SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

31 ta’ Jannar 2008(*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Attivitajiet ta’ xandir televiżiv – Qafas leġiżlattiv komuni ġdid – Allokazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju għax-xandir”

Fil-kawża C‑380/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz tad-Deċiżjoni tad-19 ta’ April 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2005, fil-proċedura

Centro Europa 7 Srl

vs

Ministero delle Comunicazioni e Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

Direzione Generale Autorizzazioni e Concessioni Ministero delle Comunicazioni,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President ta’ l-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal Centro Europa 7, minn A. Pace, R. Mastroianni u O. Grandinetti, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Benyon, E. Traversa, M. Shotter u F. Amato, bħala aġenti, assistiti minn L. G. Radicati di Brozolo, avukat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal domanda preliminari hija bbażata fuq l-interpretazzjoni, fis-settur tax-xandir televiżiv b’mod terrestri fuq livell nazzjonali, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-kompetizzjoni libera, tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks u servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet (Direttiva “Qafas”) (ĠU L 108, p. 33), tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/20/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”) (ĠU L 108, p. 21) u tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 249, p. 21) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”), kif ukoll ta’ l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), safejn jagħmel riferenza għaliha l-Artikolu 6 UE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Centro Europa 7 Srl (iktar ’il quddiem, “Centro Europa 7”) u l-Ministero delle Comunicazioni, l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni u kif ukoll id-Direzione Generale Autorizzazioni e Concessioni Ministero delle Comunicazioni (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”).

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Il-qafas leġiżlattiv ġdid komuni għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għar-riżorsi u servizzi konnessi (iktar ’il quddiem il-“KLKĠ”) huwa kompost minn Direttiva “qafas” u minn erbgħa direttivi partikolari, fosthom id-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, li huma kkompletati mid-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”.

 Id-Direttiva “Qafas”

4        Skond it-termini ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva “Qafas” din “tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolar ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi assoċjati”. Hija “Tistipula x-xogħol ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u tistabbilixxi sett ta’ proċeduri biex tassigura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju mal-Komunità”.

5        Skond l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva “Qafas”, “kif ukoll id-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità jew nazzjonali, b’konformità mal-liġi tal-Komunità, li jfittxu miri ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari li jirrelataw mar-regolament tal-kontenut u l-politika awdjo-viżwali”.

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva “Qafas” jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser sistemi ta’ trasmissjoni u, fejn japplika, apparat għall-kommutazzjoni jew ta’ routing u riżorsi oħra li jippermettu t-twassil ta’ sinjali bil-wajer, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra, inklużi netwerks tas-satellita, netwerks fiss (ċikwit-u packet-switched, inkluż l-Internet) u mobbli terrestri, sistemi ta’ kejbil ta’ l-elettriku, sal-limitu li jintużaw għall-għan ta’ trasmissjoni tas-sinjali, netwerks wżati għax-xandir nir-radju u tat-televiżjoni, u netwerks tat-televixin bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta’ informazzjoni mwassla;

[…]

(c)      ‘sevizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir […]”

7        L-Artikolu 8 tad-Direttiva “Qafas”, intitolata “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

[…]

2.      L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

[…]

b)      jassiguraw li ma jkun hemm ebda tgħawwiġ jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

[…]

d)      jinkoraġġixxu l-użu effiċjenti u jassiguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju u r-riżorsi tan-numerazzjoni.

3.      L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern billi fost ħwejjeġ oħra:

a)      ineħħu l-ostakoli li baqa’ għall-provista ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, faċilitajiet assoċjati u servizzi u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’livell Ewropew;

[…]”

8        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas” jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fit-territoju tagħhom” u “jassiguraw li l-allokazzjoni u l-assenjament ta’ dawk il-frekwenzi tar-radju mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati”.

9        L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva “Qafas” jippreċiża li “[l]-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Lulju 2003” u li għandhom “japplikaw dawk il-miżuri mill-25 ta’ Lulju 2003”.

 Id-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”

10      L-Artikolu 1 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” jipprovdi :

“1.      L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi mplimentat suq intern fin-netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta’ l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġi faċilitat il-forniment tagħhom mal-Komunità kollha.

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-awtorizzazzjonijiet għall-forniment ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

11      Skond l-Artikolu 2(1) tagħha, għall-għanijiet tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, “it-tifsiriet stipulati f’Artikolu 2 tad-Direttiva [Qafas] għandhom japplikaw”.

12      Skond l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, “awtorizzazzjoni ġenerali” tfisser “qafas legali stabbilit mill-Istat Membru li jiżgura d-drittijiet għall-forniment ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jistipula obbligi speċifiċi għas-settur li jistgħu japplikaw għat-tipi kollha jew għal tipi speċifiċi ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi, skond din id-Direttiva”.

13      L-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, intitolat “Awtorizzazzjoni ġenerali ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà ta’ forniment ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bla ħsara għall-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu impriża milli tforni netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ħlief fejn dan ikun meħtieġ għar-raġunijiet stipulati f’Artikolu 46(1) tat-Trattat.

2.      Il-forniment ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’, mingħajr preġudizzju għall-obbligi speċifiċi msemmija f’Artikolu 6(2) jew għad-drittijiet ta’ użu msemmija f’Artikolu 5, biss ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali. L-impriża konċernata tista’ tkun meħtieġa li tissottometti notifikazzjoni iżda m’għandhiex tkun meħtieġa li tikseb deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni. Man-notifikazzjoni, fejn meħtieġa, impriża tista’ tibda l-attività, fejn meħtieġ suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ użu f’Artikoli 5, 6 u 7.

[…]”

14      L-Artikolu 5 tad-Direetiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, intitolat “Drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri”, jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, b’mod partikolari fejn ir-riskju ta’ interferenza ta’ ħsara huwa negliġibbli, ma jagħmlux l-użu ta’ frekwenzi tar-radju suġġett għall-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu iżda għandhom jinkludu l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dawk il-frekwenzi fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

2.      Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża li tforni jew tuża netwerks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ Artikoli 6, 7 u 11(1)(ċ) ta’ din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi skond id-Direttiva [Qafas].

Mingħajr preġudizzju għall-kriterji speċifiċi u l-proċeduri adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornituri ta’ servizz ta’ kontenut għax-xandir bir-radju jew televiżjoni bil-ħsieb li jitħarsu l-miri ta’ interess ġenerali b’konformità mal-liġi tal-Komunità, dawk id-drittijiet ta’ użu għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorji […]

[…]

5.      L-Istati Membri m’għandhomx jillimitaw in-numru ta’ drittijiet ta’ użu li għandhom jingħataw ħlief fejn dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta’ frekwenzi tar-radju skond Artikolu 7”.

15      L-Artikolu 7 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, intitolat “Proċedura biex jiġi limitat in-numru ta’ drittijiet ta’ użu li għandhom jingħataw għall-frekwenzi tar-radju”, jipprovdi:

“1.      Fejn Stat Membru jkun qiegħed iqis jekk jillimitax in-numru ta’ drittijiet ta’ użu li għandhom jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, għandu fost ħwejjeġ oħra:

a)      jieħu kont debitu tal-ħtieġa li jimmasimizza l-benefiċċji għall-utenti u li jiffaċilita l-iżvilupp tal-kompetizzjoni;

[…]

ċ)      jippubblika kull deċiżjoni li tillimita l-għoti tad-drittijiet ta’ użu, waqt li jiddikjara r-raġunijiet għal dan;

(d)      wara li jkunu stabbilixxa l-proċedura, jistieden applikazzjonijiet għad-drittijiet ta’ użu; u

(e)      jirrevedi l-limitazzjoni f’intervalli raġonevoli jew fuq it-talba raġonata ta’ l-impriżi affettwati.

[…]

3.      Fejn l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jkun meħtieġ li jiġi limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ għażla li għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proprozjonati. Kull kriterju ta’ għażla bħal dawn għandu jieħu kont debitu tal-ksib tal-miri ta’ Artikolu 8 tad-Direttiva [“Qafas”].

[…]”

16      L-Artikolu 17 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” intitolat, “Awtorizzazzjonijiet eżistenti”, jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom iġibu l-awtorizzazzjonijiet li diġà jeżistu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mid-data ta’ applikazzjoni msemmija f’Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu.

[…]”

17      L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” jippreċiża li “L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa’ l-24 ta’ Lulju 2003 l-aktar tard. Għandhom minnufih javżaw b’dan lill-Kummissjoni.Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-25 ta’ Lulju 2003”.

 Id-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”

18      Mill-Artikolu 1(1) u (3) tagħha jirriżulta li d-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni” tapplika għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħal kif iddefinitit fl-Artikolu 2(a) u (c) tad-Direttiva “Qafas”.

19      L-Artikolu 2 tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”, intitolat “Drittijiet esklussivi u speċjali għan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u/jew il-provvediment tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jew għall-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li kull impriża hija intitolata biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew li tistabbilixxi, testendi jew tipprovdi n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija lil impriża biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex tistabbilixxi u/jew tipprovdi netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll il-kundizzjonijiet mehmuża magħha, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, proporzjonali u trasparenti.

[…]”

20      L-Artikolu 4 tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”, intitolat “Drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi”, jippreċiża:

“Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri biex jagħtu drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju lil min jipprovdi s-servizzi tal-kontenut tax-xandir tar-radju jew tat-televiżjoni bil-ħsieb li jfittxu għanijiet ta’ interess ġenerali konformi mal-liġi tal-Komunità:

1.      L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu drittijiet esklussivi jew speċjali ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju għall-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.      L-assenjament tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali”.

21      Skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”, “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummssjoni mhux aktar tard mill-24 ta’ Lulju 2003 dik l-informazzjoni li tippermetti l-Kummissjoni li tikkonferma li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva tħarsu”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-liġi Nru 249 tal-31 ta’ Lulju 1997

22      Il-liġi Nru 249 tal-31 ta’ Lulju 1997 (supplement ordinarju tal-GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 1997, iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 249/1997”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 1998, stabbiliet l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-awtorità għall-garanziji fil-komunikazzjoni, iktar ’il quddiem l-“awtorità regolatorja nazzjonali”).

23      L-Artikolu 2(6) tal-liġi 249/1997 jimponi xi limiti ta’ konċentrazzjoni fis-settur tax-xandir televiżiv billi jipprojbixxi l-istess operatur milli jkun propretarju ta’ liċenzji li jippermettulu jxandar, fuq livell nazzjonali, fuq iktar minn 20 % ta’ l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li joperaw fuq il-frekwenzi tar-radju bil-kejbil.

24      L-Artikolu 3 tal-liġi Nru 249/1997 jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, il-possibbiltà, għall-operaturi awtorizzati biex ixandru abbażi tal-qafas leġiżlattiv li kien jeżisti preċedentement, li jkomplu jxandru fuq livell nazzjonali u lokali sakemm jinħarġu liċenzji ġodda jew sakemm jiġu miċħuda l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ġodda, iżda, f’kull każ, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 1998.

25      L-Artikolu 3(2) tal-liġi Nru 249/1997 jipprovdi għall-adozzjoni, min-naħa ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali, ta’ pjan nazzjonali għall-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għax-xandir televiżiv (iktar ’il quddiem il-“pjan nazzjonali għall-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju”) sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Jannar 1998 u, fuq il-bażi ta’ l-imsemmi pjan, l-allokazzjoni ta’ liċenzji ġodda sa mhux iktar tard mill-30 ta’ April 1998.

26      Mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ rinviju, ikkonfermata fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-pjan nazzjonali għall-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju kien ġie adottat fit-30 ta’ Ottubru 1998, permezz tad-deċiżjoni Nru 68/98 ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali u li din ta’ l-aħħar adottat, permezz tad-deċiżjoni Nru 78/98, ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, il-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ l-għotja ta’ liċenzji għax-xandir televiżiv fuq il-frekwenzi tar-radju diġitali terrestri.

27      L-Artikolu 3(6) tal-liġi Nru 249/1997 jipprovdi sistema tranżitorja għall-istazzjonijiet tat-televiżjoni nazzjonali eżistenzi li jaqbżu l-limiti ta’ konċentrazzjoni imposti mill-Artikolu 2(6) ta’ din il-liġi (iktar ’il quddiem l-“istazzjonijiet eċċessivi”), billi jippermetti lill-imsemmija stazzjonijiet li jkomplu jxandru fuq il-frekwenzi tar-radju terrestri, b’mod transitorju, wara t-30 ta’ April 1998, fl-osservanza ta’ l-obbligi imposti fuq l-istazzjonijiet liċenzjati, bil-kundizzjoni li x-xandir isir fl-istess ħin fuq is-satellità jew bil-kejbil.

28      Skond l-Artikolu 3(7) tal-liġi Nru 249/1997, l-awtorità regolatorja nazzjonali ġiet inkarigata sabiex tiffissa t-terminu li fih, fir-rigward taż-żieda effettiva u importanti fost l-utenti ta’ programmi bil-kejbil jew bis-satellità, l-istazzjonijiet eċċessivi kellhom ixandru l-programmi tagħhom biss permezz ta’ satellità jew ta’ kejbil billi jabbandunaw il-frekwenzi tar-radju terrestri.

29      Mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ rinviju, ikkonfermata mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni, jirriżulta li permezz tas-sentenza tal-Corte costituzionale Nru 466, ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 (GURI tas-27 ta’ Novembru 2002), dan it-terminu kien ġie ffissat għall-31 ta’ Diċembru 2003.

 Il-liġi Nru 66 ta’ l-20 ta’ Marzu 2001

30      Mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li, skond id-Digriet-liġi Nru 5, tat-23 ta’ Jannar 2001 (GURI Nru 19, ta’ l-24 ta’ Jannar 2001), ikkonvertit f’liġi u emendat mil-liġi Nru 66, ta’ l-20 ta’ Marzu 2001 (GURI Nru 70, ta’ l-24 ta’ Marzu 2001), l-operaturi li jeżerċitaw legalment l-attività ta’ xandir televiżiv fuq frekwenzi tar-radju terrestri kienu ġew awtorizzati jkomplu jxandru sa’ l-implementazzjoni tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju għat-televiżjoni diġitali.

 Il-liġijiet Nri 43, ta’ l-24 ta’ Frar 2004, u 112, tat-3 ta’ Mejju 2004

31      L-Artikolu 1 tad-Digriet-liġi Nru 352, ta’ l-24 ta’ Diċembru 2003 (GURI Nru 300 tad-29 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet-liġi Nru 352/2003”), ikkonvertit f’liġi u emendat mil-liġi Nru 43, tat-24 ta’ Frar 2004 (GURI Nru 47, tas-26 ta’ Frar 2004), awtorizza lill-istazzjonijiet eċċessivi sabiex ikomplu x-xandir tagħhom fuq in-netwerks televiżi b’mod analoġiku u diġitali sakemm jintemm stħarriġ fuq l-iżvillup ta’ l-istazzjonijiet diġitali.

32      Il-liġi Nru 112, tat-3 ta’ Mejju 2004 (supplement ordinarju Nru 82 għal-GURI Nru 104, tal-5 ta’ Mejju 2004, iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 112/2004”) ippreċiżat il-fażijiet differenti tal-bidu tal-fażi ta’ xandir b’mod diġitali fuq il-frekwenzi tar-radju terrestri.

33      L-Artikolu 23 tal-liġi Nru 112/2004 jipprovdi:

“1.      Sat-twettiq tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju tat-televiżjoni bis-sistema diġitali, l-operaturi li jeżerċitaw kwalunkwe attività ta’ xandir radju-televiżiv fuq livell nazzjonali jew lokali, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiksbu l-awtorizzazzjoni ta’ esperimentazzjoni fix-xandir permezz tat-teknika diġitali terrestri, skond [...] id-Digriet-liġi Nru 5[/2001], li wara emendi sar il-liġi Nru 66[/2001], jistgħu jwettqu, inkluż għax-xandir fl-istess ħin ta’ programmi diġa mxandra b’mod analoġiku, l-esperimenti in kwistjoni, sakemm tintemm il-konverżjoni sħiħa tan-netwerks, kif ukoll jitolbu, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi preżenti, […] il-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa sabiex jibdew ixandru bit-teknika diġitali terrestri.

2.      L-esperimentazzjoni tax-xandir bit-teknika diġitali tista’ titwettaq permezz ta’ installazzjonijiet li joperaw legalment bit-teknika analoġika fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi preżenti.

3.      Sabiex jiġu rrealizzati n-netwerks diġitali, it-trasferimenti ta’ installazzjonijiet jew ta’ fergħat ta’ l-impriża bejn operaturi li jwettqu legalment, attività televiżiva fuq livell nazzjonali jew lokali huma permessi, taħt il-kundizzjoni li l-akkwisti huma intiżi għax-xandir bit-teknika diġitali.

[…]

5.      B’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi preżenti, il-liċenzja ta’ operatur ta’ stazzjon televiżiva għandha tingħata, fuq applikazzjoni, lill-persuni li jwettqu, legalment, l-attività tax-xandir televiżiv bis-saħħa ta’ liċenzja jew ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali prevista fil-paragrafu 1, safejn dawn juru li jkunu laħqu kopertura ta’ mill-inqas 50 % tal-populazzjoni jew taż-żona ta’ influwenza lokali.

[…]

9.      Sabiex tiġi ffaċilitata l-konverżjoni mis-sistema tat-teknika analoġika għat-teknika diġitali, ix-xandir tal-programmi radju-televiżivi għandu jitkompla permezz ta’ l-użu ta’ installazzjonijiet legalment attivi fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi preżenti […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

34      Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kumpens ta’ dannu li Centro Europa 7 tallega li hija subiet minħabba l-fatt li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma tawiex frekwenzi tar-radju għax-xandir televiżiv b’mod analoġiku terrestri.

35      Fit-28 ta’ Lulju 1999, Centro Europa 7 ingħatat mill-awtoritajiet Taljan kompetenti, skond il-liġi Nru 249/1997, liċenzja għax-xandir televiżiv terrestri fuq livell nazzjonali li kienet tawtorizzaha tinstalla u tuża netwerk ta’ televiżjoni bit-teknika analoġika. Il-liċenzja kienet tirreferi, għall-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju, għall-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju, li kien ġie adottat fit-30 ta’ Ottubru 1998. Skond il-qorti tar-rinviju, l-imsemmi pjan ma ġiex madankollu implementat, u dan wassal sabiex minkejja li kellha liċenzja, Centro Europa 7 qatt ma kienet f’pożizzjoni li xxandar minħabba n-nuqqas ta’ allokazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju.

36      Centro Europa 7 ressqet quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio talba intiża, b’mod partikolari, għar-rikonoxximent tad-dritt tagħha li tikseb l-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u għall-kumpens tad-dannu subit.

37      L-imsemmi Tribunal ċaħad din it-talba permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004.

38      Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors imressaq kontra din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato minn Centro Europa 7, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jinvokaw, b’mod partikolari, il-liġi Nru 112/2004.

39      Għalkemm ippreċiża, fl-imsemmija deċiżjoni, li llimita l-eżami tiegħu għat-talba għal kumpens ta’ Centro Europa 7 u li f’dan l-istadju ma kellux l-intenzjoni li jiddeċiedi fuq it-talba għall-għotja ta’ frekwenzi tar-radju, il Consiglio di Stato josserva li n-nuqqas ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju lil Centro Europa 7 kellu bħala kawża fatturi essenzjalment leġiżlattivi.

40      Huwa jfakkar li l-Artikolu 3(2) tal-liġi Nru 249/1997 jippermetti lill-“okkupanti di fatto” ta’ frekwenzi tar-radju, awtorizzati li jwettqu l-attività tagħhom taħt is-sistema preċedenti, li jkomplu x-xandir tagħhom sa’ l-għotja ta’ liċenzji ġodda jew sakemm jiġu miċħuda l-applikazzjonijiet għal liċenzji ġodda, u, f’kull każ, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 1998.

41      Huwa jfakkar ukoll, li l-Artikolu 3(7) tal-liġi Nru 249/1997 kien jawtorizza t-tkomplija ta’ l-imsemmi xandir, filwaqt li jħalli f’idejn l-awtorità regolatorja nazzjonali sabiex tistabilixxi d-data finali, taħt l-unika kundizzjoni li x-xandir iseħħ fl-istess ħin fuq il-frekwenzi tar-radju terrestri u bis-satellità jew bil-kejbil. Fin-nuqqas ta’ l-iffissar ta’ data mill-awtorità regolatorja, il-Corte costituzionale stabbilixxiet iffissat il-31 ta’ Diċembru 2003 bħala d-data li fiha l-programmi mxandra mill-istazzjonijiet eċċessivi kellhom jixxandru biss permezz ta’ sattelità jew kejbil, b’tali mod li, skond il-qorti tar-rinviju, il-frekwenzi tar-radju li kellhom jiġu allokati lil Centro Europa 7 jiġu liberati.

42      Skond il-qorti tar-rinviju, madankollu dan it-terminu ma ġiex irrispettat wara l-intervent tal-leġiżlatur nazzjonali, peress li l-Artikolu 1 tad-Digriet-liġi Nru 352/2003, li sar il-liġi Nru 43, tawwal l-attività ta’ l-istazzjonijiet eċċessivi sat-tmiem ta’ stħarriġ ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali fuq l-iżvillup ta’ stazzjonijiet diġitali, u iktar tard minħabba l-liġi Nru 112/2004, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 23(5) tagħha.

43      Il-liġi Nru 112/2004 kienet tawlet, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, il-possibbiltà li l-istazzjonijiet eċċessivi jkomplu jxandru fuq il-frekwenzi tar-radju terrestri sakem jiġi implementat il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għat-televiżjoni diġitali, b’tali mod li dawn l-istazzjonijiet ma kinux marbuta li jilliberaw il-frekwenzi tar-radju intiżi sabiex jiġu allokati lill-persuni proprjetarji ta’ liċenzji.

44      Għaldaqstant, din il-liġi kellha l-effett, skond il-qorti tar-rinviju, li ma jiġux liberati l-frekwenzi tar-radju intiżi biex jiġu allokati lill-persuni proprjetarji ta’ liċenzji tat-tip analoġiċi, u li operaturi oħra, minbarra dawk li kienu qegħdin ixandru di fatto fuq il-frekwenzi tar-radju terrestri, jiġu preklużi milli jipparteċipaw għall-esperiment tat-televiżjoni diġitali.

45      Billi Centro Europa 7 tikkontesta l-konformità tad-Digriet Nru 352/2003 u tal-ligi Nru 112/2004 mad-dritt Komunitarji, il-Consiglio di Stato jistaqsi fuq il-konformita tal-leġiżlazzjoni Taljana, ibda mil-liġi Nru 249/1997, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq il-kompetizzjoni, ma’ l-Artikoli 8 u 9(1) tad-Direttiva “Qafas” u ma’ l-Artikoli 5, 7 u 17 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” kif ukoll mal-prinċipju ta’ pluralimżu tas-sorsi ta’ informazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 10 tal-KEDB bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċida li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      L-Artikolu 10 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-“KEDB”)], kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 6 fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandu jiġi kkunsidrat li jigarantixxi l-pluraliżmu fis-settur tax-xandir televiżiv u għaldaqstant li jeħtieġ li l-Istati Membri jigarantixxu pluraliżmu u kompetizzjoni effettiva f’dan is-settur ibbażat fuq is-sistema antitrust li, flimkien ma’ l-iżvilupp teknoloġiku, tassigura l-aċċess għan-netwerks u l-multipliċità ta’ l-operaturi u li jrendi aġir ta’ suq duopolistiku illegali?

2.      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jipproteġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-kompetizzjoni, fis-sens ta’ l-interpretazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni ta’ interpretazzjoni tad-29 ta’ April 2000 fuq l-għoti ta’ drittijiet abbażi tal-liġi Komunitarja, għandhom jiġu kkunsidrati li jeħtieġu li l-liċenzji jingħataw skond prinċipji li jkunu kapaċi li jiżguraw trattament ugwali u mhux diskriminatorju, u kif ukoll trasparenza, proporzjonalità u rispett għad-drittijiet ta’ l-individwi; u dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji tat-Trattat huma miksura mill-Artikolu 3(7) tal-liġi Taljana Nru 249/1997 u mill-Artikolu 1 tad-Digriet [Nru 352/2003], safejn dawn id-dispożizzjonijiet ippermettew lil operaturi li jużaw netwerks bi ksur tal-limiti preskritti mill-liġi dwar il-kompetizzjoni li jkomplu joperaw, u għaldaqstant jeskludu operaturi, bħar-rikorrenti li minkejja li għanda d-drittijiet rilevanti li ngħatawla wara proċedura għal sejħa għal offerti, li ma setgħawx ikomplu l-attività li fir-rispett tagħha ngħataw dawn id-drittijiet peress li kien hemm nuqqas ta’ allokazzjoni ta’ frekwenzi minħabba li n-numru tagħhom ma kienx suffiċjenti jew kien limitat b’konsegwenza tat-tkomplija ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet min-naħa ta’ l-proprjetari tan-netwerks li jaqbżu l-limiti ta’ konċentrazzjoni skond il-liġi antitrust?

3.      B’effett mill-25 ta’ Lulju 2003, l-Artikolu 17 tad-[…] Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” għandu jiġi kkunsidrat li jrendi din id-Direttiva effettiva b’mod dirett fl-ordinament ġuridiku nazzjonali u jobbliga lil Stat Membru li ta’ drittijiet ta’ xandir (dritt għall-installazzjoni ta’ netwerks jew ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew id-dritt li jiġu użati frekwenzi) sabiex jikkonformaw mar-regoli Komunitarju; u li dan jimplika l-bżonn li jiġu allokati effettivament il-frekwenzi neċessarji sabiex titkompla l-attività in kwistjoni?

4.      L-Artikolu 9 tad-[…] Direttiva “Qafas” u l-Artikolu 5 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” li jipprovdi għal proċeduri pubbliki li huma trasparenti u non diskriminatorji (Artikolu 5) imwettqa fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, non diskriminatorji u proporzjonali (Artikolu 9) għandhom jiġu kkunsidrati li jipprekludu sistema, li tirrikjedi awtorizzazzjoni ġenerali skond il-liġi nazzjonali (Artikolu 23(5) tal-Liġi Nru 112/2004); li, billi tippermetti li, abbażi ta’ din is-sistema, netwerks li jaqbżu l-limiti u ma ġewx magħżula permezz ta’ proċedura kompetittiva jkomplu joperaw, fl-aħħar mill-aħħar jiksru d-drittijiet taħt il-liġi Komunitarja skond (l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva [ta’ “Awtorizzazzjoni”]) ta’ impriżi oħra li huma mwaqqfa milli joperaw minkejja li kienu rebħu l-proċeduri kompetittivi?

5.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva [“Qafas”], it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/20, u l-Artikolu 4 tad-[Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”], għandhom jiġu kkunsidrati li jeħtieġu li l-Istati Membri jwaqqfu, għall-inqas mill-25 ta’ Lulju 2003 (ara l-Artikolu 17 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) it-tkomplija ta’ sitwazzjoni ta’ użu de facto tal-frekwenzi (użu ta’ frekwenzi mingħajr l-għtoja ta’ drittijiet jew awtorizzazzjonijiet maħruġa wara proċedura ta’ selezzjoni), fuq il-bażi ta’ sistema ta’ xandir diġa operattiva, b’tali mod li x-xandir ma jistax iseħħ fejn ma jkunx hemm ippjanar xieraq fir-rigward ta kwistjonijiet li jikkonċernaw frekwenzi radjuteleviżivi u l-ebda żieda loġika fil-pluraliżmu, bi ksur ta’ drittijiet mogħtija minn Stat Membru wara proċedura pubblika?

6.      Id-deroga fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [ta’ “Awtorizzazzjoni”], u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [ta’ “Kompetizzjoni”], għandha tiġi kkunsidrata li tista’ tintuża minn Stat Membru biss sabiex jipproteġi l-pluraliżmu ta’ l-informazzjoni u sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u mhux għall-benefiċċju ta’ operaturi ta’ netwerks li jaqbżu l-limiti antitrust stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kompetizzjoni?

7.      Sabiex jibbenifika mid-deroga prevista mill-Artikolu 5 tad-Direttiva [ta’ “Awtorizzazzjoni”] l-Istat Membru għandu jindika l-għanijiet attwalment persegwiti permezz tar-regoli nazzjonali ta’ deroga?

8.      Tista’ din id-deroga tiġi applikata, apparti milli fil-każ tal-konċessjoni tas-servizz pubbliku tax-xandir (RAI fl-Italja), għall-benefiċċju wkoll ta’ operaturi privati li ma rebħux proċeduri kompetittivi u għad-dannu ta’ impriżi li setgħu ngħataw drittijiet wara proċedura ta’ selezzjoni?

9.      Skond il-liġi Komunitarja (leġiżlazzjoni primarja u sekondarja) dwar kompetizzjoni fis-settur tax-xandir, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur nazzjonali kellu jevita li jestendi s-sistema tranżitorja analoġika lejliet il-bidu tas-sistema diġitali terrestri (u t-trasferiment ġenerali għad-diġitali)? Huwa biss jekk jintemm ix-xandir analoġiku u jiġi mibdul b’dak diġitali li jkun possibbli li jergħu jiġu allokati l-frekwenzi meħlusa għal diversi tipi ta’ użu. Jekk is-sistema diġitali terrestri hija operata biss flimkien ma’ dik analoġika, hemm riskju li l-problema ta’ nuqqas ta’ frekwenzi disponibbli jmur għall-agħar minħabba l-eżistenza tat-trażmissjoni analoġika u diġitali fl-istess ħin (simulcast)?

10.      Fl-aħħar nett, il-pluraliżmu tas-sorsi ta’ informazzjoni u ta’ kompetizzjoni fis-settur tax-xandir, li huwa ggarantit mill-liġi Ewropea, huma assigurati mil-liġijiet nazzjonali, bħal-Liġi Nru 112/2004 li tipprovdi għal-limitu ġdid ta’ 20 fil-mija tar-riżorsi konnessi ma’ kriterji ġodda wiesgħa ħafna (l-ICS – integrated communications system – l-Artikolu 2(g) u l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 112/2004). Dan il-kriterju jinkludi wkoll attivitajiet li ma jaffettwawx il-pluraliżmu tal-midja, filwaqt li taħt il-liġi antitrust is-“suq rilevanti” huwa stabbilit normalment billi ssir distintinzjoni bejn TV/bi ħlas u TV/mingħajr ħlas li joperaw permezz tal-frekwenzi radjuteleviżivi (ssir referenza, inter alia, għad-[Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2000 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni (Kawża Nru COMP/JV. 37 BSKYB/Kirch Pay TV], ibbażata fuq [ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi] Proċedura ta’ Amalgamazzjoni 21/03/2000 u [id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2 ta’ April 2003 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE (Każ Nru COMP/M. 2876 – Newscorp/Telepiù), ibbażata fuq ir-[Regolament Nru 4064/89]”.

 Fuq id-domandi preliminari

47      Permezz tad-domandi tagħha fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u fuq il-kompetizzjoni libera, tad-Direttiva “Qafas”, tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni” kif ukoll ta’ l-Artikolu 10 tal-KEDB, safejn jagħmel riferenza għalih l-Artikolu 6 UE.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

48      Qabel kollox, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li, permezz ta’ wħud mid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lil-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konformità mad-dritt Komunitarji ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti.

49      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandiex, fil-kuntest ta’ proċedura preliminari, tevalwa l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju u lanqas tinterpreta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger, C‑151/02, Ġabra p. I-8389, punt 43 u tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, Ġabra p. I-2843, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li hija kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju rilevanti, li jistgħu jippermettulha tevalwa tali kompattibbiltà sabiex taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha (ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et, C-292/92, Ġabra p. I-6787, punt 8, u Enirisorse, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 24).

51      Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-eżami tagħha għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarji billi tipprovdi interpretazzjoni li tkun utli għall-qorti tar-rinviju, li għandha tevalwa l-konformità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali mad-dritt Komunitarju, sabiex taqta’ il-kawża pendenti quddiemha.

52      Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, hija l-qorti nazzjonali biss, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja susegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tad-dettalji tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 47).

53      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni ta’ regola Komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, m’għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-sġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun waħda ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkolliex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tingħata risposta effettiva għad-domandi magħmula lilha (sentenzi Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61 ; Acereda Herrera, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25).

54      F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni ta’ rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex titlob l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li tqis li huwa neċessarju li tagħmel d-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjonijiet minimi fuq ir-raġunijiet ta’ l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali (Digriet tas-7 ta’ April 1995, Grau Gomis et, C-167/94, Ġabra p. I-1023, punt 9; sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I 10423, punt 46; tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C 359/04 u C 360/04, Ġabra p. I 1891, punt 34, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C 295/05, Ġabra p.I-2999, punt 33).

55      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju, fir-rigward ta’ l-għaxar domanda tagħha, ma tipprovdi l-ebda informazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarji li hija qiegħda titlob l-interpretazzjoni tagħhom, u lanqas spjegazzjoni dwar ir-rabta li hija stabbilixxiet bejn id-dispożizzjonijiet u l-kawża prinċipali jew is-suġġett ta’ l-imsemmija kawża.

56      Konsegwentement, l-għaxar domanda hija inammissibbli.

57      Fit-tielet lok, għandu jiġi mfakkar li, l-bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għal qorti nazzjonali jeżiġi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi magħmula jew li minn ta’ l-inqas tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C 320/90, C 321/90 u C-322/90, Ġabra p. I-393, punt 6; ta’ l-14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C-341/95, Ġabra p. I-4355, punt 67; tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany International, C-67/96, Ġabra p. I-5751, punt 39, kif ukoll Cipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

58      Dawn l-eżiġenzi huma iktar validi b’mod partikolari fis-settur tal-kompetizzjoni li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Telemarsicabruzzo et, punt 7; Bettati, punt 68, u Albany International, punt 39).

59      Issa, fil-kawża preżenti, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, jidher li, billi tistaqsi għal interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat fuq il-kompetizzjoni fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju prinċipalment tagħmel dan fid-dawl ta’ l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 82 KE.

60      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Memrbu jikser il-projbizzjonijiet elenkati f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet meta jagħti drittijiet speċjali jew esklużivi lil impriża li tiġi indotta, bis-sempliċi eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi indotta twettaq tali abbuż (sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punt 127; tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C 475/99, Ġabra p. I-8089, punt 39, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 23).

61      Madankollu, id-deċiżjoni ta’ rinviju ma fiha l-ebda indikazzjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, il-kalkolu ta’ l-ishma tas-suq li għandhom id-diversi imprizi li joperaw f’dan is-suq u l-allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

62      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, safejn tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-kompetizzjoni libera, it-tieni domanda hija inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor, C-134/03, Ġabra p. I-1167, punti 25 sa 29).

63      Għall-istess motivi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-disa’ domanda hija inammissibbli.

64      Fir-raba’ lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hijiex kompetenti fil-kawża preżenti sabiex tiddeċiedi fuq l-Artikolu 49 KE, peress li huwa stabbilit li l-elementi tal-kawża prinċipali huma kollha llimitati għal Stat Membru wieħed.

65      Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali, tat-tip in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija applikabbli bla distinzjoni għaċ-ċittadini Taljani u għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra, ma tistax, bħala regola ġenerali, taqa taħt id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti mit-Trattat fil-każ fejn dawn japplikaw għal sitwazzjonijiet konnessi mal-kummerċ intrakomunitarji (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1982, Oosthoek’s Uitgeversmaatschappij, 286/81, Ġabra p. 4575, punt 9, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C-6/01, Ġabra p. I-8621, punt 39).

66      Fil-fatt, ma jistax ikun eskluż li, fil-kawża prinċipali, impriżi oħra stabbiliti fi Stati Membri barra mir-Repubblika Taljana, kienu jew huma interessati li jipprovdu s-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-87/94, Ġabra p. I-2043, punt 33, u tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 55).

67      Il-konstatazzjoni ta’ rabta mal-kummerċ intrakomunitarji tkun preżunta jekk is-suq in kwistjoni jippreżenta interess transfruntaljier ċert (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑507/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29), fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

68      F’kull każ, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda preliminari ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti, safejn din tirrigwarda l-Artikolu 49 KE.

69      Fil-fatt tali risposta tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, f’każ li d-dritt nazzjonali tagħha jimponi li ċittadini Taljani għandhom jibbenefikaw mill-istess drittijiet bħal dawk li jgawdi minnhom, abbażi tad-dritt Komunitarju, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fl-istess sitwazzjoni (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont C-448/98, Ġabra p. I-10663, punt 23; Reisch et, iċċitata iktar  ’il fuq, punt 26; Anomar et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, kif ukollCipolla et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

70      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE.

71      Għaldaqstant, it-tieni domanda hija ammissibbli safejn tirrigwarda l-Artikolu 49 KE.

 Fuq it-tieni, ir-raba’ u l-ħames domandi

72      It-tieni, ir-raba’ u l-ħames domandi, huma kollha intiżi, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 49 KE jew tal-KLKĠ jipprekludux, fir-rigward tax-xandir televiżiv, leġiżlazzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha twassal sabiex operatur proprjetarju ta’ liċenzja jinsab f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għalih li jxandar minħabba nuqqas ta’ allokazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju għax-xandir.

73      Huwa minnu li, fil-kuntest tat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi mill-perspettiva ta’ l-Artikolu 49 KE ħlief safejn din id-domanda tirrigwarda l-leġiżlazzjoni Taljana, jiġifieri l-Artikolu 3(7) tal-liġi Nru 249/1997, li hija preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-KLKĠ, kif jirriżulta wkoll mill-Artikoli 28(1) tad-Direttiva “Qafas”, 18(1) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” u 9 tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”.

74      Bl-istess mod, ir-raba’ u l-ħames domandi jirrigwardaw biss il-KLKĠ peress li jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni sussegwenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-KLKĠ, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tal-liġi Nru 112/2004.

75      Madankollu, minn naħa, it-tieni domanda tirreferi wkoll għal-leġiżlazzjoni Taljana sussegwenti għad-dħul fis-seħħ tal-KLKĠ, jiġifieri l-Artikolu 1 tad-Digriet-liġi Nru 352/2003.

76      Min-naħa l-oħra, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet li hija ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-KLKĠ implementat id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, b’mod partikolari dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-settur tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif iddefiniti fl-Artikoli 2(a) u (c) tad-Direttiva “Qafas”, 2(1) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” u 1(1) u (3) tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”.

77      It-tieni, ir-raba’ u l-ħames domandi għandhom għaldaqstant jiġu ttrattati flimkien, madankollu għandu jiġi ppreċiżat li l-elementi ta’ risposti bbażati fuq il-KLKĠ huwa rilevanti biss b’effett minn meta din saret applikabbli, kif indikat fl-Artikoli 28(1) tad-Direttiva “Qafas”, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, u l-Artikolu 9 tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”.

78      Sabiex dawn id-domandi jingħataw risposta utli għall-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li t-Trattat me jeħtieġx it-tneħħija totali tal-monopolji nazzjonali li jippreżentaw natura kummerċjali, iżda jindika li dawn għandhom jiġu amministrati b’mod li tiġi garantita, fil-kundizzjonijiet ta’ provvista u ta’ opportunitajiet, l-esklużjoni ta’ kull diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Franzén, C-189/95, Ġabra p. I-5909, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Madankollu, l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar et Belgacom Mobile, C 544/03 u C 545/03, Ġabra p. I 7723, punt 30).

80      Fis-settur tas-servizzi u tan-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, dawn il-prinċipji kienu ġew implementat mill-KLKĠ.

81      L-Artikolu 8 tad-Direttiva “Qafas” jimponi, fil-fatt, fuq l-Istat Membri l-obbligu li jassiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu kull miżura raġjonevoli intiża sabiex tippromwovi l-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jassiguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-setttur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u billi jneħħu l-ostakoli li baqa’ għall-provista ta’ l-imsemmija servizzi fuq livell Ewropew.

82      Bl-istess mod, l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni” jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li kull impriża hija intitolata li tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew li tistabilixxi, testendi jew tipprovdi n-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

83      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” jirrekjedi barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà ta’ forniment ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u jipprekludihom milli jipprojbixxu impriża milli tforni netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ħlief fejn dan ikun meħtieġ għar-raġunijiet stipulati f’Artikolu 46(1) KE.

84      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” jippreċiża li l-forniment ta’ netowrks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ biss ikun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni ġenerali.

85      Fuq dan il-punt, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li, fis-settur tax-xandir televiżiv, b’mod partikolari, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif stabbilita fl-Artikolu 49 KE u implementata f’dan is-settur mill-KLKĠ, tirrekjedi mhux biss l-ħruġ ta’ liċenzji għax-xandir, iżda wkoll l-għotja ta’ frekwenzi tar-radju għax-xandir.

86      Fil-fatt, operatur ma jistax jeżerċita b’mod effettiv id-drittijiet li huwa għandu skond id-dritt Komunitarju fir-rigward ta’ l-aċċess għas-suq tax-xandir televiżiv fin-nuqqas ta’ frekwenzi tar-radju għax-xandir.

87      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas” jipprovdi li “l-Istati Membri għandhom jassiguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fit-territoju tagħhom”.

88      Ukoll, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” jippreċiża li, l-istati Membri għandhom, fejn possibbli, b’mod partikolari fejn ir-riskju ta’ interferenza ta’ ħsara huwa negliġibbli, ma jagħmlux l-użu ta’ frekwenzi tar-radju suġġett għall-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu iżda għandhom jinkludu l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dawk il-frekwenzi fl-awtorizzazzjoni ġenerali.

89      Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni” jipprojbixxi li l-Istati Membri jagħtu drittijiet esklussivi jew speċjali ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju għall-provvediment tas-serivizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

90      Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji implementati għall-għotja tal-frekwenzi tar-radju sabiex jiġi operat fuq is-suq xandir televiżiv b’mod analoġiku.

91      Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji li ġew implementati, skond il-liġi Nru 249/1997, għall-liċenzji biex joperaw fuq is-suq tax-xandir televiżiv analoġiku. Dawn il-kriterji lanqas ma huma kkontestat minn Centro Europa 7, la quddiem il-qorti tar-rinviju, u lanqas fl-osservazzjonijiet li hija ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din ingħatat liċenzja skond l-imsemmija kriterji.

92      Għaldaqstant, mhemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq dawn il-kriterji.

93      Il-qorti tar-rinviju m’għandiex dubbji fuq il-konformità, mad-dritt Komunitarju, tal-liġi Nru 249/1997, ħlief safejn l-Artikolu 3(7) tagħha stabilixxa sistema tranżitorja għall-benefiċċju ta’ stazzjonijiet eżistenti, li kellu bħala effett li jostakola l-aċċess għas-suq in kwistjoni għall-operaturi nieqsa minn frekwenzi tar-radju, bħalma kienet Centro Europa 7.

94      Minn naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-implementazzjoni, skond il-liġi Nru 112/2004, għall-għotja ta’ liċenzji sabiex ikunu jistgħu joperaw fis-suq tax-xandir televiżiv diġitali u dak analoġiku, ħlief safejn dawn il-kriterji kkonsolidaw is-sistema tranżitorja stabbilita għall-benefiċċju ta’ stazzjonijiet eżistenti mill-Artikolu 1 tad-Digriet-liġi Nru 352/2003, li kellu bħala effett li jipprekludi l-għotja lill-operaturi, minkejja li kellhom liċenzji mogħtija bl-applikazzjoni tal-liġi Nru 249/1997, ta’ frekwenzi tar-radju sabiex joperaw xandir televiżiv fis-suq b’mod analoġiku.

95      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-applikazzjoni suċċessiva ta’ sistemi transitorji stabbiliti għall-benefiċċju ta’ stazzjonijiet eżistenti mill-Artikolu 3(7), tal-liġi Nru 249/1997 u mill-Artikolu 1 tad-Digriet-liġi Nru 352/2003 kellu bħala effett li jostakola l-aċċess għas-suq in kwistjoni għall-operaturi nieqsa minn frekwenzi tar-radju għax-xandir.

96      Għandu wkoll jiġi kkunsidrat li billi jistabilixxi awtorizzazzjoni ġenerali sabiex ikunu jistgħu joperaw fis-suq tas-servizzi tax-xandir televiżiv, għall-benefiċċju biss tas-stazzjonijiet eżistenti, l-Artikolu 23(5) tal-liġi Nru 112/2004 ikkonsolida l-effett restrittiv ikkonstatat fil-punt preċedenti.

97      Fil-fatt, minn naħa, billi llimitaw di fatto n-numru ta’ operaturi li setgħu jxandru fis-suq in kwistjoni, dawn il-miżuri jistgħu u/jew setgħu jostakolaw il-provvista ta’ servizzi fis-settur tax-xandir televiżiv.

98      Minn naħa l-oħra, dawn il-miżuri għandhom jew kellhomm l-effet li jsaħħu l-istrutturi tas-suq nazzjonali u jipproteġu l-pożizzjoni ta’ operaturi diġà attivi fis-suq imsemmi.

99      Konsegwentement, l-Artikolu 49 KE u, b’effett min meta saru applikabbli, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas”, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” u 4(1) tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”, jipprekludu tali miżuri, ħlief meta dawn ikunu ġġustifikati.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżzulta li sistema ta’ liċenzji li tillimita n-numru ta’ operaturi fit-territorju nazzjonali tista’ tkun iġġustifikata minn għanijiet ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53), sakemm ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw huma approprjati u ma jmorrux lill’hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

101    Għalhekk, il-KLKĠ tippermetti espressament lill-Istati Membri, abbażi ta’ l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva “Qafas”, li jistabilixxu jew iżommu, fl-osservanza tad-dritt Komunitarju, dispożizzjonijiet li jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-politika awdjo viżwali.

102    Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” jippermetti lill-Istati Membri li jagħtu liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju fuq bażi individwali, sabiex jiġi rrispettat l-għan ta’ użu effikaċji tal-frekwenzi tar-radju, kif imfakkar fid-Direttiva “Qafas”.

103    Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tkun ġustifikata tali sistema, li bħala prinċipju tikser l-Artikolu 49 KE u l-KLKĠ, għandha mhux biss tkun issegwi għanijiet ta’ interess ġenerali, iżda għandha wkoll tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati (ara f’dan is-sens, is-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Għalhekk, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas” jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-allokazzjoni u l-assenjament ta’ dawk il-frekwenzi tar-radju mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

105    Barra minn hekk, fejn ikun meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju, dan għandu jsir, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, “permezz ta’ proċeduri miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorji”.

106    Ukoll, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, fejn “l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jkun meħtieġ li jiġi limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ għażla li għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proprozjonati”.

107    Din l-ħtieġa hija kkonfermata mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni” li tgħid li l-allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.

108    Issa, fil-kawża prinċipali jirriżulta, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, li skond il-liġi Nru 249/1997, l-allokazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju lil numru limitat ta’ operatura ma ġietx implementata skond il-kriterji msemmija iktar ‘il fuq.

109    Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmija frekwenzi tar-radju ngħataw di fatto lil stazzjonijiet eżistenti skond is-sistema tranżitorja stabbilita mill-Artikolu 3(7) tal-liġi Nru 249/1997, anki jekk uħud minn dawn l-istazzjonijiet ma ngħatawx liċenzji fil-kuntest ta’ din il-liġi.

110    Min-naħa l-oħra, xi operaturi, bħal Centro Europa 7, ma ġewx allokati frekwenzi tar-radju anki jekk kienu ngħataw liċenzja fil-kuntest ta’ din il-liġi.

111    Konsegwentement, indipendentement mill-għanijiet persegwiti mil-liġi Nru 249/1997 fir-rigward tas-sistema ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi tar-radju lil numru limitat ta’ operaturi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 49 jipprekludi tali sistema.

112    L-istess evalwazzjoni hija valida f’dak li jirrigwarda s-sistema użata sabiex jingħataw il-frekwenzi tar-radju lil numru limitat ta’ operaturi skond il-liġi Nru 112/2004, fis-sens li tali sistema ma ġietx implementata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali bi ksur ta’ l-Artikolu 49 KE u, b’effett minn meta saru applikabbli, ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas”, tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) u ta’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” kif ukoll ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”.

113    Fil-fatt, skond l-imsemmija liġi, il-frekwenzi tar-radju ġew allokati lill-istazzjonijiet eżistenti u dawn ta’ l-aħħar kienu ġew awtorizzati jxandru bis-saħħa tas-sistema tranżitorja stabbilita mill-Artikolu 1 tad-Digriet-liġi Nru 353/2003, li kull ma għamel kien li tawwal it-terminu tas-sistema tranżitorja stabbilita mil-liġi Nru 249/1997.

114    F’kull każ, ir-restrizzjonijiet ikkonstatati iktar ’il quddiem ma jistgħux jiġu ġġustifikati minħabba l-bżonn li jiġi assigurat trasferiment imħaffef lejn ix-xandir diġitali.

115    Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni li jsir magħruf jekk tali oġġettiv jistax jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika tali restrizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat, kif ġustament għamlet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-leġiżlazzjoni Taljana, b’mod partikolari l-liġi Nru 112/2004, ma tillimitax ruħha li talloka lill-operaturi eżistenti dritt ta’ prijorità sabiex jingħataw il-frekwenzi tar-radju, iżda din tirriservalhom dan id-dritt esklussivament, u dan mingħajr limitu ta’ żmien għas-sitwazzjoni pprivileġjata mogħtija lil dawn l-operaturi u mingħajr ma tipprevedi l-obbligu ta’ restituzzjoni tal-frekwenzi tar-radju eċċessivi wara l-bidla għas-sistema diġitali.

116    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal aktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni, ir-raba’ u l-ħames domandi, meħuda flimkien, għandha tkun li l-Artikolu 49 KE u, b’effett minn meta saru applikabbli, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas”, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” kif ukoll l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fir-rigward tax-xandir televiżiv, leġiżlazzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha twassal sabiex operatur proprjetarju ta’ liċenzja jinsab f’sitwazzjoni li jkun impossibbli għalih li jxandar minħabba nuqqas ta’ frekwenzi tar-radju tax-xandir allokati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.

 Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

117    Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 tal-KEDB, safejn jagħmel riferenza għalih l-Artikolu 6 UE, jipprekludix, fir-rigward tax-xandir televiżiv, leġiżlazzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha twassal sabiex operatur proprjetarju ta’ liċenzja, bħal Centro Europa 7, jinsab f’sitwazzjoni fejn huwa impossibbli li jxandar minħabba nuqqas ta’ frekwenzi tar-radju ta’ xandir.

118    Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-obbligu, li jirrizulta mill-effett dirett eventwali ta’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, b’effett minn meta din saret applikabbli, li l-Istat Membru li jkun alloka xi liċenzji għall-attività ta- xandir televiżiv għandu li dawn isiru b’mod konformi mad-dritt Komunitarju u, għaldaqstant, li jalloka lil Centro Europa 7 il-frekwenzi tar-radju neċessarji għall-eżerċizzju ta’ l-imsemmija attività.

119    Għaldaqstant, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li tivverifika l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt Komunitarju sabiex tiddeċiedi fuq talba ta’ kumpens ta’ danni li rriżultaw minn dan il-ksur.

120    Issa, mir-risposta mogħtija għat-tieni, ir-raba’ u l-ħames domandi jirriżulta li l-Artikolu 49 KE u, b’effett minn meta saru applikabbli, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas”, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” kif ukoll l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fir-rigward tax-xandir televiżiv, leġiżlazzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha twassal sabiex operatur proprjetarju ta’ liċenzja jinsab f’sitwazzjoni li jkun impossibbli għalih li jxandar minħabba nuqqas ta’ frekwenzi tar-radju tax-xandir allokati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.

121    Għaldaqstant, din ir-risposta tippermetti, fiha nnfisha, lill-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fuq it-talba ppreżentata minn Centro Europa 7 għall-kumpens tad-danni li rriżultaw minn dan il-ksur.

122    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni, ir-raba’ u l-ħames domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, mhemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel u t-tielet domandi preliminari.

 Fuq is-sitt, is-sebgħa u t-tmien domandi

123    Permezz tas-sitt, is-sebgħa u t-tmien domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni, mill-Istati Membri, tad-deroga prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”.

124    Issa, mir-risposta għar-raba’ u l-ħames domandi jirriżulta li, b’effett minn meta saru applikabbli, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” u l-Artikolu 4 tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fir-rigward tax-xandir televiżiv, leġiżlazzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha twassal sabiex operatur proprjetarju ta’ liċenzja jinsab f’sitwazzjoni li jkun impossibbli għalih li jxandar minħabba nuqqas ta’ frekwenzi tar-radju tax-xandir allokati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.

125    Għaldaqstant minn din ir-risposta jirriżulta li r-rispett tal-kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-implementazzjoni tad-deroga prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva ta’ “Kompetizzjoni”.

126    Għalhekk, mhemmx lok li tittieħed deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet oħra eventwali ta’ implementazzjoni ta’ l-imsemmija deroga, bħal dawk imsemmija fis-sitt, is-sebgħa u t-tmien domanda.

127    Konsegwentement, fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-raba’ u l-ħames domandi meħuda flimkien mat-tieni domanda, mhemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq is-sitt, is-sebgħa u t-tmien domanda.

 Fuq l-ispejjeż

128    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din l-aħħar qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 49 KE u, b’effett minn meta saru applikabbli, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/21/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks u servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet, l-Artikolu 5(1), it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/20/KE tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fir-rigward tax-xandir televiżiv, leġiżlazzjoni nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha twassal sabiex operatur proprjetarju ta’ liċenzja jinsab f’sitwazzjoni li jkun impossibbli għalih li jxandar minħabba nuqqas ta’ frekwenzi tar-radju tax-xandir allokati fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: It-Taljan.