Kawża C-337/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttivi 77/62/KEE u 93/36/KEE — Għoti ta’ kuntratti pubbliċi mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż — Nuqqas ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti — Ħelikopters tad-ditti Agusta u Agusta Bell”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2007   I - 2176

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ April 2008   I - 2195

Sommarju tas-sentenza

  1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Proċedura prekontenzjuża – Intimazzjoni

    (Artikolu 226 KE)

  2. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti – Direttiva 93/36 – Derogi mir-regoli komuni – Interpretazzjoni restrittiva

    (Direttiva tal-Kunsill 93/36, Artikoli 6(2) u (3))

  3. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti – Direttivi 77/62 u 93/36 – Għoti ta’ kuntratti

    (Direttivi tal-Kunsill 93/36 u 77/62)

  1.  Fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għalkemm l-opinjoni motivata prevista fl-Artikolu 226 KE għandha tinkludi spjegazzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu skond it-Trattat, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tiġi suġġetta għal eżiġenzi ta’ preċiżjoni daqstant riġidi daqs dawk li għandha tissodisfa l-opinjoni motivata, peress li din neċessarjament tista’ tikkonsisti biss f’sunt inizjali qasir ta’ l-ilmenti.

    (ara l-punt 23)

  2.  Jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tnax-il premessa tad-Direttiva 93/36, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, li l-proċedura negozjata hija ta’ natura eċċezzjonali u tista’ tiġi applikata biss f’każijiet elenkati b’mod eżawrjenti. Għal dan il-għan, li l-Artikolu 6(2) u (3) ta’ l-istess direttiva jelenka b’mod eżawrjenti u espressament l-uniċi eċċezzjonijiet li għalihom l-użu tal-proċedura negozjata hija permessa. Fil-fatt, l-eċċezzjonijiet għar-regoli li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mit-trattat fis-settur tal-kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw interpretazzjoni restrittiva. Sabiex id-Direttiva 93/36 ma tiġix ipprivata mill-effettività tagħha, l-Istati Membri konsegwentement ma jistgħux jipprovdu għal sitwazzjonijiet li fihom tista’ tintuża l-proċedura negozjata li mhumiex previsti minn din id-direttiva jew li mas-sitwazzjonijiet espressament previsti mid-direttiva in kwistjoni jiġu miżjuda kundizzjonijiet ġodda li jkollhom bħala effett li jagħmlu l-użu ta’ l-imsemmija proċedura aktar faċli. Minbarra dan, huwa dak li jkollu l-intenzjoni jagħmel użu minn eċċezzjoni li għandu jressaq il-prova li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw din l-eċċezzjoni effettivament jeżistu.

    (ara l-punti 56-58)

  3.  Stat Membru li jkun adotta prattika, li ilha teżisti għal żmien twil u li għadha tiġi segwita s’issa, li tagħti b’mod dirett kuntratti għax-xiri ta’ ħelikopters ta’ ċerti ditti nazzjonali, biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ numru ta’ korpi militari u ċivili, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti u, b’mod partikolari, mingħajr ma jiġu osservati l-proċeduri previsti mid-Direttivi 93/36, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista, kif emendata mid-Direttiva 97/52 u, preċedentement, mid-Direttiva 77/62, li tikkonċerna l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista, kif emendata u ssuplementata mid-Direttivi 80/767 u 88/295, ikun qed jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond dawn id-direttivi.

    Prattika bħal din ma tistax tiġi ġġustifikata mill-eżistenza ta’ relazzjoni “in-house”, jekk impriża privata jkollha parteċipazzjoni, anki jekk minoritarja, fil-kapital tal-kumpannija li tipproduċi l-imsemmija ħelikopters li fiha tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti in kwistjoni b’mod li din l-awtorità ma tistax teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess.

    Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet leġittimi ta’ interess nazzjonali previsti fl-Artikoli 296 KE u 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36, peress li dawn il-ħelikopters huma oġġetti b’użu doppju, kull Stat Membru jista’, skond l-Artikolu 296(1)(b) KE, jieħu l-miżuri li huwa jikkunsidra neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu u li jirrigwardaw il-manifattura jew il-kummerċ ta’ l-armi, tal-munizzjon u tal-materjal tal-gwerra, madankollu bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jfixklux il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni għal dak li jirrigwarda l-prodotti li ma jkunux intiżi għal skopijiet speċifikament militari. Konsegwentement, ix-xiri tat-tagħmir, li l-użu tiegħu għal finijiet militari mhuwiex ċert ħafna, għandu josserva r-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-provvista ta’ ħelikopters lil korpi militari għal użu ċivli għandha tissodisfa dawn l-istess regoli.

    (ara l-punti 38-41, 46-49, 60 u d-dispożittiv)