SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta' April 2007(*)

"Sitt Direttiva VAT – Eżenzjonijiet – Artikolu 13(B)(d)(2) – Kunċett ta' ‘assunzjoni ta' impenji’ – Assunzjoni ta' obbligu għal ristrutturazzjoni ta' proprjetà immobbli – Rifjut ta' eżenzjoni”

Fil-kawża C‑455/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Diċembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta' Diċembru 2005, fil-proċedura

Velvet & Steel Immobilien und Handels GmbH

vs

Finanzamt Hamburg-Eimsbüttel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u U. Forsthoff, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-C. Gracia, bħala aġenti,

–       għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn G. Clohessy, SC, u C. Ramsay, BL,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Ergatoudi, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris u T. Ward, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p. 1, iktar 'il quddiem "is-Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Velvet & Steel Immobilien und Handels GmbH (iktar 'il quddiem "Velvet & Steel") u l-Finanzamt Hamburg-Eimsbüttel (l-amministrazzjoni fiskali, iktar 'il quddiem "il-Finanzamt") dwar l-obbligu tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem "VAT") fuq assunzjoni ta' obbligu minn Velvet & Steel għal ristrutturazzjoni ta' proprjetà immobbli.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       Skond l-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva:

"Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta' l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta' kwalunkwe eżenzjoni, evitar u abbuż [possibbli]:

[…]

d)       it-tranżazzjonijet li ġejjin:

[…]

2.      in-negozju [u] kwalunkwe negozjar ta' garanzija ta' kreditu jew ta' kwalunkwe garanzija għall-flus u l-immaniġġjar tal-garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti dan il-kreditu".

[…]"

 Id-dritt nazzjonali

4       Skond il-punt 1 ta' l-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (Umsatzsteuergesetz, iktar 'il quddiem l-"UStG") applikabbli fiż-żmien ta' meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, huma suġġetti għat-taxxa fuq il-bejgħ il-provvisti jew servizzi oħra li kuntrattur jeffettwa bi ħlas fil-kuntest ta' l-impriża tiegħu tal-pajjiż.

5       L-Artikolu 4(8)(g) ta' l-UStG jeżenta mit-taxxa fuq il-bejgħ it-tranżazzjonijiet li ġejjin, li jaqgħu taħt il-punti (1) sa (3) ta’ l-Artikolu 1(1) :

"in-negozjar ta' garanziji ta' kreditu, jew ta' kwalunkwe garanzija għall-flus; kif ukoll in-negozju fi tranżazzjonijiet ta' dan it-tip."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6       F'Settembru ta' l-1998, Burmeister Immobilien GmbH (iktar 'il quddiem "Burmeister") biegħ art li fuqha kien hemm mibnija blokk ta' appartamenti li kien mikri. F'Lulju ta' l-1999, żewġ persuni effettwaw bejgħ simili. F'dawn ż-żewġ kuntratti ta' bejgħ, il-bejjiegħa ntrabtu li jeffettwaw ix-xogħlijiet ta' ristrutturazzjoni li kienu meħtieġa fuq il-proprjetà immobbli kkonċernata. Iż-żewġ bejjiegħa ntrabtu wkoll b'garanzija tal-kirja.

7       Wara li saru dawn il-kuntratti ta' bejgħ, fil-25 ta' Settembru 1998 u fit-12 ta' Lulju 1999 rispettivament, il-bejjiegħa għamlu kuntratti ma' Velvet & Steel li kienu intitolati "trasferiment ta' parti mill-prezz tal-bejgħ bħala korrispettiv ta' l-assunzjoni ta' obbligi".

8       Permezz ta' dawn il-kuntratti, Velvet & Steel assumiet l-obbligu li teffettwa ristrutturazzjoni tal-proprjetajiet immobbli li ħadu f'idejhom il-bejjiegħa, kif ukoll l-obbligu tal-garanzija tal-kirja, bħala korrispettiv ta' parti mill-prezz tal-bejgħ ta' dawn il-proprjetajiet immobbli, jiġifieri 200,000 DEM fir-rigward tal-kuntratt li sar ma Burmeister u 250,000 DEM fir-rigward tal-kuntratt li sar ma' l-individwi. Skond l-imsemmija kuntratti, Velvet & Steel kienet marbuta li teħles lill-bejjiegħa minn kull spejjeż u drittijiet dovuti lix-xerrej tal-proprjetajiet immobbli fir-rigward tax-xogħlijiet ta' ristrutturazzjoni u tal-garanzija tal-kirja.

9       Sussegwentement, iż-żewġ xerrejja qablu li jeħilsu lil Velvet & Steel mill-obbligi tagħha bħala korrispettiv ta' trasferiment favurihom ta' proporzjon mill-parti tal-prezz tal-bejgħ mogħti lilha. Il-profitt ta' din it-tranżazzjoni, jiġifieri 11,000 u 13,750 DEM fir-rigward tal-kuntratti magħmula ma' Burmeister u l-individwi kkonċernati, kellu jibqa' f'idejn Velvet & Steel bħala "remunerazzjoni jew indennizz/kumpens fiss għal telf ta' profitt". Velvet & Steel iddikjarat dan il-profitt għall-finijiet ta' VAT.

10     Wara li saret spezzjoni, il-Finanzamt qies li l-assunzjoni ta' l-obbligu tar-ristrutturazzjoni minn Velvet & Steel tikkostitwixxi provvista ta' servizz li, inevitabbilment, hija suġġetta għall-VAT, skond l-ewwel sentenza tal-punt 1 ta' l-Artikolu 1(1) ta' l-UStG. Velvet & Steel ressqet ilment kontra l-avviż tat-taxxa stabbilit mill-Finanzamt, li ġie miċħud minn dan ta' l-aħħar fl-10 ta' Ġunju 2003.

11     Velvet & Steel ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Hamburg fl-14 ta' Lulju 2003. Waqt li bbażat ruħha fuq l-argument li l-ebda miż-żewġ assunzjonijiet ta' impenji ma kienu twettqu, hija sostniet, quddiem din il-qorti, li t-tranżazzjonijiet in kwistjoni għandhom jiġu kkwalifikati bħala "assunzjoni ta' impenji" fis-sens ta' l-Artikolu 4(8)(g) ta' l-UStG, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fil-legiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva. Bil-kontra, il-Finanzamt isostni li d-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju invokata tipprevedi l-assunzjoni ta' impenji finanzjarji, filwaqt li l-assunzjoni ta' impenji sabiex issir ristrutturazzjoni ta' proprjetà immobbli taqa' taħt il-kategorija ta' obbligi ta' azzjoni.

12     Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-assunzjoni ta' l-obbligu tar-ristrutturazzjoni ta' proprjetà immobbli tikkostitwixxix tranżazzjoni li hija eżenti mit-taxxa dwar il-bejgħ skond l-Artikolu 4(8)(g) ta' l-UStG. Hija tqis li t-termini ta' l-artikolu msemmi jeskludu kwalunkwe limitu applikabbli għall-eżenzjoni minn obbligi finanzjarji. Madankollu, hija tiddubita mill-fatt li din l-interpretazzjoni tikkonforma ma' l-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva minħabba li, kuntrarjament għall-verżjonijiet tal-lingwi Ġermaniżi u Franċiżi, il-verżjoni tal-lingwa Ingliża ta' din id-dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva tirreferi, mhux għall-assunzjoni ta' impenji b'mod ġenerali, imma għal tipi speċjali ta' garanziji ta' kreditu jew garanzija ta' flus. Huwa f'dawn iċ-cirkustanzi li l-Finanzgericht Hamburg issospenda l-proċeduri u ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Għandu l-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva jiġi interpetat […] fir-rigward tal-kunċett ta' 'assunzjoni ta' impenji' fis-sens li għandhom jiġu inklużi biss l-impenji finanzjarji, jew għandhom jiġu inklużi wkoll assunzjonijiet ta' impenji oħra, bħal per eżempju, l-obbligi ta' azzjoni?"

 Fuq id-domanda preliminari

13     Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju qegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' 'assunzjoni ta' impenji' jeskludix mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni impenji mhux finanzjarji, bħal per eżempju l-impenn ta' ristrutturazzjoni ta' proprjetà immobbli.

14     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b'mod ristrett, peress illi dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jipprevedi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta' servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta' Marzu 2005, Arthur Andersen, C-472/03, Ġabra p. I-1719, punt 24; tad-9 ta' Frar 2006, Stichting Kinderopvang Enschede, C-415/04, Ġabra p. I-1385, punt 13, u tat-13 ta' Lulju 2006, United Utilities, C-89/05, Ġabra p. I-6813, punt 21).

15     Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, l-imsemmija eżenzjonijiet jikkostitwixxu kunċetti awtonomi ta' dritt Komunitarju li għandu bħala għan li jevita diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (sentenzi ta' l-20 ta' Novembru 2003, Taksatorringen, C-8/01, Ġabra p.I-13711, punt 37 ; u ta' l-1 ta' Diċembru 2005, Ygeia, C-394/04 u C-395/04, Ġabra p. I-10373, punt 15).

16     Għalhekk, id-dispożizzjonijiet Komunitarji għandhom jiġu interpretati u applikati b'mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet eżistenti fil-lingwi kollha tal-Komunità (ara s-sentenzi tas-7 ta' Diċembru 1995, Rockfon, C-449/93, Ġabra p. I-4291, punt 28, u tat-8 ta' Diċembru 2005, Jyske Finans, C-394/04, Ġabra p. I-10683, punt 31).

17     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, li s-Sitt Direttiva ma tinkludi l-ebda definizzjoni tal-kunċett "assunzjoni ta' obbligu" imsemmi fl-Artikolu 13(B)(d)(2).

18     Eżami komparattiv tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta' din id-dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva juri diverġenzi terminoloġiċi fir-rigward tal-kunċett "assunzjoni ta' obbligi". Effettivament, f'ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħal ma huma l-verżjonijiet tal-lingwa Ġermaniża, Franċiża u Taljana, din l-espressjoni għandha sens ġenerali, filwaqt li l-verżjonijiet l-oħra bħal-lingwa Ingliża jew Spanjola, jagħmlu riferiment ċar għal impenji finanzjarji.

19     Skond ġurisprudenza kostanti, it-terminu ta' dispożizzjoni komunitarja ma jistax iservi ta' bażi unika għall-interpretazzjoni ta' din id-dispożizzjoni jew jattribbwixxi, f'dan ir-rigward, natura prioritarja meta mqabbel ma' verżjonijiet oħra. Approċċ bħal dan ikun effettivament inkompatibbli ma' l-eżiġenza ta' applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tat-12 ta' Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149-97, Ġabra 1998 p. I-7053, punt 16).

20     Fil-preżenza ta' diverġenzi lingwistiċi, din l-espressjoni ma tistax tiġi evalwata esklużivament fuq bażi testwali. Għalhekk, għandu jkun hemm lok għall-interpretazzjoni ta' din l-espressjoni fid-dawl tal-kuntest li minnu tagħmel parti, ta' l-għanijiet jew ta' l-istruttura tas-Sitt Direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta' Ġunju 1997, SDC, C-2/95, Ġabra p. I-3017, punt 22, tat-3 ta' Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn C-428/02, Ġabra p. I-1527, punt 42, u Jyske Finans, iċċitata, punt 31).

21     Fir-rigward tal-kuntest li minnu tagħmel parti din l-espressjoni, għandu jiġi mfakkar li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva tikkonċerna, minn barra l-assunzjoni ta' impenji, in-negozjar ta' garanziji ta' kreditu, jew ta' kwalunkwe garanzija għall-flus; kif ukoll in-negozju fi tranżazzjonjiet ta' dan it-tip. Hemm qbil li dawn it-tranżazzjonijiet kollha jikkostitwixxu, minn natura tagħhom stess, servizzi finanzjarji.

22     L-istess konklużjoni tintlaħaq għat-tranżazzjonijiet l-oħra elenkati fil-punti 1 u 3 sa 6 ta' l-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva. Għaldaqstant, il-punt 1 jittratta l-kreditu; il-punt 3 jittratta d-depożitu, kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozjabbli; il-punt 4 jittratta l-metodi ta' pagament, il-punt 5 sigurtajiet oħra, u l-punt 6 jittratta l-immaniġġjar ta' fondi [komuni] ta' investiment. Minkejja li dawn it-tranżazzjonijiet, iddefiniti skond in-natura tal-provvista tas-servizzi, ma hemmx għalfejn jkunu effettwati minn banek jew stabbilimenti finanzjarji (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi SDC, iċċitata, punt 32; tas-26 ta' Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, C-305/01, Ġabra p. I-6729, punt 64, u ta' l-4 ta' Mejju 2006, Abbey National, C-169/04, Ġabra p. I-4027, punt 66), huma jaqgħu, globalment, fil-qasam ta' tranżazzjonijiet finanzjarji.

23     F'dan il-każ, l-assunzjoni ta' obbligu ta' ristrutturazzjoni ta' proprjetà immobbli ma tikkostitwixxix, minn natura tagħha, tranżazzjoni finanzjarja fis-sens ta' l-Artikolu 13(B)(d) tas-Sitt Direttiva u, għaldaqstant, ma tidħolx fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

24     Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija msaħħa bil-għan ta' eżenzjoni ta' tranżazzjonijiet finanzjarji, kif tispjega wkoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet bil-miktub, jiġifieri dak li tikkumpensa d-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-bażi ta' taxxa applikabbli, kif ukoll l-ammont ta' VAT li għandu jiġi mnaqqas, u li jevita żieda fil-krediti tal-konsumaturi. Ladarba ssir assunzjoni li l-obbligu ta' ristrutturazzjoni ta' proprjetà ma tippreżentax dawn id-diffikultajiet, din it-tranżazzjoni mhijiex intiża li tkun eżenti.

25     Konsegwentement, la t-terminu, la l-kuntest u lanqas l-għan ta' l-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva ma jwasslu għall-konklużjoni li l-intenzjoni tal-legiżlatur kienet li jeżenta l-assunzjoni ta' obbligi mhux finanzjarji mill-VAT. Minn dan isegwi li l-assunzjoni ta' dawn l-obbligi hija suġġetta għall-VAT.

26     Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta' 'assunzjoni ta' obbligi' jeskludi mill-kamp ta' din id-dispożizzjoni tranżazzjonijiet mhux finanzjarji, bħal ma huwa l-obbligu ta' ristrutturazzjoni ta' proprjetà.

 Fuq l-ispejjeż

27     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tielet Awla taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 13(B)(d)(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, għandha tiġi interpretata fis-sens illi l-kunċett ta' 'assunzjoni ta' obbligi' jeskludi mill-kamp ta' din id-dispożizzjoni tranżazzjonijiet mhux finanzjarji, bħal ma huwa l-obbligu ta' ristrutturazzjoni ta' proprjetà.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.