SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

tad-9 ta' Marzu 2006 (*)

"VAT – Post ta' operazzjonijiet taxxabbli – Rabta fiskali – Servizzi pprovduti fil-kuntest ta' wirjiet ta' dgħajjes"

Fil-kawża C-114/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d'État (Franza), permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Jannar 2005, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta' Marzu 2005, fil-kawża

Ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie

vs

Gillan Beach Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn J. Malenovský, President ta' l-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Jurgensen, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Elleniku, minn V. Kyriazopoulos, O. Patsopoulou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White u R. Hill, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet - wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali - li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għall-deċiżjoni preliminari titratta l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ‘il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie (Ministru ta' l-Ekonomija, Finanzi u l-Industrija) u l-kumpannija Gillan Beach Ltd, stabbilita fir-Renju Unit, dwar ir-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ‘il quddiem il-"VAT") li din il-kumpannija ħallset fuq xiri ta’ oġġetti u servizzi pprovduti fi Franza għall-organizzazzjoni ta’ żewġ wirjiet ta’ dgħajjes f’Nizza fl-1993.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE, tas-6 ta' Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li m'humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU L 331, p. 11, iktar ‘il quddiem it-"Tmien Direttiva") jiddisponi li:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, "persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tal-pajjiż" għandha tfisser persuna kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4 (1) ta' Direttiva 77/388/KEE li, matul il-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u t-tieni sentenzi ta' l-ewwel [sub]paragrafu ta' l-Artikolu 7 (1), […] la kellha l-post ta' l-attività ekonomika f'dak il-pajjiż, u lanqas kellha stabbiliment li minnu jkunu magħmula transazzjonijiet tan-negozju, lanqas, jekk ma jkunx jeżisti tali post jew stabbiliment fiss, id-dar tagħha jew il-post normali ta' residenza, u li, matul l-istess perjodu, ma tkunx issuplixxiet la merkanzija u lanqas servizzi meqjusa li kienu ġew ipprovduti f'dak il-pajjiż […]".

4       Skond l-Artikolu 2 tat-Tmien Direttiva:

"Kull Stat Membru għandu jirrifondi lil kull persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fit-territorju ta' dak il-pajjiż iżda li tkun stabbilita fi Stati Membru ieħor, soġġetta għall-kondizzjoniiet preskritti taħt, kull taxxa fuq il-valur miżjud mitluba fir-rigward ta' servizzi jew proprjetà li tista' tiċċaqlaq ipprovduta lilha minn persuni oħra taxxabbli fit-territorju tal-pajjiż jew mitluba fir-rigward ta' l-importazzjoni ta' merkanzija fil-pajjiż, sakemm tali merkanzija u servizzi jintużaw għall-għanijiet tat-transazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 17(3)(a) u (b) ta' Direttiva 77/388/KEE u tad-disposizzjoni ta' servizzi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(b)."

5       Għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni ta’ operazzjoni taxxabbli, l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva jiddisponi li:

"1. Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2. Iżda:

a)      il-post tal-provvista ta' servizzi konness ma' proprjetà immobbli, inklużi s-servizzi ta’ aġenti tal-proprjetà u esperti, u ta' servizzi għat-tħejjija u l-koordinazzjoni ta’ xgħolijiet ta’ kostruzzjoni, bħalma huma s-servizzi ta’ periti arkitetti u ta’ ditti li jipprovdu superviżjoni fuq il-post tax-xogħol, għandhom ikunu l-post fejn tkun tinsab il-proprjetà;

b)      […]

c)       il-post tal-provvista tas-servizzi li għandhom x’jaqsmu ma’:

–       attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, inklużi l-attivitajiet ta’ l-organizzaturi ta’ attivitajiet bħal dawn, u fejn jixraq, il-provvista ta’ servizzi anċillari,

[…]

għandu jkun il-post fejn dawk is-servizzi jingħataw materjalment;

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 259A tal-code général des impôts (Kodiċi Ġenerali dwar it-Taxxi) (iktar 'il quddiem il-"CGI"), introdott permezz ta' l-Artikolu 28 tal-liġi Nru 78-1240, tad-29 ta' Diċembru 1978, tal-finanzi riveduti għall-1978 (JORF tat-30 ta' Diċembru 1978, p. 4385) għat-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva, jipprevedi li:

"B'deroga għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 259, il-post fejn jiġu pprovduti s- servizzi segwenti huwa kkunsidrat li jinsab fi Franza:

[...]

4.       Is-servizzi li ġejjin meta huma pprovduti fiżikament fi Franza:

–       servizzi kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta' rikreazzjoni u servizzi anċillari kif ukoll l-organizzazzjoni tagħhom.

[...]"

7       L-Artikolu 242-0 M ta' l-Anness II mal-CGI, permezz ta' liema ġie traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva, jiddisponi:

"1. Il-persuni taxxabbli stabbiliti barra minn pajjiżhom jistgħu jiksbu rifużjoni tat-[TVA] li għaliha tkun inħarġet fattura kif suppost jekk, matul il-perjodu kalendarju ta' tliet xhur jew matul is-sena kalendarja li għalih jew għaliha tirreferi t-talba għar-rifużjoni, ma kellhomx fi Franza l-post prinċipali tan-negozju tagħhom jew stabbiliment fiss jew, fin-nuqqas ta' wieħed minn dawn, id-domiċilju tagħhom jew il-post ta' residenza ordinarja tagħhom u li, matul dan l-istess perijodu, ma pprovdewx oġġetti jew servizzi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud skond l-Artikoli 256, 256 A sa 258 B, 259 sa 259 C tal-[CGI].

2. [...]»

8       L-istruzzjoni 3 A-13-85 tad-Direttorat Ġenerali għat-Taxxi, tat-22 ta' Lulju 1985, tippreċizza li l-provvista ta' servizzi f' fieri, wirjiet, espożizzjonijiet u avvenimenti oħra jaqgħu taħt l-Artikolu 259 A tal-CGI u għalhekk huma meqjusa li huma pprovduti fi Franza. Barra minn hekk, l-istruzzjoni 3 D-2-99 tad-Direttorat Ġenerali għat-Taxxi, tal-15 ta' Lulju 1999, tipprovdi li l-provvista ta' numru kumpless ta' servizzi lil esibitur fil-kuntest ta' fiera kummerċjali jew ta' avveniment simili taqa' taħt l-imsemmi Artikolu 259A(4).

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9       Gillan Beach Ltd organizzat żewġ wirjiet ta' dgħajjes f'Nizza li seħħu rispettivament fit-18 sa l-20 ta' Frar u fil-25 sas-27 ta' Mejju 1993. Hija pprovdiet lill-eżibituri servizzi totali li jinkludu, b'mod partikulari, l-immuntar u tqegħid għad-dispożizzjoni ta' stands u ta' mezzi ta' komunikazzjoni, persuni li jilqaw lill-viżitaturi, kif ukoll il-kiri u s-sorveljanza tal-postijiet fejn id-dgħajjes esposti jkunu rmiġġati.

10     Fil-25 ta' Ottubru 1993, Gillan Beach Ltd talbet, abbażi ta' l-Artikolu 242-0 M ta' l-Anness II mal-CGI, ir-rifużjoni tal-VAT fuq il-prezz ta' l-oġġetti u servizzi li hija kienet xtrat fi Franza sabiex torganizza l-wirjiet ta' dgħajjes imsemmija iktar 'il fuq. Din it-talba ġiet miċħuda mill-awtorità tat-taxxa peress li l-organizzazzjoni ta' fieri u ta' wirjiet, meta mwettqa fiżikament ġewwa Franza, hija servizz li huwa kkunsidrat li ġie pprovdut fi Franza, skond id-dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha ġie traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva. Għaldaqstant, l-imsemmija awtroità qieset li, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rifużjoni tal-VAT skond it-Tmien Direttiva ma kienux ġew sodisfatti.

11     It-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta' Pariġi), li quddiemu Gillan Beach Ltd ressqet il-kawża, iddeċieda li l-VAT fil-kawża prinċipali għandha tiġi rifuża lil din il-kumpannija. Peress li din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata b'sentenza tal-cour administrative d’appel de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta' Appell ta' Pariġi), il-ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie ressaq appell fil-kassazzjoni quddiem il-Conseil d’État.

12     Peress illi s-soluzzjoni għall-kwistjoni mressqa quddiemu kienet teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"[P]rovvista totali ta' servizzi minn organizzatur lill-eżibituri f'fiera jew wirja tista' taqa' taħt l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva […], l-Artikolu 9(2)(a) ta' din id-Direttiva jew taħt xi kategorija oħra ta' provvista ta' servizzi msemmija f'dan l-Artikolu 9(2)?"

 Fuq id-domanda preliminari

13     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva għandhux jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti li provvista totali ta' servizzi minn organizzatur lill-eżibituri f'fiera jew wirja taqa' taħt waħda mill-kategoriji ta' provvista ta' servizzi msemmija f'dan l-Artikolu.

14     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva jinkludi regoli li jiddeterminaw il-post ta' tassazzjoni tal-provvista ta' servizzi. Filwaqt li l-Artikolu 9(1) jistipula regola ġenerali dwar dan is-suġġett, l-Artikolu 9(2) jelenka numru ta' postijiet speċifiċi. L-għan ta' dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġu evitati, min-naħa, kunflitti ta' kompetenza li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' tassazzjoni [ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 1985, Berkholz, 168/84, Ġabra p. 2251, punt 14; tas-26 ta' Settembru 1996, Dudda, C-327/94, Ġabra p. I-4595, punt 20; tas-6 ta' Marzu 1997, Linthorst, Pouwels en Scheres, C-167/95, Ġabra p. I-1195, punt 10, u tat-12 ta' Mejju 2005, RAL (Channel Islands) et, C-452/03, Ġabra p. 3947, punt 23].

15     Għandu jiġi mfakkar ukoll li, għal dak li għandu x'jaqsam mar-relazzjoni bejn l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma teżisti ebda preminenza ta' l-Artikolu 9(1) fuq l-Artikolu 9(2). F’kull sitwazzjoni, id-domanda li tqum hija jekk din ta’ l-aħħar hijiex koperta minn wieħed mill-każijiet msemmija fl-Artikolu 9(2) ta' l-imsemmija Direttiva. Fin-nuqqas, hija taqa' taħt l-Artikolu 9(1) [sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Dudda, punt 21; Linthorst, Pouwels en Scheres, punt 11, u RAL (Channel Islands) et, punt 24.).

16     Għaldaqstant, il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(2) għandu jiġi ddeterminat fid-dawl ta' l-għan tiegħu, li jirriżulta mis-seba' premessa tas-Sitt Direttiva, li tgħid:

"[…] biex ikun stabbilit il-post minn fejn isiru operazzjonijiet taxxabbli jagħti lok għal ħafna konflitti dwar ġurisdizzjoni bejn Stati Membri, partikularment dwar provvisti ta' oġġetti li jeħtiġilhom ikunu mmuntati u dwar il-provvista ta' servizzi; […] għalkemm il-post fejn jingħataw servizzi għandu fil-prinċipju jfisser il-post fejn il-persuna li tagħti s-servizzi jkollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha, dak il-post għandu jfisser li hu l-pajjiż tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi, partikularment fil-każ ta' ċerti servizzi mogħtija bejn persuni taxxabbli fejn l-ispejjeż tas-servizzi huma magħduda fil-prezz ta' l-oġġetti".

17     Għaldaqstant, l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva huwa intiż, fit-totalità tiegħu, sabiex jistabbilixxi sistema speċjali għal provvista ta' servizzi bejn persuni taxxabbli u li l-prezz tagħhom huwa inkluż fil-prezz ta' l-oġġetti.

18     Għan simili jeżisti wkoll fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva, li jistabbilixxi li l-post tal-provvista tas-servizzi li għandhom x’jaqsmu ma’ attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, kif ukoll attivitajiet li huma anċillari għalihom, huwa l-post fejn dawn is-servizzi jitwettqu fiżikament. Il-leġiżlatur Komunitarju fil-fatt ikkunsidra li, sakemm il-fornitur jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Istat li fih tali servizzi huma pprovduti fiżikament u l-organizzatur ta' l-avveniment jiġbor f'dan l-istess Stat il-VAT imħallsa mill-konsumatur finali, il-VAT li hija miġbura fuq is-servizzi kollha li l-prezz tagħha huwa inkluż fil-prezz tas-servizz totali mħallas minn dan il-konsumatur, għandha tiġi mħallsa lil dan l-Istat u mhux lil dak li fih il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu (ara s-sentenza Dudda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

19     Għal dak li jirrigwarda l-kriterji skond liema servizz speċifiku għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jaqa' taħt l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li, per eżempju, m'huwa meħtieġ ebda livell artistiku jew sportiv partikulari u li mhux biss is-servizzi li għandhom bħala suġġett attivitajiet partikularment artistiċi, sportivi jew ta' divertiment jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni, iżda wkoll dawk li għandhom bħala suġġett attivitajiet li huma biss simili (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza Dudda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

20     Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva huwa regola ta' kunflitt li tiddetermina l-post ta' tassazzjoni ta' servizzi u li, għaldaqstant, il-limitazzjoni tal-kompetenzi ta' l-Istati Membri. Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta' "attiviajiet simili" huwa kunċett tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi interpretat b'mod uniformi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' tassazzjoni doppja jew ta' nuqqas ta' tassazzjoni (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta' Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Franza, C-68/92, Ġabra p. I-5881, punt 14).

21     Għall-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni ta' dritt Komunitarju, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem ta' din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest ta' din id-dispożizzjoni u l-għanijiet tar-regolament li minnha hija tifforma parti (ara, b'mod partikulari, is-sentenza tas-7 ta' Ġunju 2005, VEWM et, C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 41).

22     B'kunsiderazzjoni għall-għan li l-leġiżlatur Komunitarju ried jilħaq, imfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza u li huwa intiż sabiex jiġi stabbilit il-post ta’ operazzjonijiet taxxabbli fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu s-servizzi huma pprovduti fiżikament, irrispettivament mill-post fejn huwa stabbilit il-post prinċipali tal-fornitur, attività għandha tiġi kkunsidrata bħala simili, skond l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva, meta hija jkollha karatteristiċi li jinsabu wkoll fil-kategoriji l-oħra ta’ attivitajiet elenkati f’din id-dispożizzjoni u li jiġġustifikaw, fir-rigward ta’ dan l-għan, li dawn l-attivitajiet jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

23     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif jagħmlu l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-karatteristiċi komuni li jinsabu fil-kategoriji differenti ta’ provvista ta' servizzi msemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva joriġinaw min-natura kumplessa tas-servizzi kkonċernati, li jinkludu diversi servizzi, kif ukoll mill-fatt li l-imsemmija servizzi huma pprovduti normalment lil diversi persuni, jiġifieri lill-persuni kollha li jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, ta’ tagħlim u ta’ divertiment.

24     Dawn il-kategoriji differenti ta’ servizzi għandhom ukoll il-karatteristika komuni li huma ġeneralment pprovduti fil-każ ta’ avvenimenti individwali u l-post fejn dawn is-servizzi kumplessi huma pprovduti fiżikament jista', bħala priċipju, jiġi faċilment identifikat peress li l-imsemmija avvenimenti jseħħu f’post speċifiku.

25     Issa, wirja jew fiera, tkun xi tkun it-tema, hija intiża sabiex tipprovdi, lil varji persuni, fil-prinċipju f’post speċifiku u b'mod individwali, varji servizzi ta' natura kumplessiva bil-għan partikulari li jiġu ppreżentati informazzjoni, oġġetti jew avvenimenti f'kundizzjonijiet tali li jippromwovu dawn ta’ l-aħħar ma' min ikun qed iżur il-wirja jew fiera. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wirja jew fiera għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt l-attivitajiet simili msemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva.

26     Il-provvista ta' servizzi li għandha bħala suġġett l-attivitajiet mniżżla fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva tinkludi s-servizzi pprovduti mill- organizzaturi ta’ dawn l-attivitajiet u ta’ dawk li għandhom jiġu assimilati ma’ magħhom.

27     Minn dan jirriżulta li s-servizz totali pprovdut lill-eżibituri minn organizzatur ta’ fiera jew wirja għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala wieħed mis-servizzi msemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva.

28     B'kunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, li hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit il-post tas-servizz in kwistjoni fil-kawża prinċipali, mhemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar jekk l-imsemmi servizz jistax jaqa’, barra minn hekk, taħt xi kategorija oħra ta’ provvista ta' servizzi msemmija fl-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva.

29     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz totali pprovdut minn organizzatur lill-eżibituri f’wirja jew fiera jaqa’ taħt il-kategorija ta’ provvista ta' servizzi msemmija f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

30     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz totali pprovdut minn organizzatur lill-eżibituri f’wirja jew fiera jaqa’ taħt il-kategorija ta’ provvista ta' servizzi msemmija f’din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.