KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-19 ta’ April 20071(1)

Kawża C-304/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Direttiva 92/43 – Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 79/409 – Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi – Estensjoni ta’ żona ta’ skiing – Żona ta’ protezzjoni speċjali ‘Park Nazzjonali ta’ Stelvio’”





I –    Introduzzjoni

1.        F’dawn il-proċedimenti dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tikkritika l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi(2) (iktar ’il quddiem id-Direttiva Għasafar) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Habitat ”) fil-kuntest tax-xogħlijiet li saru fuq pista ta’ skiing fil-park nazzjonali ta’ Stelvio li kien ġie kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem “ŻPS”) skond it-tifsira tad-Direttiva Għasafar.

2.        L-għan ta’ dawn il-proċedimenti huwa li jiġi ddeterminat jekk, qabel l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni u t-twettiq ta’ dan il-proġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti eżaminawx b’mod suffiċjenti l-effetti tiegħu fuq iż-ŻPS u jekk din ta’ l-aħħar kinitx ġiet affettwata.

II – Il-kuntest ġuridiku

3.        Natura 2000 hija ddefinita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Habitat :

“Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva 79/409/KEE.”

4.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva Għasafar jinkludi dispożizzjonijiet li jispeċifikaw liema żoni għandhom jiġu kklassifikati mill-Istati Membri bħala ŻPS għall-għasafar. Fl-ewwel lok, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tirregola wkoll il-protezzjoni ta’ dawn iż-żoni:

“1. L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:

a)      ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;

b)      ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fl-habitats tagħhom;

ċ)      ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

d)      speċi oħra li jkollhom bżonn attenzioni partikolari għar- raġunijiet tan-natura specifika ta’ l-habitats tagħhom.

Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żona speciali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-Direttiva.

(2)       L-[I]stati [M]embri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-[A]nness [I], billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu ix-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-[I]stati [M]embri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni f’ l-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

3.       [...]

4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni ta’ l-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. [...].”

5.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat jemenda l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni taż-ŻPS:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard”.

6.        Din id-dispożizzjoni hija spjegata skond kif ġej mis-seba’ premessa tad-Direttiva Habitat :

“Billi ż-żoni kollha nominati, inklużi dawk li issa huma klassifikati jew fil-ġejjieni se jkunu klassifikati bħala żoni speċjali mħarsa speċjali skond id-Direttiva 79/409/KEE [...] [i]kollhom jiġu nkorporati f’network ekoloġiku Ewropew koerenti.”

7.        Il-paragrafi 2 sa 4 ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva Habitat applikabbli fil-każ preżenti jistipolaw kif ġej:

“(2)      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-Habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

(3)      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

(4)      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

[…]”

8.        F’dan ir-rigward, l-għaxar premessa tad-Direttiva Habitat tistipola:

“Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni.”

III – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

9.        Fl-1998(4), l-Italja kklassifikat il-park nazzjonali ta’ Stelvio bħala ŻPS skond it-tifsira tad-Direttiva Għasafar. Din iż-ŻPS għandha erja ta’ 58 809 ettaru u tinsab fl-Alpi. Skond il-formola standard ta’ informazzjoni ta’ Novembru 1998 mibgħuta mill-Italja, din iż-żona tilqa’ fi ħdanha diversi speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva Għasafar - l-ajkla rjali (Aquila chrysaetos), il-bies (Falco peregrinus), il-kuċċarda (Pernis apivorus), il-ħaġla qastanija (Bonasa bonasia), il-perniċi bajda (Lagopus mutus helvetica), il-faġan tal-muntanja (Tetrao tetrix), is-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) u l-bulebbiet iswed (Dryocopus martius) – kif ukoll l-għasafar migratorji bħas-seqer żgħir (Accipiter nisus), il-kuċċarda prima (Buteo buteo) u l-ħawwiefa tal-ħajt (Tichodroma muraria).

10.      Barra minn hekk, formola standard oħra ta’ informazzjoni ta’ l-14 ta’ Mejju 2004 issemmi ċerti speċi oħra ta’ l-Anness I, jiġifieri l-avultun kbir ta’¯ Barbarija (Gypaetus barbatus), l-astun (Milvus milvus), il-birwina (Charadrius morinellus), il-kokka ta’ Tengalm (Aegolius funereus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum), il-kokka imperjali (Bubo bubo), il-bulebbiet b’¯rasu griża (Picus canus), u l-ħaġla ta’¯ l-Alpi (Alectoris graeca saxatilis).

11.      Il-Kummissjoni tikkritika x-xogħlijiet li saru fiż-ŻPS. Il-park nazzjonali awtorizza dawn il-miżuri fl-14 ta’ Frar 2003. Dawn kienu jikkonsistu f’żewġ pisti ta’ skiing u l-bini ta’ infrastrutturi relatati. Ix-xogħlijiet saru fit-tħejjija għall-kampjonati dinjija ta’ l-iskiiing Alpin ta’ l-2005. Fil-kuntest ta’ dan il-proġett, inħoloq kurutur b’wisa’ ta’ 50m u tul ta’ 500m fil-foresta permezz tal-qtugħ ta’ madwar 2 500 siġra - siġar tal-prinjoli selvaġġi (Picea), arżnu ta’ Arolla, u lerċi. Skond investigazzjoni ordnata mill-awtoritajiet Taljani fl-2005, kien previst li żona ta’ 7 000 metru kwadru biss kellha tiġi milquta.(5)

12.      Qabel ma ngħatat din l-awtorizzazzjoni, kienu saru żewġ studji dwar l-impatt fuq l-ambjent. L-ewwel wieħed sar fl-1999. Wara l-modifiki li saru għall-proġett, istitut tar-reġjun ta’ Lombardija, l-Istituto di Ricerca per l’Ecologia e l’Economia Applicate alle aree alpine (IREALP – Istitut ta’ Riċerka għall-Ekoloġija u l-Ekonomija Applikati għar-Reġjuni Alpini), għamel studju ġdid f’Settembru 2002 dwar l-impatt fuq l-ambjent tal-proġett immodifikat. Dan l-istudju kellu b’mod iktar preciż bħala suġġett il-miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw u jnaqqsu l-ħsara lill-ambjent.

13.      Sussegwentement, żewġ studji kumplimentari tal-komun ta’ Valfurva kienu ġew ippreżentati fl-2003, wara li ngħatat l-awtorizzazzjoni kontenzjuża u li wieħed minnhom, iddatat l-1 ta’ Diċembru 2003, kien jirrigwarda wkoll il-perimetru in kwistjoni. Finalment, l-Italja hemżet mar-replika tagħha studju ġdid iddatat l-2005.

14.      Il-Kummissjoni saret taf b’dawn il-miżuri permezz ta’ lment. Din tqis li billi tat l-awtorizzazzjoni u billi wettqet dawn il-miżuri, l-Italja kisret l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva Habitat .

15.      Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana tibagħtilha l-osservazzjonijiet tagħha. Peress li l-Gvern Taljan ma weġibx fit-terminu preskritt ta’ xahrejn, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana opinjoni motivata ddatata d-9 ta’ Lulju 2004 fejn stabbilixxiet terminu ġdid ta’ xahrejn biex tirregola ruħha skond id-dritt Komunitarju.

16.      Il-Gvern Taljan wieġeb lill-Kummissjoni permezz ta’ żewġ komuniki ddatati t-8 u l-15 ta’ Settembru 2004. Minkejja dawn ir-risposti, il-Kummissjoni sostniet il-pożizzjoni tagħha u ressqet dan ir-rikors.

17.      Il-Kummissjoni titlob,

li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-proġett ta’ estensjoni u modifikazzjoni taż-żona ta’ skiing ta’ Santa Caterina Valfurva (pisti msejħa “Bucaneve” u “Edelweiss”) u l-bini ta’ l-infrastrutturi relatati, fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044, “Parco Nazionale dello Stelvio”, għall-finijiet tal-kampjunati dinjija ta’ skiing Alpin 2005, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 (2) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43 u taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409

–        billi awtorizzat miżuri li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq iż-żona msemmija, mingħajr m’għamlet stima xierqa ta’ l-impatt tagħhom fuq is-sit fir-rigward ta’ l-objettivi ta’ konservazzjoni tiegħu, u fi kwalunkwe każ, mingħajr ma osservat id-dispożizzjonijiet li ma jippermettux li jitwettaq proġett, f’każ ta’ konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħrajn, ħlief jekk ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku maġġuri, u biss wara li tkun ġiet adottata u nnotifikata lill-Kummissjoni kull miżura ta’ kumpens meħtieġa biex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-koerenza globali ta’ Natura 2000;

–        billi naqset milli tadotta miżuri biex jiġi evitat id-deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil li jolqtu lill-ispeċi li għalihom ġiet protetta ż-żona;

–        billi naqset milli tagħti liż-żona ta’ protezzjoni speċjali, status legali ta’ protezzjoni li jiżgura b’mod partikolari s-sopravivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness 1 tad-Direttiva 79/409/KEE kif ukoll ir-riproduzzjoni, il-ħrif u l-migrazzjoni ta’ l-ispeċi migratorji mhux imsemmija fl-Anness 1 li l-miġja tagħhom hija waħda regolari.

li r-Repubblika Taljana tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

18.      Ir-Repubblika Taljana ma tipprezenta ebda talba iżda tissuġġerixxi li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tirtira r-rikors tagħha.

IV – Id-dritt

19.      Fl-ewwel lok għandu jiġi ppreċiżat is-suġġett tar-rikors. Il-Kummissjoni tikkontesta proġett ta’ estensjoni u ta’ transforamzzjoni taż-żona ta’ skiing ta’ Santa Caterina Valfurva (il-pisti “Bucaneve“ u “Edelweiss”) u l-bini ta’ l-infrastrutturi relatati, għall-finijiet tal-kampjunati dinjija ta’ skiing Alpin ta’ l-2005.

20.      Jirriżulta mill-istudji Taljani li f’dan il-kuntest, kienet prevista serje sħiħa ta’ miżuri fosthom il-bini ta’ stadju ta’ skiing, funikular, chair lift, post ta’ kenn kif ukoll ix-xogħlijiet bil-għan li jiġu mmodifikati żewġ pisti ta’ skiing konsekuttivi (Bucanave u Edelweiss).

21.      Madankollu, l-Italja tosserva korrettament fir-risposta tagħha li l-Kummissjoni fil-fatt tiddeskrivi biss ix-xogħlijiet marbuta mal-modifikazzjoni tat-tieni pista ta’ skiing (“Edelweiss”) li kienu jeħtieġu l-qtugħ ta’ kważi 2500 siġra.(6) Dan huwa kkonfermat mill-Kummissjoni fir-replika tagħha fejn hija tillimita r-rikors tagħha għall-miżuri awtorizzati fl-14 ta’ Frar 2003. Għaldaqstant, huwa biss dan il-proġett parzjali li jikkostitwixxi s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

22.      Fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ modifikazzjoni tal-pista ta’ skiing, il-Kummissjoni tqajjem tliet motivi u għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-ewwel motiv jikkonsisti f’żewġ ilmenti distinti.

23.      Permezz ta’ l-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-Italja li, min-naħa waħda, l-awtorizzazzjoni tal-proġett tikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitat. Hija ssostni li hemm ksur ta’ l-Artikolu 6(3) peress li l-awtorizzazzjoni ngħatat mingħajr stima suffiċjenti ta’ l-impatt tal-proġett fuq iż-ŻPS (ara iktar ’l isfel taħt A). Min-naħa l-oħra, hija ssostni li hemm ksur ta’ l-Artikolu 6(4) ta’ l-istess Direttiva fuq il-bażi li f’każ ta’ riżultat negattiv ta’ l-istima ta’ l-impatt, il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ma jistgħux jiġu ggarantiti (ara iktar ’l isfel taħt B).

24.      Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Italja kisret l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat permezz ta’ l-imsemmi proġett. Fil-fatt, il-miżuri kollha meħtieġa relatati ma’ dan il-proġett ma kinux ġew adottati sabiex jiġi evitat id-deterjorament ta’ l-ambjenti naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi u sabiex jiġi evitat xkiel għall-ispeċji li għalihom iż-żona ġiet ikklassifikata bħala ŻPS (ara iktar ’l isfel taħt C).

25.      Fl-aħħar, it-tielet motiv jirrigwarda l-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa għaż-ŻPS skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar. Wara t-twettiq tal-proġett kontenzjuż, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istatus legali ta’ protezzjoni fis-seħħ m’huwiex suffiċjenti (ara iktar ’l isfel taħt D).

A –    Fuq l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat

26.      Skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw pjan jew proġett li ma jkunux direttament relatati jew meħtieġa għall-ġestjoni tas-sit, iżda li aktarx ikunu ser jaffettwaw l-imsemmi sit b’mod sinjifikattiv, biss wara li jkunu żguraw, permezz ta’ evalwazzjoni xierqa ta’ l-impatt ta’ dan il-pjan jew proġett fuq is-sit, li dan mhux ser jagħmel ħsara lill-integrità tas-sit, u wara li jkunu kkonsultaw lill-pubbliku. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni b’hekk tistabbilixxi proċedura li tiggarantixxi, permezz ta’ kontroll preliminari, li l-imsemmija pjan jew proġett jistgħu jiġu awtorizzati biss jekk ma jkunux ser jagħmlu ħsara lill-integrità tas-sit (7).

27.      Il-partijiet jaqblu li fil-każ preżenti, ix-xogħlijiet ta’ modifikazzjoni tal-pisti ta’ skiing awtorizzati bid-deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2004 kienu jeħtieġu evalwazzjoni dwar l-impatt fuq l-ambjent ta’ dan it-tip.

1.      Fuq il-kundizzjonijiet ta’ studju ta’ l-impatt fuq l-ambjent

28.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett bħal dak in kwistjoni tista’ tingħata biss taħt il-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet ikunu ċerti li mhux ser ikollhom effetti li jagħmlu ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat. Dan huwa l-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli minn aspett xjentifiku dwar in-nuqqas ta’ tali effetti (8).

29.       Għaldaqstant, evalwazzjoni ta’ l-impatt tista’ tintuża bħala bażi għal awtorizzazzjoni amministrattiva għall-finijiet ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat biss jekk ma tħalli ebda dubju raġonevoli minn aspett xjentifiku li l-pjan jew proġett m’għandu ebda effetti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-integrità tas-sit ikkonċernat.

30.      Dan jimplika li l-evalwazzjoni ta’ l-impatt għandha tidentifika, fid-dawl ta’ l-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, minnhom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħrajn, jaffettwaw l-imsemmija għanijiet (9).

31.      Fir-rigward tas-siti li jaqgħu taħt id-Direttiva Habitat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-objettivi ta’ konservazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva Habitat u, b’mod partikolari, mill-paragrafu 4 ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jiġu stabbiliti skond, b’mod partikolari, l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali ta’ l-Anness I ta’ l-imsemmija Direttiva jew ta’ speċi ta’ l-Anness II tagħha u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew ta’ qerda li jkunu esposti għalihom dawk is-siti.(10)

32.      Madankollu, id-dispożizzjonijiet hawn fuq iċċitati ma japplikawx għaż-ŻPS permezz tad-Direttiva Għasafar. Iżda skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-Direttiva jimponi lill-Istati Membri li jikkonferixxu liż-ŻPS status legali ta’ protezzjoni li jista’ jassigura, b’mod partikolari, is-sopravvivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I, kif ukoll ir-riproduzzjoni, il-ħrif u żoni fejn iqattgħu x-xitwa għall-ispeċi migratorji mhux elenkati fl-Anness I.(11)

33.       Għaldaqstant, l-objettivi ta’ konservazzjoni skond id-Direttiva Għasafar jirrigwardaw is-sopravivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi li għalihom dan is-sit ġie kklassifikat bħala ŻPS. Biex ikun magħruf għal liema speċi sit ikun ġie kklassifikat, għandha ssir referenza għall-formola standard ta’ informazzjoni li l-Istat Membru jkun bagħat lill-Kummissjoni (12), fin-nuqqas ta’ dokumenti oħrajn bħal regolamenti dwar iż-żona ta’ protezzjoni li jispeċifikaw l-objettivi ta’ konservazzjoni aktar fil-fond.

34.       Fil-każ preżenti, dawn l-ispeċi jissemmew fil-formola standard ta’ informazzjoni ta’ Novembru 1998 mibgħuta mill-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni. Din il-formola tispeċifika bħala speċi ta’ l-Anness I l-ajkla rjali, il-bies, il-kuċċarda, il-ħaġla qastanija, il-perniċi bajda, il-faġan tal-muntanja, is-serduq selvaġġ u l-bulebbiet iswed. Barra minn hekk, l-għasafar migratorji li huma s-seqer żgħir, il-kuċċarda prima u l-ħawwiefa tal-ħajt huma inklużi wkoll. Madankollu, is-seqer żgħir u l-ħawwiefa tal-ħajt huma mmarkati bl-ittra “D”, jiġifieri insinjifikattivi. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li dawn ma jagħmlux parti mill-objettivi ta’ konservazzjoni.

35.      Fil-prinċipju tqum il-kwistjoni dwar jekk, madankollu, għandhomx jiġu kkunsidrati wkoll speċi oħra msemmija fil-formola standard ta’ informazzjoni li l-Italja bagħtet fl-14 ta’ Mejju 2001 lill-Kummissjoni. Dawn jirrigwardaw l-avultun kbir ta’¯ Barbarija, l-astun, il-birwina, il-kokka ta’¯ Tengalm, il-kokka nana, il-kokka imperjali, il-bulebbiet b’¯rasu griża u l-ħaġla ta’¯ l-Alpi.

36.      Madankollu, ebda element fl-atti proċesswali ma jippermetti li jiġi affermat li dawn l-ispeċi diġà kienu inklużi s-sena ta’ qabel fl-objettivi ta’ konservazzjoni li l-Italja kienet irrikonoxxiet għas-sit fil-kuntest ta’ l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, ma kien hemm ebda obbligu li dawn jiġu inklużi fl-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent.

37.      Madankollu, żgur ma jistax jingħad li dawn l-ispeċi m’humiex soġġetti għal protezzjoni. Għall-kuntrarju, il-formola standard ġdida ta’ informazzjoni tikkostitwixxi informazzjoni li tindika l-preżenza ta’ dawn l-ispeċi fis-sit matul it-twettiq tal-proġett u li din il-preżenza kienet teħtieġ il-klassifikazzjoni ta’ dan is-sit bħala ŻPS għall-konservazzjoni ta’ l-imsemmija speċi. Iżda, minħabba l-fatt li sa l-14 ta’ Mejju 2004, is-sit ma kienx ġie kklassifikat b’mod manifest għal dawn l-ispeċi, dawn kienu ta’ mill-inqas suġġetti għar-reġim proviżorju ta’ protezzjoni li japplika għas-siti li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS iżda li jkunu għadhom ma ġewx hekk ikklassifikati, jiġifieri l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar (13) li, f’dak li jirrigwarda d-derogi, hija aktar esiġenti mid-dispożizzjonijiet protettivi tad-Direttiva Habitat (14). Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma tqajjimx ilmenti f’dan ir-rigward, m’hemmx lok li jiġu eżaminati f’din il-kawża.

38.      Isegwi li għandu jiġi vverifikat jekk qabel l-għoti ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003, l-aspetti kollha tal-proġett li, individwalment jew b’rabta ma’ pjani u proġetti oħra, setgħu jagħmlu ħsara lill-konservazzjoni ta’ l-ispeċi msemmija fil-formola standard ta’ informazzjoni ta’ l-1998, ġewx eżaminati fid-dawl ta’ l-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam.

2.      Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent li saret fis-sena 2000

39.      Il-Gvern Taljan isostni li l-impatt tal-proġett fuq l-ambjent kien ġie eżaminat b’mod suffiċjenti qabel l-istudju ta’ l-impatt li sar fis-sena 2000. Bħala prova, huwa jippreżenta bħala anness id-deċiżjoni tal-kumpatibbiltà ambjentali (15). Din tikkonsisti f’sommarju u evalwazzjoni tar-riċerki xjentifiċi dwar l-impatt fuq l-ambjent.

40.      Din tiddeskrivi għadd ta’ proġetti iżda dawn ma jiffurmawx is-suġġett tal-proċedimenti preżenti, ħlief għall-modifiki li saru għall-pista ta’ skiing. Il-modifiki għall-pista ta’ skiing huma deskritti biss fil-paġna 12 ta’ dan ir-rapport.

41.      L-effetti fuq il-fawna, il-ħxejjex, il-flora u l-ekosistema tal-proġetti kollha jissemmew fil-paġni 27 sa 29. Jirriżulta li l-awtorità in kwistjoni tikkunsidra li dawn il-proġetti la jinvolvu modifiki sostanzjali tal-habitat ta’ l-ispeċi ta’ annimali preżenti u lanqas modifika fundamentali għad-disponibbiltà ta’ ikel u kenn għall-għasafar u mammiferi żgħar.

42.      Kif tafferma korrettament il-Kummisjoni, l-awturi ta’ dan id-dokument madankollu kkritikaw nuqqasijiet importanti f’dawn ir-riċerki. Għaldaqstant, fit-totalità tiegħu, l-impatt fuq l-ambjent ma ġiex ikkunsidrat b’mod suffiċjenti. Ix-xogħlijiet effettivi ma ġewx deskritti b’mod sħiħ, u l-ispeċi kollha rilevanti ma ġewx inklużi. Dan b’mod partikolari fir-rigward tal-perniċi bajda, peress li ma ġewx eżaminati s-siti fejn tirriproduċi u fejn tibni l-bejtiet tagħha. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-fawna kienet ta’ kwalità baxxa. Barra dan, is-serduq selvaġġ jissemma’ f’dan is-settur minkejja li m’għadux preżenti, waqt li l-ħawwiefa tal-ħajt, il-bulebbiet iswed, is-seqer żgħir u l-kokka imperjali ma jissemmewx.

43.      Barra minn hekk, huwa kkonstatat fil-paġna 38 tar-rapport li ma setgħux isiru modifiki fil-pista ta’ skiing f’kuritur usa’ minn 40 m. Għall-kuntrarju, dan il-kuritur kellu jkun ristrett għal wisa’ ta’ 20 m. Matul it-twettiq ulterjuri tal-proġett, din ir-restrizzjoni ma ġietx ikkunsidrata. Barra dan, fil-paġna 40 ġew mitluba b’insistenza studji oħrajn dwar l-Avifawna, b’mod partikolari b’rabta mal-qtugħ ta’ siġar fil-foresta.

44.       Fir-rigward tar-referenza li jagħmel il-Gvern Taljan għal studju bijoloġiku ta’ l-1994 li huwa ċċitat fis-sorsi tad-dokument, f’dokumenti oħrajn iċċitati kif ukoll f’pożizzjonijiet oħrajn meħuda minn awtoritajiet involuti fil-proċedimenti, m’huwiex mifhum x’relevanza għandu għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt. Barra minn hekk, l-eżami ta’ l-alternattivi ċċitati espressament huwa relevanti fil-kuntest tad-Direttiva SEA (16) u jista’ jkollu rwol ukoll fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat, iżda m’huwa ta’ ebda relevanza għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt.

45.      Għaldaqstant, la t-totalità ta’ l-aspetti tal-proġett u lanqas l-effetti tiegħu fuq id-diversi speċi ta’ għasafar protetti ma ġew eżaminati fl-istudji li fuq il-bażi tagħhom ġiet stabbilita l-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent fis-sena 2000. Minħabba dawn l-oġġezzjonijiet, ma jistax jitqies li l-miżuri ta’ modifiki tal-pisti ta’ skiing mhux ser jaffettwaw liż-ŻPS bħala tali. B’hekk, dawn l-istudji ma jikkostitwixxux bażi xierqa li fuqha tista’ tiġi bbażata l-awtorizzazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat .

3.      Fuq l-istudju ta’ l-IREALP ta’ l-2002

46.      L-istudju ta’ l-IREALP ta’ l-2002 jiddeskrivi wkoll il-proġett u l-imaptt tiegħu fuq l-ambjent. Dan jeżamina b’mod pjuttost dettaljat l-impatt fuq is-sistema idroloġika u u l-ġeomorfoloġija kif ukoll il-veġetazzjoni. F’dak li jirrigwarda l-għasafar li għalihom is-sit ġie kklassifikat bħala ŻPS, l-istudju jindika biss li l-bulebbiet iswed jgħix fil-bosk in kwistjoni (17). B’rabta ma’ proġett parzjali ieħor li m’huwiex is-suġġett tal-proċedimenti preżenti, l-istudju jsemmi l-birwina li hija inkluża fil-formola standard ta’ informazzjoni ta’ l-2004 (18).

47.      Wieħed jista’ jiddeduċi minn din l-informazzjoni li l-ispeċi l-oħrajn m’humiex ikkonċernati u li b’hekk, dan l-istudju jirrigwarda l-ispeċi kollha affettwati mid-diversi proġetti. F’din l-ipoteżi, ta’ mill-inqas kien meħtieġ li jiġu deskritti u li ssir evalwazzjoni ta’ l-impatt tal-proġett fuq il-bulebbiet l-iswed. Dan ma sarx fil-każ preżenti.

48.      Barra minn hekk, l-istudji l-oħrajn ta’ l-2003 u l-2005 ippreżentati mill-Italja kif ukoll il-komunika mibgħuta mill-Italja lill-Kummissjoni fl-2004 (19) jagħtu lok għal dubji dwar il-fatt li effettivament ġew ikkunsidrati l-ispeċi kollha rilevanti affettwati mill-proġett. Fil-fatt, huwa preċiżament il-faġan tal-muntanja li jissemma bħala l-ispeċi kkonċernata.

49.      B’hekk, l-istudju ta’ l-IREALP ta’ l-2002 ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-miżuri għall-modifika tal-pista ma jagħmlux ħsara liż-ŻPS bħala tali. Għaldaqstant, dan l-istudju lanqas ma jista’ jintuża bħala bażi sodisfaċenti għall-awtorizzazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat .

4.      Fuq l-istudji ulterjuri

50.      Kemm fil-kuntest tal-proċedimenti prekontenzjużi kif ukoll fil-proċedimenti preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Italja ppreżentat dokumenti oħrajn relatati ma’ l-impatt tal-miżuri kkontestati fuq l-ambjent. Dawn jikkonsistu fi studju ta’ l-1 ta’ Diċembru 2003 (20), nota tal-Ministeru ta’ l-Ambjent iddatata s-6 ta’ Awwissu 2004 (21) u studju tal-21 ta’ Diċembru 2005 (22). Huwa biss il-kontenut ta’ dan l-aħħar studju li huwa bbażat fuq ir-rekwiżiti relatati ma’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt, peress li dan jeżamina l-importanza tas-superfiċji kkonċernati għall-ispeċi in kwistjoni kif ukoll l-impatt tal-proġett. Finalment, m’huwiex neċessarju li jiġi eżaminat sa liema grad kull wieħed minn dawn id-dokumenti jissodisfa r-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent minn perspettiva kemm formali kif ukoll materjali.

51.      Fil-fatt, kif tafferma wkoll il-Kummissjoni, dawn id-dokumenti kollha nkitbu wara l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003. Madankollu, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat, awtorizzazzjoni għandha tingħata b’kunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ l-impatt. Dan ma kienx possibbli fil-każ preżenti. B’hekk, u diġà għal din ir-raġuni, dawn id-dokumenti ma jikkostitwixxux bażi xierqa skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat għall-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003.

5.      Konklużjoni intermedjarja

52.      L-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003 ma setgħatx tingħata skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat peress li fuq il-bażi ta’ l-istudji ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja u li ġew effettwati mill-awtoritajiet Taljani, f’dak l-istadju ma setax jiġi eskluż kull dubju xjentifiku raġonevoli li l-proġett ma kienx ser jaffettwa s-sit in kwistjoni fir-rigward ta’ l-objettivi ta’ konservazzjoni.

B –    Fuq l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat

53.       Madankollu, tqum il-kwistjoni jekk setgħetx tingħata l-awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat. Jirriżulta li, minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq is-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, pjan jew proġett jista’ madankollu jitwettaq għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inkluż ta’ natura soċjali jew ekonomika meta ma jkunx hemm soluzzjonijiet alternattivi u kemm-il darba l-Istat Membru jieħu kull miżura ta’ kumpens meħtieġa biex jiżgura l-protezzjoni tal-koerenza globali ta’ Natura 2000.

54.      Fil-prinċipju, din id-dispożizzjoni ssir applikabbli biss wara li l-effetti tal-proġett ikunu ġew eżaminati skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat u jkunu b’hekk ġew stabbiliti, ta’ mill-inqas safejn din il-konstatazzjoni tkun xjentifikament possibbli. L-għarfien ta’ l-impatt fir-rigward ta’ l-objettivi ta’ konservazzjoni huwa meħtieġ għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat peress li mingħajr dan l-għarfien, ebda kundizzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ din ir-regola derogattiva ma tista’ tiġi eżaminata. L-eżami tar-raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku jeħtieġ li jiġu bbilanċjati dawn l-interessi mal-ħsara li tkun ser issir lis-sit. Ma tistax tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ alternattivi li jagħmlu inqas ħsara lis-sit ħlief b’relazzjoni mal-ħsara li tkun ser issir lis-sit in kwistjoni. Fl-aħħar nett, il-miżuri ta’ kumpens jimplikaw li l-ħsara li tkun ser tiġi kkumpensata tkun magħrufa (23).

55.      Peress li din l-informazzjoni ma kinitx teżisti fl-14 ta’ Frar 2003, jidher prima facie li l-awtorizzazzjoni li ngħatat dakinhar ma setgħetx tkun ibbażata fuq l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat .

56.      Madankollu, għandu jibqa’ possibbli f’każ ta’ urġenza partikolari li jistgħu jiġu awtorizzati proġetti għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, mingħajr ma jkunu meħtieġa studji xjentifiċi fit-tul minn qabel. Kieku ma kienx hemm din l-eċċezzjoni, ma jkunx per eżempju possibbli li f’każ ta’ periklu imminenti għall-interessi ġuridiċi primordjali jiġu adottati miżuri preventivi li tabilħaqq jagħmlu ħsara lill-objettivi ta’ preżervazzjoni tas-siti protetti.

57.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat, għandha tittieħed bħala premessa l-possibbiltà ta’ dannu massimu kkawżat mill-intervent previst u li jiġi evalwat jekk jeżistux raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku – periklu imminenti – li jeħtieġu preċiżament it-twettiq ta’ dawn il-miżuri protettivi jew jekk dawn jistgħux jinkisbu xorta waħda permezz ta’ alternattiva oħra – li tirrispetta aktar l-integrità taż-ŻPS – per eżempju proviżorjament sakemm joħorġu r-riżultati ta’ l-evlawazzjoni ta’ l-impatt (24). F’dan il-każ, għandha ta’ mill-inqas tiġi identifikata l-ħsara a posteriori saiex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri ta’ kumpens meħtieġa.

58.      Fil-każ preżenti, m’huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kampjonati dinjija li kienu ġejjin jiġġustifikawx ir-rinunzja ta’ evalwazzjoni xierqa ta’ l-impatt fuq l-ambjent. Fil-fatt, m’hemm ebda indikazzjoni li ġew ikkunsidrati b’mod suffiċjenti alternattivi għall-modifika tal-pisti. Peress li skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat, l-oneru tal-prova li kienu jissussistu l-kundizzjonijiet ta’ eċċezzjoni jaqa’ fuq l-Italja, hija din ta’ l-aħħar li trid tistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet (25).

59.      Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2003 ma setgħetx tkun ibbażata fuq l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat .

60.      Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-proġett ta’ estensjoni u modifikazzjoni taż-żona ta’ skiing ta’ Santa Caterina Valfurva (pista msejħa “Edelweiss”) u tal-bini ta’ l-infrastrutturi relatati fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044, “Parco Nazionale dello Stelvio”, għall-finijiet tal-kumpjunati dinjija ta’ skiing Aplin ta’ l-2005, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) u (4) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat meta awtorizzat miżuri li jistgħu jkollhom impatt sinjifikattiv fuq iż-ŻPS, mingħajr ma għamlet evalwazzjoni xierqa ta’ l-impatt tagħhom fuq is-sit fir-rigward ta’ l-objettivi ta’ konservazzjoni tiegħu jew billi naqset milli teżamina b’mod suffiċjenti alternattivi għal dawn il-miżuri.

C –    Fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat

61.      Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habtiat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjifikattiv fir-rigward ta’ l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

62.      Dan il-motiv iqajjem il-kwistjoni jekk dawn l-attivitajiet setgħux jiksru kemm l-Artikolu 6(2) kif ukoll il-paragrafi 3 u 4 tiegħu. F’dan ir-rigward, diġà osservajna(26) li, skond is-sentenza Waddenzee, il-paragrafi 2 u 3 huma t-tnejn intiżi biex jevitaw li jiġu milquta l-objettivi ta’ konservazzjoni ta’ żona ta’ protezzjoni (27). Jekk madankollu, pjan jew proġett ikun ġie awtorizzat skond il-proċedura ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat, l-applikazzjoni simultanja tar-regola ta’ protezzjoni ġenerali ta’ l-Artikolu 6(2) issir superfluwa għal dan il-fatt għal dak li jirrigwarda l-impatt ta’ dan il-pjan jew proġett fuq iż-żona ta’ protezzjoni riżervata (28). Jekk min-naħa l-oħra l-proċedura ta’ awtorizzazjoni ma tkunx ġiet imwettqa b’mod korrett, huwa possibbli li fir-rigward ta’ dan il-proġett ikun hemm kemm ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ l-Artikolu 6(3) u (4) kif ukoll tar-rekwiżiti sostantivi li jirriżultaw mit-tliet paragrafi għaż-żoni ta’ protezzjoni.

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkonstata l-ksur ta’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitat fir-rigward ta’ ŻPS ħlief jekk jiġu kkonstatati dawn id-deterjoramenti jew tfixkil skond it-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-prinċipju hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi dawn l-effetti u ġġib prova tagħhom f’każ ta’ kontestazzjonijiet.

64.      Fil-każ preżenti, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ssostni li kważi 2 500 siġra nqatgħu ġewwa ż-ŻPS tal-park nazzjonali ta’ Stelvio, min-naħa l-oħra, m’huwiex ċar jekk dawn il-miżuri għamlux ħsara lill-objettivi ta’ konservazzjoni tas-sit. Fil-fatt, foresta fiha nnifisha tista’ tkun is-suġġett ta’ żona ta’ protezzjoni speċjali fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 4 tad-Direttiva Għasafar biss jekk tkun tikkostitwixxi spazju vitali għall-ispeċi ta’ għasafar protetti.

65.      L-indikazzjonijiet ta’ użu eventwali tal-boskijiet mill-ispeċi ta’ għasafar protetti jirriżultaw minn atlas Ewropew ta’ l-għasafar li jbejtu, li siltiet minnu ġew ippreżentati mill-Kummissjoni (29). Minn dan jirriżulta li hemm lok li jiġi kkunsidrat l-użu b’mod partikolari mill-kuċċarda, il-perniċi bajda u l-bulebbiet iswed. Din l-informazzjoni tagħti lok għall-obbligu mhux ikkontestat f’dan il-każ li ssir evalwazzjoni ta’ l-impatt. Madankollu, fiha nnfisha, m’hijiex biżżejjed biex jiġi stabbilit dannu effettiv.

66.      L-uniku dokument li jagħti informazzjoni speċifika dwar l-użu tas-siti kkonċernati mill-ispeċi protetti, huwa l-istudju tal-21 ta’ Novembru 2005 li l-Italja ppreżentat mal-kontroreplika tagħha (30). Skond dan id-dokument, il-biċċa l-kbira ta’ l-impatt tal-proġett huwa negliġibbli jew ta’ sinjifikat żgħir. Peress li l-Kummisjoni ma kkontestatx dawn il-konstatazzjonijiet, li kien possibbli fil-kuntest tal-proċedura orali, dawn għandhom jitqiesu bħala korretti.

67.      Madankollu, skond dan l-istess studju, huwa neċessarju li jiġi kkumpensat it-telf ta’ siti ta’ riproduzzjoni tal-faġan tal-muntanja permezz ta’ titjib tal-habitat naturali fi bnadi oħra (31). Ir-rikonixximent tal-ħtieġa ta’ kumpens għad-dannu kkaġunat mill-Italja kontra l-faġan tal-muntanja jwassal għall-konklużjoni li l-objettivi ta’ konservazzjoni tal-park nazzjonali ta’ Stelvio ġew affettwati fir-rigward ta’ din l-ispeċi.

68.      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li fil-kuntest tal-proġett ta’ estensjoni u modifikazzjoni taż-żona ta’ skiing ta’ Santa Caterina Valfurva (pista msejħa “Edelweiss”) u tal-bini ta’ l-infrastrutturi relatati, għall-finijiet tal-kampjonati dinjija ta’ skiing Alpin ta’ l-2005, fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044, “Parco Nazionale dello Stelvio”, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat billi adottat miżuri li jwasslu għad-deterjorament tal-habitat naturali tal-faġan tal-muntanja li, b’hekk kellhom impatt fuq iż-ŻPS fir-rigward ta’ l-objettivi ta’ konservazzjoni tagħha.

D –    D - Fuq l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar

69.       It-tielet motiv jirrigwarda l-miżuri ta’ protezzjoni legali meħtieġa skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar għaż-ŻPS. Dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw fl-ewwel lok il-klassifikazzjoni bħala ŻPS li m’hijiex ikkontestata fil-każ preżenti (32).

70.      Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jikkonferixxu liż-ŻPS status legali ta’ protezzjoni li jista’ jassigura, b’mod partikolari, is-sopravvivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I, kif ukoll ir-riproduzzjoni, il-ħrif u ż-żoni fejn iqattgħu x-xitwa ta’ l-ispeċi migratorji mhux elenkati fl-Anness I li l-miġja tagħhom hija waħda regolari (33).

71.      Peress li skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat, l-obbligi li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6(2) ta’ l-istess Direttiva huma sostitwibbli ma’ dawk li jirriżultaw mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar f’dak li jirrigwarda ż-ŻPS, l-istatus legali ta’ protezzjoni ta’ dawn iż-żoni għandu jiggarantixxi wkoll li jiġu evitati, fi ħdanhom, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll it-tfixkil li jolqot lill-ispeċi li għalihom l-imsemmija żoni jkunu ġew ikklassifikati.

72.      B’hekk, huwa meħtieġ li jiġu adottati ċerti regoli li jippermettu li tiġi żgurata protezzjoni suffiċjenti taż-ŻPS.

73.      Madankollu, il-Kummissjoni ma tqajjimx ilmenti partikolari kontra d-dispożizzjonijiet legali ġenerali ta’ protezzjoni taż-ŻPS fl-Italja u/jew fil-Lombardija jew kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi li ġew adottati għall-finijiet tal-protezzjoni taż-ŻPS “Parco Nazionale dello Stelvio”. Għall-kuntrarju, hija tikkonkludi li minħabba t-twettiq tal-proġett kontenzjuż, il-miżuri ta’ protezzjoni legali fis-seħħ m’humiex suffiċjenti.

74.      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta din il-konklużjoni u ssostni li l-ksur ta’ l-obbligi ta’ protezzjoni ma jikkostitwixxix prova li r-regoli intiżi biex jiggarantixxu l-protezzjoni huma insuffiċjenti. Madankollu, hija ma tikkunsidrax f’dan ir-rigward li l-obbligu taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar m’huwiex limitat għall-adozzjoni ta’ ċerti regoli partikolari. Il-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu għandhom jiggarantixxu wkoll fil-prattika l-protezzjoni ta’ ċerti żoni partikolari.

75.      Fil-każ preżenti, l-objettivi ta’ konservazzjoni taż-ŻPS “Parco Nazionale dello Stelvio” ġew miksura ta’ mill-inqas fir-rigward tal-faġan tal-muntanja. Dan id-dannu juri li ma ġewx adottati l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi ggarantita l-protezzjoni ta’ din iż-żona.

76.      Huwa minnu li huwa possibbli li xi territorji jsofru deterjorament minkejja li Stat Membru jkun adotta l-miżuri kollha raġonevoli biex jevita d-dannu. F’dan il-każ, id-dannu ma jikkostitwixxix prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar.

77.      Madankollu, fil-każ preżenti l-miżuri kontenzjużi ġew imwettqa fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti, mingħajr ma din kienet iġġustifikata fuq bażi eċċezzjonali skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva Habitat. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ dannu jagħti lok għall-konklużjoni li kien hemm ksur ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar.

78.      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstat li, fil-kuntest tal-proġett ta’ estensjoni u modifikazzjoni taż-żona ta’ skiing ta’ Santa Caterina Valfurva (pista msejħa “Edelweiss”) u l-bini ta’ l-infrastrutturi relatati, fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044, “Parco Nazionale dello Stelvio”, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, in kwantu awtorizzat miżuri li kkawżaw deterjorament ta’ l-ambjent naturali tal-faġan tal-muntanja u, b’hekk, għamlu ħsara lill-objettivi ta’ konservazzjoni taż-ŻPS.

V –    Fuq l-ispejjeż

79.      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F’din il-kawża preżenti, peress li l-Kummissjoni tirbaħ fil-kuntest tal-motivi kollha invokati, l-Italja għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

VI – Konklużjonijiet

80.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skond kif ġej:

1.      Fil-kuntest tal-proġett ta’ estensjoni u modifikazzjoni taż-żona ta’ skiing ta’ Santa Caterina Valfurva (pisti msejħa “Edelweiss”) u l-bini ta’ l-infrastrutturi relatati, fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali IT 2040044, Parco Nazionale dello Stelvio, għall-finijiet tal-kampjonati dinjija ta’ skiing Alpin 2005, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6 (2) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409/KEE tal-Kunsill, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, billi awtorizzat miżuri:

–         li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq iż-żona msemmija, mingħajr ma ssuġġettathom għal stima xierqa ta’ l-impatt tagħhom fuq is-sit fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu jew mingħar ma eżaminat b’mod suffiċjenti l-alternattivi għal dawn il-miżuri, u,

–        li wasslu għal deterjorament tal-habitat naturali tal-faġan tal-muntanja (Tetrao tetrix), u li għamlu wkoll ħsara lill-objettivi ta’ konservazzjoni taż-ŻPS.

2.      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2  – ĠU L 103, p. 1.


3  – ĠU L 206, p. 7.


4 – Skond il-formoli standard ta’ informazzjoni mimlija mill-awtoritajiet Taljani, dan kien diġà seħħ fl-1988, ara l-annessi tar-rikors, p. 33 u 47.


5 – Anness għar-replika, p. 24 u 54.


6 – Ara iktar ’il fuq fil-punt 11.


7 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, (C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punt 34, iktar ’il quddiem is-“sentenza Waddenzee”), u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, (C-239/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Castro Verde”).


8 – Sentenzi Waddenzee hawn fuq iċċitata (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punti 56 u 59, u Castro Verde hawn fuq iċċitata (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 20).


9 – Sentenza Waddenzee, hawn fuq iċċitata (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 54.


10 – Sentenza Waddenzee, hawn fuq iċċitata (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 54.


11 – Sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1999, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑166/97, Ġabra p. I‑1719, punt 21), dwar l-estwarju tas-Seine; tas-27 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑415/01, Ġabra p. I-2081, punt 15), dwar il-mapep li jiddelimitaw iż-ŻPS; tas-6 ta’ Marzju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑240/00, Ġabra p. I‑2187, punt 16), dwar iż-żoni ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar u tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, Ġabra p. I‑2755, punt 32, iktar ’il quddiem is-“Sentenza Lauteracher Ried”).


12 – Il-formola standard ta’ informazzjoni hija bbażata fuq id-Deċiżjoni 97/266/KE tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 1996 dwar format ta’ tagħrif fuq is-siti għas-siti proposti għan-Natura 2000 (ĠU L 107, p. 1).


13 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-374/98, Ġabra p. I-10799, punti 47 u 57, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Basses Corbières”). Fir-rigward tat-tipi ta’ habitat naturali u l-ispeċi li għandhom jiġu protetti skond id-Direttiva Habitat Naturali iżda li ma ġewx ikkunsidrati b’mod xieraq fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-objettivi ta’ konservazzjoni, tqum il-kwistjoni jekk ir-reġim proviżorju ta’ protezzjoni għandux japplika għas-siti proposti; ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Dragaggi et. (C-117/03, Ġabra p. I-167, punt 26) u ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern et. (C-244/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35). Fiż-żewġ każijiet, ksur tad-dispożizzjoni protettiva jimplika li l-eżistenza tar-riżorsi li għandhom jiġu protetti u d-deterjorament tagħhom iridu jiġu ppruvati, waqt li fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitat Naturali, hija biss il-possibilità ta’ ħsara kontra l-objettivi tal-konservazzjoni li trid tiġi stabbilita biex tagħti lok għall-obbligu ta’ studju dwar l-impatt fuq l-ambjent.


14 – Sentenza Basses Corbières, hawn fuq iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13), punti 50 et seq.


15 – Anness 1 tar-risposta.


16 – Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40).


17 – Annessa mar-rikors, p. 304.


18 – Annessa mar-rikors, p. 318.


19 – Annessa mar-rikors, p. 80 et seq.


20 – Anness mar-rikors, p. 148 et seq.


21 – Anness mar-rikors, p. 84 et seq.


22 – Anness mal-kontroreplika ta’ l-Italja.


23 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-27 ta’ Ottubru 2005, fil-kawża Lauteracher Ried (C‑209/04, Ġabra p. I-2655, punti 83 et seq.).


24 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-27 ta’ April 2006 fil-kawża Castro Verde (C-239/04, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punti 46 u noti ta’ qiegħ il-paġna).


25 – Sentenza Castro Verde, hawn fuq iċċitata (nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punti 36, 39 et seq u ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi mogħtija fil-kawża Castro Verde, hawn fuq iċċitati (nota ta’ qiegħ il-paġna 24), punt 41 u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lauteracher Ried, hawn fuq iċċitati (nota ta’ qiegħ il-paġna 23), punt 68.


26 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ta’ l-14 ta’ Settembru 2006 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda [IBA-Lista 2000] (C-418/94, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 173).


27 – Sentenza Waddenzee, hawn fuq iċċitata ( nota ta’ qiegħ il-paġna 7), punt 36.


28 – Sentenza Waddenzee, hawn fuq iċċitata f’nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 35.


29 – Hagemeijer/Blair, the EBCC Atlas of European Breeding Birds (siltiet), anness 10 tar-rikors.


30 – Paġni 6 et seq. ta’ l-anness tar-replika.


31 – Paġni 63 u 65 ta’ l-anness tar-replika.


32 – Sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-355/90, Ġabra p. I-4221, punt 20), fir-rigward ta’ Santoña .


33 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.