DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta' Jannar 2007 (*)

“L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura − Politika soċjali − Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema − Direttivi 93/104/KE u 2003/88/KE − Kunċett ta' "ħin tax-xogħol" − Perijodi ta' inattività fil-kuntest ta' xogħol ta' l-għassa provdut minn tabib fuq il-post tax-xogħol – Klassifikazzjoni – Effett fuq ir-remunerazzjoni tal-parti interessata”

Fil-kawża C-437/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Okresní soud v Českém Krumlově (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta' Diċembru 2005, fil-kawża

Jan Vorel

vs

Nemocnice Český Krumlov,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn R. Schintgen (Relatur), President ta' l-Awla, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta' digriet motivat skond l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18), hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/34/KE tat-22 ta' Ġunju 2000 (ĠU L 195, p. 41, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 93/104"), kif ukoll id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88/KE ta' l-4 ta' Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, p. 9), li rrevokat u ssostitwixxiet id-Direttiva 93/104 b'effett mit-2 ta' Awwissu 2004.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Vorel u min jimpjegah, in-Nemocnice Český Krumlov (sptar ta' Český Krumlov, iktar 'il quddiem in "NČK"), dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "ħin tax-xogħol" fis-sens tad-Direttivi 93/104 u 2003/88 f'dak li jikkonċerna x-xogħol ta' l-għassa pprovdut minn tabib fi sptar kif ukoll ir-remunerazzjoni dovuta għal dan ix-xogħol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Id-Direttiva 93/104 ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 118 A tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 136 KE sa 143 KE), filwaqt li d-Direttiva 2003/88 tirreferi għall-Artikolu 137 KE bħala bażi ġuridika.

4       Skond l-Artikolu 1 tagħha, intitolat "Skop u qasam ta' applikazzjoni", id-Direttiva 93/104 tistabbilixxi rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tapplika għas-setturi kollha ta' attività, kemm pubbliċi kif ukoll privati, bl-eċċezzjoni tal-baħħara.

5       Taħt it-Titolu "Definizzjonijiet", l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/104 jipprovdi:

"Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ħin tax-xogħol tfisser kull perjodu li l-ħaddiem ikun qed jaħdem, għad-dispożizzjoni ta' min iħaddem, qed iwettaq l-attivitajiet tiegħu u d-dmirijiet li jtih, skond il-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali;

2)      perjodu ta' serħan tfisser kull ħin li matulu ma jsirx xogħol;

[…]"

6       L-imsemmija Direttiva tipprovdi, fl-Artikoli 3 sa 6 tagħha, l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu sabiex kull ħaddiem jibbenefika, b'mod partikolari, minn perijodi minimi ta' serħan tal-ġurnata u ta' serħan tal-ġimgħa, kif ukoll għal pawża ta' serħan, u hija tirregola wkoll il-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa.

7       Skond l-Artikolu 18(1)(a) tad-Direttiva 93/104, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-Istat Membri kellhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom ma' din ta' l-aħħar, l-iktar tard, sat-23 ta' Novembru 1996, jew kellhom jiżguraw li, sa din id-data, l-imsieħba soċjali jkunu waqqfu l-miżuri meħtieġa bi ftehim, filwaqt li l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jieħdu kull pass neċessarju li jgħinhom biex jiggarantixxu f'kull ħin li d-dispożizzjonijiet preskritti f'din id-Direttiva jkunu mħarsa.

8       Hekk kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 2003/88 hija intiża, sabiex ikunu ċċarati dawn il-materji, li tikkodifika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104.

9       Skond l-Artikolu 28 tagħha, id-Direttiva 2003/88 daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2004.

10     Skond it-tabella li tidher fl-Anness II ta' l-istess Direttiva, l-Artikoli 1 sa 6 tad-Direttiva 93/104 jikkorrispondu għall-Artikoli 1 sa 6 tad-Direttiva 2003/88, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma fformulati f'termini essenzjalment identiċi.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11     Fir-Repubblika Ċeka, l-Artikolu 83 tal-Liġi Nru 65/1965 dwar il-Kodiċi tax-Xogħol, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004, jiddefinixxi l-ħin tax-xogħol bħala "il-perijodu li matulu l-impjegat huwa obbligat li jwettaq xogħol għal min iħaddmu", il-perijodu ta' serħan bħala "il-perijodu li mhuwiex ħin tax-xogħol" u x-xogħol ta' l-għassa bħala "il-perijodu li matulu l-impjegat huwa disponibbli sabiex iwettaq servizz ta' xogħol skond il-kuntratt tax-xogħol, li għandu jiġi mwettaq, f'każijiet ta' emerġenza, lil hinn mill-ħinijiet tax-xogħol".

12     Intitolat "xogħol ta' l-għassa", l-Artikolu 95 ta' l-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

"1)      Il-possibbiltà ta' servizz ta' xogħol urġenti mwettaq lil hinn mill-ħinijiet tax-xogħol ta' l-impjegat hija l-kundizzjoni tax-xogħol ta' l-għassa. Ix-xogħol ta' l-għassa jista' jitwettaq fuq il-post tax-xogħol jew f'post ieħor miftiehem ma' min iħaddem.

2)      Min iħaddem jista' jiftiehem ma' l-impjegat għal xogħol ta' l-għassa li ma jkunx ta' iktar minn 400 sigħat fis-sena. Min iħaddem jista' jiftiehem ma' l-impjegat għal xogħol ta' l-għassa li għandu jitwettaq f'post ieħor. Fil-kuntest ta' xogħol ta' l-għassa li huwa s-suġġett ta' ftehim, min iħaddem jista' jordna lill-impjegat iwettaq xogħol ta' l-għassa. Fil-każ ta' ftehim kollettiv innegozjat fi ħdan impriża, wieħed jista' jillimita l-kamp ta' applikazzjoni tax-xogħol ta' l-għassa għall-post tax-xogħol u, eventwalment, bi ftehim ma' l-impjegat, jistabbilixxi post ieħor fejn għandu jsir ix-xogħol ta' l-għassa.

3)      Meta jiġi pprovdut xogħol matul il-perijodu tax-xogħol ta' l-għassa, l-impjegat għandu dritt għal salarju; xogħol ipprovdut fil-kuntest ta' servizz ta' xogħol ta' l-għassa lil hinn mill-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa għandu jiġi meqjus bħala sahra u huwa inkluż fil-limiti tas-sahra.

4)      Xogħol ta' l-għassa li ma jagħtix lok għal prestazzjoni ta' xogħol mhuwiex inkluż fil-ħin tax-xogħol; għal dan il-perijodu, l-impjegat għandu dritt għal remunerazzjoni skond id-dispożizzjonijiet partikolari [liġijiet nri 1/1992, fuq is-salarju u r-remunerazzjoni ta' xogħol ta' l-għassa u s-salarju medju, kif emendata, kif ukoll 143/1992, fuq is-salarju u r-remunerazzjoni ta' xogħol ta' l-għassa mwettaq f'organizzazzjonijiet u f'korpi pubbliċi, kif emendata]."

13     L-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 1/1992, intitolata "remunerazzjoni ta' xogħol ta' l-għassa", jipprovdi:

"Jekk ir-remunerazzjoni ta' xogħol ta' l-għassa [Artikolu 95 tal-Kodiċi tax-Xogħol] mhijiex stabbilita fi ftehim kollettiv jew f'kuntratt ta' xogħol, ir-remunerazzjoni li għaliha huwa intitolat l-impjegat għal siegħa għassa għandha tammonta għal, minn ta' l-inqas, 20 % tas-salarju medju fis-siegħa fil-każ ta' għassa fuq il-post tax-xogħol jew għal 10 % tas-salarju medju fis-siegħa fil-każ ta' għassa barra mill-post tax-xogħol."

14     Taħt it-Titolu "Remunerazzjoni ta' xogħol ta' l-għassa", l-Artikolu 19 tal-Liġi Nru 143/1992 jipprovdi:

"1)      Għal kull siegħa għassa [Artikolu 95 tal-Kodiċi tax-Xogħol] li ssir fuq il-post tax-xogħol lil hinn mill-ħin tax-xogħol, min iħaddem għandu jħallas lill-impjegat remunerazzjoni li tikkorrispondi għal 50 % u, fil-każ ta' festa pubblika, għal 100 % tal-parti proporzjonali tas-salarju u tas-supplement individwali u tas-suppliment speċjali għal siegħa ta' xogħol mingħajr sahra matul ix-xahar li fih sar ix-xogħol ta' l-għassa.

2)      Għal kull siegħa għassa li ssir barra mill-post tax-xogħol u lil hinn mill-ħin tax-xogħol, min iħaddem għandu jħallas lill-impjegat remunerazzjoni li tikkorrispondi għal 15 % u, fil-każ ta' festa pubblika, għal 25 % tal-parti proporzjonali tas-salarju u tas-suppliment individwali u tas-supplement speċjali għal siegħa ta' xogħol mingħajr sahra matul ix-xahar li fih sar ix-xogħol ta' l-għassa.

3)      Fil-każ ta' xogħol ipprovdut matul l-għassa, l-impjegat għandu dritt għal salarju. F'dan il-każ, remunerazzjoni għax-xogħol ta' l-għassa mhijiex dovuta."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15     Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li J. Vorel huwa impjegat bħala tabib min-NČK abbażi ta' kuntratt għal żmien indeterminat.

16     Matul il-perijodu ta' bejn l-1 ta' Mejju u l-31 ta' Ottubru 2004, in-NČK talbu jwettaq xogħol ta' l-għassa fuq il-post tax-xogħol tiegħu li għal dan ix-xogħol huwa ħallsu remunerazzjoni li tikkorrispondi għal dik speċifikament prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta' xogħol ta' l-għassa.

17     J. Vorel jikkontesta l-metodu ta' kalkolu ta' din ir-remunerazzjoni quddiem l-Okresní soud v Českém Krumlově (qorti tad-distrett ta' Český Krumlov) u jitlob lil din ta' l-aħħar sabiex tikkundanna lill-NČK iħallsu supplement mas-salarju tiegħu li jammonta għal CZK 29 151, kif ukoll l-interessi, din is-somma tikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li ġiet imħallsa lilu għax-xogħol ta' l-għassa fl-isptar li sar matul l-imsemmi perijodu u s-salarju li kellu jiġi mħallas lilu li kieku l-imsemmija servizzi kellhom jiġu meqjusa bħala xogħol normali.

18     It-talba ta' J. Vorel hija bbażata fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Settembru 2003, Jaeger (C-151/02, Ġabra p. I-8389), li tgħid li x-xogħol ta' l-għassa li tabib iwettaq skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-isptar jikkostitwixxi, kollu kemm hu, ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 93/104, anki jekk il-parti interessata tkun awtorizzata tistrieħ fuq il-post tax-xogħol matul il-perijodi li fihom is-servizzi tagħha ma jkunux mitluba. Mill-imsemmina sentenza, J. Vorel jikkonkludi li t-tul tal-ħin totali tas-servizzi li huwa pprovda bħala xogħol ta' l-għassa fi sptar għandu jiġi klassifikat bħala "ħin tax-xogħol" fis-sens tad-Direttivi 93/104 u 2003/88, u dan ikun ifisser li, skond dawn, tali servizz għandu jiġi mħallas min-NČK bl-istess mod bħalli kieku huwa effettivament wettaq servizz ta' xogħol, minkejja li parti minn dak il-perijodu kien tqatta' fl-istennija għal xogħol effettiv.

19     Min-naħa l-oħra, l-NČK isostni, l-ewwel nett, li huwa konformi, f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tar-remunerazzjoni ta' J.Vorel, mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ li tipprovdi li xogħol ta' l-għassa li matulu ma ġie pprovdut l-ebda xogħol mhuwiex ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ħin tax-xogħol effettiv, iżda, minkejja dan, jagħti lok għal ċertu kumpens finanzjarju. Sussegwentement, huwa jsostni li s-sentenza Jaeger, iċċitata iktar 'il fuq, teżiġi biss li x-xogħol ta' l-għassa li matulu t-tabib ma pprovda l-ebda attività reali ma jkunx ikklassifikat bħala perijodu ta' serħan fis-sens tad-Direttiva 93/104. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li attwalment qed isiru diskussjonijiet sabiex tiġi emendata d-Direttiva 2003/88 f'dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, l-kunċett ta' ħin tax-xogħol fid-dritt Komunitarju.

20     Peress li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, l-Okresní soud v Českém Krumlově ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

"Mill-aspett tal-konformità mad-Direttiva 93/104 u mas-sentenza […] Jaeger, fil-kuntest ta' l-eżami ta' kwistjonijiet relatati mad-dritt tax-xogħol, għandha l-istennija ta' xogħol minn tabib matul xogħol ta' l-għassa fuq il-post tax-xogħol tiegħu fl-isptar tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prestazzjoni ta' xogħol?".

 Fuq id-domanda preliminari

21     Skond l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li t-tweġiba għal domanda preliminari tkun tista' tiġi kjarament dedotta mill-ġurisprudenza l-Qorti tista', wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tagħti deċiżjoni permezz ta' digriet motivat, li għandu jkun fih referenza għall-ġurisprudenza kkonċernata. Il-Qorti tqis li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

22     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttivi 93/104 u 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprovdi li x-xogħol ta' l-għassa li tabib iwettaq skond sistema tal-preżenza fiżika fuq il-post stess tax-xogħol, iżda li matulu ma wettaq ebda attività effettiva, minn naħa, mhuwiex ikkunsidrat bħala "ħin ta' xogħol" fis-sens ta' l-imsemmija Direttivi u, min-naħa l-oħra, jagħti lok għal remunerazzjoni kkalkulata b'rata inferjuri minn dik li hija applikabbli għall-prestazzjonijiet effettivi ta' xogħol.

23     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li d-Direttiva 93/104 għandha l-għan li tiffissa r-rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin ta’ xogħol. Din l-armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem, billi tassigura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ serħan – b’mod partikolari ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa u billi tipprovdi limitu massimu ta’ 48 siegħa bħala ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa, limitu massimu li fir-rigward tiegħu huwa espressament speċifikat li jinkludi s-sigħat ta' sahra. Ir-rekwiżiti differenti li l-imsemmija Direttiva tipprovdi dwar is-suġġett tal-ħin massimu tax-xogħol u tal-ħin minimu ta’ serħan għalhekk jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali Komunitarju ta’ importanza partikolari li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem (ara s-sentenza ta' l-1 ta' Diċembru 2005, Dellas et, C-14/04, Ġabra p. I-10253, punti 40, 41 kif ukoll 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24     Fir-rigward, b’mod aktar partikolari, tal-kunċett ta’ "ħin tax-xogħol" fis-sens tad-Direttiva 93/104, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm il-darba li din id-Direttiva tiddefinixxi l-imsemmi kunċett bħala kull perijodu li matulu l-ħaddiem ikun ix-xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddem u fl-eżerċizzju ta’ l-attività jew tal-funzjonijiet tiegħu, konformement mal-liġijiet u/jew mal-prattiċi nazzjonali, u li l-istess kunċett għandu jkun mifhum b’kuntrast mal-perijodu ta’ serħan, peress li dawn iż-żewġ kunċetti jeskludu lil xulxin (sentenza Dallas et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25     F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, minn naħa, id-Direttiva 93/104 ma tipprovdix għall-kategorija intermedjarja bejn il-perijodi ta’ xogħol u dawk ta’ serħan u li, min-naħa l-oħra, l-intensità tax-xogħol imwettaq mill-impjegat jew l-effiċjenza tiegħu, ma jirriżultawx fost l-elementi karatteristiċi tal-kunċett tal-"ħin tax-xogħol" fis-sens ta’ din id-Direttiva (sentenza Dellas et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43).

26     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kunċetti ta’ "ħin tax-xogħol" u ta’ "perijodu ta’ serħan" fis-sens tad-Direttiva 93/104 jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt Komunitarju li jeħtieġ li jiġu definiti skond karatteristiċi oġġettivi, billi ssir referenza għas-sistema u għall-għan ta’ l-imsemmija Direttiva, intiża li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema. Fil-fatt, hija biss tali interpretazzjoni awtonoma li hija ta’ natura tali li tassigura l-effett sħiħ ta’ din id-Direttiva kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ l-imsemmija kunċetti fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenza Dellas et, iċċitata iktar 'il fuq, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27     Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li x-xogħol ta’ l-għassa li l-ħaddiem iwettaq skond is-sistema tal-preżenza fiżika fl-istabbiliment ta’ min iħaddem għandu jkun kkunsidrat kollu kemm hu bħala ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 93/104, indipendentement mix-xogħol realment imwettaq mill-persuna kkonċernata waqt li tkun xogħol ta’ l-għassa (ara s-sentenza Dellas et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28     Il-fatt li x-xogħol ta’ l-għassa jinkludi ċerti perijodi mingħajr attività huwa għalhekk irrilevanti f’dan il-kuntest. Fil-fatt, il-fattur deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li l-elementi karatteristiċi tal-kunċett tal-"ħin tax-xogħol", fis-sens tad-Direttiva 93/104, huma preżenti fix-xogħol ta’ l-għassa li ħaddiem iwettaq fuq il-post stess tax-xogħol tiegħu hu l-fatt li huwa mġiegħel ikun fiżikament preżenti fil-post stabbilit mill-prinċipal tiegħu u li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar sabiex f’każ ta’ bżonn ikun jista’ jipprovdi s-servizzi xierqa immedjatament. Konsegwentement, hemm lok li dawn l-obbligi jiġu kkunsidrati bħala rilevanti għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dan il-ħaddiem (ara s-sentenza Dellas et, iċċitata iktar 'il fuq, punti 47 kif ukoll 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29     Peress li l-Artikoli 1 sa 6 tad-Direttiva 2003/88 huma fformulati f'termini li huma essenzjalment identiċi għal dawk ta' l-Artikoli 1 sa 6 tad-Direttiva 93/104, l-interpretazzjoni ta' din ta' l-aħħar, kif imfakkra fil-punti 24 sa 28 ta' dan id-digriet, hija kompletament applikabbli għad-Direttiva 2003/88.

30     Il-fatt li fi ħdan il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea attwalment għaddejjin xogħlijiet intiżi sabiex eventwalment id-Direttiva 2003/88 tiġi emendata, m'għandu l-ebda rilevanza f'dan ir-rigward, speċjalment peress li l-prestazzjonijiet tax-xogħol in kwistjoni fil-kawża prinċipali seħħu matul is-sena 2004.

31     Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, fil-kuntest ta' xogħol ta' l-għassa li tabib iwettaq fuq il-post stess tax-xogħol, il-perijodi li matulhom huwa jibqa' jistenna li jwettaq xogħol effettiv għandhom jiġi kklassifikati kollha kemm huma bħala ħin tax-xogħol u, jekk ikun il-każ, bħala sahra, fis-sens tad-Direttivi 93/104 u 2003/88, sabiex jiġi garantit ir-rispett tar-rekwiżiti minimi kollha fil-qasam tat-tul tal-ħin tax-xogħol u tas-serħan ta' l-impjegati pprovduti f'dawn id-Direttivi u intiżi sabiex jipproteġu b'mod effikaċi s-sigurtà kif ukoll is-saħħa tal-ħaddiema.

32     RigwardFF'dak li jirrigwarda l-effett li sistema bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali jista' jkollha fuq il-livell ta' remunerazzjonijiet imħallsa mill-impjegati kkonċernati, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, ħlief għall-eċċezzjoni ta' każ partikolari bħal dak previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/104 fil-qasam tal-leave annwali mħallas (ara s-sentenzi tas-26 ta' Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, Ġabra p. I‑4881; tas-16 ta' Marzu 2006, Robinson-Steele et, ,C-131/04 u C‑257/04, Ġabra p. I‑2531 u tas-6 ta' April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C-124/05, Ġabra p. I‑3423), l-imsemmija Direttiva tillimita ruħha li tirregola biss ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, b'tali mod li, bħala prinċipju, din ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (ara s-sentenza Dellas et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38).

33     F'dan ir-rigward għandu jingħad ukoll li fis-sentenza Jaeger, iċċitata iktar 'il fuq, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fid-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, din ta' l-aħħar speċifikat, fil-punt 26, li l-kawża prinċipali li tat lok għall-imsemmija sentenza kienet tikkonċerna esklużivament l-aspetti ta' dritt tax-xogħol marbuta mal-perijodi ta' l-għassa, bl-esklużjoni tal-kundizzjonijiet ta' kumpens għal dawn.

34     Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mfakkra fil-punt 32 ta' dan id-digriet hija, minħabba li l-motivi huma identiċi, applikabbli għad-Direttiva 2003/88.

35     F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttivi 93/104 u 2003/88 ma jipprekludux l-applikazzjoni minn Stat Membru ta' leġiżlazzjoni li, għall-finijiet tar-remunerazzjoni tal-ħaddiem u fir-rigward tax-xogħol ta' l-għassa mwettqa minn dan fil-post tax-xogħol tiegħu, tieħu in kunsiderazzjoni b'mod differenti l-perijodi li matulhom prestazzjonijiet ta' xogħol ġew imwettqa effettivament u dawk li matulhom ebda xogħol effettiv ma twettaq, sakemm tali sistema tassigura b'mod komplet l-effett utli tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mill-imsemmija Direttivi fid-dawl tal-protezzjoni effikaċi tas-saħħa u tas-sigurtà ta' dawn ta' l-aħħar.

36     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttivi 93/104 u 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–       huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprovdi li x-xogħol ta' l-għassa li tabib wettaq skond is-sistema tal-preżenza fiżika fuq il-post stess tax-xogħol, iżda li matulu ma wettaq ebda attività effettiva mhuwiex ikkunsidrat bħala "ħin ta' xogħol" fis-sens ta' l-imsemmija Direttivi;

–       ma jipprekludux l-applikazzjoni minn Stat Membru ta' leġiżlazzjoni li, għall-finijiet tar-remunerazzjoni tal-ħaddiem u fir-rigward tax-xogħol ta' l-għassa mwettqa minn dan fuq il-post tax-xogħol tiegħu, tieħu in kunsiderazzjoni b'mod differenti l-perijodi li matulhom prestazzjonijiet ta' xogħol ġew imwettqa effettivament u dawk li matulhom ebda xogħol effettiv ma twettaq, sakemm tali sistema tassigura b'mod komplet l-effett utli tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mill-imsemmija Direttivi fid-dawl tal-protezzjoni effikaċi tas-saħħa u tas-sigurtà ta' dawn ta' l-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

37     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, hekk kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/34/KE tat-22 ta' Ġunju 2000, kif ukoll id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88/KE ta' l-4 ta' Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–       huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tipprovdi li x-xogħol ta' l-għassa li tabib wettaq skond is-sistema tal-preżenza fiżika fuq il-post stess tax-xogħol, iżda li matulu ma wettaq ebda attività effettiva mhuwiex ikkunsidrat bħala "ħin ta' xogħol" fis-sens ta' l-imsemmija Direttivi;

–       ma jipprekludux l-applikazzjoni minn Stat Membru ta' leġiżlazzjoni li, għall-finijiet tar-remunerazzjoni tal-ħaddiem u fir-rigward tax-xogħol ta' l-għassa mwettqa minn dan fuq il-post tax-xogħol tiegħu, tieħu in kunsiderazzjoni b'mod differenti l-perijodi li matulhom prestazzjonijiet ta' xogħol ġew imwettqa effettivament u dawk li matulhom ebda xogħol effettiv ma twettaq, sakemm tali sistema tassigura b'mod komplet l-effett utli tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema mill-imsemmija Direttivi fid-dawl tal-protezzjoni effikaċi tas-saħħa u tas-sigurtà ta' dawn ta' l-aħħar.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.