KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JULIANE KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ Marzu 2007 (1)

Kawża C‑116/06

Sari Kiiski

vs

Tampereen kaupunki

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tampereen käräjäoikeus (il-Finlandja)]

“Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Protezzjoni ta’ ħaddiema nisa tqal – Leave tal-ġenituri, leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal – Bidla fit-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal mogħti minħabba tqala ġdida – Direttivi 76/207/KEE, 92/85/KEE u 96/34/KE”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tagħti l-opportunità li jkompli jiġi ppreċiżat l-istatus ġuridiku ta’ ħaddiema nisa tqal fid-dritt Komunitarju.

2.        Ingħata leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal fuq talba ta’ S. Kiiski, għalliema Finlandiża, biex tkun tista’ tieħu ħsieb l-ewwel tifel tagħha(2). Madankollu, qabel ma ħarġet bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, S. Kiiski saret taf li kienet reġgħet ħarġet tqila. Għaldaqstant, hija ħasbet li torganizza l-mod kif tieħu ħsieb it-tifel tagħha b’mod differenti minn kif kienet ippjanat oriġinarjament u talbet li jitqassar it-tul tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li kien ingħatalha. Min iħaddimha madankollu rrifjuta li jilqa’ din it-talba fuq il-bażi li bidla fit-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, ladarba dan ikun ingħata, hija possibbli biss għal raġuni leġittima u li t-tqala ġdida ma kinitx tikkostitwixxi tali raġuni. Talba ulterjuri li saret minn S. Kiiski waqt li hija diġà kienet qiegħda bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal u li kienet intiża sabiex jintemm dan il-leave u sabiex tingħata l-leave tal-maternità ġiet ukoll miċħuda għall-istess raġuni.

3.        F’dan il-kuntest, S. Kiiski tħoss li saret diskriminazzjoni kontriha fuq bażi ta’ sess u li nkisru d-drittijiet tagħha bħala ħaddiema tqila. Hija titlob essenzjalment li, fuq il-bażi tat-tqala tagħha, tingħata trattament differenti minn dak mogħti lill-ħaddiema l-oħrajn, irrispettivament mis-sess tagħhom.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

4.        Il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża fid-dritt Komunitarju jikkonsisti, minn naħa, fid-Direttiva 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol(3) fil-verżjoni tad-Direttiva 2002/73/KE(4) u, min-naħa l-oħra, fid-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu(5). Għandha tissemma’ wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u [...] ETUC (6).

5.        Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 fil-verżjoni tagħha emendata mid-Direttiva 2002/73:

“1. Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni tkun xi tkun fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’referenza b’mod partikolari għall-istatus konjugali jew tal-familja.

2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

-      diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn [kif persuna] oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli,

-      diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma persuni tas-sess l-ieħor, kemm-il darba dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex jtintlaħaq din il-mira ma jkunux xierqa u meħtieġa,

(...)

7. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tan-nisa, b’mod partikolari rigward tqala u maternità.

Mara bil-leave ta’ maternità għandha tkun intitolata, wara t-tmiem tal-perjodu ta’ leave ta’ maternità tagħha, li tmur lura għax-xogħol tagħha jew għall-post ekwivalenti skond it-termini u kondizzjonijiet li mhumiex anqas favorevoli għaliha u li tibbenefika minn kull titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li għalihom kienet tkun intitolata waqt l-assenza tagħha.

Trattament anqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew leave ta’ maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85/KEE għandu jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva.

Din id-Direttiva għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/34/KE (…) u tad-Direttiva 92/85/KEE (…)”.

6.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 jaqra kif ġej:

“Leave tal-Maternità

1.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2.       Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.”

7.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 jgħid (siltiet):

“Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg

Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f’dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

(…)

2. fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

(a) id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f’punt (b) hawn taħt;

(b) il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;

3. l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;

4. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali.

Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta’ impjieg preċedenti iktar minn 12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.”

8.        Il-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri anness mad-Direttiva 96/34 jinkludi din id-dikjarazzjoni fil-paragrafu 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu:

“Billi miżuri biex jiġu rrikonċiljati ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u l-ħajja familjari għandhom jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ modi ġodda flessibbli fl-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-ħin li jkunu iktar adatti għall-bżonnijiet [li] qed jinbidlu tas-soċjetà u li [għandhom j]ieħ[d]u inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet kemm ta’ l-impriża kif ukoll tal-ħaddiema”.

9.        Skond il-Klawsola 2(3) tal-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri, il-kundizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mil-liġi u/jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġijiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, b’mod partikolari, skond il-paragrafu (e) ta’ l-imsemmija Klawsola 2(3):

“jiddefinixx[u] ċ-ċirkostanzi li fihom min iħaddem, wara konsultazzjoni skond il-liġijiet, il-ftehim kollettiv u l-prattiċi nazzjonali, ikollu l-permess li jipposponi l-benefiċċju tal-leave tal-ġenituri għall-raġunijiet ġustifikati li għandhom x’jaqsmu ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża (eż. meta xogħol huwa ta’ natura staġjonali, fejn ma jkunx jinstab sostitut fil-perijodu ta’ l-avviż, u meta proporzjon sinifikanti tal-forza tax-xogħol tapplika fl-istess ħin għal-leave tal-ġenituri, meta l-funzjoni speċifika hija ta’ importanza strateġika) (… )”.

10.      Barra minn hekk, il-Klawsola 2(7) tal-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri tistabbilixxi r-regola li ġejja:

“L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol għall-perijodu tal-leave tal-ġenituri”.

B –    Id-dritt nazzjonali

11.      Skond l-Artikolu 29 tal-Liġi Finlandiża dwar l-uffiċjali komunali (7), l-uffiċjali kkonċernati għandhom dritt għal leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, kif previst mill-Artikoli 1 sa 8 tal-Kapitolu 4 tal-Liġi Finlandiża dwar il-kuntratti ta’ impjieg (8).

12.      Il-ftehim kollettiv komunali (9) li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-uffiċjali għas-snin 2003-2004 applikabbli fil-belt ta’ Tampere (iktar ’il quddiem il-ftehim kollettiv) jirreferi, għal dak li jirrigwarda l-leave tal-ġenituri, għal-Liġi dwar il-kuntratti ta’ impjieg. Barra minn hekk, skond l-Artikoli 11 u 12 tal-Kapitolu V ta’ l-imsemmi ftehim kollettiv, l-uffiċjal għandu d-dritt, għal raġuni imprevedibbli u leġittima, li, fuq talba tiegħu, jikseb bidla fid-data u fit-tul tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li jkun ingħatalu. Kull bidla imprevedibbli u essenzjali fil-possibiltajiet prattiċi li wieħed jieħu ħsieb wild, liema bidla l-uffiċjal ma setax jieħu in kunsiderazzjoni fil-mument meta talab il-leave tal-ġenituri, hija meqjusa bħala raġuni leġittima(10).

13.      Skond ir-regoli għall-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv fuq imsemmi, ir-raġunijiet leġittimi jinkludu, per eżempju, il-fatt li l-wild jew il-ġenitur l-ieħor jimrad serjament jew imut u d-divorzju. Min-naħa l-oħra, it-trasferiment f’lokalità oħra, relazzjoni ta’ xogħol ġdida jew tqala ġdida mhumiex ġeneralment meqjusa bħala raġunijiet leġittimi. Jekk jintemm il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, l-uffiċjal għandu jerġa’ jidħol għax-xogħol.

14.      Barra minn hekk, il-ftehim kollettiv jipprovdi, skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-digriet tar-rinviju, li f’każ ta’ mard, il-ħaddiem għandu dritt għas-salarju sħiħ tiegħu għal 60 jum u għal żewġ terzi tas-salarju tiegħu għal 120 jum.

15.      Skond l-ispjegazzjonijiet addizzjonali mogħtija mill-Gvern Finlandiż, ħaddiema għandha dritt fil-Finlandja għall-allowance tal-maternità, indipendentement mill-kwistjoni jekk ikunx ingħatalha leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal jew le. Din l-allowance tiddependi mis-salarju u hija kkalkulata fuq il-bażi ta’ l-istess regoli li jintużaw għall-allowance ta’ kuljum f’każ ta’ mard. L-iktar rata baxxa hija ta’ EUR 15.20 kuljum.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

16.      S. Kiiski hija għalliema fi skola sekondarja fil-belt ta’ Tampere fil- Finlandja(11) u hija għandha, fuq din il-bażi, l-istatus ta’ uffiċjal komunali fis-sens tal-ftehim kollettiv applikabbli.

17.      Fuq talba tagħha, id-direttur ta’ l-iskola sekondarja in kwistjoni tagħha, fit-3 ta’ Mejju 2004, għall-perijodu bejn il-11 ta’ Awwissu 2004 u l-4 ta’ Ġunju 2005, leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal sabiex tieħu ħsieb l-ewwel tifel tagħha, li twieled fl-24 ta’ Awwissu 2003.

18.      Qabel ma ħarġet bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, S. Kiiski saret taf li kienet reġgħet ħarġet tqila. Hija għalhekk informat lid-direttur ta’ l-iskola sekondarja fejn kienet taħdem, fl-1 ta’ Lulju 2004, li hija kien beħsiebha tieħu l-leave in kwistjoni biss mill-11 ta’ Awwissu 2004 sat-22 ta’ Diċembru 2004; hija talbet li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal tinbidel f’dan is-sens. Fin-nuqqas ta’ raġuni leġittima, id-direttur madankollu ċaħad din it-talba.

19.      Fid-9 ta’ Awwissu 2004, S. Kiiski kkompletat it-talba tagħha ta’ 1 ta’ Lulju 2004, billi indikat li hija kienet tinsab tqila u li t-tqala tagħha kienet ħolqot bidla essenzjali fil-possibiltajiet prattiċi li hija tieħu ħsieb it-tifel tagħha li twieled fl-2003. Hija għalhekk għarrfet l-intenzjoni tagħha li terġa’ tidħol għax-xogħol mit-23 ta’ Diċembru 2004. Ir-raġel tagħha, li huwa missier it-tifel, kellu l-ħsieb li huwa stess jieħu l-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal fir-rebbiegħa ta’ l-2005. B’deċiżjoni tad-19 t’Awwissu 2004, id-direttur ċaħad it-talba tagħha għal darb’oħra u mmotiva din iċ-ċaħda billi spjega li t-tqala ġdida tagħha ma kinitx tikkostitwixxi raġuni leġittima biex jinbidel it-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li kien ingħatalha. Huwa rrefera f’dan ir-rigward għar-regoli għall-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv u għall-ġurisprudenza tal-qrati Finlandiżi.

20.      Sussegwentement irriżulta li r-raġel ta’ S. Kiiski effettivament ma ngħatax il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal għar-rebbiegħa ta’ l-2005 peress li, fil-Finlandja, skond il-ftehim kollettiv applikabbli għall-uffiċjali ta’ l-Istat(12), ġenitur wieħed biss jista’ f’ħin wieħed ikollu dritt għal tali leave(13). Għaldaqstant, S. Kiiski indikat fit-22 ta’ Novembru 2004 li riedet ittemm il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li kienet qed tgawdi minnu fil-31 ta’ Jannar 2005 u tieħu l-leave tal-maternità minn dik id-data; missier it-tifel b’hekk kien ikun f’pożizzjoni li jieħu l-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li huwa xtaq jieħu. Madankollu, fl-10 ta’ Diċembru 2004, id-direttur ta’ l-iskola sekondarja ċaħad ukoll din it-talba ta’ S. Kiiski għar-raġuni li l-fatt li missier it-tifel ma setax, altrimenti, jingħata l-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal ma kienx jikkostitwixxi raġuni leġittima biex jinbidel it-tul ta’ l-imsemmi leave.

21.      It-tieni tifel ta’ S. Kiiski twieled fid-29 ta’ Marzu 2005.

22.       Il-fatti fuq deskritti taw lok għall-kawża prinċipali li tinsab pendenti quddiem it-Tampereen käräjäoikeus(14) (iktar ’il quddiem imsejjaħ ukoll il-qorti tar-rinviju). S. Kiiski ppreżentat rikors quddiem dik il-qorti kontra min iħaddimha, il-belt ta’ Tampere, bil-għan li tikseb mingħand din ta’ l-aħħar il-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 5000 kif ukoll ta’ somma ta’ EUR 17 354.10 għal telf ta’ salarju(15) u ta’ EUR 94 għal telf ieħor, flimkien ma’ l-interessi relattivi.

23.      S. Kiiski ssostni essenzjalment li hija kienet sofriet diskriminazzjoni minħabba li t-tqala ġdida tagħha ma ġietx irrikonoxxuta bħala raġuni leġittima biex jinbidel it-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li kien ingħatalha.

24.      Għall-kuntrarju, il-belt ta’ Tampere hija tal-fehma li ma saret ebda diskriminazzjoni kontra S. Kiiski fuq il-bażi tas-sess jew tat-tqala tagħha. It-tqala ġdida tagħha sempliċement ma kinitx tikkostitwixxi raġuni leġittima biex jinbidel it-tul tal-leave għall-ġenituri li kien ingħatalha fil-bidu. Din it-tqala ġdida ma ħolqotx bidliet essenzjali fil-possibiltajiet prattiċi li tieħu ħsieb it-tifel tagħha, li twieled fl-2003, sal-punt li żammet lir-rikorrenti milli tibbenefika mil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal għal perijodu relattivament twil. Minbarra dan, kieku S. Kiiski tħalliet terġa’ tidħol għax-xogħol qabel il-waqt, dan kien joħloq diffikultajiet għal min iħaddimha f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-korsijiet. Barra minn hekk, min iħaddimha kien jipperikola li jiġi mfittex għad-danni peress li għat-tul taż-żmien tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li kien ingħata lil S. Kiiski kien diġà ġie impjegat għalliem sostitut, li lilu probabbilment kien ikollu jkompli jitħallas is-salarju.

25.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skond dak li indikat S. Kiiski stess, hija rċeviet benefiċċji finanzjarji fl-ammont totali ta’ EUR 9506,92 għall-perijodu bejn id-29 ta’ Diċembru 2004 u t-18 ta’ Mejju 2005. Dawn il-benefiċċji jinkludu allowances tal-mard, għall-edukazzjoni tat-tfal, tal-maternità u tal-ġenituri, li minnhom dawk tal-maternità u tal-ġenituri jammontaw, weħidhom, għal EUR 5699,11(16). Għall-perijodu wara t-18 ta’ Mejju 2005, S. Kiiski rċeviet allowance tal-ġenituri li jammonta għal EUR 1951,75 fix-xahar. Min-naħa l-oħra, kieku matul dan il-perijodu S. Kiiski kienet qiegħda f’relazzjoni attiva ta’ impjieg, is-salarju tagħha kien ikun ta’ EUR 3572,90 fix-xahar, inklużi s-supplementi u ż-żidiet kollha.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      B’digriet ta’ l-24 ta’ Frar 2006, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2006, it-Tampereen käräjäoikeus issospenda l-proċeduri u ressaq tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

1)      Ir-rifjut ta’ min iħaddem li jibdel jew jinterrompi l-perijodu ta’ leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal mogħti lil ħaddiema, minħabba tqala ġdida li l-ħaddiema saret taf biha qabel ma ħarġet bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, b’applikazzjoni ta’ interpretazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li skondha tqala ġdida ġeneralment ma titqiesx li hija raġuni imprevedibbli u leġittima li fuq il-bażi tagħha jistgħu jinbidlu d-data u t-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta li tmur kontra l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207/KEE kif emendata mid-Direttiva 2002/73/KE?

2)      Min iħaddem jista’ jiġġustifika b’mod suffiċjenti l-aġir tiegħu, deskritt fil-punt 1, li possibbilment jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta b’referenza għad-Direttiva ċċitata iktar ’il fuq, għar-raġuni li l-bidla fl-organizzazzjoni tax-xogħol ta’ l-għalliema u l-kontinwità tat-tagħlim jagħtu lok għal problemi li joħolqu inkonvenjenzi ordinarji iżda mhux gravi jew għar-raġuni li min iħaddem ikollu l-obbligu, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jikkumpensa t-telf ta’ salarju li jsofri s-sostitut ta’ l-għalliema li tkun ħarġet bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, jekk din ta’ l-aħħar terġa’ tidħol għax-xogħol matul il-perijodu tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal?

3)      Hija applikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, u fl-affermattiv, l-aġir ta’ min iħaddem, deskritt fil-punt 1), imur kontra l-Artikoli 8 u 11 ta’ l-imsemmija Direttiva, jekk, billi tkompli bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, il-ħaddiema titlef il-possibbiltà tagħha li tgawdi mill-benefiċċji tas-salarju tal-leave tal-maternità fuq il-bażi tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha fis-settur pubbliku?

27.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra S. Kiiski u l-belt ta’ Tampere(17), il-Gvern Taljan u l-Gvern Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet. Barra minn hekk, l-belt ta’ Tampere, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2007.

V –    Analiżi

28.      It-tliet domandi preliminari kollha jfittxu li jiġi ċċarat il-punt jekk ħaddiema ssofrix diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u ksur tad-drittijiet tagħha bħala mara tqila meta hija tiġi rrifjutata, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża, il-possibbiltà li jitqassar, minħabba tqala ġdida, il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li diġà jkun ingħatalha, bil-għan li torganizza l-mod kif tieħu ħsieb it-tifel tagħha b’mod differenti minn kif kienet ippjanat oriġinarjament u sabiex tkun tista’ tieħu l-leave tal-maternità.

A –    Fuq eventwali diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 76/207 (l-ewwel u t-tieni domandi)

29.      L-ewwel żewġ domandi jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ eventwali diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess. Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega jekk ħaddiema tqila ssofrix diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess meta hija tiġi rrifjutata, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża, il-possibbiltà li jitqassar il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li diġà jkun ingħatalha.

30.      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol tagħhom jeżiġi, skond l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 76/207, projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq bażi ta’ sess. F’dan ir-rigward id-Direttiva tippermetti ġustifikazzjoni oġġettiva bi skop leġittimu biss fil-każ ta’ diskriminazzjoni indiretta (it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207).

1.      Id-diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ sess

31.      Ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn kif persuna oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli (l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207).

32.      Huwa rikonoxxut fil-ġurisprudenza li jista’ jkun hemm tali diskriminazzjoni meta min iħaddem jieħu in kunsiderazzjoni, għad-detriment ta’ impjegata, l-istat ta’ tqala tagħha u r-riskji marbuta ma’ dak l-istat meta jieħu deċiżjoni li tikkonċernaha(18). Il-leġiżlatur għaldaqstant ibbaża l-verżjoni ġdida ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 fuq din il-konstatazzjoni u indika b’mod ċar u espress fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu li trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave tal-maternità għandu jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ l-imsemmija Direttiva.

33.      Madankollu, każ bħal dak preżenti huwa differenti minħabba l-fatt li min iħaddem effettivament ma ħax in kunsiderazzjoni t-tqala ġdida tal-ħaddiema kkonċernata u ma ttrattahiex inqas favorevolment minn ħaddiema oħra. Id-direttur ta’ l-iskola sekondarja in kwistjoni ċaħad id-diversi talbiet ta’ S. Kiiski biex jitqassar il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal billi invoka raġunijiet oġġettivi relatati ma’ l-organizzazzjoni ta’ l-istabbiliment tiegħu li b’ebda mod mhuma relatati mat-tqala ta’ din ta’ l-aħħar jew mar-riskji marbuta ma’ dik it-tqala iżda li setgħu kienu applikabbli għal kull ħaddiem, irrispettivament mis-sess tiegħu jew tagħha: raġel jew ħaddiema mhux tqila ma kinux jiġu ttrattati b’mod differenti kieku kienu fil-pożizzjoni ta’ S. Kiiski. It-tqala l-ġdida tagħha ma kinitx ir-raġuni għaċ-ċaħda li jinbidel, kif hija xtaqet, it-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li kien ingħatalha.

34.      Fir-realtà, id-diversi talbiet ta’ S. Kiiski bil-għan li jitqassar it-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal jikkostitwixxu tentattiv biex jinkiseb, fuq il-bażi ta’ tqala ġdida, trattament speċjali għaliha, li għalih ma kinux intitolati ħaddiema oħra f’din il-forma.

35.      Tali trattament speċjali għandu jingħata biss meta u safejn is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema bħal S. Kiiski tkun differenti, essenzjalment, mis-sitwazzjoni ta’ ħaddiema oħra minħabba t-tqala tagħha. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tat-trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat(19). Fl-istess sens, id-definizzjoni legali tad-diskriminazzjoni diretta mogħtija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207 tagħmel referenza espressa għall-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet.

36.      Biex jiġi evalwat jekk u safejn għandha tittieħed in kunsiderazzjoni t-tqala ta’ ħaddiema għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar jekk għandux jingħatalha t-tnaqqis mitlub fit-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, wieħed għandu jitlaq mill-għan tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal jew tal-leave tal-ġenituri. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, tali leave jingħata lill-ġenituri “sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild tagħhom”(20).

37.      F’dan ir-rigward, madankollu, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema tqila mhijiex sostanzjalment differenti minn dik tal-ħaddiema oħra, li wkoll ikunu ngħataw leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, irrispettivament mis-sess tagħhom. Huwa tabilħaqq minnu li t-tqala l-ġdida tar-rikorrenti matul il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li ngħatalha tista’ toħloq, f’ċerti mumenti, piż doppju, b’mod partikolari fil-fażi finali tat-tqala kif ukoll ftit wara l-ħlas. Madankollu ma jistax jiġi kkunsidrat b’mod globali li, minħabba li kienet tinsab tqila, kien ġeneralment impossibbli għall-ħaddiema in kwistjoni li tuża dan il-leave biex tieħu ħsieb l-ewwel tifel tagħha, konformement ma’ l-għan tad-dispożizzjonijiet applikabbli.

38.      Huwa minnu li S. Kiiski tispjega li t-tqala ġdida tagħha biddlet b’mod konsiderevoli l-kundizzjonijiet li fihom setgħet tieħu ħsieb l-ewwel tifel tagħha. Iżda hija ma ressqet ebda argument biex tissostanzja din l-allegazzjoni. Kif jista’ jiġi dedott mid-digriet tar-rinviju, S. Kiiski essenzjalment fittxet, permezz tad-diversi talbiet tagħha għat-tnaqqis fit-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li kien ingħatalha, li torganizza l-mod kif tieħu ħsieb l-ewwel tifel tagħha b’mod differenti minn kif kienet ippjanat oriġinarjament. B’mod partikolari, il-ħsieb tagħha kien li żewġha wkoll ikun jista’ jieħu tali leave.

39.      Minn din il-perspettiva wkoll, is-sitwazzjoni tagħha mhijiex sostanzjalment differenti minn dik ta’ ħaddiema oħra, irrispettivament mis-sess tagħhom, li jkunu jixtiequ, għal raġunijiet ta’ konvenjenza, li jbiddlu fi stadju ulterjuri l-arranġamenti oriġinarjament ippjanati, per eżempju biex jinvolvu aktar lill-ġenitur l-ieħor fit-trobbija tat-tfal. It-tnaqqis ġenerali mixtieq fit-tul tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal f’ebda każ mhuwa konsegwenza obbligatorja tat-tqala ġdida u b’mod partikolari m’għandu xejn x’jasqam mar-riskji inerenti fit-tqala għall-ħaddiema in kwistjoni. Il-fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli ma jippermettux li jingħata leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal fl-istess ħin mal-ġenitur l-ieħor lanqas mhuwa konsegwenza tat-tqala ta’ din il-ħaddiema. Għall-kuntrarju, l-impossibbiltà għal wieħed mill-ġenituri li jieħu tali leave huwa marbut biss mall-fatt li l-ġenitur l-ieħor ikun qed igawdi mil-leave in kwistjoni, u dan irrispettivament mis-sess tal-ġenitur u minn eventwali tqala.

40.      Peress li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiema tqila bħal S. Kiiski mhijiex sostanzjalment differenti minn dik ta’ ħaddiema oħra f’dak li jirrigwarda l-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal(21), il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jeżiġix li min iħaddem jieħu partikolarment in kunsiderazzjoni l-imsemmija tqala meta jiddeċiedi dwar it-talba biex jitqassar l-imsemmi leave.

41.      Ebda konklużjoni oħra ma tista’ tinsilet mis-sentenza Busch(22) li ġiet invokata minn S. Kiiski fil-kawża prinċipali. Huwa biss ma’ l-ewwel daqqa t’għajn li s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tidher simili għall-kawża preżenti peress li ż-żewġ każijiet jikkonċernaw ħaddiema tqila li tixtieq ittemm qabel il-waqt il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal u terġa’ tidħol għax-xogħol sabiex tkun tista’ tibbenefika ftit żmien wara mil-leave tal-maternità. Fir-realtà, iż-żewġ każijiet huma essenzjalment differenti ferm: effettivament, filwaqt li fil-kawża Busch, min iħaddem xtaq iżomm lill-ħaddiema milli terġa’ tidħol għax-xogħol preċiżament minħabba li hija kienet tqila, fil-każ preżenti, it-tqala tar-rikorrenti assolutament ma kinitx il-kawża tad-deċiżjoni negattiva ta’ min iħaddimha. Peress li għalliem sostitut kien diġà ġie impjegat għat-tul taż-żmien tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li kien ingħata lil S. Kiiski, min iħaddimha ma kellu ebda interess, minn perspettiva organizzattiva, li hija terġa’ tidħol għax-xogħol qabel il-waqt, irrispettivament minn jekk kinitx tqila jew le. Għaldaqstant, ma kienx min iħaddem iżda S. Kiiski stess li invokat – b’mod żbaljat – it-tqala tagħha biex issostni d-drittijiet tagħha.

42.      Fis-sentenza Busch, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement enfasizzat li ħaddiema tkun vittma ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess meta min iħaddimha jirrifjuta, preċiżament minħabba t-tqala tagħha u r-riskji relatati magħha, li jagħtiha l-possibbiltà li terġa’ tidħol għax-xogħol qabel il-waqt billi jitqassar il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal. Madankollu dan ma jeskludix il-possibbiltà li, fl-ambitu tad-diskrezzjoni li għandu, min iħaddem jista’ jirrifjuta d-dħul lura għax-xogħol qabel il-waqt tal-ħaddiema in kwistjoni, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża, mingħajr ebda relazzjoni mat-tqala. Ma jistax, per eżempju, jiġi dedott mis-sentenza Busch li tqala ġdida ta’ ħaddiema tagħti awtomatikament lil din ta’ l-aħħar dritt ibbażat fuq id-dritt Komunitarju li terġa’ tidħol għax-xogħol billi ttemm qabel il-waqt il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li jkun ingħatalha.

43.      Għaldaqstant, lanqas fid-dawl tas-sentenza Busch ma teżisti xi indikazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess f’każ bħal dak preżenti.

2.      Id-diskriminazzjoni indiretta fuq bażi ta’ sess

44.      Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta fuq bażi ta’ sess meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma’ persuni tas-sess l-ieħor (it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207).

45.      Id-dispożizzjonijiet u l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom tittieħed deċiżjoni fil-Finlandja dwar il-possibbiltà ta’ tnaqqis fit-tul ta’ leave għall-ġenituri li jkun diġà ngħata huma effettivament newtrali fir-rigward tas-sess. F’każ bħal dak preżenti, madankollu, mhemm ebda indikazzjoni li turi li dawn id-dispożizzjonijiet u kriterji huma tali li jiżvantaġġaw b’mod partikolari lill-membri ta’ sess partikolari – in-nisa – fil-konfront tal-membri tas-sess l-ieħor(23). Mill-informazzjoni disponibbli rigward il-fatti fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi konkluż li fil-każ preżenti kien hemm diskriminazzjoni indiretta.

46.      Sempliċement għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jingħad ukoll li fil-fehma tiegħi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lil min iħaddem li jeżiġi raġuni leġittima biex iqassar leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal ladarba dan ikun ġie awtorizzat u li jirrifjuta, f’każ kuntrarju, li jqassar dan il-leave, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ operazzjoni ta’ l-impriża, hija wkoll oġġettivament iġġustifikata. F’dan ir-rigward nirreferi b’mod partikolari għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali li fuqhom l-imsieħba soċjali Ewropej ibbażaw – bil-kunsens tal-leġiżlatur Komunitarju – il-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri, li huma wkoll espressament validi fil-kuntest tad-Direttiva 76/207(24).

47.      Fil-fatt, fil-paragrafu 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri, tingħata importanza ugwali lill-bżonnijiet ta’ l-impriża u lil dawk tal-ħaddiema. Fil-Klawsola 2(3)(e) ta’ dan il-ftehim, huwa indikat li jista’ jkun hemm raġunijiet ġustifikabbli li għandhom x’jaqsmu ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża li jippermettu lil min iħaddem li jipposponi l-benefiċċju tal-leave tal-ġenituri, bħal meta ma jkunx jista’ jinstab sostitut għall-ħaddiem ikkonċernat fi żmien qasir. A fortiori, min iħaddem għandu jkollu wkoll il-possibbiltà, għal dawn l-istess raġunijiet, li jirrifjuta li jqassar it-tul tal-leave tal-ġenituri kif previst oriġinarjament, per eżempju għar-raġuni li jkun laħaq sab sostitut għall-impjegat in kwistjoni li l-impjieg tiegħu ma jkunx jista’ jiġi mitmum qabel it-terminu previst għal-leave in kwistjoni.

3.      Konklużjoni parzjali

48.      Bħala konklużjoni parzjali fuq l-ewwel u t-tieni domanda, hemm lok li jiġi għaldaqstant ikkonstatat li:

Leġiżlazzjoni nazzjonali li skondha min iħaddem jista’ jirrifjuta, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża, li jilqa’ talba ta’ ħaddiema biex jitqassar leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li diġà jkun ġie awtorizzat, magħmula fuq il-bażi ta’ tqala ġdida, la twassal għal diskriminazzjoni diretta, u lanqas għal diskriminazzjoni indiretta fuq bażi ta’ sess, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 fil-verżjoni tad-Direttiva 2002/73.

B –    Il-protezzjoni ta’ ħaddiema nisa tqal kif previst fid-Direttiva 92/85 (it-tielet domanda)

49.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk ħaddiema ssofrix ksur tad-drittijiet tagħha bħala mara tqila skond id-Direttiva 92/85 meta hija ma titħallhiex, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża, li tqassar il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li diġà jkun ingħatalha, bil-għan li tibbenefika mil-leave tal-maternità.

50.      Id-Direttiva 76/207 tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/85(25). Għaldaqstant, anki jekk, f’każ bħal dak preżenti, ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fis-sens ta’ l-ewwel Direttiva ċċitata, huwa possibbli li d-drittijiet tal-ħaddiema kkonċernata bħala mara tqila jkunu milquta fuq il-bażi tat-tieni Direttiva. Madankollu, tali ipoteżi tippresupponi li din il-kwistjoni tkun taqa’ kemm fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae kif ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva in kwistjoni.

1.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 92/85

51.      Il-kwistjoni jekk persuna fis-sitwazzjoni ta’ S. Kiiski għandhiex titqies bħala ħaddiema, anki matul il-perijodu tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, u jekk għaldaqstant taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 92/85 tiddependi b’mod deċiżiv mill-istatus tal-kuntratt ta’ impjieg tagħha matul dak il-leave.

52.      Din il-kwistjoni hija rregolata mil-liġi nazzjonali. Id-dritt Komunitarju f’dan ir-rigward ma joħloq ebda obbligu, u dan irrispettivament mill-kwistjoni jekk il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal(26) li minnu bbenefikat S. Kiiski għandux jiġi ekwiparat ma’ leave tal-ġenituri(27) fis-sens tad-Direttiva 96/34 jew jekk dan jaqax taħt kunċett aktar wiesa'. Fil-fatt, anki fil-każ tal-leave tal-ġenituri li għalih il-ftehim qafas jipprovdi madankollu ċerti rekwiżiti minimi taħt id-dritt Komunitarju, il-Klawsola 2(7) ta’ l-imsemmi ftehim tħalli espressament f’idejn l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali l-kompitu li jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt ta’ impjieg jew tar-relazzjoni ta’ xogħol għall-perijodu tal-leave tal-ġenituri.

53.      Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika b’mod konkret x’kien, skond il-liġi nazzjonali, l-istatus tal-kuntratt ta’ impjieg ta’ S. Kiiski matul il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li kien ingħatalha. L-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju tindika li dan il-kuntratt ta’ impjieg baqa’ fis-seħħ matul il-perijodu tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal u li kienu biss l-obbligi prinċipali li jirriżultaw minnu li kienu sospiżi. F’dan il-każ, S. Kiiski kompliet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 92/85 anki matul il-perijodu ta’ dan il-leave.

2.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 92/85

54.      Il-punt in kwistjoni f’dan il-każ huwa jekk ħaddiema jibqax ikollha dritt għal-leave tal-maternità fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 meta matul il-perijodu li għalih tkun talbet il-leave tal-maternità hija ma tkunx aktar f’servizz attiv iżda tkun bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 92/85 u mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-leave tal-maternità.

55.      Peress li l-kliem ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 ma jagħti ebda indikazzjoni fuq dan il-punt, it-tifsira u l-portata tad-dritt għal-leave tal-maternità garantit taħt id-dritt Komunitarju jistgħu jiġu ddeterminati biss fid-dawl ta’ l-għanijiet li d-Direttiva 92/85 tfittex li tilħaq u tal-kuntest leġiżlattiv li fih taqa’ din id-dispożizzjoni(28).

56.      L-għan tal-leave tal-maternità huwa li jiġi żgurat il-ħarsien tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara u r-relazzjonijiet partikolari bejnha u t-tarbija matul il-perijodu li jsegwi t-tqala u l-ħlas, billi jiġi evitat li dawn ir-relazzjonijiet jiġu disturbati mill-akkumulazzjoni ta’ piżijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju simultanju ta’ attività professjonali(29). L-għoti tal-leave tal-maternità fis-sens ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, flimkien mal-garanziji finanzjarji previsti fl-Artikolu 11(2) ta’ din l-istess Direttiva, huwa intiż sabiex jevita li ħaddiema tqiegħed lilha nfisha u lit-tarbija tagħha fil-periklu billi tesponi ruħha għal piżijiet u riskji partikolari.

57.      Għaldaqstant, il-leave tal-maternità huwa intiż b’mod speċjali biex jiġi evitat il-piż doppju li jirriżulta minn tqala u mill-eżerċizzju simultanju ta’ attività professjonali. Issa meta ħaddiema diġà tkun bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal jew bil-leave tal-ġenituri u ma tkunx f’servizz attiv matul il-perijodu li għalih tkun talbet li tibbenefika mil-leave tal-maternità, hija effettivament ma tkunx suġġetta għal dan il-piż doppju.

58.      Bla dubju, matul il-perijodu tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, ħaddiema tista’ xorta waħda tkun suġġetta għal piż doppju f’ċerti mumenti jekk hija toħroġ tqila (għal darb’oħra) matul dan il-perijodu. Għaldaqstant, prinċipalment fit-tmiem tat-tqala tagħha kif ukoll għal ftit żmien wara t-twelid tat-tieni tarbija, huwa ferm probabbli li, provviżorjament, l-omm tkun tista’ tieħu ħsieb l-ewwel wild tagħha biss b’mod limitat.

59.      Madankollu, lanqas il-fatt li ħaddiema tkun bil-leave tal-maternità ma jtaffi b’xi mod dan il-piż doppju: għall-kuntrarju, anki ħaddiema li tkun bil-leave tal-maternità jkollha eventwalment tlaħħaq fl-istess ħin mat-tqala u mat-trobbija ta’ l-ewwel tifel u b’hekk ikollha terfa’ piż doppju.

60.      Barra minn hekk, dan it-tip ta’ piż doppju ma jaqax taħt l-għan ta’ protezzjoni tad-Direttiva 92/85 jew tal-leave tal-maternità ggarantit minn din id-Direttiva. Kif fil-fatt jirriżulta mill-bażi legali ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-Artikolu 118a tat-Trattat KEE kif ukoll mill-ewwel, mill-ħames u mis-sitt premessi tagħha, l-iskop tad-Direttiva huwa li ttejjeb l-ambjent tax-xogħol u b’dan il-mod, tipproteġi b’mod partikolari s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

61.      Għall-kuntrarju, il-protezzjoni – li mingħajr dubju hija importanti – tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema tqal barra l-isfera diretta tat-twettiq tax-xogħol tagħhom, per eżempju matul il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal jew il-leave tal-ġenituri, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85. Din il-protezzjoni tista’ tingħata biss – għall-inqas fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju – mil-liġi nazzjonali, u b’hekk mill-Istati Membri u/jew mill-imsieħba soċjali.

62.      Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu(30) lanqas ma tippermetti li tintlaħaq konklużjoni oħra. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat f’dik is-sentenza “li leave iggarantit mid-dritt Komunitarju ma jistax jaffettwa d-dritt li jittieħed leave ieħor iggarantit minn dan id-dritt”. Madankollu, għall-ħaddiema li ma jkunux f’servizz attiv iżda li jkunu bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal jew bil-leave tal-ġenituri, il-leave tal-maternità effettivament mhuwiex “leave iggarantit mid-dritt Komunitarju”. Peress li l-ħaddiema in kwistjoni m’għandha, fi kwalunkwe każ, ebda dritt għal leave tal-maternità ggarantit mid-dritt Komunitarju matul dan il-perijodu, tali dritt ma jistax jiġi affettwat mill-fatt li l-ħaddiema in kwistjoni tkun għadha koperta minn leave ieħor, b’mod partikolari leave tal-ġenituri jew leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal.

63.      Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu sempliċement tispeċifika li ħaddiema għandha tibbenefika minn kreditu ta’ ġranet ta’ leave għall-parti tal-leave tal-ġenituri li ma tkunx ittieħdet f’każ fejn matul dan il-perijodu, ikun ingħatalha leave tal-maternità taħt il-liġi nazzjonali(31). L-iskop ta’ dan il-metodu hu li jiġi evitat li ma tintilifx parti mhux użata tal-leave għall-ġenituri diġà mogħti. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi implikat minn din is-sentenza li d-dritt Komunitarju dejjem jagħti dritt għal leave tal-maternità lill-ħaddiema li jkunu bil-leave għall-ġenituri jew bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal. Huwa minnu li l-Istati Membri jew l-imsieħba soċjali jistgħu – fid-dawl tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu – jestendu l-leave tal-maternità għal tali każijiet(32); iżda dan mhuwiex meħtieġ taħt id-dritt Komunitarju.

64.      Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil min iħaddem jirrifjuta li jagħti lil ħaddiema, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża, il-possibbiltà mitluba minn din il-ħaddiema, fuq il-bażi ta’ tqala ġdida, li tqassar il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li diġà jkun ingħatalha, sabiex tkun tista’ tibbenefika mil-leave tal-maternità.

3.      Il-garanziji finanzjarji matul il-leave tal-maternità skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85

65.      Anki jekk jiġi kkunsidrat li ħaddiema bħal S. Kiiski li tkun bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal tista’ titlob li tibbenefika, matul dan il-perijodu, mil-leave tal-maternità, xorta jrid jiġi stabbilit x’garanziji finanzjarji jirriżultaw mid-Direttiva 92/85 għal tali leave tal-maternità.

66.      Jirriżulta min-nota ta’ osservazzjonijiet ta’ S. Kiiski li hija tippretendi li għandha dritt għas-salarju sħiħ tagħha għal perijodu ta’ 72 jum matul l-eventwali leave tal-maternità tagħha(33). Il-kwistjoni jekk tali dritt effettivament jeżistix – f’każ fejn il-leave tal-maternità jkun ingħata – hija kwistjoni li taqa’ taħt il-liġi nazzjonali li l-qorti tar-rinviju għandha, jekk ikun il-każ, tivverifika. Id-dritt Kominitarju f’ebda każ ma jimponi obbligu li jitħallas is-salarju sħiħ.

67.      Skond l-Artikolu 11(2)(b) u 11(3) tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri effettivament mhumiex obbligati li jiggarantixxu l-ħlas tas-salarju sħiħ: għall-kuntrarju, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu biss għad-dritt għal allowance soċjali xierqa għall-ħaddiema nisa, u tali allowance titqies li hija xierqa meta tkun tikkorrispondi mill-inqas għall-ammonti li l-ħaddiema in kwistjoni kienet tirċievi kieku kellha tieqaf mill-attivitajiet tax-xogħol tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa.

68.      Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, ebda dispożizzjoni jew prinċipju ġenerali tiegħu ma jimponi ż-żamma tas-salarju sħiħ ta’ ħaddiema matul il-leave tal-maternità, bil-kundizzjoni li l-ammont ta’ l-allowances imħallsa ma jkunx tant baxx li jippreġudika l-għan li d-dritt Komunitarju jfittex li jilħaq, jiġifieri li tingħata protezzjoni lill-ħaddiema nisa, b’mod partikolari qabel ma jwelldu(34).

69.      Għalkemm il-ħaddiema nisa li jkunu bil-leave tal-maternità mingħajr dubju jeħtieġu protezzjoni msaħħa, is-sitwazzjoni tagħhom ma tistax tiġi ekwiparata ma’ dik ta’ raġel jew mara li jokkupaw effettivament post tax-xogħol u li b’hekk ikunu jinsabu f’relazzjoni ta’ impjieg attiva(35). Dan japplika, a fortiori, fil-każijiet bħal dak preżenti fejn il-ħaddiema ma tkunx għadha f’servizz attiv qabel il-bidu effettiv tal-leave tal-maternità tagħha iżda diġà tkun bil-leave tal-ġenituri jew bil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal. F’dan il-każ, is-sitwazzjoni tagħha hija effettivament aktar komparabbli ma’ dik ta’ persuna li ma taħdimx milli ma’ dik ta’ persuna f’servizz attiv.

70.      Jekk għaldaqstant – għall-kuntrarju tat-teżi sostnuta iktar ’il fuq(36) – kellu jingħata lil ħaddiema bħal S. Kiiski dritt għal leave tal-maternità, id-dritt Komunitarju f’ebda ipoteżi ma jimponi xi obbligu li jingħata s-salarju sħiħ matul dan il-leave.

71.      Konsegwentement, lanqas l-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil min iħaddem jirrifjuta li jagħti lil ħaddiema, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża, il-possibbiltà li tqassar il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li diġà jkun ingħatalha, sabiex tkun tista’ tibbenefika mil-leave tal-maternità.

4.      Konklużjoni parzjali

72.      Għaldaqstant, fir-rigward tat-tielet domanda, għandu jiġi kkonstatat, bħala konklużjoni parzjali, li:

L-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil min iħaddem jirrifjuta li jagħti lil ħaddiema, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża, il-possibbiltà mitluba minn din il-ħaddiema li tqassar il-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal, saħansitra fil-każ li l-ħaddiema titlef, minħabba dan ir-rifjut, ċerti benefiċċji finanzjarji previsti għal-leave tal-maternità fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha.

VI – Konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lit-Tampereen käräjäoikeus:

1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li skondha min iħaddem jista’ jirrifjuta, għal raġunijiet ġustifikabbli marbuta ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża, li jilqa’ talba ta’ ħaddiema biex jitqassar leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal li diġà jkun ġie awtorizzat, liema talba tkun saret fuq il-bażi ta’ tqala ġdida, la twassal għal diskriminazzjoni diretta, u lanqas għal diskriminazzjoni indiretta fuq bażi ta’ sess, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 fil-verżjoni tad-Direttiva 2002/73.

2)      Lanqas l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludu tali regola, saħansitra fil-każ li l-ħaddiema titlef, minħabba dan ir-rifjut, ċerti benefiċċji finanzjarji marbuta mal-leave tal-maternità li joriġinaw mir-relazzjoni ta’ xogħol tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż


2 – Bil-Finlandiż: “hoitovapaa”. Kif ġie indikat matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-leave fil-Finlandja jaqa’ taħt il-kategorija ta’ leave għall-familja li jinkludi wkoll il-leave tal-ġenituri (bil-Finlandiż: “vanhempainloma”) kif ukoll il-leave tal-maternità.


3 – ĠU L 39, p. 40 (iktar ’il quddiem: id-Direttiva 76/207).


4 – Id-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 269, p.15; iktar ’il quddiem: id-Direttiva 2002/73).


5 – ĠU L 348, p. 1 (iktar ’il quddiem: id-Direttiva 92/85).


6 – ĠU L 145, p. 4 (iktar ’il quddiem: id-Direttiva 96/34 jew il-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri).


7 – Laki kunnallisesta viranhaltijasta.


8 – Työsopimuslaki.


9 – Kunnallinen yleinen virka-ja työehtosopimus.


10 – Din ir-regola tidher li hija konformi wkoll max-xogħol preparatorju relattiv għall-Artikolu 4 tal-Kapitolu IV tal-Liġi dwar il-kuntratti ta’ impjieg li tirregola d-dritt għal leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal; il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Finlandiż jirreferu f’dan ir-rigward għall-Abbozz ta’ Liġi Nru. 37/1998.


11 – Tampereen Lyseon Lukio.


12 – Valtion virkaehtosopimus.


13 – Skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Finlandiż, jirriżulta wkoll mill-Artikolu 4(3) tal-Liġi Finlandiża dwar il-kuntratti ta’ impjieg li ż-żewġ ġenituri ma jistgħux jieħdu leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal fl-istess ħin.


14 – Qorti ta’ l-ewwel istanza ta’ Tampere.


15 – Din il-pretensjoni fir-rigward tas-salarju tirreferi għall-perijodu bejn it-23 ta’ Diċembru 2004 u t-18 ta’ Mejju 2005. Kieku t-talba inizjali li saret minn S. Kiiski għall-bidla fil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal kienet ġiet aċċettata, hija kienet terġa’ tidħol għax-xogħol fit-23 ta’ Diċembru 2004 u l-leave tal-maternità tagħha, li kien ta’ 72 jum, kien jibda fid-19 ta’ Frar 2005 u jibqa’ għaddej sat-18 ta’ Mejju 2005.


16 – EUR 78,07 kuljum għal 73 jum.


17 – Tampereen kaupunki.


18 – Ara per eżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker, (C‑177/88, Ġabra p. I‑3941, punt 12) u Handels- og Kontorfunktionaerernes Forbund (C‑179/88, Ġabra p. I‑3979, punt 13), ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark (C‑109/00, Ġabra p. I‑6993, punt 25), tat-8 ta’ Settembru 2005, McKenna (C‑191/03, Ġabra p. I‑7631, punt 47) u tas-27 ta’ Frar 2003, Busch (C‑320/01, Ġabra p. I‑2041, punti 39 u 40).


19 – Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2004, Alabaster, C‑147/02, (Ġabra p. I‑3101, punt 45), ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 70), ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 71), tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57).


20 – Sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑519/03, Ġabra p. I‑3067, punt 32); ara wkoll l-Artikolu 2(1) tal-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri.


21 – Il-kwistjoni jekk il-ħaddiema kinitx diġà taf li kienet tinsab tqila qabel il-bidu tal-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal u jekk għarrfitx b’dan lil min iħaddimha jew jekk hija għamlitx dan iktar tard mhijiex deċiżiva f’dan il-kuntest.


22 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


23 – Il-fatt li possibbilment aktar nisa milli rġiel jitolbu li jibbenefikaw mil-leave tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal taħt ebda ipoteżi mhuwa biżżejjed, fih innifsu, biex iwassal għall-konklużjoni li teżisti diskriminazzjoni indiretta.


24 – Ara r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 76/207 fil-verżjoni tad-Direttiva 2002/73 li skondu din id-Direttiva għandha tinftiehem mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/34.


25 – Ara r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 76/207 fil-verżjoni tad-Direttiva 2002/73.


26 – Bil-Finlandiż: “hoitovapaa”.


27 – Bil-Finlandiż: “vanhempainloma”


28 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C‑17/03, Ġabra p. I‑4983, punt 41), ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 60) u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑36/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).


29 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 32); ara wkoll is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et (C‑411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 41), tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, Ġabra p. I‑2605, punt 32); ara wkoll fl-istess sens is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar (C‑366/99, Ġabra p. I‑9383, punt 43).


30 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 33. Ara fl-istess sens is-sentenza Merino Gomez, nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 41).


31 – Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-każ fuq iċċitat li l-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu “billi pprovda li d-dritt għal-leave tal-maternità jew għal-leave sabiex jiġi milqugħ wild li jinħoloq matul leave tal-ġenituri jissostitwixxi lil dan ta’ l-aħħar, li għandu għaldaqstant jintemm, mingħajr il-possibbiltà għall-ġenitur li jittrasferixxi l-parti mil-leave tal-ġenituri li ma setax jibbenefika minnha (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 34 flimken mal-punt 1 tad-dispożittiv).


32 – Id-Direttiva 92/85 sempliċement tistabbilixxi regola minima komuni; dan diġà jirriżulta mill-bażi legali tad-Direttiva (ara l-Artikolu 118 A(2) tat-Trattat KEE) u huwa rifless fil-kliem użat fl-Artikolu 8 tad-Direttiva (“mill-inqas”)


33 – S. Kiiski tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq il-ftehim kollettiv applikabbli.


34 – Sentenza McKenna (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 59); ara fl-istess sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et (C‑342/93, Ġabra 1996 p. I‑475, punt 20).


35 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza Gillespie (iċċitata f’punt 34, punt 17), is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen (C‑333/97, Ġabra p. I‑7243, punt 37) u McKenna (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 50 u 59); ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tiegħi tat-12 ta’ Frar 2004, fil-kawża deċiża bis-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2004, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑220/02, Ġabra 2004 p. I‑5907, punti 95 u 96).


36 – Ara l-punti 54 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.