30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta' Lulju 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari ta' l-Employment Tribunal — ir-Renju Unit) — S. Coleman vs Attridge Law, Steve Law

(Kawża C-303/06) (1)

(Politika soċjali - Direttiva 2000/78/KE - Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol - Artikoli 1, 2(1), (2)(a) u (3) u 3(1)(ċ) - Diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta' diżabilità - Fastidju marbut mad-diżabilità - Sensja mogħtija lil impjegat li huwa stess m'għandux diżabilità, iżda li t-tifel tiegħu għandu diżabilità - Inklużjoni - Oneru tal-prova)

(2008/C 223/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Employment Tribunal

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: S. Coleman

Konvenuti: Attridge Law, Steve Law

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Employment Tribunal — Interpretazzjoni ta' l-Artikoli 1 u 2(2)(a) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16) — Portata tal-kunċett ta' diżabilità — Possibbiltà li jiġi estiż għal persuna assoċjata mill-qrib ma' persuna b'diżabilità u li ġiet iddiskriminata minħabba din l-assoċjazzjoni — Impjegata li waħedha qiegħda trabbi tifel b'diżabilità

Dispożittiv

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, u, b'mod partikolari, l-Artikoli 1 u 2(1) u (2)(a) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta li huma jistabbilixxu mhijiex limitata biss għal persuni li huma stess għandhom diżabilità. Meta min iħaddem jittratta impjegat li huwa stess m'għandux diżabilità b'mod inqas favorevoli milli huwa, kien jew kien jiġi ttrattat impjegat ieħor f'sitwazzjoni komparabbli u jiġi pprovat li t-trattament sfavorevoli li tiegħu dan l-impjegat ikun vittma jkun ibbażat fuq id-diżabilità tat-tifel tiegħu, li lilu huwa jagħti l-parti l-kbira tal-kura li dan ta' l-aħħar għandu bżonn, tali trattament jmur kontra l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni diretta prevista fl-imsemmi Artikolu 2(2)(a).

2)

Id-Direttiva 2000/78 u, b'mod partikolari, l-Artikoli 1 u 2(1) u (3) tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni tal-fastidju li huma jistabbilixxu mhijiex limitata biss għal persuni li huma stess għandhom diżabilità. Meta jiġi pprovat li l-imġiba mhux xierqa li tikkostitwixxi fastidju li tagħha impjegat, li huwa stess m'għandux diżabilità, ikun vittma tkun marbuta mad-diżabilità tat-tifel tiegħu, li lilu huwa jagħti l-parti l-kbira tal-kura li dan ta' l-aħħar għandu bżonn, tali imġiba tmur kontra l-projbizzjoni tal-fastidju prevista fl-imsemmi Artikolu 2(3).


(1)  ĠU C 237, 30.9.2006.