Keywords
Summary

Keywords

1. Dritt Komunitarju – Interpretazzjoni – Metodi

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet – Prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus – Direttiva 91/308

(Artikolu 6(2) UE; Direttiva tal-Kunsilll 91/308, Artikoli 2A(5), 6(1) u (3)(2))

Summary

1. Meta l-kliem tad-dritt Komunitarju derivat jista’ jkun suġġett għal iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mat-Trattat milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà mat-Trattat. Fil-fatt, l-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt Komunitarju, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt derivat li jidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mis-sistema legali Komunitarja jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju.

(ara l-punt 28)

2. L-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/308, dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/97/KE, u imposti fuq l-avukati mill-Artikolu 2A(5) ta’ din id-Direttiva, fid-dawl tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3) tagħha ma jiksrux id-dritt għal smigħ xieraq, kif iggarantit mill-Artikoli 6 tal-KEDB u 6(2) UE.

Mill-Artikolu 2A(5) tad-Direttiva 91/308 jirriżulta li l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni japplikaw għall-avukati biss meta dawn jassistu lill-klijent tagħhom fl-ippjanar jew fl-eżekuzzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet ta’ natura essenzjalment finanzjarja u immobiljari previsti minn din id-dispożizzjoni fis-subparagrafu (a), jew meta jaġixxu f’isem u għan-nom tal-klijent tagħhom f’kull tranżazzjoni finanzjarja jew immobbiljari. Bħala regola ġenerali, dawn l-attivitajiet, minħabba n-natura tagħhom stess, jinsabu f’kuntest li m’għandu l-ebda rabta ma’ proċedura ġudizzjarja u, għaldaqstant, jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq.

Barra minn hekk, minn meta l-assistenza ta’ l-avukat li qed jaġixxi fil-kuntest ta’ tranżazzjoni prevista fl-Artikolu 2A(5) tad-Direttiva 91/308 tintalab fl-eżerċizzju ta’ inkarigu ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza quddiem qorti għall-ksib ta’ pariri fuq il-mod ta’ kif tinfetaħ jew tiġi evitata proċedura ġudizzjarja, l-imsemmi avukat huwa eżentat, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6(3)(2) tad-Direttiva msemmija, mill-obbligi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-imsemmi Artikolu u, f’dan ir-rigward ikun irrilevanti li l-informazzjoni tingħata jew tinkiseb matul jew wara l-proċedura. Tali eżenzjoni hija ta’ natura li tħares id-dritt tal-klijent għal smigħ xieraq.

Peress li l-eżiġenzi li joħorġu mid-dritt għal smigħ xieraq jimplikaw, mid-definizzjoni stess, rabta ma’ proċedura ġudizzjarja, u fid-dawl tal-fatt li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 91/308 jeżenta lill-avukati, meta l-attivitajiet tagħhom ikunu kkaratterizzati minn tali rabta, mill-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmija direttiva, l-eżiġenzi msemmija jkunu mħarsa.

(ara l-punti 33-35, 37 u dispożittiv.)