SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Lulju 2006 (*)

"Regolament (KE) Nru 44/2001– Artikolu 6(1) – Numru ta’ konvenuti – Proċedura mressqa fi Stat Membru kontra persuna fi stat ta’ falliment, iddomiċiljata f’dak l-Istat, u kokonvenut iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor – Inammissibiltà ta’ kawża kontra l-persuna fi stat ta’ falliment – Ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża fil-każ tal-kokonvenut"

Fil-kawża C-103/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ Deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2005, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2005, fil-proċedura

Reisch Montage AG

vs

Kiesel Baumaschinen Handels GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, G. Arestis u J. Klučka (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub;

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).

2       Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Reisch Montage AG (iktar ’il quddiem "Reisch Montage") kontra Kiesel Baumaschinen Handels GmbH (iktar ’il quddiem "Kiesel") dwar ir-rimbors ta’ dejn li jammonta għal 8 689,22 EUR.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzzjoni komunitarja

3       Il-ħdax, it-tnax u l-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 jgħidu hekk:

"(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]

(12) B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15) Fl-interessi ta[‘] l-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]"

4       L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament, li jidher fil-Kapitolu II, Sezzjoni 1, tiegħu, bit-titolu "Dispożizzjonijiet ġenerali", jgħid:

"Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru."

5       Skond l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel ukoll parti minn dan il-Kapitolu II, Sezzjoni 1:

"1. Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.

2. B’mod partikolari r-regoli ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali mniżżla fl-Anness I ma japplikawx kontra tagħhom."

6       Skond l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jidher fis-Sezzjoni 2 ta’ l-istess Kapitolu I intitolata "Ġurisdizzjoni speċjali", persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tiġi mfittxijja taħt ċerti kundizzjonijiet.

7       Minbarra dan, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, li jagħmel ukoll parti mill-imsemmija Sezzjoni 2, jipprovdi:

"Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1) meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom [i]kun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       L-Artikolu 6(1) tar-regolament fuq il-fallimenti (Konkursordnung, iktar ’il quddiem il-"KO") jigħid:

"Il-kawżi li għandhom bħala għan li tintalab jew li jigu ggarantiti d-drittijiet fuq il-patrimonju li jappartjeni għall-proprjetà tal-falliment ma jistgħu la jiġu mressqa u lanqas eżegwiti kontra d-debitur fallut wara l-ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9       Fit-30 ta’ Jannar 2004, Reisch Montage, kumpannija stabbilita f’Liechtenstein, bdiet proċeduri għal ħlas quddiem il-Bezirksgericht Bezau (l-Awstrija) kontra M. Gisinger, iddomiċiljat fl-Awstrija, kif ukoll kontra Kiesel, li s-sedi tagħha tinsab fil-Ġermanja. Din l-aħħar imsemmija kumpannija kienet garanti għal M. Gisinger għas-somma ta’ 8689.22 EUR li tagħhom Reisch Montage titlob ir-rimbors.

10     Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Frar 2004, il-Bezirksgericht Bezau, skond l-Artikolu 6(1) tal-KO, caħdet ir-rikors ta’ Reisch Montage peress li kien indirizzat kontra M. Gisinger, għar-raġuni li kienet infetħet, fit-23 ta’ Lulju 2003, proċedura ta’ falliment li tirigwarda l-proprjetà ta’ dan ta’ l-aħħar, u li kienet għada għaddejja fid-data tal-preżentata ta’ l-imsemmi rikors. Din id-deċiżjoni saret res judicata.

11     Kiesel għalhekk ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qorti li kienet qed titratta l-kawża, billi sostniet li Reisch Montage ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-Bezirksgericht Bezau, li fih ir-rikors magħmul kontra M. Gisinger ġie miċħud bħala inammissibbli skond l-Artikolu 6(1) tal-KO.

12     Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ April 2004, il-Bezirksgericht Bezau qajmet l-eċċezzjoni ta’ inkompetenza mqajma minn Kiesel u rrifjutat ir-rikors ta’ Reisch Montage minħabba inkompetenza territorjali u internazzjonali ta’ din il-qorti.

13     F’sede ta’ appell, il-Landesgericht Feldkirch (l-Awstrija) annullat l-imsemmija sentenza u ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inkompetenza mqajma minn Kiesel.

14     Din ressqet rikors għal "Reviżjoni" quddiem l-Oberster Gerichtshof li ddeċidiet li tissospendi l-kawża u ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda segwenti:

"Jista’ rikorrent jinvoka l-Artikolu 6(1) tar-Regolament […] Nru 44/2001 meta huwa jagħmel rikors kontra persuna ddomiċiljata fl-Istat fejn tinstab il-qorti u kontra persuna residenti fi Stat Membru ieħor, iżda li r-rikors kontra l-persuna domiċiljata fl-Istat fejn tinsab il-qorti hija diġà inammisibbli fil-preżentata tar-rikors peress li nfetħet proċedura ta’ falliment fuq proprjetà tiegħu li, skond l-liġi nazzjonali, tammonta għal reġuni ta’ inammissibbiltà?"

 Fuq id-domanda preliminari

15     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jridx jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ proċedura mressqa fi Stat Membru kontra konvenut f’dan l-Istat u kokonvenut iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor, meta din l-proċedura hija meqjusa, mill-preżentata tagħha, inammissibbli fir-rigward ta’ l-ewwel konvenut.

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

16     Skond il-gvern Ġermaniż, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 irid jiġi interpretat strettament, sabiex ma jerġax ipoġġi fid-dubju l-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut previst fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament.

17     Skond hu, jekk il-proċedura kontra wieħed mill-konvenuti hija inammissibbli mill-preżentata tar-rikors, minħabba l-istat ta’ falliment tiegħu, it-talbiet imqajma kontra ż-żewġ konvenuti għandhom jitqiesu li m’għandhomx "rabta daqshekk mill-qrib li jkun hemm interess li jiġu infurmati u fl-istess ħin li jiġu ġġudikati", skond l-imsemmi Artikolu 6(1). Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tkunx applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

18     Il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej min-naħa l-oħra jsostnu li l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tiġi invokata f’każ bħal dan.

19     Skond l-imsemmi gvern, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi biss li, jekk hemm numru ta’ konvenuti, dawn jistgħu jidhru quddiem il-qrati tal-post fejn wieħed minnhom ikun iddomiċiljat jekk it-talbiet tagħhom ikunu konnessi. Kuntrarjament għall-punt 2 ta’ l-imsemmi Artikolu, il-punt 1 tiegħu ma jeżiġi l-ebda kundizzjoni partikolari tali li jiġi evitat li tintuża għall-għan biss li konvenut jinqala’ mill-ġurisdizzjoni ta’ qorti tad-domiċilju tiegħu.

20     L-istess gvern invoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1990, Hagen, C-365/88, Ġabra p. I-1845, punti 20 u 21; tas-27 ta’ April 2004, Turner, C-159/02, Ġabra p. I-3565, punt 29, u tas-26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et, C-77/04, Ġabra p. I-4509, punt 34) sabiex isostni li qorti nazzjonali ma tistax tibbaża r-rifjut ta’ domanda għal garanzija fuq iċ-ċirkustanza li l-garanti huwa ddomiċiljat fi Stat Membru ieħor li taħtu dan jaqa’ u li fejn jinsab id-domiċilju tad-debitur dan ir-rikors huwa inammissibbli.

21     Il-Kummissjoni ssostni li Reisch Montage madankollu ma tistax tippreżenta rikors inammissibbli kontra konvent iddomiċiljat fi Stat Membru, bil-għan biss li tneħħi konvenut ieħor mill-ġurisdizzjoni tal-prinċipju tal-qrati ta’ l-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu. Għalhekk hija l-qorti kompetenti li għandha teżamina jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 huwiex qed jiġi użat b’mod abbużiv.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

22     Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-konvenut għandu domiċilju, tikkostitwixxi l-prinċipju Ġenerali u huwa biss b’deroga għal dak il-prinċipju li l-imsemmi regolament jipprovdi regoli ta’ ġursidizzjoni speċjali fil-każijiet limitatment elenkati li fihom il-konvenut jista’ jew għandu, skond il-każ, jiġi mfittex quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor [ara, fir-rigward tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-"Konvenzjoni ta’ Brussell") fejn id-dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi għal dawk tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et, C-51/97, Ġabra p. I-6511, punt 16, u tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil, C-265/02, Ġabra p. I‑1543, punt 23].

23     F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza kostanti li l-imsemmija regoli tal-ġurisdizzjoni speċjali huma ta’ interpretazzjoni stretta, li ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mir-Regolament Nru 44/2001 (ara, għal dak li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer, C-168/02, Ġabra p. I-6009, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24     Hija l-qorti nazzjonali li trid tinterpreta dawn l-istess regoli b’osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali li tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, għal dak li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1999, GIE Groupe Concorde et, C‑440/97, Ġabra p. I-6307, punt 23; tad-19 ta’ Frar 2002, Besix, C‑256/00, Ġabra p. I-1699, punt 24, u ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C‑281/02, Ġabra p. I-1383, punt 38).

25     Dan il-prinċipju jeżiġi b’mod partikolari li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali jkunu interpretati b’tali mod li jippermettu lil konvenut normalment avżat li jipprevedi quddiem liema qorti, barra min dik ta’ l-Istat tad-domiċilju tiegħu, huwa jista’ jiġi mfittex (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq GIE Groupe Concorde et, punt 24; Besix, punt 26, u Owusu, punt 40).

26     Għal dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, konvenut jista’ jiġi mfittex, jekk hemm numru ta’ konvenuti, quddiem il-qorti tad-domiċilju ta’ wieħed minnhom bil-kundizzjoni li "t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati".

27     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li fl-ewwel lok jiġi stabbilit li din id-dispożizzjoni ma tagġmel ebda riferiment speċifiku għall-applikazzjoni tar-regoli interni u lanqas għal kundizzjoni li proċedura mressqa kontra numru ta’ konvenuti ma tkun ammissibbli, mill-mument tal-preżentata tagħha, fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

28     Fit-tieni lok, hemm lok li jingħad li, indipendentement minn din l-ewwel kostatazzjoni, id-domanda magħmula għandha l-għan li tistabbilixxi jekk regola nazzjonali li tistabbilixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tistax tostakola l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

29     Issa, hija ġurisprudenza kostanti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, meta jirreferu għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, għal dak li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2004, Blijdenstein, C‑433/01, Ġabra p. I‑981, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30     Konsegwentement, peress li ma jiffurmax parti mid-dispożizzjonijiet, bħal, per eżempju, l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdi espressament l-applikazzjoni tar-regoli interni u li għalhekk huma l-bażi ġuridika għalihom, l-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmi regolament m’għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu tista’ jiddependi mill-effetti tar-regoli interni.

31     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa fi Stat Membru kontra konvenut iddomiċiljat f’dak l-Istat u kokonvenut iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor, anki meta din il-proċedura hija meqjusa, mill-preżentata tagħha, inammissibli fir-rigward ta’ l ewwel konvenut skond leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontriha.

32     Madankollu, jeħtieġ li jiġi mfakkar li r-regola ta’ ġursidizzjoni speċjali msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma għandhiex tiġi interpretata b’tali mod li hi tista’ tippermetti lil rikorrent li jagħmel talba kontra numru ta’ konvenuti bil-għan biss li jeżenta wieħed minn dawn mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn huwa ddomiċiljat (ara, għal dak li jikkonċerna l-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis, 189/87, Ġabra p. 5565, punti 8 u 9, kif ukoll Réunion européenne et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Madankollu ma jidhirx li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

33     Fir-rigward ta’ dawn il-premessi kollha msemmija iktar ’il fuq, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ proċedura mressqa fi Stat Membru kontra konvenut iddomiċiljat f’dak l-Istat u kokonvenut iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor, anki meta l-imsemmija proċedura hija meqjusa, mill-preżentata tagħha, inammissibbli fir-rigward ta’ l-ewwel konvenut skond leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontriha.

 Fuq l-ispejjeż

34     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ proċedura mressqa fi Stat Membru kontra konvenut iddomiċiljat f’dak l-Istat u kokonvenut iddomiċiljat fi Stat Membru ieħor, anki meta l-imsemmija proċedura hija meqjusa, mill-preżentata tagħha, inammissibbli fir-rigward ta’ l-ewwel konvenut skond leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontriha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.