SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta' Ottubru 2006 (*)

"Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur – Nuqqas ta' kontestazzjoni tal-karattru inġust ta' klawżola waqt il-proċedura ta' arbitraġġ – Possibbiltà li din l-eċċezzjoni titqajjem fil-kuntest tal-proċedimenti kontra d-deċiżjoni ta' arbitraġġ"

Fil-kawża C-168/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Madrid (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' Frar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' April 2005, fil-proċedura

Elisa María Mostaza Claro

vs

Centro Móvil Milenium SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Centro Móvil Milenium SL, minn H. García Pi, abogado,

–       għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ungeriż, minn P. Gottfried, bħala aġent,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u L. Escobar Guerrero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, p. 29, iktar 'il quddiem id-"direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjura Mostaza Claro u Centro Móvil Milenium SL (iktar 'il quddiem "Móvil") dwar il-validità ta' klawżola ta' arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt li hija kkonkludiet ma' din il-kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 3(1) tad-direttiva jipprovdi li:

"Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti [bejn] id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur."

4       L-Artikolu 6(1) tad-direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jistabilixxu li klawżoli inġusti wżati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti."

5       Skond l-Artikolu 7(1) tad-direttiva:

"L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri."

6       L-anness tad-direttiva fih lista indikattiva ta’ klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inġusti. Fosthom, il-punt 1(q) ta’ dan l-anness ikopri l-klawżoli li għandhom bħala għan jew bħala effett li

"jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon[i] legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, biex b’hekk jirristrinġu l-evidenza disponibbli għalih b’mod esaġerat jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skond il-liġi applikabbli, għandu jkun fuq parti oħra fil-kuntratt."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       Fil-liġi Spanjola, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti ġie assigurat inizjalment permezz tal-liġi ġenerali 26/1984 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ utenti (Ley General 26/1984 para la Defensa de los Consumidores y Usuarios), tad-19 ta’ Lulju 1984 (BOE Nru 176, ta’ l-24 ta’ Lulju 1984, iktar ‘il quddiem il-"liġi 26/1984").

8       Il-liġi 26/1984 ġiet emendata mil-liġi 7/1998 dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti (Ley 7/1998 sobre Condiciones Generales de la Contratación), tat-13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, ta’ l-14 ta’ April 1998, iktar ‘il quddiem il-"liġi 7/1998"), li ttrasponiet id-direttiva fid-dritt nazzjonali.

9       Il-liġi 7/1998 żiedet mal-liġi 26/1984 b’mod partikolari l-Artikolu 10A u l-ewwel dispożizzjoni addizzjonali.

10     Skond l-Artikolu 10A(1) tal-liġi 26/1984, "[h]uma kkunsidrati bħala klawżoli inġusti d-dispożizzjonijiet kollha li ma jkunux ġew innegozjati individwalment, li, minkejja l-eżiġenza ta’ bona fide, joħolqu bi ħsara għall-konsumatur żbilanċ sinjifikanti bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt. F’kull każ, huma kkunsidrati bħala klawżoli inġusti d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel dispożizzjoni addizzjonali ta’ din il-liġi. [...]"

11     L-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi 26/1984 tirripproduċi essenzjalment il-lista ta’ klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inġusti li hija annessa mad-direttiva, billi tipprovdi li l-lista hija biss ta’ natura minima. Skond il-punt 26 ta’ din id-dispożizzjoni addizzjonali, "l-issuġġettar għal arbitraġġ li ma jkunx arbitraġġ għal kwistjonijiet relatati mal-konsumaturi, ħlief meta huma involuti korpi ta’ arbitraġġ stabbiliti minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi f’settur jew f’każ speċifiku" huwa kkunsidrat bħala inġust.

12     L-Artikolu 8 tal-liġi 7/1998 jipprovdi li:

"1.      Il-kundizzjonijiet ġenerali li, bi ħsara għall-persuna li taderixxi għalihom, jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi jew ta’ kwalunkwe regola li tordna jew tipprojbixxi ċertu aġir, huma awtomatikament nulli, sakemm tali dispozizzjonijiet ma jissanzjonawx il-ksur tagħhom b’mod differenti.

2.      B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ġenerali inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ konsumatur, kif inhuma ddefiniti, fi kwalunkwe każ, fl-Artikolu 10A u fl-ewwel dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi ġenerali 26/1984 [...] huma nulli"

13     Fid-data meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, il-proċedura ta’ arbitraġġ kienet irregolata mil-liġi 36/1988 dwar l-arbitraġġ (Ley 36/1988 de Arbitraje), tal-5 ta’ Diċembru 1988 (BOE Nru 293, tas-7 ta’ Diċembru 1988, iktar ‘il quddiem il-"liġi 36/1988").

14     L-Artikolu 23(1) tal-liġi 36/1988 kien jipprovdi li:

"L-oppożizzjoni għall-arbitraġġ minħabba n-nuqqas ta' kompetenza oġġettiva ta’ l-arbitri, l-ineżistenza, in-nullità jew l-iskadenza tal-ftehim ta' arbitraġġ għandha titressaq mill-partijiet flimkien mat-talbiet inizjali rispettivi tagħhom."

15     L-Artikolu 45 tal-liġi 36/1988 jipprovdi li:

"Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tista' tiġi annullata biss fil-każijiet li ġejjin:

1.      Meta l-ftehim ta' arbitraġġ huwa null.

[…]

5.      Meta d-deċiżjoni tmur kontra l-ordni pubbliku."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16     Fit-2 ta' Mejju 2002, ġie konkluż kuntratt ta' abbonament għal linja tat-telefon ċellulari bejn Móvil u s-Sinjura Mostaza Claro. Dan il-kuntratt kien jinkludi klawżola ta' arbitraġġ li tissuġġetta kull kontroversja li tirrigwarda l-imsemmi kuntratt għall-arbitraġġ ta' l-Asociación Europea de Arbitraje de Derecho y Equidad (assoċjazzjoni Ewropea ta' arbitraġġ u medjazzjoni, iktar 'il quddiem l-"AEADE").

17     Billi s-Sinjura Mostaza Claro ma osservatx il-perijodu minimu ta' abbonament, Móvil bdiet proċedimenti ta' arbitraġġ quddiem l-AEADE. Permezz ta' ittra tal-25 ta' Lulju 2003, din ta' l-aħħar stabbiliet terminu ta' għaxart ijiem li matulu s-Sinjura Mostaza Claro setgħet tirrifjuta l-arbitraġġ, filwaqt li ppreċiżat li, f'każ ta' tali rifjut, setgħu dejjem jitressqu proċedimenti ġudizzjarji. Is-Sinjura Mostaza Claro ppreżentat argumenti fuq il-mertu, iżda la opponiet għall-proċedura ta' arbitraġġ u lanqas invokat in-nullità tal-ftehim ta' arbitraġġ. Sussegwentement, l-arbitru ddeċieda kontriha.

18     Is-Sinjura Mostaza Claro kkontestat id-deċiżjoni ta' arbitraġġ mogħtija mill-AEADE quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li n-natura inġusta tal-klawżola ta' arbitraġġ tirrendi l-ftehim ta' arbitraġġ null.

19     Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Audiencia Provincial de Madrid tikkonstata li mhemmx dubju dwar il-fatt li l-imsemmi ftehim ta' arbitraġġ jinkludi klawżola kuntrattwali inġusta u li għaldaqstant huwa null.

20     Madankollu, fid-dawl tal-fatt li s-Sinjura Mostaza Claro ma invokatx tali nullità fil-kuntest tal-proċedimenti ta' arbitraġġ u sabiex jiġi interpretat id-dritt nazzjonali skond id-direttiva, l-Audiencia Provincial de Madrid iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Il-protezzjoni tal-konsumaturi li d-direttiva 93/13/KEE […] tassigura, timplika li qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament ta' deċiżjoni ta' arbitraġġ għandha tevalwa n-nullità tal-ftehim ta' arbitraġġ u tannulla d-deċiżjoni minħabba l-fatt li l-imsemmi ftehim fih klawżola inġusta, meta l-konsumatur ikun invoka l-imsemmija nullità fil-kuntest ta' rikors għal annullament, iżda mhux fil-kuntest tal-proċedimenti ta' arbitraġġ?"

 Osservazzjonijiet preliminari

21     Jirriżulta mill-proċess li ntbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li din ta' l-aħħar stabbiliet in-natura inġusta tal-klawżola ta' arbitraġġ li tinsab fil-kuntratt konkluż bejn Móvil u s-Sinjura Mostaza Claro.

22     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta' kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur Komunitarju sabiex jiddefinixxi l-kunċett ta' klawżola inġusta għal klawżola speċifika li għandha tiġi eżaminata skond iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ (sentenza ta' l-1 ta' April 2004, Freiburger Kommunalbauten, C-237/02, Ġabra p. I-3403, punt 22).

23     Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk klawżola kuntrattwali bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali tissodisfax il-kriterji meħtieġa sabiex tiġi kkunsidrata bħala inġusta fis-sens ta' l-Artikolu 3(1) tad-direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Freiburger Kommunalbauten, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

 Fuq id-domanda preliminari

24     Skond ġurisprudenza kostanti, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja relattiva għal dan il-qasam, ir-regoli proċedurali intiżi sabiex jassiguraw il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt Komunitarju jaqgħu taħt is-sistema ġuridika nazzjonali ta' kull Stat Membru skond il-prinċipju ta' l-awtonomija proċedurali ta' l-Istati Membri, bil-kundizzjoni madankollu li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta' natura interna (prinċipju ta' ekwivalenza) u li ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja (prinċipju ta' effettività) (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Mejju 2000, Preston et, C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 31, u tad-19 ta' Settembru 2006, i-21 Germany et u Arcor, C-392/04 u C-422/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57).

25     Is-sistema ta' protezzjoni implementata mid-direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f'sitwazzjoni ta' inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew il-fornitur, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta' negozjar kif ukoll il-livell ta' informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jista' jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tas-27 ta' Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C-240/98 sa C 244/98, Ġabra p. I-4941, punt 25).

26     Tali sitwazzjoni ta' inugwaljanza bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur tista' tiġi bbilanċjata biss minn intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt (sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

27     Huwa fuq il-bażi ta' dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fakultà ta' qorti li teżamina ex officio n-natura inġusta ta' klawżola tikkostitwixxi mezz xieraq kemm sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit fl-Artikolu 6 tad-direttiva, jiġifieri li jiġi prekluż li konsumatur individwali jkun marbut bi klawżola inġusta, kif ukoll sabiex tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 7, peress illi tali eżami jista' jkollu effett dissważiv li jwassal sabiex ma jintużawx aktar klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi minn bejjiegħa jew fornituri mal-konsumaturi (sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitati iktar 'il fuq, punt 28, kif ukoll tal-21 ta' Novembru 2002, Cofidis, C-473/00, Ġabra p. I-10875, punt 32).

28     Din il-fakultà mogħtija lill-qorti ġiet ikkunsidrat bħala neċessarja sabiex tassigura lill-konsumatur protezzjoni effettiva, fid-dawl b'mod partikolari tar-riskju għoli li huwa ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu jew li jsib diffikultà biex jeżerċithom (sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitati iktar 'il fuq, punt 26, kif ukoll Cofidis, punt 33).

29     Għaldaqstant, il-protezzjoni li d-direttiva tagħti lill-konsumaturi testendi ruħha għall-każijiet fejn il-konsumatur li kkonkluda ma' bejjiegħ jew fornitur kuntratt li fih klawżola inġusta ma jinvokax in-natura inġusta ta' din il-klawżola jew għaliex ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu, jew minħabba l-fatt li l-ispejjeż li jinvolvu l-proċedimenti legali jiddiswaduh milli jiddefendi d-drittijiet tiegħu (sentenza Cofidis, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34).

30     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-objettiv li jipprova jilħaq l-Artikolu 6 tad-direttiva, li, kif ġie mfakkar fil-punt 27 ta' din is-sentenza, jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistipulaw li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi, ma jkunx jista' jintlaħaq jekk il-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament ta' deċiżjoni ta' arbitraġġ tkun prekluża milli tevalwa n-nullità ta' din id-deċiżjoni, biss minħabba ir-raġuni li l-konsumatur ma jkunx invoka n-nullità tal-ftehim ta' arbitraġġ fil-kuntest tal-proċedimenti ta' arbitraġġ.

31     Tali ommissjoni mill-konsumatur f’ebda każ ma tkun tista' tiġi kkumpensata mill-azzjoni ta' individwi li huma persuni terzi fir-rigward tal-kuntratt. Is-sistema ta' protezzjoni speċjali stabbilita mid-direttiva tkun kompromessa definittivament.

32     Huwa preċiżament f'dan is-sens li żviluppat il-leġiżlazzjoni Spanjola. Fil-fatt, għalkemm mhijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa ċertament rilevanti li jissemma’ li l-liġi 60/2003 dwar l-arbitraġġ (Ley 60/2003 de Arbitraje), tat-23 ta' Diċembru 2003 (BOE Nru 309, tas-26 ta' Diċembru 2003), m’għadhiex tirrikjedi li l-oppożizzjoni għall-arbitraġġ, b'mod partikolari għal raġuni ta' nullità tal-ftehim ta' arbitraġġ, titressaq mill-partijiet flimkien mat-talbiet inizjali rispettivi tagħhom.

33     Móvil u l-Gvern Ġermaniż isostnu li, jekk il-qorti tingħata l-possibbiltà li tevalwa n-nullità ta' ftehim ta' arbitraġġ f’każ fejn il-konsumatur ma jkunx qajjem tali eċċezzjoni waqt il-proċedimenti ta' arbitraġġ, tiġi affettwata serjament l-effikaċja tad-deċiżjonijiet ta' arbitraġġ.

34     Dan l-argument huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li r-rekwiżiti ta' l-effikaċja tal-proċedimenti ta' arbitraġġ joffru ġustifikazzjoni għall-fatt li l-istħarriġ tad-deċiżjonijiet ta' arbitraġġ huwa ta’ natura limitata u li l-annullament ta' deċiżjoni tista' tinkiseb biss f'każijiet eċċezzjonali (sentenza ta' l-1 Ġunju 1999, Eco Swiss, C-126/97, Ġabra p. I-3055, punt 35).

35     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà li, meta qorti nazzjonali għandha, skond ir-regoli ta' proċedura nazzjonali, tilqa' talba għal annullament ta' deċiżjoni ta' arbitraġġ ibbażata fuq il-ksur tar-regoli nazzjonali ta' l-ordni pubbliku, hija għandha wkoll tilqa' talba bbażata fuq il-ksur tar-regoli Komunitarji ta' dan it-tip (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Eco Swiss, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37).

36     L-importanza tal-protezzjoni tal-konsumaturi b'mod partikolari wasslet lil-leġiżlatur Komunitarju jipprovdi, fl-Artikolu 6(1) tad-direttiva, li l-klawżoli inġusti li jinsabu f'kuntratt konkluż minn bejjiegħ jew fornitur ma' konsumatur "[m'għandhomx] jorbtu lill-konsumatur". Din hija dispożizzjoni imperattiva li, meta tiġi kkunsidrata l-inferjorità ta' waħda mill-partijiet fil-kuntratt, hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt bi bilanċ reali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn ta' l-aħħar.

37     Barra minn hekk, id-direttiva, li hija intiża sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi, tikkostitwixxi, skond l-Artikolu 3(1)(t) KE, miżura indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Komunità u, b'mod partikolari, sabiex jogħlew il-livell ta’ l-għajxien u l-kwalità tal-ħajja fil-Komunità kollha (ara, b'analoġija, fir-rigward ta' l-Artikolu 81 KE, is-sentenza Eco Swiss, iċċitata iktar 'il fuq, punt 36).

38     In-natura u l-importanza ta' l-interess pubbliku li fuqu tibbaża ruħha l-protezzjoni li d-direttiva tassigura lill-konsumaturi joffru ġustifikazzjoni, barra minn hekk, għall-fatt li l-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta' klawżola kuntrattwali u, b'hekk, li ssib rimedju għan-nuqqas ta' bilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur.

39     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal aktar 'il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula hija li d-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija timplika li qorti nazzjonali li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament ta' deċiżjoni ta' arbitraġġ għandha tevalwa n-nullità tal-ftehim ta' arbitraġġ u tannulla din id-deċiżjoni għar-raġuni li l-imsemmi ftehim fih klawżola inġusta, anki jekk il-konsumatur ma jkunx invoka l-imsemmija nullità fil-kuntest tal-proċedimenti ta' arbitraġġ, iżda biss fil-kuntest tar-rikors għal annullament.

 Fuq l-ispejjeż

40     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija timplika li qorti nazzjonali li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament ta' deċiżjoni ta' arbitraġġ għandha tevalwa n-nullità tal-ftehim ta' arbitraġġ u tannulla din id-deċiżjoni għar-raġuni li l-imsemmi ftehim fih klawżola inġusta, anki jekk il-konsumatur ma jkunx invoka l-imsemmija nullità fil-kuntest tal-proċedimenti ta' arbitraġġ, iżda biss fil-kuntest tar-rikors għal annullament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.