KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-8 ta’ Lulju 20081(1)

Kawża C‑110/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri orali – Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 28 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Modalitajiet ta’ użu – Liġi nazzjonali li tipprojbixxi l-użu ta’ karru li jiġi rmunkat minn ċiklomutur, mutur, triċiklu u kwadriċiklu – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Ġustifikazzjoni – Sigurtà fit-triq – Proporzjonalità”





1.        Liġi nazzjonali dwar il-“modalitajiet ta’ użu” ta’ merkanzija għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 28 KE jew għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Keck u Mithouard(2), bl-istess mod bħal liġi dwar il-“modalitajiet ta’ bejgħ”?

2.        Din hija essenzjalment id-domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

3.        Din il-kawża tikkonċerna proċeduri li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bdiet kontra r-Repubblika Taljana għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu abbażi tal-Artikolu 226 KE. Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana fil-fatt naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE billi fil-Kodiċi għat-traffiku fit-triq stabbiliet regola li tipprojbixxi l-irmunkar ta’ karrijiet minn ċiklomuturi, muturi, triċikli u kwadriċikli(3).

4.        Din hija t-tieni darba li qegħdin jiġu ppreżentati konklużjonijiet f’din il-kawża.

5.        Fil-bidu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tassenja din il-kawża lill-awla b’ħames imħallfin(4) u li tiddeċiedi l-kawża mingħajr ma żżomm seduta għat-trattazzjoni peress li l-partijiet ma talbux sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom. L-Avukat Ġenerali Léger ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil-5 ta’ Ottubru 2006 u wara dan, ingħalqu l-proċeduri orali. L-Avukat Ġenerali kien ikkonkluda li r-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE meta adottat u żammet fis-seħħ liġi bħal dik.

6.        Peress li din il-proposta qajmet domandi ġodda dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE li ma ġewx diskussi mill-partijiet matul il-proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’digriet tas-7 ta’ Marzu 2007 ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri orali u bagħtet il-kawża quddiem l-Awla Manja. Barra minn hekk, hija stiednet mhux biss lill-partijiet iżda wkoll lill-Istati Membri kollha, apparti r-Repubblika Taljana, sabiex jirrispondu għad-domanda li ġejja:

“Sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-użu ta’ prodott iżda mhux il-karatteristiċi tiegħu, u li japplikaw b’mod indistint għall-prodotti nazzjonali u għal dawk importati, għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE?”

7.        Barra l-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, u fl-aħħar nett ir-Renju tal-Isvezja.

8.        Dawn il-konklużjonijiet huma maqsumin f’żewġ partijiet.

9.        Jiena ser nibda billi nesponi l-fehma tiegħi dwar ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

10.      Din teħtieġ riflessjoni ġenerali fuq is-sens u l-portata tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Din teħtieġ, anki jekk bir-riskju li jiġu repetuti pożizzjonijiet li diġà ġew espressi dwar dan is-suġġett, analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE u tal-kriterji li jippermettu li dispożizzjoni nazzjonali tiġi meqjusa bħala miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni. Id-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja toffri wkoll l-opportunità li tiġi ppreċiżata l-portata tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq. Kif inhu magħruf, din is-sentenza qajmet diversi diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li ma setgħux jiġu riżolti ħlief każ b’każ.

11.      Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nispjega r-raġunijiet li għalihom naħseb li l-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ merkanzija ma għandhomx jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq. Jiena ser nuri li dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE u jistgħu jikkostitwixxu miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni li jmorru kontra t-Trattat KE jekk dawn jostakolaw l-aċċess għas-suq tal-prodott ikkonċernat.

12.      Huwa fid-dawl ta’ din l-analiżi li jiena mbagħad ser neżamina l-fondatezza tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Taljana.

13.      Wara eżami tal-effetti tal-miżura inkwistjoni fuq il-kummerċ intrakomunitarju, jiena ser nuri kif il-liġi Taljana, sa fejn timpedixxi l-aċċess għas-suq Taljan ta’ karrijiet manifatturati u mibjugħa legalment fl-Istati Membri l-oħra, tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 28 KE.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

1.      It-Trattat KE

14.      L-Artikolu 28 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni kif ukoll kull miżura li għandha effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri.

15.      Madankollu, skont l-Artikolu 30 KE, l-Artikolu 28 KE ma jeskludix projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni meta dawn ikunu ġustifikati, b’mod partikolari, abbażi ta’ moralità pubblika, l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni sakemm dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet la jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.

2.      Id-dritt sekondarju

16.      Fil-kuntest tad-Direttiva 92/61/KEE(5), il-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa proċedura għall-approvazzjoni Komunitarja ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta.

17.      Skont l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din l-istess direttiva, il-vetturi inkwistjoni huma ċiklomuturi(6), muturi, triċikli u kwadriċikli.

18.      Kif jirriżulta b’mod ċar mill-premessi ta’ din id-direttiva, l-għan ta’ din il-proċedura huwa, minn naħa, li tiggarantixxi l-funzjonament tas-suq intern billi telimina l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ fis-settur tal-vetturi bil-mutur, u min-naħa l-oħra, li tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà fit-triq u għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-konsumaturi(7).

19.      Sabiex tkun tista’ tiġi implementata din il-proċedura, id-Direttiva 92/61 tipprovdi għal armonizzazzjoni totali tar-rekwiżiti tekniċi li għandhom ikunu ssodisfati minn dawn il-vetturi. Din id-direttiva tipprovdi wkoll li r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għad-diversi elementi u karatteristiċi tal-imsemmija vetturi għandhom ikunu armonizzati fil-kuntest ta’ direttivi partikolari(8).

20.      B’hekk, ir-rekwiżiti dwar il-massa, id-dimensjonijiet kif ukoll dwar l-apparat għall-irmunkar u apparat aċċessorju li jitwaħħal mal-imsemmija vetturi ġew armonizzati permezz tad-Direttivi 93/93/KEE(9) u 97/24/KE(10).

21.      Fil-preambolu tagħhom u f’termini identiċi, kull waħda minn dawn id-direttivi jiddikjaraw li r-rekwiżiti li jistabbilixxu ma jistax ikollhom l-effett li jobbligaw lill-Istati Membri jemendaw il-liġijiet tagħhom li, fit-territorju tagħhom, jippermettu biss vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew tlieta jirmunkaw karru(11).

B –    Id-dritt nazzjonali

22.      L-Artikolu 53 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 285 (decreto legislativo n. 285), tat-30 ta’ April 1992(12), jiddefinixxi ċ-ċiklomuturi bħala “kull vettura b’żewġ roti, jew bi tlieta jew b’erbgħa”, filwaqt li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu l-kategorija ta’ “kwadriċikli bil-mutur”.

23.      Skont l-Artikolu 54 tal-Kodiċi għat-traffiku fit-triq, il-vetturi bil-mutur huma vetturi b’magna li jkollhom mill-inqas erba’ roti, esklużi ċ-ċiklomuturi.

24.      Skont l-Artikolu 56 tal-istess kodiċi, il-vetturi bil-mutur, it-trolleybus u t-trakters bil-mutur biss huma awtorizzati jirmunkaw karru.

II – Il-proċedura prekontenzjuża

25.      Wara skambju ta’ korrispondenza bejn ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni, din tal-aħħar qieset li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 28 KE billi adotta r-regoli inkwistjoni. Għalhekk, b’ittra tat-3 ta’ April 2003, hija interpellatu sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

26.      Fl-ittra ta’ risposta tagħha, tat-13 ta’ Ġunju 2003, ir-Repubblika Taljana impenjat ruħha li temenda l-liġi tagħha sabiex telimina l-ostakoli għall-importazzjonijiet indikati mill-Kummissjoni. Hija ppreċiżat ukoll li dawn l-emendi kienu jirrigwardaw mhux biss l-approvazzjoni tal-vetturi, iżda wkoll ir-reġistrazzjoni, l-użu ta’ dawn il-vetturi fit-triq u l-kontrolli tal-karrijiet (reviżjonijiet).

27.      Il-Kummissjoni madankollu ma rċeviet ebda komunikazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi. Għalhekk, fid-19 ta’ Diċembru 2003, hija bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana fejn talbitha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ notifika ta’ din l-opinjoni. Billi ma rċeviet ebda risposta, il-Kummissjoni, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2005, ressqet dan ir-rikors fuq il-bażi tal-Artikolu 226 KE.

III – Ir-rikors

28.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiddikjara li r-Repubblika Taljana, billi pprojbixxiet liċ-ċiklomuturi milli jirmunkaw karrijiet, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż tal-istanza.

29.      Ir-Repubblika Taljana titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors.

IV – Fuq id-domanda li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Bħalma indikajt diġà, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri orali, stiednet lill-partijiet u lill-Istati Membri sabiex jirrispondu għad-domanda li ġejja:

“Sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-użu ta’ prodott iżda mhux il-karatteristiċi tiegħu, u li japplikaw b’mod indistint għall-prodotti nazzjonali u dawk importati, għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE?”

A –    Ir-risposti proposti mill-partijiet u mill-Istati Membri

31.      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblia ta’ Ċipru, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u fl-aħħar nett ir-Renju tal-Isvezja ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali.

32.      Il-Kummissjoni ssostni li l-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom prodott ikun jista’ jintuża. Dan japplika f’każ ta’ miżura li tillimita l-użu ta’ prodott fiż-żmien jew fl-ispazju(13). Dan il-kunċett ikopri wkoll il-każijiet li fihom liġi tipprojbixxi l-użu ta’ prodott.

33.      Skont il-Kummissjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk liġi nazzjonali, li tikkonċerna l-użu ta’ prodott, tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 28 KE, jeħtieġ li, fil-kuntest ta’ eżami każ b’każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti diretti jew indiretti, attwali jew potenzjali ta’ din il-miżura. Għall-Kummissjoni, m’hemm l-ebda dubju li liġi li tipprojbixxi b’mod assolut jew kważi assolut l-użu ta’ prodott tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 28 KE(14).

34.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitkellem favur definizzjoni ċara tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE. Huwa jikkunsidra li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ma jistax ikun ifisser li liġi nazzjonali dwar, per eżempju, is-sigurtà fit-triq, taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 28 KE(15). Iżda huwa jsostni wkoll li l-aċċess għas-suq, mingħajr ostakoli, għandu importanza partikolari.

35.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jaqbel mal-fehma tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha ppreżentati fil-kawża Mickelsson u Roos (C-142/05), li hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn hija teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE dawk ir-regoli li mhumiex intiżi li jipproteġu interessi ekonomiċi. Madankollu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrileva xi diffikultajiet f’dan l-approċċ. Minn naħa, huwa diffiċli li jiġi ddefinit b’mod ċar il-kunċett tal-“modalitajiet ta’ użu”. Jekk id-dispożizzjoni dwar l-użu tkun teħtieġ li l-prodott jiġi adattat, allura jkun hemm rekwiżit marbut mal-kundizzjonijiet li jkunu jridu jiġu osservati mill-prodott.

36.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni wkoll li ż-żieda ta’ kategorija ġdida ta’ eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE tkun sors ta’ konfużjoni għall-qrati nazzjonali. Wieħed ikollu jirrikorri għal kriterji differenti skont il-kategorija li taqa’ taħtha dispożizzjoni partikolari.

37.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkritika wkoll il-ġurisprudenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, in kwantu din ma toffrix kriterju xieraq u, f’dan ir-rigward, jirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour‑Marinopoulos(16). Barra minn hekk, huwa jirrileva li, l-istess bħall-modalitajiet ta’ bejgħ, ċerti modalitajiet ta’ użu jista’ jkollhom riperkussjonijiet gravi fuq il-kummerċ intrakomunitarju u jistaqsi dwar l-utilità prattika ta’ eċċezzjoni ġdida. Għaldaqstant, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jipproponi l-approċċ “de minimis” li jiddefendi l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Leclerc-Siplec(17) minkejja li jirrileva wkoll id-diffikultajiet li kieku jaffrontaw il-qrati nazzjonali fl-implementazzjoni tagħha.

38.      Kuntrarjament għar-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru u r-Renju tal-Isvezja jikkunsidraw li l-kriterji żviluppati fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, jistgħu jiġu applikati għall-miżuri li jirregolaw l-użu ta’ prodott. Huma jsostni, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw b’mod indistint u li jillimitaw, iżda ma jipprojbixxux l-użu ta’ prodott, ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt il-kunċett ta’ “restrizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 28 KE. Madankollu, fil-fehma tagħhom, wieħed jista’ jidderoga minn dan il-prinċipju jekk jiġi pprovat li l-miżuri inkwistjoni jipprojbixxu purament u sempliċiment l-użu ta’ prodott jew jippermettu biss użu marġinali li b’hekk jillimita l-aċċess ta’ dan il-prodott għas-suq.

39.      Fir-rigward, ir-Repubblika Ellenika ssostni li liġi dwar l-użu ta’ prodott, waħedha, mhijiex biżżejjed sabiex tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu hija tirrileva li jekk dan l-użu tal-prodott huwa element kostituttiv tal-moviment tal-prodott, allura l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-miżuri għandha tiġi eżaminata każ b’każ u l-ostakolu li jirriżulta jista’ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE.

40.      Finalment, ir-Repubblika Taljana tikkunsidra, essenzjalment, li r-risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja tiddependi wkoll mill-fatt jekk il-prodott jistax jiġi użat għal skopijiet oħra. Barra minn hekk, hija tinsisti dwar il-preokkupazzjonijiet marbuta mas-sigurtà fit-triq u dwar il-partikularitajiet tal-eċċezzjoni Taljana.

B –    Evalwazzjoni tiegħi

41.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi jekk il-liġi Taljana li tipprojbixxi l-użu ta’ prodott partikolari fit-territorju tagħha tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE jew jekk l-imsemmija liġi, in kwantu tistabbilixxi l-“modalità ta’ użu” ta’ oġġett, hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni fis-sens tal-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Keck u Mithouard.

42.      Din id-domanda hija iktar u iktar interessanti fid-dawl tal-fatt li kawża oħra, Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, li hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tqajjem domanda simili.

43.      Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk l-Artikoli 28 KE u 30 KE jeskludux liġi Żvediża li tillimita l-użu tal-vetturi nawtiċi bil-mutur f’ċerti ilmijiet. Dik il-liġi hija differenti mill-miżura inkwistjoni f’din il-kawża peress li tillimita l-użu ta’ prodott, iżda ma tipprojbixxix purament u sempliċiment l-użu tiegħu kif inhu previst fil-liġi Taljana.

44.      Fil-konklużjonijiet mogħtija fl-imsemmija kawża, l-Avukat Ġenerali Kokott tipproponi, b’analoġija mal-“modalitajiet ta’ bejgħ”, li teskludi l-“modalitajiet ta’ użu” ta’ oġġett mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE jekk ikunu ssodisfati, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq(18).

45.      Fil-fatt, l-Avukat Ġenerali Kokott tirrileva li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-modalitajiet ta’ użu tal-prodotti u dawk li jikkonċernaw il-modalitajiet tagħhom ta’ bejgħ huma paragunabbli fir-rigward tan-natura u tal-intensità tal-impatt tagħhom fuq il-kummerċ. Normalment, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex maħsubin sabiex jirregolaw il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri. Bħala prinċipju, huma jipproduċu l-effetti tagħhom biss wara l-importazzjoni tal-prodott u jkollhom biss impatt indirett fuq il-bejgħ tiegħu. Skont l-Avukat Ġenerali Kokott, ikun koerenti li l-ġurisprudenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, tiġi estiża għall-miżuri li jirregolaw l-użu tal-merkanzija u, konsegwentement, li dawn il-miżuri jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE(19).

46.      Madankollu, l-Avukat Ġenerali Kokott tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirfina u tikkompleta l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, u tipproponi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-użu ta’ prodott jew li jippermettuh biss b’mod marġinali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE “sakemm (kważi) jipprekludu l-aċċess għas-suq tal-prodott”(20).

47.      Wara li ġew imfakkra dawn il-punti, jidhirli li huwa importanti li jiġu esposti l-linji prinċipali tal-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

1.      Il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija

48.      Il-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fondamentali tal-Komunità(21).

49.      B’hekk l-Artikolu 3 KE, li jinsab fl-ewwel parti tat-Trattat, intitolata “Prinċipji”, jistipula taħt is-subparagrafu (ċ) li għall-finijiet ta’ dak li hemm imsemmi fl-Artikolu 2, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu suq intern karatterizzat bit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ merkanzija.

50.      Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2) KE jipprovdi li s-suq intern għandu jikkonsisti fi spazju bla fruntieri interni, li fih il-moviment liberu ta’ merkanzija jkun żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

51.      Dan il-prinċipju fundamentali huwa implementat partikolarment bl-Artikolu 28 KE.

52.      Hawnhekk infakkar li din id-dispożizzjoni tipprovdi li r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti huma pprojbiti bejn l-Istati Membri.

53.      Minn wara s-sentenza Dassonville(22) tal-11 ta’ Lulju 1974, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem bħala li tirrikjedi l-eliminazzjoni tar-“regoli kummerċjali kollha tal-Istati Membri li, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, jistgħu jfixklu l-kummerċ intrakomunitarju”(23).

54.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Rewe‑Zentral, magħrufa bħala “Cassis de Dijon”(24) tal-20 ta’ Frar 1979  aċċettat espressament li fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, il-miżuri li japplikaw b’mod indistint għall-prodotti nazzjonali u għall-prodotti importati minn Stati Membri oħra wkoll jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija(25).

55.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu madankollu jiġu ġġustifikati permezz ta’ wieħed mill-motivi elenkati fl-Artikolu 30 KE jew permezz ta’ wieħed mir-rekwiżiti imperattivi żviluppati fil-ġurisprudenza tagħha(26), bil-kundizzjoni li, f’kull każ, dawn il-miżuri jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan li jrid jintlaħaq u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan(27).

56.      L-interpretazzjoni li tat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq, tal-kunċett ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti hija partikolarment wiesgħa(28). Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, għalkemm miżura ma jkollhiex l-għan li tirregola l-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, dak li huwa determinanti għall-qorti Komunitarja huwa l-effett tagħha fuq il-kummerċ intrakomunitarju, kemm jekk ikun attwali kif ukoll jekk ikunu potenzjali. Għaldaqstant, fir-realtà, din l-interpretazzjoni ippermettiet li taħt l-Artikolu 28 KE jiġu inklużi l-forom kollha ta’ protezzjoniżmu ekonomiku tal-Istati Membri, u dan peress li l-liġijiet nazzjonali kollha li jista’ jkollhom effett restrittiv fuq il-kummerċ, anki dawk li ma jkollhom ebda rabta mal-importazzjonijiet, setgħu jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

57.      Sabiex tipprova tillimita dak li hija kkunsidrat bħala użu eċċessiv tal-Artikolu 28 KE u sabiex tevita indħil eċċessiv fuq is-setgħat leġiżlattivi tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ ġdid billi ppruvat tillimita l-portata ta’ din id-dispożizzjoni.

58.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppruvat teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE ċerti liġijiet nazzjonali li kellhom għan ta’ interess ġenerali u ma kellhom ebda rabta mal-attività kummerċjali.

59.      Għaldaqstant, fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1981, Oebel(29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li liġi nazzjonali dwar ix-xogħol bil-lejl fil-fran tal-ħobż u fil-pastiċċeriji kienet tikkostitwixxi għażla ta’ politika ekonomika u soċjali leġittima, skont l-għanijiet ta’ interess ġenerali tat-Trattat. Fil-fehma tagħha, tali liġi “li tapplika skont kriterji oġġettivi għall-impriżi kollha f’settur partikolari, stabbiliti fit-territorju nazzjonali, mingħajr ma joħolqu kwalsiasi differenza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità tal-operaturi u mingħajr ma jiddistingwu bejn il-kummerċ ġewwa l-Istat interessat u dak tal-esportazzjoni” ma kellhiex l-effett li tirrestrinġi t-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u għaldaqstant ma kinitx manifestament tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti, kuntrarjament għall-Artikolu 28 KE(30).

60.      Bl-istess mod, fis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1982, Blesgen(31), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li liġi li tillimita l-konsum, il-bejgħ u l-provvista ta’ xorb alkoħolizzat fil-postijiet pubbliċi ma kinitx tmur kontra l-Artikolu 28 KE, in kwantu l-istess liġi, li ma kellha ebda relazzjoni mal-importazzjoni tal-prodotti, ma kinitx ta’ natura li tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Din il-miżura ma kienet tagħmel ebda distinzjoni skont in-natura jew il-provenjenza tal-prodotti u ma kinitx taffettwa l-bejgħ ta’ spirti taħt forom oħra. Fir-rigward tal-effetti restrittivi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn ma kinux jeċċedu l-effetti proprji ta’ liġi tal-kummerċ(32).

61.      Wara l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tikkunsidra l-ġurisprudenza tagħha mill-ġdid. Is-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, turi bidla fl-approċċ tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt qieset li kien neċessarju li teżamina mill-ġdid u tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar dan is-suġġett “[p]eress li [fil-fehma tagħha] n-negozjanti qegħdin dejjem iktar jinvokaw l-Artikolu [28 KE] tat-Trattat bħala mezz biex jikkontestaw kull tip ta’ leġiżlazzjoni li l-effett tagħha huwa li jillimita d-dritt tagħhom għal kummerċ liberu, anki jekk tali leġiżlazzjoni ma tirrigwardax il-prodotti ta’ Stati Membri oħra”(33).

62.      Dik il-kawża kienet tirrigwarda liġi Franċiża li tipprojbixxi l-bejgħ b’telf. Filwaqt li rrikonoxxiet li dik il-liġi setgħet tirrestrinġi l-volum ta’ bejgħ tal-prodotti importati filwaqt li ċċaħħad lill-operaturi ekonomiċi minn metodu ta’ promozzjoni tal-bejgħ, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat “jekk din il-possibbiltà [kinitx] suffiċjenti biex tikkwalifika l-liġi inkwistjoni bħala miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni fuq l-importazzjoni”(34) fis-sens tal-Artikolu 28 KE.

63.      Sabiex tirrispondi għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ liġijiet, jiġifieri dawk li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfati mill-merkanzija u dawk li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ. Għal kull waħda minn dawn il-kategoriji, il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet sistema ta’ kontroll differenti.

64.      L-ewwel kategorija tirrigwarda l-liġijiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-denominazzjoni, il-forma, il-piż u d-dimensjonijiet tal-prodott, kif ukoll il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettjar u l-ippakkjar tiegħu li huma differenti minn dawk rikjesti mill-Istat Membru ta’ oriġini(35).

65.      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisprudenza klassika li kienet żviluppat fis-sentenza Cassis de Dijon, iċċitata iktar ’il fuq, li tistabbilixxi li dawn il-liġijiet, anki jekk japplikaw bla ebda distinzjoni għall-prodotti kollha, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE(36).

66.      Fil-fatt, l-ostakolu għall-kummerċ joħroġ mill-obbligu li wieħed jkollu jadatta l-merkanzija provenjenti minn Stati Membri oħra għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Istat Membru ta’ kummerċjalizzazzjoni. Billi tkun timponi, per eżempju, ippakkjar mill-ġdid jew tibdil fil-kompożizzjoni tal-prodott, dik il-liġi tkun tinvolvi spejjeż u diffikultajiet addizzjonali għall-importatur.

67.      It-tieni kategorija tirrigwarda l-liġijiet li jillimitaw jew jipprojbixxu “ċerti modalitajiet ta’ bejgħ”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddefinixxietx dan il-kunċett. Madankollu wieħed jista’ jagħmel inventarju tiegħu, li mhuwiex eżawrjenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha. Apparti l-projbizzjoni fuq il-bejgħ b’telf ikkunsidrata fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawk il-liġijiet li jirrestrinġu ċerti forom ta’ promozzjoni tal-bejgħ, bħalma huma l-projbizzjonijiet kontra r-reklamar fuq it-televiżjoni f’settur partikolari jew indirizzat lil settur tal-pubbliku partikolari kienu jikkonċernaw “modalitajiet ta’ bejgħ”(37) kif ukoll il-liġijiet li jirriżervaw il-bejgħ ta’ prodotti speċifiċi għal ċerti stabbilimenti(38) jew li jirregolaw, per eżempju, il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet(39).

68.      F’dan l-istadju, fin-nuqqas ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta favur l-industrija nazzjonali, dawn il-liġijiet ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE.

69.      Kif nista’ nikkonstata, dawn il-miżuri jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-attività kummerċjali in kwantu tali. Huma għandhom natura ġenerali u ma jaffettwawx il-bejgħ ta’ prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra b’mod differenti mill-bejgħ ta’ prodotti nazzjonali. Dawn il-liġijiet mhumiex tali li jaffettwaw direttament l-aċċess għas-suq tal-prodott inkwistjoni. Madankollu, huma jista’ jkollhom effett indirett fuq l-importazzjonijiet, in kwantu jistgħu effettivament iwasslu għal tnaqqis fil-bejgħ.

70.      Għalhekk, kuntrarjament għall-ġurisprudenza preċedenti tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dawn il-liġijiet ma jikkostitwixxux miżuri li għandhom effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 28 KE, sakemm dawn japplikaw “għan-negozjanti kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali” u sakemm huma jaffettwaw “bl-istess mod, [f]id-dritt u [f]il-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk minn Stati Membri oħra”(40).

71.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, peress li dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfati, “l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip għall-bejgħ ta’ prodotti minn Stat Membru ieħor li jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti mill-Istat inkwistjoni mhijiex tali li timpedixxi l-aċċess tagħhom għas-suq jew li timpedilhom l-aċċess iżjed milli timpedixxi l-aċċess ta’ prodotti nazzjonali”(41).

72.      X’inhi r-raġuni li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ liġijiet?

73.      Il-prodotti, kif inhuma bil-kompożizzjoni, id-denominazzjoni, il-forma, it-tikketti u l-ippakkjar tagħhom għandhom, bħala prinċipju, ikunu jistgħu jiġu esportati fl-Istati Membri kollha, peress li, fir-rigward ta’ dawn il-punti, huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Istat tagħhom ta’ oriġini tagħhom. L-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat ta’ importazzjoni hija legali biss jekk tkun tista’ tiġi ġġustifikata permezz ta’ raġuni superjuri ta’ interess ġenerali. Jeħtieġ li l-aċċess tal-prodotti għas-suq tal-Istat Membru ta’ importazzjoni ma jkunx ostakolat iktar milli jkun meħtieġ u b’hekk jiġi evitat li l-industrija nazzjonali tibbenefika minn protezzjoni.

74.      Min-naħa l-oħra, mill-mument li dawn il-prodotti jidħlu fis-suq tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, huma għandhom ikunu jistgħu jiġu suġġetti għar-“regoli tal-kummerċjalizzazzjoni” li jkunu fis-seħħ f’dak l-Istat. F’dan ir-rigward, huma għandhom ikunu fuq livell ekwivalenti għall-prodotti nazzjonali.

75.      L-introduzzjoni ta’ din id-distinzjoni tidher li hija ispirata mix-xewqa li tiġi żgurata l-eżistenza ta’ sistema ġuridika bbilanċjata. Fil-fatt, l-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi kunflitt moħbi bejn, minn naħa, il-volontà tal-qorti Komunitarja li tagħti lill-Artikolu 28 KE rwol ta’ “strument ta’ salvagwardja” kontra d-diversi forom ta’ protezzjoniżmu ekonomiku tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, il-preokkupazzjoni notevoli tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma tindaħalx f’ċerti oqsma tal-politika interna ta’ dawn l-Istati.

76.      F’dan ir-rigward, din il-kawża tolqot il-qalba ta’ din il-problema.

77.      Is-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il quddiem, qajmet ċerta konfużjoni. Kien hemm ħafna li kkritikaw il-kuntradizzjonijiet li fiha, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u n-nuqqas ta’ kjarezza tagħha(42). L-implementazzjoni tal-kriterji żviluppati f’dik is-sentenza ġabet magħha diversi diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taffaċċja u li setgħu jiġu riżolti biss każ b’każ.

78.      B’mod partikolari, jiena ninsisti fuq żewġ punti fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza.

79.      Fl-ewwel lok jiena naħseb, bħal oħrajn qabli, li mhuwiex xieraq li ssir distinzjoni bejn diversi kategoriji ta’ miżuri(43).

80.      Fil-fatt, għalkemm huwa leġittimu li wieħed jipprova joħloq ċerta preżunzjonijiet fir-rigward tal-effetti fuq is-suq tad-diversi kategoriji ta’ miżuri, l-eżistenza ta’ restrizzjoni tista’ tiddependi wkoll minn fatturi oħra, bħalma huwa l-mod ta’ applikazzjoni tal-liġi inkwistjoni u l-effetti konkreti tagħha fuq il-kummerċ.

81.      Id-distinzjoni li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun artifiċjali u l-linja li tiddistingwi d-diversi kategoriji ta’ miżuri tista’ tkun inċerta(44). F’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat liġijiet dwar il-karatteristiċi tal-prodotti bħala “modalitajiet ta’ bejgħ”(45). F’każijiet oħrajn, hija tikkunsidra miżuri dwar il-modalitajiet ta’ bejgħ tal-merkanzija bħala regoli li jikkonċernaw il-karatteristiċi tal-prodott. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-miżuri li jirregolaw ir-reklamar meta dawn ikollhom effett fuq l-ippakkjar tal-prodott(46). Fl-aħħar nett, hemm każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmilx din id-distinzjoni u tibbaża l-analiżi fuq l-effetti tal-liġi biss(47). Dawn l-eżempji juru d-diffikultajiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiltaqa’ magħhom meta tikklassifika ċerti miżuri. Fil-fehma tiegħi, huwa għalhekk diffiċli li wieħed jimxi skont il-kategorija meta, fil-prattika, il-qorti nazzjonali u l-qorti Komunitarja jistgħu jiltaqgħu ma’ liġijiet differenti ħafna, li jkollhom jeżaminaw fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari.

82.      Fit-tieni lok, billi stabbiliet kriterji ġodda kif ukoll sistema ta’ kontroll differenti skont it-tip ta’ miżuri inkwistjoni, din il-ġurisprudenza ġabet magħha differenza fil-mod kif jinftehmu r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija meta mqabbla mas-sistema applikabbli għal-libertajiet ta’ moviment l-oħra.(48)

83.      Fil-fatt, kif ser naraw, il-mod kif jinftehmu r-restrizzjonijiet fuq dawn id-diversi libertajiet għandu ħaġa in komuni, u ċioè li huwa bbażat fuq kriterju wieħed, jiġifieri l-ostakolu għall-aċċess għas-suq. Li wieħed jadotta approċċ differenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, fil-fehma tiegħi, mhuwiex koerenti fid-dawl tar-rekwiżiti marbutin mal-kostruzzjoni tas-suq uniku Ewropew u mal-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

84.      Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, jidhirli li l-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, ma ppermettewx li jiġi kkjarifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE u lanqas li tiġi ffaċilitata l-implementazzjoni tal-istess artikolu.

85.      Madankollu, l-istess bħall-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, jiena ma naħsibx li huwa xieraq li llum din il-ġurisprudenza tiġi riveduta(49).

86.      Lanqas ma jiena tal-fehma li l-imsemmija ġurisprudenza għandha tiġi estiża għal-liġijiet li, l-istess bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrigwardaw il-“modalitajiet ta’ użu” tal-prodotti.

2.      Ir-raġunijiet li għalihom m’iniex favur l-estensjoni tal-ġurisprudenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, għall-miżuri li jirregolaw il-modalitajiet ta’ użu tal-prodotti.

87.      Fil-fehma tiegħi, l-estensjoni tal-ġurisprudenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, għal-liġijiet li jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ użu tal-prodotti iġġib magħha diversi inkonvenjenti, filwaqt li jidhirli li l-“metodu klassiku ta’ analiżi” tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa kompletament sodisfaċenti.

88.      Fl-ewwel lok, din is-soluzzjoni tfisser li jkollha tinħoloq kategorija ġdida ta’ eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE, xi ħaġa li jien m’iniex favuriha u dan għal diversi raġunijiet.

89.      Minn naħa, m’iniex ċert jekk ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi il-liġijiet dwar il-modalitajiet ta’ bejgħ tal-prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE japplikawx ukoll fir-rigward tal-miżuri li jirregolaw il-modalitajiet ta’ użu tagħhom. Fil-fatt, sakemm m’iniex qed niżbalja, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx adita b’numru kbir ħafna ta’ rikorsi ppreżentati kontra dawn it-tip ta’ miżuri.

90.      Min-naħa l-oħra, kif diġà indikajt, jiena nikkunsidra li mhuwiex xieraq li jsiru distinzjonijiet bejn id-diversi kategoriji ta’ liġijiet. Tali eżerċizzju huwa artifiċjali u jista’ jkun sors ta’ konfużjoni għall-qrati nazzjonali.

91.      Fl-aħħar nett, jiena naħseb li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 tal-miżuri nazzjonali li jirregolaw mhux biss il-modalitajiet ta’ bejgħ tal-merkanzija, imma wkoll il-modalitajiet ta’ użu tagħhom tmur kontra l-għanijiet tat-Trattat, jiġifieri l-ħolqien ta’ suq uniku u integrat. Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 28 KE, peress li twassal sabiex tiġi introdotta mill-ġdid il-possibbiltà għall-Istati Membri li jilleġiżlaw f’oqsma li l-leġiżlatur ried, għall-kuntrarju, jikkomunitarizza. Madankollu, din mhijiex id-direzzjoni li għandhom jieħdu l-kostruzzjoni Ewropea u l-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew. Fil-fatt, prodott għandu jkun jista’ jiċċirkola, bla ostakolu, ġewwa s-suq komuni u l-miżuri nazzjonali li b’xi mod jew ieħor joħolqu ostakolu għall-kummerċ intrakomunitarju għandhom ikunu jistgħu jiġu ġġustifikati mill-Istati Membri.

92.      Fit-tieni lok, jiena nqis li ma jeżisti ebda interess li jiġi limitat il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq miżuri li, fir-realtà, jistgħu jikkostitwixxu ostakolu serju għall-kummerċ intrakomunitarju.

93.      Fil-fatt, l-istħarriġ ġudizzjarju li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja skont il-“metodu klassiku ta’ analiżi” definit fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Dassonville u Cassis de Dijon, huwa, fil-fehma tiegħi, kompletament sodisfaċenti u ma nara ebda raġuni għalfejn ma għandux jitkompla jintuża.

94.      Dan il-metodu klassiku ta’ analiżi jippermetti mhux biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkontrolla l-osservanza mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, imma tħalli wkoll lill-istess Stati Membri l-marġni ta’ diskrezzjoni meħtieġa sabiex jiddefendu l-interessi leġittimi tagħhom.

95.      Fil-fatt, jiena nfakkar li, sabiex jiġi evitat li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ taffettwa ir-realizzazzjoni tal-interessi ġenerali l-oħra, il-leġiżlatur Komunitarju u l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-ġurisprudenza, ipprovdew għal xi eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija(50).

96.      Għaldaqstant, l-Artikolu 30 KE jistabbilixxi lista ta’ ġustifikazzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jinvokaw sabiex jadottaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija. Din il-lista hija limitattiva u għandha tiġi interpretata b’mod ristrett(51).

97.      B’mod parallel, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, iddefinixxiet l-“rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali” li fosthom insibu l-preokkupazzjonijiet marbuta mal-ambjent jew mal-protezzjoni tal-konsumaturi.(52) Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, miżura nazzjonali adottata sabiex tipproteġi l-ambjent tista’ tikkostitwixxi “rekwiżit imperattiv” li, fis-sens tas-sentenza Cassis de Dijon, tista’ tillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE.

98.      Ir-rikonoxximent mil-leġiżlatur u mill-qorti Komunitarja li jeżistu każijiet li fihom jista’ jkun leġittimu li l-moviment liberu tal-merkanzija jiġi ristrett, ma jagħtix għal daqshekk “carte blanche” lill-Istati Membri. Fil-fatt, anki jekk il-miżuri adottati minn dawn tal-aħħar jistgħu jkunu ġġustifikati abbażi ta’ raġunijiet ta’ interess ġenerali, huma xorta dejjem għandhom ikunu meħtieġa u proporzjonati(53).

99.      Barra minn hekk, dan il-metodu ta’ analiżi jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura stħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri kollha adottati mill-Istati Membri.

100. Dan l-istħarriġ huwa meħtieġ. Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni sa fejn ir-regoli li jadottaw ikunu jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu tal-merkanzija u t-tgawdija mill-atturi tas-suq tal-libertajiet ta’ moviment. Jeħtieġ ukoll li jiġi evitat li l-qrati nazzjonali jaslu sabiex jeskludu numru kbir ħafna ta’ miżuri minn taħt mill-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-kunċett ta’ restrizzjoni jiġi kkunsidrat f’sens wiesa’.

101. Fl-istess ħin, dan l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat, peress li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja mhuwiex li tindaga sistematikament dwar il-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw. Għaldaqstant, huwa l-istħarriġ dwar il-proporzjonalità li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tibbilanċja l-interessi bejn il-preokkupazzjonijiet marbuta mar-realizzazzjoni tas-suq intern u mal-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-Istati Membri(54).

102. Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, jiena ma nara ebda raġuni għalfejn dan il-metodu ta’ analiżi għandu jċedi postu għal soluzzjoni li, finalment, twassal sabiex ixxejjen parzjalment waħda mid-dispożizzjonijiet prinċipali tat-Trattat.

103. Fit-tielet lok, jiena naħseb li l-ġurisprudenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi estiża la għal liġi li tipprojbixxi l-użu ta’ prodott u lanqas għal liġi li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ użu tiegħu.

104. Fil-fatt, il-liġi inkwistjoni f’din il-kawża, in kwantu tipprojbixxi purament u sempliċiment l-użu ta’ prodott u għalhekk iċċaħħdu minn kull utilità, tikkostitwixxi, min-natura tagħha stess, ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija. Anki jekk din il-liġi tapplika bl-istess mod għall-prodotti nazzjonali u għall-prodotti importati, hija timpedixxi lil dawn tal-aħħar milli jaċċedu għas-suq. Dan evidentement jikkostitwixxi restrizzjoni u għalhekk jeħtieġ li ssir analiżi bbażata fuq l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

105. Fil-fehma tiegħi, dan huwa wkoll il-każ tal-miżuri li jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ użu ta’ prodott. Anki jekk, bħala prinċipju, dawn il-miżuri mhumiex intiżi li jirregolaw il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri, madankollu huma jista’ jkollhom ċerti effetti fuq il-kummerċ intrakomunitarju billi jaffettwaw l-aċċess għas-suq tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ikun aħjar li dawn it-tip ta’ miżuri jiġu eżaminati fid-dawl tar-regoli tat-Trattat iktar milli jinħarġu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

106. Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, jiena tal-fehma li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-użu ta’ prodott ma għandhomx jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, imma għandhom ikunu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 28 KE.

107. Fl-opinjoni tiegħi, l-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti Komunitarja għandha tkun abbażi ta’ kriterju maħluq fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 28 KE u li huwa komuni għar-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertajiet ta’ moviment, jiġifieri l-kriterju tal-aċċess għas-suq(55).

3.      Stħarriġ ġudizzjarju bbażat fuq il-kriterju dwar l-aċċess għas-suq

108. Jiena nfakkar li skont l-Artikolu 28 KE, it-Trattat jipprojbixxi l-“kull miżura li għandha effett ekwivalenti” bejn l-Istati Membri(56). Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ liġi nazzjonali, ikun iktar konformi mad-diċitura u mal-ispirtu tat-Trattat li wieħed jagħmel evalwazzjoni konkreta tal-effetti ta’ dik il-liġi fuq is-suq.

109. Għaldaqstant, il-kriterju li jiena ser nipproponi huwa kriterju ġenerali li huwa ibbażat iktar fuq l-effett tal-miżura fuq l-aċċess għas-suq milli fuq l-għan tal-liġi inkwistjoni. B’hekk dan il-kriterju japplika għat-tipi kollha ta’ liġijiet, kemm jekk ikunu jirrigwardaw ir-rekwiżiti marbutin mal-karatteristiċi ta’ prodott, kif ukoll jekk ikunu jirrigwardaw il-modalitajiet ta’ bejgħ jew il-modalitajiet ta’ użu.

110. L-imsemmi kriterju huwa kkonċernat mil-livell sa fejn liġi nazzjonali tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri(57).

111. Skont dan il-kriterju, liġi nazzjonali tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, kuntrarja għat-Trattat, meta hija timpedixxi, tfixkel jew tirrendi iktar diffiċli l-aċċess għas-suq tal-prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra.

112. Bi kriterju bħal dan, l-Istati Membri jkollhom jiġġustifikaw biss il-miżuri li jostakolaw il-kummerċ intrakomunitarju. Dan jippermetti li jinstab bilanċ iktar xieraq bejn ir-rekwiżiti marbuta mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni u dawk marbuta mal-osservanza meħtieġa tas-setgħat sovrani tal-Istati Membri.

113. Fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dan il-kriterju, jiena, l-istess bħall-Kummissjoni, naħseb li l-qorti Komunitarja għandha tagħmel analiżi każ b’każ. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina b’mod konkret il-portata tal-ostakolu għall-kummerċ intrakomunitarju li tikkawża l-miżura li tillimita l-aċċess għas-suq.

114. L-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħtina xi indikazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ kriterju bħal dan.

115. Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-miżuri li jwasslu għal diskriminazzjoni miftuħa, l-ostakolu għall-kummerċ intrakomunitarju huwa evidenti. Miżuri bħal dawn huma pprojbiti minnhom infushom mill-Artikolu 28 KE.

116. Għal dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-kategoriji l-oħra ta’ miżuri, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-impatt konkret tagħhom fuq it-tendenzi tal-kummerċ, iżda l-analiżi li għandha tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tinvolvi evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 28 KE ma jagħmilx distinzjoni bejn il-liġijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva skont l-intensità tal-effetti tagħhom fuq il-kummerċ intrakomunitarju(58).

117. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha elementi biżżejjed sabiex tkun tista’ tistabbilixxi li dawk il-miżuri huma ta’ natura li jostakolaw jew ifixklu l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effetti purament ipotetiċi(59) jew totalment aleatorji u indiretti(60) jew sempliċement insinjifikanti(61), mhumiex biżżejjed sabiex il-miżuri jiġu kklassifikati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, kuntrarji għall-Artikolu 28 KE. Għaldaqstant, dan l-ostakolu ma għandux bżonn ikun attwali u sinifikattiv, imma għandu jkun, tal-inqas, possibbli. Per eżempju, dan ikun il-każ tal-miżuri li japplikaw b’mod indistint, billi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet dwar il-karatteristiċi tal-prodotti.

118. L-użu ta’ kriterju wieħed u sempliċi, li jirrigwarda l-aċċess għas-suq, jippermetti l-approssimazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll tar-restrizzjonijiet fuq id-diversi libertajiet ta’ moviment. Fil-fatt, kif diġà indikjat, il-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, ġabu magħhom differenza fil-mod kif jinftehmu r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija meta mqabbel ma’ libertajiet oħra. Madankollu, jeħtieġ li jkun hemm approċċ komuni bejn dawn il-libertajiet differenti, partikolarment, fid-dawl tar-rekwiżiti marbutin mal-kostruzzjoni tas-suq uniku Ewropew u mal-ħolqien taċ-ċittadinanza Ewropea.

119. Evidentement, l-analoġiji bejn il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital mhumiex perfetti. Madankollu, il-mod kif jinftehmu r-restrizzjonijiet għal dawn id-diversi libertajiet għandu dan in komuni, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għall-aċċess għas-suq.

120. Fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk il-miżura inkwistjoni tipprojbixxix, tfixkilx jew tirrendix inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà inkwistjoni u tqis li liġi li taffettwa, per eżempju, l-aċċess ta’ ħaddiem għas-suq tal-impjieg jew li timpedixxi l-aċċess tal-kapital għal suq finanzjarju bħala kuntrarja għat-Trattat.

121. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret dan kollu riċentement fis-sentenza Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Vallojna, fejn ġie ppreċiżat li “l-Artikoli 39 KE u 43 KE jipprekludu kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat”(62).

122. Fost dawn il-miżuri hemm dawk li, filwaqt li japplikaw b’mod indistint, jaffettwaw modalità ta’ eżerċizzju tal-attività kkonċernata u għandhom l-effett li jċaħħdu lil operatur ekonomiku minn mod effikaċi ta’ kompetizzjoni sabiex jidħol f’suq(63).

123. Għaldaqstant, fis-sentenza CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-liġi Franċiża li tipprojbixxi r-remunerazzjoni tal-kontijiet ta’ depożitu kienet restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 43 KE, in kwantu għall-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor apparti r-Repubblika Franċiża, kienet tikkostitwixxi “ostakolu serju għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom” li jaffettwa l-aċċess tagħhom għas-suq Franċiż(64).

124. Għal dak li jikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Fidium Finanz(65), dwar liġi Ġermaniża li kienet teżiġi l-awtorizzazzjoni minn qabel fl-Istat fejn jiġi pprovdut is-servizz, iddeċidiet ukoll li s-sistema inkwistjoni kellha l-effett li tostakola l-aċċess għas-suq finanzjarju Ġermaniż tal-operaturi ekonomiċi li ma kellhomx il-kapaċitajiet mitluba mil-liġi Ġermaniża u partikolarment mill-kumpanniji stabbiliti fi Stati terzi(66).

125. F’din l-istess kawża, anki jekk l-aspett relattiv għall-moviment liberu tal-kapital ġie meqjus bħala aċċessorju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din il-liġi kienet tirrendi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji offruti minn kumpanniji stabbiliti barra miż-Żona Ekonomika Ewropea inqas aċċessibbli għall-klijenti stabbiliti fil-Ġermanja u b’hekk kienet tinvolvi tnaqqis fil-fluss finanzjarju transkonfinali marbut ma’ tali servizzi(67).

126. Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Graf(68), ikkunsidrat li dispożizzjoni, anki jekk tapplika b’mod indistint, li timpedixxi jew tiddiswadi lil ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu tikkostitwixxi ostakolu għall-istess libertà. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li “sabiex jikkostitwixxu ostakoli, jeħtieġ [li l-miżuri inkwistjoni] jaffettwaw l-aċċess tal-ħaddiema għas-suq tax-xogħol”(69). Dan huwa dak li hija kienet diġà ddeċidiet fis-sentenza Bosman(70), dwar liġi li tirregola t-trasferiment ta’ plejer tal-futbol professjonali minn klabb għal ieħor(71).

127. Dawn il-liġijiet jikkostitwixxu restrizzjonijiet kuntrarji għat-Trattat peress li, billi jostakolaw l-aċċess għas-suq tal-operaturi l-ġodda, huma jikkostitwixxu oġġettivament ostakoli għal-libertajiet ta’ moviment. Miżuri bħal dawn jiffriżaw is-suq ikkonċernat fl-istat attwali tiegħu u għaldaqstant, min-natura tagħhom, huma kuntrarji għall-libertajiet ta’ moviment u għall-kompetizzjoni, li fuqhom huwa effettivament ibbażat is-suq komuni(72).

128. Fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-kriterju tal-aċċess għas-suq huwa inerenti għall-approċċ ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

129. Fis-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċett ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti bħala, “ir-regoli kummerċjali kollha tal-Istati Membri li, […] jistgħu jfixklu l-kummerċ intrakomunitarju”(73). Sussegwentement, fis-sentenza tagħha Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE jekk ma jkunux “tali li [j]impedixx[u] [l-aċċess għas-suq tal-prodotti provenjenti minn Stat Membru ieħor] jew li [j]imped[u]lhom l-aċċess iżjed milli [j]impedixx[u] l-aċċess ta’ prodotti nazzjonali”(74). Billi ddistingwiet diversi kategoriji ta’ miżuri, il-Qorti tal-Ġustizzja ppruvat tidentifika l-kundizzjonijiet li fihom kull waħda minn dawn il-kategoriji tista’ taffettwa l-aċċess għas-suq(75).

130. Fil-ġurisprudenza jeżistu diversi eżempji li, fir-realtà, huma bbażati fuq dan il-kriterju. Fis-sentenza Gourmet International Products(76), per eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li liġi li tipprojbixxi x-xandir ta’ messaġġi pubbliċitarji għal xorb alkoħoliku diretti lejn il-konsumaturi, tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ intrakomunitarju, u taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE, in kwantu hija ta’ natura li iktar tfixkel l-aċċess għas-suq tal-prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra milli dak tal-prodotti nazzjonali(77). Bl-istess mod, fis-sentenza De Agostini u TV‑Shop, iċċitata iktar ’il fuq, li tirrigwarda projbizzjoni totali tar-reklamar fuq it-televiżjoni destinat għat-tfal, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li liġi nazzjonali li ċċaħħad lil xandar mill-unika forma ta’ promozzjoni li tippermettilu jidħol fis-suq inkwistjoni tista’ tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva(78).

131. Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq, fil-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-merkanzija wieħed jista’ jsib kriterju tal-istess natura bħal dak li ġie applikat fil-kuntest tal-libertajiet l-oħra(79).

132. L-użu tal-istess kriterju għall-libertajiet kollha ta’ moviment jippermetti li jiġu riżolti b’mod iktar faċli l-każijiet li fihom il-miżuri li jkunu suġġetti għall-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-merkanzija jistgħu wkoll jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet għall-libertajiet ta’ moviment l-oħra.

133. Għalkemm, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza dan it-tip ta’ miżuri fir-rigward ta’ waħda biss mill-libertajiet fundamentali(80), il-Qorti tal-Ġustizzja spiss ikkunsidrat li l-aspett tal-moviment liberu tal-merkanzija u dak tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, per eżempju, kienu marbutin mill-qrib u, għaldaqstant eżaminat b’mod simultanju r-restrizzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Artikoli 28 KE u 49 KE.

134. B’hekk, fis-sentenza Canal Satélite Digital(81), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li liġi li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċertu tagħmir kif ukoll il-provvista ta’ servizzi marbuta miegħu, għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel kienet tmur kontra l-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, in kwantu, minħabba ż-żmien li kienet tieħu l-proċedura u l-ispejjeż li kienet tinvolvi, hija kienet suxxettibbli li tiddisdwadi lill-operaturi kkonċernati milli jsegwi l-pjanijiet tagħhom(82).

135. Barra minn hekk, wieħed jista’ jsib ukoll każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, b’analoġija mal-libertajiet l-oħra ta’ moviment, applikat il-kriterji żviluppati fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq. B’hekk, fis-sentenza Alpine Investments(83), dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-qorti Komunitarja enfasizzat preċiżament il-fatt li, b’differenza mill-kawża Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, il-projbizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża “[kienet] tikkundizzjonadirettament l-aċċess għas-suq tas-servizzi fl-Istati Membri l-oħra [u b’hekk kienet] tista’ tostakola l-kummerċ intrakomunitarju ta’ servizzi”(84).

136. Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, jiena tal-fehma li liġi nazzjonali tista’ tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, kuntrarja għat-Trattat, jekk tostakola l-aċċess ta’ prodott għas-suq, u dan irrispettivament mill-għan tal-miżura inkwistjoni.

137. Għaldaqstant, bħala risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jiena nikkunsidra li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ prodott, u li japplikaw b’mod indistint kemm għall-prodotti nazzjonali kif ukoll għall-prodotti importati minn Stati Membri oħra, jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28 KE jekk dawn jostakolaw l-aċċess għas-suq tal-prodott ikkonċernat.

138. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li jiena ser nanalizza l-konformità tal-miżura inkwistjoni mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ggarantit mill-Artikolu 28 KE.

V –    Fuq in-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu

139. Hawnhekk infakkar li r-rikors tal-Kummissjoni huwa intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-liġi Taljana, billi tipprojbixxi ċ-ċiklomuturi, il-muturi, it-triċikli u l-kwadriċikli milli jirmunkaw karru, introduċiet ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija li jmur kontra t-Trattat.

A –    Argumenti prinċipali tal-partijiet (85)

140. Preliminarjament, il-Kummissjoni tfakkar li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju tar-regoli dwar l-approvazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-użu fit-triq ta’ karrijiet għaċ-ċiklomuturi, għandhom japplikaw l-Artikoli 28 KE u 30 KE.

141. Il-Kummissjoni tindika li l-liġi Taljana timpedixxi l-użu ta’ karrijiet manifatturati u kkummerċjalizzati legalment fl-Istati Membri l-oħra, u għaldaqstant, fil-fehma tagħha, tostakola l-importazzjoni u l-bejgħ tagħhom fl-Italja. Projbizzjoni bħal din tista’ titqies bħala kompatibbli mat-Trattat fil-każ biss li tkun iġġustifikata minn wieħed mill-motivi elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn waħda mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

142. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li l-fatt li r-Repubblika Taljana tawtorizza li ċ-ċiklomuturi rreġistrati fi Stati Membri oħra jintużaw fit-triq fit-territorju tagħha minkejja li jkunu qegħdin jirmunkaw karru juri li l-liġi inkwistjoni mhija mmotivata minn ebda rekwiżit fil-qasam tas-sigurtà fit-triq.

143. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li skont ġurisprudenza stabbilita, il-premessi tad-Direttivi 93/93 u 97/24, kif invokati mir-Repubblika Taljana in sostenn tal-liġi tagħha, mhumiex vinkolanti u ma jistgħux ikollhom l-għan jew l-effett li jrendu kompatibbli mad-dritt Komunitarju liġijiet nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni f’din il-kawża.

144. Bi tweġiba għal dawn l-argumenti, ir-Repubblika Taljana tirribatti li l-ksur addebitat lilha jikkonċerna l-projbizzjoni taċ-ċiklomuturi rreġistrati fl-Italja milli jirmunkaw karrijiet u mhux ir-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ ċiklomutur u ta’ karru manifatturati fi Stat Membru ieħor u intiżi sabiex jiġu kkumerċjalizzati fit-territorju Taljan.

145. Ir-Repubblika Taljana ssostni, barra minn hekk, li r-riżerva li tinsab fl-aħħar tal-premessi tad-Direttivi 93/93 u 97/24 tippermetti l-miżura inkwistjoni. Fil-fehma tagħha, tali riżerva ssib spjegazzjoni fid-diversi eċċezzjonijiet li jeżistu bejn it-territorji nazzjonali. Din ma tistax titneħħa ħlief jekk ikunu armonizzati r-regoli tekniċi dwar l-approvazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-użu fit-triq tal-karrijiet irmunkati minn vetturi bil-mutur b’żewġ jew bi tliet roti(86). Ir-Repubblika Taljana tirrileva li d-dritt Komunitarju applikabbli ma jipprovdix għal tali armonizzazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikonoxximent reċiproku tal-karrijiet jibqa’ poter diskrezzjonali tal-Istati Membri.

146. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana tenfasizza li l-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi huma importanti mill-perspettiva tas-sigurtà fit-triq. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Taljani jikkunsidraw li, fin-nuqqas ta’ regoli ta’ approvazzjoni li jirrigwardaw il-vetturi li jirmunkaw karru, il-kundizzjonijiet tas-sigurtà meħtieġa mhumiex issodisfati.

B –    Evalwazzjoni

147. Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-dritt Komunitarju ma jirregolax ir-regoli tas-sewqan u tat-traffiku, partikolarment tal-vetturi li jkollhom karru irmunkat magħhom.

148. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni tas-sigurta fit-triq li huma jidhrilhom xieraq fit-territorju tagħhom u jadottaw miżuri għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. Għaldaqstant huma jistgħu jipprovdu għal restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ karrijiet.

149. Madankollu, din il-kompetenza ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr ebda limiti.

150. Fil-fatt fin-nuqqas ta’ regoli komuni jew armonizzati, l-Istati Membri xorta jibqgħu obbligati li josservaw il-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat, fosthom il-moviment liberu tal-merkanzija(87). Kif diġà indikajt, skont l-Artikolu 28 KE, din il-libertà tiggarantixxi l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti.

151. Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti li ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq, għandha l-effett li kull liġi nazzjonali li tostakola l-aċċess għas-suq tal-prodott importat taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE.

152. Fid-dawl tal-analizi li għadni kif għamilt, il-kwistjoni hija jekk il-liġi Taljana hijiex suxxettibbli li tostakola l-kummerċ intrakomunitarju u, b’mod partikolari, jekk timpedixxix il-karrijijet manifatturati u kkumerċjalizzati legalment fl-Istati Membri l-oħra milli jidħlu fis-suq Taljan.

153. F’din il-kawża, il-liġi inkwistjoni hija miżura adottata mill-Gvern Taljan sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tas-sewwieqa u ta’ dawk li jużaw it-triq. Din tinsab fil-Kodiċi għat-traffiku fit-triq. Din il-miżura tipprojbixxi lil dawk li jużaw il-karrijiet milli jirmunkawhom wara ċiklomutur, mutur, triċiklu jew kwadriċiklu, u dan fit-territorju Taljan kollu. Jidher li ma teżisti ebda deroga għal din il-projbizzjoni prinċipali. Kuntrarjament għal-liġi inkwistjoni fil-kawża Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq, l-imsemmija miżura ma tillimitax l-użu ta’ prodott, iżda tipprojbixxi purament u sempliċiment l-użu tiegħu.

154. Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni ma tagħmel ebda distinzjoni skont jekk il-karrijiet humiex manifatturati u kkumerċjalizzati fl-Italja jew importati minn Stati Membri oħra(88). Fil-fatt, fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Taljana tenfasizza li l-miżura ta’ projbizzjoni tikkonċerna l-karrijiet kollha, u dan irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom u tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom(89).

155. Kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha(90), il-karrijiet imsemmija fil-liġi inkwistjoni jikkostitwixxu suq partikolari. Dawn, fil-fatt, għandhom karatteristiċi tekniċi speċifiċi sabiex ikunu jistgħu jiġu rmunkati mal-muturi.

156. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena nqis li l-liġi Taljana timponi restrizzjonijiet serji fuq il-produtturi u d-distributuri ta’ karrijiet stabbiliti fi fl-Istati Membri l-oħra, u dan filwaqt li tirrikonoxxi kompletament l-importanza tal-protezzjoni tas-sigurtà fit-triq u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-kuxjenza, li kull ma jmur dejjem tiżdied, li għandhom il-Komunità u l-Istati Membri.

157. Fil-fatt, il-projbizzjoni inkwistjoni għandha l-effett li tirrendi prattikament impossibbli d-dħul fis-suq Taljan.

158. Fil-fatt, il-portata tal-projbizzjoni hija tali li ma tippermetti ebda użu ieħor tal-karrijiet ħlief wieħed purament marġinali. L-imsemmija karrijiet huma mċaħħda minn kull utilità peress li ma jistgħux jintużaw skont l-użu normali tagħhom li għalih huma intiżi, jiġifieri sabiex iżidu l-kapaċità tal-bagolli tal-mutur. B’hekk, din il-projbizzjoni tiddiswadi lid-distributuri milli jimpurtawhom. Fil-fatt tali operazzjoni ftit li xejn tagħmel sens jekk il-bejjiegħ bl-imnut ikun jaf li mhux ser ikun hemm bejgħ jew kiri tal-materjal(91). Għaldaqstant, hija jkollha l-effett li tnaqqas l-importazzjonijiet b’mod sinjifikattiv.

159. Konsegwentement, jiena nikkunsidra li l-liġi inkwistjoni, li tipprojbixxi purament u sempliċiment l-użu tal-merkanzija fit-territorju nazzjonali kollu, tinvolvi ostakolu sostanzjali, dirett u immedjat għall-kummerċ intrakomunitarju. Fil-fehma tiegħi, tali liġi tikkostitwixxi għalhekk miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 28 KE.

160. Madankollu, din il-miżura mhijiex neċessarjament kuntrarja għad-dritt Komunitarju. Diġà rajna li l-libertajiet ta’ moviment jistgħu jkunu s-suġġett ta’ restrizzjonijiet min-naħa tal-Istati Membri jekk dawn l-istess restrizzjonijiet jkunu ġġustifikati abbażi ta’ raġuni leġittima u jekk ikunu xierqa u proporzjonati.

161. Għal dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija miżura, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li liġi nazzjonali li tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija tista’ tkun iġġustifikata minn wieħed mill-motivi elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn wieħed mir-rekwiżiti imperattivi żviluppati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li l-liġi tkun tapplika b’mod indistint.(92)

162. F’dan ir-rikors, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-projbizzjoni inkwistjoni inħarġet bil-għan li tiggarantixxi s-sigurtà fit-triq.

163. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan l-għan jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija(93).

164. Madankollu, din il-projbizzjoni għandha tkun proporzjonata. Fil-fatt, għalkemm, fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati dwar l-użu fit-triq tal-muturi li jirmunkaw karru, huma l-Istati Membri li jiddeċiedu l-livell ta’ sigurtà tas-sewwieqa u l-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell, dawn jistgħu jagħmlu dan biss fil-limiti definiti mit-Trattat u, b’mod partikolari, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

165. Sabiex liġi nazzjonali tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk l-istess liġi tkunx adattata sabiex tipproteġi l-interess inkwistjoni, u min-naħa l-oħra, jekk il-miżuri li hija timplementa jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan(94).

166. Huwa ċar li din il-liġi tista’ tkun mod effikaċi ta’ protezzjoni ta’ dawk li jużaw it-triq. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Léger fl-ewwel konklużjonijiet mogħtija f’din il-kawża, f’ċerti ċirkustanzi, l-irmunkar ta’ karru ma’ mutur jista’ jikkostitwixxi perikolu għat-traffiku, in kwantu din il-vettura, li timxi bil-mod, tista’ tostakola l-passaġġ b’mod sinjifikattiv.

167. Madankollu, jidhirli li huwa diffiċli li wieħed jaċċetta li l-miżura kkontestata tista’ tissodisfa r-rekwiżit tal-proporzjonalità.

168. Fil-fatt, il-liġi Taljana mhijiex limitata biss li tipprojbixxi l-użu tal-karrijiet irmunkati ma’ mutur f’postijiet preċiżi jew f’ħinijiet partikolari, iżda tapplika fit-territorju Taljan kollu, ikunu x’ikunu l-infrastrutturi tat-toroq u l-kundizzjonijiet tat-traffiku.

169. L-awtoritajiet Taljani ma jirreferu għal ebda element preċiż ta’ natura li juri li dawn ir-rekwiżiti huma proporzjonati fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq. Barra minn hekk, il-projbizzjoni inkwistjoni tikkonċerna biss il-muturi rreġistrati fl-Italja(95). Il-vetturi rreġistrati fl-Istati Membri l-oħra huma għaldaqstant awtorizzati jsuqu b’karru fit-toroq Taljani.

170. Barra minn hekk, jiena nħoss li s-sigurtà tas-sewwieqa kkontemplata fil-liġi Taljana tista’ tiġi żgurata b’mezzi ħafna inqas restrittivi għal-libertà tal-kummerċ. Jeħtieġ, per eżempju, li jiġu definiti l-ħinijiet meqjusa fil-pajjiż bħala riskjużi – bħalma huma l-passaġġ minn żoni muntanjużi, l-awtrostradi, jew it-toroq pubbliċi ffrekwentati ħafna – sabiex jiġu adottati projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet settorjali. Din l-alternattiva tillimita r-riskji marbutin mal-użu tal-karrijiet u hija ċertament inqas restrittiva għall-kummerċ.

171. Fi kwalunkwe każ, jiena nikkunsidra li kien l-obbligu tal-awtoritajiet Taljani li, qabel jadottaw miżura daqshekk radikali ta’ projbizzjoni ġenerali u assoluta, janalizzaw sew il-possibbiltà li jirrikorru għal miżuri inqas restrittivi fuq il-libertà ta’ moviment u jeskluduhom biss fil-każ li tiġi stabbilita n-natura inadegwata tagħhom fid-dawl tal-għan li jrid jintlaħaq. Mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-awtoritajiet Taljani għamlu analiżi bħal din.

172. Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, jiena naħseb li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE, meta adottat u żammet fis-seħħ liġi li tipprojbixxi l-użu, fit-territorju tagħha, ta’ karrijiet irmunkati ma’ ċiklomutur, ma’ mutur, ma’ triċiklu jew ma’ kwadriċiklu.

173. Għal dak li jikkonċerna l-argument żviluppat mir-Repubblika Taljana, li l-aħħar premessi tad-Direttivi 93/93 u 97/24 jippermettu lill-Istati Membri iżommu tali liġi, jiena nikkunsidra li dan ma jippermettix li tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni maħluqa mill-miżura inkwistjoni.

174. Fil-fatt, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, skont ġurisprudenza stabbilita, il-preambolu ta’ att Komunitarju ma għandu ebda valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat sabiex wieħed ikun jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-att ikkonċernat jew sabiex jinterpreta dawk id-dispożizzjonijiet f’sens li jmur manifestament kontra d-diċitura tal-istess att.(96)

175. Mis-sempliċi qari tad-Direttiva 93/93 jirriżulta li ebda premessa msemmija mir-Repubblika Taljana ma ġiet riprodotta fil-korp tal-istess direttiva. F’dan ir-rigward, u bħalma fakkar l-Avukat Ġenerali Léger fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, għalkemm il-preambolu ta’ direttiva jista’, bħala prinċipju, jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja indikazzjonijiet dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur u dwar it-tifsira li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, meta kunċett li jinsab fi premessa ma jiġix espress b’mod konkret fit-test ewlieni tad-direttiva, huwa l-kontenut ta’ din tal-aħħar li għandu jieħu preċedenza(97).

176. Fi kwalunkwe każ, jiena nfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dispożizzjoni tad-dritt sussidjarju, f’dan il-każ direttiva, “ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jimponu kundizzjonijiet li jmorru kontra r-regoli tat-Trattat dwar il-moviment tal-merkanzija”.(98)

177. Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE, billi adottat u żammet fis-seħħ liġi li tipprojbixxi l-użu ta’ karrijiet irmunkati ma’ ċiklomutur, ma’ mutur, ma’ triċiklu jew ma’ kwadriċiklu.

VI – Fuq l-ispejjeż

178. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet essenzjalment fir-rigward tal-motivi kollha tagħha, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VII – Konklużjoni

179. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiddikjara li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 KE, billi adottat u żammet fis-seħħ liġi li tipprojbixxi l-użu ta’ karrijiet irmunkati ma’ ċiklomutur, ma’ mutur, ma’ triċiklu jew ma’ kwadriċiklu;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993 (C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I‑6097).


3 – Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nuża wkoll it-terminu “mutur(i)” sabiex nirreferi għal dawn il-vetturi kollha.


4 – F’dan il-każ, lit-Tielet Awla.


5 – Direttiva tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1992, li għandha x’taqsam mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta (ĠU L 225, p. 72).


6 – Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 92/61, b’“ċiklomuturi” wieħed għandu jifhem “vetturi b’żewġ roti jew bi tlieta mgħammra b’magna b’kapaċità ċilindrika ta’ mhux iktar minn 50 ċentimetru kubu jekk tkun taħdem b’kombustjoni interna u b’veloċità massima mill-fabbrika ta’ mhux iktar minn 45 kilometru fis-siegħa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


7 – Ara l-ewwel sat-tielet, it-tnax u l-aħħar premessi.


8 – Ara t-tmien premessa.


9 – Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar il-massa u dimensjonijiet ta’ vetturi b’żewġ jew bi tliet roti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 94 - 200).


10 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ vetturi ta’ żewġ jew tl[ie]t roti b’mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 34 - 487).


11 – Ara l-aħħar premessi tad-Direttivi 93/93 u 97/24.


12 – GURI Nru 114, tat-18 ta’ Mejju 1992, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi għat-traffiku fit-triq”.


13 – Każijiet li fihom ikun meħtieġ li wieħed ikollu awtorizzazzjoni amministrattiva (pereżempju, il-ġarr ta’ armi), jew li wieħed ikollu ċerta età sabiex ikun jista’ jakkwista jew juża prodotti speċifiċi, jew anki l-każijiet li fihom l-użu ta’ prodott ikun ipprojbit f’ċerti postijiet jew f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata (pereżempju, il-projbizzjoni li jintużaw it-telefons ċellulari fl-isptarijiet).


14 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2000, Toolex (C-473/98, Ġabra p. I‑5681, punti 34 sa 37). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li liġi nazzjonali li jkun fiha projbizzjoni ta’ prinċipju kontra l-użu ta’ prodott speċifiku tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, u dan inkluż fil-każ li l-imsemmija liġi tipprovdi għal sistema ta’ derogi individwali minn din il-projbizzjoni.


15 – Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jiċċita l-eżempju tal-liġijiet nazzjonali dwar il-limitazzjoni tal-veloċità tas-sewqan fit-toroq jew l-użu tal-logħob tan-nar.


16 – Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006 (C-158/04 u C-159/04, Ġabra p. I‑8135).


17 – Sentenza tad-9 ta’ Frar 1995 (C-412/93, Ġabra p. I‑179).


18 – Fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Avukat Ġenerali Kokott iddefinixxiet il-modalitajiet ta’ użu bħala “regoli nazzjonali li jirregolaw kif u fejn prodotti jistgħu jintużaw”.


19 – Punti 52 sa 55.


20 – Punt 87.


21 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C-194/94, Ġabra p. I‑2201, punt 40), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-moviment liberu tal-merkanzija huwa “wieħed mil-libertajiet fundamentali tal-Komunità”, kif ukoll Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour‑Marinopoulos, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14).


22 – 8/74, Ġabra p. 837.


23 – Idem (punt 5). Ara wkoll is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, magħrufa bħala “Liġi tal-purezza tal-birra” (178/84, Ġabra p. 1227, punt 27); tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-265/95, Ġabra p. I‑6959, punt 29); tal-24 ta’ Novembru 2005, Schwarz (C-366/04, Ġabra p. I‑10139, punt 28), u tal-10 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall (C-265/06, Ġabra p.I-2245, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – 120/78, Ġabra p. 649.


25 – Din il-kawża tirrigwarda liġi nazzjonali li kienet tistabbilixxi l-kontenut minimu ta’ alkoħol f’ċertu xorb. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-liġi Ġermaniża, li kienet tirriżerva l-isem ta’ “likur tal-frott” għax-xorb alkoħolizzat b’volum ta’ iktar minn 25° biss u li, għaldaqstant, kienet tirrendi impossibbli l-bejgħ ta’ likuri Franċiżi b’volum ta’ bejn 15° u 25° fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kienet tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 28 KE.


26 – Għal analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, ara V. Hatzopoulos, “Exigences essentielles, impératives ou impérieuses: une théorie, des théories ou pas de théorie du tout?”, Revue trimestrielle de droit européen, Nru 2, April‑Ġunju 1998, p. 191.


27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C-14/02, Ġabra p. I‑4431, punt 64).


28 – Ara E. White,, “In search of the limits to article 30 of the EEC Treaty”, Common Market Law Review, 1989, Nru 2, p. 235, u N. Reich., “The ‘November Revolution’ of the European Court of Justice: Keck, Meng and Audi Revisited”, Common Market Law Review, 1994, p. 449.


29 – 155/80, Ġabra p. 1993.


30 – Punti 12 u 16.


31 – 75/81, Ġabra p. 1211.


32 – Punti 8 u 9.


33 – Punt 14. Fl-istess sens, ara l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 31 u 32 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Graf (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, C-190/98, Ġabra p. I‑493).


34 – Sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq (punt 13).


35 – Ibidem (punt 15). Ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 1982, Rau (261/81, Ġabra p. 3961), dwar obbligu li jintuża forma partikolari ta’ ppakkjar; tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (179/85, Ġabra p. 3879), dwar restrizzjoni fuq l-użu ta’ ċerti forom ta’ fliexken; tat-2 ta’ Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb, magħrufa bħala “Clinique” (C-315/92, Ġabra p. I‑317), dwar l-isem ta’ prodott kosmetiku; tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-317/92, Ġabra p. I‑2039), dwar l-indikazzjoni tad-dati ta’ skadenza; tat-13 ta’ Marzu 1997, Morellato (C-358/95, Ġabra p. I‑1431), dwar il-kompożizzjoni tal-ħobż; tat-18 ta’ Settembru 2003, Morellato (C-416/00, Ġabra p. I‑9343), dwar il-ħtieġa li jinbidlu t-tikketti ta’ prodotti importati, kif ukoll Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour‑Marinopoulos, iċċitata iktar ’il fuq, dwar liġi nazzjonali li tissuġġetta l-bejgħ ta’ prodotti “bake‑off” għall-istess rekwiżiti li japplikaw għal ħobż u prodotti tal-forn tradizzjonali.


36 – Sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15).


37 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċmebru 1993, Hünermund et (C‑292/92, Ġabra p. I‑6787, punti 19 sa 21), dwar il-projbizzjoni imposta fuq l-ispiżjara milli jirreklamaw prodotti parafarmaċewtiċi fiċ-ċinema, fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni; Leclerc‑Siplec, iċċitata iktar ’il fuq (punti 21 u 22), fir-rigward ta’ miżura nazzjonali li tipprojbixxi r-reklamar fuq it-televiżjoni ta’ impriżi fis-settur tad-distribuzzjoni, u tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV‑Shop (C‑34/95 sa C‑36/95, Ġabra p. I‑3843, punt 39), dwar il-projbizzjoni assoluta tar-reklamar fuq it-televiżjoni destinat għat-tfal.


38 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑391/92, Ġabra p. I‑1621, punti 13 sa 15), dwar liġi li tirriżerva l-bejgħ ta’ ħalib ipproċessat għat-trabi għall-ispiżeriji, u tal-14 ta’ Diċembru 1995, Banchero (C‑387/93, Ġabra p. I‑4663, punti 34 sa 36), fir-rigward ta’ liġi li tirriżerva l-bejgħ bl-imnut tat-tabakk għad-distributuri awtorizzati.


39 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 1994, Tankstation ’t Heukske u Boermans (C‑401/92 u C‑402/92, Ġabra p. I‑2199, punti 12 sa 14), dwar miżura li tirregola l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ pompi tal-petrol, u Punto Casa u PPV (C‑69/93 u C‑258/93, Ġabra p. I‑2355, punti 12 sa 14), fir-rigward ta’ liġi Taljana li tikkonċerna l-għeluq, nhar ta’ Ħadd, tal-ħwienet li jbiegħu bl-imnut.


40 – Sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16).


41 – Ibidem (punt 17).


42 – B’mod partikolari, ara F. Picod., “La nouvelle approche de la Cour de justice en matière d’entraves aux échanges”, Revue trimestrielle de droit européen, Nru 2, April‑Ġunju 1998, p. 169; A. Mattera, “De l’arrêt ‘Dassonville’ à l’arrêt ‘Keck’: l’obscure clarté d’une jurisprudence riche en principes novateurs et en contradictions”, Revue du Marché Unique Européen, Nru 1, 1994, p. 117; S. Weatherill., “After Keck: some thoughts on how to clarify the clarification”, Common Market Law Review, 1996, p. 885; R. Kovar,, “Dassonville, Keck et les autres: de la mesure avant toute chose”, Revue trimestrielle de droit européen, Nru 2, April‑Ġunju 2006, p. 213, u M. Poiares Maduro, “Keck: The End? The Beginning of the End? Or Just the End of the Beginning?”, Irish Journal of European Law, 1994, p. 36.


43 – Ara l-punt 38 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Leclerc‑Siplec, iċċitata iktar ’il fuq.


44 – Per eżempju, ara F. Picod, op.cit., speċjalment p. 172 sa 177, kif ukoll il-punti 27 sa 29 u 31 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour‑Marinopoulos, iċċitata iktar ’il fuq.


45 – B’hekk fis-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Morellato, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fiċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami, “rekwiżit tal-ippakkjar […] li jikkonċerna biss il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħobż wara l-ħami finali tal-ħobż moħmi diġà, bħala prinċipju, huwa tali li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [28 KE], bil-kundizzjoni li din, fir-realtà, ma tkunx diskriminazzjoni lejn il-prodotti importati” (punt 36). Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-fatt li r-rekwiżit tal-ippakkjar u għaldaqstant tal-adattazzjoni tal-prodott ma kienx impost ħlief fl-istadju finali tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, b’mod li l-aċċess innifsu tal-prodott importat għas-suq nazzjonali ma kienx affettwat.


46 – Sentenza tas-6 ta’ Lulju 1995, Mars (C‑470/93, Ġabra p. I‑1923). Din il-kawża tikkonċerna liġi Ġermaniża li kienet tipprojbixxi l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott ikkumerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor, li l-kwantità tiegħu ġiet miżjuda f’kampanja pubbliċitarja u l-ippakkjar kellu fuqu l-indikazzjoni “+10%”. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li dik il-liġi kienet ta’ natura li tostakola l-kummerċ intrakomunitarju, in kwantu kienet tobbliga lill-importatur jippreżenta l-prodotti tiegħu b’mod differenti skont il-post fejn ikun ser jikkumerċjalizzahom, u għaldaqstant ibati spejjeż addizzjonali għall-ippakkjar u r-reklamar (punt 13).


47 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle (C‑323/93, Ġabra p. I‑5077, punt 29), fir-rigward ta’ liġi Franċiża li kienet timponi l-obbligu fuq l-operaturi ekonomiċi li kienu jimportaw żerriegħa provenjenti minn Stat Membru ieħor li jikkonsenjawhom liċ-ċentru benefiċjarju esklużiv, u tat-23 ta’ Ottubru 1997, Franzén (C‑189/95, Ġabra p. I‑5909, punt 71), li tirrigwarda s-sistema ta’ awtorizzazzjoni tal-importazzjoni Żvediża u l-kummerċjalizzazzjoni tax-xorb alkoħoliku.


48 – Hawnhekk qed nirreferi għall-moviment liberu tal-persuni (Artikoli 39 KE sa 48 KE), tas-servizzi (Artikoli 49 KE sa 55 KE) u tal-kapital (Artikoli sa 60 KE).


49 – Punt 25 tal-konklużjonijiet fil-kawża Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour‑Marinopoulos, iċċitati iktar ’il fuq.


50 – Fis-sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU (240/83, Ġabra p. 531), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà rrikonoxxiet li l-“prinċipju tal-libertà tal-kummerċ ma għandux jiġi kkunsidrat bħala assolut imma huwa suġġett għal ċerti limiti ġġustifikati mill-għanijiet ġenerali tal-Komunità, sakemm ma tiġix ippreġudikata s-sustanza ta’ dawn id-drittijiet” (punt 12).


51 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1981, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (113/80, Ġabra p. 1625, punt 7).


52 – Ara s-sentenzi Cassis de Dijon, iċċitata iktar ’il fuq; tad-29 ta’ Novembru 1983, Roussel (181/82, Ġabra p. 3849), u tad-9 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, magħrufa bħala “Skart tal-Vallonja” (C‑2/90, Ġabra p. I‑4431).


53 – Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja tivverifika jekk l-metodi implimentati mill-miżuri jkunux xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan u jekk ikunux imorru lilhinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dak l-għan. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-463/01, Ġabra p. I‑11705, punt 78), u Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, Ġabra p. I‑11763, punt 79).


54 – Bħalma rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1992, B & Q (C‑169/91, Ġabra p. I‑6635), dwar liġi nazzjonali li kienet tillimita l-ftuħ tal-ħwienet nhar ta’ Ħadd, l-istħarriġ dwar il-proporzjonalità għandu “jibbilanċja l-interess nazzjonali għat-twettiq [ta’ l-għan li jrid jintlaħaq] mal-interess Komunitarju għall-moviment liberu tal-merkanzija” (punt 15).


55 – Ara wkoll F. Picod., op. cit., speċjalment p. 184 sa 189; D. O’Keeffe., u A. Bavasso., “Four freedoms, one market and national competence: in search of a dividing line”, Liber Amicorum Slynn, Kluwer Law International, The Hague, 2000, p. 541, speċjalment p. 550; C. Barnard,, “Fitting the remaining pieces into the goods and persons jigsaw”, European Law Review, Nru 1, 2001, Vol. 26, p. 35; J. Snell., “Goods and services in EC Law: a study of the relationship between the freedoms”, Oxford University Press, Londra, 2002; P. Oliver., u S. Enchelmaier, “Free movement of goods: recent developments in the case law”, Common Market Law Review, 2007, p. 649, speċjalment p. 666 sa 671; S. Weatherill,, op. cit.; Tryfonidou, A., “Was Keck a Half‑baked Solution After All?”, Legal Issues of Economic Integration, Kluwer Law International, The Hague, 2007, p. 167, sepċjalment p. 178, u L. Prete., “Of Motorcycle Trailers and Personal Watercrafts: the Battle over ‘Keck’”, Legal Issues of Economic Integration, Kluwer Law International, The Hague, 2008, p. 133. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali Jacobs fil-kawża Leclerc‑Siplec, iċċitata iktar ’il fuq; Tizzano fil-kawża CaixaBank France (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, C‑442/02, Ġabra p. I‑8961), u Poiares Maduro fil-kawża Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour‑Marinopoulos, iċċitata iktar ’il fuq.


56 – Enfasi tiegħi.


57 – Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett tas-suq komuni jinvolvi l-eliminazzjoni tal-“ostakoli” kollha għall-kummerċ intrakomunitarju (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1982, Schul Douane Expediteur, 15/81, Ġabra p. 1409, punt 33).


58 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1993, Yves Rocher (C-126/91, Ġabra p. I-2361, punt 21).


59 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza B & Q, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15).


60 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1990, Krantz (C‑69/88, Ġabra p. I‑583, punt 11); tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, Ġabra p. I‑3453, punt 24); tat-30 ta’ Novembru 1995, Esso Española (C‑134/94, Ġabra p. I‑4223, punt 24), u tat-3 ta’ Diċembru 1998, Bluhme (C‑67/97, Ġabra p. I‑8033, punt 22).


61 – Sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et (C‑20/03, Ġabra p. I‑4133, punt 31).


62 – Sentenza tal-1 ta’ April 2008 (C‑212/06, Ġabra p. I-1683, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


63 – Sentenza CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq (punti 12 u 14).


64 – Ibidem (punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65 – Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006 (C‑452/04, Ġabra p. I‑9521).


66 – Punti 46 u 49.


67 – Punt 48.


68 – Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000 (C‑190/98, Ġabra p. I‑493).


69 – Punt 23 (enfasi tiegħi).


70 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995 (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921).


71 – Punti 92 sa 104, speċjalment punt 103.


72 – F’dan ir-rigward ara l-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Corporación dermoestética (C‑500/06), li tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


73 – Punt 5 (enfasi tiegħi).


74 – Punt 17.


75 – B’mod partikolari ara l-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali Fennelly fil-kawża Graf, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19), u Tizzano fil-kawża CaixaBank France, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).


76 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001 (C‑405/98, Ġabra p. I‑1795).


77 – Punti 18 sa 25.


78 – Punt 43. Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, Ġabra p. I‑14887), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat miżura li tipprojbixxi l-bejgħ ta’ mediċini permezz ta’ korrispondenza bħala miżura li għandha effett ekwivalenti, peress li din il-miżura setgħet tfixkel iktar l-aċċess għas-suq tal-prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra milli tal-prodotti nazzjonali (punt 74).


79 – Punt 73. L-Avukat Ġenerali Tizzano kien qed jitkellem, b’mod partikolari, dwar l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni.


80 – Il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’dan il-mod meta jirriżulta li waħda mil-libertajiet fundamentali hija sekondarju meta mqabbla ma’ oħra u tista’ tiġi konnessa magħha. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punt 22), fir-rigward tal-lotteriji, u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punti 25 sa 27), dwar l-użu ta’ mudell tal-logħob.


81 – Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002 (C‑390/99, Ġabra p. I‑607).


82 – Punt 41.


83 – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995 (C‑384/93, Ġabra p. I‑1141), dwar liġi Olandiża li tipprojbixxi l-bejgħ bit-telefon.


84 – Punt 38 (enfasi tiegħi). Ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, TK‑Heimdienst (C‑254/98, Ġabra p. I‑151), dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 28 KE ta’ liġi Awstrijaka li tirregola l-bejgħ bi skont ta’ prodotti tal-ħobż, tal-laħam u tal-perżut u tal-ikel, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet espressament għall-kriterju tal-aċċess għas-suq u għall-ġurisprudenza Alpine Investments, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29).


85 – F’dan ir-rigward jiena nirreferi għall-punti 20 sa 27 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’din il-kawża.


86 – Ir-Repubblika Taljana tinnota, f’dan ir-rigward, li tali liġi teżisti diġà għall-karrijiet irmunkati minn tipi oħra ta’ vetturi.


87 – F’dan is-sens, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punti 24 et seq).


88 – Mill-atti tal-proċess jirriżulta li ma teżisti ebda produzzjoni nazzjonali ta’ karrijiet ta’ dan it-tip.


89 – Punt 2.


90 – Hawnhekk nirreferi għad-dokument ippreżentat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura (p. 3).


91 – F’dan ir-rigward, jiena nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott mogħtija fil-kawża Mickelsson u Roos, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tagħha l-Avukat Ġenerali Kokott tenfasizza fil-fatt li l-miżuri li jirregolaw l-użu ta’ prodott (pereżempju, il-projbizzjoni li jsir sewqan barra mit-toroq destinati għat-traffiku fil-foresta jew il-limitazzjonijiet ta’ veloċità fuq l-awtostrada) jistgħu jiddiswadu ċerti persuni milli jixtru vettura off road jew vettura veloċi minħabba li huma ma jkunux jistgħu jużawha kif jixtiequ, b’mod li r-restrizzjoni fuq l-użu tikkostitwixxi ostakolu potenzjali għall-kummerċ intrakomunitarju.


92 – Ara s-sentenza “Cassis de Dijon”, iċċitata iktar ’il fuq.


93 – Ara, fir-rigward tas-sigurtà fit-triq, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/345/KE, tas-6 ta’ April 2004, dwar l-infurzar fil-qasam tas-sigurtà fit-triq (ĠU L 111, p. 75); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Ġunju 2003, dwar il-programm ta’ azzjoni Ewropew għas-sigurtà fit-triq – Tnaqqis bin-nofs tan-numru ta’ vittmi ta’ inċidenti fit-toroq fl-Unjoni Ewropea minn issa sa 2010: responsabbiltà kondiviża [KUM(2003) 311 finali], u r-Reżoluzzjoni tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2000, dwar it-tisħiħ tas-sigurtà fit-triq (ĠU C 218, p. 1).


94 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punt 78), u Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (punt 79), kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑297/05, Ġabra p. I‑7467, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).


95 – Punt 2 tar-risposta tar-Repubblika Taljana.


96 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1998, Nilsson et (C‑162/97, Ġabra p. I‑7477, punt 54), u tal-24 ta’ Novembru 2005, Deutsches Milch‑Kontor (C‑136/04, Ġabra p. I‑10095, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


97 – L-Avukat Ġenerali Léger jirreferi għall-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Meta Fackler (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, C‑444/03, Ġabra p. I‑3913).


98 – Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1992, Delhaize u Le Lion (C‑47/90, Ġabra p. I‑3669, punt 26). Ara wkoll is-sentenza Clinique, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “direttiva għandha […], bħal kull regola tad-dritt sekondarju, tiġi interpretata fid-dawl tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija” (punt 12).