SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 615/98 — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Benesseri tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport — Direttiva 91/628/KEE — Applikabbiltà tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport — Regoli dwar it-tul tal-vjaġġ u tal-perijodu ta’ mistrieħ kif ukoll dwar it-trasport bil-baħar tal-annimali tal-ifrat b’destinazzjoni barra mill-Komunità — Għoti ta’ ikel u xorb lill-annimali matul il-vjaġġ”

Fil-Kawża C-207/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat Salzburg-Aigen (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2006, fil-proċedura

Schwaninger Martin, Viehhandel — Viehexport

vs

Zollamt Salzburg, Erstattungen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Schwaninger Martin, Viehhandel — Viehexport, minn O. Wenzlaff, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,

għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Schieferer u F. Erlbacher, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli dettaljati speċifiċi għall-applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport (ĠU L 82, p. 19), u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 340, p. 17), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995 (ĠU L 148, p. 52, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/628”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Schwaninger Martin, Viehhandel — Viehexport (iktar ’il quddiem “Schwaninger”) u z-Zollamt Salzburg, Erstattungen (iktar ’il quddiem iz-“Zollamt”), dwar ir-rifjut ta’ ħlas ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni wara t-trasport ta’ annimali tal-ifrat ħajjin lejn l-Albanija.

Il-kuntest ġuridiku

3

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga (ĠU L 148, p. 24), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2634/97, tat-18 ta’ Diċembru 1997 (ĠU L 356, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 805/68”), jipprovdi li l-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ħajjin huwa suġġett għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tal-benesseri tal-annimali u, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport.

Ir-Regolament Nru 615/98

4

Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/68 ġew speċifikati bir-Regolament Nru 615/98.

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi li l-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali tal-ifrat ħajjin huwa suġġett għall-osservanza, matul it-trasport tal-annimali sa l-ewwel post fejn l-annimali jinħattu fl-Istat terz ta’ destinazzjoni finali, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 u tal-imsemmi regolament.

6

Skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament, għandu jitwettaq kontroll tal-annimali mal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità Ewropea. Veterinarju uffiċjali għandu jivverifika u jiċċertifika li l-annimali huma b’saħħithom biżżejjed għall-vjaġġ previst skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, li l-mezz ta’ trasport li bih l-annimali ser iħallu t-territorju doganali tal-Komunità huwa konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u li jkunu ttieħdu provvedimenti għall-kura tal-annimali matul il-vjaġġ skont ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

7

L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-esportatur għandu, sa mhux iktar tard minn meta tiġi ddepożitata d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, jipprovdi l-informazzjoni utli dwar il-vjaġġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni.

Fl-istess ħin, jew mhux iktar tard minn meta jsir jaf b’dan, l-esportatur għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti b’kull bdil eventwali fil-mezz ta’ trasport”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Skont l-Artikolu 5(2) tal-istess regolament, it-talba għall-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għandha tiġi kkompletata bil-prova li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ġew osservati, liema prova titressaq permezz tal-produzzjoni tal-formula ta’ kontroll T5 u tar-rapport ta’ kontroll ta’ kumpannija ta’ kontroll, flimkien ma’ ċertifikat veterinarju.

9

Madankollu, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi li r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma titħallasx għall-annimali li jkunu mietu matul it-trasport jew għall-annimali li fir-rigward tagħhom l-awtorità kompetenti tqis, fid-dawl tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-istess regolament, tar-rapporti ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u/jew ta’ kull element ieħor li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, li d-Direttiva 91/628 ma kinitx ġiet osservata.

Id-Direttiva 91/628

10

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva 91/628 tapplika għat-trasport ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-ifrat.

11

Skont l-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, wieħed jifhem bi:

“[…]

(b)

“trasport”, kull ċaqlieq ta’ annimali, effettwat permezz ta’ trasport li jinvolvi t-tagħbija u l-ħatt ta’ l-annimali;

[…]

(h)

“perjodu ta’ mistrieħ”, perjodu kontinwu matul il-vjaġġ li matulu l-annimali mhumiex qegħdin jiġu mċaqalqa permezz ta’ mezz ta’ trasport;

[…]”

12

L-Artikolu 5(A)(2)(d) tal-istess direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trasportatur:

“jiżgura:

(i)

li l-kopja oriġinali tal-pjanta tar-rotta li għaliha ssir referenza f’(b)

hija mfassla kif suppost u mimlija mill-persuni approprjati fiż-żmien xieraq,

[…]

(ii)

li l-persunal responsabbli għat-trasport

jiddikjara fil-pjanta tar-rotta l-ħinijiet u postijiet li fihom l-annimali trasportati ngħataw l-ikel u l-ilma matul il-vjaġġ,

[…]”

13

Il-Kapitolu VII tal-Anness tad-Direttiva 91/628, li jikkostitwixxi l-punt 48 ta’ dan l-Anness, jikkonċerna l-waqfien għax-xorb u għall-ikel kif ukoll il-ħinijiet [tul] tal-ivvjaġġar u tal-mistrieħ. Dan il-punt 48 jipprevedi partikolarment:

“[…]

2.

Il-ħinijiet [tul] tal-vjaġġ għall-annimali li jappartjenu għall-ispeċi li għalihom issir referenza fil-punt 1 m’għandhomx jeċċedu t-tmien sigħat.

3.

Il-ħin ta’ vjaġġ massimu fil-punt 2 jista’ jiġi estiż meta l-vettura tat-trasport tissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin:

ikun hemm saqqijiet biżżejjed fl-art tal-vettura,

il-vettura tat-trasport iġġorr għalf xieraq għall-ispeċi ta’ annimal trasportat u għall-ħin tal-vjaġġ,

hemm aċċess dirett għall-annimali,

ventilazzjoni adegwata hija possibbli u din tista’ tiġi aġġustata skond it-temperatura (ta’ ġewwa u ta’ barra),

hemm panewwijiet mobbli biex jinħolqu kompartamenti separati,

il-vetturi huma armati għal konnessjoni ma’ provvista ta’ l-ilma meta jkunu wiefqa,

[…]

4.

L-intervalli ta’ tmigħ u tat-tisqija, il-ħinijet tal-vjaġġ u l-perjodi ta’ mistrieħ meta jintużaw l-vetturi tat-triq li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 3 huma definiti kif ġej:

[…]

d)

L-annimali l-oħra kollha ta’ l-ispeċi li għalihom issir referenza fil-punt 1 iridu, wara 14-il siegħa ta’ vjaġġ, jingħataw perjodu ta’ mistrieħ ta’ millinqas siegħa li tkun biżżejjed għalihom b’mod partikolari sabiex jingħataw likwidu u jekk ikun meħtieġ għalf. Wara dan il-perjodu ta’ mistrieħ, jistgħu jiġu trasportati għal 14-il siegħa oħra.

5.

Wara l-ħin tal-vjaġġ stabbilit, l-annimali jridu jinħattu, jingħataw x’jieklu u x’jixorbu u jitħallew jistrieħu għal mill-inqas 24 siegħa.

[…]

7.

(a)

L-annimali m’għandhomx jiġu trasportati permezz tal-baħar jekk il-ħin tal-vjaġġ massimu jeċċedi dak stabbilit fil-punt 2, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 3 u 4, minbarra l-ħinijiet [tul] tal-vjaġġ u l-perjodu ta’ mistrieħ, jintlaħqu.

(b)

Fil-każ ta’ trasport bil-baħar b’rabta regolari u diretta bejn iż-żewġ punti ġeografiċi tal-Komunità permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, dawn ta’ l-aħħar iridu jingħataw mistrieħ għal 12-il siegħa wara li jinħattu fil-port ta’ destinazzjoni jew fil-viċinanza immedjata tagħha [tiegħu] sakemm il-ħin tal-vjaġġ bil-baħar huwa tali li l-vjaġġ jista’ jiġi inkluż fl-iskema ġenerali tal-punti 2 sa 4.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fit-23 ta’ Ottubru 2002, Schwaninger iddikjara l-esportazzjoni ta’ 33 annimali tal-ifrat lejn l-Albanija u talab fuq din il-bażi li jingħata rifużjoni fuq l-esportazzjoni. L-annimali ġew ittrasportati bit-triq għal erbatax-il siegħa, mill-Awstrija għall-Italja, fejn tniżżlu fil-port ta’ Trieste. Wara ħin għall-mistrieħ ta’ 24 siegħa li matulhom ingħataw x’jieklu u x’jixorbu, l-annimali tal-ifrat reġgħu tgħabbew fuq il-vettura li mbagħad tgħabbiet fuq bastiment tat-tip roll-on/roll-off. It-trasport bil-baħar bejn Trieste u Dürres (l-Albanija) dam 41 siegħa u 30 minuta. Fl-aħħar, l-annimali ġew ittrasportati bit-triq fl-istess vettura, mingħajr waqfien, sa Lushnja (l-Albanija), fejn waslu fl-istess jum u fejn ġew tniżżlu wara vjaġġ li b’kollox ħa 46 siegħa.

15

Iz-Zollamt ikkonstata li fil-pjanta tar-rotta ppreżentata lilu ma ġewx indikati d-dettalji, li jingħataw mill-persunal responsabbli għat-trasport, dwar il-provvista ta’ xorb u ta’ ikel lill-annimali matul il-fażi marittima tat-trasport u minn dan ikkonkluda li l-annimali ma ngħatawx x’jieklu u x’jixorbu għal perijodu ta’ 46 siegħa. F’dan ir-rigward, huwa qies irrilevanti dikjarazzjoni ġuramentata tas-sewwieq tal-vettura, li ġiet ippreżentata suċċessivament, li kellha l-informazzjoni dwar il-provvista ta’ xorb u ta’ ikel lill-annimali li kienet nieqsa fil-pjanta tar-rotta. Għalhekk iz-Zollamt ċaħad it-talba li saritlu għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

16

Peress li r-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ġie miċħud ukoll, Schwaninger ippreżenta appell, fid-9 ta’ Settembru 2005, quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostna li s-sentenza kkontestata kkunsidrat biss, bħala raġuni għaċ-ċaħda tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, in-nuqqas ta’ informazzjoni fil-pjanta tar-rotta tat-trasport.

17

Peress li kkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemu kienet tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, l-Unabhängiger Finanzsenat Salzburg-Aigen iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament […] Nru 615/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-[punt 48(7)(b)] tal-Anness tad-Direttiva […] 91/628 għandu jiġi applikat b’analoġija għat-trasport bil-baħar, li jgħaqqad b’mod regolari u dirett punt ġeografiku fil-Komunità ma’ punt ġeografiku f’pajjiż terz, permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tingħata fl-affermattiv, il-[punt 48(7)(b)] tal-Anness tad-Direttiva […] 91/628 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ trasport ta’ annimali tal-ifrat, it-tul ta’ żmien tal-vjaġġ bil-baħar ma jkunx konformi mar-regola prevista mill-punt 48(4)(d) meta l-annimali ma jingħatawx, wara erbatax-il siegħa ta’ vvjaġġar, mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa?

3)

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, id-dispożizzjoni applikabbli f’dak il-każ, [jiġifieri] il-[punt 48(7)(a)] tal-Anness tad-Direttiva […] 91/628, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ ta’ trasport bil-baħar, li jgħaqqad b’mod regolari u dirett punt ġeografiku fil-Komunità ma’ punt ġeografiku f’pajjiż terz, permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, it-tul taż-żmien tat-trasport huwa irrilevanti meta l-annimali jingħataw regolarment x’jieklu u x’jixorbu u meta, f’dan il-każ, perijodu ulterjuri ta’ trasport bit-triq ta’ 29 siegħa jibda b’mod immedjat wara li l-vettura tinħatt fil-port ta’ destinazzjoni?

4)

Fil-każ li għat-tielet domanda tingħata risposta fl-affermattiv, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(ii) tad-Direttiva […] 91/628 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persunal responsabbli għat-trasport għandu jagħmel nota fil-pjanta tar-rotta dwar f’liema ħin l-annimali li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati ngħataw x’jieklu u x’jixorbu matul il-fażi marittima tat-trasport u li nota, ittajpjata minn qabel li tgħid “matul it-trasport fuq il-bastiment jingħata xorb u ikel [lill-annimali] filgħaxija, filgħodu, f’nofsinhar, filgħaxija, filgħodu”, mhijiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/628, bil-konsegwenza ġuridika li n-nuqqas ta’ noti fir-rigward tal-kura mogħtija [lill-annimali] jwassal għat-telf tad-dritt għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni kemm-il darba l-prova meħtieġa ma tkunx tista’ titressaq b’mod ieħor?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi x’inhi l-portata tar-riferiment li r-Regolament Nru 615/98 jagħmel għad-Direttiva 91/628 u, partikolarment, jekk, b’applikazzjoni ta’ dan ir-riferiment, trasport b’bastiment roll-on/roff-off bejn punt ġeografiku fil-Komunità u punt ġeografiku f’pajjiż terz jaqax taħt il-punt 48(7)(a) tal-Anness ta’ din id-direttiva jew jekk għandux jiġi applikat b’analoġija il-punt 7(b) tal-istess punt 48.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, minkejja li l-punt 48(7)(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 jillimita espressament il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għal trasport bil-baħar bejn żewġ punti ġeografiċi fil-Komunità, huwa imperattiv li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-punt ikun jista’ jiġi estiż għal trasport b’bastiment roll-on/roll-off, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jgħaqqad punt ġeografiku fil-Komunità ma’ punt ġeografiku f’pajjiż terz. Skont il-qorti tar-rinviju, estensjoni bħal din hija ġġustifikata, b’mod partikolari, fuq il-bażi tar-riferiment li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jagħmel għad-Direttiva 91/628, li jeżiġi l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva matul it-trasport tal-annimali sa l-ewwel post fejn jinħattu fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni finali.

20

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi li, għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68, il-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali tal-ifrat ħajjin li jaqgħu taħt l-intestatura 0102 tan-Nomenklatura Magħquda huwa suġġett, b’mod partikolari, għall-osservanza, matul it-trasport tal-annimali sa l-ewwel post fejn jinħattu fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni finali, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 (ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C-37/06 u C-58/06, Ġabra p. I-69, punt 17).

21

Fir-rigward tal-portata tar-riferiment ġenerali magħmul mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 għad-Direttiva 91/628, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiggarantixxi, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija direttiva fil-qasam tal-benesseri tal-annimali ħajjin u, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Viamex Agrar Handel u ZVK, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

22

Madankollu, iċ-ċirkustanza li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ħlas tar-rifużjonijiet, ma jistax ikollha bħala konsegwenza bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Il-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju ppreskriva l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sa l-ewwel post fejn l-annimali jinħattu fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni finali m’għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sistema ġuridika applikabbli għal trasport speċifiku li jorbot żewġ punti ġeografiċi fi ħdan il-Komunità hija neċessarjament applikabbli għal trasport simili bejn punt ġeografiku fi ħdanha u punt ġeografiku fil-pajjiż terz involut.

23

Għalkemm huwa veru li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jissuġġetta l-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/628 fil-fażijiet differenti tat-trasport tal-annimali sa l-ewwel post fejn dawn jinħattu fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni finali, għandu jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti stabbiliti mill-punt 48(7)(b) tal-Anness tal-istess direttiva jikkonċernaw espressament it-trasporti intrakomunitarji, u għalhekk ma jistgħux jiġu applikati għall-istess tipi ta’ trasporti magħmula lejn pajjiżi terzi.

24

Fil-fatt, il-punt 48 tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi interpretat fis-sens li, min-naħa, il-punt 7(b) tiegħu japplika għat-trasporti b’bastiment roll-on/roll-off li jgħaqqad b’mod regolari u dirett żewġ punti ġeografiċi fil-Komunità li għandhom, mid-definizzjoni tagħhom, ikunu tali li josservaw il-kundizzjonijiet imposti minn dan il-punt u, min-naħa l-oħra, meta din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tkunx applikabbli, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 48(7)(a).

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 għad-Direttiva 91/628 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-punt 48(7)(b) tal-Anness ta’ din id-direttiva, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa espressament limitat għall-każ ta’ trasport bil-baħar li jgħaqqad żewġ punti ġeografiċi fil-Komunità, għandu jiġi applikat għal trasport b’bastiment roll-on/roll-off li jgħaqqad punt ġeografiku fil-Komunità ma’ punt ġeografiku f’pajjiż terz.

26

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-punt 48(7)(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi applikat għall-każ ta’ trasport bil-baħar, li jgħaqqad punt ġeografiku fil-Komunità ma’ punt ġeografiku f’pajjiż terz, permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali.

Fuq it-tieni domanda

27

Il-qorti tar-rinviju għamlet din id-domanda fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda.

28

Peress li għall-ewwel domanda ngħatat risposta negattiva, m’hemmx lok li tingħata riposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

29

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, b’applikazzjoni tal-punt 48(7)(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, it-tul taż-żmien tat-trasport bil-baħar bejn punt ġeografiku fil-Komunità u punt ġeografiku f’pajjiż terz għandux jittieħed inkunsiderazzjoni meta, minn naħa, il-vetturi li jservu għat-trasport jittellgħu fuq il-bastimenti mingħajr il-ħatt tal-annimali u, min-naħa l-oħra, dawn jingħataw regolarment x’jixorbu u x’jieklu u, f’każ bħal dan, jekk perijodu ġdid ta’ trasport bit-triq ta’ 29 siegħa jistax jibda b’mod immedjat wara li dawn il-vetturi jitniżżlu fil-port tal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni.

30

Għandu jiġi enfasizzat li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifikament previsti għal trasporti b’bastimenti roll-on/roll-off, bħat-trasport inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u peress li l-punt 48(7)(b) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 ma japplikax għal dan il-mod ta’ trasport, huwa biss il-punt 7(a) tal-istess punt 48, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għat-trasport bil-baħar, li jippermetti d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom għandu jsir it-trasport tal-annimali f’tali bastiment roll-on/roll-off.

31

F’dak li jikkonċerna t-tul ta’ żmien tal-imsemmi trasport, joħroġ ċar mill-kliem tal-punt 48(7)(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 li l-ħin tal-vjaġġ bil-baħar jista’ jieħu iktar minn tmien sigħat jekk il-kundizzjonijiet kollha previsti fil-punti 3 u 4 tal-istess punt 48, bl-eċċezzjoni tat-tul tal-ħin tal-vjaġġ u tal-perijodi ta’ mistrieħ, ikunu osservati. Għandu jiġi rrilevat li, fost il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati, hemm partikolarment dawk li jirrigwardaw il-waqfien sabiex l-annimali jingħataw x’jixorbu u x’jieklu.

32

Għalhekk, fil-każ ta’ trasport b’bastiment roll-on/roll-off li jgħaqqad punt ġeografiku fil-Komunità ma’ punt ġeografiku f’pajjiż terz, it-tul ta’ żmien tat-trasport m’għandux jittieħed inkunsiderazzjoni jekk l-annimali jkunu ttrasportati b’mod konformi mal-kundizzjonijiet previsti fil-punti 3 u 4 tal-punt 48 tal-Anness tad-Direttiva 91/628, minbarra dwar it-tul tal-ħin tal-vjaġġ u tal-perijodi ta’ mistrieħ.

33

F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jibda perijodu ġdid ta’ trasport bit-triq li josserva l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 48(4)(d) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 b’mod immedjat wara li l-vettura titniżżel fil-port ta’ destinazzjoni tal-pajjiż terz, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 7(a) tal-istess punt 48 b’ebda mod ma jipprovdi li perijodu ġdid ta’ trasport bit-triq għandu jiġi ppreċedut minn waqfa ta’ mistrieħ għall-annimali wara li din il-vettura tkun tniżżlet mill-bastiment.

34

Għaldaqstant, jekk it-trasport b’bastiment roll-on/roll-off ikun jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-imsemmi punt 48(7)(a), u jekk il-kundizzjonijiet kollha previsti fil-punti 3 u 4 tal-istess punt 48, minbarra dwar it-tul tal-ħin tal-vjaġġ u tal-perijodi ta’ waqfien, ikunu ġew osservati, perijodu ġdid ta’ trasport bit-triq ikun jista’ jibda b’mod immedjat wara li l-vettura titniżżel fil-port tal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, b’mod konformi mal-punt 4(d) tal-istess punt 48.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-punt 48(7)(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ trasport bil-baħar, li jgħaqqad punt ġeografiku fil-Komunità u punt ġeografiku f’pajjiż terz, permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, it-tul ta’ żmien tat-trasport m’għandux jittieħed inkunsiderazzjoni jekk l-annimali jkunu ttrasportati b’mod konformi mal-kundizzjonijiet previsti fil-punti 3 u 4 tal-istess punt 48, minbarra dwar it-tul tal-ħin tal-vjaġġ u tal-perijodi tal-mistrieħ. Jekk dan ikun il-każ, perijodu ġdid ta’ trasport bit-triq ikun jista’ jibda b’mod immedjat wara li l-vettura titniżżel fil-port tal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, b’mod konformi mal-punt 4(d) tal-imsemmi punt 48.

Fuq ir-raba’ domanda

36

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li jkun ġie indikat, minn qabel it-trasport abbord il-bastiment, li l-annimali jingħataw x’jieklu u x’jixorbu “filgħaxija, filgħodu, f’nofsinhar, filgħaxija, filgħodu” jissodisfax ir-rekwiżiti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(ii) tad-Direttiva 91/628 u, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni jistax ikollu bħala konsegwenza t-telf tad-dritt għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 5(A)(2)(d)(i) u (ii) tad-Direttiva 91/628, l-Istati Membri għandhom jiżguraw partikolarment li t-trasportatur jiżgura li l-kopja oriġinali tal-pjanta tar-rotta tkun imfassla kif suppost u mimlija mill-persuni xierqa fiż-żmien xieraq u li l-persunal responsabbli għat-trasport jiddikjara fil-pjanta tar-rotta l-ħinijiet u l-postijiet li fihom l-annimali ttrasportati jkunu ngħataw x’jieklu u x’jixorbu matul il-vjaġġ.

38

Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li, indipendentement mill-waqt meta timtela, sabiex tissodisfa l-formalitajiet previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(ii) tad-Direttiva 91/628, il-pjanta tar-rotta għandu jkollha l-informazzjoni, li tingħata mill-persunal responsabbli għat-trasport, dwar il-ħinijiet u l-postijiet li fihom l-annimali jkunu ngħataw x’jieklu u x’jixorbu matul il-vjaġġ.

39

Fir-rigward tal-konsegwenzi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-formalitajiet jista’ jkollu, il-Qorti tal-Ġsutizzja ddeċidiet li, meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tqis li d-Direttiva 91/628 ma tkunx ġiet osservata mingħajr, madankollu, ma dan in-nuqqas ta’ osservanza, ma jkun wassal għall-mewt tal-annimali, il-leġiżlatur Komunitarju jagħti ċertu marġini ta’ diskrezzjoni lil din l-awtorità sabiex tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni ta’ din id-direttiva jistax iwassal għat-telf, it-tnaqqis jew iż-żamma tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni. Madankollu tali marġini ta’ diskrezzjoni m’huwiex mingħajr limitu peress li huwa definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 615/98 (ara s-sentenza Viamex Agrar Handel u ZVK, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

40

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kompetenza tal-awtorità kompetenti li tevalwa jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 91/628 kellux effett fuq il-benesseri tal-annimali, jekk tali nuqqas ta’ osservazzjoni jistax, skont il-każ, jiġi rrettifikat u jekk dan għandux iwassal għat-telf, it-tnaqqis jew iż-żamma tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni (ara s-sentenza Viamex Agrar Handel u ZVK, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

41

B’mod konformi ma’ dan l-approċċ, l-awtorità kompetenti tista’, għalhekk, jekk tqis li d-dokumenti kollha ppreżentati mill-esportatur m’humiex ta’ natura li jippruvaw li d-Direttiva 91/628 ġiet osservata, tiddeċiedi li ma tilqax it-talba għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

42

Madankollu, sabiex tiġi adottata deċiżjoni bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità kompetenti għandha, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi u konkreti li jirrigwardaw il-benesseri tal-annimali u li permezz tagħhom jista’ jiġi stabbilit li d-dokumenti inklużi mill-esportatur mat-talba tiegħu għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma jippermettux li tiġi ppruvata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 matul it-trasport, fejn l-esportatur ikollu, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà li jipprova li l-elementi invokati minn din l-awtorità biex turi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u ta’ din id-direttiva ma ġewx osservati mhumiex rilevanti (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C-96/06, Ġabra p. I-1413, punt 41).

43

F’kull każ, l-awtorità kompetenti hija obbligata li timmotiva d-deċiżjoni tagħha billi tagħti r-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-provi mressqa mill-esportatur ma jippermettux li jiġi stabbilit li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 ġew osservati. B’mod partikolari, għal dan l-iskop, l-awtorità msemmija hija obbligata tagħmel evalwazzjoni oġġettiva tad-dokumenti li jiġu ppreżentati lilha mill-esportatur u turi n-natura xierqa tal-elementi li hija tinvoka sabiex tistabbilixxi li d-dokumentazzjoni inkluża mat-talba għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni mhijiex ta’ natura tali li tipprova li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istess direttiva ġew osservati (ara s-sentenza Viamex Agrar Handel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

44

Madankollu, għalkemm huwa veru li l-fatt li jkun ġie indikat li l-annimali jingħataw x’jieklu u x’jixorbu “filgħaxija, filgħodu, f’nofsinhar, filgħaxija, filgħodu” matul it-trasport bil-baħar ma jikkorrispondix eżattament għar-rekwiżiti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(A)(2)(d)(ii) tad-Direttiva 91/628, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan ma jippermettix li jiġi konkluż li l-annimali ma ngħatawx x’jieklu u x’jixorbu.

45

Fil-fatt, nota inkluża minn qabel it-trasport abbord il-bastiment li tgħid li l-annimali jingħataw x’jieklu u x’jixorbu f’ħinijiet suffiċjentement identifikabbli tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 91/628, sakemm ikun stabbilit li dawn l-operazzjonijiet ikunu fil-fatt saru.

46

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-kawża prinċipali, jekk, fid-dawl tad-dokumenti kollha ppreżentati mill-esportatur, li jinkludu l-pjanta tar-rotta u d-dikjarazzjoni ġuramentata msemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, l-annimali ġewx ittrasportati b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/628.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li għar-raba’ domanda tingħata r-risposta li pjanta tar-rotta li tinkludi nota, ittajpjata minn qabel, li tgħid li l-annimali jingħataw x’jieklu u x’jixorbu “filgħaxija, filgħodu, f’nofsinhar, filgħaxija, filgħodu” matul it-trasport bil-baħar tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 91/628, sakemm ikun stabbilit li dawn l-operazzjonijiet ikunu fil-fatt saru. Jekk l-awtorità kompetenti tqis, fid-dawl tad-dokumenti kollha ppreżentati mill-esportatur, li r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva ma kinux osservati, huwa l-kompitu tagħha li tevalwa jekk dan in-nuqqas ta’ osservanza kellux effett fuq il-benesseri tal-annimali, jekk nuqqas ta’ osservanza bħal dan jistax, jekk ikun il-każ, jiġi rrettifikat u jekk dan għandux iwassal għat-telf, it-tnaqqis jew iż-żamma tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 615/98, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli ddettaljati speċifiċi għall-applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-punt 48(7)(b) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995, għandu jiġi applikat għall-każ ta’ trasport bil-baħar, li jgħaqqad punt ġeografiku fil-Komunità Ewropea ma’ punt ġeografiku f’pajjiż terz, permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali.

 

2)

Il-punt 48(7)(a) tal-Anness tad-Direttiva 91/628, kif emendata bid-Direttiva 95/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ trasport bil-baħar, li jgħaqqad punt ġeografiku fil-Komunità Ewropea ma’ punt ġeografiku f’pajjiż terz, permezz ta’ vetturi mgħobbija fuq bastimenti mingħajr ma jinħattu l-annimali, it-tul ta’ żmien tat-trasport m’għandux jittieħed inkunsiderazzjoni jekk l-annimali jkunu ttrasportati b’mod konformi mal-kundizzjonijiet previsti fil-punti 3 u 4 tal-istess punt 48, minbarra dwar it-tul tal-ħin tal-vjaġġ u tal-perijodi ta’ mistrieħ. Jekk dan ikun il-każ, perijodu ġdid ta’ trasport bit-triq jista’ jibda b’mod immedjat wara li l-vettura titniżżel fil-port tal-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, b’mod konformi mal-punt 48(4)(d).

 

3)

Pjanta tar-rotta li tinkludi nota, ittajpjata minn qabel, li tgħid li l-annimali jingħataw x’jieklu u x’jixorbu “filgħaxija, filgħodu, f’nofsinhar, filgħaxija, filgħodu” matul it-trasport bil-baħar tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 91/628, kif emendata bid-Direttiva 95/29, sa fejn ikun stabbilit li dawn l-operazzjonijiet ikunu fil-fatt saru. Jekk l-awtorità kompetenti tqis, fid-dawl tad-dokumenti kollha ppreżentati mill-esportatur, li r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva ma kinux osservati, huwa kompitu tagħha li tevalwa jekk dan in-nuqqas ta’ osservanza kellux effett fuq il-benesseri tal-annimali, jekk nuqqas ta’ osservanza bħal dan jistax, jekk ikun il-każ, jiġi rrettifikat u jekk dan għandux iwassal għat-telf, it-tnaqqis jew iż-żamma tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.