SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
18 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )
“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikoli 8 u 63 — Trade mark verbali MOBILIX — Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark verbali Komunitarja u nazzjonali OBELIX — Oppożizzjoni miċħuda parzjalment — Reformatio in pejus — Teorija magħrufa bħala t-teorija ‘ta’ newtralizzazzjoni’ — Bdil fis-suġġett tal-kawża — Dokumenti annessi mar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bħala prova ġdida”
Fil-Kawża C-16/06 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-12 ta’ Jannar 2006,
Les Éditions Albert René Sàrl, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J. Pagenberg, Rechtsanwalt,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
Orange A/S, stabbilita f’Copenhagen (id-Danimarka), irrappreżentata minn J. Balling, advokat,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2007,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, il-kumpannija Les Éditions Albert René Sàrl (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tas-27 ta’ Ottubru 2005, Les Éditions Albert René vs UASI — Orange (MOBILIX) (T-336/03, Ġabra p. II-4667, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-14 ta’ Lulju 2003 (Każ R 0559/2002-4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni mressqa mill-appellanti, proprjetarja tat-trade mark preċedenti OBELIX, fil-konfront tar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal verbal “MOBILIX”. |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3288/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 349, p. 83, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”), jipprovdi, fl-Artikolu 8 tiegħu, intitolat “Raġunijiet relattivi għal rifjut”: “1. Jekk issir oppo[ż]izzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa: […]
2. Għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:
[…] 5. Barra minn hekk, malli ssir oppo[ż]izzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixba[h] trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixb[h]ux lil dawk li għalihom tkun reġistrata t-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti t-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.” |
3 |
Skont l-Artikolu 63 tal-istess regolament, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”: “1. Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell dwar appelli. 2. Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter. 3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata. 4. Il-kawża hija miftuħa għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni. […]”. |
4 |
L-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizjattiva tiegħu stess”, huwa fformulat kif ġej: “1. Fi proċedimenti quddiemu l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba. 2. L-[UASI] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.” |
5 |
Skont l-Artikolu 76(1) tal-istess regolament, intitolat “Kif għandha tittieħed ix-xhieda”: “F’kull proċedimenti quddiem l-[UASI], l-miżati ta’ kif għandha tingħata jew tinkiseb ix-xiehda [il-miżuri ta’ istruttorja] għandhom jinkludu dan li ġej: […]
[…]” |
6 |
L-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
7 |
Fis-7 ta’ Novembru 1997, Orange A/S (iktar ’il quddiem “Orange”) ippreżentat quddiem l-UASI, skont ir-Regolament Nru 40/94, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali MOBILIX bħala trade mark Komunitarja. |
8 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet din ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 35, 37, 38 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
9 |
Din l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni kienet is-suġġett ta’ oppożizzjoni magħmula mill-appellanti li invokat id-drittijiet preċedenti segwenti fir-rigward tal-kelma “OBELIX”:
|
10 |
Il-proċedimenti quddiem l-UASI ġew deskritti fil-qosor mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 6 sa 8 tas-sentenza appellata b’dan il-mod:
|
Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
11 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Ottubru 2003, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata filwaqt li ressqet tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 40/94, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament u, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 74 tal-istess regolament. |
12 |
Waqt is-seduta l-appellanti talbet, b’mod sussidjarju, li l-kawża tintbagħat lura quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI sabiex ikollha l-possibbilità tipprova r-“reputazzjoni” tat-trade mark tagħha fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
13 |
Fil-punti 15 u 16 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, l-ewwel nett, l-ammissibbiltà tal-ħames dokumenti annessi mar-rikors u intiżi bħala prova ta’ kemm kien magħruf is-sinjal verbali “OBELIX”. Wara li kkonstatat li dawn id-dokumenti ma kinux ġew prodotti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li dawn kienu inammissibbli inkwantu l-ammissjoni tagħhom tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
14 |
It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li għamlet riferiment għall-Artikoli 63 u 74 tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll għall-Artikolu 135 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, iddikjarat bħala inammissibbli l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
15 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat b’mod partikolari, fil-punt 20 tas-sentenza appellata, li quddiem il-Bord tal-Appell l-appellanti fl-ebda mument ma talbet sabiex jiġi applikat l-imsemmi Artikolu 8(5) u li, konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma eżaminahiex. Hija kkonstatat li, għalkemm l-appellanti kienet invokat, fl-oppożizzjoni tagħha għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark u quddiem l-imsemmi Bord tal-Appell, ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha, hija kienet għamlet dan biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri bil-għan li tissostanzja l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti. |
16 |
Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat bħala inammissibbli t-talba mressqa waqt is-seduta. |
17 |
Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 32 sa 36 tas-sentenza appellata, eżaminat il-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, li, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni minn Orange, il-Bord tal-Appell kellu jitlaq mill-prinċipju li t-trade mark OBELIX kellha reputazzjoni. |
18 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-UASI huwa obbligat jikkunsidra l-punti invokati minn parti waħda bħala ppruvati jekk dawn ma jkunux ġew ikkontestati mill-parti l-oħra fil-proċedimenti. |
19 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kompliet billi kkonstatat, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, la d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u lanqas il-Bord tal-Appell ma kkunsidraw li l-appellanti kienet issostanzjat b’mod konklużiv permezz ta’ fatti jew ta’ provi l-evalwazzjoni ġuridika sostnuta minnha, jiġifieri li s-sinjal mhux reġistrat kien magħruf sew u li s-sinjal irreġistrat kellu karattru distintiv ħafna. Għalhekk, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat dan il-motiv infondat. |
20 |
Fil-punti 53 sa 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 40/94. |
21 |
Fir-rigward tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, inklużi fil-klassijiet 9 u 16, kienu jinkludu kollha komponenti essenzjali tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, billi ddikjarat, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li s-sempliċi fatt li prodott partikolari jintuża bħala parti, apparat jew komponent ta’ prodott ieħor mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jipprova li l-prodotti finali, li jinkludu dawn il-komponenti, jixxiebhu peress li, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom u l-klijenti kkonċernati jistgħu jkunu kompletament differenti. Barra minn hekk, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li l-formulazzjoni wiesgħa tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni preċedenti ma tistax tintuża mill-appellanti bħala argument li jwassal għall-konklużjoni li jeżisti xebh qawwi ħafna u lanqas, a fortiori, li teżisti identiċità mal-prodotti indikati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. |
22 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll, fil-punti 66 sa 70 tas-sentenza appellata, l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex jipprovaw li s-servizzi elenkati fl-applikazzjoni għar-reġistrazjzoni ta’ trade mark Komunitarja u inklużi fil-klassijiet 35, 37, 38 u 42 jixbhu lil dawk protetti mit-trade mark preċedenti iżda, fl-istess ħin, irrikonoxxiet li kien hemm eċċezzjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, “hemm xebh bejn il-‘kiri ta’ kompjuters u programmi tal-kompjuter’ imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja (klassi 42) u l-‘kompjuters’ u ‘programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers’ tar-rikorrenti (klassi 9), minħabba l-komplementarjetà tagħhom”. |
23 |
Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 75 u 76 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat b’mod partikolari li minkejja li ż-żewġ sinjali għandhom komuni l-kombinazzjoni tal-ittri “OB” u t-tmiem “-LIX”, dawn għandhom numru ta’ differenzi viżivi importanti, bħall-ittri li jiġu wara “OB”, il-bidu tal-kliem u t-tul tagħhom. Wara li fakkret li l-attenzjoni tal-konsumatur taqa’ l-iktar fuq il-bidu tal-kelma, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li “s-sinjali in kwistjoni mhumiex simili viżwalment jew, li għandhom, l-iktar l-iktar, xebh viżiv żgħir ħafna”. |
24 |
Wara li għamlet paragun fonetiku tal-imsemmija sinjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, li, minn dan l-aspett, dawn is-sinjali għandhom ċertu xebh. |
25 |
Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li, anki li kieku t-terminu “OBELIX” kien ġie rreġistrat bħala trade mark verbali, dan kien ikun faċilment identifikat mill-pubbliku medju mal-persunaġġ oħxon tas-serje tal-komiks, fatt dan li jirrendi improbabbli ħafna kwalunkwe konfużjoni kunċettwali f’moħħ il-pubbliku ma’ termini li bejn wieħed u ieħor huma simili. |
26 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punti 80 sa 81 tas-sentenza appellata, li, peress li s-sinjal verbali “OBELIX”, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, għandu tifsira ċara u speċifika, b’tali mod li dan il-pubbliku jista’ jifhimha mill-ewwel, id-differenzi kunċettwali li jiddistingwu s-sinjali inkwistjoni huma ta’ natura li jinnewtralizzaw ix-xebh fonetiku kif ukoll kull xebh viżiv bejn dawn is-sinjali. |
27 |
Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, indikat, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li “d-differenzi bejn is-sinjali in kwistjoni huma biżżejjed sabiex jeskludu l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, billi tali probabbiltà tippresupponi li, b’mod kumulattiv, il-livell ta’ xebh tat-trade marks in kwistjoni u l-livell ta’ xebh tal-prodotti jew servizzi koperti minn dawn it-trade marks huwa suffiċjentement għoli”. |
28 |
Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kif ukoll l-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar ir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark ma għandhom ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fil-kawża preżenti. |
29 |
Fl-aħħar nett, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, filwaqt li kkonstatat li l-appellanti ma setgħet tinvoka ebda dritt esklużiv fuq l-użu tas-suffiss “-ix”, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument tagħha li, minħabba dan is-suffiss, huwa għal kollox konċepibbli li t-terminu “MOBILIX” jinserixxi ruħu b’mod diskret fil-familja ta’ trade marks magħmula mill-persunaġġi tas-serje “Asterix” u li jiġi kkunsidrat bħala derivazzjoni tat-terminu “OBELIX”. |
30 |
Peress li b’hekk ikkonstatat li waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinitx sodisfatta u li, għalhekk, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u t-trade mark preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti. |
Fuq l-appell
31 |
Fl-appell tagħha, li insostenn tiegħu hija tressaq sitt aggravji, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata, tiċħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni Nru 671396 tas-sinjal verbali “MOBILIX” għall-prodotti u għas-servizzi kollha li fir-rigward tagħhom intalab u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż marbuta mal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sussidjarjament, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
32 |
L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-regoli tad-dritt Komunitarju amministrattiv u proċedurali (reformatio in pejus)
L-argumenti tal-partijiet
33 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll talli, bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju amministrattiv u proċedurali, wettqet reformatio in pejus meta kkonkludiet, kuntrarjament għad-deċiżjoni kkontestata u għad-detriment tal-appellanti, li s-sinjali inkwistjoni ma kinux jixxiebhu filwaqt li l-kwistjoni tax-xebh tagħhom ma kinitx tagħmel parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u għalhekk dik il-qorti ma kellhiex kompetenza sabiex tevalwaha. |
34 |
Skont l-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-appellanti kienet ressqet il-kawża sabiex tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma kinitx laqgħat il-pretensjonijiet tagħha biss u għalhekk kienet ikkontestat biss ir-rifjut min-naħa tal-Bord tal-Appell li jeżamina l-oppożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u li jieħu inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark OBELIX, kif ukoll il-konklużjoni dwar in-nuqqas ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi identifikati mit-trade marks kontenzjużi. |
35 |
Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar ix-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni ma kinitx ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, la mill-appellanti u lanqas minn Orange, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. Fir-rigward tal-UASI, għalkemm dan mhuwiex obbligat jiddefendi sistematikament id-deċiżjoni kkontestata, huwa ma jistax jibdel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għad-detriment tal-parti li tkun ressqet il-kawża. |
36 |
Skont l-UASI, peress li l-appellanti kienet ikkontestat il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni u peress li x-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni jikkostitwixxi element ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex tistħarreġ il-legalità tal-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell fid-dawl tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, kellha neċessarjament teżamina l-evalwazzjoni li l-Bord tal-Appell kien għamel meta pparaguna dawn is-sinjali. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet kompetenti sabiex teżamina x-xebh bejn dawn is-sinjali. |
37 |
Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ reformatio in pejus, l-UASI jsostni li, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma bidlitx id-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Bord tal-Appell laqa’, parzjalment, l-oppożizzjoni, l-appellanti ma tqegħditx f’sitwazzjoni iktar żvantaġġjata minn dik li kienet tinsab fiha qabel ma ressqet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
38 |
Skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rwol tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa li tevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI billi tistħarreġ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula minnhom fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatti li jkunu tressqu quddiem l-imsemmija bordijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Naipes Heraclio Fournier vs UASI, C-311/05 P, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
B’hekk, fil-limiti tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ twettaq stħarriġ komplet tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, inkluż, jekk ikun meħtieġ, billi tistħarreġ jekk dawn il-bordjiet għamlux klassifikazzjoni ġuridika eżatta tal-fatti tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Naipes Heraclio Fournier vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39) jew jekk l-evalwazzjoni tal-fatti mressqa quddiem l-imsemmija bordijiet hijiex ivvizzjata bi żbalji. |
40 |
Għandu jiġi osservat li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti invokat il-ksur mir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 40/94. |
41 |
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, l-appellanti invokat, minn naħa, il-kwistjoni tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punti 8 u 47 sa 49 tas-sentenza appellata, filwaqt li l-imsemmi Bord tal-Appell kien ikkonstata ċertu xebh bejn dawn is-sinjali, l-appellanti sostniet li fil-verità kien hemm xebh qawwi bejniethom sabiex tikseb il-konstatazzjoni ta’ livell iktar ogħli ta’ xebh minn dak ikkonstatat mill-Bord tal-Appell. |
42 |
Għalhekk, kif tirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, kienet l-appellanti stess li inkludiet il-kwistjoni tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni fis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
43 |
Min-naħa l-oħra, l-appellanti sostniet ukoll, fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-interdipendenza bejn ix-xebh bejn il-prodotti, ix-xebh bejn is-sinjali u l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, id-differenzi bejn is-sinjali fil-qasam tal-prodotti u tas-servizzi identiċi u, b’mod ġenerali, tal-prodotti u tas-servizzi li jixxiebhu mhumiex biżżejjed sabiex jiġu evitati b’mod partikolari konfużjonijiet fuq livell ta’ ħoss minħabba li t-trade mark preċedenti hija magħrufa sew. |
44 |
Issa, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi kemm identiċità jew xebh bejn it-trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u t-trade mark preċedenti u kemm identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inklużi fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u dawk li fir-rigward tagħhom kienet ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti. Dawn huma kundizzjonijiet kumulattivi (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI, C-106/03 P, Ġabra p. I-9573, punt 51, u kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2007, Ponte Finanziaria vs UASI u F.M.G. Textiles (li qabel kienet Marine Enterprise Projects), C-234/06 P, Ġabra p. I-7333, punt 48). |
45 |
L-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha għalhekk tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-kawża ineżami (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, T.I.M.E. ART vs UASI, C-171/06 P, punt 33). |
46 |
Din l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh bejn it-trade marks u x-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti. B’hekk, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u vice versa (ara s-sentenza T.I.M.E. ART vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u, fir-rigward tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), is-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 17, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 19). |
47 |
Għalhekk, peress li l-appellanti kkontestat l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati, u b’mod partikolari x-xebh bejn it-trade marks u x-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet kompetenti sabiex teżamina l-evalwazzjoni li għamel l-imsemmi Bord tal-Appell fir-rigward tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni. |
48 |
Fil-fatt, meta tintalab tevalwa l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tkun marbuta minn evalwazzjoni żbaljata tal-fatti magħmula minn dan il-bord sa fejn l-imsemmija evalwazzjoni tagħmel parti mill-konklużjonijiet li l-legalità tagħhom tkun qiegħda tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
49 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ prinċipju tal-projbizzjoni tar-reformatio in pejus, imsemmi mill-appellanti, jekk jitqies li tali prinċipju jista’ jiġi invokat fi proċedura ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI, huwa biżżejjed li jingħad li, meta kkonstatat li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni u meta ċaħdet ir-rikors tal-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza żammet fis-seħħ id-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ma laqgħatx il-pretensjonijiet tal-appellanti, din tal-aħħar ma tinsabx, b’konsegwenza tas-sentenza appellata tal-Qorti tal-Prim’Istanza, f’pożizzjoni ġuridika inqas favorevoli milli kienet tinsab fiha qabel ressqet il-kawża. |
50 |
Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94
Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju
— L-argumenti tal-partijiet
51 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tallega li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tax-xebh bejn il-prodottu u s-servizzi identifikati mit-trade marks kontenzjużi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. |
52 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli applikat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tiddetermina jekk il-prodotti u s-servizzi rispettivi kinux jixxiebhu. L-appellanti ssostni li dik il-qorti kien imissha qabblithom billi titlaq mill-premessa li t-trade marks kontenzjużi kienu identiċi u li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv għoli ħafna jew li kellha reputazzjoni. |
53 |
Fit-tieni lok, l-appellanti tikkontesta l-koerenza u l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet konkreti tax-xebh bejn l-imsemmija prodotti u bejn l-imsemmija servizzi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. |
54 |
Fir-rigward tal-paragun tal-prodotti koperti mit-trade mark MOBILIX u li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 16, kif ukoll tal-prodotti identifikati mit-trade mark OBELIX li jaqgħu fl-istess klassijiet, l-appellanti tallega, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza qrat il-listi ta’ dawn il-prodotti b’mod manifestament żbaljat, b’tali mod li żnaturathom. Fil-fatt, l-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 62 tas-sentenza appellata dwar dawn il-listi mhumiex eżatti u huma kontradetti minn dawn il-listi stess, kif ukoll mill-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza stess fil-punt 63 tas-sentenza appellata. |
55 |
It-tieni nett, l-appellanti tirrileva kontradizzjoni bejn l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 62 tas-sentenza appellata fil-lingwa tal-kawża “That list of goods and services is close to that which is claimed in the Community trade mark”, u l-konklużjoni li l-prodotti protetti mit-trade mark preċedenti u dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jixxiebhux. |
56 |
Fl-aħħar nett, l-appellanti tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, l-evalwazzjoni żbaljata tal-Bord tal-Appell li l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 16 ma kinux inklużi fil-lista tal-prodotti u tas-servizzi fformulata b’mod wiesa’ meta saret ir-reġistrazzjoni preċedenti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma weġbitx b’mod suffiċjenti għall-argument tal-appellanti marbut mal-fatt li l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark MOBILIX jaqgħu taħt “apparat u strumenti elettrotekniċi, elettroniċi” li huma koperti mit-trade mark OBELIX, u, barra minn hekk, ma analizzatx ix-xebh bejn dawn il-prodotti. |
57 |
Fir-rigward tal-paragun tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, li jaqgħu fil-klassijiet 35, 37, 38 u 42, u l-prodotti koperti mit-trade mark OBELIX, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li ma kienx hemm xebh bejn dawn il-prodotti u dawn is-servizzi. |
58 |
Minn naħa, tali konstatazzjoni hija kontradittorja għal dik ta’ xebh dgħajjef bejn is-servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, inklużi fil-klassi 38, u s-servizzi protetti mid-dritt preċedenti, inklużi fil-klassi 41, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 68 tas-sentenza appellata, u barra minn hekk hija żbaljata sa fejn is-servizzi ta’ “projezzjoni ta’ films, produzzjoni ta’ films, kiri ta’ films” li jaqgħu fil-klassi 41, koperti mit-trade mark preċedenti, jixbhu lis-servizzi ta’ “xandir fuq televiżjoni u radju, inkluż permezz ta’ kejbil televixin u l-Internet” proposti minn Orange. |
59 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-paragun tal-prodotti inklużi fil-klassi 9, protetti mit-trade mark OBELIX, u tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42, koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark MOBILIX, il-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha wasslet għall-konklużjoni li l-“kompjuters, moduli ta’ programmi u programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers” u s-servizzi ta’ “programmar ta’ kompjuters, iddisinjar, manutenzjoni u aġġornament ta’ softwer” kienu jixxiebhu, u dik il-qorti ma kkunsidratx, b’mod żbaljat, li l-produzzjoni ta’ “apparat u strumenti elettrotekniċi, elettroniċi”, li jaqgħu fil-klassi 9, timplika neċessarjament attivitajiet ta’ “riċerka u inġinerija”, servizzi li jaqgħu fil-klassi 42. |
60 |
Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tikkonċerna esklużivament it-telekomunikazzjonijiet fid-diversi forom tagħhom u li r-reġistrazzjoni preċedenti ma tagħmel riferiment għal ebda attività f’dan is-settur. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma bbażat ruħha fuq ebda fatt jew prova meta kkunsidrat, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li, jekk jiġi aċċettat li jeżisti xebh fil-każijiet kollha fejn id-dritt preċedenti jkopri l-kompjuters, u fejn il-prodotti jew servizzi koperti mis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jistgħu jużaw il-kompjuters, dan iwassal ċertament għal sitwazzjoni li tmur lil hinn mill-għan tal-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlatur lill-proprjetarju ta’ trade mark. |
61 |
L-UASI jsostni li, permezz tal-argumenti tagħha dwar ix-xebh tal-prodotti u tas-servizzi identifikati mit-trade marks kontenzjużi, l-appellanti qiegħda tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, kontestazzjoni li ma tistax issir fil-kuntest ta’ appell. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma żnaturatx il-fatti jew il-provi, irripproduċiet b’mod korrett il-listi ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi u għamlet analiżi komparattiva bbażata fuq kriterji bħalma huwa t-tip ta’ fabrikant u l-metodu ta’ distribuzzjoni tal-imsemmija prodotti. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
62 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skont is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94, il-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tiddependi minn diversi fatturi u, b’mod partikolari, mill-għarfien tat-trade mark fis-suq, mill-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejnha u s-sinjal użat jew irreġistrat, mil-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi indikati, tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark Komunitarja skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. |
63 |
Kif ġie mfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati u, b’mod partikolari, ix-xebh bejn it-trade marks u x-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti, fejn livell baxx ta’ xebh bejn dawn it-tnejn tal-aħħar jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u vice versa. |
64 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/104, dispożizzjoni li fis-sustanza hija identika għall-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, u b’mod partikolari r-reputazzjoni tagħha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati miż-żewġ trade markx huwiex biżżejjed sabiex jagħti lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza Canon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). |
65 |
Madankollu, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-identiċità jew tax-xebh bejn l-imsemmija prodotti u l-imsemmija servizzi, huwa meħtieġ, kif ġustament fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura, l-użu intenzjonat, l-użu u kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom (ara s-sentenzi Canon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u tal-11 ta’ Mejju 2006, Sunrider vs UASI, C-416/04 P, Ġabra p. I-4237, punt 85). |
66 |
Inkonformità ma’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 61 sa 70 tas-sentenza appellata, għamlet paragun bejn il-prodotti u s-servizzi identifikati mit-trade marks kontenzjużi billi għamlet analiżi dettaljata fir-rigward tar-relazzjoni bejn dawn il-prodotti u dawn is-servizzi. |
67 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta għamlet paragun tal-imsemmija prodotti u tal-imsemmija servizzi mingħajr ma bbażat ruħha, għal dan il-għan, fuq l-ipoteżi li t-trade marks konfliġġenti kienu identiċi u li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv. |
68 |
Fit-tieni lok, peress li l-appellanti tikkontesta l-koerenza u l-fondatezza tal-evalwazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet meta kienet qiegħda tagħmel il-paragun tal-prodotti u tas-servizzi identifikati mit-trade marks kontenzjużi, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal punti ta’ dritt. Fil-fatt, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti, u kif ukoll li tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mhijiex, sakemm ma jkunux ġew żnaturati, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DVK vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 22; tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C-173/04 P, Ġabra p. I-551, punt 35, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 40). |
69 |
Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, C-8/95 P, Ġabra p. I-3175, punt 72; tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 54, u tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 108). |
70 |
Wara li kkunsidrat il-lista tal-prodotti u tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 9 u li huma koperti mir-reġistrazzjoni preċedenti, riprodotta fil-punt 5 tas-sentenza appellata u fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li “l-oqsma indikati minn dan id-dritt huma l-fotografija, iċ-ċinema, l-ottika, it-tagħlim u l-logħob tal-vidjo”. |
71 |
Fir-rigward tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 16, mitluba fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, riprodotta fil-punt 3 tas-sentenza appellata u fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fl-istess punt 62, li l-qasam ikkonċernat mill-imsemmija applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa, kważi esklużivament, dak tat-telekomunikazzjonijiet f’kull forma tagħhom. |
72 |
Issa, ma jirriżultax b’mod manifest li l-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat il-listi tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks kontenzjużi għandu xi ineżattezzi materjali jew li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tibbaża b’mod validu l-evalwazzjonijiet kkontestati mill-appellanti fuq dawn il-listi. |
73 |
Għalhekk, l-argument tal-appellanti dwar l-iżnaturament mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-kontenut tal-imsemmija listi għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
74 |
Fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni bejn il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 62 tas-sentenza appellata fil-lingwa tal-kawża “That list of goods and services is close to that which is claimed in the Community trade mark” u l-konklużjoni li l-prodotti protetti mit-trade mark preċedenti u dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma jixtiebhux, għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi punt ta’ dritt li jista’, bħala tali, jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni, C-401/96 P, Ġabra p. I-2587, punt 53; tat-13 ta’ Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni, C-446/00 P, Ġabra p. I-10315, punt 20, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punt 45). |
75 |
F’dan ir-rigward għandu jingħad li l-punt 62 tas-sentenza appellata huwa intiż sabiex tiġi analizzata l-portata, rispettivament, tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti mir-reġistrazzjoni preċedenti u tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. |
76 |
Minn dan il-għan u kif ukoll mill-kontenut tal-punt 62 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-konstatazzjoni fil-lingwa tal-kawża “That list of goods and services is close to that which is claimed in the Community trade mark” kellha tiġi fformulata b’mod li jirrifletti dan is-sens: “Din il-lista tal-prodotti u tas-servizzi għandha tiġi mqabbla ma’ dik mitluba fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.” |
77 |
Madankollu, dan l-iżball ta’ natura redazzjonali ma jolqotx il-koerenza tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata sa fejn il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 62 ta’ dik is-sentenza, fir-rigward tal-portata tal-listi tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks kontenzjużi, mhumiex kontradittorji għall-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza siltet minnhom fil-punti 63 u 64 tal-istess sentenza. |
78 |
Għaldaqstant, l-iżball ta’ redazzjoni mqajjem mill-appellanti ma għandux jiġi kkunsidrat bħala żball ta’ motivazzjoni li jista’ jiġġustifika l-annullament, fuq dan il-punt, tas-sentenza appellata (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, de Compte vs Il-Parlament, C-326/91 P, Ġabra p. I-2091, punt 96). |
79 |
Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-kumplament tal-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li formalment tinvoka żbalji ta’ evalwazzjoni jew ta’ motivazzjoni, l-appellanti qiegħda essenzjalment tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. |
80 |
Issa, kif ġie mfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
81 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment infondata u parzjalment inammissibbli. |
Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju
— L-argumenti tal-partijiet
82 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, li hija tinvoka b’mod sussidjarju għall-ewwel aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkunsidrat li t-trade marks kontenzjużi ma kinux jixxiebhu. |
83 |
Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx il-kriterji ġuridiċi korretti sabiex tevalwa x-xebh bejn dawn it-trade marks iżda mxiet b’mod mekkaniku, mingħajr ma kkunsidrat l-għan tal-paragun. |
84 |
Fir-rigward tax-xebh viżiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza arbitrarjament enfasizzat id-differenzi bejn l-imsemmija trade marks meta, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tat-trade marks, l-elementi komuni huma normalment iktar importanti minn dawk li huma differenti. |
85 |
Barra minn hekk, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-ġurisprudenza tagħha stess li tirriżulta mis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI — Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS) (T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 50), u li tipprovdi li l-attenzjoni tal-pubbliku tmur fuq l-ewwel ittri ta’ trade mark verbali minn tal-inqas bl-istess intensità bħalma tmur fuq l-ittri ċentrali ta’ tali trade mark. |
86 |
L-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku, u kif ukoll l-evalwazzjoni tax-xebh kunċettwali, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata, huma żbaljati sa fejn mhumiex issostanzjati, skont l-appellanti, mill-fatti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
87 |
Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 79 tas-sentenza appellata jikser il-prinċipju li iktar ma trade mark preċedenti tkun magħrufa sew jew, iktar ma l-karattru distintiv tagħha jkun għoli, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
88 |
L-appellanti tilmenta wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat, fil-punti 80 sa 82 tas-sentenza appellata, it-teorija magħrufa bħala t-teorija ta’ “newtralizzazzjoni”, minħabba li din it-teorija tapplika biss fl-istadju tal-evalwazzjoni finali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u mhux meta t-trade marks konfliġġenti jkunu jixxiehbu jew mill-aspett viżiv, jew mill-aspett fonetiku jew mill-aspett viżiv u mill-aspett fonetiku. |
89 |
Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma fehmitx sew l-argument tagħha meta, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, osservat li hija kienet qiegħda tinvoka dritt esklużiv fuq l-użu tas-suffiss “-ix” meta hija kienet sostniet li kienet proprjetarja ta’ familja ta’ trade marks maħluqa b’mod li jixbah lil dik MOBILIX. Issa, l-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks hija ġeneralment ikkunsidrata bħala kawża distinta ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, anki fin-nuqqas ta’ xebh fonetiku jew viżiv. |
90 |
Skont l-UASI, fost l-argumenti mressqa mill-appellanti, l-uniku punt ta’ dritt jikkonċerna l-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħetx legalment tikkonkludi, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li d-differenzi kunċettwali li jisseparaw is-sinjali inkwistjoni huma ta’ natura li jinnewtralizzaw ix-xebh fonetiku u viżiv eżistenti. Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat b’mod korrett l-elementi kollha li, inkonformità mal-ġurisprudenza stabbilita, għandhom jiġu kkunsidrati sabiex issir evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
91 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, fil-kuntest tal-paragun viżiv taż-żewġ sinjali inkwistjoni, id-differenzi bejniethom minflok ma fittxet ix-xebh bejniethom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-appellanti qiegħda fil-fatt tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, evalwazzjoni din li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi, punt ta’ dritt suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
92 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-ġurisprudenza tagħha stess meta ddikjarat li, normalment, l-attenzjoni tal-konsumatur tmur fuq kollox fuq il-bidu tal-kelma, huwa biżżejjed li jingħad, minn naħa, li l-imsemmija konstatazzjoni mhijiex kontradittorja għal dik indikata mill-appellanti u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhux talli ma stabbilietx tali regola bħala prinċipju assolut iżda sempliċement ikkunsidrat li dan kien il-każ fil-kawża li kellha quddiemha. Issa, din l-evalwazzjoni ta’ natura fattwali lanqas ma tista’ tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
93 |
Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat, fit-tielet lok, li, meta tallega li l-evalwazzjonijiet tax-xebh fonetiku u tax-xebh kunċettwali, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata, huma żbaljati, sa fejn dawn mhumiex issostanzjati mill-fatti mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti qiegħda tipprova twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza b’dik tagħha. |
94 |
Issa, peress li ma ġie invokat ebda żnaturament tal-fatti u tal-provi minn dik il-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tevalwahom. |
95 |
Fir-raba’ lok, għandu jiġi indikat li l-appellanti tibbaża ruħha fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata meta tallega li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 79 ta’ dik is-sentenza jikser il-prinċipju tad-dritt tat-trade marks li iktar ma trade mark preċedenti tkun magħrufa sew, jew iktar ma l-karattru distintiv tagħha jkun għoli, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
96 |
Fil-fatt, fl-imsemmi punt 79, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement ikkonstatat, permezz ta’ evalwazzjoni fattwali li mhijiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, li s-sinjal “OBELIX” jevoka riferiment għal persunaġġ famuż tal-komiks u, għalhekk, huwa differenti mis-sinjal “MOBILIX” mill-aspett kunċettwali, u għalhekk ma ddeċidietx dwar jekk it-trade mark OBELIX hijiex magħrufa sew. |
97 |
Sa fejn, fil-ħames lok, l-appellanti tikkontesta l-applikazzjoni, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-teorija magħrufa bħala t-teorija “ta’ newtralizzazzjoni”, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-elementi kollha li, inkonformità mal-ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex issir evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
98 |
Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika li d-differenzi kunċettwali bejn żewġ sinjali jistgħu jinnewtralizzaw ix-xebh awditiv u viżiv bejniethom, sakemm minn tal-inqas wieħed minn dawn is-sinjali jkollu, fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti, tifsira ċara u speċifika b’tali mod li dan il-pubbliku jkun jista’ jagħrafha direttament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Ruiz-Picasso et vs UASI, C-361/04 P, Ġabra p. I-643, punt 20, u kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, Mühlens vs UASI, C-206/04 P, Ġabra p. I-2717, punt 35). |
99 |
Għalhekk, wieħed ma jistax jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli applikat din it-teorija ta’ newtralizzazzjoni fil-punt 81 tas-sentenza appellata. |
100 |
Finalment, fis-sitt lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti bbażat fuq il-fatt li hija proprjetarja ta’ familja ta’ trade marks ikkaratterizzati bis-suffiss “ix”, għandu jingħad li, għalkemm l-appellanti invokat diversi trade marks preċedenti li, fil-fehma tagħha, jagħmlu parti minn din il-familja, hija bbażat l-oppożizzjoni tagħha fuq it-trade mark preċedenti OBELIX biss. |
101 |
Issa, huwa fil-każ li l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ diversi trade marks li jkollhom karatteristiċi komuni li abbażi tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-istess “familja” jew “serje” ta’ trade marks li jkun meħtieġ, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-preżenza ta’ “familja” jew “serje” ta’ trade marks, tali probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta mill-fatt li l-konsumatur jista’ jitfixkel dwar il-provenjenza jew l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha u jqis, b’mod żbaljat, li din it-trade mark tagħmel parti minn din il-familja jew serje ta’ trade marks (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ponte Finanziaria vs UASI u F.M.G. Textiles (li qabel kienet Marine Enterprise Projects), iċċitata iktar ’il fuq, punti 62 u 63). |
102 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. |
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94
L-argumenti tal-partijiet
103 |
Fl-ewwel lok, l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kisret l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 meta, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-allegazzjoni tagħha li l-Bord tal-Appell kien imissu aċċetta li t-trade mark OBELIX kienet magħrufa sew, kellha karattru distintiv ħafna u kellha reputazzjoni, fin-nuqqas ta’ kull kontestazzjoni ta’ dawn il-fatti min-naħa tal-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-imsemmi Bord tal-Appell. |
104 |
L-appellanti tqis li għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn l-ipoteżi fejn Orange ma tkunx ħadet sehem fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem il-Bord tal-Appell, ipoteżi li fiha l-UASI seta’ jadotta d-deċiżjoni tiegħu fuq il-bażi tal-provi prodotti mill-appellanti biss, li kienet l-opponenti fil-proċedimenti, u, min-naħa l-oħra, l-ipoteżi fejn Orange tkun ħadet sehem f’tali proċedimenti. F’dan il-każ tal-aħħar, jekk Orange ma tkunx ikkontestat l-allegazzjonijiet tal-appellanti, ikun assurd li l-appellanti tintalab tipprovdi l-provi kollha tal-allegazzjonijiet tagħha peress li ebda regola jew prinċipju ta’ dritt Komunitarju ma jobbligaw parti tipproduċi provi fir-rigward ta’ dak li ma jkunx ġie kkontestat mill-parti l-oħra. |
105 |
Fit-tieni lok, skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 meta rrifjutat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li tirrikonoxxi li t-trade mark OBELIX kienet magħrufa sew, kellha karattru distintiv ħafna u kellha reputazzjoni. |
106 |
L-UASI jqis, filwaqt li jagħmel riferiment għas-sentenza Vedial vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, li, anki jekk jitqies li l-partijiet jaqblu fir-rigward tal-kwistjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark OBELIX, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex marbuta b’tali konstatazzjoni u għandha l-obbligu teżamina jekk, meta fid-deċiżjoni kkontestata kkonkluda li ma kienx hemm xebh bejn it-trade marks kontenzjużi, il-Bord tal-Appell kisirx ir-Regolament Nru 40/94. Fil-kuntest ta’ proċedimenti inter partes quddiem l-UASI, m’hemm ebda prinċipju li jitlob li l-fatti mhux ikkontestati mill-parti l-oħra jiġi kkunsidrati bħala stabbiliti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
107 |
Għandu qabel kollox jiġi ppreċiżat li l-ilment imqajjem mill-appellanti dwar il-ksur mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 meta rrifjutat li tirrikonoxxi li t-trade mark OBELIX kienet magħrufa sew, kellha karattru distintiv ħafna u kellha reputazzjoni, huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-punti 32 sa 36 tas-sentenza appellata u huwa, għalhekk, infondat. |
108 |
Fil-fatt, fil-punti 32 sa 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx hija stess jekk it-trade mark OBELIX kinitx magħrufa sew, kellhiex karattru distintiv għoli u kellhiex reputazzjoni, iżda sempliċement ivverifikat il-fondatezza tal-motiv imqajjem mill-appellanti, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa ta’ Orange, il-Bord tal-Appell kien imissu kkunsidra stabbilita l-evalwazzjoni magħmula mill-appellanti fir-rigward tat-trade mark OBELIX. |
109 |
Peress li l-appellanti sostniet f’dan ir-rigward li, meta kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza stess kisret din id-dispożizzjoni, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
110 |
Huwa minnu li, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi matul il-proċedura tal-appell. Fil-fatt, jekk appellant ma jkunx jista’ jibbaża b’dan il-mod l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti mqajma diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, Ġabra p. I-2125, punt 27, u Storck vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). |
111 |
Madankollu, mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti ġuridiki mqajma speċifikament insostenn ta’ din it-talba. Appell ma jissodisfax dan ir-rekwiżit jekk, mingħajr ma jkun fih argumenti li jkunu intiżi speċifikament sabiex jiġi identifikat l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza appellata, sempliċement jirrepeti jew jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li jkunu tqajmu diġà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punti 34 u 35, kif ukoll Storck vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). |
112 |
Issa, peress li kienet diġà sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li, minħabba li Orange ma kinitx ikkontradixxiet l-affermazzjonijiet magħmula minnha matul il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, l-UASI kien imissu telaq mill-premessa li t-trade mark OBELIX kellha reputazzjoni, l-appellanti, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, sempliċement tirrepeti l-argument imqajjem quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma tindika r-raġunijiet għalxiex dik il-qorti wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-imsemmi argument fil-punti 32 sa 36 tas-sentenza appellata. |
113 |
It-tielet aggravju tal-appellanti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandu, għalhekk, jiġi mwarrab bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli. |
Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba ċ-ċaħda tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94
L-argumenti tal-partijiet
114 |
Skont l-appellanti, meta ċaħdet bħala inammissibbli t-talba tagħha bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tas-suġġett tal-proċedimenti ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell u b’hekk kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
115 |
Fil-fatt, skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-ġurisprudenza tagħha stess, imfakkra fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Novembru 2005, Focus Magazin Verlag vs UASI — ECI Telecom (Hi-FOCuS) (T-275/03, Ġabra p. II-4725, punt 37), li tipprovdi li mill-kontinwità funzjonali bejn id-diversi dipartimenti tal-UASI jirriżulta li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar parti tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell huwa obbligat jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt kollha li l-parti kkonċernata tkun ipproduċiet jew fil-proċedimenti quddiem id-dipartiment li jkun iddeċieda fl-ewwel istanza jew, bla ħsara għall-Artikolu 74(2) tal-istess regolament, fil-proċedimenti ta’ appell. |
116 |
L-appellanti ssostni li, għalkemm l-argumenti li hija invokat quddiem il-Bord tal-Appell kienu bbażati fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, minn qari raġonevoli tad-dokumenti prodotti fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ appell jirriżulta b’mod ċar li hija ma kinitx waqfet milli ssostni li trade mark magħrufa sew, koperta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 8(1) u (2)(ċ) ta’ dan ir-regolament kienet ukoll trade mark li għandha “reputazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament u kellha tiġi protetta wkoll taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar. |
117 |
Barra minn hekk, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-appellanti llimitat espliċitament l-appell tagħha għal punti relatati mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija ineżatta u l-appellanti kkontestatha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L-appellanti qajmet ukoll, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex tistabbilixxi li, illum il-ġurnata, it-trade marks protetti rispettivament minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-istess konnotazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod żbaljat, ma eżaminatx dan l-argument fis-sentenza appellata peress li kkunsidrat li din it-talba kienet inammissibbli. |
118 |
L-UASI jsostni li, filwaqt li hija kien imissha kkontestat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tikkunsidra l-appell bħala bbażat biss fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 u li b’hekk kiser l-Artikolu 74 ta’ dan l-istess regolament, l-appellanti akkużatu, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, bi ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Peress li l-Bord tal-Appell ma eżaminax l-imsemmi Artikolu 8(5), il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonkludiet, fid-dawl tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li ma kienx ammissibbli li l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar talba intiża għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
119 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-analiżi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddetermina s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jiġi indikat li għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 20 tas-sentenza appellata, li l-eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 f’ebda mument ma ntalbet mill-appellanti quddiem il-Bord tal-Appell u għalkemm dik il-qorti, konsegwentement, ma eżaminathiex, il-Qorti tal-Prim’Istanza xorta kkonstatat, f’dan l-istess punt, li l-appellanti kienet invokat, fl-oppożizzjoni tagħha għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark u quddiem il-Bord tal-Appell, ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha fil-kuntest biss tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri sabiex tissostanzja l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti. |
120 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li bbażat ruħha fuq l-allegazzjonijiet tal-appellanti quddiem il-Bord tal-Appell biss sabiex tiddetermina s-suġġett tal-kawża quddiemu. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza assigurat ruħha li mill-allegazzjonijiet tal-appellanti quddiem id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni ma kienx jirriżulta li l-appellanti kienet ibbażat l-oppożizzjoni tagħha anki fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
121 |
Għaldaqstant, peress li kkonstatat li l-motiv dwar ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx jagħmel parti mill-kawża quddiem il-Bord tal-Appell, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ċaħdet dan il-motiv bħala inammissibbli. |
122 |
Fil-fatt, l-appellanti ma setgħetx tbiddel quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza it-termini tal-kawża minn kif kienu jirriżultaw mill-pretensjonijiet u l-allegazzjonijiet magħmula minnha stess u minn Orange (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C-412/05 P, Ġabra p. I-3569, punt 43). |
123 |
Minn naħa, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza inkonformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 jikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tannulla jew tibdel id-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors biss jekk, fil-mument meta ttieħdet, din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata b’wieħed mill-motivi ta’ annullament jew ta’ tibdil stabbiliti fl-Artikolu 63(2) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C-29/05 P, Ġabra p. I-2213, punt 53). |
124 |
Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell. |
125 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod żbaljat li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx jagħmel parti mis-suġġett tal-kawża, għandu jingħad li, peress li l-appellanti qajmet motiv li ma kienx jagħmel parti mir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra din id-deċiżjoni, tali allegazzjoni tikkostitwixxi motiv ġdid li jestendi s-suġġett tal-kawża u li, għalhekk, ma jistax jitressaq għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. |
126 |
Fil-fatt, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-motivi diskussi quddiem il-qorti tal-ewwel istanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Commission vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 59; tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB et, C-266/97 P, Ġabra p. I-2135, punt 79; tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra p. I-5089, punt 50, kif ukoll JCB Service vs Commission, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114). |
127 |
Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli. |
Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba li dik il-qorti ddikjarat inammissibbli t-talba tal-appellanti għar-rinviju tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell
L-argumenti tal-partijiet
128 |
Skont l-appellanti, it-talba li hija għamlet matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx talba ġdida iżda talba sussidjarja għal dik ibbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Issa, peress li t-talba prinċipali tkopri neċessarjament it-talbiet kollha marbuta magħha, is-suġġett tal-kawża ma jinbidilx kull darba li tiġi miżjuda talba mat-talba inizjali. |
129 |
Għaldaqstant, meta ddikjarat inammissibbli l-imsemmija talba tal-appellanti bħala talba ġdida li tibdel is-suġġett tal-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll l-Artikoli 44, 48 u 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
130 |
L-UASI jsostni li t-talba inkwistjoni hija bbażata fuq motiv ġdid li jallega li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 meta ma ddeċidiex dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament u tressqet mill-appellanti biss meta ndunat li l-motiv tagħha bbażat fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar kien inammissibbli. Peress li din it-talba sussidjarja ġiet ippreżentata biss fl-istadju tas-seduta, kien ġustament, skont l-UASI, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjaratha inammissibbli abbażi tal-Artikoli 44 u 48 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
131 |
Kif jirriżulta mill-punti 119 sa 124 ta’ din is-sentenza, kien ġustament li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala inammissibbli l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
132 |
Għaldaqstant, dan l-aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kkwalifikat bħala talbiet ġodda talbiet li hija tallega li kienet ippreżentat b’mod sussidjarju għall-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u fil-każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra dan il-motiv bħala fondat, għandu jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv. |
Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba li rrifjutat li taċċetta ċerti dokumenti
L-argumenti tal-partijiet
133 |
L-appellanti ssostni li, meta ddikjarat inammissibbli ċerti dokumenti li hija kienet ipproduċiet għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, dik il-qorti kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
134 |
F’dan il-każ, kien biss minħabba li l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra l-provi mressqa quddiemu mill-appellanti bħala insuffiċjenti li l-appellanti pproduċiet provi ġodda quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
135 |
Skont l-UASI, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud sa fejn ir-rwol tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell u mhux li tivverifika jekk, fil-mument meta tiddeċiedi dwar rikors imressaq kontra waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, hija tistax legalment tadotta deċiżjoni ġdida bl-istess dispożittiv. Għaldaqstant, ebda illegalità ma tista’ tiġi allegata fil-konfront tal-Bord tal-Appell fid-dawl tal-fatti li ma jkunux ġew ippreżentati quddiemu. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
136 |
Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat ġustament fil-punt 16 tas-sentenza appellata, rikors imressaq quddiemha jikkonċerna l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. |
137 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li fatti li ma jkunux invokati mill-partijiet quddiem id-dipartimenti tal-UASI ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
138 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li dak il-bord seta’ jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-mument meta ħa din id-deċiżjoni. |
139 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li mill-Artikoli 61(2) u 76 tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li, għall-finijiet tal-eżami fil-mertu tal-appell imressaq quddiemu, il-Bord tal-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm-il darba jkun meħtieġ, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-notifiki li huwa jibagħtilhom u li l-Bord tal-Appell jista’ anki jadotta miżuri ta’ istruttorja, li fosthom tinsab il-produzzjoni ta’ fatti jew ta’ provi. L-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 40/94 jispeċifika, min-naħa tiegħu, li jekk il-Bord tal-Appell jirrinvija l-każ lid-dipartiment li jkun ħa d-deċiżjoni kkontestata sabiex ikompli jitrattah, dan id-dipartiment ikun marbut mill-motivi u mid-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell “sa fejn il-fatti jkunu l-istess”. Tali dispożizzjonijiet jixhdu l-possibbiltà li l-bażi fattwali tiġi arrikkita fid-diversi stadji tal-proċedimenti li jiżvolġu quddiem l-UASI (sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58). |
140 |
L-appellanti għalhekk ma tistax tinvoka li ma kellhiex possibbiltajiet biżżejjed sabiex tipproduċi provi quddiem l-UASI. |
141 |
Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li l-UASI jista’ ma jieħux inkunsiderazzjoni fatti li l-partijiet ma jkunux invokaw jew provi li ma jkunux ipproduċew fil-ħin preskritt. |
142 |
F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, meta l-fatti u l-provi ma jkunux ġew invokati jew prodotti mill-parti kkonċernata fit-termini mogħtija lilha għal dan il-għan skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas, għalhekk, “fil-ħin preskritt” fis-sens tal-Artikolu 74(2) tal-imsemmi regolament, l-imsemmija parti ma jkollhiex dritt awtomatiku li dawn il-fatti u provi jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell tal-UASI sa fejn dan tal-aħħar għandu, għall-kuntrarju, marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedi jekk fil-fatt hemmx lok li jikkunsidrahom għall-finijiet tad-deċiżjoni li jkun irid jieħu (ara s-sentenza UASI vs Kaul, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63). |
143 |
Madankollu, il-provi li qatt ma jkunu tressqu quddiem l-UASI ma jkunux, fi kwalunkwe każ, prodotti fil-ħin preskritt u ma jistgħux jikkostitwixxu kriterju ta’ legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. |
144 |
Peress li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tiċħad bħala inammissibbli d-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiemha hija ġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, m’hemmx iktar lok li jiġu eżaminati l-argumenti tal-appellanti fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. |
145 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
146 |
Peress li ebda wieħed mill-aggravji tal-appellanti ma seta’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
147 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.