SENTENZA TAL-QORTI TAl-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

tas-16 ta' Frar 2006 (*)

"Konvenzjoni ta' Brussell – Sentenza li tawtorizza l-infurzar ta' sentenza mogħtija fi Stat Kontraenti ieħor – Notifika ineżistenti jew irregolari – Għarfien – Terminu għal preżentata"

Fil-kawża C-3/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-Protokoll tat-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Corte d’appello di Cagliari (L-Italja), permezz ta' Deċiżjoni tat-12 ta' Novembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Jannar 2005, fil-kawża

Gaetano Verdoliva

vs

J. M. Van der Hoeven BV,

Banco di Sardegna,

San Paolo IMI SpA,

fil-preżenza ta':

Pubblico Ministero,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Klučka (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       Għal G. Verdoliva, minn M. Comella u U. Ugas, avvocati,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo, avvocato dello Stato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. de March u A.‑M. Rouchaud‑Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-24 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1, et - test emendat - p. 77), bil-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1) u bil-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju Spanjol u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1, iktar 'il quddiem "il-Konvenzjoni ta' Brussell").

2       Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża li tressqet minn G.Verdoliva kontra J. M. Van der Hoeven BV (iktar 'il quddiem "Van der Hoeven"), kontra Banco di Sardegna u kontra San Paolo IMI SpA, qabel Istituto San Paolo di Torino, dwar l-infurzar fl-Italja ta' sentenza mogħtija mill-Arrondissementsrechtbank ’s‑Gravenhage (L-Olanda) li tikkundanna lil G.Verdoliva jħallas lil Van der Hoeven is-somma ta' 365 000 NLG.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta' Brussell

3       L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta' Brussell jipprovdi li s-sentenzi mogħtija fi Stat Kontraenti għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Kontraenti l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta' ebda proċedura speċifika.

4       L-Artikolu 27(2), ta' l-imsemmija Konvenzjoni madankollu jipprevedi li dawn is-sentenzi m'għandhomx jiġu rikonoxxuti mill-Istati Kontraenti l-oħra jekk il-konvenut ma jkunx ġie debitament notifikat bid-dokument li jkun beda l-proċeduri jew b'xi dokument ekwivalenti fi żmien biżżejjed sabiex huwa jkun jista' jħejji d-difiża tiegħu.

5       L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 31 ta' din l-istess Konvenzjoni jipprevedi li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru Kontraenti u li fih huma eżegwibbli għandhom ikunu infurzati fi Stat Kontraenti ieħor wara li dawn ikunu ġew iddikjarati eżegwibbli fuq talba ta' kull parti kkonċernata.

6       Skond l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta' Brussell:

"Il-qorti li quddiemha tkun tressqet it-talba għandha tiddeċiedi fl-isqar żmien possibbli, mingħajr ma l-parti li kontriha jkun qed jintalab l-infurzar, tkun tista', f'dan l-istadju tal-proċeduri, tippreżenta osservazzjonijiet.

It-talba tista' tiġi miċħuda biss għal waħda mill-motivi previsti fl-Artikoli 27 u 28.

[...]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       L-Artikolu 35 ta' l-imsemmija Konvenzjoni jipprovdi li s-sentenza mogħtija fuq talba, għandha wkoll tiġi mgħarrfa lir-rikorrent mir-Reġistratur mingħajr dewmien skond il-proċeduri previsti mil-liġi ta' l-Istat Membru kkonċernat.

8       L-Artikolu 36 ta' din l-istess Konvenzjoni jgħid kif ġej:

"Jekk l-eżekuzzjoni hija awtorizzata, il-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar tista' tippreżenta rikors kontra s-sentenza fi żmien minn notifika tagħha.

Jekk din il-parti għandha d-domiċilju fi Stat Kontraenti li ma jkunx dak li fih is-sentenza, li tawtorizza l-infurzar, tkun ingħatat, it-terminu għandu jkun ta' xahrejn u għandu jibda jiddekorri mid-data tas-servizz tan-notifika lill-persuna jew fir-residenza tagħha. L-ebda estenzjoni ta' dan it-terminu ma tista' tingħata minħabba d-distanza." [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       L-Artikolu 40(1) tal-Konvenzjoni ta' Brussell jipprevedi li jekk l-infurzar ma jkunx awtorizzat, ir-rikorrent jista' jippreżenta rikors.

 Id-dritt proċedurali Taljan

10     Skond l-Artikolu 143 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Taljana (Codice di procedura civile, iktar 'il quddiem il-"CPC"), in-notifika lill-persuni li r-residenza jew id-domiċilju tagħhom mhumiex magħrufin issir permezz tad-depożitu, mill-Marixxall tal-Qorti, ta' kopja ta' l-att fil-Kunsill ta' l-aħħar residenza u t-tweħħil ta' kopja oħra ta' l-att fuq in-notice board uffiċjali ta' l-imsemmi Marixxall.

11     L-Artikolu 650 tal-CPC jipprovdi li d-destinatarju ta' talba għal ħlas jista' jopponi għall-infurzar tagħha, anki wara li jkun skada t-terminu stabbilit minnha, jekk jipprova li ma kienx jaf biha fi żmien raġonevoli, b'mod partikolari minħabba l-irregolarità tan-notifika. Madankollu, din l-oppożizzjoni mhijiex iktar ammissibli la darba jkun skada terminu ta' għaxart ijiem li jibda jiddekorri mill-ewwel att ta' infurzar.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Permezz ta' sentenza ta' l-14 ta' Settembru 1993, l-Arrondissementsrechtbank ’s‑Gravenhage kkundanat lil G.Verdoliva jħallas lil Van der Hoeven is-somma ta' 365 000 NLG, bl-interessi u spejjeż addizzjonali.

13     Fl-24 ta' Mejju 1994, il-Corte d’appello di Cagliari awtorizzat l-infurzar ta' din is-sentenza fit-territorju Taljan, billi awtorizzat is-sekwestru kawtelatorju ta' l-ammont dovut minn G.Verdoliva, sa l-ammont ta' 220 000 000 ITL.

14     L-ewwel tentattiv ta' notifika tad-Digriet ta' infurzar, li sar fir-residenza ta' G.Verdoliva, f'Capoterra (L-Italja), kien bla suċċess. Fil-fatt, mir-riferta tan-notifika ta' l-14 ta' Lulju 1994, jirriżulta li kien għadu reġistrat f'din il-lokalità, li kien ilu li telaq minnha 'l fuq minn sena.

15     Għalhekk, saret it-tieni notifika, skond l-Artikolu 143 tal-CPC. Skond ir-riferta tan-notifika, datata s-27 ta' Lulju 1994, jirriżulta li l-marixxall tal-qorti ddepożita kopja ta' l-att fil-Kunsill ta' Capoterra u waħħal fuq in-notice board uffiċjali tiegħu tieni kopja.

16     Peress li G.Verdoliva ma opponiex fit-terminu ta' 30 ġurnata, li beda jiddekorri mill-ġurnata li fiha saret in-notifika, Van der Hoeven ipproċediet għall-infurzar kontra G.Verdoliva, billi interveniet fil-proċedimenti ta' infurzar li kienu diġà bdew kontra dan ta' l-aħħar minn Banco di Sardegna u minn San Paolo IMI SpA.

17     Permezz ta' rikors imressaq fl-4 ta' Diċembru 1996 quddiem it-Tribunale civile di Cagliari (L-Italja), G.Verdoliva oppona għall-infurzar, minħabba li, minn naħa, id-digriet ta' infurzar ma kienx ġie nnotifikat lilu u min-naħa l-oħra, li dan ma kienx ġie ddepożitat fil-Kunsill ta' Capoterra u li, konsegwentament, ir-riferta tan-notifika tas-27 ta' Lulju 1994 kienet falza.

18     Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta' sentenza tat-Tribunale civile di Cagliari tas-7 ta' Ġunju 2002, minħabba, b'mod partikolari, li l-azzjoni ta' oppożizzjoni kienet preskritta. Skond din il-qorti, jista', ċertament jiġi aċċettat, b'analoġija ma' l- Artikolu 650 tal-CPC, li tiġi mressqa oppożizzjoni tardiva fin-nuqqas ta' konoxxenza fi żmien biżżejjed tad-digriet ta' infurzar, minħabba notifika irregolari. Madankollu, it-terminu, sabiex jiġi ppreżentat rikors bħal dan, ma setax, f'kull każ, jeċċedi 30 ġurnata mill-ewwel att ta' infurzar li permezz tiegħu G.Verdoliva sar jaf bl-imsemmi digriet.

19     G.Verdoliva appella minn din is-sentenza quddiem il-Corte d’appello di Cagliari, billi ressqat il-motivi li hu kien sostna fl-ewwel'istanza u billi żied li n-nullità tan-notifika kienet tirriżulta wkoll mill-ksur ta' l-Artikolu 143 tal-CPC, kif interpretat mill-Corte suprema di cassazione. Fil-fatt, il-marixxal la għamel ir-riċerki neċessarji sabiex jivverifika jekk id-destinatarju effettivament ma setax jinstab u lanqas semma' dawn ir-riċerki fir-riferta tan-notifika tas-27 ta' Lulju 1994.

20     Billi kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, il-Corte d’appello di Cagliari iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lil Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Il-Konvenzjoni [ta' Brussell] tipprevedi kunċett awtonimu ta' "konoxxenza ta' l-atti ġuridiċi" jew tirrferi dan il-kunċett għar-regoli nazzjonali?

2)      Mir-regoli tal-Konvenzjoni [ta' Brussell], u b'mod partikolari mill-Artikolu 36 [tagħha], wieħed jista' jiddeduċi li n-notifika tad-digriet ta' infurzar previst f'[dan l-Artikolu] tista' ssir taħt forma ekwivalenti?

3)      Il-konoxxenza tad-digriet ta' infurzar, fil-każ ta' nuqqas ta' notifika jew ta' notifika diffettuża, twassal madankollu sabiex it-terminu previst f'dan l-Artikolu jibda jiddekorri, jew, jekk dan mhux il-każ, għandu jiġi konkluż mill-Konvenzjoni [ta' Brussell] li hi tipprevedi b'mod ristrettiv il-metodi ta' konoxxenza tad-digriet ta' infurzar?"

 Fuq id-domandi preliminari

21     Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjament jekk, fil-każ ta notifika ineżistenti jew irregolari tas-sentenza li tawtorizza l-infurzar, is-sempliċi fatt li l-parti, li kontriha qed jintalab l-infurzar, kellha konoxxenza ta' din is-sentenza, huwiex biżżejjed sabiex jibda jiddekorri t-terminu previst fl-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Brussell.

22     F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-kliem ta' l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Brussell ma jippermettux, minnhom stess, li tingħata tweġiba għad-domandi magħmula.

23     Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi li t-terminu sabiex jiġi mressaq rikors kontra s-sentenza li tawtorizza l-infurzar jibda jiddekorri mill-ġurnata tan-notifika ta' din is-sentenza, din ma tiddefinixxix il-kunċett ta' notifika u ma tippreċiżax il-proċeduri li din għandha ssegwi sabiex tipproduċi dawn l-effetti, ħlief meta l-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar, hija residenti fi Stat Kontraenti li mhuwiex dak li fih is-sentenza, li tawtorizza l-infurzar tkun ingħatat, f'liema każ, in-notifika, issir lil persuna jew fir-residenza tagħha sabiex jibda jiddekorri t-terminu għal preżentata.

24     Barra minn hekk, l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Brussell ma jinkludi, għall-kuntrarju ta' l-Artikolu 27(2) tagħha, ebda kundizzjoni espressa ta' regolarità tan-notifika.

25     Għaldaqstant, hemm lok li l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Brussell jiġi interpretat fid-dawl tas-sistema u ta' l-għanijiet ta' din l-istess Konvenzjoni.

26     F'dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussell, mill-preambolu tagħha jirriżulta li din hija intiża sabiex tassigura s-semplifikazzjoni tal-formalitajiet li għalihom huma suġġetti l-għarfien reċiproku u l-infurzar reċiproku tas-sentenzi ġudizzjarji. Mandankollu, skond ġurisprudenza stabbilita, dan l-għan ma jistax jintlaħaq jekk b'xi mod id-drittijiet tad-difiża jiġu mdgħajfa (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Ġunju 1985, Debaecker u Plouvier, 49/84, Ġabra p. 1779, punt 10, u tat-13 ta' Ottubru 2005, Scania Finance France, C-522/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).

27     B’mod iktar partikolari, fil-qasam ta' infurzar, l-għan prinċipali ta' l-imsemmija Konvenzjoni huwa li tiffaċilita, safejn possibbli, il-moviment ħieles tas-sentenzi, billi tipprevedi proċedura ta' infurzar sempliċi u rapida, filwaqt li tagħti lill-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar il-possibbiltà li tressaq rikors (ara b'mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta' Lulju 1985, Deutsche Genossenschaftsbank, 148/84, Ġabra p. 1981, punt 16 u tat-28 ta' Marzu 2000, Krombach, C-7/98, Ġabra p. I‑1935, punt 19).

28     F'dak li jikkonċerna s-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni ta' Brussell fil-qasam ta' għarfien u ta' infurzar, għandu jingħad li, barra l-Artikolu 36, hemm dispożizzjonijiet oħra tagħha li jipprevedu n-notifika jew il-komunikazzjoni ta' atti u ta' sentenzi lill-parti konvenuta.

29     B'hekk, skond l-Artikolu 27(2) u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 34 ta' din l-istess Konvenzjoni, is-sentenzi la huma rikonoxxuti u lanqas infurzati fi Stat Kontraenti ieħor jekk il-konvenut ma jkunx ġie debitament notifikat bid-dokument li jkun beda l-proċeduri jew b'xi dokument ekwivalenti, fi żmien biżżejjed sabiex huwa jkun jista' jħejji d-difiża tiegħu. F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sentenza mogħtija bi żball fi Stat Kontraenti m'għandhiex tiġi rikonoxxuta fi Stat Kontraenti ieħor meta d-dokument li jkun beda l-proċeduri ma ġiex innotifikat jew ikkomunikat regolarment lill-konvenut, anki jekk dan wara, kien konxju tas-sentenza mogħtija u m'għamilx użu tal-metodi ta' rikors disponibbli (sentenzi tat-3 ta' Lulju 1990, Lancray, C-305/88, Ġabra p.I-2725, punt 23, u tat-12 ta' Novembru 1992, Minalmet, C-123/91, Ġabra p. I-5661, punt 21)

30     Barra minn dan, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fis-sistema stabbilita mill-Konvenzjoni ta' Brussell fil-qasam ta' infurzar, l-interessi tar-rikorrent u tal-persuna li kontriha qed jintalab l-infurzar, huma suġġetti għal protezzjoni differenzjata.

31     Fil-fatt, l-Artikolu 36 ta' din il-Konvenzjoni jipprevedi, f'dak li jirrigwarda l-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar, l-użu ta' mekkaniżmu formali ta' "notifika" tas-sentenzi li tawtorizza l-infurzar. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 35 ta' din l-istess Konvenzjoni jirriżulta li dan jirrikjedi biss li s-sentenza mogħtija fuq talba tiġi "mgħarrfa" lill-applikant.

32     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, il-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar għandha, skond jekk hijiex residenti jew le fl-Istat Kontraenti fejn is-sentenza li tawtorizza l-infurzar hija mogħtija, terminu ta' xhar jew ta' xahrejn wara n-notifika ta' din is-sentenza sabiex tintroduċi rikors kontriha. Dan it-terminu huma ta' natura stretta u obbligatorja (sentenza ta' l-4 ta' Frar 1988, Hoffmann,, 145/86, Ġabra p. 645, punti 30 u 31). Min-naħa l-oħra jirriżulta kemm mill-kliem ta' l-Artikolu 40(1) ta' l-imsemmija Konvenzjoni, kif ukoll mir-rapport fuq din l-istess Konvenzjoni, ippreżentat mis-Sur Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 153), li d-dritt għar-rikors tar-rikorrent kontra s-sentenza li ma tawtorizzax l-infurzar mhuwa suġġett għal ebda terminu ta' preklużjoni.

33     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta' notifika ineżistenti jew irregolari tas-sentenza li tawtorizza l-infurzar, il-konoxxenza sempliċi ta' din is-sentenza mill-persuna li kontriha qed jintalab l-infurzar, huwiex biżżejjed sabiex jibda jiddekorri t-terminu stabbilit mill-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Brussell.

34     F'dan ir-rigward, huwa stabbilit, l-ewwel nett, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-obbligu ta' notifika tas-sentenza li tawtorizza l-infurzar hija intiża , minn naħa, sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar u min-naħa l-oħra, sabiex tippermetti, fuq livell probatorju, kalkolu eżatt tat-terminu strett u obbligatorju għal preżentata previst fl-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Brussell

35     Din il-funzjoni doppja, flimkien ma' l-għan ta' semplifikazzjoni tal-formalitajiet li għalihom huwa suġġett l-infurzar ta' sentenzi ġudizzjarji mogħtija fi Stati Kontraenti oħra, tispjega r-raġuni li għaliha l-Konvenzjoni ta' Brussell tissuġġetta, kif jirriżulta mill-punt 32 ta' din is-sentenza, il-komunikazzjoni lill-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar tas-sentenza li tawtorizza l-infurzar, għal kundizzjonijiet li huma iktar stretti minn dawk applikabbli għall-komunikazzjoni ta' din l-istess sentenza lir-rikorrent.

36     It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, kieku kienet importanti biss il-konoxxenza tal-parti li kontriha qed jintalab l-infurzar tas-sentenza li tawtorizza l-infurzar, kien ikun hemm riskju li l-obbligu ta' notifika jitlef is-sustanza tiegħu. Fil-fatt, ir-rikorrenti jkunu għalhekk tentati li jabbandunaw il-metodi preskriti għal notifika regolari (ara f'dan ir-rigward, fil-kuntest ta' l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, is-sentenza Lancray, iċċitata iktar 'l fuq, punt 20)

37     Barra minn hekk, dan irendi iktar diffiċli l-kalkolu eżatt tat-terminu previst fl-Artikolu 36 ta' l-imsemmija Konvenzjoni u b'hekk ma jkunx hemm applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussell (ara f'dan ir-rigward, is-sentenza Lancray, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20).

38     Għalhekk jeħtieġ li r-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni ta' Brussell għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ notifika regolari tas-sentenza li tawtorizza l-infurzar b'rigward għar-regoli proċedurali ta' l-Istat Kontraenti li fih qed jintalab l-infurzar u għalhekk li, fil-każ ta' notifika ineżistenti jew irregolari tas-sentenza li tawtorizza l-infurzar, il-konoxxenza biss ta' din is-sentenza mill-persuna li kontriha qed jintalab l-infurzar, mhijiex biżżejjed sabiex jibda jiddekorri t-terminu stabbilit mill-imsemmi Artikolu.

 Fuq l-ispejjeż

39     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1       L-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, bil-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika u bil-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju Spanjol u tar-Repubblika Portugiża għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ notifika regolari tas-sentenza li tawtorizza l-infurzar b'rigward għar-regoli proċedurali ta' l-Istat Kontraenti li fih qed jintalab l-infurzar u għalhekk li, fil-każ ta' notifika ineżistenti jew irregolari tas-sentenza li tawtorizza l-infurzar, il-konoxxenza biss ta' din is-sentenza mill-persuna li kontriha qed jintalab l-infurzar, mhijiex biżżejjed sabiex jibda jiddekorri t-terminu stabbilit mill-imsemmi Artikolu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.