Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-89/05,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-House of Lords (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Novembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta' Frar 2005, fil-proċedimenti
United Utilities plc
vs
Commissioners of Customs & Excise,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta' Frar 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal United Utilities plc, minn D. Goy, QC u C. McDonnell, barrister, inkarigati minn P. Drinkwater, solicitor,
– għall-Commissioners of Customs & Excise, minn R. Hill, barrister,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. White u T. Harris, bħala aġenti, assistiti minn K. Parker, QC, u R. Hill, barrister,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u A. Matos Barros, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,
wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet - wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali - li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn United Utilities plc (iktar 'il quddiem "United Utilities") u l-Commissioners of Customs & Excise (iktar 'il quddiem il-"Commissioners"), awtorità responsabbli għall-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il-quddiem il-"VAT") fir-Renju Unit, fir-rigward ta' l-impożizzjoni tal-VAT fuq servizzi pprovduti minn Vertex Data Science Ltd (iktar 'il quddiem "Vertex") lil Littlewoods Promotions Ltd (iktar 'il quddiem "Littlewoods"), li torganizza mħatri magħmula permezz tat-telefon.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3. L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li jikkostitwixxi t-Titolu II tagħha, intitolat "Applikazzjoni", jiddisponi li:
"Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:
1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[...]"
4. Skond l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jeżentaw mill-VAT "imħatri, lotteriji u forom oħrajn ta’ logħob [ta' l-ażżard jew ta' flus], soġġetti għall-kondizzjonijiet u għal-limitazzjonijet mfasslin minn kull Stat Membru".
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5. L-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva ġie traspost fid-dritt nazzjonali permezz tal-Grupp 4 ta' l-Anness 9 tal-Liġi ta' l-1994 dwar il-VAT (Value Added Tax Act 1994), li jeżenta mill-VAT il-provvista ta' installazzjonijiet u tagħmir sabiex isiru imħatri jew għall-iżvolġiment ta' logħob ta' l-ażżard ta' kull tip.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
6. United Utilities hija l-membru rappreżentant ta' grupp ta' kumpanniji kkunsidrati bħala persuna taxxabbli waħda, skond l-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva. Vertex hija wkoll membru ta' dan il-grupp.
7. Littlewoods torganizza mħatri li jsiru permezz tat-telefon magħrufa bl-isem ta' "Bet Direct". Il-klijenti tagħha jistgħu jagħmlu mħatri fuq ir-riżultati ta' avvenimenti sportivi jew ta' avvenimenti riskjużi oħra, bħall-fenomeni meteoroloġiċi. L-imħatri jsiru biss permezz tat-telefon. Fl-1999, Littlewoods iddeċidiet li tagħti b'subappalt parti mill-attivitajiet tagħha u, għal dan il-għan, ikkonkludiet ma' Vortex ftehim għall-provvista ta' servizzi ta' "call centre". Skond dan il-ftehim, Vertex, li hija wkoll awtorizzata taġixxi bħala aġent ta' Littlewoods, għandha tipprovdi l-persunal, il-bini kif ukoll it-tagħmir tat-telefon u ta' l-informatika neċessarji sabiex jinġabru l-imħatri in kwistjoni.
8. Littlewoods tagħżel l-avvenimenti sportivi jew avvenimenti oħra li fir-rigward tagħhom jistgħu jsiru l-imħatri, tiffissa l-kwoti, tevalwa l-imħatri u timmaniġġja d-dħul u l-ispejjeż ta' dawn.
9. Vertex, min-naħa tagħha, tirċievi biss it-telefonati u tirreġistra l-imħatri skond il-kundizzjonijiet maħruġa minn Littlewoods. F'dan ir-rigward hija m'għandha l-ebda diskrezzjoni. Barra minn hekk, il-persunal ta' Vertex qatt ma jinforma lill-persuni li jagħmlu l-imħatri li qed jittrattaw ma' Vertex u mhux ma' Littlewoods. Minn barra dan, l-isem ta' Vertex ma jidher fuq l-ebda dokument intiż għall-persuni li jagħmlu l-imħatri.
10. Ir-remunerazzjoni ta' Vertex hija komposta minn parti fissa u parti varjabbli. Din ta' l-aħħar hija kkalkulata abbażi tan-numru ta' minuti ta' telefonati li Vertex tirċievi. Huma previsti diversi sanzjonijiet f'każ li din ta' l-aħħar twettaq żball fl-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tagħha. Ir-remunerazzjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni la n-numru jew il-valur ta' l-imħatri rreġistrati u lanqas il-kwota ta' dawn l-imħatri. Vertex ma tieħu ebda riskju finanzjarju b'relazzjoni għall-imħatri proposti minn Littlewoods.
11. United Utilities issostni li s-servizzi pprovduti minn Vertex jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva u għandhom, għaldaqstant, jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni.
12. B'sostenn għall-pożizzjoni tagħha, United Utilities issostni, qabel kollox, li l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva huwa intiż sabiex jeżenta t-twaqqif tal-kuntest li fih isir il-logħob ta' l-ażżard. Għaldaqstant, jistgħu jiġu eżentati l-attivitajiet li għandhom bħala għan li jiffurmaw il-kuntest, jew l-istruttura, li fihom jew li permezz tagħhom il-logħob ta' l-ażżard jista' jiżvolġi ruħu.
13. Barra minn hekk, jirriżulta mis-sentenzi tal-5 ta' Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra p. I-3017), u tat-13 ta' Diċembru 2001, CSC Financial Services (C-235/00, Ġabra p. I-10237), li l-eżenzjoni mitluba fil-kawża prinċipali għandha tapplika għas-servizzi ta' aġent safejn dan ta' l-aħħar ikun strument ta' l-operazzjoni dwar il-logħob ta' l-ażżard stess. Kull interpretazzjoni oħra jkollha bħala konsegwenza li l-imsemmija eżenzjoni tapplika biss għal ċertu numru ta' elementi li jikkostitwixxu l-kuntest li fih issir operazzjoni li għandha x'taqsam mal-logħob ta' l-ażżard.
14. United Utilities issostni, sussegwentement, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eżenzjoni mill-VAT ta' servizzi finanzjarji (sentenzi SDC, iċċitata iktar 'il fuq; tal-25 ta' Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, u CSC Financial Services, iċċitata iktar 'il fuq) li, meta aġent iwettaq operazzjoni għan-nom ta' prinċipal, is-servizzi ta' dak l-aġent għan-nom ta' dan il-prinċipal għandhom, għall-iskopijiet ta' l-eżenzjonijiet mill-VAT, jiġu analizzati billi ssir referenza għar-rwol preċiż tagħhom fl-operazzjoni ta' bażi bejn il-prinċipal u l-klijent finali. Huwa biss fil-każ fejn aġent iwettaq "att essenzjali li jwassal għal bidla fis-sitwazzjoni ġuridika u finanzjarja bejn il-partijiet", f'operazzjoni li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' waħda mill-kategoriji eżentati, li s-servizz ta' dan l-aġent ikun eżentat. Il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi aġent huwa aġent tal-prinċipal jew tal-klijent mhijiex, f'dan ir-rigward, rilevanti.
15. Din il-ġurisprudenza tapplika, mutatis mutandis , għall-eżenzjoni mill-VAT ta' mħatri u logħob ta' l-azzard. Għaldaqstant, fil-qasam ta' mħatri u logħob ta' l-ażżard, il-konklużjoni ta' kuntratt ta' mħatra tikkostitwixxi l-funzjoni speċifika u essenzjali ta' l-imsemmija mħatra, għaliex din tbiddel is-sitwazzjoni ġuridika u finanzjarja bejn il-partijiet. Peress illi l-aċċettazzjoni orali ta' l-imħatri minn Vortex hija biżżejjed sabiex toħloq rabta ġuridika bejn il-persuni li jagħmlu l-imħatri u Littlewoods, Vertex tissodisfa l-funzjoni speċifika u essenzjali ta' organizzatriċi ta' mħatri.
16. United Utilities issostni, fl-aħħar nett, li l-interpretazzjoni li hija tipproponi mhijiex ikkontestata mill-fatt li Vertex m'għandha ebda diskrezzjoni għal dak li jirrigwarda l-aċċettazzjoni jew ir-rifjut ta' mħatra għan-nom ta' Littlewoods, peress illi l-konklużjoni tal-kuntratt qatt ma tikkostitwixxi att ta' natura amministrattiva.
17. Il-Commissioners ma jaqblux ma din l-opinjoni u jsostnu, min-naħa tagħhom, li l-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva mhijiex applikabbli għas-servizzi pprovduti minn Vertex peress illi dawn jikkostitwixxu sempliċiment servizz materjali, tekniku jew amministrattiv favur l-organizzatur ta' mħatri.
18. Il-VAT and Duties Tribunal, il-High Court of Justice kif ukoll il-Court of Appeal ċaħdu suċċessivament l-argumenti ta' United Utilities.
19. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-House of Lords, li quddiemha tressqet il-kawża, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"L-eżenzjoni ta' mħatri prevista fl-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva […] tapplika meta persuna (iktar 'il quddiem l-"aġent") tipprovdi servizzi għan-nom ta' persuna oħra (iktar 'il quddiem il-"prinċipal") li jikkonsistu fl-aċċettazzjoni ta' l-imħatri ta' klijenti u fil-komunikazzjoni lill-klijenti ta' l-aċċettazzjoni ta' l-imsemmija mħatri mill-prinċipal meta:
a) l-atti ta' l-aġent jikkostitwixxu stadju neċessarju fil-ħolqien tar-rabta ġuridika ta' l-imħatra bejn il-prinċipal u l-klijent tiegħu u li, għaldaqstant, jikkompletaw l-operazzjoni ta' mħatra, iżda li
b) l-aġent ma jieħu ebda deċiżjoni fir-rigward ta' l-iffissar tal-kwoti, billi dawn ta' l-aħħar jiġu ffissati mill-prinċipal jew, f'ċerti każijiet, minn terzi, skond ir-regoli ta' l-isport in kwistjoni, u li
c) l-aġent jiddeċiedi jekk jaċċettax jew le l-imħatri għan-nom tal-prinċipal skond il-kriterji imposti minn dan ta' l-aħħar, b'tali mod li l-aġent m'għandu ebda diskrezzjoni fil-qasam?"
Fuq id-domanda preliminari
20. Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta' servizzi ta' "call center", imwettqa għan-nom ta' organizzatur ta' mħatri permezz tat-telefon u li tinkludi l-aċċettazzjoni ta' mħatri għan-nom ta' l-organizzatur mill-persunal tal-persuna li qegħda tipprovdi l-imsemmija servizzi, tikkostitwixxix operazzjoni ta' mħatri fis-sens ta' din id-dispożizzjoni u tista', għalhekk, tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni.
21. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li t-termini użati sabiex jiddeskrivu l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b'mod ristrett, peress illi dawn l-eżenzjonijiet jikkkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali skond liema l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta' servizzi imwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi SDC, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20, u tat-3 ta' Marzu 2005, Arthur Andersen, C-472/03, Ġabra p. I-1719, punt 24).
22. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tat-termini użati f'din id-dispożizzjoni għandha tkun konsistenti ma' l-għanijiet li dawn l-eżenzjonijiet iridu jilħqu u għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta' newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni ta' VAT (sentenza tas-6 ta' Novembru 2003, Dornier, C-45/01, Ġabra p. I-12911, punt 42).
23. Għal dak li jirrigwarda b'mod iktar partikolari l-imħatri, il-lotteriji u logħob ieħor ta' l-ażżard, għandu jiġi mfakkar li l-eżenzjoni li minnha huma jibbenefikaw hija mmotivata minn kunsiderazzjonijiet prattiċi, peress illi l-operazzjonijiet ta' logħob ta' l-ażżard mhumiex tajjeb biex ikunu adattati għall-applikazzjoni tal-VAT (sentenza tad-29 ta' Mejju 2001, Freemans, C-86/99, Ġabra p. I-4167, punt 30), u mhux, kif huwa l-każ għal ċerti provvisti ta' servizzi ta' interess ġenerali mwettqa fis-settur soċjali, mix-xewqa li jiġi assigurat trattament iktar favorevoli fil-qasam tal-VAT għal dawn l-attivitajiet.
24. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet għandu jiġi eżaminat jekk attività bħal dik fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi operazzjoni ta' mħatri fis-sens ta' l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva li tista', bħala tali, tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT.
25. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-provvista ta' servizzi mwettqa minn Vertex tikkonsisti fil-provvista tal-persunal, il-bini kif ukoll it-tagħmir tat-telefon u ta' l-informatika neċessarji sabiex isiru l-imħatri, iżda li s-suġġett u l-kwota tagħhom huma stabbiliti mill-benefiċjarju ta' din il-provvista, f'dan il-każ Littlewoods.
26. Issa, għandu jiġi kkonstatat li din l-attività waħedha, kuntrarjament għall-operazzjoni ta' mħatri msemmija fl-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva, bl-ebda mod m'hija kkaratterizzata bl-għoti ta' opportunità ta' gwadan lill-persuni li jagħmlu l-imħatri u bl-aċċettazzjoni, min-naħa l-oħra, tar-riskju li dan id-dħul jrid jiġi ffinanzjat u, għaldaqstant, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala operazzjoni ta' mħatri fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.
27. Għal din l-istess raġuni, din l-interpretazzjoni mhijiex effettwata mill-fatt li l-aċċettazzjoni ta' mħatri, imwettqa f'dan il-każ mill-persunal ta' Vertex, tikkostitwixxi element, irrispettivament mill-importanza tiegħu, fl-iżvolġiment tagħhom peress illi huwa bis-saħħa ta' din l-aċċettazzjoni li tinħoloq rabta ġuridika bejn Littlewoods u l-klijenti tagħha.
28. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza skond liema l-bidla fir-relazzjoni ġuridika u finanzjarja li teżisti bejn il-persuna li qegħda tipprovdi s-servizzi u l-klijent tagħha hija funzjoni speċifika ta' operazzjonijiet ta' trasferimenti (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq SDC, punt 66, u CSC Financial Services, punt 26) ma tistax tiġi trasposta, mutatis mutandis , għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva, peress illi l-għanijiet li fuqhom huma bbażati l-eżenzjonijiet previsti fil-qasam ta' operazzjoni ta' trasferimenti fis-sens ta' l-Artikolu 13B(d) ta' din id-Direttiva mhumiex l-istess bħal dawk li mmotivaw l-eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 13B(f) ta' l-istess Direttiva.
29. Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta' servizzi ta' "call centre", imwettqa għan-nom ta' organizzatur ta' mħatri permezz tat-telefon u li tinkludi l-aċċettazzjoni ta' imħatri għan-nom ta' l-organizzatur mill-persunal tal-persuna li qegħda tipprovdi l-imsemmija servizzi, ma tikkostitwixxix operazzjoni ta' mħat ri fis-sens ta' din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
30. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta' servizzi ta' "call centre", imwettqa għan-nom ta' organizzatur ta' mħatri permezz tat-telefon u li tinkludi l-aċċettazzjoni ta' mħatri għan-nom ta' l-organizzatur mill-persunal tal-persuna li qegħda tipprovdi l-imsemmija servizzi, ma tikkostitwixxix operazzjoni ta' mħatri fis-sens ta' din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, ma tistax tibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni.