Kawża C-287/05

D. P. W. Hendrix

vs

Raad van Bestuur van het Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Centrale Raad van Beroep)

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor — Artikoli 12 KE, 17 KE, 18 KE u 39 KE — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 4(2a), u 10a, kif ukoll Anness IIa — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 7(1) — Benefiċċji speċjali mhux kontributorji — Benefiċċju Olandiż għal żgħażagħ b’diżabbiltà — Natura mhux esportabbli”

Sommarju tas-Sentenza

1.        Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor — Benefiċċji speċjali mhux kontributorji

(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 4(2a), u 10a, kif ukoll Anness IIa)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Trattament ugwali — Benefiċċji soċjali

(Artikolu 39 KE; Regolament tal-Kunsil Nru 1612/68 — Artikolu 7, u Nru 1408/71, Artikoli 4(2a), u 10a, kif ukoll Anness IIa)

1.        Benefiċċju mogħti bis-saħħa tal-liġi Olandiża dwar l-assigurazzjoni kontra l-inkapaċità għax-xogħol ta’ żgħażagħ b’diżabbiltà (Wet arbeidsongeschiktheidsvoorziening jonggehandicapten), imsemmija fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat mir-Regolament Nru 1223/98, għandu jitqies bħala benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71, b’tali mod li hija biss ir-regola ta’ koordinazzjoni ta’ l-Artikolu 10a ta’ dan ir-Regolament li għandha tiġi applikata u li l-ħlas ta’ dan il-benefiċċju jista’ validament jiġi riżervat għall-persuni li huma residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jipprovdi l-imsemmi benefiċċju. Il-fatt li l-persuna kkonċernata qabel kienet tirċievi benefiċċju għal żgħażagħ b’diżabbiltà li kien esportabbli, ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet.

(ara l-punt 38 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 39 KE u 7 tar-Regolament Nru 1612/68 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika l-Artikoli 4(2a), u 10a tar-Regolament Nru 1408/71 fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat mir-Regolament Nru 1223/98, u tipprovdi li benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja li jinsab fl-Anness IIa ta’ dan ir-Regolament ta’ l-aħħar jista’ jingħata biss lill-persuni li huma residenti fit-territorju nazzjonali. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tistax twassal għal ksur tad-drittijiet ta’ persuna li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ l-għan leġittimu tal-liġi nazzjonali. Hija l-qorti nazzjonali, li għandha tagħti lil-liġi nazzjonali, safejn huwa possibbli, interpretazzjoni kompatibbli mad-dritt Komunitarju, fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li l-ħaddiem in kwistjoni żamm ir-rabtiet ekonomiċi u soċjali kollha tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini

(ara l-punti 56, 58 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Settembru 2007 (*)

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jmorru jaħdmu f’pajjiż ieħor – Artikoli 12 KE, 17 KE, 18 KE u 39 KE – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikoli 4(2a), u 10a, kif ukoll Anness IIa – Regolament (KEE) Nru 1612/68 – Artikolu 7(1) – Benefiċċji speċjali mhux kontributorji – Benefiċċju Olandiż għal żgħażagħ b’diżabbiltà – Natura mhux esportabbli”

Fil-kawża C-287/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (l-Olanda), b’deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-18 ta’ Lulju 2005, fil-proċedura

D. P. W. Hendrix

vs

Raad van Bestuur van het Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, P. Kūris u E. Juhász, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus u J.‑C. Bonichot (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ 14 ta’ Novembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Hendrix, minn M. J. Klinkert, advocaat,

–        għar-Raad van Bestuur van het Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen, minnF. W. M. Keunen, Senior jurist,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White u Z. Bryanston-Cross, bħala aġenti, assistiti minn D. Anderson, QC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u P. van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Siġurtà Soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1), hekk kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999 (ĠU L 168, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll il-portata ta’ l-Artikoli 12 KE, 18 KE, 39 KE u 7(1), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2).

2        Din id-domanda tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Hendrix u r-Raad van Bestuur het Uitvoeringsinstituut Werknemersverzekeringen (Kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ l-Istitut ta’ amministrazzjoni ta’ l-assigurazzjonijiet għall-persuni impjegati, iktar ’il quddiem il-“UWV”). Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkontesta r-rifjut ta’ dan ta’ l-aħħar li jallokalu l-benefiċċju taħt il-liġi dwar l-assigurazzjoni kontra l-inkapaċità għax-xogħol ta’ żgħażagħ b’diżabbiltà (Wet arbeidsongeschiktheidsvoorziening jonggehandicapten), ta’ l-24 ta’ April 1997 (Stb. 1997, Nru 177, iktar ’il quddiem il-“Liġi Wajong”), minħabba li mhuwiex residenti fl-Olanda.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71 jiddefinixxi l-persuni koperti minnu u jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri […] kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom u s-sopravissuti tagħhom”.

4        Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Materji koperti”:

“1.      Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġiżlazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

a)      il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)      il-benefiċċji ta’ l-inkapaċità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ;

[...]

2a.      Dan ir-Regolament ikun japplika wkoll għall-benefiċċji speċjali non-kontributorji li hemm ipprovduti taħt il-leġiżlazzjoni jew skemi oħra barra dawk li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1 jew esklużi minħabba l-paragrafu 4, fejn tali benefiċċji huma intenzjonati:

a)      jew biex jipprovdu assigurazzjoni supplementari, sostituta, jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-friegħi tas-Sigurtà Soċjali li għalihom saret riferenza fil-paragrafu 1 (a) sa (h);

jew

b)      bħala protezzjoni speċifika biss għall-persuni b’diżabilità.

[...]

4. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-għajnuna soċjali […]”

5        Rigward il-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja msemmijin fl-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-Artikolu 10a(1) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 u tat-Titolu III, il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament jingħataw il-benefiċċji fi flus non kontributorji speċjali li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 4(2a) esklussivament fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih jabitaw, skond il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, basta tali benefiċċji jkunu mniżżla fl-Anness IIa. Tali benefiċċji jingħataw minn u bi spejjeż ta’ l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza”.

6        Fl-Anness IIa(J) tar-Regolament Nru 1408/71, il-benefiċċji li, fl-Olanda, jingħataw bis-saħħa tal-Liġi Wajong, huma deskritti bħala benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja.

7        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, adottat għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema jipprovdi:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Il-liġi dwar l-assigurazzjoni kontra l-inkapaċità għax-xogħol (Wet op de arbeidsongeschiktheidsverzerkering), tat-18 ta’ Frar 1966, Nru 84, iktar ’il quddiem il-“WAO”), tassigura l-persuni impjegati kontra r-riskju ta’ telf ta’ salarju li jirriżulta minn inkapaċità għax-xogħol. Din l-assigurazzjoni hija ffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet dovuti minn min iħaddem fuq is-salarju li huwa jħallas lill-ħaddiema tiegħu. Sabiex tibbenefika minn benefiċċju taħt il-WAO, il-persuna impjegata għandha tkun assigurata fil-mument meta tiġi fis-seħħ l-inkapaċità għax-xogħol.

9        Sa’ l-1 ta’ Jannar 1998, il-liġi li tipprovdi għal assigurazzjoni ġenerali kontra l-inkapaċità għax-xogħol (Algemene Arbeidsongeschiktheidswet), tal-11 ta’ Diċembru 1975 (Stb. 1975, Nru 674, iktar ’il quddiem l-“AAW”) stabbiliet assigurazzjoni ġenerali obbligatorja li tkopri l-popolazzjoni kollha kontra l-konsegwenzi finanzjarji ta’ inkapaċità għax-xogħol fit-tul.

10      L-AAW ġiet issostitwita, minn naħa, bil-liġi fuq l-assigurazzjoni kontra l-inkapaċità għax-xogħol tal-persuni li jaħdmu għal rashom (Wet arbeidsongeschiktheids- verzekering zelfstandigen), ta’ l-24 ta’ April 1997 (Stb. 1997, Nru 176), dwar il-persuni li jaħdmu għal rashom, u, min-naħa l-oħra, bil-Liġi Wajong, bil-għan li tipproteġi ż-żgħażagħ b’diżabbiltà mill-konsegwenzi finanzjarji ta’ inkapaċità għax-xogħol fit-tul.

11      Il-Liġi Wajong tipprovdi għall-ħlas ta’ benefiċċju minimu għaż-żgħażagħ li diġà huma milquta b’inkapaċità totali jew parzjali għax-xogħol fit-tul qabel id-dħul tagħhom fid-dinja tax-xogħol. Huma kkunsidrati bħala żgħażagħ b’diżabbiltà r-residenti li kienu diġà milquta b’inkapaċità għax-xogħol fl-għeluq is-sbatax-il sena tagħhom jew li, jekk huma milquta wara, studjaw għal almenu sitt xhur matul is-sena li tiġi eżatt qabel il-ġurnata li fiha ġiet fis-seħħ l-inkapaċità għax-xogħol. Il-benefiċċju ma jistax jinġabar qabel l-għeluq tat-tmintax-il sena.

12      L-ammont tal-benefiċċju mogħti bis-saħħa tal-Liġi Wajong jiddependi mir-rata ta’ inkapaċità għax-xogħol – f’dan ir-rigward, ġie stabbilit livell minimu ta’ 25 % - u jitla’ għal 70 % tas-salarju minimu legali f’każ ta’ inkapaċità totali għax-xogħol. Id-dritt għal dan il-benefiċċju mhuwiex suġġett għall-ħlas ta’ primjum jew kontribuzzjoni. Lanqas ma huwa suġġett għal kundizzjoni marbuta mar-riżorsi tal-benefiċjarju nnifsu. Madankollu l-imsemmi benefiċċju jista’ jiġi mnaqqas meta l-benefiċjarju jirċievi dħul għal xogħlu jew meta l-benefiċċju huwa mħallas flimkien ma’ benefiċċji oħra għal inkapaċità għax-xogħol.

13      Il-benefiċċju previst mil-Liġi Wajong jitħallas mill-Arbeidsongeschiktheidsfonds jonggehandicapten (Fondi għaż żgħazagħ b’diżabbiltà li huma milquta minn inkapaċità għax-xogħol) u huwa ffinanzjat mit-Teżor Pubbliku [Artikolu 64(1), tal-Liġi Wajong].

14      B’mod differenti mill-AAW, li ma kienet tipprovdi għall-ebda restrizzjoni f’dan ir-rigward, il-benefiċċju mħallas bis-saħħa tal-Liġi Wajong ma jistax jistħallas jekk il-benefiċjarju ma jkunx residenti fl-Olanda. Fil-fatt, l-Artikolu 17(1) tal-Liġi Wajong jipprovdi li “id-dritt għall-benefiċċju ta’ inkapaċità għax-xogħol jiddekadi [...] fl-ewwel ġurnata tax-xahar segwenti dak li fih ż-żagħżugħ b’diżabbiltà jkun stabbilixxa r-residenza tiegħu barra mill-Olanda”.

15      Madankollu tista’ ssir deroga minn din ir-regola meta d-dekadenza tad-dritt għall-benefiċċju tirriżulta f’sitwazzjoni ta’ “inġustizzja serja” (Artikolu 17(7) tal-Liġi Wajong).

16      B’deċiżjoni tad-29 ta’ April 2003, l-UWV ippreċiżat li teżisti “inġustizzja serja” meta ż-żagħżugħ b’diżabbiltà għandu raġunijiet imperattivi sabiex jistabbilixxi r-residenza tiegħu barra mill-Olanda u meta jista’ jiġi mistenni li t-twaqqif tal-ħlas ta’ dan il-benefiċċju jikkawżalu dannu konsiderevoli. Huma meqjusa bħala raġunijiet imperattivi, b’mod partikolari, il-fatt li jiġi segwit trattament mediku għal ċertu tul ta’ żmien, il-fatt li huwa jaċċetta impjieg li joffri possibbiltà ta’ integrazzjoni mill-ġdid jew il-bżonn li ż-żagħugħ b’diżabbiltà isegwi l-persuni li huwa jiddependi fuqhom, meta dawn il-persuni jkunu mġiegħla jitilqu mill-Olanda.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Is-Sur Hendrix twieled fis-26 ta’ Settembru 1975 u għandu nazzjonalità Olandiża. Huwa jbati minn diżabbiltà mentali ħafifa. Fis-26 ta’ Settembru 1993, ġie mogħti benefiċċju bis-saħħa ta’ l-AAW, li fl-1 ta’ Jannar 1998 inbidel f’benefiċċju skond il-Liġi Wajong. Is-Sur Hendrix għadu meqjus li jsofri minn inkapaċità għax-xogħol ta’ bejn 80 % u 100 % għaliex ma hemmx biżżejjed postijet tax-xogħol fis-suq liberu tax-xogħol, minn perspettiva oġġettiva, li huma adattati għall-kompetenzi u l-kapaċitajiet tiegħu.

18      Is-Sur Hendrix kellu, mill-1 ta’ Frar 1994, impjieg adattat, fid-dipartiment tar-rimunerazzjonijiet ta’ Formido Bouwmarkt f’Maastricht (l-Olanda). Huwa ġie mħallas għal din l-attività iżda baqa’ jirċievi l-benefiċċju bis-saħħa tal-Liġi Wajong, imnaqqas b’kunsiderazzjoni tas-salarju tiegħu. Huwa ma eżerċita ebda attività professjonali barra mill-Olanda.

19      Fl-1 ta’ Ġunju 1999, is-Sur Hendrix ittrasferixxa ruħu fil-Belġju filwaqt li baqa’ jaħdem fl-Olanda. B’deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 1999, l-UWV iddeċieda, f’dik l-okkażjoni, li jtemm il-benefiċċju mħallas bis-saħħa tal-Liġi Wajong lis-Sur Hendrix wara l-1 ta’ Lulju 1999, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 17(1)initio u (1)(c) ta’ din il-liġi li jipprovdi li l-benefiċċju jieqaf mill-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara dak li fih iż-żagħżugħ b’diżabbiltà jkun stabbilixxa r-residenza tiegħu barra mill-Olanda.

20      Bid-deċiżjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 1999, l-UWV iddikjara l-ilment imressaq mis-Sur Hendrix kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 1999 bħala mhux fondat

21      B’sentenza tas-16 ta’ Marzu 2001, ir-Rechtbank Amsterdam iddikjara r-rikors imressaq mis-Sur Hendrix kontra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 1999 bħala mhux fondat. Is-Sur Hendrix appella minn din is-sentenza quddiem is-Centrale Raad van Beroep.

22      Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kwistjoni kienet teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Il-benefiċċju mħallas bis-saħħa tal-Liġi Wajong, li huwa msemmi fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jitqies bħala benefiċċju soċjali, ta’ natura mhux kontributorja, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) ta’ l-istess Regolament, b’tali mod li r-regola ta’ koordinazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10a tiegħu biss għandha tiġi applikata għal persuna bħall-appellant fil-kawża prinċipali? Għat-tweġiba għal din id-domanda, jista’ jkun rilevanti l-fatt li l-persuna kkonċernata kienet tirċievi inizjalment benefiċċju [bis-saħħa ta’ l-] AAW għal żgħażagħ b’diżabbiltà, li inbidel ipso jure f’benefiċċju bis-saħħa tal-Liġi Wajong?

2)       Jekk tingħata tweġiba pożittiva għall-ewwel domanda, ħaddiem jista’ jinvoka l-Artikolu 39 KE, kif huwa implementat permezz ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, quddiem Stat Membru li huwa ċ-ċittadin tiegħu meta huwa ħadem biss f’dan l-Istat Membru iżda huwa residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor?

3)       Jekk tingħata tweġiba pożittiva għall-ewwel u t-tieni domanda, l-Artikolu 39 KE, kif huwa implementat permezz ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jinftiehem fis-sens li dispożizzjoni leġiżlattiva li tissuġġetta l-għoti jew iż-żamma ta’ benefiċċju għar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju ta’ l-Istat Membru hija dejjem kompatibbli ma’ l-imsemmi Regolament meta l-imsemmija dispożizzjoni leġiżlattiva tipprovdi għal benefiċċju ta’ natura mhux kontributorja fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 u meta hija msemmija fl-Anness IIa ta’ dan ir-Regolament?

4)       Jekk tingħata risposta pożittiva għall-ewwel u t-tieni domanda u risposta negattiva għat-tielet domanda, id-dritt Komunitarju (inklużi l-Artikoli 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u 39 KE, kif ukoll l-Artikoli 12 KE u 18 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura tal-Liġi Wajong tirrappreżenta ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi invokat il-kriterju tar-residenza kontra ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea, li jinsab f’impjieg full-time fl-Olanda u li, minħabba f’hekk, huwa esklużivament suġġett għal-leġiżlazzjoni Olandiża?”

 Fuq l-ewwel domanda

23      Bl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-benefiċċju mogħti bis-saħħa tal-Liġi Wajong jikkostitwixxix benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4(2a), u 10a tar-Regolament Nru 1408/71 moqrija flimkien, u minn dan jirriżulta li l-ħlas tiegħu jista’ jiġi validament suġġett għal kundizzjoni ta’ residenza. Hija tistaqsi wkoll dwar l-utilità tat-teħid in kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni preċedenti tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

 Osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni, fl-ewwel lok, li huma biss il-benefiċċji li ma jaqgħux taħt il-leġiżlazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li jistgħu jitqiesu bħala benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja.

25      It-tieni nett, huwa jsostni li benefiċċju mogħti fuq il-bażi ta’ bżonn jikkostitwixxi benefiċċju speċjali. B’dan il-mod huwa jafferma li l-benefiċċju previst mil-Liġi Wajong huwa intiż sabiex ikopri t-tnaqqis ta’ dħul li jirriżulta mis-seħħ ta’ wieħed mir-riskji msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

26      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jżid li l-imsemmi benefiċċju ġie ssostitwit b’benefiċċju ieħor, mogħti bis-saħħa ta’ l-AAW, li seta’ jiġi esportat. Minn dan huwa jikkonkludi li huwa jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1247/92, tat-30 ta’ April 1992, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 (ĠU L 136, p. 1), u b’hekk jippretendi l-esportazzjoni tal-benefiċċju.

27      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tqis li l-benefiċċju previst mil-Liġi Wajong jikkostitwixxi benefiċċju speċjali inkwantu huwa jissostitwixxi mhux telf ta’ dħul (f’dan il-każ, il-benefiċċju jkun wieħed ta’ sigurtà soċjali) iżda preżunzjoni ta’ telf ta’ dħul, peress li ż-żgħażagħ b’diżabbiltà ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ ħaddiema.

28      Il-Gvern Olandiż iqis li l-imsemmi benefiċċju jikkostitwixxi benefiċċju ta’ sostituzzjoni intiż għall-persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni sabiex jiksbu benefiċċju ta’ invalidità normali.

29      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tqis li l-benefiċċju previst mil-Liġi Wajong huwa benefiċċju ta’ natura mħallta li jaqa’ fl-istess waqt taħt is-sigurtà soċjali u taħt l-assistenza soċjali.

30      B’hekk, l-imsemmi benefiċċju jikkostitwixxi benefiċċju speċjali għaliex, minkejja li jkopri l-istess eventwalità, huwa jikkonċerna persuni li, peress li m’għandhomx esperjenzi preċedenti ta’ xogħol, qatt ma kienu assigurati skond il-WAO jew il-WAZ u qatt ma setgħu jkunu hekk assigurati.

31      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jqisu fl-aħħar nett li l-fatt li s-Sur Hendrix kien jirċievi benefiċċju simili bis-saħħa ta’ liġi oħra qabel l-introduzzjoni tal-benefiċċju skond il-Liġi Wajong mhuwiex relevanti.

32      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, sabiex il-benefiċċju previst mil-Liġi Wajong ikun jista’ jiġi deskritt bħala benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja, huwa għandu jissodisfa r-rekwiżiti sostantivi li jrenduh fl-istess waqt benefiċċju speċjali u benefiċċju ta’ natura mhux kontributorja u għandu wkoll ikun inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness IIa tar-Regolament Nru 1408/71.

33      Fir-rigward tan-natura mhux kontributorja tal-benefiċċju, il-Gvern tar-Renju Unit iqis li, peress li huwa ffinanzjat minn fondi pubbliċi, il-benefiċċju previst mil-Liġi Wajong għandu din in-natura.

34      Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda, il-Gvern tar-Renju Unit iqis li huwa irrelevanti li r-rikorrent fil-kawża prinċipali rċieva inizjalment benefiċċju fl-istess waqt differenti u simili inkwantu din is-sitwazzjoni ma tbiddilx essenzjalment id-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ewwel parti tad-domanda

35      Fis-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Kersbergen Lap u Dams Schipper (C-154/05, Ġabra p. I-6249), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li benefiċċju mogħti bis-saħħa tal-Liġi Wajong għandu jitqies bħala benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71.

–       Fuq it-tieni parti tad-domanda

36      Fis-sentenza Kersbergen-Lap u Dams-Schipper (iċċitata iktar ’il fuq, punt 43), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li persuna fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma tista tinvoka l-ebda dirtt għaż-żamma tal-vantaġġi miksuba bis-saħħa ta’ l-AAW qabel l-adozzjoni tal-Liġi Wajong. L-effetti legali (in-natura ta’ esportabbiltà jew le tal-benefiċċju mogħti bis-saħħa tal-Liġi Wajong) ikkawżati bl-istabbiliment tar-residenza barra mill-Olanda għandhom konsegwentement jiġu eżaminati fid-dawl tar-regoli applikabbli fil-mument ta’ din l-istabbiliment il-ġdid, jiġifieri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

37      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrent fil-kawża prinċipali bbażat fuq l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1247/92, minkejja li l-persuni li, qabel l-1 ta’ Ġunju 1992, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi Regolament, kienu jirċievu l-benefiċċju bis-saħħa ta’ l-AAW jew kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jirċevuh jistgħu, skond l-imsemmi Artikolu 2, ikomplu jistrieħu fuq il-prinċipju tar-revoka tal-klawżoli ta’ residenza previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71, is-sitwazzjoni tal-persuni li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet biss wara l-imsemmija data hija, min-naħa l-oħra, irregolata mill-Artikolu 10a ta’ dan ir-Regolament ta’ l-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Partridge, C-297/96, Ġabra p. I-3467, punt 39).

38      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tweġiba lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li benefiċċju bħal dak mogħti bis-saħħa tal-Liġi Wajong għandu jitqies bħala benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71, b’tali mod li hija biss ir-regola ta’ koordinazzjoni ta’ l-Artikolu 10a ta’ dan ir-Regolament li għandha tiġi applikata għal persuni li huma fl-istess sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u li l-ħlas ta’ dan il-benefiċċju jista’ validament jiġi riżervat għall-persuni li huma residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jipprovdi l-imsemmi benefiċċju. Il-fatt li l-persuna kkonċernata qabel kienet tirċievi benefiċċju għal żgħażagħ b’diżabbiltà li kien esportabbli, ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

39      Bit-tieni u t-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jistax jistrieħ fuq l-Artikolu 39 KE kif implementat mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 u, f’dan il-każ, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux, f’din is-sitwazzjoni, it-twaqqif tal-ħlas tal-benefiċċju mogħti bis-saħħa tal-Liġi Wajong għar-raġuni li huwa telaq mill-Olanda.

 Osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

40      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jqis li huwa għandu jitqies bħala ħaddiem li eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu fis-sens tad-dritt Komunitarju. Huwa jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq il-kawża Terhoeve (is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, C-18/95, Ġabra p. I-345), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull ċittadin Komunitarju li jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu tal-ħaddiema u li jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68, indipendentement mill-post ta’ residenza tiegħu u min-nazzjonalità tiegħu. Huwa jenfasizza wkoll li fil-kawża Meints (is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, C-57/96, Ġabra p. I-6689), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-Regolament Nru 1612/68 ma jippermettix li l-għoti ta’ vantaġġ soċjali jiġi suġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jkun residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li għandu jagħtih il-benefiċċju.

41      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tammetti li individwu jista’ wkoll jinvoka l-Artikolu 39 KE quddiem l-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu, sakemm huwa jkun eżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Terhoeve, iċċitata iktar ’l fuq, punti 27 u 28). Madankollu hija ssostni li l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet għandu jinvolvi t-trasferiment fi Stat Membru ieħor bil-għan li jeżerċita jew li jkompli jeżerċita attività ekonomika jew, almenu, għandu juri rabta ma’ attività professjonali, futura jew mhux futura.

42      Madankollu, dan mhuwiex il-każ tas-Sur Hendrix. Huwa minnu li dan ta’ l-aħħar telaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu iżda sempliċement biex ikun residenti fi Stat Membru ieħor u mhux biex jeżerċita hemmhekk attività professjonali. Peress li huwa ħadem dejjem fl-Olanda, huwa qatt ma eżerċita d-drittijiet tiegħu għall-moviment liberu. Skond il-konvenuta fil-kawża prinċipali, għandu jiġi traspost, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 39 KE, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, Werner (C-112/91, Ġabra p. I-429). F’din is-sentenza hija ddeċidiet li s-sempliċi fatt ta’ residenza fi Stat Membru mingħajr l-istabbiliment hemmhekk ma kienx jikkostitwixxi element barrani suffiċjenti sabiex jiġi invokat l-Artikolu 43 KE.

43      Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jsostnu, essenzjalment, l-istess argumenti tal-konvenuta.

44      Il-Gvern tar-Renju Unit josserva wkoll li s-soluzzjoni tas-sentenza Terhoeve, iċċitata iktar ’il fuq, mhijiex applikabbli fil-kawża prinċipali. Huwa jqis li s-Sur Hendrix ma jistax jitqies bħala ħaddiem li eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu u jinvoka, b’mod partikolari, minbarra s-soluzzjoni mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza Werner, iċċitata iktar ’il fuq, il-punti 93 sa 97 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Hoever u Zachow (is-sentenza ta’ l-10 ta’ Ottubru 1996, C-254/94 u C-312/94, Ġabra p. I-4895). Skond din ta’ l-aħħar, ir-Regolament Nru 1612/68 japplika biss għall-ħaddiema li huma ċittadini fi Stat Membru iżda li jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-Sur Hendrix, m’hemmx lok li dan ta’ l-aħħar jitqies bħala ħaddiem li eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu u li jista’ jinvoka, għal din ir-raġuni, id-dispożizzjonijet tar-Regolament Nru 1612/68.

 It-tweġiba tal-Qorti tal-Ġustizzja

45      Fil-kawża prinċipali, is-Sur Hendrix kien impjegat mill-1 ta’ Frar 1994 f’ħanut ta’ l-għodda (DIY) fl-Olanda. Fl-1 ta’ Ġunju 1999, is-Sur Hendrix ittrasferixxa ruħu fil-Belġju, iżda madankollu żamm l-impjieg tiegħu fl-Olanda, inizjalment, fl-istess ħanut fejn kien jirċievi dħul inqas mis-salarju minimu legali. Din ir-rimunerazzjoni kienet ikkompletata bil-benefiċċju mogħti bis-saħħa tal-Liġi Wajong. Peress li l-UWV, b’deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju, iddeċidieda li jissospendi l-għoti ta’ l-imsemmija benefiċċji, mill-1 ta’ Lulju 1999, u peress li dak li kien iħaddmu rrifjuta talba għal żieda, huwa temm dan il-kuntratt ta’ xogħol. Madankollu, mill-5 ta’ Lulju 1999, is-Sur Hendrix ġie impjegat f’ħanut ieħor ta’ l-għodda (DIY) fejn huwa kien jirċievi salarju minimu legali. Fl-2001, is-Sur Hendrix reġa’ stabbilixxa ruħu fl-Olanda.

46      Il-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali huma, għaldaqstant, dawk ta’ persuna li, filwaqt li żammet attività ta’ impjieg b’salarju fl-Istat ta’ oriġini tagħha, ittrasferiet r-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor, imbagħad sabet mill-ġdid impjieg b’salarju fl-Istat ta’ oriġini tagħha. Il-fatt li s-Sur Hendrix, wara li stabbilixxa ruħu fil-Belġju, kompla jaħdem fl-Olanda u imbagħad ma baqax jaħdem għall-istess persuna f’dan l-istess Stat jagħtih il-kwalità ta’ ħaddiem migrant u b’hekk, għall-perijodu kollu in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri mix-xahar ta’ Ġunju 1999 sas-sena 2001, huwa jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tiegħu li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema (is-sentenzi tal-21 ta’ Fra 2006, Ritter –Coulais, C-152/03, Ġabra p. I-1711, punti 31 u 32, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C-212/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17).

47      Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, ħaddiem migrant igawdi l-istess vantaġġi soċjali bħal dawk li huma mogħtija lill-ħaddiema nazzjonali. Skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta’ ħaddiem imsemmi minn din id-dispożizzjoni jkopri l-ħaddiema fuq il-fruntieri li huma intitolati li jinvokawha bl-istess mod bħall-ħaddiema msemmija minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C-57/96, Ġabra p. I-6689, punt 50, tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, C-337/97, Ġabra p. I-3289, punt 21, u Hartmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

48      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” li jirreferi għalih l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, huwa jkopri l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma’ kuntratt ta’ impjieg, huma ġeneralment mogħtija lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment, minħabba l-kwalità tagħhom ta’ ħaddiema jew għas-sempliċi fatt li huma għandhom ir-residenza ordinarja tagħha fit-territorju nazzjonali, u l-estensjoni tiegħu lill-ħaddiema migranti tidher, għaldaqstant, tali li tiffaċilita l-mobbiltà fi ħdan il-Komunità (is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1985, Martinez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 25).

49      Il-benefiċċju mogħti skond il-Liġi Wajong huwa vantaġġ li jingħata lill-ħaddiema li, minħabba marda jew diżabbiltà, ma jistgħux jaqilgħu permezz ta’ xogħlhom dak li persuna f’saħħitha bl-istess livell ta’ studji u ta’ esperjenza taqla’ normalment minn xogħolha. Hekk kif tqis il-qorti tar-rinviju, il-benefiċċju in kwistjoni jikkostitwixxi għaldaqstant vantaġġ soċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

50      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-għoti ta’ vantaġġ soċjali fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 7 għall-kundizzjoni li l-benefiċjarji tal-vantaġġ ikollhom ir-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru (is-sentenzi Meints, punt 51 u Meeusen, punt 21, iċċitati iktar ’il fuq).

51      Huwa minnu li l-benefiċċju mogħti bis-saħħa tal-Liġi Wajong huwa parti mill-benefiċċji soċjali ta’ natura mhux kontributorja msemmija fid-dispożizzjonijiet relatati ta’ l-Artikoli 4(2a), u 10a tar-Regolament Nru 1408/71, li l-għoti tagħhom jista’ jkun riżervat għall-persuni li huma residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tipprovdi għal tali benefiċċju u li l-Artikolu 42(2), tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li dan “m’għandux jaffetwa miżuri meħudin skond l-Artikolu 51 tat-Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 42 KE)", bħal dawk li jinsabu f’regolament ta’ koordinazzjoni bħalma huwa r-Regolament Nru 1408/71.

52      Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 adottati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 42 KE għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-għan ta’ dan l-Artikolu, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ liberta’ ta’ moviment tal-ħaddiema migranti bl-iktar mod sħiħ possibbli (is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Jauch, C-215/99, Ġabra p. I-1901, punt 20).

53      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 huwa l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku ta’ l-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ trattament ugwali stabbilita fl-Artikolu 39(2) KE u għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar (ara s-sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-205/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).

54      Għaldaqstant il-kriterju ta’ residenza għall-għoti ta’ benefiċċju bis-saħħa tal-Liġi Wajong jista’ jiġi mitlub minn persuna fis-sitwazzjoni tas-Sur Hendrix biss jekk huwa oġġettivament iġġustifikat u proporzonat ma’ l-għan segwit.

55      Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja osservat fil-punt 33 tas-sentenza Kersbergen-Lap u Dams-Schipper, iċċitata iktar ’il fuq, il-benefiċċju mogħti bis-saħħa tal-Liġi Wajong huwa marbut fil-qrib mal-kuntest soċjo ekonomiku ta’ l-Istat Membru kkonċernat, għaliex huwa jiddependi mis-salarju minimu u mil-livell ta’ ħajja fl-Olanda. Barra minn hekk, dan il-benefiċċju huwa parti mill-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja msemmija fid-dispożizzjonijiet relatati ta’ l-Artikoli 4(2a) u 10a tar-Regolament Nru 1408/71, li jingħata lill-persuni li għalihom huwa applikabbli dan ir-Regolament esklużivament fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih huma residenti u skond il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat. Għaldaqstant il-kriterju ta’ residenza, bħala tali, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa oġġettivament iġġustifikat.

56      Però huwa wkoll neċessarju li l-applikazzjoni ta’ l-imsemmiija kundizzjoni ma twassalx għal ksur tad-drittijiet li persuna fis-sitwazzjoni tas-Sur Henrix għandu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jmur lil ’hinn minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ l-għan leġittimu tal-liġi nazzjonali.

57      Minn dan il-lat, għandu jiġi osservat li l-liġi nazzjonali, kif ġie indikat fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, tipprovdi espliċitament li tista’ ssir deroga mill-kriterju ta’ residenza meta dan iwassal għal “inġustizzja serja”. Skond ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati nazzjonali li huma kompetenti sabiex jinterpretaw, safejn huwa possibbli, id-dritt nazzjonali f’sens li jkun kompatibbli ma’ l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju (is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113). Il-qorti tar-rinviju għandha għaldaqstant tara li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża in kwistjoni, l-eżiġenza ta’ kriterju ta’ residenza fit-territorju nazzjonali ma twassalx għal tali inġustizzja fid-dawl tal-fatt li s-Sur Hendrix eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu tal-ħaddiema u li huwa żamm ir-rabtiet ekonomiċi u soċjali tiegħu fl-Olanda.

58      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tweġiba lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikoli 39 KE u 7 tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika l-Artikoli 4(2a), u 10a tar-Regolament Nru 1408/71 u tipprovdi li benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja li jinsab fl-Anness IIa ta’ dan ir-Regolament ta’ l-aħħar ma jistax jingħata lill-persuni li huma residenti fit-territorju nazzjonali. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tistax twassal għal ksur tad-drittijiet ta’ persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jmur lil ’hinn minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ l-għan leġittimu tal-liġi nazzjonali. Hija l-qorti nazzjonali, li għandha tagħti lil-liġi nazzjonali, safejn huwa possibbli, interpretazzjoni kompatibbli mad-dritt Komunitarju, fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li l-ħaddiem in kwistjoni żamm ir-rabtiet ekonomiċi u soċjali kollha tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini.

 Fuq ir-raba’ domanda

59      Fil-kuntest ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regoli rigward, b’mod partikolari, iċ-ċittadinanza Ewropea huma tali li jikkontestaw ir-regola li tgħid li benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja, bħalma huwa l-benefiċċju previst mil-Liġi Wajong, ma jistax jiġi esportat.

60      Hekk kif ġie osservat fil-kuntest tat-tweġiba għad-domandi preċedenti, ċittadin ta’ Stat Membru fis-sitwazzjoni tas-Sur Hendrix jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema.

61      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 18 KE, li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li jivvjaġġa ġewwa u jirrisjedi liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, huwa applikat b’mod speċifiku fl-Artikolu 39 KE, fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C-100/01, Ġabra p. I-10981, punt 26, u tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C-392/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 66).

62       Billi l-kawża prinċipali taqa’ taħt din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 18 KE (ara, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Oteiza Olazabal, punt 26, u Alevizos, punt 80) u għaldaqstant m’hemmx bżonn tingħata tweġiba għar-raba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Benefiċċju bħal dak mogħti bis-saħħa tal-liġi dwar l-assigurazzjoni kontra l-inkapaċità għax-xogħol ta’ żgħażagħ b’diżabbiltà (Wet arbeidsongeschiktheidsvoorziening jonggehandicapten), ta’ l-24 ta’ April 1997, għandu jitqies bħala benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-Siġurtà Soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1223/98, ta’ l-4 ta’ Ġunju 1998, b’tali mod li hija biss ir-regola ta’ koordinazzjoni ta’ l-Artikolu 10a ta’ dan ir-Regolament li għandha tiġi applikata għal persuni li huma fl-istess sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u li l-ħlas ta’ dan il-benefiċċju jista’ validament jiġi riżervat għall-persuni li huma residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jipprovdi l-imsemmi benefiċċju. Il-fatt li l-persuna kkonċernata qabel kienet tirċievi benefiċċju għal żgħażagħ b’diżabbiltà li kien esportabbli, ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet.

2)      L-Artikoli 39 KE u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika l-Artikoli 4(2a), u 10a tar-Regolament Nru 1408/71 fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1223/98, u tipprovdi li benefiċċju speċjali ta’ natura mhux kontributorja li jinsab fl-Anness IIa ta’ dan ir-Regolament ta’ l-aħħar jista’ jingħata biss lill-persuni li huma residenti fit-territorju nazzjonali. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tistax twassal għal ksur tad-drittijiet ta’ persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jmur lil ’hinn minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ l-għan leġittimu tal-liġi nazzjonali. Hija l-qorti nazzjonali, li għandha tagħti lil-liġi nazzjonali, safejn huwa possibbli, interpretazzjoni kompatibbli mad-dritt Komunitarju, fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li l-ħaddiem in kwistjoni żamm ir-rabtiet ekonomiċi u soċjali kollha tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.