħdum li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 72011019, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna huma suġġetti għal dazju provviżorju antidumping.

2.   L-ammont tad-dazju għandu jkun id-differenza bejn il-prezz ta’ ECU 149 għal kull tunnellata (dazju’cif’ mhux imħallas) u l-valur doganali ddikjarat fil-każijiet kollha fejn il-valur doganali ddikjarat huwa inqas mill-prezz minimu għall-importazzjoni.

3.   Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirrigwardaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Id-dazju provviżorju antidumping stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94 ġie kkonfermat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1751/94/KEFA, tal-15 ta’ Lulju 1994, li timponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ħadid hematite mhux maħdum, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna (ĠU L 182, p. 37). L-Artikolu 1(2) tagħha jipprovdi:

“L-ammont ta’ [l-imsemmi] dazju għandu jkun id-differenza bejn il-prezz ta’ ECU 149 għal kull tunnellata u l-valur doganali aċċettat (gratwitu mal-fruntiera KE) fil-każijiet kollha fejn dan il-valur huwa inqas mill-prezz imsemmi iktar ’il fuq”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tiegħu

7

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi fl-Artikoli 28 sa 31:

L-Artikolu 28

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jistabbilixxu l-valur doganali għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej u miżuri mhux tat-tariffa stipulati bid-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirregolaw oqsma speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ kummerċ ta’ merkanzija.

L-Artikolu 29

1.   Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm:

[…]

d)

li x-xerrej u l-bejjiegħ ma jiġux minn xulxin, jew, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, dak il-valur tat-transazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali taħt il-paragrafu 2.

a)

Waqt li jkun qed jiġi stabbilit jekk valur ta’ transazzjoni huwiex aċċettabbli għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-fatt li x-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin m’għandux fih innifsu jkun raġuni suffiċjenti biex il-valur tat-transazzjoni jitqies bħala mhux aċċettabbli. Fejn ikun meħtieġ, iċ-ċirkostanzi wara l-bejgħ għandhom jiġu eżaminati u l-valur tat-transazzjoni għandu jiġi aċċettat sakemm ir-relazzjoni ma tkunx influwenzat il-prezz. Jekk, fid-dawl ta’ l-informazzjoni mogħtija minn min ikun għamel id-dikjarazzjoni jew mod ieħor, l-awtoritajiet doganali jkollhom raġunijiet biex iqisu li r-relazzjoni tkun influwenzat il-prezz, għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet tagħhom lil min ikun għamel id-dikjarazzjoni u dan għandu jingħata opportunità raġonevoli sabiex jirrispondi. Jekk min ikun għamel id-dikjarazzjoni hekk jitlob, il-komunikazzjoni tar-raġunijiet għandha tkun bil-miktub.

[…]

L-Artikolu 30

1.   Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 […]

2.   Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:

a)

il-valur tat-transazzjoni ta’ merkanzija identika […]

b)

il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili, […]

c)

il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux mill-bejjiegħa;

d)

il-valur maħdum, […]

L-Artikolu 31

1.   Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skond il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:

il-ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ,

L-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ

u

id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

2.   Ebda valur doganali m’għandu jiġi stabbilit taħt il-paragrafu 1 skond il-bażi ta’:

[…]

b)

sistema li tipprovdi għall-aċċettazzjoni għall-iskopijiet ta’ dwana ta[’] l-ogħla minn żewġ valuri alternattivi;

[…]

g)

valuri arbitrarji jew fittizji”.

8

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ implementazzjoni”) jinkludi l-Anness 23, intitolat “Noti Interpretattivi dwar valur doganali”. Il-punt 2 tan-noti ta’ dan l-Anness dwar l-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi:

“Il-metodi ta’ valutazzjoni li jridu jiġu użati taħt l-Artikolu 31(1) jridu jkunu dawk stipulati fl-Artikolu 30(2), imma flessibilità raġjonevoli fl-applikazzjoni ta’ ċerta metodi tista’ tkun f’konformità mal-miri u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 31 [(2)].”

9

Permezz ta’ dan ir-Regolament ta’ implementazzjoni, il-Kummissjoni pprevediet numru ta’ dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. B’mod partikolari, l-Artikolu 147(1) ta’ l-imsemmi Regolament, kif fis-seħħ f’Ġunju 1994, jiġifieri fil-mument ta’ l-importazzjoni tal-kunsinna ta’ ħadid hematite li joriġina mir-Russja li huwa in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [Doganali tal-Komunità], il-fatt li l-merkanzija li hija s-suġġett ta’ bejgħ hija dikjarat[a] għal ċirkolazzjoni libera għandu jitqies bħala indikazzjoni adegwata li [n]biegħet għal esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità. Din l-indikazzjoni għandha tapplika wkoll fil-każ ta’ kull bejgħ suċċessiv qabel il-valutazzjoni; f’dan il-każ kull prezz li jirriżulta minn dan il-bejgħ jista’, salvi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 178 sa 181, jittieħed bħala l-bażi tal-valutazzjoni”.

10

L-Artikoli 178 sa 181 tar-regolament ta’ implementazzjoni jikkonċernaw id-dikjarazzjoni ta’ l-elementi u l-provvista ta’ dokumenti dwar il-valur doganali. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3254/94, tad-19 ta’ Diċembru 1994, li jemenda r-Regolament Nru 2454/93 (ĠU L 346, p. 1), żied l-Artikolu 181a fir-regolament ta’ implementazzjoni, li jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet doganali m’għandhomx għalfejn jistabbilixxu l-valutazzjoni doganali tal-merkanzija importata fuq il-bażi tal-metodu tal-valur tat-transazzjoni jekk, skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, dawn ma jkunux sodisfatti, fuq il-bażi ta’ dubji raġonevoli, li l-valur dikjarat jirrappreżenta l-ammont totali mħallas jew dovut kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi [Doganali tal-Komunità].

2.   Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dubji kif deskritt fil-paragrafu 1 dawn jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali skond l-Artikolu 178(4). Jekk dawn id-dubji jippersistu, l-awtoritajiet doganali għandhom, qabel jieħdu deċiżjoni finali, jinnotifikaw lill-persuna interessata, bil-miktub jekk mitlub, dwar ir-raġunijiet għal dawk id-dubbji u jipprovduh bl-opportunità raġonevoli biex jirrispondi. Deċiżjoni finali u l-motivi għaliha għandhom ikunu kkomunikati bil-miktub lill-persuna interessata”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Matul ix-xahar ta’ Mejju ta’ l-1994, Carboni akkwistat kunsinna ta’ ħadid hematite mhux maħdum li joriġina mir-Russja mingħand Commercio Materie Prime CMP SpA (iktar ’il quddiem “CMP”), stabbilita f’Ġenova (L-Italja), li min-naħa tagħha akkwistat din il-kunsinna mingħand OME-DTECH Electronics LTD (iktar ’il quddiem “OME-DTECH”), stabbilita f’Limassol (Ċipru). Matul ix-xahar ta’ Ġunju ta’ l-1994, l-aġent doganali ta’ Carboni, SPA-MAT Srl, ippreżenta lid-dwana ta’ Molfetta (l-Italja), għan-nom ta’ Carboni, id-dikjarazzjoni dwar l-importazzjoni ta’ din il-kunsinna, li l-valur tagħha kien iddikjarat fuq bażi ta’ ECU 151 għal kull tunnellata, li ġiet żdoganata f’dan il-port wara li tħallsu d-dazji doganali, mħallsa fl-14 ta’ Ġunju 1994.

12

Permezz ta’ avviż ta’ stima tas-16 ta’ Lulju 1994, l-awtoritajiet doganali infurmaw lil Carboni, permezz ta’ SPA-MAT Srl, li l-ammont dovut kellu jiġi miżjud skond id-Deċiżjoni Nru 67/94, b’dazju antidumping ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz ta’ ECU 149 għal kull tunnellata u l-valur doganali, peress li dawn l-awtoritajiet kienu qegħdin jikkontestaw il-veraċità tal-valur iddikjarat.

13

Carboni pprovdiet garanzija għall-ħlas tas-somma mitluba bħala dazju antidumping mill-garanti, RAS, imma hija ressqet rikors quddiem it-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari) kontra l-Ministero u RAS, fejn ikkontestat il-mertu tat-talba għal dazju antidumping u kif ukoll, konsegwentement, il-bżonn li ssir garanzija.

14

Carboni sostniet, b’mod partikolari, li l-prezz ta’ ECU 151 għal kull tunnellata indikat fl-irċevuta mogħtija minn CMP kien ogħla mill-prezz minimu għall-importazzjoni (ECU 149 għal kull tunnellata), b’tali mod li ma kienx hemm lok li jiġi impost dazju antidumping.

15

Min-naħa tiegħu, il-Ministero sostna li mad-dikjarazzjoni ta’ l-importazzjoni kien hemm mehmuż ċertifikat ta’ oriġini invalidu u li l-prezz indikat fuq l-irċevuta pro forma ta’ CMP ma kienx kredibbli. F’dan ir-rigward, huwa rrileva li l-irċevuta tal-bejgħ li sar qabel, maħruġa minn OME DTECH, uriet prezz ta’ bejgħ lil CMP ta’ ECU 130,983 għal kull tunnellata, li turi differenza ta’ prezz orħos meta mqabbel mal-prezz minimu għall-importazzjoni stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94.

16

Ir-rikors ta’ Carboni ġie miċħud permezz tas-sentenza tat-Tribunale di Bari tat-30 ta’ Settembru 2000, b’mod partikolari, għar-raġuni li l-protezzjoni tas-suq Ewropew permezz ta’ impożizzjoni ta’ dazju antidumping kellha ssir mad-dħul fil-Komunità Ewropea, jiġifieri fil-mument meta jseħħ l-ewwel akkwist minn operatur Komunitarju.

17

Carboni ressqet appell kontra din is-sentenza quddiem il-Corte d’appello di Bari (Il-Qorti ta’ l-Appell ta’ Bari), li ċaħdet l-appell bħala infondat. Skond din il-qorti, “rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera” fis-sens ta’ l-Artikolu 201 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jfisser l-introduzzjoni tal-merkanzija fis-suq Komunitarju, li jimplika teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-istadju kummerċjali ta’ l-akkwist tal-merkanzija mill-ewwel operatur Komunitarju. Fil-fatt, kieku kien il-każ oppost, il-leġiżlazzjoni antidumping tkun tista’ faċilment tiġi evitata.

18

Carboni ressqet appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Corte Suprema di Cassazione (Il-Qorti tal-Kassazzjoni). Fil-kuntest ta’ dan l-appell, Carboni b’mod partikolari sostniet, min-naħa, li r-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera jseħħ biss mad-dħul tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, u mhux meta hija sempliċement akkwistata minn suġġett Komunitarju f’pajjiż li mhuwiex membru tal-Komunità. Fil-fatt, id-dazju antidumping għandu l-effett mhux li jikkundanna lill-Istat produttur sabiex jipprojbixxih milli jesporta bi prezz stabbilit, imma li jiġi evitat li merkanzija mibjugħa b’telf ma tidħolx fis-suq Komunitarju, u tipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni.

19

Min-naħa l-oħra, Carboni rreferiet għall-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 1751/94 kif ukoll għall-parti introduttiva ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li jipprovdi li “[i]l-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas”. Minn dan Carboni kkonkludiet li, fin-nuqqas ta’ riżervi dwar in-natura vera ta’ l-irċevuta ta’ l-akkwist maħruġa minn CMP, l-ammont imħallas minn CMP mhuwiex rilevanti, peress li d-differenza tal-prezz bejn iż-żewġ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ kienet ġustifikata minn diversi fatturi, jiġifieri r-remunerazzjoni ta’ l-attività ta’ intermedjazzjoni, l-ispejjeż ta’ trasport u l-assunzjoni tar-riskji.

20

Skond il-Ministero, ir-ratio legis tal-leġiżlazzjoni antidumping twassal għall-kunsiderazzjoni li l-ħsara kkawżata lis-suq Komunitarju ma tqumx biss fil-mument tad-dħul fit-territorju doganali Komunitarju tal-merkanzija mibjugħa b’telf, imma anke f’dak il-każ fejn operatur Komunitarju jakkwista l-imsemmija merkanzija bi prezz orħos minn dak li għandhom iħallsu operaturi Komunitarji oħrajn.

21

Il-Corte suprema di cassazione tistaqsi dwar jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux iqisu, bħala bażi għall-applikazzjoni ta’ dazju antidumping, valur ekwivalenti għall-prezz stabbilit għall-merkanzija kkonċernata fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali, jew, fi kliem ieħor, jekk il-mument determinanti huwiex dak tal-bejgħ konkluż bil-għan ta’ l-esportazzjoni lejn it-territorju doganali Komunitarju, indipendentament mill-preżentazzjoni fid-dwana.

22

Fil-fatt, il-Corte suprema di cassazione hija tal-fehma li għandu jiġi determinat jekk, mal-libertà ta’ l-operatur li jagħżel, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur doganali, il-prezz imħallas għall-merkanzija kkonċernata f’tranżazzjoni li saret qabel dik li abbażi tagħha saret id-dikjarazzjoni doganali, tikkorrispondix setgħa identika minn naħa ta’ l-awtoritajiet doganali.

23

Wara li kkonstatat li l-punt ta’ dritt mqajjem fil-kuntest tal-kawża prinċipali ma kienx għadu ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Corte Suprema di Cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Skond il-prinċipji tad-dritt doganali Komunitarju u għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju antidumping bħal dak stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 67/94 […], l-awtoritajiet doganali jistgħu jirreferu għall-prezz indikat f’bejgħ ta’ l-istess merkanzija li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali, meta x-xerrej huwa suġġett Komunitarju jew, fi kwalunkwe każ, il-bejgħ sar għal importazzjoni fil-Komunità?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94, ir-regoli tal-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja rilevanti jippermettux lill-awtoritajiet doganali jiddeterminaw il-valur doganali abbażi tal-prezz stabbilit għall-istess merkanzija fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel dak li abbażi tiegħu saret id-dikjarazzjoni doganali.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett, għandu jiġi determinat jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux, b’mod ġenerali, jirreferu, għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping stabbilit mill-imsemmija Deċiżjoni, għall-prezz stabbilit għall-istess prodotti fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel, minkejja li l-prezz iddikjarat huwa ekwivalenti għall-prezz effettivament imħallas jew li huwa dovut mill-importatur. Fil-każ ta’ risposta negattiva, it-tieni nett, għandu jiġi vverifikat jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux għall-inqas jagħmlu dan fuq bażi ta’ każ b’każ, meta huma jikkontestaw il-veraċità tal-prezz indikat fid-dikjarazzjoni doganali.

Fuq il-possibbiltà, għall-awtoritajiet doganali, li jirreferu għal bejgħ li sar qabel għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94 meta l-prezz iddikjarat huwa dak effettivament imħallas jew dovut mill-importatur

26

Sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux, għall-applikazzjoni ta’ dazju antidumping stabbilit mill-imsemmija Deċiżjoni, jirreferu għall-prezz li kien stabbilit għall-merkanzija kkonċernata fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel, minkejja li l-prezz iddikjarat huwa ekwivalenti għall-prezz effettivament imħallas jew li huwa dovut mill-importatur, hemm lok li l-kunċett ta’ “valur doganali ddikjarat” jiġi interpretat fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 67/94.

27

Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li l-frażi “valur doganali” hija ekwivalenti għall-valur doganali tal-merkanzija importata kif definit fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, ICT, C-93/96, Ġabra p. I-2881, punt 14). B’kunsiderazzjoni għaż-żmien li fih seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li jiddefinixxi din il-frażi bħala l-“valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità”, skond il-każ, wara li jsir aġġustament skond id-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

28

L-imsemmi Artikolu 29(1) jippreċiża li l-valur doganali jikkonċerna biss il-merkanzija li “tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità”. Minn dan jirriżulta li għandu jiġi stabbilit, fil-mument tal-bejgħ, li l-merkanzija, li toriġina minn Stat terz, tkun ittrasportata lejn it-territorju doganali tal-Komunità [ara, b’analoġija, fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1224/80, tat-28 ta’ Mejju 1980, dwar il-valutazzjoni ta’ merkanzija għall-finijiet doganali (ĠU L 134, p. 1), li hija dispożizzjoni essenzjalment identika għall-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1990, Unifert, C-11/89, Ġabra p. I-2275, punt 11].

29

Skond l-ewwel sentenza ta’ l-imsemmi Artikolu 147(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, il-fatt li l-prodotti li huma s-suġġett ta’ bejgħ huma ddikjarati għar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera għandu jiġi kkunsidrat bħala indikazzjoni suffiċjenti li l-kundizzjoni msemmija iktar ’il fuq hija ssodisfata. It-tieni sentenza ta’ l-imsemmi Artikolu 147(1), fil-verżjoni applikabbli meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali, tippreċiża li din l-indikazzjoni tissussisti wkoll meta jkun hemm bejgħ suċċessiv qabel il-valutazzjoni.

30

Għalhekk, fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv, prezzijiet li jikkorrispondu għal bejgħ li sar wara l-esportazzjoni, imma qabel ir-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera fil-Komunità, jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-“valur tat-tranżazzjoni” fis-sens ta’ l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ara, b’analoġija, is-sentenza Unifert, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

31

Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv ta’ merkanzija bil-għan ta’ l-importazzjoni tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità, l-importatur huwa liberu li jagħżel, fost il-prezzijiet miftiehma għal kull wieħed minn dan il-bejgħ, dak li huwa jżomm bħala bażi sabiex jiddetermina l-valur doganali tal-merkanzija kkonċernata, bil-kundizzjoni li huwa jkun jista’ jforni, fir-rigward tal-prezz li huwa jagħżel, l-elementi u d-dokumenti kollha neċessarji lill-awtoritajiet doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza Unifert, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 21).

32

Sussegwentement, huwa wkoll neċessarju, fuq il-bażi ta’ dawn il-kjarifiki dwar it-tifsira ta’ l-imsemmija frażi “valur doganali” li jirreferu għal-leġiżlazzjoni doganali u għalhekk, jagħtu lill-importatur l-imsemmija fakultà ta’ għażla, li ġiet deskritta fil-punt preċedenti, li tiġi determinata t-tifsira taż-żieda “[i]ddikjarat” f’din il-frażi sabiex tingħata risposta għad-domanda tal-Corte suprema di cassazione dwar jekk l-amministrazzjoni dogali għandhiex ukoll il-fakultà ta’ għażla li tippermettiha tqis il-prezz ta’ bejgħ li sar qabel bħala bażi għall-applikazzjoni ta’ dazju antidumping.

33

Permezz taż-żieda tal-kelma “[i]ddikjarat”, l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 67/94 jenfasizza li l-bażi sabiex jiġi applikat dazju antidumping mhuwiex il-valur doganali fih innifsu, imma l-valur doganali ddikjarat mill-importatur. Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-prezzijiet tal-bejgħ li sar qabel dak li l-prezz tiegħu ġie meqjus mill-importatur sabiex jagħmel id-dikjarazzjoni doganali ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni ta’ dazju antidumping. Għalhekk, jidher li l-kliem stess ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 67/94 jipprekludi l-eżistenza ta’ fakultà, fir-rigward ta’ l-awtoritajiet doganali, li jagħżlu l-prezz ta’ l-ewwel bejgħ bħala bażi tal-valur doganali sabiex jiġi ddeterminat dazju antidumping.

34

Madankollu, il-Gvern Taljan isostni li, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali setgħu jiddeterminaw id-dazju doganali abbażi tal-bejgħ ta’ ħadid hematite mhux maħdum minn OME-DTECH lil CMP, peress illi din l-aħħar impriża kienet hija stess operatur Komunitarju. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li tammetti li l-kliem tad-Deċiżjoni Nru 67/94 ma jħalli ebda possibbiltà li jiġi kkalkolat id-dazju varjabbli ħlief abbażi tal-prezz ta’ l-aħħar tranżazzjoni indikat fid-dikjarazzjoni doganali, tirrileva li l-għan ta’ miżura antidumping ibbażata fuq id-determinazzjoni ta’ prezz minimu għall-importazzjoni jista’ jiġi faċilment miksur u li teżisti “ċerta tensjoni” fl-użu tal-prezz stabbilit fil-kuntest ta’ l-aħħar bejgħ għall-għanijiet, minn naħa, tad-dazju doganali u, min-naħa l-oħra, ta’ dazji varjabbli antidumping ibbażati fuq prezz minimu għall-importazzjoni.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kliem ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 67/94 jipprevedi espressament u mingħajr ambigwità li l-punt ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat dazju antidumping huwa l-valur doganali ddikjarat. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit, l-ewwel nett, jekk l-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni humiex fondati, u, jekk dan huwa l-każ, jekk humiex tali li jqiegħdu f’dubju r-riżultat impost mill-kliem ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 67/94.

36

L-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Taljan dwar il-kliem ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 1751/94, li jimponi dazju definittiv antidumping, għandu jiġi kkunsidrat li l-frażi “[i]l-valur doganali aċċettat” li hija parti minn din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tesprimi s-sempliċi prova li l-prezz indikat minn dak li jagħmel id-dikjarazzjoni mhuwiex bħala tali essenzjali għad-determinazzjoni ta’ dazju antidumping.

37

Fil-fatt, l-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprevedi li l-valur doganali, jiġifieri l-valur tat-tranżazzjoni, huwa, skond il-każ, suġġett għal aġġustament imwettaq skond l-Artikoli 32 u 33 ta’ l-istess Kodiċi. Barra minn hekk, kif jirriżulta, per eżempju, mill-Artikolu 29(1)(d) u (2) ta’ l-imsemmi Kodiċi, l-awtoritajiet doganali huma intitolati jeżaminaw il-prezz indikat minn dak li għamel id-dikjarazzjoni u li jirrifjutawh, skond il-każ. Għaldaqstant, il-kliem ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 1751/94 ma fih ebda indizju li jpoġġi f’dubju r-riżultat impost mill-kliem ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 67/94.

38

It-tieni nett, il-Gvern Taljan isostni li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-għanijiet tar-regoli antidumping u, għal dan il-għan, li jiġu kkunsidrati l-istadji kollha ta’ bejgħ suċċessiv, billi jiġi eskluż approċċ li huwa wisq formali. Fil-każ ta’ bejgħ suċċessivi li minnhom jirriżulta r-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija, il-bejgħ differenti li twettaq bil-għan ta’ l-importazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità għandhu jiġi kkunsidrat bħala stadji preliminari għal din l-importazzjoni, b’tali mod li l-mument li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali għall-applikazzjoni tad- dazju antidumping huwa neċessarjament ekwivalenti għal dak ta’ l-ewwel akkwist tal-merkanzija minn operatur Komunitarju, li huwa l-mument li fih din il-merkanzija daħlet fiċ-“ċirku Komunitarju”.

39

Kif sostna ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 sa 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-deċiżjoni bażika li, ir-regoli antidumping huma intiżi sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew sussidji u li dazju antidumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping meta r-rilaxx tiegħu fiċ-ċirkulazzjoni libera fil-Komunità tikkawża ħsara.

40

Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ miżura antidumping tippresupponi għaldaqstant introduzzjoni ta’ merkanzija fis-suq Komunitarju li tagħmel ħsara lill-industrija Komunitarja. Il-leġiżlazzjoni antidumping ma tikkonċernax bejgħ ta’ merkanzija bħala tali, bħal, fil-kawża prinċipali, l-ewwel bejgħ ta’ ħadid hematite mhux maħdum minn OME-DTECH lil CMP, sakemm din il-merkanzija mhijiex effettivament esportata lejn it-territorju doganali tal-Komunità u lanqas rilaxxata fiċ-ċirkulazzjoni libera fil-Komunità. Fil-fatt, id-dazji antidumping huma intiżi sabiex jinnewtralizzaw il-marġni ta’ dumping li essenzjalment jirriżulta mid-differenza bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità u l-valur normali tal-prodott, u sabiex ineħħu għaldaqstant l-effetti dannużi ta’ l-importazzjoni tal-merkanzija kkonċernata fil-Komunità. Kif jirriżulta mill-erba’ u sittin u s-seba’ u sittin premessa tad-Deċiżjoni Nru 67/94, fil-każ ta’ ħadid hematite mhux maħdum, il-prezz minimu ta’ ECU 149 għal kull tunnellata jirrappreżenta l-livell ta’ prezz li fih dawn l-importazzjonijiet jieqfu milli jikkawżaw ħsara sinjifikanti lill-industrija Komunitarja.

41

Għalhekk, l-għan tar-regoli antidumping ma jimplikax, fil-prinċipju, li jiġi impost dazju antidumping stabbilit abbażi tal-prezz indikat fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel tal-merkanzija kkonċernata jekk il-prezz effettivament imħallas jew dovut minn dak li jagħmel id-dikjarazzjoni huwa ekwivalenti jew ogħla mill-prezz minimu previst mill-miżura antidumping.

42

Madankollu, il-Gvern Taljan isostni, iktar preċiżament, li jirriżulta mill-għan tad-Deċiżjoni Nru 67/94 li, fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv bil-għan ta’ l-importazzjoni fit-territorju tal-Komunità li minnu jirriżulta r-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera, l-ewwel akkwist tal-merkanzija minn operatur Komunitarju huwa determinanti għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping. Fil-fatt, il-ħsara kkawżata lis-suq Komunitarju tirriżulta mhux biss mid-dħul konkret, fit-territorju doganali tal-Komunità, ta’ merkanzija li tinbiegħ għal prezz inqas mill-prezz ta’ kemm tqum, imma wkoll mill-fatt li operatur ekonomiku Komunitarju huwa vvantaġġat meta mqabbel ma’ operaturi Komunitarji oħra billi jakkwista l-imsemmija merkanzija bi prezz inqas minn dak imħallas minn dawn ta’ l-aħħar.

43

Dan l-argument jippresupponi li l-għan mixtieq mid-Direttiva Nru 67/94 jista’ ma jintlaħaqx fil-każ ta’ bejgħ suċċessiv, anke jekk, bħal fil-każ prinċipali, il-prezz ta’ l-aħħar bejgħ, li fl-istadju tiegħu seħħ ir-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera, huwa ogħla mill-prezz minimu għall-importazzjoni.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt biss li operatur ekonomiku Komunitarju jista’ jingħata vantaġġ meta mqabbel ma’ operaturi Komunitarji oħra billi jakkwista merkanzija bi prezz orħos minn dak li ħallsu dawn ta’ l-aħħar ma jippreġudikax l-għan tad-Deċiżjoni Nru 67/94. Fil-fatt, dan ma jikkonsistix f’li jitneħħew il-profitti eventwali lill-importaturi, imma, kif jirriżulta mill-erba’ u sittin premessa ta’ l-imsemmija Deċiżjoni, li jiġi evitat li l-industrija Komunitarja, jiġifieri l-produtturi, issofri ħsara kbira.

45

It-tielet u l-aħħar nett, il-Gvern Taljan, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li d-dazju varjabbli antidumping stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94 jista’ jiġi faċilment evitat, b’mod partikolari permezz ta’ kumpens trażversali ta’ prezzijiet, applikat fuq prodotti oħra, jew permezz tad-dikjarazzjoni ta’ prezzijiet li huma artifiċjalment mgħollija.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 13(2) tad-deċiżjoni bażika, il-miżuri li jistabbilixxu dazju antidumping jindikaw b’mod partikolari l-ammont u t-tip tad-dazju stabbilit kif ukoll elementi oħra. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-istituzzjonijiet huma liberi li jagħżlu, fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, bejn it-tipi differenti ta’ dazju (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-305/86 u C-160/87, Ġabra p. I-2945, punt 58). Għalhekk, fil-każ ta’ ħadid hematite mhux maħdum li joriġina fl-Istati msemmija fid-Deċiżjoni Nru 67/94, il-Kummissjoni kellha l-fakoltà li tintroduċi dazju speċifiku, eventwalment flimkien ma’ dazju varjabbli, li inqas jista’ jiġi evitat [ara, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3068/92 tat-23 ta’ Ottubru 1992, li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ potassium chloride li joriġina fil-Belarus, fir-Russja jew l-Ukrajna (ĠU L 308, p. 41), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 643/94, tal-21 ta’ Marzu 1994 (ĠU L 80, p. 1), is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, International Potash Company vs Il-Kunsill, T-87/98, Ġabra p. II-3179, punti 43 sa 48]. Kif tindika s-sitta u sittin premessa tad-Deċiżjoni Nru 67/94, il-Kummissjoni ddeċidiet, billi użat il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, li, fil-każ ikkonċernat minn din id-Deċiżjoni, “l-introduzzjoni ta’ prezz minimu hija iktar adattata minn kwalunkwe tip ta’ miżura oħra sabiex jintlaħqu” l-għanijiet mixtieqa mill-imsemmija Deċiżjoni.

47

Fid-dawl tal-fatt li dazju varjabbli jista’ faċilment jiġi evitat u li prattika bħal din tista’ tiġi evitata permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ dazju speċifiku jew ta’ koinċidenza ta’ dazju varjabbli u ta’ dazju speċifiku, il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tirrikorri minkejja kollox, permezz tad-Deċiżjoni Nru 67/94, għal dazju varjabbli ma jistax jiġġustifika fih innifsu li tiġi abbandunata, b’mod ġenerali, għad-detriment ta’ l-importaturi, id-determinazzjoni tad-dazju antidumping abbażi tal-valur doganali ddikjarat, kif previst minn din id-Deċiżjoni.

48

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni ma jippermettux li jitpoġġa f’dubju r-riżultat impost espressament u mingħajr ambigwità mill-kliem ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 67/94 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-BĊE vs Il-Ġermanja, C-220/03, Ġabra p. I-10595, punt 31).

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, skond l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 67/94, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiddeterminaw il-valur doganali għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping stabbilit minn din id-deċiżjoni abbażi tal-prezz li ġie stabbilit għall-merkanzija kkonċernata fil-kuntest tal-bejgħ li sar qabel dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali meta l-prezz iddikjarat huwa ekwivalenti għall-prezz effettivament imħallas jew dovut mill-importatur.

Fuq il-possibbiltà, għall-awtoritajiet doganali, li jirreferu għal bejgħ preċedenti għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94 meta huma jikkontestaw il-veraċità tal-prezz indikat fid-dikjarazzjoni doganali

50

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux jirreferu, għall-applikazzjoni ta’ dazju antidumping bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 67/94, għall-prezz stabbilit fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali meta huma jikkontestaw il-veraċità tal-prezz indikat f’din id-dikjarazzjoni, għandhom jiġu eżaminati d-dipożizzjonijiet rilevanti tar-regolament ta’ implementazzjoni u l-Artikoli 29 sa 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità b’kunsiderazzjoni għall-karatteristiċi ta’ dazju varjabbli antidumping.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Nru 67/94, huma applikabbli d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tad-dazji doganali.

52

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, l-Artikolu 181a tar-regolament ta’ implementazzjoni, introdott mir-Regolament Nru 3254/94 jipprevedi li, meta l-awtoritajiet doganali jkollhom dubji raġonevoli dwar jekk il-valur iddikjarat jirrappreżentax l-ammont totali mħallas jew dovut, huma m’għandhomx għalfejn jiddeterminaw il-valur doganali fuq il-bażi tal-metodu tal-valur tat-tranżazzjoni u, jistgħu jirrifjutaw il-prezz iddikjarat jekk dawn id-dubji jippersistu wara li jkunu eventwalment talbu li tiġi fornuta kull informazzjoni jew kull dokument supplementari u wara li jkunu taw lill-persuna kkonċernata opportunità raġonevoli sabiex tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tar-raġunijiet li abbażi tagħhom huma fondati l-imsemmija dubji

53

Minkejja li din id-dispożizzjoni tar-regolament ta’ implementazzjoni ma kinitx għadha fis-seħħ meta l-merkanzija in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet iddikjarata, din tikkodifika, skond l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, prassi doganali kurrenti kemm fil-livell Internazzjonali u kif ukoll Komunitarju hekk kif din kienet applikata meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, l-Artikolu 29(2)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprevedi l-istess rekwiżiti proċedurali meta l-awtoritajiet doganali għandhom raġunijiet jaħsbu li r-rabtiet bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ influwenzaw il-prezz. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li dawn ir-rekwiżiti proċedurali huma inerenti għas-sistema ta’ valutazzjoni.

54

Billi tirreferi għall-Artikolu 181a tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll għall-prassi doganali msemmiija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet doganali Taljani kellhom id-dritt li jqisu l-prezz li kien ġie stabbilit fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel dak li abbażi tiegħu ġie ddikjarat il-valur doganali.

55

Għandu jiġi rilevat li l-Artikolu 181a tar-regolament ta’ implementazzjoni jillimita ruħu li jgħid li l-awtoritajiet doganali “m’għandhomx għalfejn jistabbilixxu l-valutazzjoni doganali […] fuq il-bażi tal-metodu tal-valur tat-transazzjoni”, imma ma jippreċiżax liema valur ieħor għandu, f’dan il-każ, jissostitwixxi l-valur tat-tranżazzjoni.

56

Skond l-Artikoli 30 u 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li huma applikabbli għad-dazju antidumping stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94 bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1(3) tagħha, jekk il-valur doganali tal-merkanzija importata ma jistax jiġi ddeterminat b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 29 ta’ dan il-Kodiċi, dan għandu jiġi ddeterminat bl-applikazzoni ta’, l-ewwel nett, l-imsemmi Artikolu 30 u, it-tieni nett, ta’ l-imsemmi Artikolu 31.

57

Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ impossibbiltà li jiġi ddeterminat, matul l-investigazzjoni li ssir referenza għaliha fil-punt 52 tas-sentenza preżenti, il-valur tat-tranżazzjoni reali, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew dovut fil-kuntest tat-tranżazzjoni li fir-rigward tagħha ssir id-dikjarazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħux skond l-Artikoli 30 u 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jirreferu għall-prezz ta’ bejgħ li sar qabel.

58

Fir-rigward, minn naħa, ta’ l-Artikolu 30 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi mfakkar li dan l-Artikolu huwa intiż, essenzjalment, sabiex jistabbilixxi l-valur doganali abbażi tal-prezz li huwa ġeneralment ipprattikat għall-merkanzija kkonċernata. Il-karatteristika tal-każijiet ta’ dumping tikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ merkanzija fis-suq Komunitarju bi prezz orħos mill-prezz ipprattikat f’dan is-suq. Barra minn hekk, il-partikolarità ta’ dazju varjabbli antidumping tinstab fil-fatt li dan id-dazju huwa kkalkolat abbażi tad-differenza bejn il-prezz minimu għall-importazzjoni u l-prezz miftiehem konkretament għall-merkanzija kkonċernata. Għaldaqstant, il-valur doganali stabbilit skond l-imsemmi Artikolu 30, b’riferiment għall-prezz ġeneralment imħallas jew dovut, ma jistax jintuża għall-applikazzjoni ta’ dazju varjabbli antidumping.

59

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprevedi li, fil-kundizzjonijiet li huwa jsemmi, il-valur doganali huwa ddeterminat abbażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali tal-ftehim internazzjonali kif ukoll tad-dispożizzjonijiet elenkati minnu.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-valutazzjoni doganali hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ugwali, uniformi u newtrali li teskludi l-użu tal-valuri doganali arbitrarji jew fittizji (is-sentenzi Unifert, iċċitata, punt 35; tad-19 ta’ Ottubru 2000, Sommer, C-15/99, Ġabra p. I-8989, punt 25, u tas-16 ta’ Novembru 2006, Compaq Computer International Corporation, C-306/04, Ġabra p. I-10991, punt 30) u li dan l-għan jissodisfa r-rekwiżiti tal-prassi kummerċjali (sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Hepp, C-299/90, Ġabra p. I-4301, punt 13). Skond il-punt 2 tan-Noti Interpretattivi dwar il-valur doganali ta’ l-Anness 23 tar-regolament ta’ implementazzjoni dwar l-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, il-metodi ta’ valutazzjoni li jridu jiġu użati taħt l-imsemmi Artikolu 31(1) għandhom ikunu dawk li jiddefinixxu l-Artikoli 29 sa 30(2) ta’ dan il-Kodiċi, imma “flessibilità raġjonevoli” fl-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi tista’ tkun f’konformità ma’ l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 31(2) ta’ l-imsemmi Kodiċi.

61

Fid-dawl tan-neċessità li jiġi stabbilit valur doganali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dazju varjabbli antidumping u tal-“flessibilità raġjonevoli” msemmija fil-punt 2 ta’ l-imsemmija Noti Interpretattivi, għandu jiġi ammess li l-prezz stabbilit fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali jista’ jikkostitwixxi data disponibbli fil-Komunità li l-Artikolu 31(1) tal-Kodiċi Doganali jippermetti li tittieħed bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur doganali. Fil-fatt, fid-dawl tal-partikolarità ta’ dazju varjabbli antidumping imfakkar fil-punt 58 tas-sentenza preżenti, ir-referenza għal dan il-prezz tikkostitwixxi metodu sabiex jiġi ddeterminat il-valur imsemmi li huwa, fl-istess waqt, “raġonevoli” fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 31(1) u konsistenti mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ ftehim internazzjonali kif ukoll mad- dispożizzjonijiet li għalihom jirreferi l-istess Artikolu 31(1).

62

Madankollu, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 31(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, il-valur doganali ddeterminat skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jistax ikun ibbażat fuq sistema li tipprevedi l-aċċettazzjoni, għall-finijiet doganali, ta’ l-ogħla miż-żewġ valuri alternattivi. Adattata għal kuntest li fih huwa kkonċernat dazju varjabbli antidumping, din id-dispożizzjoni teskludi sistema li tipprevedi l-aċċettazzjoni ta’ l-iżjed valur baxx. Barra minn hekk, l-Artikolu 31(2)(g) ta’ l-imsemmi Kodiċi jeskludi li l-imsemmi valur doganali jkun ibbażat fuq valuri arbitrarji jew fittizji.

63

Għaldaqstant, għandu jiġi ppreċiżat li l-valur doganali rilevanti għad-determinazzjoni ta’ dazju varjabbli antidumping jikkorrispondi għall-prezz li ġie miftiehem fil-kuntest tal-bejgħ li sar qabel l-eqreb għal dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali, li fir-rigward tiegħu l-awtoritajiet doganali m’għandhom ebda raġuni li jiddubitaw il-veraċità tiegħu.

64

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li, skond l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Nru 67/94, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiddeterminaw il-valur doganali għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping stabbilit mill-imsemmija Deċiżjoni fuq il-bażi tal-prezz stabbilit għall-merkanzija kkonċernata fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel dak li għalih saret dikjarazzjoni doganali meta l-prezz iddikjarat jikkorrispondi għall-prezz effettivament imħallas jew dovut mill-importatur. Meta l-awtoritajiet doganali għandhom dubji raġonevoli dwar il-veraċità tal-valur iddikjarat, jekk id-dubji tagħhom huma kkonfermati wara li jkunu talbu informazzjoni supplementari u wara li jkunu taw lill-persuna kkonċernata opportunità raġonevoli sabiex tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tar-raġunijiet li abbażi tagħhom huma fondati l-imsemmija dubji, mingħajr ma kien possibbli li jiġi stabbilit il-prezz veru mħallas jew dovut, huma jistgħu, skond l-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jikkalkolaw il-valur doganali għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94 b’referenza għall-prezz li ġie miftiehem għall-merkanzija kkonċernata fil-kuntest tal-bejgħ li sar qabel l-eqreb għal dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali, u li fir-rigward tiegħu huma ma jkollhom ebda raġuni oġġettiva li jiddubitaw il-veraċità tagħha.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Skond l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 67/94/KEFA, tat-12 ta’ Jannar 1994, li timponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet fil-Komunità ta’ ħadid hematite mhux maħdum, li joriġina mill-Brażil, mill-Polonja, mir-Russja u mill-Ukrajna, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiddeterminaw il-valur doganali għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping stabbilit mill-imsemmija Deċiżjoni fuq il-bażi tal-prezz stabbilit għall-merkanzija kkonċernata fil-kuntest ta’ bejgħ li sar qabel dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali, meta l-prezz iddikjarat jikkorrispondi għall-prezz effettivament imħallas jew dovut mill-importatur.

 

Meta l-awtoritajiet doganali għandhom dubji raġonevoli dwar il-veracità tal-valur iddikjarat, jekk dawn id-dubji huma kkonfermati wara li jkunu talbu informazzjoni supplementari u wara li jkunu taw lill-persuna kkonċernata opportunità raġonevoli sabiex tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tar-raġunijiet li abbażi tagħhom huma fondati l-imsemmija dubji, mingħajr ma kien possibbli li jiġi stabbilit il-prezz veru mħallas jew dovut, huma jistgħu, skond l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, jikkalkolaw il-valur doganali għall-applikazzjoni tad-dazju antidumping, stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 67/94 b’referenza għall-prezz li ġie miftiehm għall-merkanzija kkonċernata fil-kuntest tal-bejgħ li sar qabel l-eqreb għal dak li għalih saret id-dikjarazzjoni doganali, u li fir-rigward tiegħu huma ma jkollhom ebda raġuni oġġettiva li jiddubitaw il-veraċità tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.