SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta' Ġunju 2006 (*)

"Appell - Trade mark Komunitarja – Artikolu 7(1)(b) u 3 tar-Regolament 40/94 – Raġuni assoluta għal rifjut ta' reġistrazzjoni – Trade mark figurattiva – Rappreżentazzjoni ta' forma ta' ppakkjar mibrum ta' ħelu – Karattru distintiv"

Fil-kawża C-25/05 P

li għandha bħala suġġett appell imressaq skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Jannar 2005,

August Storck KG, stabbilita f'Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Rohr, H. Wrage-Molkenthin u T. Reher, Rechtsanwälte,

rikorrenti

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat G. Schneider, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Frar 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħha, August Storck KG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Ir-Raba Awla) ta' l-10 ta' Novembru 2004, Storck vs UASI (forma ta' ħelwa mgeżwra) (T-402/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha din il-Qorti ċaħdet l-appell tar-rikorrenti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) tat-18 ta' Ottubru 2002 (kawża R256/2001-2) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li ċaħdet ir-reġistrazzjoni ta' trade mark li tirrappreżenta ppakkjar mibrum ta' ħelu (forma ta' ħelwa mgeżwra) ta' kulur id-deheb.

 Il-Kuntest Ġuridiku

2       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1) fl-Artikolu 7 tiegħu intitolat "Raġunijiet assoluti għal rifjut" jipprovdi:

"1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

b)      trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv;

 […]

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trade mark ma tiġix reġistrata japplikaw biss f'parti tal-Komunità.

3.      Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m'għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta' din it-trade mark."

3       L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat "Stqarrija tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet huma bbażati", jipprovdi:

"Id-deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta' liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom."

4       L-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat "L-eżaminazzjoni tal-fatti mil-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess", fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

"Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta' fatti, ta' provi u ta' argumenti ppreżentati mil-partijiet u tar-rimedji mitluba."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5       Fit-30 ta' Marzu 1998, ir-rikorrenti, skond ir-Regolament Nru 40/94, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja quddiem il-UASI fejn talbet ir-reġistrazzjoni ta' trade mark figurattiva li tikkorrispondi mar-rapprezentazzjoni bidimensjonali, f'perspettiva, ta' ħelwa f'forma ta' ppakkjar mibrum (forma ta' ħelwa mgeżwra) ta' kulur id-deheb, li hija riprodotta hawnhekk:

Image not found Image not found

6       Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark huma "ħelu" u jaqgħu fil-klassi 30 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif emendat.

7       Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Jannar 2001 l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni minħabba li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u minħabba li ma kinitx kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) ta' l-istess Regolament.

8       Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, It-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell tal-UASI kkonfermat id-deċiżjoni ta' l-eżaminatur. Fir-rigward tal-karattru distintiv ab initio, hija kkonstatat, b'mod partikolari, li l-kulur dehbi li kien jidher fuq ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark mitluba kien jintuża normalment u frekwentement, fil-kummerċ, fir-rigward ta' l-ippakkjar ta' ħelu. Hija kkunsidrat ukoll li l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux jippruvaw li din it-trade mark, wara l-użu li kien sar minnha, kienet kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-ħelu b'mod ġenerali jew, b'mod partikolari, fir-rigward tal-karamelli.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

9       Għall-finijiet ta' l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ressqet rikors ibbażat fuq erba' motivi.

10     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 55 sa 62 tas-sentenza kkontestata ddeċidiet li l-Bord ta' l-Appell kien iġġustifikat meta kkonkluda li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv, fis-sens ta' din id-dispoizzjoni, għar-raġunijiet li ġejjin:

"55      Għandu jiġi kkonstatat li l-Bord ta' l-Appell ma wettaq l-ebda żball ta' dritt meta qies li "il-konfigurazzjoni tat-trade mark in kwistjoni (ippakkjar mibrum, ta' kulur kannella ċar jew kulur id-deheb) ma spikkax b'mod fundamentali mil-preżentazzjonijiet komuni l-oħra użati fil-kummerċ" (punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonstata, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-forma ta' l-ippakkjar in kwistjoni kienet "forma ta' ppakkjar ta' ħelu normali u tradizzjonali" u li wieħed isib "numru kbir ta' ħelu ppakkjat b'dan il-mod fuq is-suq". L-istess jista' jingħad għall-kulur ta' l-ippakkjar in kwistjoni, jiġifieri l-kannella ċar ('caramel'), jew, kif jirriżulta mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark mitluba, id-deheb u l-isfumatura ta' deheb. Dawn il-kuluri, minnhom infushom, m'għandhom xejn ta' barra minn normal u mhux rari li wieħed jarahom użati għall-ippakkjar ta' ħelu, kif osserva l-Bord ta' l-Appell, b'mod rilevanti, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f'dan il-każ, il-konusmatur medju ma kienx jipperċepixxi t-trade mark fiha nfisha bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodott, iżda bħala ppakkjar ta' ħelwa, xejn iktar u xejn anqas, […]

57      Għaldaqstant, il-karatteristiċi tat-tlaqqigħ ta' forma u ta' kulur tat-trade mark mitluba mhumiex distinti biżżejjed minn dawk tal-forom bażiċi użati frekwentement għall-ippakkjar ta' ħelu jew ta' karamelli u, għalhekk, mhumiex ta' natura li jiġu miftakra mil-pubbliku rilevanti bħala indikaturi ta' oriġini kummerċjali. Fil-fatt, l-ippakkjar mibrum (forma ta' ħelwa mgeżwra), fil-kulur kannella ċar jew kulur id-deheb, ma jiddistingwix ruħu b'mod sostanzjali mil-ippakkjar tal-prodotti in kwistjoni (ħelu, karamelli), li huwa użat b'mod komuni fil-kummerċ u għalhekk huwa ppakkjar li l-moħħ awtomatikament jorbot ma' forma ta' ppakkjar tipika għall-imsemmija prodotti.

[…]

60      […]il-Bord ta' l-Appell ġustament invoka, fil-punti 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-riskju ta' monopolizzazzjoni ta' l-ippakkjar in kwistjoni fir-rigward tal-ħelu, minħabba li din l-analiżi tikkonferma n-nuqqas ta' karattru distintiv ta' dan l-ippakkjar fir-rigward ta' dawn il-prodotti, skond l-interess ġenerali li fuqu jistrieħ il-motiv assolut ta' rifjut ibbażat fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

[…]

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-trade mark mitluba ma tistax, kif inhi pperċepita minn konsumatur medju, ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti, tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti kkonċernati u li jiġu distinti minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali differenti. Għaldaqstant, hija nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta' dawn il-prodotti.

11     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punti 82 sa 89 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li t-trade mark mitluba kienet kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu li kien sar minnha, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, b'mod partikolari għar-raġunijiet segwenti:

"82      Qabel kollox, fir-rigward ta' l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-figuri tal-prodotti kkonċernati mibjugħa fil-Komunità fil-perijodu bejn l-1994 u l-1998, il-Bord ta' l-Appell ġustament qies li dawn il-figuri mhumiex, f'dan il-każ, ta' natura li jipprovaw li t-trade mark mitluba kienet kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li kien sar minnha.

83      Fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, b'mod suffiċjenti għall-finijiet tad-dritt, li l-figuri in kwistjoni ma jippermettux li jiġi evalwat is-sehem tas-suq in kwistjoni li r-rikorrenti tgawdi permezz tat-trade mark mitluba. Fil-fatt, minkejja l-informazzjoni dwar in-numru ta' unitajiet u ta' tunnellati ta' ħelu mibjugħa fl-ippakkjar in kwistjoni li tirriżulta mid-data in kwistjoni, "evalwazzjoni realistika tas-saħħa [tar-rikorrenti] fuq is-suq tirriżulta impossibbli fin-nuqqas ta' data dwar il-volum totali tas-suq tal-prodotti li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni jew ta' l-evalwazzjonijiet tal-bejgħ ta' impriżi kompetituri, li magħhom [setgħu] jitqabblu l-figuri tar-rikorrenti". […]

84      Barra minn hekk, kien ukoll ġustament li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-ispejjeż ta' pubbliċità li nefqet ir-rikorrenti jqajmu l-istess problemi bħall-figuri tal-bejgħ imsemmija aktar 'il fuq. Għalhekk, fil-punt 26 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Bord ta' l-Appell kien attent li l-indikazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti dwar l-ispejjeż in kwistjoni ma kienux utli ħafna safejn "l-ebda prova ma [kien jippermetti] li wieħed jieħu idea tal-volum ta' pubbliċità għas-suq tal-prodotti in kwistjoni". […] Għalhekk, dan il-materjal pubbliċitarju ma jistax jikkostitwixxi […] il-prova li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi l-imsemmija trade mark bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati […]

85      Minbarra dan, kif ikkonstata l-Bord ta' l-Appell fl-istess punt tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispejjeż in kwistjoni ma kienux għoljin ħafna "f'numru konsiderevoli ta' Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea", filwaqt li jżid "li din id-data [kienet] kompletament nieqsa fir-rigward ta' ċerti Stati Membri". Fil-fatt, għall-ebda sena mil-perijodu ta' referenza (1994-1998) l-imsemmija spejjeż ma jkopru l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea.

86      […] għandu jiġi kkunsidrat li l-motiv assolut għal rifjut imsemmi fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jeżisti, fir-rigward tat-trade mark mitluba, fil-Komunità kollha. Għaldaqstant, huwa fil-Komunità kollha li din it-trade mark kellha takkwista karattru distintiv permezz ta' l-użu sabiex tiġi reġistrata taħt l-Artikolu 7(3) ta' l-istess regolament […]

87      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispejjeż pubbliċitarji msemmija aktar 'il fuq ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxu l-prova li, fil-Komunità kollha u għall-perijodu 1994-1998, il-pubbliku rilevanti, jew ta' l-anqas parti sinjifikattiva tiegħu, kien jipperċepixxi t-trade mark mitluba bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati.

[…]"

12     F'dak li jirrigwarda t-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Bord ta' l-Appell ma kienx kiser din id-dispożizzjoni minħabba r-raġunijiet li jissemmew fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata u li għalihom jirreferi l-punt 95 ta' l-istess sentenza:

"Ir-riferiment, [fid]-deċiżjoni kkontestata, għall-prassi komuni fil-kummerċ tal-ħelu jew tal-karamelli, mingħajr ma kienu mogħtija eżempji konkreti ta' din il-prassi, ma tnaqqas xejn mil-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell dwar in-nuqqas ta' karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark mitluba. Fil-fatt, meta kkunsidra li t-tlaqqigħ ta' forma u ta' kulur tat-trade mark mitluba ma kinitx barra minn normali fil-kummerċ, il-Bord ta' l-Appell sostanzjalment ibbaża l-analiżi tiegħu fuq fatti li jirriżultaw mil-esperjenza prattika miksuba b'mod ġenerali dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ta' konsum ġenerali, bħalma huma l-ħelu u l-karamelli, liema fatti jistgħu jkunu magħrufa minn kullħadd u huma magħrufa b'mod partikolari mil-konsumaturi ta' dawn il-prodotti […]"

13     Fl-aħħar nett, fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim'Istanza b'mod partikolari ddeċidiet, fil-punti 103 sa 105 tas-sentenza kkontestata, li ma setax jiġi lmentat li l-Bord ta' l-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq argumenti li fuqhom ir-rikorrenti ma setgħetx tieħu pożizzjoni, għaliex l-eżaminatur kien diġà kkunsidra, fid-deċiżjoni tiegħu, li "[i]l-figuri tal-bejgħ tar-rikorrenti ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li l-konsumatur jidentifika l-ħelu ma' l-ippakkjar tiegħu u jassoċjah ma' impriża waħda" u li, "fin-nuqqas ta' figuri komparattivi ta' impriżi kompetituri jew ta' data dwar is-suq fl-intier tiegħu, huwa impossibbli li jiġu evalwati l-figuri tal-bejgħ".

 L-appell

14     Fl-appell tagħha, li għas-sostenn tiegħu hija tressaq erba' motivi, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       prinċipalment, tiddeċiedi l-kwistjoni b'mod definittiv billi tilqa' t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza;

–       sussidjarjament, terġa tibgħat il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

15     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

16     Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, li jinqasam fi-tliet partijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

17     L-ewwel nett, fil-punt 55 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza skorrettament issuġġettat il-konstatazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba għall-kundizzjoni li din tiddistingwi ruħha fundamentalment mil-preżentazzjoni ta' l-ippakkjar ta' ħelu użat normalment fil-kummerċ u, għaldaqstant, stabbilixxiet ħtiġijiet iktar stretti minn dawk li normalment ikunu meħtieġa sabiex jiġi rrikonoxxut tali karattru.

18     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ukoll żbaljata meta eżiġiet li t-trade mark mitluba tkun tiddistingwi ruħha b'mod sostanzjali minn trade marks simili li kienu eventwalment jeżistu fis-settur tal-ħelu.

19     Skond ir-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li jista' jkun hemm konfużjoni ma prodotti li jkunu ġejjin minn produttur ieħor hija rilevanti biss fil-kuntest ta' oppożizzjoni bbażata fuq ir-riskju ta' konfużjoni tat-trade mark mitluba ma trade mark preċedenti.

20     It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamelet ukoll żball ta' dritt billi, fil-punt 60 tas-sentenza kkontestata, ibbażat ruħha fuq "ir-riskju ta' monopolizzazzjoni ta' l-ippakkjar in kwistjoni fir-rigward tal-ħelu" sabiex timmotiva n-nuqqas ta' karattru distintiv tat-trade mark mitluba. Skond ir-rikorrenti, m'għandiex tiġi kkunsidrata ħtieġa eventwali ta' disponibbiltà fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

21     Fl-aħħar nett, il-Bord ta' l-Appell u l-Qorti tal-Prim'Istanza naqsu milli jivverifikaw jekk it-trade mark mitluba għandiex fiha nfisha, indipendentement mil-preżentazzjoni ta' ppakkjar simili tal-ħelu li jeżisti fis-suq, livell minimu ta' karattru distintiv. Skond ir-rikorrenti, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet tali verifika, hija kienet tikkonkludi li l-imsemmija trade mark ma kinitx nieqsa minn karattru distintiv.

22     L-UASI tirrispondi, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma ssuġġettat it-trade mark mitluba għal kriterji iktar stretti minn dawk normalment meħtieġa, iżda applikat ġurisprudenza kostanti li tgħid li huwa meħtieġ li l-forma tal-prodott li għaliħ tintalab ir-reġistrazzjoni bħala trade mark tkun tiddistingwi ruħha b'mod sinjifikattiv mil-użi normali u abitwali tas-settur rilevanti. Din il-ġurisprudenza, żviluppata għat-trade marks tridimensjonali, għandha tintuża wkoll meta, bħall f'dan il-każ, it-trade mark mitluba hija r-rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-forma tridimensjonali tal-prodott ikkonċernat.

23     Huwa jsostni, it-tieni nett, li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma ġġustifikatx il-konstatazzjoni tagħha ta' nuqqas ta' karattru distintiv tat-trade mark mitluba permezz ta' l-eżistenza ta' riskju ta' monopolizazzjoni.

24     Fl-aħħar nett, l-ilment li jgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkonkludi li t-trade mark mitluba kellha karattru distintiv huwa intiz li jikkontesta l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u, għaldaqstant, mhuwiex ammissibbli fil-kuntest ta' appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25     Fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-karattru distintiv ta' trade mark, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi evalwat min-naħa b'rigward għall-prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba u, minn naħa l-oħra, b'rigward għall-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat, magħmul mil-konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, ta' l-imsemmija prodotti jew servizzi għandu tagħhom (ara s-sentenza tad-29 ta' April 2004, Henkel vs l-UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra. p. I-5089, punt 35, u tat-12 ta' Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, C-173/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 25).

26     Skond ġurisprudenza wkoll kostanti, il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade marks tridimensjonali magħmula mil-forma tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta' trade marks (sentenzi Henkel vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38, u tas-7 ta' Ottubru 2004, Mag Instrument vs l-UASI, C‑136/02 P, Ġabra. p. I‑9165, punt 30 u Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

27     Madankollu, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji, il-preċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta' trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta' trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f'sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fin-nuqqas ta' kull element grafiku jew ta' kitba, m'għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma ta' ppakkjar tagħhom, u għalhekk jista' jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f'dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f'dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Henkel vs l-UASI, punt 38, u Mag Instrument vs l-UASI, punt 30 u Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, punt 28).

28     F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 biss dik it-trade mark li, b'mod sinjifikattiv, titbiegħed minn norma jew mil-użanzi tas-settur u li, minħabba f'hekk, tista' tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta' oriġini tagħha (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Henkel vs l-UASI, punt 39, u Mag Instrument vs l-UASI, punt 31 u Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, punt 31).

29     Din il-ġurisprudenza, żviluppata fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess, hija valida wkoll meta, bħall f'dan il-każ, it-trade mark mitluba tkun waħda figurattiva kkostitwita mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali ta' l-imsemmi prodott. Fil-fatt, f'kull każ, it-trade mark ma tibqax tikkonsisti biss f'sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodott li hija tirrappreżenta.

30     Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet korretta meta ħadet in kunsiderazzjoni l-forom u l-kuluri ta' l-ippakkjar tal-ħelu normalment użat fil-kummerċ sabiex tevalwa jekk it-trade mark mitluba kinitx jew le nieqsa minn karattru distintiv.

31     Il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 55 tad-deċiżjoni kkontestata ddeċidiet li "l-Bord ta' l-Appell ma wettaq l-ebda żball ta' dritt meta qies li 'il-konfigurazzjoni tat-trade mark in kwistjoni [...] ma [kinitx tispikka] b'mod fundamentali mil-preżentazzjonijiet komuni l-oħra użati fil-kummerċ' " u, fil-punt 57 ta' l-istess sentenza, li l-ippakkjar in kwistjoni "ma jiddistingwix ruħu b'mod sostanzjali" mil-ippakkjar ta' ħelu u karamelli li jintuża b'mod komuni fil-kummerċ. Peress li l-ħtieġa ta' differenza fundamentali jew sostanzjali tmur lil hinn mis-sempliċi differenza sinjifikattiva li hija meħtieġa skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet tagħmel żball ta' dritt kieku hija ssuġettat ir-rikonoxximent tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba għall-osservanza ta' tali ħtieġa.

32     Madankollu dan mhuwiex il-każ. Fil-fatt, fil-punti 56 u 57 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, billi b'mod partikolari adottat l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Bord ta' l-Appell, ikkunsidrat li l-forma ta' l-ippakkjar in kwistjoni hija forma ta' ppakkjar normali u tradizzjonali, li fis-suq wieħed isib numru kbir ta' ħelu ppakkjat b'dan il-mod, li l-kulur dehbi ta' l-ippakkjar in kwistjoni, minnu nnifsu, m'għandu xejn ta' barra minn normal u mhux rari li jintuża għall-ippakkjar ta' ħelu, li l-karatteristiċi tat-tlaqqigħ ta' forma u ta' kulur tat-trade mark mitluba mhumiex distinti biżżejjed minn dawk tal-forom bażiċi użati frekwentement għall-ippakkjar ta' ħelu jew ta' karamelli u li l-ippakkjar in kwistjoni huwa wieħed li l-moħħ awtomatikament jorbot ma' forma ta' ppakkjar tipika għall-imsemmija prodotti.

33     Permezz ta' dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza stabbiliet kif jitlob id-dritt li t-trade mark mitluba ma tvarjax b'mod sinjifikattiv mil-użi normali u abitwali tas-settur tal-ħelu. Għalhekk hija ma għamlet l-ebda żball ta' dritt meta ddeċidiet li l-imsemmija trade mark hija nieqsa minn karattru distintiv.

34     Dwar l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżiġiet li t-trade mark mitluba tkun tiddistingwi ruħha b'mod sostanzjali minn trade marks simili li eventwalment jeżistu fis-settur tal-ħelu, dan huwa msejjes fuq interpretazzjoni ħażina tas-sentenza kkontestata, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma fittxet li ssir taf jekk trade marks oħra użati għal dan it-tip ta' prodott kinux identiċi jew simili għat-trade mark mitluba.

35     Għaldaqstant, l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda peress li mhijiex fondata.

36     F'dak li jirrigwarda t-tieni parti ta' l-ewwel motiv, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma bbażatx il-konklużjoni tagħha, jiġifieri li t-trade mark mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv, fuq l-eżistenza ta' riskju ta' monopolizazzjoni ta' l-ippakkjar tal-ħelu in kwistjoni. Fil-fatt, fil-punt 60 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza llimitat ruħha li tgħid li tali riskju kien jikkonferma l-konstatazzjoni, magħmula fil-punti 53 sa 57 ta' l-istess sentenza, li t-trade mark mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv.

37     Għalhekk, din il-parti għandha tiġi miċħuda peress li mhijiex fondata.

38     Fl-aħħar nett, f'dak li jirrigwarda l-aħħar parti ta' l-ewwel motiv, min-naħa, kif jirriżulta mil-punt 30 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlet l-ebda żball ta' dritt billi ħadet in kunsiderazzjoni l-ippakkjar tal-ħelu normalment użat fil-kummerċ sabiex tevalwa jekk it-trade mark mitluba hijiex jew le nieqsa minn karattru distintiv.

39     Minn naħa l-oħra, safejn tikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li t-trade mark mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv, din il-parti ta' l-ewwel motiv fil-verita hija intiża sabiex tinkiseb evalwazzjoni tal-fatti mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi dik mogħtija mil-Qorti tal-prim'Istanza.

40     Fil-fatt il-konstatazzjonijiet magħmula mil-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 56 u 57 tas-sentenza kkontestata u mfakkra fil-punt 32 ta' din is-sentenza jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta' natura fattwali. Issa, konformement ma' l-Artikolu 225(1) KE u ma' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal-kwistjonijiet ta' dritt. Il-Qorti tal-Prim'Istanza għalhekk hija kompetenti biss sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-elementi ta' prova. L-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti u elementi ta' prova għalhekk ma jikkostitwixxux, sakemm ma jiġux interpretati ħażin, kwistjoni ta' dritt suġġetta, bħala tali, għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs l-UASI, C-104/00 P, Ġabra P. I-7561, punt 22, u Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

41     Peress li f'dan il-każ ma ġiet allegata l-ebda interpretazzjoni ħażina tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova ppreżentati lill-Qorti tal-Prim'Istanza, l-aħħar parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda peress li minn naħa mhijiex fondata u min-naħa l-oħra mhijiex ammissibbli, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

42     Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza kkontestata, kisret l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jawtorizza lill-UASI jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

43     Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell ma setax jillimita ruħhu li jikkomunika l-evalwazzjoni suġġettiva tiegħu tas-sitwazzjoni tas-suq, iżda kellu jadotta miżuri ta' stħarriġ u jippreżenta eżempji konkreti ta' ppakkjar li huwa allegatament identiku mat-trade mark mitluba, u li tiegħu huwa allega l-eżistenza sabiex juri l-karattru "komuni" ta' l-imsemmija trade mark. Peress li l-Bord ta' l-Appell ma indikax liema kien dan l-ippakkjar, ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mil-possibbiltà li tikkontesta r-rilevanza ta' dawn l-eżempji.

44     Billi ddikjarat, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord ta' l-Appell setgħa jibbaża ruħu fuq fatti li jirriżultaw mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba u billi laqgħet l-allegazzjonijiet mhux ippruvati ta' dan il-Bord, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ħażin l-obbligu li l-UASI għandu, skond l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jeżamina l-fatti.

45     Prinċipalment, l-UASI jsostni l-inammissibbiltà tat-tieni motiv safejn ir-rikorrenti tillimita ruħha li tirriproduċi kelma b'kelma motiv li diġà ġie ppreżentat quddiem, u miċħud, mill-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma tikkritika r-risposta mogħtija minn din ta' l-aħħar.

46     Sussidjarjament, l-UASI jsostni li dan il-motiv mhuwiex fondat. L-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jimponi lill-UASI biss l-obbligu li jeżamina l-fatti u mhux ukoll l-obbligu li jipprova b'mod konkret il-konstatazzjonijiet kollha ta' fatt li huwa jagħmel.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47     Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 225(1) KE, l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b'mod speċifiku din it-talba. Ma jissodisfax din il-ħtieġa l-appell li, mingħajr ma jkun jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta' dritt li biħ tkun ivvizzjata s-sentenza kkontestata, jillimita ruħu li jirrepeti jew jirriproduċi kelma b'kelma l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra P I-5291, punti 34 u 35, kif ukoll tas-7 ta' Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament, C-208/03 P, Ġabra p. I-6051, punt 39).

48     Minn naħa l-oħra, meta rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmul mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-punti ta' dritt li ġew eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mil-ġdid matul il-proċedura ta' appell. Fil-fatt, li kieku rikorrent ma jkunx jista' jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li kienu diġà intużaw quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta' Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, Ġabra I-2125, punt 17, u Le Pen vs Il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).

49     Issa, it-tieni motiv ta' l-appell huwa preċiżament intiż sabiex jikkontesta l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li l-Qorti tal-Prim'Istanza adottat sabiex tiċħad l-ilment, imressaq fil-kuntest ta' l-ewwel motiv fl-ewwel istanza, dwar in-nuqqas ta' eżempji konkreti li setgħu jsostnu l-affermazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell fir-rigward tal-karattru komuni ta' l-ippakkjar in kwistjoni. Dan il-motiv huwa għalhekk ammissibbli.

50     F'dak li jirrigwarda l-fondatezza, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżaminaturi tal-UASI u, fuq appell, il-Bord ta' l-Appell tal-UASI għandhom jeżaminaw il-fatti fuq inizjattiva tagħhom stess sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark mitluba taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet ta' ċaħda ta' reġistrazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 7 ta' l-istess Regolament. Minn dan isegwi li l-organi kompetenti tal-UASI jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq fatti li ma jkunux tqajmu minn min japplika għar-reġistrazzjoni.

51     Jekk, bħala prinċipju, huma dawn l-organi li għandhom jistabbilixxu, fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-eżattezza ta' dawn il-fatti, dan mhuwiex il-każ meta huma jallegaw fatti magħrufa minn kulħadd.

52     F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li applikant li fil-konfront tiegħu l-UASI tagħmel użu minn tali fatti magħrufa minn kulħadd jista' jikkontesta l-eżattezza tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

53     Il-konstatazzjoni, magħmula mil-Qorti tal-Prim'Istanza, dwar jekk il-fatti, li fuqhom il-Bord ta' l-Appell tal-UASI bbaża d-deċiżjoni tiegħu, kinux magħrufa minn kulħadd jew le, tikkostitwixxi evalwazzjoni ta' natura fattwali li, ħlief fil-każ ta' interpretazzjoni ħażina, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' Appell.

54     Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkommettiet ebda żball ta' dritt meta ddeċidiet, fil-punti 58 u 95 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord ta' l-Appell seta' ġustament jibbaża l-konstatazzjoni tiegħu, l-ippakkjar in kwistjoni huwa ta' użu normali fil-kummerċ, fuq fatti li jirriżultaw mil-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mil-kummerċjalizazzjoni tal-ħelu u li x'aktarx huma magħrufin minn kulħadd, u b'mod partikolari mil-konsumaturi tal-ħelu, mingħajr ma' l-imsemmi Bord ikun obbligat jagħti eżempji konkreti.

55     Għalhekk it-tieni motiv għandu jiġi miċħud peress li mhuwiex fondat.

 Fuq it-tielet motiv

56     Permezz tat-tielet motiv tagħha r-rikorrenti tallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li d-deċiżjonijiet ta' l-UASI jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

57     Peress li l-Bord ta' l-Appell ma ppreżentax l-ippakkjar tal-ħelu li allegatament jixbaħ it-trade mark mitluba, ir-rikorrenti ma kelliex l-opportunità, fl-ebda stadju tal-proċedura, tippreżenta osservazzjonijiet dwarhom u għalhekk ġiet imċaħda, b'mod partikolari, mil-possibbiltà li turi li dan l-ippakkjar fil-verità kellu differenzi deċiżivi fir-rispett tat-trade mark mitluba. Għaldaqstant inkiser id-dritt tagħha għal smiegħ xieraq.

58     Għalhekk, billi ddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord ta' l-Appell ma kienx obbligat iressaq provi konkreti ta' l-eżistenza ta' ppakkjar li jixbaħ lit-trade mark mitluba u billi bbażat s-sentenza kkontestata fuq allegazzjonijiet li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma kelliex il-possibbiltà tippreżenta osservazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

59     L-UASI jsostni li dan il-motiv, evidentement, mhuwiex fondat. Minn naħa, il-Bord ta' l-Appell eżamina kif jixraq l-argumenti tar-rikorrenti f'dan ir-rigward, iżda ċaħadhom. Minn naħa l-oħra, peress li quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ammettiet li kienet użat forom li jintużaw normalment fl-ippakkjar tal-ħelu, ir-rikorrenti ma tistax tallega li ma kelliex l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet dwar il-metodu li l-Bord ta' l-Appell adotta sabiex jevalwa s-suq ta' l-imsemmi ppakkjar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60     Minn naħa, safejn it-tielet motiv ta' l-appell jilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 billi ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata peress li kienet ibbażata fuq raġunijiet li fuqhom ir-rikorrenti ma kelliex l-opportunità tippreżenta osservazzjonijiet, dan il-motiv għandu jiġi meqjus bħala inammissibbli.

61     Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, li parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jkun ifisser li din il-parti titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-qasam ta' appelli għandha kompetenza limitata, kawża li jkollha portata ikbar minn dik li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-kuntest ta' appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali mogħtija għall-motivi mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Novembru 2004, Ramondin et. vs Il-Kummissjoni, C-186/02 P u C-188/02 P, Ġabra p. I-10653, punt 60).

62     Issa, għalkemm quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza r-rikorrenti sostniet li l-Bord ta' l-Appell ma weriex l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet tiegħu dwar il-karattru komuni ta' l-ippakkjar in kwistjoni, hija għamlet dan l-ilment biss bil-għan li tistabbilixxi l-ksur ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

63     Min-naħa l-oħra, safejn l-imsemmi motiv jilmenta li l-Qorti tal-Prim'Istanza, permezz ta' l-allegazzjonijiet mhux ipprovati tagħha, kisret ukoll l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, dan jidher li mhux fondat.

64     Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha tiġi rrispettata fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-applikazzjonijiet ta' reġistrazzjoni mill-organi tal-UASI, iżda mhux fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija rregolata mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

65     Barra minn dan, ir-rikorrenti kellha l-possibbilità li tikkontesta, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-affermazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li l-ippakkjar in kwistjoni ma jidistingwixxix ruħhu b'mod sinjifikattiv minn ippakkjar ieħor użat normalment fis-suq tal-ħelu, b'tali mod li d-drittijiet tad-difiża tagħha u, b'mod partikolari, id-dritt tagħha għall-smiegħ xieraq, ġew irrispettati quddiem l-imsemmija Qorti.

66     Għalhekk it-tielet motiv għandu jiġi miċħud peress li minn naħa huwa inammissibbli u minn naħa l-oħra mhuwiex fondat.

 Fuq ir-raba' motiv

67     Permezz tar-raba' motiv tagħha, li jinqasam f'żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 meta ssuġġettat għal ħtiġijiet żbaljati l-prova li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu.

68     L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt meta ddeċidiet, fil-punti 83 u 84 tas-sentenza kkontestata, li l-figuri relatati mal-bejgħ tal-prodotti li jaqgħu taħt it-trade mark mitluba u għall-ispejjeż ta' pubbliċità magħmula għall-promozzjoni ta' din it-trade mark ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit li din kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu li kien sar minnha, fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet fuq, rispettivament, is-sehem tas-suq tal-ħelu u s-sehem tal-volum pubbliċitarju għal dan is-suq li huma rrappreżentati minn dawn il-figuri.

69     Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, l-għarfien ta' trade mark ma tiddependix fuq in-nuqqas ta' trade marks oħra iktar magħrufin, iżda jiddependi biss fuq jekk kinitx diffuża fis-suq għal perjodu twil u fuq volum suffiċjenti, sabiex b'hekk jiġi assigurat li l-konsumatur ikun jaf b'din it-trade mark. Għalhekk, is-sehem tas-suq miżmum mit-trade mark mitluba mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta' jekk kisbitx karattru distintiv permezz ta' l-użu meta jiġi stabbilit li hija diffuża b'mod ġenerali, fi-kwantitajiet kbar u għal perjodu twil. Issa, f'dan il-każ, il-fiġuri mressqa mir-rikorrenti jippruvaw li dan huwa l-każ.

70     It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt meta kkunsidrat, fil-punti 85 sa 87 tas-sentenza kkontestata, li l-prova li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu li sar minnha kellha tkun fir-rispett ta' l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni.

71     Skond ir-rikorrenti, li tiġi mitluba prova ta' l-użu ta' trade mark f'kull Stat Membru jmur kontra l-għan ta' l-Unjoni, li huwa dak li jitneħħew il-fruntjieri nazzjonali kollha u li jinħoloq suq wieħed. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, trade mark trid tiġi rreġistrata ladarba l-applikant iressaq il-prova li din kisbet karattru distintiv permezz ta' l-uzu li jkun sar minnha fuq parti sostanzjali tat-territorju ta' l-Unjoni, anki jekk, f'uħud mill-Istati Membri, din it-trade mark ma tkunx kisbet tali karattru distintiv jew inkella l-applikant ma setax irssaq il-prova ta' dan.

72     Sabiex issostni l-analiżi tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-Artikolu 142a(2) tar-Regolament Nru 40/94, imdaħħal permezz ta' l-att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, u l-emendi għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar 'il quddiem l-"Att ta' Adeżjoni"), li jgħid li "[i]r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarju li għaliha jkun hemm applikazzjoni pendenti fid-data ta’ l-adeżjoni ma tistax tiġi rrifjutata abbażi ta’ xi waħda mir-raġunijiet assoluti għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni mniżżlin fl-Artikolu 7(1), jekk dawn ir-raġunijiet saru applikabbli biss minħabba l-adeżjoni ta’ xi Stat Membru ġdid"

73     L-UASI jsostni li, billi tikkontesta l-obbligu li jiġi stabbilit li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu li jkun sar minnha fil-Komunità kollha, ir-rikorrenti interpretat ħażin il-kliem użat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94.

74     Fill-fatt, mil-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja għandha tiġi miċħuda anki jekk ir-raġunijiet ta' rifjut jeżistu biss f'parti tal-Komunità. Meta wieħed mir-raġunijiet ta' rifjut imsemmija fil-paragrafu 1 (b),(c) u (d) ta' dan l-Artikolu jkun jikkonċerna l-Komunità kollha, il-karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu għandu jiġi ppruvat fil-Komunità kollha u mhux biss f'uħud mil-Istati Membri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75     Fir-rigward ta' l-ewwel parti tar-raba' motiv, skond ġurisprudenza kostanti, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-kisba ta' karattru distintiv minn trade markI wara l-użu li jkun sar minnha jistgħu jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, is-sehem li din it-trade mark għandha fis-suq, l-intensità, il-medda ġeografika u t-tul ta' żmien ta' l-użu ta' din it-trade mark, l-importanza ta' l-investimenti mwettqa mill-impriża sabiex tippromwovi t-trade mark, il-proporzjon ta' l-ambjenti kkonċernati li jidentifikaw il-prodott bħala wieħed li joriġina minn impriża ddeterminata bis-saħħa tat-trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Kmamar tal-Kummerċ u ta' l-Industrija jew ta' l-assoċjazzjonijiet professjonali oħra [ara f'dan is-sens, fir-rigward ta' l-Artikolu 3(3) ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p.1) dispożizzjoni li hija essenzjalment identika għall-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenzi ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I 2779, punti 51, tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 60, u tas-7 ta' Lulju 2005, Nestle, C-353/03, Ġabra p. I-6135, punt 31].

76     Is-seħem tas-suq miżmum mit-trade mark huwa għalhekk indikazzjoni li tista' tkun rilevanti għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' jekk din it-trade mark kisbitx karattru distintiv permezz ta' l-użu. Tali huwa l-każ, b'mod partikolari, meta, bħall f'dan il-każ, trade mark komposta mill-apparenza tal-prodott li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni tkun tidher nieqsa minn karattru distintiv peress li ma tkunx differenti b'mod sinjifikattiv mill-użi normali u abitwali tas-settur. Fil-fatt, huwa x'aktarx minnhu li, f'kull każ, tali trade mark tista' tikseb karattru distintiv biss jekk, wara l-użu li jsir minnha, il-prodotti mibjugħin taħta jkollhom sehem kunsiderevoli tas-suq tal-prodotti in kwistjoni.

77     Bl-istess mod, is-sehem tal-volum pubbliċitarju għas-suq tal-prodotti in kwistjoni li jirrappreżenta l-investimenti pubbliċitarji mwettqa għall-promozzjoni ta' trade mark jista' wkoll ikun indikazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni ta' jekk din it-trade mark kisbitx karattru distintiv permezz ta' l-użu li sar minnha.

78     Barra minn dan, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk tali informazzjoni hijiex jew le meħtieġa għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' jekk trade mark kisbitx karattru distintiv permezz ta' l-użu fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, tiddipendi fuq l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-organi ta' l-UASI u, fil-każ ta' appell, mil-Qorti tal-Prim'Istanza.

79     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlet l-ebda żball ta' dritt meta qieset, fil-punti 82 sa 84 tas-sentenza kkontestata, li l-figuri tal-bejgħ tal-prodotti tar-rikorrenti u l-ispejjeż pubbliċitarji magħmula minnha ma kinux biżżejjed sabiex jippruvaw li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha, fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet dwar is-sehem li dawn il-figuri u dawn l-ispejjeż jirrappreżentaw, rispettivament, fis-suq kollu tal-ħelu u fil-volum kollu ta' l-ispejjeż pubbliċitarji għal dan is-suq.

80     Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba' motiv mhijiex fondata.

81     Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba' motiv, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk din ta' l-aħħar tkun nieqsa minn karattru distintiv f'parti mill-Komunità.

82     Barra minn dan, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-paragrafu 1(b) ta' l-istess Artikolu m'għandux ikun applikabbli jekk it-trade mark tkun kisbet karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar minn din it-trade mark.

83     Minn dan isegwi li trade mark tista' tiġi rreġistrata skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 biss jekk titressaq il-prova li din tkun kisbet, permezz ta' l-użu li jkun sar minnha, karattru distintiv fil-parti tal-Komunità li fiha għal bidu ma kelliex tali karattru fis-sens tal-paragrafu 1(b) ta' l-istess Artikolu. Il-parti tal-Komunità prevista fil-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu tista', f'kull każ, tkun magħmula minn Stat Membru wieħed.

84     Bil-kontra ta' dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 142a tar-Regolament Nru 40/94, fil-verżjoni introdotta mil-Att ta' l-Adeżjoni, tikkonferma l-interpretazzjoni mogħtija iktar 'il fuq.

85     Fil-fatt, meta qiesu bħala meħtieġa l-introduzzjoni ta' dispożizzjoni espliċita, li tgħid li r-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja li, fid-data ta' l-adeżjoni, tkun is-suġġett ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma tistax tiġi rrifjutata għar-raġunijiet assoluti ta' rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 jekk dawn ir-raġunijiet jirriżultaw biss minħabba l-adeżjoni ta' Stat Membru ġdid, l-awturi ta' l-Att ta' Adeżjoni kkunsidraw li, fin-nuqqas ta' din id-dispożizzjoni, applikazzjoni bħal din kien ikollha tiġi miċħuda jekk it-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv f'wieħed mill-Istati Membri l-ġodda.

86     Peress li, fil-punti 85 sa 87 tas-sentenza kkontestata, wara evalwazzjoni tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, minn naħa, li t-trade mark mitluba kienet, sa mil-bidu, nieqsa minn karattru distintiv fl-Istati Membri kollha tal-Komunità u, minn naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li din t-trade mark kienet is-suġġett ta' kampanji pubbliċitarji f'ċerti Stati Membri matul il-perjodu ta' riferiment, din il-Qorti kienet iġġustifikata meta kkunsidrat li l-figuri ppreżentati fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' pubbliċità magħmula mir-rikorrenti ma kinux jippermettu li titressaq il-prova li l-imsemmija trade mark kisbet karattru distintiv wara l-użu li jkun sar minnha.

87     Peress li anki t-tieni parti tar-raba' motiv mhijiex fondata, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

88     Peress li r-rikorrenti tilfet fuq il-motivi kollha tagħha, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Dwar l-ispejjeż

89     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mil-UASI.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      August Storck KG għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.