SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Marzu 2008 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 615/98 — Direttiva 91/628/KEE — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Rifjut — Nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 91/628/KEE — Benesseri ta’ l-annimali milquta — Oneru tal-prova — Nuqqas ta’ provi”

Fil-Kawża C-96/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2006, fil-proċedura

Viamex Agrar Handels GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Marzu 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Viamex Agrar Handels GmbH, minn W. Schedl, Rechtsanwalt,

għall-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn G. Seber, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli ddettaljati speċifiċi ta’ applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ annimali ta’ l-ifrat ħajjin matul it-trasport (ĠU L 82, p. 19).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Viamex Agrar Handels GmbH (iktar ’il quddiem “Viamex”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) fir-rigward ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat ħajjin, lejn il-Libanu.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 615/98

3

It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 13(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68, tas-27 ta’ Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-laħam taċ-ċanga (ĠU L 148, p. 24), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2634/97, tat-18 ta’ Diċembru 1997 (ĠU L 356, p. 13), jipprovdi li l-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ħajjin huwa suġġett għall-osservanza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward tal-benesseri ta’ l-annimali u, b’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport.

4

Ir-regoli ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 805/68, kif emendat mir-Regolament Nru 2634/97, ġew ippreċiżati permezz tar-Regolament Nru 615/98.

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi li l-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat ħajjin huwa suġġett għar-rispett, matul it-trasport ta’ l-annimali sa l-ewwel tħottija fl-Istat terz ta’ destinazzjoni finali, għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE (ĠU L 340, p. 17), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995 (ĠU L 148, p. 52, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/628”), u għad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi regolament.

6

Skond l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, jitwettaq kontroll ta’ l-annimali mal-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità Ewropea. Veterinarju uffiċjali għandu jivverifika u jiċċertifika li l-annimali huma b’saħħithom biżżejjed għall-vjaġġ previst skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, li l-mezz ta’ trasport li bih l-annimali ser iħallu t-territorju doganali tal-Komunità huwa konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u li jkunu ttieħdu provvedimenti għall-kura ta’ l-annimali matul il-vjaġġ skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

7

L-Artikolu 2(3) tar-Regolament imsemmi jipprovdi:

“Jekk il-veterinanrju tal-punt tal-ħruġ iqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu (2) ġew sodisfatti b’mod sodisfaċjenti, huwa għandu jiċċertifika dan billi jikteb

[…]

Il-kontrolli stabbiliti mill-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 615/98 huma sodisfaċjenti

[…]

flimkien mat-timbru u l-firma tiegħu fuq id-dokument li jipprova l-ħruġ mit-territorju doganali tal-Komunità, fil-kaxxa J ta’ l-eżemplarju tal-kontroll T5 jew fl-iktar post xieraq tad-dokument nazzjonali. Jekk ikun meħtieġ, il-veterinarju uffiċjali għandu jindika:

in-numru ta’ annimali meqjusa bħala mhux adattati għall-vjaġġ previst u li għalhekk ġew irtirati mil-lot

u/jew

id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(3)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi:

“Il-persuna responsabbli mill-kontroll għandha tfassal rapport ta’ kontroll fejn jiġu indikati:

in-numru ta’ annimali ħajjin li ġew imħottija mill-mezz ta’ trasport,

in-numru ta’ annimali, fost dawk imsemmija fl-inċiż preċedenti, li l-istat fiżiku u/jew ta’ saħħa tagħhom jiġġustifika l-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet Komunitarji li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport ma ġewx osservati,

jekk l-annimali ħajjin ġewx imqiegħda fi kwarantina jew le”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“1.   L-esportatur għandu jipprovdi l-informazzjoni utli dwar il-vjaġġ lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni, sa mhux iktar tard minn meta tiġi ddepożitata d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni.

Fl-istess ħin, jew għall-inqas minn meta jsir jaf b’dan, l-esportatur għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti b’kull bdil eventwali tal-mezz ta’ trasport”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

Skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98, it-talba għal ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għandha tiġi kkompletata bil-prova li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ġew osservati, u din il-prova titressaq permezz tal-produzzjoni ta’ l-eżemplarju tal-kontroll T5 u tar-rapport ta’ kontroll ta’ kumpannija ta’ kontroll, flimkien ma’ ċertifikat veterinarju.

11

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi madankollu li r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma titħallasx għall-annimali li jkunu mietu matul it-trasport jew għall-annimali li għalihom l-awtorità kompetenti tqis, fid-dawl tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu (2) ta’ l-imsemmi Artikolu 5, tar-rapporti ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament u/jew ta’ kull element ieħor għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-imsemmi Regolament, li d-Direttiva 91/628 ma kinitx ġiet osservata.

12

L-Artikolu 5(6) tar-Regolament Nru 615/98 jipprovdi li:

“Meta, minħabba ċirkustanzi li l-esportatur ma jkollux kontroll fuqhom, il-kontroll imsemmi fl-Artikolu 3(1) ma setax iseħħ, l-awtorità kompetenti, fuq talba motivata ta’ l-esportatur, tista’ taċċetta dokumenti oħra li jiġġustifikaw għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti, il-konklużjoni li d-Direttiva [91/628] ġiet osservata”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Direttiva 91/628

13

Skond l-Artikolu 5(1)(b) u (ċ), tad-Direttiva 91/628, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull persuna fiżika jew ġuridika li tittrasporta annimali bi qliegħ tuża għat-trasport ta’ l-annimali kkunsidrati minn din id-Direttiva mezzi tat-trasport li jkunu konformi mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness tagħha u li ma jġorrux annimali jew iġiegħelu li jinġarru annimali, b’mod li jistgħu jkorru jew jgħaddu minn tbatija żejda.

14

Il-punt 17 ta’ l-Anness imsemmi jipprovdi li l-aċċessorji tal-vapuri għandhom ikunu tali li l-annimali jkunu jistgħu jiġu trasportati mingħajr ma jkorru jew ma jbatu bla bżonn.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fit-8 ta’ Marzu 1999, Viamex iddikjarat lill-Hauptzollamt Kiel l-esportazzjoni lejn il-Libanu ta’ 35 annimal ta’ l-ifrat ħajjin abbord il-bastiment Al Haijj Moustafa II (iktar ’il quddiem il-“bastiment”) u għal dan il-għan talbet lill-Hauptzollamt l-għoti ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

16

B’deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Frar 2001, il-Hauptzollamt ċaħad din it-talba minħabba li, fil-mument tat-trasport, il-bastiment kien imniżżel fuq lista sewda ta’ vapuri meqjusa bħala mhux xierqa għall-ġarr ta’ bhejjem ħajjin imfassla mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“lista sewda”). Fil-fatt, waqt kontroll li sar abbord il-bastiment fit-18 u d-19 ta’ Frar 1997, id-dipartimenti ta’ l-Uffiċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni qiesu li dan kellu nuqqasijiet gravi u li ma kienx jissoddisfa l-ħtiġiet tad-Direttiva 91/628.

17

L-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju għandu rwol importanti fl-implementazzjoni u fl-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja dwar is-sigurtà alimentari, is-saħħa ta’ l-annimali, is-saħħa tal-veġetali u l-benesseri ta’ l-annimali.

18

B’mod partikolari, dan għandu l-inkarigu, permezz ta’ l-ispezzjonijiet fl-Istati Membri u ta’ l-evalwazzjonijiet li jagħmel, li jippromwovi sistemi ta’ kontroll effettivi fil-qasam tas-sigurtà u tal-kwalità tal-prodotti ta’ l-ikel, kif ukoll fl-oqsma veterinarji u tas-saħħa tal-pjanti, u li jivverifika li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja f’dawn l-oqsma fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi terzi li jesportaw lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, għandu l-inkarigu li jikkontribwixxi għall-elaborazzjoni tal-politika Komunitarja fl-oqsma msemmija.

19

Min-naħa waħda, waqt il-kontroll magħmul fuq il-bastiment mid-dipartimenti ta’ dan l-uffiċċju, irriżulta li l-passaġġi, l-aċċessi għall-kurituri kif ukoll l-imqajjel kienu jinsabu fi stat li seta jweġġa’ lill-annimali u, min-naħa l-oħra, li dawn ma kinux jippermettu li l-annimali jiġu mwaqqfa milli jaħarbu. Barra minn hekk, dawn l-istess passaġġi, aċċessi għall-kurituri u mqajjel kienu użati, msadda u l-istat tagħhom kien jagħmel diffiċli t-tindif u d-disinfezzjoni tagħhom.

20

F’dan ir-rigward, l-inkartament li Viamex inkludiet mat-talba tagħha għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni kien jinkludi, min-naħa waħda, dikjarazzjoni bil-miktub mill-kaptan tal-bastiment bid-data tas-16 ta’ Ottubru 1997, li ssemmi x-xogħlijiet ta’ riparazzjoni u li ġiet ikkontrofermata mill-kap veterinarju tal-fruntiera ta’ Koper (Slovenja), u min-naħa l-oħra, perizja tas-settling agent Kähler & Prinz AG, tat-22 ta’ Settembru 1998.

21

Madankollu, il-bastiment baqa’ mnizzel fil-lista s-sewda tal-Kummissjoni sa’ l-24 ta’ Jannar 2000, wara verifika li saret matul ix-xahar ta’ Novembru 1999, jiġifieri madwar tmien xhur wara l-esportazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

22

B’deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2001, il-Hauptzollamt irrifjuta l-ilment imressaq minn Viamex kontra d-deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Frar 2001.

23

Viamex appellat minn din id-deċiżjoni ta’ rifjut bl-aggravju li l-ebda dispożizzjoni relatata mar-rifużjoni u lanqas l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 91/628 ma teħtieġ li bastiment ikun approvat għall-ġarr ta’ bhejjem ħajjin.

24

Min-naħa tiegħu, il-Hauptzollamt jenfasizza li, skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, huwa biżżejjed li l-awtorità kompetenti jkollha elementi li jippermettulha tasal għall-konklużjoni li d-Direttiva 91/628 ma ġietx irrispettata sabiex tirrifjuta d-dritt għar-rifużjoni. Għalhekk, dan iqis li din id-dispożizzjoni ma timponix li l-awtorità kompetenti għandha tipprova n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-direttiva.

25

F’kull każ, il-Hauptzollamt jindika li, fit-3 ta’ Diċembru 1999 irċieva aġġornament tal-lista s-sewda li jgħid li l-bastiment kien għal darb’oħra naqas milli jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mid-Direttiva 91/628.

26

Dan l-aġġornament kien sar fl-okkażjoni ta’ spezzjoni li saret matul ix-xahar ta’ Novembru 1999 minn aġenti tal-Ministeru Britanniku ta’ l-Agrikoltura, tas-Sajd u ta’ l-Alimentazzjoni. B’mod partikolari, mill-kontroll ta’ l-awtoritajiet Britanniċi rriżulta li l-bastiment kien ġie awtorizzat b’mod provviżorju biss u unikament għat-trasport tan-nagħaġ [ovini]. Issa, fid-dawl tad-differenza fid-daqs bejn ovin u bovin, il-fatt li l-bastiment seta’ jittrasporta l-ovini ma jippermettix li jiġi konkluż li dan seta wkoll jittrasporta l-bovini.

27

Konsegwentement, fid-dawl ta’ din l-informazzjoni, il-Hauptzollamt ikkunsidra li d-Direttiva 91/628 ma setgħetx tiġi osservata matul it-trasport in kwistjoni fil-kawża prinċipali u li l-kundizzjonijiet ta’ rifjut tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni previsti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 kienu sodisfatti.

28

Billi qieset li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkontempla każ ta’ esklużjoni, bil-konsegwenza li l-Hauptzollamt […] għandu l-oneru li jipprova li r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 huma sodisfatti?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti: għall-finijiet tal-konklużjoni, skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, li d-Direttiva [91/628] ma ġietx osservata, għandu jiġi kkunsidrat li l-awtorità kompetenti għandha l-obbligu li tressaq il-prova ta’ ksur konkret ta’ [din] id-Direttiva […] jew inkella jista’ jiġi kkunsidrat li l-awtorità kompetenti tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u ta’ l-oneru tal-prova jekk hija tillimita ruħha li tesponi u turi ċ-ċirkustanzi ta’ fatt li, ikkunsidrati b’mod kumplessiv, jiffurmaw serje ta’ indizji li juru bi probabbiltà kbira, (b’mod partikolari) fir-rigward ta’ l-esportazzjoni kkonċernata, li d-Direttiva [91/628] ma ġietx imħarsa?

3)

Indipendentement mir-risposti għall-ewwel u t-tieni domanda: awtorità tista tiċħad (għal kollox) lil esportatur ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 fil-każ li, fir-rigward ta’ l-esportazzjoni in kwistjoni, ma jeżisti l-ebda element li jindika li l-benesseri ta’ l-annimali ġie affettwat matul trasport li ġie eżegwit bi ksur (eventwali) tad-Direttiva 91/628/KEE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

29

Permezz ta’ l-ewwel u t-tieni domandi preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fil-każ fejn id-dokumenti kollha meħtieġa skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98 jkunu ġew ippreżentati mill-esportatur, jekk huwiex l-esportatur stess jew inkella l-awtorità kompetenti li għandhom jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet previsti mill-paragrafu (3) ta’ dan l-Artikolu humiex sodisfatti. Jekk l-oneru tal-prova jinsab fuq l-awtorità kompetenti, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf fuq liema elementi tista’ l-awtorità msemmija tibbaża ruħha sabiex tqis li d-Direttiva 91/628 ma tkunx ġiet osservata u jekk huwiex biżżejjed li din issemmi dawn l-elementi jew jekk din għandhiex tipprova ksur konkret ta’ din id-Direttiva.

30

F’dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita, peress illi s-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni hija msejjsa fuq dikjarazzjonijiet fakultattivi, meta l-esportatur ikun iddeċieda, minn jeddu, li jibbenefika minnha, huwa għandu jipprovdi l-informazzjoni relevanti meħtiega sabiex jiġi stabbilit l-intitolament għar-rifużjoni u sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tagħha. Fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 351 p. 1), u tas-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita minn dan ir-Regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’dak li jirrigwarda sistema ta’ għajnuna komunitarja, l-għoti ta’ l-għajnuna huwa neċessarjament subordinat għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jippreżenta l-garanziji kollha ta’ integrità u ta’ affidabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 41, u ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Fleisch-Winter, C-309/04, Ġabra p. I-10349, punt 31).

31

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li esportatur, billi jiddikjara prodott fil-kuntest tal-proċedura ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni, ikun qiegħed jindika li dan il-prodott jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal din ir-rifużjoni. Fil-każ fejn id-dikjarazzjoni tiġi kkontestata mill-awtorità kompetenti, huwa l-esportatur li għandu juri, skond ir-regoli tal-prova tal-liġi nazzjonali, li l-imsemmija kundizzjonijiet ġew sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fleisch-Winter, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 35).

32

Tali sistema hija prevista fil-kuntest tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni f’dak li jirrigwarda l-benesseri ta’ l-annimali ta’ l-ifrat ħajjin matul it-trasport u huwa l-esportatur li għandu jipprova, skond l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 615/98, li l-kundizzjonijiet għall-għoti tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ġew sodisfatti.

33

Għal dan il-għan, l-esportatur għandu, min-naħa waħda, jipprovdi l-informazzjoni utli dwar il-vjaġġ lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni, sa mhux iktar tard minn meta tiġi ddepożitata d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, sabiex jikseb ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni, għandu jipprovdi l-prova li ġew osservati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 615/98 u, konsegwentement tad-Direttiva 91/628, billi jippreżenta d-dokumenti msemmija fl-Artikoli 2(3) u 3(2) ta’ dan ir-Regolament rispettivament. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(6) ta’ dan ir-Regolament jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-esportatur jitħalla jipprovdi dokumenti oħra li jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 ġew osservati.

34

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-għan ta’ l-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament Nru 615/98, il-preżentazzjoni min-naħa ta’ l-esportatur ta’ l-imsemmija dokumenti ma tikkostitwixxix prova juris et de jure li l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament u d-Direttiva 91/628 ġew osservati. Fil-fatt, din il-prova hija suffiċjenti biss sakemm l-awtorità kompetenti ma jkollhiex provi fid-dawl ta’ liema hija tista’ tqis li d-Direttiva msemmija ma ġietx osservata.

35

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kliem użat fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, li jgħid li l-awtorità kompetenti tista’ ma tħallasx ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni għall-annimali fir-rigward ta’ liema hija tqis li, fid-dawl tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu (2) ta’ l-imsemmi Artikolu 5, tar-rapporti ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament u/jew ta’ kull element ieħor għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-imsemmi Regolament, d-Direttiva 91/628 ma kinitx ġiet osservata.

36

Għalhekk, għandu jiġi osservat li, minkejja d-dokumenti ppreżentati mill-esportatur skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98, l-awtorità kompetenti tista’ tqis li l-esportatur la osserva d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament u lanqas dawk tad-Direttiva 91/628, bla ħsara għall-fatt li, b’mod partikolari, jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament imsemmi.

37

Fid-dawl tal-fatt li huwa l-esportatur li, skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98, għandu jipprova li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament ġew osservati, l-obbligu ta’ l-awtorità kompetenti huwa dak li tevalwa dawn il-provi u kull element ieħor li jkun għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tasal għall-konklużjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 ġewx osservati jew le u tiddeċiedi jekk hemmx lok li tagħti r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni jew le.

38

Madankollu, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità kompetenti li b’mod arbitrarju tikkontesta l-elementi ta’ prova li l-esportatur jannetti mat-talba tiegħu għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-awtorità kompetenti mhuwiex mingħajr limitu peress li dan huwa llimitat permezz ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 615/98 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C-37/06 u C-58/06, Ġabra p. I-69, punt 39). B’mod partikolari, il-marġni ta’ evalwazzjoni msemmi huwa limitat fir-rigward tan-natura u l-forza probatorja ta’ l-elementi li tinvoka din l-awtorità.

39

Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura ta’ l-elementi msemmija, għandu jiġi mfakkar li b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa biss fid-dawl tad-dokumenti relatati mas-saħħa ta’ l-annimali msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98, tar-rapporti ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament u/jew ta’ kull element ieħor li jolqot il-benesseri ta’ l-annimali li hija għandha fir-rigward ta’ l-osservanza tad-dispożizzjonijiet imsemmija l-Artikolu 1 tar-Regolament imsemmi li l-awtorità kompetenti tista’ tqis li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata (ara s-sentenza Viamex Agrar Handel u ZVK, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 sa 41).

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-forza probatorja ta’ l-elementi li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-awtorità kompetenti ma tistax tillimita ruħha li tinvoka sempliċi suppożizzjonijiet jew dubji fir-rigward ta’ l-osservanza tad-Direttiva 91/628 sabiex tkun tista’ tikkontesta l-provi pprovduti mill-esportatur skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98. Tali interpretazzjoni inevitabbilment iċċaħħad lill-imsemmi Artikolu 5(2) minn kull effet utli u toħloq nuqqas ta’ ċertezza legali fi ħdan l-esportaturi fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ħlas tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

41

Għalhekk, hija l-awtorità kompetenti li għandha, skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi u konkreti li jirrigwardaw il-benesseri ta’ l-annimali li huma ta’ natura tali li jistabbilixxu li d-dokumenti inklużi mill-esportatur mat-talba tiegħu għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni ma jippermettux li tiġi ppruvata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 matul it-trasport, u jekk ikun il-każ, huwa l-esportatur li għandu l-oneru li jipprova b’liema mod l-elementi ta’ prova invokati mill-awtorità kompetenti biex turi li r-Regolament Nru 615/98 u d-Direttiva 91/628 ma ġewx osservati, mhumiex rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza Fleisch-Winter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

42

F’kull każ, l-awtorità kompetenti hija obbligata li timmotiva d-deċiżjoni tagħha billi tagħti r-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-provi mressqa mill-esportatur ma jippermettux li jiġi stabbilit li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 ma ġewx osservati. B’mod partikolari, għal dan l-iskop, l-awtorità msemmija hija obbligata li tagħmel evalwazzjoni oġġettiva tad-dokumenti li jiġu ppreżentati lilha u li turi l-karattru xieraq tad-dokumenti li hija tinvoka sabiex tistabbilixxi li d-dokumentazzjoni inkluża mat-talba għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni mhijiex ta’ natura tali li tipprova li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 91/628 ġew osservati. B’mod partikolari, tali deċiżjoni mmotivata hija indispensabbli għall-esportatur sabiex huwa jkun jista jappella minn din id-deċiżjoni ta’ rifjut totali jew parzjali tat-talba tiegħu għal rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

43

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fid-dawl tad-dokumenti li Viamex annettiet mat-talba tagħha għar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni u tal-lista sewda msemmija fil-punti 16, 21 u 25 ta’ din is-sentenza, il-bastiment kienx konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 fil-mument ta’ meta ġew ittrasportati l-annimali.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li, minkejja d-dokumenti ppreżentati mill-esportatur skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 615/98, l-awtorità kompetenti tista’ tikkunsidra li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata skond l-Artikolu 5(3) ta’ l-imsemmi Regolament. Madankollu, l-awtorità kompetenti tista tasal għal din il-konklużjoni biss billi tibbaża ruħha fuq id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 615/98, fuq ir-rapporti, msemmija fl-Artikolu 4 ta’ l-istess Regolament, dwar is-saħħa ta’ l-annimali jew fuq kull element oġġettiv ieħor, li jolqot il-benesseri ta’ l-annimali msemmija u li huma ta’ natura tali li jikkontestaw id-dokumenti ppreżentati mill-esportatur, u jekk ikun il-każ, huwa l-esportatur li għandu l-oneru li jipprova b’liema mod l-elementi ta’ prova li l-awtorità kompetenti tinvoka sabiex turi li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata, mhumiex rilevanti.

Fuq it-tielet domanda

45

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-awtorità kompetenti tistax tirrifjuta r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, minkejja li l-ebda element ma jippermetti li jiġi kkonstatat b’mod konkret li l-benesseri ta’ l-annimali ttrasportati ġie affetwat minħabba li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 ma ġewx osservati.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl tal-kliem użat fl-Artikoli 1 u 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 u ta’ l-għan ta’ dan ir-Regolament, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 li jirrigwardaw is-saħħa ta’ l-annimali tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari għall-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni (ara s-sentenza Viamex Agrar Handel u ZVK, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

47

Barra minn hekk, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kliem użat fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98 jirriżulta b’mod ċar li l-leġiżlatur Komunitarju ried jissuġġetta l-ħlas tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, indipendentement minn kull kostatazzjoni ta’ dannu konkret li sofrew l-annimali matul it-trasport tagħhom.

48

Fil-fatt, jidher li l-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra, abbażi ta’ studji xjentifiċi u veterinarji kif ukoll ta’ evalwazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li saru fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-annimali, li l-benesseri ta’ dawn l-annimali jista’ jitqiegħed f’periklu u ma jistax jibqa’ jiġi ggarantit meta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 li jirrigwardaw is-saħħa ta’ l-annimali ma jibqgħux jiġu osservati.

49

Barra minn hekk, tali approċċ jidher pjenament iġġustifikat mill-fatt li, fil-prattika, mhux dejjem huwa possibbli, għall-awtorità kompetenti, li tikkonstata li l-annimali jkunu sofrew b’mod konkret jew li jkunu weġgħu minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-imsemmija dispożizjonijiet.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, awtorità kompetenti li tikkonstata li, bi ksur, b’mod partikolari, tal-punt 17 ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/628, l-aċċessorji tal-vapuri ma jkunx ippermettew t-trasport ta’ l-annimali mingħajr ma dawn ikun ġew esposti għal korrimenti jew għal tbatija bla bżonn, għandha d-dritt li tirrifjuta r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

51

Hija l-awtorità kompetenti li għandha tevalwa jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 91/628 kellux effett fuq il-benesseri ta’ l-annimali, jekk tali nuqqas jistax, skond il-każ, jiġi rrettifikat u jekk dan għandux iwassal għat-telf, it-tnaqqis jew iż-żamma tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni. Hija wkoll din l-istess awtorità li għandha tiddeċiedi jekk għandux isir tnaqqis tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni pro rata għan-numru ta’ annimali li, fil-fehma tagħha, sofrew minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 91/628 jew jekk ikunx jaqbel li din ir-rifużjoni ma titħallasx safejn in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva kellu, inevitabilment, effetti fuq il-benesseri ta’ l-annimali kollha (ara s-sentenza Viamex Agrar Handel u ZVK, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

52

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628 li jirrigwardaw is-saħħa ta l-annimali, minkejja li l-ebda element ta’ prova ma jkun jippermetti li jiġi kkonstatat li l-benesseri ta’ l-annimali ttrasportati kien konkretament affetwat.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Minkejja d-dokumenti ppreżentati mill-esportatur skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 615/98, tat-18 ta’ Marzu 1998, li jistabbilixxi regoli ddettaljati speċifiċi ta’ applikazzjoni tas-sistema tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward tal-benesseri ta’ annimali ta’ l-ifrat ħajjin matul it-trasport, l-awtorità kompetenti tista’ tikkunsidra li d-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, dwar il-protezzjoni ta’ l-annimali waqt it-trasport u li temenda d-Direttivi 90/425/KEE u 91/496/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1995, ma ġietx osservata skond l-Artikolu 5(3) ta’ l-imsemmi Regolament. Madankollu, l-awtorità kompetenti tista tasal għal din il-konklużjoni biss billi tibbaża ruħha fuq id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 615/98, fuq ir-rapporti, msemmija fl-Artikolu 4 ta’ l-istess Regolament, dwar is-saħħa ta’ l-annimali jew fuq kull element oġġettiv ieħor li jolqot il-benesseri ta’ l-annimali msemmija u li huma ta’ natura tali li jikkontestaw id-dokumenti ppreżentati mill-esportatur, u jekk ikun il-każ, huwa l-esportatur li għandu l-oneru li jipprova b’liema mod l-elementi ta’ prova li l-awtorità kompetenti tinvoka sabiex turi li d-Direttiva 91/628 ma ġietx osservata, mhumiex rilevanti.

 

2)

Skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 615/98, l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta r-rifużjoni fuq l-esportazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/628, kif emendata bid-Direttiva 95/29, li jirrigwardaw is-saħħa ta’ l-annimali, minkejja li l-ebda element ta’ prova ma jkun jippermetti li jiġi kkonstatat li l-benesseri ta’ l-annimali ttrasportati kien konkretament affetwat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.