Kawża C-445/05

Werner Haderer

vs

Finanzamt Wilmersdorf

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Eżenzjonijiet — Artikolu 13A(1)(j) — Tagħlim mogħti minn għalliema privatament, u li jkopri l-edukazzjoni ta’ l-iskola jew ta’ l-università — Tagħlim mogħti fil-kuntest ta’ korsijiet organizzati minn ċentri ta’ tagħlim għall-adulti — Nuqqas ta’ rabta kuntrattwali diretta ma’ l-istudenti”

Sommarju tas-Sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13A(1)(j))

L-attivitajiet ta’ individwu li jaġixxi bħala għalliem estern, li jikkonsistu fl-għoti ta’ lezzjonijiet li fihom jgħin lill-istudenti bix-xogħol ta’ l-iskola kif ukoll ta’ korsijiet taċ-ċeramika u tal-fuħħar fiċ-ċentri ta’ tagħlim għall-adulti, jistgħu jibbenifikaw biss mill-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għat-“tagħlim mogħti privatament minn għalliema u jkopri edukazzjoni ta’ l-iskola jew ta’ l-università”, prevista fl-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, fil-każ li tali attivitajiet jikkonsistu f’lezzjonijiet mogħtija minn għalliem li jaħdem għal rasu, u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u li jirrigwardaw l-edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

(ara l-punt 38 u disp.)














SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Sitt Direttiva VAT – Eżenzjonijiet – Artikolu 13A(1)(j) – Tagħlim mogħti minn għalliema privatament, u li jkopri l-edukazzjoni ta’ l-iskola jew ta’ l-università – Tagħlim mogħti fil-kuntest ta’ korsijiet organizzati minn ċentri ta’ tagħlim għall-adulti – Nuqqas ta’ rabta kuntrattwali diretta ma’ l-istudenti”

Fil-kawża C‑445/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-20 ta’ Ottubru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2005, fil-proċedura

Werner Haderer

vs

Finanzamt Wilmersdorf,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Klučka, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għall-Finanzamt Wilmersdorf, minn D. Bak, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn S. Spyropoulos u S. Trekli, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn Y. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. De Bellis, avvocato dello stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ‘il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn W. Haderer, rikorrent fil-kawża prinċipali, u Finanzamt Wilmersdorf (iktar il-quddiem “Finanzamt”) fir-rigward tar-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar li teżentah mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ‘il quddiem il-“VAT” ) li kien taxxabbli għaliha, għas-sena 1990, fuq l-attivitajiet ta’ tagħlim li wettaq bħala għalliema estern (“freier Mitarbeiter”) fil-Land ta’ Berlin.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“A.      Eżenzjonijiet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku

1.      Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar u abbuż possibbli:

[…]

(i)       edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ, skola jew edukazzjoni ta’ l-università, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ mill-ġdid, inklużi l-provvista ta’ servizzi u ta’ oġġetti li huma relatati mill-qrib magħhom, [ipprovduti minn] entitajiet regolati mid-dritt pubbliku li għandhom [i]t-tali għan tagħhom jew minn organizzazzjonijiet definiti mill-Istat Membru konċernat [bħala] li għandhom oġġetti[vi] simili;

(j)       tagħlim mogħti privatament minn għalliema u jkopri edukazzjoni ta’ l-iskola jew ta’ l-università;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li skond il-ġurisprudenza tal-Bundesfinanzhof:

–        l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4(21)(b) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, (Umsatzsteuergesetz), fil-verżjoni tagħha li kienet fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża (iktar ‘il quddiem il-“UStG”, jibbenifikaw minnha biss l-iskejjel privati jew stabbilimenti ta’ taħriġ ġenerali jew professjonali, iżda mhijiex intiża għal għalliema esterni li jagħtu korsijiet f’dawn l-iskejjel jew fi stabbilimenti ta’ taħriġ oħra, u

–        l-Artikolu 4(22)(a) ta’ l-UStG jeżenta biss lill-istituzzjonijiet imsemmija f’din l-istess dispożizzjoni, jiġifieri, il-persuni ġuridiċi regolati mid-dritt pubbliku, l-iskejjel ta’ edukazzjoni superjuri ta’ l-amministrazzjoni u l-ekonomija, iċ-ċentri ta’ tagħlim għall-adulti jew l-istabbilimenti li għandhom għanijiet ta’ interess pubbliku jew dawk ta’ taħriġ professjonali. Konsegwentement, is-servizzi pprovduti mill-persuni fiżiċi lejn dawn l-istess istituzzjonijiet mhumiex eżenti.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5        Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, W. Haderer ħadem għal numru ta’ snin għal Land ta’ Berlin bħala għalliem estern. Fl-1990, huwa ta diversi korsijiet f’ċentru ta’ tagħlim għall-adulti (“Volkshochschule”) kif ukoll korsijiet taċ-ċeramika u tal-fuħħar f’ċentru ieħor ta’ tagħlim għall-adulti u f’ċentru għall-ġenituri (“Elternzentrum”). Matul din is-sena, l-attivitajiet ta’ tagħlim imwettqa minn W. Haderer kienu spiss jilħqu total ta’ iktar minn 30 siegħa fil-ġimgħa.

6        Il-kuntratti li fuq il-bażi tagħhom W. Haderer kien jipprovdi l-imsemmija servizzi kienu jiġġeddu kull semestru mal-Land ta’ Berlin għal terminu ta’ sitt xhur. Huma kien fihom klawżoli li kienu jgħidu li dawn ma kinux “kuntratti ta’ xogħol” fis-sens ta’ dawn it-termini taħt id-dritt Ġermaniż dwar ix-xogħol.

7        Ir-remunerazzjoni ta’ W. Haderer, imħallsa mil-Land ta’ Berlin, kienet tiġi kkalkolata bis-siegħa. Il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni u tat-taxxi ma kinux inklużi. Huwa ma kellux dritt għal dawn il-ħlasijiet jekk għal xi raġuni ma setax jaħdem, u kien hu li jbati r-riskju tat-telf tagħhom fil-każ li l-korsijiet jiġu kkanċellati, anki jekk ir-raġuni għal tali kanċellazzjoni kienet tkun in-nuqqas ta’ parteċipanti.

8        Fil-kuntest ta’ l-imsemmija kuntratti, W. Haderer kien ibbenefika minn għajnuna finanzjarja fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-pensjoni u għall-assigurazzjoni tas-saħħa, kif ukoll ‘leave allowance’ kkalkolata b’mod proporzjonali.

9        Peress li ma rċevietx id-dikjarazzjoni tal-VAT ta’ W. Haderer għas-snin 1989 sa 1991, il-Finanzamt iddeterminat l-ammont ta’ VAT li kellu jħallas għas-sena 1990, minħabba l-fatt li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(21) jew (22) ta’ l-UStG sabiex jibbenifika minn eżenzjoni.

10      Il-Finanzgericht ċaħdet, bħala infondat, ir-rikors imressaq kontra din id-deċiżjoni li tirrigwarda r-responsabbiltà ta’ W. Haderer għall-ħlas tal-VAT, billi kkunsidrat li dan ta’ l-aħħar ma kienx jibbenifika minn eżenzjoni skond l-UStG.

11      Fl-appell tiegħu quddiem il-Bundesfinanzhof dwar punt ta’ dritt, W. Haderer isostni, b’mod partikolari, li s-servizzi ta’ tagħlim li huwa pprovda matul is-sena 1990 huma eżenti mill-VAT fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 13A(1)(i) u (j) tas-Sitt Direttiva.

12      Il-Bundesfinanzhof tikkunsidra li l-imsemmija servizzi ma jistgħux ikunu eżenti bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13A(1)(i) tas-Sitt Direttiva peress li persuna fiżika mhijiex meqjusa bħala li taqa’ taħt “organizzazzjonijiet definiti mill-Istat Membru konċernat [bħala] li għandhom oġġetti[vi] simili”. Għall-kuntrarju, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 13A(1)(j), hija tistaqsi jekk, sabiex wieħed jibbenifika mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, huwiex meħtieġ li servizz ta’ tagħlim ta’ għalliem indipendenti jiġi pprovdut direttament lill-istudenti bħala destinatarji ta’ dan is-servizz, li jimplika li dawn ta’ l-aħħar iħallsu lill-għalliem tagħhom, jew huwiex biżżejjed li dan is-servizz jitwettaq fi skola jew f’università bħal fil-kawża prinċipali.

13      Għaldaqstant, peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha teħtieġ interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tagħlim għall-iskola jew l-università li jingħata minn għalliem privat għandu jkun eżentat mit-taxxa taħt l-Artikolu 13A(1)(j) tad-Direttiva 77/388/KEE fil-każ biss li l-għalliem privat jipprovdi s-servizzi tiegħu ta’ tagħlim direttament lill-istudenti bħala benifiċjarji ta’ dawn is-servizzi – u għalhekk ikun imħallas minnhom – jew huwa suffiċjenti li l-għalliem jipprovdi s-servizzi tiegħu ta’ tagħlim – bħal f’dan il-każ – lil skola jew università bħala l-benifiċjarju ta’ dawn is-servizzi?”

 Fuq id-domanda preliminari

14      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-attivitajiet ta’ tagħlim, imwettqa minn individwu fil-kwalità tiegħu ta’ għalliem estern f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-kawża prinċipali, jistgħux jibbenifikaw minn eżenzjoni tal-VAT b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk, għall-finijiet ta’ din l-eżenzjoni, għandhiex teżisti rabta diretta bejn l-għalliem, bħala l-persuna li tagħti l-lezzjonijiet, u l-istudenti, bħala d-destinatarji tagħhom, li jimplika, fl-opinjoni tagħha, li dawn ta’ l-aħħar iħallsu direttament lill-għalliem.

15      Il-Finanzamt u l-Gvern Taljan isostnu li attivitajiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali m’għandhomx jiġu eżentati mill-VAT. Għall-kuntrarju, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li dawn l-attivitajient għandhom ikunu eżentati.

16      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, l-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva huwa intiż sabiex jeżenta mill-VAT ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma teżentax l-attivitajiet ta’ interess ġenerali kollha mill-applikazzjoni tal-VAT, iżda dawk biss li huma mniżżla u deskritti f’din id-dispożizzjoni b’mod dettaljat ħafna (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 18; ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Ygeia, C-394/04 u C-395/04, Ġabra p. I-10373, punt 16, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, VDP Dental Laboratory, C-401/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

17      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li għandhom l-għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 15; tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia, C-240/99, Ġabra p. I-1951, punt 23, u Ygeia, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 15).

18      It-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li dawn l-eżenzjonijiet huma derogi mill-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara s-sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-287/00, Ġabra p. I-5811, punt 43, u ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen, C-8/01, Ġabra p. I-13711, punt 36). Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tkun konsistenti ma’ l-għanijiet li dawn l-eżenzjonijiet iridu jilħqu u għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier, C-45/01, Ġabra p. I-12911, punt 42; tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 29, u tat-8 ta’ Ġunju 2006, L. u P., C-106/05, Ġabra p. I-5123, punt 24). Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 għandhom jiġu interpretati b’mod li jipprivahom mill-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe, C-284/03, Ġabra p. I-11237, punt 17, kif ukoll, fir-rigward tat-tagħlim universitarju, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 47).

19      Dan għandu jkun il-każ ukoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet speċifiċi li huma meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet u, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw il-kwalità jew l-identità ta’ l-operatur ekonomiku li jipprovdi servizzi koperti mill-eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg, C-216/97, Ġabra p. I 4947, punti 16 sa 20).

20      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li, fil-Ġermanja, W. Haderer mhuwiex ikkunsidrat li għandu għanijiet simili għal dawk ta’ l-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku previsti fl-Artikolu 13A(1)(i) tas-Sitt Direttiva.

21      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-attivitajiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 13A(1)(j) ta’ l-imsemmija Direttiva, li jipprovdi li t-“tagħlim mogħti privatament minn għalliem u jkopri l-edukazzjoni ta’ l-iskola jew ta’ l-università” huwa eżenti mill-VAT.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mfakkar li, l-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva ma jinkludi ebda kunċett ta’ “edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

23      Filwaqt li l-qorti tar-rinviju ma esprimietx dubji dwar jekk l-attivitajiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett, il-Finanzamt isostni madankollu li, fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni stretta meħtieġa fir-rigward ta’ l-eżenzjonijiet mill-VAT, il-korsijiet taċ-ċeramika u tal-fuħħar mogħtija minn W. Haderer ma jinvolvux l-istess rekwiżiti bħal dawk għall-korsijiet normalment mogħtija fl-iskejjel u fl-universitajiet. Għall-kuntrarju, tali korsijiet huma intiżi biss bħala rikreazzjoni. Il-Finanzamt jenfasizza li, filwaqt li l-Artikolu 13A(1)(i) tas-Sitt Direttiva jipprovdi, barra mill-edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università, l-“edukazzjoni tat-tfal jew taż-żgħażagħ” jew it-“taħriġ vokazzjonali jew taħriġ mill-ġdid”, dan l-istess Artikolu 13A(1)(j) jillimita ruħu li jsemmi l-imsemmi tagħlim, bl-esklużjoni ta’ kull forma oħra ta’ edukazzjoni jew ta’ taħriġ.

24      F’dan ir-rigward, għalkemm it-termini użati għad-deskrizzjoni ta’ l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett, interpretazzjoni partikolarment stretta ta’ “edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università” tista’ toħloq diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor, minħabba l-fatt li s-sistemi ta’ edukazzjoni rispettivi ta’ l-Istati Membri jiġu organizzati skond regoli differenti. Tali diverġenzi mhumiex kompatibbli mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza.

25      Barra minn hekk, safejn l-argument tal-Finanzamt fuq dan il-punt huwa bbażat fuq interpretazzjoni partikolari tal-kunċetti ta’ “skola” u “università” fis-sens tas-sistema edukattiva Ġermaniża, għandu jiġi mfakkar li, il-fatt li tranżazzjoni partikolari tiġi suġġetta għal jew eżentata mill-VAT, ma jiddependix mill-mod kif tkun kwalifikata taħt il-liġi nazzjonali (ara s-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25).

26      Mingħajr m’huwa neċessarju f’din is-sentenza li tingħata definizzjoni preċiża tal-kunċett Komunitarju ta’ “edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università” għall-finijiet tas-sistema tal-VAT, huwa biżżejjed f’dan il-każ li jiġi rrilevat li dan il-kunċett mhuwiex limitat biss għat-tagħlim li jwassal għal eżamijiet sabiex tinkiseb kwalifikazzjoni jew li jippermetti li jinkiseb taħriġ sabiex titwettaq attività professjonali, iżda jinkludi attivitajiet oħra li t-tagħlim tagħhom jingħata ġewwa skejjel jew universitajiet sabiex jiġu żviluppati l-konoxxenzi u l-kapaċitajiet ta’ l-istudenti, sakemm dawn l-attivitajiet ma jkollhomx natura purament rikreattiva.

27      Hija l-qorti tar-rinviju li, meta jkun meħtieġ, għandha tivverifika mill-ġdid, fid-dawl ta’ dawn l-elementi jekk l-attivitajiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt “edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università” fis-sens ta’ l-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva.

28      Barra minn hekk, sabiex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva, mhuwiex biżżejjed li l-lezzjonijiet jaqgħu taħt l-edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università, iżda dan it-tagħlim għandu jkun ukoll “mogħti privatament minn għalliema”.

29      Fil-kawża prinċipali, għalkemm mill-proċess jirriżulta li W. Haderer ta xi lezzjonijiet bħala għalliem u dan il-fatt ma ġiex ikkontestat, la mill-Finanzamt u lanqas mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dawn il-lezzjonijiet ingħatawx “privatament”.

30      Din l-espressjoni ta’ l-aħħar tippermetti li ssir distinzjoni bejn is-servizzi pprovduti mill-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13A(1)(i) tas-Sitt Direttiva, previsti fl-Artikolu 13A(1)(j), li jitwettqu mill-għalliema f’isimhom u taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

31      Fost dawn is-servizzi ta’ l-aħħar jidhru per eżempju, korsijiet partikolari, f’liema każ teżisti bħala prinċipju relazzjoni bejn il-kontenut proprju tal-lezzjonijiet u l-kwalifiki ta’ l-għalliem. F’dan ir-rigward, il-kliem ta’ l-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva bl-ebda mod ma jipprekludi l-lezzjonijiet mogħtija lil ħafna persuni f’daqqa milli jaqgħu taħt l-eżenzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni.

32      Barra minn hekk, kif issostni wkoll il-Kummissjoni, il-ħtieġa li l-lezzjonijiet għandhom jingħataw privatament ma teħtieġx neċessarjament li teżisti rabta kuntrattwali diretta bejn id-destinatarji ta’ dawn il-lezzjonijiet u l-għalliem li jagħtihom. Fil-fatt, tali rabta kuntrattwali teżisti spiss ma’ persuni li mhumiex l-imsemmija destinatarji, bħalma huma l-ġenituri ta’ l-istudenti.

33      Fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punti 5 sa 8 ta’ din is-sentenza, ċerti elementi li jidhru fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja, meħuda b’mod individwali, jistgħu jwasslu sabiex jindikaw li W. Haderer wettaq xi attivitajiet għal rasu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, b’mod li huwa eżerċita dawn l-attivitajiet “privatament”. Dan japplika, b’mod partikolari, għan-nuqqas tad-dritt li jitħallas fil-każ ta’ kanċellazzjoni u l-fatt li kien ibati r-riskju tat-telf tal-ħlas tiegħu fil-każ tal-kanċellazzjoni tal-korsijiet.

34      Madankollu, mill-istess punti ta’ din is-sentenza jirriżulta li W. Haderer ipprovda s-servizzi in kwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-bażi ta’ kuntratti suċċessivi konklużi mal-Land ta’ Berlin. Jidher li, ħlief fil-każ ta’ kanċellazzjoni tal-korsijiet minħabba nuqqas ta’ studenti, il-ħlas li kien jirċievi kien ikkalkolat bis-siegħa, irrispettivament min-numru ta’ persuni li jipparteċipaw fil-kors. Barra minn hekk, anki jekk l-imsemmija kuntratti kienu jippreċiżaw li ma dawn kinux “kuntratti ta’ xogħol” fis-sens ta’ dawn it-termini taħt id-dritt Ġermaniż dwar ix-xogħol, W. Haderer ibbenifika minn għajnuna finanzjarja fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-pensjoni u l-assigurazzjoni tas-saħħa kif ukoll ‘leave allowance’, ikkalkolata b’mod proporzjonali. Fl-aħħar, dan ta’ l-aħħar wettaq l-attivitajiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali ġewwa ċentri ta’ tagħlim għall-adulti amministrati mil-Land ta’ Berlin.

35      L-elementi esposti fil-punt preċedenti jindikaw li, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, li W. Haderer – mhux talli ma kienx jagħti lezzjonijiet għalih innifsu, u taħt ir-responsabbiltà tiegħu –, kien fir-realtà tqiegħed, bħala għalliem, għad-dispożizzjoni tal-Land ta’ Berlin, li kien ħallsu in kwantu fornitur ta’ servizzi għall-benefiċċju tas-sistema edukattiva amministrata mill-imsemmi Land.

36      Il-Kummissjoni ssostni li r-rifjut ta’ l-eżenzjoni f’sitwazzjonijiet bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali jmur kontra l-għan komuni ta’ l-eżenzjonijiet speċifiċi previsti fl-Artikolu 13A(1)(i) u (j) tas-Sitt Direttiva u toħloq lacuna fis-sistema stabbilita minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Fil-fatt, il-lezzjonijiet mogħtija mill-għalliema indipendenti jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi jitqabblu mat-tagħlim mogħti mill-“organizzazzjonijiet” imsemmija fl-Artikolu 13A(1)(i).

37      Madankollu, il-fatt biss li ż-żewġ kategoriji ta’ eżenzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 13A(1)(i) u (j) tas-Sitt Direttiva huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jippromwovu “edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università” , bħala attività ta’ interess ġenerali, ma jistax ikun ta’ bażi għat-teżi li ż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien jifformaw sistema ta’ natura li tippermetti li, jibbenifikaw minn eżenzjoni tal-VAT, attivitajiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet rispettivament stabbiliti minn waħda jew mill-oħra fost l-imsemmija dispożizzjonijiet, li t-termini tagħhom, kif ġie mfakkar fil-punti 16 sa 19 ta’ din is-sentenza, għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta u jkopru biss l-attivitajiet li huma elenkati u deskritti b’mod dettaljat.

38      Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-attivitajiet ta’ individwu li jaġixxi bħala għalliem estern, li jikkonsistu fl-għoti ta’ lezzjonijiet li fihom jgħin lill-istudenti bix-xogħol ta’ l-iskola kif ukoll ta’ korsijiet taċ-ċeramika u tal-fuħħar fiċ-ċentri ta’ tagħlim għall-adulti, jistgħu jibbenifikaw biss mill-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva fil-każ li tali attivitajiet jikkonsistu f’lezzjonijiet mogħtija minn għalliem li jaħdem għal rasu, u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u li jirrigwardaw l-edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-attivitajiet ta’ individwu li jaġixxi bħala għalliem estern, li jikkonsistu fl-għoti ta’ lezzjonijiet li fihom jgħin lill-istudenti bix-xogħol ta’ l-iskola u kif ukoll ta’ korsijiet taċ-ċeramika u tal-fuħħar fiċ-ċentri ta’ tagħlim għall-adulti, jistgħu jibbenifikaw biss mill-eżenzjoni tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud prevista fl-Artikolu 13A(1)(j) tas-Sitt Direttiva fil-każ li tali attivitajiet jikkonsistu f’lezzjonijiet mogħtija minn għalliem li jaħdem għal rasu, u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u li jirrigwardaw l-edukazzjoni ta’ l-iskola u ta’ l-università. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.