KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fil-21 ta’ Novembru 2007 1(1)

Kawża C‑412/06

Annelore Hamilton

vs

Volksbank Filder eG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja)]

“Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju – Kuntratt ta’ self intiż għall-akkwist ta’ partijiet minn proprjetà immobbli – Kundizzjonijiet ta’ revoka”





1.        F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fuq il-possibiltà għal liġi nazzjonali, fid-dawl tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, ta’ l-20 taۥ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (2), li tillimita fiż-żmien l-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka tal-konsumatur li jkun daħal f’kuntratt fil-kuntest ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb għalkemm dan ta’ l-aħħar ikun irċieva informazzjoni żbaljata fuq dan id-dritt.

I –    Il-kawża prinċipali, il-kuntest ġuridiku u d-domandi preliminari

2.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, A. Hamilton, fl-1992 daħlet f’kuntratt ta’ self, minn ġo darha, ma’ rappreżentant tal-Volksbank Filder eG sabiex tiffinanzja l-akkwist ta’ partijiet minn proprjetà immobbli.

3.        Fl-1998, A. Hamilton innotat tnaqqis notevoli fid-dħul ta’ kull xahar mill-proprjetà, li kellu jippermettilha tkopri parti sostanzjali mill-interessi tas-self. Għalhekk hija ddeċidiet li tiskeda d-dejn tagħha billi kkonkludiet kuntratt ta’ self ma’ istituzzjoni ta’ kreditu u b’hekk tibbenefika minn self intermedjarju li permezz tiegħu, fl-aħħar ta’ April 1998, hija rrimborżat kompletament id-dejn mal-Volksbank Filder eG li, għaldaqstant, radd lura l-garanziji fuq is-self inizjali.

4.        Jekk, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(2) tal-liġi dwar il-kreditu għall-konsum (Verbraucherkreditgesetz), ir-rikorrenti fil-kawża kienet irċeviet informazzjoni fuq id-dritt tagħha ta’ revoka, din l-informazzjoni rriżultat żbaljata sa fejn ma kinitx tikkonċerna l-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ revoka fil-kuntest ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb.

5.        Għandu jiġi ppreċiżat li, skond il-liġi Ġermaniża, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata fuq id-dritt ta’ revoka hija ekwivalenti għal nuqqas ta’ informazzjoni. F’sitwazzjoni bħal din, ir-raba’ sentenza ta’ l-Artikolu 2 (1) tal-liġi dwar ir-revoka ta’ kuntratti konklużi permezz ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb u tranżazzjonijiet simili (Gesetz über den Widerruf von Haustürgeschäften und ähnlichen Geschäften, minn hawn’il quddiem il-“HWiG”)(3), tipprovdi li:

“Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni, id-dritt ta’ revoka tal-klijent jiskadi biss xahar wara li ż-żewġ partijiet jeżegwixxu l-obbligi kollha tagħhom.”

6.        Madankollu, kien biss fis-16 ta’ Mejju 2002 li A. Hamilton irrevokat il-kuntratt ta’ self inizjali, jiġifieri diversi snin wara li l-obbligi kollha kienu ġew eżegwiti miż-żewġ partijiet, filwaqt li r-raba’ sentenza ta’ l-Artikolu 2 (1) tal-HWiG tillimita din il-possibilità għal xahar li jibda jiddekorri mill-eżekuzzjoni kompluta tal-kuntratt.

7.        Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fuq il-konformità tar-raba’ sentenza ta’ l-Artikolu 2 (1) tal-HWiG mad-Direttiva 85/577.

8.        Fil-fatt, l-Artikolu 4 tad-Direttiva msemmija hawn fuq jipprovdi:

“Fil-każ tat-transazzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskop ta’ l-Artikolu 1, in-negozjanti jridu jagħtu lill-konsumaturi notifika bil-miktub tad-dritt tagħhom li jħassru fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5, flimkien ma’ l-isem u l-indirizz ta’ xi persuna li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt kontriha. Din in-notifika għandu jkollha d-data fuqha u jrid ikollha fiha dawk id-dettalji li jippermettu li l-kuntratt ikun identifikat.

[…]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tistabbilixxi miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur f’dawk il-każi meta l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu ma tingħatax.”

9.        Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/577:

“1.      Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinunżja għall-effetti tal-ftehim tiegħu billi jibgħat avviż fi żmien perijodu ta’ mhux anqas minn sebat ijiem minn meta tkun waslet lill-konsumatur in-notifika msemmija fl-Artikolu 4, skond il-proċedura stabbilita fil-liġi nazzjonali. Għandu jkun biżżejjed jekk l-avviż jintbagħat qabel it-tmiem ta’ dan il-perijodu.

2.       L-għoti ta’ l-avviż ikollha l-effett li tħoll lill-konsumatur minn kull obbligazzjoni li ġejja mill-kuntratt imħassar.”

10.      Fis-sentenza Heininger (4), il-Qorti tal-Ġustizzja diġa kellha l-possibbiltà tiddeċiedi fuq it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5 (1) tad-Direttiva 85/577. Ir-rikorrenti, f’din il-kawża, ma kienet irċeviet l-ebda informazzjoni dwar id-dritt tagħha ta’ revoka. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tistabbilixxi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, limitazzjoni tat-terminu ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal sena li jibda’ jiddekorri mill-konklużjoni tal-kuntratt. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet:

“45.      Għandu […] jiġi enfasizzat li d-direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb b’dan il-mod tipprovdi espressament li t-terminu minimu ta’ sebat ijiem preskritt għar-revoka għandu jiġi kkalkulat “minn meta l-konsumatur ikun irċieva l-informazzjoni” dwar id-dritt tiegħu ta’ revoka u li l-obbligu li jagħti din l-informazzjoni hija tan-negozjant. Dawn id-dispożizzjonijiet huma spjegati mill-fatt li, jekk il-konsumatur ma jkunx jaf bl-eżistenza ta’ dritt ta’ revoka, ikun impossibli għalih jeżerċita dak id-dritt.

46.      Fid-dawl tal-kliem ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb u ta’ l-għan tiegħu, mhuwiex possibbli li t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali li jipprovdi li d-dritt ta’ revoka tal-konsumatur għandu f’kull każ jiġi eżerċitat fi żmien sena, anki jekk in-negozjant ma jkunx informa lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ dan id-dritt.

47.      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li huwa indispensabbli li jiġi limitat it-terminu ta’ l-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali, jeħtieġ li jiġi osservat li dawn ir-raġunijiet ma jistgħux jipprevalu sa fejn huma jimplikaw limitazzjoni tad-drittijiet mogħtija espressament lill-konsumatur mid-Direttiva dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb sabiex jipproteġuh kontra r-riskji li jirriżultaw mill-fatt li l-istitutizzjonijiet ta’ kreditu jkunu għażlu li jikkonkludu l-kuntratti ta’ self bankarju barra mil-lok ta’ negozju. […].”

11.      Kien preċiżament wara li saret taf bis-sentenza Heininger, iċċitata aktar’il fuq, li fis-16 ta’ Mejju 2002, A. Hamilton irrevokat il-kuntratt ta’ self inizjali. Fis-27 ta’ Diċembru 2004, hija ressqet rikors sabiex tikseb ir-rimborż ta’ l-interessi u ta’ l-ammont ta’ self li hija kienet ħallset kif ukoll ħlas ta’ kumpens ta’ l-interessi mħallsa lill-istituzzjoni ta’ kreditu.

12.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-portata eżatta tas-sentenza Heininger, iċċitata aktar’il fuq, peress li minn din is-sentenza ma tistax tikkonkludi b’mod ċar li d-Direttiva 85/577 tipprekludi, f’kull każ, lil-leġiżlatur nazzjonali milli jillimita d-dritt ta’ revoka.

13.      B’deċiżjoni tat-2 ta’ Ottubru 2006, l-Oberlandesgericht Stuttgart għaldaqstant iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tafl-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 85/577/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita fiż-żmien id-dritt ta’ revoka stabbilit mill-Artikolu 5 tad-direttiva, minkejja li l-konsumatur ikun irċieva informazzjoni żbaljata, b’mod li dan id-dritt jiskadi xahar wara l-eżekuzzjoni kompluta miż-żewġ partijiet ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari:

2)      Id-Direttiva 85/577/KEE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-konsumatur ma jistax jitlef id-dritt tiegħu ta’ revoka – b’mod partikolari wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt – jekk huwa ma jkunx irċieva n-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva?”

II – Kunsiderazzjonijiet

14.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/577 jistabbilixxi l-prinċipju li bih “in-negozjanti jridu jagħtu lill-konsumatur notifika bil-miktub [...] tad-dritt tagħhom li jħassru fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5”.

15.      Dan il-prinċipju jassigura, skond l-għan li tfittex tilħaq id-Direttiva 85/577, il-protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi permezz ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb. Skond dan l-approċċ, id-dritt ta’ revoka għandu jinftiehem li huwa estensjoni tad-dritt għall-informazzjoni tal-konsumatur.

16.      Barra minn hekk, fil-każ li l-konsumatur ma jingħatax informazzjoni adegwata, id-Direttiva 85/577 titlob lil-leġiżlaturi nazzjonali jadottaw il-“miżuri xierqa ta’ protezzjoni għall-konsumatur” (5).

17.      Madankollu, f’okkażjoni oħra l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta l-konsumatur ma jkunx infurmat bl-eżistenza tad-dritt tiegħu ta’ revoka, raġunijiet ta’ ċertezza legali ma jistgħux jipprevalu sabiex jiġġustifikaw limitazzjoni tad-drittijiet espressament mogħtija mid-Direttiva 85/577 biex jipproteġu l-konsumatur mir-riskji li jirriżultaw mill-konklużjoni ta’ kuntratt li jsir permezz ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb(6).

18.      Jeħtieġ għal dan il-għan jiġi indikat li t-tixrid ta’ informazzjoni żbaljata għandha tkun ekwivalenti, fis-sens tad-Direttiva 85/577, għal nuqqas ta’ informazzjoni.

19.      In sostenn ta’ din l-interpretazzjoni, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-direttiva msemmija jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tistabbilixxi miżuri xierqa […] meta l-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu ma tingħatax” (7). Jirriżulta li, jekk l-informazzjoni mogħtija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ippreżentati fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 85/577, l-informazzjoni ma tistax titqies li hija valida u għalhekk l-Istati Membri, bħala konsegwenza, għandhom jiddeterminaw il-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-konsumatur, bl-istess mod li kieku kien hemm nuqqas totali ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ revoka. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda raġuni biex ikun hemm distinzjoni bejn in-nuqqas ta’ informazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni żbaljata peress li dawn iż-żewġ ċirkustanzi, bl-istess mod, jiżgwidaw lill-konsumatur fuq id-dritt tiegħu ta’ revoka.

20.      Madankollu, is-sitwazzjoni msemmija f’din il-kawża mhijiex fil-punti kollha identika għal dik li wasslet għas-sentenza Heininger, iċċitata iktar’il fuq. Fir-realtà, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tirfina ftit is-soluzzjoni tagħha.

21.      Fil-fatt jidher miċ-ċirkustanzi tal-fatti li ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, u kkonfermati fis-seduta, li A. Hamilton saret taf bid-dritt tagħha ta’ revoka wara d-deċiżjoni tas-sentenza Heininger imsemmija qabel u kien fuq din il-bażi li hija ddeċidiet, ftit xhur wara, li tirrevoka l-kuntratt ta’ self inizjali.

22.      Din is-sitwazzjoni twassal sabiex wieħed jistaqsi dwar il-possibbiltà li jitħalla, indipendentement minn kull limitazzjoni temporali, id-dritt ta’ revoka, meta jkun jista’ jiġi stabbilit li l-konsumatur sar jew jkun seta’ jsir jaf bid-dritt tiegħu ta’ revoka, għalkemm l-informazzjoni ma tkunx ġiet ikkomunikata lilu min-negozjant li jkun intrabat miegħu kuntrattwalment.

23.      Mhux qed jintalab li tingħata soluzzjoni li bis-saħħa tagħha, fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ revoka, dan id-dritt għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat f’kull mument, iżda li jiġi eżaminat jekk ikunx fondat li jkun ikkunsidrat li, meta min għandu d-dritt seta’ jsir jaf bih, l-Istati Membri jkunu jistgħu, fil-kuntest tal-marġini ta’ diskrezzjoni, li huwa rrikonoxxut lilhom fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/577, li jiffissaw terminu li matulu r-revoka tkun tista’ tiġi eżerċitata validament.

24.      Diversi argumenti huma favur dan. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-limitazzjoni temporali ta’ l-eżerċizzju ta’ dritt, ħafna drabi msemmija bħala “preskrizzjoni”, tikkostitwixxi prinċipju komuni maqsum bejn sistemi legali ta’ Stati Membri differenti (8). F’perijodu fit-tul, dan il-prinċipju jista’ jsib ukoll rikonoxximent fuq livell komunitarju mill-perspettiva ta’ abbozzar ta’ qafas komuni ta’ referenza fil-materja tad-dritt Ewropew dwar il-kuntratti (9). B’hekk l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ preskrizzjoni għandu jiġi rrikonoxxut, filwaqt li jitħalla l-marġini ta’ diskrezzjoni neċessarja lill-Istati Membri għall-implementazzjoni tiegħu fl-ordinament ġuridiku tagħhom.

25.      Madankollu, peress li l-preskrizzjoni hija primarjament iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali (10), skond il-ġurisprudenza Heininger, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jipprevalu fuq l-obbligu ta’ informazzjoni lill-konsumatur(11). Fil-fatt, sa fejn il-konsumatur ma jkunx irċieva l-informazzjoni dwar id-dritt tiegħu ta’ revoka, huwa ma jkunx f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet tiegħu kollha. Għaldaqstant, il-preskrizzjoni tad-dritt ta’ revoka ma tistax tiġi mċaħħda lill-konsumatur fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni. Il-protezzjoni ta’ dan id-dritt huwa rrikonoxxut, fil-ġurisprudenza Heininger imsemmija hawn fuq, bħala fundamentali sabiex jiggarantixxi l-informazzjoni tal-konsumatur tad-drittijiet li huwa għandu bid-Direttiva 85/577, b’mod li l-informazzjoni tal-konsumatur hija l-garanzija essenzjali għall-effikaċja tad-Direttiva 85/577. Li jiġi aċċettat limitu fiż-żmien tad-dritt ta’ revoka tal-konsumatur, filwaqt li fl-istess waqt din il-kundizzjoni essenzjali ma tkunx issodisfatta, ma jibqax aktar mod biex tassigura protezzjoni lill-imsemmi konsumatur, iżda dik tan-negozjant, għalhekk sitwazzjoni bħal din tikser direttament l-għanijiet li tfittex li tilħaq id-Direttiva 85/577.

26.      Madankollu, peress li huwa possibli li jiġi stabbilit li l-konsumatur, li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu “jkollu ċertu grad ta’ attenzjoni u ta’ ġudizzju”(12), seta’ jsir jaf jew sar jaf bid-dritt tiegħu ta’ revoka, il-limitazzjoni fiż-żmien tal-possibbiltà li jinvoka d-dritt ta’ revoka jkun jidher ġustifikat, anki jekk l-informazzjoni ma tkunx ingħatat min-negozjant.

27.      Fil-fatt, safejn ikun ipprovat li l-informazzjoni msemmija hawn fuq wasslet biex tgħarraf lill-persuna interessata, l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur imfittex mid-Direttiva 85/577 ikun assigurat kompletament. Din is-soluzzjoni ma twassalx biex tneħħi lill-konsumatur id-dritt tiegħu ta’ revoka, iżda sempliċement tillimita fiż-żmien l-eżerċizzju tiegħu meta, minkejja li jkun jaf b’din l-informazzjoni fuq id-dritt tiegħu ta’ revoka jew ikollu l-possibbiltà li jkun jaf biha, il-konsumatur ma jkunx għamel użu tagħha matul it-terminu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali jimplikaw li jeħtieġ li jinkiseb ekwilibru ġust bejn il-protezzjoni tal-konsumatur, assigurata permezz ta’ l-informazzjoni lilu kif ukoll bl-eżistenza ta’ dritt ta’ revoka, u l-prinċipju ta’ stabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi li għandhom jippermettu li jitqies, meta jiġi stabbilit li l-kunsumatur kien jaf jew seta’ jkun jaf bl-eżistenza tad-dritt tiegħu, li l-kuntratt mhux ser jiġi kkontestat lil hinn minn ċertu terminu li jiddekorri mill-mument li l-konsumatur ikun irċieva l-informazzjoni meħtieġa.

28.      Id-Direttiva 85/577 ma teżiġix protezzjoni estiża li tikkonsisti, b’mod sproporzjonat, f’li tingħata diskrezzjoni mingħajr limitu lill-konsumatur, li huwa avżat bid-dritt tiegħu ta’ revoka, li jagħżel il-mument l-aktar opportun li jikkontesta r-relazzjoni kuntrattwali tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, in-nuqqas ta’ kwalunkwe limitazzjoni fiż-żmien tad-dritt ta’ revoka meta l-konsumatur kien sar jaf bid-dritt tiegħu, tmur kontra l-għan ta’ protezzjoni msemmi fid-direttiva. Il-protezzjoni tal-konsumatur għandha limitazzjoni tad-dritt tiegħu ta’ revoka peress li l-Artikolu 5(1) jipprovdi espressament din il-possibbiltà meta l-informazzjoni meħtieġa mid-direttiva tkun assigurata mill-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan it-test. Anki jekk il-konsumatur jirċievi l-informazzjoni tard jew b’modi oħrajn minn dawk imsemmija fid-direttiva, dawn iċ-ċirkustanzi ma jaffettwawx l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest ta’ kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju.

29.      Barra minn hekk, id-Direttivi 94/47/KE (13) u 97/7/KE (14), rispettivament dwar il-kuntratt “time-sharing” u dawk li jsiru mill-bogħod, jipprovdu espressament fid-dispożizzjonijiet tagħhom terminu li meta jiddekorri, anki fin-nuqqas ta’ informazzjoni fuq id-dritt ta’ revoka, ma jkunx aktar possibli li dan id-dritt jiġi eżerċitat.

30.      Huwa ċertament diffiċli għalija li nsostni flimkien mal-gvern Ġermaniż li dawn id-direttivi jiffurmaw, flimkien ma’ dik dwar il-bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, “pakkett ta’ protezzjoni” li jimplika, bit-tir ta’ koerenza tad-dritt, li teżisti neċessarjament limitazzjoni ta’ l-eżerċizju ta’ dan id-dritt għal tliet xhur(15). Id-direttiva li tinteressana tiddistingwi ruħha bil-bżonn li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur peress li huwa jinsab fiżikament f’kuntatt mal-bejjiegħ u allura l-influwenza tiegħu tista’ tinħass b’aktar forza mill-konsumatur (16). Tali opinjoni tidher li hija kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Heininger, iċċitata’il fuq, billi tikkunsidra li, fil-kuntest ta’ bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, il-limitazzjoni tad-dritt ta’ revoka ma jistax ikun irrifjutat lill-konsumatur minn mindu huwa jsir jaf bl-eżistenza tad-dritt tiegħu ta’ revoka. Madankollu, ma jistax jiġi miċħud li dawn id-direttivi jippruvaw juru l-eżistenza ta’ prinċipju komuni fil-liġi ta’ l-Istati Membri, li jinsab fuq livell komunitarju, u li jikkonsisti f’li jipprovdi limitazzjoni temporali għall-eżerċiżju ta’ dritt meta ma jkunx ġie użat matul il-perijodu proprju jġagħlek tiddubita li jista’ jiġi invokat minn min għandu d-dritt.

31.      B’hekk, meta jiġi stabbilit li l-konsumatur ikun sar jaf, jew seta’ jsir jaf, bid-dritt tiegħu, wieħed jista’ jikkunsidra li jeżisti prinċipju komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jgħid ukoll li l-onestà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali kif ukoll l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi jimplika li, fil-kuntest tal-marġini ta’ diskrezzjoni tagħhom, li huwa rrikonoxxut mit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/577, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw terminu li matulu r-revoka tkun tista’ tiġi eżerċitata validament minn meta l-konsumatur jkun irċieva l-informazzjoni anki jekk din tasal tard.

32.      Konsegwentament, jeħtieġ li d-domandi ppreżentati mill-qorti tar-rinviju jiġu mwieġba li d-Direttiva 85/577 għandha tiġi interpretata fis-sens li limitazzjoni tad-dritt ta’ revoka ma għandhiex tiġi imposta fuq il-konsumatur ħlief mill-mument li huwa jsir jaf jew seta’ jsir jaf bid-dritt tiegħu. Li din it-talba għandha tkun aċċettata indipendentement mid-data tal-konklużjoni jew ta’ l-eżekuzzjoni totali tal-kuntratt. Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa l-mument minn meta jibda’ jiddekorri t-terminu li matulu d-dritt ta’ revoka jista’ jiġi eżerċitat mill-eżekuzzjoni kompluta tal-kuntratt miż-żewġ partijiet, anki jekk il-konsumatur ma kienx jaf bid-dritt tiegħu, ma tistax tissodisfa l-għanijiet li tfittex li tilħaq id-Direttiva 85/577.

33.      Minn naħa l-oħra, l-ewwel u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 4 u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/577 ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jiddeterminaw, fil-kuntest tal-marġini ta’ diskrezzjoni tagħhom, terminu li matulu d-dritt ta’ revoka jkun jista’ jiġi eżerċitat validament mill-mument li jiġi muri li l-konsumatur sar jaf jew seta’ jsir jaf bid-dritt tiegħu.

III – Konklużjoni

34.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari ppreżentati mill-Oberlandesgericht Stuttgart bil-mod kif ġej:

“Id-Direttiva 85/577/KEE tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju, għandha tiġi interpretata fis-sens li teskludi li limitazzjoni ta’ l-eżerċizzju tad-dritt ta’ revoka għandha tiġi rrifjutata lill-konsumatur meta huwa ma jkunx irċieva l-informazzjoni fuq id-dritt tiegħu jew meta dik l-informazzjoni kienet żbaljata.

Minn naħa l-oħra, l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 4 u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/577, ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jiddeterminaw, fil-kuntest tal-marġini ta’ diskrezzjoni tagħhom, terminu li matulu d-dritt ta’ revoka jkun jista’ jiġi eżerċitat validament mill-mument li jiġi stabbilit li l-konsumatur sar jaf jew seta’ jsir jaf bid-dritt tiegħu.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 371, p.31.


3 – Din id-dispożizzjoni wara ġiet emendata bil-liġi li emendat id-dritt ta’ l-obbligi (Schuldrechtsmodernisierungsgesetz, BGB1. 2001 I, p. 3138). Il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002 u minn dakinhar ’il quddiem eskludiet id-dritt ta’ revoka meta l-konsumatur ma jkunx infurmat korrettament b’dan id-dritt. Madankollu, fin-nuqqas ta’ effett retroattiv marbut ma’ din id-dispożizzjoni l-ġdida, il-kawża preżenti taqa’ taħt ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 (1) tal-HWiG.


4 – Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001 (C‑481/99, Ġabra p. I‑9945).


5 – It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-direttiva msemmija hawn fuq.


6 – Sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).


7 – Enfasi tiegħi.


8 – Ara b’mod partikolari l-istudju mwettaq mill-Kummissjoni Lando, Principles of European Contract Law, it-tielet parti, O. Lando, E. Clive, A. Prüm, u R..Zimmerman, (edizzjoni ta’), Kluwer Law International, La Haye, 2003, b’mod partikolari l-Kapitolu 14; Le code européen des contrats, abbozz preliminari mill-Akkademja tal-Privatisti Ewropej, koordinatur G. Gandolfi, Ktieb I, A. Giuffrè, Milan, 2004, b’mod partikolari t-titolu X kif ukoll p. 260 et seq u Principles of existing EC Contract Law (Acquis Principles), Kuntratt I, Obbligi Pre Kuntrattwali, Termini mhux ġusti, l-ewwel volum tax-xogħol, Sellier, 2007, b’mod partikolari p. 98 et seq u p.166 et seq.


9 – Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddeċiedi favur l-abbozzar ta’ qafas komuni ta’ referenza. Ara, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq id-Dritt Ewropew dwar il-Kuntratti u r-reviżjoni ta’ l-acquis [KUMM(2004) 651 finali] kif ukoll l-Ewwel Rapport Annwali ta’ Progress dwar id-dritt Ewropew dwar il-kuntratt u r-reviżjoni ta’ l-acquis [KUMM (2005) 456 finali]. Wieħed jista’ jirreferi għall-istudji utili magħmula fuq dan il-punt minn, b'mod partikolari, W. Van Gerven, “Comparative law in a texture of communitarization of national laws and europeanization of community law”, fil-Judicial Review in the European Union – Liber amicorum in honour of Lord Slynn of Hadley, Kluwer Law International, La Haye, vol. I, 2000, p. 433 sa 445; R. Schulze, “The Acquis Communautaire and the Development of European Contrat Law”, ta’ Schulze/Ebers/Grigoleit (Nru 25), p. 15 u, iktar ġenerali, fuq it-teknika ta’ rikors għall-prinċipji komuni tad-drittijiet ta’ l-Istati Membri mill-ġurisdizzjoni komunitarja, Y. Galmot, “Réflexions sur le recours au droit comparé par la Cour de justice des Communautés européennes”, RFDA, 1990, p. 255.


10 – Ara l-istudji msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


11 – Sentenza Heininger, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder (C‑220/98, Ġabra p. I‑117, punti 17 sa 30).


13 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 1994, dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-proprjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare (ĠU L 280, p. 83).


14 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta' Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU L 144, p.19).


15 – It-terminu ta’ tliet xhur huwa previst ukoll fil-kuntest tad-Direttiva 94/47, fl-ewwel sentenza tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 5(1) tagħha, kif ukoll fid-Direttiva 97/7, tar-raba’ sentenza ta’ l-Artikolu 6(1).


16 – Ġie osservat li: “il-konstatazzjoni tal-leġiżlatur (Komunitarju) hija, li fil-fatt il-pussess ta’ l-informazzjoni oġġettiva kollha ta’ l-operazzjoni ma żżommx lill-konsumatur milli jiġi mħajjar min-negozjant, li- hija fost kollox arti tal-professjoni tiegħu – jista’ jkun konvinċenti ħafna”, f’ N. Rzepecki, Droit de la consommation et théorie générale du contrat, Institut de droit des affaires, Aix-en-Provence, 2002, p. 100.