Keywords
Summary

Keywords

1. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor – Leġiżlazzjoni Komunitarja – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċji tax-xjuħija jew tas-superstiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 4(1)(c) u (d) u (4))

2. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor – Benefiċċji tax-xjuħija – Modalitajiet partikolari tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża

(Artikoli 18 KE, 39 KE u 42 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 4(1), u Anness VI, C, punt 1)

3. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor – Leġiżlazzjoni Komunitarja – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Benefiċċji tax-xjuħija jew tas-superstiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 4 1(c) u (d))

4. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor – Leġiżlazzjoni Komunitarja – Sostituzzjoni għall-konvenzjonijiet ta’ sigurtà soċjali li saru bejn Stati Membri – Limiti

(Artikoli 39 KE u 42 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Anness III, A u B, punt 35( e))

5. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor – Benefiċċji tax-xjuħija – Modalitajiet partikolari tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża

(Artikolu 42 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 4(1), u Anness VI, C, punt 1)

Summary

1. Benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali fil-każ fejn huwa konċess lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment definita, u fejn huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

Fir-rigward ta’ benefiċċji ta’ l-irtirar Ġermaniżi bbażati inizjalment fuq perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa mill-persuni interessati fuq partijiet mit-territorju fejn, matul perijodi kkonċernati, il-liġijiet tas-sigurtà soċjali tar-Reich Ġermaniż kienu applikabbi iżda kienu jinsabu barra dak tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-imsemmija perijodi ta’ kontribuzzjonijiet mhumiex irrikonoxxuti bħala tali minħabba l-gwerra, iżda huma rrikonoxxuti minħabba li kienu tħallsu kontribuzzjonijiet skond liġijiet Ġermaniżi fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni tax-xjuħija. Il-kontribuzzjonijiet in kwistjoni huma ffinanzjati, bħal fil-każ tal-benefiċċji li huma bbażati fuq perijodi mwettqa fit-territorju ta’ l-attwali Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn kontribuzzjonijiet ta’ l-assigurati li attwalment jeżerċitaw attività. Barra minn hekk, il-ħlas ta’ tali benefiċċji fir-rigward tal-benefiċjarji li jirrisjedu barra mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhuwiex diskrezzjonali, u dan iseħħ biss fil-każ fejn l-iskema legali ta’ assigurazzjoni ta’ l-irtirar tipprovdi li l-benefiċċji skond perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa f’partijiet mit-territorju fejn il-liġijiet tas-sigurtà soċjali tar-Reich Ġermaniż kienu applikabbli huma, bħala regola ġenerali, imħallsa barra mill-pajjiż meta l-persuni li għandhom dritt għal benefiċċji jkunu twieldu qabel id-19 ta’ Mejju 1950 u jkunu stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom barra mill-pajjiż qabel id-19 ta’ Mejju 1990. B’konsegwenza, dawn il-benefiċċji għandhom, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, jitqiesu bħala li huma benefiċċji tax-xjuħija jew tas-superstiti skond l-Artikolu 4(1)(c) u (d) tar-Regolament Nru 1408/71.

(ara l-punti 63, 66-67, 69)

2. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI, Parti C, intitolat “Il-Ġermanja”, punt 1, tar-Regolament Nru 1408/71 huma inkompatibbli mal-moviment liberu tal-persuni, u b’mod partikolari ma’ l-Artikolu 42 KE, f’każ fejn dawn jippermettu li t-teħid in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-ħlas tal-benefiċċji tax-xjuħija, ta’ perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa, bejn l-1937 u l-1945, fuq partijiet mit-territorju fejn il-liġijiet tas-sigurtà soċjali tar-Reich Ġermaniż kienu applikabbli, iżda jinsabu barra minn dak tat-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jirrisjedi f’dan l-Istat Membru.

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li huma ntiżi sabiex jiggarantixxu l-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, mingħand l-Istat kompetenti, anki meta l-assigurat, li jkun ħadem esklużivament fl-Istat ta’ oriġini tiegħu, jirrisjedi jew jittrasferixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor, żgur li jikkontribbwixxu sabiex jiggarantixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, skond l-Artikolu 39 KE, iżda wkoll taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, ġewwa l-Komunità Ewropea, skond l-Artikolu 18 KE. B’hekk, ir-rifjut ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi li jieħdu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-benefiċċji tax-xjuħija, il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni interessati matul il-perijodi in kwistjoni, jagħmel manifestament aktar diffiċli jekk mhux ukoll jimpedixxi l-eżerċizzju minnhom tad-dritt għall-moviment liberu tagħhom ġewwa l-Unjoni u b’hekk jikkostitwixxi ostaklu għal din il-libertà.

Fir-rigward ta’ benefiċċji speċjali non-kontributorji msemmija fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlatur jista’ jadotta, fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 42 KE, dispożizzjonijiet derogatorji għall-prinċipju ta’ l-esportabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. B’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat ta’ l-istituzzjoni kompetenti tista’ tiġi leġittimament meħtieġa għall-għoti ta’ benefiċċji strettament marbuta ma’ l-ambjent soċjali. Dan mhuwiex manifestament il-każ ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, li ma jidhrux bħala li huma marbuta ma’ l-ambjent soċjali karatteristiku ta’ l-Istat Membru li stabbilixxihom u b’hekk bħala li jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjoni ta’ residenza. Li Stat Membru jkun jista’ f’dawn il-kundizzjonijiet ikun kompetenti sabiex jinvoka motivi ta’ integrazzjoni fil-ħajja soċjali ta’ dan l-Istat Membru sabiex jimponi klawżola ta’ residenza jmur direttament kontra l-għan fundamentali ta’ l-Unjoni li jikkonsisti li jiffavorixxi l-moviment tal-persuni ġewwa fiha u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ta’ Stati Membri oħra.

Barra minn hekk, jekk riskju ta’ ħsara serja għall-ekwilibriju finanzjarju ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali jista’ jiġġustifika ostakoli simili, il-Gvern Ġermaniż baqa’ ma weriex kif trasferimenti ta’ residenza barra mill-Ġermanja jistgħu jtaqqlu l-obbligi finanzjarji ta’ skema tas-sigurtà soċjali Ġermaniża.

(ara l-punti 78-79, 81-83, 85 u d-dispożittiv 1)

3. Benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tas-sigurà soċjali f’każ fejn dan jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, abbażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, u fejn dan huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolment Nru 1408/71.

Fir-rigward tal-benefiċċji bbażati fuq perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond il-liġi Ġermaniża dwar id-drittijiet għal pensjoni miksuba permezz ta’ kontribuzzjonijiet barra mill-pajjiż, l-għan ta’ din il-liġi huwa li jintegra l-persuni assigurati li jkunu wettqu perijodi ta’ kontribuzzjonijiet skond din il-liġi fi skema legali ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni Ġermaniża, li dawn il-persuni assigurati jiġu ttrattati bħala li kienu wettqu fil-Ġermanja l-imsemmija perijodi ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, jekk hemm sitwazzjonijiet li fihom il-benefiċċji mħallsa skond din il-liġi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma ddestinati sabiex jiffaċilitaw sitwazzjonijiet diffiċli li nħolqu minħabba avvenimenti marbuta mar-reġim nazzjonal‑soċjalista u mat-Tieni Gwerra Dinjija, dan mhuwiex il-każ f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Ma’ dan għandu jingħad ukoll li l-ħlas ta’ l-imsemmija benefiċċji lill-benefiċjarji li m’għandhomx ir-residenza tagħhom fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhuwiex diskrezzjonarju, peress li dan iseħħ biss fil-każ fejn l-iskema legali ta’ assigurazzjoni ta’ l-irtirar tipprovdi li l-benefiċċji skond perijodi ta’ kontribuzzjonijiet li jaqgħu taħt il-liġi Ġermaniża dwar id-drittijiet għal pensjoni miksuba permezz ta’ kontribuzzjonijiet barra mill-pajjiż huma, bħala regola ġenerali, imħallsa barra mill-pajjiż meta l-persuni li għandhom dritt għal benefiċċji jkunu twieldu qabel id-19 ta’ Mejju 1950 u jkunu stabbilixxew ir-residenza abitwali tagħhom barra mill-pajjiż qabel id-19 ta’ Mejju 1990. B’konsegwenza, l-imsemmija benefiċċji għandhom, fir-rigward tal-karatteristiċi tagħhom, jitqiesu bħala benefiċċji tax-xjuħija jew tas-superstiti skond l-Artikolu 4(1)(c) u (d) tar-Regolament Nru 1408/71.

(ara l-punti 107, 110-112, 114)

4. It-telf, skond l-Anness III, A u Parti B, punt 35 (e) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika ta’ l-Awstrija ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995, ta’ dritt għal benefiċċji tax-xjuħija li jirriżultaw mill-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn l-imsemmija Stati tat-22 ta’ Diċembru 1966, filwaqt li l-persuna interessata stabbilixxiet ruħha fl-Awstrija qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71, f’dan l-Istat Membru, jikser l-Artikoli 39 KE u 42 KE. B’hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Konvenzjoni bejn il-Ġermanja u l-Awstrija ta’ 1995 huma inkompatibbli ma’ l-Artikoli 39 KE u 42 KE, f’każ fejn dawn jippermettu li f’ċirkustanzi fejn il-benefiċjarju jirrisjedi fl-Awstrija, it-teħid in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-ħlas tal-benefiċċji tax-xjuħija, ta’ perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa skond il-liġi dwar id-drittijiet għal pensjoni miksuba permezz ta’ kontribuzzjonijiet barra mill-pajjiż bejn l-1953 u l-1970 fir-Rumanija, ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jirrisjedi fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju jistgħu japplikaw għal attivitajiet professjonali eżerċitati barra mit-territorju tal-Komunità, peress li r-relazzjoni ta’ xogħol tħares rabta suffiċjentement stretta ma’ dan it-territorju. Dan il-prinċipju għandu jinftiehem bħala intiż ukoll għall-każijiet li fihom ir-relazzjoni ta’ xogħol hija marbuta b’mod suffiċjenti mad-dritt ta’ Stat Membru u, b’konsegwenza, mar-regoli rilevanti tad-dritt Komunitarju.

(ara l-punti 122, 124-125 u d-dispożittiv 2)

5. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI, C, intitolata “Il-Ġermanja”, punt 1, tar-Regolament Nru 1408/71 huma inkompatibbli mal-moviment liberu tal-persuni, u b’mod partikolari ma’ l-Artikolu 42 KE, f’każ fejn dawn jippermettu li t-teħid in kunsiderazzjoni, għall-finijet tal-ħlas tal-benefiċċji tax-xjuħija, ta’ perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa skond il-liġi dwar id-drittijiet għal pensjoni miksuba permezz ta’ kontribuzzjonijiet barra mill-pajjiż bejn l-1953 u l-1970 fir-Rumanija, ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jirrisjedi fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

(ara l-punt 129 u d-dispożittiv 3)