Kawża C-260/05 P

Sniace SA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Ammissibbiltà – Att li jikkonċerna lir-rikorrenti individwalment”

Sommarju tas-sentenza

1.        Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58)

2.        Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment

(Artikolu 88(2) KE u r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE)

3.        Dritt Komunitarju – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

(Ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE)

4.        Proċedura – Miżuri istruttorji – Smigħ tax-xhieda

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 64 u 65)

1.        Fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti biex tikkonstata l-fatti lanqas, bħala regola ġenerali, biex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset in sostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi jinkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-piż tal-prova u tal-ġbir tal-provi jiġu mħarsa, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti biex tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi li ġew imressqa quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni ħażina ta’ l-elementi ta’ prova ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Tali interpretazzjoni ħażina teżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal elementi ta’ prova ġodda, l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova eżistenti tidher li hi manifestament żbaljata.

(ara l-punti 35, 37)

2.        Persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment, fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni.

B’mod partikolari fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, ir-rikorrenti li jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ l-għajnuna meħuda abbażi ta’ l-Artikolu 88(3) KE, jew dik li tirriżulta mill-proċedura ta’ eżami formali, huma kkunsidrati li huma individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni meta l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni in kwistjoni.

B’mod partikolari, ġew rikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ eżami formali, mhux biss l-impriża li tibbenefika mill-għajnuna, iżda wkoll l-impriżi li jikkompetu ma’ din ta’ l-aħħar li eżerċitaw rwol attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-fatt li impriża kienet ressqet l-ilment li ta lok għall-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami formali, u li nstemgħu l-osservazzjonijiet tagħha u l-fatt li l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura ġie influwenzat b’mod kunsiderevoli mill-osservazzjonijiet tagħha, jikkostitwixxu elementi rilevanti fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ din l-impriża. Parteċipazzjoni bħal din fl-imsemmija proċedura ma tikkostitwixxix, madankollu, kundizzjoni neċessarja biex jiġi stabbilit li deċiżjoni tikkonċerna individwalment lil impriża fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE. Mhuwiex eskluż li din l-impriża tista’ tqajjem fatti speċifiċi oħra li jindividwalizzawha bl-isess mod kif kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni bħal din.

F’dan il-kuntest, hija fi kwalunkwe każ l-impriża rikorrenti li għandha tindika r-raġunijiet rilevanti għalfejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq in kwistjoni.

(ara l-punti 53-57, 60)

3.        Persuna li mhijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat u li, minħabba f’hekk, l-interessi tagħha mhumiex affettwati mill-miżura Statali li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, ma tistax tipprevalixxi ruħha mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-konfront ta’ deċiżjoni bħal din.

(ara l-punti 64-65)

4.        Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji ppreżentati minn parti f’kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi ssuplementata l-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi li tkun qed tisma’. Anki meta talba magħmula fir-rikors għas-smigħ ta’ xhieda tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li jiġu eżaminati x-xhieda indikati.

(ara l-punti 77-78)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Novembru 2007 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Ammissibbiltà – Att li jikkonċerna lir-rikorrent individwalment ”

Fil-kawża C‑260/05 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-20 ta’ Ġunju 2005,

Sniace SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Baró Fuentes, abogado,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u J. L. Buendía Sierra, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza

sostnuta minn:

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, irrappreżentata minn H. Dossi, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Lenzing Fibers GmbH, preċedentament Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG, stabbilita f’Heiligenkreuz (l-Awstrija),

Land Burgenland,

irrappreżentati minn U. Soltész, Rechtsanwalt,

partijiet intervenjenti fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ Awla, A. Tizzano (Relatur), R. Schintgen, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ l-appell tagħha, Sniace SA (aktar ‘il quddiem “Sniace”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni (T-88/01, Ġabra p. II-1165, aktar ‘il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li biha l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat inammissibbli r-rikors tagħha intiż sabiex jannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/102/KE tad-19 ta’ Lulju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat ta’ l-Awstrija favur Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG (ĠU 2001, L 38, p. 33, aktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li taw lok għall-kawża

2        Sniace hija kumpannija Spanjola li topera fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ fibri taċ-ċelluloża (visk).

3        Fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, Lenzing Lyocell GmbH & Co. KG (aktar ‘il quddiem “LLG”) kienet kumpannija sussidjarja tal-kumpannija Awstrijaka Lenzing AG li, b’mod partikolari, tipproduċi fibri tal-visk u tal-modal. LLG kellha, bħala l-attivitajiet tagħha, il-produzzjoni u l-bejgħ tal-lyocell, fibra sintetika ġdida prodotta abbażi taċ-ċelluloża naturali pura.

4        B’ittra tat-30 ta’ Awwissu 1995, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna pubblika lil LLG għall-bini ta’ fabbrika li tipproduċi l-lyocell f’żona industrijali li tinsab fil-Land ta’ Burgenland. F’din l-ittra, l-awtoritajiet Awstrijaċi indikaw li din l-għajnuna kienet se tingħata fil-kuntest tas-sistema ta’ għajnuna reġjonali bir-referenza N 589/95, awtorizzata mill-Kummissjoni b’ittra tat-3 ta’ Awwissu 1995.

5        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ottubru 1995, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika ta’ l-Awstrija li notifika individwali ta’ l-għajnuna prevista fil-forma ta’ sussidji ma kinitx meħtieġa peress li din kienet taqa’ taħt skema ta’ għajnuniet awtorizzati, filwaqt li ntimatha sabiex ma tagħtix għajnuna fil-forma ta’ garanziji lil LLG mingħajr ma tinformaha qabel.

6        Abbażi ta’ diversi biċċiet ta’ informazzjoni, fl-14 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ eżami formali previst fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE) (aktar ‘il quddiem il-“proċedura ta’ eżami formali” fir-rigward ta’ diversi miżuri li l-awtoritajiet Awstrijaċi adottaw favur LLG. Il-miżuri in kwistjoni kienu jikkonsistu f’garanziji Statali għal sussidji u għal self li kienu jammontaw għal EUR 50,3 miljun, prezz vantaġġjuż ta’ EUR 4,4 il-metru kwadru għal 120 ettaru ta’ art industrijali u garanziji ta’ prezzijiet fissi fir-rigward tas-servizzi kollettivi bażiċi għal perijodu ta’ 30 sena.

7        L-Istati Membri l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea u l-partijiet ikkonċernati ġew informati bil-ftuħ ta’ din il-proċedura u ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom permezz tal-publikazzjoni ta’ komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Jannar 1999 (ĠU C 9, p.6). Il-Gvern Awstrijak innotifika l-osservazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Marzu u tas-16 u tat-28 ta’ April 1999. Il-Gvern tar-Renju Unit u xi terzi kkonċernati, fosthom ir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 1999, ukoll issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom.

8        Wara li eżaminat l-informazzjoni li kienet ġiet ipprovduta lilha, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra ta’ l-14 ta’ Lulju 1999, informat lill-Gvern Awstrijak bid-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Ġunju 1999 li testendi l-proċedura ta’ eżami formali għal erba’ miżuri oħra adottati favur LLG. F’dan il-każ, dawn kienu: għajnuna adhoc għall-investiment li tammonta għal EUR 0.4 miljun għax-xiri ta’ biċċa art, parteċipazzjoni fil-forma ta’ equity għall-ammont ta’ EUR 21,8 miljun li setgħet tintemm biss wara perijodu ta’ 30 sena u li kellha tirrendi 1 % interessi fis-sena, għajnuna għal ammont mhux magħruf għall-ħolqien ta’ infrastruttura speċifika għall-impriża u għajnuna ambjentali li tammonta għal EUR 5.4 miljun li setgħet ingħatat fil-kuntest ta’ applikazzjoni ħażina ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti.

9        Permezz tal-publikazzjoni ta’ Komunikazzjoni oħra fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-4 ta’ Settembru 1999 (ĠU C 253, p.4) il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati bl-imsemmija estensjoni tal-proċedura ta’ eżami formali u stednithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom. B’ittri ta’ l-4 ta’ Ottubru 1999, ir-rikorrenti u l-Gvern Awstrijak ikkomunikaw l-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom. Partijiet interessati oħra, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit ukoll ppreżentaw osservazzjonijiet.

10      Fid-19 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, f’din id-deċiżjoni hija kkunsidrat li ċerti miżuri in kwistjoni ma kinux jikkonstitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat u, min-naħa l-oħra, awtorizzat il-miżuri l-oħra bħala għajnuniet kompatibbli mat-Trattat KE.

11      Id-diżpożittiv ta’ din id-deċiżjoni huwa redatt kif ġej [traduzzjoni mhux uffiċċjali]:

Artikolu wieħed

1      L-għajnuna li l-Awstrija tat lil [...] (LLG) ta’ Heiligenkreuz, permezz ta’ l-għoti ta’ garanziji li jammontaw għal EUR 35.80 miljun [garanzija mingħand konsorzju ta’ banek privati u pubbliċi li tammonta għal EUR 21.8 miljun u tliet garanziji ta’ [...] (WHS) li jammontaw għal EUR 1.4 miljun, EUR 10.35 miljun u EUR 2.25 miljun], kif ukoll permezz ta’ prezz ta’ EUR 4.4 għal kull metru kwadru għax-xiri ta’ biċċa art industrijali ta’ 120 ettaru, permezz ta’ garanziji ta’ prezzijiet fissi fir-rigward tal-Land [...] Burgenland għall-provvista ta’ servizzi kollettivi u permezz ta’ għajnuna li l-ammont tagħha mhux magħruf fil-forma ta’ ħolqien ta’ infrastruttura speċifika għall-impriża, ma jikkostitwixxux għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

Artikolu 2

L-għajnuna mogħtija mill-Awstrija lil LLG permezz ta’ l-għoti ta’ garanzija ta’ EUR 14.5 miljun mill-WiBAG hija konformi mar-regola [li ġġib ir-referenza] N 542/95, dwar il-garanziji u approvata mill-Kummissjoni.

L-għajnuna għall-ambjent li tammonta għal EUR 5.37 miljun hija konformi mar-regola [li ġġib ir-referenza] N 93/148, dwar l-iffinanzjar tal-protezzjoni ta’ l-ambjent u approvata mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija mill-Awstrija għall-ammont ta’ EUR 0.4 miljun bħala għajnuna għax-xiri ta’ art u għall-ammont ta’ EUR 21.8 miljun bħala parteċipazzjoni fil-forma ta’ equity huma kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika [ta’ l-Awstrija]”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata.

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ April 2001, Sniace ressqet rikors intiż li jannulla d-deċizjoni kkontestata u jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      B’digriet tal-President tal-Ħames Awla estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 2002, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, LLG u l-Land Burgenland ġew permessi li jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

14      Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li ddeċidiet li teżamina ex officio jekk ir-rikorrenti kellhiex locus standi, ikkonkludiet li r-rikors kien inammissibbli.

15      Fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet indirizzata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija, kien hemm lok li jiġi eżaminat jekk Sniace kinitx direttament u individwalment ikkonċernata minnha, konformement mar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

16      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kinitx individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, fil-punt 55 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jippretendu li jkunu individwalment kkonċernati biss jekk dik id-deċiżjoni taffettwhom minħabba ċerti karatteristiċi partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzahom bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni bħal dik.

17      Wara dan, fil-punt 56 ta’ l-imsemmija sentenza ġie enfasizzat li f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, ġew rikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ eżami formali miftuħa fir-rigward ta’ għajnuna individwali, mhux biss l-impriża benefiċjarja, iżda wkoll l-impriżi kompetituri ta’ din ta’ l-aħħar li jkunu ħadu sehem attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun ġiet kunsiderevolment affettwata mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, C-69/84, Ġabra p. 391, punt 25).

18      Għaldaqstant, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li kien meħtieġ li jiġi eżaminat b’liema mod il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ eżami formali u l-effett negattiv ta’ l-għajnuna fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq, kienu ta’ tali natura li jindividwalizzawha konformemanet ma’ l-Artikolu 230 KE.

19      Inkwantu għall-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-imsemmija proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 59 ta’ l-imsemmija sentenza, ikkonstatat li hija kienet eżerċitat biss rwol minuri għar-raġunijiet segwenti:

“[…] Minn naħa, [Sniace] ma ppreżentat l-ebda lment lill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra jidher li l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura ma kienx iddeterminat b’mod kunsiderevoli mill-osservazzjonijiet li hija ppreżentat permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Frar u ta’ l-4 ta’ Ottubru 1999 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza COFAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 24). B’hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-12 ta’ Frar 1999, ir-rikorrenti limitat ruħha sabiex, essenzjalment, tirripproduċi ċerti konstatazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ tal-proċedura [ta’ eżami formali] u li tikkummentahom sommarjament, u dan mingħajr ma tipprovdi l-iċken element konkret ta’ prova. Bl-istess mod, fl-osservazzjonijiet tagħha ta’ l-4 ta’ Ottubru 1999, hija limitat ruħha li tiddikjara, mingħajr ma għamlet l-iċken preċiżazzjoni jew ma ġabet xi element ta’ prova, li l-miżuri previsti fid-deċiżjoni ta’ estensjoni tal-proċedura [ta’ eżami formali] kienu jikkonstitwixxu għajnuna mill-Istat u li dawn kellhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni”.

20      F’dak li jirrigwarda l-effett negattiv fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 61 tas-sentenza kkontestata, li l-miżuri koperti mid-deċiżjoni kkontestata kienu jikkonċernaw esklużivament fabbrika intiża għall-produzzjoni tal-lyocell u li kien paċifiku li r-rikorrenti la kienet tipproduċi dan it-tip ta’ fibra u lanqas kellha l-intenzjoni li tipproduċih fil-futur.

21      Warda dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, fil-punti 63 sa 78 ta’ l-imsemmija sentenza, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tistabbilixxi li l-pożizzjoni tagħha fis-suq setgħet, madanakollu, tiġi affettwata kunsiderevolment mid-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-punti huma redatti kif ġej:

“63       L-ewwel nett, fir-rikors tagħha, [ir-rikorrenti] essenzjalment tallega li bejn il-viscose u l-lyocell hemm relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta.

64      Mingħajr ma jkun hemm bżonn, fl-istadju ta’ l-eżami ta’ l-ammissibbiltà, li tittieħed deċiżjoni definittiva dwar id-definizzjoni eżatta tas-suq tal-prodotti in kwistjoni, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija kontradetta minn diversi elementi ta’ l-inkartament.

65      Minn naħa, il-lyocell għandu ċerti karatteristiċi fiżiċi li jiddistingwuh b’mod ċar mill-fibra tal-viscose. [...]

66       Id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-lyocell jista’ jiġi sostitwit mill-viscose ‛fil-parti l-kbira ta’ l-applikazzjonijiet’ mhijiex ipprovata b’mod konvinċenti. [...]

67      Barra minn dan, l-imsemmija affermazzjoni hija kontradetta mid-dikjarazzjoni li LLG għamlet matul konferenza, li r-rikorrenti tinvoka sabiex issostni t-teżi tagħha (punt 30 tar-rikors u l-Anness 14 tar-rikors) u li tgħid li l-lyocell hija ‘fibra addizzjonali li l-applikazzjonijiet tagħha huma differenti’.

68      Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li l-prezz tal-lyocell huwa ħafna aktar għoli minn dak tal-fibri tal-viscose. [...]

69      Fl-aħħar nett, skond l-istess dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, il-proċess ta’ produzzjoni tal-lyocell, minn naħa, u tal-fibri tal-viscose, min-naħa l-oħra, huma differenti ħafna. […]

70      F’kull każ, anke jekk jiġi kkunsidrat li hemm relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta bejn il-lyocell u l-fibra tal-viscose, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u, b’mod aktar partikolari, fin-nota li tidher fl-anness 14 tar-rikors tagħha, ma jistabbilixxux kif jitlob id-dritt li d-deċiżjoni kkontestata tista’ taffettwa kunsiderevolment il-pożizzjoni tagħha fis-suq. L-indikazzjonijiet li jinsabu f’din in-nota, fil-fatt, huma msejsa fuq postulazzjonijiet li mhuma pprovati bl-ebda mod, bħall-fatt li, mill-1997, il-produzzjoni tal-lyocell ta’ LLG ħadet kompletament il-post ta’ dik tal-viscose u li din hija esklużivament intiża għas-suq ewropew. Barra minn dan, f’din in-nota, ir-rikorrenti tiddikjara li, minħabba li ‘l-fornitura [ta’ LLG] tikkorrispondi għal 3.5 % tas-suq’, hija waqfet, mill-1997, milli tipproduċi, u konsegwentement milli tbigħ, ċerti kwantitajiet ta’ viscose mingħajr ma sostniet it-teżi tagħha bl-iċken element ta’ prova u mingħajr ma pprovdiet xi spjegazzjoni fuq il-metodu li użat sabiex tikkalkola dawn il-kwantitajiet. Fl-istess sens, għandu jiġi osservat li hija ma ġabitx l-inqas prova sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha li l-imsemmija ‘fornitura’ ġabet magħha ‘bdil ta’ minn ta’ l-anqas […] % tal-prezz fis-seħħ fis-suq’.

71      It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-eżistenza, flimkien mal-’lyocell pur’ u mal-proviscose, tal-’lyocell substandard’ li hija tikkwalifika wkoll bħala lyocell ta’ ‘kwalità inqas tajba’ [...].

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi ta’ l-inkartament ma jippermettux li jiġi konkluż li jeżistu diversi kwalitajiet ta’ lyocell. Għandu jiġi enfasizzat, b’mod partikolari, li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma tippreċiżax x’jinvolvi l-kunċett ta’ ‘lyocell substandard’. Barra minn dan hija lanqas ma kkontestat b’mod serju d-dikjarazzjoni li LLG u l-Land Burgenland għamlu diversi drabi matul is-seduta jiġifieri li ma jeżistix lyocell ta’ kwalità inferjuri.[....]

73      Anke jekk jiġi preżunt li LLG tipproduċi lyocell ta’ kwalità inferjuri u li hija tbigħu bi prezz baxx ħafna, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma ssostanzjat it-teżi tagħha li hija kellha, bħala konsegwenza, tbaxxi l-prezzijiet tagħha għall-’prodotti ta’ l-istess kwalità’. Barra minn dan, hija ma tiġġustifika bl-ebda mod il-kwantitajiet u t-tnaqqis fil-prezz li hija tinvoka.

74      It-tielet nett, fir-replika tagħha u fl-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent, ir-rikorrenti tibbaża ruħha aktar fuq il-kompetizzjoni li allegatament teżisti bejn il-proviscose u l-viscose. Hija ssostni li s-sitwazzjoni tagħha fis-suq hija affettwata mill-fatt li LLG tikkummerċjalizza l-proviscose bi prezzijiet kompetittivi meta mqabbla ma dawk tal-viscose u li, fid-dawl tal-kwalità superjuri ta’ dan ta’ l-ewwel, il-klijienti jippreferuh minn ta’ l-aħħar.

75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti qiegħda terġa tillimita ruħha sabiex issostni allegazzjonijiet li mhumiex sostanzjati biżżejjed.

[...]

78      Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar ‘il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma indikatx b’mod relevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kkontestata tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa kunsiderevolment il-pożizzjoni tagħha fis-suq. [...]”

22      Fil-punti 79 u 80 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li minħabba dan il-fatt u minħabba r-rwol limitat eżerċitat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami formali, din ma kinitx individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża u li, għal-din ir-raġuni, ir-rikors kellu jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma kien meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kinitx direttament ikkonċernata minn din id-deċiżjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

23      Fl-appell tagħha, Sniace titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza kkontestata;

–        tilqa’ t-talbiet tagħha magħmulin fl-ewwel istanza jew, jekk meħtieġ, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża;

–        tilqa’ t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura magħmula mir-rikorrenti fis-16 ta’ Ottubru 2001, kif ukoll it-talbiet għad-dehra personali tal-partijiet, għas-smigħ tax-xhieda u għal perizja magħmula mir-rikorrenti fl-20 ta’ April 2001;

–         tikkundanna lill-konvenuta fil-Prim’Istanza għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-ewwel tliet talbiet ta’ dan l-appell bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħadhom bħala infondati;

–        tiċħad ir-raba’ talba ta’ dan l-appell bħala infondata; u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż; jew

–        sussidjarjament, fil-każ li jintlaqa’ l-appell, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.

25      Lenzing Fibers GmbH (iktar ‘il quddiem, “Lenzing Fibers”) u l-Land Burgenland jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, kif ukoll

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnhom.

26      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appel bħala infondat, u

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

27      Sniace tressaq erba’ aggravji in sostenn ta’ l-appell tagħha. Permezz ta’ l-ewwel aggravju, hija ssostni li s-sentenza kkontestata hija vvizjata bi żball ta’ liġi peress li hija tiddikkjara r-rikors inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma ppruvatx li l-pożizzjoni tagħha fis-suq setgħet tiġi kunsiderevolment affettwata mid-deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tieni aggravju, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi meta ddikkjarat ir-rikors inammissibbli minħabba li r-rikorrenti kellha rwol minuri fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami formali. It-tielet aggravju hu fondat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ir-raba’ aggravju, li hu maqsum f’żewġ partijiet, hu bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattamanet uġwali kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

28      Permezz ta’ l-ewwel aggravju tagħha, Sniace ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta ddikjarat ir-rikors tagħha inammissibbli minħabba li r-rikorrenti ma kinitx indikat b’mod relevanti r-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni kkontestata setgħet tippreġudika l-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni tagħha fis-suq.

29      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni ċerti element li jistabilixxu l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta bejn il-fibra tal-lyocell, prodotta u kkummerċjalizzata minn LLG, u l-fibra tal-visk, prodotta u kkummerċjalizzata minn Sniace. Minn naħa, ir-rikorreti ssostni li LLG introduċiet fis-suq diversi tipi ta’ lyocell ta’ kwalità u prezzijiet inferjuri, magħrufa taħt l-isem “lyocell inferjuri” li bdew jikkompetu mal-fibra tal-visk għal ċerti użijiet. F’dan ir-rigward, il-konklużjoni milħuqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 72 tas-sentenza kkontestata li “l-elementi ta’ l-inkartament ma jippermettux li jiġi konkluż li jeżistu diversi kwalitajiet ta’ lyocell” mhijiex eżatta fid-dawl tal-provi ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza. B’mod partikolari, din il-konklużjoni hija kontradetta mid-dikjarazzjonijiet ta’ wieħed mill-maniġers ta’ LLG misjuba f’artikolu ta’ rivista speċjalizzata annesa mar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Min-naħa l-oħra, skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma ħadet in kunsiderazzjoni kif suppost provi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni minn LLG, bi prezzijiet kompetittivi, tal-proviscose, jiġifieri taħlita ta’ visk u ta’ lyocell li bdew jikkompetu ma’ fibri oħra, inkluż il-visk, wara l-għoti ta’ l-għajnuna kkontestata.

30      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatti speċifiċi li ġejjin, li jindividwalizzaw b’mod speċifiku lir-rikorrenti meta mqabbla ma’ kull operatur ekonomiku ieħor:

–        L-appartenenza ta’ Sniace f’“kategorija magħluqa” ta’ impriżi, li potenzjalment huma kompetituri ta’ LLG, jiġifieri l-impriżi attivi fis-settur tal-fibri taċ-ċelloża (lyocell, visk u modal), kif ukoll

–        L-eżistenza ta’ kapaċità produttiva għola minn dik li hija meħtieġa fis-suq tal-fibri taċ-ċelluloża b’tali mod li l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ LLG setgħet direttament u b’mod konsiderevoli taffettwa s-sitwazzjoni kompetittiva tal-produtturi li diġà kienu preżenti fl-imsemmi suq.

31      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmulin mill-Qorti tal-Prim’istanza fil-punti 70 u 77 tas-sentenza kkontestata li jipprovdu li, anke jekk jiġi kkunsidrat li teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-lyocell u l-visk jew bejn l-proviscose u l-visk, Sniace ma tat ebda indikazzjoni fuq it-telf jew il-konsegwanzi negattivi oħra li hija ġarrbet minħabba d-deċiżjoni kkontestata. Però, ir-rikorrenti ssostni li hija ġabet provi bħal dawn, b’mod partikolari bil-preżentata ta’ dokument, li kien l-anness 14 mehmuż mar-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li għandu informazzjoni preċiża fuq il-telf mġarrab minn Sniace minħabba l-kummerċjalizzazzjoni tal-lyocell bi prezz artifiċjalment baxx.

32      Il-Kummissjoni ssostni li l-aggravju hu inammissibbli safejn jikkontesta sempliċement l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

33      Bl-istess mod, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, Lenzing Fibers u l-Land Burgenland jitolbu li l-aggravju jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li hu fondat fuq fatti u elementi ta’ prova ġodda, jirreferi ripetutament għall-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, pjuttost milli għal dik tas-sentenza kkontestata u, kuntrarjament għall eżiġenzi ta’ l-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhuwiex limitat għal punti ta’ liġi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk hija tinvoka żball ta’ liġi, fir-realtà Sniace, permezz ta’ l-ewwel aggravju tagħha, tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mil-Qorti tal-Prim’Istanza, billi essenzjalment tikkontesta n-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni minn din ta’ l-aħħar ta’ ċerti fatti u dokumenti mressqa fl-ewwel istanza mir-rikorrenti sabiex turi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta bejn il-fibra tal-lyocell u l-fibri tal-visk.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, f’każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti biex tikkonstata l-fatti lanqas, bħala regola ġenerali, biex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset in sostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi jinkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-piż tal-prova u tal-ġbir tal-provi jiġu mħarsa, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti biex tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi li ġew imressqa quddiemha (sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 22, kif ukoll dik tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra I-729, punt 38). Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni ħażina ta’ l-elementi ta’ prova ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (is-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni, C-53/92 P, Ġabra p. I-667, punt 42, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 49).

36      Minn dan jirriżulta li l-ewwl aggravju hu ammissibbli biss safejn hu intiż li juri li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod ħażin l-elementi ta’ prova.

37      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali interpretazzjoni ħażina teżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal elementi ta’ prova ġodda, l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova eżistenti tidher li hi manifestament żbaljata (is-sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 54; tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 108, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra I-439, punt 37).

38      Fir-rigward ta’ l-argument ta’ Sniace li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod ħażin il-kontenut ta’ artikolu ppublikat fir-rivista speċjalizzata Textil Expres mehmuż mar-rikors tagħha billi affermat li l-elementi tal-proċess ma setgħux iwasslu għall-konklużjoni li jeżistu kwalitajiet differenti ta’ lyocell, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk l-artikolu in kwistjoni jsemmi diversi varjetajiet ta’ fibri ta’ lyocell ikkummerċjalizzati minn LLG, mill-qari tas-siltiet ta’ dan l-Artikolu ċċitati mir-rikorrenti fl-appell tagħha, ma jistax jiġi dedott b’mod mhux ekwivoku, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, li dawn il-tipi ta’ fibra huma ta’ kwalità inferjuri li jikkompetu mal-visk mill-aspett ta’ prezz. Minbarra dan, dan l-istess artikolu, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 67 tas-sentenza kkontestata, jipprovdi li meta mqabbel mal-visk, il-lyocell tikkostitwixxi “fibra addizzjonali li l-applikazzjonijiet tagħha huma differenti”. Għaldaqstant, il-kontenut ta’ dan id-dokument ma jistax iqajjem dubji dwar il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni diretta bejn il-visk u l-lyocell.

39      Fir-rigward tal-provi forniti minn Sniace, użati biex jintwera l-preġudizzju konkret imġarrab minħabba d-deċiżjoni kkontestata u li ma ttiħdux in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza, hemm lok li jiġi rrilevat li n-nota li tinsab fl-anness 14 tar-rikors ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li għaliha r-rikorrenti tirreferi fl-appell tagħha, hija bbażata preċiżament fuq il-premessa mhux stabbilita, hekk kif jirriżulta mill-punt preċedenti, ta’ l-eżistenza ta’ kompetizzjoni diretta bejn il-fibri tal-visk u l-fibri tal-lyocell.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud, parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

41      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta ddikjarat ir-rikors tagħha inammissibbli minħabba li r-rikorrenti eżerċitat rwol minuri fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami formali li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata.

42      L-ewwel nett, Sniace ssostni li, sabiex tevalwa l-livell tal-parteċipazzjoni tagħha f’din il-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta rreferiet għall-punti 24 u 25 tas-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, safejn din is-sentenza tirrigwarda sitwazzjoni fattwali differenti minn dik fil-kawża preżenti. F’dan ir-rigward, Sniace ssostni li bil-kontra tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, hija ma ressqitx ilment iżda interveniet fl-imsemmija proċedura bħala parti terza interessata fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE wara li ġiet mistiedna mill-Kummissjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Għalhekk, dak li huwa importanti huwa, li meta identifikatha bħala sors ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti dritt proċedurali suġġettiv li jista’ jiġi ġuridikament protett mill-Qrati Komunitarji.

43      Wara dan, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għall-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 59 tas-sentenza kkontestata, ir-rwol tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami formali ma jistax jkun meqjus bħala minuri. B’mod partikolari, l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Sniace lill-Kummissjoni kellhom ċertu impatt fuq l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura billi, b’mod partikolari, kkontribwew għall-estenzjoni ta’ l-imsemmija proċedura għal miżuri oħra ta’ għajnuna.

44      Finalment, anki jekk jitqies li Sniace eżerċitat biss rwol minuri fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami formali, ir-rikorrenti tikkontesta li dan l-element waħdu jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq il-locus standi tagħha. Għall-kuntrarju, fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjsoni (T-380/94, Ġabra p. II 2169), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat espressament li d-dritt li jiġi fformulat rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, ma jistax jiġi kkundizzjonat mill-intensità tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ eżami formali. Minbarra dan, dan l-approċċ huwa ġġustifikat fid-dawl tar-rwol, li bil-fors ikun ta’ natura limitata, li jeżerċitaw il-partijiet interessati terzi matul din il-proċedura. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar ma għandhom ebda dritt ta’ aċċess għall-fajl u jiddependu, il-biċċa l-kbira mill-provi reżi pubbliċi mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ftuħ ta’ l-imsemmija proċedura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata talli ma kkummentatx fuq elementi li l-Kummissjoni ma kinitx kopriet fil-komunikazzjonijiet tal-ftuħ u ta’ l-estenzjoni tal-proċedura ta’ eżami formali jew f’dokumenti pubbliċi oħra li għalihom Sniace, bħala parti terza interessata, ma kellhiex aċċess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

45      Il-Kummissjoni u l-Gvern Awstrijak jirrispondu li dan l-aggravju hu inammissibbli peress li jipprova jqajjem dubji dwar l-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

46      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta mis-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, li tliet kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu sodisfatti sabiex rikors ippreżentat minn impriża kompetitriċi kontra deċiżjoni meħuda wara proċedura ta’ eżami formali jkun ammissibbli:

–        l-impriża kkonċernata għandha tressaq l-ilment li jkun ta lok għall-ftuħ ta’ din il-proċedura;

–        l-iżvolġiment ta’ l-imsemmija proċedura għandu jkun ġie ddeterminat b’mod sostanzjali mill-osservazzjonijiet ta’ din l-impriża; u

–        l-impriża għandha turi li l-pożizzjoni tagħha fis-suq hija kunsiderevolment affetwata mill-miżura ta’ għajnuna in kwistjoni.

47      Però, fil-kawża preżenti, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hi sodisfatta mir-rikorrenti. B’mod partikolari, inkwantu għall-kundizzjoni dwar ir-rwol eżerċitat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami formali, il-Kummissjoni tirrileva li l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Sniace huma essenzjalment limitati għall-ipparafrażar u l-approvazzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni tal-ftuħ ta’ din il-proċedura, prattikament mingħajr iż-żieda ta’ inqas informazzjoni.

48      Skond Lenzing Fibers u l-Land Burgenland, l-aggravju hu inammissibbli peress li hu nieqes minn kwalunkwe rilevenza fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, konformement mas-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni (C-106/98 P, Ġabra p. I 3659), il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ eżami formali, anki jekk din tkun waħda attiva, mhijiex biżżejjed biex tagħti lill-impriża l-locus standi meta, fi kwalunkwe każ, bħal fil-każ in eżami, il-pożizzjoni tagħha fis-suq ma tkunx giet affettwata b’mod kunsiderevoli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      In kwantu għall-ammissibbilità ta’ dan l-aggravju, hekk kif ġie mfakkar aktar ‘il fuq, jirriżulta mill-Artikoli 225(1) KE u mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li appell għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi u għandu jkun ibbażat fuq aggravju ta’ inkompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi ta’ l-appellant kif ukoll fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Il-Parlament vs Bieber, C-284/98 P, Ġabra p. I-1527, punt 30, kif ukoll id-digrieti ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Gouvras vs Il-Kummissjoni, C-420/04 P, Ġabra p. I-7251, punt 48, u ta’ l-20 ta’ Marzu 2007, Kallianos vs Il-Kummissjoni, C-323/06 P, Ġabra p. I-43, punt 10).

50      Fil-kawża preżenti, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Gvern Awstrijak, dan l-aggravju mhuwiex limitat għal kontestazzjoni ta’ l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula fl-ewwel istanza, iżda jikkontesta l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kwistjoni jekk terzi persuni interessati għandhomx locus standi li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza meta eżaminat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ eżami formali, u għaldaqstant, iqajjem punt ta’ liġi.

51      Minn dan jirriżulta li l-aggravju hu ammissibbli in kwantu hu intiż biex jikkontesta t-teħid in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-livell ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura msemmija.

52      In kwantu għall-fondatezza ta’ dan l-aggravju, preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li konformement mar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew legali tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tirrigwardaha direttament u individwalment.

53      Skond ġurisprudenza stabbilita, persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p.197, 223; tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 20, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra p. I-10737, punt 33).

54      B’mod partikolari fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, ir-rikorrenti li jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ l-għajnuna meħuda abbażi ta’ l-Artikolu 88(3) KE, jew dik li tirriżulta mill-proċedura ta’ eżami formali, huma kkunsidrati li huma individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni meta l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun affetwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati aktar’ il-fuq, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, punti 22 sa 25, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punti 37 u 70)

55      F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, ġew rikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ eżami formali, mhux biss l-impriża li tibbenefika mill-għajnuna, iżda wkoll l-impriżi li jikkompetu ma’ din ta’ l-aħħar li eżerċitaw rwol attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun affetwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar’ il-fuq, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, punt 25, kif ukoll Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, punt 40).

56      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li impriża kienet ressqet l-ilment li ta lok għall-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami formali, il-fatt li nstemgħu l-osservazzjonijiet tagħha u l-fatt li l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura ġie influwenzat b’mod kunsiderevoli mill-osservazzjonijiet tagħha, jikkostitwixxu elementi rilevanti fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ din l-impriża (ara s-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, punti 24 u 25).

57      Madankollu, bil-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li parteċipazzjoni bħal din fl-imsemmija proċedura tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja biex jiġi stabbilit li deċiżjoni tikkonċerna individwalment lil impriża fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE u li huwa eskluż li din ta’ l-aħħar tista’ tqajjem fatti speċifiċi oħra li jindividwalizzawha bl-isess mod kif kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni bħal din.

58      Fil-kawża preżenti, jirriżulta mill-punti 58 u 78 tas-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx inidividwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl ta’ żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, ir-rwol limitat eżerċitat minn Sniace fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami formali, u min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ din ta’ l-aħħar li turi l-preġudizzju kunsiderevoli mġarrab fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, speċifikament fir-rigward ta’ l-eżami ta’ l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ elementi, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat fil-punt 59 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti eżerċitat rwol minuri biss fl-iżvolġiment ta’ din il-proċedura minħabba li hija ma ressqitx ilment quddiem il-Kummissjoni u minħabba li dawn il-proċedimenti ma kinux ġew determinati b’mod sostanzjali mill-osservazzjonijiet imressqa minn Sniace.

59      Madanakollu, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li fl-imsemmija punti tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim’Istanza poġġiet il-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti fil-proċedura ta’ eżami formali bħala kundizzjoni neċessarja biex hija tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, dan l-iżball ta’ liġi b’ebda mod ma jaffettwa l-eżitu ta’ din il-kawża.

60      Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 54 u 55 tas-sentenza preżenti li r-rikorrenti jmissha wriet, fi kwalunkwe każ, li d-deċiżjoni kkontestata kienet ta’ natura li setgħet taffetwa kunsiderevolment il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni suprema tagħha tal-fatti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li, fil-każ preżenti, ir-rikorrenti ma kinitx uriet li d-deċiżjoni kkontestata setgħet kienet ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa, sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 34 sa 40 tas-sentenza preżenti, l-ebda wieħed mill-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ l-ewwel aggravju ta’ l-appell ma jista’ jbiddel din il-konklużjoni.

61      Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala mingħajr effett.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

62      Permezz tat-tielet aggravju, Sniace ssostni li meta ċaħdet ir-rikors tagħha bħala inammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif inhu ggarantit mill-ġurisprudenza Komunitarja kif ukoll mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p.1). Ir-rikorrenti ssostni li hija ġiet, fil-fatt, imċaħħda minn kwalunkwe rimedju kontra d-deċiżjoni kkontestata, kemm quddiem qorti nazzjonali kif ukoll quddiem qorti Komunitarja, għalkemm l-imsemmija deċiżjoni hija vvizjata minn diversi żbalji manifesti.

63      Il-Kummissjoni, Lenzing Fibers u l-Land Burgenland jikkunsidraw li persuna bħar-rikorrenti, li mhijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ma tistax tiprevalixxi ruħha mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva sabiex jiġi rikonoxxut fil-konfront tagħha d-dritt li tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      Hemm lok li jiġi mfakkar li skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjonijiet għall-ammissibbilità ta’ rikors għal annullament ma jistgħux jiġu mwarrba minħabba l-interpretazzjoni li jagħmel ir-rikorrent tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (digriet tat-8 ta’ Marzu 2007 Strack vs Il-Kummissjoni, C-237/06 P, Ġabra p. I-33, punt 108; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C 50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 44, u ta’ l-l ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 36, kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, C-150/06 P, Ġabra p. I-39, punt 40).

65      B’hekk, f’dak li jirrigwarda speċifikament il-qasam ittrattat fir-rikors preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tippreċiża li persuna li mhijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat u li, minħabba f’hekk, l-interessi tagħha mhumiex affetwati mill-miżura Statali li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni, ma tistax tipprevalixxi ruħha mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-konfront ta’ deċiżjoni bħal din (digriet ta’ l-1 ta’ Ottubru 2004, Pérez Escolar vs Il-Kummissjoni, C-379/03 P, li mhux ippublikat fil-Ġabra, punt 41).

66      Jirriżulta mill-eżami ta’ l-ewwel żewġ talbiet li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet kienet effettivament nieqsa fil-kawża preżenti peress li r-rikorrenti ma wrietx li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

67      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti m’għandhiex raġun issostni li s-sentenza kkontestata tippreġudika d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjara effettiva. Għaldaqstant, l-aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ aggravju

68      Ir-raba’ aggravju ta’ l-appell hu maqsum f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti ta’ l-aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

69      L-ewwel parti ta’ l-aggravju hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza proċedurali li, fil-kawża preżenti, jirriżulta mill-fatt li, fi żmien ftit xhur, l-istess Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza waslet, f’żewġ kawżi paragunabbli, għal deċiżjoni opposta inkwantu għal-locus standi ta’ terzi intervenjenti fil-proċedura ta’ eżami formali fil-qasam ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat. B’mod aktar speċifiku, Sniace tirreferi għas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, Lenzing vs Il-Kummissjoni (T-36/99, Ġabra p. II-3597) li ddikjarat ammissibbli rikors magħmul minn Lenzing AG kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli lil Sniace. Il-Qorti tal-Prim’Istanza laħqet din il-konklużjoni billi bbażat ruħha fuq diversi fatti u elementi ta’ prova li, min-naħa l-oħra, irrespinġiet bħala mhux rilevanti fis-sentenza kkontestata. Għaldaqstant, żewġ sitwazzjonijiet paragunabbli ġew itrattati b’mod differenti meta distinzjoni bħal din mhijiex oġġettivament iġġustifikata.

70      B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni tfakkar, l-ewwel nett, li s-sentenza Lenzing vs Il-Kummissjoni, ċċitata aktar ‘il fuq, qiegħda tiġi attwalment appellata (C-525/04 P). Fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni ssostni preċiżament li Lenzig AG ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza fil-qasam ta’ locus standi, peress li din l-impriża mhijiex individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni in kwistjoni f’din il-kawża. Fi kliem ieħor, skond il-Kummissjoni, kwalunkwe diverġenza fl-approċċ bejn iż-żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiġi riżolta f’sens kuntrarju għal dak sostnut mir-rikorrenti, jiġifieri li r-rikorsi fiż-żewġ kawżi jiġu ddikjarati inammissibbli.

71      Wara dan, il-Kummissjoni, Lenzing Fibers u l-Land Burgenland isostnu li l-prinċipju ta’ uġwaljanza mhuwiex applikabbli għal dan il-każ minħabba ċerti differenzi oġġettivi bejn dawn iż-żewg kawżi. B’mod partikolari, l-għajnuna mogħtija fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lenzig vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, kienet ta’ benefiċċju għal suq, jiġifieri dak tal-viscose, li fih l-impriża li bbenefikat mill-għajnuna u r-rikorrenti kienu jikkompetu ma’ xulxin, filwaqt li l-għajnuna mogħtija fil-kawża preżenti tikkonċerna esklużivament il-produzzjoni tal-lyocell, li huwa suq li Sniace ma kinitx attiva fih. Minbarra dan, meta mqabbel mar-rwol ta’ Sniace fil-kawża li hija s-suġġett ta’ l-appell preżenti, ir-rwol tar-rikorrenti fl-imsemmija kawża Lenzig vs Il-Kummissjoni kien aktar attiv, peress li din ta’ l-aħħar kienet ressqet l-ilment li wassal għall-ftuħ tal-proċedura amministrattiva u kienet forniet informazzjoni supplementari matul il-proċedura.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72      Anki jekk jitqies li l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma żammitx ma’ l-approċċ li hija kienet adottat f’waħda mis-sentenzi preċedenti tagħha jista’ jikkostitwixxi vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament uġwali u jista’, f’dan is-sens, jiġi invokat bħala aggravju in sostenn ta’ appell, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża preżenti, bil-kuntrarju ta’ dak li ssostni Sniace, ma jistax jingħad li sitwazzjonijiet paragunabbli ġew ittrattati b’mod differenti.

73      Fil-fatt, mill-evalwazzjoni tal-fatti li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fil-punti 61 sa 78 tas-sentenza kkontestata, evalwazzjoni li ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li Sniace ma tipproduċix u lanqas ma għandha l-ħsieb li tipproduċi fibri tal-lyocell u lanqas ma rnexxielha tistabbilixxi raġunijiet oħra li juru li l-pożizzjoni tagħha fis-suq tista’, madanakollu, tiġi affettwata b’mod kunsiderevoli mid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sitwazzjoni ta’ Sniace hija, fuq punt essenzjali, ferm differenti minn dik tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Lenzig vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq. Fil-fatt, f’dik il-kawża, ir-rikorrenti kienet f’kompetizzjoni diretta, fis-suq ikkonċernat, ma’ l-impriża li bbenfikat mill-għajnuna, fatt li ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala element determinanti fil-kuntest ta’ l-eżami tal-locus standi tagħha biex tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq l-imsemmija sentenza sabiex tistabbilixxi kwalunke vjolazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti ta’ l-aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

75      Peremezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikoli 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha meta rrifjutat li tilqa’ t-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa minn Sniace, li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti li, fil-fehma tagħha, kienu meħtieġa biex jikkjarifikaw ċerti aspetti tal-kawża. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni t-talbiet tar-rikorrenti in sostenn tad-dehra tal-partijiet kif ukoll dawk in sostenn tas-smigħ ta’ bosta xhieda u esperti.

76      Il-Kummissjoni, Lenzing Fibers u l-Land Burgenland isostnu li skond ġurisprudenza kostanti, id-deċiżjonijiet li jilqgħu jew jiċħdu t-talbiet ippreżentati mill-partijiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza biss u għadaqstant, bħala regola, ma jistgħux jiġu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77      Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji ppreżentati minn parti f’kawża, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi ssuplementata l-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi li tkun qed tisma’ (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 19, u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs L-UASI, C-136/02 P, Ġabra p. I-9165, punt 76, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 67).

78      Għalhekk, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li anki meta talba magħmula fir-rikors għas-smigħ ta’ xhieda tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li jiġu eżaminati x-xhieda indikati (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 70, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 68, kif ukoll id-digriet tal-15 ta’ Settembru 2005, Marlines vs Il-Kummissjoni, C-112/04 P, li mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 38).

79      Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha d-dritt li tikkunsidra, fil-punt 81 tas-sentenza kkontestata, li l-elementi misjuba fil-proċess u l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura orali kienu biżżejjed biex jippermettulha tiddediedi l-kawża li kienet qed tisma’, mingħajr il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ulterjuri.

80      Peress li t-tieni parti tar-raba’ aggravju hi manifestament infondata, hemm lok li l-aggravju jiġi miċħud kollu kemm hu.

81      Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula aktar ‘il fuq, hemm lok li l-appell jiġi miċħud, peress li ebda wieħed mill-aggravji mressqa ma ġie milqugħ.

 Fuq l-ispejjeż

82      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni, Lenzing Fibers u l-Land Burgenland.

83      Konformement ma’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa wkoll applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa ta’ l-imsemmi Artikolu 118, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika ta’ l-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Sniace SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għanda tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.