Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C-119/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2005, fil-proċedura

Ministero dell’Industria, del Commercio e dell’Artigianato

vs

Lucchini SpA, li qabel kienet Lucchini Siderurgica SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann (Relatur), G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

– għal Lucchini SpA, li qabel kienet Lucchini Siderurgica SpA, inizjalment minn F. Lemme, avvocato, wara minn G. Lemme u A. Anselmo, avvocati,

– għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, M. de Grave u C. ten Dam, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci u E. Righini, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-prinċipji tad-dritt Komunitarju applikabbli għar-revoka ta’ att nazzjonali li jagħti għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, li ġie adottat permezz ta’ sentenza tal-qorti li saret res judicata .

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn impriża stabbilita fl-Italja, Lucchini SpA (li qabel kienet Siderpotenza SpA, sussegwentement Lucchini Siderurgica SpA, iktar ’il quddiem “Lucchini”) kontra d-deċiżjoni tal-Ministero dell’Industria, del Commercio e dell’Artigianato (il-Ministeru ta’ l-Industrija, tal-Kummerċ u ta’ l-Artiġjanat, iktar ’il quddiem il-“MICA”) li ordnat l-irkupru ta’ l-għajnuna mill-Istat. Il-MICA ġiet maħtura wara entitajiet oħra li preċedentement kellhom l-obbligu tal-ġestjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat fir-reġjun tal- Mezzogiorno (iktar ’il quddiem, l-“awtoritajiet kompetenti”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. L-Artikolu 4(c) tat-Trattat KEFA jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jagħtu sussidji jew għajnuna ta’ kwalunkwe tip fis-setturi industrijali tal-faħam u ta’ l-azzar.

4. Sa mill-1980, quddiem kriżi fis-settur ta’ l-azzar fl-Ewropa, li bdiet issir iktar kritika u ġeneralizzata, ġew adottati bosta derogi minn din il-projbizzjoni assoluta u inkundizzjonata abbażi ta’ l-ewwel u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 95 tat-Trattat KEFA.

5. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2320/81/KEFA tas-7 ta’ Awwissu 1981 li tistabbilixxi regoli Komunitarji dwar l-għajnuna favur l-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 228, p. 14, iktar ’il quddiem it-“tieni kodiċi”) stabbilixxiet it-tieni kodiċi dwar għajnuna mill-Istat fl-azzar. L-għan ta’ dan il-kodiċi kien li jippermetti l-għoti ta’ għajnuna bl-għan li jistabbilizza l-impriżi ta’ l-azzar u jnaqqas il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom għal-livell tat-talba prevedibbli, filwaqt li jipprovdi għat-twaqqif gradwali ta’ din l-għajnuna f’terminu ta’ żmien predeterminat, għal dak li għandu x’jaqsam man-notifika tagħha lill-Kummissjoni (sat-30 ta’ Settembru 1982) u l-awtorizzazzjoni tagħha (sal-1 ta’ Lulju 1983) u anke l-għoti tagħha (sal-31 ta’ Diċembru 1984). Dawn it-termini ġew estiżi, fir-rigward tan-notifika, sal-31 ta’ Mejju 1985, fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjoni, sa’ l-1 ta’ Awwissu 1985, u fir-rigward ta’ l-għoti, sal-31 ta’ Diċembru 1985, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1018/85/KEFA tad-19 ta’ April 1985, li temenda d-Deċiżjoni Nru 2320/81 (ĠU L 110, p.5).

6. It-tieni kodiċi jipprovdi proċedura obbligatorja ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-għajnuna kollha prevista. B’mod partikolari, skond l-Artikolu 8(1) ta’ dan:

“Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, f’ħin utli biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna […] L-Istat Membru interessat jista’ jġib fis-seħħ il-miżuri maħsuba biss bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha biss.”

7. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3484/85/KEFA tas-27 ta’ Novembru 1985, li tistabbilixxi regoli Komunitarji dwar l-għajnuna favur l-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 340, p.1, iktar ’il quddiem it-“tielet kodiċi”) issostitwixxiet it-tieni kodiċi u introduċiet it-tielet kodiċi ta’ għajnuna mill-Istat għall-industrija ta’ l-azzar sabiex tippermetti deroga ġdida, iktar limitata, bejn l-1 ta’ Jannar 1986 u l-31 ta’ Diċembru 1988, għall-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(c) tat-Trattat KEFA.

8. Skond l-Artikolu 3 tat-tielet kodiċi, il-Kummissjoni setgħet b’mod partikolari tawtorizza għajnuna ġenerali biex l-installazzjonijiet jiġu adattati għas-sistemi legali ġodda fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent. L-għajnuna mogħtija ma setgħet f’ebda każ taqbeż il-limitu ta’ 15 % ta’ l-ekwivalenti f’sussidju wara l-ispejjeż ta’ l-investiment.

9. L-Artikolu 1(3) tat-tielet kodiċi kien jippreċiża li l-għajnuna setgħet tiġi implementata biss skond il-proċduri stabbiliti fl-Artikolu 6 u ma setgħetx jagħtu lok għal ħlas wara l-31 ta’ Diċembru 1988.

10. L-Artikolu 6 (1), (2) u (4), tat-tielet kodiċi kien jipprovdi:

“1. Il-proġetti maħsuba sabiex jistabbilixxu jew jimmodifikaw l-għajnuna għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, f’biżżejjed żmien biex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-każ [...]. Bl-istess mod hija għandha tiġi mgħarrfa dwar il-proġetti maħsuba biex japplikaw sistemi ta’ għajnuna li dwarhom hija diġà tat deċiżjoni bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE fis-settur ta’ l-azzar. In-notifiki lill-Kummissjoni tal-proġetti ta’ għajnuna msemmija f’dan l-Artikolu għandhom isiru sat-30 ta’ Ġunju 1988.

2. Il-proġetti kollha ta’ intervent finanzjarju (sehem f’ishma, għoti ta’ kapital jew miżuri simili) min-naħa ta’ l-Istati Membri, entitajiet territorjali jew organi li jużaw għal dan l-għan ir-riżorsi pubbliċi, favur intrapriżi ta’ l-azzar għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, f’biżżejjed żmien biex tkun tista’ tieħu deċiżjoni f’dan is-sens, u mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1988.

Il-Kummissjoni tivverifika jekk dawn l-interventi għandhomx elementi ta’ għajnuna, skond l-Artikolu 1, paragrafu 2, u eventwalment tevalwa l-kompatibbiltà ta’ din id-deċiżjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 5.

[…]

4. Jekk, wara li tkun stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni tqis li għajnuna mhijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni, hija tgħarraf lill-Istat Membru interessat bid-deċiżjoni tagħha. Il-Kummissjoni tiddeċiedi mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-għajnuna in kwistjoni. Jekk Stat Membru ma jħarisx din id-deċiżjoni, jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat KEFA. L-Istat Membru in kwistjoni ma jistax jeżegwixxi miżuri ppjanati bħal dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 jekk mhux bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha.”

11. It-tielet kodiċi ġie ssostitwit, mill-1 ta’ Jannar 1989 u sal-31 ta’ Diċembru 1991, permezz tar-raba’ kodiċi, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummisjoni Nru 322/89/KEFA ta’ l-1 ta’ Frar 1989, li tistabbilixxi regoli Komunitarji dwar għajnuna favur l-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 38, p. 8), li rrepeta, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tat-tielet kodiċi.

12. Sa mill-iskadenza tat-Trattat KEFA, fit-23 ta’ Lulju 2002, is-sistema prevista mit-Trattat KE tapplika wkoll għall-għajnuna mill-Istat għall-industriji ta’ l-azzar.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13. Il-Liġi Nru 183 dwar l-intervent straordinarju fil-Mezzogiorno ta’ l-Italja (Liġi Nru 183/1976 dwar il-kontroll ta’ intervent straordinarju fil-Mezzogiorno), tat-2 ta’ Mejju 1976 (GURI Nru 121 tat-8 ta’ Mejju 1976, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 183/1976”), li tipprovdi, b’mod partikolari, il-possibbiltà li tagħti sussidi kemm bħala kapital kif ukoll ir-rimborż ta’ l-imgħax, sa 30 % ta’ l-ispejjeż ta’ l-investimenti għat-twettiq ta’ proġetti industrijali fil-Mezzogiorno.

14. L-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (codice civile), intitolat “Awtorità ta’ res judicata ”, jipprovdi kif ġej:

“Il-konstatazzjonijiet stabbiliti f’deċiżjoni minn sentenza li saret res judicata huma obbligatorji bejn il-partijiet, l-eredi tagħhom jew l-aventi kawża tagħhom.”

15. Skond il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tkopri mhux biss il-motivi invokati matul il-proċedimenti tal-kawża kkonċernata iżda anke dawk il-motivi li setgħu jiġu invokati.

16. Rigward il-livell proċedurali, din teskludi kull possibiltà li tirreferi quddiem qrati kawżi li diġà ġew deċiżi minn qorti oħra b’mod definittiv.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

It-talba ta’ Lucchini għal għajnuna mill-Istat

17. Fis-6 ta’ Novembru 1985, Lucchini ressqet talba għal għajnuna skond il-Liġi Nru 183/1976 quddiem l-awtoritajiet kompetenti, fid-dawl tal-modernizzazzjoni ta’ ċertu installazzjonijiet ta’ l-azzar. Għal investiment globali ta’ ITL 2 550 miljun, Lucchini talbet li tibbenefika minn sussidju ta’ ITL 765 miljun (jiġifieri 30 % ta’ l-ispejjeż) u ta’ rimborż ta’ l-imgħax fuq self ta’ ITL 1 020 miljun. L-istitut ta’ kreditu inkarigat li jeżamina t-talba għal self approva s-somma mitluba għal terminu ta’ 10 snin, b’rata favorevoli ta’ 4,25 %.

18. Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ April 1988, l-awtoritajiet kompetenti Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 6 (1) tat-tielet kodiċi dwar l-għajnuna, bl-intenzjoni li jagħtu għajnuna lil Lucchini. Skond in-notifika, din kienet għajnuna għal investiment għat-titjib tal-ħarsien ta’ l-ambjent. L-ammont tar-rimborż ta’ l-imgħax fuq self ta’ ITL 2 550 miljun kien indikat bħala wieħed li jilħaq ITL 367 miljun.

19. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 1988 il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni f’dak li jikkonċerna n-natura ta’ l-investimenti li jibbenefikaw minn din l-għajnuna kif ukoll il-kundizzjonijiet preċiżi (rata u dewmien) tas-self mitlub. F’din l-ittra ntalbet ukoll mingħand l-awtoritajiet kompetenti indikazzjoni dwar jekk l-għajnuna ngħatatx fil-kuntest ta’ sistema ġenerali favur il-ħarsien ta’ l-ambjent, sabiex ikun possibbli li l-installazzjonijiet jiġu adattati għal dawn ir-regoli ġodda f’dan il-qasam, b’indikazzjoni tar-regoli in kwistjoni. L-awtoritajiet kompetenti ma rrispondewx għal din it-talba.

20. Fis-16 ta’ Novembru 1988, fid-dawl tal-fatt li kienet qed toqrob l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien fil-31 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena, stabbilita mit-tielet kodiċi għall-għoti ta’ għajnuna, l-awtoritajiet kompetenti ddeċiedew li jagħtu provviżorjament,kapital ta’ ITL 382 500 miljun lil Lucchini, jiġifieri 15 % ta’ l-investiment totali (minflok it-30 % previst mil-Liġi Nru 183/76), li kellhom jitħallsu qabel il-31 ta’ Diċembru 1988, kif kien jeżieġi t-tielet kodiċi. Madankollu r-rimborż ta’ l-imgħax ġie miċħud, minħabba li dan kien ġab l-ammont globali ta’ l-għajnuna mogħtija għal aktar mil-limitu ta’ 15 % previst minn dan il-kodiċi. Skond l-Artikolu 6 tat-tielet kodiċi, l-adozzjoni tal-miżura finali ta’ għoti ta’ għajnuna kienet suġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, u ebda ħlas ma sar mingħand l-awtoritajiet kompetenti.

21. Peress li l-Kummissjoni ma setgħetx tevalwa mill-bidu l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna ppjanata mas-suq komuni, minħabba nuqqas ta’ kjarifiki mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti, hija fetħet kontra tagħhom il-proċedura prevista fl-Arikolu 6(4) tat-tielet kodiċi u infurmathom b’dan b’ittra tat-13 ta’ Jannar 1989. Avviż dwar din il-proċedura ġie ppubblikat fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-23 ta’ Marzu 1990 (ĠU C 73, p.5).

22. B’telex tad-9 ta’ Awwissu 1989, l-awtoritajiet kompetenti pprovdew dettalji addizzjonali dwar l-għajnuna in kwistjoni. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottobru 1989, il-Kummissjoni indikat lil dawn l-awtoritajiet li r-risposta tagħhom ma kinitx sodisfaċenti peress li ċerti dettalji kienu neqsin. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li, fin-nuqqas ta’ risposta xierqa fit-tmiem ta’ terminu ta’ żmien ta’ ta’ 15-il jum ta’ xogħol, hija kellha kull raġuni sabiex tadotta deċiżjoni finali fuq il-bażi ta’ l-unika informazzjoni li hija kellha. Din l-ittra baqgħet mingħajr risposta.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/555/KEFA

23. Permezz tad-Deċiżjoni Nru 90/555/KEFA ta’ l-20 ta’ Ġunju 1990, dwar għajnuna maħsuba mill-awtoritajiet Taljani favur il-fabbriki ta’ l-azzar ta’ Tirreno u ta’ Siderpotenza [Lucchini] (N195/88 – N200/88), (ĠU L 314, p.17), il-Kummissjoni ddikjarat l-għoti totali ta’ din l-għajnuna favur Lucchini inkompatibbli mas-suq komuni, peress li ma kienx intwera li l-kundizzonijiet neċessarji għad-deroga prevista fl-Artikolu 3 tat-tielet kodiċi kienu sodisfatti.

24. Din id-Deċiżjoni ġiet innotifikata lill-awtoritajiet kompetenti fl-20 ta’ Lulju 1990 u ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-14 ta’ Novembru 1990. Lucchini ma kkontestatx din id-deċiżjoni fi żmien xahar kif previst fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 33 tat-Trattat KEFA.

Il-proċedura quddiem il-qorti ċivili

25. Qabel ma ttieħdet id-Deċiżjoni 90/555, Lucchini, peress li kienet għadha ma rċevietx l-għajnuna, ressqet lill-awtoritajiet kompetenti quddiem it-Tribunale civile e penale ta’ Ruma fis-6 ta’ April 1989, sabiex tistabbilixxi d-dritt tagħha għall-ħlas totali ta’ l-għajnuna li kienet inizjalment mitluba (jiġifieri sussidju ta’ ammont ta’ ITL 765 miljun u rimborż ta’ ta’ l-imgħax ta’ l-ammont ta’ ITL 367 miljun).

26. Permezz tas-sentenza ta’ l-24 ta’ Lulju 1991, jiġifieri wara d-Deċiżjoni 90/555, it-Tribunale civile e penale ta’ Ruma ddeċieda li Lucchini kellha dritt li tieħu l-għajnuna in kwistjoni u ordnat lill-awtoritajiet kompetenti jħallsu s-somom mitluba. Din is-sentenza kienet ibbaża biss fuq il-Liġi Nru 183/1976. La t-Trattat KEFA u lanqas it-tielet jew ir-raba’ kodiċi jew id-Deċiżjoni 90/555 ma ġew iċċitati mill-partijiet quddiem it-Tribunale civile e penale ta’ Ruma u din il-qorti ma rreferietx għal dawn id-dis pożizzjonijiet ex officio . It-tieni kodiċi kien ġie ċċitat mill-awtoritajiet kompetenti, iżda l-imsemmija qorti ma kkunsidratx dan il-kodiċi għaliex ma kienx għadu fis-seħħ meta ġraw il-fatti.

27. L-awtoritajiet kompetenti appellaw kontra din is-sentenza quddiem il-Corte d’appello ta’ Ruma. Huma kkontestaw il-kompetenza tal-qrati ċivili u sostnew li ma kellhom ebda obbligu ta’ ħlas għal għajnuna, u għall-ewwel darba, alternattivament, li dan l-obbligu setgħa jestendi biss sal-limitu ta’ 15 % ta’ l-investiment skond ta’ l-Artikolu 3 tat-tielet kodiċi.

28. Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Mejju 1994, il-Corte d’appello di Roma ċaħdet dan l-appell u kkonfermat is-sentenza tat-Tribunale civile e penale ta’ Ruma.

29. F’nota tad-19 ta’ Jannar 1995, l-Avvocatura Generale dello Stato analizzat is-sentenza tal-Corte d’appello ta’ Ruma u ddeċidiet li din kienet mogħtija in konformità mar-regoli ta’ motivazzjoni u ta’ dritt. Konsegwentement, l-awtoritajiet kompetenti ma appellawx fil-Kassazzjoni. Minħabba li s-sentenza ma ġietx ikkontestata, din saret res judicata fit-28 ta’ Frar 1995.

30. Minħabba li fl-20 ta’ Novembru 1995 l-ammonti ta’ għajnuna kienu għadhom ma tħallsux, u wara rikors ta’ Lucchini, il-President tat-Tribunale civile e penale ta’ Ruma ordna lill-awtoritajiet kompetenti jħallsu l-ammonti dovuti lil Lucchini. Din l-inġunzjoni ġiet iddikjarata provviżorjament eżekuttiva u, fi Frar 1996, Lucchini kisbet il-qbid ta’ ċerti beni ta’ MICA, b’mod partikolari, il-karozzi ta’ dan il-Ministeru, peress li dan kien għadu ma eżegwiex l-ordni ta’ l-inġunzjoni.

31. Sussegwentament, fit-8 ta’ Marzu 1996, permezz tad-Digriet Nru 17975 tad-Direttur Ġenerali tal-MICA, Lucchini ngħatat għajnuna f’kapital ta’ ITL 765 miljun u rimborż ta’ l-imgħax ta’ ITL 367 miljun, bħala eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Corte d’appello ta’ Ruma. Id-digriet kien jipprovdi li din l-għajnuna tiġi rrevokata kollha kemm hi, jew parzjalment, b’mod partikolari, “f’każ ta’ deċiżjonijiet Komunitarji negattivi dwar il-validità ta’ l-għoti jew il-ħlas ta’ l-għajnuna msemmija”. Fit-22 ta’ Marzu 1996 din l-għajnuna, ta’ l-ammont ta’ ITL 1 132 miljun, tħallset u s-somma ta’ ITL 601 375 ġiet miżjuda, fis-16 ta’ April, bħala interessi legali.

L-iskambju ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Taljani

32. Permezz ta’ nota tal-15 ta’ Lulju 1996 indirizzata lill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni osservat li, minkejja d-Deċiżjoni 90/555 :

“[…] wara sentenza tal-[Corte d’appello di Roma] tas-6 ta’ Mejju 1994, li, bi ksur tal-prinċipji l-aktar bażiċi tad-dritt Komunitarju, stabbilixxiet li [Lucchini] għandha d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna li kienet diġà ddikjarata inkompatibbli mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet [kompetenti], li ma kkunsidrawx li kien xieraq li jappellaw fil-Kassazzjoni, taw, fix-xahar ta’ April ta’ l-istess sena, l-għajnuna msemmija iktar ’il fuq, li hija inkompatibbli mas-suq komuni.”

33. L-awtoritajiet kompetenti rrispondew permezz ta’ nota tas-26 ta’ Lulju 1996 fejn sostnew li l-għajnuna ngħatat kienet “suġġetta għad-dritt ta’ rkupru”.

34. Permezz tan-Nota Nru 5259 tas-16 ta’ Settembru 1996, il-Kummissjoni wriet il-fehma tagħha li l-awtoritajiet kompetenti, meta taw l-għajnuna li kienet diġà ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 90/555 lil Lucchini, kienu kisru d-dritt Komunitarju u stiednet dawn l-istess awtoritajiet jirkupraw l-għajnuna in kwistjoni fi żmien ħmistax il-ġurnata u jikkomunikawlha, fi żmien xahar, il-miżuri konkreti adottati sabiex tikkonforma ma din id-deċiżjoni. Jekk l-awtoritajiet imsemmija kienu ser jonqsu milli jikkonformaw ma’ din l-inġunzjoni, il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 88 tat-Trattat KEFA u stiednet lill-awtoritajiet kompetenti jressqu eventwali osservazzjonijiet ġodda skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88 tat-Trattat KEFA fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol.

Ir-revoka ta’ l-għajnuna mogħtija

35. Permezz tad-Digriet Nru 20357, ta’ l-20 ta’ Settembru 1996, il-MICA rrevoka d-Digriet Nru 17975, tat-8 ta’ Marzu 1996, u ordna restituzzjoni tas-somma ta’ ITL 1 132 miljun, miżjuda b’interessi li jikkorrispondu għar-rati stabbiliti u ta’ dik ta’ ITL 601 375 000 miljun, miżjuda bl-inflazzjoni monetarja.

Il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju

36. Permezz ta’ rikors tas-16 ta’ Novembru 1996, Lucchini kkontestat id-Digriet Nru 20357 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio. Dan ta’ l-aħħar laqa’ t-talba ta’ Lucchini b’sentenza ta’ l-1 ta’ April 1999, billi kkunsidra li l-prerogattivi li jippermettu lill-amministrazzjoni pubblika li tirrevoka l-atti invalidi tagħha stess minħabba illegalità jew nullità kienu limitati, f’dan il-każ, mid-dritt għall-għoti ta’ għajnuna stabbilit minn sentenza tal-Corte d’appello ta’ Ruma li kienet res judicata .

37. L-Avvocatura Generale dello Stato, li kienet qegħda taġixxi f’isem il-MICA, appellat quddiem il-Consiglio di Stato (kunsill ta’ l-Istat) fit-2 ta’ Novembru 1999, li fih invokat l-aggravju li d-dritt Komunitarju li kien direttament applikabbli, u li kien jinkludi kemm it-tielet kodiċi kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 90/555, kellu jagħti prevalenza lis-sentenza res judicata tal-Corte d’appello ta’ Ruma.

38. Il-Consiglio di Stato kkonstata l-eżistenza ta’ kunflitt bejn din is-sentenza u d-Deċiżjoni Nru 90/555.

39. Skond il-Consiglio di Stato, huwa evidenti li l-awtoritajiet kompetenti setgħu u kellhom jinvokaw fil-ħin l-eżistenza tad-Deċiżjoni Nru 90/555 matul il-kawża deċiża mill-Corte d’appello ta’ Ruma, kawża li fiha d-diskussjoni kienet tirrigwarda fost l-oħrajn, il-legalità tan-nuqqas ta’ għoti ta’ għajnuna minħabba li l-għoti ta’ din l-għajnuna kien suġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Konsegwentement, peress li l-awtoritajiet kompetenti kienu rrinunzjaw li jikkontestaw is-sentenza mogħtija mill-Corte d’appello ta’ Ruma, mhemmx dubju li din is-sentenza saret res judicata u li din l-awtorità tapplika għall-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat mad-dritt Komunitarju, mill-inqas għal dak li għandu x’jaqsam mad-deċiżjonijiet Komunitarji li ttieħdu qabel ma ngħatat is-sentenza. Għaldaqstant, sentenza res judicata tista’ tiġi invokata wkoll kontra d-Deċiżjoni Nru 90/555 li ġiet adottata qabel ma ntemmet il-kawża.

40. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1) Skond il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju li huwa direttament applikabbli, ikkostitwit fil-każ in kwistjoni mit-[tielet kodiċi], mid-Deċiżjoni [90/555], kif ukoll min-[Nota] Nru 5259 […], li jordna lill-Gvern Taljan li jirkupra l-għajnuna mogħtija – atti li bis-saħħa tagħhom ġiet adottata d-deċiżjoni rkupru kkontestata fil-kawża preżenti (jiġifieri d-Digriet Nru 20357 […]), huwa ġuridikament possibbli u fundat għal amministrazzjoni nazzjonali li tirkupra l-għajnuna mingħand benefiċjarju privat, minkejja li s-sentenza mogħtija minn qorti ċivili li tafferma l-obbligu inkundizzjonat tal-ħlas ta’ l-għajnuna in kwistjoni saret res judicata ?

2) Min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ l-irkupru tal-ħlas, fid-dawl tal-prinċipju stabbilit li d-deċiżjoni fuq l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija li taqa’ taħt id-dritt Komunitarju iżda li l-implementazzjoni tagħha u l-proċess ta’ rkupru li jirriżulta minnha fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji f’dan ir-rigward, irregolata mid-dritt nazzjonali (sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et , 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633), hija legalment impossibbli minħabba deċiżjoni ġudizzjarja effettiva, li saret res judicata (l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili [Taljan]) li tipproduċi l-effetti tagħha bejn individwu u l-amministrazzjoni u li tobbliga lill-amministrazzjoni tikkonforma magħha?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

41. L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat KEFA, kif ukoll fuq atti li huma bbażati fuqu, anke jekk dawn id-domandi huma mressqa wara li t-Trattat KEFA skada. Anke jekk f’dawn iċ-ċirkustanzi l-Artikolu 41 ta’ dan it-Trattat ma japplikax iżjed sabiex jagħti ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, ikun kontra l-għan u l-koerenza tat-Trattati u irrikonċiljabbli mal-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja jekk il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tassigura interpretazzjoni uniformi tar-regoli marbuta mat-Trattat KEFA u li jibqgħu jipproduċi effetti anke wara l-iskadenza ta’ dan ta’ l-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-22 ta’ Frar 1990, Busseni, C-221/88, Ġabra p. I-495, punt 16). L-ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ma kienet barra minn hekk ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

42. Għal raġunijiet differenti, Lucchini madankollu tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. It-talba ta’ inammissibbiltà tagħha hija bbażata rispettivament fuq in-nuqqas ta’ regola Komunitarja li għandha tiġi interpretata, fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta sentenza ta’ qorti nazzjonali jew l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u fuq il-fatt li d-domandi magħmula huma ta’ natura ipotetika.

43. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Bl-istess mod hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’konsegwenza, peress illi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2003, IKA, C-326/00, Ġabra p. I-1703, punt 27; tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C-419/04, Ġabra p. I-5645, punt 19).

44. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’cirkustanzi eċċezzjonali, għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija ntalbet tieħu deċiżjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni proprja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21). Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi fattwali jew ta’ dritt li huma essenzjali sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39, u tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 19, u Conseil général de la Vienne, iċċitata, punt 20).

45. Għandu jiġi rrilevat li dan mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti.

46. Fil-fatt, huwa ċar li t-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tirrigwarda regoli ta’ dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ preżenti, mhijiex mitluba tinterpreta d-dritt nazzjonali jew sentenza mogħtija minn qorti nazzjonali iżda li tiddeċiedi f’liema ċirkustanzi l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu, skond id-dritt Komunitarju, li ma japplikawx id-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, jidher li d-domandi magħmula huma marbuta mas-suġġett tal-kawża prinċipali, kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju, u li r-risposta għad-domandi magħmula tista’ tkun utli għal din il-qorti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-annullament jew le tal-miżuri li ttieħdu għall-irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

47. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Gustizzja għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti.

Fuq id-domandi preliminari

48. Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali intiża li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata , bħal ma huwa l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, safejn l-applikazzjoni tagħha tostakola l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat bi ksur tad-dritt Komunitarju, u fejn l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li saret definittiva.

49. F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar fl-ewwel lok li, fis-sistema legali Komunitarja, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali huma limitati kemm fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat kif ukoll fir-rigward ta’ l-invalidità ta’ l-atti Komunitarji.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat

50. Il-qrati nazzjonali jistgħu, fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, jiddeċiedu fuq kawżi fejn għandhom l-obbligu li jinterpretaw u li japplikaw il-kunċett ta’ għajnuna, imsemmi fl-Artikolu 87(1) KE, b’mod partikolari sabiex jiddeterminaw jekk miżura meħuda mill-Istat, li tittieħed mingħajr kunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll preliminari ta’ l-Artikolu 88(3) KE taqax jew le taħt dan l-Artikolu (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig, 78/76, Ġabra p. 595, punt 14, u tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punt 10). Bl-istess mod, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura meħuda mill-Istat li tittieħed mingħajr kunsiderazzjoni għall-proċedura ta’ eżami preliminari stabbilit mill-Artikolu 6 tat-tielet kodiċi għandhiex tkun suġġetta jew le għal dan l-eżami, qorti nazzjonali tista’ wkoll ikollha tinterpreta l-kunċett ta’ għajnuna, imsemmi fl-Artikolu 4(c) tat-Trattat KEFA u l-Artikolu 1 tat-tielet kodiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C-390/98, Ġabra p. I-6117, punt 71).

51. Min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni.

52. Effettivament, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat, jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt il-kontroll tal-qorti Komunitarja (ara s-sentenzi Steinlike & Weinlig, iċċitata, punt 9; Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, iċċitata, punt 14, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et ., C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 42).

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fir-rigward ta’ l-invalidità ta’ atti Komunitarji

53. Bħala prinċipju, jekk il-qrati nazzjonali jistgħu jkollhom jeżaminaw il-validità ta’ att Komunitarju, madankollu huma ma għandhomx ġurisdizzjoni li jistabbilixxu huma stess l-invalidità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra p. 4199, punt 20). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha ġurisdizzjoni li tistabbilixxi l-invalidità ta’ att Komunitarju (sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 17, kif ukoll ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 27). Barra minn hekk, din il-ġurisdizzjoni tirriżulta wkoll espliċitament mill-Artikolu 41 tat-Trattat KEFA.

54. Barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni adottata mill-istituzzjonijiet Komunitarji li ma kinitx ġiet ikkontestata mid-destinatarju tagħha fiż-żmien previst fil-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE ssir definittiva fir-rigward tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, Ġabra p. I-833, punt 13, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union, C-241/01, Ġabra p. I-9079, punt 34).

55. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li mhemmx il-possibiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata direttament għal Stat Membru wieħed li jaqa’ taħtu l-benefiċjarju, li minħajr dubju seta’ jikkontesta din id-deċiżjoni u li ħalla t-terminu taż-żmien imperattiv previst fl-Artikolu 230(5) KE jiskadi, li dan jikkontesta utilment il-legalità ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali permezz ta’ rikors magħmul kontra l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni, meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali (sentenzi ċċitati TWD Textilwerke Degendorf, punti 17 u 20, kif ukoll National Farmers’ Union, punt 35). L-istess prinċipji neċessarjament japplikaw mutatis mutandis fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA.

56. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ġustament irrifjutat li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tad-Deċiżjoni 90/555, deċiżjoni li Lucchini setgħet tikkontesta fi żmien xahar li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar skond l-Artikolu 33 tat-Trattat KEFA, ħaġa li m’għamlitx. Għal dawn l-istess raġunijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat is-suġġeriment ta’ Lucchini li titlob, sussidjarjament lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din eventwalment tivverifika l-validità ta’ din l-istess deċiżjoni ex officio.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fil-kawża prinċipali

57. Jirriżulta mill-kunsiderazzonijiet preċedenti li la t-Tribunale civile e penali ta’ Ruma u lanqas il-Corte d’appello ta’ Ruma ma kellhom ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat mitluba minn Lucchini mas-suq komuni u l-ebda waħda minn dawn il-qrati ma setgħet tinvalida d-Deċiżjoni 90/555 li ddikjarat din l-għajnuna inkompatibbli ma’ l-imsemmi suq.

58. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkonstatat li s-sentenza tal-Corte d’appello ta’ Ruma, li tagħha r- res judicata hija invokata, u wisq iktar id-deċiżjoni tat-Tribunale civile e penali ta’ Ruma, ma jiddeċiedu espressament fuq il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mill-Istat mitluba minn Lucchini mad-dritt Komunitarju jew fuq il-validità tad-Deċiżjoni 90/555.

Fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan

59. Skond il-qorti nazzjonali, l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jipprekludi mhux biss il-ftuħ mill-ġdid, fit-tieni kawża, tal-motivi li kienu digà ġew espressament deċiżi definittivament, iżda wkoll li jiġu kkunsidrati kwistjonijiet li setgħu tqajmu fil-kuntest ta’ kawża preċedenti u li ma tqajmux. Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ b’mod partikolari jkollha l-konsegwenza li tattribwixxi lil sentenza mogħtija minn qorti nazzjonali, effetti li jaqbżu l-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-qorti in kwistjoni kif jirriżultaw mid-dritt Komunitarju. Huwa ċar, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, interpretata f’dan il-mod, ma tapplikax id-dritt Komunitarju f’dan il-każ u tagħmel impossibbli l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat li kienet magħmula bi ksur tad-dritt Komunitarju.

60. F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, safejn jistgħu, b’tali mod li l-applikazzjoni tagħhom tikkontribbwixxi għall-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju.

61. Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, ir-regoli tad-dritt Komunitarju, għandha l-obbligu li tassigura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzoni nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punti 21 sa 24; tat-8 ta’ Marzu 1979, Salumificio di Cornuda, 130/78, Ġabra p. 867, punti 23 sa 27; u tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et , C-213/89, Ġabra p. I-2433, punti 19 sa 21).

62. Kif ġie stabbilit ukoll fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ l-għajnuna mill-Istat jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq komuni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt il-kontroll tal-qorti Komunitarja. Din ir-regola tinsab fis-sistema ġuridika interna bħala konsegwenza tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju.

63. Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha l-għan li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata bħal ma huwa l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, safejn l-applikazzjoni tagħha tostakola l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat bi ksur tad-dritt Komunitarju, u fejn l-imkompatibbiltà mas-suq komuni tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li saret definittiva

Fuq l-ispejjeż

64. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviku, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjez. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ l-osseervazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha l-għan li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata bħal ma huwa l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, safejn l-applikazzjoni tagħha tostakola l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat bi ksur tad-dritt Komunitarju, u fejn l-imkompatibbiltà mas-suq komuni tkun ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li saret definittiva