SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla Manja)

17 ta’ Settembru 2007 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Sistemi operattivi għal client PCs — Sistemi operattivi għal servers ta’ work group — Media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa (streaming) — Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 82 KE — Rifjut min-naħa ta’ l-impriża dominanti li tipprovdi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tagħha — Impriża dominanti li tissuġġetta l-provvista tas-sistema operattiva tagħha għal client PCs għall-akkwist simultanju tal-media player tagħha — Miżuri korrettivi — Ħatra ta’ trustee indipendenti — Multa — Determinazzjoni ta’ l-ammont — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T-201/04,

Microsoft Corp., stabbilita f’Redmond, Washington (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, avukat, u I. Forrester, QC,

rikorrenti,

sostnuta minn

The Computing Technology Industry Association, Inc., stabbilita f’Oakbrook Terrace, Illinois (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. van Gerven, T. Franchoo, avukati, u B. Kilpatrick, solicitor,

DMDsecure.com BV, stabbilita f’Amsterdam (l-Olanda),

MPS Broadband AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Iżvezja),

Pace Micro Technology plc, stabbilita f’Shipley, West Yorkshire (ir-Renju Unit),

Quantel Ltd, stabbilita f’Newbury, Berkshire (ir-Renju Unit),

Tandberg Television Ltd, stabbilita f’Southampton, Hampshire (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn J. Bourgeois, avukat,

Association for Competitive Technology, Inc., stabbilita f’Washington DC (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn L. Ruessmann, P. Hecker, avukati, u K. Bacon, barrister,

TeamSystem SpA, stabbilita f’Pesaro (l-Italja),

Mamut ASA, stabbilita f’Oslo (in-Norveġja),

irrappreżentati minn G. Berrisch, avukat,

Exor AB, stabbilita f’Uppsala (l-Iżvezja), irrappreżentata minn S. Martínez Lage, H. Brokelmann u R. Allendesalazar Corcho, aukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn R. Wainwright, F. Castillo de la Torre, P. Hellström u A. Whelan, bħala aġenti, imbagħad minn Castillo de la Torre, Hellström u Whelan,

konvenuta,

sostnuta minn

Software & Information Industry Association, stabbilita f’Washington DC, irrappreżentata minn J. Flynn QC, C. Simpson, T. Vinje, solicitors, D. Paemen, N. Dodoo u M. Dolmans, avukati,

Free Software Foundation Europe eV, stabbilita f’Amburgu (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Piana, avukat,

Audiobanner.com, stabbilita f’Los Angeles, Kalifornja (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn L. Alvizar Ceballos, avukat,

European Committee for Interoperable Systems (ECIS), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn D. Paemen, N. Dodoo, M. Dolmans, avukati, u J. Flynn, QC,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/53/KE, ta’ l-24 ta’ Marzu 2004, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 [KE] u ta’ l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE mibdija fil-konfront ta’ Microsoft Corp. (Każ COMP/C-3/37.792 — Microsoft) (ĠU 2007, L 32, p. 23), jew, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz ta’ din id-deċiżjoni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Awla Manja),

komposta minn B. Vesterdorf, President, M. Jaeger, J. Pirrung, R. García-Valdecasas, V. Tiili, J. Azizi, J. D. Cooke, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, E. Martins Ribeiro, I. Wiszniewska-Białecka, V. Vadapalas u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti ta’ l-24, tal-25, tas-26, tas-27 u tat-28 ta’ April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Microsoft Corp., kumpannija stabbilita f’Redmond, Washington (l-Istati Uniti), tiddisinja, tiżviluppa u tikkummerċjalizza serje vasta ta’ prodotti ta’ softwer maħsuba għal tipi differenti ta’ apparat ta’ l-informatika. Dawn il-prodotti ta’ softwer jinkludu, b’mod partikolari, sistemi operattivi għal client personal computers (iktar ’il quddiem il-“client PCs”), sistemi operattivi għal servers ta’ work group u media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa (streaming). Microsoft tipprovdi wkoll servizzi ta’ assistenza teknika għal dawn id-diversi prodotti.

2

Fil-15 ta’ Settembru 1998, is-Sur Green, viċi president ta’ Sun Microsystems, Inc, (iktar ’il quddiem “Sun”), kumpannija stabbilita f’Palo Alto, Kalifornja (l-Istati Uniti) li tipprovdi, b’mod partikolari, servers u sistemi operattivi għal servers, bagħat lis-Sur Maritz, viċi president ta’ Microsoft, ittra miktuba kif ġej:

“Qegħdin niktbulkom sabiex nitolbukom li Microsoft tipprovdi lil [Sun] l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex [Sun] tkun tista’ tipprovdi native support għal COM objects fuq Solaris.

Nitolbukom ukoll li Microsoft tipprovdi lil [Sun] l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex [Sun] tkun tista’ tipprovdi native support għas-sett sħiħ ta’ teknoloġiji Active Directory fuq Solaris.

Fil-fehma tagħna, is-settur għandu kull interess li l-applikazzjonijiet żviluppati sabiex jintużaw fuq Solaris ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod trasparenti, permezz ta’ COM u/jew l-Active Directory, mas-sistemi operattivi Windows u/jew mas-softwer ibbażat fuq il-Windows.

Aħna naħsbu li Microsoft għandha tinkludi implementazzjoni ta’ riferiment (reference implementation) u informazzjoni oħra li hija meħtieġa sabiex jiġi assigurat, mingħajr ma tkun meħtieġa inġinerija b’lura, li COM objects u s-sett sħiħ ta’ teknoloġiji Active Directory jaħdmu b’mod kompletament kompatibbli fuq Solaris. Fil-fehma tagħna huwa meħtieġ li din l-informazzjoni tingħata fir-rigward tal-COM objects kollha kif ukoll fir-rigward tas-sett sħiħ ta’ teknoloġiji Active Directory li bħalissa jinsabu fis-suq. Aħna naħsbu li huwa wkoll meħtieġ li din l-informazzjoni tingħata mingħajr dewmien irraġonevoli u b’mod kontinwu fir-rigward tal-COM objects u tat-teknoloġiji li ser jitqiegħdu fis-suq fil-futur.”

3

iktar ’il quddiem ser isir riferiment għal din l-ittra bħala l-“ittra tal-15 ta’ Settembru 1998”.

4

Is-Sur Maritz wieġeb għall-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998. F’din l-ittra huwa kiteb dan li ġej:

“Grazzi ta’ l-interess tagħkom sabiex taħdmu bil-Windows. Aħna għandna klijenti komuni li jużaw il-prodotti tagħna u naħseb li huwa stupend li intom għandkom interess tiftħu s-sistema tagħkom sabiex tkun interoperabbli mal-Windows. Microsoft dejjem ikkunsidrat li għandha tgħin lill-iżviluppaturi ta’ softwer, inklużi l-kompetituri [tagħha], fl-iżvilupp ta’ l-aħjar prodotti u interoperabbiltà possibbli għall-pjattaforma [tagħha].

Jista’ jkun li intom ma tafux li l-informazzjoni li tlabtu dwar kif tistgħu tinteroperaw ma’ COM u mat-teknoloġiji Active Directory diġà hija ppubblikata u tinsab disponibbli għalikom u għal kull żviluppatur ta’ softwer ieħor fid-dinja permezz tal-prodott ‘Microsoft Developer Netwerk (MSDN) Universal’. MSDN fih l-informazzjoni kollha dwar is-servizzi u l-interfaces tal-pjattaforma Windows u jirrappreżenta fonti ta’ informazzjoni formidabbli għall-iżviluppaturi li jixtiequ joħolqu softwer għal jew li jinteropera mal-Windows. Fil-fatt, bħalissa [Sun] għandha 32 liċenzja attiva għall-abbonament ‘MSDN Universal’. Barra minn hekk, kif il-kumpannija tagħkom diġà għamlet fil-passat, nimmaġina li sejrin tibagħtu numru kbir ta’ persuni sabiex jipparteċipaw fil-konferenza tagħna ‘Professional Developers’ li ser issir f’Denver bejn il-11 u l-15 ta’ Ottubru 1998. Din il-konferenza għandha tkun okkażjoni addizzjonali sabiex tiksbu l-informazzjoni teknika li qegħdin titolbu sabiex taħdmu bit-teknoloġiji ta’ sistemi tagħna. Uħud mit-23 impjegati ta’ [Sun] li pparteċipaw fil-konferenza s-sena l-oħra jistgħu jgħaddulkom il-kummenti tagħhom dwar il-kwalità u d-dettall ta’ l-informazzjoni diskussa f’dawn il-konferenzi ‘Professional Developers’.

Naħseb li tieħdu gost meta ssiru tafu li diġà teżisti implementazzjoni ta’ riferiment ta’ COM fuq Solaris. Din l-implementazzjoni ta’ COM fuq Solaris hija fil-forma ta’ prodott binarju, li huwa kompletament supported, li huwa disponibbli mingħand Microsoft. Il-kodiċi sors ta’ COM jista’ jinkiseb taħt liċenzja mingħand sorsi oħra, inkluża Software AG […]

Fir-rigward ta’ l-Active Directory, aħna m’għandniex l-intenzjoni napplikaw [din it-teknoloġija] għal Solaris. Madankollu, sabiex nissodisfaw il-klijenti komuni tagħna, jeżistu diversi metodi, b’livelli ta’ funzjonalità varjabbli, li jippermettu interoperabbiltà ma’ l-Active Directory. Per eżempju, intom tistgħu tużaw il-protokoll standard LDAP sabiex ikollkom aċċess għall-Active Directory tal-Windows NT Server minn Solaris.

Jekk, wara li tipparteċipaw [fil-konferenza ‘Professional Developers’] u wara li teżaminaw l-informazzjoni pubblika li tinsab fl-MSDN, ikollkom bżonn ta’ assistenza addizzjonali, il-grupp ‘Developer Relations’ tagħna jinkludi numru ta’ ‘Account Managers’ li huma inkarigati jgħinu lill-iżviluppaturi li jkollhom bżonn assistenza addizzjonali għall-pjattaformi ta’ Microsoft. Jiena tlabt lis-Sur Marshall Goldberg, Lead Program Manager, sabiex ikun disponibbli għalikom fl-eventwalità li jkollkom bżonn tali assistenza […]”

5

iktar ’il quddiem, ser isir riferiment għall-ittra tas-Sur Maritz tas-6 ta’ Ottubru 1998 bħala l-“ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998”.

6

Fl-10 ta’ Diċembru 1998, Sun ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU 1962, 13, p. 204).

7

Is-suġġett ta’ l-ilment min-naħa ta’ Sun kien ir-rifjut ta’ Microsoft li tgħaddilha l-informazzjoni u t-teknoloġija meħtieġa sabiex tippermetti l-interoperabbiltà tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group mas-sistema operattiva Windows għal client PCs.

8

Fit-2 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni bagħtet lil Microsoft l-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet”). Din kienet tikkonċerna, essenzjalment, ċerti kwistjonijiet dwar l-interoperabbiltà bejn, minn naħa, is-sistema operattiva Windows għal client PCs u, min-naħa l-oħra, is-sistemi operattivi għal servers ta’ fornituri oħra (interoperabbiltà bejn client u server).

9

Microsoft wieġbet għall-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fis-17 ta’ Novembru 2000.

10

Sadattant, fi Frar 2000, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni ex officio fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ġenerazzjoni Windows 2000 tas-sistemi operattivi ta’ Microsoft għal client PCs u għal servers ta’ work group u fir-rigward ta’ l-integrazzjoni, minn Microsoft, tal-media player tagħha, Windows Media Player, fis-sistema operattiva tagħha għal client PCs. Mis-sensiela ta’ prodotti Windows 2000, is-sistema operattiva għal client PCs kienet maħsuba għal użu professjonali u kienet imsejħa “Windows 2000 Professional”. Fir-rigward tas-sistemi operattivi għal servers mill-istess sensiela ta’ prodotti, dawn kienu disponibbli fi tliet verżjonijiet: Windows 2000 Server, Windows 2000 Advanced Server u Windows 2000 Datacenter Server.

11

Din l-investigazzjoni ntemmet fid-29 ta’ Awwissu 2001, meta l-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet oħra lil Microsoft (iktar ’il quddiem it-“tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet”). F’din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni tenniet l-ilmenti preċedenti tagħha dwar l-interoperabbiltà bejn client u server. Barra minn hekk, hija qajmet numru ta’ kwistjonijiet dwar l-interoperabbiltà bejn servers ta’ work group (interoperabbiltà bejn server u server). Il-Kummissjoni qajmet ukoll numru ta’ kwistjonijiet dwar l-integrazzjoni tal-media player Windows Media Player fis-sistema operattiva Windows għal client PCs.

12

Microsoft wieġbet għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fis-16 ta’ Novembru 2001.

13

F’Diċembru 2001, Microsoft bagħtet lill-Kummissjoni rapport bir-riżultati u l-analiżi ta’ stħarriġ imwettaq minn Mercer Management Consulting (iktar ’il quddiem “Mercer”).

14

Bejn April u Ġunju 2003, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni wiesgħa tas-suq billi bagħtet numru ta’ talbiet għal informazzjoni lil diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet abbażi ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (iktar ’il quddiem “l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003”).

15

Fis-6 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni bagħtet lil Microsoft it-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet intiża, skond il-Kummissjoni, sabiex tikkomplementa ż-żewġ dikjarazzjonijiet preċedenti u sabiex tagħti indikazzjonijiet dwar il-miżuri korrettivi li hija kienet qiegħda tikkunsidra tordna (iktar ’il quddiem it-“tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet”).

16

Microsoft wieġbet għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2003.

17

Fil-31 ta’ Ottubru ta’ wara, Microsoft bagħtet lill-Kummissjoni rapport bir-riżultati u l-analiżi ta’ żewġ stħarriġiet imwettqa minn Mercer.

18

Il-Kummissjoni żammet seduti fit-12, fit-13 u fl-14 ta’ Novembru 2003.

19

Fl-1 ta’ Diċembru 2003, Microsoft ippreżentat osservazzjonijiet addizzjonali dwar it-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

20

Fl-24 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/53/KE, dwar proċedura għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 [KE] u ta’ l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE mibdija fil-konfront ta’ Microsoft Corp. (Każ COMP/C-3/37.792 — Microsoft) (ĠU 2007, L 32, p. 23, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Id-deċiżjoni kkontestata

21

Skond id-deċiżjoni kkontestata, Microsoft kisret l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) minħabba żewġ abbużi ta’ pożizzjoni dominanti.

22

L-ewwel nett, il-Kummissjoni identifikat tlett iswieq ta’ prodott distinti, ta’ dimensjoni dinjija, u kkunsidrat li Microsoft kellha pożizzjoni dominanti fi tnejn minnhom. It-tieni nett, il-Kummissjoni identifikat żewġ tipi ta’ aġir abbużiv min-naħa ta’ Microsoft. Għaldaqstant, il-Kummissjoni imponiet multa u ċerti miżuri korrettivi fuq Microsoft.

I — Swieq ta’ prodott u suq ġeografiku in kwistjoni

23

Id-deċiżjoni kkontestata tidentifika tlett iswieq ta’ prodott distinti, li jikkonċernaw, rispettivament, is-sistemi operattivi għal client PCs (kunsiderazzjonijiet 324 sa 342), is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 343 sa 401) u l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa (kunsiderazzjonijiet 402 sa 425).

24

L-ewwel suq ta’ prodott identifikat fid-deċiżjoni kkontestata huwa s-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs. Id-deċiżjoni kkontestata tiddefinixxi s-sistemi operattivi bħala “softwer għas-sistema” li jikkontrollaw il-funzjonijiet bażiċi ta’ kompjuter u jippermettu l-utent juża l-kompjuter u jħaddem applikazzjonijiet fuqu (kunsiderazzjoni 37). Il-client PCs huma ddefiniti bħala kompjuters multifunzjonali ddisinjati sabiex jintużaw minn persuna waħda biss fl-istess ħin u li jistgħu jitqabbdu ma’ netwerk (kunsiderazzjoni 45).

25

Fir-rigward tat-tieni suq, id-deċiżjoni kkontestata tiddefinixxi s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group bħala sistemi operattivi ddisinjati u kkummerċjalizzati sabiex jipprovdu, b’mod kollettiv, servizzi ta’ “infrastruttura bażika” lil numru relattivament limitat ta’ client PCs imqabbda ma’ netwerk ta’ daqs żgħir jew medju (kunsiderazzjonijiet 53 u 345).

26

B’mod iktar partikolari, id-deċiżjoni kkontestata tidentifika tliet tipi ta’ servizzi. Dawn huma, fl-ewwel lok, l-użu komuni għal fajls miżmuma fuq servers, fit-tieni lok, l-użu komuni ta’ printers u, fit-tielet lok, l-amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, fi kliem ieħor, l-amministrazzjoni ta’ kif dawn l-utenti u l-gruppi ta’ utenti jkollhom aċċess għas-servizzi tan-netwerk (kunsiderazzjonijiet 53 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-aħħar grupp ta’ servizzi jinvolvi b’mod partikolari li jiġi assigurat aċċess għal u użu mingħajr riskju tar-riżorsi tan-netwerk billi, inter alia, l-ewwel jiġu awtentifikati l-utenti u mbagħad billi jiġi vverifikat li huma awtorizzati jwettqu azzjoni partikolari (kunsiderazzjoni 54). Id-deċiżjoni kkontestata tispeċifika li, sabiex jiġu assigurati l-ħażna u r-riċerka effiċjenti ta’ l-informazzjoni marbuta ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-utenti u tal-gruppi ta’ utenti, is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group jistrieħu b’mod estensiv fuq it-teknoloġiji ta’ “servizzi ta’ direttorju” (kunsiderazzjoni 55). Is-servizz ta’ direttorju inkluż fis-sistema operattiva Windows 2000 Server ta’ Microsoft huwa msejjaħ “Active Directory” (kunsiderazzjoni 149).

27

Skond id-deċiżjoni kkontestata, fis-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, it-tliet tipi ta’ servizzi msemmija iktar ’il fuq huma marbuta mill-qrib bejniethom. Huma jistgħu jiġu deskritti, b’mod ġenerali, bħala “servizz wieħed” li iżda għandu jiġi kkunsidrat minn żewġ pożizzjonijiet differenti, jiġifieri, minn naħa, mill-pożizzjoni ta’ l-utent (servizzi ta’ fajls u ta’ printers) u, min-naħa l-oħra, mill-pożizzjoni ta’ l-amministratur tan-netwerk (servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ l-utenti u tal-gruppi ta’ utenti) (kunsiderazzjoni 56). Id-deċiżjoni kkontestata tikklassifika dawn is-servizzi differenti bħala “servizzi ta’ work group”.

28

It-tielet suq identifikat fid-deċiżjoni kkontestata huwa s-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa. Il-media players huma ddefiniti bħala prodotti ta’ softwer li għandhom il-kapaċità jaqraw f’format diġitali kontenut ta’ ħsejjes u immaġini, jiġifieri l-kapaċità li jiddekodifikaw id-data korrispondenti u jaqilbuha f’istruzzjonijiet għall-ħardwer (per eżempju, loudspeakers jew screen) (kunsiderazzjoni 60). Il-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa huma kapaċi jaqraw kontenut ta’ ħsejjes u immaġini mxandar b’mod kontinwu fuq l-internet (streaming) (premessa 63).

29

Fir-rigward tas-suq ġeografiku in kwistjoni, il-Kummissjoni tikkonstata, fid-deċiżjoni kkontestata, kif ġie indikat fil-punt 22 iktar ’il fuq, li dan is-suq huwa ta’ dimensjoni dinjija fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tlett iswieq ta’ prodott identifikati (kunsiderazzjoni 427).

II — Pożizzjoni dominanti

30

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li Microsoft għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs, u dan mill-anqas sa mill-1996, kif ukoll, mill-2002, fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 429 sa 541).

31

Fir-rigward tas-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs, sabiex tasal għal din il-kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni essenzjalment tibbaża ruħha fuq l-elementi segwenti:

l-ishma tas-suq ta’ Microsoft huma ta’ iktar minn 90 % (kunsiderazzjonijiet 430 sa 435);

il-poter ta’ Microsoft fis-suq “gawda minn stabbiltà u minn kontinwità dewwiema” (kunsiderazzjoni 436);

jeżistu impedimenti sinjifikattivi għad-dħul f’dan is-suq ikkawżati minn effetti ta’ netwerk indiretti (kunsiderazzjonijiet 448 sa 464);

dawn l-effetti ta’ netwerk indiretti jirriżultaw, l-ewwel nett, mill-fatt li l-konsumaturi jippreferu l-pjattaformi li fuqhom jistgħu jużaw numru kbir ta’ applikazzjonijiet u, it-tieni nett, mill-fatt li l-iżviluppaturi ta’ softwer joħolqu applikazzjonijiet għas-sistemi operattivi għal client PCs li huma l-iktar popolari fost il-konsumaturi (kunsiderazzjonijiet 449 sa 450).

32

Il-Kummissjoni tispeċifika, fil-kunsiderazzjoni 472, li din il-pożizzjoni dominanti għandha “karatteristiċi straordinarji” peress li l-Windows mhux biss huwa prodott dominanti fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs iżda, barra minn hekk, huwa l-istandard de facto għal dawn is-sistemi.

33

Fir-rigward tas-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, il-Kummissjoni essenzjalment tinvoka l-elementi segwenti:

bħala stima prudenti, Microsoft għandha minn ta’ l-anqas sehem ta’ 60 % tas-suq (kunsiderazzjonijiet 473 sa 499);

il-pożizzjoni tat-tliet kompetituri prinċipali ta’ Microsoft f’dan is-suq hija s-segwenti: Novell, bis-softwer tagħha NetWare, għandha sehem ta’ bejn 10 % sa 25 % tas-suq; il-prodotti Linux għandhom sehem ta’ bejn 5 % sa 15 % tas-suq u l-prodotti UNIX għandhom sehem ta’ bejn 5 % sa 15 % tas-suq (kunsiderazzjonijiet 503, 507 u 512);

is-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group huwa kkaratterizzat bl-eżistenza ta’ numru ta’ impedimenti sinjifikattivi għad-dħul ikkawżati b’mod partikolari mill-effetti ta’ netwerk u mir-rifjut ta’ Microsoft li tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà (kunsiderazzjonijiet 515 sa 525);

jeżistu rabtiet kummerċjali u teknoloġiċi mill-qrib bejn dan is-suq u s-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs (kunsiderazzjonijiet 526 sa 540).

34

Linux hija sistema operattiva “open source” li tinħareġ taħt il-liċenzja “GNU GPL (General Public Licence)”. Fil-verità, Linux hija biss bażi ta’ kodiċi, imsejħa l-“kernel”, li twettaq numru limitat ta’ servizzi speċifiċi għal sistema operattiva. Madankollu, hija tista’ tintrabat ma’ livelli ta’ softwer oħra sabiex tinħoloq “sistema operattiva Linux” (kunsiderazzjoni 87). Linux hija użata, b’mod partikolari, bħala l-bażi għal sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunisderazzjoni 101) u għalhekk tinsab fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group flimkien mas-softwer Samba, li wkoll jinħareġ taħt il-liċenzja “GNU GPL” (kunsiderazzjonijiet 506 u 598).

35

“UNIX” jirreferi għal numru ta’ sistemi operattivi li għandhom ċerti karatteristiċi komuni (kunsiderazzjoni 42). Sun żviluppat sistema operattiva għal servers ta’ work group, ibbażata fuq UNIX, imsejħa “Solaris” (kunsiderazzjoni 97).

III — Abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

A — Rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li jiġi awtorizzat l-użu tagħha

36

L-ewwel aġir abbużiv akkużata bih Microsoft huwa r-rifjut min-naħa tagħha li tagħti lill-kompetituri tagħha l-“informazzjoni dwar l-interoperabbiltà” u li tawtorizza l-użu ta’ din l-informazzjoni għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ prodotti li jikkompetu mal-prodotti ta’ Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, u dan fir-rigward tal-perijodu bejn Ottubru 1998 u d-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata (Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-aġir huwa deskritt fil-kunsiderazzjonijiet 546 sa 791.

37

Fis-sens tad-deċiżjoni kkontestata, l-“informazzjoni dwar l-interoperabbiltà” tfisser l-“ispeċifikazzjonijiet kompleti u korretti tal-protokolli kollha [implementati] fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group u li jintużaw mis-servers ta’ work group li joperaw bil-Windows sabiex jipprovdu, lin-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows, servizzi ta’ użu komuni għal fajls u għal printers u servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi [ta’ utenti], inklużi s-servizzi ta’ kontrollur ta’ domain tal-Windows (Windows Domain Controller), is-servizz ta’ direttorju Active Directory u s-servizz ‘Group Policy’” (Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata).

38

In-“netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows” huma ddefiniti bħala “kull grupp ta’ client PCs [li fuqhom tkun installata sistema operattiva Windows għal client PCs] u ta’ servers [li fuqhom tkun installata sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group] imqabbda flimkien permezz ta’ netwerk ta’ kompjuters” (Artikolu 1(7) tad-deċiżjoni kkontestata).

39

Il-“protokolli” huma ddefiniti bħala “sett ta’ regoli dwar interkonnessjoni u interazzjoni bejn diversi sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group u sistemi operattivi Windows għal client PCs installati fuq kompjuters differenti f’netwerk ta’ work group li jopera bil-Windows” (Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata).

40

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li r-rifjut in kwistjoni ma jirrigwardax il-kodiċi sors (source code) ta’ Microsoft, iżda jirrigwarda biss l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli kkonċernati, jiġifieri deskrizzjoni dettaljata ta’ dak li s-softwer in kwistjoni għandu jkun kapaċi jagħmel, b’differenza mill-implementazzjonijiet li jimplementaw il-kodiċi fuq il-kompjuter (kunsiderazzjonijiet 24 u 569). Hija tippreċiża, b’mod partikolari, li hija “m’għandhiex l-intenzjoni tordna lil Microsoft tħalli lil terzi jikkupjaw il-Windows” (kunsiderazzjoni 572).

41

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rifjut ta’ Microsoft fil-konfront ta’ Sun jagħmel parti minn mudell ġenerali ta’ aġir (kunsiderazzjonijiet 573 sa 577). Hija ssostni wkoll li l-aġir akkużata bih Microsoft jimplika bidla fil-livelli preċedenti ta’ provvista, li kienu iktar għoljin (kunsiderazzjonijiet 578 sa 584), joħloq riskju ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 585 sa 692) u għandu effett negattiv fuq l-iżvilupp tekniku kif ukoll fuq il-pożizzjoni tal-konsumaturi (kunsiderazzjonijiet 693 sa 708).

42

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ta’ Microsoft fis-sens li r-rifjut tagħha huwa oġġettivament iġġustifikat (kunsiderazzjonijiet 709 sa 778).

B — Irbit tas-sistema operattiva Windows għal client PCs u tal-Windows Media Player

43

It-tieni aġir abbużiv li bih hija akkużata Microsoft huwa l-fatt li, minn Mejju 1999 sad-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft issuġġettat il-provvista tas-sistema operattiva Windows għal client PCs għall-akkwist simultanju tas-softwer Windows Media Player (Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-aġir huwa deskritt fil-kunsiderazzjonijiet 792 sa 989.

44

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aġir jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rbit abbużiv fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE (kunsiderazzjonijiet 794 sa 954). F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ttenni li Microsoft għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs (kunsiderazzjoni 799). Fit-tieni lok, hija tikkunsidra li l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa u s-sistemi operattivi għal client PCs huma prodotti distinti (kunsiderazzjonijiet 800 sa 825). Fit-tielet lok, hija ssostni li Microsoft ma tagħtix il-possibbiltà lill-konsumaturi li jixtru l-Windows mingħajr il-Windows Media Player (kunsiderazzjonijiet 826 sa 834). Fir-raba’ lok, hija ssostni li l-irbit in kwistjoni jillimita l-kompetizzjoni fis-suq tal-media players (kunsiderazzjonijiet 835 sa 954).

45

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ta’ Microsoft fis-sens li, l-ewwel, l-irbit in kwistjoni wassal għal żieda fl-effiċjenza li tpatti għall-effetti antikompetittivi identifikati fid-deċiżjoni kkontestata (kunsiderazzjonijiet 955 sa 970) u, it-tieni, hija ma kellha ebda interess f’irbit “antikompetittiv” (kunsiderazzjonijiet 971 sa 977).

IV — Multa u miżuri korrettivi

46

Iż-żewġ abbużi identifikati fid-deċiżjoni kkontestata ġew ippenalizzati bl-impożizzjoni ta’ multa li tammonta għal EUR 497196304 (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

47

Barra minn hekk, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft hija marbuta ttemm l-abbużi kkonstatati fl-Artikolu 2, in konformità mal-modalitajiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ l-istess deċiżjoni. Microsoft għandha wkoll tastjeni minn kull aġir li jista’ jkollu suġġett jew effett identiku jew analogu għal dak ta’ l-imsemmija abbużi (it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

48

Bħala miżura intiża bħala rimedju għar-rifjut abbużiv imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni jordna lil Microsoft dan li ġej:

“a)

Microsoft […] għandha, f’terminu ta’ 120 jum mid-data tan-notifika [tad-deċiżjoni kkontestata], tagħmel l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà disponibbli għal kull impriża li għandha interess li tiżviluppa u tiddistribwixxi sistemi operattivi għal servers ta’ work group, u hija għandha tawtorizza, b’kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji, lil dawn l-impriżi jużaw l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà sabiex jiżviluppaw u jiddistribwixxu sistemi operattivi għal servers ta’ work group;

b)

Microsoft […] għandha tassigura li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà disponibbli tinżamm aġġornata regolarment u mingħajr dewmien;

c)

Microsoft […] għandha, f’terminu ta’ 120 jum mid-data tan-notifika [tad-deċiżjoni kkontestata], timplementa mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni li permezz tiegħu l-impriżi interessati jkunu jistgħu jinformaw ruħhom b’mod effikaċi dwar il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ l-użu ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà; fir-rigward ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni, Microsoft […] tista’ timponi kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji sabiex tassigura li l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jingħata biss għal raġunijiet ta’ evalwazzjoni;

[…]”

49

Bħala miżura intiża bħala rimedju għall-irbit abbużiv imsemmi fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni jordna lil Microsoft toffri, f’terminu ta’ 90 jum min-notifika ta’ l-imsemmija deċiżjoni, verżjoni totalment funzjonali tas-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha li ma tinkludix il-Windows Media Player, filwaqt li Microsoft iżżomm id-dritt li toffri s-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha flimkien mal-Windows Media Player.

50

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“F’terminu ta’ 30 jum mid-data tan-notifika [tad-deċiżjoni kkontestata], Microsoft […] għandha tippreżenta lill-Kummissjoni proposta dwar l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu intiż li jgħin lill-Kummissjoni tassigura li Microsoft […] tikkonforma ruħha mad-[deċiżjoni kkontestata]. Dan il-mekkaniżmu għandu jinkludi trustee li jkun indipendenti minn Microsoft […]

Jekk il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu propost minn Microsoft […] mhuwiex adegwat, hija tista’ timponi tali mekkaniżmu permezz ta’ deċiżjoni.”

Proċedimenti għal ksur tal-liġi Amerikana ta’ l-antitrust

51

Fl-istess waqt ta’ l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, Microsoft kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni għal ksur tal-liġi Amerikana ta’ l-antitrust.

52

Fl-1998, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, 20 Stat Federali u d-Distrett ta’ Columbia bdew proċeduri kontra Microsoft taħt ix-Sherman Act. L-ilmenti tagħhom kienu jikkonċernaw il-miżuri meħuda minn Microsoft kontra l-internet browser ta’ Netscape, “Netscape Navigator”, u t-tekonoloġiji “Java” ta’ Sun. L-Istati Federali in kwistjoni ressqu wkoll proċeduri kontra Microsoft għal ksur tal-liġijiet tagħhom dwar l-antitrust.

53

Wara li l-United States Court of Appeals for the District of Columbia Circuit (iktar ’il quddiem il-“Qorti ta’ l-Appell”), li quddiemha Microsoft kienet ressqet appell kontra s-sentenza mogħtija fit-3 ta’ April 2000 mill-United States District Court for the District of Columbia (iktar ’il quddiem id-“District Court”), tat is-sentenza tagħha fit-28 ta’ Ġunju 2001, Microsoft waslet għal ftehim mal-Ministeru tal-Ġustizzja ta’ l-Istati Uniti u ma’ l-Attorneys General ta’ disa’ Stati Federali f’Novembru 2001 (iktar ’il quddiem il-“ftehim Amerikan”), li fil-kuntest tiegħu Microsoft daħlet f’żewġ tipi ta’ impenji.

54

L-ewwel nett, Microsoft aċċettat li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta’ komunikazzjoni użati mis-sistemi operattivi Windows għal servers sabiex “jinteroperaw”, jiġifieri sabiex ikunu kompatibbli, mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs, u li tagħti liċenzji lil terzi fir-rigward ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet taħt kundizzjonijiet determinati.

55

It-tieni nett, il-ftehim Amerikan kien jipprovdi li Microsoft kellha tippermetti lill-produtturi ta’ tagħmir oriġinali (iktar ’il quddiem “OEMs”) u lill-konsumaturi finali jattivaw jew jeliminaw l-aċċess għas-softwer imsejjaħ “middleware” tagħha. Il-programm Windows Media Player huwa wieħed mill-prodotti li jaqgħu f’din il-kategorija ta’ softwer, kif iddefinita fil-ftehim Amerikan. Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jiggarantixxu li l-fornituri ta’ middleware jkunu jistgħu jiżviluppaw u jiddistribwixxu prodotti li jaħdmu tajjeb mal-Windows.

56

Dawn id-dispożizzjonijiet ġew approvati mid-District Court permezz ta’ sentenza ta’ l-1 ta’ Novembru 2002.

57

Fit-30 ta’ Ġunju 2004, fuq appell mill-Istat ta’ Massachusetts, il-Qorti ta’ l-Appell ikkonfermat is-sentenza tad-District Court ta’ l-1 ta’ Novembru 2002.

58

Sabiex jiġi implementat il-ftehim Amerikan, f’Awwissu 2002 twaqqaf il-Microsoft Communications Protocol Programme (programm ta’ protokolli ta’ komunikazzjoni ta’ Microsoft, iktar ’il quddiem il-“MCPP”).

Proċedura

59

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Ġunju 2004, Microsoft ressqet dan ir-rikors.

60

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Ġunju 2004, Microsoft ressqet, skond l-Artikolu 242 KE, talba sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ l-Artikolu 4, ta’ l-Artikolu 5(a) sa (c), u ta’ l-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata.

61

Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Diċembru 2004, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T-201/04 R, Ġabra p. II-4463), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad din it-talba u rriżerva l-ispejjeż.

62

Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Marzu 2005, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta l-intervent fil-kawża ta’ l-assoċjazzjonijiet u tal-kumpanniji segwenti in sostenn tat-talbiet ta’ Microsoft:

The Computing Technology Industry Association, Inc. (iktar ’il quddiem “CompTIA”);

DMDsecure.com BV, MPS Broadband AB, Pace Micro Technology plc, Quantel Ltd u Tandberg Television Ltd (iktar ’il quddiem “DMDsecure et”);

Association for Competitive Technology, Inc. (iktar ’il quddiem “ACT”);

TeamSystem SpA u Mamut ASA;

Exor AB.

63

Permezz ta’ l-istess digriet, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta l-intervent fil-kawża ta’ l-assoċjazzjonijiet u tal-kumpanniji segwenti in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni:

Software & Information Industry Association (iktar ’il quddiem “SIIA”);

Free Software Foundation Europe eV (iktar ’il quddiem “FSFE”);

Audiobanner.com, li topera bl-isem kummerċjali “VideoBanner”;

RealNetworks, Inc.

64

Permezz ta’ ittri tat-13 ta’ Diċembru 2004, tad-9 ta’ Marzu, tas-27 ta’ Ġunju u tad-9 ta’ Awwissu 2005, Microsoft talbet li ċerti elementi kunfidenzjali li kienu jinsabu fir-rikors u fir-risposta, fir-replika, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent u fil-kontroreplika jiġu esklużi mill-kopja ta’ l-atti proċesswali mogħtija lill-intervenjenti. Hija ppreżentat verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-diversi atti proċesswali. Il-kopja ta’ dawn l-atti proċesswali li ngħatat lill-intervenjenti msemmija fil-punti 62 u 63 iktar ’il fuq kienet limitata għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. Dawn l-intervenjenti ma qajmux oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

65

L-intervenjenti kollha msemmija fil-punti 62 u 63 ippreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fit-terminu mogħti. Il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti ta’ intervent fit-13 ta’ Ġunju 2005.

66

Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ April 2005, Microsoft vs Il-Kummissjoni (T-201/04, Ġabra p. II-1491), il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċetta l-intervent fil-kawża ta’ l-European Committee for Interoperable Systems (ECIS) in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Peress li t-talba għal intervent ta’ din l-assoċjazzjoni kienet ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din l-assoċjazzjoni ġiet ordnata tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura orali, abbażi tar-rapport għas-seduta li tiegħu kienet ingħatat kopja.

67

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Konferenza Plenarja tal-11 ta’ Mejju 2005, il-kawża ġiet irrinvijata quddiem ir-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

68

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Konferenza Plenarja tas-7 ta’ Lulju 2005, il-kawża ġiet irrinvijata quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Prim’Istanza u kienet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid.

69

Permezz ta’ digriet tal-President ta’ l-Awla Manja tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Jannar 2006, RealNetworks tħassret mill-atti tal-kawża bħala intervenjenti in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

70

Fl-1 ta’ Frar 2006, il-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti tal-Prim’Istanza jassistu f’laqgħa informali quddiem il-President ta’ l-Awla Manja tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Imħallef Relatur bil-għan li jiġu ffinalizzati l-arranġamenti dwar l-organizzazzjoni tas-seduta. Din il-laqgħa nżammet fil-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Marzu 2006.

71

Wara li semgħet ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Awla Manja) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, skond l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet prinċipali jipproduċu ċerti dokumenti u jirrispondu għal numru ta’ mistoqsijiet. Il-partijiet prinċipali wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

72

It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduti ta’ l-24, tal-25, tas-26, tas-27 u tat-28 ta’ April 2006 .

73

Matul is-seduta, Microsoft ġiet mistiedna mill-Qorti tal-Prim’Istanza tgħaddilha kopja tat-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003, dwar il-kwistjoni tal-media players, u tar-risposti għal dawn it-talbiet għal informazzjoni, kif ukoll tar-rapporti bir-riżultati u bl-analiżi ta’ l-istħarriġiet imwettqa minn Mercer (iktar ’il quddiem ir-“rapporti Mercer”). Microsoft ippreżentat dawn id-diversi dokumenti fit-termini mogħtija.

74

Permezz ta’ ittra tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Mejju 2006, Microsoft ġiet mistiedna tipproduċi kopja tat-talbiet l-oħra għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tas-suq ta’ l-2003 u tar-risposti għal dawn it-talbiet. Microsoft wieġbet għal din it-talba fit-termini mogħtija.

75

Il-President ta’ l-Awla Manja tal-Qorti tal-Prim’Istanza għalaq il-proċedura orali permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2006.

It-talbiet tal-partijiet

76

Microsoft titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż;

tikkundanna lil SIIA, lil FSFE u lil Audiobanner.com ibatu l-ispejjeż marbuta ma’ l-intervent tagħhom.

77

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lil Microsoft tbati l-ispejjeż.

78

CompTIA, ACT, Teamsystem u Mamut jitlobu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

79

DMDsecure et jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 2(b), l-Artikolu 4, l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

80

Exor titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 2, l-Artikolu 4, l-Artikolu 6(a) u l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

81

SIAA, FSFE, Audiobanner.com u ECIS jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lil Microsoft tbati l-ispejjeż.

Id-dritt

82

Jaqbel li qabel kollox jiġu eżaminati l-motivi marbuta mat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u mbagħad dawk marbuta mat-talbiet għall-annullament tal-multa jew għat-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha.

I — Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

83

Il-motivi li Microsoft tqajjem in sostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw tliet kwistjonijiet prinċipali, jiġifieri, l-ewwel nett, ir-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li jiġi awtorizzat l-użu tagħha, it-tieni nett, l-irbit tas-sistema operattiva Windows għal client PCs mal-Windows Media Player u, it-tielet nett, l-obbligu li jinħatar trustee indipendenti sabiex jassigura li Microsoft tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kkontestata.

A — Kwistjonijiet preliminari

84

Fl-atti tagħha, il-Kummissjoni tqajjem numru ta’ kwistjonijiet marbuta mal-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju mill-qorti Komunitarja u ma’ l-ammissibbiltà tal-kontenut ta’ diversi annessi tar-rikors u tar-replika.

1. Fuq il-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju mill-qorti Komunitarja

85

Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq numru ta’ kunsiderazzjonijiet li jimplikaw evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi. Hija targumenta li, skond il-ġurisprudenza, il-qrati Komunitarji jistgħu jeżerċitaw biss stħarriġ ġudizzjarju limitat fuq tali evalwazzjonijiet [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 13, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 279; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T-28/03, Ġabra p. II-1357, punti 95, 97 u 98].

86

Microsoft, filwaqt li tinvoka bħala eżempju s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 43), twieġeb li l-qorti Komunitarja ma toqgħodx lura milli “teżamina fid-dettall ir-rilevanza tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, u dan anki f’kawżi kumplessi”.

87

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minkejja li l-qorti Komunitarja teżerċita, bħala regola ġenerali, stħarriġ ġudizzjarju sħiħ fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni humiex sodisfatti jew le, l-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita fir-rigward ta’ l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandu, madankollu, ikun limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, kif ukoll ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T-65/96, Ġabra p. II-1885, punt 64, ikkonfermata fuq appell b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2001, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, C-241/00 P, Ġabra p. I-7759; ara wkoll, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ l-Artikolu 81 KE, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 34, u tas-17 ta’ Novembru 1987, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 62).

88

Bl-istess mod, safejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirriżulta minn evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi, dawn l-evalwazzjonijiet, bħala prinċipju, ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat, li jimplika li l-qorti Komunitarja ma tistax tissosstitwixxi l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ fatt magħmula mill-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess [ara, fir-rigward ta’ deċiżjoni li rriżultat minn evalwazzjonijiet kumplessi marbuta mal-qasam mediku u farmakoloġiku, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2001, Il-Kummissjoni vs Tenker, C-459/99 P(R), Ġabra p. I-2823, punti 82 u 83; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Upjohn, C-120/97, Ġabra p. I-223, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 2002, A. Menarini vs Il-Kummissjoni, T-179/00, Ġabra p. II-2879, punti 44 u 45, u tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, Ġabra p. I-3305, punt 323].

89

Madankollu, għalkemm il-qorti Komunitarja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi jew tekniċi, dan ma jfissirx li l-qorti Komunitarja għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni ta’ din in-natura. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa (ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ konċentrazzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 39).

90

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati d-diversi motivi li Microsoft tinvoka in sostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

2. Fuq l-ammissibbiltà tal-kontenut ta’ ċerti annessi

91

Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn SIIA, tallega li, f’diversi annessi tar-rikors u tar-replika, Microsoft tqajjem argumenti li ma jinsabux fit-test proprju ta’ dawn l-atti proċesswali. Hija ssostni wkoll li Microsoft, diversi drabi, tagħmel riferiment ġenerali għal rapporti annessi ma’ l-atti tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li ċerti opinjonijiet ta’ esperti ppreżentati minn Microsoft huma bbażati fuq informazzjoni li għaliha ma kellhomx aċċess il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni dawn l-argumenti, rapporti u opinjonijiet ta’ esperti.

92

Microsoft issostni li l-“partijiet rilevanti [tar-]rikors” fihom l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat ir-rikors tagħha. Hija tfakkar li, skond il-ġurisprudenza, it-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li jkunu annessi miegħu (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 1993, Koelman vs Il-Kummissjoni, T-56/92, Ġabra p. II-1267, punt 21). Barra minn hekk, hija tindika li hija deliberatament iddeċidiet li tillimita n-numru ta’ annessi sabiex ma tingombrax il-proċess tal-kawża, li hija mhijiex obbligata tippreżenta kull dokument li jsir riferiment għalih fin-noti ta’ qiegħ il-paġna ta’ l-annessi tagħha, li l-Kummissjoni għandha kopja tad-dokumenti kollha ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva u li ma jistax jiġi kkontestat li hija għandha d-dritt tgħaddi informazzjoni lill-esperti tagħha.

93

Matul il-laqgħa informali ta’ l-10 ta’ Marzu 2006 (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), l-Imħallef Relatur ġibed l-attenzjoni ta’ Microsoft fuq il-fatt li kien jidher li, f’ċerti annessi ta’ l-atti tagħha, hija kienet qiegħda tinvoka argumenti li ma kinux jinsabu espressament fit-test proprju ta’ l-imsemmija atti u staqsieha dwar dan. Fit-tweġiba tagħha, Microsoft indikat, kif jirriżulta mill-minuti ta’ din il-laqgħa, li “Microsoft ma tressaqx argumenti li ma ġewx espliċitament imqajma fir-rikors jew fir-replika”.

94

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u skond l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn ta’ l-anqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas ta’ l-argumenti essenzjali ta’ liġi li, skond id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-52/90, Ġabra p. I-2187, punt 17; digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza Keolman vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 92 iktar ’il fuq, punt 21, u tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49). Barra minn hekk, mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors peress li l-funzjoni ta’ l-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T-84/96, Ġabra p. II-2081, punt 34, u tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 154).

95

Din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika li, skond l-Artikolu 47(1) ta’ l-istess Regoli, hija intiża li tikkompleta r-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 40, li, fuq appell, ma ġietx annullata fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375).

96

F’din il-kawża għandu jiġi kkonstatat li, f’diversi dokumenti annessi mar-rikors u mar-replika, Microsoft tressaq argumenti ta’ natura ġuridika u ekonomika li permezz tagħhom hija mhux biss tissostanzja jew tikkompleta l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt espressament invokati fit-test proprju ta’ dawn l-atti proċesswali iżda tintroduċi argumenti ġodda.

97

Barra minn hekk, Microsoft diversi drabi tikkompleta t-test tar-rikors u tar-replika, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal dokumenti annessi magħhom. Madankollu, uħud minn dawn ir-riferimenti għal dokument anness huma ta’ natura ġenerali u għalhekk ma jippermettux lill-Qorti tal-Prim’Istanza tidentifika preċiżament l-argumenti li jistgħu jitqiesu bħala li jikkompletaw il-motivi żviluppati fir-rikors jew fir-replika.

98

Għandu jingħad li l-Kummissjoni, filwaqt li tikkunsidra li l-argumenti żviluppati f’dawn id-diversi annessi m’għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni, xorta waħda tikkumenta dwar uħud minnhom f’noti annessi ma’ l-atti tagħha.

99

Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 94 u 95 iktar ’il fuq u tad-dikjarazzjoni magħmula minn Microsoft matul il-laqgħa informali ta’ l-10 ta’ Marzu 2006 (ara l-punt 93 iktar ’il fuq), l-annessi msemmija fil-punti 96 sa 98 iktar ’il fuq mhumiex ser jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza ħlief safejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati minn Microsoft jew mill-Kummissjoni fit-test proprju ta’ l-atti tagħhom u safejn ikun possibbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tidentifika bi preċiżjoni liema huma l-elementi, li jkunu jinsabu fihom, li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti.

100

Fir-rigward tal-kritika min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li Microsoft ma ppreżentatx l-informazzjoni li fuqha huma bbażati ċerti opinjonijiet ta’ esperti mehmuża ma’ l-atti tagħha, huwa biżżejjed li jiġi indikat li hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa, jekk dan ikun meħtieġ, jekk l-affermazzjonijiet magħmula fl-imsemmija opinjonijiet għandhomx valur probatorju. Jekk, fin-nuqqas ta’ aċċess għal ċerta informazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dawn l-affermazzjonijiet m’għandhomx valur probatorju suffiċjenti, hija mhijiex ser tikkunsidrahom.

B — Fuq il-kwistjoni prinċipali tar-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li jiġi awtorizzat l-użu tagħha

101

Fil-kuntest ta’ din l-ewwel kwistjoni prinċipali, Microsoft tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, Microsoft issostni li l-kriterji li jippermettu li impriża f’pożizzjoni dominanti tiġi obbligata tagħti liċenzja, kif definiti mill-qorti Komunitarja, mhumiex sodisfatti f’din il-kawża. Fit-tieni parti ta’ dan il-motiv, Microsoft essenzjalment tallega li Sun ma talbithiex aċċess għat-“teknoloġija” li l-Kummissjoni ordnatha tiżvela u li l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998 fl-ebda każ ma tista’ tiġi interpretata bħala rifjut min-naħa tagħha. Fl-aħħar nett, fit-tielet parti tal-motiv, Microsoft targumenta li l-Kummissjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni korrettament l-obbligi imposti fuq il-Komunitajiet mill-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali relatati mal-Kummerċ (TRIPs), tal-15 ta’ April 1994 [anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”)].

1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-argument li l-kriterji li jippermettu li impriża f’pożizzjoni dominanti tiġi obbligata tagħti liċenzja, kif definiti mill-qorti Komunitarja, mhumiex sodisfatti f’din il-kawża

a) Introduzzjoni

102

Fl-ewwel lok, għandha tingħata deskrizzjoni ġenerali tal-pożizzjonijiet rispettivi tal-partijiet prinċipali fir-rigward tal-kwistjoni prinċipali tar-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li jiġi awtorizzat l-użu tagħha.

103

Skond id-deċiżjoni kkontestata, Microsoft abbużat il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs meta rrifjutat, l-ewwel nett, li tagħti lil Sun u lil impriżi kompetituri oħra l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli implementati fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group u użati mis-servers li fuqhom huma installati dawn is-sistemi sabiex jingħataw servizzi ta’ użu komuni għal fajls u għal printers, kif ukoll servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, lil netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows, u, it-tieni nett, li tippermetti lil dawn id-diversi impriżi jużaw l-imsemmija speċifikazzjonijiet sabiex jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

104

Skond il-Kummissjoni, l-informazzjoni li għaliha Microsoft tirrifjuta li tagħti aċċess hija informazzjoni dwar l-interoperabbiltà fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, ta’ l-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 122, p. 42). Hija tallega, b’mod partikolari, li din id-direttiva tiddeskrivi l-interoperabbiltà bejn żewġ prodotti ta’ softwer bħala l-kapaċità ta’ dawn il-prodotti li jagħmlu skambju ta’ informazzjoni u li jużaw b’mod reċiproku din l-informazzjoni sabiex kull wieħed minn dawn il-prodotti ta’ softwer ikun jista’ jiffunzjona kif previst (ara, b’mod partikolari, il-punt 256 ta’ l-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-punt 79 tat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u l-punt 143 tat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet). Hija tqis li l-kunċett ta’ interoperabbiltà kif ippreżentat minn Microsoft huwa ineżatt (kunsiderazzjonijiet 749 sa 763 tad-deċiżjoni kkontestata).

105

Il-Kummissjoni, abbażi ta’ serje ta’ elementi ta’ natura fattwali u teknika, tikkonstata li l-“funzjonament tajjeb ta’ netwerk ta’ work group li jopera bil-Windows jiddependi fuq arkitettura ta’ interkonnessjonijiet u interazzjonijiet bejn client u server u bejn server u server li tassigura aċċess trasparenti għas-servizzi prinċipali ta’ servers ta’ work group (għall-Windows 2000/Windows 2003, din l-arkitettura ta’ domain tal-Windows” tista’ tissejjaħ “arkitettura ta’ domain ta’ l-Active Directory”) u li “l-kapaċità komuni li jagħmlu parti minn din l-arkitettura hija element ta’ kompatibbiltà bejn client PCs li joperaw bil-Windows u s-servers ta’ work group li joperaw bil-Windows” (kunsiderazzjoni 182 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tiddeskrivi din il-kompatibbiltà f’termini ta’ “interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows” (kunsiderazzjoni 182 tad-deċiżjoni kkontestata) u ssostni li tali interoperabbiltà hija “meħtieġa sabiex il-bejjiegħa ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group ikunu jistgħu jibqgħu b’mod vijabbli fis-suq” (kunsiderazzjoni 779 tad-deċiżjoni kkontestata).

106

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li, sabiex il-kompetituri ta’ Microsoft ikunu jistgħu jiżviluppaw sistemi operattivi għal servers ta’ work group li jkunu kapaċi jilħqu tali livell ta’ interoperabbiltà meta s-servers li fuqhom ikunu installati jkunu mqabbda ma’ work group li jopera bil-Windows, huwa indispensabbli li huma jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows (kunsiderazzjonijiet 183 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tqis, b’mod partikolari, li ebda wieħed mill-ħames metodi li skond Microsoft jippermettu li tiġi assigurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi operattivi ta’ distributuri differenti ma jikkostitwixxi alternattiva suffiċjenti għall-iżvelar ta’ l-informazzjoni msemmija (kunsiderazzjonijiet 666 sa 687 tad-deċiżjoni kkontestata).

107

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, skond il-ġurisprudenza, filwaqt li bħala regola ġenerali, l-impriżi huma liberi li jagħżlu l-imsieħba kummerċjali tagħhom, rifjut ta’ provvista min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE. Hija ssostni li fil-każ in eżami jeżistu diversi “ċirkustanzi eċċezzjonali” li abbażi tagħhom jista’ jiġi konkluż li r-rifjut min-naħa ta’ Microsoft huwa abbużiv u dan anki fl-iktar ipoteżi stretta — u għalhekk l-iktar ipoteżi favorevoli għal din ta’ l-aħħar — fejn dan ir-rifjut jiġi kkunsidrat bħala rifjut li tingħata liċenzja dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lil terzi (kunsiderazzjonijiet 190 u 546 sa 559 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tikkunsidra li hija tista’ tieħu in kunsiderazzjoni “ċirkustanzi eċċezzjonali” differenti minn dawk identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I-743, iktar ’il quddiem is-“sentenza Magill”), u approvati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, IMS Health (C-418/01, Ġabra p. I-5039). Fi kwalunkwe każ, dawk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali huma preżenti f’dan il-każ.

108

Min-naħa tagħha, Microsoft, mill-bidu tal-proċedura amministrattiva, argumentat li l-kunċett ta’ interoperabbiltà adottat mill-Kummissjoni f’dan il-każ mhuwiex konformi mal-kunċett ta’ “interoperabbiltà sħiħa” fis-sens tad-Direttiva 91/250 u ma jikkorrispondix għall-mod kif l-impriżi jorganizzaw, fil-prattika, in-netwerks ta’ l-informatika tagħhom (ara, b’mod partikolari, il-punti 151 sa 157 tar-risposta tas-16 ta’ Novembru 2001 għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u l-paġni 29 u 30 tar-risposta tas-17 ta’ Ottubru 2003 għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet). Hija targumenta, b’mod partikolari, li “interoperabbiltà sħiħa tkun disponibbli għal żviluppatur ta’ sistemi operattivi għal servers meta, minn sistemi operattivi Windows għal client PCs, ikun possibbli aċċess għall-funzjonalitajiet kollha tal-programm tiegħu” (punt 143 tar-risposta tas-17 ta’ Novembru 2000 għall-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet; ara wkoll, fl-istess sens, il-paġni 29 u 63 tar-risposta tas-17 ta’ Ottubru 2003 għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet). Microsoft għalhekk tadotta, fi kliem il-Kummissjoni, definizzjoni “b’direzzjoni waħda” filwaqt li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq “relazzjoni reċiproka” (kunsiderazzjoni 758 tad-deċiżjoni kkontestata).

109

Skond Microsoft, l-interoperabbiltà sħiħa msemmija iktar ’il fuq tista’ tintlaħaq permezz ta’ l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-interfaces li hija diġà tipprovdi, b’mod partikolari permezz tal-prodott tagħha msejjaħ “MSDN” jew tal-konferenzi li hija torganizza għall-“Professional Developers”, jew permezz ta’ ċerti metodi oħra li huma disponibbli fis-suq (ara, b’mod partikolari, il-punti 12, 57 sa 63, 73 sa 83 u 147 tar-risposta tas-17 ta’ Novembru 2000 għall-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet; il-punti 6, 72, 94 sa 96, 148 u 149 tar-risposta tas-16 ta’ Novembru 2001 għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet; u l-paġna 31 tar-risposta tas-17 ta’ Ottubru 2003 għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet).

110

Microsoft tallega li l-kunċett ta’ interoperabbiltà kif mifhum mill-Kummissjoni jimplika, għall-kuntrarju, li s-sistemi operattivi tal-kompetituri tagħha għandhom jiffunzjonaw minn kull aspett bħala sistema operattiva Windows għal servers. Skond Microsoft, dan jista’ jintlaħaq biss billi tippermetti lill-kompetituri tagħha jagħmlu “kloni” tal-prodotti tagħha, jew ta’ ċerti karatteristiċi tagħhom, u billi tagħtihom informazzjoni fuq il-mekkaniżmi interni tal-prodotti tagħha (ara, b’mod partikolari, il-punti 7, 20, 27, 144 sa 150 u 154 sa 169 tar-risposta tas-17 ta’ Novembru 2000 għall-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet; il-punti 158 sa 161 tar-risposta tas-16 ta’ Novembru 2001 għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u l-paġni 10 u 20 tar-risposta tas-17 ta’ Ottubru 2003 għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet).

111

Microsoft tikkunsidra li, jekk hija tkun obbligata tiżvela tali informazzjoni, dan jippreġudika l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha kif ukoll il-motivazzjonijiet tagħha li tagħmel innovazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, il-punti 162, 163 u 176 tar-risposta tas-16 ta’ Novembru 2001 għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u l-paġni 3, 10 u 11 tar-risposta tas-17 ta’ Ottubru 2003 għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet).

112

Fl-aħħar nett, Microsoft tallega li din il-kawża għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, peress li r-rifjut tagħha għandu jiġi analizzat bħala rifjut li tagħti lil terzi liċenzja dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u peress li, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata timplika l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji. Hija ssostni li, madankollu, ebda wieħed mill-kriterji adottati, fil-fehma tagħha b’mod eżawrjenti, mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk is-sentenzi m’huwa ssodisfat f’din il-kawża. Minn dan hija tikkonkludi li r-rifjut in kwistjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala abbużiv u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tordnaha tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà. Sussidjarjament, Microsoft tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C-7/97, Ġabra p. I-7791) u ssostni li l-kriterji previsti f’dik is-sentenza lanqas m’huma ssodisfati f’din il-kawża.

113

Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat il-mod li bih Microsoft tibni l-argumenti tagħha fil-kuntest ta’ l-ewwel parti tal-motiv u l-mod li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza sejra teżamina dawn l-argumenti.

114

Għalhekk, qabel ma tiżviluppa l-argumenti proprji tagħha [ara, iktar ’il quddiem, it-titolu (d) ta’ l-ewwel parti], Microsoft tressaq numru ta’ kunsiderazzjonijiet dwar l-interoperabbiltà li jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej. L-ewwel nett, Microsoft tinvoka l-eżistenza ta’ ħames metodi li jippermettu li tinkiseb l-interoperabbiltà bejn is-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers, minn naħa, u s-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri tagħha, min-naħa l-oħra. It-tieni nett, hija tikkritika, minn naħa, il-livell ta’ interoperabbiltà mitlub mill-Kummissjoni f’dan il-każ — filwaqt li ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni fil-verità tixtieq li l-kompetituri ta’ Microsoft ikunu jistgħu jagħmlu kloni tal-prodotti tagħha jew ta’ ċerti karatteristiċi tagħhom — u, min-naħa l-oħra, il-portata tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

115

Minbarra dawn id-diversi kunsiderazzjonijiet, Microsoft tressaq sensiela ta’ argumenti sabiex turi li l-protokolli ta’ komunikazzjoni li hija għandha tiżvela lill-kompetituri tagħha skond id-deċiżjoni kkontestata huma innovazzjonijiet teknoloġiċi u li dawn il-protokolli, jew l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom, huma koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

116

Fir-rigward ta’ l-argumenti proprji li Microsoft tiżviluppa fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, dawn jistgħu jiġu esposti bil-mod segwenti:

din il-kawża għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-diversi ċirkustanzi aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 supra, u approvati fis-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq;

iċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi kklassifikat bħala abbużiv ir-rifjut min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħti lil terzi liċenzja li tirrigwarda drittijiet ta’ proprjetà intellettwali huma, l-ewwel nett, iċ-ċirkustanza li l-prodott jew is-servizz ikkonċernat ikun indispensabbli sabiex tiġi eżerċitata attività partikolari, it-tieni nett, iċ-ċirkustanza li r-rifjut ikun ta’ natura li jeskludi kull kompetizzjoni f’suq derivat, it-tielet nett, iċ-ċirkustanza li r-rifjut jimpedixxi l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid li għalih teżisti domanda potenzjali mill-konsumaturi u, ir-raba’ nett, iċ-ċirkustanza li r-rifjut ma jkunx oġġettivament iġġustifikat;

ebda waħda minn dawn l-erba’ ċirkustanzi m’hija preżenti f’din il-kawża;

sussidjarjament, il-kriterji applikabbli huma dawk aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, li jikkorrispondu għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ ċirkustanzi, msemmija iktar ’il fuq, li ġew identifikati fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq;

għalhekk, ebda wieħed mit-tliet kriterji tas-sentenza Bronner, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, m’huwa ssodisfat f’din il-kawża.

117

Il-Qorti tal-Prim’Istanza sejra teżamina, fl-ewwel lok, l-allegazzjonijiet ta’ Microsoft dwar id-diversi livelli ta’ interoperabbiltà u l-portata tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. L-argumenti tagħha fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ ħames metodi li jippermettu li tintlaħaq interoperabbiltà bejn is-sistemi operattivi tagħha u dawk tal-kompetituri tagħha sejrin jiġu analizzati fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-allegata natura indispensabbli ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza sejra tiddeċiedi dwar l-argumenti ta’ Microsoft dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li fil-fehma tagħha jkopru l-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha jew l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom. Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza sejra tevalwa l-argumenti proprji li Microsoft tressaq fil-kuntest ta’ l-ewwel parti tal-motiv filwaqt li tiddetermina, l-ewwel, liema huma ċ-ċirkustanzi li fir-rigward tagħhom għandu jiġi analizzat l-aġir li bih hija akkużata Microsoft u, imbagħad, jekk dawn iċ-ċirkustanzi humiex preżenti f’din il-kawża.

b) Fuq il-livelli differenti ta’ interoperabbiltà u l-portata tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

118

Microsoft essenzjalment tikkunsidra li l-kunċett ta’ interoperabbiltà li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li r-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u sabiex timponi l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ineżatt.

119

Microsoft tenfasizza li “l-interoperabbiltà hija proċess kontinwu” u li “ma tikkostitwixxix standard assolut”.

120

Hija tindika li “huwa possibbli li jkun meħtieġ livell minimu ta’ interoperabbiltà sabiex tkun assigurata kompetizzjoni effettiva”, iżda tqis li tali livell mhuwiex diffiċli li jintlaħaq filwaqt li tosserva li jeżistu diversi metodi sabiex tintlaħaq interoperabbiltà fis-sens li “jkollok sistemi operattivi ta’ distributuri differenti li jiffunzjonaw tajjeb flimkien”.

121

Microsoft tikkunsidra li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni adottat kunċett ta’ interoperabbiltà totalment differenti minn dak previst fid-Direttiva 91/250 u li fil-prattika jintuża mill-impriżi fl-organizzazzjoni tan-netwerks ta’ l-informatika tagħhom. Fil-fatt, il-Kummissjoni timmaġina li huwa possibbli li sistema operattiva għal servers ta’ kompetitur ta’ Microsoft “tiffunzjona minn kull aspett” bħala sistema operattiva Windows għal servers (jiġifieri tilħaq livell ta’ “perfect substitutability” jew ta’ “plug replaceability”). Issa, dan il-livell ta’ interoperabbiltà jista’ jintlaħaq biss billi l-kompetituri ta’ Microsoft jiġu awtorizzati jagħmlu kloni tal-prodotti tagħha jew tal-karatteristiċi tagħhom. Microsoft iżżid li żewġ sistemi operattivi għal servers jistgħu jinteroperaw, fis-sens li jiskambjaw informazzjoni bejniethom jew jipprovdu servizzi b’mod reċiproku, mingħajr ma jkun meħtieġ li jkunu “eżattament l-istess”. Għalhekk, il-kunċett ta’ “interoperabbiltà” għandu jiġi distint mill-kunċetti ta’ “klonazzjoni” jew ta’ “dupplikazzjoni”.

122

In sostenn ta’ dawn l-affermazzjonijiet, Microsoft tagħmel riferiment għal rapport imħejji minn żewġ esperti fl-informatika, li hija kienet annettiet mar-risposta tagħha tas-16 ta’ Novembru 2001 għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, fejn dawn jagħtu spjegazzjonijiet dwar il-kunċetti ta’ “tight coupling” u ta’ “loose coupling” kif ukoll dwar ir-raġunijiet għaliex l-isforzi magħmula sabiex jintlaħaq “tight coupling” mal-prodotti ta’ softwer ġejjin minn żviluppaturi differenti sfaw fix-xejn (anness A.9.2 tar-rikors). Dawn ir-raġunijiet huma kemm ta’ natura teknika u kemm ta’ natura kummerċjali.

123

Microsoft tindika wkoll li, matul il-proċedura amministrattiva, hija ppreżentat 50 dikjarazzjoni minn impriżi, pubbliċi u privati, li kienu attivi fis-setturi industrijali kollha u li kienu joriġinaw mid-diversi Stati Membri ta’ dak iż-żmien. F’dawn id-dikjarazzjonijiet, dawn l-impriżi jaffermaw li jeżisti livell għoli ta’ interoperabbiltà bejn is-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers, minn naħa, u s-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri, min-naħa l-oħra, u dan permezz ta’ l-użu ta’ metodi li diġà huma disponibbli fis-suq. Hija żżid li mir-rapporti Mercer jirriżulta li l-impriżi ma jagħżlux is-sistemi operattivi għal servers abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ l-interoperabbiltà tagħhom mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers.

124

Fir-replika, bħala introduzzjoni għall-argumenti tagħha intiżi li juru li l-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha huma protetti minn drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, kif ukoll fir-risposta tagħha għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub li għamlitilha l-Qorti tal-Prim’Istanza, Microsoft tressaq sensiela ta’ allegazzjonijiet dwar il-portata tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ dawn l-allegazzjonijiet, Microsoft tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-livell ta’ interoperabbiltà mitlub mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

125

Għalhekk, fir-replika, Microsoft tallega li jeżisti nuqqas ta’ koerenza bejn il-portata ta’ l-imsemmija miżura korrettiva u l-“istandard ta’ interoperabbiltà” li tuża l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tevalwa r-rilevanza tal-“metodi alternattivi ta’ interoperabbiltà”. Fi tweġiba tagħha għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija tafferma li l-portata ta’ l-obbligu ta’ żvelar previst fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata kienet is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet differenti min-naħa tal-Kummissjoni.

126

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, Microsoft tosserva li, fil-kunsiderazzjoni 669 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-“istandards industrijali disponibbli ma jippermettux lill-kompetituri jilħqu l-istess livell ta’ interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows bħas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group”. Hija tosserva wkoll li, fil-kunsiderazzjoni 679 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li “sistema operattiva Novell għal servers ta’ work group mingħajr ‘clients’ ma tistax tuża kompletament il-kapaċitajiet ta’ client PCs li joperaw bil-Windows u ta’ servers ta’ work group li joperaw bil-Windows bl-istess mod bħalma tista’ tagħmel sistema operattiva [Windows] għal servers ta’ work group”. Minn dawn il-konstatazzjonijiet Microsoft tiddeduċi li, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkunsidrat l-interoperabbiltà bħala l-kapaċità tal-kompetituri tagħha li jħaddmu l-prodotti tagħhom eżattament bl-istess mod bħas-sistemi operattivi Windows għal servers. Il-Kummissjoni għalhekk timmaġina li dawn is-sistemi ta’ l-aħħar u s-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri jkunu kważi identiċi.

127

Microsoft tallega li, sabiex il-livell ta’ interoperabbiltà kif mifhum mill-Kummissjoni jkun jista’ jintlaħaq (livell li Microsoft tirreferi għalih b’espressjonijiet differenti bħal “plug replacement”, “plug-replaceability”, “drop-in”, “functional equivalent” u “functional clone”), hija jkollha tiżvela ħafna iktar informazzjoni minn dik indikata fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari informazzjoni dwar il-mekkaniżmi interni tas-sistemi operattivi tagħha għal servers (inklużi “algorithms u decision rules”).

128

Microsoft issostni li, fit-tieni lok, il-Kummissjoni adottat interpretazzjoni stretta ta’ l-imsemmi Artikolu 5 billi kkunsidrat li dan jobbligaha biss tagħti taħt liċenzja lill-kompetituri tagħha l-protokolli ta’ komunikazzjoni “on the wire”. In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, Microsoft tinvoka l-fatt li, matul is-seduta fil-proċedura sommarja, il-partijiet li tħallew jagħmlu intervent in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni ddikjaraw li huma ma kinux interessati li jiksbu aċċess għall-informazzjoni dwar il-mekkaniżmi interni tas-sistemi operattivi Windows għal servers. Hija tagħmel riferiment ukoll għall-fatt li, fir-risposta u fil-kontroreplika, il-Kummissjoni kkonfermat li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tqiegħed lill-kompetituri ta’ Microsoft f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jagħmlu kloni tas-servizzi ta’ użu komuni għal fajls u għal printers kif ukoll tas-servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti mogħtija mis-sistemi operattivi Windows għal servers. Microsoft tosserva li l-eluf ta’ paġni ta’ speċifikazzjonijiet li hija għaddiet lill-Kummissjoni b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jippermettu, madankollu, lill-kompetituri tagħha jikkupjaw ċerti “karatteristiċi” tal-prodotti li hija żviluppat bl-isforzi ta’ riċerka u ta’ żvilupp tagħha stess. B’hekk, per eżempju, billi jkollhom aċċess għall-protokoll DRS (Directory Replication Service), terzi jkunu jistgħu jiksbu partijiet oħra tas-sistemi operattivi Windows għal servers li jużaw l-Active Directory permezz ta’ inġinerija b’lura.

129

Fit-tielet lok, f’Ottubru 2005, jiġifieri diversi xhur wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub f’din il-kawża, il-Kummissjoni reġgħet interpretat l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li l-informazzjoni li għandha tiżvela Microsoft kellha tippermetti lill-kompetituri tagħha joħolqu “functional equivalents” tas-sistemi operattivi Windows għal servers jew, fi kliem ieħor, sistemi li jistgħu jissostitwixxu perfettament lil dawn ta’ l-aħħar. Microsoft ittenni li tali interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tobbligaha tagħti aċċess għal informazzjoni dwar il-mekkaniżmi interni tas-sistemi operattivi Windows tagħha għal servers.

130

Matul is-seduta, Microsoft iddiskutiet il-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication” fit-tul u, f’dan il-kuntest, sostniet argumenti fl-istess sens bħal dawk esposti iktar ’il fuq.

131

Microsoft spjegat, inter alia, li, fil-passat, is-servizzi ta’ direttorju kienu eżegwiti minn server wieħed li kien kbir ħafna u li kien jiswa ħafna. Fil-preżent, għall-kuntrarju, dawn is-servizzi ġeneralment jitwettqu minn numru ta’ servers żgħar, li jiswew anqas, li jkunu jinsabu f’postijiet differenti u li jkunu mqabbda ma’ xulxin fi grupp li, fuq diversi slides murija matul is-seduta, Microsoft illustrat permezz ta’ “ċirku blu”. Microsoft indikat li s-softwer installat fis-servers li jagħmlu parti minn dan iċ-“ċirku blu” u li jkunu involuti fil-provvista ta’ servizzi ta’ direttorju għandu jkollhom l-istess loġika interna sabiex dawn is-servers ikunu jistgħu jiffunzjonaw flimkien daqslikieku kienu unit wieħed. Fil-fatt, huwa meħtieġ li kull wieħed minn dawn is-servers jippreżumi li s-servers l-oħra sejrin jirreaġixxu eżattament bl-istess mod b’risposta għal talba partikolari. Microsoft żiedet li l-komunikazzjonijiet li jgħaddu bejn servers li joperaw b’sistema operattiva partikolari fiċ-“ċirku blu” huma ta’ natura speċjali ħafna.

132

Microsoft spjegat ukoll li l-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication” jippermetti li kull bidla li ssir fid-data li tkun miżmuma f’server li jaġixxi bħala kontrollur ta’ domain u li jkun jinsab fiċ-“ċirku blu” (per eżempju, il-bidla tal-password ta’ utent) tiġi awtomatikament“replikata” fis-servers l-oħra kollha li jkollhom ir-rwol ta’ kontrollur ta’ domain u li jkunu jagħmlu parti mill-istess “ċirku blu”.

133

Microsoft ippreċiżat li l-ewwel kumpannija li kien irnexxielha tiżviluppa mekkaniżmu bħal dan kienet Novell, fl-1993. Madankollu, il-mekkaniżmu inkluż fis-sistema operattiva tagħha għal servers, NetWare, kien jiflaħ biss mhux iktar minn 150 kontrollur ta’ domain li joperaw b’mod perfettament sinkronizzat f’“ċirku blu”, filwaqt li dak użat mill-Active Directory fis-sistema Windows 2000 Server jiflaħ diversi eluf ta’ kontrolluri ta’ domain simultanjament.

134

Dejjem fil-kuntest ta’ l-iżviluppi tagħha fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication”, Microsoft tenniet li d-deċiżjoni kkontestata kellha l-għan li tippermetti lill-kompetituri tagħha jiżviluppaw sistemi operattivi għal servers li jikkostitwixxu ‘functional equivalents’ għas-sistemi operattivi Windows tagħha għal servers. Din id-deċiżjoni kienet intiża, b’mod partikolari, sabiex servers li jeżegwixxu servizzi ta’ direttorju u li fuqhom hija installata sistema operattiva għal servers ta’ kompetitur ta’ Microsoft ikunu jistgħu jieħdu post, fiċ-“ċirku blu”, is-servers eżistenti li fuqhom hija installata sistema operattiva Windows għal servers li tuża l-Active Directory. Issa, sabiex ikun jista’ jintlaħaq tali riżultat, huwa meħtieġ li s-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri ta’ Microsoft jiffunzjonaw eżattament bl-istess mod — u għalhekk ikollhom l-istess loġika interna — bħas-sistemi operattivi Windows għal servers li jużaw l-Active Directory. Dan ikun possibbli biss jekk il-kompetituri tagħha jkollhom informazzjoni dwar il-mekkaniżmi interni tas-sistemi operattivi tagħha għal servers, inklużi ċerti algorithims, jiġifieri informazzjoni li tmur lil hinn minn sempliċi informazzjoni dwar l-interoperabbiltà fis-sens tad-deċiżjoni kkontestata.

135

Microsoft żiedet li, għalhekk, “multimaster replication” ma setgħetx issir bejn servers li joperaw b’sistemi operattivi ta’ distributuri differenti. Per eżempju, server li fuqu hija installata sistema operattiva ta’ Sun ma setax jitqiegħed f’“ċirku blu” b’servers li joperaw b’sistema operattiva ta’ Novell jew li jużaw l-Active Directory. Madankollu, hija ppreċiżat li l-Active Directory, peress li jiddependi fuq protokolli standard bħalma huwa l-protokoll LDAP (Lightweight Directory Access Protocol), huwa kapaċi jaħdem, fl-istess netwerk ta’ kompjuters, mas-servizzi ta’ direttorju mogħtija mis-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri tagħha. Ma tagħmel ebda differenza jekk din l-interoperabbiltà toperax bejn żewġ servers differenti jew bejn server, minn naħa, u grupp ta’ servers miġbura f’“ċirku blu”, min-naħa l-oħra.

136

Il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ Microsoft.

137

Fl-ewwel lok, hija tagħmel riferiment għad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “informazzjoni dwar l-interoperabbiltà” u ta’ “protokolli” mogħtija fl-Artikolu 1(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tispjega li din id-deċiżjoni tobbliga lil Microsoft tipprovdi dokumentazzjoni teknika, jiġifieri l-“ispeċifikazzjonijiet”, li tiddeskrivi b’mod dettaljat dawn il-protokolli. L-ispeċifikazzjonijiet jindikaw “x’format għandu jingħata lill-messaġġi, meta għandhom jinħolqu dawn il-messaġġi, kif għandhom jiġu interpretati, x’għandu jsir b’messaggi żbaljati, etc”. Il-Kummissjoni tinsisti fuq il-bżonn li din id-dokumentazzjoni teknika tiġi distinta mill-kodiċi sors tal-prodotti ta’ Microsoft. Hija tispjega li kompetitur li jixtieq jiżviluppa sistema operattiva għal servers li “tifhem” il-protokolli ta’ Microsoft għandu jassigura li l-prodott tiegħu jkollu kodiċi sors li jimplementa l-ispeċifikazzjonijiet ta’ dawn il-protokolli. Issa, żewġ programmaturi li jimplementaw l-istess speċifikazzjonijiet ta’ protokoll ma jiktubx l-istess kodiċi sors u l-programmi tagħhom jaħdmu b’mod differenti (kunsiderazzjonijiet 24, 25, 698 u 719 sa 722 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan l-aspett, il-protokolli jistgħu jitqabblu ma’ lingwa li s-sintassi u l-vokabolarju tagħha huma l-ispeċifikazzjonijiet, safejn is-sempliċi fatt li żewġ persuni jitgħallmu s-sintassi u l-vokabolarju ta’ l-istess lingwa ma jiggarantix li dawn jużawha bl-istess mod. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li “l-fatt li żewġ prodotti jipprovdu s-servizzi tagħhom permezz ta’ protokolli kompatibbli ma jgħid xejn dwar il-mod kif jipprovdu dawn is-servizzi”.

138

Il-Kummissjoni ssostni li Microsoft tiddefendi interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ interoperabbiltà li hija inkompatibbli mad-Direttiva 91/250. Hija tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet 749 sa 763 tad-deċiżjoni kkontestata u tosserva li Microsoft ma tqajjem ebda argument ġdid li ma kinitx diġà qajmet matul il-proċedura amministrattiva. Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija bbażat ruħha fuq din id-direttiva mhux biss sabiex turi l-importanza ta’ l-interoperabbiltà fis-settur tas-softwer, iżda wkoll sabiex tevalwa l-kunċett ta’ interoperabbiltà.

139

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li teżisti firxa ta’ livelli ta’ interoperabbiltà possibbli bejn il-PCs li joperaw bil-Windows u s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group u li diġà tista’ tintlaħaq “ċerta interoperabbiltà” ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows. Hija tallega li hija ma stabbilixxitx a priori livell partikolari ta’ interoperabbiltà li huwa indispensabbli sabiex tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-suq iżda, wara l-investigazzjoni tagħha, hija kkonstatat li l-livell ta’ interoperabbiltà li seta’ jinkiseb mill-kompetituri permezz tal-metodi disponibbli kien baxx wisq sabiex ikunu jistgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-parti tad-deċiżjoni kkontestata fejn stabilixxiet li “l-interoperabbiltà hija l-fattur prinċipali wara l-adozzjoni tas-sistemi operattivi ta’ Microsoft għal servers ta’ work group” (kunsiderazzjonijiet 637 sa 665), il-Kummissjoni ppreċiżat li rriżulta li dawn il-metodi “ma jippermettux li l-livell ta’ interoperabbiltà mitlub mill-klijenti jintlaħaq b’mod ekonomikament vijabbli”.

140

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tippreċiża li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma tikkunsidrax li huwa indispensabbli li l-kompetituri ta’ Microsoft ikunu awtorizzati jirriproduċu s-“soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà” implementati minn din ta’ l-aħħar. Li huwa importanti huwa li dawn ikunu jistgħu jilħqu livell ta’ interoperabbiltà ekwivalenti permezz ta’ l-isforzi ta’ innovazzjoni tagħhom.

141

Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tenfasizza li, kuntrarjament għal dak li tallega Microsoft, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex intiża li s-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri tagħha jkunu jistgħu jiffunzjonaw minn kull aspett bħala sistema operattiva Windows għal servers u, għaldaqstant, li dawn il-kompetituri jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu kloni tal-karatteristiċi tal-prodotti tagħha. Id-deċiżjoni kkontestata hija fil-fatt intiża li dawn il-kompetituri jkunu jistgħu jiżviluppaw prodotti li “[jkunu] joperaw b’mod differenti iżda [jkunu] kapaċi jifhmu l-messaġġi mibgħuta mill-prodotti kkonċernati ta’ Microsoft”. Hija żżid li, permezz ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li Microsoft għandha tiżvela lill-kompetituri tagħha skond id-deċiżjoni kkontestata, dawn il-kompetituri ma jistgħux joħolqu prodotti li jkunu eżattament l-istess bħal dawk ta’ Microsoft.

142

F’dan ir-rigward, fis-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “functional equivalent” u dak ta’ “functional clone”. Fil-fatt, ‘functional equivalent’ mhijiex sistema li tiffunzjona eżattament bħas-sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group li hija qiegħda tissostitwixxi iżda hija sistema li tista’ tipprovdi r-risposta adegwata għal talba partikolari fl-istess kundizzjonijiet bħal din is-sistema operattiva Windows u li tista’ tagħmel client PC jew server li joperaw bil-Windows jirreaġixxu għall-messaġġi tagħha bl-istess mod daqslikieku dawn kienu ġejjin mill-imsemmija sistema operattiva Windows.

143

Il-Kummissjoni ssostni li “tight coupling” u “loose coupling” mhumiex termini tekniċi ddefiniti b’mod ċar, b’mod partikolari fil-qasam tas-softwer ta’ sistemi operattivi. Hija tikkontesta, fi kwalunkwe każ, li d-“dettalji ta’ interface b’tight coupling” imsemmija fir-rapport fl-anness A.9.2 tar-rikors huma innovattivi.

144

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ klijenti ppreżentati minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni tfakkar li hija diġa kkumentat dwarhom fil-kunsiderazzjonijiet 357, 358, 440 sa 444, 511, 513, 595, 602, 628 u 707 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li dawn id-dikjarazzjonijiet, li jmorru lura għas-snin 2000 u 2001, jikkonċernaw, essenzjalment, impriżi li, b’mod ġenerali, kienu adottaw il-Windows bħala “standard” għan-netwerks ta’ work groups tagħhom. Fir-rigward tar-rapporti Mercer, il-Kummissjoni ssostni li, fil-kunsiderazzjoni 645 tad-deċiżjoni kkontestata, hija diġà indikat li d-data analizzata f’dawn ir-rapporti kienet turi preċiżament il-kuntrarju ta’ dak li tallega Microsoft.

145

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li Microsoft tibbaża fuq l-allegat nuqqas ta’ koerenza bejn il-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata u l-istandard ta’ interoperabbiltà użat, fl-istess deċiżjoni, sabiex tiġi evalwata r-rilevanza ta’ “metodi alternattivi ta’ interoperabbiltà”.

146

Il-Kummissjoni ssostni li ssib diffikultà sabiex tifhem is-sens ta’ dan l-argument. F’dan ir-rigward, hija tindika li, fis-siltiet mill-kunsiderazzjonijiet 669 u 679 tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati minn Microsoft, hija bl-ebda mod ma tiċħad ċerti soluzzjonijiet alternattivi għall-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-interoperabbiltà minħabba li dawn is-soluzzjonijiet ma jippermettux li jsiru kloni tal-prodotti ta’ Microsoft, jew ta’ wħud mill-karatteristiċi tagħhom. F’dawk is-siltiet hija sempliċement tikkonstata li dawn is-soluzzjonijiet “jassiguraw livell inqas ta’ interoperabbiltà mal-prodotti dominanti ta’ Microsoft (kapaċità inqas ta’ aċċess għall-funzjonijiet ta’ dawn il-prodotti) milli jgawdu l-prodotti ta’ Microsoft”. Għaldaqstant, il-qofol tal-kwistjoni hija l-kapaċità ta’ “funzjonament ma’” l-ambjent Windows.

147

Il-Kummissjoni żżid li mill-kunsiderazzjonijiet 568 sa 572, 740 u 749 sa 763 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li din id-deċiżjoni tikkonċerna biss l-iżvelar ta’ speċifikazzjonijiet ta’ interface. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li Microsoft ma tissostanzjax b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi l-allegazzjoni tagħha li, billi jkollhom aċċess għal ċerti speċifikazzjonijiet tal-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha, terzi jkunu jistgħu jiksbu partijiet oħra tas-sistemi operattivi Windows għal servers li jużaw l-Active Directory permezz ta’ inġinerija b’lura.

148

Matul is-seduta, il-Kummissjoni kkontestat il-fondatezza ta’ l-allegazzjonijiet li Microsoft tibbaża fuq il-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication”. Hija tikkonferma li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża, b’mod partikolari, sabiex servers li joperaw b’sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ kompetitur ta’ Microsoft ikunu jistgħu jidħlu f’“ċirku blu” kompost minn servers li fuqhom tkun installata sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group u li, għaldaqstant, l-obbligu ta’ żvelar previst fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni jkopri wkoll l-informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet li jgħaddu bejn servers f’dan iċ-“ċirku blu”. Hija madankollu ċaħdet l-allegazzjoni ta’ Microsoft li dan l-għan jista’ jintlaħaq biss billi jingħata aċċess għall-informazzjoni dwar il-mekkaniżmi interni tal-prodotti tagħha.

149

SIIA tinsisti fuq ir-rwol essenzjali ta’ l-interoperabbiltà fis-settur tas-softwer. Skondha, ma jistax jiġi kkontestat li l-konsumaturi jagħtu importanza kbira ħafna lill-fatt li l-programmi ta’ kompjuter ikunu interoperabbli mal-prodotti kważi monopolistiċi tas-sistemi operattivi Windows għal client PCs. Hija tindika li, f’sitwazzjoni normali ta’ kompetizzjoni, l-iżviluppaturi ta’ softwer ikollhom kull interess li jiffavorixxu l-interoperabbiltà bejn il-prodotti tagħhom u dawk tal-kompetituri tagħhom u li jiżvelaw informazzjoni dwar l-interoperabbiltà. Għalhekk, dawn l-iżviluppaturi jikkompetu abbażi ta’ fatturi “normali” bħalma huma l-prezz u s-sigurtà tal-prodott, ir-rapidità li bih il-prodott jirrispondi għat-talbiet jew in-natura innovattiva ta’ ċerti funzjonalitajiet. Microsoft, għall-kuntrarju, tuża, fuq swieq viċini u permezz ta’ ‘leveraging’, il-pożizzjoni kważi monopolistika li hija tgawdi fuq swieq oħra. B’mod iktar preċiż, Microsoft tillimita l-kapaċità tal-kompetituri tagħha li jiksbu interoperabbiltà mal-prodotti tagħha li jgawdu minn kważi monopolju billi ma tirrispettax il-protokolli standard fis-settur, billi tagħmel “żidiet minuri (u superfluwi)” f’dawn il-protokolli u billi sussegwentament tirrifjuta li tgħaddi lill-kompetituri tagħha informazzjoni dwar dawn il-“protokolli estiżi”.

150

Barra minn hekk, SIIA tikkontesta l-allegazzjoni ta’ Microsoft li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tippermetti lill-kompetituri tagħha jiżviluppaw sistemi operattivi għal servers li joperaw mill-aspetti kollha bħala sistema operattiva Windows għal servers. Skond SIIA, l-għan tad-deċiżjoni kkontestata huwa li tippermetti lis-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ta’ Microsoft jinteroperaw mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers ta’ work group bl-istess mod bħalma jagħmlu s-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

151

Microsoft, permezz tad-diversi argumenti tagħha esposti fil-punti 118 sa 135 iktar ’il fuq, tqajjem żewġ kwistjonijiet prinċipali, jiġifieri, l-ewwel, il-livell ta’ interoperabbiltà mitlub mill-Kummissjoni f’dan il-każ u, it-tieni, il-portata tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

152

Għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma intrinsikament marbuta ma’ xulxin, fis-sens li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-kunsiderazzjoni 998 tad-deċiżjoni kkontestata, din il-miżura korrettiva hija intiża li tobbliga lil Microsoft tiżvela dak li l-Kummissjoni kkunsidrat li Microsoft, b’mod abbużiv, irrifjutat li tiżvela, u dan kemm lil Sun u kif ukoll lill-kompetituri l-oħra tagħha. Il-portata ta’ l-imsemmija miżura korrettiva għandha, għaldaqstant, tiġi determinata fid-dawl ta’ l-aġir abbużiv ikkonstatat fil-konfront ta’ Microsoft li jiddependi, b’mod partikolari, fuq il-livell ta’ interoperabbiltà identifikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

153

Għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, jeħtieġ li qabel kollox jiġu mfakkra sensiela ta’ konstatazzjonijiet fattwali u tekniċi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa wara li teżamina, b’mod partikolari, il-mod kif huma organizzati n-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows kif ukoll il-konnessjonijiet li jorbtu d-diversi sistemi operattivi f’dawn in-netwerks li l-Kummissjoni evalwat il-livell ta’ interoperabbiltà meħtieġ f’dan il-każ u kkonkludiet li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà hija ta’ natura indispensabbli. Għandha tiġi ppreċiżata wkoll, qabel kollox, in-natura ta’ l-informazzjoni koperta mid-deċiżjoni kkontestata.

— Konstatazzjonijiet fattwali u tekniċi

154

Fil-kunsiderazzjonijiet 21 sa 59, 67 sa 106 u 144 sa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel sensiela ta’ konstatazzjonijiet ta’ natura fattwali u teknika dwar il-prodotti u t-teknoloġiji kkonċernati.

155

Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li Microsoft ma tikkontestax, fis-sustanza tagħhom, dawn id-diversi konstatazzjonijiet. Barra minn hekk, dawn huma bbażati, b’mod ġenerali, fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari fir-risposti tagħha għat-tliet dikjarazzjoijiet ta’ l-oġġezzjonijiet, kif ukoll fuq dokumenti u rapporti ppubblikati fis-sit internet tagħha. Barra minn hekk, il-preżentazzjonijiet tekniċi magħmula mill-esperti tal-partijiet matul is-seduta, inklużi dawk ta’ Microsoft, jikkonfermaw il-fondatezza tal-konstatazzjonijiet imsemmija.

156

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, wara li osservat li t-terminu “interoperabbiltà” seta’ jintuża f’kuntesti differenti minn persuni tekniċi għal skopijiet differenti, tiċċita, l-ewwel nett, l-għaxar, il-ħdax u t-tnax-il premessa tad-Direttiva 91/250 (kunsiderazzjoni 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

157

Dawn il-premessi jipprovdu kif ġej:

“[…] il-funzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija li jikkomunika u jaħdem flimkien ma’ komponenti oħra f’sistema ta’ kompjuters u ma’ utenti u, għal dan l-iskop, interkonnessjoni u interazzjoni loġika u, fejn hu xieraq, waħda fiżika hija meħtieġa biex tippermetti l-elementi kollha tas-softwer u ħardwer li jaħdmu ma’ softwer u ħardwer ieħor u ma’ utenti fil-modi kollha li fihom huma maħsuba li jiffunzjonaw;

[…] il-partijiet tal-programm li jipprovdu għal din l-interkonnessjoni u l-interazzjoni bejn l-elementi tas-softwer u l-ħardwer huma ġeneralment magħrufa bħala ‘interfaces’;

[…] din l-interkonnessjoni u l-interazzjoni funzjonali hija ġeneralment magħrufa bħala ‘interoperabilità’; billi din l-interoperabilità tista’ tiġi mfissra bħala l-kapaċità li tagħmel skambju ta’ l-informazzjoni u li tuża b’mod reċiproku l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata […]”.

158

It-tieni nett, il-Kummissjoni tindika li Microsoft tikkritikaha talli adottat, f’dan il-każ, kunċett ta’ interoperabbiltà li jmur lil hinn minn dak li huwa previst fid-Direttiva 91/250. Madankollu, skond il-Kummissjoni, hemm qbil bejnha u Microsoft dwar il-fatt li “l-interoperabbiltà hija kwistjoni ta’ livelli u li prodotti ta’ softwer differenti f’sistema ‘jinteroperaw’ (ta’ l-inqas parzjalment) meta jkunu kapaċi jiskambjaw informazzjoni u jużaw b’mod reċiproku l-informazzjoni skambjata” (kunsiderazzjoni 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

159

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tosserva li, illum il-ġurnata, f’impriżi u f’organizzazzjonijiet, il-kompjuters jaħdmu dejjem iktar in konnessjoni ma’ kompjuters oħra f’netwerk. Hija tippreċiża li l-utenti ta’ client PCs, skond il-kompiti speċifiċi li jkunu jixtiequ jwettqu, jużaw kemm il-kapaċitajiet tal-client PC tagħhom u kemm dawk ta’ tipi differenti ta’ kompjuters “multi-user” li jkunu iktar b’saħħithom, jiġifieri s-servers, li għalihom ikollhom aċċess indirett permezz ta’ dan il-client PC (kunsiderazzjoni 47 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tispjega wkoll li, sabiex jiġi assigurat aċċess mingħajr problemi u effikaċi għar-riżorsi differenti tan-netwerk, huwa meħtieġ, l-ewwel, li l-applikazzjonijiet ikunu mifruxa (distributed) fuq diversi kompjuters, li kull wieħed minnhom jakkomoda komponenti differenti li jinteroperaw, u, it-tieni, li l-kompjuters imqabbda ma’ xulxin f’dan in-netwerk ikunu integrati f’“sistema mifruxa ta’ kompjuters” li tkun koerenti (kunsiderazzjoni 48 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar, il-Kummissjoni tindika li, “idealment, tali sistema mifruxa tagħmel il-kumplessità tal-ħardwer u tas-softwer li fuqu tkun ibbażata ‘trasparenti’ (jiġifieri inviżibbli) kemm għall-utent u kemm għall-applikazzjonijiet mifruxa, b’tali mod li dawn l-utenti u l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jsibu passaġġ minn din il-kumplessità sabiex ikollhom aċċess għar-riżorsi tal-kompjuters” (kunsiderazzjoni 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

160

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tenfasizza li din il-kawża tikkonċerna s-servizzi ta’ work group, jiġifieri s-servizzi ta’ infrastruttura bażika li jintużaw mill-impjegati f’uffiċċju fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom (kunsiderazzjoni 53 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tidentifika, b’mod iktar partikolari, it-tliet tipi ta’ servizzi segwenti: l-ewwel nett, l-użu komuni għal fajls miżmuma fis-servers, it-tieni nett, l-użu komuni ta’ printers u, it-tielet nett, l-amministrazzjoni ta’ l-utenti u tal-gruppi ta’ utenti. Hija tippreċiża li t-tielet tip ta’ servizzi jinvolvi, b’mod partikolari, li jiġi assigurat aċċess mingħajr riskju għar-riżorsi tan-netwerk kif ukoll l-użu mingħajr riskju tagħhom billi, inter alia, l-ewwel jiġu awtentifikati l-utenti u mbagħad billi jiġi vverifikat li huma awtorizzati jwettqu azzjoni partikolari (kunsiderazzjoni 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

161

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li dawn id-diversi servizzi huma marbuta mill-qrib bejniethom u li fil-fatt jistgħu jiġu kkunsidrati, b’mod ġenerali, bħala “servizz wieħed” li iżda għandu jiġi kkunsidrat minn żewġ pożizzjonijiet differenti, jiġifieri, minn naħa, mill-pożizzjoni ta’ l-utent (servizzi ta’ fajls u ta’ printers) u, min-naħa l-oħra, mill-pożizzjoni ta’ l-amministratur tan-netwerk (amministrazzjoni ta’ l-utenti u tal-gruppi ta’ utenti) (kunsiderazzjonijiet 56 u 176 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi osservat li Microsoft, għalkemm issostni, fil-kuntest ta’ l-argumenti tagħha dwar l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni, li l-Kummissjoni adottat definizzjoni “artifiċjalment stretta” tas-suq ta’ prodott in kwistjoni billi inkludiet it-tliet tipi ta’ servizzi msemmija iktar ’il fuq (ara l-punti 443 sa 449 iktar ’il quddiem), ma tikkontestax l-eżistenza ta’ tali rabtiet bejn l-imsemmija servizzi.

162

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, il-Kummissjoni tiddefinixxi s-“sistemi operattivi għal servers ta’ work group” bħala sistemi operattivi ddisinjati u kkummerċjalizzati sabiex joffru, b’mod integrat, is-servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers, kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti għal numru relattivament limitat ta’ client PCs imqabbda ma’ netwerk ta’ daqs żgħir jew medju (kunsiderazzjonijiet 53 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tippreċiża, b’mod partikolari, li, sabiex jiġu assigurati l-ħażna u r-riċerka effiċjenti ta’ l-informazzjoni marbuta ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-utenti u tal-gruppi ta’ utenti, dawn is-sistemi operattivi jistrieħu b’mod estensiv fuq it-teknoloġiji ta’ servizzi ta’ direttorju (kunsiderazzjoni 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

163

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni teżamina l-mod li bih tintlaħaq interoperabbiltà fin-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows (kunsiderazzjonijiet 144 sa 184 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri l-“grupp[i] ta’ client PCs [li fuqhom tkun installata sistema operattiva Windows għal client PCs] u ta’ servers [li fuqhom tkun installata sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group] imqabbda flimkien permezz ta’ netwerk ta’ kompjuters” (Artikolu 1(7) tad-deċiżjoni kkontestata).

164

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tiffoka fuq il-ġenerazzjoni Windows 2000 tas-sistemi operattivi ta’ Microsoft filwaqt li tosserva li l-karatteristiċi essenzjali ta’ dawn is-sistemi huma analogi għal dawk tas-sistemi f’ġenerazzjonijiet sussegwenti (jiġifieri s-sistemi operattivi għal client PCs Windows XP Home Edition u Windows XP Professional u s-sistema operattiva għal servers Windows 2003 Server) (nota ta’ qiegħ il-paġna 182 tad-deċiżjoni kkontestata).

165

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tifformula sensiela ta’ kunsiderazzjonijiet dwar is-servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti (kunsiderazzjonijiet 145 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tosserva li, f’netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows, id-“domains tal-Windows” huma l-qofol tat-twettiq ta’ dawn is-servizzi u tikklassifika dawn id-domains bħala “unitajiet amministrattivi” li permezz tagħhom is-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group jamministraw il-client PCs u s-servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 145 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tispjega, b’mod partikolari, li kull “riżors” (kompjuter, printer, utent, applikazzjoni, etc.) ta’ domain tal-Windows għandu “domain account” li jiddefinixxi l-identità tiegħu għad-domain kollu, u li, fl-istess domain tal-Windows, teżisti sistema ta’ “single user logon” fis-sens li, meta l-utent jistabbilixxi konnessjoni ma’ riżors fid-domain (ġeneralment il-client PC tiegħu), huwa jiġi “rrikonoxxut” mir-riżorsi l-oħra kollha fl-istess domain u ma jkollux għalfejn jerġa’ jdaħħal ismu u l-password tiegħu (kunsiderazzjoni 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

166

Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza, fid-domains tal-Windows, tas-servers maħsuba bħala “kontrolluri ta’ domain”, b’kuntrast mas-servers l-oħra, li huma magħrufa bħala “servers membri” (kunsiderazzjoni 147 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tispjega li l-kontrolluri ta’ domain huma responsabbli sabiex iżommu l-accounts tad-domain kif ukoll l-informazzjoni relatata magħhom. Fi kliem ieħor, ir-rwol ta’ dawn is-servers huwa bħala ta’ operaturi ta’ switchboard tad-domain tal-Windows (kunsiderazzjoni 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

167

B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni tinsisti fuq ir-rwol prinċipali ta’ l-Active Directory u fuq il-bidliet li ġabet l-introduzzjoni ta’ dan is-“servizz ta’ direttorju sħiħ” fis-sistema operattiva Windows 2000 Server fir-rigward tal-mod kif il-kontrolluri ta’ domain jirrelataw ma’ xulxin fid-domains tal-Windows 2000, meta mqabbla mas-sistemi operattivi Windows għal servers preċedenti, jiġifieri dawk tal-ġenerazzjoni Windows NT (kunsiderazzjoni 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

168

F’dan ir-rigward, hija tispjega, fl-ewwel lok, li s-sistema operattiva Windows NT 4.0 kellha kontrolluri ta’ domain prinċipali u kontrolluri ta’ domain sekondarji. F’din is-sistema, il-bidliet fl-accounts tad-domain setgħu jsiru permezz tal-kontrollur ta’ domain prinċipali biss u mbagħad kienu jiġu ttrasferiti perjodikament u awtomatikament għall-kontrolluri ta’ domain sekondarji kollha. Għall-kuntrarju, f’domain tal-Windows 2000, il-kontrolluri ta’ domain kollha jiffunzjonaw bħala “peers”, b’tali mod li jistgħu jsiru bidliet fl-accounts tad-domain fuq kwalunkwe wieħed minn dawn il-kontrolluri, bidliet li mbagħad jiġu awtomatikament ittrasferiti fuq il-kontrolluri ta’ domain l-oħra (kunsiderazzjoni 150 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn l-operazzjonijiet jitwettqu permezz ta’ ċerti protokolli ta’ sinkronizzazzjoni li huma differenti minn dawk użati mis-sistema operattiva Windows NT 4.0.

169

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tindika li d-domains tal-Windows 2000 għandhom ukoll bħala karatteristika ġdida l-fatt li jistgħu jiġu organizzati f’ġerarkija, b’numru ta’ “siġar” (trees) ta’ domains tal-Windows 2000 marbuta bejniethom permezz ta’ relazzjonijiet ta’ approvazzjoni stabbiliti b’mod awtomatiku (automatic trust relationships), filwaqt li diversi “siġar” jistgħu, min-naħa tagħhom, jiġu marbuta bejniethom f’hekk imsejħa “foresta” (forest) permezz ta’ relazzjonijiet ta’ approvazzjoni (kunsiderazzjoni 151 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żżid li l-kontrolluri ta’ domain tal-Windows 2000 jistgħu jintużaw bħala “servers ta’ katalgu globali” (global catalog servers), jiġifieri mhux biss iżommu l-informazzjoni dwar ir-riżorsi disponibbli fuq id-domains li huma jikkontrollaw iżda wkoll “sunt” tar-riżorsi kollha disponibbli fil-“foresta”, jiġifieri l-“katalgu globali”. Hija tippreċiża li d-data miżmuma fil-katalgu globali tiġi aġġornata permezz ta’ diversi protokolli.

170

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tispjega li t-tranżizzjoni mit-teknoloġija Windows NT għat-teknoloġija Windows 2000 introduċiet ukoll bidliet fir-rigward ta’ l-arkitettura ta’ sigurtà tan-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows (kunsiderazzjonijiet 152 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkonstata, b’mod partikolari, li, fid-domains tal-Windows 2000, l-awtentikazzjoni hija bbażata fuq il-protokoll Kerberos, u m’għadhiex ibbażata fuq il-protokoll NTLM (NT LAN Manager), bidla din li għandha numru ta’ vantaġġi f’termini ta’ rapidità ta’ konnessjoni, ta’ awtentikazzjoni reċiproka u ta’ amministrazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ approvazzjoni. Hija tindika li l-“Key Distribution Centre” previst mill-protokoll Kerberos “huwa integrat f’servizzi ta’ sigurtà oħra tal-Windows 2000 eżegwiti fuq il-kontrollur ta’ domain u juża l-Active Directory tad-domain bħala database ta’ l-accounts ta’ sigurtà” (kunsiderazzjoni 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tippreċiża li l-protokoll Kerberos implementat fis-sistemi operattivi Windows 2000 Professional u Windows 2000 Server mhuwiex, madankollu, il-verżjoni standard żviluppata mill-Massachusetts Institute of Technology (MIT), iżda verżjoni “estiża” minn Microsoft (kunsiderazzjonijiet 153 u 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

171

Finalment, fost il-bidliet l-oħra li rriżultaw mit-tranżizzjoni mit-teknoloġija Windows NT għat-teknoloġija Windows 2000 u għall-Active Directory, il-Kummissjoni ssemmi l-fatt li numru ta’ funzjonijiet ġew integrati kemm fis-sistema operattiva Windows 2000 Professional u kemm fis-sistema operattiva Windows 2000 Server sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tal-client PCs li joperaw bil-Windows fid-domains tal-Windows (kunsiderazzjonijiet 155 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tenfasizza li dawn il-funzjonijiet, li fosthom hija ssemmi b’mod partikolari dawk imsejħa “Group Policy” u “Intellimorror”, huma “mtejba b’mod sinjifikattiv”, jew huma disponibbli biss, f’domain tal-Windows 2000 amministrat minn kontrollur ta’ domain tal-Windows 2000 li juża l-Active Directory (kunsiderazzjoni 156 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tosserva li Microsoft spjegat li “[l-Group Policy kienet] funzjoni tal-Windows 2000 […] li [kienet] tippermetti lill-amministraturi jamministraw b’mod ċentralizzat gruppi ta’ utenti, kompjuters, applikazzjonijiet u ta’ riżorsi oħra tan-netwerk, minflok ma jamministraw dawn l-oġġetti kollha fuq bażi individwali”. Gruppi jistgħu jiġu ddefiniti b’mod lokali, għal kompjuter partikolari, jew għad-domain tal-Windows kollu. Fir-rigward ta’ l-Intellimirror, li hija disponibbli biss f’domain tal-Windows 2000, il-Kummissjoni tindika li din il-funzjoni tippermetti li l-utenti jkollhom il-“working environment” tagħhom (data, softwer, etc.) disponibbli bil-parametri personali tagħhom irrispettivament minn jekk ikunux imqabbda man-netwerk jew le u irrispettivament minn fejn jinsabu fuq in-netwerk (kunsiderazzjoni 157 tad-deċiżjoni kkontestata).

172

It-tieni nett, il-Kummissjoni tesponi numru ta’ kunsiderazzjonijiet dwar is-servizzi ta’ użu komuni għal fajls u għal printers (kunsiderazzjonijiet 158 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

173

Hija tosserva, b’mod partikolari, li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group moderni jipprovdu support għal “sistemi ta’ fajls mifruxa” u li, lejn l-aħħar tas-snin 1990, Microsoft introduċiet fis-suq tali sistema, imsejħa “Dfs” (Distributed File System), fil-forma ta’ prodott addizzjonali li seta’ jiġi installat fuq il-client PCs u fis-servers li kienu joperaw bil-Windows NT 4.0. Hija tindika li l-Windows 2000 hija l-ewwel ġenerazzjoni ta’ prodotti ta’ Microsoft li tipprovdi native support għas-sistema Dfs kemm fuq il-client PCs u kemm fis-servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 161 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

174

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, taħt il-Windows 2000, Dfs tista’ tiġi installata jew sabiex taħdem b’mod “awtonomu” jew sabiex taħdem b’mod ibbażat fuq “domain”, fejn dan il-mod ta’ l-aħħar, li għandu numru ta’ vantaġġi fir-rigward ta’ riċerka “intelliġenti” ta’ informazzjoni Dfs fuq il-client PCs, huwa disponibbli biss fid-domains tal-Windows u jibbenefika mill-preżenza ta’ kontrolluri ta’ domain li jużaw l-Active Directory (kunsiderazzjoni 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

175

It-tielet nett, il-Kummissjoni tispjega li Microsoft żviluppat teknoloġiji partikolari għaliha dwar “distributed object-based systems”, li jinkludu t-teknoloġiji COM (Component Object Model) u DCOM (Distributed Component Object Model) (kunsiderazzjoni 166 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tispeċifika li dawn iż-żewġ teknoloġiji huma marbuta mill-qrib u li COM, li hija implementata kemm fis-sistemi operattivi Windows għal client PCs u kemm fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group, torbot dawn iż-żewġ sistemi operattivi fi pjattaforma koerenti għal applikazzjonijiet mifruxa (kunsiderazzjoni 166 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tosserva li, fir-risposta tagħha għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Microsoft iddikjarat li “COM [kienet] fundamentali għall-arkitettura tas-sistemi operattivi Windows u [li] diversi interfaces fil-Windows [kienu] għalhekk ibbażati fuq COM” (kunsiderazzjoni 167 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tenfasizza, b’mod iktar partikolari, li diversi interazzjonijiet bejn il-client PCs u s-servizz ta’ l-Active Directory f’servers ta’ work group li joperaw b’sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group jinvolvu COM/DCOM. Hija żżid li l-protokoll DCOM jintuża fil-komunikazzjonijiet bejn client u server li permezz tagħhom is-servers li joperaw bil-Windows jipprovdu servizzi ta’ awtentikazzjoni jew ta’ użu komuni ta’ fajls lill-client PCs li joperaw bil-Windows (kunsiderazzjoni 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

176

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tispjega li Microsoft tinkoraġġixxi, b’diversi modi, “migrazzjoni naturali” mis-sistemi operattivi Windows NT tagħha lejn is-sistemi operattivi Windows 2000 kemm min-naħa tal-klijenti tagħha u kemm min-naħa ta’ l-iżviluppaturi tas-softwer (kunsiderazzjonijiet 168 sa 175 tad-deċiżjoni kkontestata).

177

Il-Kummissjoni tosserva li għalhekk, f’domain tal-Windows, huwa possibbli li “jsiru upgrades” ta’ kompjuters li joperaw b’verżjonijiet preċedenti tal-Windows billi ssir migrazzjoni lejn il-Windows 2000 mingħajr ma jintuża l-Active Directory. Madankollu, l-uniku mod li bih il-klijenti jistgħu jgawdu mill-benefiċċji kollha ta’ dan l-“upgrade” huwa billi jinstallaw domain tal-Windows 2000 li juża l-Active Directory f’“native mode”, li jfisser li ssir migrazzjoni tal-kontrolluri ta’ domain kollha fid-domain ikkonċernat lejn il-Windows 2000 u l-Active Directory. Huwa wkoll meħtieġ li s-servers ta’ work group ta’ l-imsemmi domain li ma jaġixxux bħala kontrolluri ta’ domain ikunu kompatibbli mal-Windows 2000 (li jimplika, b’mod partikolari, li dawn jimplementaw il-protokoll Kerberos fil-verżjoni tiegħu kif estiża minn Microsoft). Il-Kummissjoni tispjega li, meta domain tal-Windows 2000 jiġi installat b’“mixed mode” (jiġifieri meta tkun saret il-migrazzjoni tal-kontrollur tad-domain prinċipali lejn il-Windows 2000 iżda ċerti kontrolluri tad-domain sekondarji jkunu għadhom joperaw bil-Windows NT), l-utent ma jkunx jista’ jgawdi l-funzjonijiet avvanzati kollha ta’ dan id-domain. L-utent ikollu, b’mod partikolari, jirrinunzja għall-parti l-kbira tal-flessibbiltà addizzjonali li l-Active Directory jipprovdi lill-amministrazzjoni tal-gruppi ta’ utenti. Il-Kummissjoni tippreċiża li, meta l-utent jaqleb il-kontrollur ta’ domain prinċipali tiegħu għal “native mode”, huwa ma jkunx jista’ jibqa’ juża bħala kontrollur ta’ domain server li jkun interoperabbli biss mal-ġenerazzjoni Windows NT 4.0 tal-prodotti ta’ Microsoft (inklużi s-servers ta’ work group li joperaw b’sistemi li mhumiex ta’ Microsoft).

178

Fir-rigward ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer, il-Kummissjoni tikkonstata li Microsoft tinkoraġġihom jużaw il-funzjonalitajiet ġodda tas-sistemi operattivi Windows 2000, b’mod partikolari l-Active Directory, u dan permezz, b’mod partikolari, ta’ programmi ta’ ċertifikazzjoni stabbiliti minnha (kunsiderazzjonijiet 171 sa 175 tad-deċiżjoni kkontestata).

179

Il-ħames nett, il-Kummissjoni tagħmel numru ta’ konklużjonijiet (kunsiderazzjonijiet 176 sa 184 tad-deċiżjoni kkontestata).

180

Hija ttenni, fl-ewwel lok, li s-servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti huma, fit-teknoloġiji Windows, ipprovduti lill-utenti ta’ client PCs li joperaw bil-Windows bħala “grupp ta’ servizzi marbuta ma’ xulxin”. Hija tispjega din l-affermazzjoni billi tindika li, f’domain tal-Windows 2000, “is-server message block (SMB) client u s-server li fuqu tkun ibbażata d-Dfs, [id-DCOM], l-awtentikazzjoni LDAP, […] kollha jużaw awtomatikament Kerberos [ta’ Microsoft] għall-awtentikazzjoni” (kunsiderazzjoni 176 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żżid li, minbarra l-awtentikazzjoni, il-proċess ta’ awtorizzazzjoni jiddependi mill-kapaċità li jinħolqu, li jiġu mibdula u li jiġu interpretati l-“Access Control Lists” (ACL), proċess li jinvolvi komunikazzjoni mal-kontrolluri ta’ domain fid-domain ikkonċernat (kunsiderazzjoni 176 tad-deċiżjoni kkontestata).

181

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkonstata li, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom “b’mod trasparenti” lill-utent tal-client PC, is-servers ta’ work group li joperaw bil-Windows jużaw biċċiet speċifiċi ta’ kodiċi ta’ softwer (software code) integrati fis-sistema operattiva Windows għal client PCs (kunsiderazzjoni 177 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, hija tosserva, b’mod partikolari, li Microsoft iddikjarat li “Dfs [kellha] komponent lokali li [kien] jaħdem anki jekk client PC li jopera bil-Windows 2000 Professional [kien] jiffunzjona b’mod awtonomu” u li “l-Windows 2000 Professional [kien fiha] kodiċi ta’ client (client code) li [seta’] jintuża sabiex jinkiseb aċċess għall-Active Directory” (kunsiderazzjoni 177 tad-deċiżjoni kkontestata). Filwaqt li tikkwota l-awtur ta’ xogħol intitolat “Understanding Active Directory Services”, ippubblikat minn Microsoft Press, il-Kummissjoni tindika wkoll li “l-Active Directory huwa totalment integrat — ħafna drabi b’mod inviżibbli — fil-PC [li jopera bil-] Windows” (kunsiderazzjoni 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

182

Il-Kummissjoni tenfasizza li huwa importanti, madankollu, li l-interkonnessjoni u l-interazzjoni li jinvolvu l-kodiċi sors tas-sistema operattiva Windows 2000 Professional ma jitqisux biss bħala li huma intiżi li jippermettu lil server ta’ work group li jopera bil-Windows jikkomunika ma’ client PC partikolari li jopera bil-Windows. Hija ssostni li fil-fatt ikun iktar korrett jekk din l-interkonnessjoni u din l-interazzjoni jiġu deskritti f’termini ta’ interoperabbiltà f’sistema ta’ kompjuters li tinkludi diversi client PCs li joperaw bil-Windows u diversi servers ta’ work group li joperaw bil-Windows, li jkunu kollha mqabbdin ma’ xulxin f’netwerk. Hija tikkonstata li għalhekk l-interoperabbiltà ġewwa tali sistema ta’ kompjuters għandha żewġ komponenti li ma jistgħux jiġu separati minn xulxin, jiġifieri l-interoperabbiltà bejn client u server, minn naħa, u l-interoperabbiltà bejn server u server, min-naħa l-oħra (kunsiderazzjoni 178 tad-deċiżjoni kkontestata).

183

Fir-rigward ta’ dan il-punt ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni żżid li, f’diversi każijiet, teżisti “simetrija bejn l-interkonnessjoni u l-interazzjoni bejn server u server, minn naħa, u l-interkonnessjoni u l-interazzjoni bejn client u server, min-naħa l-oħra” (kunsiderazzjoni 179 tad-deċiżjoni kkontestata). Bħala eżempju hija ssemmi l-fatt li l-istess “application program interface” (API), l-“ADSI” (Active Directory Service Interface), hija implementata kemm fis-sistema operattiva għal client PCs Windows 2000 Professional u kemm fis-sistema operattiva għal servers Windows 2000 Server sabiex tamministra l-aċċess għall-kontrolluri ta’ domain ta’ l-Active Directory. Eżempju ieħor mogħti mill-Kummissjoni huwa l-fatt li, f’domain tal-Windows, il-protokoll Kerberos, kif estiż minn Microsoft, jintuża għall-awtentikazzjoni kemm bejn client PC li jopera bil-Windows u server ta’ work group li jopera bil-Windows u kemm bejn diversi servers ta’ work groups li joperaw bil-Windows.

184

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, f’ċerti ċirkustanzi, “servers jistgħu jagħmlu talba (query) lil servers oħra f’isem client PC” (kunsiderazzjoni 180 tad-deċiżjoni kkontestata). Bħala eżempju hija ssemmi b’mod partikolari d-“delegazzjoni Kerberos” li hija funzjonalità preżenti fis-sistema operattiva Windows 2000 Server li tippermetti lil server, billi jieħu l-identità ta’ client PC, jitlob servizz mingħand server ieħor f’isem dan il-client PC. Għalhekk, huwa pjuttost komuni li servers jagħmlu talbiet lil servers oħra u għalhekk jaġixxu bħala client PCs (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

185

Il-Kummissjoni tgħid ukoll li ċerti komunikazzjonijiet bejn client u server huma bbażati fuq il-preżunzjoni li jkunu diġà saru ċerti komunikazzjonijiet bejn server u server. F’dan ir-rigward hija ssemmi, b’mod partikolari, il-fatt li meta client PC li jopera bil-Windows 2000 Professional jagħmel talba lill-kontrollur ta’ domain f’domain tal-Windows 2000, tkun meħtieġa “ċerta koordinazzjoni minn qabel bejn il-kontrolluri ta’ domain li joperaw bil-Windows 2000 Server” (kunsiderazzjoni 181 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond il-Kummissjoni, “[dan] jinkludi, per eżempju, kemm il-fatt li l-kontrolluri ta’ domain ikollhom kopja sħiħa tad-data miżmuma fl-Active Directory, li tkun aġġornata permezz ta’ protokolli ta’ sinkronizzazzjoni, u l-fatt li s-servers ta’ katalgu globali jkunu jistgħu jżommu informazzjoni dwar il-kompjuters tal-“foresta” li jkunu jinsabu barra mid-domain tagħhom, u dan permezz ta’ diversi protokolli marbuta mal-katalgu globali” (kunsiderazzjoni 181 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tesponi li, f’tali sitwazzjoni, il-komunikazzjoni bejn server u server hija “loġikament marbuta” mal-komunikazzjoni bejn client u server peress li sseħħ bħala preparazzjoni għall-komunikazzjoni bejn client u server.

186

Mill-elementi preċedenti kollha — elementi li Microsoft ma tikkontestax fis-sustanza tagħhom u li l-eżattezza tagħhom ġiet, fil-biċċa l-kbira, ikkonfermata mill-preżentazzjonijiet tekniċi magħmula matul is-seduta — jirriżulta li, kif ġustament osservat il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 182 tad-deċiżjoni kkontestata, in-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows jiddependu fuq arkitettura ta’ interkonnessjonijiet u ta’ interazzjonijiet kemm bejn client u server u kemm bejn server u server u li din l-arkitettura — li l-Kummissjoni tiddeskrivi bħala “arkitettura ta’ domain tal-Windows” — tippermetti li jiġi assigurat “aċċess trasparenti” għas-servizzi prinċipali mogħtija mis-servers ta’ work group.

187

Dawn id-diversi elementi juru wkoll li, kif ġie kkonstatat diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet 279 u 689), l-imsemmija interkonnessjonijiet u interazzjonijiet huma marbuta mill-qrib bejniethom.

188

Fi kliem ieħor, il-funzjonament tajjeb ta’ netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows jiddependi kemm fuq il-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn client u server — li, min-natura tagħhom, huma implementati kemm fis-sistemi operattivi Windows għal client PCs u kemm fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group — u kemm fuq il-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn server u server. Kif spjegat il-Kummissjoni matul is-seduta, għal diversi funzjonijiet, il-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn server u server jidhru, fil-fatt, bħala “estensjonijiet” tal-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn client u server. F’ċerti każijiet, server jaġixxi, fil-konfront ta’ server ieħor, bħala client PC (ara l-punt 184 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li ċerti protokolli ta’ komunikazzjoni huma implementati biss fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group, xorta jibqa’ l-fatt, madankollu, li, mill-aspett funzjonali, dawn huma marbuta mal-client PCs. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tagħmel riferiment, mingħajr ma tiġi kkontestata minn Microsoft, għall-protokolli dwar il-katalgu globali u għall-protokolli ta’ sinkronizzazzjoni u ta’ replikazzjoni bejn kontrolluri ta’ domain.

189

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li “l-kapaċità komuni li tagħmel parti mill-[arkitettura ta’ domain tal-Windows] hija element ta’ kompatibbiltà bejn il-client PCs li joperaw bil-Windows u s-servers ta’ work group li joperaw bil-Windows” (kunsiderazzjoni 182 tad-deċiżjoni kkontestata).

190

Fl-aħħar nett, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni r-rwol prinċipali tas-servizzi ta’ direttorju fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Fir-replika tagħha, Microsoft stess tosserva li, f’dan is-suq, “is-servizz ta’ direttorju huwa fattur kompetittiv prinċipali li għandu sehem kbir fis-suċċess ta’ ċerti prodotti”. Hija tenfasizza b’mod partikolari li “l-Active Directory huwa […] l-qofol tas-sistemi operattivi Windows għal servers”, u dan wara li tindika li “[k]emm għas-servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers u kemm għas-servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, [huwa] importanti li jkun magħruf eżatt liema utent [għandu] dritt li jkollu aċċess għal liema riżorsi tan-netwerk”.

191

L-Active Directory jirreġistra l-informazzjoni kollha dwar l-oġġetti kollha fin-netwerk u jippermetti amministrazzjoni ċentralizzata tiegħu. L-Active Directory jintegra kompletament il-funzjonalitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ l-awtentikazzjoni ta’ l-utenti u l-funzjonalitajiet ta’ kontroll ta’ l-aċċess b’tali mod li jiggarantixxi s-sigurtà ta’ l-informazzjoni. Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Active Directory juża’ l-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication”.

— Fuq in-natura ta’ l-informazzjoni koperta mid-deċiżjoni kkontestata

192

L-ewwel aġir abbużiv li hija akkużata bih Microsoft huwa r-rifjut min-naħa tagħha li tagħti lill-kompetituri tagħha l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tagħha għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ prodotti li jikkompetu mal-prodotti tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, aġir li seħħ fil-perijodu bejn Ottubru 1998 u d-data tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata (Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata).

193

Bħala miżura intiża bħala rimedju għal dan l-allegat rifjut, il-Kummissjoni ordnat lil Microsoft, b’mod partikolari, sabiex:

“[…] f’terminu ta’ 120 jum mid-data tan-notifika [tad-deċiżjoni kkontestata], tagħmel l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà disponibbli għal kull impriża li għandha interess li tiżviluppa u tiddistribwixxi sistemi operattivi għal servers ta’ work group, u hija għandha tawtorizza, b’kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji, lil dawn l-impriżi jużaw l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà sabiex jiżviluppaw u jiddistribwixxu sistemi operattivi għal servers ta’ work group.”

194

Għandu jiġi mfakkar kif il-Kummissjoni ddefiniet u evalwat il-kunċetti prinċipali rilevanti għall-kwistjonijiet preżenti.

195

B’hekk, fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-“informazzjoni dwar l-interoperabbiltà” bħala l-“ispeċifikazzjonijiet kompleti u korretti tal-protokolli kollha [implementati] fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group u li jintużaw mis-servers ta’ work group li joperaw bil-Windows sabiex jipprovdu, lin-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows, servizzi ta’ użu komuni għal fajls u għal printers, u servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi [ta’ utenti], inklużi s-servizzi ta’ kontrollur ta’ domain tal-Windows (Windows Domain Controller), is-servizz ta’ direttorju Active Directory u s-servizz ‘Group Policy’”.

196

Fir-rigward tal-“protokolli”, il-Kummissjoni tippreżentahom bħala regoli ta’ interkonnessjoni u ta’ interazzjoni bejn diversi elementi ta’ softwer f’netwerk (kunsiderazzjoni 49 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-protokolli in kwistjoni f’din il-kawża, hija tiddefinihom bħala “sett ta’ regoli dwar interkonnessjoni u interazzjoni bejn diversi sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group u sistemi operattivi Windows għal client PCs installati fuq kompjuters differenti f’netwerk ta’ work group li jopera bil-Windows” (Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata).

197

Għandu jiġi kkonstatat li Microsoft ma tikkontestax il-mod kif il-Kummissjoni tinterpreta l-kunċett ta’ “protokolli”. Għall-kuntrarju, fir-rikors, hija stess tiddeskrivi l-protokolli fis-sens li jippermetu lill-“kompjuters imqabbda ma’ xulxin permezz ta’ netwerk jiskambjaw informazzjoni bil-għan li jwettqu kompiti predeterminati”. Huwa minnu li, f’rapport imħejji minn wieħed mill-esperti tagħha, is-Sur Madnick, anness ma’ l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent, Microsoft tagħmel distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ protokolli ta’ komunikazzjoni, skond jekk humiex “sempliċi” jew “kumpessi”, filwaqt li ssemmi l-protokoll DRS bħala protokoll li jaqa’ fit-tieni kategorija [anness I.3 (Madnick, “Response to Mr Ronald S. Alepin’s Annex on Interoperability and the FSFE’s Submission”)]. Madankollu, permezz ta’ din id-distinzjoni, l-intenzjoni ta’ Microsoft mhijiex li tikkontesta l-fondatezza tad-definizzjoni msemmija iżda sempliċement li tistabbilixxi li l-protokolli kumplessi jirregolaw l-interazzjonijiet bejn diversi elementi simili ta’ netwerk li jipprovdu servizz komuni b’koordinazzjoni mill-qrib u li dawn il-protokolli “jiżvelaw” informazzjoni li hija ħafna iktar dettaljata u ta’ valur ħafna akbar minn protokolli sempliċi.

198

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “speċifikazzjonijiet”, dan mhuwiex iddefinit fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, huwa paċifiku li l-ispeċifikazzjonijiet huma forma ta’ dokumentazzjoni teknika dettaljata, kif fil-fatt dan il-kunċett huwa ġeneralment mifhum fis-settur ta’ l-informatika.

199

Fil-kunsiderazzjoni 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “speċifikazzjonijiet” u l-kunċett ta’ “implementazzjoni”, fis-sens li “speċifikazzjoni tiddeskrivi fid-dettall dak li s-softwer in kwistjoni għandu jkun kapaċi jagħmel, filwaqt li l-implementazzjoni hija l-kodiċi li effettivament ikun implementat fuq il-kompjuter” (ara, f’dan l-istess sens, il-kunsiderazzjoni 570 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi kliem ieħor, l-ispeċifikazzjonijiet jiddeskrivu l-interfaces li permezz tagħhom element partikolari ta’ sistema ta’ l-informatika jkun jista’ juża element ieħor fl-istess sistema. B’mod partikolari, huma jiddeskrivu, b’mod astratt ħafna, liema huma l-funzjonalitajiet disponibbli kif ukoll ir-regoli li jippermettu komunikazzjoni ma’ u użu ta’ dawn il-funzjonalitajiet.

200

Fil-kunsiderazzjoni 571 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li huwa possibbli li jingħataw l-ispeċifikazzjonijiet ta’ interfaces mingħajr ma jkunu żvelati dettalji ta’ implementazzjoni. Hija tippreċiża li din hija prassi komuni fis-settur ta’ l-informatika, b’mod partikolari meta jkunu adottati standards miftuħa (open) dwar l-interoperabbiltà (ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjoni 34 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-nota ta’ intervent tagħha, SIIA ressqet argumenti fl-istess sens.

201

Diversi elementi jikkonfermaw il-fondatezza ta’ dawn id-diversi affermazzjonijiet. L-ewwel nett, il-prassi invokata mill-Kummissjoni hija ssostanzjata b’sensiela ta’ eżempji — li ma ġewx ikkontestati minn Microsoft — imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri, inter alia, l-ispeċifikazzjonijiet “POSIX 1” (kunsiderazzjonijiet 42 u 88), l-ispeċifikazzjonijiet “Java” (kunsiderazzjoni 43), l-ispeċifikazzjonijiet tal-verżjoni 5 tal-protokoll Kerberos (kunsdierazzjoni 153), l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokoll NFS (Network File System) żviluppat minn Sun (kunsiderazzjoni 159) u l-ispeċifikazzjonijiet “CORBA” stabbiliti mill-Object Management Group (kunsiderazzjoni 165). It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, kif indikat il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 571 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest ta’ l-MCPP implementat b’applikazzjoni tal-ftehim Amerikan, id-detenturi ta’ liċenzji m’għandhomx aċċess għal elementi ta’ kodiċi sors ta’ Microsoft iżda għall-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli kkonċernati.

202

Microsoft lanqas ma tikkontesta, ħlief b’mod inċidentali, id-distinzjoni msemmija iktar ’il fuq bejn il-kunċetti ta’ “speċifikazzjonijiet” u ta’ “implementazzjoni” billi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74 tar-rikors, sempliċement tagħmel riferiment ġenerali għal opinjoni mogħtija mill-esperti tagħha, is-Sinjuri Madnick u Nichols, mibgħuta lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva u annessa mar-rikors (anness A.12.2 tar-rikors). Għar-raġunijiet esposti fil-punti 94 u 97 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li din l-opinjoni ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni. Minbarra dan, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa fl-imsemmija opinjoni huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-livell ta’ interoperabbiltà mitlub mill-Kummissjoni f’dan il-każ jimplika li l-kompetituri ta’ Microsoft għandhom ikunu f’pożizzjoni li jirriproduċu jew jagħmlu kloni tal-prodotti ta’ Microsoft jew ta’ wħud mill-funzjonalitajiet tagħhom (ara l-punti 234 sa 239 iktar ’il quddiem).

203

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinsisti espressament fuq il-fatt li r-rifjut abbużiv min-naħa ta’ Microsoft jikkonċerna biss l-ispeċifikazzjonijiet ta’ ċerti protokolli u mhux il-kodiċi sors (ara, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet 568 sa 572 tad-deċiżjoni kkontestata).

204

Fl-istess sens, il-Kummissjoni tenfasizza diversi drabi li hija bl-ebda mod m’għandha l-intenzjoni tordna lil Microsoft tiżvela tali elementi lill-kompetituri tagħha. Għalhekk, fil-kunsiderazzjoni 999 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tippreċiża li “t-terminu ‘speċifikazzjonijiet’ jagħmilha ċara li Microsoft mhijiex obbligata tagħti aċċess għall-implementazzjoni tagħha ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet, jiġifieri għall-kodiċi sors tagħha”. Bl-istess mod, fil-kunsiderazzjoni 1004 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li d-deċiżjoni “mhijiex intiża li tobbliga lil Microsoft tagħti aċċess għall-kodiċi sors tal-Windows, peress li dan il-kodiċi sors mhuwiex neċessarju għall-iżvilupp ta’ prodotti interoperabbli”. Fl-istess kunsiderazzjoni hija tippreċiża li “l-ordni ta’ żvelar jikkonċerna biss l-ispeċifikazzjonijiet ta’ interfaces”.

205

Għandu jiġi osservat li, f’opinjoni intitolata “Innovation in Communication Protocols that Microsoft is ordered to license to its server operating system competitors” (Innovazzjoni fil-protokolli ta’ komunikazzjoni li Microsoft hija obbligata tagħti taħt liċenzja lill-kompetituri tagħha [fis-suq tas-]sistemi operattivi għal servers) li tinsab fl-anness C.4 tar-replika, is-Sur Lees, wieħed mill-esperti ta’ Microsoft, jagħmel huwa stess distinzjoni bejn “il-protokolli użati għall-komunikazzjonijiet bejn servers u l-algorithms/decision rules li joperaw internament fuq kull server” qabel ma josserva li huma l-protokolli li għandhom jiġu żvelati skond l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-opinjoni tiegħu, is-Sur Lees jiffoka fuq il-protokoll DRS, użat għall-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication”, filwaqt li jippreċiża li dan huwa wieħed mid-diversi protokolli ta’ komunikazzjoni li għalihom Microsoft għandha tagħti aċċess lill-kompetituri tagħha b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

206

Minn dan isegwi li l-informazzjoni koperta mid-deċiżjoni kkontestata hija deskrizzjoni teknika dettaljata ta’ ċerti regoli ta’ interkonnessjoni u ta’ interazzjoni applikabbli f’netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows għall-provvista ta’ servizzi ta’ work group. Din id-deskrizzjoni ma tkoprix il-mod kif Microsoft timplementa dawn ir-regoli, jiġifieri, b’mod partikolari, għall-istruttura interna jew għall-kodiċi sors tal-prodotti tagħha.

— Fuq il-livell ta’ interoperabbiltà mitlub mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

207

Il-Kummissjoni adottat raġunament maqsum f’żewġt istadji sabiex tiddetermina jekk l-informazzjoni in kwistjoni kinitx indispensabbli. Hija l-ewwel eżaminat liema kien il-livell ta’ interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group ipprovduti mill-kompetituri ta’ Microsoft kellhom jilħqu sabiex dawn il-kompetituri jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli. Hija mbagħad evalwat jekk l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li għaliha Microsoft irrifjutat l-aċċess kinitx indispensabbli sabiex jintlaħaq dan il-livell ta’ interoperabbiltà.

208

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-livell ta’ interoperabbiltà li ġie mitlub mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, f’dan l-istadju din il-Qorti mhijiex ser tiddeċiedi l-kwistjoni jekk din id-deċiżjoni kkunsidratx ġustament li l-kompetituri ta’ Microsoft setgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli biss jekk il-prodotti tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jilħqu dan il-livell ta’ interoperabbiltà. Din il-kwistjoni ser tiġi evalwata, flimkien ma’ l-aspetti l-oħra tar-raġunament tal-Kummissjoni msemmi iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ l-eżami tan-natura allegatament indispensabbli ta’ l-informazzjoni in kwistjoni (ara l-punti 369 sa 436 iktar ’il quddiem).

209

Qabel kollox jaqbel li jiġu mfakkra fil-qosor l-argumenti tal-partijiet prinċipali.

210

Microsoft taqbel mal-Kummissjoni li l-“interoperabbiltà hija kwistjoni ta’ livelli” (kunsiderazzjoni 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

211

Madankollu, hija tikkunsidra li l-livell ta’ interoperabbiltà mitlub mill-Kummissjoni f’dan il-każ huwa inadegwat safejn imur lil hinn mill-kunċett ta’ “interoperabbiltà sħiħa” fis-sens tad-Direttiva 91/250. Hija ssostni li dan il-kunċett — li hija tiddeskrivi wkoll bħala “interoperabbiltà bejn diversi bejjiegħa” — jeżiġi biss li s-sistemi operattivi ta’ żviluppaturi differenti jkunu jistgħu “jiffunzjonaw tajjeb” flimkien.

212

B’mod iktar speċifiku, Microsoft issostni li l-Kummissjoni, fil-verità, għandha l-intenzjoni li s-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri ta’ Microsoft jiffunzjonaw minn kull aspett bħala sistema operattiva Windows għal servers. F’dan ir-rigward Microsoft tagħmel riferimenti għal espressjonijiet differenti bħalma huma “plug replacement”, “plug-replaceability”, “drop-in”, “functional equivalent” u “functional clone”. Hija tallega li tali livell ta’ interoperabbiltà jista’ jintlaħaq biss billi l-kompetituri tagħha jitħallew jagħmlu kloni ta’ jew jirriproduċu l-prodotti tagħha (jew il-karatteristiċi tagħhom) u billi dawn l-imsemmija kompetituri jingħataw l-informazzjoni dwar il-mekkaniżmi interni tal-prodotti tagħha.

213

Fl-aħħar nett, Microsoft issostni li l-interoperabbiltà bejn diversi bejjiegħa tista’ tintlaħaq permezz tal-metodi li diġà huma disponibbli fis-suq.

214

Għandu jiġi osservat li l-pożizzjoni ta’ Microsoft imfakkra iktar ’il fuq tikkorrispondi għall-pożizzjoni li hija ddefendiet matul il-proċedura amministrattiva kollha.

215

B’hekk, fir-risposta tagħha tas-17 ta’ Novembru 2000 għall-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Microsoft tindika li l-livell ta’ interoperabbiltà allegatament mitlub mill-Kummissjoni mhuwiex konformi mad-dritt Komunitarju u ma jeżistix fis-suq. Filwaqt li tinvoka, b’mod iktar partikolari, l-għaxar premessa (fil-verżjonijiet bl-Ingliz u bil-Franċiż tagħha) tad-Direttiva 91/250, hija ssostni li “interoperabbiltà sħiħa tkun disponibbli għal żviluppatur ta’ sistemi operattivi għal servers meta, minn sistemi operattivi Windows għal client PCs, ikun possibbli aċċess għall-funzjonalitajiet kollha tal-programm tiegħu” (punt 143 tar-risposta; ara wkoll il-kunsiderazzjoni 751 tad-deċiżjoni kkontestata). Microsoft tallega li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, tiddefinixxi l-interoperabbiltà b’mod ħafna iktar wiesa’ billi tikkunsidra li, sabiex ikun hemm interoperabbiltà bejn żewġ prodotti ta’ softwer, huwa meħtieġ li l-funzjonalitajiet kollha taż-żewġ prodotti jiffunzjonaw tajjeb. Dan jammonta, effettivament, għal “plug-replaceability” jew “klonazzjoni” (punt 144 tar-risposta). Microsoft tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni b’hekk tieħu l-pożizzjoni meħuda minn Sun li, f’netwerk ta’ l-informatika ta’ kumpannija kompost minn client PCs li joperaw bil-Windows, għandu jkun possibbli li server li jopera bil-Windows 2000 jiġi ssostitwit b’server li fuqu tkun installata sistema operattiva Solaris, u dan mingħajr ma jiġi kkawżat tnaqqis fil-funzjonalitajiet li għalihom ikollhom aċċess l-utenti (punti 145 u 162 tar-risposta). Skond Microsoft, sabiex tinkiseb interoperabbiltà sħiħa, ikun biżżejjed jekk hija tiżvela l-interfaces esposti mis-sistemi operattivi Windows għal client PCs li jkollhom bżonn l-iżviluppaturi ta’ sistemi operattivi għal servers kompetituri sabiex jagħmlu l-funzjonalitajiet ta’ dawn is-sistemi disponibbli għall-utenti ta’ client PCs li joperaw bil-Windows.

216

Bl-istess mod, fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Novembru 2001 għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Microsoft, filwaqt li essenzjalment ittenni l-istess argumenti li hija kienet ressqet fir-risposta tagħha għall-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, issostni li l-kritika min-naħa tal-Kummissjoni hija bbażata fuq “definizzjoni żbaljata ta’ l-interoperabbiltà” (punti 149 sa 163 tar-risposta). F’dan ir-rigward hija tirrepeti li d-Direttiva 91/250 ma teżiġix “plug-replaceability” iżda interoperabbiltà sħiħa u li l-informazzjoni li hija diġà żvelat hija biżżejjed sabiex tintlaħaq din l-interoperabbiltà.

217

Fir-risposta tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2003 għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Microsoft essenzjalment tadotta l-istess argumenti filwaqt li tirrepeti li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-kompetituri tagħha għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu joħolqu “kopji tas-sistemi operattivi Windows għal servers” u li hija għalhekk tassimila l-interoperabbiltà mal-klonazzjoni (paġni 29 sa 32 tar-risposta). Hija ssostni li “l-interoperabbiltà tikkontempla d-disponibbiltà ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar l-interfaces esposti fis-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers sabiex il-prodotti tal-kompetituri jkunu jistgħu jiffunzjonaw ma’ dawn is-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers kif dawn il-prodotti ta’ kompetituri huma intiżi li jiffunzjonaw” (paġna 29 tar-risposta). Fl-istess sens, Microsoft tindika li hija “mill-bidu nett irrikonoxxiet li seta’ jkun hemm problema fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni jekk il-kompetituri tagħha ma jkunux jistgħu jiżviluppaw sistemi operattivi għal servers li l-funzjonalitajiet tagħhom ikunu kompletament aċċessibbli minn sistemi operattivi Windows għal client PCs” (paġna 63 tar-risposta). Hija tallega li l-Kummissjoni, madankollu, ma stabilixxiet l-eżistenza ta’ tali problema fl-ebda waħda mit-tliet dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha.

218

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tiddefendi l-pożizzjoni li l-kunċett ta’ interoperabbiltà adottat fid-deċiżjoni kkontestata huwa konformi ma’ dak previst fid-Direttiva 91/250. Hija b’mod partikolari tiċħad l-interpretazzjoni b’direzzjoni waħda li Microsoft tagħti lil dan il-kunċett.

219

Il-Kummissjoni taċċetta li diġà hija possibbli ċerta interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows iżda tallega li mill-investigazzjoni tagħha jirriżulta li l-livell ta’ interoperabbiltà li jista’ jintlaħaq permezz tal-metodi disponibbli huwa baxx wisq sabiex il-kompetituri ta’ Microsoft ikunu jistgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli (nota ta’ qiegħ il-paġna 712 tad-deċiżjoni kkontestata).

220

Hija ssostni li, f’netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows, l-interoperabbiltà bejn client u server u l-interoperabbiltà bejn sever u server huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin u tikkunsidra li, sabiex tkun tista’ tintlaħaq interoperabbiltà sħiħa bejn client PC li jopera bil-Windows u server li jopera b’sistema operattiva ta’ kompetitur ta’ Microsoft, Microsoft għandha tagħti aċċess kemm għall-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn client u server u kif ukoll għall-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn server u server (kunsiderazzjonijiet 177 sa 182 u 689 tad-deċiżjoni kkontestata), inklużi dawk li huma “purament” bejn server u server, jiġifieri li ma jkunux implementati fuq il-client PC iżda jkunu “marbuta [miegħu] minn aspett funzjonali” (kunsiderazzjonijiet 277, 567 u 690 tad-deċiżjoni kkontestata).

221

Il-Kummissjoni tikkontesta li d-deċiżjoni kkontestata tikkontempla li l-kompetituri ta’ Microsoft jiżviluppaw prodotti li jiffunzjonaw minn kull aspett bħala sistema operattiva Windows għal servers. Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija intiża li tippermetti “l-ħolqien ta’ prodotti kompetituri li jiffunzjonaw b’mod differenti li iżda jkunu kapaċi jifhmu l-messaġġi mibgħuta mill-prodotti kkonċernati ta’ Microsoft”. B’hekk, skond il-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà in kwistjoni mhijiex ser tintuża mill-kompetituri ta’ Microsoft sabiex jiżviluppaw prodotti li jkunu eżattament l-istess bħal dawk ta’ Microsoft iżda sabiex jiżviluppaw prodotti mtejba li jkollhom “valur miżjud”.

222

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Microsoft u l-Kummissjoni ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ interoperabbiltà adottat fid-deċiżjoni kkontestata huwiex konformi jew le ma’ dak previst fid-Direttiva 91/250.

223

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fil-kunsiderazzjonijiet 749 sa 763 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi b’mod dettaljat ir-raġunijiet għaliex, fil-fehma tagħha, l-interpretazzjoni b’direzzjoni waħda li Microsoft tagħti lill-kunċett ta’ interoperabbiltà hija żbaljata.

224

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fl-atti tagħha, Microsoft ma tinvoka ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Hija sempliċement tafferma, filwaqt li tirreferi għal ċerti siltiet mir-risposti tagħha għat-tieni u għat-tielet dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet, li d-“deċiżjoni kkontestata tadotta kunċett ta’ interoperabbiltà li huwa kompletament differenti minn dak previst fid-Direttiva [91/250]” (punt 95 tar-rikors).

225

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ interoperabbiltà adottat fid-deċiżjoni kkontestata — fejn l-interoperabbiltà bejn żewġ prodotti ta’ softwer hija kkunsidrata bħala l-kapaċità ta’ dawn il-prodotti li jiskambjaw informazzjoni u li jużaw b’mod reċiproku din l-informazzjoni, u dan sabiex kull wieħed minn dawn il-prodotti ta’ softwer ikun jista’ jiffunzjona kif previst — huwa konformi ma’ dak previst fid-Direttiva 91/250.

226

B’hekk, kif il-Kummissjoni tispjega fil-kunsiderazzjonijiet 752 sa 754, 759 u 760 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għaxar premessa tad-Direttiva 91/250 — irrispettivament minn jekk hijiex il-verżjoni Ingliża jew il-verżjoni Franċiża — ma tissostanzjax l-interpretazzjoni b’direzzjoni waħda sostnuta minn Microsoft. Għall-kuntrarju, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 758 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija premessa turi b’mod ċar li, min-natura tagħha, l-interoperabbiltà timplika relazzjoni reċiproka meta tindika li “l-funzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija li jikkomunika u jaħdem flimkien ma’ komponenti oħra f’sistema ta’ kompjuters”. F’dan l-istess sens, għandu jiġi osservat li t-tnax-il premessa tad-Direttiva 91/250 tiddefinixxi l-interoperabbiltà bħala l-“kapaċità li tagħmel skambju ta’ l-informazzjoni u li tuża b’mod reċiproku l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata”.

227

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li f’din il-kawża hija in kwistjoni deċiżjoni ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE, jiġifieri dispożizzjoni li hija superjuri għad-Direttiva 91/250. Il-kwistjoni f’din il-kawża mhijiex daqstant jekk il-kunċett ta’ interoperabbiltà adottat fid-deċiżjoni kkontestata huwiex konformi ma’ dak previst f’din id-direttiva iżda pjuttost jekk il-Kummissjoni ddeterminatx b’mod korrett il-livell ta’ interoperabbiltà li għandu jkun jista’ jintlaħaq fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ l-Artikolu 82 KE.

228

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-Kummissjoni evalwat il-livell ta’ interoperabbiltà fid-dawl ta’ dak li, fil-fehma tagħha, kien meħtieġ sabiex l-iżviluppaturi ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ta’ Microsoft ikunu jistgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli (ara, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 712 u l-kunsiderazzjoni 779 tad-deċiżjoni kkontestata).

229

Il-fondatezza ta’ dan ir-raġunament ma tistax tiġi kkontestata. Fil-fatt, l-Artikolu 82 KE jikkonċerna l-aġir ta’ operatur jew ta’ operaturi ekonomiċi li jinvolvi l-isfruttament b’mod abbużiv ta’ pożizzjoni ekonomika b’saħħitha li tippermetti lill-operatur ikkonċernat jostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq in kwistjoni billi tagħtih il-possibbiltà li jaġixxi indipendentement, b’mod sostanzjali, mill-kompetituri tiegħu, mill-klijenti tiegħu u, finalment, mill-konsumaturi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, punt 34). Għandu jiġi mfakkar ukoll li, għalkemm il-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fiha nfisha ma timplika ebda kritika fir-rigward ta’ l-impriża kkonċernata, din l-impriża madankollu għandha, irrispettivament mill-fatturi li joħolqu tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li permezz ta’ l-aġir tagħha ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjonijiet fis-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 57, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T-228/97, Ġabra p. II-2969, punt 112). Issa, jekk f’din il-kawża jiġi stabbilit li l-livell ta’ interoperabbiltà eżisteni ma jippermettix lill-iżviluppaturi ta’ sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri ta’ Microsoft jibqgħu b’mod vijabbli fis-suq ta’ dawn is-sistemi operattivi, dan ikun ifisser li ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq qiegħda tiġi ostakolata.

230

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, billi adottat dan ir-raġunament u billi bbażat ruħha fuq analiżi fattwali u teknika tal-prodotti u tat-teknoloġiji kkonċernati kif ukoll tal-mod kif tinkiseb l-interoperabbiltà fin-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows, il-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex ikunu jistgħu jikkompetu b’mod vijabbli mas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group, is-sistemi operattivi kompetituri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jinteroperaw ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows fuq bażi ugwali bħas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet 182 u 282 tad-deċiżjoni kkontestata).

231

L-interoperabbiltà mitluba mill-Kummissjoni għalhekk għandha żewġ komponenti li ma jistgħux jiġu separati minn xulxin, jiġifieri, minn naħa, l-interoperabbiltà bejn client u server u, min-naħa l-oħra, l-interoperabbiltà bejn server u server (kunsiderazzjonijiet 177 sa 182 u 689 tad-deċiżjoni kkontestata).

232

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ kompetitur ta’ Microsoft, meta tiġi installata fuq server f’netwerk ta’ work group li jopera bil-Windows, għandha tkun tista’ mhux biss tipprovdi lill-client PCs li joperaw bil-Windows il-funzjonalitajiet kollha tagħha iżda wkoll tuża l-funzjonalitajiet kollha disponibbli fuq l-imsemmija client PCs.

233

Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Kummissjoni tqis b’mod partikolari li server li fuqu tkun installata sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ kompetitur ta’ Microsoft għandu jkun jista’ jaġixxi bħala kontrollur ta’ domain, u mhux biss bħala server membru, f’domain tal-Windows li juża l-Active Directory u, għaldaqstant, għandu jkun f’pożizzjoni li jipparteċipa fil-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication” flimkien mal-kontrolluri ta’ domain l-oħra.

234

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li tallega Microsoft, mil-livell ta’ interoperabbiltà adottat mill-Kummissjoni ma jistax jiġi konkluż li fir-realtà l-Kummissjoni tikkontempla li s-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri jiffunzjonaw minn kull aspett bħala sistema operattiva Windows għal servers u, għaldaqstant, li l-kompetituri ta’ Microsoft ikunu f’pożizzjoni li jagħmlu kloni ta’ jew jirriproduċu l-prodotti tagħha jew ċerti karatteristiċi tagħhom.

235

L-allegazzjonijiet ifformulati minn Microsoft f’dan is-sens huma bbażati fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

236

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skond il-kunsiderazzjoni 1003 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għan tagħha huwa li “jiġi assigurat li l-kompetituri ta’ Microsoft jiżviluppaw prodotti li jinteroperaw ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows, li hija natively supported fis-sistema operattiva dominanti Windows għal client PCs, u b’hekk ikunu jistgħu jikkompetu b’mod vijabbli mas-sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ Microsoft”.

237

Kif il-Kummissjoni spjegat f’iktar dettall matul is-seduta, sabiex jintlaħaq dan il-għan huwa meħtieġ li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri jkollhom il-kapaċità li jirċievu messaġġ partikolari mingħand sistema operattiva Windows għal client PCs jew għal servers ta’ work group u li jagħtu r-risposta meħtieġa għal dan il-messaġġ fl-istess kundizzjonijiet bħal sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group, kif ukoll li jiksbu mingħand is-sistemi operattivi Windows għal client PCs jew għal servers ta’ work group l-istess reazzjoni għal din ir-risposta daqslikieku din ir-risposta kienet ġejja minn sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group.

238

Issa, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu tali operazzjonijiet, mhuwiex meħtieġ li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ta’ Microsoft jiffunzjonaw eżattament l-istess, fuq il-livell intern, bħas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group.

239

Dawn id-diversi kunsiderazzjonijiet mhumiex kontradetti mis-siltiet mill-kunsiderazzjonijiet 669 u 679 tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati minn Microsoft (ara l-punt 126 iktar ’il fuq). Fl-ewwel silta, il-Kummissjoni sempliċement tikkonstata li l-livell ta’ interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows li jista’ jintlaħaq mis-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ta’ Microsoft billi jużaw il-protokolli standard huwa inqas minn dak milħuq mis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group. Fir-rigward tat-tieni silta, il-Kummissjoni hawnhekk tindika biss li l-kapaċità tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ta’ Microsoft li jkollhom aċċess għall-funzjonalitajiet tas-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers ta’ work group hija iżgħar mill-kapaċità tas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group.

240

Fl-istess kuntest, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-iskop tad-deċiżjoni kkontestata huwa li l-kompetituri tagħha jiżviluppaw prodotti li jkunu eżattament l-istess bħas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group. Kif ser jiġi spjegat iktar fid-dettall fil-punti 653 sa 658 iktar ’il quddiem, fl-eżami taċ-ċirkustanza marbuta ma’ l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid, l-għan tal-Kummissjoni huwa li tneħħi l-ostaklu kkawżat, għall-kompetituri ta’ Microsoft, min-natura insuffiċjenti tal-livell ta’ interoperabbiltà eżistenti ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows u dan sabiex l-imsemmija kompetituri jkunu jistgħu joffru sistemi operattivi għal servers ta’ work group li jkunu differenti minn dawk ta’ Microsoft fir-rigward ta’ parametri importanti bħalma huma, b’mod partikolari, is-sigurtà, l-affidabbiltà, il-veloċità fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet jew in-natura innovattiva ta’ ċerti funzjonalitajiet.

241

Għandu jiġi osservat ukoll li, bħalma Microsoft stess irrikonoxxiet espressament fl-atti tagħha (ara, per eżempju, il-punti 14 u 48 tar-replika), il-kompetituri tagħha, billi jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà koperta mid-deċiżjoni kkontestata, mhumiex ser ikunu f’pożizzjoni li jiżviluppaw prodotti li jikkostitwixxu “kloni” jew riproduzzjonijiet tas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group. Kif ġie espost fil-punti 192 sa 206 iktar ’il fuq, din l-informazzjoni ma tikkonċernax il-kodiċi sors ta’ Microsoft. B’mod partikolari, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata ma jobbligax lil Microsoft tiżvela, lill-kompetituri tagħha, dettalji ta’ implementazzjoni.

242

Għandu jingħad ukoll li, kif ser jiġi spjegat ukoll f’iktar dettall fil-punt 658 iktar ’il quddiem meta tiġi eżaminata ċ-ċirkustanza dwar il-prodott ġdid, il-kompetituri ta’ Microsoft m’għandhom l-ebda interess li jiżviluppaw sistemi operattivi għal servers ta’ work group li jkunu eżattament l-istess bħal dawk ta’ Microsoft.

243

Lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-allegazzjoni ta’ Microsoft li mid-dikjarazzjonijiet ta’ impriżi li hija ppreżentat matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li diġà jeżisti livell għoli ta’ interoperabbiltà bejn is-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers, minn naħa, u s-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri, min-naħa l-oħra, permezz ta’ l-użu tal-metodi li huma diġà disponibbli fis-suq.

244

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet in kwistjoni diġà ġew eżaminati kompletament fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet 357, 358, 440 sa 444, 511, 513, 595, 598, 602, 628, 702 u 707) u li Microsoft ma tressaq l-ebda argument konkret ta’ natura li jistabbilixxi li l-evalwazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni kienet żbaljata. Essenzjalment, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 707 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn id-dikjarazzjonijiet jikkonċernaw organizzazzjonijiet li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, kienu adottaw “soluzzjoni Windows” għan-netwerks ta’ work groups tagħhom.

245

Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni ta’ Microsoft li mir-rapporti Mercer jirriżulta li l-impriżi ma jagħżlux is-sistemi operattivi għal servers abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ l-interoperabbiltà tagħhom mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers, din l-allegazzjoni hija ineżatta kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall fil-punti 401 sa 412 iktar ’il quddiem.

— Fuq il-portata ta’ l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni kkontestata

246

L-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna l-ispeċifikazzjonijiet kompleti u korretti tal-protokolli kollha implementati fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group u li jintużaw mis-servers li fuqhom ikunu installati dawn is-sistemi sabiex jipprovdu servizzi ta’ work group lin-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows.

247

Kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tekniċi u fattwali magħmula fil-punti 154 sa 191 iktar ’il fuq, il-funzjonament tajjeb tan-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows jiddependi fuq arkitettura ta’ interkonnessjonijiet u ta’ interazzjonijiet kemm bejn client u server u kemm bejn server u server.

248

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tippreċiża, fil-kunsiderazzjoni 999 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-obbligu ta’ żvelar previst f’din id-deċiżjoni “jkopri kemm l-interkonnessjoni u l-interazzjoni diretti bejn server ta’ work group li jopera bil-Windows u client PC li jopera bil-Windows u kemm l-interkonnessjoni u l-interazzjoni bejn dawn il-magni li huma indiretti u li jgħaddu minn server jew servers ta’ work group li joperaw bil-Windows”.

249

L-ispeċifikazzjonijiet li Microsoft għandha tistabbilixxi u tiżvela lill-kompetituri tagħha jikkonċernaw kemm il-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn client u server, li huma implementati fis-sistemi operattivi Windows għal client PCs u fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group, u kemm il-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn server u server.

250

Għandu jiġi ppreċiżat li l-informazzjoni li Microsoft għandha tiżvela lill-kompetituri tagħha skond l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni kkontestata għandha, b’mod partikolari, tippermetti li l-kompjuters li fuqhom ikunu installati s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri tagħha jkollhom, f’domain tal-Windows li juża l-Active Directory, ir-rwol ta’ server membru jew ta’ kontrollur ta’ domain u, għaldaqstant, jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication”. Għalhekk, il-miżura korrettiva prevista f’din id-dispożizzjoni tikkonċerna b’mod partikolari l-komunikazzjonijiet li jseħħu bejn servers fiċ-“ċirku blu”.

251

Il-portata ta’ l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, iddefinita b’dan il-mod, tirriżulta minn sensiela ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari l-kunsiderazzjonijiet 194 sa 198, 206, 564 u 690.

252

B’hekk, fil-kunsiderazzjonijiet 194 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi, fost eżempji oħra ta’ informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li Microsoft tirrifjuta li tiżvela kemm lil Sun u kemm lill-kompetituri tagħha, ċerta informazzjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ replikazzjoni użat mill-Active Directory.

253

Fil-kunsiderazzjoni 206 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċħad espressament l-allegazzjoni, magħmula minn Microsoft fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Novembru 2001 għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li “l-karatteristiċi tar-replikazzjoni u tal-katalgu globali ta’ l-Active Directory ma jikkonċernawx l-interoperabbiltà”. Hija tispjega, f’dan ir-rigward, li “kontrollur ta’ domain f’domain ta’ l-Active Directory (native mode) jirreplika d-data miżmuma fid-direttorju Active Directory mad-data miżmuma fl-Active Directory ta’ kontrolluri ta’ domain oħra permezz ta’ ċerti protokolli ta’ sinkronizzazzjoni”. Hija tindika wkoll li, permezz ta’ protokolli oħra li l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom jikkostitwixxu informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, id-data tal-katalgu globali tiġi skambjata bejn kontrolluri ta’ domain fil-“foresta”.

254

Bl-istess mod, il-kunsiderazzjoni 564 tad-deċiżjoni kkontestata, meta tirreferi għall-fatt li Microsoft “ippersistiet fir-rifjut tagħha” wara li rċeviet l-ilment ta’ Sun u t-tliet dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet adottati mill-Kummissjoni, tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet 194 et seq.

255

Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-kunsiderazzjoni 690 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li l-MCPP “ma jindirizzax il-kwistjoni iktar wiesgħa li hija involuta f’dan il-każ”, b’mod partikolari minħabba li ma jikkonċernax protokolli li huma “purament” bejn server u server iżda protokolli li huma marbuta mill-aspett funzjonali mal-client PCs, fosthom il-“protokolli ta’ replikazzjoni bejn kontrolluri ta’ domain u dawk marbuta mal-katalgu globali”.

256

Għandu jingħad ukoll li Microsoft tinterpreta fl-istess sens il-portata ta’ l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, fir-rikors, sabiex tistabbilixxi n-natura innovattiva tal-protokolli ta’ komunikazzjoni li fir-rigward tagħhom hija għandha tgħaddi informazzjoni lill-kompetituri tagħha, hija tinvoka preċiżament il-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication” użat mill-Active Directory (ara, b’mod partikolari, l-opinjoni tas-Sur Campbell-Kelly, intitolata “Commentary on Innovation in Active Directory”, li tinsab fl-anness A.20 tar-rikors). Bl-istess mod, fir-replika, hija tibbaża ruħha prinċipalment, għal dan l-istess skop, fuq il-protokoll DRS, protokoll użat mill-Active Directory sabiex iwettaq, b’mod partikolari, funzjonijiet ta’ replikazzjoni (ara, b’mod partikolari, l-opinjoni tas-Sur Lees imsemmija fil-punt 205 iktar ’il fuq). Fl-opinjoni tiegħu, is-Sur Lees jispjega b’mod partikolari li l-protokoll DRS maħluq minn Microsoft jinkorpora sensiela ta’ karatteristiċi ġodda, jiġifieri, “jista’ jgħaqqad flimkien diversi aġġornamenti minn diversi servers simultanjament; huwa integrat fil-protokoll standard Domain Naming Service (DNS) (għall-għoti ta’ ismijiet) u fil-protokoll Kerberos (għall-awtentikazzjoni reċiproka); jibgħat informazzjoni li tiddeskrivi l-mod kif impriża partikolari bniet is-servizz ta’ direttorju tagħha; jibgħat informazzjoni dwar ir-rwol li għandhom ċerti servers fl-amministrazzjoni tas-servizz ta’ direttorju u jikkomunika awtomatikament l-aġġornamenti fid-direttorju bejn is-servers”. Is-Sur Lees jippreċiża li l-protokoll DRS huwa biss wieħed mid-diversi protokolli ta’ komunikazzjoni li Microsoft għandha tiżvela lill-kompetituri tagħha b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa jsemmi wkoll il-protokolli segwenti: Microsoft Remote Procedure Call (MSRPC), Network Authentication (Kerberos extensions), Dfs u File Replication Service (FRS).

257

Għandu jiġi osservat, fl-aħħar nett, li l-portata kif ippreċiżata iktar ’il fuq ta’ l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata tkopri anki dak li kienet talbet Sun fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998. Fil-fatt, kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall fil-punti 737 sa 749 iktar ’il quddiem, it-talba ta’ Sun kienet tikkonċerna b’mod partikolari l-kapaċità tas-sistema operattiva tagħha għal servers ta’ work group, Solaris, li taġixxi bħala kontrollur ta’ domain kompletament kompatibbli f’netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows 2000 jew bħala server membru (b’mod partikolari bħala server ta’ fajls jew ta’ printers) kompletament kompatibbli ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows.

258

Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda bħala infondata l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-portata tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex koerenti ma’ l-“istandard ta’ interoperabbiltà” użat mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tar-rilevanza tal-“metodi alternattivi ta’ interoperabbiltà” (ara l-punti 125 sa 129 iktar ’il fuq).

259

Din l-allegazzjoni hija fil-fatt ibbażata fuq l-idea żbaljata li l-Kummissjoni tikkunsidra l-interoperabbiltà bħala l-kapaċità tal-kompetituri ta’ Microsoft li jħaddmu s-sistemi operattivi tagħhom għal servers ta’ work group eżattament bħalma jiffunzjonaw is-sistemi operattivi Windows u għandha l-intenzjoni li tqiegħed lil dawn il-kompetituri f’pożizzjoni li jagħmlu kloni ta’ dawn is-sistemi (ara l-punti 234 sa 242 iktar ’il fuq).

260

Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li tallega Microsoft, il-pożizzjoni li l-Kummissjoni ddefendiet fl-atti tagħha dwar il-livell ta’ interoperabbiltà mitlub f’dan il-każ u dwar il-portata tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni kkontestata tikkorrispondi perfettament ma’ dik li hija ħadet fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, Microsoft ma tistax tibbaża ruħha fuq dikjarazzjonijiet magħmula mill-intervenjenti matul is-seduta fil-proċedura sommarja sabiex tattribwixxi lill-Kummissjoni interpretazzjoni partikolari tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta ġie adottat l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punti 7 u 8, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs Il-Kummissjoni, T-177/94 u T-377/94, Ġabra p. II-2041, punt 119).

261

Fl-aħħar nett għandhom jiġu miċħuda bħala infondati anki l-argumenti bbażati fuq il-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication” u fuq iċ-“ċirku blu” li Microsoft ressqet matul is-seduta.

262

Permezz ta’ dawn l-argumenti, Microsoft tipprova tistabbilixxi li l-għan tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jintlaħaq kompletament mingħajr ma jkollha tiżvela lill-kompetituri tagħha ċerta informazzjoni dwar il-mekkaniżmi interni tas-sistemi operattivi tagħha għal servers u, b’mod partikolari, ta’ l-algorithms, jiġifieri informazzjoni li tmur lil hinn minn dik koperta minn din id-deċiżjoni. Microsoft tibbaża l-argumenti tagħha fuq l-allegazzjoni li, sabiex kontrollur ta’ domain li jopera b’sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ kompetitur ikun jista’ jagħmel parti minn “ċirku blu” kompost minn kontrolluri ta’ domain li fuqhom tkun installata sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group li tuża l-Active Directory, huwa meħtieġ li dawn id-diversi sistemi operattivi jkollhom l-istess loġika interna.

263

Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li Microsoft ma tipprovax li, sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw flimkien f’“ċirku blu”, is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tagħha u dawk tal-kompetituri tagħha għandu neċessarjament ikollhom l-istess loġika interna.

264

It-tieni nett, lanqas ma ġie pprovat li, anki jekk tali identiċità bejn il-loġika interna hija meħtieġa, dan neċessarjament jimplika li Microsoft ikollha tgħaddi lill-kompetituri tagħha informazzjoni dwar il-mekkaniżmi interni tal-prodotti tagħha u, b’mod partikolari, l-algorithms. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, f’opinjoni annessa mar-replika, wieħed mill-esperti ta’ Microsoft meta jikkumenta dwar il-protokoll DRS, li jintuża għall-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication”, jagħmel huwa stess distinzjoni bejn il-“protokolli użati għall-komunikazzjonijiet bejn servers” u l-“algorithms/decision rules li joperaw internament fuq kull server”, qabel ma jindika li huma dawn il-protokolli li għandhom jiġu żvelati taħt l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 205 iktar ’il fuq).

265

It-tielet nett, fir-rigward ta’ l-algorithm “Intersite Topology” li Microsoft semmiet b’mod iktar speċifiku fis-seduta, huwa fil-fatt possibbli li, kif spjegat il-Kummissjoni fis-seduta, ikun meħtieġ biss li l-kompetituri jkunu f’pożizzjoni li jimplementaw algorithm li twassal għall-istess riżultat bħal din l-algorithm. Fi kliem ieħor, Microsoft ma jkollha għalfejn tagħti ebda informazzjoni dwar l-implementazzjoni ta’ din l-algorithm fis-sistemi operattivi tagħha għal servers ta’ work group imma tista’ sempliċement tagħti deskrizzjoni ġenerali ta’ din l-algorithm filwaqt li tħalli f’idejn il-kompetituri tagħha sabiex jiżviluppaw huma stess l-implementazzjoni tagħha.

266

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi konkluż li ma jeżisti ebda nuqqas ta’ koerenza bejn il-portata ta’ l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni kkontestata u l-“istandard ta’ interoperabbiltà” adottat mill-Kummissjoni f’din l-istess deċiżjoni.

c) Fuq l-allegazzjoni li l-protokolli ta’ komunikazzjoni ta’ Microsoft huma protetti bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

L-argumenti tal-partijiet

267

Microsoft tressaq, l-ewwel nett, sensiela ta’ argumenti sabiex tipprova li l-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha huma innovattivi fuq livell teknoloġiku. Hija tispjega b’mod partikolari li dawn il-protokolli huma ħafna drabi żviluppati fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kompiti speċifiċi minn sistemi operattivi għal servers u li huma marbuta mill-qrib mal-mod kif jiġu eżegwiti dawn il-kompiti. Għaldaqstant, l-għoti ta’ liċenzji fir-rigward ta’ dawn il-protokolli ta’ komunikazzjoni neċessarjament jimplika l-iżvelar lill-kompetituri ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi interni tas-sistemi operattivi għal servers li magħhom jintużaw l-imsemmija protokolli ta’ komunikazzjoni. Microsoft iżżid li numru kbir ta’ inġiniera u riżorsi finanzjarji sostanzjali huma ddedikati għall-iżvilupp u t-titjib tal-protokolli ta’ komunikazzjoni.

268

B’mod iktar partikolari, wara li tenfasizza li s-servizzi ta’ direttorju jikkostitwixxu fattur ta’ kompetizzjoni essenzjali fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, Microsoft tinsisti fuq in-natura innovattiva ta’ l-Active Directory. F’dan ir-rigward hija tagħmel riferiment għal nota miktuba minn wieħed mill-esperti tagħha, is-Sur Campbell-Kelly, fejn dan jiddeskrivi l-innovazzjonijiet li jirrappreżenta l-Active Directory u, b’mod partikolari, “il-metodu ta’ replikazzjoni tiegħu f’diversi servers f’netwerk ta’ kompjuters” (anness A.20 tar-rikors). Hija tagħmel riferiment ukoll għall-opinjoni tas-Sur Lees, li tinsab fl-anness C.4 tar-replika (ara l-punti 205 u 256 iktar ’il fuq), fejn jiddeskrivi l-aspetti innovattivi ta’ wieħed mill-protokolli użati mill-Active Directory, jiġifieri l-protokoll DRS, li fir-rigward tiegħu Microsoft tikkunsidra li għandha tiżvela informazzjoni lill-kompetituri tagħha b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar, Microsoft tagħmel riferiment għall-anness C.8.1 tar-replika fejn wieħed mill-inġiniera tagħha, is-Sur Hirst, jiddeskrivi sensiela ta’ speċifikazzjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ “multimaster replication” użat mill-Active Directory, speċifikazzjonijiet li hija tallega li kellha tistabbilixxi b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

269

It-tieni nett, Microsoft tressaq mumru ta’ argumenti sabiex tipprova li dawn il-protokolli ta’ komunikazzjoni huma protetti bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

270

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-aspetti innovattivi ta’ dawn il-protokolli ta’ komunikazzjoni huma ta’ natura li jistgħu jiġu protetti bi privattiva. Hija tindika li hija kisbet diversi privattivi għalihom fl-Ewropa u fl-Istati Uniti u li madwar għoxrin applikazzjonijiet għal privattiva għadhom pendenti. Barra minn hekk, filwaqt li tibbaża ruħha fuq żewġ opinjonijiet mogħtija mis-Sur Knauer (anness A.21 tar-rikors u anness C.6 tar-replika), avukat speċjalizzat fid-dritt tal-privattivi, hija ssostni li l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jimplika l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji fir-rigward ta’ privattiva.

271

Fit-tieni lok, Microsoft issostni li l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn server u server li hija għandha tipprepara u tiżvela lill-kompetituri tagħha b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma protetti bid-dritt ta’ l-awtur.

272

Fir-replika, Microsoft teżamina l-kwistjoni tal-protezzjoni taħt id-dritt ta’ l-awtur minn żewġ aspetti distinti. Minn naħa, hija tirreferi għall-kunċetti ta’ “ħolqien sfurzat” u ta’ “pubblikazzjoni sfurzata” filwaqt li tallega li, li kieku d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx obbligatha tagħmel hekk, hija ma kinitx tiżviluppa l-ispeċifikazzjonijiet in kwistjoni u lanqas ma kienet tagħti liċenzja għalihom lill-kompetituri tagħha. Min-naħa l-oħra, filwaqt li tinvoka l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250, hija tqajjem il-kwistjoni ta’ l-“adattament jew [ta’ l-]alterazzjoni ta’ xogħlijiet protetti”. Hija ssostni, b’mod partikolari, li kompetitur li juża l-imsemmija speċifikazzjonijiet sabiex is-sistema operattiva tiegħu għal servers tkun tista’ tinteropera mal-partijiet tas-sistemi operattivi Windows għal servers li jipprovdu s-servizzi ta’ work group ma jkunx qiegħed joħloq “xogħol distint”.

273

Fit-tielet lok, Microsoft issostni li l-protokolli ta’ komunikazzjoni huma sigrieti kummerċjali b’valur kbir. F’dan ir-rigward hija tindika, b’mod partikolari, li l-uniku mod li bih hija tiżvela l-protokolli ta’ komunikazzjoni bejn server u client tagħha huwa permezz ta’ ftehim ta’ liċenzja li jipprevedu obbligu ta’ kunfidenzjalità u li jirrikonoxxu li hija l-proprjetarjà ta’ din it-teknoloġija. Hija tenfasizza li s-sigrieti kummerċjali jikkostitwixxu forma ta’ proprjetà industrijali u li l-protezzjoni tagħhom taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Fl-aħħar, hija tiċħad l-idea difiża mill-Kummissjoni li impriża ssofri preġudizzju anqas gravi meta jkollha tiżvela sigriet kummerċjali milli meta tkun obbligata taċċetta l-ksur tal-privattivi tagħha jew tad-drittijiet ta’ l-awtur tagħha.

274

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti Microsoft tikkonkludi li l-fatt li hija tiġi obbligata tagħti lill-kompetituri tagħha liċenzji fir-rigward ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha jċaħħadha mill-benefiċċju ta’ investimenti sostanzjali u ta’ sforzi ta’ riċerka u ta’ żvilupp li hija tiddedika għall-iżvilupp u t-titjib tal-protokolli ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, dan inaqqas il-motivazzjoni, kemm għaliha u kemm għall-kompetituri tagħha, li jsir investiment fil-protokolli ta’ komunikazzjoni.

275

Il-Kummissjoni tikkontesta d-diversi argumenti esposti fil-punti 267 sa 274 iktar ’il fuq.

276

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjonijiet ta’ Microsoft li, minn naħa, il-protokolli ta’ komunikazzjoni in kwistjoni huma ta’ natura innovattiva u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ liċenzji fir-rigward tagħhom jimplika l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi interni tas-sistemi operattivi tagħha għal servers ta’ work group. Hija tikkunsidra b’mod partikolari li d-dokumenti mħejjija mis-Sinjuri Lees (anness C.4 tar-replika) u Hirst (anness C.8.1 tar-replika) ma jistabbilixxux li l-informazzjoni kkonċernata tinkludi “xi invenzjoni b’valur intrinsiku”. Hija tagħmel riferiment għal żewġ noti mħejjija mill-konsulent tagħha OTR (annessi D.2 u D.3 tal-kontroreplika) fejn dan ta’ l-aħħar jikkumenta dwar id-dokumenti tas-Sinjuri Lees u Hirst u jispjega għaliex l-ideat u l-prinċipji li fuqhom huma bbażati l-protokolli ta’ komunikazzjoni kkonċernati mhumiex ġodda.

277

It-tieni nett, il-Kummissjoni tiċħad it-teżi ta’ Microsoft li, minn naħa, il-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha huma protetti bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata timplika l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji.

278

Fl-ewwel lok, hija ssostni li Microsoft ma tipprovax li l-allegati innovazzjonijiet preżenti fil-protokolli ta’ komunikazzjoni in kwistjoni huma koperti minn privattiva. Barra minn hekk, diversi elementi juru li r-rifjut ta’ Microsoft ma kienx iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-privattivi tagħha. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tosserva, b’mod iktar partikolari, li kien biss fl-aħħar stadji tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri ftit ġimgħat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u fuq l-insistenza tagħha, li Microsoft identifikat privattiva (jiġifieri l-privattiva EP 0669020).

279

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ Microsoft fir-rigward tad-drittijiet ta’ l-awtur. Hija tindika b’mod partikolari li hija ma teskludix li l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata jistgħu, bħala tali, ikunu koperti mid-dritt ta’ l-awtur. Madankollu, hija tippreċiża li dan ma jfissirx li l-użu ta’ l-informazzjoni “ddokumentata b’dan il-mod” meta tiġi implementata f’sistema operattiva jikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ l-awtur. Fil-fatt, l-implementazzjoni ta’ speċifikazzjoni mhijiex kopja iżda tirriżulta f’xogħol nettament distint. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li l-kwistjoni jekk l-ispeċifikazzjonijiet humiex koperti mid-dritt ta’ l-awtura hija, min-natura tagħha, purament inċidentali u tfakkar li l-qofol ta’ din il-kawża huwa l-obbligu impost fuq Microsoft li tiżvela informazzjoni u li tawtorizza l-użu tagħha, obbligu li neċessarjament jimplika l-preparazzjoni ta’ dokument. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li fir-replika Microsoft sostniet żewġ argumenti ġodda dwar il-kwistjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur (ara l-punt 272 iktar ’il fuq) u tikkunsidra li dawn l-argumenti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli taħt l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Hija tikkunsidra li, f’kull każ, dawn l-argumenti mhumiex fondati.

280

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, sal-lum, l-informazzjoni li Microsoft għandha tiżvela b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata żżammet sigrieta fil-konfront tal-kompetituri tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Għall-kuntrarju, hija tikkunsidra li l-assimilazzjoni magħmula minn Microsoft bejn dawn is-“sigrieti kummerċjali” u d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali “stabbiliti mil-liġi” bl-ebda mod ma hija evidenti. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza dwar l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji ma tapplikax bħala tali għas-sigrieti kummerċjali u li l-protezzjoni ta’ dawn is-sigrieti taħt id-dritt nazzjonali hija normalment iktar limitata minn dik mogħtija lid-dritt ta’ l-awtur jew lill-privattivi. Hija ssostni li, għalkemm tista’ teżisti preżunzjoni ta’ leġittima tar-rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali “stabbilit mil-liġi”, il-leġittima taħt id-dritt tal-kompetizzjoni tar-rifjut li jiġi żvelat sigriet, li l-eżistenza tiegħu tiddependi biss minn deċiżjoni kummerċjali unilaterali, tiddependi iktar mill-fatti tal-kawża u, b’mod partikolari, mill-interessi involuti. F’din il-kawża, il-valur tas-“sigriet” ikkonċernat mhuwiex marbut mal-fatt li jinvolvi innovazzjoni iżda mal-fatt li jappartjeni lil impriża dominanti.

281

SIIA, filwaqt li essenzjalment tinvoka l-istess argumenti bħal dawk imressqa fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, issostni li Microsoft ma tipprovax li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha u timplika l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji.

282

FSFE tallega li t-“teknoloġija” li Microsoft tirrifjuta li tiżvela lill-kompetituri tagħha la hija ġdida u lanqas innovattiva. Hija tispjega li, fil-fatt, il-politika ta’ Microsoft hija li tieħu protokolli li jkunu diġà eżistenti u tagħmlilhom bidliet minuri u inutli sabiex tipprekludi l-interoperabbiltà. Hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-protokolli segwenti: CIFS/SMB (Common Internet File System/Server Message Block), DCE/RPC (Distributed Computing Environment/Remote Procedure Call), Kerberos 5 u LDAP.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

283

Minkejja li l-partijiet iddiskutew fit-tul, kemm fl-atti tagħhom u kif ukoll matul is-seduta, il-kwistjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li allegatament ikopru l-protokolli ta’ komunikazzjoni ta’ Microsoft jew l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li sabiex tiġi deċiża din il-kawża mhuwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq din il-kwistjoni.

284

Fil-fatt, l-argumenti ta’ Microsoft fir-rigward ta’ l-allegati drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jistgħux, bħala tali, jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Mingħajr ma ħadet pożizzjoni fuq il-mertu ta’ dawn l-argumenti, il-Kummissjoni adottat din id-deċiżjoni fuq il-preżunzjoni li Microsoft setgħet tinvoka tali drittijiet fil-każ in eżami. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni telqet mill-premessa li kien possibbli li l-aġir in kwistjoni f’dan il-każ, safejn jikkonċerna l-ewwel kwistjoni prinċipali, mhuwiex sempliċi rifjut li jiġi pprovdut prodott jew servizz indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività partikolari iżda huwa rifjut li terzi jingħataw liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, sabiex b’hekk għażlet is-soluzzjoni legali l-iktar stretta u, għaldaqstant, l-iktar favorevoli għal Microsoft (ara l-punti 312 sa 336 iktar ’il quddiem). Għalhekk, il-Kummissjoni la kkonstatat u lanqas eskludiet li, minn naħa, l-aġir akkużata bih Microsoft kien rifjut li tingħata liċenzja u, min-naħa l-oħra, li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontesta timplika għoti obbligatorju ta’ liċenzji.

285

B’hekk, fil-kunsiderazzjoni 190 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li, matul il-proċedura amministrattiva, Microsoft invokat l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll il-fatt li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà in kwistjoni hija sigriet kummerċjali. Hija tindika li mhuwiex eskluż li Microsoft tista’ tibbaża ruħha fuq dawn id-drittijiet sabiex tipprekludi lil Sun milli timplementa, fil-prodotti tagħha, l-ispeċifikazzjonijiet in kwistjoni. Hija tammetti wkoll li huwa possibbli li dawn l-ispeċifikazzjonijiet fihom innovazzjonijiet u jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali. B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni tikkonstata li ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li Microsoft tiġi ordnata tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà lil terzi u tħallihom jużawha jippreġudika l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha. Hija ttenni din il-konstatazzjoni ta’ l-aħħar fil-kunsiderazzjoni 546 tad-deċiżjoni kkontestata. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 249 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tispjega li, “[f]’kull każ, peress li l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti mhumiex aċċessibbli, mhuwiex possibbli għall-Kummissjoni li tiddetermina safejn l-affermazzjonijiet ta’ Microsoft dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha huma eżatti”.

286

Barra minn hekk, fil-kunsiderazzjonijiet 1003 u 1004 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, meta tiddeskrivi l-portata tal-miżura intiża bħala rimedju għar-rifjut abbużiv akkużata bih Microsoft, tenfasizza, minn naħa, li din il-miżura tikkonċerna biss l-ispeċifikazzjonijiet ta’ interface u mhux elementi ta’ kodiċi sors, u, min-naħa l-oħra, li l-intenzjoni tagħha hija li l-kompetituri ta’ Microsoft ikunu awtorizzati sabiex jimplementaw l-ispeċifikazzjonijiet żvelati fis-sistemi operattivi tagħhom għal servers ta’ work group. B’hekk, hija tindika b’mod partikolari li “l-ispeċifikazzjonijiet lanqas m’għandhom jiġu riprodotti, adattati, irranġati jew mibdula, iżda għandhom jintużaw minn terzi sabiex jiktbu l-interfaces tagħhom stess li jkunu konformi ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet” (kunsiderazzjoni 1004 tad-deċiżjoni kkontesta). Hija tikkonkludi billi tafferma li, “[f]’kull każ, anki jekk id-deċiżjoni [kkontestata] twassal sabiex Microsoft tkun obbligata tastjeni milli teżerċita kompletament uħud mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha, dan ikun iġġustifikat mill-bżonn li jintemm l-abbuż ikkonstatat” (kunsiderazzjoni 1004 tad-deċiżjoni kkontestata).

287

Fl-atti tagħha, il-Kummissjoni tressaq argumenti fl-istess sens. B’hekk, fil-kontroreplika, hija tiddeskrivi bħala “li tagħti impressjoni żbaljata” l-allegazzjoni magħmula minn Microsoft fir-replika li “d-deċiżjoni [kkontestata] timponi fuq [din ta’ l-aħħar] l-obbligu li tagħti liċenzja fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kollha li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġu implementati l-ispeċifikazzjonijiet fil-prodotti tagħha”. F’dan ir-rigward hija tippreċiża l-ewwel nett li “d-deċiżjoni kkontestata tobbliga lil Microsoft tagħti d-dritt li l-ispeċifikazzjonijiet jintużaw sabiex jiġu żviluppati prodotti interoperabbli” u li, “[s]afejn [dan l-obbligu] jista’ jillimita l-kapaċità ta’ Microsoft li tinforza kompletament l-osservanza ta’ wħud mid-[drittijiet ta’ proprjetà intellettwali] tagħha, dan l-obbligu huwa ġġustifikat mill-bżonn li jintemm il-ksur”. Il-Kummissjoni tenfasizza li “[d]-deċiżjoni [kkontestata] ma tieħux pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk id-[drittijiet ta’ proprjetà intellettwali] ta’ Microsoft humiex milquta jew le”. It-tieni nett, hija tippreċiża li, madankollu, minn dan ma jistax jiġi konkluż li r-rifjut min-naħa ta’ Microsoft huwa ġġustifikat mill-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u lanqas li dan il-każ jinvolvi għoti obbligatorju ta’ liċenzji. Fil-fatt, la l-proċess tal-kawża u lanqas ir-rikors ma jinkludu elementi ta’ prova li juru li dan huwa l-każ u, b’mod partikolari, li “l-kompetituri għandhom bżonn ta’ liċenzja li tagħtihom aċċess għal uħud mid-[drittijiet ta’ proprjetà intellettwali] ta’ Microsoft sabiex jassiguraw l-interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows”.

288

Għandu jiġi osservat ukoll li l-Kummissjoni, bi tweġiba għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub magħmula lilha mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ikkonfermat li fid-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma ġie kkonstatat li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà ma kinitx koperta bi privattiva jew bi dritt ta’ l-awtur jew, għall-kuntrarju, li kienet hekk koperta. Hija kkunsidrat li ma kienx meħtieġ li tiddeċiedi dwar dan il-punt peress li, fi kwalunkwe każ, “il-kundizzjonijiet sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ abbuż u sabiex tiġi imposta l-miżura korrettiva [prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata] kienu ssodisfati, irrispettivament minn jekk l-informazzjoni kinitx protetta jew le bi privattiva jew bi dritt ta’ l-awtur”.

289

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-mertu ta’ l-ewwel parti tal-motiv għandu jiġi evalwat abbażi tal-preżunzjoni li l-protokolli in kwistjoni, jew l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom, huma koperti bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali u li dawn is-sigrieti għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

290

Minn dan isegwi li l-kwistjoni ċentrali li għandha tiġi deċiża fil-kuntest ta’ din il-parti hija jekk, kif tallega l-Kummissjoni u kif tikkontesta Microsoft, il-kundizzjonijiet li jippermettu li impriża li tgawdi minn pożizzjoni dominanti tiġi obbligata tagħti liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali humiex sodisfatti f’din il-kawża.

d) Fuq l-argumenti proprja invokati in sostenn ta’ l-ewwel parti tal-motiv

i) Fuq iċ-ċirkustanzi li fid-dawl tagħhom għandu jiġi analizzat l-aġir abbużiv

L-argumenti tal-partijiet

291

Microsoft, sostnuta minn CompTIA u ACT, issostni prinċipalment li l-ewwel kwistjoni prinċipali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, u kkonsolidati fis-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq.

292

In sostenn ta’ din it-teżi, fl-ewwel lok, Microsoft ittenni li l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jimplika l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji li jikkonċernaw il-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha li, skondha, huma innovattivi mill-aspett teknoloġiku u huma koperti minn drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

293

Fit-tieni lok, Microsoft tinterpreta l-argument tal-Kummissjoni espost fil-punt 302 iktar ’il quddiem fis-sens li l-Kummissjoni tqis li hija m’għandhiex tapplika l-kriterji msemmija meta jkun involut “irbit teknoloġiku”. Issa, skond Microsoft, dan l-argument ma jsib ebda sostenn fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T-83/91, Ġabra p. II-755), ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (C-333/94 P, Ġabra p. I-5951) (iktar ’il quddiem il-“kawża Tetra Pak II”), invokata mill-Kummissjoni.

294

Fit-tielet lok, Microsoft tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma allegatament distinti minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq.

295

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, Microsoft tosserva li, f’dik il-kawża, kienu involuti effetti ta’ netwerk sinjifikattivi u li kien preċiżament minħabba l-preżenza ta’ tali effetti li l-istruttura b’1,860 parti maħluqa minn IMS Health ġiet ikkunsidrata bħala standard industrijali. Hija żżid li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma invokatx l-argument li, billi rrifjutat li “tippermetti l-kompatibbiltà”, Microsoft ippreġudikat l-għanijiet ta’ interess ġenerali ddefiniti fid-Direttiva 91/250. Fi kwalunkwe każ, kunsiderazzjonijiet vagi bbażati fuq l-interess ġenerali ma jistgħux jiġġustifikaw li impriża tiġi ordnata tagħti liċenzji. Fl-aħħar, Microsoft issostni li d-Direttiva 91/250 ma tipprevedi ebda obbligu pożittiv li tiġi żvelata informazzjoni.

296

It-tieni nett, Microsoft tiċħad l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija użat il-poter tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs sabiex tikkonkwista s-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Hija tallega li la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas ir-risposta ma jindikaw b’mod ċar liema huwa l-poter fis-suq li hija allegatament użat jew il-mod kif ġie eżerċitat dan il-poter.

297

It-tielet nett, Microsoft tikkunsidra li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija ma żammitx il-livelli preċedenti ta’ provvista hija żbaljata kemm fid-dritt u kemm fil-fatt u li hija ma tieħux in kunsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Bronner, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq. Hija ssostni li hija qatt ma tat lil Sun jew lil fornitur ieħor ta’ sistemi operattivi kompetituri liċenzja fir-rigward ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha. Hija tindika li hija tat liċenzja lil AT&T, fl-1994, fir-rigward ta’ teknoloġija ta’ netwerk sabiex ikun jista’ jiġi żviluppat prodott imsejjaħ “Advanced Server for UNIX (AS/U)” u li numru ta’ prodotti bbażati fuq l-AS/U ġew żviluppati minn fornituri importanti ta’ UNIX, inkluża s-sistema “PC NetLink” ta’ Sun. Hija tippreċiża li, għalkemm fl-2001 hija laħqet ftehim ma’ AT&T sabiex il-ftehim ta’ liċenzja ma jiġix estiż sabiex ikopri teknoloġiji ġodda, it-“teknoloġija AS/U” u l-prodotti bbażati fuqha għadhom disponibbli. Hija tqis li l-fatt li hija, iktar minn għaxar snin ilu, tat liċenzja lil AT&T fir-rigward ta’ teknoloġija partikolari ma jistax jobbligaha tagħti, fil-futur u b’mod indefinit, liċenzji fir-rigward tat-teknoloġiji relatati kollha, fosthom il-protokolli ta’ komunikazzjoni.

298

Ir-raba’ nett, Microsoft tosserva li, fil-kunsiderazzjoni 577 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li “r-rifjut ta’ provvista min-naħa ta’ Microsoft fil-konfront ta’ Sun huwa parti minn aġir iktar wiesa’ intiż li ma tiġix żvelata ċerta informazzjoni dwar l-interoperabbiltà lill-edituri ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group”. Hija tikkunsidra li l-aġir attribwit lilha jikkorrispondi għall-“applikazzjoni b’mod mhux diskriminatorju ta’ politika li kważi l-kumpanniji teknoloġiċi kollha jadottaw sabiex jipproteġu r-riżultati ta’ l-isforzi ta’ riċerka u ta’ żvilupp tagħhom” u li tali aġir ma jistax jikkostitwixxi “ċirkustanzi eċċezzjonali” fis-sens tas-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq.

299

Sussidjarjament, Microsoft, sostnuta minn CompTIA u ACT, issostni li, fl-eventwalità li jiġi kkunsidrat li f’din il-kawża m’huwa involut ebda dritt ta’ proprjetà intellettwali, il-kriterji li għandhom jiġu applikati huma dawk aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, li jikkorrispondu għall-ewwel, għat-tieni u għar-raba’ kriterji tas-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, kif esposti fil-punt 116 iktar ’il fuq.

300

Fl-aħħar nett, Microsoft, CompTIA u ACT jallegaw li ebda wieħed mir-raba’ kriterji tas-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, u lanqas, għaldaqstant, ebda wieħed mit-tliet kriterji tas-sentenza Bronner, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, m’huma ssodisfati f’din il-kawża.

301

Il-Kummissjoni, sostnuta minn SIIA u FSFE, issostni prinċipalment li, anki jekk jiġi kkunsidrat li r-rifjut in kwistjoni huwa ġġustifikat mill-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li d-deċiżjoni kkontestata timplika l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji, din il-kwistjoni prinċipali m’għandhiex awtomatikament tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-“ġurisprudenza IMS Health”.

302

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li r-“regola ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali” prevista mill-ġurisprudenza ma tistax tapplika “bħala tali u mingħajr iktar preċiżjoni” għal rifjut li jiġu żvelati sigrieti kummerċjali li għandu bħala effett “irbit teknoloġiku” ta’ prodott separat ma’ prodott dominanti.

303

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li s-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, ma tistabbilixxix lista eżawrjenti ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Hija targumena li, f’dik is-sentenza, bħal fis-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li fihom kien possibbli li tiġi adottata deċiżjoni li tipprevedi l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-kawżi li wasslu għal dawk is-sentenzi. Għalhekk, fis-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement stabbilixxiet lista ta’ kriterji li kien “biżżejjed” li jiġu ssodisfati. Fil-verità, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut ta’ provvista min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti huwiex ta’ natura abbużiva, il-Kummissjoni għandha teżamina l-fatturi kollha madwar dan ir-rifjut u b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u regolatorju speċifiku tiegħu.

304

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni telenka l-elementi li jiddistingwu ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża minn dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, u li abbażi tagħhom jista’ jiġi kkunsidrat li r-rifjut min-naħa ta’ Microsoft jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

305

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-karatteristika partikolari li tikkonċerna rifjut li tingħata informazzjoni dwar l-interoperabbiltà fis-settur tas-softwer. Din id-deċiżjoni hija intiża li tippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti kompatibbli ma’ dawk ta’ Microsoft filwaqt li l-preċedenti msemmija minn din ta’ l-aħħar jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn il-“prodott protett” kellu jiġi inkorporat fil-prodotti tal-kompetituri għal raġunijiet li jmorru lil hinn mill-ħsieb li tiġi assigurata sempliċi kompatibbiltà bejn żewġ prodotti distinti. Barra minn hekk, dawn il-preċedenti ma jikkonċernawx il-problemi speċifiċi li jqumu f’setturi fejn l-effetti ta’ netwerk jinħassu kontinwament. Il-Kummissjoni żżid li, b’differenza mis-settur in kwistjoni f’din il-kawża, is-setturi ekonomiċi kkonċernati f’dawn il-preċedenti ma kinux “setturi fejn il-leġiżlatur kien irrikonoxxa b’mod ċar l-utilità tal-kompatibbiltà għas-soċjeta in ġenerali”. B’mod iktar partikolari, filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet 745 sa 763 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tfakkar l-importanza li l-leġiżlatur Komunitarju ta lill-interoperabbiltà, b’mod partikolari fil-kuntest tad-Direttiva 91/250, kif ukoll il-pożizzjoni meħuda mil-leġiżlatur li l-iżvelar ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ interoperabbiltà huwa ta’ benefiċċju għall-kompetizzjoni u għall-innovazzjoni.

306

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li din il-kwistjoni prinċipali tinvolvi fornitur f’pożizzjoni dominanti li juża l-poter tiegħu f’suq partikolari, f’dan il-każ is-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs, sabiex jelimina l-kompetizzjoni fuq suq viċin, jiġifieri s-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, “b’tali mod li jsaħħaħ l-impedimenti għad-dħul fis-suq oriġinali tiegħu filwaqt li jikseb renta ta’ monopolju addizzjonali”. Din is-sitwazzjoni tiggrava l-preġudizzju li diġà jirriżulta għall-konsumaturi mil-limitazzjoni fil-konfront ta’ l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda.

307

It-tielet nett, il-Kummissjoni tenfasizza li din il-kwistjoni prinċipali tikkonċerna fornitur f’pożizzjoni dominanti li ma jirrispettax il-livelli ta’ provvista preċedenti (kunsiderazzjonijiet 578 sa 584 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tindika li, inizjalment, il-politika ta’ Microsoft kienet li tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, u mhux li żżommha għaliha, politika li, b’mod partikolari, iffaċilitat l-introduzzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi tagħha għal servers ta’ work group u li bl-ebda mod ma ddiswaditha milli tkun innovattiva. Madankollu, meta l-“prodotti servers” tagħha stabbilixxew ruħhom b’mod suffiċjenti fis-suq, Microsoft bidlet l-attitudni tagħha u għażlet li teskludi lill-kompetituri tagħha billi tirrifjuta li tagħtihom aċċess għall-informazzjoni msemmija (kunsiderazzjonijiet 587, 588, 637 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

308

Il-Kummissjoni tikkunsidra li Microsoft ma tistax tikkontesta li ma żammitx il-livelli ta’ provvista preċedenti. F’dan ir-rigward hija tindika, l-ewwel nett, li l-ftehim konkluż bejn Microsoft u AT&T, li permezz tiegħu din ta’ l-aħħar setgħet tiżviluppa l-AS/U, kien jikkonċerna l-iżvelar mhux biss ta’ informazzjoni dwar l-interoperabbiltà bħal dik in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, iżda anki ta’ informazzjoni addizzjonali. It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fatt li t-teknoloġija AS/U għadha disponibbli mhuwiex rilevanti. Filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet 580 sa 583 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika, f’dan ir-rigward, li llum l-iżvelar magħmul “fil-kuntest ta’ l-AS/U” m’għadux rilevanti peress li Microsoft bidlet il-protokolli rilevanti fil-verżjonijiet sussegwenti tal-Windows. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-affermazzjoni ta’ Microsoft li l-fatt li, iktar minn għaxar snin ilu, hija tat liċenzja lil AT&T fir-rigward ta’ teknoloġija partikolari ma jistax jobbligaha tagħti, fil-futur u b’mod indefinit, liċenzji fir-rigward tat-teknoloġiji relatati kollha mhijiex rilevanti fir-rigward tar-raġunament adottat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-kwistjoni tal-bidla mil-livelli ta’ provvista preċedenti mhijiex ikkunsidrata bħala abbuż fiha nfisha iżda bħala element ta’ evalwazzjoni tar-rifjut ta’ provvista akkużata bih Microsoft (kunsiderazzjonijiet 578 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

309

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tindika li hija ma tallegax li s-sempliċi fatt li r-rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jagħmel parti minn aġir ġenerali jikkostitwixxi, fih innifsu, “ċirkustanza eċċezzjonali” suffiċjenti sabiex jagħmel dan ir-rifjut abbużiv. Hija tikkunsidra biss li l-fatt li Sun mhijiex l-unika kompetitriċi li ġiet irrifjutata aċċess minn Microsoft għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà huwa ċirkustanza rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ l-aġir ta’ Microsoft ma’ l-Artikolu 82 KE.

310

Fir-rigward ta’ l-argumenti invokati b’mod sussidjarju minn Microsoft li din il-kawża għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Bronner, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Hija tosserva li dik is-sentenza tikkonċerna l-aċċess għal infrastruttura li fir-rigward tagħha kien sar investiment sinjifikattiv u tikkunsidra li, jekk jiġi stabbilit li l-informazzjoni in kwistjoni f’din il-kawża mhijiex protetta bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali iżda tikkonsisti f’kumbinazzjonijiet purament arbitrarji ta’ messaġġi, l-imsemmija sentenza ċertament ma tkunx “punt ta’ paragun adegwat”.

311

Sussidjarjament, il-Kummissjoni, sostnuta minn SIIA u FSFE, tallega li, anki jekk jitqies li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, safejn tikkonċerna l-ewwel kwistjoni prinċipali, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, dawn il-kriterji huma ssodisfati f’din il-kawża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

312

Għandu jiġi mfakkar li Microsoft tiddefendi t-teżi li r-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, li bih hija akkużata, ma jistax jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE peress li, minn naħa, din l-informazzjoni hija protetta bi drittjiet ta’ proprjetà intellettwali — jew tikkostitwixxi sigriet kummerċjali — u, min-naħa l-oħra, il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza li jippermettu li impriża f’pożizzjoni dominanti tiġi obbligata tagħti liċenzja lil terzi mhumiex sodisfatti f’din il-kawża.

313

Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Kummissjoni tikkunsidra li mhuwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet jekk l-aġir akkużata bih Microsoft jikkostitwixxix rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lil terzi u jekk is-sigrieti kummerċjali għandhomx jingħataw l-istess livell ta’ protezzjoni bħal dawn id-drittijiet, minħabba li, f’kull każ, il-kriterji stretti li fid-dawl tagħhom tali rifjut jista’ jitqies bħala abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE huma ssodisfati f’din il-kawża (ara l-punti 284 sa 288 iktar ’il fuq).

314

Għalkemm hemm qbil bejn Microsoft u l-Kummissjoni li r-rifjut in kwistjoni jista’ jiġi evalwat fir-rigward ta’ l-Artikolu 82 KE abbażi tal-preżunzjoni li jikkostitwixxi rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, huma għall-kuntarju ma jaqblux fuq il-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza applikabbli f’tali ipoteżi.

315

B’hekk, Microsoft prinċipalment tinvoka l-kriterji stabbiliti fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, u, sussidjarjament, dawk stabbiliti fis-sentenza Bronner, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq.

316

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li applikazzjoni “awtomatika” tal-kriterji tas-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, tkun “problematika” f’din il-kawża. Hija ssostni li, sabiex tiddetermina jekk tali rifjut huwiex ta’ natura abbużiva, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari kollha ta’ l-imsemmi rifjut, liema ċirkustanzi mhux neċessarjament ikunu l-istess bħal dawk identifikati fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq. Huwa għalhekk li, fil-kunsiderazzjoni 558 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tippreċiża li “[i]l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] tagħti x’jifhem li l-Kummissjoni għandha tanalizza ċ-ċirkustanzi kollha ta’ eżempju partikolari ta’ rifjut ta’ provvista u tagħti d-deċiżjoni tagħha fid-dawl tar-riżultati ta’ dan l-eżami komprensiv”.

317

Matul is-seduta, wara li sarulha mistoqsijiet fuq dan il-punt mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li l-aġir akkużata bih Microsoft għandu tliet karatteristiċi li jippermettu li jiġi kklassifikat bħala aġir abbużiv. L-ewwel karatteristika hija l-fatt li l-informazzjoni li Microsoft tirrifjuta li tiżvela lill-kompetituri tagħha tikkonċerna l-interoperabbiltà fis-settur tas-softwer, jiġifieri kwistjoni li l-leġiżlatur Komunitarju jagħtiha importanza partikolari. It-tieni karatteristika hija l-fatt li Microsoft tuża l-poter straordinarju li hija tgawdi fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs sabiex telimina l-kompetizzjoni fis-suq viċin tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. It-tielet karatteristika hija l-fatt li l-aġir in kwistjoni jimplika bidla fil-livelli ta’ provvista preċedenti.

318

Il-Kummissjoni ssostni li, f’kull każ, il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, huma ssodisfati anki f’din il-kawża.

319

B’risposta għal dawn id-diversi argumenti, għandu jiġi osservat li, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 547 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm fil-prinċipju l-impriżi huma liberi li jagħżlu l-imsieħba kummerċjali tagħhom, rifjut ta’ provvista min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’, f’ċerti ċirkustanzi u sakemm ma jkunx oġġettivament iġġustifikat, jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE.

320

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kumpannija f’pożizzjoni dominanti fis-suq ta’ materja prima li, bil-għan li tirriżerva din il-materja prima għall-produzzjoni ta’ prodotti derivati tagħha, irrifjutat li tforni din il-materja prima lil klijent tagħha, li kien huwa stess manifattur ta’ dawn il-prodotti derivati, bir-riskju li telimina kull kompetizzjoni min-naħa ta’ dan il-klijent, kienet qiegħda tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223; ara, fir-rigward ta’ rifjut li jingħata servizz, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, Ġabra p. 3261).

321

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ottubru 1988, Volvo (238/87, Ġabra p. 6211), il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ domanda preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, ġiet mistoqsija dwar il-kwistjoni jekk ir-rifjut min-naħa ta’ manifattur ta’ vetturi, proprjetarju ta’ dritt ta’ disinn fir-rigward ta’ panels ta’ body ta’ vettura, li jagħti lil terzi liċenzja għall-provvista ta’ prodotti li jinkorporaw id-disinn protett kellux jiġi kkunsidrat bħala abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-fakultà tal-proprjetarju ta’ disinn protett li jipprekludi lil terzi milli jimmanifatturaw u jbiegħu jew jimportaw, mingħajr il-kunsens tiegħu, prodotti li jinkorporaw id-disinn protett tikkostitwixxi s-sustanza stess tad-dritt esklużiv tiegħu. Hija kkonkludiet (punt 8) li “obbligu impost fuq il-proprjetarju tad-disinn protett li jagħti lil terzi, anki bil-ħlas ta’ drittijiet raġonevoli, liċenzja għall-provvista ta’ prodotti li jinkorporaw id-disinn iwassal sabiex dan il-proprjetarju jiġi mċaħħad mis-sutanza tad-dritt esklużiv tiegħu, u li r-rifjut li tingħata tali liċenzja ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv għall-proprjetarju ta’ disinn fir-rigward ta’ panels ta’ body ta’ vettura [seta’] jiġi pprojbit mill-Artikolu [82 KE] jekk iwassal, min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, għal ċertu aġir abbużiv, bħalma huwa r-rifjut arbitrarju li jingħataw spare parts lil tellara indipendenti, l-iffissar tal-prezzijiet ta’ l-ispare parts f’livell inġust jew id-deċiżjoni li ma jibqgħux jiġu prodotti spare parts għal mudell partikolari minkejja li numru kbir ta’ vetturi ta’ dan il-mudell [ikunu] għadhom fit-triq, dejjem sakemm dan l-aġir [kien] kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri” (punt 9).

322

Fis-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appell, kienet ukoll adita sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tar-rifjut, min-naħa ta’ impriża dominanti, li tagħti liċenzja lil terzi fir-rigward ta’ l-użu ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Is-suġġett tal-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet deċiżjoni tal-Kummissjoni fejn din ta’ l-aħħar ikkunsidrat li tliet kumpanniji ta’ xandir televiżiv kienu abbużaw il-pożizzjonijiet dominanti tagħhom fis-suq irrappreżentat mill-kompilazzjonijiet ta’ programmi ta’ kull ġimgħa rispettivi tagħhom u fis-suq tal-gwidi tat-televiżjoni fejn kienu jiġu ppubblikati dawn il-kompilazzjonijiet billi invokaw id-dritt ta’ awtur tagħhom fuq dawn il-kompilazzjonijiet sabiex jipprekludu lil terzi milli jippubblikaw gwidi ta’ kull ġimgħa komprensivi dwar il-programmi tad-diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet ordnat lil dawn il-kumpanniji ta’ xandir televiżiv jipprovdu lil xulxin u lil terzi, fuq talba u mingħajr diskriminazzjoni, il-programmi tax-xandiriet ta’ kull ġimgħa tagħhom li jkunu stabbiliti bil-quddiem u sabiex jippermettu r-riproduzzjoni ta’ dawn il-programmi minn dawn il-persuni terzi. Hija ppreċiżat b’mod partikolari li d-drittijiet mitluba minn dawn il-kumpanniji, fl-eventwalità li jiddeċiedu li jipprovdu u jippermettu r-riproduzzjoni ta’ dawn il-programmi permezz ta’ liċenzja, kellhom ikunu ta’ ammont raġonevoli.

323

Fis-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq (punt 49), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Volvo, iċċitata fil-punt 321 iktar ’il fuq, iddikjarat li “d-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni [jagħmel] parti mill-prerogattivi ta’ l-awtur b’tali mod li rifjut li tingħata liċenzja, anki jekk ikun min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, abbuż ta’ pożizzjoni dominanti”. Dejjem filwaqt li tirreferi għas-sentenza Volvo, iċċitata fil-punt 321 iktar ’il fuq, hija ppreċiżat, madankollu, li “l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mill-proprjetarju [seta’], f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jagħti lok għal aġir abbużiv” (punt 50).

324

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi segwenti kienu rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ l-aġir akkużati bih il-kumpanniji ta’ xandir televiżiv in kwistjoni. Fl-ewwel lok, ir-rifjut akkużati bih dawn il-kumpanniji kien jikkonċerna prodott, jiġifieri l-kompilazzjonijiet ta’ programmi ta’ kull ġimgħa ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni, li l-provvista tiegħu kienet indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ l-attività in kwistjoni, jiġifieri l-pubblikazzjoni ta’ gwida komprensiva ta’ kull ġimgħa dwar il-programmi fuq it-televiżjoni (punt 53). Fit-tieni lok, dan ir-rifjut kien jimpedixxi l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid, jiġifieri gwida komprensiva ta’ kull ġimgħa dwar il-programmi fuq it-televiżjoni, li l-kumpanniji ta’ xandir televiżiv ma kinux joffru u li għalih kienet teżisti domanda potenzjali min-naħa tal-konsumaturi, sitwazzjoni li tikkostitwixxi abbuż fis-sens ta’ l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE (punt 54). Fit-tielet lok, l-imsemmi rifjut ma kienx ġustifikat (punt 55). Fl-aħħar, fir-raba’ lok, permezz ta’ l-aġir tagħhom, dawn il-kumpanniji ta’ xandir televiżiv irriżervaw għalihom suq derivat, dak tal-gwidi ta’ kull ġimgħa tat-televiżjoni, billi eskludew kull kompetitur minn dan is-suq (punt 56).

325

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bronner, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ domanda preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, ġiet mitluba tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk il-fatt li grupp ta’ l-istampa li kellu sehem kbir ħafna mis-suq Awstrijak tal-gazzetti ta’ kuljum u li kien jopera l-unika sistema ta’ kunsinna fid-djar ta’ gazzetti fuq il-livell nazzjonali li kienet teżisti fl-Awstrija, jirrifjuta li, bi ħlas adegwat, jagħti aċċess għal din is-sistema lill-editur ta’ gazzetta ta’ kuljum kompetitriċi, jew li jagħti tali aċċess bil-kundizzjoni li dan l-editur jixtri mingħand il-grupp ċerti servizzi addizzjonali, jikkostitwixxix abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li tmur kontra l-Artikolu 82 KE.

326

F’dik is-sentenza (punt 38), il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett osservat li, għalkemm fis-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni u fis-sentenza CBEM, iċċitati fil-punt 320 iktar ’il fuq, hija kienet ikkunsidrat bħala abbużiv il-fatt li impriża li għandha pożizzjoni dominanti f’suq partikolari tirrifjuta li tipprovdi lil impriża li tikkompeti magħha f’suq viċin il-materja prima u s-servizzi indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ din l-impriża, rispettivament, hija kienet għamlet dan safejn l-aġir in kwistjoni kien ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni min-naħa ta’ din l-impriża.

327

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat (punt 39) li, fil-punti 49 u 50 tas-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, hija kienet ikkonfermat li r-rifjut ta’ liċenzja, min-naħa tal-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, anki meta dan ir-rifjut ikun ġej minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, iżda l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mill-proprjetarju seta’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jagħti lok għal aġir abbużiv.

328

Fl-aħħar nett, hija fakkret iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li hija kienet adottat fis-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, u qalet li (punt 41):

“[A]nki jekk jitqies li din il-ġuriprudenza dwar l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali hija applikabbli għall-eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà kwalunkwe, sabiex [dik] is-sentenza […] tkun tista’ tiġi invokata effettivament in sostenn ta’ talba għall-konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ abbuż fis-sens ta’ l-Artikolu [82 KE] f’sitwazzjoni bħal dik li hija s-suġġett tad-[…] domanda preliminari, xorta waħda jibqa’ meħtieġ li r-rifjut li jingħata s-servizz tal-kunsinna fid-djar ikun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq tal-gazzetti ta’ kuljum min-naħa ta’ min jitlob is-servizz u ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat oġġettivament, kif ukoll li s-servizz fih innifsu jkun indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ min jitlob is-servizz, fis-sens li ma tkun teżisti ebda alternattiva reali jew potenzjali għall-imsemmija sistema ta’ kunsinna fid-djar.”

329

Fis-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet mill-ġdid dwar il-kundizzjonijiet li fihom ir-rifjut min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħti lil terzi liċenzja fir-rigward ta’ l-użu ta’ prodott protett bi dritt ta’ proprjetà intellettwali seta’ jikkostitwixxi aġir abbużiv fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE.

330

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Volvo, iċċitata fil-punt 321 iktar ’il fuq, u għas-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, reġgħet affermat li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni li jagħmel parti mill-prerogattivi tal-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali b’tali mod li rifjut ta’ liċenzja, anki jekk dan ir-rifjut ikun ġej minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Hija osservat ukoll (punt 35) li minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mill-proprjetarju seta’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jagħti lok għal aġir abbużiv. It-tieni nett, wara li fakkret iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali kkunsidrati fis-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat (punt 38) li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex ir-rifjut ta’ impriża proprjetarjà ta’ dritt ta’ awtur li tagħti aċċess għal prodott jew għal servizz indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività partikolari jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala abbużiv, huwa biżżejjed li jkunu ssodisfati tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li dan ir-rifjut jimpedixxi l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid li għalih teżisti domanda potenzjali mill-konsumaturi, li dan ir-rifjut ma jkunx ġustifikat u li dan ir-rifjut ikun ta’ natura li jeskludi kull kompetizzjoni f’suq derivat.

331

Mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li impriża f’pożizzjoni dominanti tirrifjuta li tagħti lil terzi liċenzja għall-użu ta’ prodott kopert bi dritt ta’ proprjetà intellettwali ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE. Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mill-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali jista’ jagħti lok għal tali abbuż.

332

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ċ-ċirkustanzi segwenti għandhom, b’mod partikolari, jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi eċċezzjonali:

fl-ewwel lok, ir-rifjut jikkonċerna prodott jew servizz indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività partikolari f’suq viċin;

fit-tieni lok, ir-rifjut huwa ta’ natura li jeskludi kull kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq viċin;

fit-tielet lok, ir-rifjut jimpedixxi l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid li għalih teżisti domanda potenzjali mill-konsumaturi.

333

Meta jiġi stabbilit li tali ċirkustanzi huma preżenti, ir-rifjut min-naħa tal-proprjetarju f’pożizzjoni dominanti li jagħti liċenzja jista’ jammonta għal ksur ta’ l-Artikolu 82 KE sakemm dan ir-rifjut ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

334

Għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanza li r-rifjut jimpedixxi l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid li għalih teżista domanda potenzjali mill-konsumaturi tinsab biss fil-ġurisprudenza dwar l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

335

Fl-aħħar, għandu jingħad ukoll li, sabiex rifjut li jingħata aċċess għal prodott jew għal servizz indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività partikolari jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala abbużiv, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġt iswieq, jiġifieri, minn naħa, suq ikkostitwit mill-imsemmi prodott jew mill-imsemmi servizz u li fih l-impriża li tirrifjuta jkollha pożizzjoni dominanti u, min-naħa l-oħra, suq viċin li fih il-prodott jew is-servizz in kwistjoni jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodott ieħor jew għall-provvista ta’ servizz ieħor. Għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-prodott jew is-servizz indispensabbli mhumiex ikkummerċjalizzati b’mod separat ma jeskludix a priori l-possibbiltà li jiġi identifikat suq distint (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, punt 43). B’hekk, fil-punt 44 tas-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kien biżżejjed li suq potenzjali, jekk mhux ukoll ipotetiku, seta’ jiġi identifikat u li dan ikun il-każ meta l-prodotti jew is-servizzi jkunu indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività partikolari u meta tkun teżisti, fir-rigward tagħhom, domanda effettiva min-naħa ta’ impriżi li jkollhom l-intenzjoni jeżerċitaw din l-attività. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punti segwenti tas-sentenza tagħha, li kien determinanti l-fatt li setgħu jiġu identifikati żewġ stadji ta’ produzzjoni differenti li kienu marbuta minħabba li l-prodott fl-ewwel stadju kien indispensabbli għall-provvista tal-prodott fit-tieni stadju.

336

Fid-dawl tal-fatturi preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li qabel kollox għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi identifikati fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, kif esposti fil-punti 332 u 333 iktar ’il fuq, humiex preżenti anki f’din il-kawża. Huwa biss fl-eventwalità li tikkonstata li waħda jew diversi minn dawn iċ-ċirkustanzi m’humiex preżenti f’din il-kawża li l-Qorti tal-Prim’Istanza ser tevalwa, sussegwentament, iċ-ċirkustanzi partikolari invokati mill-Kummissjoni (ara l-punt 317 iktar ’il fuq).

ii) Fuq in-natura indispensabbli ta’ l-informazzjoni marbuta ma’ l-interoperabbiltà

L-argumenti tal-partijiet

337

Microsoft issostni li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà identifikata mid-deċiżjoni kkontestata mhijiex indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ fornitur ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Hija ssostni li teknoloġija partikolari ma tistax tiġi kklassifikata bħala indispensabbli jekk, mingħajr ma jkollhom aċċess għaliha, ikun “ekonomikament vijabbli” għall-kompetituri ta’ l-impriża f’pożizzjoni dominanti li jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom.

338

Microsoft tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata fiha żball ta’ liġi u żball ta’ fatt fuq dan il-punt.

339

Fl-ewwel lok, fir-rigward taż-żball ta’ liġi, Microsoft issostni li dan l-iżball jinsab fil-fatt li l-Kummissjoni użat kriterju inadegwat, straordinarju u assolut sabiex “tevalwa jekk il-kompetizzjoni setgħatx teżisti”. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet 176 sa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni li din id-deċiżjoni tqis li s-sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri ta’ Microsoft għandhom ikunu f’pożizzjoni li jikkomunikaw mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers eżattament bl-istess mod bħalma jagħmlu s-sistemi operattivi Windows għal servers. Issa, il-ġurisprudenza ma teżiġix li jingħata tali “aċċess ottimu” għas-suq.

340

Fir-replika, Microsoft tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni evalwat il-livell ta’ interoperabbiltà meħtieġ fid-dawl ta’ dak li kien meħtieġ sabiex il-kompetituri tagħha jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli. Hija tallega li l-kunċett ta’ interoperabbiltà użat mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 666 sa 687 tad-deċiżjoni kkontestata huwa irraġonevoli minħabba li jimplika “kważi identiċità” bejn is-sistemi operattivi Windows għal servers u s-sistemi operattivi tal-kompetituri. Filwaqt li tagħmel riferiment għas-siltiet mill-kunsiderazzjonijiet 669 u 679 tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punt 126 iktar ’il fuq, hija targumenta li, jekk jiġi adottat tali kunċett, “kull teknoloġija tkun indispensabbli”. Microsoft iżżid li l-unika ġustifikazzjoni mogħtija, fid-deċiżjoni kkontestata, in sostenn tal-fehma li tali “livell” ta’ interoperabbiltà huwa indispensabbli sabiex il-kompetituri jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq f’kundizzjonijiet vijabbli hija marbuta mal-fatt li l-aċċess għall-ispeċifikazzjonijiet in kwistjoni seta’ jippermetti lil dawn il-kompetituri jevitaw li l-utenti jkollhom “jidentifikaw ruħhom darbtejn” (kunsiderazzjoni 183 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkunsidra li tali ġustifikazzjoni hija inadegwata minħabba li, l-ewwel nett, diversi bejjiegħa diġà jipprovdu soluzzjonijiet b’“identifikazzjoni unika”, it-tieni nett, il-fatt li l-utent ikollu jidentifika ruħu darbtejn huwa b’mod ċar soluzzjoni alternattiva (anki jekk hija alternattiva ftit anqas vantaġġuża) u, it-tielet nett, il-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata tmur sostanzjalment lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema minuri.

341

Fir-replika wkoll, Microsoft, wara li tirreferi għall-argumenti riprodotti fil-punti 125 sa 128 iktar ’il fuq u wara li tirrepeti li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lill-kompetituri tagħha jiżviluppaw prodotti “kważi identiċi” għas-sistemi operattivi Windows għal servers, tallega li l-Kummissjoni baqgħet ma pprovatx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-“nuqqas ta’ disponibbiltà” ta’ speċifikazzjonijiet għall-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha u l-fatt li l-kompetituri tagħha allegatament mhumiex f’pożizzjoni li jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli.

342

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent, Microsoft tikkontesta li l-operaturi fis-suq u l-konsumaturi jeżiġu “perfect substitutability” u tafferma li tali rekwiżit imur sostanzjalment lil hinn mill-“kriterju tan-natura indispensabbli” identifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Bronner, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, u IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq. Hija tindika, b’mod partikolari, li l-kompetituri tagħha “m’għandhomx bżonn l-Active Directory” peress li s-sistemi operattivi tagħhom għal servers għandhom is-servizzi ta’ direttorji tagħhom stess li jistgħu jipprovdu servizzi ta’ work group lis-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers.

343

Fit-tieni lok, Microsoft tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ fatt safejn il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li diversi sistemi operattivi għal servers ta’ work group huma preżenti fis-suq. Hija tallega li l-impriżi fl-Ewropa għadhom iħaddmu netwerks ta’ l-informatika eteroġeni, jiġifieri netwerks li jkollhom sistemi operattivi ta’ diversi distributuri.

344

F’dan ir-rigward Microsoft tfakkar li, matul il-proċedura amministrattiva, hija ppreżentat rapporti fejn esperti fl-informatika jiddeskrivu “l-metodi sabiex tiġi assigurata interoperabbiltà fi ħdan netwerks ta’ l-informatika”. Hija żżid li r-risposti għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni jikkonfermaw li l-interoperabbiltà bejn tipi differenti ta’ sistemi operattivi hija komuni f’netwerks ta’ l-informatika fl-Ewropa. F’dan is-sens, 47 % tal-kumpanniji li wieġbu għal dawn it-talbiet għal informazzjoni indikaw li huma kienu jużaw sistemi operattivi għal servers ta’ kompetituri ta’ Microsoft sabiex jipprovdu servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers lil sistemi operattivi Windows għal client PCs. Provi simili jeżistu fir-rigward tas-servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti. Barra minn hekk, Microsoft ittenni li mir-rapporti Mercer jirriżulta li l-impriżi ma jħossuhomx limitati minn kunsiderazzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-għażla tagħhom ta’ sistemi operattivi għal servers.

345

Microsoft tallega wkoll li l-interoperabbiltà bejn is-sistemi operattivi għal servers ta’ kompetituri u s-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers tista’ tinkiseb permezz ta’ ħames metodi differenti. Kull wieħed minn dawn il-metodi jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, alternattiva għall-iżvelar tal-protokolli ta’ komunikazzjoni in kwistjoni u jippermetti lil dawn is-sistemi operattivi differenti “jiffunzjonaw tajjeb flimkien”. Microsoft issostni li, għalkemm huwa veru li l-“perfect substitutability” — li l-Kummissjoni tikkunsidra essenzjali — ma tistax tinkiseb billi jintużaw dawn id-diversi metodi, dawn il-metodi jippermettu, madankollu, li jintlaħaq faċilment il-“livell minimu ta’ interoperabbiltà […] meħtieġ sabiex tiġi assigurata kompetizzjoni effettiva”.

346

Il-ħames metodi invokati minn Microsoft huma s-segwenti: l-ewwel nett, l-użu ta’ protokolli ta’ komunikazzjoni standard bħalma huma l-protokolli TCP/IP (Transmission Control Protocol/Internet Protocol) u HTTP (Hyper Text Transfer Protocol); it-tieni nett, iż-żieda ta’ kodiċi ta’ softwer ma’ sistema operattiva Windows għal client PCs jew għal servers sabiex din is-sistema tkun tista’ tikkomunika ma’ sistema operattiva għal servers ta’ kompetitur billi tuża protokolli ta’ komunikazzjoni speċifiċi għal din is-sistema operattiva ta’ l-aħħar; it-tielet nett, iż-żieda ta’ kodiċi ta’ softwer ma’ sistema operattiva għal servers ta’ kompetitur sabiex din is-sistema tkun tista’ tikkomunika ma’ sistema operattiva Windows għal client PCs jew għal servers billi tuża l-protokolli ta’ komunikazzjoni speċifiċi għas-sistemi operattivi Windows; ir-raba’ nett, l-użu ta’ sistema operattiva għal servers bħala “pont” bejn żewġ settijiet differenti ta’ protokolli ta’ komunikazzjoni; il-ħames nett, iż-żieda ta’ “blokk” ta’ kodiċi ta’ softwer mas-sistemi operattivi kollha għal client PCs u għal servers ta’ netwerk b’tali mod li tkun tista’ tiġi assigurata interoperabbiltà permezz ta’ komunikazzjonijiet bejn id-diversi blokkijiet ta’ kodiċi ta’ softwer. F’dan l-istess kuntest, Microsoft tilmenta li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma pprovatx li l-inġinerija b’lura tal-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha kienet “teknikament jew ekonomikament impossibbli”.

347

Microsoft iżżid li mill-provi miġbura mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li l-metodi msemmija iktar ’il fuq jaħdmu, fil-prattika, għall-prodotti Linux u għas-sistemi operattivi l-oħra għal servers ta’ work group. Hija tenfasizza li l-edituri ta’ prodotti Linux kontinwament akkwistaw ishma tas-suq fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, u dan mingħajr ma kellhom aċċess għall-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha. Filwaqt li tagħmel riferiment għat-taqsimiet D u E ta’ rapport imħejji mis-Sinjuri Evans, Nichols u Padilla (anness C.11 tar-replika), hija żżid li dawn il-prodotti ser jibqgħu javvanzaw għad-detriment tas-sistemi operattivi Windows għal servers. Hija tippreċiża wkoll li huwa ġeneralment rikonoxxut li Linux tikkostitwixxi kompetitriċi serja għal Microsoft u li l-akbar għaxar fornituri ta’ servers li jiswew anqas minn 25000 dollaru Amerikan (USD) jipproponu servers ta’ work group li jużaw Linux.

348

CompTIA u ACT iressqu argumenti li essenzjalment huma l-istess bħal dawk invokati minn Microsoft.

349

CompTIA tikkritika b’mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group kompetituri għandhom jilħqu livell ta’ interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs li jkun “tajjeb daqs dak milħuq minn Microsoft stess”.

350

Filwaqt li tagħmel riferiment għall-argumenti li Microsoft żviluppat fuq dan il-punt fl-atti tagħha, ACT tallega li jeżistu diversi metodi li jippermettu li tiġi assigurata interoperabbiltà suffiċjenti bejn is-sistemi operattivi ta’ diversi fornituri. Barra minn hekk, hija tibża’ li l-mod kif il-Kummissjoni tinterpreta l-kriterju tan-natura indispensabbli jista’ jkollu effetti negattivi fuq l-innovazzjoni.

351

Il-Kummissjoni tallega li l-iżvelar, minn Microsoft, ta’ informazzjoni dwar l-interoperabbiltà lill-kompetituri tagħha huwa indispensabbli sabiex dawn ikunu jistgħu jibqgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

352

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-allegat żball ta’ liġi, il-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjonijiet ta’ Microsoft huma bbażati fuq preżentazzjoni ineżatta tal-pożizzjoni tagħha u fuq konfużjoni bejn diversi kwistjonijiet analizzati fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tispjega li l-kriterju tan-natura indispensabbli jeżiġi li jiġi eżaminat, minn naħa, liema huwa l-livell ta’ interoperabbiltà meħtieġ sabiex kompetitur jibqa’ fis-suq b’mod vijabbli u, min-naħa l-oħra, jekk l-informazzjoni li għaliha ġie rrifjutat l-aċċess tikkostitwixxix l-unika sors ekonomikament vijabbli sabiex jintlaħaq dan il-livell ta’ interoperabbiltà.

353

Wara li enfasizzat li l-informazzjoni li Microsoft tirrifjuta li tiżvela hija “marbuta mill-aspett funzjonali mal-client PCs”, il-Kummissjoni tippreċiża li n-natura indispensabbli ta’ din l-informazzjoni tirriżulta, minn naħa, mill-importanza ta’ l-interoperabbiltà mal-client PCs għas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 383 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, mill-kważi monopolju li Microsoft tgawdi fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs.

354

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li hija analizzat il-kriterju tan-natura indispensabbli, kif definit fil-ġurisprudenza, fil-kunsiderazzjonijiet 666 sa 686 tad-deċiżjoni kkontestata u li hija b’mod partikolari eżaminat jekk kinux jeżistu soluzzjonijiet oħra minbarra l-iżvelar ta’ l-informazzjoni in kwistjoni sabiex l-impriżi kompetituri ta’ Microsoft ikunu jistgħu jibqgħu fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group b’mod vijabbli.

355

Skond il-Kummissjoni, Microsoft tqis li s-sempliċi fatt li jeżistu soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li mhumiex effiċjenti, li jippermettu biss lill-kompetituri tagħha li jiksbu penetrazzjoni de minimis tas-suq jew li jipproteġu l-pożizzjonijiet de minimis tagħhom f’dan is-suq, juri li l-kriterju tan-natura indispensabbli mhuwiex issodisfat. Tali argument ma jistax jintlaqa’ peress li dan il-kriterju għandu jiġi evalwat in konformità ma’ l-obbjettiv li tinżamm struttura kompetittiva effettiva li minnha jibbenefikaw il-konsumaturi. Fil-fatt, il-kwistjoni hija jekk l-informazzjoni li ġie rrifjutat l-iżvelar tagħha hijiex indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività fis-suq in kwistjoni, u dan “bħala kompetitur vijabbli u mhux bħala operatur de minimis li effettivament ikun abbanduna s-suq sabiex jokkupa ‘niche’”.

356

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tippreċiża li t-teżi tagħha hija li impriża dominanti m’għandhiex id-dritt li tikkomprometti l-kompetizzjoni effettiva f’suq derivat billi b’mod abbużiv tirrifjuta lill-kompetituri tagħha aċċess għal “input” neċessarju għall-vijabbiltà tagħhom. Hija żżid li, jekk ma tkun teżisti ebda soluzzjoni alternattiva għall-“input” irrifjutat, li tkun tista’ tippermetti lill-kompetituri jeżerċitaw pressjoni kompetittiva effettiva fuq l-impriża dominanti fis-suq derivat, ikun evidenti li l-imsemmi “input” huwa indispensabbli għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva.

357

Fil-kontroreplika wkoll, il-Kummissjoni ttenni li teżisti sensiela sħiħa ta’ livelli ta’ interoperabbiltà possibbli bejn il-PCs li joperaw bil-Windows u s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Hija tallega li hija ma stabbilixxitx a priori livell partikolari ta’ interoperabbiltà indispensabbli għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq iżda li hija bbażat il-konklużjonijiet tagħha dwar dan is-suġġett fuq in-natura manifestament insuffiċjenti tal-metodi alternattivi li diġà kienu għad-dispożizzjoni tal-kompetituri ta’ Microsoft u li “ma kinux jipprovdu l-livell ta’ interoperabbiltà meħtieġ mill-klijenti b’mod ekonomikament vijabbli”. Hija tikkontesta mill-ġdid li ħadet in kunsiderazzjoni livell ta’ interoperabbiltà li jilħaq il-“kważi identiċità” invokata minn Microsoft u tindika li hija tqis li dak li huwa indispensabbli mhuwiex li l-kompetituri ta’ Microsoft ikunu awtorizzati sabiex jirriproduċu s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà implementati minn din ta’ l-aħħar iżda li dawn ikunu f’pożizzjoni li jilħqu “livell ta’ interoperabbiltà ekwivalenti permezz ta’ l-isforzi ta’ innovazzjoni tagħhom stess”. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tindika li huwa fil-kunsiderazzjonijiet 590 sa 692 tad-deċiżjoni kkontestata li hija teżamina l-“konsegwenzi gravi” tal-livell limitat ta’ interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs fuq il-kompetituri u l-klijenti. Hija tippreċiża, b’mod partikolari, li l-aġir akkużata bih Microsoft għandu l-effett li progressivament jelimina l-kompetituri kollha tagħha mis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, u dan minkejja li wħud minnhom oriġinarjament kellhom vantaġġ kummerċjali sostanzjali fuq dan is-suq meta mqabbla ma’ Microsoft (kunsiderazzjonijiet 587 u 668 tad-deċiżjoni kkontestata).

358

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet dwar l-allegat żball ta’ fatt.

359

L-ewwel nett, hija ssostni li ma ġiex ipprovat li s-soluzzjonijiet proposti mill-esperti fl-informatika fir-rapporti ppreżentati minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva jikkostitwixxu alternattivi kummerċjalment vijabbli għall-iżvelar ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà.

360

It-tieni nett, l-argument li Microsoft tibbaża fuq ir-risposti għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex rilevanti safejn “ifisser li l-interoperabbiltà ma’ l-operaturi ż-żgħar hija biżżejjed, jew li diġà teżisti ċerta interoperabbiltà”. Fir-realtà, Microsoft ma tieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-kompetituri tagħha daħlu fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group qabel ma hija bdiet tiddistribwixxi dan it-tip ta’ prodotti. Il-fatt li l-informazzjoni in kwistjoni hija indispensabbli sabiex il-kompetituri tagħha jkunu jistgħu jkomplu jippreżentaw sfida kompetittiva vijabbli għall-prodotti ta’ Microsoft jimplika eliminazzjoni progressiva ta’ dawn il-kompetituri. Il-fatt li din l-eliminazzjoni għadha mhix kompleta ma jfissirx li l-kriterju tan-natura indispensabbli mhuwiex issodisfat peress li dak li huwa importanti huwa jekk l-informazzjoni hijiex indispensabbli sabiex il-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq tinżamm vijabbli.

361

It-tielet nett, fir-rigward tal-ħames metodi alternattivi, invokati minn Microsoft, li jippermettu li tiġi assigurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi operattivi ta’ distributuri differenti, il-Kummissjoni tosserva li Microsoft ma tikkontestax li l-konstatazzjonijiet magħmula dwar dan is-suġġett fid-deċiżjoni kkontestata iżda sempliċement issostni li dawn il-metodi huma “possibbli” u li jippermettu lill-prodotti tagħha u lill-prodotti tal-kompetituri tagħha “jiffunzjonaw tajjeb flimkien”.

362

Il-Kummissjoni tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija diġà eżaminat dawn il-metodi u, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk l-inġinerija b’lura setgħatx tikkostitwixxi alternattiva għall-iżvelar ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà (kunsiderazzjonijiet 683 sa 687 tad-deċiżjoni kkontestata) u pprovat li dawn il-metodi mhumiex “alternattivi vijabbli” għall-iżvelar ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà in kwistjoni.

363

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata hija kontradetta mid-dħul u mill-allegat progress ta’ Linux fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

364

Hija tippreċiża, fl-ewwel lok, li l-figuri fir-rigward ta’ Linux “ma [jirriflettux] il-penetrazzjoni tas-suq minn operatur wieħed iżda pjuttost l-isforzi ta’ ċertu numru ta’ edituri kompetituri li jaħdmu abbażi ta’ Linux (Red Hat, Novel/SuSE, IBM, Sun, etc.)”. Is-sehem tas-suq rispettiv ta’ dawn l-edituri kompetituri huwa, għaldaqstant, “żgħir ħafna”.

365

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjonijiet li jinsabu fit-taqsima D tar-rapport tas-Sinjuri Evans, Nichols u Padilla li jinsab fl-anness C.11 tar-replika, filwaqt li ssostni li:

kif ġie espost b’mod partikolari fil-kunsiderazzjonijiet 487 sa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, id-data maħruġa mill-International Data Corporation (IDC) li intużat minn dawn l-esperti sabiex ippreparaw dan ir-rapport hija approssimattiva u għaldaqstant, fiha nfisha, mhijiex adegwata sabiex tiġi evalwata l-evoluzzjoni tas-suq;

dan “japplika a fortiori għall-bidliet annwali pjuttost marġinali fid-dawl tad-dimensjoni globali tas-suq”;

m’hemm ebda prova li s-sehem tas-suq ta’ 6,75 % li Linux tgawdi f’termini ta’ unitajiet mibjugħa, ikkalkulat minn Microsoft permezz ta’ fattur ta’ estrapolazzjoni li jikkonċerna s-servers kollha, japplika għas-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group;

iż-żewġ eżempji ta’ risposti għall-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 invokati mill-esperti sabiex juru li huwa possibbli li jiġu użati, fir-rigward ta’ Linux, soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà bbażati fuq it-teknika ta’ l-inġinerija b’lura mhumiex rappreżentattivi safejn l-entitajiet in kwistjoni huma tnejn mit-tliet entitajiet biss li, minn total ta’ iktar minn 100 li pparteċipaw f’din l-investigazzjoni tas-suq, “kienu jużaw Linux/Samba b’mod mhux negliġibbli”;

l-esperti ma jipprovdu ebda informazzjoni dwar il-mod kif l-erba’ metodi l-oħra invokati minn Microsoft bħala li jippermettu li tiġi assigurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi operattivi ta’ distributuri differenti setgħu ppermettew l-allegat progress ta’ Linux fis-suq matul il-perijodu li matulu ġie kkonstatat l-abbuż dwar ir-rifjut li tingħata informazzjoni.

366

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkritika l-konstatazzjonijiet magħmula fit-taqsima E ta’ l-istess rapport. Hija ssostni dan li ġej:

hija diġà warrbet, fil-kunsiderazzjonijiet 605 sa 610 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti ta’ Microsoft ibbażati fuq il-previżjonijiet ta’ l-IDC u fuq ir-riżultati tat-tielet stħarriġ imwettaq minn Mercer;

l-IDC għandha tendenza li tesaġera l-previżjonijiet ta’ l-ishma tas-suq ta’ Linux fir-rigward tal-kategoriji sekondarji “amministrazzjoni ta’ netwerk” u “użu komuni ta’ fajls/printers”;

il-“migrazzjoni” tas-sistema operattiva Windows NT lejn is-sistema operattiva Linux imsemmija fir-rapport tat-8 ta’ Marzu 2004 ta’ Merrill Lynch (anness 7 ta’ l-anness C.11 tar-replika) aktarx tkun fenomenu ta’ darba peress li l-Windows NT hija “prodott antikwat li fir-rigward tiegħu Microsoft m’għadhiex toffri support”;

ir-rapport tal-25 ta’ Mejju 2004 tal-Yankee Group (anness 9 ta’ l-anness C.11 tar-replika) jikkonċerna s-sistemi operattivi għal servers in ġenerali, u mhux is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, u għalhekk fil-parti l-kbira tiegħu mhuwiex rilevanti għal din il-kawża;

ir-rapport tas-27 ta’ Mejju 2004 ta’ Forrester Research (anness 10 ta’ l-anness C.11 tar-replika) ma jikkonċernax prinċipalment is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group u fih konstatazzjonijiet li jmorru kontra t-teżi difiża minn Microsoft, b’mod partikolari t-teżi li 92 % tal-persuni mistħarrġa ser jużaw l-Active Directory fl-2006.

367

SIIA essenzjalment issostni l-istess argumenti bħal dawk tal-Kummissjoni. Hija tenfasizza li huwa essenzjali għall-kompetizzjoni abbażi tal-mertu fis-settur tas-softwer li l-fornituri ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work ikunu f’pożizzjoni li jilħqu l-interoperabbiltà mal-prodotti kważi monopolistiċi ta’ Microsoft “fuq bażi ugwali” għal din ta’ l-aħħar. Hija tallega li, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw kompetizzjoni effettiva fis-suq, huwa indispensabbli li dawn il-fornituri jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà in kwistjoni.

368

FSFE tiċħad l-argumenti ta’ Microsoft ibbażati fuq l-eżistenza ta’ ħames metodi alternattivi li jippermettu li tiġi assigurata l-interoperabbiltà. Hija ssostni b’mod partikolari li, “[t]eknikament, dawn il-metodi kollha jiddeskrivu sitwazzjonijiet realistiċi” iżda “jonqoshom element fundamentali: l-awtentikazzjoni”. Hija tispjega, f’dan ir-rigward, li Microsoft implementat “tight coupling” bejn is-sistemi operattivi Windows tagħha għal client PCs u s-“servers ta’ awtentikazzjoni” tagħha stess, b’tali mod li huwa sempliċement impossibbli li l-funzjoni ta’ awtentikazzjoni tiġi separata mill-funzjonijiet l-oħra eżegwiti mis-servers ta’ work group li joperaw bil-Windows.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

369

Kif diġà ġie indikat fil-punt 207 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni adottat raġunament maqsum f’żewġt istadji sabiex tiddetermina jekk l-informazzjoni in kwistjoni kinitx indispensabbli, fis-sens li l-ewwel hija eżaminat liema kien il-livell ta’ interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group ipprovduti mill-kompetituri ta’ Microsoft kellhom jilħqu sabiex dawn il-kompetituri jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli u mbagħad hija evalwat jekk l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li Microsoft irrifjutat li tiżvela kinitx indispensabbli sabiex jintlaħaq dan il-livell ta’ interoperabbiltà.

370

Microsoft tallega li dan ir-raġunament huwa żbaljat fid-dritt u fil-fatt.

— Fuq l-allegat żball ta’ liġi

371

L-argumenti ta’ Microsoft dwar l-allegat żball ta’ liġi imwettaq mill-Kummissjoni jikkonċernaw l-ewwel stadju tar-raġunament tal-Kummissjoni.

372

Microsoft tikkritika, l-ewwel nett, il-livell ta’ interoperabbiltà adottat mill-Kummissjoni f’dan il-każ peress li essenzjalment tikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni effettivament teżiġi li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri tagħha jkunu f’pożizzjoni li jikkomunikaw mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers eżattament bl-istess mod bħalma jagħmlu s-sistemi operattivi Windows għal servers. Hija ttenni li dan il-livell ta’ interoperabbiltà jimplika kważi identiċità bejn dawn is-sistemi ta’ l-aħħar u dawk tal-kompetituri tagħha.

373

Dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

374

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fil-punti 207 sa 245 iktar ’il fuq, diġà ġie ddefinit liema kien il-livell ta’ interoperabbiltà li l-Kummissjoni adottat fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex ikunu jistgħu jikkompetu b’mod vijabbli mas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group, is-sistemi operattivi kompetituri kellhom ikunu f’pożizzjoni li jinteroperaw ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows fuq bażi ugwali bħal dawn is-sistemi Windows (ara l-punt 230 iktar ’il fuq). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li l-interoperabbiltà, kif ġiet interpretata mill-Kummissjoni, għandha żewġ komponenti li ma jistgħux jiġu separati minn xulxin, jiġifieri l-interoperabbiltà bejn client u server u l-interoperabbiltà bejn server u server, u li dan il-kunċett ta’ interoperabbiltà jimplika b’mod partikolari li server li fuqu tkun installata sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ kompetitur ta’ Microsoft ikun jista’ jaġixxi bħala kontrollur ta’ domain fi ħdan domain tal-Windows li juża l-Active Directory u, għaldaqstant, ikun f’pożizzjoni li jipparteċipa fil-mekkaniżmu “multimaster replication” flimkien mal-kontrolluri ta’ domain l-oħra (ara l-punti 231 u 233 iktar ’il fuq).

375

Il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkonstatat ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni Microsoft, il-Kummissjoni, billi adottat tali livell ta’ interoperabbiltà, bl-ebda mod ma teżiġi li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri għandhom jiffunzjonaw minn kull aspett bħal sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group u, għaldaqstant, li l-kompetituri tagħha għandhom ikunu jistgħu jiżviluppaw sistemi operattivi għal servers ta’ work group li jkunu identiċi, jekk mhux “kważi identiċi”, għal dawk ta’ Microsoft (ara l-punti 234 sa 242 iktar ’il fuq).

376

It-tieni nett, Microsoft tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni evalwat il-livell ta’ interoperabbiltà mitlub fid-dawl ta’ dak li, fil-fehma tagħha, kien meħtieġ sabiex l-iżviluppaturi ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group kompetituri jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli.

377

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġa kkonfermat, fil-punt 229 iktar ’il fuq, il-fondatezza tar-raġunament adottat f’dan is-sens mill-Kummissjoni.

378

Fl-aħħar nett, Microsoft issostni li mhuwiex meħtieġ li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri tagħha jilħqu l-livell ta’ interoperabbiltà adottat mill-Kummissjoni sabiex dawn il-kompetituri jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli.

379

Għandu jiġi enfasizzat li l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar din il-kwistjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u li għaldaqstant din l-analiżi tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).

380

Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, Microsoft ma tipprovax li l-imsemmija analiżi hija manifestament żbaljata.

381

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li Microsoft ma tistabbilixxix li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li “l-interoperabbiltà mas-sistema operattiva għal client PCs għandha importanza sinjifikattiva għall-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group” (kunsiderazzjoni 586 tad-deċiżjoni kkontestata) hija manifestament żbaljata.

382

Pjuttost, għall-kuntrarju, diversi elementi jikkonfermaw il-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni.

383

Għalhekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ispjegazzjonijiet tekniċi dwar il-prodotti in kwistjoni li jinsabu fil-kunsiderazzjonijiet 21 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-esperti tal-partijiet matul is-seduta, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, min-natura tagħhom, il-programmi tal-kompjuter ma jiffunzjonawx b’mod iżolat iżda huma maħsuba sabiex jikkomunikaw u jiffunzjonaw ma’ programmi tal-kompjuter oħra u ma’ ħardwer, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ netwerk (ara, ukoll, fil-punt 157 iktar ’il fuq, l-għaxar premessa tad-Direttiva 91/250).

384

Għandu jiġi osservat ukoll li, fi ħdan netwerks ta’ l-informatika installati f’organizzazzjonijiet, il-bżonn li jkunu jistgħu jiffunzjonaw flimkien huwa partikolarment importanti fir-rigward tas-sistemi operattivi għal client PCs, minn naħa, u għas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 383 tad-deċiżjoni kkontestata u kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 161 iktar ’il fuq, is-servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti huma marbuta mill-qrib ma’ l-użu tal-client PCs u jiġu pprovduti lill-utenti ta’ client PCs bħala sett ta’ funzjonijiet marbuta flimkien. Kif spjegaw l-esperti tal-partijiet matul is-seduta, fi ħdan netwerks ta’ l-informatika, ir-relazzjonijiet bejn is-servers ta’ work group, minn naħa, u l-client PCs, min-naħa l-oħra, huma “stimulati” jew “ipprovokati” mill-azzjonijiet jew mit-talbiet li joriġinaw mill-utenti tal-client PCs, bħal per eżempju l-introduzzjoni ta’ isem u ta’ password, il-ħolqien ta’ fajl jew it-talba għal stampar ta’ dokument. Fl-istess sens, il-Kummissjoni ġustament tikkonstata, fil-kunsiderazzjoni 532 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[i]l-client PCs u s-servers ta’ work group jikkostitwixxu ‘nodes’ f’netwerk ta’ l-informatika u […] għaldaqstant huma fiżikament marbuta ma’ xulxin”. Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li waħda mill-funzjonijiet essenzjali tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group hija preċiżament l-amministrazzjoni tal-client PCs.

385

Barra minn hekk, kif inhuwa indikat fil-kunsiderazzjonijiet 383 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti riżultati ta’ l-istħarriġiet imwettqa minn Mercer jikkonfermaw l-importanza ta’ l-interoperabbiltà tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group mas-sistemi operattivi għal client PCs. Minbarra r-riżultati tat-tieni u tat-tielet stħarriġiet ta’ Mercer, li jikkonċernaw b’mod iktar speċifiku l-interoperabbiltà mal-client PCs li joperaw b’sistema operattiva Windows u li ser jiġu eżaminati fil-punti 401 sa 412 iktar ’il quddiem, għandu jiġi osservat li mill-ewwel stħarriġ imwettaq minn Mercer jirriżulta li l-faċilità li biha prodott jista’ jintegra ruħu f’ambjent ta’ l-informatika eżistenti jew previst fil-futur hija waħda mill-fatturi prinċipali li l-persuni responsabbli mill-informatika jieħdu in kunsiderazzjoni meta jieħdu deċiżjonijiet fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ prodotti ta’ l-informatika. Għandu jiġi osservat ukoll li minn paragun ta’ ċerti riżultati ta’ dan l-istħarriġ ta’ l-aħħar ma’ ċerti riżultati tat-tielet stħarriġ ta’ Mercer jirriżulta li l-importanza ta’ l-interoperabbiltà mas-sistemi operattivi għal client PCs hija iktar distinta fil-każ tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group milli fil-każ ta’ tipi oħra ta’ prodotti għal servers (kunsiderazzjoni 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

386

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-interoperabbiltà tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group mas-sistemi operattivi għal client PCs hija iktar u iktar importanti meta dawn ta’ l-aħħar ikunu sistemi Windows.

387

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-pożizzjoni dominanti ta’ Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs tippreżenta, kif indikat il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 429 u 472 tad-deċiżjoni kkontestata, “karatteristiċi straordinarji” fis-sens, b’mod partikolari, li l-ishma tas-suq li Microsoft għandha f’dan is-suq huma ta’ iktar minn 90 % (kunsiderazzjonijiet 430 sa 435 tad-deċiżjoni kkontestata) u li Windows tirrappreżenta l-“istandard de facto” għal dawn is-sistemi operattivi.

388

Peress li għalhekk is-sistema operattiva Windows tinsab fuq kważi l-client PCs kollha installati fi ħdan organizzazzjonijiet, is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ma jistgħux jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati b’mod vijabbli jekk ma jkunux f’pożizzjoni li jilħqu livell għoli ta’ interoperabbiltà magħha.

389

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, skond id-deċiżjoni kkontestata, huwa importanti li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ta’ Microsoft ikunu jistgħu jinteroperaw mhux biss mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs iżda wkoll, b’mod iktar ġenerali, ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows.

390

B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni tqis li, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati b’mod vijabbli, is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-arkitettura ta’ domain tal-Windows — li tikkostitwixxi “arkitettura” ta’ interkonnessjonijiet u ta’ interazzjonijiet, kemm bejn client u server u kemm bejn server u server, li huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin (ara l-punti 179 sa 189 iktar ’il fuq) — fuq bażi ugwali bħas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group. Dan jimplika, b’mod partikolari, li server li fuqu tkun installata sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ kompetitur ta’ Microsoft ikun jista’ jaġixxi bħala kontrollur ta’ domain fi ħdan domain tal-Windows li juża l-Active Directory u, għaldaqstant, ikun kapaċi jipparteċipa fil-mekkaniżmu “multimaster replication” flimkien mal-kontrolluri ta’ domain l-oħra.

391

Għandu jiġi kkonstatat li Microsoft ma pprovatx li din l-evalwazzjoni hija manifestament żbaljata.

392

F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tar-rabtiet teknoloġiċi viċini u pprivileġġati li Microsoft implementat bejn is-sistemi operattivi Windows għal client PCs tagħha, minn naħa, u s-sistemi operattivi tagħha għal servers ta’ work group, min-naħa l-oħra, u tal-fatt li Windows tinsab fuq kważi l-client PCs kollha installati fi ħdan organizzazzjonijiet, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-kunsiderazzjoni 697 tad-deċiżjoni kkontestata, li Microsoft kienet f’pożizzjoni li timponi l-arkitettura ta’ domain tal-Windows bħala l-“istandard de facto fis-settur ta’ l-informatika tan-netwerks ta’ work group” (ara, f’dan l-istess sens, il-kunsiderazzjoni 779 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tindika b’mod partikolari li l-pożizzjoni kważi monopolistika li Microsoft ilha tgawdi għal diversi snin fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs tippermettilha li “tiddetermina b’mod ġenerali, u indipendentement mill-kompetituri tagħha, is-sett ta’ regoli ta’ komunikazzjoni koerenti li jirregolaw l-istandard de facto għall-interoperabbiltà fin-netwerks ta’ work group”).

393

It-tieni nett, kif il-Kummissjoni indikat fil-kunsiderazzjoni 637 tad-deċiżjoni kkontestata, diversi sorsi ta’ informazzjoni, bħalma huma d-dokumentazzjoni kummerċjali ta’ Microsoft stess, ir-rapporti ta’ analisti u elementi miġbura fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 u l-istħarriġiet imwettqa minn Mercer, jistabbilixxu li l-interoperabbiltà ma’ l-ambjent Windows hija fattur li għandu rwol prinċipali fl-adozzjoni tas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group.

394

B’hekk, fil-kunsiderazzjonijiet 638 sa 641 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni diversi elementi li jipprovaw li, fuq il-livell kummerċjali, Microsoft tuża sistematikament l-interoperabbiltà ma’ l-ambjent Windows bħala argument essenzjali fil-bejgħ tas-sistemi operattivi tagħha għal servers ta’ work group. Dawn l-elementi mhumiex ikkontestati minn Microsoft.

395

Bl-istess mod, fil-kunsiderazzjonijiet 642 sa 646 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka ċerti riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 sabiex turi li l-interoperabbiltà ma’ l-ambjent Windows għandha rwol importanti fid-deċiżjonijiet ta’ l-organizzazzjonijiet mistħarrġa fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

396

Għandu jiġi osservat li, fir-rikors, Microsoft sempliċement tallega li l-organizzazzjonijiet ma jagħżlux is-sistemi operattivi għal servers abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ l-interoperabbiltà tagħhom mas-sistemi operattivi Windows, filwaqt li tagħmel riferiment ġenerali għal ċerti dokumenti annessi ma’ l-imsemmi rikors [anness A.12.1 tar-rikors (Matthews, “The Commission’s Case on Microsoft’s Interoperability: An Examination of the Survey Evidence”) u anness A.22 tar-rikors (Evans, Nichols u Padilla, “The Commission Has Failed to Address Major Flaws in the Design, Conduct and Analyses of Its Article 11 Inquiries”)]. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 94 sa 99 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni dawn l-annessi.

397

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-riżultati msemmija iktar ’il fuq ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 jikkonfermaw il-fondatezza tat-teżi tal-Kummissjoni.

398

B’hekk, matul din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari talbet lill-entitajiet mistħarrġa jindikawlha jekk kinux diġà implementaw (jew jekk kinux diġà ddeċidew li jimplementaw) l-Active Directory fil-maġġoranza tad-domains tal-Windows tan-netwerk ta’ l-informatika tagħhoma (mistoqsija numru 15). Hija talbet ukoll lill-entitajiet li wieġbu din id-domanda fl-affermattiv, jiġifieri 61 entità minn 102, jindikaw, minn fost lista ta’ fatturi, liema minnhom kellhom rwol importanti fid-deċiżjoni tagħhom li jadottaw l-Active Directory (mistoqsija numru 16). Issa, minn dawn il-61 entità, 52 (jiġifieri madwar 85,2 %) indikaw, bħala tali fattur, il-fatt li l-“Active Directory joffri integrazzjoni aħjar mal-work stations li joperaw bil-Windows, inklużi l-applikazzjonijiet użati fuq il-client PCs jew integrati fil-client PCs (per eżempju Outlook, Office), mis-servizzi ta’ direttorju kompetituri” jew il-fatt li l-“Active Directory huwa meħtieġ mill-applikazzjonijiet użati fi ħdan l-organizzazzjoni [tagħhom]” (mistoqsija numru 16). Għall-kuntrarju, 17-il entità biss (jiġifieri madwar 27,9 %) indikaw wieħed mill-fatturi segwenti bħala fattur li kien importanti fid-deċiżjoni tagħhom li jadottaw l-Active Directory: l-“Active Directory joffri integrazzjoni aħjar mas-services Web mis-servizzi ta’ direttorju kompetituri”, l-“Active Directory huwa prodott iktar żviluppat mis-servizzi ta’ direttorju kompetituri”, u l-“Active Directory joffri konformità aħjar ma’ l-istandards tas-servizzi ta’ direttorju u kwalità ta’ implementazzjoni aħjar ta’ dawn l-istandards mis-servizzi ta’ direttorju kompetituri”.

399

Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li l-entitajiet li pparteċipaw fl-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 ġew mistħarrġa wkoll fuq il-kwistjoni ta’ jekk kinux jużaw prinċipalment servers li joperaw bil-Windows għall-provvista ta’ servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers (mistoqsija numru 13). Jekk iwieġbu fl-affermattiv, huma kienu mitluba jippreċiżaw jekk ċerti fatturi marbuta ma’ l-interoperabbiltà, indikati fl-istess domanda, kellhomx rwol importanti fid-deċiżjoni tagħhom li jużaw tali servers. Mis-77 entità li wieġbu għal din id-domanda, 58 (jiġifieri madwar 75,3 %) indikaw minn ta’ l-inqas wieħed mill-fatturi in kwistjoni.

400

Għandu jiġi osservat li, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 101 tar-rikors kif ukoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68 tar-replika, Microsoft targumenta, billi tagħmel sempliċi riferiment ġenerali għall-iżviluppi li jinsabu f’ċerti annessi [anness A.22 tar-rikors u taqsima A ta’ l-anness C.13 tar-replika (Evans, Nichols u Padilla, “Response to the Commission’s Annex B.6 Regarding Its Article 11 Inquiries”)], li diversi mistoqsijiet mill-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 kienu “vvizzjati” jew “ippreġudikati”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dan l-argument ma’ jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minbarra l-fatt li tali riferiment globali għall-annessi ma jistax jiġi aċċettati għar-raġunijiet esposti fil-punti 94 sa 99 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Microsoft huwa intrinsikament kontradittorju fis-sens li, fis-siltiet tan-noti tagħha fejn jinsabu n-noti ta’ qiegħ il-paġna in kwistjoni, Microsoft tinvoka preċiżament, in sostenn tat-teżi tagħha stess, ċerti riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003.

401

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega Microsoft, ir-riżultati tat-tieni u tat-tielet stħarriġiet imwettqa minn Mercer iwasslu għall-istess konklużjonijiet bħall-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 fir-rigward ta’ l-importanza għall-konsumaturi ta’ l-interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows.

402

Għalhekk, fil-kuntest tat-tieni stħarriġ tagħha, Mercer, filwaqt li tindika l-istess fatturi marbuta ma’ l-interoperabbiltà bħal dawk indikati fid-domanda numru 13 ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 (ara l-punt 399 iktar ’il fuq), talbet lil numru ta’ persuni responsabbli mill-informatika li l-orgnizzazzjoni tagħhom kienet tuża prinċipalment sistemi operattivi Windows għall-provvista ta’ servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers sabiex jindikaw jekk wieħed jew diversi minn dawn il-fatturi kellhomx rwol importanti fid-deċiżjoni tagħhom li jadottaw dawn is-sistemi operattivi, bl-imsemmija fatturi mogħtija marka fuq skala minn 1 (ftit importanza) sa 5 (importanza kbira). Issa, mill-134 persuna responsabbli mill-informatika kkonċernati, 99 (jiġifieri madwar 73,9 %) indikaw li minn ta’ l-anqas wieħed minn dawn il-fatturi kellu tali rwol. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li 91 persuna responsabbli mill-informatika (jiġifieri madwar 67,9 %) taw marka ta’ 4 jew 5 lil minn ta’ l-inqas wieħed mill-imsemmija fatturi.

403

Fil-kuntest ta’ l-istess stħarriġ, il-persuni responsabbli mill-informatika mistħarrġa ġew mistiedna wkoll jevalwaw ir-rwol ta’ 21 fattur differenti fid-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ sistemi operattivi għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers, bl-imsemmija fatturi mogħtija marka fuq skala minn 0 (ebda importanza) sa 5 (importanza kbira). Il-fattur “interoperabbiltà mal-work stations (li joperaw bil-Windows)” irċieva marka medja ta’ 3,78 u ġie kklassifikat fir-raba’ pożizzjoni, wara l-fatturi “affidabbiltà/disponibbiltà” (marka medja ta’ 4,01), “kompetenzi disponibbli u disponibbiltà ta’ l-assistenza (interna jew esterna)” (marka medja ta’ 3,93) u “sigurtà” (marka medja ta’ 3,80).

404

Dejjem fir-rigward tar-riżultati tat-tieni stħarriġ imwettaq minn Mercer, għandu jiġi osservat ukoll li l-persuni responsabbli mill-informatika kkonċernati, mistiedna sabiex jevalwaw ir-rwol ta’ 18-il fattur fid-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ servizzi ta’ direttorju, taw lill-fattur “interoperabbiltà mal-work stations (li joperaw bil-Windows)” marka medja ta’ 3,94 (l-ewwel pożizzjoni).

405

Fir-rigward tat-tielet stħarriġ imwettaq minn Mercer, għandu jiġi kkonstatat li l-persuni responsabbli mill-informatika ġew mitluba jevalwaw ir-rwol ta’ tlettax-il fattur differenti fid-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group, b’dawn il-fatturi mogħtija marka fuq skala bejn 0 (ebda importanza) sa 5 (importanza kbira). Fir-risposta għal din id-domanda, il-fattur “interoperabbiltà mal-work stations Windows” irċieva marka medja ta’ 4,25. Għalkemm huwa minnu li dan il-fattur ġie fit-tieni pożizzjoni, bejn il-fatturi “affidabbiltà/disponibbiltà tas-sistema operattiva għal servers” (marka medja ta’ 4,47) u “sigurtà integrata fis-sistema operattiva għal servers” (marka medja ta’ 4,04), xorta jibqa’ l-fatt li r-riżultati li kiseb dan il-fattur juru li, b’mod ġenerali, id-deċiżjonijiet ta’ min jakkwista sistemi operattivi għal servers ta’ work group huma kkundizzjonati minn kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ l-interoperabbiltà mal-client PCs li joperaw bil-Windows.

406

Huwa minnu li, fil-kuntest tat-tielet stħarriġ imwettaq minn Mercer, il-persuni responsabbli mill-informatika ġew mistieda wkoll jevalwaw l-importanza relattiva ta’ kull wieħed minn tlettax-il fattur imsemmija fil-punt preċedenti u li, fuq din il-bażi, id-differenza bejn il-fattur “affidabbiltà/disponibbiltà tas-sistema operattiva għal servers” (ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni b’34 %) u l-fattur “interoperabbiltà mal-work stations Windows” (ikklassifikat fit-tieni pożizzjoni b’9 %) tirriżulta ħafna iktar netta. Madankollu, dawn ir-riżultati għandhom jiġu kkwalifikati peress li, kif tispjega l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 643 u 659 tad-deċiżjoni kkontestata, l-interoperabbiltà hija fattur li għandha impatt fuq fatturi oħra li x-xerrejja jieħdu in kunsiderazzjoni meta jagħżlu sistema operattiva għal servers ta’ work group. B’hekk, ix-xerrejja jistgħu jaħsbu li sistema operattiva għal servers ta’ work group ta’ kompetitur ta’ Microsoft għandha ċerti nuqqasijiet fir-rigward ta’ sigurtà jew ta’ rapidità fl-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet meta, fir-realtà, dawn in-nuqqasijiet ikunu dovuti għan-nuqqas ta’ interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows (ara, f’dan ir-rigward, iż-żewġ eżempji ċċitati mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 786 tad-deċiżjoni kkontestata). L-imsemmija xerrejja għandhom, għalhekk, it-tendenza li jissottovalutaw l-importanza ta’ din l-interoperabbiltà.

407

Għandu jingħad ukoll li r-riżultati tat-tielet stħarriġ imwettaq minn Mercer huma importanti anki safejn juru li l-vantaġġ manifest u li dejjem jiżdied li Microsoft tgawdi fil-konfront tal-kompetituri tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (ara, f’dan ir-rigward, l-eżami taċ-ċirkustanza dwar l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fil-punti 479 sa 620 iktar ’il quddiem) huwa iktar dovut għall-vantaġġ li hija għandha fir-rigward ta’ l-interoperabbiltà milli għall-kwalitajiet tal-prodotti tagħha.

408

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-persuni responsabbli mill-informatika kkonċernati ġew mistiedna mhux biss sabiex jevalwaw l-importanza relattiva ta’ tlettax-il fattur differenti fid-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group (ara l-punt 406 iktar ’il fuq), iżda wkoll sabiex jevalwaw, għal kull wieħed minn dawn il-fatturi, il-‘performances’ rispettivi tas-sistemi Linux, NetWare, UNIX u Windows.

409

Issa, Windows kisbet l-agħar marka medja (3,63) għall-fattur “affidabbiltà/disponibbiltà tas-sistema operattiva għal servers”, liema fattur kien ġie kklassifikat fl-ewwel pożizzjoni (b’34 %) mill-persuni responsabbli mill-informatika mistħarrġa. Is-sistemi UNIX, min-naħa tagħha, ġew l-ewwel b’marġni sinjifikattiv (marka medja ta’ 4,55), segwiti mis-sistemi Linux (marka medja ta’ 4,10) u minn NetWare (marka medja ta’ 4,01).

410

Bl-istess mod, Windows kisbet il-marka medja l-iktar baxxa għall-‘performance’ tagħha fir-rigward tal-fattur “sigurtà integrata fis-sistema operattiva għal servers” (marka medja ta’ 3,14), ħafna wara s-sistemi UNIX (marka medja ta’ 4,09), NetWare (marka medja ta’ 3,82) u s-sistemi Linux (marka medja ta’ 3,73), u dan minkejja li dan il-fattur għandu rwol importanti ħafna fid-deċiżjonijiet ta’ l-organizzazzjonijiet fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group (ara l-punt 405 iktar ’il fuq). Dak li jirriżulta minn dawn ir-riżultati huwa iktar u iktar sinjifikattiv fid-dawl tal-fatt li, kif ġie espost fil-punt 406 iktar ’il fuq, ix-xerrejja għandhom it-tendenza li jikkunsidraw bħala marbuta mas-sigurtà problemi li, fil-verità, ikunu kkawżati minn nuqqas ta’ interoperabbiltà mas-sistemi Windows.

411

Għall-kuntrarju, ta’ min jikkonstata li, fir-rigward tal-‘performance’ fir-rigward tal-fattur “interoperabbiltà mal-work stations Windows”, Windows ingħatat il-marka medja l-iktar għolja (marka medja ta’ 4,87 %) fost il-marki medji kollha mogħtija lid-diversi sistemi operattivi għal servers ikkonċernati fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tlettax-il fattur indikati minn Mercer. Barra minn hekk, huwa fir-rigward ta’ dan il-fattur li d-differenza bejn Microsoft u s-sistemi operattivi tal-kompetituri tagħha hija l-iktar netta, b’NetWare tikseb marka medja ta’ 3,78, Linux marka medja ta’ 3,43 u UNIX marka medja ta’ 3,29.

412

Dejjem f’dan l-istess sens, għandu jiġi osservat li, kif esponiet ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 662 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk wieħed jieħu l-marki medji mogħtija lis-sistemi Linux, NetWare, UNIX u Windows għall-‘performances’ tagħhom fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tlettax-il fattur ikkonċernati u jweżinhom mal-perċentwali ta’ “influwenza relattiva” mogħtija lil kull wieħed minn dawn il-fatturi u jekk wieħed imbagħad jgħodd dawn il-marki, ikkalkulati b’dan il-mod, ikunu s-sistemi UNIX li jiksbu l-ogħla riżultat, segwiti l-ewwel minn Microsoft u mbagħad, b’riżultati pjuttost viċini u mhux sostanzjalment anqas minn dak ta’ Windows, mis-sistemi Linux u NetWare.

413

It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fil-kunsiderazzjoni 183 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li “[m]eta server ta’ work group [li ma joperax bil-Windows] jiddaħħal f’netwerk ta’ work group li jopera bil-Windows, il-livell ta’ interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows li dan is-server ta’ work group huwa kapaċi jilħaq ser tinfluwenza l-effiċjenza li biha dan is-server ser ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu lill-utenti tan-netwerk”.

414

Għandu jiġi kkonstatat li diversi elementi tad-deċiżjoni kkontestata jikkonfermaw il-fondatezza ta’ din l-affermazzjoni. Din id-deċiżjoni fil-fatt tiddeskrivi sensiela ta’ problemi li jiltaqgħu magħhom is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ta’ Microsoft minħabba li ma jistgħux jinteroperaw ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows bl-istess intensità bħas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group.

415

L-ewwel eżempju mogħti mill-Kummissjoni huwa l-fatt li, jekk server ta’ work group ma jinteroperax b’mod suffiċjenti ma’ l-“arkitettura ta’ sigurtà” tan-netwerk ta’ work group li jopera bil-Windows, l-utent jista’ jkollu bżonn jidentifika ruħu darbtejn jekk ikun jixtieq li jkollu aċċess kemm għal “riżorsi bbażati fuq Windows” u kemm għal “riżorsi offruti mis-servers ta’ work group [li joperaw b’sistemi operattivi kompetituri]” (kunsiderazzjoni 183 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-noti tagħha, Microsoft ma tikkontestax l-eżistenza ta’ din il-problema iżda sempliċement tipprova tnaqqas l-importanza tagħha (ara l-punt 340 iktar ’il fuq). Issa, għandu jiġi kkonstatat li, matul is-seduta, wieħed mill-esperti ta’ Microsoft enfasizza huwa stess ir-riskji li pluralità ta’ identifikazzjonijiet u ta’ passwords tikkawża għas-sigurtà tan-netwerk u l-inkonvenjenti, f’termini ta’ effiċjenza u ta’ produttività, li huma marbuta mal-fatt li l-utenti jkollhom jintroduċu diversi drabi l-identifikazzjoni u l-password tagħhom.

416

Eżempju ieħor jinsab fil-kunsiderazzjoni 196 tad-deċiżjoni kkontestata. F’din il-kunsiderazzjoni l-Kummissjoni tirriproduċi dikjarazzjoni magħmula minn Microsoft fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Novembru 2001 għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fis-sens li “jkun hemm iktar possibbiltajiet ta’ amministrazzjoni [ta’ gruppi ta’ utenti] meta client PC [li fuqu tkun installata] Windows 2000 Professional ikun imqabbad ma’ server [li jopera] bil-Windows 2000 bl-Active Directory milli meta dan il-client PC jiffunzjona b’mod awtonomu jew ikun jagħmel parti minn domain jew minn realm li ma joperawx bil-Windows 2000”.

417

Fil-kunsiderazzjoni 240 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, iktar minn sena wara l-introduzzjoni tal-Windows 2000, Microsoft kienet għadha ma żvelatx kompletament lill-kompetituri tagħha l-verżjoni aġġornata ta’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokoll CIFS/SMB. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 319, hija tippreċiża, ġustament, li, anki li kieku Microsoft wettqet dan l-iżvelar, dan xorta waħda ma kienx ikun biżżejjed sabiex jippermetti “amministrazzjoni tajba tas-servizz ta’ fajls”.

418

Għandhom jiġu ċċitati wkoll il-kunsiderazzjonijiet magħmula, ġustament, mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-interface ADSI żviluppata minn Microsoft bil-għan li l-edituri ta’ softwer ikun jista’ jkollhom aċċess għall-protokoll LDAP li fuqu huwa bbażat l-Active Directory (kunsiderazzjonijiet 243 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod iktar partikolari, għandu jsir riferiment għal-limitazzjonijiet ta’ l-“ADSI provider” żviluppat minn Novell (kunsiderazzjoni 250 tad-deċiżjoni kkontestata).

419

Fil-kunsiderazzjonijiet 251 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li Microsoft introduċiet b’mod “proprjetarju” estensjoni tal-protokoll standard Kerberos u li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group li jimplementaw il-verżjoni “mingħajr l-estensjoni” ta’ dan il-protokoll ta’ sigurtà jiltaqgħu ma’ problemi f’termini ta’ awtorizzazzjoni meta jiffunzjonaw f’ambjent Windows (ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 786 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ dan l-istess protokoll Kerberos, kif emendat minn Microsoft, għandu jiġi mfakkar li l-użu tiegħu jippreżenta numru ta’ vantaġġi f’termini, b’mod partikolari, ta’ rapidità ta’ konnessjonijiet u ta’ effiċjenza (ara l-kunsiderazzjoni 152 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 170 iktar ’il fuq).

420

Fil-kunsiderazzjonijiet 283 sa 287 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega, ġustament, li l-“għodda ta’ sinkronizzazzjoni ta’ direttorji” li għalihom tirreferi Microsoft jippermettu lis-servizzi ta’ direttorju pprovduti mis-sistemi tal-kompetituri tagħha jwettqu biss sinkronizzazzjoni limitata ma’ l-Active Directory. Hija tenfasizza, b’mod partikolari, li dawn l-għodda “jissinkronizzaw biss parti limitata ta’ l-informazzjoni li tkun tinsab f’direttorju” u li dawn l-għodda “ma jeliminawx il-ħtieġa li l-utenti, il-permessi, is-sħubija fi gruppi u l-politiċi ta sigurtà jiġu amministrati b’mod separat għas-servers ta’ work group [li joperaw] bil-Windows u għas-servers ta’ work group [li joperaw b’sistemi operattivi kompetituri]” (kunsiderazzjoni 285 tad-deċiżjoni kkontestata).

421

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li Microsoft ma pprovatx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta kkunsidrat li kien meħtieġ li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ta’ Microsoft ikunu f’pożizzjoni li jinteroperaw ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows fuq bażi ugwali bħas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group sabiex ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fis-suq b’mod vijabbli.

422

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet għandu jiġi konkluż ukoll li n-nuqqas ta’ tali interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows għandu l-effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, b’mod partikolari minħabba li hija tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jużaw is-sistema operattiva tagħha għal servers ta’ work group minflok dawk tal-kompetituri tagħhom minkejja li dawn is-sistemi ta’ l-aħħar għandhom karatteristiċi li l-konsumaturi jagħtuhom importanza kbira.

— Fuq l-allegat żball ta’ fatt

423

L-argumenti ta’ Microsoft fir-rigward ta’ l-allegat żball ta’ fatt imwettaq mill-Kummissjoni huma ta’ żewġ tipi.

424

Fl-ewwel lok, Microsoft issostni li t-teżi tal-Kummissjoni hija kontradetta, minn naħa, mill-preżenza ta’ diversi sistemi operattivi għal servers ta’ work group fis-suq u min-natura eteroġena tan-netwerks ta’ l-informatika fi ħdan l-impriżi fl-Ewropa u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li, mingħajr ma kellhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà in kwistjoni, l-edituri ta’ prodotti Linux daħlu fis-suq reċentement u kontinwament kabbru l-ishma tas-suq tagħhom.

425

Fir-rigward ta’ l-ewwel wieħed mill-argumenti msemmija fil-punt preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li mhuwiex suffiċjenti sabiex jikkontesta l-fondatezza tat-teżi tal-Kummissjoni.

426

F’dan ir-rigward għandu, l-ewwel nett, jiġi mfakkar li, kuntrarjament għal dak li ssostni Microsoft, il-kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ l-interoperabbiltà għandhom rwol prinċipali fid-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group (ara l-punti 381 sa 412 iktar ’il fuq).

427

Għandu jiġi mfakkar ukoll li mit-tielet stħarriġ imwettaq minn Mercer jirriżulta li l-fattur “interoperabbiltà mal-work stations Windows” huwa l-fattur li fir-rigward tiegħu d-differenza bejn is-sistema operattiva għal servers ta’ work groups ta’ Microsoft u dawk tal-kompetituri tagħha hija l-iktar netta (ara l-punt 411 iktar ’il fuq).

428

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall fil-punti 569 sa 582 iktar ’il quddiem, il-kompetituri ta’ Microsoft, bl-eċċezzjoni ta’ l-edituri ta’ prodotti Linux, kienu ilhom preżenti fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group għal diversi snin meta Microsoft bdiet tiżviluppa u tiddistribwixxi tali sistemi. Għalkemm huwa minnu li, fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-kompetituri kienu għadhom preżenti fis-suq, xorta waħda jibqa’ l-fatt li s-sehem tas-suq tagħhom naqas b’mod sinjifikattiv id f’id maż-żieda qawwija fis-sehem ta’ Microsoft, u dan minkejja l-fatt li wħud minnhom, u b’mod partikolari Novell, għandhom vantaġġ teknoloġiku kunsiderevoli fil-konfront ta’ Microsoft. Il-fatt li l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni hija progressiva, u mhux immedjata, bl-ebda mod ma jikkontradixxi t-teżi tal-Kummissjoni li l-informazzjoni in kwistjoni hija indispensabbli.

429

Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni fi tweġiba għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktuba tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-fatt li l-kompetituri ta’ Microsoft setgħu jkomplu jbiegħu sistemi operattivi għal servers ta’ work group matul is-snin ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa dovut parzjalment għall-fatt li, f’dak iż-żmien, kienet għadha teżisti, fi ħdan l-organizzazzjonijiet, bażi installata mhux negliġibbli ta’ client PCs li tuża sistema operattiva Windows li tagħmel parti minn sensiela ta’ prodotti preċedenti għall-verżjoni Windows 2000 (ara l-kunsiderazzjonijiet 441 sa 444 tad-deċiżjoni kkontestata). Per eżempju, mit-tabella li tinsab fil-kunsiderazzjoni 446 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-2001, is-sistemi operattivi għal client PCs Windows 98, Windows Millenium Edition (Windows Me) u Windows NT kienu għadhom is-suġġett ta’ numru sostanzjali ta’ liċenzji ġodda. Issa, kien preċiżament bis-sistemi operattivi tal-verżjoni Windows 2000 li nħolqu problemi ta’ interoperabbiltà partikolarment serji għall-kompetituri ta’ Microsoft (ara l-punti 571 sa 573 iktar ’il quddiem). Fl-istess żmien, kienet għadha teżisti wkoll bażi installata mhux negliġibbli ta’ servers ta’ work group li kienu jużaw is-sistemi operattivi Windows NT, li kienu jippreżentaw anqas problemi ta’ interoperabbiltà mis-sistemi sussegwenti. F’dan ir-rigward għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, fuq perijodu ta’ diversi snin, huwa darba biss li l-organizzazzjonijiet jagħmlu bidliet fin-netwerk ta’ servers ta’ work group tagħhom, u dan b’mod progressiv biss (ara l-kunsiderazzjoni 590 tad-deċiżjoni kkontestata).

430

Fir-rigward tat-tieni argument imsemmi fil-punt 424 iktar ’il fuq, jiġifieri dak ibbażat fuq id-dħul u l-progress tal-prodotti Linux fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, dan ukoll għandu jiġi miċħud.

431

F’dan ir-rigward għandu, l-ewwel nett, jiġi osservat li, kif il-Kummissjoni esponiet fil-kunsiderazzjonijiet 487 u 488 tad-deċiżjoni kkontestata u kif ser jiġi ppreċiżat fil-punti 502 u 553 iktar ’il quddiem, id-data ta’ l-IDC, li fuqha Microsoft ibbażat ruħha sabiex tiddeskrivi l-evoluzzjoni tal-pożizzjoni tal-prodotti Linux fis-suq, għandha ċerti nuqqasijiet. Fil-fatt, din id-data toriġina minn database li ġiet stabbilita minn din l-organizzazzjoni billi tidentifika tmien kategoriji prinċipali ta’ funzjonijiet (jew “workloads”) imwettqa mis-servers fi ħdan organizzazzjonijiet u billi tiddistingwi bejn diversi “kategoriji sekondarji” fi ħdan dawn il-kategoriji prinċipali. Iż-żewġ kategoriji sekondarji li l-iktar huma qrib tal-funzjonijiet ta’ work group identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-funzjonijiet ta’ użu komuni ta’ fajls u printers, minn naħa, u ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, min-naħa l-oħra, huma dawk imsejħa, rispettivament, “użu komuni ta’ fajls/printers” u “amministrazzjoni ta’ netwerk” (kunsiderazzjoni 486 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-funzjonijiet li jaqgħu taħt dawn iż-żewġ kategoriji sekondarji msemmija ma jikkorrispondux perfettament għas-servizzi li jikkostitwixxu s-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Barra minn hekk, uħud minn dawn il-funzjonijiet jeżiġu livell ta’ interoperabbiltà anqas ogħli bejn il-client PCs u s-servers milli jeżiġu l-funzjonijiet ta’ work group ikkunsidrati mill-Kummissjoni u, għalhekk, meta mqabbla ma’ dawn il-funzjonijiet ta’ l-aħħar, huwa iktar probabbli li jkunu jistgħu jiġu mwettqa mis-sistemi operattivi tal-kompetituri ta’ Microsoft.

432

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-progress tal-prodotti Linux fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group kien biss wieħed modest matul is-snin ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-prodotti Linux, meta jintużaw flimkien mas-softwer Samba (żviluppat permezz ta’ teknika ta’ inġinerija b’lura), setgħu jilħqu ċertu livell ta’ interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows. Dan il-livell ta’ interoperabbiltà, madankollu, ġie sostanzjalment imnaqqas b’konsegwenza ta’ l-introduzzjoni tal-ġenerazzjoni Windows 2000. B’hekk, f’Ottubru 2003 — jiġifieri numru ta’ xhur wara li Microsoft kienet diġà bdiet tikkummerċjalizza s-sistema operattiva għal servers Windows 2003 Server, liema sistema kienet is-suċċessura tas-sistema Windows 2000 Server — il-livell ta’ interoperabbiltà li l-prodotti Linux kien irnexxielhom jiksbu kien jippermettilhom biss li joperaw bħala servers membri fi ħdan domain li juża l-Active Directory (ara l-kunsiderazzjonijiet 296 u 297 tad-deċiżjoni kkontestata).

433

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-progress previst tal-prodotti Linux fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, għandu jiġi osservat li, kif ser jiġi espost f’iktar dettall fil-punti 595 sa 605 iktar ’il quddiem, minn naħa, dan il-progress huwa anqas sostanzjali milli tallega Microsoft u, min-naħa l-oħra, dan il-progress mhux ser ikun għad-detriment tas-sistemi ta’ Microsoft iżda, b’mod partikolari, għad-detriment tas-sistemi ta’ Novell u ta’ l-edituri ta’ prodotti UNIX.

434

Fit-tieni lok, Microsoft tallega li l-Kummissjoni naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li diversi metodi, minbarra l-iżvelar ta’ l-informazzjoni in kwistjoni, jippermettu li tiġi assigurata interoperabbiltà suffiċjenti bejn is-sistemi operattivi ta’ diversi fornituri.

435

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Microsoft stess irrikonoxxiet, kemm fin-noti tagħha u kemm fir-risposta għal mistoqsija li saritilha matul is-seduta, li l-metodi u s-soluzzjonijiet identifikati minnha ma jippermettux li jintlaħaq il-livell għoli ta’ interoperabbiltà mitlub, ġustament, mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

436

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li Microsoft ma pprovatx li ċ-ċirkustanza li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà kienet ta’ natura indispensabbli ma kinitx preżenti f’din il-kawża.

iii) Fuq l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

437

Microsoft targumenta li r-rifjut li hija akkużata bih mhuwiex ta’ natura li jeskludi kull kompetizzjoni f’suq derivat, jiġifieri, f’dan il-każ, is-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

438

In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, Microsoft issostni, fl-ewwel lok, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat kriterju żbaljat fid-dritt.

439

F’dan ir-rigward, Microsoft tosserva li, fil-kunsiderazzjoni 589 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal sempliċi “riskju” ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq. Issa, fil-kawżi li kienu jikkonċernaw l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ivverifikat jekk ir-rifjut in kwistjoni kienx “ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni” u eżiġiet, f’dan ir-rigward, “sitwazzjoni kważi ta’ ċertezza”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kien imissha applikat kriterju iktar strett, jiġifieri l-kriterju ta’ “probabbiltà kbira” ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni effettiva. Microsoft issostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-termini “riskju”, “possibbiltà” u “probabbiltà” m’għandhomx l-istess tifsira.

440

Microsoft iżżid li r-riferiment, magħmul fid-deċiżjoni kkontestata, għas-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni u għas-sentenza CBEM, iċċitati fil-punt 320 iktar ’il fuq, mhuwiex rilevanti. Fil-fatt, il-kawżi li wasslu għal dawk is-sentenzi ma kinux jikkonċernaw rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, skond Microsoft, f’kull waħda minn dawk il-kawżi, il-prospett ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni kien, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe sors ta’ provvista alternattiv, immedjat u reali.

441

Fit-tieni lok, Microsoft issostni li t-teżi tal-Kummissjoni li l-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers setgħet tiġi limitata minħabba r-rifjut tagħha li tiżvela lill-kompetituri tagħha l-protokolli ta’ komunikazzjonijiet tagħha hija kontradetta mill-fatti osservati fis-suq. F’dan ir-rigward, hija tirrepeti, minn naħa, li huwa normali għall-impriżi fl-Ewropa li jkollhom ambjenti ta’ l-informatika eteroġeni komposti minn sistemi operattivi Windows għal client PCs u għal servers u minn sistemi operattivi għal servers tal-kompetituri u, min-naħa l-oħra, li mir-rapporti Mercer jirriżulta li l-klijenti professjonali jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ sistemi operattivi għal servers abbażi ta’ numru ta’ kriterji bħalma huma l-affidabbiltà, il-modularità u l-kompatibbiltà ta’ l-applikazzjonijiet u ma jikkunsidrawx il-kriterju ta’ l-interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs bħala kriterju determinanti.

442

Microsoft tosserva wkoll li, sitt snin wara l-allegat rifjut, għadhom jeżistu diversi kompetituri fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, jiġifieri inter alia IBM, Novell, Red Hat u Sun, kif ukoll diversi distributuri ta’ prodotti Linux. Hija ttenni li Linux daħlet reċentement fis-suq u għamlet progress rapidu, u li mhuwiex ikkontestat li l-prodotti Linux, waħedhom jew flimkien ma’ prodotti Samba jew mas-softwer għal servers Nterprise ta’ Novell, jinsabu f’kompetizzjoni diretta mas-sistemi operattivi Windows għal servers fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ sensiela wiesgħa ta’ funzjonijiet, fosthom il-provvista ta’ servizzi ta’ work group lis-sistemi operattivi Windows għal client PCs. Barra minn hekk, Microsoft tosserva li l-IDC, li hija l-ewwel grupp dinji ta’ konsulenza u ta’ studju fis-suq tat-teknoloġiji ta’ l-informatika u tat-telekomunikazzjoni, tikkunsidra li l-kompetizzjoni ma tinsabx fir-riskju li tiġi eliminata. Mill-previżjonijiet ta’ l-IDC jirriżulta li, matul il-perijodu 2003 sa 2008, is-sehem tas-suq ta’ Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group użati fuq servers li jiswew anqas minn USD 25000 ser jibqa’ kważi stabbli filwaqt li s-sehem ta’ Linux ser jirdoppja.

443

Fit-tielet lok, Microsoft tikkritika d-definizzjoni “artifiċjalment limitata” tat-tieni suq ta’ prodott adottata mill-Kummissjoni.

444

Skond Microsoft, fil-fatt, “il-kompetizzjoni mas-sistemi operattivi Windows għal servers tkun […] saħansitra iktar qawwija” jekk fl-imsemmija definizzjoni jittieħdu in kunsiderazzjoni anki funzjonijiet oħra, minbarra l-provvista ta’ servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers u ta’ servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, li s-sistemi operattivi Windows għal servers huma kapaċi jwettqu.

445

F’dan ir-rigward, Microsoft tosserva li l-Kummissjoni ma tikkontestax li l-verżjoni bażika tas-sistema operattiva tagħha Windows Server 2003 tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ sensiela wiesgħa ta’ funzjonijiet, li ħafna minnhom ma jaqgħux fit-tieni suq ta’ prodott kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tispjega li, skond ir-raġunament tal-Kummissjoni, l-istess sistema operattiva Windows għal servers taqa’ fis-suq in kwistjoni meta tipprovdi servizzi ta’ fajls u ta’ printers lil sistemi operattivi Windows għal client PCs u ma taqax f’dan is-suq meta tipprovdi servizzi ta’ “proxy” jew ta’ “firewall” lill-istess sistemi operattivi.

446

Microsoft tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax targumenta abbażi tal-fatt li s-sistema operattiva tagħha Windows Server 2002 tinbiegħ f’verżjonijiet differenti bi prezzijiet differenti sabiex tallega li l-verżjoni bażika ta’ din is-sistema taqa’ f’suq distint minn dak tal-verżjonijiet l-oħra ta’ l-istess sistema. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li l-verżjonijiet “li jiswew iktar” ta’ din is-sistema jipprovdu l-istess servizzi ta’ work group bħalma tagħmel il-verżjoni bażika tagħha.

447

Fir-replika, Microsoft tiżviluppa xi ftit l-ilment tagħha fir-rigward tad-definizzjoni żbaljata tat-tieni suq ta’ prodott. Hija tippreċiża, l-ewwel nett, li, fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers in ġenerali, hija għandha sehem tas-suq ta’ madwar 30 %. It-tieni nett, hija tindika li “[f]is-settur ħadd ma juża l-espressjoni ‘server ta’ work group’ fis-sens użat mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi [dan is-suq ta’ prodott]” u li, meta l-“osservaturi tas-settur” xi drabi jagħmlu riferiment għas-“servers ta’ work group”, dawn ikunu qegħdin jinkludu b’mod ġenerali s-servers li jwettqu sensiela wiesgħa ta’ funzjonijiet, inklużi s-“servers Web, ta’ databases u ta’ applikazzjonijiet”. Fl-aħħar nett, hija tallega li ebda wieħed mill-fornituri prinċipali ta’ servers preżenti fis-suq ma jbiegħ servers ta’ work group li huma limitati għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni.

448

Barra minn hekk, Microsoft tiċħad l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, fir-risposta, sabiex tiġġustifika d-definizzjoni tas-suq tagħha. F’dan ir-rigward hija tosserva, l-ewwel nett, li “l-fornituri ma jagħtux prezzijiet differenti lil persuni differenti għall-istess edizzjoni ta’ sistema operattiva għal servers skond il-mod kif dawn il-persuni jkunu ser jużawha”. It-tieni nett, hija tikkontesta li s-sistemi operattivi għal servers ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala sistemi operattivi għal servers ta’ work group ikunu “ottimizzati” sabiex jipprovdu servizzi ta’ work group. Għalhekk, mid-data ta’ l-IDC li għaliha għamlet riferiment il-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-ishma tas-suq jirriżulta li, bl-eċċezzjoni ta’ NetWare ta’ Novell, “dawn is-sistemi operattivi jiddedikaw ħafna iktar ħin għal funzjonijiet li ma jikkonċernawx il-work groups milli għal funzjonijiet ta’ work group”. Fl-aħħar nett, hija ssostni li “f’diversi każijiet il-bidla ma tkun tinvolvi l-ebda spiża u li f’każijiet oħra din tkun negliġibbli”.

449

Barra minn hekk, Microsoft tagħmel riferiment ġenerali għal żewġ rapporti mħejjija mis-Sinjuri Evans, Nichols u Padilla, li jinsabu fl-anness A.23 tar-rikors u fl-anness C.12 tar-replika.

450

Fir-raba’ lok, fir-replika, Microsoft tikkritika l-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-ishma tas-suq ta’ l-operaturi fit-tieni suq ta’ prodott fejn jittieħdu in kunsiderazzjoni biss iż-żmien li s-sistemi operattivi għal servers jiddedikaw għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group u l-bejgħ ta’ sistemi operattivi għal servers li jiswew anqas minn USD 25000 biss. Fil-fatt, dan il-metodu jwassal għall-konsegwenza assurda li “sistema operattiva tiġi kkunsidrata fl-istess ħin bħala li taqa’ u li ma taqax fis-suq skond il-funzjonijiet li hija teżegwixxi f’mument partikolari” u ma jagħti ebda “informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti”.

451

CompTIA tallega, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni applikat kriterju żbaljat fid-dritt meta stħarrġet jekk ir-rifjut li bih hija akkużata Microsoft kienx jinvolvi sempliċi “riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva” meta kien imissha vverifikat jekk dan ir-rifjut kienx probabbli li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq sekondarju. It-tieni nett, CompTIA ssostni li l-elementi ta’ prova li jinsabu fil-proċess tal-kawża ma jipprovawx li l-imsemmi rifjut seta’ jkollu tali konsegwenza. Hija tinsisti, b’mod partikolari, fuq is-“suċċess dejjem jikber” ta’ Linux.

452

ACT tenfasizza r-rabta viċina ħafna li teżisti bejn il-kriterju tan-natura indispensabbli u dak ta’ l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni. Hija tallega, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja safejn, minn naħa, tirrikonoxxi li sa 40 % tas-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group jinsab f’idejn il-kompetituri li kienu kapaċi jipprovdu prodotti alternattivi mingħajr ma kellhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u, min-naħa l-oħra, hija tindika li l-kompetizzjoni f’dan is-suq hija impossibbli fin-nuqqas ta’ tali aċċess peress li l-imsemmija informazzjoni hija ta’ natura indispensabbli.

453

Barra minn hekk, ACT tikkontesta t-teżi tal-Kummissjoni li m’hemmx lok li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kompetizzjoni min-naħa ta’ l-“operaturi de minimis”. Hija tikkritika wkoll il-fatt li din ta’ l-aħħar tibbaża ruħha fuq sempliċi “riskju” ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni u tenfasizza li l-pożizzjoni ta’ Linux fis-suq qiegħda tissaħħaħ kontinwament.

454

Il-Kummissjoni ssostni li r-rifjut in kwistjoni joħloq ir-riskju li tiġi eliminata kull kompetizzjoni effettiva fis-suq derivat tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

455

In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-elementi ta’ prova analizzati fil-kunsiderazzjonijiet 585 sa 692 tad-deċiżjoni kkontestata juru b’mod ċar li hemm “probabbiltà kbira” li dan ir-riskju “jimmaterjalizza fil-futur qarib”. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 700 ta’ din id-deċiżjoni, hija tesponi li, jekk l-aġir ta’ Microsoft ma jiġix ikkontrollat, ikun hemm riskju serju li l-prodotti tal-kompetituri tagħha jiġu limitati għal “niċeċ” jew ma jibqgħux vijabbli kompletament.

456

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kawżi li wasslu għas-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni u għas-sentenza CBEM, iċċitati fil-punt 310 iktar ’il fuq, jipprovdu indizji validi sabiex l-aġir ta’ Microsoft jiġi evalwat fid-dawl ta’ l-Artikolu 82 KE, u dan minkejja li dawk il-kawżi ma kinux jikkonċernaw rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Hija ssostni, f’dan il-kuntest, li t-termini “riskju”, “possibbiltà” u “probabbiltà” użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar ir-rifjuti ta’ provvista abbużivi għandhom l-istess tifsira.

457

Il-Kummissjoni targumenta li l-parti l-kbira ta’ l-argumenti ta’ Microsoft huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li l-kompetizzjoni kienet diġà ġiet eliminata jew, minn ta’ l-anqas, li l-eliminazzjoni tagħha kienet imminenti. Hija tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija indikat li “l-livell ta’ interoperabbiltà li seta’ jintlaħaq permezz ta’ l-iżvelar magħmul minn Microsoft mhuwiex biżżejjed sabiex il-kompetituri jkunu jistgħu jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli” (nota ta’ qiegħ il-paġna 712 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, Microsoft ma tipprovax li din il-konklużjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

458

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tesprimi ruħha dwar l-argumenti li Microsoft tibbażata fuq il-fatti osservati fis-suq.

459

Hija tindika, l-ewwel nett, li “r-riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni kien diġà jeżisti fl-1998, bl-istess mod kif jeżisti llum”, bl-unika differenza li “din l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni hija iktar imminenti llum milli kienet fl-1998”.

460

Hija tikkontesta, it-tieni nett, il-konklużjonijiet li Microsoft tiġbed mir-rapporti Mercer, filwaqt li tosserva li dawn ir-rapporti juru li l-klijenti jagħżlu l-Windows bħala sistema operattiva għal servers ta’ work group minħabba l-“vantaġġ inġust” li minnu tgawdi Microsoft fir-rigward ta’ l-interoperabbiltà, u dan minkejja l-fatt li l-Windows “tikklassifika wara” prodotti oħra fir-rigward ta’ diversi karatteristiċi li l-konsumaturi jagħtuhom importanza.

461

Fir-rigward ta’ l-argument ta’ Microsoft ibbażat fuq il-progress tal-prodotti Linux, il-Kummissjoni tqis li dan bl-ebda mod m’huwa ssostanzjat u tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet 506 u 632 tad-deċiżjoni kkontestata fejn huwa indikat b’mod ċar li “l-progress ta’ Linux fil-passat kien wieħed de minimis”. Hija żżid li mill-aħħar żewġ stħarriġiet imwettqa minn Mercer jirriżulta li Linux tgawdi biss minn sehem tas-suq żgħir ħafna, jiġifieri madwar 5 %, fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

462

Fir-rigward tal-previżjonijiet ta’ l-IDC, il-Kummissjoni ttenni li dawn huma esaġerati u huma bbażati fuq data imperfetta (ara l-punti 365 u 366 iktar ’il fuq). Hija żżid li, fil-verità, mid-data ta’ l-IDC jirriżulta li Microsoft kisbet pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni b’mod rapidu, li hija għadha tkabbar is-sehem tas-suq tagħha u li hija qiegħda taffaċċja numru dejjem iktar ifframmentat ta’ operaturi li jokkupaw ‘niċeċ’ partikolari ħafna.

463

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tiċħad il-kritika ta’ Microsoft fir-rigward tad-definizzjoni tagħha tat-tieni suq ta’ prodott.

464

Il-Kummissjoni tfakkar li, sabiex waslet għal din id-definizzjoni, hija, l-ewwel nett, identifikat “lista ta’ servizzi ta’ work group essenzjali, li jikkorrispondu mill-qrib ma’ bżonn speċifiku tal-klijenti”. Dawn huma s-servizzi prinċipali li l-klijenti jieħdu in kunsiderazzjoni meta jixtru sistema operattiva għal servers ta’ work group. Hija tispjega li hija bbażat l-analiżi tagħha fuq diversi elementi ta’ prova, fosthom l-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 (kunsiderazzjonijiet 349 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata), il-“korrelazzjoni ta’ l-istatistika” bejn l-użu ta’ sistema operattiva partikolari sabiex tiġi eżegwita waħda mill-funzjonijiet essenzjali ta’ work group u l-użu tagħha sabiex jiġu eżegwiti l-funzjonijiet essenzjali l-oħra (kunsiderazzjoni 353 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll id-deskrizzjoni u l-prezzijiet mogħtija minn Microsoft għall-prodotti tagħha (kunsiderazzjonijiet 359 sa 382 tad-deċiżjoni kkontestata).

465

Il-Kummissjoni ssostni li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group ikunu “ottimizzati” sabiex jipprovdu s-servizzi ta’ work group u li l-mod kif dawn is-sistemi jipprovdu dawn is-servizzi għandu rwol determinanti fid-deċiżjoni dwar l-akkwist ta’ dawn is-sistemi. Hija żżid li l-fatt li s-servers ta’ work group jintużaw ta’ spiss sabiex titħaddem applikazzjoni m’għandux l-effett li jeskludihom “temporanjament” mis-suq jew li s-servers ta’ impriża li jkunu “ottimizzati” sabiex joperaw applikazzjonijiet użati minn impriżi jiġu inklużi “temporanjament” f’dan is-suq.

466

Bi tweġiba għall-argument ta’ Microsoft li s-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group jistgħu jintużaw sabiex jipprovdu servizzi ta’ ‘proxy’ u ta’ ‘firewall’, il-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 58 tad-deċiżjoni kkontestata, tindika li dawn il-funzjonijiet huma eżegwiti minn “servers [speċjalizzati] li jkunu jinsabu fil-periferija”. Għalhekk, dawn is-servers ma jistgħux jippreżentaw kompetizzjoni għal Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

467

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li t-terminoloġjia li hija tuża sabiex tidentifika s-suq ta’ prodott m’għandha ebda rilevanza fir-rigward tal-kwistjoni jekk hija ddefinitx dan is-suq b’mod korrett. Barra minn hekk, l-espressjoni “sistema operattiva għal servers ta’ work group” hija fil-fatt użata fis-settur sabiex tidentifika t-“tip ta’ prodotti koperti mid-deċiżjoni [kkontestata]”.

468

It-tieni nett, il-Kummissjoni tiċħad il-kritika ta’ Microsoft fir-rigward ta’ l-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-risposta (ara l-punt 448 iktar ’il fuq).

469

F’dan ir-rigward, hija ssostni, l-ewwel, li, kuntrarjament għal dak li targumenta Microsoft, kemm din ta’ l-aħħar u kemm il-kompetituri tagħha “jagħtu lill-klijenti prezzijiet differenti għall-istess sistema operattiva skond il-mod kif huma ser jużawha”. Fil-fatt, il-prezzijiet ivarjaw skond in-numru ta’ client PCs li jkollhom aċċess għas-server ikkonċernat. Hija żżid li l-bejjiegħa ta’ sistemi operattivi għal servers jipproponu diversi edizzjonijiet differenti — u dan bi prezzijiet differenti — ta’ sistemi li jkunu jappartjenu għall-istess “familja”. B’mod iktar ġenerali, hija tindika li “s-sistemi operattivi Windows għal servers jingħataw minn Microsoft lill-klijenti taħt liċenzja u [li] fil-prinċipju m’hemm ebda raġuni għaliex Microsoft ma tkunx tista’ tagħmel distinzjoni abbażi ta’ l-użu”.

470

It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-affermazzjoni ta’ Microsoft li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group “jiddedikaw ħafna iktar ħin għal funzjonijiet li ma jikkonċernawx il-work groups milli għal funzjonijiet ta’ work group” hija bbażata fuq data ta’ l-IDC ipproċessata b’metodu inadegwat.

471

It-tielet, b’risposta għall-allegazzjoni ta’ Microsoft li “f’diversi każijiet il-bidla ma tkun tinvolvi l-ebda spiża”, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet 334 sa 341 u 388 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata li juru li min-naħa tal-provvista m’hemmx sostitwibbiltà la għas-sistemi operattivi għal client PCs u lanqas għas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

472

Barra minn hekk, dejjem fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tenfasizza li Microsoft ma tikkontestax li l-interoperabbiltà mal-client PCs — u, b’mod iktar speċjali, mal-client PCs li joperaw bil-Windows — hija partikolarment importanti għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet ta’ work group minn sistema operattiva għal servers. Hija tallega li r-rifjut ta’ Microsoft li tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jippreġudika b’mod sostanzjali l-kapaċità tal-kompetituri tagħha li jissodisfaw l-aspettattivi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet u għalhekk jibdel il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni għal sistemi operattivi għal servers mibjugħa sabiex iwettqu dawn il-funzjonijiet fil-konfront ta’ dawk intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet oħra. Skond il-Kummissjoni, “dan jibqa’ validu anki jekk jitqies […] li, għal Microsoft kif ukoll għal kull waħda mill-kompetitriċi tagħha, l-edizzjonijiet differenti tas-sistemi operattivi tagħhom għal servers li fil-preżent jinsabu fis-suq huma kollha ugwalment adattati […] għall-eżekuzzjoni kemm ta’ funzjonijiet ta’ server ta’ work group u kemm ta’ ċerti funzjonijiet oħra ‘bażiċi’ (applikazzjonijiet li l-missjoni tagħhom mhijiex waħda kritika, bħalma hija l-posta elettronika, etc.)”.

473

Il-Kummissjoni żżid li, “fir-rigward tal-provvista, huwa evidenti li, jekk għall-finijiet ta’ din l-analiżi jiġu aċċettati[, minn naħa,] ir-rekwiżiti tal-klijenti, min-naħa tad-domanda, fir-rigward tas-servizzi ta’ work group (li mhumiex ikkontestati minn Microsoft) u[, min-naħa l-oħra,] l-ipoteżi ta’ Microsoft li l-edizzjonijiet differenti tas-sistemi operattivi għal servers ta’ kull editur għandhom kapaċitajiet identiċi fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ work group, l-istess distorsjonijiet fis-suq li jeliminaw il-kompetituri ta’ Microsoft mill-bejgħ ta’ sistemi operattivi għal servers għall-funzjonijiet ta’ work group jimpedixxu s-sostituzzjoni min-naħa tal-provvista permezz tad-dħul (mill-ġdid) tal-‘familji’ ta’ sistemi operattivi in kwistjoni abbażi ta’ l-edizzjonijiet ‘high-end’ tagħhom”.

474

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-anness B.11 tar-risposta u għall-anness D.12 tal-kontroreplika fejn hija tagħmel kummenti dwar l-osservazzjonijiet magħmula, rispettivament, fl-anness A.23 tar-rikors u fl-anness C.12 tar-replika.

475

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tiċħad il-kritika ta’ Microsoft fir-rigward tal-metodu li hija tuża sabiex tikkalkola l-ishma tas-suq. Hija tosserva, l-ewwel nett, li mhuwiex meħtieġ għall-evalwazzjoni tagħha li Microsoft tkun diġà kisbet pożizzjoni dominanti fis-suq derivat in kwistjoni permezz ta’ l-abbuż ikkonstatat fil-konfront tagħha, peress dak li huwa importanti huwa li jkun jeżisti riskju li l-kompetizzjoni f’dan is-suq tiġi eliminata. Hija tindika, it-tieni nett, li l-imsemmi metodu “jagħti stampa affidabbli biżżejjed ta’ l-iżbilanċ fil-forzi preżenti fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group”. Barra minn hekk, hija tallega li hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni ż-żmien iddedikat għad-diversi funzjonijiet minn server partikolari iżda eżaminat, fir-rigward ta’ l-impriżi li ħadu sehem fl-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 u li wieġbu għat-tieni u għat-tielet stħarriġiet imwettqa minn Mercer, liema kienet il-proporzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group imwettqa mis-servers ta’ diversi fornituri. La minn din l-investigazzjoni tas-suq u lanqas minn dawn l-istħarriġiet ma jirriżulta li Microsoft għandha sehem tas-suq ta’ anqas minn 60 % għal xi waħda mill-funzjonijiet ta’ work group.

476

Il-Kummissjoni żżid li “l-applikazzjoni ta’ ‘filters’ identifikati minn Microsoft tippermetti l-użu [tad-]data [ta’ l-IDC] bħala approssimazzjoni tal-bejgħ ta’ l-edizzjonijiet ta’ edituri differenti identifikati bħala sistemi operattivi għal servers ta’ work group”. Hija tesponi li “safejn l-aġir ta’ esklużjoni min-naħa ta’ Microsoft għandu l-effett li jissepara l-bejgħ ta’ sistemi operattivi għal servers mixtrija prinċipalment għal funzjonijiet ta’ work group mill-bejgħ ta’ sistemi mixtrija prinċipalment għal funzjonijiet oħra, filter ta’ ‘workload’ jippermetti lil dak li jkun jieħu idea tal-poter relattiv ta’ Microsoft fil-bejgħ prinċipalment intiż għall-funzjonijiet ta’ work group”. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi applikat il-“filter ta’ USD 25000” biss, mingħajr ma ssir distinzjoni abbażi tal-‘workload’, is-sehem ta’ Windows ikun ta’ 65 % f’termini ta’ volum u ta’ 61 % f’termini ta’ dħul mill-bejgħ (kunsiderazzjoni 491 tad-deċiżjoni kkontestata).

477

SIIA ssostni li, fid-dawl tan-natura indispensabbli ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, ir-rifjut in kwistjoni huwa, min-natura tiegħu, kapaċi li jelimina l-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Hija tenfasizza b’mod partikolari li s-sehem tas-suq ta’ Microsoft fis-suq żdied sostanzjalment u rapidament fiż-żmien meta din ta’ l-aħħar introduċiet fis-suq is-sistema operattiva tagħha Windows 2000 Server. Hija tikkunsidra wkoll li l-argumenti li Microsoft tibbaża fuq l-allegat progress fis-suq tal-prodotti Linux mhumiex issostanzjati.

478

FSFE ssostni li l-prodotti Linux ma jippreżentaw ebda theddida ta’ kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

479

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina fl-ordni segwenti l-erba’ kategoriji ta’ argumenti li Microsoft tinvoka in sostenn tat-teżi tagħha li ċ-ċirkustanza dwar l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni mhijiex preżenti f’din il-kawża: fl-ewwel lok, id-definizzjoni tas-suq ta’ prodott in kwistjoni; fit-tieni lok, il-metodoloġija applikata sabiex jiġu kkalkolati l-ishma tas-suq; fit-tielet lok, il-kriterju applikabbli; fir-raba’ lok, l-evalwazzjoni tad-data dwar is-suq u tas-sitwazzjoni kompetittiva.

— Fuq id-definizzjoni tas-suq ta’ prodott in kwistjoni

480

L-argumenti li Microsoft issostni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ta’ prodott jikkonċernaw it-tieni mit-tlett iswieq identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 23 u 25 sa 27 iktar ’il fuq), jiġifieri dak tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Il-Kummissjoni tiddeskrivi dawn is-sistemi bħala ddisinjati u kkummerċjalizzati sabiex joffru, b’mod integrat, is-servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers, kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, lil numru relattivament limitat ta’ client PCs imqabbda ma’ netwerk ta’ daqs żgħir jew medju (kunsiderazzjonijiet 53 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

481

Microsoft tikkunsidra, essenzjalment, li l-Kummissjoni ddefinixxiet dan it-tieni suq b’mod limitat wisq billi fih inkludiet biss is-sistemi operattivi għal servers li jintużaw għall-provvista tas-servizzi msemmija fil-punt preċedenti, jiġifieri s-servizzi msejħa “ta’ work group”. Microsoft qiegħda tikkontesta d-definizzjoni adottata mill-Kummissjoni bil-għan li, essenzjalment, tistabbilixxi li l-evoluzzjoni tas-suq hija differenti minn dik deskritta fil-kunsiderazzjonijiet 590 sa 636 tad-deċiżjoni kkontestata u ma timplikax l-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni.

482

Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li d-definizzjoni tas-suq ta’ prodott, safejn timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-qorti Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T-342/99, Ġabra p. II-2585, punt 26). Madankollu, il-qorti Komunitarja għandha tistħarreġ l-interpretazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. F’dan ir-rigward, hija għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi ta’ prova li huma preċiżi, affidabbli u koerenti, li jikkostitwixxu l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u li dawn l-elementi ta’ prova huma kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 89 iktar ’il fuq, punt 39).

483

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, Microsoft sempliċement, minn naħa, tirriproduċi argumenti li hija diġà esponiet matul il-proċedura amministrattiva u li l-Kummissjoni espressament ċaħdet fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tindika għaliex l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienet żbaljata, u, min-naħa l-oħra, tagħmel riferiment ġenerali għal żewġ rapporti li jinsabu rispettivament fl-anness A.23 tar-rikors u fl-anness C.12 tar-replika. Għar-raġunijiet esposti fil-punti 94 sa 99 iktar ’il fuq, dawn ir-rapporti mhumiex ser jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza ħlief safejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati minn Microsoft fit-test proprju ta’ l-atti tagħha.

484

Sabiex waslet għad-definizzjoni kkontestata tas-suq ta’ prodott, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-kapaċità tal-prodotti li jiġu ssostitwiti min-naħa tad-domanda, minn naħa, u min-naħa tal-provvista, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq in kwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5, punt 7), “[s]uq ta’ prodotti in kwistjoni jinkludi dawk il-prodotti u/jew servizzi kollha li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezz tagħhom u l-użu li għalih huma intiżi, il-konsumatur jikkunsidra bħala interkambjabbli jew sostitwibbli”. Għandu jiġi mfakkar ukoll li, kif inhuwa indikat fil-punt 20 ta’ l-istess Komunikazzjoni, is-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista tista’ tittieħed ukoll in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddefinit is-suq in kwistjoni f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn din is-sostitwibbiltà jkollha effetti ekwivalenti għal dawk tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda f’termini ta’ immedjatezza u ta’ effiċjenza. Dan jeżiġi li l-fornituri jkunu jistgħu jibdlu l-orjentament tal-produzzjoni tagħhom lejn il-prodotti in kwistjoni u jikkummerċjalizzawhom fi żmien qasir mingħajr ma jsofru spejjeż jew riskji addizzjonali sostanzjali bħala reazzjoni għal varjazzjonijiet żgħar, iżda dewwiema, fil-prezzijiet relattivi.

485

Għandu jiġi osservat qabel kollox li d-determinazzjoni tat-tieni suq bl-ebda mod m’hija bbażata fuq l-idea li teżisti kategorija separata ta’ sistemi operattivi għal servers li jeżegwixxu esklużivament il-funzjonijiet ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers, kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti. Pjuttost, għall-kuntrarju, f’diversi partijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group jistgħu jintużaw anki sabiex iwettqu funzjonijiet oħra u, b’mod partikolari, jistgħu jħaddmu applikazzjonijiet li l-missjoni tagħhom ma tkunx waħda kritika (ara, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet 59, 355, 356 u 379 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-kunsiderazzjoni 59 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li l-applikazzjonijiet li l-missjoni tagħhom ma tkunx waħda kritika huma applikazzjonijiet li fl-eventwalità li ma jiffunzjonawx tajjeb, dan “ikollu impatt fuq l-attività ta’ ċerti utenti [iżda] ma jippreġudikax b’daqshekk l-attività globali ta’ l-organizzazzjoni”. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, b’mod iktar partikolari, għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ posta elettronika interna. Kif ser jiġi espost f’iktar dettall iktar ’il quddiem, id-definizzjoni adottata mill-Kummissjoni hija bbażata, fil-fatt, fuq il-konstatazzjoni li l-kapaċità tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group li jipprovdu kollettivament is-servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers, kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, tikkostitwixxi, mingħajr ħsara għall-funzjonijiet l-oħra li tali sistemi jistgħu jwettqu, karatteristika essenzjali ta’ dawn is-sistemi u li dawn is-sistemi huma prinċipalment iddisinjati, ikkummerċjalizzati, mixtrija u użati sabiex jipprovdu l-imsemmija servizzi.

486

Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-kunsiderazzjoni 387 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma jeżistux prodotti li […] huma kapaċi jeżegwixxu pressjoni kompetittiva fuq is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group b’tali mod li jistgħu jiġu inklużi fl-istess suq ta’ prodott in kwistjoni”.

487

Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, ikkonstatat li mill-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 jirriżulta li s-servers ta’ work group kienu jeżegwixxu sett distint ta’ funzjonijiet li kienu relatati bejniethom u li kienu mitluba mill-konsumaturi (kunsiderazzjonijiet 348 sa 358 tad-deċiżjoni kkontestata).

488

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-elementi ta’ prova fil-proċess tal-kawża u li Microsoft ma ssostni ebda argument ta’ natura li jikkontesta din il-konstatazzjoni.

489

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fit-talba tagħha għal informazzjoni ta’ l-4 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni talbet lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati sabiex jindikaw jekk kellhomx tip partikolari ta’ servers għall-provvista tas-servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti (l-ewwel parti tad-domanda numru 1). Mill-85 organizzazzjoni li wieġbu għal din id-domanda, 70 (jiġifieri madwar 82,3 %) indikaw li dan kien il-każ.

490

Il-Kummissjoni staqsiet ukoll lill-organizzazzjonijiet jekk fil-fehma tagħhom l-imsemmija servizzi kinux jikkostitwixxu “grupp ta’ funzjonijiet ta’ server li “jmorru id f’id’”” (it-tieni parti tad-domanda numru 1). Mit-83 organizzazzjoni li wieġbu għal din id-domanda, 51 (jiġifieri madwar 61,4 %) qablu ma’ din id-dikjarazzjoni.

491

Dawn ir-riżultati huma dovuti b’mod partikolari għall-fatt li dawn is-servizzi jikkostitwixxu s-servizzi bażiċi li jużaw l-utenti ta’ client PCs matul l-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom. L-entità I 06, per eżempju, sabiex tiġġustifika r-risposta affermattiva tagħha għaż-żewġ partijiet tad-domanda numru 1 imsemmija iktar ’il fuq, tikkwalifika lis-servers li jippermettu l-provvista tas-servizzi ta’ work group bħala “servers ta’ l-infrastruttura” u lill-imsemmija servizzi bħala “servizzi standard għal work stations”. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li “[k]ull utent għandu jiġi identifikat/awtentikat; l-utent joħloq/jibdel fajls, jistampahom, jiskambjahom/jużahom ma’ utenti oħra”. F’dan l-istess sens, organizzazzjonijiet oħra jirreferu għall-imsemmija servers bħala “fornituri ta’ servizzi ta’ infrastruttura” (ara r-risposta ta’ l-entitajiet I 13 u I 30).

492

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat ukoll, kif tagħmel il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 352 tad-deċiżjoni kkontestata, li diversi organizzazzjonijiet jiġġustifikaw ir-risposta affermattiva tagħhom għaż-żewġ partijiet tad-domanda numru 1 imsemmija iktar ’il fuq billi jinsistu fuq il-bżonn li jkun hemm “identifikazzjoni waħda” ta’ l-utenti li jkunu jixtiequ aċċess għar-riżorsi tan-netwerk jew li jkun hemm punt wieħed għall-amministrazzjoni tan-netwerk (ara, b’mod partikolari, ir-risposti ta’ l-entitajiet I 30, I 46-16, I 46-37 u tal-kumpannija Inditex). Organizzazzjonijiet oħra jsostnu kunsiderazzjonijiet ta’ spiża filwaqt li jindikaw, b’mod partikolari, li l-użu ta’ l-istess sistema operattiva għall-provvista tas-servizzi ta’ work group jippermetti tnaqqis fl-ispejjeż ta’ amministrazzjoni (ara, b’mod partikolari, ir-rirposti ta’ l-entità I 49-19 u tal-kumpannija Inditex).

493

Huwa minnu li, fid-deskrizzjoni tal-“funzjonijiet ta’ work group” li tinsab fit-talba tagħha għal informazzjoni ta’ l-4 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni inkludiet ukoll “l-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ posta elettronika interna u ta’ kollaborazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ applikazzjonijiet oħra li l-missjoni tagħhom ma tkunx waħda kritika” u li numru ta’ organizzazzjonijiet mistħarrġa approvaw din l-inklużjoni. Huwa minnu wkoll li, b’risposta għad-domanda numru 2 ta’ l-istess talba għal informazzjoni, 62 organizzazzjoni minn 85 (jiġifieri madwar 72,9 %) indikaw li huma japprezzaw il-flessibbiltà offruta minn sistema operattiva għal servers ta’ work group li, minbarra s-servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, tkun kapaċi tħaddem applikazzjonijiet li l-missjoni tagħhom ma tkunx waħda kritika.

494

Madankollu, minn dawn is-sempliċi konstatazzjonijiet ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni ddefiniet b’mod limitat wisq it-tieni suq ta’ prodott.

495

Fil-fatt, minn naħa, dawn il-konstatazzjonijiet għandhom jiġu kkwalifikati. B’hekk, għandu jiġi osservat li, fir-risposta tagħhom għad-domanda numru 1 tat-talba għal informazzjoni ta’ l-4 ta’ Ġunju 2003, numru ta’ organizzazzjonijiet mistħarrġa ppreċiżaw li fl-infrastruttura tagħhom is-servizzi ta’ posta elettronika interna jew ta’ kollaborazzjoni kienu eżegwiti fuq servers speċjalizzati u ddistingew dawn is-servizzi minn servizzi ta’ work group oħra identifikati mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, ir-risposti ta’ l-entitajiet I 09 -1, I 11, I 22, I 37, I 53, I 46 -13, I 46 -15, I 59 u I 72, kif ukoll tal-kumpanniji Danish Crown, Spardat u Stork Food & Dairy Systems). Per eżempju, l-entità I 37, filwaqt li kkunsidrat li l-funzjonijiet ta’ work group iddefiniti mill-Kummissjoni kienu jikkostitwixxu grupp ta’ funzjonijiet ta’ server marbuta bejniethom, indikat li “[s-servizzi] ta’ fajls/printers u amministrazzjoni ta’ work stations [jmorru] id f’id” filwaqt li “[s-servizzi] ta’ posta elettronika interna [jappartjenu] lil grupp differenti ta’ servers”. Fl-istess sens, l-entità I 46-15 ippreċiżat li hija kellha “server li [kien] jipprovdi biss servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ work stations”.

496

Min-naħa l-oħra, kif il-Kummissjoni indikat fil-kunsiderazzjonijiet 353 u 354 tad-deċiżjoni kkontestata u kif tfakkar fir-risposta tagħha għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, mill-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 jirriżulta wkoll li, meta l-organizzazzjonijiet jużaw sistema operattiva partikolari għall-provvista ta’ servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls jew ta’ pritners, huma ġeneralment jużaw l-istess sistema operattiva għall-provvista ta’ servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li Microsoft ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet li jinsabu fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 436 u 438 tad-deċiżjoni kkontestata u li jikkonċernaw il-“koeffiċjenti ta’ korrelazzjoni” kkalkulati mill-Kummissjoni abbażi tar-risposti għad-domanda numru 5 tat-talba tagħha għal informazzjoni tas-16 ta’ April 2003. F’dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna l-Kummissjoni tispjega li l-“koeffiċjent ta’ korrelazzjoni” bejn il-parti tal-workload ta’ sistema NetWare, jew ta’ sistema Windows, għal wieħed mis-servizzi ta’ work group, jiġifieri l-użu komuni ta’ fajls, l-istampar, u l-amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, u parti tal-workload ta’ l-istess sistema għal servizz ieħor minn dawn l-istess servizzi huwa partikolarment għoli. Għall-kuntrarju, il-“koeffiċjent ta’ korrelazzjoni” huwa ħafna anqas bejn il-parti tal-workload ta’ sistema NetWare, jew ta’ sistema Windows, għal wieħed mis-servizzi ta’ work group u l-parti tal-workload ta’ l-istess sistema għal tip ieħor ta’ servizzi, b’mod partikolari l-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ posta elettronika interna jew ta’ applikazzjonijiet oħra li l-missjoni tagħhom mhijiex waħda kritika. Il-Kummissjoni żżid li l-istess konstatazzjonijiet jirriżultaw minn ċerti riżultati tat-tieni u tat-tielet stħarriġiet imwettqa minn Mercer. Fi kliem ieħor, minn dawn l-elementi ta’ prova, li mhumiex ikkontestati minn Microsoft, jirriżulta li huwa ħafna iktar komuni li, fuq l-istess server, ikunu marbuta flimkien is-servizzi ta’ work group identifikati mill-Kummissjoni milli wieħed minn dawn is-servizzi u servizz ta’ tip ieħor.

497

Għaldaqstant, għalkemm huwa veru li l-utenti jagħtu ċerta importanza lill-possibbiltà li, minbarra għas-servizzi ta’ work group, jużaw is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group għall-eżekuzzjoni ta’ ċerti funzjonijiet li l-missjoni tagħhom ma tkunx waħda kritika, dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-konklużjoni li teżisti domanda distinta għal sistemi operattivi għal servers li jipprovdu servizzi ta’ work group. La darba ġie stabbilit li huma t-tliet kategoriji ta’ servizzi kkunsidrati li jiddeterminaw l-għażla tad-domanda, huwa irrilevanti li s-sistemi operattivi għal servers li jaqgħu fis-suq in kwistjoni huma kapaċi jwettqu ċerti funzjonijiet addizzjonali.

498

Għandu jingħad ukoll li, kif inhuwa indikat fil-kunsiderazzjonijiet 357, 358 u 628 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet ta’ klijenti ppreżentati minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva jikkonfermaw il-fondatezza ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni.

499

Fil-fatt, minn dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta li għalkemm huwa minnu li, kif Microsoft tenfasizza diversi drabi fl-atti tagħha, l-organizzazzjonijiet ħafna drabi jkollhom netwerks ta’ l-informatika “eteroġeni”, jiġifieri netwerks fejn jintużaw sistemi operattivi għal servers u għal client PCs ta’ fornituri differenti, dawn l-organizzazzjonijiet madankollu jużaw tipi differenti ta’ servers għat-twettiq ta’ tipi differenti ta’ funzjonijiet. B’mod iktar partikolari, mill-imsemmija dikjarazzjonijiet jirriżulta li s-servizzi ta’ work group kif iddefiniti mill-Kummissjoni huma ġeneralment ipprovduti minn servers ta’ tip differenti minn dawk li jeżegwixxu applikazzjonijiet li l-missjoni tagħhom tkun kritika. Għalhekk, mid-deskrizzjoni li dawn l-organizzazzjonijiet jagħtu ta’ l-istruttura ta’ l-informatika tagħhom jirriżulta li, normalment, is-servizzi ta’ work group jiġu pprovduti minn servers bażiċi (entry-level) li fuqhom tkun installata sistema Windows jew NetWare filwaqt li l-applikazzjonijiet li l-missjoni tagħhom hija kritika jiġu implementati fuq servers iktar importanti li jiswew iktar u li fuqhom tkun installata sistema operattiva UNIX jew fuq “mainframes”.

500

Per eżempju, grupp kbir li jopera fis-settur kimiku u fis-settur farmaċewtiku jindika li l-applikazzjonijiet b’missjoni kritika użati sabiex jitħallsu l-pagi ta’ l-impjegati tiegħu u għall-operazzjonijiet bankarji interni jitħaddmu fuq “mainframes”. Huwa jżid li applikazzjonijiet oħra b’missjoni kritika użati, b’mod partikolari, għall-ġestjoni amministrattiva u teknika ta’ wħud mid-diviżjonijiet tiegħu, jitħaddmu fuq servers li joperaw bil-UNIX. Għall-kuntrarju, il-funzjonijiet li l-missjoni tagħhom mhijiex kritika, u b’mod partikolari dawk ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, huma, fi ħdan dan il-grupp, eżegwiti minn servers distinti u li fuqhom huma installati prinċipalment sistemi operattivi Windows. F’dan l-istess sens, kumpannija ta’ l-ajru kbira tispjega li l-applikazzjonijiet li hija tuża, b’mod partikolari, sabiex tippjana t-titjiriet u għas-servizzi ta’ prenotazzjoni huma implementati fuq servers li joperaw bil-UNIX, filwaqt li l-applikazzjonijiet li l-missjoni tagħhom mhijiex kritika huma implementati fuq servers li joperaw bil-Windows. Eżempju rilevanti ieħor huwa dak ta’ grupp bankarju li jindika li huwa juża servers li joperaw bil-UNIX fir-rigward ta’ l-applikazzjonijiet finanzjari essenzjali, servers li joperaw b’Solaris fir-rigward ta’ applikazzjonijiet oħra finanzjarji u applikazzjonijiet żviluppati internament, u servers li joperaw bil-Windows NT għall-eżekuzzjoni ta’ “funzjonalitajiet ta’ infrastruttura, bħalma huma s-servizzi ta’ domain (b’mod partikolari l-identifikazzjoni u l-awtorizzazzjoni) kif ukoll is-servizzi ta’ fajls u ta’ printers”.

501

Għandu jiġi osservat li, kif inhuwa indikat b’mod partikolari fil-kunsiderazzjonijiet 58 u 346 tad-deċiżjoni kkontestata, is-servers bażiċi mhumiex użati kollha għall-provvista ta’ servizzi ta’ work group. Uħud minn dawn is-servers huma, fil-fatt, installati “fil-periferija” tan-netwerks u huma intiżi li jeżegwixxu funzjonijiet speċifiċi, bħalma huma l-funzjonijiet ta’ server Web, ta’ cache għall-internet u ta’ firewall.

502

Fl-aħħar, ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ Microsoft li mid-data ta’ l-IDC jirriżulta li, bl-unika eċċezzjoni tas-sistema NetWare ta’ Novell, is-sistemi operattivi li l-Kummissjoni tikklassifika bħala “sistemi operattivi għal servers ta’ work group” jiddedikaw ħafna anqas żmien għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group milli għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet oħra. Dan l-argument huwa bbażat fuq data ta’ l-IDC li tistabbilixxi li 24 % biss tal-bejgħ ta’ servers, mingħajr distinzjoni bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ, li fuqhom tkun installata sistema operattiva Windows jikkorrispondu għall-funzjonijiet ta’ “fajls”, ta’ “printers” u ta’ “amministrazzjoni ta’ netwerk” (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 93 tar-replika). Issa, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet 487 u 488 tad-deċiżjoni kkontestata u kif ser jiġi espost f’iktar dettall fil-punt 553 iktar ’il quddiem, il-metodoloġija użata mill-IDC sabiex tikkalkula l-ishma tas-suq għandha ċerti nuqqasijiet. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-funzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jikkorrispondu għas-servizzi ta’ work group identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, il-perċentwali kkalkulata fuq il-bażi tad-data ta’ l-IDC tirrappreżenta biss is-sehem tal-bejgħ ta’ Microsoft tas-sistemi operattivi għal servers, mingħajr distinzjoni bejn id-diversi verżjonijiet, fir-rigward tas-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega Microsoft, il-perċentwali in kwistjoni mhijiex limitata għas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

503

It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonstatat, filwaqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq id-deskrizzjoni li Microsoft stess tagħti lill-prodotti tagħha, li s-sistemi operattivi għal servers kienu “ottimizzati” għall-funzjonijiet li huma kellhom jeżegwixxu (kunsiderazzjoni 359 sa 368 tad-deċiżjoni kkontestata).

504

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-elementi ta’ prova fil-proċess tal-kawża jikkonfermaw il-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni.

505

Għalhekk, fir-rigward tas-sistemi operattivi għal servers tal-ġenerazzjoni Windows 2000, mill-informazzjoni ppubblikata minn Microsoft fis-sit internet tagħha jirriżulta li dawn is-sistemi operattivi huma kkummerċjalizzati fi tliet verżjonijiet differenti, jiġifieri Windows 2000 Server, Windows 2000 Advanced Server u Windows 2000 Datacenter Server, u li kull waħda minn dawn il-verżjonijiet hija maħsuba sabiex tissodisfa domanda speċifika ta’ l-utenti f’termini ta’ funzjonijiet.

506

Microsoft tiddeskrivi l-Windows 2000 Server bħala l-verżjoni bażika, “entry-level”, tas-sistemi operattivi għal servers Windows 2000 u bħala “s-soluzzjoni adegwata għas-servers ta’ work group għall-funzjonijiet ta’ fajls, printers u ta’ komunikazzjoni” (kunsiderazzjoni 361 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tippreċiża li l-Windows 2000 Server “tiflaħ minn wieħed sa erba’ proċessuri u sa erba’ gigabytes” (kunsiderazzjoni 364 tad-deċiżjoni kkontestata).

507

Fir-rigward tal-Windows 2000 Advanced Server, Microsoft tippreżenta dan il-prodott bħala “s-sistema operattiva ideali għall-applikazzjonijiet professjonali essenzjali u ta’ kummerċ elettroniku, applikazzjonijiet li jimplikaw workloads itqal u pproċessar bi prijorità kbira” (kunsiderazzjoni 362 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tippreċiża li l-Windows 2000 Advanced Server mhux biss fiha l-funzjonalitajiet kollha offruti mill-Windows 2000 Server iżda barra minn hekk għandha “karatteristiċi addizzjonali f’termini tal-kapaċità għal estensjoni u ta’ affidabbiltà, bħall-‘clustering’, li huma intiżi li jiggarantixxu l-funzjonament [ta’] applikazzjonijiet li missjoni tagħhom hija kritika fl-iktar sitwazzjonijiet eżiġenti” (kunsiderazzjoni 362 tad-deċiżjoni kkontestata). Microsoft tindika wkoll li l-Windows 2000 Advanced Server “tiflaħ bejn wieħed u tmien proċessuri u sa tmien gigabytes” (kunsiderazzjoni 364 tad-deċiżjoni kkontestata).

508

Fl-aħħar, fir-rigward tal-Windows 2000 Datacenter Server, Microsoft tippreżenta din is-sistema bħala li toffri “affidabbiltà u disponibbiltà massimi” u bħala li tikkostitwixxi s-“sistema operattiva ideali għall-eżekuzzjoni ta’ databases b’missjoni kritika u ta’ softwer għall-ippjanar tar-riżorsi ta’ l-impriżi” (kunsiderazzjoni 363 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tippreċiża li l-Windows 2000 Datacenter Server “hija intiża għall-impriżi li għandhom bżonn drivers u softwer ta’ l-aħjar kwalità u li huma affidabbli ħafna” u li din is-sistema “tiflaħ minn 1 sa 32 proċessuri u sa 64 gigabytes” (kunsiderazzjonijiet 363 u 364 tad-deċiżjoni kkontestata).

509

Għandu jiġi osservat li Microsoft tippreżenta b’mod simili l-verżjonijiet differenti tas-sistemi operattivi għal servers fil-ġenerazzjoni ta’ wara l-ġenerazzjoni Windows 2000, jiġifieri l-Windows Server 2003 Standard Edition, il-Windows Server 2003 Enterprise Edition, il-Windows Server 2003 Datacenter Edition u l-Windows Server 2003 Web Edition.

510

F’dan is-sens, Microsoft tiddeskrivi l-Windows Server 2003 Standard Edition bħala “s-sistema operattiva għal netwerk li taqdi diversi skopijiet u li hija ideali għall-bżonnijiet ta’ kuljum ta’ organizzazzjonijiet ta’ kull daqs, iżda b’mod partikolari għall-impriżi u għall-work groups żgħar” u bħala li “[tippermetti] l-użu komuni b’mod intelliġenti ta’ fajls u ta’ printers [u bħala li toffri] konnessjoni ma’ l-internet b’sigurtà, l-implementazzjoni ta’ amministrazzjoni ċentralizzata tal-work stations kif ukoll soluzzjonijiet Web li jippermettu konnessjoni bejn l-impjegati, l-imsieħba u l-klijenti” (kunsiderazzjoni 365 tad-deċiżjoni kkontestata).

511

Fir-rigward tal-Windows Server 2003 Enterprise Edition, Microsoft tispjega li din is-sistema toffri, minbarra l-funzjonalitajiet tal-Windows Server 2003 Standard Edition, “il-karatteristiċi ta’ affidabbiltà meħtieġa għall-applikazzjonijiet ta’ impriża ‘b’missjoni kritika’” (kunsiderazzjoni 366 tad-deċiżjoni kkontestata).

512

Fir-rigward tal-Windows Server 2003 Datacenter Edition, Microsoft tindika li din is-sistema operattiva “hija maħsuba għal applikazzjonijiet b’missjoni kritika li jeżiġu l-iktar livell għoli ta’ kapaċità ta’ żvilupp, ta’ disponibbiltà u ta’ affidabbiltà” (kunsiderazzjoni 366 tad-deċiżjoni kkontestata).

513

Fl-aħħar, Microsoft tiddeskrivi l-Windows Server 2003 Web Edition bħala “intiża għall-ħolqien u l-hosting ta’ applikazzjonijiet, ta’ paġni u ta’ servizzi Web” u bħala “maħsuba speċjalment sabiex tissodisfa l-bżonnijiet ta’ servizzi Web speċjalizzati” (kunsiderazzjoni 367 tad-deċiżjoni kkontestata). Microsoft tenfasizza li din is-sistema“tista’ tintuża biss għall-iżvilupp u l-implementazzjoni ta’ paġni Web, ta’ siti Web, ta’ applikazzjonijiet Web u ta’ servizzi Web” (kunsiderazzjoni 367 tad-deċiżjoni kkontestata).

514

Għaldaqstant, mill-elementi preċedenti jirriżulta li Microsoft stess tippreżenta l-verżjonijiet differenti tas-sistemi operattivi tagħha għal servers bħala sistemi intiżi li jissodisfaw eżiġenzi distinti ta’ l-utenti f’termini ta’ funzjonijiet. Minn dawn l-elementi jirriżulta wkoll li dawn il-verżjonijiet differenti mhumiex intiżi li jiffunzjonaw fuq l-istess ħardwer.

515

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li anki l-prodotti ta’ edituri oħra ta’ sistemi operattivi għal servers huma “ottimizzati” sabiex jipprovdu servizzi ta’ work group. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għall-prodotti ta’ l-impriża Red Hat, li s-sistemi operattivi tagħha, Red Hat Enterprise Linux ES u Red Hat Enterprise Linux AS, huma intiżi b’mod ċar sabiex jissodisfaw eżiġenzi distinti ta’ l-utenti. Għalhekk, kif tindika l-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 463 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-impriża tiddeskrivi, fis-sit internet tagħha, is-sistema Red Hat Enterprise Linux ES tagħha bħala “perfettament adattata għas-servizzi ta’ netwerk, ta’ fajls, ta’ printers, ta’ posta elettronika, u għas-server Web, kif ukoll għall-applikazzjonijiet professjonali speċifiċi jew ġenerali”. Għall-kuntrarju, fir-rigward tas-sistema Red Hat Enterprise Linux AS tagħha, Red Hat tippreżentaha bħala intiża għas-“sistemi ta’ l-ogħla livell u li jkollhom missjoni kritika” u bħala li hija “l-iktar soluzzjoni ideali għas-servers kbar użati f’dipartimenti u f’ċentri ta’ data”. Dan huwa konsistenti mal-konstatazzjoni li s-sistemi operattivi li huma installati fis-servers ta’ l-ogħla livell huma intiżi għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet b’“missjoni kritika” u, għal din ir-raġuni, għandhom ikunu iktar affidabbli u għandu jkollhom iktar funzjonalitajiet mis-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 57 u 346 tad-deċiżjoni kkontestata).

516

It-tielet nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-“istrateġija ta’ Microsoft fejn jidħlu l-prezzijiet” u, b’mod partikolari, fuq il-fatt li Microsoft kienet tagħti prezzijiet differenti għall-verżjonijiet differenti tas-sistemi operattivi tagħha għal servers (kunsiderazzjonijiet 369 sa 382 tad-deċiżjoni kkontestata).

517

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel post, li, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fil-kunsiderazzjonijiet 370 sa 373 tad-deċiżjoni kkontestata u li mhumiex ikkontestati minn Microsoft, jirriżulta li jeżistu differenzi sinjifikattivi fil-prezz bejn il-verżjonijiet differenti tas-sistemi operattivi għal servers ta’ Microsoft, u dan kemm fir-rigward tal-ġenerazzjoni Windows 2000 Server u kemm fir-rigward tal-ġenerazzjoni Windows Server 2003.

518

Għalhekk, fuq il-bażi ta’ 25 “Client Access Licences” (CAL), il-prezz tal-bejgħ tas-sistema Windows 2000 Advanced Server huwa 2,22 darba iktar għoli minn dak tas-sistema Windows 2000 Server. Fir-rigward tas-sistema Windows 2000 Datacenter Server, il-prezz tal-bejgħ tagħha huwa 5,55 iktar għoli minn dak tas-sistema Windows 2000 Server (fuq il-bażi ta’ 25 CAL).

519

Bl-istess mod, fuq il-bażi ta’ 25 CAL, il-prezz tal-bejgħ tas-sistema Windows Server 2003 Enterprise Edition huwa 2,22 iktar għoli minn dak tas-sistema Windows Server 2003 Standard Edition. Il-prezz tal-bejgħ tas-sistema Windows Server 2003 Datacenter Edition huwa 5,55 iktar għoli minn dak tas-sistema Windows Server 2003 Standard Edition (fuq il-bażi ta’ 25 CAL). Fir-rigward tas-sistema Windows Server 2003 Web Edition, li tista’ tintuża biss għall-eżekuzzjoni ta’ ċerti funzjonijiet partikolari (ara l-punt 513 iktar ’il fuq), din tinbiegħ bi prezz ħafna inqas minn dak tas-sistema Windows Server 2003 Standard Edition.

520

Fit-tieni post, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jidher li qiegħda tissuġġerixxi Microsoft (ara l-punt 446 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma tikkonkludix mis-sempliċi fatt li Microsoft tagħti prezzijiet differenti għad-diversi verżjonijiet tas-sistema operattiva tagħha għal servers li l-imsemmija verżjonijiet jappartjenu għal swieq ta’ prodott distinti. Fir-rigward tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda, il-Kummissjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni dan l-element biss iżda tikkunsidra wkoll, u fuq kollox, il-fatt li kull waħda minn dawn il-verżjonijiet differenti hija intiża li tissodisfa domanda speċifika min-naħa ta’ l-utenti.

521

Barra minn hekk, Microsoft ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-verżjonijiet “iktar għoljin” tal-prodotti tagħha tal-ġenerazzjoni Windows Server 2003, jiġifieri s-sistemi Windows Server 2003 Enterprise Edition u Windows Server 2003 Datacenter Edition, jippermettu t-twettiq ta’ l-istess funzjonijiet ta’ work group bħas-sistema Windows Server 2003 Standard Edition. Fil-fatt, minkejja li dan huwa minnu, xorta jibqa’ l-fatt li l-ewwel żewġ sistemi huma intiżi li jissodisfaw eżiġenzi differenti minn dawk li tissodisfa t-tielet waħda u li huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li utent li jkun jixtieq biss servizzi ta’ work group jakkwista, għal dan il-għan, sistema sostanzjalment iktar għolja mis-sistema Windows Server 2003 Standard Edition.

522

Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 376 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft stess hija ta’ l-istess fehma kif jirriżulta mill-fatt li, fid-dokumentazzjoni kummerċjali tagħha, meta tagħmel riferiment għas-sistemi fis-sensiela ta’ prodotti Windows 2000 Server, hija tindika li:

“[I]t-tliet prodotti tal-familja — Windows 2000 Server, [Windows 2000] Advanced Server u [Windows 2000] Datacenter Server — jippermettulkom li tadattaw l-investiment tagħkom b’tali mod li tiksbu l-livell ta’ disponibbiltà tas-sistema adegwat għall-operazzjonijiet kummerċjali differenti tagħkom, mingħajr ma takkwistaw iktar milli jkollkom bżonn għal operazzjonijiet li ma jeħtieġux żmien massimu ta’ funzjonament.”

523

F’dan l-istess kuntest, Microsoft lanqas ma tista’ targumenta abbażi tal-fatt li s-sistema operattiva Windows Server 2003 Standard Edition tippermetti anki l-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet minbarra dawk ta’ work group. Fil-fatt, dan l-argument ma jieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li fir-rigward ta’ din is-sistema operattiva Microsoft tagħti prezzijiet differenti skond jekk tkunx intiża li tintuża għall-provvista ta’ servizzi ta’ work group jew għal tipi oħra ta’ servizzi. Kif ġie spjegat fil-kunsiderazzjonijiet 84 u 380 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prezzijiet stabbiliti minn Microsoft għas-sistema operattiva Windows Server 2003 Standard Edition jinkludu ħlas għal kull server li fuqu tkun installata din is-sistema u ħlas (CAL) għal kull client PC ipprovdut b’servizzi ta’ work group minn dan is-server. Għall-kuntrarju, l-utent ma jkollux għalfejn jakkwista CAL jekk ikun jixtieq juża din is-sistema operattiva għat-twettiq ta’ funzjonijiet “li ma jkunux awtentikati”, bħalma huma l-funzjonijiet ta’ firewall, ta’ proxy jew ta’ cache. Dawn il-konstatazzjonijiet jistabbilixxu, barra minn hekk, li l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-“fornituri ma jagħtux prezzijiet differenti lil persuni differenti għall-istess edizzjoni ta’ sistema operattiva għal servers abbażi tal-mod kif dawn il-persuni jkunu ser jużawha” hija ineżatta.

524

Fl-aħħar, ir-raba’ nett, il-Kummissjoni osservat li s-sistemi operattivi għal servers minbarra s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group ma kellhomx għalfejn jinteroperaw mal-client PCs fi ħdan organizzazzjonijiet b’mod daqstant tajjeb daqs is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 346 u 383 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

525

F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi osservat li fil-punt 385 iktar ’il fuq diġà ġie kkonstatat li l-Kummissjoni kellha raġun meta fformulat tali evalwazzjoni. F’kull każ, din l-evalwazzjoni ma ġietx ikkontestata minn Microsoft.

526

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Microsoft ma stabbilixxietx li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li ma jeżistux prodotti li, min-naħa tad-domanda, huma kapaċi jikkompetu mas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group b’tali mod li jistgħu jiġu inklużi fl-istess suq ta’ prodott in kwistjoni (kunsiderazzjoni 387 tad-deċiżjoni kkontestata) kienet manifestament żbaljata.

527

Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista, din il-kwistjoni ġiet analizzata mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 388 sa 400 tad-deċiżjoni kkontestata.

528

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li “edituri oħra ta’ sistemi operattivi, inklużi, b’mod partikolari, l-edituri ta’ sistemi operattivi għal servers, ma jistgħux jibdlu l-orjentament tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni tagħhom lejn sistemi operattivi għal servers ta’ work group mingħajr ma jsoffru spejjeż u mingħajr ma jassumu riskji addizzjonali sostanzjali u fi żmien qasir biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li kunsiderazzjonijiet marbuta mas-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista huma rilevanti f’din il-kawża” (kunsiderazzjoni 399 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod iktar partikolari, hija tiċħad it-teżi żviluppata minn Microsoft fir-risposta tagħha tas-16 ta’ Novembru 2001 għat-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li teżisti “sostitwibbiltà prattikament immedjata min-naħa tal-provvista” fis-sens li jkun biżżejjed li “jiġu diżattivati” l-“funzjonalitajiet iktar kumplessi” inklużi fis-sistemi operattivi għal servers ta’ l-ogħla livell sabiex jinkiseb prodott paragunabbli għal sistema operattiva għal servers ta’ work group.

529

Għandu jiġi kkonstatat li, fit-test ta’ l-atti tagħha, Microsoft ma tressaq ebda argument konkret ta’ natura li jikkontesta l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati iktar ’il fuq. Fir-replika hija sempliċement tallega, b’mod ġenerali, li “f’diversi każijiet il-bidla ma tkun tinvolvi l-ebda spiża” u li “f’każijiet oħra din tkun negliġibbli”, mingħajr ma tindika jekk permezz ta’ din l-allegazzjoni għandhiex l-intenzjoni tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista.

530

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li Microsoft ma pprovatx li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod manifestament żbaljat li f’dan il-każ ma teżistix sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista.

531

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament iddefiniet it-tieni suq ta’ prodott bħala s-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

532

Din il-konklużjoni ta’ l-aħħar ma tistax tiġi kkontestata bl-argument ta’ Microsoft li “[f]is-settur ħadd ma juża l-espressjoni ‘server ta’ work group’ fis-sens użat mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi [s-suq ta’ prodott in kwistjoni]”. Fil-fatt, minn naħa, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, it-terminoloġija użata minnha sabiex tidentifika s-suq mhijiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hija ddefinietx dan is-suq b’mod korrett. Min-naħa l-oħra, l-argument ta’ Microsoft, f’kull każ, mhuwiex fondat fil-fatt peress li mill-proċess tal-kawża jirriżulta li l-espressjonijiet “server ta’ work group” u “sistema operattiva għal servers ta’ work group” jintużaw fis-settur sabiex jidentifikaw it-tip ta’ prodotti identifikati mid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, fl-ilment tagħha ta’ l-10 ta’ Diċembru 1998, Sun tippreċiża espressament li dan l-ilment jikkonċerna l-aġir ta’ Microsoft “fis-settur tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group”. F’dan l-istess sens, għandu jiġi mfakkar li, fid-dokumentazzjoni kummerċjali tagħha, Microsoft stess tippreżenta s-sistema operattiva tagħha Windows 2000 Server bħala s-“soluzzjoni adegwata għas-servers ta’ work group għall-funzjonijiet ta’ fajls, ta’ printers u ta’ komunikazzjoni” (ara l-punt 506 iktar ’il fuq).

— Fuq il-metodoloġija applikata fil-kalkolu ta’ l-ishma tas-suq

533

Microsoft tilmenta li l-Kummissjoni użat metodoloġija inadegwata sabiex tikkalkula l-ishma tas-suq tad-diversi operaturi fit-tieni suq ta’ prodott. Hija ssostni b’mod partikolari li din il-metodoloġija ma tagħti ebda “informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti”.

534

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, għar-raġunijiet li ser jiġu esposti iktar ’il quddiem, Microsoft ma tipprovax li l-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

535

Fil-kunsiderazzjonijiet 473 sa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħti spjegazzjonijiet dettaljati dwar din il-metodoloġija.

536

Il-Kummissjoni tindika, l-ewwel nett, li hija tuża żewġ kategoriji ta’ “valuri indikattivi” (proxies) sabiex tevalwa l-pożizzjoni tad-diversi operaturi fis-suq, jiġifieri, minn naħa, il-previżjonijiet magħmula mill-IDC abbażi ta’ marġni ta’ prezzijiet kif ukoll tad-diviżjoni bejn id-diversi funzjonijiet eżegwiti mis-servers u, min-naħa l-oħra, il-previżjonijiet ta’ l-ishma tas-suq ibbażati fuq ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 u tat-tieni u t-tielet stħarriġiet imwettqa minn Mercer (kunsiderazzjoni 473 tad-deċiżjoni kkontestata).

537

Għandu jiġi osservat qabel kollox li l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti turi li l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-Kummissjoni, fil-kalkolu ta’ l-ishma tas-suq, ħadet in kunsiderazzjoni biss iż-żmien iddedikat mis-sistemi operattivi għal servers għat-twettiq ta’ funzjonijiet ta’ work group u l-bejgħ ta’ sistemi operattivi għal servers li jiswew anqas minn USD 25000 hija manifestament ineżatta. Microsoft tonqos milli ssemmi li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni wkoll data minn sorsi oħra minbarra l-IDC. Kif ser jiġi indikat fil-punt 556 iktar ’il quddiem, l-ishma tas-suq li huma stabbiliti abbażi ta’ din id-data ta’ l-aħħar jikkorrispondu, b’mod ġenerali, għal dawk iddeterminati abbażi tad-data ta’ l-IDC.

538

It-tieni nett, il-Kummissjoni tesponi li l-ishma tas-suq għandhom jiġu kkalkulati fid-dawl kemm tan-numru ta’ unitajiet tal-prodott mibjugħa u kemm tad-dħul mill-bejgħ akkwistat mill-bejgħ tas-softwer flimkien mal-ħardwer (kunsiderazzjonijiet 474 sa 477 tad-deċiżjoni kkontestata).

539

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-data ta’ l-IDC, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li din id-data tiġi aġġustata bl-applikazzjoni ta’ żewġ “filters” (kunsiderazzjonijiet 478 sa 489 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn naħa, hija tieħu in kunsiderazzjoni biss servers li l-prezz tal-bejgħ tagħhom huwa anqas minn USD 25000 jew EUR 25000 peress li, fiż-żmien ikkonċernat, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 tad-deċiżjoni kkontestata, euro kien jikkorrispondi b’mod ġenerali għal dollaru Amerikan. Min-naħa l-oħra, hija tieħu in kunsiderazzjoni biss uħud mill-kategoriji ta’ funzjonijiet identifikati mill-IDC.

540

L-ilment ta’ Microsoft jikkonċerna l-użu ta’ dawn iż-żewġ filters.

541

Fir-rigward ta’ l-ewwel filter, Microsoft, fit-test tar-replika, sempliċement tikkontesta, b’mod kompletament ġenerali, ir-rilevanza ta’ dan il-filter. Fl-anness C.12 tar-replika, hija tippreċiża xi ftit l-argument tagħha billi, minn naħa, tallega li l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 — li wħud mir-riżultati tagħha ntużaw mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dan il-filter — tikkonċerna l-“aġir ta’ grupp partikolari ta’ klijenti” u, min-naħa l-oħra, tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-prezz tal-bejgħ tas-servers u mhux dak tas-sistemi operattivi. Fir-rigward ta’ dan il-punt ta’ l-aħħar, hija tosserva li l-istess sistema operattiva għal servers ta’ work group tista’ topera fuq servers bi prezzijiet differenti ħafna, u b’mod partikolari fuq servers li jiswew iktar minn USD 25000.

542

Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

543

Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-entitajiet mistħarrġa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 ma jirrappreżentawx “grupp partikolari ta’ klijenti”. Kif inhuwa indikat fil-kunsiderazzjoni 8 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn l-entitajiet huma kumpanniji li ntgħażlu mill-Kummissjoni fuq bażi fortuwita, li jinsabu fi Stati Membri differenti, li huma ta’ daqs differenti u li huma attivi f’setturi ekonomiċi differenti.

544

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, kif ippreċiżat il-Kummissjoni f’risposta għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-limitu tal-prezz ta’ USD 25000, jew EUR 25000, jikkonċerna l-“ispiża totali tas-sistema (jiġifieri l-ħardwer u s-softwer)”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament ħadet in kunsiderazzjoni l-prezz tal-bejgħ tal-ħardwer flimkien mas-softwer sabiex tevalwa l-ishma tas-suq ta’ l-operaturi fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Fil-fatt, kif inhuwa kkonstatat fil-kunsiderazzjonijiet 69 u 474 tad-deċiżjoni kkontestata, diversi fornituri, fosthom Sun u l-parti l-kbira tal-fornituri ta’ prodotti UNIX, jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw fl-istess ħin is-sistemi operattivi għal servers u l-ħardwer. Għandu jiġi kkonstatat, barra minn hekk, li, matul il-proċedura amministrattiva, Microsoft stess adottat ir-raġunament tal-Kummissjoni f’dan is-sens (ara l-kunsiderazzjoni 476 tad-deċiżjoni kkontestata).

545

Fl-aħħar lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament adottat limitu tal-prezz ta’ USD 25000, jew EUR 25000, li huwa l-ammont li jikkorrispondi għall-prezz tal-bejgħ massimu tas-servers li jappartjenu għall-ewwel waħda mit-tliet kategoriji ta’ servers li abbażi tagħhom l-IDC taqsam is-suq għall-finijiet ta’ l-analiżi tagħha (kunsiderazzjoni 480 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, mir-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 jirriżulta li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group ġeneralment jiffunzjonaw fuq servers relattivament irħas, b’kuntrast ma’ l-applikazzjonijiet “b’missjoni kritika” li, min-naħa tagħhom, huma implementati fuq servers ta’ livell għoli.

546

B’hekk, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-organizzazzjonijiet in kwistjoni inter alia jippreċiżaw liema kien il-prezz li huma kienu lesti jħallsu għal server ta’ work group (mistoqsija numru 3 tat-talba għal informazzjoni ta’ l-4 ta’ Ġunju 2003). Mill-85 organizzazzjoni li wieġbu għal din id-domanda, 83 (jiġifieri madwar 97,6 %) indikaw li huma ma kinux iħallsu somma ta’ iktar minn EUR 25000.

547

Bl-istess mod, fit-talba għal informazzjoni tagħha tas-16 ta’ April 2003, il-Kummissjoni għamlet numru ta’ mistoqsijiet lill-organizzazzjoni fir-rigward ta’ l-akkwisti tagħhom fil-passat u dawk ippjanati ta’ servers intiżi għall-provvista ta’ servizzi ta’ fajls u ta’ printers (mistoqsijiet numri 8 u 9). Mir-risposti għal dawn il-mistoqsijiet jirriżulta li, mit-8236 server mixtrija għal dan il-għan minn dawn l-organizzazzjonijiet, 8001 (jiġifieri madwar 97,1 %) swew anqas minn EUR 25000 u li, mill-2695 akkwist ippjanat ta’ tali servers, 2683 (jiġifieri 99,6 %) kienu ta’ prezz anqas minn EUR 25000 (kunsiderazzjoni 479 tad-deċiżjoni kkontestata).

548

Fir-rigward tat-tieni filter, Microsoft, fit-test tar-replika tagħha, sempliċement tosserva li l-applikazzjoni ta’ dan il-filter għandha l-konsegwenza assurda li “sistema operattiva tiġi kkunsidrata fl-istess ħin bħala li taqa’ u li ma taqax fis-suq skond il-funzjonijiet li hija teżegwixxi f’mument partikolari”. Fl-anness C.12 tar-replika, hija żżid li “parti kbira tal-bejgħ (artifiċjalment) eskluż mis-suq [permezz ta’ l-użu ta’ dan il-filter] tikkorrispondi kważi ċertament għall-bejgħ ta’ edizzjonijiet ta’ [sistemi operattivi għal servers] li jaqgħu fis-suq identifikat mill-Kummissjoni [jiġifieri s-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group]”.

549

Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

550

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat mhux biss li l-Kummissjoni kellha kull dritt li tuża dan it-tieni filter iżda wkoll li Microsoft tesaġera b’mod sostanzjali l-konsegwenzi ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-filter.

551

F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra r-raġuni għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li jintuża dan il-filter. Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjoni 482 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni tal-Kummissjoni kienet li mhux is-sistemi operattivi kollha installati f’servers li jiswew anqas minn USD 25000, jew EUR 25000, huma sistemi li jipprovdu servizzi ta’ work group. B’mod partikolari, uħud minn dawn is-sistemi huma esklużivament intiżi għat-twettiq ta’ funzjonijiet speċjalizzati, li jinsabu barra minn jew fil-periferija tan-netwerks ta’ work group, bħalma huma s-servizzi Web u ta’ firewall. Dan huwa l-każ, per eżempju, fir-rigward tas-sistema Windows Server 2003 Web Edition li l-kundizzjonijiet ta’ liċenzja tagħha jipprojbixxu li tintuża għall-provvista ta’ servizzi ta’ work group u li normalment hija installata fuq servers li l-prezz tagħhom ikun anqas minn USD 25000, jew EUR 25000.

552

Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li kien meħtieġ li d-data ta’ l-IDC dwar il-bejgħ ta’ servers li jiswew anqas minn USD 25000, jew EUR 25000, tiġi aġġustata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll it-tipi differenti ta’ funzjonijiet imwettqa minn dawn is-servers (kunsiderazzjoni 483 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dan il-għan hija użat id-data ta’ l-IDC miżmuma f’database bl-isem “IDC Server Workloads 2003 Model”. Din hija data miġubra mingħand il-konsumaturi li ntalbu mill-IDC jippreċiżaw il-funzjonijiet (jew il-“work loads”) imwettqa mis-servers użati minnhom fl-organizzazzjonijiet tagħhom. Kif diġà ġie espost fil-punt 431 iktar ’il fuq, l-IDC identifikat tmien kategoriji prinċipali ta’ funzjonijiet u fi ħdan dawn il-kategoriji tidentifika diversi kategoriji sekondarji. Il-Kummissjoni adottat il-kategoriji sekondarji msejħa “użu komuni ta’ fajls/printers” u “amministrazzjoni ta’ netwerk”, li kienu dawk l-iktar qrib tas-servizzi ta’ “użu komuni ta’ fajls u ta’ printers” u ta’ “amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti” identifikati mid-deċiżjoni kkontestata (kunsiderazzjoni 486 tad-deċiżjoni kkontestata).

553

Huwa minnu li l-funzjonijiet li jaqgħu f’dawn iż-żewġ kategoriji sekondarji ma jikkorrispondux perfettament għas-servizzi li jikkostitwixxu s-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Il-Kummissjoni kienet kompletament konxja ta’ dan, kif jirriżulta mill-eżempji mogħtija minnha fil-kunsiderazzjonijiet 487 u 488 tad-deċiżjoni kkontestata, li juru b’mod partikolari li ċerti funzjonijiet eżegwiti fuq servers ta’ livell għoli setgħu jiġu attribwiti lil waħda minn dawn il-kategoriji sekondarji minkejja li huwa ċar li ma jirrappreżentawx funzjonijiet ta’ work group.

554

Madankollu, huwa preċiżament it-tlaqqigħ taż-żewġ filters ikkritikati minn Microsoft li jippermetti li titnaqqas din il-problema ta’ konsistenza bejn il-funzjonijiet iddefiniti mill-IDC u dawk identifikati mill-Kummissjoni.

555

F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ishma tas-suq miksuba billi jiġi applikat biss l-ewwel filter mhumiex sostanzjalment differenti minn dawk miksuba billi jiġu użati ż-żewġ filters flimkien. B’hekk, fir-rigward tas-sehem tas-suq ta’ Microsoft fl-2002, ikkalkulat abbażi tas-servers kollha mibjugħa bi prezz anqas minn USD 25000, dan is-sehem huwa ta’ 64,9 % f’termini ta’ unitajiet mibjugħa u ta’ 61 % f’termini ta’ dħul mill-bejgħ (kunsiderazzjoni 491 tad-deċiżjoni kkontestata). Meta, għall-istess servers, jittieħdu in kunsiderazzjoni biss il-kategoriji sekondarji “użu komuni ta’ fajls/printers” u “amministrazzjoni ta’ netwerk”, l-ishma tas-suq ta’ Microsoft huma s-segwenti: 66,4 % f’termini ta’ unitajiet mibjugħa (65,7 % f’termini ta’ dħul mill-bejgħ) fir-rigward ta’ l-ewwel kategorija sekondarja, u 66,7 % f’termini ta’ unitajiet mibjugħa (65,2 % f’termini ta’ dħul mill-bejgħ) fir-rigward tat-tieni kategorija sekondarja (kunsiderazzjoni 493 tad-deċiżjoni kkontestata).

556

B’mod iktar ġenerali, kif inhuwa kkonstatat fil-kunsiderazzjoni 473 tad-deċiżjoni kkontestata, il-perċentwali miksuba meta tintuża d-data ta’ l-IDC, bl-applikazzjoni taż-żewġ filters flimkien, jikkorrispondu b’mod ġenerali għal dawk miksuba abbażi tar-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 u tat-tieni u t-tielet stħarriġiet imwettqa minn Mercer (ara, per eżempju, il-kunsiderazzjonijiet 495, 497 u 498 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi enfasizzat, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni dejjem adottat stima prudenti. B’hekk, fir-rigward ta’ Microsoft, hija adottat is-sehem tas-suq l-iktar baxx, jiġifieri “minn ta’ l-anqas 60 %” (kunsiderazzjoni 499 tad-deċiżjoni kkontestata).

557

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi konkluż li Microsoft ma tipprovax li l-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni sabiex tikkalkula l-ishma tas-suq hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas, għaldaqstant, li l-istimi ta’ l-ishma tas-suq li jinsabu fil-kunsiderazzjonijiet 491 sa 513 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu kkunsidrati bħala manifestament żbaljati.

558

Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq l-ishma tas-suq ta’ Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group meta kkonstatat li Microsoft kellha pożizzjoni dominanti f’dan is-suq. Fil-fatt, hija ħadet in kunsiderazzjoni anki l-fatt li kienu jeżistu impedimenti għad-dħul f’dan is-suq (kunsiderazzjonijiet 515 sa 525 tad-deċiżjoni kkontestata), dovuti b’mod partikolari għall-preżenza ta’ effetti ta’ netwerk u ta’ impedimenti fir-rigward ta’ l-interoperabbiltà, kif ukoll ta’ rabtiet kummerċjali u teknoloġiċi mill-qrib bejn dan is-suq u dak tas-sistemi operattivi għal client PCs (kunsiderazzjonijiet 526 sa 540 tad-deċiżjoni kkontestata).

559

Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tar-rifjut abbużiv in kwistjoni, il-Kummissjoni takkuża lil Microsoft, fid-deċiżjoni kkontestata, li nqdiet, permezz ta’ “leveraging”, bil-pożizzjoni kważi monopolistika tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs sabiex tinfluwenza s-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 533, 538, 539, 764 sa 778, 1063, 1065 u 1069). Fi kliem ieħor, l-aġir abbużiv ikkonstatat fil-konfront ta’ Microsoft għandu l-oriġini tiegħu fil-pożizzjoni dominanti tagħha fl-ewwel suq ta’ prodott (kunsiderazzjonijiet 567 u 787 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki jekk il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li Microsoft kellha pożizzjoni dominanti fit-tieni suq (ara, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet 491 sa 541, 781 u 788 tad-deċiżjoni kkontestata), dan mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex iwassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li Microsoft kienet abbużat minn pożizzjoni dominanti.

— Fuq il-kriterju applikabbli

560

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk ir-rifjut in kwistjoni kienx joħloq ir-“riskju” li tiġi eliminata l-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 585, 589, 610, 622, 626, 631, 636, 653, 691, 692, 712, 725, 781, 992 u 1070). Microsoft tikkunsidra li dan il-kriterju mhuwiex strett biżżejjed peress li l-ġurisprudenza dwar l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali teżiġi li l-Kummissjoni tipprova li r-rifjut li tingħata liċenzja lil terzi huwa “ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni” jew, fi kliem ieħor, li teżisti “probabbiltà kbira” li dan ir-rifjut iwassal għal tali riżultat.

561

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-ilment ta’ Microsoft huwa ta’ natura purament terminoloġika u mhuwiex rilevanti. L-espressjonijiet “riskju ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni” u “ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni” huma, fil-fatt, użati mingħajr distinzjoni mill-qorti Komunitarja sabiex tagħti l-istess idea, jiġifieri li l-Artikolu 82 KE ma japplikax biss mill-mument meta ma tkunx għadha teżisti, jew kważi ma tkunx għadha teżisti, kompetizzjoni fis-suq. Jekk il-Kummissjoni tiġi obbligata tistenna li l-kompetituri jkunu eliminati mis-suq, jew li tali eliminazzjoni tkun suffiċjentament imminenti, qabel ma tkun tista’ tintervjeni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, dan ikun imur manifestament kontra l-għan ta’ l-Artikolu 82 KE li huwa l-preservazzjoni ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq komuni u, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-kompetizzjoni li tkun għadha teżisti fis-suq in kwistjoni.

562

F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha iktar u iktar raġun li tapplika l-Artikolu 82 KE qabel ma mmaterjalizzat kompletament l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group fid-dawl tal-fatt li dan is-suq huwa kkaratterizzat minn effetti ta’ netwerk sostanzjali u li għalhekk kien ikun diffiċli li tiġi rrimedjata tali eliminazzjoni (ara l-kunsiderazzjonijiet 515 sa 522 u 533 tad-deċiżjoni kkontestata).

563

Għandu jingħad ukoll li mhuwiex meħtieġ li tiġi pprovata l-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni fis-suq. Fil-fatt, dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi stabbilit ksur ta’ l-Artikolu 82 KE huwa li r-rifjut in kwistjoni jippreżenta riskju li, jew huwa ta’ natura li, jelimina kull kompetizzjoni effettiva mis-suq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-kompetituri ta’ l-impriża f’pożizzjoni dominanti jibqgħu preżenti b’mod marġinali f’ċerti “niċeċ” tas-suq ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li teżisti kompetizzjoni.

564

Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li r-rifjut ta’ provvista in kwistjoni joħloq ir-riskju li tiġi eliminata kull kompetizzjoni effettiva. Kif diġà ġie indikat fil-punt 482 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi ta’ prova li jkunu preċiżi, affidabbli u koerenti, li jikkostitwixxu l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u li jkunu kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet meħuda minnhom.

— Fuq l-evalwazzjoni tad-data tas-suq u tas-sitwazzjoni kompetittiva

565

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tanalizza fl-istess ħin iċ-ċirkustanza li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà hija ta’ natura indispensabbli u dik li r-rifjut in kwistjoni joħloq ir-riskju li tiġi eliminata l-kompetizzjoni (kunsiderazzjonijiet 585 sa 692 tad-deċiżjoni kkontestata). L-analiżi tal-Kummissjoni hija maqsuma f’erba’ partijiet. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni teżamina l-evoluzzjoni tas-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 590 sa 636 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni lok, hija tikkonstata li l-interoperabbiltà hija fattur li għandu rwol determinanti fl-adozzjoni tas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group (kunsiderazzjonijiet 637 sa 665 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tielet lok, hija tindika li ma jeżistux soluzzjonijiet alternattivi għall-iżvelar, min-naħa ta’ Microsoft, ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà (kunsiderazzjonijiet 666 sa 687 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-raba’ lok, hija tagħmel xi osservazzjonijiet fir-rigward tal-MCPP (kunsiderazzjonijiet 688 sa 691 tad-deċiżjoni kkontestata).

566

L-argumenti ta’ Microsoft in sostenn ta’ dan l-ilment jikkonċernaw essenzjalment l-ewwel parti ta’ din l-analiżi tal-Kummissjoni. Microsoft essenzjalment issostni li d-data tas-suq tikkontradixxi t-teżi tal-Kummissjoni li l-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tinsab f’riskju li tiġi eliminata minħabba r-rifjut in kwistjoni.

567

Fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, eżaminat l-evoluzzjoni ta’ l-ishma tas-suq ta’ Microsoft u tal-kompetituri tagħha fit-tieni suq ta’ prodott. Hija kkonstatat, essenzjalment, li s-sehem tas-suq ta’ Microsoft kiber b’mod rapidu u sostanzjali u li qiegħed ikompli jikber b’detriment, b’mod partikolari, għas-sehem ta’ Novell. It-tieni nett, il-Kummissjoni osservat li s-sehem tas-suq ta’ l-edituri ta’ prodotti UNIX kien żgħir. Fl-aħħar nett, hija qieset li l-prodotti Linux kellhom biss preżenza limitata ħafna fis-suq, li dawn il-prodotti ma kienu rreġistraw ebda progress f’dan is-suq matul is-snin ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li ċerti previżjonijiet dwar il-progress tagħhom fil-futur ma kinux ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni tagħha fir-rigward ta’ l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni effettiva fis-suq.

568

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dawn il-konstatazzjonijiet differenti huma kkonfermati mill-elementi ta’ prova li jinsabu fil-proċess tal-kawża u li l-argumenti ta’ Microsoft ma jistgħux jikkontestaw dawn il-konstatazzjonijiet.

569

Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li, inizjalment, Microsoft kienet tipprovdi biss sistemi operattivi għal client PCs u li kien biss wara ħafna żmien li daħlet fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers (ara, b’mod partikolari, il-punt 47 tar-risposta tas-17 ta’ Novembru 2000 għall-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet). Kien biss fil-bidu tas-snin 90 li Microsoft bdiet tiżviluppa sistema operattiva għal servers — f’Lulju 1992 ikkummerċjalizzat l-ewwel sistema, imsejħa “Windows NT 3.5 Server” — u kien biss bil-prodott tagħha msejjaħ “Windows NT 4.0”, introdott fis-suq f’Lulju 1996, li hija kisbet għall-ewwel darba suċċess kummerċjali tanġibbli (ara, b’mod partikolari, il-punt 50 tar-risposta tas-17 ta’ Novembru 2000 għall-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u l-punti 50 u 56 tar-rikors).

570

Mid-data ta’ l-IDC, kif riprodotta fil-kunsiderazzjoni 591 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li s-sehem tas-suq ta’ Microsoft, f’termini ta’ unitajiet mibjugħa, fis-suq tas-sistemi operattivi installati fuq servers li jiswew anqas minn USD 25000 żdied minn 25,4 % (24,5 % f’termini ta’ dħul mill-bejgħ) fl-1996 għal 64,9 % (61 % f’termini ta’ dħul mill-bejgħ) fl-2002, jiġifieri qabża ta’ kważi 40 % f’sitt snin biss.

571

Mid-data ta’ l-IDC, imsemmija fil-kunsiderazzjoni 592 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta wkoll li s-sehem tas-suq ta’ Microsoft kiber b’mod kontinwu wara l-introduzzjoni tal-ġenerazzjoni Windows 2000 tas-sistemi operattivi tagħha. Issa, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata (ara, per eżempju, il-kunsiderazzjonijiet 578 sa 584, 588 u 613), kien preċiżament mas-sistemi operattivi ta’ din il-familja ta’ prodotti li l-kompetituri ta’ Microsoft sabu problemi ta’ interoperabbiltà partikolarment serji.

572

B’hekk, per eżempju, is-softwer imsejjaħ “NDS for NT”, li kien ġie żviluppat minn Novell permezz ta’ teknika ta’ inġinerija b’lura, kien jiffaċilita l-interoperabbiltà bejn is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group ta’ kompetituri ta’ Microsoft u l-arkitettura ta’ domain tal-Windows, f’dan il-każ il-Windows NT. Dan il-prodott seta’ jiġi installat fuq kontrollur ta’ domain tal-Windows NT u kien jippermetti lill-klijenti jużaw in-NDS (Novell Directory Service, sussegwentament imsejjaħ eDirectory) ta’ Novell sabiex jamministraw l-aspetti differenti tad-domains tal-Windows NT. Għall-kuntrarju, minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni min-naħa ta’ Microsoft lil Novell, ‘NDS for NT’ ma jistax jiffunzjona mas-sistema operattiva Windows 2000 Server (ara l-kunsiderazzjoni 301 tad-deċiżjoni kkontestata).

573

Eżempju ieħor huwa dak tal-prodott imsejjaħ “AS/U” li AT&T setgħet tiżviluppa fis-snin 90 bl-użu ta’ ċerti elementi ta’ kodiċi sors tal-Windows li Microsoft kienet aċċettat li tgħaddilha taħt liċenzja. Permezz ta’ dan il-prodott, server li fuqu kienet installata sistema UNIX kien kapaċi jiffunzjona bħala kontrollur ta’ domain prinċipali f’domain tal-Windows NT (ara l-kunsiderazzjoni 211 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, abbażi ta’ kodiċi sors ta’ l-AS/U mgħoddi lilha minn AT&T taħt liċenzja, Sun setgħet tiżviluppa prodott simili għall-AS/U, imsejjaħ “PC NetLink”. Dan il-prodott, meta installat fuq server li jopera b’sistema operattiva Solaris, kien jippermetti lil dan is-server sabiex, minn naħa, “jipprovdi b’mod trasparenti lill-clients li joperaw bil-Windows 3.X/95/98/NT is-servizzi ta’ fajls, ta’ pritners, ta’ direttorju u ta’ sigurtà Windows NT”, u dan b’mod “native”, jiġifieri mingħajr ma kien meħtieġ li l-utenti jinstallaw softwer addizzjonali fil-client PCs tagħhom, u, min-naħa l-oħra, jaġixxi bħala kontrollur ta’ domain prinċipali, jew bħala kontrollur ta’ domain sekondarju, f’domain tal-Windows NT (ara l-kunsiderazzjoni 213 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-2001, Microsoft u AT&T iddeċidew li ma jestendux il-ftehim tagħhom dwar liċenzja għal ċerti teknoloġiji ġodda fil-qasam ta’ sistemi operattivi għal servers. B’hekk, Microsoft ma kkomunikatx lil AT&T l-elementi ta’ kodiċi sors meħtieġa fir-rigward tas-sistemi li ħadu post is-sistemi Windows NT 4.0 tagħha. Għaldaqstant, PC NetLink ma baqax iktar f’pożizzjoni li jiffunzjona ħlief mal-client PCs li fuqhom kienet installata sistema Windows NT — b’mod partikolari, dan il-prodott ma kienx jiffunzjona mas-sistemi Windows 2000 — u progressivament tilef l-interess tiegħu.

574

F’dan l-istess kuntest, għandu jsir riferiment għad-diversi bidlet li rriżultaw mill-bidla mit-teknoloġija Windows NT għat-teknoloġija Windows 2000 u għall-Active Directory (ara l-punti 167 sa 171 iktar ’il fuq).

575

It-tieni nett, mill-proċess tal-kawża jirriżulta li, fl-istess waqt li l-pożizzjoni ta’ Microsoft kienet qiegħda tevolvi bil-mod deskritt iktar ’il fuq, is-sehem ta’ Novell fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group sofra minn tnaqqis regolari u, fi ftit snin biss, Novell saret operatur sekondarju. Issa, fiż-żmien meta Microsoft daħlet fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers, il-prodott ewlieni għall-provvista ta’ servizzi ta’ work group kien is-sistema NetWare ta’ Novell (ara l-punt 56 tar-rikors), liema sistema kienet ilha preżenti f’dan is-suq min-nofs tas-snin 80.

576

B’hekk, mid-data ta’ l-IDC imsemmija fil-kunsiderazzjoni 593 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kategorija sekondarja ta’ “użu komuni ta’ fajls/printers” u s-servers li jiswew anqas minn USD 25000, is-sehem tas-suq ta’ NetWare naqas minn 33,3 % fl-2000 għal 23,6 % fl-2002 f’termini ta’ unitajiet mibjugħa u minn 31,5 % fl-2000 għal 22,4 % fl-2002 f’termini ta’ dħul mill-bejgħ.

577

Il-fatt li Novell marret lura huwa kkonfermat kemm mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-analisti tas-suq u kemm minn Microsoft stess (ara l-kunsiderazzjoni 596 tad-deċiżjoni kkontestata).

578

Bl-istess mod, fir-rapport li jinkludi l-analiżi tar-riżultati tat-tielet stħarriġ tagħha, Mercer tindika espressament li diversi organizzazzjonijiet naqqsu l-użu tagħhom ta’ NetWare. Mercer tosserva b’mod partikolari li “[m]eta ġew mistħarrġa dwar l-użu tagħhom ta’ kull waħda mis-sistemi operattivi għal servers għall-funzjonijiet ta’ server ta’ work group matul l-aħħar ħames snin, in-numru ta’ organizzazzjonijiet li kienu naqqsu l-użu tagħhom ta’ NetWare kien iktar min-numru ta’ dawk li żieduh fil-proporzjoni ta’ sebgħa għal wieħed” (ara l-paġna 25 u t-tabella 16 tar-rapport).

579

Barra minn hekk, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 594 u 595 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 kif ukoll ċerti dikjarazzjonijiet ta’ klijenti ppreżentati minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva juru b’mod ċar li f’dawn l-organizzazzjonijiet hemm it-tendenza li jibdlu NetWare bil-Windows 2000 Server. Għall-kuntrarju, jeżistu biss ftit ħafna eżempji ta’ “migrazzjoni” mill-Windows lejn NetWare (ara l-kunsiderazzjonijiet 594 u 632 tad-deċiżjoni kkontestata).

580

It-tielet nett, fir-rigward tal-kompetituri l-oħra ta’ Microsoft, l-elementi ta’ prova li jinsabu fil-proċess tal-kawża juru li dawn setgħu jżommu biss pożizzjoni kompletament marġinali fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

581

B’hekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-edituri ta’ sistemi UNIX (fosthom Sun), mid-data ta’ l-IDC imsemmija fil-kunsiderazzjoni 508 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-2002, is-sehem tas-suq akkumulat ta’ dawn l-edituri, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kategorija sekondarja “użu komuni ta’ fajls/printers” u s-servers li jiswew anqas minn USD 25000, kien biss ta’ 4,6 % f’termini ta’ unitajiet mibjugħa u ta’ 7,4 % f’termini ta’ dħul mill-bejgħ. Fir-rigward tal-kategorija sekondarja “amministrazzjoni tan-netwerk”, iċ-ċifra korrispondenti kienet ta’ 6,4 % f’termini ta’ unitajiet mibjugħa u ta’ 10,8 % f’termini ta’ dħul mill-bejgħ.

582

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mir-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 u mid-dikjarazzjonijiet ta’ klijenti ppreżentati minn Microsoft jirriżulta li essenzjalment is-sistemi UNIX ma jintużawx għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group iżda għall-implementazzjoni ta’ applikazzjoni “b’missjoni kritika”, għall-provvista ta’ servizzi Web u ta’ firewall kif ukoll, f’numru żgħir ta’ każijiet, għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ posta elettronika interna (ara l-kunsiderazzjonijiet 509 sa 511 tad-deċiżjoni kkontestata).

583

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prodotti Linux, mid-data ta’ l-IDC, mir-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 u mid-dikjarazzjonijiet ta’ klijenti ta’ Microsoft jirriżulta li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta’ Microsoft, dawn il-prodotti wkoll kellhom biss preżenza marġinali fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

584

B’hekk, mid-data ta’ l-IDC, riprodotta fil-kunsiderazzjoni 599 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li s-sehem tas-suq akkumulat ta’ l-edituri ta’ prodotti Linux, f’termini ta’ unitajiet mibjugħa, inbidel, fir-rigward tal-kategorija sekondarja “użu komuni ta’ fajls/printers” u tas-servers li jiswew anqas minn USD 250000, minn 5,1 % fl-2000 għal 4,8 % fl-2002. Meta kkunsidrat f’termini ta’ dħul mill-bejgħ, dan is-sehem tas-suq akkumulat baqa’ 3,9 % matul l-istess perijodu.

585

Huma minnu li, fir-rigward tal-kategorija sekondarja “amministrazzjoni tan-netwerk” u tas-servers li jiswew anqas minn USD 25000, is-sehem akkumulat ta’ l-edituri ta’ prodotti Linux, f’termini ta’ unitajiet mibjugħa, żdied, skond id-data ta’ l-IDC imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 728 tad-deċiżjoni kkontestata (ara wkoll il-kunsiderazzjoni 505 tad-deċiżjoni kkontestata), minn 10,1 % fl-2000 għal 13,4 % fl-2002 (u minn 8 % għal 10,8 %, fuq l-istess perijodu, f’termini ta’ dħul mill-bejgħ). Madankollu, din iż-żieda għandha tiġi kkwalifikata fid-dawl tal-fatt li, kif tosserva l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 488 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ċċitata iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata, din il-kategorija sekondarja tinkludi servizzi li ma jikkostitwixxux servizzi ta’ work group fis-sens tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-kategorija hija deskritta mill-IDC bħala li tinkludi “l-applikazzjonijiet ta’ netwerk segwenti: servizzi ta’ direttorju, sigurtà/awtentikazzjoni, trasferiment ta’ data/fajls permezz tan-netwerk, komunikazzjoni, u trasferiment ta’ data/fajls permezz tas-sistema” (kunsiderazzjoni 488 tad-deċiżjoni kkontestata). Tali deskrizzjoni hija ta’ natura li twassal lill-utenti mistħarrġa mill-IDC sabiex jinkludu f’din il-kategorija sekondarja ċerti funzjonijiet li ma jaqgħux f’din il-kategorija sekondarja u lanqas ma jaqgħu fis-suq ta’ prodott in kwistjoni, u li huma ġeneralment eżegwiti minn sistemi Linux jew UNIX. Per eżempju, l-imsemmija deskrizzjoni tista’ tiġi interpretata bħala li tkopri funzjonijiet “li jinsabu fil-periferija tan-netwerk”, bħalma huma l-funzjoni ta’ firewall, li tista’ tiġi kkunsidrata bħala funzjoni marbuta mas-“sigurtà”, u l-funzjoni ta’ “routing”, li tista’ tiġi kkunsidrata bħala funzjoni marbuta mat-“trasferiment ta’ data/fajls permezz tan-netwerk”. Issa, kif inhuwa indikat b’mod partikolari fil-kunsiderazzjonijiet 58, 346, 482, 600 u 601 tad-deċiżjoni kkontestata, funzjonijiet ta’ dan it-tip huma ġeneralment eżegwiti fuq servers bażiċi minn sistemi Linux. Għaldaqstant, id-data ta’ l-IDC dwar il-kategorija sekondarja “amministrazzjoni tan-netwerk” tesaġera l-bejgħ ta’ sistemi Linux fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

586

Huwa minnu li, fil-kunsiderazzjoni 487 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li d-data ta’ l-IDC dwar il-kategorija sekondarja “użu komuni ta’ fajls/printers” għandha anki ċerti nuqqasijiet, b’mod partikolari fis-sens li, minħabba li s-servers ta’ l-ogħla livell li jeżegwixxu applikazzjonijiet b’“missjoni kritika” jistgħu jistampaw ċerti dokumenti, per eżempju fatturi, l-utenti mistħarrġa setgħu kkunsidraw li dawn is-servers kienu jeżegwixxu funzjonijiet li jaqgħu f’din il-kategorija sekondarja minkejja li huwa evidenti li dawn is-servers mhumiex servers ta’ work group. Madankollu, l-applikazzjoni tal-filter ta’ EUR 25000, jew USD 25000, jippermetti li titnaqqas tali ineżattezza (ara l-kunsiderazzjoni 489 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni tispjega li l-“mainframes” li jistampaw fatturi ġeneralment ikunu jiswew ħafna iktar minn dan l-ammont). Id-data ta’ l-IDC, għalhekk, għandha iktar nuqqasijiet fir-rigward tal-kategorija sekondarja “amministrazzjoni tan-netwerk” milli fir-rigward tal-kategorija sekondarja “użu komuni ta’ fajls/printers”.

587

Għandu jiġi osservat li r-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 m’għandhomx nuqqasijiet bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti. Issa, l-imsemmija riżultati jikkonfermaw li Linux kellha biss preżenza marġinali fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Għalhekk, fit-talba għal informazzjoni tagħha tas-16 ta’ April 2003, il-Kummissjoni talbet lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati jindikaw jekk kinux jużaw servers li joperaw b’Linux flimkien mas-softwer Samba għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group (mistoqsija numru 25). Mill-102 organizzazzjoni li ħadu sehem f’din l-investigazzjoni, 19 biss kienu jużaw tali servers għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group, u dan, fil-parti l-kbira tal-każijiet, b’mod limitat ħafna (kunsiderazzjoni 506 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, minn total ta’ iktar minn 1200000 client PCs koperti mill-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003, anqas minn 70000 (jiġifieri anqas minn 5,8 %) kienu moqdija minn servers li joperaw b’Linux flimkien ma’ Samba għat-twettiq ta’ funzjonijiet ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers (kunsiderazzjonijiet 506 u 599 tad-deċiżjoni kkontestata).

588

F’dan l-istess sens, għandu jiġi osservat ukoll li, kif esponiet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha (punt 140), it-tieni stħarriġ imwettaq minn Mercer jindika, għall-prodotti Linux, sehem tas-suq akkumulat ta’ 4,8 % fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers u ta’ 5,2 % fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti, filwaqt li t-tielet stħarriġ ta’ Mercer jindika, għal dawn l-istess prodotti, sehem tas-suq ta’ 5,4 % fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers u ta’ 4,5 % fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti.

589

Fil-verità, bħal fir-rigward tas-sistemi UNIX, ir-riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 juru li l-prodotti Linux huma ġeneralment użati għat-twettiq ta’ funzjonijiet oħra u mhux funzjonijiet ta’ work group, jiġifieri, b’mod iktar partikolari, il-provvista ta’ servizzi Web u ta’ firewall u l-implementazzjoni ta’ applikazzjoni “b’missjoni kritika” (ara l-kunsiderazzjonijiet 600 u 601 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni tikkumenta dwar ir-risposti għall-mistoqsijiet numri 5 u 6 tat-talba għal informazzjoni tas-16 ta’ April 2003).

590

Għandu jingħad ukoll li din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mid-dikjarazzjonijiet ta’ klijenti ppreżentati minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 602 tad-deċiżjoni kkontestata.

591

Għandu jingħad ukoll li l-preżenza ta’ l-edituri ta’ prodotti Linux fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, minbarra l-fatt li bl-ebda mod m’hija komparabbli mal-preżenza li Microsoft irnexxielha tikseb fi ftit snin biss, ma nkisbitx b’detriment għal Microsoft iżda għal Novell u għall-edituri ta’ prodotti UNIX. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tesponi l-Kummissjoni fil-kontroreplika (punt 104), fost l-entitajiet mistħarrġa minn Mercer fil-kuntest tat-tielet stħarriġ tagħha li kienu żiedu l-użu tagħhom ta’ sistemi Linux matul l-aħħar ħames snin għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group, 67 % kienu naqqsu l-użu tagħhom ta’ sistemi NetWare jew UNIX, filwaqt li 14 % biss kienu naqqsu l-użu tagħhom ta’ sistemi Windows. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat ġustament fil-kunsiderazzjoni 632 tad-deċiżjoni kkontestata, l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 identifikat biss żewġ każijiet ta’ “migrazzjoni” minn sistemi Windows lejn sistemi Linux fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group.

592

L-allegazzjonijiet f’sens kuntrarju li Microsoft tagħmel fl-anness C.11 tar-replika mhumiex kredibbli ħafna, b’mod partikolari fid-dawl taż-żieda kostanti fis-sehem tas-suq tagħha fis-suq ta’ prodott ikkonċernat matul il-perijodu kollu kopert mir-rifjut abbużiv in kwistjoni.

593

L-elementi msemmija iktar ’il fuq jikkonfermaw li l-imsemmi rifjut għandu bħala konsegwenza li jillimita l-prodotti tal-kompetituri ta’ Microsoft għal pożizzjonijiet marġinali, jekk mhux ukoll li jqiegħdhom f’pożizzjoni li ma jkunux vijabbli. L-eventwali eżistenza ta’ kompetizzjoni marġinali bejn operaturi fis-suq ma tistax, għaldaqstant, iddgħajjef it-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tar-riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq.

594

Fid-dawl ta’ l-elementi msemmija fil-punti 583 sa 593 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament indikat, fil-kunsiderazzjoni 603 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-edituri ta’ prodotti Linux ma jirrappreżentawx theddida serja għal Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

595

Dejjem fir-rigward tal-prodotti Linux, Microsoft issostni li l-preżenza ta’ dawn il-prodotti fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group ser tkompli tikber fil-futur. Hija tiżviluppa dan l-argument fl-anness A.19 tar-rikors u fl-anness C.11 tar-replika. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tirrispondi b’mod dettaljat għal dan l-argument fl-anness B.10 tar-risposta u fl-anness D.11 tal-kontroreplika.

596

In sostenn ta’ dan l-argument, Microsoft tagħmel riferiment, l-ewwel nett, għal ċerti riżultati tat-tielet stħarriġ imwettaq minn Mercer.

597

Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, Mercer talbet b’mod partikolari lill-persuni responsabbli mill-informatika li l-organizzazzjoni tagħhom kienet diġà tuża sistemi operattivi Linux għat-twettiq ta’ funzjonijiet ta’ work group sabiex jindikaw jekk huma kinux jipprevedu tkabbir ta’ dan l-użu fil-ħames snin li ġejjin. Kif jirriżulta mit-tabella numru 19 li tinsab fir-rapport Mercer li janalizza r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, mis-70 persuna responsabbli mill-informatika li kienu kkonċernati minn din id-domanda, 53 wieġbu fl-affermattiv.

598

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-kunsiderazzjoni 605 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-element ma kienx konklużiv. Fil-fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li dawn it-53 persuna responsabbli mill-informatika jirrappreżentaw biss madwar 17,9 % tal-296 persuna responsabbli mill-informatika li pparteċipaw fit-tielet stħarriġ ta’ Mercer, fejn 226 persuna responsabbli mill-informatika indikaw li l-organizzazzjoni tagħhom ma kinitx tuża sistemi Linux għall-provvista ta’ servizzi ta’ work group. Min-naħa l-oħra, dawn it-53 persuna responsabbli mill-informatika ma kkwantifikawx l-intenzjoni tagħhom li jkabbru l-użu tagħhom tas-sistemi Linux għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group u lanqas ma ppreċiżaw jekk dan it-tkabbir kellux ikun għad-detriment tas-sistemi Windows.

599

Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li mit-tabella numru 18 li tinsab fl-istess rapport Mercer jirriżulta li 58 persuna responsabbli mill-informatika kkunsidraw li s-sistemi Linux lanqas biss ma kienu ser isiru “vijabbli” għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ work group fil-ħames snin li ġejjin.

600

Huwa minnu li mill-istess tabella jirriżulta li 60 % tal-persuni responsabbli mill-informatika mistħarrġa indikaw li l-organizzazzjoni tagħhom kellha l-ħsieb li tadotta sistemi Linux fil-ħames snin li ġejjin għall-provvista ta’ servizzi ta’ work group. Madankollu, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 606 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-persuni ma ġewx mistiedna jikkwantifikaw din l-adozzjoni u lanqas sabiex jippreċiżaw jekk din kellhiex issir għad-detriment tas-sistemi Windows.

601

It-tieni nett, Microsoft tinvoka ċerti previżjonijiet imwettqa mill-IDC li jistabbilixxu, fil-fehma tagħha, li s-sehem tas-suq tas-sistemi Linux ser jirdoppja bejn l-2003 u l-2008.

602

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li d-data ta’ l-IDC għandha ċerti nuqqasijiet peress li l-kategoriji sekondarji użati mill-IDC jinkludu funzjonijiet li ma jagħmlux parti mis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group identifikat mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, il-previżjonijiet ta’ tkabbir ta’ l-IDC għandhom jiġu kkwalifikati.

603

Min-naħa l-oħra, kif osservat ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 609 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tkabbir limitat li kellu jkollhom is-sistemi Linux fis-suq, skond dawn il-previżjonijiet, ma kellux ikun għad-detriment tal-Windows iżda għad-detriment ta’ sistemi kompetituri u, b’mod iktar partikolari, ta’ NetWare. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, f’April 2003, Novell ħabbret li, b’effett mill-2005, is-sistema operattiva “NetWare 7.0” tagħha kellha tiġi kkummerċjalizzata f’żewġ verżjonijiet differenti, jiġifieri waħda bbażata fuq il-pjattaforma NetWare tradizzjonali u l-oħra fuq is-sistema operattiva Linux (ara l-kunsiderazzjoni 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

604

Fl-aħħar nett, fl-anness A.19 tar-rikors u fl-anness C.11 tar-replika, Microsoft tinvoka l-opinjoni espressa minn ċerti “osservaturi professjonali tas-settur”. Hija tirreferi, b’mod iktar partikolari, għal ċerti siltiet ta’ rapport tat-8 ta’ Marzu 2004 ta’ Merrill Lynch (anness 7 ta’ l-anness C.11 tar-replika) fejn jinsabu r-riżultati ta’ stħarriġ imwettaq minn Merrill Lynch fost 50 persuna responsabbli mill-informatika. Hija tosserva li nofs dawn il-persuni responsabbli mill-informatika kienu jipprevedu żieda fl-użu ta’ sistemi Linux fi ħdan l-organizzazzjoni tagħhom u li, fost dan in-nofs, 34 % kellhom il-ħsieb jagħmlu dan bil-għan li jissostitwixxu l-Windows NT fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers.

605

Dan l-argument mhuwiex konvinċenti. Fil-fatt, dan l-argument ifisser biss li 17 % tal-persuni responsabbli mill-informatika mistħarrġa kellhom l-intenzjoni jibdlu l-Windows NT b’sistemi Linux għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, mingħajr ma jagħti ebda dettalji speċifiċi fir-rigward tal-portata ta’ din il-bidla. Fil-verità, fid-dawl tal-fatt li, fiż-żmien meta Merrill Lynch wettqet l-istħarriġ, it-teknoloġija NT kienet diġà “antikwata” (ara l-kunsiderazzjoni 583 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa probabbli ħafna li l-bażi installata ta’ servers li joperaw b’din is-sistema kienet relattivament limitata u, għaldaqstant, li l-“migrazzjoni” imsemmija kellha sseħħ biss fuq skala żgħira. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li s-sistemi operattivi għal servers ta’ kompetituri ta’ Microsoft setgħu jilħqu livell ta’ interoperabbiltà iktar għoli mas-sistemi tal-ġenerazzjoni Windows NT milli mas-sistemi ta’ ġenerazzjonijiet sussegwenti prodotti minn Microsoft. Kif il-Kummissjoni tenfasizza fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanza dwar in-natura indispensabbli ta’ l-informazzjoni in kwistjoni (ara l-punt 366 iktar ’il fuq), il-“migrazzjoni” imsemmija fir-rapport ta’ Merrill Lynch tirrappreżenta fenomenu ta’ darba u għaldaqstant ma tistax tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-riskju ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni.

606

Dejjem fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-analiżi tagħha (jiġifieri l-parti dwar l-evoluzzjoni tas-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group), il-Kummissjoni sussegwentament ikkonstatat li t-teknoloġiji Windows 2000, u b’mod partikolari l-Active Directory, “malajr [kisbu] post dejjem iktar importanti fis-suq” (kunsiderazzjonijiet 613 sa 618 u 781 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żżid li, “peress li Microsoft ma rrispettatx il-livelli preċedenti ta’ żvelar ta’ informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, għas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group [tal-kompetituri] ta’ Microsoft, l-interoperabbiltà mal-karatteristiċi tal-Windows 2000 hija iktar diffiċli milli kienet mat-teknoloġiji analogi tal-Windows NT”, qabel ma tikkonkludi li “l-adozzjoni [ta’ karatteristiċi ġodda tad-domain tal-Windows li huma speċifiċi għall-Windows 2000] tinkoraġġixxi lill-klijenti jagħżlu soluzzjoni omoġena Windows għan-netwerks ta’ work groups tagħhom” (kunsiderazzjoni 613 tad-deċiżjoni kkontestata).

607

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li diversi elementi ta’ prova fil-proċess tal-kawża jikkorroboraw il-fondatezza ta’ dawn il-konstatazzjonijiet.

608

B’hekk, f’bullettin ippubblikat f’Novembru 2001, l-IDC iddikjarat li, “[g]ħall-maġġoranza ta’ l-utenti, mhijiex kwistjoni ta’ jekk iżda ta’ meta ser jimplementaw servizzi ta’ direttorju sabiex jakkomodaw [is-sistema] Windows 2000 Server u s-sistemi operattivi Windows għal servers futuri” u li “għall-utenti tal-Windows 2000, is-servizz ta’ direttorju li ser jintgħażel ser ikun, b’maġġoranza kbira ħafna, l-Active Directory” (kunsiderazzjoni 614 tad-deċiżjoni kkontestata).

609

Bl-istess mod, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 616 tad-deċiżjoni kkontestata, minn stħarriġ imwettaq mill-Evans Data Corporation fl-2002 jirriżulta li, meta mistħarrġa dwar għal-liema servizzi ta’ direttorju kienu żviluppati l-applikazzjonijiet tagħhom, 50,3 % ta’ l-iżviluppaturi interni ta’ applikazzjonijiet ikkonċernati indikaw l-Active Directory.

610

Ċerti riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 jikkonfermaw ukoll l-interess impressjonanti mqajjem mill-Active Directory. Għalhekk, fit-talba għal informazzjoni tagħha tas-16 ta’ April 2003, il-Kummissjoni talbet lill-entitajiet ikkonċernati sabiex jindikaw jekk kinux diġà implementaw (jew jekk kinux diġà ddeċidew li jimplementaw) l-Active Directory fil-maġġoranza tad-domains tal-Windows fin-netwerk ta’ l-informatika tagħhom (mistoqsija numru 15). Mill-102 entitajiet koperti minn din it-talba, 61 wieġbu fl-affermattiv għal din id-domanda.

611

Dan l-interess jirriżulta wkoll minn ċerti riżultati tat-tieni stħarriġ imwettaq minn Mercer, kif tikkonstata l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 618 tad-deċiżjoni kkontestata.

612

Barra minn hekk, fil-punti 571 sa 574 iktar ’il fuq diġà ġie espost li l-interoperabbiltà li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri jistgħu jilħqu mal-prodotti tal-ġenerazzjoni Windows 2000 hija ħafna anqas minn dik li setgħu jilħqu mas-sistemi tal-ġenerazzjoni preċedenti.

613

Fl-aħħar, il-Kummissjoni għalqet l-ewwel parti ta’ l-analiżi tagħha billi tiċħad tliet kategoriji ta’ argumenti li Microsoft kienet qajmet matul il-proċedura amministrattiva sabiex tikkontesta r-riskju ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni. Microsoft kienet għamlet riferiment għal ċerti dikjarazzjonijiet tal-kompetituri tagħha, kienet invokat il-fatt li n-netwerks ta’ l-informatika fi ħdan l-impriżi kienu eteroġeni u kienet sostniet l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi għall-Windows.

614

Fl-atti tagħha, Microsoft, filwaqt li tirreferi għad-dikjarazzjonijiet tal-klijenti tagħha li hija kienet ippreżentat matul il-proċedura amministrattiva, ittenni l-argument ibbażat fuq il-fatt li n-netwerks fi ħdan l-impriżi huma eteroġeni.

615

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li fil-punti 498 sa 500 iktar ’il fuq diġà ġie kkonstatat li dawn id-dikjarazzjonijiet jikkonfermaw li, fir-rigward tas-servers ta’ work group, in-netwerks ta’ l-informatika ta’ dawn il-klijenti kienu komposti fuq kollox minn sistemi Windows.

616

Fl-atti tagħha, Microsoft tinvoka wkoll il-fatt li l-klijenti professjonali jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ sistemi operattivi għal servers abbażi ta’ serje ta’ kriterji u li l-kwistjoni ta’ l-interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs mhijiex element determinanti f’dan ir-rigward. Kif diġà ġie pprovat fil-punt 426 iktar ’il fuq, din l-allegazzjoni mhijiex preċiża.

617

Fir-rigward ta’ l-argument ta’ Microsoft li, sitt snin wara l-allegat rifjut, għadhom jeżistu diversi kompetituri fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (ara l-punt 442 iktar ’il fuq), dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punt 429 iktar ’il fuq.

618

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-evoluzzjoni tas-suq kienet turi riskju ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

619

Il-Kummissjoni kellha iktar u iktar raġun tikkonkludi li jeżisti riskju ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq peress li dan is-suq għandu ċerti karatteristiċi li huma ta’ natura li jiskoraġġixxu l-organizzazzjonijiet li diġà adottaw il-Windows għas-servers ta’ work group tagħhom milli fil-futur jaqilbu lejn sistemi operattivi ta’ kompetituri. Għalhekk, kif tesponi ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 523 tad-deċiżjoni kkontestata, minn ċerti riżultati tat-tielet stħarriġ imwettaq minn Mercer jirriżulta li l-fatt li sistema jkollha “reputazzjoni stabbilita sew bħala teknoloġija pprovata” huwa fattur importanti f’għajnejn il-maġġoranza kbira tal-persuni responsabbli mill-informatika mistħarrġa. Issa, fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft kellha, jekk tittieħed stima prudenti, sehem tas-suq ta’ minn ta’ l-anqas 60 % fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjoni 499 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan l-istess sens, għandu jiġi osservat li ċerti riżultati ta’ l-istess stħarriġ jistabbilixxu wkoll li l-fattur “kompetenzi disponibbli u spiża/disponibbiltà ta’ l-assistenza (interna jew esterna)” huwa importanti għall-parti l-kbira tal-persuni responsabbli mill-informatika mistħarrġa. Għalhekk, kif tesponi ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 520 tad-deċiżjoni kkontestata, “[d]an ifisser li iktar ma jkun faċli li jinsabu persuni tekniċi kompetenti fir-rigward ta’ sistema operattiva għal servers ta’ work group partikolari, iktar il-klijenti jkunu inklinati li jadottawha” u, “[b]il-maqlub, iktar ma sistema operattiva għal servers ta’ work group tintuża mill-klijenti, iktar ikun faċli għall-persuni tekniċi li jakkwistaw kompetenzi fir-rigward ta’ dan il-prodott (u iktar ikunu disposti li jagħmlu dan)”. Issa, is-sehem tas-suq għoli ħafna ta’ Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group għandu l-konsegwenza li numru kbir ħafna ta’ persuni tekniċi għandhom kompetenzi li huma speċifiċi għas-sistemi operattivi Windows.

620

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li ċ-ċirkustanza li r-rifjut in kwistjoni joħloq ir-riskju ta’ eliminazzjoni tal-kompetizzjoni hija preżenti f’din il-kawża.

iv) Fuq il-prodott ġdid

L-argumenti tal-partijiet

621

Microsoft, filwaqt li tiċċita l-kunsiderazzjonijiet 48 u 49 tas-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, issostni li ma ġiex stabbilit li r-rifjut li hija akkużata bih impedixxa l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid li għalih teżisti domanda min-naħa tal-konsumaturi li ma ġietx issodisfata.

622

F’dan ir-rigward, Microsoft tfakkar, minn naħa, li hija diġà tikkummerċjalizza sistemi operattivi għal servers li jimplementaw il-protokolli ta’ komunikazzjoni in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-kompetituri tagħha jikkummerċjalizzaw is-sistemi operattivi għal servers tagħhom stess, li jużaw il-protokolli ta’ komunikazzjoni magħżula minnhom għall-provvista ta’ servizzi ta’ work group.

623

Barra minn hekk, Microsoft, filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjoni 669 tad-deċiżjoni kkontestata, tafferma mill-ġdid li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża sabiex tippermetti lill-kompetituri tagħha jħaddmu l-prodotti tagħhom eżattament bl-istess mod bħalma jiffunzjonaw is-sistemi operattivi Windows għal servers. Hija tirrepeti li l-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li l-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha jintużaw mill-kompetituri tagħha sabiex joħolqu sistemi operattivi għal servers li jikkompetu direttament mal-prodotti tagħha billi “jikkupjaw” il-funzjonalitajiet tagħhom.

624

Microsoft issostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ma tidentifika ebda prodott ġdid li l-kompetituri tagħha allegatament ser jiżviluppaw billi jużaw l-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha u lanqas ma tipprova l-eżistenza ta’ domanda għal tali prodott. Il-Kummissjoni, skond Microsoft, sempliċement issostni li l-kompetituri ta’ Microsoft “ser ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni mgħoddija bil-għan li jiżviluppaw funzjonijiet avvanzati tal-prodotti tagħhom stess” (kunsiderazzjoni 695 tad-deċiżjoni kkontestata).

625

Microsoft tosserva li barra minn hekk, la fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 u lanqas fl-ilment ta’ Sun ta’ l-10 ta’ Diċembru 1998, ma kien hemm l-inqas indikazzjoni li din ta’ l-aħħar kellha l-intenzjoni tuża t-“teknoloġija ta’ Microsoft” sabiex toħloq xi prodott ieħor ħlief sistema operattiva għal servers ta’ work group.

626

Microsoft tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li, sabiex prodott ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala prodott ġdid, huwa biżżejjed li jkun fih elementi sostanzjali li jirriżultaw mill-isforzi tad-detentur tal-liċenzja stess. Fil-fatt, skondha, “[h]uwa diffiċli li ż-żieda ta’ karatteristika meħuda mill-prodotti ta’ kompetitur tiġi kkunsidrata bħala l-ħolqien ta’ prodott ġdid”.

627

Microsoft tikkontesta wkoll l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-rifjut li hija akkużata bih huwa “rifjut li tippermetti innovazzjoni sussegwenti” (ara l-punt 632 iktar ’il quddiem). Hija tikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-kunsiderazzjoni 696 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li tindika li Novell qatt ma użatt l-AS/U u li l-bejgħ ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group ta’ Sun u ta’ “diversi bejjiegħa oħra” li kienu kisbu liċenzja fir-rigward ta’ l-AS/U dejjem kien bejgħ modest. Fil-verità, skond Microsoft, huwa l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji previst fid-deċiżjoni kkontestata li huwa ta’ natura li jnaqqas l-innovazzjoni peress li hija ser ikollha anqas inċentivi li tiżviluppa teknoloġija partikolari jekk hija tkun obbligata tqiegħed din it-teknoloġija għad-dispożizzjoni tal-kompetituri tagħha.

628

Fl-aħħar, Microsoft tikkontesta li r-rifjut in kwistjoni jippreġudika l-konsumaturi. Hija ssostni li r-rapport Mercer invokat mill-Kummissjoni (ara l-punt 635 iktar ’il quddiem) jikkonċerna prodotti li attwalment jinsabu fis-suq u li għaldaqstant dan ir-rapport mhuwiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-imsemmi rifjut ostakolax l-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda li għalihom allegatament hemm domanda mill-konsumaturi li mhijiex issodisfata. Barra minn hekk, ebda wieħed mir-rapporti Mercer ma jistabbilixxi li Microsoft “tinsab wara” l-kompetituri tagħha. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni ma tindikax li s-sistemi operattivi Windows għal servers irċevew marki aħjar milli rċevew is-sistemi NetWare u Linux fir-rigward ta’ għaxar fatturi minn tlettax u milli rċevew is-sistemi UNIX fir-rigward ta’ disa’ fatturi minn tlettax. Microsoft tosserva wkoll li ebda klijent ma allega, matul il-proċedura amministrattiva, li huwa kien ġie kostrett juża sistemi operattivi Windows għal servers minħabba l-allegat rifjut min-naħa tagħha li tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà lill-kompetituri tagħha.

629

CompTIA ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rifjut akkużata bih Microsoft ostakola l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid.

630

Il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjoni ta’ Microsoft li r-rifjut in kwistjoni ma ostakolax l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid li għalih teżisti domanda mill-konsumaturi li ma ġietx issodisfata.

631

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tosserva li mill-punt 49 tas-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, jirriżulta li “prodott ġdid” huwa prodott li, fl-essenza tiegħu, ma jkunx sempliċi riproduzzjoni tal-prodotti li jkunu diġà offruti fis-suq mill-proprjetarju tad-dritt ta’ awtur. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li l-prodott ikkonċernat ikun fih elementi sostanzjali li jirriżultaw mill-isforzi tad-detentur tal-liċenzja stess. Filwaqt li tfakkar li Microsoft hija obbligata tiżvela l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-interfaces tagħha biss, u mhux l-implementazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ssostni li l-kompetituri ta’ Microsoft mhumiex ser jirriproduċu sempliċement il-prodotti tagħha u li barra minn hekk dawn il-kompetituri mhumiex ser ikunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan. Hija tallega li l-kompetituri ta’ Microsoft ser jużaw l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà sabiex jikkummerċjalizzaw kontinwament prodotti mtejba, “billi joffru valur miżjud fil-konfront tal-prodotti preċedenti tagħhom u fil-konfront ta’ l-offerta preċedenti ta’ Microsoft”, u dan minflok ma jiġu eliminati mis-suq minħabba r-rifjut ta’ Microsoft li tiżvela din l-informazzjoni (kunsiderazzjoni 695 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żżid li ebda karatteristika tal-prodotti ta’ Microsoft, u b’mod partikolari ebda parti mill-kodiċi ta’ softwer tagħha, ma ser tiġi integrata f’sistemi operattivi oħra għal servers ta’ work group.

632

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija m’għamlitx biss sempliċi analiżi tal-kriterju tal-prodott ġdid kif iddefinit fis-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq. Fil-fatt, hija eżaminat dan il-kriterju fid-dawl tal-projbizzjoni prevista fl-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE fir-rigward ta’ prassi abbużiva li tillimita l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi. Għalhekk, hija vverifikat b’attenzjoni partikolari li r-rifjut akkużata bih Microsoft kien “rifjut li tippermetti innovazzjoni sussegwenti”, jiġifieri l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda, u mhux sempliċi rifjut li tawtorizza r-riproduzzjoni.

633

In sostenn ta’ dawn l-affermazzjonijiet, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tindika li hija eżaminat l-aġir adottat mill-kompetituri ta’ Microsoft fil-passat meta din kienet tgħaddilhom informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jew meta, mingħajr ma kellha tali intenzjoni, kienet tawtorizza lil uħud minnhom sabiex jużaw “workarounds” (kunsiderazzjoni 696 tad-deċiżjoni kkontestata). B’risposta għall-kritika ta’ Microsoft fuq dan il-punt (ara l-punt 627 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tippreċiża li Novell, li ma kinitx “fornitur UNIX”, ma kinitx interessata fl-“implementazzjonijiet ibbażati fuq UNIX” bħall-AS/U. Hija żżid li Sun u edituri oħra UNIX ipproponew prodotti innovattivi li jużaw l-AS/U sabiex jiksbu interoperabbiltà mas-sistemi Windows u li kienu jkunu jistgħu jissodisfaw domanda mill-konsumaturi li kieku Microsoft ma rrifjutatx li tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà.

634

It-tieni nett, hija tfakkar li, fil-kunsiderazzjoni 698 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat li huwa possibbli li jkun hemm diversi implementazzjonijiet differenti ta’ l-istess speċifikazzjoni.

635

It-tielet nett, il-Kummissjoni, filwaqt li tiċċita l-kunsiderazzjoni 699 tad-deċiżjoni kkontestata, issostni li mir-riżultati tat-tielet stħarriġ imwettaq minn Mercer jirriżulta li, minkejja l-fatt li “Microsoft tinsab wara l-kompetituri tagħha” fir-rigward ta’ diversi karatteristiċi importanti f’għajnejn il-konsumaturi ta’ sistemi operattivi għal servers, dawn il-konsumaturi jkollhom jikkuntentaw ruħhom bil-prodotti ta’ Microsoft “minħabba l-impediment li n-nuqqas ta’ interoperabbiltà joħloq fir-rigward ta’ l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi”. Hija tippreċiża li huwa biss jekk, minn naħa, l-interoperabbiltà mal-Windows tittieħed in kunsiderazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatturi sekondarji jingħataw l-istess piż bħall-fatturi importanti, li Microsoft tikklassifika qabel il-kompetituri tagħha. Fir-rigward ta’ l-argument ta’ Microsoft li ebda klijent ma lmenta li kien obbligat jadotta sistema operattiva Windows minħabba r-rifjut in kwistjoni, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet 702 sa 708 tad-deċiżjoni kkontestata.

636

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tindika li l-kompetituri ta’ Microsoft iwettqu xogħol ta’ riċerka u ta’ żvilupp iżda għandhom bżonn ta’ aċċess għall-protokolli ta’ Microsoft sabiex l-organizzazzjonijiet li jużaw client PCs u servers ta’ work group li joperaw bil-Windows ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-innovazzjoni tagħha mingħajr ma jkunu ppenalizzati minħabba n-nuqqas ta’ interoperabbiltà. Hija tippreċiża li, “[fih innifsu], ir-rifjut ma jaffettwax direttament il-kapaċità tal-kompetituri li jagħmlu innovazzjonijiet iżda pjuttost il-kapaċità tal-konsumatur li jibbenefika minn din l-innovazzjoni, kif ukoll il-kapaċità tal-kompetituri li jibbenefikaw mill-innovazzjoni tagħhom — u għaldaqstant, fuq perijodu iktar twil, l-inċentivi tagħhom li jagħmlu innovazzjonijiet”.

637

Il-ħames nett, fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-argument li Microsoft tressaq fir-rigward ta’ l-inċentivi tagħha sabiex tagħmel innovazzjonijiet mhumiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni tal-konsegwenzi tal-prassi abbużiva in kwistjoni fuq l-inċentivi tal-kompetituri tagħha li jagħmlu innovazzjonijiet.

638

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-kriterju ta’ prodott ġdid mhuwiex issodisfat f’din il-kawża hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza.

639

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li dan il-kriterju ma jeżiġix li jiġi pprovat b’mod konkret li l-prodott tad-detentur tal-liċenzja ser jattira klijenti li ma jixtrux il-prodotti offruti mill-fornituri dominanti eżistenti. Fis-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq l-eżistenza ta’ differenzi bejn il-prodotti li setgħu jinfluwenzaw l-għażla tal-konsumaturi jew, fi kliem ieħor, fuq il-kwistjoni jekk kinitx teżisti “domanda potenzjali” għall-prodott ġdid. Hija tinsisti fuq il-fatt li l-kriterju tal-prodott ġdid ma jikkonċernax biss ir-restrizzjonijiet għall-produzzjoni. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni li l-prodotti ġodda proposti ser jissodisfaw manifestament domanda potenzjali u li ser ikunu bbażati fuq is-sistemi operattivi attwalment ikkumerċjalizzati mill-kompetituri ta’ Microsoft li għandhom karatteristiċi li ħafna drabi l-konsumaturi japprezzaw iktar mill-karratteristiċi korrispondenti tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group ta’ Microsoft.

640

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li Microsoft ma tistax targumenta abbażi tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċentra fuq il-kapaċità tal-kompetituri tagħha li jadattaw il-“prodotti eżistenti” tagħhom. Fil-fatt, il-kwistjoni rilevanti hija jekk l-imsemmija kompeturi humiex ser jillimitaw ruħhom, essenzjalment, sabiex jirriproduċu l-prodotti eżistenti żviluppati mill-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-prodotti tal-kompetituri ta’ Microsoft ser jimplementaw l-istess sett ta’ protokolli bħas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group iżda ser ikunu differenti ħafna f’termini ta’ ‘performance’, ta’ sigurtà u ta’ funzjonalità.

641

It-tielet nett, il-Kummissjoni tallega li l-ġurisprudenza ma teskludix li l-eventwali prodotti tad-detentur tal-liċenzja jikkompetu mal-prodotti tal-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, kif jixhdu l-fatti tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq.

642

SIIA ssostni li r-rifjut in kwistjoni jimpedixxi l-introduzzjoni ta’ “sistemi operattivi għal servers ta’ work group li ma [jkunux prodotti minn] Microsoft, li jkunu ġodda u innovattivi, u li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-klijenti fir-rigward ta’ interoperabbiltà”. Hija tispjega li, permezz ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, il-kompetituri ta’ Microsoft ser ikunu jistgħu mhux biss joffru prodotti li jkollhom “kapaċitajiet funzjonali mtejba”, iżda wkoll, u fuq kollox, prodotti interoperabbli. Barra minn hekk, SIIA tenfasizza li l-kompetituri ta’ Microsoft ma jkollhom ebda vantaġġ kompetittiv jekk sempliċement “jikkupjaw il-prodotti ta’ Microsoft” u li, barra minn hekk, huma mhumiex ser ikunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan anki jekk ikollhom aċċess għall-informazzjoni identifikata fid-deċiżjoni kkontestata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

643

Għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanza li l-aġir in kwistjoni jimpedixxi l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid fis-suq għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE, li jipprojbixxi aġir abbużiv bħalma huwa “l-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta’ l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi”.

644

Huwa għalhekk li, fil-punt 54 tas-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rifjut tal-kumpanniji ta’ xandir televiżiv ikkonċernati, minħabba li kien jimpedixxi l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid li dawn il-kumpanniji ma kinux joffru u li għalih kienet teżisti domanda potenzjali min-naħa tal-konsumaturi, kellu jiġi kklassifikat bħala abbużiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

645

Mid-deċiżjoni li kienet is-suġġett tal-kawża li wasslet għal dik is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni, b’mod iktar preċiż, kienet ikkunsidrat li, permezz tar-rifjut tagħhom, dawn il-kumpanniji ta’ xandir televiżiv kienu qegħdin jillimitaw il-produzzjoni jew is-swieq bi ħsara għall-konsumaturi [ara l-ewwel paragrafu tal-premessa 23 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/205/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar proċedura taħt l-Artikolu [82 KE] (IV/31.851, Magill TV Guide/ITP, BBC u RTE) (ĠU 1989, L 78, p. 43)]. Fil-fatt, hija kienet ikkonstatat li dan ir-rifjut kien jimpedixxi lill-edituri milli jipproduċi u jippubblikaw gwida tat-televiżjoni ġenerali ta’ kull ġimgħa għall-konsumaturi fl-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq, gwida li t-tip tagħha, f’dak iż-żmien, ma kienx disponibbli f’dan is-suq ġeografiku. Minkejja li kull waħda mill-kumpanniji ta’ xandir televiżiv ikkonċernati kienet tippubblika gwida tat-televiżjoni ta’ kull ġimgħa, din il-gwida kienet, madankollu, esklużivament iddedikata għall-programmi tal-kumpannija kkonċernata. Il-Kummissjoni, sabiex tikkonstata abbuż ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ dawn il-kumpanniji ta’ xandir televiżiv, kienet insistiet fuq il-ħsara li n-nuqqas ta’ gwida tat-televiżjoni ġenerali ta’ kull ġimgħa fis-suq fl-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq kien jikkawża għall-konsumaturi li, jekk xtaqu jinformaw ruħhom dwar il-programmi offruti għall-ġimgħa li jmiss, ma kellhomx possibbiltà oħra ħlief li jixtru l-gwidi ta’ kull ġimgħa ta’ kull stazzjon u jagħżlu huma stess l-informazzjoni utli sabiex jagħmlu paraguni.

646

Fis-sentenza IMS Health, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta evalwat iċ-ċirkustanza dwar l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid, ikkunsidrat din iċ-ċirkustanza fil-kuntest tal-ħsara kkawżata lill-interessi tal-konsumaturi. B’hekk, fil-punt 48 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, filwaqt li għamlet riferiment għall-punt 62 tal-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Tizzano f’dik l-istess kawża (Ġabra p. I-5042), li meta jiġu bbilanċjati, minn naħa, l-interess wara l-protezzjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali u l-libertà ta’ inizjattiva ekonomika tal-proprjetarju ta’ dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, l-interess wara l-protezzjoni tal-kompetizzjoni libera, dan l-interess ta’ l-aħħar jista’ jipprevali biss fil-każ fejn ir-rifjut li tingħata liċenzja jimpedixxi l-iżvilupp tas-suq derivat bi ħsara għall-konsumaturi.

647

Għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanza dwar l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid, kif evalwata fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, ma tistax tikkostitwixxi l-uniku parametru li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali huwiex ta’ natura tali li jista’ jikkawża ħsara lill-konsumaturi fis-sens ta’ l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tali ħsara tista’ tkun ikkawżata minn limitazzjoni mhux biss tal-produzzjoni tas-swieq iżda wkoll ta’ l-iżvilupp tekniku.

648

Huwa fuq din l-ipoteżi ta’ l-aħħar li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata tagħha. B’hekk, hija kkunsidrat li r-rifjut li kienet akkużata bih Microsoft kien jillimita l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi fis-sens ta’ l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE (kunsiderazzjonijiet 693 sa 701 u 782 tad-deċiżjoni kkontestata) u ċaħdet l-allegazzjoni ta’ Microsoft li ma kienx ipprovat li dan ir-rifjut kien jikkawża ħsara lill-konsumaturi (kunsiderazzjonijiet 702 sa 708 tad-deċiżjoni kkontestata).

649

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti mhumiex manifestament żbaljati.

650

B’hekk, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ġustament osservat, fil-kunsiderazzjoni 694 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “minħabba n-nuqqas ta’ interoperabbiltà li s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri huma kapaċi jilħqu ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows, numru dejjem jikber ta’ konsumaturi huma kostretti jadottaw soluzzjoni omoġena Windows fir-rigward tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group”.

651

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fil-punti 371 sa 422 iktar ’il fuq diġà ġie espost li r-rifjut li hija akkużata bih Microsoft jimpedixxi lill-kompetituri tagħha milli jiżviluppaw sistemi operattivi għal servers ta’ work group li jkunu kapaċi jilħqu livell ta’ interoperabbiltà suffiċjenti ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows, bil-konsegwenza li d-deċiżjonijiet tal-konsumaturi fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group ġew influwenzati favur il-prodotti ta’ Microsoft. Fil-punti 606 sa 611 iktar ’il fuq, ġie osservat ukoll li minn diversi elementi ta’ prova li jinsabu fil-proċess tal-kawża jirriżulta li t-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni Windows 2000, b’mod partikolari l-Active Directory, kienu adottati dejjem iktar mill-organizzazzjonijiet. Peress li l-problemi ta’ interoperabbiltà kienu iktar serji fir-rigward tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group li jaqgħu f’din il-ġenerazzjoni ta’ prodotti milli kienu fir-rigward tal-ġenerazzjoni preċedenti (ara l-punti 571 sa 574 iktar ’il fuq u l-kunsiderazzjonijiet 578 sa 584, 588 u 613 tad-deċiżjoni kkontestata), iż-żieda kontinwa fl-adozzjoni ta’ dawn is-sistemi kompliet issaħħaħ l-effett ta’ “kostrinġiment” imsemmi fil-punt preċedenti.

652

Il-limitazzjoni fl-għażla tal-konsumaturi kkawżata f’dan is-sens hija iktar u iktar ta’ ħsara għalihom fid-dawl tal-fatt li, kif diġà ġie osservat fil-punti 407 sa 412 iktar ’il fuq, il-konsumaturi jikkunsidraw is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri ta’ Microsoft bħala superjuri għas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group fir-rigward ta’ sensiela ta’ karatteristiċi li l-istess konsumaturi jagħtuhom importanza kbira, bħalma huma l-“affidabbiltà/disponibbiltà tas-sistema” u s-“sigurtà integrata fis-sistema operattiva għal servers”.

653

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-vantaġġ artifiċjali f’termini ta’ interoperabbiltà li Microsoft irriżervat għaliha stess permezz tar-rifjut tagħha jiskoraġġixxi lill-kompetituri tagħha milli jiżviluppaw u jintroduċu fis-suq sistemi operattivi għal servers ta’ work group b’karatteristiċi innovattivi, u dan bi ħsara, b’mod partikolari, għall-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, il-kunsiderazzjoni 694 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, dan ir-rifjut għandu l-konsegwenza li jqiegħed fi żvantaġġ lil dawn il-kompetituri fil-konfront ta’ Microsoft fir-rigward tal-mertu tal-prodotti tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ parametri bħalma huma s-sigurtà, l-affidabbiltà, il-faċilità ta’ użu jew ir-rapidità ta’ eżekuzzjoni tal-funzjonijiet (kunsiderazzjoni 699 tad-deċiżjoni kkontestata).

654

Il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li, “li kieku l-kompetituri ta’ Microsoft kellhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà li [din ta’ l-aħħar] tirrifjuta li tipprovdi, huma kienu jkunu jistgħu jużaw din l-informazzjoni sabiex jagħmlu l-funzjonijiet avvanzati tal-prodotti tagħhom stess disponibbli fil-kuntest tan-netwerk ta’ relazzjonijiet ta’ interoperabbiltà li fuqu hija bbażata l-arkitettura ta’ domain tal-Windows” (kunsiderazzjoni 695 tad-deċiżjoni kkontestata) hija kkorroborata mill-aġir li dawn il-kompetituri kienu adottaw fil-passat meta kellhom aċċess għal ċerta informazzjoni dwar il-prodotti ta’ Microsoft. Iż-żewġ eżempji ċċitati mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 696 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-prodotti msejħa “PC NetLink” u “NDS for NT” huma sinjifikattivi ħafna f’dan ir-rigward. PC NetLink huwa softwer żviluppat minn Sun abbażi ta’ l-AS/U, li kien ġie żviluppat minn AT&T permezz ta’ ċerti elementi ta’ kodiċi sors ta’ Microsoft li din ta’ l-aħħar kienet għaddiet lil AT&T taħt liċenzja fis-snin 90 (kunsiderazzjonijiet 211 sa 213 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dokument ippreżentat minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li l-karatteristiċi innovattivi u l-valur miżjud li PC NetLink kien jintroduċi fin-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows kienu enfasizzati minn Sun bħala argument sabiex tbiegħ dan il-prodott (nota ta’ qiegħ il-paġna 840 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, fid-dokumentazzjoni kummerċjali tagħha, Novell enfasizzat il-karatteristiċi ġodda li NDS for NT — prodott ta’ softwer żviluppat minnha bl-użu ta’ teknika ta’ inġinerija b’lura — kien jintroduċi fl-arkitettura ta’ domain tal-Windows, f’dan il-każ il-Windows NT (nota ta’ qiegħ il-paġna 841 tad-deċiżjoni kkontestata).

655

Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, enfasizzat b’attenzjoni li kienu jeżistu “diversi possibbiltajiet li jkun hemm differenzi u innovazzjonijiet la darba jiġu żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet ta’ interface” (kunsiderazzjonijiet 698 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi kliem ieħor, l-istess speċifikazzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ diversi implementazzjonijiet differenti u innovattivi min-naħa ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer.

656

B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-idea li, la darba jitneħħa l-impediment ikkawżat, għall-kompetituri ta’ Microsoft, min-natura insuffiċjenti tal-livell ta’ interoperabbiltà eżistenti ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows, dawn il-kompetituri jkunu jistgħu joffru sistemi operattivi għal servers ta’ work group li, mhux talli ma jkunux sempliċi riproduzzjoni tas-sistemi Windows diġà preżenti fis-suq, iżda jkunu differenti minn dawn ta’ l-aħħar fir-rigward tal-parametri importanti fl-għajnejn tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, il-kunsiderazzjoni 699 tad-deċiżjoni kkontestata).

657

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, barra minn hekk, billi jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà identifikata fid-deċiżjoni kkontestata, il-kompetituri ta’ Microsoft mhumiex ser ikunu jistgħu jagħmlu kloni ta’ jew jirriproduċu l-prodotti ta’ Microsoft. Apparti l-fatt li Microsoft stess tirrikonoxxi, fl-atti tagħha, li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni ma tippermettix li jintlaħaq tali riżultat (ara l-punt 241 iktar ’il fuq), għandu jerġa’ jingħad li l-informazzjoni in kwistjoni ma tkoprix dettalji ta’ implementazzjoni jew elementi oħra ta’ kodiċi sors ta’ Microsoft (ara l-punti 194 sa 206 iktar ’il fuq). Għandu jiġi osservat ukoll li l-protokolli li fir-rigward tagħhom Microsoft hija obbligata tiżvela l-ispeċifikazzjonijiet skond id-deċiżjoni kkontestata huma biss proporzjoni minima tal-protokolli kollha li huma implementati fis-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group.

658

Għandu jingħad ukoll li l-kompetituri ta’ Microsoft m’għandhom ebda interess li sempliċement jirriproduċu s-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group. La darba, permezz ta’ l-informazzjoni li ser tingħatalhom, ikunu f’pożizzjoni li jiżviluppaw sistemi interoperabbli biżżejjed ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows, huma ma jkollhomx għażla oħra, jekk jixtiequ jibbenefikaw minn vantaġġ kompetittiv fuq Microsoft u jibqgħu fis-suq b’mod vijabbli, ħlief li jiddistingwu l-prodotti tagħhom minn dawk ta’ Microsoft fir-rigward ta’ ċerti parametri u ta’ ċerti karatteristiċi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif spjegat il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 719 sa 721 tad-deċiżjoni kkontestata, l-implementazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet hija biċċa xogħol li teżiġi investimenti sostanzjali f’termini ta’ finanzi u ta’ żmien.

659

Fl-aħħar, fir-rigward ta’ l-argument ta’ Microsoft li hija ser ikollha anqas inċentivi sabiex tiżviluppa teknoloġija partikolari jekk hija tkun obbligata tqiegħed din it-teknoloġija għad-dispożizzjoni tal-kompetituri tagħha (ara l-punt 627 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument mhuwiex rilevanti fil-kuntest ta’ l-eżami taċ-ċirkustanza dwar il-prodott ġdid, fejn dak li għandu jiġi evalwat huwa l-impatt tar-rifjut in kwistjoni fuq l-inċentivi tal-kompetituri ta’ Microsoft li jagħmlu innovazzjonijiet u mhux il-kwistjoni ta’ l-inċentivi ta’ Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet. Din il-kwistjoni ta’ l-aħħar għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ l-eżami taċ-ċirkustanza dwar in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva.

660

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ġustament tiċħad bħala infondata l-allegazzjoni magħmula minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva li ma kienx ipprovat li r-rifjut ikkonstatat fil-konfront tagħha kkawża ħsara lill-konsumaturi (kunsiderazzjonijiet 702 sa 708 tad-deċiżjoni kkontestata).

661

L-ewwel nett, kif diġà ġie osservat fil-punti 407 sa 412 iktar ’il fuq, mir-riżultati tat-tielet stħarriġ imwettaq minn Mercer jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni Microsoft, il-konsumaturi jikkunsidraw is-sistemi operattivi għal servers ta’ work group tal-kompetituri bħala superjuri għas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group fir-rigward ta’ sensiela ta’ karatteristiċi li l-konsumaturi jagħtuhom importanza kbira.

662

It-tieni nett, Microsoft ma tistax tibbaża l-argument tagħha fuq il-fatt li, matul il-proċedura amministrattiva, il-konsumaturi fl-ebda mument ma allegaw li huma kienu kostretti jadottaw sistema operattiva Windows għal servers ta’ work group b’konsegwenza tar-rifjut tagħha li tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà lill-kompetituri tagħha. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Microsoft ma tikkontestax il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 705 u 706 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, fil-kunsiderazzjoni 705 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li huma l-iżviluppaturi ta’ softwer addizzjonali li għandu jinteropera mas-sistemi ta’ Microsoft li “jiddependu mill-iżvelar, min-naħa ta’ Microsoft, ta’ informazzjoni dwar l-interoperabbiltà” u li “l-konsumaturi mhux dejjem ikunu jafu eżattament dak li Microsoft żvelat, jew ma żvelatx, lill-edituri ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group”. Fil-kunsiderazzjoni 706 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi li, “f’sitwazzjoni fejn ikollhom jagħżlu bejn li jaħdmu bi problemi ta’ interoperabbiltà li jikkawżaw iktar komplikazzjonijiet, ineffiċjenza u spejjeż għall-iżvolġiment ta’ l-attivitajiet tagħhom jew li jagħżlu ambjent Windows omoġenu, it-tendenza tal-konsumaturi hija li jiffavorixxu t-tieni soluzzjoni” u li, “la darba jagħżlu l-Windows, ftit huwa probabbli li jikkonstataw problemi ta’ interoperabbiltà bejn il-client PCs u s-servers ta’ work group”.

663

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li mid-dikjarazzjonijiet ta’ Microsoft fir-rigward ta’ l-iżvelar magħmul b’applikazzjoni tal-ftehim Amerikan jirriżulta li dan l-iżvelar kellu l-konsegwenza li l-konsumaturi kellhom għażla akbar (ara l-kunsiderazzjoni 703 tad-deċiżjoni kkontestata).

664

Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita l-Artikolu 82 KE ma jkoprix biss l-aġir li jista’ jikkawża ħsara diretta lill-konsumaturi iżda wkoll dak l-aġir li jikkawżalhom ħsara indiretta billi jippreġudika struttura ta’ kompetizzjoni effettiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 125, u s-sentenza Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 229 iktar ’il fuq, punt 232). Issa, f’dan il-każ, Microsoft ippreġudikat l-istruttura ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group billi kisbet sehem sostanzjali minn dan is-suq.

665

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha għandu jiġi konkluż li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-rifjut akkużata bih Microsoft jillimita l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi fis-sens ta’ l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE mhijiex manifestament żbaljata. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanza dwar l-introduzzjoni ta’ prodott ġdid hija preżenti f’din il-kawża.

v) Fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

L-argumenti tal-partijiet

666

Fl-ewwel lok, Microsoft tallega li r-rifjut ikkonstatat fil-konfront tagħha kien oġġettivament iġġustifikat mid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li hija tgawdi fir-rigward tat-“teknoloġija” kkonċernata. Hija tosserva li hija għamlet investimenti sostanzjali sabiex tiżviluppa l-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha u li s-suċċess kummerċjali li kisbu l-prodotti tagħha huwa kumpens leġittimu. Hija ssostni wkoll li huwa ġeneralment aċċettat li r-rifjut ta’ impriża li tikkomunika teknoloġija partikolari lill-kompetituri tagħha jista’ jiġi ġġustifikat mill-fatt li hija ma tkunx tixtieq li dawn jużaw l-imsemmija teknoloġija sabiex jikkompetu magħha.

667

Fir-replika, Microsoft tinvoka l-fatt li t-teknoloġija li hija għandha tiżvela lill-kompetituri tagħha hija sigrieta, għandha valur kbir għad-detenturi ta’ liċenzja u tinkludi innovazzjonijiet importanti.

668

Fir-risposta tagħha għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija żżid li hija kellha ġustifikazzjoni oġġettiva li ma tagħtix liċenzja fir-rigward ta’ l-imsemmija teknoloġija “fid-dawl tal-preġudizzju li kien ikun ikkawżat fir-rigward ta’ l-inċentivi li tagħmel innovazzjonijiet li kieku Sun (jew oħrajn) kellhom jużaw din it-teknoloġija sabiex jiżviluppaw ‘functional equivalent’ li jikkompeti mal-prodotti ta’ Microsoft fl-istess suq”.

669

Fit-tieni lok, Microsoft tallega li l-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tagħha billi applikat kriterju ġdid, li huwa ġuridikament żbaljat u nettament differenti minn dawk identifikati mill-ġurisprudenza. Fil-fatt, fil-kunsiderazzjoni 783 tad-deċiżjoni kkontesta, il-Kummissjoni kkunsidrat li rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni protetta bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 82 KE jekk, meta jkun ikkunsidrat kollox, l-impatt pożittiv fuq l-innovazzjoni fis-settur kollu jpatti għall-impatt negattiv fuq l-inċentivi għall-impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħmel innovazzjonijiet.

670

Microsoft tikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ tali “kriterju ta’ bbilanċjar” għandha l-konsegwenza li l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jkollhom anqas inċentivi li jinvestu fir-riċerka u fl-iżvilupp, peress li huma jkollhom jaqsmu r-riżultati ta’ l-isforzi tagħhom mal-kompetituri tagħhom. Hija ssostni li d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jimmotivaw lill-proprjetarju tagħhom sabiex ikompli jagħmel innovazzjonijiet, filwaqt li jinkoraġġixxu lill-impriżi kompetituri sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom stess fir-rigward ta’ l-innovazzjoni sabiex ma “jibqgħux l-aħħar”. Barra minn hekk, hija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma tipprovax “tikkwantifika” l-impatt negattiv li l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji impost mid-deċiżjoni kkontestata ser ikollu fuq il-kompetituri tagħha, li ser jistennew ħalli jaraw liema teknoloġija jistgħu jiksbu permezz ta’ liċenzja minflok ma jipprovaw joħolqu t-teknoloġija tagħhom stess.

671

Microsoft tikkritika wkoll in-natura vaga u l-konsegwenzi imprevedibbli ta’ dan il-kriterju, filwaqt li tosserva b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma tipprovdi ebda indikazzjoni li abbażi tagħha l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jkunu jistgħu jevalwaw jekk “il-preservazzjoni ta’ l-inċentivi [tagħhom] sabiex jagħmlu innovazzjonijiet tistax tiġġustifika deċiżjoni li jirriżervaw il-proprjetà intellettwali [tagħhom] għall-użu [tagħhom stess]”. B’mod iktar ġenerali, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħti ebda preċiżjoni dwar il-mod kif dan il-kriterju ġie applikat f’dan il-każ u lanqas dwar il-mod kif għandu jiġi implementat fil-futur.

672

Fit-tielet lok, Microsoft tikkontesta r-rilevanza tar-riferimenti magħmula mill-Kummissjoni għall-ftehim Amerikan u għall-ftehim konkluż ma’ Sun (ara l-punt 687 iktar ’il quddiem).

673

Fir-rigward tal-ftehim Amerikan, Microsoft tfakkar li dan jobbligaha tagħti liċenzji fir-rigward tal-protokolli ta’ komunikazzjoni implementati fis-sistemi operattivi Windows għal client PCs għall-finijiet biss ta’ l-implementazzjoni tagħhom f’softwer għal server. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kkontestata timponilha l-obbligu li tagħti liċenzji fir-rigward tal-protokolli ta’ komunikazzjoni “server ma’ server” sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu implementati f’sistemi operattivi għal servers li huma kompetituri diretti għall-prodotti tagħha. Hija tosserva wkoll li l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim Amerikan huma limitati għal perijodu ta’ ħames snin u li kumpannija jkollha iktar inċentivi li tkompli tiżviluppa teknoloġija meta, wara perijodu partikolari, hija tkun tista’ terġa’ tuża b’mod esklużiv it-titjib magħmul f’din it-teknoloġija.

674

Fir-rigward tal-ftehim konkluż ma’ Sun, Microsoft tosserva li dan jipprevedi l-impenn reċiproku li jaqsmu teknoloġija u drittijiet ta’ proprjetà intellettwali abbażi ta’ kundizzjonijiet innegozjati, u dan għal perijodu limitat ta’ sitt snin. Għall-kuntrarju, taħt id-deċiżjoni kkontestata, id-detenturi ta’ liċenzja ma jistgħux jintgħażlu b’mod liberu minn Microsoft u mhumiex ser jagħtuha liċenzja b’reċiproċità, id-drittijiet u l-kundizzjonijiet l-oħra dwar l-għoti ta’ liċenzji ser ikunu suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni u l-obbligi ta’ Microsoft fir-rigward ta’ l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji “jestendu b’mod indefinit fil-futur”.

675

CompTIA tenfasizza, l-ewwel nett, l-importanza ta’ l-innovazzjoni għall-kompetizzjoni fis-settur tat-teknoloġiji ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni u l-ħtieġa li jkun hemm “sistema ta’ protezzjoni b’saħħitha għad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali”. Hija tindika, b’mod partikolari, li dawn id-drittijiet jinkoraġġixxu lill-kumpanniji sabiex itejbu l-prodotti eżistenti tagħhom u sabiex jintroduċu prodotti ġodda fis-suq.

676

It-tieni nett, CompTIA, filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 783 tad-deċiżjoni kkontestata, tallega li l-Kummissjoni applikat, f’dan il-każ, kriterju ta’ evalwazzjoni ġdid u tqis li dan il-kriterju mhuwiex konformi mal-ġurisprudenza.

677

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li hija kkunsidrat debitament il-ġustifikazzjoni mressqa minn Microsoft.

678

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li, fir-rikors, Microsoft irrikonoxxiet li hija kienet invokat ġustifikazzjoni waħda biss, jiġifieri l-fatt li hija kellha drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fir-rigward tat-“teknoloġija” kkonċernata. Hija tqis li tali ġustifikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata filwaqt li tosserva, b’mod partikolari, li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, fejn ma kien hemm ebda dubju li d-deċiżjoni kkontestata kienet timponi fuq il-kumpanniji kkonċernati l-obbligu li jagħtu liċenzji fir-rigward ta’ dritt ta’ l-awtur, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-rifjut in kwistjoni ma kienx oġġettivament iġġustifikat. Hija hija sostnuta fuq dan il-punt minn SIIA.

679

It-tieni nett, il-Kummissjoni tispjega li hija fehmet l-argument ta’ Microsoft fis-sens li l-fatti tal-każ, u b’mod partikolari “l-impatt probabbli ta’ ordni li ssir provvista fuq l-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet”, kienu tant eċċezzjonali li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika s-soluzzjonijiet mogħtija fil-ġurisprudenza.

680

F’dan il-kuntest, hija tfakkar li hija Microsoft li għandha tipprova li l-aġir abbużiv li bih hija akkużata kien oġġettivament iġġustifikat. B’mod iktar partikolari, hija tqis li din ta’ l-aħħar kellha, minn ta’ l-anqas, turi, minn naħa, li l-obbligu impost fuqha li tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà kien ser ikollu impatt negattiv fuq l-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li kien jeżisti riskju li dan l-impatt negattiv kien iktar sostanzjali mill-“elementi kollha identifikati mill-Kummissjoni li altrimenti jagħmlu dan l-aġir wieħed abbużiv”. Issa, Microsoft sempliċement ressqet argumenti purament teoretiċi u li ma kienu ssostanzjati bl-ebda mod f’dan ir-rigward.

681

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li Microsoft ma tistax tiġġustifika r-rifjut tagħha bil-fatt li t-teknoloġija kkonċernata hija sigrieta, għandha valur kbir u tinkludi innovazzjonijiet importanti. Barra minn hekk, din il-ġustifikazzjoni ma ġietx invokata fir-rikors.

682

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta li applikat kriterju ta’ evalwazzjoni ġdid f’dan il-każ.

683

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni ta’ Microsoft li impriża tista’ ġustament tirrifjuta li tikkomunika teknoloġija partikolari lill-kompetituri tagħha meta tkun tixtieq tevita li dawn ikunu jistgħu jużawha sabiex jikkompetu magħha. Din l-allegazzjoni tista’ tiġi interpretata, minn naħa, fis-sens li, anki jekk ikunu ssodisfati l-ewwel tliet kriterji identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, ir-rifjut li jingħataw liċenzji jkun leġittimu jekk il-kompetituri jkollhom l-intenzjoni jużaw il-liċenzja sabiex jikkompetu ma’ l-impriża dominanti. Issa, dan l-argument huwa manifestament żbaljat. L-imsemmija allegazzjoni tista’ tiġi interpretata, min-naħa l-oħra, fis-sens li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, ma japplikawx meta d-dritt ta’ proprjetà intellettwali jikkonċerna teknoloġija. Issa, apparti l-fatt li Microsoft bl-ebda mod ma tispjega dak li trid tfisser b’“teknoloġija” f’dan il-kuntest, huwa diffiċli ħafna li ssir distinzjoni bejn drittijiet ta’ proprjetà intellettwali “teknoloġiċi” u drittijiet ta’ proprjetà intellettwali “mhux teknoloġiċi”. Barra minn hekk, mhuwiex ċert li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà in kwistjoni tikkostitwixxi tali teknoloġija, b’mod partikolari jekk din l-informazzjoni tirrappreżenta biss sempliċi konvenzjonijiet arbitrarji li mhumiex ta’ natura innovattiva.

684

It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni ta’ Microsoft li, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, il-kompetituri mhumiex ser ikollhom iktar inċentivi li joħolqu t-teknoloġija tagħhom stess. Hija tallega li Microsoft ma tindirizzax il-konstatazzjoni, magħmula fil-kunsiderazzjoni 697 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-pożizzjoni kważi monopolistika li Microsoft għandha fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs, il-kompetituri mhumiex f’pożizzjoni li jiżviluppaw alternattivi vijabbli għall-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha.

685

It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li Microsoft tirreferi sempliċement għall-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet fil-qasam ta’ l-iżvilupp ta’ protokolli, mingħajr ma ssemmi l-prodotti l-oħra tagħha. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 724 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li dan ir-raġunament huwa żbaljat.

686

Ir-raba’ nett, hija ssostni li Microsoft ma tgħid xejn dwar il-fatt li l-informazzjoni in kwistjoni hija informazzjoni neċessarja għall-interoperabbiltà fis-sens tad-Direttiva 91/250. Issa, mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju jikkunsidra li l-iżvelar ta’ tali informazzjoni huwa ta’ benefiċċju għall-innovazzjoni.

687

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal ċerti dikjarazzjonijiet magħmula minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, matul is-smigħ tagħha, Microsoft indikat, b’risposta għal domanda magħmula mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, li hija ma kinitx ikkonstatat li l-ftehim Amerikan kellu impatt negattiv fuq l-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet. Bl-istess mod, matul il-konferenza stampa organizzata flimkien ma’ Sun wara li kkonkludew il-ftehim bejniethom, Microsoft iddikjarat li ż-żewġ kumpanniji kienu ser ikomplu jikkompetu u jagħmlu innovazzjonijiet u li “l-impatt tal-ftehim mhuwiex ser ikun tnaqqis fl-innovazzjoni iżda iktar innovazzjonijiet”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument li Microsoft tibbaża fuq il-fatt li dan il-ftehim ma’ Sun jipprevedi impenni reċiproċi mhuwiex rilevanti. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li, meta ġie konkluż dan il-ftehim, il-politika ta’ Sun diġà kienet li tiżvela l-protokolli rilevanti lill-operaturi kollha fis-settur.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

688

Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li, għalkemm l-oneru tal-prova fir-rigward ta’ l-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jammontaw għal ksur ta’ l-Artikolu 82 KE jinsab fuq il-Kummissjoni, hija madankollu l-impriża dominanti in kwistjoni, u mhux il-Kummissjoni, li għandha, jekk ikun il-każ, u qabel l-għeluq tal-proċedura amministrattiva, tressaq ġustifikazzjoni oġġettiva eventwali u tippreżenta, f’dan ir-rigward, argumenti u elementi ta’ prova. Il-Kummissjoni mbagħad, jekk ikollha l-intenzjoni tikkonkludi li jeżisti abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tipprova li l-argumenti u l-elementi ta’ prova invokati minn din l-impriża ma jistgħux jipprevalu u, għaldaqstant, li l-ġustifikazzjoni ppreżentata ma tistax tintlaqa’.

689

F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-kunsiderazzjoni 709 tad-deċiżjoni kkontestata u kif Microsoft ikkonfermat espressament fir-rikors, din ta’ l-aħħar invokat biss, bħala ġustifikazzjoni għall-aġir tagħha, il-fatt li t-teknoloġija kkonċernata kienet koperta bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Hija ppreċiżat, f’dan il-kuntest, li, jekk hija tkun obbligata tagħti aċċess lil terzi għal din it-teknoloġija, dan “jelimina l-inċentivi futuri li jsiru investimenti fil-ħolqien ta’ proprjetà intellettwali” (kunsiderazzjoni 709 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-replika, hija invokat ukoll il-fatt li l-imsemmija teknoloġija kienet sigrieta, ta’ valur kbir u kienet tinkludi innovazzjonijiet importanti.

690

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li s-sempliċi fatt — jekk jiġi kkunsidrat bħala korrett — li l-protokolli ta’ komunikazzjoni identifikati mid-deċiżjoni kkontestata, jew l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom, huma koperti bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jistax jikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva fis-sens tas-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq. Fil-fatt, it-teżi ta’ Microsoft f’dan is-sens hija inkompatibbli mar-raison d’être ta’ l-eċċezzjoni li din il-ġurisprudenza tirrikonoxxi f’dan ir-rigward favur il-kompetizzjoni libera, fis-sens li jekk is-sempliċi tgawdija ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tista’ tikkostitwixxi fiha nfisha ġustifikazzjoni oġġettiva tar-rifjut li tingħata liċenzja, l-eċċezzjoni stabbilita fil-ġurisprudenza ma tkun tista’ tiġi applikata f’ebda każ. Fi kliem ieħor, rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali qatt ma jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala ksur ta’ l-Artikolu 82 KE minkejja li, fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat preċiżament il-kuntrarju.

691

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif ġie espost fil-punti 321, 323, 327 u 330 iktar ’il fuq, il-qorti Komunitarja tikkunsidra li l-fakultà, tal-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, li juża dan id-dritt għall-benefiċċju esklużiv tiegħu tikkostitwixxi s-sustanza stess ta’ dan id-dritt esklużiv. Għaldaqstant, is-sempliċi rifjut, anki jekk ikun ġej min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, li tingħata liċenzja lil terzi ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE. Huwa biss meta dan ir-rifjut ikun jinsab f’kuntest ikkaratterizzat minn ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawk identifikati sal-lum mill-ġurisprudenza li tali rifjut jista’ jiġi kklassifikat bħala abbużiv u li, għaldaqstant, huwa permess, fl-interess pubbliku li tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-suq, li jiġi limitat id-dritt esklużiv tal-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali billi dan jiġi obbligat jagħti liċenzji lil terzi li jixtiequ jidħlu jew jibqgħu f’dan is-suq. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li iktar ’il fuq ġie stabbilit li f’dan il-każ kienu preżenti tali ċirkustanzi eċċezzjonali.

692

Fir-rigward ta’ l-argument invokat minn Microsoft fir-replika u bbażat fuq l-allegazzjoni li t-teknoloġija kkonċernata hija sigrieta, ta’ valur kbir għad-detenturi ta’ liċenzja u tinkludi innovazzjonijiet importanti, dan lanqas ma jista’ jintlaqa’.

693

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li t-teknoloġija hija sigrieta huwa l-konsegwenza ta’ deċiżjoni kummerċjali unilaterali min-naħa ta’ Microsoft. Barra minn hekk, Microsoft ma tistax targumenta li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà hija ta’ natura allegatament sigrieta sabiex issostni li hija ma tistax tkun obbligata tiżvelaha ħlief fl-eventwalità li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, ikunu preżenti u fl-istess ħin tiġġustifika r-rifjut tagħha permezz ta’ l-istess natura allegatament sigrieta ta’ din l-informazzjoni. Fl-aħħar, m’hemm xejn li jiġġustifika li teknoloġija sigrieta tibbenefika minn livell ta’ protezzjoni iktar għoli minn, per eżempju, teknoloġija li l-inventur tagħha kellu jiżvelaha fil-kuntest ta’ proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ privattiva.

694

It-tieni nett, la darba jiġi stabbilit — bħalma kien f’din il-kawża — li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà hija ta’ natura indispensabbli, din l-informazzjoni neċessarjament tkun ta’ valur kbir għall-kompetituri li jixtiequ jkollhom aċċess għaliha.

695

It-tielet nett, huwa inerenti fil-fatt li l-impriża kkonċernata jkollha dritt ta’ proprjetà intellettwali li s-suġġett ta’ dan id-dritt ikun ta’ natura innovattiva jew oriġinali. Fil-fatt, ma jistax ikun hemm privattiva fin-nuqqas ta’ invenzjoni u lanqas ma jista’ jkun hemm dritt ta’ l-awtur fin-nuqqas ta’ xogħol oriġinali.

696

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mhux biss ċaħdet il-ġustifikazzjoni ta’ Microsoft li t-teknoloġija kkonċernata kienet koperta bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali iżda eżaminat ukoll l-argument ta’ Microsoft li, jekk hija tkun obbligata tagħti aċċess lil terzi għall-imsemmija teknoloġija, dan ikollu impatt negattiv fuq l-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet (kunsiderazzjonijiet 709 u 712 tad-deċiżjoni kkontestata).

697

Għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, Microsoft, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova inizjali f’dan ir-rigward (ara l-punt 688 iktar ’il fuq), ma pprovatx b’mod suffiċjenti li, jekk hija tkun obbligata tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà dan ikollu impatt negattiv sostanzjali fuq l-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet.

698

Fil-fatt, Microsoft sempliċement sostniet argumenti vagi, ġenerali u teoretiċi fuq dan il-punt. B’hekk, kif tosserva l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 709 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft, fir-risposta tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2003 għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, sempliċement iddikjarat li “żvelar […] jelimina l-inċentivi futuri li jsiru investimenti fil-ħolqien ta’ proprjetà intellettwali”, u dan mingħajr ma ppreċiżat liema kienu t-teknoloġiji jew il-prodotti li kienet qiegħda tirreferi għalihom.

699

F’ċerti siltiet mir-risposta msemmija fil-punt preċedenti, Microsoft tidentifika impatt negattiv fuq l-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet fir-rigward tas-sistemi operattivi tagħha in ġenerali, jiġifieri kemm fir-rigward dawk għal client PCs u kemm dawk għal servers.

700

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-kunsiderazzjonijiet 713 sa 729 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament irrifjutat l-argument ta’ Microsoft dwar il-biża’ li jsiru kloni tal-prodotti tagħha. Għandu jiġi mfakkar, b’mod partikolari, li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix, u lanqas ma hija intiża li tippermetti, li l-kompetituri ta’ Microsoft jikkupjaw il-prodotti tagħha (ara l-punti 198 sa 206, 240 sa 242 u 656 sa 658 iktar ’il fuq).

701

Minn dan isegwi li ma ġiex ipprovat li l-iżvelar ta’ l-informazzjoni li hija s-suġġett ta’ din il-miżura korrettiva ser inaqqas b’mod sinjifikattiv — u iktar u iktar ser jelimina — l-inċentivi ta’ Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet.

702

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 730 sa 734 tad-deċiżjoni kkontestata, hija prassi normali għall-operaturi fis-settur in kwistjoni li jiżvelaw lil terżi l-informazzjoni intiża li tiffaċilita l-interoperabbiltà mal-prodotti tagħhom u Microsoft stess kienet aġixxiet b’dan il-mod sal-mument meta stabilixxiet ruħha biżżejjed fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Fil-fatt, dan jippermettilhom iżidu l-attrazzjoni, u għalhekk il-valur, tal-prodotti tagħhom. Issa, f’din il-kawża, ebda waħda mill-partijiet ma allegat li tali żvelar kellu xi tip ta’ impatt negattiv fuq l-inċentivi ta’ dawn l-operaturi li jagħmlu innovazzjonijiet.

703

Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk l-iżvelar li sar fil-kuntest tal-ftehim Amerikan u tal-MCPP fir-rigward tal-protokolli bejn server u client ma kellux impatt negattiv fuq l-inċentivi ta’ Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet (kunsiderazzjoni 728 tad-deċiżjoni kkontestata), m’hemm ebda raġuni manifesta għalxiex għandu jiġi kkunsidrat li l-konsegwenzi ser ikunu differenti fir-rigward ta’ l-iżvelar tal-protokolli bejn server u server.

704

Fl-aħħar, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni ta’ Microsoft li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet il-ġustifikazzjoni oġġettiva li hija kienet ippreżentat billi applikat kriterju ta’ evalwazzjoni ġdid, għandu jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ din id-deċiżjoni.

705

Fil-fatt, din l-allegazzjoni hija bbażata fuq sentenza li tinsab fil-kunsiderazzjoni 783 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab f’parti mid-deċiżjoni fejn tinsab il-konklużjoni ta’ l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni, fil-kunsiderazzjonijiet 560 sa 778, tar-rifjut in kwistjoni.

706

Din is-sentenza tipprovdi kif ġej:

“Abbażi ta’ eżami fil-fond tal-portata ta’ l-iżvelar in kwistjoni jista’ jiġi konkluż li, meta jkun ikkunsidrat kollox, l-eventwali impatt negattiv li l-impożizzjoni ta’ obbligu li tingħata l-informazzjoni in kwistjoni jista’ jkollha fuq l-inċentivi ta’ Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet huwa kkumpensat mill-effetti pożittivi ta’ dan l-obbligu fuq il-livell ta’ innovazzjoni fis-settur kollu (inkluża Microsoft).”

707

Madankollu, din is-sentenza għandha tinqara flimkien ma’ dik li tinsab eżattament warajha fl-istess kunsiderazzjoni u li tipprovdi li “l-ħtieġa li jiġu ppreżervati l-inċentivi ta’ Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva li tegħleb iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali identifikati iktar ’il fuq”.

708

Din is-sentenza għandha tiġi kkunsidrata wkoll fid-dawl tal-kunsiderazzjoni 712 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni tagħmel il-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“iktar ’il fuq ġie stabbilit […] li r-rifjut ta’ Microsoft joħloq ir-riskju li tiġi eliminata l-kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, li dan huwa dovut għall-fatt li l-input irrifjutat huwa indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali f’dan is-suq u li r-rifjut ta’ Microsoft għandu impatt negattiv fuq l-iżvilupp tekniku, bi ħsara għall-konsumaturi. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, is-sempliċi fatt li r-rifjut ta’ Microsoft jikkostitwixxi rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ proprjetà intellettwali mhuwiex ġustifikazzjoni oġġettiva għal dan ir-rifjut. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk l-argumenti mressqa minn Microsoft fir-rigward ta’ l-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet jegħlbux dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali.”

709

Fi kliem ieħor, in konformità mal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza (ara l-punti 331 sa 333 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni, wara li stabilixxiet li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, kienu preżenti f’dan il-każ, eżaminat jekk il-ġustifikazzjoni mressqa minn Microsoft, ibbażata fuq l-allegat preġudizzju għall-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet, kinitx ta’ natura tali li tipprevali fuq dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, inkluża ċ-ċirkustanza li r-rifjut in kwistjoni kien jillimita l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi fis-sens ta’ l-inċiż (b) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE.

710

Il-Kummissjoni kkonkludiet fin-negattiv fir-rigward ta’ dan il-punt iżda m’għamiltx dan wara li bbilanċjat l-impatt negattiv li l-impożizzjoni ta’ obbligu li tingħata l-informazzjoni in kwistjoni seta’ jkollha fuq l-inċentivi ta’ Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet ma’ l-impatt pożittiv ta’ dan l-obbligu fuq l-innovazzjoni fis-settur kollu, iżda wara li ċaħdet l-argumenti ta’ Microsoft fir-rigward tal-biża’ ta’ klonazzjoni tal-prodotti tagħha (kunsiderazzjonijiet 713 sa 729 tad-deċiżjoni kkontestata), wara li kkonstatat li l-iżvelar ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà kien prassi komuni fl-industrija kkonċernata (kunsiderazzjonijiet 730 sa 735 tad-deċiżjoni kkontestata) u wara li indikat li l-impenn li daħlet għalih IBM fil-konfront tal-Kummissjoni fl-1984 ma kienx sostanzjalment differenti minn dak li kien impost fuq Microsoft fid-deċiżjoni kkontestata (kunsiderazzjonijiet 736 sa 742 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-approwċ tagħha kien konformi mad-Direttiva 91/250 (kunsiderazzjonijiet 743 sa 763 tad-deċiżjoni kkontestata).

711

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li Microsoft ma pprovatx l-eżistenza ta’ xi ġustifikazzjoni oġġettiva tar-rifjut tagħha li tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà in kwistjoni.

712

Peress li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Magill u IMS Health, iċċitati fil-punt 107 iktar ’il fuq, huma preżenti anki f’din il-kawża, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata fl-intier tagħha.

2. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-argument li Sun ma talbitx lil Microsoft sabiex tibbenefika mit-teknoloġija li l-Kummissjoni ordnat lil Microsoft tiżvela

a) L-argumenti tal-partijiet

713

Fl-ewwel lok, Microsoft issostni li Sun ma talbithiex aċċess għal informazzjoni dwar l-interoperabbiltà fis-sens tad-deċiżjoni kkontestata.

714

F’dan ir-rigward, Microsoft, filwaqt li tirreferi għal silta mill-ilment ta’ Sun, issostni li t-talba magħmula fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 ma kinitx tikkonċerna l-“ispeċifikazzjonijiet eżawrjenti u korretti” tal-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha, iżda informazzjoni dettaljata dwar il-karatteristiċi interni tas-sistemi operattivi Windows għal servers tagħha.

715

Għalhekk, skond Microsoft, anki jekk jitqies li l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998 tista’ tiġi interpretata bħala rifjut, li mhuwiex il-każ, xorta ma jkunx jista’ jiġi allegat li hija rrifjutat li tipprovdi lil Sun it-teknoloġija li d-deċiżjoni kkontestata takkużaha li ma żvelatx.

716

Microsoft iżżid li “l-portata tat-talba ta’ Sun ma kinitx ta’ natura li tindikalha […] li Sun xtaqet tikseb liċenza [fir-rigward tal-]protokolli ta’ komunikazzjoni [tagħha]”.

717

Barra minn hekk, hija tosserva li, fl-ilment, Sun ma tagħmel ebda riferiment għall-protokolli ta’ komunikazzjoni.

718

Fl-aħħar, Microsoft tosserva li, fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, Sun indikat li fil-fehma tagħha “Microsoft għandha tinkludi implementazzjoni ta’ riferiment (reference implementation) u informazzjoni oħra li hija meħtieġa sabiex jiġi assigurat, mingħajr ma tkun meħtieġa inġinerija b’lura, li COM objects u s-sett sħiħ ta’ teknoloġiji Active Directory jaħdmu b’mod kompletament kompatibbli fuq Solaris”. Microsoft issostni li l-aċċess għal tali “teknoloġija” kien jippermetti lil Sun tikkopja kważi l-funzjonalitajiet kollha tas-sistemi operattivi Windows għal servers. Hija żżid li t-talba ta’ Sun kienet tikkonċerna “teknoloġija li kienet għadha fl-istadju ta’ żvilupp”, peress li l-Windows 2000 Server u l-Active Directory ma ġewx ikkummerċjalizzati qabel Diċembru 1999.

719

Fit-tieni lok, Microsoft tallega li, fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, hija ma għamlitx “rifjut pur u sempliċi” għat-talba ta’ Sun iżda stiednet lil din ta’ l-aħħar sabiex flimkien magħha teżamina “kif iż-żewġ impriżi jistgħu itejbu l-interoperabbiltà bejn il-prodotti rispettivi tagħhom għall-benefiċċju tal-klijenti komuni tagħhom”. Microsoft issostni wkoll li, f’din l-ittra, hija indikat lil Sun diversi metodi kif tista’ “tikseb interoperabbiltà”. Filwaqt li tiċċita l-kunsiderazzjoni 565 tad-deċiżjoni kkontestata, hija żżid li l-Kummissjoni ma setgħetx issostni li t-teknoloġiji kkonċernati kienu tant kumplessi li ma kienx possibbli li Sun tkun mistennija tkun taf dak li kellha bżonn. F’dan ir-rigward hija tosserva li Sun hija distributriċi speċjalizzata ħafna ta’ sistemi operattivi għal servers u li, f’kull każ, kienet Sun li kellha tikkjarifika t-talba tagħha.

720

Barra minn hekk, Microsoft tallega li Sun ma laqgħatx l-istedina li għamlitilha filwaqt li tosserva, b’mod partikolari, li din ta’ l-aħħar naqset milli tattendi laqgħa organizzata sabiex tiġi diskussa l-kwistjoni ta’ l-interoperabbiltà tal-prodotti rispettivi tagħhom.

721

Fl-aħħar, Microsoft tikkunsidra li m’hemmx kontradizzjoni bejn il-pożizzjoni tagħha li m’huwiex stabbilit b’mod ċert li hija kienet tirrifjuta li tiżvela l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha li kieku Sun jew “xi ħadd ieħor” talbuhomlha u l-fatt li hija ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hemm differenza importanti bejn, minn naħa, “ftehim ta’ liċenzji reċiproċi nnegozjat ma’ fornitur kbir ieħor ta’ sistemi operattivi” u, min-naħa l-oħra, “obbligu li tipprovdi lid-dinja kollha bit-teknoloġija li tagħha hija l-proprjetarjà skond l-istruzzjonijiet ta’ l-awtorità pubblika”.

722

Fit-tielet lok, Microsoft issostni li Sun ma talbithiex liċenzja fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha bil-għan li tiżviluppa sistemi operattivi għal servers ta’ work group fiż-ŻEE. Għalhekk, hija tqis li, meta wieġbet għall-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, hija bl-ebda mod ma kienet obbligata tieħu in kunsiderazzjoni r-responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni li hija għandha fid-dawl ta’ l-Artikolu 82 KE.

723

F’dan il-kuntest, Microsoft tfakkar li Sun hija kumpannija Amerikana u li l-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 intbagħtet mill-uffiċċju ta’ Sun fl-Istati Uniti lill-uffiċċju ta’ Microsoft fl-Istati Uniti, li hija wkoll kumpannija Amerikana. Hija tallega li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kull rabta maż-ŻEE u tal-fatt li f’din l-ittra ma sar l-ebda riferiment għall-fatt li t-teknoloġija kkonċernata kienet meħtieġa għall-iżvilupp u għad-distribuzzjoni ta’ sistemi operattivi għal servers ta’ work group fit-territorju taż-ŻEE, hija ma kellha ebda raġuni għalxiex taħseb li Sun kellha l-intenzjoni tikseb liċenzja għal dan it-territorju.

724

Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha mressqa minn Microsoft.

725

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li t-talba magħmula minn Sun fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, “għalkemm b’portata iktar wiesgħa f’ċerti aspetti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni [kkontestata]”, kienet ċara biżżejjed sabiex Microsoft tifhem, minn naħa, li Sun xtaqet aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u, min-naħa l-oħra, li parti minn din l-informazzjoni kienet tikkonċerna l-karatteristiċi tan-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows (arkitettura ta’ domain ta’ l-Active Directory) li kienu indispensabbli għal Sun sabiex teżerċita kompetizzjoni vijabbli fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

726

Il-Kummissjoni ssostni li Microsoft tagħmel preżentazzjoni ineżatta tat-talba ta’ Sun meta tallega li din tikkonċerna elementi ta’ kodiċi sors u mhux informazzjoni li tirrigwarda l-interfaces. Hija tfakkar li, permezz tat-talba tagħha, Sun turi x-xewqa tagħha li jkun possibbli għall-prodotti tagħha li “jikkomunikaw b’mod trasparenti” ma’ l-ambjent Windows u li, fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, is-Sur Maritz indika b’mod ċar li huwa fehem din it-talba fis-sens li tikkonċerna informazzjoni dwar l-interoperabbiltà. Hija tosserva wkoll li, fl-ilment, Sun enfasizzat li hija xtaqet aċċess għal “informazzjoni li tikkonċerna l-interfaces”.

727

Il-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet 713 sa 722 tad-deċiżjoni kkontestata, iżżid li l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà ma jippermettix lill-kompetituri ta’ Microsoft jagħmlu kloni jew “kopji” tal-funzjonalitajiet tas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group.

728

Il-Kummissjoni tikkusidra li l-fatt li Sun ma użatx l-espressjoni “protokoll ta’ komunikazzjoni” mhuwiex rilevanti peress li talba għal aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu possibbli interkonnessjoni u interazzjoni mas-softwer Windows u talba għal aċċess għall-ispeċifikazzjonijiet ta’ protokolli huma “l-istess ħaġa”.

729

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, Microsoft ma invokatx il-fatt li t-talba ta’ Sun kienet tikkonċerna “teknoloġija li kienet għadha fl-istadju ta’ żvilupp”. F’kull każ, tali argument ma jistax jintlaqa’ minħabba li l-ewwel verżjoni beta tal-Windows 2000 Server diġà kienet ilha sena fis-suq meta Sun bagħtet l-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 lil Microsoft.

730

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li Microsoft ma tistax tikkontesta li hija rrifjutat it-talba ta’ Sun.

731

F’dan ir-rigward, hija tosserva, l-ewwel nett, li l-pożizzjoni difiża minn Microsoft hija f’kontradizzjoni mat-talba tagħha għall-annullament ta’ l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

732

It-tieni nett, filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet 194 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li Microsoft ikkonfermatilha b’mod espress li hija kienet tirrifjuta li tagħti aċċess għal ċerta informazzjoni dwar l-interoperabbiltà. Hija żżid li, kif inhuwa espost fil-kunsiderazzjonijiet 573 sa 577 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ir-rifjut jagħmel parti minn aġir ġenerali. Bl-istess mod, matul il-proċedura sommarja, Microsoft indikat li dan ir-rifjut kien jagħmel parti mill-“mudell ekonomiku” tagħha.

733

It-tielet nett, il-Kummissjoni tindika li hija tiddubita kemm Microsoft kienet tikkomunika lil Sun l-informazzjoni mitluba li kieku din irrispondiet b’mod iktar pożittiv għall-allegata proposta ta’ Microsoft li jidħlu f’diskussjonijiet dwar l-interoperabbiltà. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal ċerti dikjarazzjonijiet tad-diretturi ta’ Microsoft riprodotti fil-kunsiderazzjonijiet 576 u 778 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ssostni li huwa ftit probabbli li s-Sur Goldberg, l-impjegat ta’ Microsoft imsemmi fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, kellu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet f’dan ir-rigward. Hija tindika wkoll li s-Sur Terranova, impjegat ta’ Sun, iltaqa’ mas-Sur Goldberg fil-25 ta’ Novembru 1998 u li Microsoft ma tispjegax kif il-fatt li s-Sur Terranova kellu jannulla laqgħa oħra prevista għat-8 ta’ Marzu 1999 impedixxa ż-żamma ta’ diskussjonijiet dwar l-interoperabbiltà. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li l-aġenda ta’ din il-laqgħa ta’ l-aħħar, kif proposta mis-Sur Goldberg, ma kienet tinkludi ebda riferiment għat-teknoloġiji rilevanti, bħall-Active Directory.

734

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li ma jagħmel ebda differenza l-fatt li, fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, Sun m’għamlitx riferiment espress għaż-ŻEE. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija tindika li, peress li s-suq ġeografiku in kwistjoni huwa ta’ dimensjoni dinjija, iż-ŻEE kienet neċessarjament koperta mit-talba magħmula f’din l-ittra u, min-naħa l-oħra, hija tfakkar li Sun ippreżentat ilment, fl-10 ta’ Diċembru 1998, quddiem il-Kummissjoni.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

735

Permezz ta’ l-argumenti tagħha in sostenn tat-tieni parti tal-motiv waħdani tagħha, Microsoft tixtieq tistabbilixxi li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun tikkonstata, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha meta rrifjutat li tiżvela l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà peress li, fil-fatt, hija ma tista’ tiġi akkużata b’ebda rifjut reali. In sostenn ta’ din it-teżi, Microsoft essenzjalment tinvoka l-iskambju ta’ ittri li sar bejnha u bejn Sun lejn l-aħħar tas-sena 1998. L-argumenti tagħha jistgħu jinġabru fi tliet partijiet prinċipali. Fl-ewwel lok, Microsoft tallega li t-talba ta’ Sun magħmula fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 ma kinitx tikkonċerna informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, kif identifikata mid-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, hija tikkontesta, f’kull każ, li, fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, hija rrifjutat din it-talba. Fit-tielet lok, Microsoft issostni li, fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, Sun ma talbithiex tibbenefika minn liċenzja fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li hija tgawdi fiż-ŻEE.

736

Kull waħda minn dawn il-partijiet għandha tkun is-suġġett ta’ analiżi separata.

Fuq il-portata tat-talba ta’ Sun

737

Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar il-kontenut preċiż ta’ l-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, kif ukoll l-analiżi ta’ din l-ittra magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

738

F’din l-ittra, Sun tidentifika, fit-termini segwenti, l-informazzjoni li hija tixtieq tikseb mingħand Microsoft:

minn naħa, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tipprovdi native support għal COM objects fuq Solaris;

min-naħa l-oħra, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tipprovdi native support għas-sett sħiħ ta’ teknoloġiji Active Directory fuq Solaris.

739

F’din l-istess ittra, Sun tippreċiża l-portata ta’ l-informazzjoni mitluba kif ukoll l-għan li tixtieq tikseb permezz tat-talba tagħha billi tindika li:

l-applikazzjonijiet żviluppati sabiex jintużaw fuq Solaris għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod trasparenti, permezz ta’ COM u/jew l-Active Directory, mas-sistemi operattivi Windows u/jew mas-softwer ibbażat fuq il-Windows;

Microsoft għandha tinkludi implementazzjoni ta’ riferiment (reference implementation) u informazzjoni oħra li hija meħtieġa sabiex jiġi assigurat, mingħajr ma tkun meħtieġa inġinerija b’lura, li COM objects u s-sett sħiħ ta’ teknoloġiji Active Directory jaħdmu b’mod kompletament kompatibbli fuq Solaris;

l-informazzjoni għandha tingħata fir-rigward tal-COM objects kollha kif ukoll fir-rigward tas-sett sħiħ ta’ teknoloġiji Active Directory li bħalissa jinsabu fis-suq;

l-informazzjoni għandha tingħata mingħajr dewmien irraġonevoli u b’mod kontinwu fir-rigward tal-COM objects u tat-teknoloġiji li ser jitqiegħdu fis-suq fil-futur.

740

Fil-kunsiderazzjoni 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinterpreta t-tieni parti tat-talba magħmula minn Sun fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 (ara t-tieni inċiż tal-punt 738 iktar ’il fuq) fis-sens li tikkonċerna l-“kapaċità ta’ Solaris li taġixxi bħala kontrollur ta’ domain kompletament kompatibbli f’netwerks ta’ work group li joperaw bil-Windows 2000 jew bħala server membru (b’mod partikolari bħala servers ta’ fajls jew ta’ printers) kompletament kompatibbli ma’ l-arkitettura ta’ domain ta’ l-Active Directory (sigurtà, servizz ta’ direttorju)”. Hija żżid li l-fatt li din it-talba tikkonċerna kemm l-interoperabbiltà bejn client u server u l-interoperabbiltà server ma’ server huwa konsistenti mal-fatt li l-“arkitettura ta’ domain tal-Windows” tagħmel assoċjazzjoni mill-qrib bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ interoperabbiltà. Fi kliem ieħor, skond il-Kummissjoni, “it-talba ta’ Sun tkopri l-ispeċifikazzjonijiet tal-protokolli użati mis-servers ta’ work group [li joperaw bil-] Windows sabiex jipprovdu, lin-netwerks ta’ work groups li joperaw bil-Windows, servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers, kif ukoll servizzi ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi [ta’ utenti]”, li jinkludu “kemm l-interkonnessjoni u l-interazzjoni diretti bejn server ta’ work group [li jopera bil-] Windows u client PC [li jopera bil-]Windows, u l-interkonnessjoni u l-interezzjoni bejn dawn il-magni li huma indiretti u li jgħaddu minn server jew servers ta’ work group [li joperaw bil-]Windows” (kunsiderazzjoni 187 tad-deċiżjoni kkontestata).

741

Fil-kunsiderazzjoni 188 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-ewwel parti tat-talba ta’ Sun (ara l-ewwel inċiż tal-punt 738 iktar ’il fuq). Filwaqt li tfakkar li COM/DCOM hija teknoloġija li “hija rilevanti fil-prodotti Windows għall-provvista ta’ servizzi ta’ użu komuni ta’ fajls u ta’ printers, kif ukoll ta’ amministrazzjoni ta’ utenti u ta’ gruppi ta’ utenti”, hija tikkunsidra li sa ċertu punt din il-parti tat-talba ta’ Sun hija l-istess bħat-tieni parti ta’ l-istess talba, dwar l-Active Directory. Fil-kunsiderazzjoni segwenti, hija tippreċiża, madankollu, li “l-uniċi elementi tat-talba ta’ Sun fir-rigward tat-teknoloġija COM li huma rilevanti għar-rifjut li tingħata informazzjoni kkunsidrat fid-[deċiżjoni kkontestata] huma dawk koperti mit-talba ta’ Sun fir-rigward tal-kompatibbiltà ma’ l-Active Directory”. Din il-preċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tad-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 566 tad-deċiżjoni kkontestata li, minn naħa, “l-uniku rifjut li huwa in kwistjoni f’[din] id-deċiżjoni huwa r-rifjut ta’ Microsoft li tipprovdi speċifikazzjoni sħiħa għall-protokolli li fuqhom hija bbażata l-arkitettura ta’ domain tal-Windows, li torganizza l-mod kif is-servers ta’ work group [li joperaw bil-]Windows jipprovdu s-servizzi ta’ work group lill-client PCs [li joperaw bil-]Windows”, u, min-naħa l-oħra, “[il-]fatt li Microsoft ċaħdet anke t-talba ta’ Sun għal informazzjoni li tiffaċilita l-portabbiltà bejn diversi pjattaofrmi ta’ COM objects ma jagħmilx parti mill-aġir rilevanti għall-[imsemmija] deċiżjoni”.

742

Il-Kummissjoni żżid, fil-kunsiderazzjoni 190 tad-deċiżjoni kkontestata, li fit-talba ta’ Sun huwa impliċitu li din ta’ l-aħħar tixtieq ikollha aċċess għall-ispeċifikazzjonijiet sabiex tkun tista’ timplementahom fil-prodotti tagħha.

743

Fil-kunsiderazzjonijiet 199 sa 207 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi sensiela ta’ kunsiderazzjonijiet sabiex turi li l-informazzjoni li għaliha Sun titlob aċċess fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 hija marbuta ma’ l-interoperabbiltà. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tiċħad l-allegazzjoni, magħmula minn Microsoft fir-risposta tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2003 għat-tielet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li Sun xtaqet li Microsoft toħloq verżjoni ta’ l-Active Directory li tkun tista’ tintuża fuq Solaris. It-tieni nett, il-Kummissjoni twarrab l-argument ta’ Microsoft, li ġie invokat ukoll matul il-proċedura amministrattiva, li t-talba ta’ Sun kienet tikkonċerna “l-istruttura interna tas-sistemi operattivi Windows għal servers” u kienet għalhekk tmur lil hinn minn informazzjoni dwar l-interoperabbiltà. Dwar dan il-punt ta’ l-aħħar, hija tosserva li, fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, Sun issemmi b’mod espress ix-xewqa tagħha li tkun tista’ tikseb “komunikazzjoni trasparenti” bejn l-ambjent ta’ Solaris u dak tal-Windows (kunsiderazzjoni 207 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tosserva wkoll li mill-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998 jirriżulta li Microsoft fehmet perfettament li Sun xtaqet aċċess għal informazzjoni dwar l-interoperabbiltà ma’ “ċerti karatteristiċi tal-Windows” (kunsiderazzjoni 207 tad-deċiżjoni kkontestata).

744

Fit-tieni lok, fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li għalkemm, kif tirrikonoxxi barra minn hekk il-Kummissjoni stess fir-risposta tagħha, il-portata tat-talba magħmula fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 kienet, minn diversi aspetti, iktar wiesgħa minn dik tad-deċiżjoni kkontestata, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, f’din l-istess ittra, Sun ikkwalifikat din il-portata billi indikat li x-xewqa tagħha kienet li jkun possibbli, għall-prodotti tagħha, li “jikkomunikaw b’mod trasparenti” (seamlessly communicate) ma’ l-ambjent Windows. F’dan l-istess sens, għandu jiġi mfakkar li, f’din l-ittra, Sun ippreċiżat ukoll li l-informazzjoni mitluba kellha tippermetti li “jiġi assigurat, mingħajr ma tkun meħtieġa inġinerija b’lura, li COM objects u s-sett sħiħ ta’ teknoloġiji Active Directory jaħdmu b’mod kompletament kompatibbli fuq Solaris”. Fi kliem ieħor, mit-termini ta’ l-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 jirriżulta b’mod ċar li Sun xtaqet li jkollha aċċess għal informazzjoni u li permezz ta’ din l-informazzjoni tkun tista’ tikseb interoperabbiltà bejn il-prodotti tagħha u l-ambjent Windows.

745

Barra minn hekk, mit-termini ta’ l-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 jirriżulta li Sun xtaqet li tkun tista’ tikseb livell għoli ta’ interoperabbiltà bejn il-prodotti tagħha u l-arkitettura ta’ domain tal-Windows. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, is-Sur Maritz, meta jindika li Microsoft m’għandha ebda intenzjoni li tapplika (“to port”) l-Active Directory fuq Solaris u li jeżistu “livelli ta’ funzjonalità varjabbli […] li jippermettu interoperabbiltà ma’ l-Active Directory”, jistabbilixxi b’mod ċar distinzjoni bejn, minn naħa, il-livell superjuri ta’ interoperabbiltà li jista’ jintlaħaq meta l-elementi ta’ sistema operattiva jiġu “applikati” fuq sistema operattiva oħra u, min-naħa l-oħra, il-livelli anqas għoljin jew “varjabbli” ta’ interoperabbiltà li jistgħu jintlaħqu billi jintużaw il-metodi l-oħra li huwa jissuġġerixxi fl-istess ittra.

746

It-tieni nett, Microsoft ma tistax targumenta b’mod raġonevoli li, fl-ilment tagħha, Sun ma użatx l-espressjoni “protokolli ta’ komunikazzjoni”. Kif ġie espost fil-kunsiderazzjoni 49 tad-deċiżjoni kkontestata u kif il-Kummissjoni ġustament fakkret fl-atti tagħha, “protokoll” jirrappreżenta sett ta’ regoli ta’ interkonnessjoni u ta’ interazzjoni bejn diversi elementi ta’ softwer fi ħdan netwerk (ara wkoll il-punti 196 u 197 iktar ’il fuq). Issa, kif ġie indikat fil-punt 740 iktar ’il fuq, kien preċiżament fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ regoli li Sun xtaqet tikseb informazzjoni. L-argument ta’ Microsoft huwa anqas u anqas aċċettabbli fid-dawl tal-fatt li huwa argument formali. Fil-fatt, fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, is-Sur Maritz isemmi diversi drabi l-interoperabbiltà bejn, minn naħa, il-prodotti ta’ Microsoft u, min-naħa l-oħra, dawk ta’ Sun jew ta’ edituri oħra ta’ softwer. Dan juri li Microsoft kienet fehmet perfettament il-portata tat-talba ta’ Sun, u dan minkejja l-fatt li, fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, ma jsir ebda riferiment formali għall-“protokolli ta’ komunikazzjoni”.

747

It-tielet nett, l-allegazzjoni ta’ Microsoft li aċċess għat-teknoloġija mitluba kien jippermetti lil Sun “tikkopja” kważi l-funzjonalitajiet kollha tas-sistemi operattivi Windows għal servers ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, Sun xtaqet li jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ tikseb interoperabbiltà bejn il-prodotti tagħha u l-arkitettura ta’ domain tal-Windows. Issa, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet 34, 570 u 571 tad-deċiżjoni kkontestata u kif diġà ġie osservat fil-punti 199 sa 206 iktar ’il fuq, tali riżultat seta’ jintlaħaq billi jiġu kkomunikati biss l-ispeċifikazzjonijiet ta’ ċerti protokolli, jiġifieri mingħajr ma jiġu żvelati elementi ta’ implementazzjoni. Safejn l-allegazzjoni ta’ Microsoft hija bbażata fuq il-fatt li, fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, Sun titlob lil Microsoft tagħtiha “implementazzjoni ta’ riferiment”, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, permezz ta’ din l-espressjoni, l-intenzjoni ta’ Sun kienet li titlob komunikazzjoni ta’ elementi ta’ kodiċi sors ta’ Microsoft, dan ma jippermettix, fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula minn Sun fir-rigward tal-portata tat-talba tagħha (ara l-punt 744 iktar ’il fuq), li jiġi kkunsidrat li t-talba ta’ Sun ma kinitx tikkonċerna wkoll l-ispeċifikazzjonijiet ta’ protokolli identifikati mid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-aġir ippenalizzat permezz ta’ din id-deċiżjoni huwa limitat, kif ġie mfakkar fil-kunsiderazzjoni 569 tagħha, għar-rifjut ta’ Microsoft li tikkomunika dawn l-ispeċifikazzjonijiet.

748

Ir-raba’ nett, Microsoft lanqas ma tista’ tallega li t-talba magħmula minn Sun fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 kienet tikkonċerna “teknoloġija li kienet għadha fl-istadju ta’ żvilupp”. Fil-fatt, minn naħa, din l-allegazzjoni mhijiex rilevanti għall-kwistjoni ta’ jekk din it-talba kinitx tikkonċerna informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, kif identifikata mid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, din l-allegazzjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li, kif ġie kkonstatat fil-kunsiderazzjonijiet 398 u 790 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft kienet diġa ħarġet, fit-23 ta’ Settembru 1997, jiġifieri kważi sena qabel ma ntbagħtet din l-ittra, l-ewwel verżjoni beta tal-Windows 2000 Server.

749

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li tallega Microsoft, it-talba ta’ Sun magħmula fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 kienet tikkonċerna b’mod ċar l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà identifikata mid-deċiżjoni kkontestata u li hija s-suġġett tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tagħha.

Fuq il-portata ta’ l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998

750

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ l-argumenti mressqa minn Microsoft in sostenn tat-tieni parti tal-motiv, jiġifieri dwar il-portata ta’ l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, dawn l-argumenti lanqas ma jistgħu jintlaqgħu.

751

Fil-fatt, fid-dawl tat-termini stess ta’ din l-ittra, eżaminati fid-dawl tal-kuntest li nkitbet fih, ta’ l-identità ta’ l-awtur tagħha, tal-portata ta’ l-għarfien li huwa kellu tat-teknoloġiji in kwistjoni u ta’ l-attitudni adottata minn Microsoft sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament interpretat, f’din id-deċiżjoni, l-imsemmija ittra fis-sens li fiha rifjut fir-rigward ta’ l-iżvelar lil Sun ta’ l-informazzjoni li din kienet talbet.

752

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, kif ġie kkonstatat fil-kuntest ta’ l-ewwel parti tal-motiv, l-argumenti li Microsoft issostni fil-kuntest tal-kwistjoni prinċipali tar-rifjut li tipprovdi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tagħha huma, fil-parti l-kbira tagħhom, ibbażati fuq il-kwistjoni ta’ liema livell ta’ interoperabbiltà għandu jintlaħaq bejn il-prodotti tagħha u dawk tal-kompetituri tagħha. Matul il-proċedura amministrattiva kollha u matul dawn il-proċedimenti, Microsoft iddefendiet il-pożizzjoni li huwa biżżejjed li sistemi operattivi differenti jkunu kapaċi jiskambjaw informazzjoni jew jipprovdu servizzi b’mod reċiproku, jew, fi kliem ieħor, li dawn is-sistemi jkunu jistgħu “jiffunzjonaw tajjeb” flimkien. Skond Microsoft, l-informazzjoni u l-metodi diġà disponibbli fis-suq jippermettu li jintlaħaq tali riżultat, b’tali mod li hija ma tistax tkun obbligata tiżvela informazzjoni addizzjonali, b’mod partikolari informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet li jseħħu fi ħdan iċ-“ċirku blu”. Hija tallega b’mod partikolari li l-Kummissjoni teżiġi livell ta’ interoperabbiltà ħafna iktar għoli minn dak previst mid-Direttiva 91/250 u li ma jikkorrispondix mal-mod kif l-impriżi jorganizzaw, fil-prattika, in-netwerks ta’ l-informatika tagħhom. Il-Kummissoni, fil-fatt, tixtieq li s-sistemi operattivi tal-kompetituri ta’ Microsoft jiffunzjonaw minn kull aspett bħala sistema operattiva Windows għal servers, ħaġa din li tobbliga lil Microsoft tikkomunika lill-kompetituri tagħha ħafna iktar mill-informazzjoni dwar l-interfaces tal-prodotti tagħha u tippreġudika d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha kif ukoll l-inċentivi tagħha li tagħmel innovazzjonijiet.

753

Kif diġà ġie osservat fil-punti 207 sa 245 iktar ’il fuq, il-mod kif Microsoft tinterpreta l-livell ta’ interoperabbiltà mitlub mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, il-portata ta’ l-informazzjoni koperta mid-deċiżjoni kkontestata, huma żbaljati.

754

Dawn l-elementi għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ kif il-Kummissjoni interpretat l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998 u ta’ l-argumenti mressqa f’dan ir-rigward minn Microsoft.

755

Kif ġie indikat fil-punt 746 iktar ’il fuq, Microsoft kienet fehmet perfettament il-portata tad-domanda magħmula minn Sun fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 u, b’mod partikolari, kienet fehmet li Sun xtaqet tikseb l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-prodotti tagħha jkunu jistgħu “jikkomunikaw b’mod trasparenti” ma’ ambjent Windows jew, fi kliem ieħor, sabiex tistabbilixxi interoperabbiltà ta’ livell għoli bejn il-prodotti tagħha u l-imsemmi ambjent.

756

Barra minn hekk, l-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 kienet manifestament indirizzata lil Microsoft bil-għan li jinkiseb aċċess għal informazzjoni li ma kinitx diġà aċċessibbli għall-pubbliku jew disponibbli permezz ta’ liċenzji offruti fis-suq.

757

Issa, ir-risposta fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998 fiha s-sitt punti segwenti:

l-ewwel nett, is-Sur Maritz jirringrazzja lis-Sur Green ta’ l-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 u jindikalu li Microsoft minn dejjem kellha x-xewqa li tgħin lill-kompetituri tagħha “fl-iżvilupp ta’ l-aħjar prodotti u interoperabbiltà possibbli għall-pjattaforma [tagħha]”;

it-tieni nett, huwa jiġbed l-attenzjoni tas-Sur Green għall-fatt li l-informazzjoni dwar is-servizzi u l-interfaces tal-“pjattaforma Windows” diġà hija disponibbli permezz tal-prodott imsejjaħ “MSDN”;

it-tielet nett, huwa jistieden lil Sun tieħu sehem f’konferenza organizzata minn Microsoft f’Denver bejn il-11 u l-15 ta’ Ottubru 1998;

ir-raba’ nett, huwa jirreferi għall-eżistenza ta’ implementazzjoni ta’ riferiment ta’ COM fuq Solaris, filwaqt li jippreċiża li l-kodiċi sors ta’ COM jista’ jinkiseb taħt liċenzja, b’mod partikolari mingħand Software AG;

il-ħames nett, huwa jiddikjara li Microsoft m’għandhiex l-intenzjoni “tapplika” l-Active Directory fuq Solaris, filwaqt li jsemmi l-eżistenza ta’ metodi, b’livelli ta’ interoperabbiltà varjabbli, li jippermettu interoperabbiltà ma’ l-Active Directory, fosthom il-possibbiltà li jintuża l-protokoll standard LDAP;

is-sitt nett, huwa jistieden lil Sun sabiex, fil-każ li jkollha bżonn “assistenza addizzjonali”, tikkuntattja lill-“Account Managers” tal-grupp “Developer Relations” ta’ Microsoft, liema “Account Managers” huma inkarigati “jgħinu lill-iżviluppaturi li jkollhom bżonn assistenza addizzjonali għall-pjattaformi ta’ Microsoft”, filwaqt li jidentifika lis-Sur Goldberg bħala l-persuna li Sun kellha tikkuntattja għal dan il-għan.

758

Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li, fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, is-Sur Maritz, mhux talli ma weġibx għat-talbiet speċifiċi magħmula minn Sun fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, iżda sempliċement irrefera lil din ta’ l-aħħar għal sorsi ta’ informazzjoni u għal metodi li diġà kienu aċċessibbli għall-pubbliku jew kienu disponibbli permezz ta’ liċenzji. Peress li huwa ċar li s-Sur Maritz kien fehem l-importanza tat-talbiet preċiżi magħmula mis-Sur Green, tali riferiment ma jistax jiġi interpretat b’xi mod ieħor għajr bħala rifjut li tiġi kkomunikata l-informazzjoni mitluba.

759

Il-fatt li, fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, is-Sur Maritz indika li Microsoft m’għandhiex l-intenzjoni “tapplika” l-Active Directory fuq Solaris jikkonferma l-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni peress li juri li s-Sur Maritz kellu għarfien sħiħ li l-kompetituri ta’ Microsoft, fosthom Sun, xtaqu jiksbu livell ta’ interoperabbiltà iktar għoli minn dak li seta’ jinkiseb permezz tal-metodi msemmija fl-istess ittra (ara l-punt 745 iktar ’il fuq).

760

Dan il-punt huwa iktar u iktar stabbilit fid-dawl tal-fatt li, fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ MSDN, Microsoft ma tikkontestax f’din il-parti tal-motiv l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fis-sens li dan il-mekkaniżmu ma jippermettix lill-kompetituri tagħha jilħqu livell suffiċjenti ta’ interoperabbiltà mas-sistemi operattivi Windows għal client PCs (kunsiderazzjoni 563 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għat-taqsima 4.1.3 u, b’mod partikolari, għall-kunsiderazzjonijiet 209 u 210).

761

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-possibbiltà għal Sun li tuża implementazzjoni ta’ riferiment ta’ COM li hija disponibbli b’mod liberu, imsemmija wkoll minn Microsoft fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, Microsoft lanqas ma sostniet, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li dan il-prodott ma jikkostitwixxix soluzzjoni suffiċjenti (kunsiderazzjoni 563 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għat-taqsima 4.1.3 u, b’mod partikolari, għall-kunsiderazzjonijiet 218 sa 230; ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet 288 sa 291).

762

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-possibbiltà għal Sun li tuża l-protokoll LDAP, li wkoll tissemma b’mod espressa fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, Microsoft ma sostnietx, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, u lanqas ma pprovat, fil-kuntest tal-parti preċedenti tal-motiv, li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat, b’mod partikolari fil-kunsiderazzjonijiet 194 u 195 u 243 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan il-protokoll ma kienx suffiċjenti sabiex jintlaħaq livell ta’ interoperabbiltà adegwat ma’ l-Active Directory.

763

Fit-tieni lok, Microsoft ma tistax targumenta abbażi tal-fatt li, fl-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998, is-Sur Martiz ippropona l-assistenza addizzjonali tas-Sur Goldberg sabiex tallega li din l-ittra ma fiha ebda rifjut. Fil-fatt, l-assistenza addizzjonali msemmija fl-aħħar paragrafu ta’ din l-ittra tikkonċerna biss l-informazzjoni u l-metodi msemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafi ta’ l-istess ittra. Essenzjalment, kull ma tipproponi Microsoft huwa li tgħin lil Sun bl-istess mod bħalma l-“Account Managers” tal-grupp “Developer Relations” jgħinu lil kull żviluppatur li jkollu bżonn assistenza fir-rigward tal-“pjattaformi ta’ Microsoft”.

764

Microsoft lanqas ma tista’ ssostni b’suċċess li, kif jirriżulta mill-minuti li żammet hija stess ta’ l-iskambji li hija kellha ma’ Sun, Sun ma kellhiex l-intenzjoni tilqa’ l-proposti tas-Sur Goldberg. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li fl-ebda parti ta’ dawn il-minuti, kif osservat ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 193 tad-deċiżjoni kkontestata, ma ssir offerta formali minn Microsoft li tipprovdi l-informazzjoni mitluba minn Sun, jiġifieri informazzjoni li tmur lil hinn minn dik disponibbli għall-pubbliku.

765

Għandu jingħad ukoll, fit-tielet lok, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha iktar u iktar raġun li tinterpreta l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998 bħala rifjut li jingħata aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà mitluba minn Sun fid-dawl tal-fatt li, matul il-proċedura amministrattiva, Microsoft irrikonoxxiet espressament li hija ma kinitx żvelat parti minn din l-informazzjoni u li hija baqgħet tirrifjuta li tagħmel dan (ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet 194 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata). Minkejja li, matul is-seduta, Microsoft ikkontestat in-natura eżawrjenti ta’ waħda mill-kwotazzjonijiet magħmula fil-kunsiderazzjoni 195 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma nnegatx li, fil-proċedura amministrattiva, hija kienet sostniet li r-replikazzjoni bejn kopji differenti ta’ l-Active Directory kienet tikkostitwixxi “proċess proprjetarju”.

766

Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Microsoft fis-sens li l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998 mhijiex rifjut għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

767

Barra minn hekk, l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998 għandha tiġi analizzata fil-kuntest iktar ġenerali deskritt fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni mhux talli ma bbażatx ruħha biss fuq din l-ittra iżda kkunsidrat, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet 194 sa 198 u 573 sa 577, li l-aġir li tiegħu din l-ittra hija prova jagħmel parti minn sensiela ta’ aġir ġenerali ta’ Microsoft.

768

Fil-kunsiderazzjoni 573 tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-kunsiderazzjoni 194 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat b’mod partikolari li diversi kompetituri ta’ Microsoft kienu kkonfermaw li ma kellhomx biżżejjed informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, filwaqt li wħud minnhom indikaw ukoll li Microsoft kienet irrifjutat li tagħtihom l-informazzjoni mitluba jew ma kinitx irrispondiet għat-talbiet tagħhom.

769

Barra minn hekk, fil-kunsiderazzjoni 576 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rriproduċiet siltiet minn xhieda mogħtija quddiem il-qrati Amerikani minn persuna responsabbli għal-liċenzji fir-rigward tal-kodiċi sors tal-Windows fejn, skond il-Kummissjoni, din il-persuna tindika li Microsoft tqiegħed restrizzjonijiet fuq il-ftehim ta’ liċenzji fir-rigward tat-teknoloġiji meħtieġa għall-interoperabbiltà ma’ l-arkitettura ta’ domain tal-Windows.

770

Microsoft ma kkontestatx speċifikament dawn l-elementi quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

771

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-punt 778 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, sabiex tiċħad in-negazzjonijiet ta’ Microsoft fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ rifjut, fid-dawl ta’ l-affermazzjoni tagħha li hija ma kellha ebda interess teskludi l-kompetituri tagħha permezz ta’ “leveraging”, iċċitat silta minn diskors magħmul mis-Sur Gates, il-president ta’ Microsoft, fi Frar 1997, quddiem il-persuni responsabbli mill-bejgħ ta’ Microsoft. Din is-silta tikkonferma l-eżistenza ta’ aġir ġenerali intiż li jillimita l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-interoperabbiltà peress li fiha d-dikjarazzjoni segwenti:

“Aħna qegħdin nipprovaw nużaw l-għarfien tagħna fir-rigward ta’ servers sabiex niżviluppaw protokolli ġodda u neskludu b’mod iktar partikolari lil Sun u Oracle […] Ma nafx jekk hux ser jirnexxielna nagħmlu dan, iżda, f’kull każ, dan huwa dak li qegħdin nipprovaw nagħmlu.”

Fuq il-portata ġeografika tat-talba magħmula fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998

772

Fir-rigward tat-tielet parti ta’ l-argumenti li Microsoft tiżviluppa in sostenn tat-tieni parti tal-motiv waħdani tagħha, din il-parti ta’ l-argumenti hija bbażata fuq il-fatt li, fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, Sun ma talbithiex espressament sabiex tingħata liċenzja fir-rigward tad-drittijiet intellettwali li hija tgawdi fiż-ŻEE bil-għan li tiżviluppa sistemi operattivi għal servers ta’ work group fiż-ŻEE. Minn dan Microsoft tikkonkludi li, meta hija wieġbet lil Sun, hija ma kellhiex għalfejn tieħu in kunsiderazzjoni r-responsabbiltà partikolari tagħha li ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni.

773

Dawn l-argumenti huma purament formali u għandhom jiġu miċħuda.

774

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998 Sun ma talbitx espressament lil Microsoft tagħtiha liċenzja fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li hija tgawdi fiż-ŻEE. Madankollu, ma kienx meħtieġ li Sun tevalwa, fit-talba tagħha, jekk l-informazzjoni li għaliha xtaqet aċċess kinitx protetta bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u jekk l-użu ta’ din l-informazzjoni kienx jirrikjedi l-għoti ta’ liċenzja minn Microsoft. Barra minn hekk, huwa evidenti li Sun xtaqet li Microsoft tgħaddilha l-informazzjoni in kwistjoni sabiex tkun tista’ timplementaha fis-sistemi operattivi tagħha għal servers ta’ work group. Barra minn hekk, peress li s-suq ġeografiku in kwistjoni għal dawn is-sistemi ta’ l-aħħar huwa ta’ dimensjoni dinjija (ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjoni 427 tad-deċiżjoni kkontestata), it-territorju taż-ŻEE kien neċessarjament kopert mit-talba ta’ Sun, li kienet ifformulata f’termini ġenerali. Fl-aħħar, kif tfakkar il-Kummissjoni fl-atti tagħha, peress li ftit ġimgħat iktar tard Sun ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, Microsoft ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tibqa’ tinjora l-fatt li ż-ŻEE kienet ikkonċernata wkoll.

775

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-kunsiderazzjoni 787 tad-deċiżjoni kkontestata, li Microsoft, meta wieġbet għall-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998, ma kinitx ħadet in kunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti r-responsabbiltà partikolari tagħha li ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni fis-suq komuni. Kien ukoll ġustament li l-Kummissjoni indikat, fl-istess kunsiderazzjoni, li din ir-responsabbiltà partikolari tirriżulta mill-pożizzjoni ta’ “kważi monopolju” li Microsoft tgawdi fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 740 iktar ’il fuq, ir-rifjut in kwistjoni kien jikkonċerna “l-ispeċifikazzjonijiet ta’ interfaces li fuqhom tiddependi l-komunikazzjoni fi ħdan netwerk ta’ servers ta’ work group [li joperaw bil-Windows] u ta’ client PCs [li joperaw bil-]Windows u li, bħala tali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala marbuta ma’ wieħed miż-żewġ [tipi ta’] prodotti in kwistjoni (client PCs jew servers ta’ work group), iżda pjuttost jikkostitwixxu regola ta’ kompatibbiltà bejn dawn iż-żewġ [tipi ta’] prodotti” (kunsiderazzjoni 787 tad-deċiżjoni kkontestata).

776

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni parti tal-motiv waħdani imqajjem minn Microsoft fil-kuntest tal-kwistjoni prinċipali tar-rifjut li tipprovdi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li tawtorizza l-użu tagħha għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

3. Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni b’mod korrett l-obbligi imposti fuq il-Komunitajiet mill-Ftehim TRIPs

a) L-argumenti tal-partijiet

777

Microsoft issostni li d-deċiżjoni kkontestata, meta tobbligaha tagħti lill-kompetituri tagħha liċenzji fir-rigward ta’ l-ispeċifikazzjonijiet ta’ protokolli ta’ komunikazzjoni li tagħhom hija l-proprjetarja, tikser l-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPs. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet kumulattivi previsti f’din id-dispożizzjoni mhumiex sodisfatti f’dan il-każ.

778

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, Microsoft issostni li dan l-obbligu jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tintlaħaq interoperabbiltà u, għaldaqstant, jikser il-kundizzjoni li d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ “limitazzjonijiet” jew ta’ “eċċezzjonijiet” ħlief f’“każijiet speċjali”. Meta imponiet dan l-obbligu, fil-fatt, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tippermetti lill-fornituri l-oħra ta’ sistemi operattivi għal servers joħolqu prodotti li “jikkupjaw” il-funzjonalitajiet tas-sistemi operattivi Windows għal servers. Microsoft tikkritika wkoll l-obbligu impost fuqha li tqiegħed il-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha għad-dispożizzjoni tal-kompetituri tagħha, irrispettivament mill-fatt jekk dawn kinux milquta mill-aġir allegatament antikompetittiv tagħha.

779

Fit-tieni lok, Microsoft issostni li l-obbligu impost fuqha li tagħti liċenzji jikkawża preġudizzju dirett għall-“esplojtazzjoni normali” tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha. F’dan ir-rigward hija ssostni li, b’mod partikolari, l-edituri ta’ softwer kummerċjali, fosthom hija stess, minflok ma jagħtu lil terzi liċenzji fir-rigward tat-teknoloġiji innovattivi tagħhom, jesplojtaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom billi jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw prodotti li jimplementaw dawn it-teknoloġiji. Hija tindika wkoll li dan l-obbligu ser ikollu effetti negattivi fuq il-bejgħ tagħha, peress li l-kompetituri tagħha ser ikunu f’pożizzjoni li jużaw il-protokolli ta’ komunikazzjoni tagħha sabiex joħolqu sistemi operattivi għal servers li jistgħu jintużaw minflok il-prodotti tagħha stess.

780

Fit-tielet lok, Microsoft tallega li l-obbligu impost fuqha jikkawża “preġudizzju mhux ġustifikat [għall-]interessi leġittimi [tagħha]” safejn dan l-obbligu mhuwiex proporzjonat fil-konfront ta’ l-għan iddikjarat tal-Kummissjoni, jiġifieri l-eliminazzjoni ta’ l-effetti ta’ aġir antikompetittiv. Il-kriterju l-ġdid ta’ bbilanċjar applikat minn din ta’ l-aħħar jidher, fil-fatt, li jilleġittima l-għoti ta’ liċenzji kull meta kompetituri ta’ impriża dominanti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-aċċess għall-proprjetà intellettwali ta’ din l-impriża, u dan irrispettivament minn jekk tali miżura tkunx meħtieġa bħala rimedju għal aġir antikompettivi.

781

Fl-aħħar lok, Microsoft tindika li huwa possibbli l-Ftehim TRIPs mhuwiex direttament applikabbli fid-dritt Komunitarju. Hija tosserva li, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stabilixxiet il-prinċipju li d-dritt Komunitarju, inkluż l-Artikolu 82 KE, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità, bħalma huwa l-Ftehim TRIPs (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52).

782

ACT tikkunsidra, l-ewwel nett, li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni msemmi fil-punt preċedenti għandu japplika mhux biss għad-dritt Komunitarju sekondarju iżda anki għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju primarju.

783

It-tieni nett, ACT tallega li l-mod kif il-Kummissjoni tinterpreta, fid-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 82 KE mhuwiex konformi ma’ l-obbligi internazzjonali tal-Komunità li joħorġu mill-Ftehim TRIPs, u dan fir-rigward ta’ tliet aspetti.

784

Fl-ewwel lok, il-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli ma’ l-Artikolu 13 ta’ dan il-ftehim.

785

Fit-tieni lok, l-imsemmija miżura korrettiva, safejn timplika l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji fir-rigward tal-privattivi ta’ Microsoft, tikser l-Artikolu 31 tal-Ftehim TRIPs.

786

B’mod iktar partikolari, ACT tfakkar li dan l-artikolu jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“Fejn il-liġi ta’ Stat Membru tippermetti użu ieħor [għajr dak awtorizzat taħt l-Artikolu 30] għas-suġġett tal-patent [privattiva] mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ dak li huwa fil-pussess tad-dritt, inklużi l-użu mill-gvern jew partijiet terzi awtorizzati mill-gvern, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu rispettati:

a)

l-awtorizzazzjoni ta’ dan l-użu għand[ha] [t]itqies fuq meriti individwali.”

787

Hija ssostni li din id-dispożizzjoni timplika li l-liċenzji jistgħu jingħataw biss każ b’każ. Issa, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi għoti obbligatorju ta’ liċenzji “li jkopri l-privatti li ngħataw, dawk li huma s-suġġett ta’ applikazzjoni pendenti u dawk kollha li ser issir applikazzjoni għalihom jew ser jingħataw fil-futur”, Din id-deċiżjoni timplika l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji fuq “kategoriji ta’ invenzjonijiet”.

788

Fit-tielet lok, fid-dawl ta’ l-Artikolu 39 tal-Ftehim TRIPs (li huwa l-uniku artikolu li jinsab fit-Taqsima 7 ta’ dan il-ftehim), l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn jobbliga lil Microsoft tiżvela lill-kompetituri tagħha sigrieti kummerċjali, mhux biss jikkawża t-telf tad-dritt li jiġi kkontrollat l-użu ta’ dawn is-sigrieti kummerċjali, iżda għandu l-effett ukoll li “jelimina kompletament” dawn is-sigrieti.

789

Il-Kummissjoni tfakkar, l-ewwel nett, li skond ġurisprudenza stabbilita, “fid-dawl tan-natura u ta’ l-istruttura tagħhom, il-Ftehim [tal-]WTO mhumiex, bħala prinċipju, fost in-normi li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 47). Hija żżid li, fis-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I-11307, punt 44), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “d-dispożizzjonijiet [tal-Ftehim TRIPs], li jinsab anness mal-Ftehim [li jistabbilixxi l-]WTO, mhumiex ta’ natura li joħolqu drittijiet għall-individwi li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti bis-saħħa tad-dritt Komunitarju”. Hija ssostni wkoll li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fil-punt 781 iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti f’dan il-każ safejn ma tikkonċernax l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tat-Trattat KE iżda ta’ att ta’ dritt Komunitarju derivat. F’kull każ, it-teżi essenzjalment difiża minn Microsoft hija li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba li tikser il-Ftehim TRIPs.

790

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti ta’ Microsoft huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li d-deċiżjoni kkontestata tobbligaha tagħti lill-kompetituri tagħha liċenzji fir-rigward ta’ l-ispeċifikazzjonijiet, protetti bid-dritt ta’ l-awtur, ta’ protokolli ta’ komunikazzjoni li tagħhom hija l-proprjetarja. Hija tosserva wkoll li l-kwistjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur hija, l-iktar l-iktar, “purament inċidentali” f’dan il-każ u żżid li, peress li d-“dritt ta’ żvelar” li tinvoka Microsoft huwa “dritt morali”, ma jistax ikun kopert mill-Ftehim TRIPs.

791

Fl-aħħar nett, hija tallega li l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPs mhumiex sodisfatti f’dan il-każ hija bbażata fuq “suppożizzjonijiet żbaljati”. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-allegat għoti obbligatorju ta’ liċenzji impost mid-deċiżjoni kkontestata ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tinkiseb interoperabbiltà u ttenni li hija ma applikatx kriterju ġdid ta’ bbilanċjar f’dan il-każ.

792

Fir-rigward ta’ l-argumenti mressqa minn ACT, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli safejn huma bbażati fuq l-Artikoli 31 u 39 tal-Ftehim TRIPs, peress li ma ġewx invokati minn Microsoft. F’kull każ, l-argumenti ta’ din l-assoċjazzjoni mhumiex fondati fl-intier tagħhom.

793

SIIA ssostni l-argumenti tal-Kummissjoni.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

794

Fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv waħdani, Microsoft takkuża lill-Kummissjoni li interpretat l-Artikolu 82 KE b’mod mhux konformi ma’ l-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPs. Hija tallega li, li kieku l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni b’mod korrett din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, hija ma kinitx tikkunsidra, fl-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rifjut in kwistjoni kien jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, u lanqas ma kienet timponi l-miżura korrettiva prevista fl-Artikoli 4, 5 u 6 ta’ l-istess deċiżjoni, safejn din il-miżura kienet tikkonċerna l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà.

795

Microsoft tibbaża l-argumenti tagħha fuq il-punt 52 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fil-punt 781 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-dritt Komunitarju, inkluż l-Artikolu 82 KE, għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti, bħalma huwa l-Ftehim TRIPs. Matul is-seduta, Microsoft insistiet fuq il-fatt li hija bl-ebda mod ma kienet qiegħda tallega li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom effett dirett.

796

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li Microsoft ma tistax tinvoka b’mod validu s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fil-punt 781 iktar ’il fuq.

797

Il-punt 52 ta’ dik is-sentenza jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“Is-supremazija tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju sekondarju teżiġi li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati, safejn ikun possibbli, in konformità ma’ dawn il-ftehim.”

798

Għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi invokat b’dan il-mod mill-Qorti tal-Ġustizzja japplika biss fis-sitwazzjoni fejn il-ftehim internazzjonali in kwistjoni jkollu supremazija fuq id-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju kkonċernata. Peress li ftehim internazzjonali, bħalma huwa l-Ftehim TRIPs, m’għandux supremazija fuq id-dritt Komunitarju primarju, dan il-prinċipju ma jistax jiġi applikat, b’mod partikolari, meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, id-dispożizzjoni allegatament suġġetta għal interpretazzjoni tkun l-Artikolu 82 KE.

799

Barra minn hekk, f’dan il-każ, b’differenza mis-sitwazzjoni msemmija fil-punt 52 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fil-punt 781 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex, fil-veru sens tal-kelma, tagħżel bejn diversi interpretazzjonijiet possibbli ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju. Din il-kawża tikkonċerna, fil-fatt, sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni kellha tapplika l-Artikolu 82 KE għaċ-ċirkustanzi fattwali u ġuridiċi tal-każ li kellha quddiemha u fejn għandu jiġi preżunt li, fin-nuqqas ta’ prova kontrarja, il-konklużjonijiet li waslet għalihom f’dan ir-rigward huma l-uniċi li hija setgħat tadotta b’mod validu.

800

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, bl-iskuża tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, Microsoft, fil-verità, ma tagħmel xejn ħlief li tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata billi tallega li tikser l-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPs.

801

Issa, skond ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tan-natura u ta’ l-istruttura tagħhom, il-Ftehim tal-WTO mhumiex, bħala prinċipju, fost in-normi li fid-dawl tagħhom il-qorti Komunitarja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 789 iktar ’il fuq, punt 47; tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et, C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 93; u tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punt 53, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill, C-93/02 P, Ġabra p. I-10497, punt 52).

802

Huwa biss meta l-Komunità kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO jew meta l-att Komunitarju jagħmel riferiment espress għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO li l-qorti Komunitarja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ l-att Komunitarju in kwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO (sentenzi Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 789 iktar ’il fuq, punt 39, u Biret International vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 801 iktar ’il fuq, punt 53).

803

Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jikkorrispondux manifestament għal waħda miż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, Microsoft ma tistax tinvoka l-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPs in sostenn tat-talba tagħha għall-annullament ta’ l-Artikoli 2, 4, 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, m’huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa minn Microsoft, sostnuta minn ACT, in sostenn ta’ l-affermazzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi Artikolu 13 mhumiex sodisfatti f’din il-kawża.

804

Fir-rigward ta’ l-argumenti ta’ ACT fis-sens li l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata huwa inkompatibbli ma’ l-Artikoli 31 u 39 tal-Ftehim TRIPs (ara l-punti 785 sa 788 iktar ’il fuq), dawn ma jistgħux jintlaqgħu għall-istess motivi esposti fil-punti 796 sa 803 iktar ’il fuq.

805

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-argument ta’ ACT li l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jikser l-Artikolu 31(a) tal-Ftehim TRIPs huwa bbażat fuq l-idea kompletament żbaljata li l-miżura korrettiva tipprevedi l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji fir-rigward ta’ “kategoriji ta’ invenzjonijiet” u ma tipprevedi ebda evalwazzjoni fuq bażi individwali. Anki jekk jitqies li, sabiex tikkonforma ruħha ma’ l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft ikollha tawtorizza, taħt liċenzja, lil uħud mill-kompetituri tagħha sabiex jużaw privattiva jew diversi privattivi tagħha, fl-imsemmija deċiżjoni ma hemm xejn li jimpediha milli tinnegozja l-kundizzjonijiet ta’ din il-liċenzja fuq bażi individwali.

806

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tagħha għandha tiġi implementata permezz ta’ proċedura bi tliet stadji u in konformità mal-kundizzjonijiet previsti fil-kunsiderazzjonijiet 1005 sa 1009 tagħha.

807

B’hekk, fl-ewwel stadju, Microsoft għandha tipprepara l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll timplementa l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(c) tad-deċiżjoni kkontestata.

808

Fit-tieni stadju, hija għandha tagħti aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà lill-impriżi li jixtiequ jiżviluppaw u jiddistribwixxu sistemi operattivi għal servers ta’ work group sabiex dawn l-impriżi jkunu jistgħu jevalwaw il-valur eknomiku li l-implementazzjoni ta’ din l-informazzjoni fil-prodotti tagħhom ikollha għalihom [kunsiderazzjoni 1008(i) tad-deċiżjoni kkontestata]. Il-kundizzjonijiet li fihom Microsoft tawtorizza din l-evalwazzjoni għandhom ikunu raġonevoli u mhux diskriminatorji.

809

Fit-tielet stadju, Microsoft għandha tagħti aċċess, lil kull impriża interessata fl-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jew f’parti minn din l-informazzjoni, għall-informazzjoni kkonċernata u għandha tawtorizza lil din l-impriża timplementaha f’sistemi operattivi għal servers ta’ work group (kunsiderazzjoni 1003 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki f’dan il-kuntest, il-kundizzjonijiet li hija timponi għandhom ikunu raġonevoli u mhux diskriminatorji (kunsiderazzjonijiet 1005 sa 1008 tad-deċiżjoni kkontestata).

810

Mid-diversi elementi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, sakemm tapplika kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji, m’hemm xejn li jwaqqaf lil Microsoft, fl-eventwalità li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà mitluba minn impriża partikolari tkun tikkonċerna teknoloġija koperta minn privattiva (jew minn dritt ieħor ta’ proprjetà intellettwali), milli tagħti aċċess għal din l-informazzjoni u tawtorizza l-użu tagħha permezz ta’ liċenzja.

811

Is-sempliċi fatt li d-deċiżjoni kkontestata teżiġi li l-kundizzjonijiet li għalihom ser jiġu suġġetti dawn l-eventwali liċenzji jkunu raġonevoli u mhux diskriminatorji bl-ebda mod ma jfisser li Microsoft għandha timponi kundizzjonijiet identiċi fuq kull impriża li titlob tali liċenzji. Fil-fatt, mhuwiex eskluż li dawn il-kundizzjonijiet jiġu adattati għas-sitwazzjoni partikolari ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi u jkunu jiddependu, per eżempju, mill-portata ta’ l-informazzjoni li l-impriża kkonċernata tkun tixtieq aċċess għaliha jew mit-tip ta’ prodotti li fihom din l-impriża jkollha l-intenzjoni timplementa l-informazzjoni.

812

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tielet parti tal-motiv waħdani għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

813

Minn dan isegwi li l-motiv waħdani mqajjem fil-kuntest ta’ l-ewwel kwistjoni prinċipali għandu jiġi miċħud bħala infondat fl-intier tiegħu.

C — Fuq il-kwistjoni prinċipali ta’ l-irbit tas-sistema operattiva Windows għal client PCs u tal-Windows Media Player

814

Fil-kuntest ta’ din it-tieni kwistjoni prinċipali, Microsoft tinvoka żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur ta’ l-Artikolu 82 KE u, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-ewwel motiv jikkonċerna l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-aġir ta’ Microsoft li tissuġġetta l-provvista tas-sistema operattiva Windows għal client PCs għall-akkwist simultanju tas-softwer Windows Media Player jikkostitwixxi bejgħ b’irbit abbużiv (Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni motiv jikkonċerna l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

815

Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-motivi, għandhom jiġu mfakkra numru ta’ konstatazzjonijiet fattwali u tekniċi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kuntest ta’ l-aġir imsemmi. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fl-essenza tagħhom, dawn id-diversi konstatazzjonijiet mhumiex ikkontestati minn Microsoft.

1. Konstatazzjonijiet fattwali u tekniċi

816

Fil-kunsiderazzjonijiet 60 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi media diġitali.

817

L-ewwel nett, hija tiddefinixxi l-media players bħala prodotti ta’ softwer li kapaċi “jaqraw” kontenut ta’ ħsejjes u immaġini, jiġifieri li kapaċi jiddekodifikaw id-data korrispondenti u jaqilbuha f’istruzzjonijiet għall-ħardwer, bħal per eżempju loudspeakers jew screen (kunsiderazzjoni 60 tad-deċiżjoni kkontestata).

818

It-tieni nett, fil-kunsiderazzjoni 61 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tispjega li l-kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini jkun irranġat f’fajls diġitali multimedjali skond ċerti formats speċifiċi u li ġew żviluppati algorithms għall-kompressjoni u għad-dekompressjoni sabiex jitnaqqas l-ispazju meħtieġ għall-ħażna ta’ dan il-kontenut mingħajr ma jkun hemm tnaqqis fil-kwalità tal-ħsejjes jew ta’ l-immaġini. Hija tippreċiża li dawn l-algorithms huma implementati fil-media players kif ukoll fis-softwer użat għall-kodifikazzjoni li permezz tiegħu jkunu jistgħu jinħolqu fajls ikkompressati. Hija żżid li l-parti tal-kodiċi li, f’media player, timplementa algorithm ta’ kompressjoni jew ta’ dekompressjoni tissejjaħ “codec” u li, sabiex ikun jista’ jinteraġixxi b’mod korrett ma’ “kontenut diġitali multimedjali” kkompressat f’forma partikolari billi juża algorithm ta’ kompressjoni jew ta’ dekompressjoni partikolari, il-media player irid ikun kapaċi jifhem dan il-format u din l-algorithm ta’ kompressjoni u ta’ dekompressjoni, jiġifieri irid ikun kapaċi jimplementa l-codec korrispondenti.

819

Fil-kunsiderazzjoni segwenti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li l-utent finali jista’ jkollu aċċess permezz ta’ l-internet għal kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini billi jniżżel il-fajl ikkonċernat fuq il-client PC tiegħu, jiġifieri billi jikkopja l-fajl u jittrasferih fuq dan il-client PC. La darba jitniżżel mill-internet, dan il-fajl jista’ “jinqara” minn media player li jkun kompatibbli mal-format tal-fajl.

820

Fil-kunsiderazzjoni 63 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-utent finali jista’ anki jirċievi kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini mxandra kontinwament permezz ta’ l-internet. F’dan il-każ, ma jkunx meħtieġ li l-utent jistenna li l-fajl ikkonċernat jitniżżel kompletament peress li l-fajl jintbagħat fuq il-client PC fil-forma ta’ sensiela ta’ partijiet żgħar, jiġifieri “stream” ta’ data li l-media player jaqra parti wara l-oħra. Dan it-tip ta’ xandir jeżiġi l-preżenza, fuq il-client PC, ta’ media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa (streaming).

821

Il-Kummissjoni tippreċiża li x-xandir ta’ kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini b’mod kontinwu lil utent finali jimplika ħafna drabi protokolli ta’ xandir kontinwu speċifiċi li jirregolaw il-komunikazzjonijiet bejn il-media player u s-server ta’ softwer li jxandar il-kontenut fuq l-internet. Sabiex ikun jista’ jkollu aċċess għal kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini mxandra skond protokoll partikolari, l-imsemmi utent irid ikollu media player li “jifhem” dan il-protokoll (kunsiderazzjoni 64 tad-deċiżjoni kkontestata).

822

Fl-aħħar nett, fil-kunsiderazzjoni 66 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tesponi li, permezz ta’ l-użu ta’ softwer użat għall-kodifikazzjoni, ta’ servers ta’ xandir kontinwu u ta’ media players li huma kompatibbli f’termini ta’ support ta’ codecs, ta’ formats u ta’ protokolli ta’ xandir, huwa possibbli li tinbena infrastruttura ta’ softwer għall-provvista u għall-użu fuq netwerks ta’ l-informatika ta’ kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini diġitali mxandar b’mod kontinwu. Hija tippreċiża li tali infrastruttura tista’ tikkostitwixxi anki pjattaforma għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet oħra li jużaw is-servizzi pprovduti minnha. B’mod partikolari, il-media players jista’ jkollhom APIs li applikazzjonijiet oħra jużaw, per eżempju, sabiex jiskattaw il-qari ta’ fajl mill-media player.

823

Fil-kunsiderazzjonijiet 107 sa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi fil-qosor il-fatturi ekonomiċi li jikkaratterizzaw il-provvista, il-kompetizzjoni u l-konsum fis-settur tal-media diġitali.

824

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija tosserva li, fil-bidu tal-katina ta’ distribuzzjoni ta’ kontenut diġitali multimedjali, jinstabu l-proprjetarji ta’ dan il-kontenut li ġeneralment ikollhom drittijiet ta’ l-awtur fir-rigward ta’ dan il-kontenut u għalhekk jistgħu jikkontrollaw ir-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni tiegħu (kunsiderazzjoni 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

825

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tindika li l-kontenut imbagħad jinġabar mill-fornituri ta’ kontenut li min-naħa tagħhom ixandru dan il-kontenut lill-konsumaturi, b’mod partikolari billi jaħżnu dan il-kontenut fuq servers imqabbda ma’ l-internet li għalihom il-konsumaturi jista’ jkollhom aċċess mill-client PC tagħhom (kunsiderazzjonijiet 109 sa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

826

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tesponi li l-infrastruttura ta’ softwer li tippermetti l-ħolqien, it-trażmissjoni u l-qari ta’ kontenut diġitali hija pprovduta mill-iżviluppaturi ta’ softwer, fosthom Microsoft, RealNetworks u Apple (kunsiderazzjoni 112 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tippreċiża li dawn it-tliet kumpanniji għandhom il-karatteristika partikolari li, minbarra li joffru support għal ċerti formats standard fis-settur, joffru soluzzjoni sħiħa, mis-softwer użat għall-kodifikazzjoni sal-player, li essenzjalment hija bbażata fuq it-teknoloġiji tagħhom dwar media diġitali u fuq formats ta’ fajls li tagħhom huma l-proprjetarji (kunsiderazzjoni 113 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, Microsoft hija l-proprjetarja tal-formats segwenti: Windows Media Audio (WMA), Windows Media Video (WMV) u Advanced Streaming Format (ASF). Il-formats ta’ RealNetworks huma msejħa “RealAudio” u “RealVideo”. Fir-rigward tal-formats QuickTime ta’ Apple, dawn jinkludu l-estensjonijiet ta’ fajls “.qt”, “.mov” u “.moov”. Il-Kummissjoni żżid li l-iżviluppaturi l-oħra ta’ softwer ma joffrux soluzzjoni sħiħa għall-provvista ta’ kontenut multimedjali iżda ġeneralment jakkwistaw liċenzji minn waħda minn dawn it-tliet kumpanniji għall-użu tat-teknoloġija tagħhom jew jużaw standards miftuħa (open) (kunsiderazzjoni 117 tad-deċiżjoni kkontestata).

827

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tindika li jeżistu diversi metodi ta’ distribuzzjoni ta’ media players lill-utenti finali (kunsiderazzjonijiet 119 u 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

828

L-ewwel nett, dawn il-players jistgħu jiġu installati fuq il-client PCs minn OEMs skond ftehim konklużi bejn dawn l-OEMs u l-iżviluppaturi ta’ softwer. B’hekk, fuq il-client PC tagħhom, minbarra sistema operattiva, l-utenti finali jsibu media player, u possibbilment softwer ieħor addizzjonali, installat minn qabel. Skond il-kunsiderazzjoni 68 tad-deċiżjoni kkontestata, l-OEMs huma kumpanniji li l-attività tagħhom tikkonsisti fl-immuntar ta’ kompjuters minn numru ta’ komponenti forniti minn manifatturi differenti. Din l-operazzjoni ġeneralment tinkludi l-installazzjoni ta’ sistema operattiva fornita minn żviluppatur ta’ softwer jew żviluppata mill-OEM stess, flimkien ma’ diversi applikazzjonijiet mitluba mill-utent finali. L-apparat li jkun immuntat b’dan il-mod imbagħad jinxtara minn distributuri li jerġgħu jbiegħuh flimkien ma’ softwer addizzjonali.

829

It-tieni nett, l-utenti finali jistgħu jniżżlu l-media players fuq il-client PC tagħhom mill-internet.

830

It-tielet nett, il-media players jistgħu jinbiegħu fi ħwienet li jbiegħu bl-imnut jew jiġu ddistribwiti flimkien ma’ prodotti ta’ softwer oħra.

831

Fil-kunsiderazzjonijiet 121 sa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-prodotti kkonċernati ta’ Microsoft u tal-kompetituri tagħha.

832

Fir-rigward ta’ Microsoft, hija tfakkar li l-media player tagħha jismu “Windows Media Player” u tippreċiża li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, il-verżjoni l-iktar reċenti ta’ dan il-player kienet imsejħa “Windows Media Player 9 Series” (WMP 9). Hija tindika li l-WMP 9, li jippermetti b’mod partikolari l-qari ta’ kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini diġitali mniżżel mill-internet jew imxandar kontinwament, ilu disponibbli mis-7 ta’ Jannar 2003 u ilu jiffunzjona anki mas-sistemi operattivi Mac OS u UNIX mill-bidu ta’ Novembru 2003. Hija żżid li l-WMP 9 ma joffrix support għall-formats Real u QuickTime.

833

Fir-rigward tal-kompetituri ta’ Microsoft, il-Kummissjoni tiddeskrivi, b’mod iktar partikolari, il-prodotti ta’ RealNetworks (kunsiderazzjonijiet 125 sa 134 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ Apple (kunsiderazzjonijiet 135 sa 140 tad-deċiżjoni kkontestata).

834

Il-Kummissjoni tindika b’mod partikolari li, fl-1995, RealNetworks — li f’dak iż-żmien kien jisimha Progressive Networks Inc. — kienet l-ewwel kumpannija kbira li kkummerċjalizzat prodotti li jippermettu x-xandir kontinwu ta’ kontenut ta’ ħsejjes diġitali, fosthom il-player RealAudio Player. Fi Frar 1997, RealNetworks introduċiet ir-RealPlayer 4.0, li kien jippermetti l-qari ta’ fajls awdjo u vidjo b’mod dirett u fuq talba.

835

Fir-rigward ta’ Apple, il-Kummissjoni tosserva li din il-kumpannija żviluppat, fil-bidu tas-snin 90, media player imsejjaħ “QuickTime Player”, li, oriġinarjament, kien jaħdem biss fuq il-PCs Macintosh. F’Novembru 1994, Apple introduċiet il-player QuickTime 2.0 għall-Windows u, f’April 1999, il-player QuickTime 4.0, li kien jippermetti riċezzjoni kontinwa ta’ media.

836

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssemmi l-player MusicMatch Jukebox ta’ MusicMatch u l-player Winamp Media Player ta’ Nullsoft, filwaqt li tippreċiża li dawn mhumiex ibbażati fuq kodiċi jew formats ta’ fajls partikolari għalihom iżda fuq teknoloġiji li huma l-proprjetà ta’ Microsoft, Apple jew RealNetworks jew fuq formats miftuħa (open) (kunsiderazzjonijiet 141 sa 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

837

Il-kunsiderazzjonijiet 302 sa 314 tad-deċiżjoni kkontestata jirriproduċu f’ordni kronoloġika l-attivitajiet ta’ Microsoft fis-settur tas-softwer multimedjali, li jistgħu jiġu mqassra kif ġej:

f’Awwissu 1991, Microsoft introduċiet verżjoni tas-sistema operattiva tagħha Windows 3.0 li kienet tinkludi “Multimedia Extensions” li permezz tagħhom l-utenti setgħu jaraw stampi jew jisimgħu ħsejjes, iżda ma setgħux jirċievu b’mod kontinwu kontenut multimedjali;

fl-1993, Microsoft introduċiet il-prodott “Video for Windows”, li kien jinkludi l-player Media Player 2.0 u kien jagħti lill-utenti l-possibbiltà li jaqraw, fuq il-client PC tagħhom, fajls ta’ vidjo mniżżla mill-internet;

f’Awwissu 1995, Microsoft introduċiet fis-suq is-sistema operattiva Windows 95 li fiha hija sussegwentement integrat il-browser Internet Explorer tagħha, li kien jinkludi l-player awdjo RealAudio Player ta’ RealNetworks;

f’Settembru 1996, Microsoft introduċiet is-softwer NetShow 1.0, li kien maħsub sabiex jiffunzjona mal-Windows 95 u kien jippermetti l-qari ta’ kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini mxandar permezz ta’ netwerks intranet;

fil-21 ta’ Lulju 1997, Microsoft u RealNetworks ħabbru l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni fis-settur tax-xandir ta’ kontenut multimedjali b’mod kontinwu, fejn b’mod partikolari Microsoft kisbet liċenzja mingħand RealNetworks fir-rigward, minn naħa, tal-codecs tar-RealAudio u tar-RealVideo 4.0 sabiex tintegrahom fis-softwer NetShow tagħha u, min-naħa l-oħra, tar-RealPlayer 4.0 sabiex tintegrah fl-Internet Explorer;

f’Ottubru 1997, Microsoft ħabbret l-inklużjoni tar-RealPlayer 4.0 fl-Internet Explorer 4.0;

fl-4 ta’ Mejju 1998, Microsoft introduċiet il-verżjoni beta tas-softwer tagħha Microsoft Media Player, li kien jippermetti l-qari ta’ kontenut multimedjali imxandar kontinwament fuq l-internet u li kien jipprovdi support b’mod partikolari għall-formats MPEG, QuickTime, RealAudio u RealVideo, kif ukoll il-verżjoni beta tas-softwer tagħha Netshow 3.0 Server;

fil-25 ta’ Ġunju 1998, Microsoft introduċiet fis-suq is-sistema operattiva Windows 98 li magħha kien jiġi ddistribwit, fuq is-CD ta’ l-installazzjoni ta’ din is-sistema, il-player NetShow 2.0, li kien jippermetti r-riċezzjoni ta’ kontenut imxandar b’mod kontinwu, li iżda ma kienx jagħmel parti mill-konfigurazzjonijiet ‘default’ li Windows 98 kienet toffri lill-utenti;

fis-7 ta’ Lulju 1998, Microsoft introduċiet fis-suq il-Windows Media Player 6 (WMP 6), media player li kien jippermetti l-qari ta’ kontenut imxandar b’mod kontinwu permezz ta’ l-internet, li kien jiffunzjona mas-sistemi operattivi Windows 95, Windows 98 u Windows NT 4.0 u li kien joffri support għall-formats RealAudio 4.0, Real Video 4.0, ASF, AVI, WAV, MPEG u QuickTime;

fil-5 ta’ Mejju 1999, Microsoft introduċiet fis-suq is-sistema operattiva għal client PCs Windows 98 Second Edition, li fiha kien integrat il-player WMP 6, player li ma setax jitneħħa mill-OEMs jew mill-utenti u li kien integrat ukoll fil-verżjonijiet sussegwenti tal-Windows, jiġiferi l-Windows Me, il-Windows 2000 Professional u l-Windows XP;

f’Awwissu 1999, Microsoft introduċiet l-“arkitettura Windows Media Technologies 4”, li kienet tinkludi l-player Windows Media Player, Windows Media Services, Windows Media Tools u t-teknoloġija ta’ Microsoft stess għall-ġestjoni ta’ drittijiet diġitali;

dan is-softwer ma baqax jipprovdi native support għall-formats ta’ RealNetworks u lanqas għall-format QuickTime;

f’Settembru 2002, Microsoft ħabbret l-introduzzjoni tal-verżjoni beta tat-teknoloġija Windows Media 9 Series tagħha, li kienet tinkludi b’mod partikolari l-player WMP 9.

838

Għandu jiġi osservat li Microsoft ikkonformat ruħha ma’ l-obbligu tagħha fil-kuntest tal-ftehim Amerikan li tippermetti lill-OEMs u lill-konsumaturi finali li jattivaw jew li jneħħu l-aċċess għas-softwer middleware tagħha billi introduċiet fis-suq il-Windows 2000 Professional Service Pack 3, fl-1 ta’ Awwissu 2002, u l-Windows XP Service Pack 1, fid-9 ta’ Settembru 2002 (kunsiderazzjoni 315 tad-deċiżjoni kkontestata).

2. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 82 KE

839

L-ewwel motiv invokat minn Microsoft fil-kuntest ta’ din il-kwistjoni prinċipali huwa maqsum f’erba’ partijiet. Fil-kuntest ta’ l-ewwel parti, Microsoft issostni li l-Kummissjoni applikat teorija ġdida, spekulattiva u li m’hija bbażata fuq ebda bażi ġuridika sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni biżżejjed il-vantaġġi li jirriżultaw mill-“kunċett arkitettorali” tas-sistema operattiva tagħha. Fil-kuntest tat-tielet parti, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tistabbilixxix l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, b’mod partikolari ta’ l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE. Fl-aħħar, fil-kuntest tar-raba’ parti, hija ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-obbligi imposti mill-Ftehim TRIPs.

840

Barra minn hekk, bħala introduzzjoni għall-argumenti li hija tressaq fil-kuntest ta’ din il-kwistjoni prinċipali, Microsoft tagħmel ċerti allegazzjonijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ rbit abbużiv.

841

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-allegazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti. It-tieni nett, fid-dawl tal-konklużjonijiet li hija ser tasal għalihom f’dan ir-rigward (ara l-punt 869 iktar ’il quddiem), hija ser tanalizza l-argumenti ta’ Microsoft fil-kuntest ta’ l-ewwel tliet partijiet ta’ l-ewwel motiv. Fl-aħħar nett, hija ser tiddeċiedi dwar ir-raba’ parti ta’ dan il-motiv.

a) Fuq il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kkonstatat irbit abbużiv

L-argumenti tal-partijiet

842

Microsoft, filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjoni 794 tad-deċiżjoni kkontestata, tallega li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li f’dan il-każ jeżisti rbit abbużiv fuq l-elementi segwenti:

l-ewwel nett, il-prodott li jorbot u l-prodott marbut huma żewġ prodotti distinti;

it-tieni nett, l-impriża kkonċernata għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodott li jorbot;

it-tielet nett, l-imsemmija impriża ma tagħtix lill-konsumaturi l-għażla li jiksbu l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut;

ir-raba nett’, il-prassi in kwistjoni tillimita l-kompetizzjoni.

843

Filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjoni 961 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft tosserva li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-irbit in kwistjoni ma kienx, fil-fehma tagħha, oġġettivament iġġustifikat.

844

Microsoft issostni li dawn id-diversi elementi ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet previsti fl-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE minn żewġ aspetti.

845

L-ewwel, il-Kummissjoni tibdel il-kundizzjoni marbuta ma’ l-“issuġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użanza kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta’ dawk il-kuntratti” bil-kundizzjoni li l-impriża dominanti “ma tagħtix lill-konsumaturi l-għażla li jiksbu l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut”.

846

It-tieni, il-Kummissjoni żiedet kundizzjoni marbuta ma’ l-esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq, kundizzjoni li mhijiex espressament prevista fl-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE u li normalment ma titteħidx in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ rbit abbużiv. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni, wara li fil-kunsiderazzjoni 841 tad-deċiżjoni kkontestata rrikonoxxiet li dan il-każ ma kienx “każ klassiku ta’ rbit”, ikkunsidrat li kien jeżisti effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq billi bbażat ruħha fuq teorija ġdida u “spekulattiva ħafna” li d-distribuzzjoni wiesgħa tal-funzjonalità multimedjali tal-Windows tobbliga lill-fornituri ta’ kontenut sabiex jirreġistraw il-kontenut tagħhom f’kodiċi tal-formats Windows Media, bil-konsegwenza li jiġu esklużi mis-suq il-media players kompetituri kollha u li, sussegwentament, il-konsumaturi jkunu obbligati jużaw l-imsemmija funzjonalità multimedjali biss.

847

Microsoft iżżid li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja safejn il-Kummissjoni tikkonstata, fil-kunsiderazzjoni 792, li l-kundizzjonijiet ta’ l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE huma ssodisfati f’dan il-każ, filwaqt li, fl-istess ħin, hija tieħu in kunsiderazzjoni kundizzjonijiet li jidderogaw minn din id-dispożizzjoni.

848

ACT tallega li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni tliet kategoriji differenti ta’ kundizzjonijiet sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ rbit abbużiv f’dan il-każ, jiġifieri, l-ewwel nett, dawk previsti fl-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE, it-tieni nett, dawk previsti fl-Artikolu 82 in ġenerali u, it-tielet nett, l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-kunsiderazzjoni 794 tad-deċiżjoni kkontestata. ACT tikkunsidra li, irrispettivament mill-kategorija ta’ kundizzjonijiet applikata, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni hija żbaljata.

849

Il-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 831 tad-deċiżjoni kkontestata, tallega li l-irbit in kwistjoni jikser “l-Artikolu 82 [KE] in ġenerali u l-inċiż (d) [tat-tieni paragrafu] ta’ l-Aritkolu 82 [KE] b’mod parikolari”. Hija ssostni li hija invokat dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien fid-dawl ta’ l-argumenti li kienu tqajmu minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva u sabiex “twarrab kull dubju” u sabiex “tevita kull dibattitu semantiku dwar l-interpretazzjoni ta’ [l-inċiż] (d) [tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE]”. Hija żżid li l-kundizzjonijiet li hija applikat f’dan il-każ sabiex tikkonkludi li jeżisti rbit abbużiv huma konformi ma’ dawk aċċettati mill-ġurisprudenza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

850

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-argumenti invokati minn Microsoft huma ta’ natura purament semantika u ma jistgħux jintlaqgħu.

851

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar il-mod li bih il-Kummissjoni strutturat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti tagħha dwar l-irbit in kwistjoni.

852

Fil-kunsiderazzjoni 794 ta’ din id-deċiżjoni, hija tesponi li l-eżistenza ta’ rbit abbużiv fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE teħtieġ l-eżistenza ta’ l-erba’ elementi msemmija fil-punt 842 iktar ’il fuq.

853

Imbagħad, hija teżamina l-aġir li bih hija akkużata Microsoft fid-dawl ta’ dawn l-erba’ elementi (kunsiderazzjonijiet 799 sa 954 tad-deċiżjoni kkontestata).

854

B’hekk, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar li Microsoft tgawdi minn pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs (kunsiderazzjoni 799 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi osservat li Microsoft ma tikkontestax dan il-fatt.

855

It-tieni nett, hija ssostni li l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa u s-sistemi operattivi għal client PCs huma żewġ prodotti distinti (kunsiderazzjonijiet 800 sa 825 tad-deċiżjoni kkontestata).

856

It-tielet nett, hija tesponi li Microsoft ma tagħtix lill-konsumaturi l-possibbiltà li jiksbu s-sistema operattiva tagħha Windows għal client PCs mingħajr il-Windows Media Player (kunsiderazzjonijiet 826 sa 834 tad-deċiżjoni kkontestata).

857

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tallega li l-irbit tal-Windows Media Player jillimita l-kompetizzjoni fis-suq tal-media players (kunsiderazzjonijiet 835 sa 954 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, hija tosserva b’mod partikolari li, fil-każijiet klassiċi ta’ rbit, il-Kummissjoni u l-qorti Komunitarja “kkunsidraw li l-irbit ta’ prodott distint mal-prodott dominanti kien jindika l-effett ta’ esklużjoni li din il-prassi kellha fuq il-kompetituri” (kunsiderazzjoni 841 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkunsidra, madankollu, li, f’dan il-każ, jeżistu raġunijiet tajba għalxiex m’għandux jiġi preżunt, mingħajr analiżi addizzjonali, li l-irbit tal-Windows Media Player jikkostitwixxi aġir li jista’, min-natura tiegħu, jillimita l-kompetizzjoni (l-istess kunsiderazzjoni). Hija tqis, essenzjalment, li “l-fatt li [l-Windows Media Player] huwa marbut mal-prodott dominanti Windows jagħmel lill-[Windows Media Player] il-pjattaforma magħżula awtomatikament għall-kontenut u għall-applikazzjonijiet addizzjonali u b’hekk huwa ta’ natura li jillimita l-kompetizzjoni fis-suq tal-media players” (kunsiderazzjoni 842 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żżid li “[d]an għandu impatt fuq il-kompetizzjoni fis-swieq ta’ prodott relatati, bħal dak tas-softwer użat għall-kodifikazzjoni u għall-ġestjoni ta’ media (ħafna drabi min-naħa tas-servers), kif ukoll fuq is-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs, li għalihom il-media players kompatibbli ma’ kontenut ta’ kwalità jirrappreżentaw applikazzjoni importanti” (l-istess kunsiderazzjoni).

858

Fl-aħħar, il-Kummissjoni teżamina l-elementi invokati minn Microsoft sabiex tipprova turi li l-aġir abbużiv li bih hija akkużata huwa oġġettivament iġġustifikat (kunsiderazzjonijiet 955 sa 970 tad-deċiżjoni kkontestata).

859

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni ta’ l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ rbit hija eżatta u konformi kemm ma’ l-Artikolu 82 KE u kemm mal-ġurisprudenza. Il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq l-elementi esposti fil-kunsiderazzjoni 794 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq il-fatt li l-irbit ma kellu ebda ġustifikazzjoni oġġettiva meta evalwat jekk l-aġir li bih kienet akkużata Microsoft kienx jikkostitwixxi rbit abbużiv. Dawn l-elementi jistgħu jiġu dedotti mhux biss mill-kunċett stess ta’ rbit iżda wkoll mill-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, T-30/89, Ġabra p. II-1439, ikkonfermata b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni, C-53/92 P, Ġabra p. I-667; sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1994 u ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, punt 293 iktar ’il fuq).

860

Għandu jiġi mfakkar li l-lista ta’ aġir abbużiv li tinsab fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE mhijiex eżawrjenti b’tali mod li dan il-paragrafu jipprovdi biss eżempji ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 293 iktar ’il fuq, punt 37). Skond ġurisprudenza stabbilita, fil-fatt, il-lista ta’ aġir abbużiv li tinsab f’din id-dispożizzjoni ma telenkax b’mod eżawrjenti l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti pprojbiti mit-Trattat KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 26, u s-sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 229 iktar ’il fuq, punt 112).

861

Minn dan jirriżulta li rbit minn impriża f’pożizzjoni dominanti xorta jista’ jikser l-Artikolu 82 KE meta ma jkunx jikkorrispondi għall-eżempju mogħti fl-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE. B’hekk, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ rbit abbużiv, il-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-Artikolu 82 KE fl-intier tiegħu u mhux fuq l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE biss.

862

F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi li jikkostitwixxu rbit abbużiv identifikati mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 794 tad-deċiżjoni kkontestata jkopru, essenzjalment, il-kundizzjonijiet previsti fl-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE.

863

F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Microsoft li l-Kummissjoni applikat, f’dan il-każ, kundizzjonijiet li ma jirrispettawx, minn żewġ aspetti, dawk previsti fl-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE.

864

B’hekk, fl-ewwel lok, meta tesponi li għandu jiġi eżaminat jekk l-impriża dominanti “tagħtix lill-konsumaturi l-għażla li jiksbu l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut”, il-Kummissjoni sempliċement tesprimi fi kliem ieħor l-idea li l-kunċett ta’ rbit jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu kostretti, direttament jew indirettament, jaċċettaw “obbligi addizzjonali”, bħal dawk imsemmija fl-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE.

865

F’din il-kawża, kif ser jiġi espost f’iktar dettall fil-punti 962 u 965 iktar ’il quddiem, dan il-kostrinġiment huwa prinċipalment eżerċitat fuq l-OEMs li, imbagħad, jgħadduh fuq l-utent finali. Dan ta’ l-aħħar ikun espost direttament għal dan il-kostrinġiment fis-sitwazzjoni, li hija anqas komuni, fejn, minflok ma’ jkollu x’jaqsam ma’ OEM, jakkwista sistema operattiva Windows għal client PCs direttament mingħand bejjiegħ bl-imnut.

866

Fit-tieni lok, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni introduċiet kundizzjoni ġdida marbuta ma’ l-esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ rbit abbużiv fis-sens ta’ l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE.

867

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li la din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar u lanqas, b’mod iktar ġenerali, l-Artikolu 82 KE, ma fihom riferiment għall-effett antikompetittiv tal-prassi msemmija, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju, aġir jiġi kkunsidrat bħala abbużiv biss jekk ikun ta’ natura li jista’ jillimita l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, iktar ’il quddiem is-“sentenza Michelin II”, punt 237).

868

Min-naħa l-oħra, kif ser jiġi ppreċiżat fil-punti 1031 sa 1058 iktar ’il quddiem, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq teorija ġdida u spekulattiva ħafna sabiex waslet għall-konklużjoni li f’din il-kawża jeżisti effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq. Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjoni 841 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, hija ma setgħetx sempliċement tikkunsidra — kif normalment tagħmel fil-każijiet ta’ rbit abbużiv — li l-irbit ta’ prodott partikolari u ta’ prodott dominanti għandu, fih innifsu, effett ta’ esklużjoni fis-suq. Għalhekk, hija eżaminat f’iktar dettall l-effetti konkreti li l-irbit in kwistjoni kien diġà kellu fis-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa kif ukoll il-mod kif dan is-suq kien mistenni jevolvi.

869

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-kwistjoni ta’ l-irbit in kwistjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-kunsiderazzjoni 794 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 842 iktar ’il fuq) kif ukoll tal-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva.

870

It-tieni kundizzjoni msemmija fil-kunsiderazzjoni 794 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala ssodisfata peress li huwa paċifiku li Microsoft għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodott ikkunsidrat bħala l-prodott li jorbot, jiġifieri s-sistema operattiva għal client PCs. L-argumenti mqajma minn Microsoft fil-kuntest ta’ l-ewwel tliet partijiet ta’ l-ewwel motiv (ara l-punt 839 iktar ’il fuq) ser jiġu eżaminati flimkien ma’ l-erba’ kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rbit abbużiv. Dan l-eżami ser isir bil-mod segwenti. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser tevalwa l-kundizzjoni marbuta ma’ l-eżistenza ta’ żewġ prodotti distinti fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula minn Microsoft fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet parti. It-tieni nett, din il-Qorti ser teżamina l-kundizzjoni marbuta ma’ l-issuġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għal obbligi addizzjonali fid-dawl ta’ l-argumenti invokati minn Microsoft in sostenn tat-tielet parti. It-tielet nett, din il-Qorti ser tanalizza l-kundizzjoni marbuta mal-limitazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula minn Microsoft fil-kuntest ta’ l-ewwel parti. Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina l-ġustifikazzjonijiet oġġettivi invokati minn Microsoft, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-argumenti mqajma minnha fil-kuntest tat-tieni parti.

871

Ir-raba’ parti, dwar l-allegat nuqqas li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-obbligi imposti fuq il-Komunitajiet permezz tal-Ftehim TRIPs, ser tiġi eżaminata fl-aħħar lok.

b) Fuq l-eżistenza ta’ żewġ prodotti distinti

Id-deċiżjoni kkontestata

872

Il-Kummissjoni teżamina din l-ewwel kundizzjoni fil-kunsiderazzjonijiet 800 sa 825 tad-deċiżjoni kkontestata. L-analiżi tagħha hija maqsuma fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, hija tispjega b’attenzjoni partikolari li l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa u s-sistemi operattivi għal client PCs jikkostitwixxu prodotti distinti (kunsiderazzjonijiet 800 sa 813 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni lok, hija twarrab l-argument ta’ Microsoft li hija kienet bdiet torbot it-teknoloġija ta’ media player tagħha mas-sistema operattiva Windows qabel is-sena 1999 (kunsiderazzjonijiet 814 sa 820 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tielet lok, hija tiċħad l-argument ta’ Microsoft li l-irbit ta’ media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa u sistema operattiva huwa prassi kummerċjali normali (kunsiderazzjonijiet 821 sa 824 tad-deċiżjoni kkontestata).

873

Fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-analiżi tagħha, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tesponi li, skond il-ġurisprudenza, il-fatt li jeżistu manifatturi indipendenti li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni tal-prodott marbut jindika l-eżistenza ta’ domanda distinta min-naħa tal-konsumaturi u, għalhekk, ta’ suq distint għal dan il-prodott (kunsiderazzjoni 802 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkunsidra, għalhekk, li n-natura distinta ta’ prodotti għall-finijiet ta’ analiżi fid-dawl ta’ l-Artikolu 82 KE għandha tiġi evalwata billi tittieħed in kunsiderazzjoni d-domanda min-naħa tal-konsumaturi, fis-sens li, fin-nuqqas ta’ domanda indipendenti għal prodott allegatament marbut, il-prodotti in kwistjoni ma jkunux distinti (kunsiderazzjoni 803 tad-deċiżjoni kkontestata).

874

It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li “s-suq joffri media players b’mod separat” u li jeżistu edituri li jiżviluppaw u jipprovdu media players fuq bażi awtonoma, indipendentement minn sistemi operattivi (kunsiderazzjoni 804 tad-deċiżjoni kkontestata).

875

It-tielet nett, hija tirreferi għall-prassi ta’ Microsoft li tiżviluppa u tiddistribwixxi verżjonijiet tal-player tagħha Windows Media Player għas-sistemi operattivi Mac ta’ Apple u Solaris ta’ Sun (kunsiderazzjoni 805 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tosserva wkoll li Microsoft tintroduċi upgrades tal-player tagħha separatament mill-upgrades tas-sistemi operattivi Windows (l-istess kunsiderazzjoni).

876

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tesponi li numru mhux negliġibbli ta’ konsumaturi jagħżlu li jakkwistaw media players b’mod separat mis-sistema operattiva tagħhom, fosthom il-player RealPlayer ta’ RealNetworks, li ma tiżviluppax u ma tikkummerċjalizzax sistemi operattivi (kunsiderazzjoni 806 tad-deċiżjoni kkontestata).

877

Il-ħames nett, il-Kummissjoni ssostni li ċerti utenti ta’ sistemi operattivi ma jkollhomx bżonn jew ma jkunux iridu media player (kunsiderazzjoni 807 tad-deċiżjoni kkontestata).

878

Is-sitt nett, hija twarrab l-argument ta’ Microsoft li ma teżistix domanda sostanzjali għal sistemi operattivi li ma jkollhomx teknoloġiji ta’ media player (kunsiderazzjoni 809 tad-deċiżjoni kkontestata).

879

Is-seba’ nett, il-Kummissjoni tosserva li Microsoft tippromwovi speċifikament il-Windows Media Player, indipendentement mis-sistema operattiva (kunsiderazzjoni 810 tad-deċiżjoni kkontestata).

880

It-tmien nett, hija tesponi li s-sistemi operattivi għal client PCs u l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa huma differenti anki f’termini tal-funzjonalitajiet tagħhom (kunsiderazzjoni 811 tad-deċiżjoni kkontestata).

881

Id-disa’ nett, il-Kummissjoni tindika li dawn iż-żewġ prodotti “jikkorrispondu” għal strutturi industrijali differenti, kif juri l-fatt li fis-suq tal-media players jeżistu ċerti operaturi li jikkompetu direttament ma’ Microsoft filwaqt li, fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs, is-sehem tal-kompetituri ta’ Microsoft mhuwiex sinjifikattiv (kunsiderazzjoni 812 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, anki l-livelli tal-prezzijiet taż-żewġ prodotti huma differenti (l-istess kunsiderazzjoni).

882

L-għaxar nett, il-Kummissjoni tesponi li Microsoft tapplika ftehim ta’ liċenzja, magħrufa bħala “sofware developer’s kit licences” (iktar ’il quddiem “liċenzji SDK”), li jvarjaw skond jekk is-“software developer’s kit” (għodda għall-iżviluppaturi ta’ softwer, iktar ’il quddiem is-“SDK”) ikunx jikkonċerna s-sistema operattiva Windows jew it-teknoloġiji Windows Media (kunsiderazzjoni 813 tad-deċiżjoni kkontestata).

883

Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-argument ta’ Microsoft li t-teknoloġija tagħha ta’ media player ilha marbuta mal-Windows mill-1992 ma jistax jinvalida l-konklużjoni tagħha fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ żewġ prodotti distinti. Hija tosserva, b’mod partikolari, li hija “tikkundanna l-aġir ta’ Microsoft mill-mument meta l-irbit sar iktar preġudizzjali milli kien qabel”, filwaqt li tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, fl-1999, Microsoft “bdiet torbot prodott (WMP 6) li kien jikkorrispondi għall-prodotti ta’ edituri oħra fejn tidħol il-funzjonalità essenzjali li l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi jistennew minn media player (jiġifieri r-riċezzjoni kontinwa ta’ kontenut imxandar permezz ta’ l-internet) u li permezz tiegħu, fl-1998, hija daħlet fis-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa” (kunsiderazzjoni 816 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ewwel media player li kien jippermetti riċezzjoni kontinwa li Microsoft, fl-1995, iddistribwiet flimkien mal-Windows kien ir-RealAudio Player ta’ RealNetworks, peress li f’dak iż-żmien Microsoft kien għadu ma kellhiex media player “vijabbli” (kunsiderazzjoni 817 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tippreċiża li l-installazzjoni tal-kodiċi ta’ softwer tar-RealAudio Player setgħet titneħħa kompletament (l-istess kunsiderazzjoni).

884

Fil-kuntest tat-tielet parti ta’ l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tiċħad l-argument ta’ Microsoft li l-irbit ta’ media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa ma’ sistema operattiva għal client PCs huwa prassi kummerċjali normali. Hija tesponi, l-ewwel nett, li dan l-argument ma jieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li jeżistu fornituri indipendenti tal-prodott marbut, it-tieni nett, li Sun u l-edituri ta’ prodotti Linux ma jorbtux il-media players tagħhom stess iżda media players ta’ fornituri terzi u, it-tielet nett, li ebda wieħed minn dawn il-bejjiegħa ta’ sistemi operattivi ma jorbot il-media player mas-sistema operattiva b’tali mod li l-installazzjoni tal-media player ma tkunx tista’ titneħħa (kunsiderazzjoni 823 tad-deċiżjoni kkontestata).

L-argumenti tal-partijiet

885

Fl-ewwel lok, Microsoft, sostnuta minn CompTIA, DMD secure et, ACT, TeamSystem, Mamut u Exor, issostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix li l-Windows u l-funzjonalità multimedjali tagħha jappartjenu għal żewġt iswieq ta’ prodott distinti.

886

Hija tallega li din il-funzjonalità multimedjali hija “karatteristika li ilha teżisti tas-sistema operattiva Windows”. Fil-Windows, il-kodiċi ta’ softwer li jippermetti lill-utenti jaqraw kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini b’ebda mod m’huwa differenti minn dak li permezz tiegħu l-utenti jista’ jkollhom aċċess għal tipi oħra ta’ informazzjoni, bħal test u graphics. Barra minn hekk, partijiet oħra tal-Windows kif ukoll applikazzjonijiet ta’ impriżi terzi eżegwiti fuq din is-sistema operattiva jużaw dan l-istess kodiċi ta’ softwer.

887

Microsoft tikkritika l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra biss il-kwistjoni jekk il-prodott allegatament marbut, jiġifieri l-funzjonalità multimedjali, huwiex disponibbli separatament mill-prodott li allegatament jorbot, jiġifieri s-sistema operattiva għal client PCs. Fil-verità, il-kwistjoni li kellha tiġi ddeterminata kienet jekk dan il-prodott ta’ l-aħħar huwiex ikkummerċjalizzat b’mod regolari mingħajr il-prodott marbut. Issa, skond Microsoft, ma teżistix domanda reali min-naħa tal-konsumaturi għal sistema operattiva għal client PCs mingħajr funzjonalità multimedjali u għalhekk ebda operatur ma jqiegħed tali sistema operattiva fis-suq.

888

Microsoft tikkunsidra li l-Kummissjoni tippenalizza l-impriżi dominanti li jtejbu l-prodotti tagħhom billi jintegraw funzjonalitajiet ġodda meta teżiġi li dawn il-funzjonalitajiet għandhom ikunu jistgħu jitneħħew kull meta impriża terza tqiegħed fis-suq prodott awtonomu li jipprovdi l-istess funzjonalitajiet jew funzjonalitajiet simili.

889

Microsoft iżżid li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni hija anqas u anqas aċċettabbli fid-dawl tal-fatt li l-abbuż allegat ma jirriżultax mill-integrazzjoni tal-funzjonalità multimedjali fil-Windows — integrazzjoni li tmur lura għas-sena 1992 u li sussegwentament ġiet imtejba kontinwament — iżda mit-titjib li hija għamlet fir-rigward ta’ din il-funzjonalità fl-1999, meta hija żiedet ma’ din il-funzjonalità il-kapaċità ta’ riċezzjoni kontinwa tagħha. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-preżenza tal-funzjonalità multimedjali fil-Windows ħlief safejn din il-funzjonalità tippermetti l-qari ta’ kontenut ta’ ħsejjes u immaġini disponibbli fuq l-internet qabel ma’ dan il-kontenut ikun tniżżel kompletament mill-internet.

890

Microsoft issostni wkoll li s-sistemi operattivi prinċipali l-oħra kollha għal client PCs, b’mod partikolari Mac OS, Linux, OS/2 u Solaris, għandhom funzjonalità multimedjali li kapaċi taqra kontenut imxandar kontinwament permezz ta’ l-internet. Il-kompetituri kollha tagħha jikkunsidraw li l-integrazzjoni ta’ tali funzjonalità fis-sistemi operattivi għal client PCs tikkostitwixxi prassi kummerċjali normali li tissodisfa d-domanda tal-konsumaturi. Dan juri li l-kapaċità ta’ riċezzjoni kontinwa hija “funzjoni naturali” tas-sistemi operattivi għal client PCs u mhux prodott distint. F’dan il-kuntest, Microsoft tinsisti fuq il-fatt li “prodott għandu fl-ewwel lok jiġi ddefinit abbażi ta’ l-aspettattivi u ta’ l-eżiġenzi tal-konsumaturi”. Issa, kif ġie kkonstatat fil-kunsiderazzjoni 824 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni jidher li taċċetta li dawn il-konsumaturi jixtiequ preċiżament li s-sistemi operattivi jkunu mogħnija b’funzjonalità multimedjali.

891

Microsoft iżżid li l-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament, fil-kunsiderazzjoni 1013 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kinitx twettaq abbuż li kieku, fl-1999, hija kienet ipproponiet, bl-istess prezz, żewġ verżjonijiet tal-Windows, jiġifieri waħda bil-Windows Media Player u l-oħra mingħajru. Issa, m’hemm xejn li jindika li kien ikun hemm domanda għal verżjoni tal-Windows b’anqas karatteristiċi iżda bl-istess prezz. Dan in-nuqqas ta’ domanda juri wkoll li “Windows b’funzjonalità multimedjali” tikkostitwixxi prodott wieħed.

892

Barra minn hekk, Microsoft, sostnuta fuq dan il-punt minn DMDsecure et u ACT, tallega li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sentenzi mogħtija fil-kawża Tetra Pak II, iċċitata fil-punt 293 iktar ’il fuq, u fil-kawża li wasslet għas-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1991 u tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni, iċċitati fil-punt 859 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem il-“kawża Hilti”), sabiex tiġġustifika t-teżi li l-Windows u l-funzjonalità multimedjali tagħha jappartjenu għal żewġt iswieq ta’ prodott distinti. F’dan ir-rigward, hija tosserva, l-ewwel nett, li dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw prodotti konsumibbli li kienu jintużaw ma’ apparat li jservi għal ħafna żmien matul dan iż-żmien kollu u li kienu “fiżikament distinti” minn dan l-apparat. Hija ssostni li, f’dawk iż-żewġ kawżi, b’differenza mill-każ in eżami, kien hemm provi ta’ l-eżistenza ta’ domanda għall-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut. It-tieni nett, hija tesponi li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni qatt ma identifikat konsumatur li xtaq jikseb il-prodott li allegatament jorbot mingħajr il-prodott allegatament marbut.

893

Fl-aħħar nett, Microsoft tikkritika ċerti argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha sabiex turi li l-Windows tikkostitwixxi prodott distint mill-Windows Media Player. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-qrati Amerikani qatt ma kkonkludew li dan il-player kien jagħmel parti minn suq li kien distint minn dak li kienet tagħmel parti minnu s-sistema operattiva Windows. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-fatt li hija tqiegħed fis-suq verżjonijiet tal-Windows Media Player separati mill-Windows ma jipprovax l-eżistenza ta’ domanda għall-Windows mingħajr il-Windows Media Player. Barra minn hekk, dawn il-verżjonijiet ta’ dan il-player, fil-fatt, huma biss sempliċi aġġornamenti tal-funzjonalità multimedjali li tinsab fil-Windows. Fit-tielet lok, Microsoft issostni li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-fajls li jikkostitwixxu l-Windows Media Player huma identifikabbli b’mod faċli mhijiex rilevanti. F’kull każ, din l-allegazzjoni mhijiex eżatta.

894

Barra minn hekk, Microsoft issostni li l-Kummissjoni ma tipprovax li l-funzjonalità multimedjali mhijiex marbuta, min-natura tagħha jew skond l-użanza kummerċjali, mas-sistemi operattivi għal client PCs.

895

Hija tallega li l-integrazzjoni tal-funzjonalità multimedjali tikkostitwixxi “pass naturali” fl-evoluzzjoni ta’ dawn is-sistemi operattivi, kif jixhed il-fatt li l-bejjiegħa kollha ta’ dawn is-sistemi jinkludu tali funzjonalità fil-prodotti tagħhom. Hija tesponi li hija tipprova kontinwament ittejjeb il-Windows bi tweġiba għall-progress fit-teknoloġija u għall-evoluzzjoni fid-domanda tal-konsumaturi u tindika li l-Windows u s-sistemi operattivi l-oħra għal client PCs żviluppaw progressivament sabiex ikunu jistgħu joffru support għal numru dejjem akbar ta’ fajls differenti. Għall-iżviluppaturi ta’ softwer u l-konsumaturi, ma teżistix differenza fundamentali bejn il-fajls li l-kontenut tagħhom ikun text jew graphics u dawk b’kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini. Fil-verità, huwa mistenni li sistema operattiva moderna tippermetti l-użu ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ fajls.

896

Microsoft iżżid li s-sistemi operattivi u l-funzjonalitajiet multimedjali saru wkoll “marbuta mill-qrib” minħabba l-użanza kummerċjali. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li hija integrat tali funzjonalità fil-Windows fl-1992 u li sussegwentament hija tejbet din il-funzjonalità b’mod kontinwu. Hija tippreċiża li l-kapaċità ta’ riċezzjoni kontinwa li hija żiedet fl-1999 “kienet biss waħda mid-diversi kapaċitajiet [li hija] żiedet sabiex tirrifletti progress teknoloġiku rapidu”.

897

Fl-aħħar, Microsoft tikkunsidra li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka d-dikjarazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 37 tas-sentenza tagħha ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 293 iktar ’il fuq, fejn dik il-Qorti qalet li anki meta l-bejgħ b’irbit ta’ żewġ prodotti jkun konformi ma’ l-użanza kummerċjali, dan il-bejgħ xorta jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE, sakemm ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. F’dan ir-rigward, hija tosserva b’mod partikolar li, f’din il-kawża, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża Tetra Pak II, il-fornituri ta’ media players ta’ impriżi terzi mhumiex esklużi mis-suq minħabba l-preżenza tal-funzjonalità multimedjali fil-Windows.

898

Fir-replika, Microsoft iżżid li l-argumenti tal-Kummissjoni li l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jistgħu jiġu mċaħħda mid-dritt li jadottaw aġir li ma jkunx kundannabbli jekk ikun adottat minn impriżi li mhumiex dominanti u li mhuwiex ammissibbli li jsir riferiment għall-prassi ta’ l-industrija f’ċerti ċirkustanzi, mhumiex rilevanti għall-kwistjoni jekk il-Kummissjoni pprovatx li l-kundizzjonijiet previsti fl-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE kienu ssodisfati.

899

Il-Kummissjoni, sostnuta minn SIIA, tikkontesta l-affermazzjoni ta’ Microsoft li d-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix li l-Windows u l-“funzjonalità multimedjali” tagħha jappartjenu għal żewġt iswieq distinti.

900

Il-Kummissjoni tosserva, preliminarjament, li l-argumenti ta’ Microsoft huma bbażati fuq “kunċett vag ta’ ‘funzjonalità multimedjali’”. Hija tindika li dak li Microsoft issejjaħ il-“funzjonalità multimedjali” mhuwiex blokk ta’ kodiċi ġenerali u indiviżibbli. Fil-prattika, Microsoft tagħmel hija stess distinzjoni bejn l-infrastruttura multimedjali li fuqha hija bbażata s-sistema operattiva, li sservi bħala pjattaforma għall-applikazzjoni multimedjali u tipprovdi servizzi funzjonali bażiċi lill-bqija tas-sistema operattiva, u l-applikazzjoni ta’ media player, li hija eżegwita fuq is-sistema operattiva u li tiddekodifika, tiddekompressa u taqra l-fajls awdjo u vidjo diġitali mniżżla jew mxandra kontinwament fuq l-internet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka l-eżempju tal-prodott ta’ Microsoft imsejjaħ “Windows XP Embedded”. Hija tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-irbit minn Microsoft tal-media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa Windows Media Player, u mhux l-infrastruttura multimedjali bażika.

901

Filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjoni 802 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li l-qorti Komunitarja kkunsidrat li l-eżistenza ta’ manifatturi indipendenti speċjalizzati fil-produzzjoni tal-prodott marbut tindika l-eżistenza ta’ domanda distinta min-naħa tal-konsumaturi u, għalhekk, ta’ suq distint għall-prodott marbut. Hija tikkunsidra li d-distinzjoni li Microsoft tistabbilixxi bejn din il-kawża u l-kawżi Tetra Pak II u Hilti, abbażi tal-fatt li dawn il-kawżi ta’ l-aħħar kienu jikkonċernaw prodotti konsumibbli li kienu fiżikament distinti mill-apparat li kienu jintużaw miegħu, mhijiex konvinċenti. Hija żżid li s-sentenzi mogħtija fil-kawżi msemmija, iċċitati fil-punti 293 u 859 iktar ’il fuq, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE għandha tiġi limitata għall-irbit ta’ prodotti konsumibbli.

902

Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni ta’ Microsoft li hija kien imissha eżaminat jekk kinitx teżisti domanda għall-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut, filwaqt li tosserva li dan jammonta għall-allegazzjoni żbaljata li prodotti komplementari ma jistgħux jikkostitwixxu prodotti distinti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 82 KE. Hija żżid li l-qrati Amerikani ċaħdu l-argumenti simili li Microsoft ressqet quddiemhom u b’mod konsistenti kkunsidraw li kien jeżisti suq distint għas-sistemi operattivi għal client PCs li huma Intel-compatible u eskludew il-prodotti “middleware” (fosthom il-Windows Media Player) minn dan is-suq.

903

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-prassi kummerċjali ta’ Microsoft li tiżviluppa u tiddistribwixxi verżjonijiet ta’ Windows Media Player għas-sistemi operattivi Mac ta’ Apple u Solaris ta’ Sun, u kif ukoll għal pjattaformi li mhumiex client PCs — id-decoders għat-televiżjoni, per eżempju — tikkostitwixxi indikazzjoni addizzjonali tal-fatt li s-sistemi operattivi għal client PCs u l-media players mhumiex sempliċement elementi ta’ l-istess prodott (kunsiderazzjoni 805 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-istess sens, hija tosserva li Microsoft tintroduċi upgrades tal-Windows Media Player li jkunu distinti mill-verżjonijiet jew mill-upgrades tas-sistema operattiva Windows, tippromwovi speċifikament dan il-player u tapplika ftehim ta’ liċenzja SDK differenti skond jekk is-SDK jikkonċernax il-Windows jew it-teknoloġiji Windows Media (kunsiderazzjonijiet 805 u 813 tad-deċiżjoni kkontestata).

904

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li għandha tingħata importanza partikolari lir-rwol speċifiku ta’ l-OEMs, li, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-edituri ta’ softwer, jagħmluha ta’ intermedjarji għall-utenti finali u jipprovdu lil dawn l-utenti prodott “lest għall-użu” billi jgħaqqdu ħardwer, sistema operattiva għal client PC u applikazzjonijiet skond l-eżiġenzi tagħhom (kunsiderazzjonijiet 68 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tenfasizza li l-parti l-kbira (75 %) tal-bejgħ ta’ sistemi operattivi għal client PCs ta’ Microsoft isir permezz ta’ l-OEMs. Hija tosserva wkoll li mhuwiex minħabba li l-konsumaturi jkunu jixtiequ li media player ikun installat minn qabel fuq il-kompjuter tagħhom li Microsoft ikollha neċessarjament torbot il-media player tagħha mas-sistema operattiva tagħha għal client PC. B’risposta għal tali domanda min-naħa tal-konsumaturi, l-OEMs jistgħu jżidu media player mal-client PCs li huma jbiegħu, bl-istess mod kif huma joffru l-possibbiltà li jintegraw applikazzjonijiet ta’ softwer oħra. Skond il-Kummissjoni, l-argument ta’ Microsoft li ma teżistix domanda għal sistema operattiva Windows mingħajr media player ma jieħux in kunsiderazzjoni r-rwol ta’ l-OEMs deskritt hawnhekk.

905

Il-Kummissjoni żżid li mill-elementi ta’ prova li hija għandha fil-pussess tagħha jirriżulta li l-utenti ta’ sistemi operattivi mhux neċessarjament jixtiequ li dawn is-sistemi jkunu mogħnija b’media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa (kunsiderazzjoni 807 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, “jekk ikunu jixtiequ wieħed, din id-domanda għal media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa hija distinta mid-domanda għal sistemi operattivi”.

906

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet 814 sa 820 tad-deċiżjoni kkontestata, issostni li l-affermazzjoni ta’ Microsoft li l-abbuż allegat jirriżulta mit-titjib li hija għamlet fil-funzjonalità multimedjali tagħha fl-1999 hija qarrieqa.

907

B’risposta għall-argument ta’ Microsoft ibbażat fuq il-fatt li bejjiegħa oħra ta’ sistemi operattivi joperaw eżattament bl-istess mod bħalma tagħmel hi, il-Kummissjoni tosserva li l-prassi ta’ rbit għandha impatt differenti skond jekk tkunx ġejja min-naħa ta’ impriża dominanti jew minn impriża li mhijiex dominanti. Hija tindika wkoll li ċerti bejjiegħa ta’ sistemi operattivi, bħal Sun u l-edituri ta’ prodotti Linux, ma joffrux is-sistema operattiva tagħhom flimkien mal-media player tagħhom stess iżda flimkien ma’ media player ta’ fornituri indipendenti u li dawn il-bejjiegħa ma’ jorbtux il-media player ikkonċernat mas-sistema operattiva tagħhom b’mod li ma jkunx possibbli li jitneħħa mis-sistema (kunsiderazzjonijiet 822 u 823 tad-deċiżjoni kkontestata).

908

Il-Kummissjoni tikkontesta li aċċettat, fil-kunsiderazzjoni 1013 tad-deċiżjoni kkontestata jew f’xi kunsiderazzjoni oħra ta’ din id-deċiżjoni, li Microsoft ma kinitx twettaq abbuż li kieku, fl-1999, hija kienet ipproponiet, bl-istess prezz, żewġ verżjonijiet tal-Windows, jiġifieri waħda bil-Windows Media Player u l-oħra mingħajru. Hija tindika li, jekk illum il-ġurnata Microsoft tiddeċiedi li tbiegħ il-verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player bl-istess prezz bħall-verżjoni b’dan il-player, hija ser teżamina din il-prassi fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-suq u ta’ l-obbligu impost fuq Microsoft li tastjeni minn kull miżura b’effett ekwivalenti għal irbit, u, jekk ikun il-każ, ser tieħu deċiżjoni ġdida taħt l-Artikolu 82 KE.

909

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni ta’ Microsoft li ma ġiex ipprovat li l-funzjonalità media mhijiex marbuta, min-natura tagħha jew skond l-użanza kummerċjali, mas-sistemi operattivi għal client PCs.

910

F’dan ir-rigward, filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjoni 961 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tenfasizza li l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jistgħu jiġu mċaħħda mid-dritt li jadottaw aġir li ma jkunx kundannabbli jekk ikun adottat minn impriżi li mhumiex dominanti. Hija tosserva li, fis-sentenza tagħha fil-kawża Tetra Pak II, iċċitata fil-punt 293 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki meta l-bejgħ b’irbit ta’ żewġ prodotti jkun konformi ma’ l-użanza kummerċjali, dan il-bejgħ xorta jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE, sakemm ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Hija tikkunsidra li huwa “tawtoloġiku” li wieħed jitkellem dwar użanza kummerċjali jew prassi kummerċjali f’settur li huwa 95 % ikkontrollat minn Microsoft u tfakkar li skond ġurisprudenza stabbilita mhuwiex ammissibbli li jsir riferiment għall-prassi fis-settur f’każ ta’ suq fejn il-kompetizzjoni tkun diġà limitata minħabba l-preżenza stess ta’ impriża dominanti.

911

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta’ Microsoft li l-integrazzjoni ta’ funzjonalità multimedjali fis-sistemi operattivi għal client PCs hija evoluzzjoni naturali. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija tosserva li Microsoft ma kinitx f’pożizzjoni li tiżviluppa media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa billi tibbaża ruħha fuq it-teknoloġija tagħha stess u li kien biss permezz ta’ l-akkwist, fl-1997, tal-kumpannija VXtreme li hija setgħet toħloq player li kien kapaċi jikkompeti ma’ dak ta’ RealNetworks. Min-naħa l-oħra, hija tagħmel riferiment għal posta elettronika mibgħuta lis-Sur Gates f’Jannar 1999 mis-Sur Bay, impjegat eżekuttiv ta’ Microsoft, fejn dan ta’ l-aħħar ippropona li “l-ġlieda tal-media [mxandra] kontinwament tinbidel minn ġlieda bejn NetShow u Real għal ġlieda bejn Windows u Real” u li “tiġi applikata l-istrateġija [Internet Explorer] kull fejn ikun adegwat”.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

912

Microsoft issostni, essenzjalment, li l-funzjonalità multimedjali mhijiex prodott distint mis-sistema operattiva Windows għal client PCs iżda tagħmel parti integrata minnha. Għaldaqstant, huwa involut biss prodott wieħed, jiġifieri s-sistema operattiva Windows għal client PCs, li tinsab f’evoluzzjoni kostanti. Skond Microsoft, fil-fatt, il-konsumaturi jistennew li kull sistema operattiva għal client PCs ikollha l-funzjonalitajiet li huma jipperċepixxu bħala essenzjali, fosthom il-funzjonalitajiet awdjo u vidjo, u li dawn il-funzjonalitajiet ikunu aġġornati b’mod kostanti.

913

Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li s-settur tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huwa settur li jinsab f’evoluzzjoni kostanti u rapida, b’tali mod li l-prodotti li, inizjalment, ikunu jidhru bħala distinti jistgħu sussegwentament jiġu kkunsidrati bħala prodott wieħed, kemm mill-apsett teknoloġiku u kemm fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni.

914

Huwa billi tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fattwali u teknika fiż-żmien meta, skond il-Kummissjoni, l-aġir in kwistjoni sar preġudizzjali, u għalhekk minn Mejju 1999, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tevalwa jekk il-Kummissjoni kkunsidratx ġustament li l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa u s-sistemi operattivi għal client PCs kienu żewġ prodotti distinti.

915

Għalhekk, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni kkunsidratx ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li, meta f’Mejju 1999 Microsoft introduċiet il-verżjoni tal-Windows li fiha kien integrat il-Windows Media Player, dan l-aġir kien jikkorrispondi għal irbit ta’ żewġ prodotti distinti fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE.

916

Dejjem b’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, kif esponiet ġustament il-Kummissjoni, l-argumenti mqajma minn Microsoft fil-kuntest tal-kwistjoni prinċipali ta’ l-irbit tal-Windows u tal-Windows Media Player huma, fil-parti l-kbira tagħhom, ibbażati fuq il-kunċett vag ta’ funzjonalità multimedjali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni prinċipali, l-aġir in kwistjoni jikkonċerna biss is-softwer ta’ applikazzjoni li huwa l-player Windows Media Player, bl-esklużjoni ta’ kull teknoloġija multimedjali oħra inkluża fis-sistema operattiva Windows għal client PCs (ara, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet 1019 u 1020 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi kkonstatat li, kif il-Kummissjoni u l-intervenjenti in sostenn tat-talbiet tagħha osservaw fl-atti tagħhom u matul is-seduta, Microsoft tagħmel distinzjoni, fid-dokumentazzjoni teknika tagħha, bejn il-fajls li jikkostitwixxu l-Windows Media Player u l-fajls multimedjali oħra, b’mod partikolari dawk li huma marbuta ma’ l-infrastruttura multimedjali li tagħmel parti mill-bażi tas-sistema operattiva. Għandu jsir riferiment anki għall-eżempju tal-prodott ta’ Microsoft imsejjaħ “Windows XP Embedded”, imsemmi fil-kunsiderazzjonijiet 1028 sa 1031 tad-deċiżjoni kkontestata u ppreżentat matul is-seduta. Mill-aspett tekniku, dan il-prodott huwa verament sistema operattiva għal client PCs, iżda l-kundizzjonijiet ta’ liċenzi ta’ Microsoft jillimitaw l-użu ta’ din is-sistema għal ċerti magni speċjalizzati, bħalma huma l-magni użati bħala kaxxiera awtomatiċi (automatic teller machines) u d-decoders. Il-karatteristika prinċipali ta’ dan il-prodott hija li jippermetti lill-inġiniera ta’ l-informatika jagħżlu l-komponenti tas-sistema operattiva. Sabiex jagħmlu dan, huma jużaw l-għodda msejħa “Target Designer” sabiex jidħlu f’menu li jelenka l-komponenti li huma jistgħu jinkludu, jew jeskludu, mis-sistema operattiva tagħhom. Issa, wieħed minn dawn il-komponenti huwa preċiżament il-Windows Media Player. Għandu jingħad ukoll li dan il-menu jsemmi b’mod separat l-infrastruttura multimedjali, minn naħa, u l-applikazzjonijiet multimedjali, min-naħa l-oħra, u li l-Windows Media Player huwa espressament indikat fost dawn l-applikazzjonijiet ta’ l-aħħar.

917

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, kif tesponi ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 803 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni jekk prodotti humiex distinti għall-finijiet ta’ analiżi taħt l-Artikolu 82 KE għandha tiġi evalwata billi tittieħed in kunsiderazzjoni d-domanda tal-konsumaturi. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li Microsoft hija ta’ l-istess fehma (ara l-punt 890 iktar ’il fuq).

918

Huwa wkoll ġustament li l-Kummissjoni ppreċiżat, fl-istess kunsiderazzjoni, li, fin-nuqqas ta’ domanda indipendenti għall-prodott allegatament marbut, ma jistax ikun hemm prodotti distinti u lanqas, għaldaqstant, irbit abbużiv.

919

L-argument ta’ Microsoft li l-Kummissjoni, b’hekk, applikat kriterju żbaljat u kien imissha, fil-verità, analizzat jekk il-prodott li allegatament jorbot kienx offrut b’mod regolari mingħajr il-prodott marbut jew jekk il-konsumaturi “[kinux] jixtiequ Windows mingħajr il-funzjonalità multimedjali” ma jistax jiġi aċċettat.

920

Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni hija ssostanzjata mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 293 iktar ’il fuq, punt 36; is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 859 iktar ’il fuq, punt 67, u s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 293 iktar ’il fuq, punt 82).

921

Fit-tieni lok, kif il-Kummissjoni osservat ġustament fl-atti tagħha, l-argument ta’ Microsoft ibbażat fuq l-idea li ma teżistix domanda għal sistema operattiva Windows għal client PCs mingħajr media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa, jimplika, fil-fatt, li prodotti komplementari ma jistgħux jikkostitwixxu prodotti distinti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE, kontrarjament għall-ġurisprudenza Komunitarja fir-rigward ta’ rbit. Fis-sentenza Hilti, per eżempju, seta’ jiġi preżunt li ma kienx hemm domanda għall-kompartiment ta’ pistola użata sabiex jitwaħħlu l-imsiemer (nail gun) mingħajr il-provvista komplementari ta’ msiemer peress li kompartiment mingħajr imsiemer m’għandu l-ebda utilità. Issa, dan ma żammx lill-qorti Komunitarja milli tikkunsidra li dawn iż-żewġ prodotti jappartjenu għal swieq distinti.

922

Fil-każ ta’ prodotti komplementari, bħalma huma s-sistemi operattivi għal client PCs u s-softwer ta’ applikazzjoni, huwa kompletament possibbli li l-konsumaturi jkunu jixtiequ jiksbu l-prodotti flimkien, iżda minn sorsi differenti. Per eżempju, il-fatt li l-parti l-kbira ta’ l-utenti ta’ client PCs ikunu jixtiequ li s-sistema operattiva tagħhom ikollha softwer għall-ipproċessar ta’ test m’għandux l-effett li jittrasforma dawn il-prodotti differenti fi prodott wieħed għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE.

923

L-argument ta’ Microsoft ma jieħux in kunsiderazzjoni r-rwol speċifiku ta’ intermedjarji li għandhom l-OEMs, li jgħaqqdu l-ħardwer u s-softwer minn diversi sorsi sabiex joffru PC lest għall-użu lill-utent finali. Kif il-Kummissjoni kkonstatat ġustament fil-kunsiderazzjoni 809 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk l-OEMs u l-konsumaturi jkollhom il-possibbiltà li jiksbu l-Windows mingħajr il-Windows Media Player, dan ma jfissirx neċessarjament li huma ser jagħżlu sistema Windows mingħajr ebda media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa. L-OEMs jirrispondu għad-domanda tal-konsumaturi għal media player installat minn qabel fis-sistema operattiva u joffru numru ta’ programmi inkluż media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa u li jopera mal-Windows, bid-differenza madankollu li dan il-player ma jkunx neċessarjament il-Windows Media Player.

924

Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, l-argument ta’ Microsoft ma jistax jintlaqa’ peress li, kif tikkonstata l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 807 tad-deċiżjoni kkontestata, teżisti domanda għal sistemi operattivi għal client PCs li ma jkollhomx media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa, per eżempju min-naħa ta’ kumpanniji li ma jkunux jixtiequ li l-impjegati tagħhom jużaw dawn il-players għal skopijiet li ma jkunux relatati max-xogħol tagħhom. Dan il-fatt mhuwiex ikkontestat minn Microsoft.

925

It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li serje ta’ fatturi relatati man-natura u l-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti kkonċernati, mal-fatti osservati fis-suq, ma’ l-istorja ta’ l-iżvilupp ta’ dawn il-prodotti kif ukoll mal-prassi kummerċjali ta’ Microsoft jindikaw l-eżistenza ta’ domanda distinta mill-konsumaturi għall-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa.

926

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li s-sistema operattiva Windows għal client PCs hija softwer ta’ sistema filwaqt li l-Windows Media Player huwa softwer ta’ applikazzjoni. Kif esponiet il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 37 tad-deċiżjoni kkontestata, “[i]s-‘softwer ta’ sistema’ jikkontrolla l-ħardwer tal-kompjuter billi jgħaddilu l-istruzzjonijiet mibgħuta mis-‘softwer ta’ applikazzjoni’, li huwa ddisinjat sabiex jissodisfa bżonn speċifiku ta’ l-utent, bħal per eżempju l-ipproċessar ta’ test f’format diġitali” u s-“sistemi operattivi huma softwer ta’ sistema li jikkontrollaw il-funzjonijiet bażiċi ta’ kompjuter u jippermettu lill-utent juża dan il-kompjuter b’softwer ta’ applikazzjoni”. B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi osservat li mid-deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti li tinsab fil-kunsiderazzjonijiet 324 sa 342 u 402 sa 425 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sistemi operattivi għal client PCs u l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa huma manifestament differenti minn xulxin fuq il-livell tal-funzjonalitajiet tagħhom.

927

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li jeżistu edituri li jiżviluppaw u jipprovdu media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa fuq bażi awtonoma, indipendentement mis-sistemi operattivi għal client PCs. F’dan is-sens, Apple tipprovdi l-player QuickTime tagħha b’mod separat mis-sistemi operattivi tagħha għal client PCs. Eżempju ieħor, li huwa partikolarment konvinċenti, huwa dak ta’ RealNetworks, il-kompetitriċi prinċipali ta’ Microsoft fis-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa, li la tiżviluppa u lanqas tbiegħ sistemi operattivi għal client PCs. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond il-ġurisprudenza, il-fatt li fis-suq ikun hemm kumpanniji indipendenti speċjalizzati fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-prodott marbut jikkostitwixxi indikazzjoni serja ta’ l-eżistenza ta’ suq distint għal dan il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 293 iktar ’il fuq, punt 36; sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 859 iktar ’il fuq, punt 67, u s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 293 iktar ’il fuq, punt 82).

928

F’dan l-istess sens, fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li Microsoft, kif ikkonfermat hija stess b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tiżviluppa u tikkummerċjalizza verżjonijiet tal-Windows Media Player li huma intiżi li jiffunzjonaw mas-sistemi operattivi għal client PCs tal-kompetituri tagħha, f’dan il-każ is-sistemi Mac OS X ta’ Apple u Solaris ta’ Sun. Bl-istess mod, ir-RealPlayer ta’ RealNetworks jiffunzjona b’mod partikolari mas-sistemi operattivi Windows, Mac OS X, Solaris u ċerti sistemi UNIX.

929

Fir-raba’ lok, il-player Windows Media Player jista’ jitniżżel mill-internet, mis-sit ta’ Microsoft, indipendentement mis-sistema operattiva Windows għal client PCs. F’dan l-istess sens ta’ ideat, għandu jiġi nnotat li Microsoft tintroduċi upgrades ta’ dan il-player indipendentement mit-tqegħid fis-suq u mill-upgrades tas-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha.

930

Fil-ħames lok, għandu jiġi osservat li Microsoft tippromwovi speċifikament il-player Windows Media Player tagħha (ara l-kunsiderazzjoni 810 tad-deċiżjoni kkontestata).

931

Fit-sitt lok, għandu jiġi osservat li, kif esponiet il-Kummissjoni b’mod rilevanti fil-kunsiderazzjoni 813 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft tipproponi ftehim ta’ liċenzja SDK differenti skond jekk jikkonċernawx is-sistema operattiva Windows għal client PCs jew it-teknoloġiji Windows Media. B’hekk, jeżisti ftehim ta’ liċenzja SDK speċifiku għall-Windows Media Player.

932

Fl-aħħar, fis-seba’ lok, minkejja l-irbit magħmul minn Microsoft, numru mhux negliġibbli ta’ konsumaturi għadhom jakkwistaw, separatament mis-sistema operattiva tagħhom għal client PCs, media players kompetituri tal-Windows Media Player, fatt dan li juri li l-konsumaturi jikkunsidraw iż-żewġ prodotti bħala distinti.

933

L-elementi preċedenti jipprovaw b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li s-sistemi operattivi għal client PCs, minn naħa, u l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu żewġ prodotti distinti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE.

934

L-argumenti l-oħra ta’ Microsoft m’humiex ta’ natura li jegħlbu din il-konklużjoni.

935

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-argument ta’ Microsoft li l-integrazzjoni tal-player Windows Media Player fis-sistema operattiva Windows minn Mejju 1999 tikkostitwixxi pass normali u neċessarju fl-evoluzzjoni ta’ din is-sistema u tagħmel parti mill-kuntest tat-titjib kostanti tal-funzjonalità multimedjali tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li rbit isir fil-forma ta’ integrazzjoni teknika ta’ prodott fi prodott ieħor m’għandux il-konsegwenza li, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt tiegħu fis-suq, din l-integrazzjoni ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata bħala rbit ta’ żewġ prodotti distinti.

936

Kif ammettiet Microsoft stess b’risposta għal mistoqsija li għamlitilha l-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, id-deċiżjoni tagħha li tipprovdi l-WMP 6 bħala funzjonalità integrata fis-sistema operattiva Windows mix-xahar ta’ Mejju 1999 ma rriżultatx minn limitazzjoni ta’ natura teknika. F’dik id-data, ma kien hemm xejn li jwaqqaf lil Microsoft milli tiddistribwixxi dan il-media player bl-istess mod bħalma kienet ilha tagħmel minn Ġunju 1998 fir-rigward tal-player preċedenti tagħha, jiġifieri NetShow, li, filwaqt li kien inkluż fis-CD ta’ installazzjoni ta’ Windows 98, ebda waħda mill-erba’ installazzjonijiet ‘by default’ tal-Windows 98 ma kienet tipprevedi l-installazzjoni tiegħu, installazzjoni li kien ikollha ssir mill-utenti fl-eventwalità li dawn xtaqu jużaw dan il-player.

937

Barra minn hekk, l-argument ta’ Microsoft li l-integrazzjoni tal-Windows Media Player fis-sistema operattiva Windows kienet ikkundizzjonata minn raġunijiet ta’ natura teknika ftit huwa kredibbli fid-dawl tal-kontenut ta’ wħud mill-komunikazzjonijiet interni tagħha stess. B’hekk, mill-posta elettronika tas-Sur Bay lis-Sur Gates tat-3 ta’ Jannar 1999 (ara l-punt 911 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-integrazzzjoni tal-Windows Media Player fil-Windows kienet intiża, qabel kollox, sabiex issaħħaħ il-poter kompetittiv tal-Windows Media Player fil-konfront tar-RealPlayer billi jiġi ppreżentat bħala element tal-Windows u mhux bħala softwer ta’ applikazzjoni li seta’ jitqabbel mar-RealPlayer.

938

Fit-tieni lok, Microsoft ma tistax tallega li l-Kummissjoni ma tipprovax li l-funzjonalità multimedjali mhijiex marbuta, min-natura tagħha jew skond l-użanza kummerċjali, mas-sistemi operattivi għal client PCs.

939

Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 925 sa 932 iktar ’il fuq jirriżulta li s-sistemi operattivi għal client PCs u l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa ma jikkostitwixxux, min-natura tagħhom, prodotti li ma jistgħux jiġu separati minn xulxin. Għalkemm huwa minnu li teżisti rabta bejn sistema operattiva għal client PCs bħalma hija l-Windows u softwer ta’ applikazzjoni bħalma huwa l-Windows Media Player, fis-sens li ż-żewġ prodotti jkunu jinsabu fuq l-istess kompjuter mill-perspettiva ta’ l-utent u fis-sens li media player ma jiffunzjonax jekk ma jkunx hemm sistema operattiva, dan madankollu ma jimplikax li ż-żewġ prodotti ma jistgħux jiġu separati fuq il-livell ekonomiku u kummerċjali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

940

It-tieni nett, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, huwa diffiċli li wieħed jitkellem dwar użanza kummerċjali f’settur ikkontrollat 95 % minn Microsoft.

941

It-tielet nett, Microsoft ma tistax targumenta li anki l-bejjiegħa ta’ sistemi operattivi għal client PCs kompetituri jorbtu dawn is-sistemi ma’ media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa. Fil-fatt, minn naħa, Microsoft ma tipprovax li tali prassi ta’ rbit kienet diġà stabbilita mill-kompetituri tagħha fid-data meta beda l-irbit abbużiv. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-aġir kummerċjali ta’ l-imsemmija kompetituri mhux talli ma jdgħajjifx it-teżi tal-Kummissjoni iżda, għall-kuntrarju, jikkorroboraha. Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet 822 u 823 tad-deċiżjoni kkontestata u kif osservat il-Kummissjoni fl-atti tagħha, uħud mill-bejjiegħa ta’ sistemi operattivi kompetituri ta’ Microsoft li jipprovdu dawn is-sistemi flimkien ma’ media player joffru għażla fir-rigward ta’ l-installazzjoni ta’ dan il-media player billi jippermettu t-tneħħija sħiħa tiegħu mis-sistema jew billi joffru għażla ta’ media players differenti.

942

Ir-raba’ nett, u fi kwalunkwe każ, skond ġurisprudenza stabbilita, anki meta l-bejgħ b’irbit ta’ żewġ prodotti jkun konformi ma’ l-użanza kummerċjali jew meta tkun teżisti rabta naturali bejn iż-żewġ prodotti in kwistjoni, dan il-bejgħ xorta jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE, sakemm ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 293 iktar ’il fuq, punt 37).

943

Fl-aħħar, fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-argument imressaq minn Microsoft matul is-seduta u bbażat fuq in-nuqqas ta’ suċċess tal-verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player li hija introduċiet fis-suq b’applikazzjoni tal-miżura korrettiva, dan għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, kif diġà ġie espost fil-punt 260 iktar ’il fuq, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta ġie adottat l-att. Barra minn hekk, l-eżistenza eventwali ta’ dubji dwar l-effiċjenza tal-miżura korrettiva ordnata mill-Kummissjoni ma tipprovax, fiha nfisha, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ żewġ prodotti distinti kienet żbaljata.

944

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li s-sistemi operattivi għal client PCs u l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa huma prodotti distinti.

c) Fuq il-fatt li l-konsumaturi m’għandhomx l-għażla li jiksbu l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut

Id-deċiżjoni kkontestata

945

Fil-kunsiderazzjonijiet 826 sa 834 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li t-tielet kundizzjoni meħtieġa sabiex jiġi kkonstatat irbit abbużiv, jiġifieri dik marbuta mal-kostrinġiment, hija ssodisfata f’dan il-każ safejn Microsoft ma tagħtix lill-konsumaturi l-possibbiltà li jiksbu s-sistema operattiva Windows għal client PCs mingħajr il-player Windows Media Player.

946

Fl-ewwel lok, hija tesponi li, normalment, l-OEMs li jiksbu s-sistema operattiva Windows taħt liċenzja mingħand Microsoft sabiex jinstallawha minn qabel fuq client PC huma d-“destinatarji diretti” ta’ dan il-kostrinġiment u jgħadduh fuq l-utenti finali (kunsiderazzjoni 827 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li, taħt is-sistema ta’ l-għoti ta’ liċenzji ta’ Microsoft, l-OEMs ikollhom jieħdu taħt liċenzja s-sistema operattiva Windows bil-Windows Media Player installat minn qabel. Fil-fatt, Microsoft ma tagħtix liċenzja għal din is-sistema mingħajr dan il-player. L-OEMs li jkunu jixtiequ jinstallaw media player ieħor fuq l-imsemmija sistema jistgħu jagħmlu dan biss billi jżieduh mal-Windows Media Player. Fil-kunsiderazzjoni 829 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid li ma jeżisti ebda mezz tekniku sabiex titneħħa l-installazzjoni tal-Windows Media Player.

947

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-ftehim Amerikan ma jibdilx din is-sitwazzjoni minħabba li l-“[f]att li tingħata l-possibbiltà li jitneħħa l-aċċess ta’ l-utent għall-prodott ma jagħtix lill-klijenti ta’ Microsoft l-għażla li jiksbu l-Windows mingħajr [il-Windows Media Player]” (kunsiderazzjoni 828 tad-deċiżjoni kkontestata).

948

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li Microsoft ma tistax tinvoka l-fatt li l-konsumaturi mhumiex meħtieġa jħallsu prezz addizzjonali sabiex jiksbu l-Windows Media Player peress li l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE ma jagħmilx riferiment għal “ħlasijiet” meta jsemmi “obbligi addizzjonali” (kunsiderazzjoni 831 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żżid li l-prezz ta’ dan il-player huwa probabbilment “moħbi” fil-prezz globali għall-Windows marbuta ma’ dan il-player (nota ta’ qiegħ il-paġna 971 tad-deċiżjoni kkontestata).

949

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tosserva li fil-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE m’hemm xejn li jagħti l-impressjoni li l-konsumaturi għandhom ikunu kostretti jużaw il-prodott “marbut”. Hija tallega li, safejn il-bejgħ bl-irbit huwa ta’ natura li jista’ jillimita l-kompetizzjoni, mhuwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-konsumaturi humiex kostretti jixtru jew jużaw il-Windows Media Player (kunsiderazzjonijiet 832 u 833 tad-deċiżjoni kkontestata).

L-argumenti tal-partijiet

950

Microsoft, sostnuta minn CompTIA, DMDsecure et, ACT, TeamSystem, Mamut u Exor, issostni li, f’dan il-każ, ma jistgħux ikunu involuti “obbligi addizzjonali” fis-sens ta’ l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82.

951

In sostenn ta’ din l-affermazzjoni, Microsoft targumenta, l-ewwel nett, li l-konsumaturi mhumiex mitluba jħallsu prezz addizzjonali għall-funzjonalità multimedjali tal-Windows. Hija tindika li din il-funzjonalità hija karatteristika tal-Windows u hija inkluża fil-prezz totali tas-sistema operattiva. Kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 664 iktar ’il fuq, u għall-kawża Hilti, hija ma timponi ebda żvantaġġ finanzjarju li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jużaw il-prodotti tal-kompetituri tagħha.

952

Microsoft tosserva, it-tieni nett, li l-konsumaturi mhumiex obbligati jużaw il-funzjonalità multimedjali tal-Windows. Huma jistgħu jużaw ukoll il-funzjoni “Set Program Access & Defaults” tal-Windows, li hija ħolqot b’applikazzjoni tal-ftehim Amerikan u li ġiet approvata bis-sentenza tad-District Court ta’ l-1 ta’ Novembru 2002, sabiex jeskludu kull aċċess ta’ l-utent finali għal din il-funzjonalità u jinstallaw media player ta’ kompetitur bħala l-applikazzjoni ‘by default’ għal diversi tipi ta’ fajls multimedjali.

953

Microsoft issostni, fl-aħħar nett, li, kuntrarjament għall-kawżi Tetra Pak II u Hilti, il-konsumaturi bl-ebda mod m’huma mwaqqfa milli jinstallaw jew jużaw il-media players ta’ impriżi terzi minflok, jew flimkien, mal-funzjonalità multimedjali tal-Windows. Hija tosserva li, fil-kunsiderazzjoni 860 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika, barra minn hekk, li l-konsumaturi jużaw medja ta’ 1.7 media players kull xahar u tippreċiża li din iċ-ċifra qiegħda tikber.

954

Fir-replika, Microsoft iżżid li t-teżi difiża mill-Kummissjoni għandha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-Artikolu 82 KE mill-effett tiegħu. Fil-fatt, jekk tintlaqa’ din it-teżi, jiġi eliminat ir-rekwiżit ta’ “kostrinġiment” bħala element ta’ rbit abbużiv, kuntrarjament għal prinċipji ekonomiċi ta’ awtorità.

955

Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mressqa minn Microsoft in sostenn tat-teżi tagħha li f’dan il-każ ma jistgħux ikunu involuti “obbligi addizzjonali” fis-sens ta’ l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE diġà ġew miċħuda fil-kunsiderazzjonijiet 826 sa 834, 960 u 961 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-argumenti mhumiex issostanzjati mill-ġurisprudenza u jċaħħdu lill-Artikolu 82 KE minn kull effett. Hija tenfasizza li jkun hemm kostrinġiment meta impriża dominanti ċċaħħad lill-klijenti tagħha mill-għażla reali li jixtru l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut.

956

Il-Kummissjoni tosserva li l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE ma jagħmel ebda riferiment għal “ħlas”. Bl-argumenti tagħha, Microsoft tagħti x’tifhem li ma jistax ikun hemm preġudizzju għall-kompetizzjoni meta impriża dominanti titlob prezz uniformi, minflok żewġ prezzijiet separati, għal żewġ prodotti jew timponi prodott fuq il-konsumaturi mingħajr ma titlob prezz addizzjonali. B’dan il-mod, Microsoft toħloq konfużjoni bejn il-kwistjoni tal-kostrinġiment u dik tal-preġudizzjoni għall-kompetizzjoni.

957

Il-Kummissjoni żżid li lanqas mill-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE ma jirriżulta li l-klijenti għandhom ikunu kostretti jużaw il-prodott marbut jew ikunu mwaqqfa milli jużaw prodotti alternattivi għall-prodott marbut prodotti mill-kompetituri. Hija ssostni li, għall-kuntrarju, il-kwistjoni jekk huwiex probabbli li l-konsumaturi jew il-fornituri ta’ softwer u ta’ kontenut addizzjonali jużaw il-prodott marbut għad-detriment ta’ prodotti kompetituri li ma jkunux marbuta hija manifestament rilevanti għall-finijiet ta’ l-eżami tal-kundizzjoni marbuta ma’ l-esklużjoni tal-kompetizzjoni.

958

B’risposta għall-allegazzjoni ta’ Microsoft li medja ta’ 1.7 media players jintużaw kull xahar mill-konsumaturi, il-Kummissjoni targumenta li dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jibdlu l-Windows Media Player b’media player ieħor fuq il-PC tagħhom iżda jistgħu biss iżidu media player ieħor miegħu. Għaldaqstant, din iċ-ċifra ma tistax taħbi l-fatt li l-Windows Media Player dejjem ikun installat minn qabel fuq il-PCs li joperaw bil-Windows.

959

Fl-aħħar, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni indikat li l-ftehim Amerikan ma jobbligax lil Microsoft telimina l-aċċess ta’ l-utent finali għall-Windows Media Player iżda sempliċement li taħbi dan l-aċċess, b’tali mod li l-player jibqa’ installat minn qabel u kompletament attivat fuq il-PC. Għaldaqstant, l-OEMs u l-utenti finali jibqgħu kostretti li jakkwistaw simultanjament il-Windows Media Player u l-Windows. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 852 tad-deċiżjoni kkontestata, hija esponiet ukoll, fir-risposta tagħha, li Microsoft kienet iddisinjat il-mekkaniżmu ta’ ħabi b’tali mod li l-Windows Media Player seta’ jinjora l-parametri stabbiliti bħala ‘default’ u jitla’ mill-ġdid meta l-utent jiftaħ, fl-Internet Explorer, fajls multimedjali mxandra kontinwament fuq l-internet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

960

Microsoft tikkunsidra, essenzjalment, li l-fatt li integrat il-player Windows Media Player fis-sistema operattiva Windows għal client PCs ma jimplika ebda kostrinġiment jew obbligu addizzjonali fis-sens ta’ l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE. In sostenn ta’ din it-teżi, hija tinsisti fuq il-fatt li l-konsumaturi, fl-ewwel lok, ma jħallsu ebda prezz addizzjonali għall-funzjonalità multimedjali tal-Windows, fit-tieni lok, mhumiex obbligati jużaw din il-funzjonalità u, fit-tielet lok, bl-ebda mod m’huma mwaqqfa milli jinstallaw u jużaw media players kompetituri.

961

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li ma jistax jiġi kkontestat li, minħabba l-aġir in kwistjoni, il-konsumaturi m’għandhomx il-possibbiltà li jakkwistaw is-sistema operattiva Windows għal client PCs mingħajr ma jakkwistaw simultanjament il-Windows Media Player, ħaġa din li tfisser (ara l-punt 864 iktar ’il fuq) li l-kundizzjoni dwar l-issuġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għal obbligi addizzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala ssodisfata.

962

Kif esponiet ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 827 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-parti l-kbira tal-każijiet, dan il-kostrinġiment jaffettwa, l-ewwel, lill-OEMs u, imbagħad, lill-konsumaturi. L-OEMs, li r-rwol tagħhom huwa li jimmuntaw il-client PCs, jinstallaw fuq dawn il-PCs sistema operattiva għal client PCs ipprovduta minn editur ta’ softwer jew żviluppata minnhom stess. L-OEMs li jixtiequ jinstallaw sistema operattiva Windows fuq il-client PCs li jimmuntaw ikollhom jakkwistaw liċenzja mingħand Microsoft għal dan il-għan. Issa, taħt is-sistema ta’ għoti ta’ liċenzji applikata minn Microsoft, mhuwiex possibbli li tinkiseb liċenzja fir-rigward tas-sistema operattiva Windows mingħajr il-Windows Media Player. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan il-kuntest, li huwa paċifiku li l-parti l-kbira tal-bejgħ ta’ sistemi operattivi Windows għal client PCs isir permezz ta’ l-OEMs, jiġifieri permezz ta’ l-akkwist taħt liċenzja ta’ softwer mixtri meta jinxtara client PC, filwaqt li 10 % biss tal-bejgħ ta’ dawn is-sistemi jirriżulta mill-bejgħ ta’ liċenzji individwali Windows.

963

B’hekk, il-kostrinġiment eżerċitat fuq l-OEMs mhuwiex biss ta’ natura kuntrattwali iżda anki ta’ natura teknika. Fil-fatt, huwa paċifiku li, mill-aspett tekniku, ma kienx possibbli li titneħħa l-installazzjoni tal-Windows Media Player.

964

Peress li l-OEMs, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ l-edituri ta’ softwer, jagħmluha ta’ intermedjarji għall-utenti finali u jipprovdu lil dawn l-utenti PC “lest għall-użu”, l-impossibbiltà li jakkwistaw is-sistema operattiva għal client PCs mingħajr ma jakkwistaw simultanjament il-Windows Media Player tapplika, fl-aħħar mill-aħħar, għal dawn l-utenti.

965

Fil-każ anqas frekwenti li l-utent finali jakkwista direttament sistema operattiva Windows għal client PCs mingħand bejjiegħ bl-imnut, il-kostrinġiment ta’ natura kuntrattwali u teknika msemmi iktar ’il fuq jolqot direttament lil dan l-utent finali.

966

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-argumenti invokati minn Microsoft għandhom jiġu miċħuda.

967

B’hekk, fl-ewwel lok, Microsoft ma tistax tinvoka b’suċċess il-fatt li l-konsumaturi mhumiex meħtieġa jħallsu prezz addizzjonali għall-player Windows Media Player.

968

Fil-fatt, l-ewwel nett, għalkemm huwa minnu li Microsoft ma titlobx prezz separat għall-Windows Media Player, minn dan ma jistax jiġi konkluż, madankollu, li dan il-player jingħata b’xejn. Kif jirriżulta mill-punt 232 tar-rikors, il-prezz tal-Windows Media Player huwa inkluż fil-prezz totali tas-sistema operattiva Windows għal client PCs.

969

It-tieni nett, u fi kwalunkwe każ, la mill-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE u lanqas mill-ġurisprudenza dwar bejgħ b’irbit ma jirriżulta li huwa neċessarju li l-konsumaturi jkunu meħtieġa jħallsu ċertu prezz għall-prodott marbut sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li ġew imposti obbligi addizzjonali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fuq dawn il-konsumaturi.

970

Fit-tieni lok, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ din il-kundizzjoni, lanqas m’huwa rilevanti l-fatt, invokat minn Microsoft, li l-konsumaturi mhumiex obbligati jużaw il-player Windows Media Player li huma jsibu installat minn qabel fuq il-client PC tagħhom u li huma jistgħu jinstallaw u jużaw media players ta’ impriżi terzi fuq il-client PC tagħhom. Għal darb’oħra, la l-inċiż (d) tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 82 KE u lanqas il-ġurisprudenza dwar il-bejgħ b’irbit ma jeżiġu li l-konsumaturi jkunu kostretti jużaw il-prodott marbut jew imwaqqfa milli jużaw l-istess prodott ipprovdut minn kompetitur ta’ l-impriża dominanti sabiex il-kundizzjoni dwar l-issuġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratti għall-aċċettazzjoni ta’ obbligi addizzjonali tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala ssodisfata. Per eżempju, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 832 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kawża Hilti, il-konsumaturi bl-ebda mod ma kienu obbligati jużaw l-imsiemer bit-trade mark Hilti li huma kienu jakkwistaw flimkien man-‘nail gun’ bl-istess trade mark.

971

Għandu jiġi osservat li, kif ser jiġi espost f’iktar dettall meta tiġi eżaminata l-kundizzjoni marbuta mal-limitazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, minħabba l-irbit in kwistjoni, minn naħa, l-OEMs huma skoraġġiti milli jinstallaw minn qabel media player ieħor li jippermetti riċezzjoni kontinwa fuq il-client PCs u, min-naħa l-oħra, il-konsumaturi għandhom l-inċentiv li jużaw il-Windows Media Player għad-detriment tal-media players kompetituri, u dan anki meta dawn ta’ l-aħħar ikunu ta’ kwalità superjuri.

972

Fir-rigward ta’ l-argument li Microsoft tibbaża fuq ċerti miżuri li hija adottat b’applikazzjoni tal-ftehim Amerikan (ara l-punt 952 iktar ’il fuq), dan għandu jiġi miċħud ukoll.

973

Fil-fatt, minn naħa, kien biss f’Novembru 2000 li dan il-ftehim ġie konkluż u kien biss f’Awwissu u Settembru 2002 li Microsoft ħadet il-miżuri meħtieġa minn dan il-ftehim fir-rigward tas-softwer imsejjaħ “middleware” (fosthom il-Windows Media Player). Issa, l-irbit abbużiv kien beda f’Mejju 1999. Għandu jiġi osservat ukoll li l-ftehim Amerikan kien konkluż għal perijodu limitat, jiġifieri sa l-2007.

974

Min-naħa l-oħra, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 828 tad-deċiżjoni kkontestata, il-miżuri meħuda minn Microsoft b’applikazzjoni tal-ftehim Amerikan ma kellhomx bħala konsegwenza li jippermettu lill-konsumaturi jakkwistaw is-sistema operattiva Windows għal client PCs mingħajr ma jkollhom jakkwistaw simultanjament il-Windows Media Player. Fil-fatt, taħt dan il-ftehim, Microsoft kienet sempliċement obbligata tneħħi l-‘icon’ tal-Windows Media Player li kienet tidher fuq l-iscreen u l-punti ta’ aċċess simili, kif ukoll li tiddiżattiva l-eżekuzzjoni awtomatika ta’ dan il-player. Peress li l-Windows Media Player b’hekk kien jibqa’ installat minn qabel u kompletament attivat, l-OEMs u l-konsumaturi baqgħu kostretti li jakkwistaw iż-żewġ prodotti flimkien. Barra minn hekk, kif inhuwa espost fil-kunsiderazzjoni 852 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft żviluppat il-mekkaniżmu b’tali mod li l-Windows Media Player seta’ jinjora l-parametri stabbiliti bħala ‘default’ u jitla’ mill-ġdid meta l-utent jiftaħ, fl-Internet Explorer, fajls multimedjali mxandra kontinwament fuq l-internet.

975

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-kundizzjoni dwar l-impożizzjoni ta’ obbligi addizzjonali kienet issodisfata f’dan il-każ.

d) Fuq il-limitazzjoni tal-kompetizzjoni

Id-deċiżjoni kkontestata

976

Fil-kunsiderazzjonijiet 835 sa 954 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tanalizza r-raba’ kundizzjoni meħtieġa sabiex jiġi kkonstatat irbit abbużiv, jiġiferi dik marbuta mal-limitazzjoni tal-kompetizzjoni.

977

Il-punt tat-tluq ta’ l-analiżi tagħha huwa l-kunsiderazzjoni 841 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija fformulata kif ġej:

“Hemm […] xi ċirkustanzi, fir-rigward ta’ l-irbit tal-player [Windows Media Player], li jiġġustifikaw eżami iktar bir-reqqa ta’ l-effetti li din il-prassi għandha fuq il-kompetizzjoni. Filwaqt li, fil-każijiet klassiċi ta’ rbit, il-Kummissjoni u l-qrati Komunitarji kkunsidraw li l-irbit ta’ prodott distint mal-prodott dominanti kien jindika l-effett ta’ esklużjoni li din il-prassi kellha fuq il-kompetituri, [għandu jiġi osservat li,] f’dan il-każ, l-utenti jistgħu jakkwistaw — u sa ċertu punt hekk jagħmlu — media players kompetituri [tal-Windows Media Player] permezz ta’ l-internet, xi kultant bla ħlas. Jeżistu għaldaqstant raġunijiet tajba għalxiex m’għandux jiġi preżunt, mingħajr analiżi addizzjonali, li l-irbit tal-Windows Media Player jikkostitwixxi aġir li jista’, min-natura tiegħu, jillimita l-kompetizzjoni.”

978

Il-Kummissjoni mbagħad tadotta, fid-deċiżjoni kkontestata, raġunament maqsum fi tliet stadji.

979

Fl-ewwel stadju, hija tistabbilixxi li l-bejgħ b’irbit jagħmel lill-player Windows Media Player omnipreżenti fil-client PCs fuq livell dinji (kunsiderazzjonijiet 843 sa 878 tad-deċiżjoni kkontestata).

980

F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, hija tosserva li s-sistema operattiva Windows għal client PCs hija installata minn qabel fuq iktar minn 90 % tal-client PCs mibjugħa fid-dinja, b’tali mod li, billi torbot il-Windows Media Player mal-Windows, Microsoft tagħti lill-player tagħha l-benefiċċju ta’ l-omnipreżenza tal-Windows fuq il-client PCs. Hija tallega li l-utenti li jsibu l-Windows Media Player installat minn qabel fuq il-client PC tagħhom ġeneralment ikunu anqas inklinati li jużaw media player ieħor (kunsiderazzjonijiet 843 sa 848 tad-deċiżjoni kkontestata).

981

It-tieni nett, hija tikkunsidra li l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehim ta’ distribuzzjoni ma’ l-OEMs tikkostitwixxi metodu ta’ distribuzzjoni tal-media players anqas effiċjenti mill-irbit magħmul minn Microsoft (kunsiderazzjonijiet 849 sa 857 tad-deċiżjoni kkontestata).

982

It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li la t-tniżżil mill-internet ta’ media players u lanqas il-mezzi ta’ distribuzzjoni l-oħra, fosthom il-bejgħ b’irbit ta’ media players ma’ softwer ieħor jew ma’ servizzi ta’ aċċess għall-internet u l-bejgħ bl-imnut ta’ media players, ma jistgħux inaqqsu l-omnipreżenza tal-player Windows Media Player (kunsiderazzjonijiet 858 sa 876 tad-deċiżjoni kkontestata).

983

Fit-tieni stadju, il-Kummissjoni teżamina l-effetti ta’ dan l-irbit fuq il-fornituri ta’ kontenut u l-iżviluppaturi ta’ softwer, kif ukoll fuq ċerti swieq viċini (kunsiderazzjonijiet 879 sa 899 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkunsidra, essenzjalment, li, fid-dawl ta’ l-effetti ta’ netwerk indiretti li jikkaratterizzaw is-suq tal-media players, “l-omnipreżenza tal-kodiċi tal-[Windows Media Player] tagħti lil dan il-player vantaġġ importanti fuq il-prodotti kompetituri li jista’ joħloq effett preġudizzjali fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni f’dan is-suq” (kunsiderazzjoni 878 tad-deċiżjoni kkontestata).

984

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza, l-ewwel nett, li huwa abbażi ta’ perċentwali ta’ installazzjoni u ta’ użu ta’ media players li l-fornituri ta’ kontenut u l-iżviluppaturi ta’ softwer jagħżlu t-teknoloġija li għaliha huma ser jiżviluppaw is-softwer komplementari tagħhom. Hija tallega li dawn l-operaturi għandhom it-tendenza li jiżviluppaw is-soluzzjonijiet tagħhom abbażi tal-player Windows Media Player peress li dan jagħtihom il-possibbiltà li jilħqu l-utenti kollha tal-Windows, jiġifieri iktar minn 90 % ta’ l-utenti ta’ client PCs. Hija żżid li l-prodotti ta’ softwer komplementari, la darba l-kodiċi tagħhom ikun skond il-formats multimedjali proprjetarji tal-Windows, ma jkunux jistgħu jiffunzjonaw mal-media players kompetituri ħlief jekk Microsoft tagħti liċenzja fir-rigward tat-teknoloġija korrispondenti.

985

Fil-kunsiderazzjonijiet 883 sa 891 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina, b’mod iktar partikolari, is-sitwazzjoni tal-fornituri ta’ kontenut. Hija tesponi, b’mod partikolari, li, fid-dawl tal-fatt li sabiex ikun offrut ‘support’ għal diversi teknoloġiji differenti huma meħtieġa spejjeż ta’ żvilupp, ta’ infrastruttura u ta’ amministrazzjoni addizzjonali, dawn il-fornituri għandhom it-tendenza li jiffavorixxu sett wieħed ta’ teknoloġiji. Hija tosserva wkoll li l-fatt li media player partikolari li jinkorpora ċertu numru ta’ teknoloġiji multimedjali jkun installat b’mod mifrux ħafna huwa fattur importanti ta’ natura li jikkonvinċi lill-fornituri ta’ kontenut sabiex joħolqu kontenut multimedjali għat-teknoloġiji użati minn dan il-player. Billi jibbażaw ruħhom fuq il-media player li huwa l-iktar wieħed mifrux, huma effettivament jilħqu l-massimu ta’ utenti potenzjali għall-prodotti tagħhom stess. Hija tikkunsidra li, għalhekk, l-omnipreżenza tal-Windows Media Players fuq il-client PCs li jiffunzjonaw bil-Windows tassigura lil Microsoft vantaġġ kompetittiv li mhuwiex marbut mal-kwalitajiet intrinsiċi tal-prodott.

986

Fil-kunsiderazzjonijiet 892 sa 896 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer. Hija tesponi, essenzjalment, li dawn ta’ l-aħħar huma iktar inklinati li joħolqu applikazzjonijiet maħsuba sabiex jiffunzjonaw fuq il-pjattaforma tal-Windows Media Player biss milli fuq diversi pjattaformi differenti peress li b’hekk huma jistgħu jilħqu kważi l-utenti potenzjali kollha tal-prodotti tagħhom, ikopru l-ispejjeż tagħhom u jagħmlu l-aħjar użu tar-riżorsi għall-iżvilupp limitati tagħhom. Hija tenfasizza li minn ċerti riżultati ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 jirriżulta li l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet li joffru ‘support’ għal diversi teknoloġiji multimedjali jiġġenera spejjeż addizzjonali.

987

Fil-kunsiderazzjonijiet 897 sa 899 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li l-omnipreżenza tal-Windows Media Player fuq il-client PCs għandha effetti fuq ċerti swieq viċini, bħalma huma s-swieq tal-media players installati fuq apparat ‘wireless’, decoders, soluzzjonijiet DRM (Digital Rights Management) u x-xandir ta’ mużika fuq l-internet.

988

Fl-aħħar, fit-tielet stadju, il-Kummissjoni teżamina l-evoluzzjoni tas-suq fid-dawl ta’ studji tas-suq imwettqa mill-kumpanniji Media Metrix, Synovate u Nielsen/NetRatings (kunsiderazzjonijiet 900 sa 944 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkunsidra, essenzjalment, li d-data miġubra f’dawn l-istudji “turi b’mod konsistenti tendenza favur l-użu tal-[Windows Media Player] u tal-formats Windows Media għad-detriment tal-media players kompetituri prinċipali u tat-teknoloġiji relatati” (kunsiderazzjoni 944 tad-deċiżjoni kkontestata).

L-argumenti tal-partijiet

989

L-ewwel nett, Microsoft issostni li l-Kummissjoni żiedet kundizzjoni marbuta ma’ l-esklużjoni tal-kompetituri mis-suq li, normalment, ma titteħidx in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ rbit abbużiv. Hija tfakkar li, fil-kunsiderazzjoni 841 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li dan il-każ huwiex “każ klassiku ta’ rbit” u li kienu jeżistu “raġunijiet tajba għalxiex m’għandux jiġi preżunt, mingħajr analiżi addizzjonali, li l-irbit tal-Windows Media Player [kien] jikkostitwixxi aġir li jista’, min-natura tiegħu, jillimita l-kompetizzjoni”. Hija ttenni li l-Kummissjoni mbagħad ikkunsidrat li kien jeżisti effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri mis-suq billi bbażat ruħha fuq teorija ġdida u spekulattiva ħafna (ara l-punt 846 iktar ’il fuq).

990

Filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjoni 842 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft tesponi li t-teorija l-ġdida tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ effetti ta’ netwerk indiretti u fuq l-idea li l-kompetizzjoni setgħet tiġi limitata fil-futur indeterminat jekk, minħabba li l-funzjonalità multimedjali tal-Windows hija mifruxa ħafna, l-iżviluppaturi ta’ softwer u l-fornituri ta’ kontenut ikollhom inċentiv li jiżviluppaw il-prodotti tagħhom għall-Windows Media Player biss. B’hekk, din it-teorija tibbaża l-preżunzjoni li jeżistu effetti antikompetittivi fuq ipoteżi waħda dwar l-aġir fil-futur ta’ terzi li fir-rigward tagħhom Microsoft ma teżerċita ebda kontroll.

991

It-tieni nett, Microsoft tallega li ħadet il-miżuri neċessarji kollha sabiex tassigura li l-integrazzjoni tal-funzjonalità multimedjali fil-Windows ma jkollhiex l-effett li teskludi l-media players kompetituri mis-suq. Hija żżid li wħud minn dawn il-miżuri ġew “ikkodifikati” fis-sentenza tad-District Court ta’ l-1 ta’ Novembru 2002.

992

In sostenn ta’ dan l-argument, fl-ewwel lok, Microsoft issostni serje ta’ kunsiderazzjonijiet dwar il-mod kif hija tiddisinja l-Windows.

993

L-ewwel nett, hija tassigura ruħha li din l-integrazzjoni ma tinterferixxix mal-funzjonament tal-media players kompetituri. Għalhekk, huwa teknikament possibbli — u normali fil-prattika — li fuq l-istess client PC li fuqu tkun installata l-Windows jintuża media player terz, jekk mhux diversi media players terzi, minbarra l-funzjonalità multimedjali tal-Windows. It-tieni nett, il-media players terzi jkunu faċilment aċċessibbli mill-‘user interface’ tal-Windows. It-tielet nett, Microsoft tiddisinja l-Windows b’tali mod li l-media players terzi jipprovdu awtomatikament uħud mill-aspetti tal-funzjonalità multimedjali li l-Windows stess kapaċi tipprovdi. Ir-raba’ nett, permezz ta’ għodda li Microsoft ħolqot għal dan il-għan, huwa possibbli għall-OEMs u għall-konsumaturi li jneħħu l-aċċess ta’ l-utent finali għall-Windows Media Player. Il-ħames nett, Microsoft tiffaċilita l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet li jikkompetu mal-funzjonalità multimedjali tal-Windows billi tiżvela din il-funzjonalità permezz ta’ l-APIs ippubblikati.

994

Fit-tieni lok, Microsoft tallega li, fil-kuntratti li hija tikkonkludi mad-distributuri tal-Windows, jiġifieri essenzjalment l-OEMs, hija tassigura li l-edituri ta’ media players kompetituri jkollhom il-possibbiltà li jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom. B’hekk, hija tipprevedi espressament li l-OEMs huma liberi li jinstallaw il-prodotti ta’ softwer ta’ l-għażla tagħhom fuq il-client PCs li joperaw bil-Windows, inklużi media players kompetituri tal-Windows Media Player. Barra minn hekk, hija tawtorizzahom jipproponu offerti għal aċċess għall-internet billi jqiegħdu ‘icons’ fil-menu ‘Start’ u fuq id-‘desktop’ tal-Windows jew billi jippreżentaw offerti fuq l-iscreen meta l-Windows titħaddem għall-ewwel darba. Ħafna drabi, il-fornituri ta’ aċċess għall-internet jiddistribwixxu u jippromwovu media players kompetituri tal-Windows Media Player.

995

Fit-tielet lok, Microsoft tesponi li, fil-kuntratti li hija tikkonkludi ma’ l-iżviluppaturi ta’ softwer, mal-fornituri ta’ kontenut u ma’ kull persuna oħra, hija qatt ma teżiġi li dawn jiddistribwixxu jew jippromwovu l-Windows Media Player b’mod esklużiv jew skond perċentwali determinata tal-bejgħ totali tagħhom ta’ softwer multimedjali.

996

Fir-raba’ lok, Microsoft issostni li l-integrazzjoni tal-funzjonalità multimedjali fil-Windows ma tipprekludix l-użu, fuq din is-sistema, ta’ media players kompetituri tal-Windows Media Player u lanqas id-“distribuzzjoni mifruxa” tagħhom. Hija tosserva li jeżistu diversi metodi sabiex tiġi assigurata d-distribuzzjoni tal-media players kompetituri, jiġifieri, b’mod partikolari, l-installazzjoni minn qabel mill-OEMs fuq client PCs ġodda, it-tniżżil mill-internet jew minn siti intranet ta’ kumpanniji, l-integrazzjoni minn żviluppaturi oħra fis-softwer tagħhom jew id-distribuzzjoni mill-fornituri ta’ kontenut jew ta’ servizzi internet lill-utenti tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom.

997

Fl-istess kuntest, Microsoft tippreċiża, billi tirreferi għal studju li jinsab fl-anness A.24.1 tar-rikors, li minn stħarriġ reċenti jirriżulta li l-parti l-kbira ta’ l-OEMs, kemm fl-Istati Uniti u kemm fl-Ewropa tal-Punent, jinstallaw media players kompetituri tal-Windows Media Player, bħar-RealPlayer u l-QuickTime, fuq il-client PCs li jimmuntaw. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-OEMs ma jinstallawx media players kompetituri fuq client PC jekk ma jkunux jistgħu jneħħu l-Windows Media Player minn fuq dan il-client PC hija ineżatta. Hija żżid li anki d-data dwar is-suq li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata turi li l-użu tal-media players kompetituri għadu jikber, xi drabi daqs jew iktar miż-żieda fl-użu tal-funzjonalità multimedjali tal-Windows.

998

Fl-aħħar, Microsoft, sostnuta fuq dan il-punt minn ACT, tallega li t-teorija ta’ l-esklużjoni tal-kompetituri adottata mill-Kummissjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni ċerti fatturi rilevanti u li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq previżjonijiet li huma kontradetti mill-fatti. Hija tenfasizza li l-oneru tal-prova tal-Kummissjoni jkun partikolarment għoli meta twettaq analiżi prospettiva.

999

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, Microsoft issostni li l-Kummissjoni “injorat il-fatturi li jwasslu lill-fornituri ta’ kontenut sabiex jużaw formats oħra minbarra l-format Windows Media”. Hija ssostni li m’hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-importanza tad-distribuzzjoni ta’ softwer multimedjali assoċjat ma’ format partikolari hija l-fattur li tiddetermina l-għażla tal-fornituri ta’ kontenut fir-rigward tal-format ta’ kodiċi li fih huma joħolqu l-prodotti tagħhom. F’dan il-kuntest, Microsoft takkuża lill-Kummissjoni li, fl-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003, ma interrogatx lil dawn ta’ l-aħħar fir-rigward tal-kwistjoni jekk fatturi oħra kinux jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-kodifikazzjoni.

1000

Microsoft tikkritika l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-fornituri ta’ kontenut ikollhom spejjeż addizzjonali meta jagħmlu l-prodotti tagħhom disponibbli f’iktar minn format wieħed. Hija tallega li l-Kummissjoni kien imissha pprovat li l-ispejjeż ikkawżati mill-provvista ta’ kontenut f’format addizzjonali huma iktar mill-vantaġġi li jirriżultaw minn din is-sitwazzjoni. Fil-verità, il-Kummissjoni ġabret — mingħajr madankollu ma ħadithom in kunsiderazzjoni — elementi ta’ prova li jistabbilixxu li l-ispejjeż marbuta mat-tħejjija ta’ kontenut f’format multimedjali partikolari jirrappreżentaw parti mhux sinjifikattiva ta’ l-ispejjeż totali. Filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjoni 894 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft iżżid li “l-kodifikazzjoni f’teknoloġija multimedjali oħra tiswa […] biss 50 % ta’ dak li tiswa l-kodifikazzjoni fl-ewwel teknoloġija multimedjali”. Sostnuta fuq dan il-punt minn CompTIA u ACT, minn dan hija tikkonkludi li l-fatt li jiġu offruti diversi formats multimedjali joħloq ekonomija ta’ skala u li t-tieni format jiġi offert anki jekk ikun nettament anqas popolari ma’ l-utenti.

1001

Microsoft tosserva wkoll li anki xi fornituri ta’ kontenut li jibbażaw ruħhom fuq format wieħed ma għażlux il-Windows Media, u dan anki wara l-bidu ta’ l-allegat abbuż. B’hekk, Apple ma tużax it-teknoloġija multimedjali Windows la għall-prodott iPod tagħha u lanqas għall-ħanut tal-mużika online tagħha iTunes. Barra minn hekk, l-iżviluppaturi ta’ softwer indikaw lill-Kummissjoni li huma jużaw medja ta’ “tnejn mit-tliet settijiet ta’ APIs l-iktar importanti (Windows, Real jew QuickTime)”.

1002

Fir-replika, Microsoft, sostnuta fuq dan il-punt minn DMDsecure et, filwaqt li tirreferi għal rapport imħejji minn wieħed mill-esperti tagħha (anness C.16 tar-replika), tallega li l-media players ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ “bidla radikali” ħlief jekk, minn naħa, l-użu ta’ diversi media players joħloq spejjeż sinjifikattivi għall-utenti jew għall-fornituri ta’ kontenut u, min-naħa l-oħra, il-media players jitqiesu bħala omoġeni fir-rigward tal-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom u tal-kontenut li għalihom jagħtu aċċess. Issa, ebda waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ma hija ssodisfata f’dan il-każ.

1003

Fit-tieni lok, Microsoft tallega li l-previżjoni li għaliha jsir riferiment fil-kunsiderazzjoni 984 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li għandu jkun hemm “bidla radikali” favur il-format Windows Media fil-“futur qarib” hija kontradetta mill-fatti u mill-elementi ta’ prova li jinsabu fil-proċess tal-kawża. Dawn il-fatti u dawn l-elementi juru, fil-fatt, li l-fornituri ta’ kontenut għadhom jużaw formats differenti, li l-media players terzi mhux talli ma għebux mis-suq iżda qegħdin jimxu ’l quddiem u li l-konsumaturi mhumiex kostretti jużaw il-Windows Media Player.

1004

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, Microsoft tosserva li mill-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 jirriżulta li għaxra minn tnax-il fornitur ta’ kontenut li jippreżentaw il-kontenut tagħhom f’kodiċi tal-formats Windows Media jippreżentaw il-kontenut tagħhom anki f’formats oħra. B’hekk, diversi fornituri ta’ kontenut għadhom jużaw formats żviluppati minn Apple, RealNetworks jew edituri oħra. Studju li jkopri l-iktar elf sit internet popolari fl-Istati Uniti matul il-perijodu 2001 sa 2004 jistabbilixxi li n-numru ta’ siti “b’kontenut multimedjali kwalunkwe” żdied b’47 % filwaqt li n-numru ta’ siti li jużaw il-formats RealNetworks żdied b’59 % u dak ta’ siti li jużaw il-formats QuickTime b’79 %.

1005

It-tieni nett, Microsoft issostni li l-OEMs għadhom joffru diversi media players fuq il-PCs mibjugħa minnhom. B’hekk, f’Mejju 2004, in-numru medju ta’ media players terzi installati fuq il-kompjuters domestiċi jew intiżi għal uffiċċji ta’ daqs żgħir mibjugħa mill-OEMs prinċipali ammonta għal 4,3 fir-rigward tal-mudelli Amerikani u 2,4 fir-rigward tal-mudelli Ewropej.

1006

It-tielet nett, Microsoft issostni li n-numru medju ta’ media players użati minn persuna kull xahar żdied minn 1,5 fl-aħħar tas-sena 1999 għal 2,1 fl-2004. Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax targumenta abbażi tal-fatt li n-numru ta’ utenti tal-Windows Media Player żdied. Dak li huwa importanti, skond Microsoft, huwa jekk in-numru ta’ utenti ta’ formats oħra huwiex biżżejjed sabiex il-fornituri ta’ kontenut ikollhom interess li jippreżentaw il-prodotti tagħhom f’kodiċi ta’ dawn il-formats. Barra minn hekk, Microsoft tikkontesta l-fondatezza ta’ l-analoġija ma’ Netscape Navigator li tagħmel il-Kummissjoni.

1007

Microsoft iżżid li t-teorija ta’ l-esklużjoni tal-kompetituri mis-suq applikata mill-Kummissjoni manifestament mhijiex oġġettiva. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din it-teorija tapplika biss fil-każ li l-funzjonalità multimedjali marbuta mal-Windows tkun żviluppata minn Microsoft. B’mod partikolari, din it-teorija ma tapplikax bejn l-1995 u l-1998 meta l-media player ta’ RealNetworks li jippermetti riċezzjoni kontinwa kien integrat fil-Windows.

1008

DMDsecure et, ACT, TeamSystem, Mamut u Exor isostni, essenzjalment, l-istess argumenti bħal dawk ta’ Microsoft.

1009

Il-Kummissjoni, l-ewwel nett, tfakkar il-konstatazzjonijiet magħmula fil-kunsiderazzjoni 841 tad-deċiżjoni kkontestata u ssostni li minn “preċedenti magħrufa sewwa” s-sempliċi fatt li impriża f’pożizzjoni dominanti tbiegħ prodott distint marbut ma’ prodott dominanti jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti effett ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni mis-suq. F’dan il-każ, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-suq, hija kkunsidrat, madankollu, li jeżistu “raġunijiet tajba għalxiex m’għandux jiġi preżunt, mingħajr analiżi addizzjonali, li l-irbit tal-Windows Media Player [kien] jikkostitwixxi aġir li jista’, min-natura tiegħu, jillimita l-kompetizzjoni”. Hija tippreċiża li hija ma kkunsidratx li l-aġir in kwistjoni ma kienx abbużiv fih innifsu iżda li kien meħtieġ li dan l-aġir jiġi analizzat “fil-kuntest tas-suq speċifiku tiegħu”. Il-Kummissjoni ma tistax tifhem kif Microsoft takkużaha talli eżaminat l-effett reali ta’ esklużjoni tal-kompetituri kkawżat mill-irbit in kwistjoni u tikkunsidra li l-fatt li hija pprovat tali effett ta’ esklużjoni f’każ fejn dan ikun normalment preżunt ma jimplikax li hija applikat teorija ġuridika ġdida.

1010

Il-Kummissjoni tallega li, meta għalqet l-analiżi tagħha, hija kkonstatat li “Microsoft [kienet] qiegħda tikkawża distorsjoni fil-proċess normali tal-kompetizzjoni” (kunsiderazzjoni 980 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “għalhekk [kien] hemm riskju sinjifikattiv li l-prassi ta’ l-irbit tal-player Windows Media Player mal-Windows twassal sabiex tnaqqas il-kompetizzjoni b’tali mod li ż-żamma ta’ struttura ta’ kompetizzjoni effettiva ma tkunx iktar assigurata fil-futur qarib” (kunsiderazzjoni 984 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni Microsoft, hija ma sostnietx fil-kunsiderazzjoni 984 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas f’xi parti oħra ta’ din id-deċiżjoni, li l-aġir abbużiv in kwistjoni ser iwassal għall-eliminazzjoni tal-media players terzi kollha fil-futur qarib. Hija tallega li pprovat li Microsoft “kienet qiegħda tikkawża distorsjoni fl-għażliet u fl-inċentivi tal-parteċipanti fis-suq permezz ta’ l-irbit tagħha” u tqis li tali distorsjoni fil-proċess kompetittiv hija ekwivalenti għal limitazzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza “peress li hija ta’ natura tali li teskludi l-kompetizzjoni”. Hija żżid li hija analizzat ukoll l-effetti reali ta’ esklużjoni tal-kompetituri kkawżati mill-aġir abbużiv ta’ Microsoft abbażi ta’ data dwar l-evoluzzjoni tas-suq. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 944 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ssostni li din id-data tindika b’mod kostanti tendenza favur l-użu tal-Windows Media Players u tal-formats Windows Media u tikkonferma li diġà kien hemm ċertu livell ta’ esklużjoni fis-suq.

1011

It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni ta’ Microsoft li hija ħadet il-miżuri neċessarji kollha sabiex tassigura li l-irbit in kwistjoni ma jwassalx għall-esklużjoni tal-media players kompetituri tal-Windows Media Player mis-suq. Hija tallega li dan l-aġir abbużiv beda f’Mejju 1999 u li kien għadu preżenti sad-data ta’ meta ġiet ippreżentata r-risposta. Hija tosserva li l-ftehim Amerikan ma kienx konkluż qabel Novembru 2001 u li l-miżuri adottati b’applikazzjoni ta’ dan il-ftehim ma ttieħdux qabel Awwissu u Settembru 2002. Barra minn hekk, dawn il-miżuri huma manifestament insuffiċjenti bħala rimedju għall-irbit abbużiv ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tad-diversi metodi ta’ distribuzzjoni tal-media players kompetituri msemmija minn Microsoft, il-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet 849 sa 877 tad-deċiżjoni kkontestata, tesponi li, permezz tal-metodi msemmija, dawn il-players ma jistgħux jiksbu l-omnipreżenza li Microsoft tista’ tiggarantixxi għall-Windows Media Player permezz ta’ l-irbit in kwistjoni.

1012

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar il-konstatazzjonijiet dwar l-esklużjoni tal-kompetizzjoni li hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-kunsiderazzjonijiet 844 sa 846 u 879 sa 882 tagħha.

1013

Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn SIIA, tqis li l-konstatazzjoni tagħha li l-irbit in kwistjoni joħloq ir-riskju ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni mis-suq mhijiex spekulattiva iżda hija bbażata fuq evalwazzjoni fattwali tal-karatteristiċi partikolari ta’ dan is-suq kif ukoll ta’ l-inċentivi tal-fornituri ta’ kontenut u ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer. Hija tallega li mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni (T-65/98, Ġabra p. II-4653), jirriżulta li huwa aċċettabbli li jittieħdu in kunsiderazzjoni r-reazzjonijiet probabbli ta’ terzi, u b’mod partikolari tal-kompetituri jew tal-klijenti, għall-azzjoni unilaterali ta’ impriża dominanti sabiex jiġi evalwat jekk din l-azzjoni hijiex ta’ natura tali li twassal għal esklużjoni tal-kompetizzjoni. F’dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li Microsoft ma tagħtix lill-klijenti l-għażla li jakkwistaw il-Windows mingħajr il-Windows Media Player. Barra minn hekk, l-irbit in kwistjoni għandu influwenza diretta fuq terzi u għalhekk jinterferixxi fl-għażla libera tagħhom (kunsiderazzjonijiet 845, 851, 870, 883, 884 u 895 tad-deċiżjoni kkontestata).

1014

Filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet 879 sa 896 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar, f’dan il-kuntest, li hija analizzat b’mod dettaljat l-impatt ta’ l-aġir in kwistjoni, b’mod partikolari billi bagħtet kwestjonarji twal lil numru kbir ta’ fornituri ta’ kontenut, żviluppaturi ta’ softwer u proprjetarji ta’ kontenut.

1015

Abbażi tar-risposti għal dawn il-kwestjonarji hija setgħet tagħmel il-konstatazzjonijiet segwenti:

il-fornituri ta’ kontenut kollha li wieġbu għall-kwestjonarji indikaw li l-ħolqien ta’ kontenut partikolari għal iktar minn teknoloġija waħda jikkawża spejjeż addizzjonali (kunsiderazzjoni 884 tad-deċiżjoni kkontestata);

l-istess fornituri ta’ kontenut ikkunsidraw li n-numru ta’ utenti ta’ teknoloġija partikolari u l-preżenza ta’ softwer multimedjali fuq il-client PCs jikkostitwixxu fatturi determinanti fl-għażla ta’ liema teknoloġija joffru ‘support’ għaliha (kunsiderazzjoni 886 tad-deċiżjoni kkontestata);

uħud minn dawn il-fornituri anki ddikjaraw li n-numru ta’ utenti ta’ teknoloġija partikolari kien “l-iktar fattur importanti” (kunsiderazzjoni 889 tad-deċiżjoni kkontestata);

sakemm l-użu ta’ media players kompetittivi jibqa’ sinjifikattiv, l-offerta ta’ ‘support’ għal formats addizzjonali tista’ tkun vantaġġuża, meta mqabbla ma’ l-ispejjeż, għall-fornituri ta’ kontenut (kunsiderazzjoni 890 tad-deċiżjoni kkontestata);

ir-risposti ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer kienu fl-istess sens bħal dawk tal-fornituri ta’ kontenut (kunsiderazzjonijiet 893 sa 896 tad-deċiżjoni kkontestata);

b’hekk, tnax-il żviluppatur ta’ softwer minn tlettax wieġbu fl-affermattiv għad-domanda jekk l-ispejjeż addizzjonali marbuta mas-“‘support’ għal diversi formats” setgħux, fil-futur, jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħhom li jiddisinjaw applikazzjonijiet għal teknoloġiji oħra minbarra l-Windows Media (kunsiderazzjoni 890 tad-deċiżjoni kkontestata);

billi torbot il-Windows Media Player mal-Windows, Microsoft tiggarantixxi lill-fornituri ta’ kontenut u lill-iżviluppaturi ta’ softwer li l-utenti finali ser ikunu kapaċi jaqraw il-kontenut tagħhom, fi kliem ieħor li huma ser ikunu jistgħu jilħqu udjenza kbira; l-omnipreżenza tal-Windows Media Player fuq il-client PCs li joperaw bil-Windows, għalhekk, tassigura lil Microsoft vantaġġ kompetittiv li mhuwiex marbut mal-kwalitajiet intrinsiċi ta’ dan il-prodott (kunsiderazzjoni 891 tad-deċiżjoni kkontestata).

1016

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni ta’ Microsoft li t-teorija applikata f’dan il-każ ma tieħux in kunsiderazzjoni ċerti fatturi rilevanti u hija bbażata fuq previżjonijiet kontradetti mill-fatti.

1017

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija tikkontesta li “injorat il-fatturi li jwasslu lill-fornituri ta’ kontenut sabiex jużaw formats oħra minbarra l-format Windows Media”. Hija tafferma li, fit-talbiet għal informazzjoni li hija bagħtet lil dawn ta’ l-aħħar, hija ma indikatx biss il-kwistjoni tal-“livell ta’ preżenza” ta’ media player u li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ma indikatx li dan il-livell ta’ preżenza kien l-uniku fattur rilevanti iżda sempliċement ikkonstatat l-importanza ta’ dan il-fattur. Fi kwalunkwe każ, Microsoft tirrikonoxxi li l-fornituri ta’ kontenut jieħdu dan il-fattur in kunsiderazzjoni meta jagħżlu l-formats ta’ kodifikazzjoni tal-prodotti tagħhom u għalhekk impliċement tammetti li “l-livell uniku ta’ omnipreżenza milħuq bl-irbit [tagħha] […] jikkawża distorsjoni fir-rigward ta’ din [l-għażla]”.

1018

Il-Kummissjoni żżid li mill-mistoqsijiet li hija għamlet lill-fornituri ta’ kontenut u lill-iżviluppaturi ta’ softwer jirriżulta li dawn l-operaturi terzi effettivament jagħmlu eżerċizzju ta’ bbilanċjar u jagħtu iktar importanza lill-ispejjeż relatati mal-fatt li jingħata ‘support’ għal diversi teknoloġiji milli lill-vantaġġi ta’ dan is-‘support’. Hija tosserva li Microsoft stess indikat li “l-kodifikazzjoni tal-kontenut imxandar kontinwament f’diversi formats [kienet] tiswa ħafna u [kienet] tieħu ż-żmien għall-fornituri ta’ kontenut” (kunsiderazzjoni 883 tad-deċiżjoni kkontestata) u tirreferi għal ċerti elementi ta’ prova miġubra fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 (kunsiderazzjoni 884 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ispiża sabiex jingħata ‘support’ għal diversi teknoloġiji, anki jekk mhijiex l-uniku fattur li jiddetermina l-għażla tal-fornituri ta’ kontenut jekk jagħmlux jew le kodifikazzjoni f’diversi formats, hija manifestament element importanti meħud in kunsiderazzjoni minn dawn ta’ l-aħħar. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll li, fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003, hija ġabret elementi ta’ prova li jistabbilixxu li l-ispejjeż marbuta mal-provvista ta’ kontenut f’format multimedjali partikolari huma biss parti mhux sinjifikattiva ta’ l-ispejjeż totali. Għall-kuntrarju, mill-informazzjoni miksuba minnha jirriżulta li l-ispejjeż marbuta mal-preparazzjoni tal-kontenut huma sostanzjali.

1019

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula fir-rapport li jinsab fl-anness C.16 tar-replika (ara l-punt 1002 iktar ’il fuq). Hija tfakkar, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata turi li t-tniżżil mill-internet ma jistax ipatti għall-omnipreżenza li l-Windows Media Player jikseb permezz ta’ l-irbit in kwistjoni u li din l-omnipreżenza toħloq distorsjoni fil-konfront ta’ l-inċentivi tal-fornituri ta’ kontenut. It-tieni nett, hija tippreċiża li l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mhijiex ibbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ l-eliminazzjoni sħiħa tal-kompetizzjoni jew tal-“bidla radikali” fis-suq. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-awtur ta’ dan ir-rapport, l-ewwel nett, ma jissostanzjax it-teżi tiegħu, it-tieni nett, ma jieħux in kunsiderazzjoni diversi aspetti importanti tal-każ in eżami, bħalma huma “d-distorsjonijiet ikkawżati għall-effetti ta’ netwerk bl-eżerċizzju ta’ ‘leveraging’ permezz tal-monopolju”, u, it-tielet nett, ma jipprovax li l-kundizzjonijiet li huwa jallega li huma meħtieġa għall-“bidla radikali” fis-suq mhumiex sodisfatti.

1020

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn SIIA, tikkontesta l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-analiżi ta’ l-esklużjoni tal-kompetizzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata hija kontradetta mill-fatti.

1021

L-ewwel nett, hija ttenni li Microsoft tagħmel preżentazzjoni żbaljata tal-kunsiderazzjoni 984 tad-deċiżjoni kkontestata peress li din il-kunsiderazzjoni ma tagħmilx riferiment għal “bidla radikali” fis-suq iżda sempliċement tindika li l-irbit magħmul minn Microsoft joħloq ir-riskju li tiġi affettwata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq tal-media players.

1022

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li mid-data kummerċjali li hija użat fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod kostanti li hemm tendenza favur l-użu tal-Windows Media Player u tal-formats Windows Media għad-detriment tal-media players kompetituri prinċipali (kunsiderazzjonijiet 906 sa 942 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn din id-data jirriżulta li, sat-tieni trimestru tas-sena 1999, ir-RealPlayer kien fuq quddiem fis-suq u kellu kważi darbtejn iktar utenti mill-Windows Media Player u mill-QuickTime (kunsiderazzjoni 906 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-kuntrarju, mit-tieni trimestru tas-sena 1999 sat-tieni trimestru tas-sena 2002, in-numru totali ta’ utenti tal-Windows Media Player żdied b’madwar 39 miljun, jiġifieri żieda kważi daqs iż-żieda kumulattiva fin-numru ta’ utenti tal-players ta’ RealNetworks u ta’ Apple (kunsiderazzjoni 907 tad-deċiżjoni kkontestata). Data iktar reċenti ta’ Nielsen/NetRatings tindika li l-Windows Media Player kiseb vantaġġ nett ħafna fil-konfront tar-RealPlayer (iktar minn 50 % ta’ utenti uniċi iktar) u fuq il-QuickTime (iktar minn tliet darbiet iktar utenti uniċi) u li dan il-progress kompla żdied minn Ottubru 2002 sa Jannar 2004 (kunsiderazzjoni 922 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tendenza deskritta iktar ’il fuq hija komparabbli ma’ dik fis-suq tal-‘browsers’ ta’ l-internet, li kienet is-suġġett ta’ proċedimenti għal ksur tal-liġi Amerikana ta’ l-antitrust.

1023

Skond il-Kummissjoni, Microsoft ma tikkontestax din id-data iżda tippreżenta data ġdida li parti minnha ma kinitx disponibbli fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, għalhekk, ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni.

1024

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, l-effett ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata huwa kkonfermat mid-data iktar reċenti.

1025

B’hekk, l-ewwel nett, fir-rigward tad-data dwar il-fornituri ta’ kontenut ippreżentata minn Microsoft (ara l-punt 1004 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tindika li Microsoft bl-ebda mod ma tissostanzja din id-data u li hija tippreżentaha b’mod qarrieqi. F’dan ir-rigward, hija tosserva li huwa ċar li, matul il-perijodu 2001-2004, in-numru ta’ siti internet li joffru kontenut multimedjali “kwalunkwe” żdied, b’tali mod li mhuwiex sorprendenti li hemm iktar siti internet li joffru formats oħra minbarra Windows Media. Hija żżid li Microsoft ma tindikax li, matul l-istess perijodu, is-siti internet li joffru ‘support’ għall-format Windows Media żdiedu b’141 %. Microsoft lanqas ma tagħti indikazzjonijiet dwar il-kwantità reali ta’ kontenut f’formats oħra minbarra l-format Windows Media offert mis-siti internet in kwistjoni u lanqas dwar l-użu reali tal-kontenut f’dawn il-formats multimedjali.

1026

It-tieni nett, fir-rigward tad-data dwar in-numru medju ta’ media players installati minn qabel fuq il-client PCs mill-OEMs, il-Kummissjoni ssostni li din id-data mhijiex konklużiva (ara l-punt 1005 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, mill-elementi ta’ prova mressqa minn Microsoft jirriżulta li iktar minn 70 % tal-PCs mibjugħa fl-Ewropa u iktar minn 80 % tal-PCs mibjugħa fid-dinja ġeneralment ikollhom media player wieħed biss u li, minħabba l-irbit in kwistjoni, dan ikun dejjem il-Windows Media Player. Il-Kummissjoni żżid li, safejn l-OEMs jinstallaw minn qabel media players kompetituri fuq il-PCs, din l-installazzjoni minn qabel hija “irrilevanti” meta kkunsidrata fid-dawl tal-fatt li l-Windows Media Player huwa awtomatikament preżenti fuq 95 % tal-PCs mibjugħa fid-dinja. Fl-aħħar, hija tallega li d-data ta’ Microsoft mhijiex affidabbli safejn tikkonċerna b’mod partikolari media players kompetituri li kienu ġew installati minn qabel b’riżultat ta’ “legacy deals” li ma ġewx imġedda, kif ukoll softwer li ma jistax jiġi kklassifikat bħala media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa.

1027

It-tielet nett, il-Kummissjoni tallega li teżisti tendenza netta favur l-użu tal-Windows Media Player u tal-format Windows Media. Id-data ta’ Nielsen/NetRatings dwar l-użu tal-media players fl-Istati Uniti tistabbilixxi li, f’Marzu 2005, l-użu tal-Windows Media Player kien ta’ iktar minn 80 % filwaqt li l-użu tar-RealPlayer kien naqas għal anqas minn 40 % u dak tal-QuickTime kien naqas għal ftit iktar minn 10 %. Mid-data reċenti ta’ Nielsen/NetRatings jirriżulta wkoll li s-sehem ta’ utenti esklużivi tal-Windows Media Player kiber b’mod kostanti, b’53 sa 55 % ta’ l-utenti attwalment jużaw dan il-player b’mod esklużiv, kontra l-10 sa 13 % għal RealPlayer u t-3 sa 4 % għall-QuickTime Player.

1028

B’risposta għall-allegazzjoni ta’ Microsoft li t-teżi ta’ l-esklużjoni tal-kompetituri mis-suq mhijiex oġġettiva, safejn ma kinitx tapplika meta l-media player ta’ RealNetworks kien integrat fil-Windows (ara l-punt 1007 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 818 tad-deċiżjoni kkontestata u tosserva li hija ma tistax tkun miżmuma milli tipproċedi kontra ksur partikolari tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni minħabba li hija ma kinitx ħadet passi kontra ksur possibbli ieħor.

1029

Essenzjalment, SIIA tressaq l-istess argumenti bħal dawk tal-Kummissjoni.

1030

Audiobanner.com tallega li l-irbit in kwistjoni għandu impatt negattiv fuq l-investiment minn terzi fit-teknoloġiji li jikkompetu ma’ dawk ta’ Microsoft, fuq l-innovazzjoni fis-settur tal-media diġitali mxandra kontinwament u fuq il-konsumaturi. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, hija tinsisti fuq il-fatt li dan l-irbit jimpedixxi l-kompetizzjoni fuq il-mertu tal-prodotti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1031

Microsoft issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-integrazzjoni tal-Windows Media Player fis-sistema operattiva Windows għal client PCs tinvolvi limitazzjoni tal-kompetizzjoni, b’tali mod li r-raba’ element meħtieġ sabiex ikun hemm irbit, kif identifikat fil-kunsiderazzjoni 794 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala preżenti f’dan il-każ.

1032

B’mod partikolari, Microsoft issostni li l-Kummissjoni, peress li rrikonoxxiet li s-sitwazzjoni li kellha quddiemha ma kinitx każ klassiku ta’ rbit, kellha tapplika teorija ġdida u spekulattiva ħafna, ibbażata fuq analiżi prospettiva ta’ eventwali reazzjonijiet ta’ terzi, sabiex waslet għall-konklużjoni li l-irbit in kwistjoni kien ta’ natura li seta’ jillimita l-kompetizzjoni.

1033

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-argumenti ta’ Microsoft mhumiex fondati u li huma bbażati fuq qari selettiv u ineżatt tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-argumenti, fil-fatt, jikkonċernaw essenzjalment it-tieni stadju mit-tliet stadji tar-raġunament tal-Kummissjoni espost fil-kunsiderazzjonijiet 835 sa 954 tad-deċiżjoni kkontestata.

1034

Fil-verità, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni manifestament ipprovat b’mod partikolari li l-fatt li, minn Mejju 1999, Microsoft kienet toffri lill-OEMs, għal installazzjoni minn qabel fuq il-client PCs, il-verżjoni tal-Windows marbuta mal-Windows Media Player biss, kellu l-konsegwenza inevitabbli li jaffettwa r-relazzjonijiet fis-suq bejn Microsoft, l-OEMs u l-fornituri ta’ media players terzi billi bidel b’mod sinjifikattiv il-bilanċ tal-kompetizzjoni favur Microsoft u għad-detriment ta’ l-operaturi l-oħra.

1035

Kif diġà ġie osservat fil-punt 868 iktar ’il fuq, il-fatt li l-Kummissjoni eżaminat l-effetti konkreti li l-irbit in kwistjoni kien diġà kellu fuq is-suq kif ukoll il-mod kif is-suq kien mistenni jevolvi, minflok ma kkunsidratx sempliċement — kif normalment tagħmel f’każijiet ta’ rbit abbużiv — li l-imsemmi rbit kellu effett ta’ esklużjoni fis-suq minnu nnifsu, ma jfissirx li hija adottat teorija ġuridika ġdida.

1036

L-analiżi magħmula mill-Kummissjoni tal-kundizzjoni marbuta mal-limitazzjoni tal-kompetizzjoni għandha bħala l-punt tat-tluq tagħha l-kunsiderazzjoni 841 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tesponi li fil-każ in eżami jeżistu raġunijiet tajba għalxiex m’għandux jiġi preżunt, mingħajr analiżi addizzjonali, li l-irbit tal-Windows u tal-Windows Media Player jikkostitwixxi aġir li jista’, min-natura tiegħu, jillimita l-kompetizzjoni (ara l-punt 977 iktar ’il fuq). Essenzjalment, il-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-fatt li l-Windows Media Player ġie marbut mas-sistema operattiva Windows għal client PCs — sistema operattiva li hija installata minn qabel fuq il-maġġoranza kbira tal-client PCs mibjugħa fid-dinja — mingħajr ma huwa possibbli li l-Windows Media Player jitneħħa minn din is-sistema operattiva jippermetti lil dan il-media player li jibbenefika mill-omnipreżenza ta’ din is-sistema operattiva fuq il-client PCs, omnipreżenza li l-metodi ta’ distribuzzjoni l-oħra tal-media players ma jistgħux ilaħħqu magħha.

1037

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li din il-konstatazzjoni, li hija s-suġġett ta’ l-ewwel stadju tar-raġunament tal-Kummissjoni (ara l-kunsiderazzjonijiet 843 sa 878 tad-deċiżjoni kkontestata, kif riprodotti fil-qosor fil-punti 979 sa 982 iktar ’il fuq), hija perfettament fondata.

1038

B’hekk, fl-ewwel lok, huwa manifest li l-irbit in kwistjoni ta lill-player Windows Media Player preżenza mingħajr paragun fuq il-client PCs fid-dinja safejn permezz ta’ dan l-irbit dan il-media player kiseb awtomatikament livell ta’ penetrazzjoni fis-suq li jikkorrispondi għal-livell ta’ penetrazzjoni tas-sistema operattiva Windows għal client PCs, u dan mingħajr ma kien meħtieġ li jikkompeti fuq il-karatteristiċi tiegħu mal-prodotti kompetituri. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huwa paċifiku li s-sehem tas-suq ta’ Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs huwa ta’ iktar minn 90 % u li l-maġġoranza kbira tal-bejgħ ta’ sistemi operattivi Windows għal client PCs (jiġifieri madwar 75 %) isir permezz ta’ l-OEMs, li jinstallawha minn qabel fuq il-client PCs li jimmuntaw u jiddistribwixxu. B’hekk, mill-figuri ċċitati fil-kunsiderazzjoni 843 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-2002, Microsoft kellha sehem tas-suq ta’ 93,8 % f’termini ta’ unitajiet mibjugħa fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs (ara wkoll il-kunsiderazzjoni 431 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-Windows — u, għaldaqstant, il-Windows Media Player — kienet installata minn qabel fuq 196 mill-207 miljuni ta’ client PCs mibjugħa fid-dinja matul il-perijodu bejn Ottubru 2001 u Marzu 2003.

1039

Kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall iktar ’il quddiem, ebda media player terz ma jista’ jilħaq dan il-livell ta’ penetrazzjoni tas-suq mingħajr ma jibbenefika mill-vantaġġ f’termini ta’ distribuzzjoni li minnu jgawdi l-Windows Media Player minħabba l-użu ta’ Microsoft tas-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha.

1040

Għandu jingħad ukoll li l-offerta tas-sistema operattiva Windows marbuta mal-player NetShow 2.0 li Microsoft introduċiet f’Ġunju 1998 ma kinitx tiggarantixxi lil dan il-player l-istess livell ta’ preżenza fuq il-client PCs. Fil-fatt, kif diġà ġie espost fil-punti 837 u 936 iktar ’il fuq, NetShow 2.0 kien fuq is-CD ta’ installazzjoni tal-Windows 98 iżda ebda waħda mill-erba’ installazzjonijiet ‘by default’ ta’ din is-sistema ma kienet tipprevedi l-installazzjoni ta’ dan il-player. Fi kliem ieħor, l-utenti kellhom jagħmlu l-isforz sabiex jinstallaw NetShow 2.0 separatament u setgħu jiddeċiedu li ma jagħmlux dan. F’dan l-istess sens, għandu jiġi osservat li din l-offerta marbuta ma kinitx timpedixxi lill-edituri ta’ media players terzi milli jikkompetu ma’ Microsoft fuq il-kwalitajiet intrinsiċi tal-prodotti tagħhom u lanqas lill-OEMs milli jibbenefikaw minn din il-kompetizzjoni.

1041

Fit-tieni lok, jidher ċar li, kif osservat ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 845 tad-deċiżjoni kkontestata, “l-utenti li jsibu [l-Windows Media Player] installat minn qabel fuq il-client PC tagħhom ġeneralment ikunu anqas inklinati li jużaw media player alternattiv peress li diġà jkollhom applikazzjoni li tipprovdi din il-funzjonalità ta’ player ta’ kontenut multimedjali mxandar b’mod kontinwu”. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ l-irbit in kwistjoni, il-konsumaturi li jkunu jixtiequ media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa jkollhom jagħżlu wieħed minn dawk offruti fis-suq.

1042

F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra ċ-ċirkustanza li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 119, 848, 869 u 956 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-importanza li l-utenti jagħtu lill-fatt li jistgħu jixtru client PCs jew sistemi “lesti għall-użu” (out of the box), jiġfieri li jistgħu jiġu installati u użati b’minimu ta’ sforz. B’hekk, il-fornitur li s-softwer tiegħu ikun installat minn qabel fuq il-client PC u jitla’ awtomatikament meta jinxtegħel il-PC manifestament igawdi minn vantaġġ kompetittiv fuq kull fornitur ieħor ta’ prodotti simili.

1043

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-kunsiderazzjoni 857 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir in kwistjoni jiskoraġġixxi lill-OEMs milli jinstallaw minn qabel media players kompetituri fuq il-client PCs mibjugħa minnhom.

1044

Fil-fatt, minn naħa, kif inhuwa kkonstatat fil-kunsiderazzjoni 851 tad-deċiżjoni kkontestata, l-OEMs m’għandhom ebda inċentiv li jinkludu media player ieħor fl-offerta li huma jipproponu lill-konsumaturi peress li dan it-tieni media player juża spazju fuq il-‘hard disk’ tal-client PC filwaqt li joffri funzjonalitajiet essenzjalment simili għal dawk tal-Windows Media Player u meta ftit huwa probabbli l-konsumaturi jkunu lesti jħallsu prezz iktar għoli għal din ir-raġuni.

1045

Min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ diversi media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa fuq l-istess client PC toħloq ir-riskju ta’ konfużjoni min-naħa ta’ l-utenti u żżid l-ispejjeż ta’ l-assistenza lill-klijenti kif ukoll l-ispejjeż relatati mal-kontrolli fuq il-client PCs (ara l-kunsiderazzjoni 852 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, matul il-proċedura amministrattiva, Microsoft stess enfasizzat li l-OEMs ġeneralment ikollhom marġni żgħar ta’ profitt u li għaldaqstant jippreferu jevitaw spejjeż bħal dawn (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1006 tad-deċiżjoni kkontestata).

1046

B’hekk, it-tqegħid fis-suq tal-verżjoni tal-Windows marbuta mal-Windows Media Player bħala l-unika verżjoni tas-sistema operattiva Windows li setgħet tiġi installata minn qabel fuq il-client PCs ġodda mill-OEMs kellu bħala konsegwenza diretta u immedjata li ċaħħad lil dawn ta’ l-aħħar mill-possibbiltà li huma kellhom qabel, jiġifieri li jagħżlu l-prodotti abbażi ta’ l-evalwazzzjoni tagħhom stess ta’ dak li kien l-iktar attraenti għall-konsumaturi u, b’mod iktar partikolari, li impedixxa lill-OEMs milli jagħżlu player kompetitur tal-Windows Media Player bħala l-uniku media player. Fir-rigward ta’ dan il-punt ta’ l-aħħar, għandu jiġi mfakkar li, fiż-żmien in kwistjoni, ir-RealPlayer kellu vantaġġ kummerċjali sostanzjali bħala l-prodott fuq quddiem fis-suq. Kif tammetti Microsoft stess, kien biss fl-1999 li hija rnexxielha tiżviluppa media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa b’‘performance’ adegwata, peress li l-player preċedenti tagħha, jiġifieri NetShow, “ma [kienx] popolari mal-konsumaturi minħabba li ma kienx jiffunzjona tajjeb ħafna” (kunsiderazzjoni 819 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, bejn Awwissu 1995 u Lulju 1998, kienu l-prodotti ta’ RealNetworks — f’dan il-każ l-ewwel ir-RealAudio Player u mbagħad ir-RealPlayer — li kienu jiġu distribwiti flimkien mal-Windows. Għaldaqstant, jista’ jiġi kkunsidrat li, li kieku Microsoft ma adottatx l-aġir in kwistjoni, il-kompetizzjoni bejn ir-RealPlayer u l-Windows Media Player kienet tkun iddeterminata abbażi tal-kwalitajiet intrinsiċi ta’ dawn iż-żewġ prodotti.

1047

Għandu jingħad ukoll li, anki jekk l-edituri ta’ media players kompetituri ta’ Microsoft jaslu sabiex jikkonkludu ftehim għall-installazzjoni minn qabel tal-prodott tagħhom ma’ l-OEMs, huma xorta jibqgħu f’pożizzjoni kompetittiva żvantaġġata fil-konfront ta’ Microsoft. Fil-fatt, minn naħa, peress li l-Windows Media Player ma jistax jitneħħa mill-OEMs jew mill-utenti mill-unità komposta mill-Windows u mill-Windows Media Player, il-media player terz qatt ma jista’ jkun l-unika media player preżenti fuq il-client PC. B’mod partikolari, l-irbit in kwistjoni jimpedixxi lill-edituri ta’ media players terzi milli jikkompetu ma’ Microsoft għal dan il-għan abbażi tal-kwalitajiet intrinsiċi tal-prodotti. Min-naħa l-oħra, peress li n-numru ta’ media players li l-OEMs huma lesti li jinstallaw minn qabel fuq il-client PCs huwa limitat, l-edituri ta’ media players terzi jispiċċaw jikkompetu bejniethom sabiex jiksbu tali installazzjoni minn qabel filwaqt li, minħabba l-irbit in kwistjoni, Microsoft tevita din il-kompetizzjoni u l-ispejjeż addizzjonali sostanzjali kkawżati minn din il-kompetizzjoni. Fir-rigward ta’ dan il-punt ta’ l-aħħar, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjoni 856 tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni ssemmi l-ftehim ta’ distribuzzjoni dwar ir-RealPlayer konkluż fl-2001 bejn RealNetworks u Compaq kif ukoll il-fatt li Microsoft, matul il-proċedura amministrattiva, irrikonoxxiet li RealNetworks tikkumpensa lill-OEMs sabiex jaċċettaw li jinstallaw minn qabel il-prodotti tagħha.

1048

Minn dawn id-diversi konstatazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li “l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehim ta’ distribuzzjoni ma’ l-OEMs [kienet] tikkostitwixxi metodu ta’ distribuzzjoni ta’ media players anqas effiċjenti mill-irbit magħmul minn Microsoft” (kunsiderazzjoni 859 tad-deċiżjoni kkontestata).

1049

Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li kien ukoll ġustament li l-Kummissjoni kkonstatat li l-metodi ta’ distribuzzjoni tal-media players l-oħra minbarra l-installazzjoni minn qabel mill-OEMs ma setgħux ilaħħqu ma’ l-omnipreżenza tal-Windows Media Player (kunsiderazzjonijiet 858 sa 876 tad-deċiżjoni kkontestata).

1050

Min-naħa, fir-rigward tat-tniżżil mill-internet ta’ media players, għalkemm huwa minnu li dan il-metodu ta’ distribuzzjoni jippermetti li jintlaħqu numru kbir ħafna ta’ utenti, dan xorta waħda m’huwiex effikaċi daqs l-installazzjoni minn qabel mill-OEMs. Fil-fatt, l-ewwel nett, it-tniżżil mill-internet ma jassigurax lill-media players kompetituri distribuzzjoni ugwali għal dik tal-Windows Media Player (kunsiderazzjoni 861 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, it-tniżżil mill-internet, b’differenza mill-użu tal-prodott installat minn qabel, huwa kkunsidrat, minn numru mhux negliġibbli ta’ utenti, bħala operazzjoni kumplessa. It-tielet nett, kif il-Kummissjoni osservat fil-kunsiderazzjoni 866 tad-deċiżjoni kkontestata, numru kbir ta’ tentattivi ta’ tniżżil mill-internet — iktar minn 50 % skond testijiet magħmula minn RealNetworks fl-2003 — ma jkollhomx suċċess. Għalkemm huwa minnu li l-‘broadband’ internet iħaffef it-tniżżil mill-internet u għalhekk jagħmel din l-operazzjoni anqas kumplessa, għandu jiġi osservat madankollu li fl-Ewropa, fl-2002, mill-familji li kellhom aċċess għall-internet, waħda minn sitta biss kellha konnessjoni ‘broadband’ (kunsiderazzjoni 867 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1037 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-raba’ nett, l-utenti probabbilment għandhom it-tendenza li jikkunsidraw li media player integrat fil-client PC li huma jkunu xtraw ser jiffunzjona aħjar minn prodott li jinstallaw huma stess (kunsiderazzjoni 869 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar, il-ħames nett, għandu jiġi osservat li, fil-parti l-kbira ta’ l-impriżi, l-impjegati ma jkollhomx id-dritt li jniżżlu softwer mill-internet peress li dan jikkomplika l-amministrazzjoni tan-netwerk (l-istess kunsiderazzjoni).

1051

Parti mid-data ppreżentata minn Microsoft stess matul il-proċedura amministrattiva, imsemmija fil-kunsiderazzjonijiet 909 sa 911 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkonferma li t-tniżżil mill-internet ma jikkostitwixxix metodu ta’ distribuzzjoni effikaċi daqs l-installazzjoni minn qabel mill-OEMs. Microsoft, fil-fatt, indikat, minn naħa, li 8,8 miljuni ta’ kopji tal-player WMP 6 tagħha tniżżlu mill-internet matul it-tnax-il xahar ta’ wara l-introduzzjoni fis-suq tiegħu u, min-naħa l-oħra, li hija biegħet 7,9 miljuni sistemi operattivi Windows 98 SE bejn Lulju u Settembru 1999. Fi kliem ieħor, fi tliet xhur, il-WMP 6 kiseb, permezz ta’ l-irbit tiegħu mas-sistema operattiva Windows, kważi l-istess distribuzzjoni li kiseb f’sena permezz tat-tniżżil mill-internet.

1052

Dejjem fir-rigward tat-tniżżil mill-internet, għandu jingħad ukoll li, kif esponiet il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 870 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li dan huwa metodu ta’ distribuzzjoni ta’ media players li ma tantx jinvolvi spejjeż fuq il-livell tekniku, l-edituri madankollu jkollhom jiddedikaw riżorsi sostanzjali sabiex “jegħlbu l-apatija ta’ l-utenti finali u jipperswaduhom sabiex jinjoraw il-preżenza tal-player [Windows Media Player] li jkun installat minn qabel”.

1053

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-metodi l-oħra ta’ distribuzzjoni tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-provvista tal-player ma’ softwer ieħor jew ma’ servizzi ta’ aċċess għall-internet kif ukoll il-bejgħ bl-imnut, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Microsoft ma tinvoka ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li dawn il-metodi jikkostitwixxu biss “possibbiltà inferjuri li ma tistax tikkompeti ma’ l-effiċjenza ta’ l-installazzjoni minn qabel tas-softwer fuq il-client PCs [li joperaw bil-Windows]” (kunsiderazzjoni 872 sa 876 tad-deċiżjoni kkontestata).

1054

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-analiżi magħmula fil-kunsiderazzjonijiet 843 sa 878 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkostitwixxi l-ewwel stadju tar-raġunament tagħha, il-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li l-irbit tal-Windows u tal-Windows Media Player minn Mejju 1999 kellu inevitabbilment konsegwenzi sinjifikattivi fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, permezz ta’ din il-prassi, Microsoft kisbet vantaġġ mingħajr paragun f’termini ta’ distribuzzjoni għall-prodott tagħha u assigurat l-omnipreżenza tal-Windows Media Player fuq il-client PCs fid-dinja kollha, b’tali mod li skoraġġiet lill-utenti milli jużaw media players terzi u lill-OEMs milli jinstallaw minn qabel tali players fuq il-client PCs.

1055

Huwa minnu li, kif issostni Microsoft, diversi OEMs għadhom iżidu media players terzi fl-offerta li huma jipproponu lill-klijenti tagħhom. Huwa wkoll paċifiku li n-numru ta’ media players kif ukoll il-livell ta’ użu ta’ diversi players jinsabu f’żieda kontinwa. Madankollu, dawn l-elementi ma jegħlbux il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-aġir in kwistjoni kien ta’ natura tali li jdgħajjef il-kompetizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, minn Mejju 1999, l-edituri ta’ media players terzi ma baqgħux f’pożizzjoni li jikkompetu, permezz ta’ l-OEMs, sabiex il-prodotti tagħhom, u mhux il-Windows Media Player, jiġu installati bħala l-uniku media player preżenti fil-client PCs immuntati u mibjugħa minnhom.

1056

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq hija kkorroborata minn data eżaminata mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tielet stadju tar-raġunament tagħha. B’mod iktar partikolari, kif ser jiġi espost fil-punti 1080 sa 1084 iktar ’il quddiem, id-data msemmija fil-kunsiderazzjonijiet 905 sa 926 tad-deċiżjoni kkontestata turi tendenza netta favur l-użu tal-Windows Media Player għad-detriment tal-media players kompetituri.

1057

Għandu jingħad ukoll li, mill-informazzjoni ppreżentata minn Microsoft stess matul il-proċedura amministrattiva u msemmija fil-kunsiderazzjonijiet 948 sa 951 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-progress sostanzjali fl-użu tal-Windows Media Player ma jistax jiġi attribwit għall-fatt li dan il-player huwa ta’ kwalità superjuri għall-media players kompetituri jew li dawn ta’ l-aħħar, b’mod partikolari r-RealPlayer, għandhom xi nuqqasijiet.

1058

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-ewwel stadju tar-raġunament tagħha huma biżżejjed, fihom infushom, sabiex jiġi stabbilit li r-raba’ element meħtieġ sabiex ikun hemm irbit abbużiv huwa preżenti f’dan il-każ. Dawn il-konstatazzjonijiet mhumiex ibbażati fuq teorija ġdida u spekulattiva ħafna iżda fuq in-natura ta’ l-aġir in kwistjoni, fuq il-kundizzjonijiet tas-suq kif ukoll fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti in kwistjoni. Dawn il-konstatazzjonijiet huma bbażati fuq elementi ta’ prova preċiżi, affidabbli u koerenti, u li Microsoft, billi sempliċement sostniet li huma sempliċi suppożizzjonijiet, ma rnexxilhiex tipprova n-natura żbaljata tagħhom.

1059

Minn dan jirriżulta li mhuwiex meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti li Microsoft tressaq fil-konfront tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest taż-żewġ stadji l-oħra tar-raġunament tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, madankollu, li dawn għandhom jiġu eżaminati fil-qosor.

1060

Fit-tieni stadju tar-raġunament tagħha, il-Kummissjoni tipprova tistabbilixxi li l-omnipreżenza tal-Windows Media Player li tirriżulta mill-irbit tiegħu mal-Windows jista’ jkollha influwenza mhux negliġibbli fuq il-fornituri ta’ kontenut u fuq l-iżviluppaturi ta’ softwer.

1061

It-teżi difiża mill-Kummissjoni hija bbażata fuq il-fatt li s-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa huwa kkaratterizzat minn effetti ta’ netwerk indiretti sinjifikattivi jew, sabiex tuża l-espressjoni użata mis-Sur Gates, fuq l-eżistenza ta’ “positive feedback loop” (kunsiderazzjoni 882 tad-deċiżjoni kkontestata). Din l-espressjoni ta’ l-aħħar tiddeskrivi l-fenomenu li iktar ma n-numru ta’ utenti ta’ pjattaforma ta’ softwer partikolari jkun kbir, iktar ikunu sostanzjali l-investimenti fl-iżvilupp ta’ prodotti kompatibbli ma’ din il-pjattaforma, ħaġa din li, min-naħa tagħha, issaħħaħ il-popolarità ta’ l-imsemmija pjattaforma ma’ l-utenti.

1062

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament identifikat l-eżistenza ta’ tali fenomenu f’dan il-każ u kkonstatat li kien abbażi tal-perċentwali ta’ installazzjoni u ta’ użu tal-media players li l-fornituri ta’ kontenut u l-iżviluppaturi ta’ softwer jagħżlu t-teknoloġija li għaliha huma jiżviluppaw il-prodotti tagħhom (kunsiderazzjoni 879 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, minn naħa, li dawn l-operaturi kellhom it-tendenza li jagħtu prijorità lil Windows Media Player peress li dan kien jagħtihom il-possibbiltà li jilħqu l-parti l-kbira ta’ l-utenti ta’ client PCs fid-dinja u, min-naħa l-oħra, li d-distribuzzjoni ta’ kontenut u ta’ applikazzjonijiet kompatibbli ma’ media player partikolari kienet tikkostitwixxi, fiha nfisha, fattur kompetittiv importanti safejn kienet iżżid il-popolarità ta’ dan il-media player, popolarità li, min-naħa tagħha, kienet tiffavorixxi l-użu tat-teknoloġija multimedjali li fuqu jkun ibbażat dan il-media player, inklużi l-kodiċi, il-formats (fosthom il-format DRM) u s-softwer tas-servers (kunsiderazzjonijiet 880 u 881 tad-deċiżjoni kkontestata).

1063

Fl-ewwel lok, fir-rigward, b’mod iktar preċiż, ta’ l-effetti ta’ l-irbit fuq il-fornituri ta’ kontenut, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-evalwazzjoni ta’ din il-kwistjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 883 sa 891 tad-deċiżjoni kkontestata hija fondata.

1064

B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-offerta ta’ ‘support’ għal diversi teknoloġiji differenti kienet toħloq spejjeż addizzjonali ta’ żvilupp, ta’ infrastruttura u ta’ amministrazzjoni għall-fornituri ta’ kontenut, b’tali mod li dawn ta’ l-aħħar ikunu inklinati jibbażaw ruħhom fuq teknoloġija waħda għall-prodotti tagħhom jekk din tagħtihom aċċess għal udjenza kbira.

1065

B’hekk, mill-elementi ta’ prova miġubra mill-Kummissjoni, u prinċipalment mir-risposti għat-talbiet għal informazzjoni li hija għamlet lill-fornituri ta’ kontenut fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003, jirriżulta li l-kodifikazzjoni f’diversi formats ta’ kontenut imxandar kontinwament tinvolvi spiża sostanzjali u tieħu ħafna ħin. Fit-talba għal informazzjoni tagħha tas-16 ta’ April 2003, il-Kummissjoni talbet b’mod partikolari lil dawn il-fornituri ta’ kontenut sabiex jindikawlha jekk il-ħolqien ta’ kontenut partikolari għal iktar minn teknoloġija waħda kienx jinvolvi spejjeż addizzjonali (mistoqsija numru 19). L-entitajiet kollha li wieġbu għal din id-domanda indikaw li dan kien il-każ, filwaqt li prinċipalment indikaw spejjeż addizzjonali f’termini ta’ impjegati u ta’ sigħat addizzjonali meħtieġa għall-preparazzjoni tal-kontenut, ta’ materjal, ta’ infrastruttura u ta’ liċenzji. Mistiedna sabiex jagħmlu stima ta’ dawn l-ispejjeż addizzjonali, l-entitajiet ikkonċernati kkalkulaw li dawn kienu jammontaw għal bejn 20 sa 100 % meta mqabbla ma’ l-ispejjeż inizjali għall-provvista ta’ kontenut f’format wieħed, jiġiferi spejjeż addizzjonali medji ta’ madwar 50 % (mistoqsija numru 20). Kif tosserva l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 884 tad-deċiżjoni kkontestata, waħda mill-entitajiet mistħarrġa saħansitra ppreċiżat li “l-ispejjeż relattivament għolja assoċjati mal-preparazzjoni tal-kontenut [setgħu] inaqqsu l-interess ekonomiku għall-kumpanniji tad-diskji u/jew għall-portals online li joffru support għal diversi formats b’suċċess differenti fost l-utenti” u li “[x]i kumpanniji tad-diskji [jqabblu] dawn l-ispejjeż addizzjonali mal-vantaġġi li jirriżultaw min-numru iktar kbir ta’ utenti u mis-support ta’ diversi teknoloġiji”.

1066

Għandu jingħad li, kuntrarjament għal dak li tallega Microsoft, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-vantaġġi li jirriżultaw minn kodifikazzjoni f’diversi formats setgħux ipattu għall-ispejjeż addizzjonali kkawżati minn din il-kodifikazzjoni. Il-Kummissjoni, fil-fatt, staqsiet lill-fornituri ta’ kontenut fuq dan il-punt fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 u dawn taw l-opinjoni tagħhom dwar dan il-punt (ara l-kunsiderazzjonijiet 884, 887, 889 u 890 tad-deċiżjoni kkontestata).

1067

Mill-elementi ta’ prova miġbura mill-Kummissjoni jirriżulta wkoll li, iktar ma media player ikun mifrux, iktar il-fornituri ta’ kontenut ikunu inklinati li joħolqu kontenut għat-teknoloġija implementata f’dan il-media player. Kif tesponi ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 885 tad-deċiżjoni kkontestata, billi jibbażaw ruħhom fuq il-media player l-iktar mifrux, il-fornituri ta’ kontenut jilħqu n-numru massimu ta’ utenti potenzjali tal-prodotti tagħhom.

1068

B’hekk, kif inhuwa espost fil-kunsiderazzjoni 886 tad-deċiżjoni kkontestata, fit-talba għal informazzjoni tagħha tas-16 ta’ April 2003, il-Kummissjoni staqsiet lill-fornituri ta’ kontenut ikkonċernati jekk in-numru ta’ utenti li setgħu jużaw teknoloġija partikolari u l-preżenza ta’ softwer multimedjali fuq il-client PCs kinux fatturi li kellhom rwol importanti fl-għażla tat-teknoloġija magħżula sabiex jingħata support fil-konfront tagħha (mistoqsijiet numri 33 u 34). Il-fornituri ta’ kontenut kollha li wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet wieġbu fl-affermattiv (kunsiderazzjoni 886 tad-deċiżjoni kkontestata).

1069

Fid-dawl ta’ dak li għadu kemm intqal u tal-fatt li l-Windows tinsab fuq kważi l-client PCs kollha fid-dinja, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet, fil-kunsiderazzjoni 891 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “billi rabtet il-player [Windows Media Player] mal-Windows, Microsoft [setgħet] tiggarantixxi lill-fornituri ta’ kontenut li l-utenti finali [ser ikunu] jistgħu jaqraw il-kontenut tagħhom, fi kliem ieħor li dawn il-fornituri [setgħu] jilħqu udjenza kbira”, li “l-omnipreżenza [ta’ dan] il-player […] fuq il-PCs [li joperaw bil-]Windows [kienet] għalhekk tassigura lil Microsoft vantaġġ kompetittiv li ma [kienx] marbut mal-merti ta’ dan il-prodott” u li, “la darba kontenut ibbażat fuq format partikolari jkollu distribuzzjoni wiesgħa, il-pożizzjoni kompetittiva tal-media players kompatibbli tiġi msaħħa, filwaqt li l-introduzzjoni ta’ kompetituri ġodda ssir iktar diffiċli”.

1070

Għandu jiġi mfakkar, f’dan il-kuntest, li l-Artikolu 82 KE huwa intiż li jipprojbixxi lil impriża dominanti milli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha billi tuża metodi oħra għajr dawk ibbażati fuq kompetizzjoni fuq il-merti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 78, u s-sentenza Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 1013 iktar ’il fuq, punt 157).

1071

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni evalwat b’mod korrett, fil-kunsiderazzjonijiet 892 sa 896 tad-deċiżjoni kkontestata, l-effetti ta’ l-irbit fuq l-iżviluppaturi ta’ softwer.

1072

B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni ġustament tosserva, fil-kunsiderazzjoni 892 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iżviluppaturi ta’ softwer ikunu inklinati joħolqu applikazzjonijiet għal pjattaforma waħda jekk din tippermettilhom li jilħqu kważi l-utenti potenzjali kollha tal-prodotti tagħhom filwaqt li l-adattament tal-programmi tagħhom għal pjattaformi oħra, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-programmi u l-assistenza lill-klijenti fir-rigward ta’ dawn il-pjattaformi jirrikjedu spejjeż addizzjonali.

1073

B’hekk, mir-risposti għal ċerti mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni lill-iżviluppaturi ta’ softwer fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003 (ara, b’mod paritkolari, il-mistoqsijiet numri 8 u 48 tat-talba għal informazzjoni tas-16 ta’ April 2003) jirriżulta li l-ħolqien ta’ applikazzjonijiet għal diversi teknoloġiji multimedjali jinvolvi spejjeż addizzjonali f’termini ta’ impjegati u ta’ sigħat addizzjonali, ta’ liċenzji u ta’ assistenza lill-klijenti. L-iżviluppaturi ta’ softwer ikkonċernati kkalkulaw dawn l-ispejjeż addizzjonali bħala bejn 1 sa 100 % meta mqabbla ma’ l-ispejjeż involuti fil-ħolqien ta’ applikazzjonijiet intiżi għal teknoloġija waħda, jiġifieri spejjeż addizzjonali medji ta’ madwar 58 % (ara l-kunsiderazzjoni 894 tad-deċiżjoni kkontestata).

1074

Mir-risposti għat-talba għal informazzjoni tas-16 ta’ April 2003 jirriżulta wkoll li l-fatt li l-ħolqien ta’ applikazzjonijiet għal teknoloġiji addizzjonali, minbarra dik ta’ Microsoft, jimplika spejjeż addizzjonali għall-iżviluppaturi ta’ softwer huwa ta’ natura li jinfluwenza d-deċiżjoni tagħhom dwar jekk joħolqux jew le applikazzjonijiet għal teknoloġiji addizzjonali (ara l-kunsiderazzjoni 894 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll id-dikjarazzjoni ta’ l-entità numru 30 riprodotta fil-kunsiderazzjoni 893 tad-deċiżjoni kkontestata).

1075

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u tal-fatt li l-Windows Media Player huwa, minħabba l-irbit in kwistjoni, preżenti fil-parti l-kbira tal-client PCs fid-dinja, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni esponiet ġustament, fil-kunsiderazzjoni 895 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iżviluppaturi ta’ softwer li joħolqu applikazzjonijiet ibbażati fuq media player kellhom inċentiv li jagħmlu dan speċjalment fuq il-Windows Media Player. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni tas-suq ta’ l-2003, il-Kummissjoni stiednet lill-iżviluppaturi ta’ softwer mistħarrġa sabiex jippreċiżaw il-fatturi li kienu jiddeterminaw l-għażla tagħhom tat-teknoloġija li għaliha huma joħolqu l-applikazzjonijiet tagħhom (mistoqsija numru 7 tat-talba għal informazzjoni tas-16 ta’ April 2003). Mill-erbatax-il entità li wieġbu għal din id-domanda, għaxra identifikaw il-livell ta’ preżenza ta’ media player fuq il-client PC bħala l-iktar jew it-tieni l-iktar fattur importanti (kunsiderazzjoni 896 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kienet ukoll staqsiet lill-iżviluppaturi ta’ softwer jekk kienx importanti għalihom li l-interfaces tal-player Windows Media Player huma preżenti fuq kważi l-client PCs kollha li joperaw bil-Windows (mistoqsija numru 14 tat-talba għal informazzjoni tas-16 ta’ April 2003). Mit-tlettax-il entità li wieġbu għal din id-domanda, għaxra wieġbu fl-affermattiv (kunsiderazzjoni 896 tad-deċiżjoni kkontestata).

1076

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fil-kunsiderazzjonijiet 897 sa 899 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi li l-omnipreżenza li minnha jgawdi l-Windows Media Player permezz ta’ l-irbit in kwistjoni għandha effetti wkoll fuq ċerti swieq viċini, bħalma huma dawk tal-media players installati fuq apparat ‘wireless’, decoders, soluzzjonijiet DRM u x-xandir ta’ mużika fuq l-internet. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li Microsoft ma ppreżentat ebda argument ta’ natura li jista’ jikkontesta din l-evalwazzjoni.

1077

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li t-tieni stadju tar-raġunament tal-Kummissjoni huwa fondat.

1078

Fit-tielet stadju tar-raġunament tagħha, il-Kummissjoni teżamina l-evoluzzjoni tas-suq fid-dawl ta’ studji tas-suq imwettqa mill-kumpanniji Media Metrix, Synovate u Nielsen/NetRatings, qabel ma tikkonkludi li d-data li tirriżulta minn dawn l-istudji “turi b’mod konsistenti tendenza favur l-użu tal-[Windows Media Player] u tal-formats Windows Media għad-detriment tal-media players kompetituri prinċipali u tat-teknoloġiji relatati” (kunsiderazzjoni 944 tad-deċiżjoni kkontestata).

1079

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti hija eżatta.

1080

B’hekk, fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-użu tal-media players, mid-data miġbura minn Media Metrix jirriżulta li, sat-tieni trimestru tas-sena 1999, il-perijodu li fih beda l-irbit in kwistjoni, il-Windows Media Player kien jinsab ħafna wara l-prodott li kien jinsab fuq quddiem fis-suq, jiġifieri r-RealPlayer, li kellu kważi darbtejn iktar utenti (kunsiderazzjonijiet 905 u 906 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-kuntrarju, bejn it-tieni trimestru tas-sena 1999 u t-tieni trimestru tas-sena 2000, in-numru totali ta’ utenti tal-Windows Media Player żdied b’iktar minn 39 miljun, jiġifieri b’pass paragunabbli maż-żieda kumulattiva fin-numru ta’ utenti tar-RealPlayer u tal-QuickTime Player (ara d-data li tinsab fit-tabelli 8 u 9 tal-kunsiderazzjoni 907 tad-deċiżjoni kkontestata).

1081

Anki d-data miġbura minn Synovate f’isem Microsoft, imsemmija fil-kunsiderazzjonijiet 918 sa 920 tad-deċiżjoni kkontestata, tindika b’mod ċar tendenza favur il-Windows Media Player għad-detriment tar-RealPlayer u tal-QuickTime Player.

1082

Għandu jiġi osservat, b’mod partikolari, li mid-data ta’ Synovate li tinsab fil-kunsiderazzjoni 920 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm huwa minnu li ċertu numru ta’ utenti jużaw iktar minn media player wieħed, f’Awwissu 2003, madankollu, 45 % ta’ “l-utenti li jużaw iktar minn media player wieħed” interrogati ddikjaraw li l-media player li jużaw l-iktar ta’ spiss kien il-Windows Media Player filwaqt li 19 % indikaw ir-RealPlayer u 11 % il-QuickTime Player. B’paragun, f’Ottubru 1999, il-media player l-iktar użat minn dawn l-utenti kien ir-RealPlayer (50 %), segwit l-ewwel mill-Windows Media Player (22 %) u mbagħad mill-QuickTime Player (15 %).

1083

F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li l-konstatazzjoni ta’ Microsoft li l-konsumaturi kienu jużaw bħala medja 1.7 media players f’Ġunju 2002 — din iċ-ċifra żdiedet għal 2,1 fl-2004 — għandha tiġi kkwalifikata. Fil-fatt, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 860 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tniżżil mill-internet — minkejja li mhuwiex metodu ta’ distribuzzjoni effikaċi daqs l-installazzjoni minn qabel mill-OEMs — jippermetti, l-iktar l-iktar, lill-utent iżid media player ieħor fuq il-client PC tiegħu u mhux li jibdel il-player Windows Media Player. Dan il-player ta’ l-aħħar xorta jibqa’ preżenti fuq il-client PC filwaqt li l-media player addizzjonali jkun ir-RealPlayer, il-QuickTime Player jew media player terz ieħor.

1084

Fl-aħħar, id-data miġbura minn Nielsen/Netratings (ara l-kunsiderazzjonijiet 921 u 922 tad-deċiżjoni kkontestata) turi wkoll li, bejn Ottubru 2002 u Jannar 2004, il-Windows Media Player żied nettament il-vantaġġ tiegħu fil-konfront tar-RealPlayer u tal-QuickTime Player.

1085

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-użu ta’ formats, għandu jiġi kkonstatat li d-data ta’ Nielsen/Netratings imsemmija fil-kunsiderazzjonijiet 930 sa 932 tad-deċiżjoni kkontestata tindika tendenza favur formats Windows Media għad-detriment tal-formats ta’ RealNetworks u tal-formats QuickTime ta’ Apple.

1086

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-kunsiderazzjonijiet 934 sa 942 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-data ta’ Netcraft, kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ l-internet, dwar il-formats multimedjali użati fis-siti internet ippreżentata lill-Kummissjoni minn Microsoft matul il-proċedura amministrattiva ma kinitx konklużiva. B’mod partikolari, il-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li n-nuqqasijiet metodoloġiċi li bihom huma vvizzjati l-investigazzjonijiet imwettqa minn Netcraft, kif identifikati fil-kunsiderazzjonijiet 940 sa 942 tad-deċiżjoni kkontestata, jeliminaw l-affidabbiltà ta’ l-affermazzjoni ta’ Microsoft li, “f’Novembru 2002, il-formats ta’ RealNetworks kienu għadhom ħafna iktar komuni fuq [l-internet]” (kunsiderazzjoni 937 tad-deċiżjoni kkontestata).

1087

Fl-aħħar, fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ċaħdet, fil-kunsiderazzjoni 943 tad-deċiżjoni kkontestata, l-argument li Microsoft ibbażat fuq il-fatt li, fl-2001, ir-RealPlayer kien jinsab fuq 92 % tal-PCs użati domestikament fl-Istati Uniti u għalhekk kellu bażi installata paragunabbli għal dik tal-Windows Media Player fir-rigward ta’ dawn il-PCs. Fil-fatt, minn naħa, kif inhuwa espost fl-istess kunsiderazzjoni, fl-2003, ir-RealPlayer kien għadu preżenti biss fuq 60 sa 70 % tal-PCs użati domestikament fl-Istati Uniti. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar li r-rata ta’ installazzjoni tal-Windows Media Player hija ta’ 100 % fuq il-client PCs li joperaw bil-Windows u ta’ iktar minn 90 % fuq il-client PCs, kemm għal użu domestiku u kemm għal użu professjonali, fuq livell dinji.

1088

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-konklużjoni finali tal-Kummissjoni, ifformulata fil-kunsiderazzjonijiet 978 sa 984 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ l-effetti antikompetittivi ta’ l-irbit in kwistjoni hija fondata. Fil-fatt, il-Kummissjoni, f’dawn il-kunsiderazzjonijiet, ġustament tagħmel il-konstatazzjonijiet segwenti:

Microsoft tuża s-sistema operattiva Windows għal client PCs bħala metodu ta’ distribuzzjoni bil-għan li tassigura lilha nfisha vantaġġ kompetittiv kunsiderevoli fis-suq tal-media players (kunsiderazzjoni 979 tad-deċiżjoni kkontestata);

minħabba l-irbit in kwistjoni, il-kompetituri ta’ Microsoft jinsabu a priori f’pożizzjoni żvantaġġata, u dan anki jekk il-prodotti tagħhom ikollhom kwalitajiet intrinsiċi superjuri għal dawk tal-Windows Media Player (l-istess kunsiderazzjoni);

Microsoft tikkawża distorsjoni fir-rigward tal-proċess normali tal-kompetizzjoni li kien jiffavorixxi lill-konsumaturi billi jinkoraġġixxi ċikli ta’ innovazzjoni iktar rapidi minħabba kompetizzjoni mingħajr xkiel ibbażata fuq il-merti (kunsiderazzjoni 980 tad-deċiżjoni kkontestata);

l-irbit in kwistjoni jsaħħaħ l-impedimenti għad-dħul marbuta mal-kontenut u ma’ l-applikazzjonijiet, li jipproteġu lill-Windows, u jiffaċilita impedimenti ġodda għad-dħul simili favur il-Windows Media Player (l-istess kunsiderazzjoni);

Microsoft tipproteġi lilha nfisha mill-kompetizzjoni effettiva li jistgħu jagħmlulha l-edituri ta’ media players potenzjalment iktar effikaċi u b’hekk tnaqqas it-talent u l-kapital investiti fl-innovazzjoni fejn jidħlu l-media players (kunsiderazzjoni 981 tad-deċiżjoni kkontestata);

permezz ta’ l-irbit in kwistjoni, Microsoft tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-iswieq ta’ softwer multimedjali viċini u ddgħajjef il-kompetizzjoni effettiva f’dawk is-swieq, għad-detriment tal-konsumaturi (kunsiderazzjoni 982 tad-deċiżjoni kkontestata);

permezz ta’ l-irbit in kwistjoni, Microsoft tibgħat sinjali li jiskoraġġixxu l-innovazzjoni fit-teknoloġiji kollha li fir-rigward tagħhom huwa possibbli li hija jkollha interess u li fil-futur hija tista’ torbot mal-Windows (kunsiderazzjoni 983 tad-deċiżjoni kkontestata).

1089

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament esponiet, fil-kunsiderazzjoni 984 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jeżisti riskju sinjifikattiv li l-irbit tal-Windows u tal-Windows Media Player idgħajjef il-kompetizzjoni b’mod li ż-żamma ta’ struttura ta’ kompetizzjoni effettiva ma tkunx iktar assigurata fil-futur qarib. Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni ma ddikjaratx li l-irbit ser iwassal għall-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni fis-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa. Għalhekk, l-argument ta’ Microsoft li, diversi snin wara l-bidu ta’ l-abbuż in kwistjoni, diversi media players terzi għadhom preżenti fis-suq ma jikkontradixxix it-teżi tal-Kummissjoni.

1090

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li Microsoft ma sostniet ebda argument li jista’ jikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-limitazzjoni tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li din il-kundizzjoni kienet issodisfata f’dan il-każ.

e) Fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

Id-deċiżjoni kkontestata

1091

Fil-kunsiderazzjonijiet 955 sa 970 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-argumenti ta’ Microsoft fis-sens li l-irbit in kwistjoni jirriżulta f’żieda fl-effiċjenza li tikkumpensa l-effetti antikompetittivi identifikati.

1092

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tiċħad l-argument ta’ Microsoft li dan l-irbit jirriżulta f’żieda fl-effiċjenza fir-rigward tad-distribuzzjoni (kunsiderazzjonijiet 956 sa 961 tad-deċiżjoni kkontestata).

1093

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li Microsoft ma tistax tallega li l-fatt li grupp ta’ għażliet huma magħżula ‘by default’ fuq kompjuter “lest għall-użu” għandu, għall-konsumaturi, vantaġġi f’termini ta’ żmien u ta’ tnaqqis fir-riskju ta’ konfużjoni. Skond il-Kummissjoni, Microsoft qiegħda tqis bħala l-istess ħaġa “l-vantaġġ tal-konsumaturi li jsibu media player installat minn qabel fuq is-sistema operattiva għal client PC u l-fatt li tkun Microsoft li tagħżel il-media player minflokhom” (kunsiderazzjoni 956 tad-deċiżjoni kkontestata).

1094

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinsisti fuq ir-rwol ta’ l-OEMs u, b’mod partikolari, fuq il-fatt li huma jippersonalizzaw il-client PCs kemm fir-rigward tal-ħardwer u kemm fir-rigward tas-softwer sabiex jiddistingwuhom minn prodotti kompetittivi u jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi. Hija tesponi li “s-suq għalhekk jirrispondi għaż-żieda f’termini ta’ effiċjenza marbuta max-xiri ta’ pakkett sħiħ [li jinkludi] ħardwer, sistema operattiva u softwer ta’ applikazzjoni bħalma huma l-media players u, barra minn hekk, is-suq ikun jista’ jipproponi b’mod liberu l-varjetà ta’ prodotti li jixtiequ l-konsumaturi” (kunsiderazzjoni 957 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu, minn fost il-pakketti ta’ sistemi operattivi għal client PCs u ta’ media players proposti mill-OEMs, dak li l-iktar jaqbel ma’ l-eżiġenzi tagħhom.

1095

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li Microsoft lanqas ma tista’ tinvoka l-fatt li l-vantaġġi f’termini ta’ ekonomija miksuba permezz ta’ l-irbit ta’ żewġ prodotti ser jissarfu fi tfaddil f’termini ta’ riżorsi finanzjarji li altrimenti kienu jiġu ddedikati għaż-żamma ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għat-tieni prodott u li dawn il-vantaġġi f’termini ta’ ekonomija ser jinħassu mill-konsumaturi, “li ma jkollhomx ibatu l-ispiża marbuta ma’ xiri ieħor, inkluż l-għażla u l-installazzjoni ta’ dan il-prodott” (kunsiderazzjoni 958 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tikkontrasta, b’mod partikolari, l-ispejjeż baxxi ta’ distribuzzjoni marbuta ma’ l-għoti ta’ liċenzji fir-rigward tas-softwer, minn naħa, u l-importanza ta’ l-għażla tal-konsumaturi u ta’ l-innovazzjoni fir-rigward ta’ softwer bħal media players, min-naħa l-oħra.

1096

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni ta’ Microsoft li, billi tipprojbijha tagħmel l-irbit in kwistjoni, hija tqiegħdha f’sitwazzjoni żvantaġġata fil-konfront tal-parti l-kbira tal-kompetituri tagħha li jipprovdu s-sistemi operattivi tagħhom flimkien ma’ funzjonalitajiet multimedjali. F’dan ir-rigward, hija tosserva, minn naħa, li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprekludix lil Microsoft milli tikkonkludi ftehim ma’ l-OEMs bil-għan li jiġu installati minn qabel is-sistema operattiva Windows u media player — possibbilment il-Windows Media Player — fuq il-client PCs sabiex tiġi ssodisfata d-domanda tal-konsumaturi. Hija tenfasizza li “dak li huwa abbużiv huwa l-fatt li Microsoft timponi b’mod invarjabbli l-media player tagħha permezz ta’ l-irbit” (kunsiderazzjoni 959 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żżid li Microsoft ma tieħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-irbit għandu effetti differenti fuq is-suq skond jekk isirx minn impriża f’pożizzjoni dominanti jew minn impriża li ma jkollhiex tali pożizzjoni. Barra minn hekk, hija tfakkar li impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tiġi mċaħħda mid-dritt li tadotta aġir li ma jkunx kundannabbli jekk jitwettaq minn impriżi mhux dominanti.

1097

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad l-argument ta’ Microsoft li l-irbit in kwistjoni jirriżulta f’żieda fl-effiċjenza relatata mal-fatt li l-Windows Media Player jikkostitwixxi pjattaforma għall-kontenut u għall-applikazzjonijiet (kunsiderazzjonijiet 962 sa 969 tad-deċiżjoni kkontestata).

1098

F’dan ir-rigward, hija ssostni, essenzjalment, li Microsoft ma ppreżentatilha ebda element ta’ prova li juri li l-integrazzjoni tal-Windows Media Player fil-Windows iżżid il-‘performance’ tal-prodott mill-aspett tekniku, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, li l-irbit in kwistjoni huwa indispensabbli sabiex jimmaterjalizzaw l-effetti favorevoli għall-kompetizzjoni invokati minnha. Hija tosserva b’mod partikolari li Microsoft la tallega u lanqas tipprova li l-iżviluppaturi ta’ softwer ma kinux ikunu kapaċi jiżviluppaw applikazzjonijiet li kieku l-Windows Media Player kien iddistribwit indipendentement mis-sistema operattiva Windows għal client PCs (kunsiderazzjoni 965 tad-deċiżjoni kkontestata).

1099

Il-Kummissjoni tesponi wkoll li l-fatt li media players ta’ kumpanniji differenti jistgħu jiffunzjonaw mal-Windows ikkontribwixxa b’mod notevoli għat-tixrid tat-teknoloġija multimedjali li tippermetti riċezzjoni kontinwa u għall-iżvilupp ta’ diversi applikazzjoni multimedjali li rriżulta minn dan it-tixrid (kunsiderazzjoni 966 tad-deċiżjoni kkontestata).

1100

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-kunsiderazzjoni 970 tad-deċiżjoni kkontestata, li Microsoft ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li l-irbit in kwistjoni kien oġġettivament iġġustifikat b’effetti favorevoli għall-kompetizzjoni li kienu iktar sostanzjali mill-ostakolu għall-kompetizzjoni pprovokat minn din il-prassi. Hija tenfasizza li l-vantaġġi li Microsoft tippreżenta bħala li jirriżultaw mill-irbit setgħu jinkisbu anki mingħajr dan l-irbit. Hija żżid li l-vantaġġi l-oħra invokati minn Microsoft jikkostitwixxu essenzjalment żidiet fil-profitti tagħha u huma sproporzjonati ma’ l-effetti antikompetittivi ta’ l-irbit in kwistjoni.

1101

Fil-kunsiderazzjonijiet 1026 sa 1042 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-argumenti li Microsoft tibbaża fuq l-allegati rabtiet ta’ interdipendenza bejn il-Windows u l-Windows Media Player kif ukoll fuq l-allegati rabtiet ta’ interdipendenza bejn il-Windows u l-applikazzjonijiet żviluppati minn terzi.

L-argumenti tal-partijiet

1102

Bħala introduzzjoni għall-argumenti li hija tiżviluppa fil-kuntest tal-kwistjoni prinċipali ta’ l-irbit tal-Windows mal-Windows Media Player, Microsoft tagħmel numru ta’ osservazzjonijiet ta’ natura fattwali.

1103

B’hekk, l-ewwel nett, hija tallega li l-integrazzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda, b’mod ġenerali, fil-verżjonijiet suċċessivi tas-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha tippreżenta vantaġġi għall-iżviluppaturi ta’ softwer, għall-OEMs u għall-konsumaturi.

1104

Fir-rigward ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer, Microsoft tesponi, fl-ewwel lok, li s-sistema operattiva Windows għal client PCs tipprovdi pjattaforma stabbli u ddefinita sew għall-iżvilupp ta’ softwer. L-integrazzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda f’din is-sistema tippermetti li jiġu żviluppati b’iktar faċilità u b’iktar rapidità programmi ta’ softwer li jiffunzjonaw magħha. Il-possibbiltà, għall-iżviluppaturi ta’ softwer, li jużaw il-funzjonalitajiet offruti mill-Windows tippermettilhom li jnaqqsu n-numru ta’ funzjonalitajiet li jkollhom jiddisinjaw, jiżviluppaw u jippruvaw fil-prodotti tagħhom kif ukoll li jnaqqsu d-daqs globali tagħhom. Fl-aħħar lok, hija tosserva li, anqas ma applikazzjoni jkollha kodiċi ta’ softwer, anqas ikunu r-riskji li hija tiffunzjona ħażin u li jkun hemm bżonn ta’ assistenza teknika.

1105

Fir-rigward ta’ l-OEMs, Microsoft tesponi li dawn “jiddependu fuq iż-żieda ta’ funzjonalitajiet fil-Windows sabiex joħolqu PCs li jissodisfaw lill-konsumaturi u li jippermettu l-iddisinjar ta’ applikazzjonijiet interessanti ġodda”.

1106

Fir-rigward tal-konsumaturi, dawn jistennew li l-Windows tkun imtejba kontinwament. Barra minn hekk, l-utenti ġodda ta’ PC, b’mod partikolari dawk li l-kapaċitajiet tekniċi tagħhom huma limitati, ikunu jixtiequ li l-konfigurazzjoni u l-użu tal-PCs ikunu faċli.

1107

It-tieni nett, Microsoft tiddeskrivi l-vantaġġi li jirriżultaw mill-integrazzjoni, b’mod iktar partikolari, ta’ funzjonalità multimedjali fil-Windows. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija ssostni li l-applikazzjonijiet ta’ terzi jistgħu jużaw din il-funzjonalità, ħaġa din li tiffaċilita l-inklużjoni ta’ kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini mill-iżviluppaturi ta’ softwer fil-prodotti tagħhom. Il-preżenza uniformi tal-funzjonalità multimedjali fil-Windows, offruta mill-iżviluppaturi ta’ softwer permezz ta’ l-APIs ippubblikati, inkoraġġiet il-ħolqien ta’ diversi applikazzjonijiet ibbażati fuq dan il-kontenut. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-funzjonalità multimedjali tal-Windows toffri serje ta’ funzjonijiet, bħalma huma l-qari ta’ CD awdjo u ta’ DVD vidjo u t-tniżżil mill-internet ta’ mużika, funzjonijiet li huma mixtieqa mill-konsumaturi u li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-bejgħ tal-client PCs. Fl-aħħar lok, hija ssostni li l-preżenza ta’ funzjonalità multimedjali fil-Windows tagħmel il-PCs iktar attraenti u iktar faċli sabiex jintużaw mill-konsumaturi.

1108

Microsoft tesponi li l-ġustifikazzjoni prinċipali li hija tinvoka fir-rigward ta’ l-aġir tagħha hija bbażata fuq il-fatt li l-integrazzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda fis-sistemi operattivi b’risposta għall-progress fit-teknoloġija u għall-evoluzzjoni fid-domanda tal-konsumaturi hija element prinċipali tal-kompetizzjoni fis-settur ta’ dawn is-sistemi u kienet ta’ benefiċċju għall-industrija għal iktar minn 20 sena. Hija ssostni li l-integrazzjoni ta’ kapaċità ta’ xandir kontinwu fil-Windows tikkostitwixxi wieħed mill-aspetti tal-“mudell kummerċjali li rnexxa” tagħha u kkontribwixxiet għaż-żieda fl-użu tal-media diġitali. Sostnuta fuq dan il-punt minn DMDsecure et u Exor, hija tallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-vantaġġi reali li jirriżultaw mill-integrazzjoni ta’ funzjonalitajiet ġodda fis-sistema operattiva Windows.

1109

In sostenn ta’ l-argumenti esposti fil-punt preċedenti, Microsoft tagħmel tliet gruppi ta’ kunsiderazzjonijiet.

1110

Fl-ewwel lok, sostnuta minn DMDsecure et, TeamSystem, Mamut u Exor, Microsoft issostni li l-integrazzjoni ta’ funzjonalità multimedjali fil-Windows hija indispensabbli sabiex l-iżviluppaturi ta’ softwer u d-disinjaturi ta’ siti internet ikunu jistgħu jużaw b’mod effiċjenti l-pjattaforma “stabbli u ddefinita sew” tal-Windows. Billi jużaw din il-funzjonalità, dawn l-operaturi jistgħu faċilment jinkludu kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini fil-prodotti tagħhom u b’hekk ma jkollhomx għalfejn jiddisinjaw u jiżviluppaw kodiċi ta’ softwer kumpless sabiex jinqara tali kontenut, ħaġa din li tippermettilhom jikkonċentraw fuq it-titjib tal-karatteristiċi tal-prodotti tagħhom.

1111

Microsoft tiċħad l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-kunsiderazzjoni 1031 tad-deċiżjoni kkontestata, li ftit huwa importanti jekk il-funzjonalità multimedjali integrata fil-Windows tkunx ipprovduta minn Microsoft jew minn terzi peress li huwa possibbli li jiġi ddistribwit mill-ġdid il-kodiċi ta’ softwer li jipprovdi din il-funzjonalità jew li tintuża funzjonalità pprovduta mill-media players terzi. Hija tallega li l-iżviluppaturi ta’ softwers, li kieku ma kellhomx pjattaforma uniformi li tipprovdi sett affidabbli ta’ servizzi ta’ sistema, kien ikollhom jiddeterminaw, f’kull każ partikolari, li huma l-funzjonalitajiet preżenti fuq il-verżjoni tal-Windows installata fuq il-PC ta’ klijent partikolari u mbagħad, jekk ikun il-każ, jipprovdu l-funzjonalitajiet li ma jkunux preżenti. Dan jagħmel l-applikazzjonijiet akbar u iktar kumplessi u, għaldaqstant, ikunu jinvolvu iktar spejjeż f’termini ta’ żvilupp, ittestjar u assistenza.

1112

Microsoft, sostnuta fuq dan il-punt minn Exor, tosserva li ż-żieda ta’ komponenti wieħed wieħed mal-Windows tirriskja li toħloq kunflitti bejn il-verżjonijiet differenti ta’ dawn il-komponenti, ħaġa din li tipprovoka funzjonament difettuż tal-Windows jew ta’ l-applikazzjoni installata.

1113

Microsoft issostni wkoll li, fir-rigward ta’ l-applikazzjonijiet “li diġà huma użati b’mod mifrux ħafna”, ma jeżisti ebda mekkaniżmu sabiex tiġi assigurata d-distribuzzjoni tal-komponenti tal-Windows li fuqhom dawn l-applikazzjonijiet jiddependu sabiex jiksbu l-funzjonalità multimedjali. Dawn l-applikazzjonijiet ma jibqgħux jaħdmu b’mod korrett ma’ verżjoni tal-Windows li ma jkollhiex il-Windows Media Player. Hija żżid li l-funzjonalità multimedjali tal-Windows mhijiex “funġibbli”, fis-sens li applikazzjoni ddisinjata sabiex tuża din il-funzjonalità ma tistax, mingħajr ma tkun emendata b’mod sostanzjali, tuża funzjonalità simili pprovduta minn media player kompetitur.

1114

Barra minn hekk, Microsoft tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-media players kompetituri jistgħu jissostitwixxu l-Windows Media Player fir-rigward tal-parti l-kbira tal-funzjonalitajiet tiegħu. Hija ssostni b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma tipprovax li xi terzi ser jiddeċiedu li joffru “funzjonalità sostitwibbli għall-funzjonalità multimedjali kollha integrata fil-Windows”.

1115

Skond Microsoft, in-nuqqas ta’ funzjonalità multimedjali f’ċerti kopji tal-Windows ser ikun ta’ preġudizzju anki għad-disinjaturi ta’ siti internet, li jibbażaw ruħhom fuq din il-funzjonalità sabiex ixandru kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini. Hija tallega li, jekk ma jkunux jistgħu jiddependu iktar fuq il-preżenza uniformi ta’ funzjonalità multimedjali fil-Windows, huma ser ikollhom jintegraw fil-prodotti tagħhom mekkaniżmu li jidentifika l-preżenza tal-funzjonalità multimedjali meħtieġa u, jekk din ma tkunx preżenti, iniżżel mill-internet il-kodiċi ta’ softwer meħtieġ fuq il-PC ta’ l-utent.

1116

Fl-aħħar, fir-replika, Microsoft tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-vantaġġ li jirriżulta mill-integrazzjoni ta’ funzjonalità multimedjali uniformi fil-Windows ma jistax jikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida fil-liġi Komunitarja. Minn naħa, fil-fatt, il-Kummissjoni, meta tapplika l-Artikolu 82 KE, ma tistax ma tieħux in kunsiderazzjoni l-vantaġġi li jirriżultaw mill-aġir ikkunsidrat bħala abbużiv. Min-naħa l-oħra, huwa ineżatt li jiġi allegat li l-istandardizzazzjoni li tista’ tintlaħaq f’dan il-każ ma tkunx ir-riżultat ta’ proċess kompetittiv.

1117

Fit-tieni lok, Microsoft issostni li l-integrazzjoni tal-funzjonalità multimedjali fil-Windows hija indispensabbli sabiex jinkisbu “vantaġġi oħra”.

1118

Hija tispjega, f’dan ir-rigward, li l-Windows hija komposta minn numru kbir ta’ blokkijiet ta’ kodiċi ta’ softwer speċjalizzati li jissodisfaw funzjonijiet speċifiċi. Sabiex tiġi evitata r-riproduzzjoni ta’ l-istess funzjonalità f’kull wieħed minn dawn il-blokkijiet, blokkijiet partikolari ta’ kodiċi ta’ softwer — il-“komponenti” — jużaw lil xulxin sabiex iwettqu funzjonijiet speċifiċi. B’hekk, komponent wieħed jista’ jintuża sabiex jissodisfa diversi funzjonijiet. Per eżempju, komponent li jxandar il-kontenut ta’ ħsejjes jista’ jintuża kemm mis-“sistema ta’ assistenza” fil-Windows u kemm mis-sistema ta’ qari b’vuċi għolja ta’ test li tagħmel lill-Windows iktar aċċessibbli għall-persuni b’nuqqas ta’ vista. Dan il-metodu ta’ ddisinjar ta’ softwer, imsejjaħ “tqassim f’komponenti”, huwa bbażat fuq l-interdipendenza bejn il-komponenti, b’tali mod li jekk wieħed minnhom jitneħħa, dan iwassal għall-funzjonament ħażin ta’ diversi komponenti oħra. B’hekk, diversi elementi tal-Windows XP, fosthom is-sistema ta’ assistenza, ma jibqgħux jiffunzjonaw jekk il-funzjonalità multimedjali titneħħa mis-sistema operattiva. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ l-interdipendenza bejn il-komponenti, Microsoft ma tistax tiżviluppa partijiet oħra tal-Windows maħsuba sabiex jużaw il-funzjonalità multimedjali jekk hija ma tkunx ċerta mill-preżenza ta’ din il-funzjonalità f’kull client PC li jopera bil-Windows. Għalhekk, il-manifatturi ta’ kompjuters m’għandhomx ikunu jistgħu jneħħu b’mod liberu komponenti tal-Windows, b’mod partikolari dawk li jipprovdu l-funzjonalità multimedjali.

1119

Fir-replika, Microsoft tinnega li hija qatt ma sostniet li l-integrazzjoni tal-player Windows Media Player fil-Windows kellha vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza teknika. Hija tallega li hija spjegat fid-dettall ir-raġunijiet għalxiex kien “teknikament effiċjenti li tiġi inkluża funzjonalità multimedjali fil-Windows li setgħet tintuża kemm mill-partijiet l-oħra tas-sistema operattiva u kemm mill-applikazzjonijiet li jiffunzjonaw fl-ambitu tas-sistema operattiva”. Microsoft iżżid li l-fatt li diversi żviluppaturi ta’ softwer jagħżlu minn rajhom li jużaw il-funzjonalità multimedjali tal-Windows huwa fih innifsi l-prova li l-“integrazzjoni uniformi” ta’ tali funzjonalità tirriżulta f’vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza teknika. Fl-aħħar, hija tallega li hija pprovat, matul il-proċedura amministrattiva, li l-Windows tiffunzjona “b’mod iktar rapidu” meta tali funzjonalità tkun integrata fiha.

1120

Fit-tielet lok, Microsoft tallega li l-eżekuzzjoni tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata ser ikollha ċerti konsegwenzi preġudizzjali.

1121

F’dan ir-rigward, minn naħa, hija ssostni li t-tneħħija ta’ ċerti komponenti mill-unità integrata komposta mill-Windows u mill-Windows Media Player ser tirriżulta fi tnaqqis fil-kwalità tas-sistema operattiva, b’mod partikolari fejn huma involuti komponenti użati għall-provvista ta’ servizzi bażiċi, bħall-kapaċità li jinqara kontenut ta’ ħsejjes u ta’ immaġini.

1122

Min-naħa l-oħra, Microsoft tesponi li, jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi preċedent li fil-futur jipprekludiha milli twettaq integrazzjonijiet oħra fis-sistema operattiva Windows tagħha, malajr isir impossibbli li tiddisinja, tiżviluppa u tittestja din is-sistema. Għal kull blokk ta’ kodiċi ta’ softwer li hija jkollha tneħħi, hija ser ikollha taffaċċja żieda esponenzjali fl-ammont tax-xogħol tagħha. B’hekk, per eżempju, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tapplika għal blokk ta’ kodiċi ta’ softwer ieħor l-istess prinċipji bħal dawk stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata, hija jkollha toffri erba’ verżjonijiet differenti tal-Windows. Skond Microsoft, minħabba din il-“frammentazzjoni”, ma jkunx possibbli li jiġi identifikat jekk kopja partikolari tas-sistemi operattivi għandhiex il-funzjonalitajiet li jkunu jixtiequ jużaw l-iżviluppaturi ta’ softwer, il-produtturi ta’ prodotti periferiċi jew l-utenti. Dan iwassal sabiex ikun hemm verżjoni waħda, jew mhux iktar, tal-Windows għal kull manifattur ta’ kompjuters, b’kull manifattur joffri sett differenti ta’ funzjonalitajiet. Fuq perijodu twil, il-fatt li jkun possibbli li jitneħħew funzjonalitajiet tal-Windows ser inaqqas l-għażla tal-konsumaturi peress li dawn ser jispiċċaw marbuta ma’ ditti partikolari ta’ client PCs li jeżegwixxu verżjonijiet partikolari tal-Windows, mingħajr ma jkollhom l-assigurazzjoni li l-applikazzjonijiet, bħall-programmi ta’ graphics, ser jiffunzjonaw fuq verżjonijiet oħra tal-Windows. Bl-istess mod, isir ħafna iktar diffiċli li fi ħdan netwerk ta’ l-informatika jintgħażlu u jintużaw flimkien ditti differenti ta’ client PCs. Skond Microsoft, l-uniku mod sabiex tiġi evitata din il-“frammentazzjoni” huwa li l-Windows tinżamm fil-verżjoni attwali.

1123

Il-Kummissjoni tiċħad, l-ewwel nett, l-osservazzjonijiet ta’ natura fattwali magħmula minn Microsoft. Hija ssostni b’mod partikolari li l-affermazzjonijiet ġenerali ta’ din ta’ l-aħħar dwar il-vantaġġi ta’ l-integrazzjoni, fis-sistemi operattivi għal client PCs, ta’ funzjonalitajiet ġodda, mingħajr ebda konnessjoni mal-Windows Media Player, mhumiex rilevanti.

1124

It-tieni nett, il-Kummissjoni, sostnuta minn SIIA, tallega li Microsoft ma tipprovax li l-aġir in kwistjoni huwa oġġettivament iġġustifikat.

1125

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija tfakkar li, fil-kunsiderazzjonijiet 955 sa 970 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ċaħdet l-argumenti ta’ Microsoft li l-irbit in kwistjoni jirriżulta f’żieda fl-effiċjenza ta’ natura li tikkumpensa l-effetti antikompetittivi identifikati. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ l-allegata żieda fl-effiċjenza fir-rigward tad-distribuzzjoni, hija tosserva li l-argumenti ta’ Microsoft huma bbażati fuq il-fatt li Microsoft tqis bħala l-istess ħaġa “l-vantaġġ tal-konsumaturi li jsibu media player installat minn qabel fuq is-sistema operattiva għal client PC u l-fatt li tkun Microsoft li tagħżel il-media player minflokhom”. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 962 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid li Microsoft ma indikat ebda żieda f’termini ta’ effiċjenza teknika li għaliha hija meħtieġa l-integrazzjoni tal-Windows Media Player fil-Windows. Hija tallega li l-allegazzjoni ta’ Microsoft, magħmula għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, li l-Windows tiffunzjona b’mod iktar rapidu meta fiha tkun integrata funzjonalità multimedjali mhijiex issostanzjata mill-iċken element ta’ prova. Fl-aħħar, hija ssostni li, permezz ta’ l-irbit in kwistjoni, Microsoft tipproteġi lilha nfisha mill-kompetizzjoni effettiva li tista’ ssirilha mill-edituri ta’ media players potenzjalment iktar effikaċi li kapaċi jikkompetu għall-pożizzjoni tagħha. B’hekk, Microsoft tnaqqas it-talent u l-kapital investit fl-innovazzjoni fir-rigward tal-media players u tnaqqas l-inċentivi tagħha stess li tagħmel innovazzjonijiet f’dan is-settur.

1126

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni teżamina t-tliet gruppi ta’ kunsiderazzjonijiet magħmula minn Microsoft.

1127

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li l-media players għandhom karatteristiċi kemm ta’ applikazzjoni u kemm ta’ pjattaforma ta’ softwer. Fi kliem ieħor, skond il-Kummissjoni, għalkemm huma bbażati fuq is-sistema operattiva għal client PCs, huma jistgħu, min-naħa tagħhom, iservu bħala bażi għal applikazzjonijiet oħra. Hija tosserva li l-media players joffru s-servizzi ta’ pjattaforma tagħhom irrispettivament minn jekk ikunux marbuta jew le ma’ sistema operattiva għal PC.

1128

Il-Kummissjoni tallega li l-vantaġġ li l-irbit in kwistjoni joffri lill-iżviluppaturi ta’ softwer u lill-fornituri ta’ kontenut huwa li jippermettilhom li jevitaw “sforzi inerenti għall-kompetizzjoni”, ħaġa din li ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni validu fid-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-iżviluppaturi ta’ softwer u l-fornituri ta’ kontenut li jibbażaw il-prodotti tagħhom fuq il-pjattaforma tal-Windows Media Player ma jkollhomx għalfejn, minħabba l-irbit ta’ dan il-player mas-sistema operattiva “monopolistikament omnipreżenti” Windows, jikkonvinċu lill-utenti sabiex jinstallaw l-imsemmi player. Għall-kuntrarju, dawk li jibbażaw il-prodotti tagħhom fuq il-pjattaforma ta’ media players terzi normalment jipprovdu inċentiv sabiex l-utenti jinstallaw fuq il-kompjuter tagħhom il-media player meħtieġ, per eżempju billi jinkludu links sabiex jitniżżel mill-internet.

1129

Il-Kummissjoni żżid li l-irbit in kwistjoni għandu l-effett li jżid l-ispejjeż ta’ l-edituri ta’ media players kompetituri u ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer terzi li jibbażaw ruħhom fuq dawn il-media players sabiex jikkonvinċu lill-utenti jinstallaw l-imsemmija media players, minħabba li “l-kompetituri jkollhom jegħlbu l-fatturi dissważivi kkawżati mill-preżenza awtomatika tal-Windows Media Player sabiex jiksbu l-installazzjoni ta’ media player differenti iżda b’karatteristiċi essenzjalment simili (l-ispejjeż ta’ formazzjoni, ta’ assistenza u ta’ ħażna huma eżempji ta’ dawn il-fatturi dissważivi)”.

1130

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-argumenti ta’ Microsoft fir-rigward tal-pjattaforma uniformi jammontaw għal affermazzjoni li Microsoft għandha titħalla tkabbar il-monopolju tal-Windows billi torbot prodotti ta’ softwer oħra mal-Windows, u dan għas-sempliċi raġuni li dawn il-prodotti joffru wkoll kapaċitajiet ta’ pjattaforma għall-iżviluppaturi terzi. Hija tosserva li Microsoft essenzjalment issostni li l-integrazzjoni tal-Windows Media Player fil-Windows twassal għal standardizzazzjoni de facto u li dan huwa ta’ benefiċċju għal terzi peress li b’hekk ikunu jafu li dan il-player ser ikun dejjem preżenti f’din is-sistema. Issa, standardizzazzjoni ma tistax tkun imposta unilateralment minn impriża dominanti permezz ta’ irbit (kunsiderazzjoni 969 tad-deċiżjoni kkontestata).

1131

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk il-kodiċi ta’ softwer mhuwiex kompletament funġibbli (ara l-punt 1113 iktar ’il fuq), xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-media players kompetituri jistgħu jissostitwixxu lill-Windows Media Player fir-rigward tal-parti l-kbira tal-funzjonalitajiet tiegħu. Fir-rigward tal-funzjonalitajiet l-oħra, l-edituri ta’ media players kompetituri jistgħu jagħżlu li ma jimplementawhomx fil-preżent peress li jafu li huma disponibbli fil-Windows Media Player. Madankollu, dan ma jwaqqafhomx milli jiżviluppaw dawn il-funzjonalitajiet immedjatament wara l-implementazzjoni tal-miżura korrettiva sabiex jibbenefikaw mill-verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player u jissodisfaw id-domanda min-naħa ta’ l-iżviluppaturi tas-softwer.

1132

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tippreċiża li hija qatt ma sostniet li l-media players terzi jikkostitwixxu “sostituti perfetti” għall-funzjonalità multimedjali tal-Windows. Fid-deċiżjoni kkontestata, hija sempliċement spjegat li l-media players terzi installati fuq verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player setgħu, fil-parti l-kbira, “jissostitwixxu l-karatteristiċi” tal-Windows Media Player. Hija tosserva li l-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa jikkompetu abbażi ta’ ċertu numru ta’ parametri, bħalma huma l-kwalità tax-xandir, il-metodu ta’ organizzazzjoni tal-kontenut u l-format li fih ikun ipprovdut il-fajl.

1133

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni ta’ Microsoft li ċerti applikazzjonijiet ma jibgħux jiffunzjonaw b’mod korrett meta jintużaw mal-verżjoni tal-Windows imposta mill-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, filwaqt li tirreferi għall-eżempju msemmi fil-kunsiderazzjoni 1038 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tippreċiża li s-siti internet professjonali normalment ikollhom mekkaniżmi li jidentifikaw awtomatikament in-nuqqas tal-komponenti meħtieġa sabiex tittella’ paġna ta’ l-internet u jippermettu t-tniżżil mill-internet ta’ dawn il-komponenti. Fil-kontroreplika, hija żżid li, fi kwalunkwe każ, l-iżviluppaturi li jibbażaw il-prodotti tagħhom fuq il-Windows Media Player għandhom diversi metodi sabiex jaħsbu għall-possibbiltà li utent ta’ PC ma jkunx diġà installa dan il-player.

1134

It-tieni nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti li Microsot tibbaża fuq il-metodu ta’ tqassim f’komponenti.

1135

Hija ssostni, fl-ewwel lok, li dawn l-argumenti huma kompletament astratti peress li Microsoft tirreferi għall-kunċett ta’ funzjonalità multimedjali b’mod ġenerali. Hija ttenni li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata ma tippreġudikax il-funzjonalità multimedjali bażika tal-Windows.

1136

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-fajls li jikkostitwixxu l-Windows Media Player li għandhom jitneħħew b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ġew identifikati b’mod ċar minn Microsoft. F’dan ir-rigward hija tirreferi għal ittra tat-13 ta’ Settembru 2004 li ntbagħtitilha mis-Sur Heiner, impjegat ta’ Microsoft, u tikkunsidra li Microsoft ma tistax tallega li mhuwiex “teknikament possibbli” li tiġi ddisinjata verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player.

1137

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tobbliga lil Microsoft tiddisinja u tipproponi verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player filwaqt li tassigura li din il-verżjoni tiffunzjona kompletament u tkun ta’ kwalità tajba. Hija tenfasizza li din id-deċiżjoni ma żżommx lil Microsoft milli tibqa’ toffri verżjoni tal-Windows flimkien mal-Windows Media Player “skond il-metodu attwali tagħha ta’ ddisinjar ta’ softwer”.

1138

Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tosserva li Microsoft tagħti biss eżempju wieħed ta’ “interdipendenza bejn il-komponenti”, jiġifieri s-sistema ta’ assistenza tal-Windows XP. Hija ssostni li din is-sistema ta’ assistenza, safejn hija bbażata fuq ħsejjes jew immaġini, hija bbażata fuq infrastruttura multimedjali li ser tibqa’ preżenti fil-verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player. Għaldaqstant, is-sistema in kwistjoni ser tibqa’ tiffunzjona b’mod korrett, irrispettivament mill-preżenza ta’ dan il-media player, kif juri rapport ta’ prova ppreżentat minn RealNetworks matul il-proċedura sommarja. Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni ta’ Microsoft li diversi elementi oħra tal-Windows XP mhumiex ser jibqgħu jaħdmu jekk il-funzjonalità multimedjali titneħħa mis-sistema komposta mill-Windows u mill-Windows Media Player, din bl-ebda mod ma ġiet issostanzjata.

1139

Il-Kummissjoni żżid li hija eżaminat fid-dettall, fil-kunsiderazzjonijiet 1026 sa 1042 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni ta’ l-allegata interdipendenza bejn il-Windows u l-Windows Media Player. Hija tfakkar li hija kkonstatat li kien evidenti li, jekk dan il-media player jitħassar mill-Windows, uħud mill-funzjonalitajiet normalment offruti minnu ma jibqgħux preżenti (kunsiderazzjoni 1033 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, dan ma jfissirx li s-sistema operattiva ma tiffunzjonax korrettament jew li l-prodott ser “titnaqqaslu l-kwalità”. Hija żżid li l-eżempju tal-Windows XP Embedded juri li huwa teknikament possibbli l-Windows jiffunzjona fin-nuqqas ta’ kapaċitajiet multimedjali li jirriżulta mit-tneħħija tal-kodiċi b’mod li ma jwassalx għall-kollass tal-funzjonalitajiet tas-sistema operattiva (kunsiderazzjonijiet 1028 sa 1030 tad-deċiżjoni kkontestata).

1140

It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti li Microsoft issostni fir-rigward ta’ l-effetti negattivi futuri tal-miżura korrettiva prevista fl-Aritkolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq ipoteżi u suppożizzjonijiet u mhumiex rilevanti.

1141

Hija tfakkar, fl-ewwel lok, li, b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft xorta tista’ tibqa’ toffri l-verżjoni tal-Windows marbuta mal-Windows Media Player.

1142

Fit-tieni lok, sostnuta fuq dan il-punt minn SIIA, hija tosserva li Microsoft diġà tikkummerċjalizza diversi verżjonijiet differenti tas-sistema operattiva tagħha għal client PCs li mhux kollha huma interkambjabbli, bħall-Windows 98, il-Windows 2000, il-Windows Millennium Edition, il-Windows NT u l-Windows XP. Dawn il-verżjonijiet differenti tal-Windows ma jipprovdux ‘support’ għall-istess applikazzjonijiet.

1143

Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjoni ta’ Microsoft li hija jmissha żżomm il-Windows fil-verżjoni attwali tagħha. Hija ssostni li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tolqot l-inċentivi ta’ Microsoft li tagħmel innovazzjonijiet, u dan kemm fis-suq tal-media players u kemm f’dak tas-sistemi operattivi għal client PCs, u li din il-miżura tippermetti lill-konsumaturi li jeżerċitaw l-għażla tagħhom skond il-merti tal-prodotti. Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn Audiobanner.com, tallega li, fil-verità, huwa l-irbit in kwistjoni li jiskoraġġixxi l-innovazzjoni, b’mod partikolari fis-suq tal-media players (kunsiderazzjoni 981 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, din il-prassi tiskoraġġixxi l-investimenti fit-teknoloġiji kollha li fihom Microsoft tista’ tieħu interess fil-futur (kunsiderazzjoni 983 tad-deċiżjoni kkontestata).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1144

Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li, għalkemm l-oneru tal-prova fir-rigward ta’ l-eżistenza taċ-ċirkustanzi meħtieġa sabiex ikun hemm ksur ta’ l-Artikolu 82 KE jinsab fuq il-Kummissjoni, hija madankollu l-impriża dominanti kkonċernata, u mhux il-Kummissjoni, li għandha ssostni, jekk ikun il-każ u qabel l-għeluq tal-proċedura amministrattiva, eventwali ġustifikazzjoni oġġettiva u tressaq argumenti u elementi ta’ prova f’dan ir-rigward. Imbagħad, hija l-Kummissjoni, jekk ikollha l-intenzjoni li tikkonkludi li jeżisti abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, li għandha turi li l-argumenti u l-elementi ta’ prova invokati mill-imsemmija impriża ma jistgħux jipprevalu u, għaldaqstant, li l-ġustifikazzjoni ppreżentata ma tistax tiġi aċċettata.

1145

Fl-atti tagħha, Microsoft essenzjalment tressaq żewġ settijiet ta’ argumenti sabiex tiġġustifika l-aġir tagħha li l-parti l-kbira tagħhom huma l-istess bħal dawk li hija ressqet bl-istess skop matul il-proċedura amministrattiva u li, kif jirriżulta mill-punti segwenti, ġew eżaminati u ġustament miċħuda mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 955 sa 970 u 1026 sa 1042 tad-deċiżjoni kkontestata.

1146

Minn naħa, Microsoft takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-vantaġġi li jirriżultaw mill-mudell kummerċjali tagħha, mudell li jimplika l-integrazzjoni kontinwa ta’ funzjonalitajiet ġodda fil-Windows. F’dan il-kuntest, hija ssostni, b’mod iktar partikolari, li l-integrazzjoni ta’ funzjonalità multimedjali fil-Windows hija indispensabbli sabiex l-iżviluppaturi ta’ softwer u d-disinjaturi ta’ siti internet ikunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-vantaġġi sostanzjali offruti mill-pjattaforma “stabbli u ddefinita sew” tal-Windows.

1147

Min-naħa l-oħra, Microsoft issostni li, jekk il-funzjonalità mutlimedjali titneħħa mill-unità komposta mill-Windows u mill-Windows Media Player, dan jikkawża serje ta’ problemi għad-detriment tal-konsumaturi, ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer u tad-disinjaturi ta’ siti internet. Hija tinvoka b’mod partikolari l-fatt li s-sistema operattiva Windows tagħha hija bbażata fuq il-metodu magħruf bħala “tqassim f’komponenti” (ara l-punt 1118 iktar ’il fuq) u li t-tneħħija ta’ din il-funzjonalità twassal għal nuqqas fil-kwalità u għal “frammentazzjoni” ta’ din is-sistema.

1148

Fir-rigward ta’ l-ewwel sett ta’ argumenti invokati minn Microsoft, għandu, l-ewwel nett, isir riferiment għall-portata eżatta ta’ l-abbuż ikkonstatat fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) ta’ l-istess deċiżjoni.

1149

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma takkużax lil Microsoft fir-rigward tal-fatt, fih innifsu, li hija tintegra l-Windows Media Player fil-Windows iżda fir-rigward tal-fatt li fis-suq hija toffri esklużivament verżjoni tal-Windows bil-Windows Media Player integrat fiha, jiġifieri talli ma tippermettix lill-OEMs u lill-konsumaturi jiksbu l-Windows mingħajr il-Windows Media Player jew, minn ta’ l-anqas, li jneħħu dan il-player mill-unità komposta mill-Windows u mill-Windows Media Player. B’hekk, l-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm jobbliga lil Microsoft tikkummerċjalizza “verżjoni totalment funzjonali tas-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha li ma tinkludix il-Windows Media Player”, jippreċiża espressament, madankollu, li “Microsoft […] iżżomm id-dritt li toffri s-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha flimkien mal-Windows Media Player” (ara, f’dan l-istess sens, il-kunsiderazzjonijiet 1011 u 1023 tad-deċiżjoni kkontestata).

1150

B’hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-mudell kummerċjali ta’ Microsoft safejn dan jinkludi l-integrazzjoni ta’ media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa fis-sistema operattiva tagħha għal client PCs u lanqas ma tikkontesta l-possibbiltà li din is-sistema tagħti lill-iżviluppaturi ta’ softwer u lid-disinjaturi ta’ siti internet vantaġġi li jirriżultaw mill-pjattaforma “stabbli u ddefinita sew” tal-Windows. Il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li Microsoft, flimkien mal-verżjoni tal-Windows li tikkorrispondi mal-mudell kummerċjali tagħha, ma tikkummerċjalizzax ukoll verżjoni ta’ din is-sistema mingħajr il-Windows Media Player, b’tali mod li tippermetti, jekk ikun il-każ, lill-OEMs jew lill-utenti jinstallaw il-prodott ta’ l-għażla tagħhom bħala l-ewwel media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa fuq il-client PC.

1151

It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li Microsoft ma tistax targumenta abbażi tal-fatt li l-irbit in kwistjoni jiggarantixxi l-preżenza uniformi ta’ funzjonalità multimedjali fil-Windows, preżenza li minħabba fiha l-iżviluppaturi ta’ softwer u d-disinjaturi ta’ siti internet ma jkollhomx għalfejn jinkludu fil-prodotti tagħhom mekkaniżmi sabiex jiġi identifikat liema huwa l-media player preżenti fuq client PC partikolari u, jekk ikun il-każ, tiġi installata l-funzjonalità meħtieġa (ara l-punti 1107, 1111 u 1115 iktar ’il fuq). Fil-fatt, il-fatt li, permezz ta’ dan l-irbit, l-iżviluppaturi ta’ softwer u d-disinjaturi ta’ siti internet jistgħu jkunu ċerti li l-Windows Media Player huwa preżenti fuq kważi l-client PCs kollha fid-dinja huwa preċiżament wieħed mir-raġunijiet prinċipali għalxiex il-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li dan l-irbit iwassal għall-esklużjoni tal-media players kompetituri mis-suq. Għalkemm il-preżenza uniformi invokata minn Microsoft jista’ jkollha vantaġġi għal dawn l-operaturi, din iċ-ċirkustanza madankollu ma tistax tikkumpensa l-effetti antikompetittivi kkawżati mill-irbit in kwistjoni.

1152

Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni (ara l-punt 1130 iktar ’il fuq), permezz ta’ dan l-argument, Microsoft qiegħda fil-fatt issostni li l-integrazzjoni tal-Windows Media Player fil-Windows u l-kummerċjalizzazzjoni tal-Windows f’din il-forma biss iwasslu għal standardizzazzjoni de facto tal-pjattaforma tal-Windows Media Player, ħaġa din li għandha effetti pożittivi fuq is-suq. Għalkemm, b’mod ġenerali, l-istandardizzazzjoni jista’ effettivament ikollha ċerti vantaġġi, madankollu xorta ma jistax jiġi aċċettat li din tkun imposta unilateralment minn impriża f’pożizzjoni dominanti permezz ta’ rbit.

1153

Għandu jingħad ukoll li ma jistax jiġi eskluż li terzi ma jkunux jixtiequx l-istandardizzazzjoni de facto proposta minn Microsoft iżda jippreferu li pjattaformi differenti jibqgħu jikkompetu bejniethom, u dan bil-għan li din il-kompetizzjoni tistimula innovazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-pjattaformi.

1154

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif josservaw ġustament il-Kummissjoni u SIIA, il-vantaġġi l-oħra invokati minn Microsoft jistgħu jinkisbu anki mingħajr l-aġir in kwistjoni.

1155

B’hekk, fir-rigward tal-konsumaturi, id-domanda min-naħa tagħhom għal client PC “lest għall-użu” li jinkludi, b’mod partikolari, media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa tista’ tiġi ssodisfata kompletament mill-OEMs, li l-attività prinċipali tagħhom hija preċiżament dik li jimmuntaw tali PCs billi jgħaqqdu, b’mod partikolari, sistema operattiva għal client PCs ma’ l-applikazzjonijiet mixtieqa mill-konsumaturi (kunsiderazzjonijiet 68 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jingħad ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma żżommx lil Microsoft milli tkompli toffri l-verżjoni tal-Windows bil-Windows Media Player lill-konsumaturi li jippreferu din is-soluzzjoni.

1156

F’dan l-istess sens, Microsoft ma tistax targumenta abbażi tal-fatt li l-OEMs “jiddependu fuq iż-żieda ta’ funzjonalitajiet fil-Windows sabiex joħolqu PCs li jissodisfaw lill-konsumaturi u li jippermettu l-iddisinjar ta’ applikazzjonijiet interessanti ġodda”. Fil-fatt, l-OEMs jistgħu jipproponu client PCs li jkollhom tali karatteristiċi billi jinstallaw fuqhom applikazzjonijiet miksuba mingħand żviluppaturi ta’ softwer. Bl-istess mod, il-funzjonalitajiet offruti mill-Windows Media Player jistgħu jiġu pprovduti minn Microsoft fuq bażi awtonoma, jiġiferi mingħajr ma dan il-player ikun marbut mas-sistema operattiva Windows tagħha.

1157

Microsoft lanqas ma tista’ tallega li l-integrazzjoni ta’ funzjonalità multimedjali fil-Windows hija indispensabbli sabiex l-iżviluppaturi ta’ softwer u d-disinjaturi ta’ siti internet ikunu jistgħu jużaw b’mod effiċjenti l-pjattaforma Windows u li permezz ta’ din l-integrazzjoni dawn ta’ l-aħħar ma jkollhomx għalfejn jiżviluppaw huma stess il-kodiċi ta’ softwer meħtieġ.

1158

Għar-raġunijiet esposti fil-kunsiderazzjonijiet 962 sa 967 tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-argument għandu, fil-fatt, jiġi miċħud bħala infondat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li għalkemm il-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa — u dan japplika kemm għall-Windows Media Player u kemm għall-media players kompetituri — jikkostitwixxu softwer ta’ applikazzjoni, huma xorta waħda jesponu APIs u għalhekk jistgħu jintużaw anki bħala pjattaforma għal applikazzjonijiet ta’ terzi. Issa, bl-ebda mod m’huwa meħtieġ li media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa jkun integrat ma’ sistema operattiva għal client PCs sabiex ikun jista’ jipprovdi tali servizzi ta’ pjattaforma. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem Microsoft, in-nuqqas ta’ tali integrazzjoni m’għandux il-konsegwenza li l-iżviluppaturi ta’ softwer terzi jkollhom jiktbu l-kodiċi ta’ softwer meħtieġ. B’hekk, kif inhuwa kkonstatat fil-kunsiderazzjoni 966 tad-deċiżjoni kkontestata, numru kbir ta’ żviluppaturi ta’ softwer u ta’ fornituri ta’ kontenut fuq l-internet jiżviluppaw il-prodotti tagħhom billi jibbażaw ruħhom fuq l-APIs esposti mill-player RealPlayer, mingħajr ma dan huwa integrat f’xi sistema operattiva għal client PCs. F’dan l-istess sens, għandu jiġi mfakkar li l-iżviluppaturi ta’ softwer jistgħu joħolqu — u fil-fatt joħolqu — applikazzjonijiet intiżi li jiffunzjonaw mal-WMP 9 minkejja li dan il-player ma kienx installat minn qabel fuq il-Windows (kunsiderazzjoni 965 tad-deċiżjoni kkontestata).

1159

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, kif il-Kummissjoni osservat kemm fid-deċiżjoni kkontestata u kemm fl-atti tagħha, Microsoft ma tipprovax li l-integrazzjoni tal-Windows Media Player fil-Windows tirriżulta f’żieda fl-effiċjenza teknika jew, fi kliem ieħor, li din l-integrazzjoni “twassal għal ‘performance’ teknika aħjar mill-prodott” (kunsiderazzjoni 962 tad-deċiżjoni kkontestata).

1160

Fir-replika, Microsoft tinvoka, għall-ewwel darba, il-fatt li “l-Windows tiffunzjona b’mod iktar rapidu meta funzjonalità multimedjali tkun integrata fiha”. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni mhijiex issostanzjata.

1161

Fir-replika wkoll, Microsoft issostni li l-fatt li diversi żviluppaturi ta’ softwer jagħżlu minn rajhom li jużaw il-funzjonalità multimedjali tal-Windows juri li “l-integrazzjoni uniformi” ta’ tali funzjonalità tirriżulta f’żieda fl-effiċjenza teknika. Din l-affermazzjoni għandha tiġi miċħuda. Minn naħa, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-player Windows Media Player u mhux il-funzjonalità multimedjali in ġenerali. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-iżviluppaturi ta’ softwer jibbażaw ruħhom fuq il-Windows Media Player ma jipprovax li l-iribt jirriżulta f’żieda fl-effiċjenza teknika.

1162

Fir-rigward tat-tieni sett ta’ argumenti invokati minn Microsoft, dawn ukoll għandhom jiġu mwarrba.

1163

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-applikazzjonijiet “li diġà huma użati b’mod mifrux ħafna” ma jibqgħux jaħdmu b’mod korrett meta jiġu eżegwiti fuq il-verżjoni tal-Windows li ma jkollhiex il-Windows Media Player, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni ma ġietx ipprovata b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi.

1164

It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-allegazzjoni ta’ Microsoft li t-tneħħija tal-funzjonalità multimedjali mill-unità komposta mill-Windows u mill-Windows Media Player ser taffettwa l-funzjonament ta’ ċerti elementi tas-sistema operattiva Windows stess mhijiex fondata. L-uniċi eżempji li Microsoft tipprovdi f’dan ir-rigward, jiġifieri s-sistema ta’ assistenza u s-sistema ta’ qari b’vuċi għolja ta’ test li jinsabu fil-Windows, mhumiex eżempji konvinċenti. Fil-fatt, dawn is-sistemi huma bbażati fuq l-infrastruttura multimedjali bażika tas-sistema operattiva Windows u mhux fuq il-Windows Media Player. Issa, kif diġà ġie espost fil-punt 916 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-kwistjoni prinċipali ta’ l-irbit, l-aġir in kwistjoni jikkonċerna biss is-softwer ta’ applikazzjoni li jikkostitwixxi l-player Windows Media Player, u mhux xi teknoloġija multimedjali oħra li tagħmel parti mis-sistema operattiva Windows għal client PCs, u l-infrastruttura multimedjali bażika ta’ din is-sistema tibqa’ preżenti fil-verżjoni tal-Windows imposta mill-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata. Diġà ġie kkonstatat ukoll, fil-punt 916 iktar ’il fuq, li Microsoft stess tagħmel distinzjoni, fid-dokumentazzjoni teknika tagħha, bejn il-fajls li jikkostitwixxu l-Windows Media Player u l-fajls multimedjali l-oħra, b’mod partikolari dawk marbuta ma’ l-imsemmija infrastruttura multimedjali bażika.

1165

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsra li Microsoft lanqas ma tista’ ssostni li t-tneħħija tal-Windows Media Player mill-unità komposta minn dan il-player u mill-Windows ser twassal għal tnaqqis fil-kwalità tas-sistema operattiva. B’hekk, il-Windows XP Embedded tista’ tiġi kkonfigurata b’mod li ma jkunx inkluż il-Windows Media Player mingħajr ma dan jippreġudika l-integrità tal-funzjonalitajiet l-oħra tas-sistema operattiva. Għandu jingħad ukoll li, matul il-perijodu bejn Ġunju 1998 u Mejju 1999, meta Microsoft integrat għall-ewwel darba l-player WMP 6 fis-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha mingħajr ma kien possibbli għall-OEMs jew għall-utenti li jneħħu dan il-player minn din is-sistema, il-media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa ta’ Microsoft kien offrut minn din ta’ l-aħħar bħala softwer ta’ applikazzjoni separat, u dan mingħajr ma affettwa l-funzjonament tas-sistema operattiva Windows. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li Microsoft, b’applikazzjoni tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata, introduċiet fis-suq verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player u li din il-verżjoni hija kompletament funzjonali.

1166

Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument li Microsoft tibbaża fuq ir-risku ta’ “frammentazzjoni” tas-sistema operattiva Windows tagħha (ara l-punt 1122 iktar ’il fuq). Minn naħa, kif tenfasizza l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, dan l-argument huwa ipotetiku u spekulattiv. Min-naħa l-oħra, dan l-argument jikkontradixxi l-prassi kummerċjali ta’ Microsoft stess. B’hekk, matul dawn l-aħħar snin, Microsoft suċċessivament ikkummerċjalizzat diversi verżjonijiet differenti tas-sistema operattiva Windows tagħha li mhux kollha huma interkambjabbli, jiġifieri l-Windows 98, il-Windows 2000, il-Windows Me, il-Windows NT u l-Windows XP. Barra minn hekk, fir-rigward, per eżempju, tas-sistema Windows XP, jistgħu jiġu identifikati seba’ verżjonijiet distinti.

1167

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li Microsoft ma pprovatx l-eżistenza ta’ xi ġustifikazzjoni oġġettiva għall-irbit abbużiv tas-sistema operattiva Windows għal client PCs u tal-Windows Media Player.

f) Fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligi imposti fuq il-Komunitajiet mill-Ftehim TRIPs

Id-deċiżjoni kkontestata

1168

Fil-kunsiderazzjonijiet 1049 sa 1053 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-argument ta’ Microsoft li l-miżura intiża bħala rimedju għar-rifjut abbużiv li tipprovdi ma tirrispettax l-obbligi tal-Komunità taħt il-Ftehim TRIPs u l-argument li l-miżura intiża bħala rimedju għall-irbit abbużiv ma tirrispettax l-obbligi tal-Komunità taħt il-Ftehim dwar Barrieri Tekniċi għall-Kummerċ, tal-15 ta’ April 1994 [Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TBT”)].

1169

Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija kompletament kompatibbli ma’ l-obbligi tagħha taħt il-Ftehim TRIPs u l-Ftehim TBT (kunsiderazzjoni 1052 tad-deċiżjoni kkontestata).

1170

Hija żżid li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 801 u 802 iktar ’il fuq, Microsoft ma tistax tinvoka dawn il-ftehim sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (kunsiderazzjoni 1053 tad-deċiżjoni kkontestata).

L-argumenti tal-partijiet

1171

Microsoft tallega li d-deċiżjoni kkontestata tobbligaha tiżviluppa verżjoni tas-sistema operattiva Windows tagħha li l-funzjonalità multimedjali tagħha tkun imneħħija “kważi kollha” kif ukoll li din id-deċiżjoni tobbligaha toffri dan il-“prodott ta’ kwalità inferjuri” taħt it-trade marks kummerċjali Microsoft u Windows lill-konsumaturi fl-Ewropa. B’dan il-mod, din id-deċiżjoni tippreġudika d-drittijiet ta’ trade mark tagħha u d-drittijiet ta’ l-awtur tagħha, żewġ kategoriji ta’ drittijiet li l-Komunitajiet huma legalment obbligati jipproteġu taħt il-Ftehim TRIPs.

1172

Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-drittijiet ta’ trade mark tagħha, Microsoft issostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li tillimita dawn id-drittijiet bi ksur ta’ l-Artikoli 17 u 20 tal-Ftehim TRIPs. Hija tippreċiża li, skond l-Artikolu 17 tal-Ftehim TRIPs, l-eċċezzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet mogħtija minn trade mark għandhom ikunu limitati u għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-proprjetarju tat-trade mark u ta’ terzi. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 20 tal-Ftehim TRIPs, dan jipprevedi li l-użu ta’ trade mark ma jistax jiġi llimitat b’mod inġust permezz ta’ rekwiżiti speċjali, bħalma huma l-“użu f’forma speċjali, jew l-użu b’mod li jkun ta’ ħsara għall-kapaċità [tat-trade mark] li tiddistingwi [l-prodotti] jew is-servizzi ta’ impriża […] minn dawk ta’ impriżi oħra”.

1173

Skond Microsoft, il-Kummissjoni, billi teżiġi li hija toffri taħt liċenzja verżjoni tal-Windows mingħajr funzjonalità multimedjali, tobbligaha li tqiegħed l-iktar trade mark “prezzjuża” tagħha fuq prodott li ma kienx iddisinjat minnha u li hija taf li mhuwiex ser jiffunzjona kif mixtieq. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn din il-verżjoni tal-Windows u dik li jkollha l-funzjonalità multimedjali. Microsoft tqis ukoll li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-dritt tagħha li tikkontrolla l-kwalità tal-prodotti li fuqhom titqiegħed it-trade mark u, f’dan ir-rigward, ittenni li l-verżjoni tal-Windows imposta mill-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata ser taffettwa l-funzjonament, minn naħa, ta’ serje ta’ elementi tas-sistema operattiva Windows stess u, min-naħa l-oħra, ta’ applikazzjonijiet u ta’ siti ta’ l-internet li jużaw din il-funzjonalità multimedjali. Microsoft tikkunsidra li l-“barrieri” kkawżati b’dan il-mod mid-deċiżjoni kkontestata ma jagħmlux parti mit-tip ta’ eċċezzjonijiet “limitati” msemmija fl-Artikolu 17 tal-Ftehim TRIPs. Hija żżid li l-obbligu impost fuqha li tuża t-trade marks Windows u Microsoft tagħha fuq prodotti ta’ kwalità inferjuri li fuqhom hija ma tistax tuża l-kontroll tagħha fir-rigward tad-disinn jinsab f’kontradizzjoni diretta ma’ l-interessi tagħha stess kif ukoll ma’ dawk tal-konsumaturi u ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer terzi.

1174

Fir-rigward ta’ l-Artikolu 20 tal-Ftehim TRIPs, dan ma ġiex irrispettat safejn, minkejja l-eżistenza ta’ alternattivi b’livell ugwali ta’ effiċjenza, il-Kummissjoni tobbligaha tuża t-trade mark Windows b’mod li jnaqqas ir-rwol tagħha bħala indikatur ta’ oriġini u ta’ kwalità, ħaġa din li toħloq konfużjoni fil-moħħ tal-konsumaturi u tippreġudika l-“goodwill” ta’ din it-trade mark.

1175

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-drittijiet ta’ l-awtur tagħha, Microsoft tallega li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-drittijiet esklużivi tagħha — protetti mill-Ftehim TRIPs — li tawtorizza adattamenti, alterazzjonijiet u bidliet oħra fix-xogħlijiet tagħha, li tawtorizza r-riproduzzjoni tax-xogħlijiet tagħha, b’kull mod u b’kull forma, u li tiddistribwixxi kopji tal-Windows lill-pubbliku. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tobbligaha toħloq adattament tal-Windows li ma jikkorrispondix mad-disinn tagħha stess u li jikkostitwixxi bidla sostanzjali tax-xogħol protett tagħha u tobbligaha wkoll tagħti liċenzji għall-użu ta’ kopji ta’ dan l-“adattament sfurzat tax-xogħol protett tagħha”. Microsoft issostni li l-Ftehim TRIPs ma jawtorizzax l-għoti obbligatorju ta’ liċenzji fir-rigward ta’ xogħol protett bi drittijiet ta’ l-awtur ħlief fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 ta’ dan il-ftehim, liema kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti f’dan il-każ.

1176

Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-Ftehim TRIPs (ara l-punt 789 iktar ’il fuq).

1177

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, l-argumenti ppreżentati minn Microsoft mhumiex fondati.

1178

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ta’ Microsoft dwar id-drittijiet ta’ trade mark tagħha.

1179

L-ewwel nett, hija ssosni li huwa diffiċli li dawn l-argumenti jinftiehmu u li Microsoft ma tippreċiżax jekk l-allegat ksur tal-Ftehim TRIPs jikkonċernax il-konstatazzjoni ta’ l-abbuż relatat ma’ l-irbit magħmula fid-deċiżjoni kkontestata jew il-miżura adottata bħala rimedju għal dan l-abbuż.

1180

It-tieni nett, il-Kummissjoni tesponi li, skond l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPs, il-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata għandu d-dritt esklużiv li jwaqqaf lil terzi li jaġixxu mingħajr il-kunsens tiegħu milli jużaw sinjali identiċi jew simili. Issa, Microsoft ma tispjegax kif dan id-dritt huwa milqut mid-deċiżjoni kkontestata u lanqas safejn l-użu tat-trade marks tagħha jista’, minħabba din id-deċiżjoni, jiġi llimitat b’mod li ma jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ ħtiġiet speċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 20 tal-Ftehim TRIPs. Skond il-Kummissjoni, għalhekk, id-dritt esklużiv imsemmi iktar ’il fuq huwa mħares f’dan il-każ, l-istess bħall-funzjoni tat-trade mark bħala garanzija ta’ l-oriġini tal-prodotti.

1181

Il-Kummissjoni żżid li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tippreġudika d-dritt ta’ Microsoft li tikkontrolla l-kwalità tal-prodotti li fuqhom titqiegħed it-trade mark peress li Microsoft ser jibqgħalha “kontroll sħiħ fuq il-prodotti tagħha”. Barra minn hekk, hija tqis li hija diġà ċaħdet l-argument li l-verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player tikkostitwixxi prodott ta’ kwalità inferjuri. Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni invokata minn Microsoft, il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li din tista’ tiġi evitata permezz ta’ informazzjoni u ta’ tikketti adegwati.

1182

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jitqies li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-drittijiet ta’ trade mark ta’ Microsoft, id-dispożizzjoni derogatorja li tinsab fl-Artikolu 17 tal-Ftehim TRIPs, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 8(2) u ma’ l-Artikolu 40(2) ta’ dan il-ftehim, tippermetti li jitwaqqaf il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni identifikat fid-deċiżjoni kkontestata.

1183

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti li Microsoft tibbaża fuq id-drittijiet ta’ l-awtur tagħha.

1184

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ma tawtorizzax lil terzi jadattaw jew jirriproduċi x-xogħlijiet ta’ Microsoft protetti mid-dritt ta’ l-awtur u tikkunsidra li Microsoft ma tistax tinvoka “dritt għall-integrità”, li jikkostitwixxi dritt morali u, għalhekk, ma jistax ikun kopert mill-Ftehim TRIPs.

1185

It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-argumenti li Microsoft tibbaża fuq l-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPs, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn ma jistgħux jintlaqgħu. F’dan ir-rigward, hija tosserva b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata hija “każ speċjali” fis-sens ta’ dan l-artikolu peress li tapplika għal “każ ta’ rbit li jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti”.

1186

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li, anki jekk jitqies li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-drittijiet ta’ l-awtur ta’ Microsoft, id-dispożizzjoni derogatorja li tinsab fl-Artikolu 13 tal-Ftehim TRIPs, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 8(2) u ma’ l-Artikolu 40(2) ta’ dan il-ftehim, tippermetti li jitwaqqaf il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni identifikat fid-deċiżjoni kkontestata.

1187

Essenzjalment, SIIA ttenni l-argumenti tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1188

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li Microsoft tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-motiv li din hija kuntrarja għal diversi dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs, u b’mod partikolari għall-Artikoli 13, 17 u 20 ta’ dan il-ftehim.

1189

Issa, kif diġà ġie espost fil-punt 801 iktar ’il fuq, skond ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tan-natura u ta’ l-istruttura tagħhom, il-Ftehim tal-WTO mhumiex, bħala prinċipju, fost in-normi li fid-dawl tagħhom il-qorti Komunitarja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji.

1190

Kif diġà ġie osservat ukoll fil-punt 802 iktar ’il fuq, huwa biss meta l-Komunità kellha l-intenzjoni timplementa obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-WTO jew meta l-att Komunitarju jagħmel riferiment espress għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO li l-qorti Komunitarja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ l-att Komunitarju in kwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO. Peress li huwa evidenti li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jikkorrispondu għal ebda waħda minn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, Microsoft ma tistax tinvoka l-Ftehim TRIPs, b’mod partikolari l-Artikoli 13, 17 u 20 ta’ dan il-ftehim, in sostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn din it-talba tikkonċerna l-kwistjoni prinċipali ta’ l-irbit tal-Windows u tal-Windows Media Player.

1191

Minn dan isegwi li din il-parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti li Microsoft ressqet in sostenn tagħha.

1192

Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, m’hemm xejn fid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs li jipprekludi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Membri tal-WTO jordnaw miżuri korrettivi li jillimitaw jew jirregolaw l-użu ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali miżmuma minn impriża f’pożizzjoni dominanti meta din teżerċita dawn id-drittijiet b’mod antikompetittiv. B’hekk, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, mill-Artikolu 40(2) tal-Ftehim TRIPs jirriżulta espressament li l-Membri tal-WTO għandhom id-dritt li jirregolaw l-użu abbużiv ta’ tali drittijiet sabiex jevitaw effetti preġudizzjali fuq il-kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, fil-fatt, tipprevedi dan li ġej:

“Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jipprevjeni l-Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li f’każijiet partikolari jistgħu jkunu abbuż mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li għandhom effett ħażin fuq il-kompetizzjoni fis-suq rilevanti. Kif provdut hawn fuq, Membru jista’ jaddotta, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, miżuri xierqa biex jipprevjeni jew jikkontrolla dawn il-prattiċi, li jistgħu jinkludu per eżempju kondizzjonijiet esklużivi ta’ għotja lura, kondizzjonijiet li jipprevenu rikuża ta’ validità u liċenzar ta’ l-ippakkjar bil-forza, fid-dawl tal-liġijiet u regolamenti rilevanti ta’ dak il-Membru.”

1193

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat fl-intier tiegħu.

3. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

a) Id-deċiżjoni kkontestata

1194

Bħala miżura korrettiva fir-rigward ta’ l-irbit abbużiv imsemmi fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni jordna lil Microsoft sabiex toffri, f’terminu ta’ 90 jum min-notifika ta’ l-imsemmija deċiżjoni, verżjoni totalment funzjonali tas-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha li ma tinkludix il-Windows Media Player, filwaqt li Microsoft iżżomm id-dritt li toffri s-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha flimkien mal-Windows Media Player. Dan l-Artikolu 6 jipprevedi wkoll li Microsoft għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, fl-istess terminu, il-miżuri kollha li hija tkun ħadet sabiex tikkonforma ruħha ma’ dan l-obbligu.

1195

Fil-kunsiderazzjonijiet 1011 sa 1042 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħti iktar dettalji dwar din il-miżura korrettiva.

1196

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-portata ta’ l-imsemmija miżura korrettiva (kunsiderazzjonijiet 1011 sa 1014 tad-deċiżjoni kkontestata).

1197

Hija tippreċiża b’mod partikolari li l-obbligu impost fuq Microsoft li toffri verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player tikkonċerna kemm il-każ fejn il-Windows tingħata taħt liċenzja direttament lill-utenti finali u kemm il-każ fejn il-Windows tingħata taħt liċenzja lill-OEMs. Bl-istess mod, il-fatt li Microsoft iżżomm il-possibbiltà li toffri verżjoni tal-Windows bil-Windows Media Player japplika kemm għall-utenti finali u kemm għall-OEMs.

1198

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipprjobixxi lil Microsoft milli tadotta xi miżura teknoloġika, kummerċjali, kuntrattwali jew ta’ natura oħra li jkollha effett ekwivalenti għal irbit tal-Windows u tal-Windows Media Player, filwaqt li tenfasizza b’mod partikolari li l-verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player għandha tiffunzjona tajjeb daqs il-verżjoni tal-Windows b’dan il-player. Fil-kunsiderazzjoni 1013 tad-deċiżjoni kkontestata tinsab lista mhux eżawrjenti ta’ prassi pprjobiti f’dan is-sens.

1199

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tistabbilixxi bħala 90 jum it-terminu li fih Microsoft għandha timplementa l-miżura korrettiva in kwistjoni (kunsiderazzjonijiet 1015 sa 1017 tad-deċiżjoni kkontestata).

1200

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement preċiża, fis-sens li hija ma tistax tkun taf bi preċiżjoni liema huwa l-kodiċi ta’ softwer li hija għandha tneħħi mill-prodott tagħha (kunsiderazzjonijiet 1018 sa 1021 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ssemmi b’mod partikolari l-eżempju tal-Windows XP Embedded u tinsisti fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tobbliga lil Microsoft tneħħi l-fajls multimedjali kollha tal-Windows iżda biss dawk li jikkostitwixxu l-Windows Media Player.

1201

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni serje ta’ kunsiderazzjonijiet bil-għan li tipprova n-natura proporzjonata tal-miżura korrettiva in kwistjoni (kunsiderazzjonijiet 1022 sa 1042 tad-deċiżjoni kkontestata).

1202

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ssostni li din il-miżura hija meħtieġa bħala rimedju għal-limitazzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-aġir in kwistjoni (kunsiderazzjoni 1022 tad-deċiżjoni kkontestata).

1203

It-tieni nett, il-Kummissjoni tosserva li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata ma twaqqafx lil Microsoft milli tikkummerċjalizza l-media player tagħha u lanqas ma timponilha restrizzjonijiet oħra għajr il-projbizzjoni li tkompli teżerċita l-irbit in kwistjoni jew li tadotta miżuri b’effett ekwivalenti għal dan l-irbit (kunsiderazzjoni 1023 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ttenni li Microsoft hija awtorizzata sabiex tkompli tikkummerċjalizza verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player (l-istess kunsiderazzjoni).

1204

It-tielet nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li Microsoft tibbaża fuq il-fatt li ma teżistix domanda sinjifikattiva min-naħa tal-konsumaturi għal sistemi operattivi għal client PCs mingħajr funzjonalità multimedjali (kunsiderazzjonijiet 1024 u 1025 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tesponi, essenzjalment, li l-OEMs jistgħu jissodisfaw l-aspettattivi tal-konsumaturi billi jinstallaw minn qabel il-media player ta’ l-għażla tagħhom fuq il-client PCs li jbigħulhom.

1205

Ir-raba’ nett, fil-kunsiderazzjonijiet 1026 sa 1034 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-argumenti li Microsoft tibbaża fuq l-allegati rabtiet ta’ interdipendenza bejn il-Windows u l-Windows Media Player. Filwaqt li tinvoka mill-ġdid l-eżampju tal-Windows XP Embedded, hija tiċħad l-allegazzjoni li t-tneħħija tal-kodiċi tal-Windows Media Player tippreġudika l-integrità tas-sistema operattiva. Barra minn hekk, hija ssostni li Microsoft ma pprovatx li l-integrazzjoni tal-Windows Media Player fil-Windows kienet kundizzjoni meħtieġa sabiex tinkiseb żieda fl-effiċjenza. F’dan ir-rigward, hija tosserva b’mod partikolari li, “jekk l-iżviluppaturi ta’ softwer jiżviluppaw is-soluzzjonijiet multimedjali tagħhom stess jew jintegraw fil-prodott tagħhom kodiċi li jista’ jiġi ddistribwit u li jkun ipprovdut minn terzi, huma ma jkunux jiddependu mill-preżenza ta’ media player fuq il-client PC ta’ l-utent” (kunsiderazzjoni 1032 tad-deċiżjoni kkontestata).

1206

Fl-aħħar, fil-ħames nett, fil-kunsiderazzjonijiet 1035 sa 1042 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-argumenti li Microsoft tibbaża fuq l-allegati rabtiet ta’ interdipendenza bejn il-Windows u l-applikazzjonijiet żviluppati minn terzi. B’mod iktar partikolari, hija tiċħad l-allegazzjoni li t-tneħħija tal-kodiċi tal-Windows Media Player ikollha konsegwenzi preġudizzjali għall-fornituri ta’ kontenut u għall-iżviluppaturi ta’ softwer. Fir-rigward tal-fornituri ta’ kontenut, hija tesponi li mhuwiex rari li dawn jimplementaw soluzzjonijiet sabiex jiddeterminaw liema media player ikun installat fuq client PC partikolari u li jipprovdu għall-miżuri li jkollhom jittieħdu fl-ipoteżi fejn il-preżentazzjoni tal-kontenut tagħhom tkun teżiġi player partikolari jew verżjoni speċifika ta’ player partikolari (kunsiderazzjoni 1037 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li Microsoft tibbaża fuq il-vantaġġ li l-Windows tinżamm bħala “pjattaforma koerenti” (kunsiderazzjoni 1041 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkunsidra, essenzjalment, li Microsoft ma tistax tinvoka l-fatt li permezz tal-prassi tagħha l-iżviluppaturi ta’ softwer li l-prodotti tagħhom ikunu bbażati fuq media players jista’ jkollhom “riferiment fiss” f’dan ir-rigward, peress li din il-prassi toħloq distorsjoni fil-konfront tal-kompetizzjoni fuq il-merti (kunsiderazzjoni 1042 tad-deċiżjoni kkontestata).

b) L-argumenti tal-partijiet

1207

Microsoft issostni li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minn tliet aspetti.

1208

Fl-ewwel lok, din il-miżura korrettiva ma tieħux in kunsiderazzjoni l-interess leġittimu ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer u tad-disinjaturi ta’ siti internet li “l-Windows tinżamm bħala pjattaforma stabbli u koerenti”.

1209

Fit-tieni lok, din il-miżura korrettiva tippreġudika d-drittijiet morali ta’ Microsoft billi teżiġi li Microsoft tnaqqas il-kwalità tas-sistema operattiva Windows tagħha u tagħti lil terzi liċenzji fir-rigward ta’ din il-verżjoni inferjuri tal-prodott tagħha. B’mod partikolari, din il-miżura ma tirrispettax id-dritt ta’ Microsoft li topponi bidliet, deformazzjonijiet u degradazzjoni tax-xogħol tagħha, kif ukoll kull tip ta’ ħsara oħra.

1210

Fit-tielet lok, Microsoft issostni li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata hija “intrinsikament kontradittorja” u li għaliha huwa impossibbli li tikkonforma ruħha magħha peress li hija ordnata tneħħi funzjonalitajiet importanti tal-Windows filwaqt li tassigura li l-verżjoni inferjuri tal-Windows ma tkunx anqas kapaċi mill-verżjoni ta’ din is-sistema bil-Windows Media Player.

1211

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura korrettiva in kwistjoni hija proporzjonata, b’mod partikolari peress li Microsoft iżżomm id-dritt li tipproponi verżjoni tal-Windows flimkien mal-Windows Media Player. Hija tosserva wkoll li din il-miżura korrettiva ma twaqqafx lil Microsoft milli tikkummerċjalizza l-media player tagħha u lanqas milli tibqa’ toffrih separatament permezz ta’ tniżżil mill-internet.

1212

Il-Kummissjoni tikkontesta li huwa impossibbli li jiġi identifikat il-kodiċi ta’ softwer tal-Windows Media Player jew li Microsoft tikkonforma ruħha mal-miżura prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li tenfasizza li Microsoft stess tirrikonoxxi li hija diġà żviluppat verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player li tinsab lesta sabiex tiġi kkummerċjalizzata. Hija tagħmel riferiment, barra minn hekk, għall-kunsiderazzjonijiet 1018 sa 1021 tad-deċiżjoni kkontestata.

1213

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li Microsoft ma tippreżenta ebda element ta’ prova ta’ natura li juri li din il-miżura korrettiva ser tikkawża preġudizzju lil terzi jew ser tirriżulta f’verżjoni inferjuri tas-sistema operattiva.

1214

Fir-rigward ta’ l-allegat preġudizzju għad-drittijiet morali ta’ Microsoft, il-Kummissjoni ssostni li din ta’ l-aħħar mhijiex “normalment ikkunsidrata bħala l-proprjetarja ta’ drittijiet morali fl-Ewropa”. Barra minn hekk, il-miżura korrettiva in kwistjoni ma twaqqafx lill-awturi tax-xogħol milli jinvokaw il-“paternità” u lanqas ma timplika xi żvelar tal-kodiċi.

1215

Fl-aħħar, il-Kummissjoni sostnuta fuq dan il-punt minn SIIA, tikkunsidra li l-miżuri previsti fis-sentenza tad-District Court ta’ l-1 ta’ Novembru 2002 mhumiex biżżejjed bħala rimedju għall-abbuż marbut ma’ l-irbit identifikat fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tosserva li din is-sentenza ma tobbligax lil Microsoft li tneħħi l-kodiċi tal-Windows Media Player mis-sistema operattiva għal client PC iżda sempliċement li tipprovdi metodu li jippermetti lill-OEMs u lill-utenti finali jaħbu fuq l-iscreen tal-kompjuter l-‘icon’ u l-punti ta’ aċċess li jwasslu għas-softwer Windows Media Player. Barra minn hekk, Microsoft iddisinjat dan il-mekkaniżmu ta’ ħabi b’mod li l-Windows Media Player jista’ jiġi attivat mill-ġdid u jinjora l-għażliet ‘by default’ magħmula mill-utenti. Il-miżuri identifikati fl-imsemmija sentenza, għalhekk, ma jaffettwax l-omnipreżenza tal-kodiċi tal-Windows Media Player fuq il-client PCs u lanqas, b’konsegwenza ta’ dan, l-inċentivi ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer u tal-fornituri ta’ kontenut li “jibbażaw l-offerti komplementari tagħhom fuq il-Windows Media Player bħala teknoloġija ta’ pjattaforma”.

c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1216

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, in sostenn ta’ dan il-motiv, Microsoft essenzjalment ittenni l-istess argumenti bħal dawk li hija ppreżentat fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv dwar il-kundizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva (ara l-punti 1102 sa 1122 iktar ’il fuq).

1217

Ir-raġunijiet għalxiex il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li dawn l-argumenti ma kinux fondati għandhom japplikaw ukoll fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ dan il-motiv.

1218

B’hekk, fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-argument li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-interess ta’ l-iżviluppaturi ta’ softwer u tad-disinjaturi ta’ siti internet li jkollhom pjattaforma stabbli u ddefinita sew, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 1148 sa 1153 iktar ’il fuq.

1219

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-argument ta’ Microsoft li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata tobbligaha li tnaqqas il-kwalità tas-sistema operattiva Windows tagħha u li tagħti liċenzja lil terzi fir-rigward ta’ din il-verżjoni inferjuri tal-prodott tagħha, dan diġà ġie miċħud fil-punt 1165 iktar ’il fuq.

1220

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma tobbligax lil Microsoft toffri verżjoni tal-Windows li l-fajls multimedjali kollha tagħha, inklużi dawk li jikkonċernaw l-infrastruttura multimedjali bażika tas-sistema operattiva, ikunu tneħħew. Fil-fatt, huma kkonċernati biss il-fajls li jikkostitwixxu l-Windows Media Player, fajls li Microsoft stess tiddistingwi minn fajls oħra fid-dokumentazzjoni teknika tagħha (ara l-punti 916 u 1164 iktar ’il fuq). Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-eżempju tal-Windows XP Embedded juri li n-nuqqas tal-Windows Media Player mis-sistema operattiva ma jippreġudikax l-integrità tal-funzjonalitajiet l-oħra ta’ din is-sistema (ara l-punt 1165 iktar ’il fuq).

1221

Għandu jingħad ukoll li, matul il-perijodu kollu bejn Ġunju 1998 u Mejju 1999, il-media player li jippermetti riċezzjoni kontinwa ta’ Microsoft kien offrut minn din ta’ l-aħħar bħala softwer ta’ applikazzjoni separat, mingħajr ma dan kien jaffettwa l-funzjonament tas-sistema operattiva Windows. Kif diġà ġie espost fil-punt 936 iktar ’il fuq, Microsoft, matul is-seduta, ammettiet li, f’Mejju 1999, ma kien hemm xejn mill-aspett tekniku li kien iżomma milli tkompli tipprovdi l-media player b’dan il-mod, jiġifieri mingħajr ma tintegrah fis-sistema operattiva Windows 98 Second Edition.

1222

Fit-tielet lok, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 1219 sa 1221 iktar ’il fuq jirriżulta li l-allegazzjoni ta’ Microsoft, li l-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata hija intrinsikament kontradittorja u li għaliha huwa impossibbli li tikkonforma ruħha magħha, mhijiex fondata. Fil-fatt, din il-miżura hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-verżjoni tal-Windows imposta minn din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi verżjoni inferjuri tas-sistema operattiva tagħha. Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fl-atti tagħha, għalkemm huwa evidenti li, meta l-Windows Media Player jitneħħa mill-Windows, il-funzjonalitajiet offruti minn dan il-player ma jibqgħux disponibbli fuq tali verżjoni tas-sistema operattiva, minn dan ma jistax jiġi konkluż, madankollu, li din il-verżjoni hija inferjuri jew li hija anqas kapaċi mill-aspetti l-oħra kollha minn verżjoni tas-sistema operattiva li jkollha dan il-player. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rekwiżit li Microsoft għandha toffri verżjoni “totalment funzjonali” tas-sistema operattiva Windows għal client PCs li ma tinkludix il-Windows Media Player [Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata] għandu jinftiehem fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ l-affermazzjoni, li tinsab fil-kunsiderazzjoni 1012 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-verżjoni tal-Windows mingħajr il-[Windows Media Player] għandha b’mod partikolari tkun kapaċi daqs il-verżjoni tal-Windows bil-[Windows Media Player], filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-funzjonalità tal-player [Windows Media Player] mhijiex ser tkun tagħmel parti, kif jirriżulta mid-definizzjoni tagħha, mill-verżjoni tal-Windows li ma jkollhiex il-Windows Media Player”.

1223

It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-miżura prevista fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata mhux talli mhijiex sproporzjonata iżda tikkostitwixxi metodu adegwat sabiex jitwaqqaf l-abbuż ikkonċernat u sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati filwaqt li jiġu kkawżati l-anqas inkonvenjenti possibbli għal Microsoft u għall-mudell kummerċjali tagħha.

1224

B’hekk, l-implementazzjoni ta’ din il-miżura ma timplika ebda bidla fil-prassi attwali ta’ Microsoft fuq livell tekniku ħlief l-iżvilupp tal-verżjoni tal-Windows imposta fl-Artikolu 6(a) tad-deċiżjoni kkontestata.

1225

B’mod partikolari, Microsoft iżżomm id-dritt li tibqa’ toffri l-verżjoni tal-Windows bil-Windows Media Player. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-intenzjoni tal-Kummissjoni hija, fil-fatt, li tagħti lill-konsumaturi l-possibbiltà li jiksbu din is-sistema operattiva mingħajr dan il-media player.

1226

Għandu jingħad ukoll li, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, il-miżura korrettiva in kwistjoni ma tippreġudikax il-possibbiltà ta’ Microsoft li tikkummerċjalizza l-media player tagħha u b’mod partikolari li toffrih permezz ta’ tniżżil mill-internet.

1227

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 974 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-miżuri meħuda minn Microsoft b’applikazzjoni tal-ftehim Amerikan ma kinux suffiċjenti sabiex jitwaqqaf l-abbuż in kwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati.

1228

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

1229

Għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda safejn jikkonċernaw il-kwistjoni prinċipali ta’ l-irbit tal-Windows u tal-Windows Media Player.

D — Fuq il-kwistjoni prinċipali tat-trustee indipendenti

1. Id-deċiżjoni kkontestata

1230

Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, Microsoft hija marbuta ttemm l-abbużi kkonstatati fl-Artikolu 2, in konformità mal-metodi previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ l-istess deċiżjoni. Microsoft għandha wkoll tastjeni minn kull aġir li jista’ jkollu suġġett jew effett identiku jew analogu għal dawk ta’ l-imsemmija abbużi (it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 4).

1231

Bħala miżura intiża bħala rimedju għar-rifjut abbużiv li tipprovdi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jordna lil Microsoft sabiex, f’terminu ta’ 120 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, tagħmel l-imsemmija informazzjoni disponibbli għal kull impriża li jkollha interess tiżviluppa u tiddistribwixxi sistemi operattivi għal servers ta’ work group u sabiex tawtorizza, b’kundizzjonijiet raġonevoli u mhux diskriminatorji, lil dawn l-impriżi jużaw din l-istess informazzjoni sabiex jiżviluppaw u jiddistribwixxu sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Microsoft hija wkoll marbuta tassigura li l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà żvelata tinżamm aġġornata regolarment u mingħajr dewmien. Fl-aħħar, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata jobbliga lil Microsoft sabiex, f’terminu ta’ 120 jum mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, timplementa mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni li permezz tiegħu l-impriżi interessati jkunu jistgħu jinformaw ruħhom b’mod effikaċi dwar il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ l-użu ta’ l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà.

1232

Bħala miżura intiża bħala rimedju għall-irbit abbużiv tas-sistema operattiva Windows għal client PCs u l-Windows Media Player, l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata jordna b’mod partikolari lil Microsoft sabiex toffri, f’terminu ta’ 90 jum min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, verżjoni totalment funzjonali tas-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha mingħajr il-Windows Media Player, filwaqt li Microsoft iżżom id-dirtt li toffri s-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha bil-Windows Media Player.

1233

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu intiż li jgħin lill-Kummissjoni tassigura li Microsoft tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni kkontestata u li jinkludi b’mod partikolari l-ħatra ta’ trustee indipendenti. Skond dan l-artikolu, dan il-mekkaniżmu għandu jkun is-suġġett ta’ proposta min-naħa ta’ Microsoft, f’terminu ta’ 30 jum min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-kundizzjoni iżda li jekk il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu propost mhuwiex adegwat, hija “tista’ timponi tali mekkaniżmu permezz ta’ deċiżjoni”.

1234

Fil-kunsiderazzjonijiet 1043 sa 1048 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi f’iktar dettall il-mekkaniżmu ta’ kontroll imsemmi fil-punt preċedenti u, b’mod partikolari, tistabbilixxi l-“prinċipji li għandhom jiggwidaw lil Microsoft [fit-tħejjija tal-proposta tagħha fir-rigward tal-ħatra ta’ trustee indipendenti]” (kunsiderazzjoni 1044 tad-deċiżjoni kkontestata).

1235

B’hekk, fil-kunsiderazzjoni 1045 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi li r-“responsabbiltà essenzjali” tat-trustee huwa li jagħti opinjonijiet, u dan fuq talba minn terzi, mill-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tiegħu stess, dwar il-“kwistjoni jekk Microsoft naqsitx, f’ċerti aspetti, mill-obbligi tagħa taħt id-[…] deċiżjoni [kkontestata] u fuq kull kwistjoni rilevanti dwar l-implementazzjoni b’mod effikaċi tagħha”.

1236

Fil-kunsiderazzjonijiet 1046 u 1047 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża l-funzjoni tat-trustee fir-rigward ta’ kull wieħed miż-żewġ abbużi in kwistjoni (ara l-punt 1261 iktar ’il quddiem).

1237

Fil-kunsiderazzjoni 1048 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prinċipji li Microsoft għandha tieħu in kunsiderazzjoni fil-proposta tagħha dwar it-trustee. Fl-ewwel lok, hija tindika li dan għandu jinħatar mill-Kummissjoni minn lista ta’ persuni stabbilita minn Microsoft. Microsoft għandha tipprevedi proċedura li tawtorizza lill-Kummissjoni taħtar trustee ta’ l-għażla tagħha jekk hija tqis li ebda waħda mill-persuni proposti minn Microsoft m’hija adegwata sabiex teżerċita l-funzjonijiet meħtieġa. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tindika li t-trustee għandu jkun indipendenti minn Microsoft u li “[għandha] tittieħed kull dispożizzjoni sabiex jiġi ggarantit [li t-trustee] ma jkunx, u mhuwiex ser ikun, f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi”. It-trustee għandu jkollu l-kwalifiki meħtieġa sabiex jaqdi l-mandat tiegħu u għandu jkollu l-possibbiltà li jqabbad esperti sabiex iwettqu f’ismu ċerti kompiti ddefiniti bi preċiżjoni. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tindika li għandhom jittieħdu dispożizzjonijiet sabiex jiġi ggarantit li t-trustee jkollu “aċċess għall-assistenza, għall-informazzjoni, għad-dokumenti, għall-uffiċċji u għall-impjegati ta’ Microsoft safejn huwa jista’ raġonevolment jeżiġi tali aċċess fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-mandat tiegħu”. Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-trustee għandu jkollu aċċess sħiħ għall-kodiċi sors tal-prodotti rilevanti ta’ Microsoft. Fl-aħħar, fil-ħames lok, hija tippreċiża li “l-ispejjeż kollha marbuta mal-ħatra tat-trustee, inkluża remunerazzjoni ġusta għall-funzjonijiet eżegwiti minnu, għandhom ikunu a karigu ta’ Microsoft”.

2. L-argumenti tal-partijiet

1238

Microsoft tikkunsidra li l-obbligu, impost fuqha fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li taħtar trustee indipendenti huwa illegali safejn il-Kummissjoni m’għandhiex id-dritt, minn naħa, li tiddelega lil individwu l-poteri ta’ eżekuzzjoni mogħtija lilha mir-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li timponilha l-ispejjeż marbuta mal-kontroll ta’ l-osservanza tad-deċiżjoni kkontestata, fosthom ir-remunerazzjoni tat-trustee indipendenti.

1239

L-ewwel nett, Microsoft tikkontesta li t-talba tagħha għall-annullament ta’ l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata hija prematura. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ma tistax tinvoka l-fatt li, fl-eventwalità li l-proposta ta’ Microsoft ma tkunx sodisfaċenti, hija tista’ timponi mekkaniżmu ta’ kontroll permezz ta’ deċiżjoni distinta u li Microsoft imbagħad tkun tista’ tressaq rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

1240

It-tieni nett, fl-ewwel lok, Microsoft issostni li mill-kunsiderazzjonijiet 1043 sa 1048 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-poteri li f’dan il-każ huma ddelegati lit-trustee indipendenti huma poteri ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni li normalment jappartjenu lill-Kummissjoni. Hija tosserva li dan it-trustee, minkejja li l-funzjoni prinċipali tiegħu hija li jagħti opinjonijiet dwar l-osservanza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu anki l-poter li jeżamina l-miżuri meħuda minn Microsoft sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni. Microsoft tenfasizza li, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1317 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li “t-trustee m’għandux ikollu biss attitudni reattiva iżda għandu jkollu rwol proattiv fil-kontroll ta’ l-osservanza minn Microsoft ta’ l-obbligi tagħha”. Għaldaqstant, l-intenzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija li tistabbilixxi sors indipendenti ta’ miżuri ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni.

1241

Issa, skond l-Artikoli 11 u 14 tar-Reoglament Nru 17 u skond l-Artikoli 18 sa 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), il-poteri ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni marbuta ma’ dawn ir-regoli jappartjenu esklużivament lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Ebda wieħed minn dawn iż-żewġ Regolamenti ma jawtorizza lill-Kummissjoni tiddelega l-poteri tagħha lil terzi u lanqas, a fortiori, lil individwi.

1242

Microsoft iżżid li, billi wettqet tali delega ta’ poteri, il-Kummissjoni ċċaħħadha mill-garanziji li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi fir-rigward ta’ l-impriżi sabiex tipproteġi d-drittijiet tad-difiża tagħhhom.

1243

Fir-replika, Microsoft tippreċiża li hija ma ssib ebda oġġezzjoni li trustee indipendenti jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet tekniċi. Madankollu, hija tqis li l-Kummissjoni kien imissha ħatret l-espert tagħha stess għal dan il-għan.

1244

Fit-tieni lok, Microsoft tosserva li l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mal-kunsiderazzjoni 1048(v) ta’ din id-deċiżjoni, jobbligaha tbati “l-ispejjeż kollha marbuta mal-ħatra tat-trustee, inkluża remunerazzjoni ġusta għall-funzjonijiet eżegwiti minnu”. Issa, fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax timponi fuq l-impriża kkonċernata piżijiet finanzjarji oħra għajr multi u penali perjodiċi.

1245

Microsoft tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-poter tagħha li tordna lil impriża ttemm ksur sabiex tiġġustifika l-fatt li hija timponi l-ispejjeż marbuta mat-trustee fuq Microsoft. L-impożizzjoni ta’ tali piż finanzjarju m’għandha ebda bażi ġuridika, la fir-Regolament Nru 17, la fir-Regolament Nru 1/2003 u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra.

1246

Prinċipalment, il-Kummissjoni tallega li l-argumenti li Microsoft issostni fir-rigward tal-kwistjoni tat-trustee huma inammissibbli safejn huma prematuri, huma bbażati fuq suppożizzjonijiet u huma insuffiċjenti sabiex iwasslu għall-annullament ta’ l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tfakkar li dan l-artikolu jobbliga lil Microsoft tippreżenta proposta dwar l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll, filwaqt li jirriżerva lill-Kummissjoni d-dritt li timponi tali mekkaniżmu permezz ta’ deċiżjoni jekk din tqis li dak propost minn Microsoft mhuwiex adegwat. Hija tindika li l-kunsiderazzjonijiet 1044 sa 1048 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxu l-prinċipji li għandhom jiggwidaw lil Microsoft fit-tħejjija ta’ din il-proposta filwaqt li tindika li l-parti l-kbira ta’ dawn il-prinċipli mhumiex imposti fuq Microsoft fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, dan l-artikolu la jippreċiża l-funzjonijiet preċiżi tat-trustee indipendenti u lanqas is-“sors” tar-remunerazzjoni tiegħu. Microsoft għalhekk tista’ tipproponi, għal dan it-trustee, mandat li l-kamp ta’ azzjoni tiegħu jkun iktar limitat minn dak identifikat fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll arranġamenti għal remunerazzjoni differenti. Sussegwentement, il-Kummissjoni tkun tista’ tiċħad dawn il-proposti u timponi, permezz ta’ deċiżjoni, mandat ifformulat b’mod differenti. Tali deċiżjoni ma tkunx sempliċement konferma tad-deċiżjoni kkontestata u tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.

1247

Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti invokati minn Microsoft mhumiex fondati.

1248

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li mill-kunsiderazzjonijiet 1044 sa 1048 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija ddelegat lil individwu l-poteri ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni li hija għandha fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE. Hija tallega li, fir-rigward tal-“ġbir ta’ informazzjoni”, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi biss “mekkaniżmu konsenswali” li jippermetti li tinstab soluzzjoni rapida għal numru ta’ kwistjonijiet tekniċi li jistgħu jqumu fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni tal-miżuri korrettivi. Hija tammetti li l-kunsiderazzjoni 1048 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1317 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedu l-possibbiltà li t-trustee indipendenti jagħmel mistoqsijiet lil Microsoft u jkollu aċċess għad-dokumenti u għall-kodiċi sors tal-prodotti rilevanti, iżda tallega li m’hemm xejn li jwaqqaf lil Microsoft milli, fil-proposta tagħha, tispeċifika li hija għandha tkun tista’ tirrifjuta li twieġeb għal tali mistoqsijiet jew li tagħti aċċess għall-informazzjoni mitluba. Fl-eventwalità ta’ tali rifjut, il-Kummissjoni teżamina l-opportunità li taġixxi taħt il-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1/2003 u b’hekk ikollha diskrezzjoni sħiħa fir-rigward ta’ l-użu tal-poteri ta’ investigazzjoni tagħha.

1249

B’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata kien ibbażat fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u li dan l-Artikolu 7 jikkostitwixxi “espressjoni” tal-poter mogħti lilha mill-imsemmi Artikolu 3 li tadotta deċiżjonijiet li jordnaw lill-impriżi jtemmu ksur.

1250

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li Microsoft hija obbligata tħallas l-ispejjeż relatati mar-remunerazzjoni tat-trustee manifestament ma jaqax fil-kuntest tal-penali previsti mir-Regolament Nru 17 u mir-Regolament Nru 1/2003. Hija tallega li jekk l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu fir-rigward tar-remunerazzjoni tat-trustee indipendenti, il-bażi ġuridika ta’ dan l-obbligu tinsab fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17. Hija tispjega li deċiżjoni meħuda abbażi ta’ dan l-artikolu tista’ tinkludi kemm l-ordni li jitwettqu ċerti attivitajiet jew servizzi li ma kinux twettqu bi ksur tal-liġi, u kemm il-projbizzjoni li jibqgħu jitwettqu ċerti attivitajiet, prassi jew sitwazzjonijiet li huma kuntrarji għat-Trattat u li tali deċiżjoni tista’ timplika ċerti spejjeż għad-destinatarju tagħha. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjoni 1044 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tosserva li l-implementazzjoni tal-miżuri korrettivi teħtieġ kontroll effettiv ta’ l-osservanza ta’ l-obbligi imposti fuq Microsoft mid-deċiżjoni kkontestata.

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1251

L-intenzjoni ta’ Microsoft hija li tikseb l-annullament ta’ l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata billi ssostni li, meta ddelegat illegalment il-poteri ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni tagħha lil terzi, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha taħt l-Artikolu 82 KE u taħt ir-Regolament Nru 17. L-impożizzjoni, fuq impriża, ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll bħal dak identifikat fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata u l-impożizzjoni fuq din l-impriża tar-responsabbiltà għall-ħlas tar-remunerazzjoni ta’ parti terza maħtura mill-Kummissjoni sabiex tassistiha fil-funzjoni tagħha li tassigura l-osservanza tal-miżuri korrettivi ordnati f’deċiżjoni li tikkonstata ksur m’għandhom ebda bażi ġuridika fid-dritt Komunitarju.

1252

Il-Kummissjoni tikkunsidra li din it-talba għal annullament hija prematura, u għaldaqstant innammissibbli, safejn l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata ma jimponi ebda obbligu fuq Microsoft iżda sempliċement jistedinha tippreżenta proposta dwar l-implementazzjoni ta’ eventwali mekkaniżmu ta’ kontroll. Fi kwalunkwe każ, dan l-artikolu ma jinvolvi ebda delega tal-poteri tagħha. Il-Kummissjoni ssostni li dan il-mekkaniżmu ta’ kontroll kif ukoll l-impożizzjoni fuq Microsoft tar-responsabbiltà li tħallas ir-remunerazzjoni tat-trustee indipendenti huma bbażati fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, li abbażi tiegħu hija tista’ tordna lill-impriżi kkonċernati jtemmu l-ksur ikkonstatat.

1253

Għandu jiġi mfakkar li l-legalità ta’ l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. B’hekk, fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha, ir-Regolament Nru 17 kien għadu fis-seħħ peress li r-Regolament Nru 1/2003, li ssostitwixxih, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

1254

Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-poteri ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni li kellha l-Kummissjoni fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, safejn huma rilevanti fid-dawl tat-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni, kienu l-poter li tobbliga lill-impriżi kkonċernati jtemmu l-ksur ikkonstatat, previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, il-poter fir-rigward tat-talbiet għal informazzjoni, previst fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, il-poter ta’ investigazzjoni previst fl-Artikolu 14 ta’ dan l-istess regolament u l-poter li timponi fuq l-impriżi penali perjodiċi sabiex iġġiegħlhom itemmu l-ksur ikkonstatat, previst fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament.

1255

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li t-talba għall-annullament ta’ l-Artikolu 7 hija prematura safejn dan sempliċement jistieden lil Microsoft tippreżenta proposta preliminari għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni definittiva dwar l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll. Fil-fatt, il-fatt li l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi għal stedina li tiġi ppreżentata proposta ma jistax jibdel in-natura vinkolanti ta’ dan l-artikolu safejn jikkostitwixxi eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-poter tagħha li tordna li jintemm ksur.

1256

Meta l-Kummissjoni tikkonstata, f’deċiżjoni, li impriża kisret l-Artikolu 82 KE, din l-impriża hija obbligata tieħu, mingħajr dewmien, il-miżuri meħtieġa kollha sabiex tibdel l-aġir tagħha in konformità ma’ din id-dispożizzjoni, u dan anki fin-nuqqas ta’ miżuri speċifiċi preskritti mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni. Meta din id-deċiżjoni tipprevedi miżuri korrettivi, l-impriża kkonċernata hija obbligata timplementahom — u dan filwaqt li tkun responsabbli għall-ispejjeż kollha marbuta ma’ din l-implementazzjoni — inkella altrimenti tkun milquta b’penali perjodiċi skond l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 17 (ara l-punt 1259 iktar ’il quddiem).

1257

Mill-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mit-terminu ta’ 30 jum li dan jimponi fuq Microsoft, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi preċiżament tali miżura vinkolanti. Minkejja li l-ewwel reazzjoni identifikata fl-eventwalità li Microsoft ma tagħmilx proposta adegwata hija dik prevista fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 7, jiġifieri l-impożizzjoni tal-mekanniżmu ta’ kontroll permezz ta’ deċiżjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, jekk Microsoft ma tirrispettax l-obbligu li tippreżentata proposta, hija tkun qiegħda tieħu r-riskju li tiġi imposta penali perjodiċi. In-natura vinkolanti tal-miżura ordnata ma tistax tiġi kkontestata bis-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tirriżerva d-dritt tagħha li timponi hija stess tali mekkaniżmu fl-eventwalità li hija tikkunsidra li l-proposta ta’ Microsoft hija inadegwata. In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ tali miżura speċifika ordnata f’deċiżjoni intiża li ttemm ksur ta’ l-Artikolu 82 KE jikkostitwixxi ksur distint tad-dritt Komunitarju, f’dan il-każ ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17.

1258

Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argument tal-Kummissjoni li Microsoft setgħet tippreżenta proposta differenti li taqbel iktar mal-perċezzjoni tagħha ta’ dak li l-Kummissjoni setgħet legalment tobbligaha tagħmel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-parti operattiva ta’ att ma tistax tiġi separata mill-motivazzjoni ta’ l-att u għandha tiġi interpretata, jekk ikun hemm bżonn, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C-355/95 P, Ġabra p. I-2549, punt 21, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-91/01, Ġabra p. I-4355, punt 49; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni, T-137/02, Ġabra p. II-3541, punt 60).

1259

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, fil-fatt, li, fid-dawl b’mod partikolari tal-funzjoni li l-Kummissjoni tikkontempla għat-trustee, kif spjegata fil-qosor fil-punt 1261 iktar ’il fuq, kif ukoll fid-dawl tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni fl-Artikoli 3 u 16 tar-Regolament Nru 17, l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata għandu bħala konsegwenza li jekk Microsoft tonqos milli tippreżenta, fit-terminu previst ta’ 30 jum, proposta konformi mal-prinċipji stabbiliti b’mod partikolari fil-kunsiderazzjonijiet 1045 sa 1048 ta’ din id-deċiżjoni, hija tkun qiegħda tikser din id-deċiżjoni u tidħol fir-riskju li tiġi kkundannata tħallas penali perjodiċi taħt l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 17. Minn dan jirriżulta li l-pożizzjoni ġuridika ta’ Microsoft ġiet milquta direttament mill-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata b’tali mod li t-talba għall-annullament ta’ dan l-artikolu ma tistax tiġi kklassifikata bħala prematura jew spekulattiva kif issostni l-Kummissjoni.

1260

It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata għandux bażi ġuridika fir-Regolament Nru 17 jew jekk, kif issostni Microsoft, il-Kummissjoni marritx lil hinn mill-poteri ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni tagħha safejn ordnatha taċċetta l-implementazzjoni ta’ trustee indipendenti mogħni bir-rwol u bil-poteri in kwistjoni.

1261

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-kunsiderazzjonijiet 1043 sa 1048 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-funzjoni tat-trustee indipendenti tinkludi b’mod partikolari l-elementi segwenti:

ir-“responsabbiltà essenzjali” tiegħu hija li jagħti opinjonijiet dwar il-kwistjoni jekk, f’ċerti każijiet konkreti, Microsoft tkunx naqset mill-obbligi tagħha taħt id-deċiżjoni kkontestata (fosthom l-obbligu li timplementa korrettament il-miżuri korrettivi);

dawn l-opinjonijiet għandhom jingħataw mit-trustee fuq talba ta’ terzi jew tal-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tiegħu stess;

f’dan ir-rigward, huwa previst li t-trustee m’għandux ikollu biss attitudni reattiva iżda għandu jkollu rwol proattiv fil-kontroll ta’ l-osservanza minn Microsoft ta’ l-obbligi tagħha (nota ta’ qiegħ il-paġna 1317 tad-deċiżjoni kkontestata);

fir-rigward tar-rifjut abbużiv in kwistjoni, it-trustee għandu jevalwa jekk l-informazzjoni żvelata minn Microsoft hijiex kompleta u eżatta, jekk il-kundizzjonijiet li għalihom hija tissuġġetta l-għoti ta’ aċċess għall-ispeċifikazzjonijiet u tawtorizza l-użu tagħhom humiex raġonevoli u mhux diskriminatorji u jekk l-iżvelar isirx mingħajr dewmien;

fir-rigward ta’ l-irbit abbużiv, it-trustee għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-ilmenti mressqa minn terzi fir-rigward ta’ l-osservanza, min-naħa ta’ Microsoft, ta’ l-obbligi tagħha humiex fondati mill-aspett tekniku, u, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-verżjoni tal-Windows mingħajr il-Windows Media Player hijiex anqas kapaċi mill-verżjonijiet tal-Windows b’dan il-player li Microsoft tkun baqgħet tikkummerċjalizza. It-trustee huwa wkoll meħtieġ jeżamina jekk Microsoft tippreġudikax il-‘performances’ tal-media players kompetituri billi tagħmel żvelar selettiv, inadegwat jew tard wisq ta’ l-APIs tal-Windows.

1262

Fil-kunsiderazzjoni 1048 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-prinċipji li Microsoft għandha tieħu in kunsiderazzjoni fil-proposta tagħha dwar it-trustee indipendenti b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni. Dawn il-prinċipji huma, b’mod partikolari, is-segwenti:

it-trustee għandu jinħatar mill-Kummissjoni minn fost lista ta’ persuni ppreżentata minn Microsoft [kunsiderazzjoni 1048(i)];

it-trustee għandu jkun indipendenti minn Microsoft u għandha tittieħed kull dispożizzjoni sabiex jiġi ggarantit li t-trustee ma jkunx, u mhuwiex ser ikun, f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi; it-trustee għandu jkollu l-kwalifiki meħtieġa sabiex jaqdi l-mandat tiegħu u għandu jkollu l-possibbiltà li jqabbad esperti sabiex iwettqu f’ismu ċerti kompiti ddefiniti bi preċiżjoni [kunsiderazzjoni 1048(ii)];

għandhom jittieħdu dispożizzjonijiet sabiex jiġi ggarantit li t-trustee jkollu aċċess għall-assistenza, għall-informazzjoni, għad-dokumenti, għall-uffiċċji u għall-impjegati ta’ Microsoft safejn huwa jista’ raġonevolment jeżiġi tali aċċess fil-kuntest ta’ l-eżekuzzjoni tal-mandat tiegħu [kunsiderazzjoni 1048(iii)];

it-trustee għandu jkollu aċċess sħiħ għall-kodiċi sors tal-prodotti rilevanti ta’ Microsoft (ma tista’ tinstab soluzzjoni għal ebda kontroversja dwar in-natura eżatta u eżawrjenti ta’ l-ispeċifikazzjonijiet żvelati minn Microsoft jekk ma tkunx tista’ tiġi vverifikata d-dokumentazzjoni teknika fir-rigward tal-kodiċi sors tal-prodotti ta’ Microsoft) [kunsiderazzjoni 1048(iv)];

l-ispejjeż kollha marbuta mal-ħatra tat-trustee, inkluża remunerazzjoni ġusta għall-funzjonijiet eżegwiti minnu, għandhom ikunu a karigu ta’ Microsoft [kunsiderazzjoni 1048(v)].

1263

Minn din id-deskrizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tikkontempla r-rwol tat-trustee indipendenti bħala li jinvolvi l-evalwazzjoni u l-verifika ta’ l-implementazzjoni tal-miżuri korrettivi, jekk ikun il-każ billi jkollu aċċess għar-riżorsi identifikati fit-tielet u fir-raba’ inċiżi tal-punt preċedenti, filwaqt li jaġixxi b’mod indipendenti, jekk mhux ukoll fuq inizjattiva tiegħu stess.

1264

Fl-atti tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament li hija ma tistax tiddelega lil persuna terza l-poteri ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni mogħtija lilha mir-Regolament Nru 17. Hija tikkontesta li l-mekkaniżmu ta’ kontroll previst mid-deċiżjoni kkontestata jimplika tali delega ta’ poteri.

1265

Mill-banda l-oħra, kif tirrikonoxxi Microsoft, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tikkontrolla l-implementazzjoni, mill-impriża kkonċernata, tal-miżuri korrettivi ordnati f’deċiżjoni li tikkonstata ksur u li tassigura li l-miżuri l-oħra meħtieġa sabiex jintemmu l-effetti antikompetittivi tal-ksur ikunu eżegwiti kompletament mingħajr dewmien. Għal dawn il-finijiet, hija għandha d-dritt li tuża l-poteri ta’ investigazzjoni previsti fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 u li tuża, jekk ikun il-każ, espert estern sabiex, b’mod partikolari, tikseb kjarifikazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ natura teknika.

1266

Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li l-Kummissjoni, jekk tiddeċiedi li titlob l-assistenza ta’ espert estern, tista’ tgħaddi lil dan l-espert informazzjoni u dokumenti li hija tkun kisbet fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-poteri ta’ investigazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17.

1267

Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 11(4) u ta’ l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament, l-impriżi huma marbuta jipprovdu l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni u jissottomettu ruħhom għall-investigazzjonijiet ordnati mill-Kummissjoni. Madankollu, tali talbiet u investigazzjonijiet huma suġġetti, jekk ikun il-każ, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti Komunitarja.

1268

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, meta tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kontroll li jinkludi l-ħatra ta’ trustee indipendenti bħal dak previst fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata u li jkollu l-funzjonijiet identifikati b’mod partikolari fil-kunsiderazzjoni 1048(iii) u (iv) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni eċċediet sew is-sitwazzjoni fejn hija taħtar l-espert estern tagħha sabiex ikun il-konsulent tagħha matul investigazzjoni fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni tal-miżuri korrettivi previsti fl-Artikoli 4, 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata.

1269

Fil-fatt, permezz ta’ l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżiġi li tinħatar persuna terza li, fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, tkun indipendenti mhux biss minn Microsoft iżda anki minnha stess, safejn din il-persuna terza hija meħtieġa taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess u fuq talba ta’ terzi fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha. Kif tosserva l-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 1043 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ir-rekwiżit imur lil hinn minn sempliċi obbligu li jiġu ppreżentati rapporti lill-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet ta’ Microsoft.

1270

Barra minn hekk, ir-rwol ikkontemplat għat-trustee indipendenti mhuwiex limitat għat-tqegħid ta’ mistoqsijiet lil Microsoft u għall-preżentazzjoni ta’ rapporti lill-Kummissjoni bir-risposti flimkien ma’ pariri dwar l-eżekuzzjoni tal-miżuri korrettivi. Fir-rigward ta’ l-obbligu impost fuq Microsoft li tippermetti lit-trustee, b’mod indipendenti mill-Kummissjoni, ikollu aċċess għall-informazzjoni, għad-dokumenti, għall-uffiċċji u għall-impjegati kif ukoll għall-kodiċi sors tal-prodotti rilevanti tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li m’hija prevista ebda limitazzjoni temporali fir-rigward ta’ l-intervent kontinwu tat-trustee fis-sorveljanza ta’ l-attivitajiet ta’ Microsoft marbuta mal-miżuri korrettivi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstat li mill-kunsiderazzjoni 1002 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligu li tiġi żvelata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà għandu japplika “fuq bażi prospettiva” għall-ġenerazzjonijiet futuri tal-prodotti ta’ Microsoft.

1271

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni m’għandhiex il-kompetenza li, billi teżerċita l-poteri li hija għandha taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, tobbliga lil Microsoft tagħti lil trustee indipendenti poteri li hija stess ma tistax tagħti lil terzi. Minn dan jirriżulta li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata m’għandux bażi ġuridika, b’mod partikolari safejn jimplika d-delega lit-trustee indipendenti ta’ poteri ta’ investigazzjoni li fil-kuntest tar-Regolament Nru 17 jistgħu jiġu eżegwiti mill-Kummissjoni biss.

1272

Barra minn hekk, jekk, kif ossostni l-Kummissjoni, l-intenzjoni tagħha kienet li tistabbilixxi mekkaniżmu purament konsenswali, ma kienx meħtieġ li hija tordna tali mekkaniżmu fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata.

1273

Fl-aħħar, il-Kummissjoni taġixxi lil hinn mill-poteri tagħha safejn l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, moqri flimkien mal-kunsiderazzjoni 1048(v) ta’ din id-deċiżjoni, iqiegħed fuq Microsoft ir-responsabbiltà għall-ispejjeż kollha marbuta mal-ħatra tat-trustee, inkluża r-remunerazzjoni tiegħu, kif ukoll l-ispejjeż marbuta ma’ l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu.

1274

Ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 17 ma tawtorizza lill-Kummissjoni timponi fuq l-impriżi r-responsabbiltà għall-ispejjeż tagħha li jirriżultaw mis-sorveljanza ta’ l-eżekuzzjoni ta’ miżuri korrettivi.

1275

Fil-fatt, fil-kwalità tagħha bħala l-awtorità responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tara li jiġu eżegwiti d-deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u dan b’mod indipendenti, oġġettiv u imparzjali. Ikun inkompatibbli mar-responsabbiltà tagħha f’dan ir-rigward jekk l-eżekuzzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju tkun tiddependi jew tkun influwenzata mir-rieda jew mill-kapaċità ta’ l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tħallas tali spejjeż.

1276

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni m’għandhiex diskrezzjoni mingħajr limiti fil-formulazzjoni ta’ miżuri korrettivi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi sabiex jintemm ksur. Fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimponi li l-piżijiet imposti fuq l-impriżi sabiex jintemm ksur m’għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa adegwat u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri li tiġi stabbilita mill-ġdid l-osservanza tar-regoli li kienu ġew miksura (sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, punt 93).

1277

Jekk il-Kummissjoni mhijiex kompetenti li, permezz ta’ deċiżjoni b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, timponi fuq impriża li tkun kisret l-Artikolu 82 KE miżuri korrettivi, inklużi l-ispejjeż marbuta magħhom, li jmorru lil hinn minn dak li huwa adegwat u neċessarju, hija anqas u anqas hija kompetenti sabiex timponi fuq din l-impriża r-responsabbiltà għall-ispejjeż tagħha marbuta mat-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha stess fir-rigward ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni.

1278

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata m’għandux bażi ġuridika fir-Regolament Nru 17 u għalhekk ma jaqax fil-kompetenzi li l-Kummissjoni għandha fir-rigward ta’ investigazzjoni u ta’ eżekuzzjoni taħt ir-Regolament Nru 17 safejn jordna lil Microsoft tippreżenta proposta dwar l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu li, minn naħa, għandu jinkludi l-ħatra ta’ trustee indipendenti mogħni b’poteri ta’ aċċess, b’mod indipendenti mill-Kummissjoni, għall-assistenza, għall-informazzjoni, għad-dokumenti, għall-uffiċċji u għall-impjegati ta’ Microsoft kif ukoll għall-kodiċi sors tal-prodotti rilevanti ta’ din ta’ l-aħħar u, min-naħa l-oħra, jipprevedi l-impożizzjoni fuq Microsoft ta’ l-ispejjeż kollha marbuta mal-ħatra tat-trustee, inkluża r-remunerazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tirriżerva d-dritt li timponi tali mekkaniżmu permezz ta’ deċiżjoni fl-eventwalità li hija tikkunsidra li dak propost minn Microsoft mhuwiex adegwat.

1279

Minn dan isegwi li l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn deskritt fil-punt preċedenti.

II — Fuq it-talbiet għall-annullament tal-multa jew għat-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha

A — Id-deċiżjoni kkontestata

1280

Iż-żewġ abbużi identifikati fid-deċiżjoni kkontestata huma ppenalizzati bl-impożizzjoni ta’ multa waħda li tammonta għal EUR 497196304 (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

1281

Il-kwistjoni tal-multa hija eżaminata mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet 1054 sa 1080 tad-deċiżjoni kkontestata.

1282

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tippreċiża li hija ħadet in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (kunsiderazzjoni 1054 tad-deċiżjoni kkontestata) u tfakkar li, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-gravità u d-dewmien tal-ksur kif ukoll iċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jista’ jkun hemm (kunsiderazzjoni 1055 tad-deċiżjoni kkontestata).

1283

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni twarrab l-argument li Microsoft kienet invokat matul il-proċedura amministrattiva in sostenn tat-teżi tagħha li ma kellha tiġi imposta ebda multa f’dan il-każ (kunsiderazzjonijiet 1056 sa 1058 tad-deċiżjoni kkontestata).

1284

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tesponi li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li Microsoft kisret intenzjonalment, jew minn ta’ l-anqas b’negliġenza, l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (kunsiderazzjoni 1057 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, hija tikkontesta li introduċiet “regola ta’ dritt ġdida” u tikkunsidra li Microsoft għalhekk kien imissha kienet taf li hija kienet qiegħda tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija (l-istess kunsiderazzjoni). It-tielet nett, hija tiċħad l-argument ta’ Microsoft ibbażat fuq il-fatt li l-irbit abbużiv ma setax beda fl-1999 peress li ċerti funzjonalitajiet ta’ media player ilhom integrati fis-sistema operattiva Windows mill-1992 (l-istess kunsiderazzjoni).

1285

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tesponi l-mod kif hija kkalkulat il-multa (kunsiderazzjonijiet 1059 sa 1079 tad-deċiżjoni kkontestata).

1286

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur (kunsiderazzjonijiet 1059 sa 1078 tad-deċiżjoni kkontestata).

1287

Minn naħa, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, hija tfakkar li, sabiex tevalwa dan il-fattur, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni n-natura ta’ dan il-ksur, l-effetti tiegħu fuq is-suq u l-portata tas-suq ġeografiku in kwistjoni (kunsiderazzjoni 1060 tad-deċiżjoni kkontestata).

1288

Fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni tenfasizza, fil-kunsiderazzjonijiet 1061 sa 1068 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi segwenti:

il-Qorti tal-Ġustizzja, diversi drabi, diġà ddikjarat bħala illegali r-rifjut ta’ provvista min-naħa ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti u l-irbit ipprattikat minn dawn ta’ l-aħħar;

Microsoft għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs, b’sehem tas-suq ta’ iktar minn 90 %;

dan is-suq kif ukoll iż-żewġt iswieq l-oħra identifikati fid-deċiżjoni kkontestata huma kkaratterizzati bl-eżistenza ta’ effetti ta’ netwerk diretti u indiretti sinjifikattivi;

f’dawn iċ-ċirkustanzi, Microsoft adottat strateġija ta’ ‘leveraging’ li tikkostitwixxi żewġ abbużi distinti;

fir-rigward tar-rifjut ta’ provvista abbużiv, Microsoft adottat mudell ta’ aġir ġenerali intiż li toħloq u tesplojta għall-benefiċċju tagħha grupp ta’ rabtiet privileġġati bejn is-sistema operattiva tagħha għal client PCs u s-sistema operattiva tagħha għal servers ta’ work group u li jimplika bidla fil-livelli preċedenti ta’ provvista, li qabel kienu iktar għoljin;

permezz ta’ din il-prassi abbużiva Microsoft tista’ testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha għas-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group, li għandu “valur sinjifikattiv”;

il-konkwista ta’ dan is-suq ta’ l-aħħar jista’ jkollha effetti preġudizzjali oħra fuq il-kompetizzjoni;

fir-rigward ta’ l-irbit abbużiv, dan jiggarantixxi lil Microsoft li l-omnipreżenza tas-sistema operattiva tagħha għal client PCs titgawda wkoll mill-player Windows Media Player tagħha, ħaġa din li tiskoraġġixxi lill-OEMs milli jinstallaw minn qabel fuq il-client PCs media players terzi u tippreġudika l-kompetizzjoni fis-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa;

barra minn hekk, din il-prassi abbużiva għandha effetti sinjifikattivi fuq l-istat tal-kompetizzjoni fis-settur tal-provvista ta’ kontenut fuq l-internet u f’dak tas-softwer multimedjali;

fl-aħħar, il-fatt li tiddomina s-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa jista’ jikkostitwixxi opportunità strateġika sabiex tidħol f’sensiela ta’ swieq konnessi li wħud minnhomm jiġġeneraw ħafna profitti.

1289

Fid-dawl ta’ l-elementi msemmija fil-punt preċedenti, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur għandu, min-natura tiegħu, jiġi kklassifikat bħala “gravi ħafna” (kunsiderazzjoni 1068 tad-deċiżjoni kkontestata).

1290

Fir-rigward ta’ l-effetti tal-ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni tikkonstata li “l-aġir adottat minn Microsoft, fejn tuża l-poter li jirriżulta mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs sabiex telimina l-kompetizzjoni, għandu impatt sinjifikattiv fuq is-swieq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group u ta’ media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa” (kunsiderazzjoni 1069 tad-deċiżjoni kkontestata).

1291

Hija tibbaża din il-konstatazzjoni fuq l-elementi segwenti:

ir-rifjut ta’ provvista abbużiv diġà ppermetta lil Microsoft takkwista pożizzjoni dominanti fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group u huwa ta’ natura li joħloq ir-riskju li tiġi eliminata l-kompetizzjoni f’dan is-suq (kunsiderazzjoni 1070 tad-deċiżjoni kkontestata);

l-irbit abbużiv diġà ppermetta lil Microsoft tikseb l-ewwel post fis-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa u mill-elementi ta’ prova eżaminati fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “possibbilment, is-suq diġà qiegħed ixaqleb favur il-[Windows Media Player]” (kunsiderazzjoni 1071 tad-deċiżjoni kkontestata).

1292

Fir-rigward tal-portata ġeografika tas-swieq ta’ prodott in kwistjoni, il-Kummissjoni tesponi li t-tlett iswieq identifikati mid-deċiżjoni kkontestata jkopru ż-ŻEE kollha (kunsiderazzjoni 1073 tad-deċiżjoni kkontestata).

1293

Fil-kunsiderazzjoni 1074 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-analiżi preċedenti l-Kummissjoni tikkonkludi li Microsoft wettqet ksur gravi ħafna ta’ l-Artikolu 82 KE u ta’ l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE, li għandu jkun punit b’multa ta’ iktar minn EUR 20 miljun. Fil-kunsiderazzjoni segwenti, hija tistabbilixxi bħala EUR 165732101 l-ammont inizjali adottat fir-rigward tal-gravità, ammont li huwa l-punt tat-tluq għall-ammont bażiku tal-multa (iktar ’il quddiem l-“ammont inizjali”).

1294

Fil-kunsiderazzjoni 1076 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi li, sabiex il-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti fuq Microsoft, u fid-dawl tal-kapaċità ekonomika sinjifikattiva tagħha, l-ammont inzijali għandu jiġi rdoppjat, kalkolu li f’dan l-istadju jwassal għall-ammont ta’ EUR 331464203.

1295

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni tikkonstata li r-rifjut ta’ provvista abbużiv beda f’Ottubru 1998 u għadu ma ntemmx, filwaqt li l-irbit abbużiv beda f’Mejju 1999 u għadu ma ntemmx ukoll (kunsiderazzjoni 1077 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, hija tikkunsidra li d-dewmien totali tal-ksur imwettaq minn Microsoft huwa ta’ ħames snin u ħames xhur, perijodu li jikkorrispondi għal ksur li jdum għal ħafna żmien (l-istess kunsiderazzjoni). Għaldaqstant, hija żżid l-ammont imsemmi fil-punt preċedenti b’50 % u b’hekk tistabbilixxi l-ammont bażiku tal-multa bħala EUR 497196304 (kunsiderazzjoni 1078 tad-deċiżjoni kkontestata).

1296

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ m’hemm ebda ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni (kunsiderazzjoni 1079 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, hija tistabbilixxi l-ammont finali tal-multa bħala EUR 497196304 (kunsiderazzjoni 1080 tad-deċiżjoni kkontestata).

B — L-argumenti tal-partijiet

1297

Prinċipalment, Microsoft tqis li l-multa imposta fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata m’għandha ebda bażi peress li m’hemm ebda ksur ta’ l-Artikolu 82 KE.

1298

Sussidjarjament, Microsoft issostni li din il-multa hija eċċessiva u sproporzjonata u li għaldaqstant hija għandha tiġi annullata jew imnaqqsa sostanzjalment.

1299

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija tikkunsidra li mhuwiex ġustifikat li tiġi imposta fuqha multa peress li l-ksur ikkonstatati fir-rigward tagħha jirriżultaw minn “interpretazzjoni ġdida tad-dritt”. In sostenn ta’ din l-allegazzjoni, hija tinvoka ċerti siltiet mill-komunikazzjonijiet għall-istampa ppubblikati mill-Kummissjoni dwar każijiet ta’ kompetizzjoni (komunikazzjonijiet għall-istampa ta’ l-20 ta’ April 2001, IP/01/584, u tat-2 ta’ Ġunju 2004, IP/04/705) kif ukoll il-prassi tal-Kummissjoni li ma timponix multi f’każijiet li jqajmu kwistjonijiet ġodda jew kumplessi. Hija tosserva wkoll li, f’ċerti każijiet, il-Kummissjoni kkundannat lill-impriżi kkonċernati għal multa simbolika biss fid-dawl tal-fatt li huma ma setgħux jikkonkludu faċilment, mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li l-aġir ikkonstatat fil-konfront tagħhom kien jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni.

1300

Microsoft issostni li l-prinċipji applikati mill-Kummissjoni f’dan il-każ ivarjaw b’mod sostanzjali minn dawk proposti mill-ġurisprudenza u li dawn huma r-riżultat ta’ “bidla sostanzjali fit-teoriji tal-Kummissjoni skond l-iżvolġiment tal-każ matul l-aħħar ħames snin”.

1301

B’hekk, minn naħa, fir-rigward ta’ l-aġir abbużiv ikkostitwit mir-rifjut li tipprovdi l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà lill-kompetituri tagħha u li tawtorizza l-użu tagħha, Microsoft issostni li l-Kummissjoni qatt ma ppreċiżat bi preċiżjoni l-informazzjoni in kwistjoni. Barra minn hekk, hija tirrepeti li Sun ma talbithiex liċenzja fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha sabiex tiżviluppa sistemi operattivi għal servers ta’ work group fiż-ŻEE. Fl-aħħar, hija ssostni li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni m’għandha ebda preċedenti safejn tipprevedi l-obbligu li tingħata liċenzja għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ valur kbir sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ prodotti li jikkompetu direttament mas-sistemi operattivi Windows għal servers. Microsoft tallega li, fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, hija kellha raġunijiet tajba għalxiex taħseb li l-każ in eżami ma kellux iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja.

1302

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-aġir abbużiv ikkostitwit mill-fatt li hija ssuġġettat il-provvista tas-sistema operattiva Windows għal client PCs għall-akkwist simultanju tal-Windows Media Player, Microsoft tosserva, l-ewwel nett, li t-teorija tal-Kummissjoni dwar l-irbit lanqas biss ma ssemmiet fl-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Hija tindika, it-tieni nett, li din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li prodott jiġi mtejjeb billi tiġi integrata fih funzjonalità “mtejba”, f’dan il-każ funzjonalità multimedjali li tinkludi kapaċità ta’ riċezzjoni kontinwa, mingħajr ma tkun offruta fl-istess ħin u bl-istess prezz verżjoni ta’ dan il-prodott mingħajr din il-funzjonalità, seta’ jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 82 KE.

1303

Fit-tieni lok, Microsoft tallega li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha huwa eċċessiv. In sostenn ta’ din l-allegazzjoni, hija ssostni tliet gruppi ta’ argumenti.

1304

L-ewwel nett, hija ssostni li l-ammont inizjali tal-multa mhuwiex ġustifikat. Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-iffissar ta’ dan l-ammont bħala EUR 165732101 huwa arbitrarju u mmotivat b’mod żbaljat. Fit-tieni lok, hija tikkontestata l-fondatezza ta’ l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija wettqet ksur “gravi ħafna”. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-Kummissjoni ħadet iktar minn ħames snin sabiex tikkonkludi li l-aġir tagħha kien ta’ min jippenalizzah, u terġa’ ħadet iktar żmien sabiex tiddeċiedi liema miżuri korrettivi kienu adegwati. Fl-aħħar lok, hija tallega li ma kinitx f’pożizzjoni li tipprevedi li l-aġir tagħha seta’ jiġi kkunsidrat bħala aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u anqas u anqas bħala ksur “gravi ħafna”.

1305

Fir-replika, Microsoft tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-abbużi kkonċernati għandhom impatt sostanzjali fuq l-iswieq in kwistjoni.

1306

Fir-replika wkoll, Microsoft tallega li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-“prodotti kkonċernati mill-abbuż” biss sabiex tistabbilixxi l-ammont inizjali. Fil-fatt, hija bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ miksub minn Microsoft fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers in ġenerali. Issa, anqas minn kwart tad-dħul ta’ Microsoft minn dawn is-sistemi seta’ jiġi attribwit lis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group kif iddefinit mill-Kummissjoni.

1307

It-tieni nett, Microsoft tqis li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun meta rdoppjat l-ammont inizjali abbażi tal-“kapaċità ekonomika sinjifikattiva” tagħha u tal-ħtieġa li jiġi assigurat effett dissważiv suffiċjenti. Hija tosserva li l-Kummissjoni ma takkużahiex li ma riditx tirrispetta l-liġi u li, għall-kuntrarju, is-Sur Monti, li f’dak iż-żmien kien il-Kummissarju responsabbli mill-kompetizzjoni, faħħar l-isforzi ta’ Microsoft sabiex jintlaħaq ftehim bonarju kif ukoll il-professjonaliżmu tal-membri tat-tim tagħha. Hija żżid li l-Kummissjoni lanqas ma tista’ tinvoka l-bżonn li tiddisswadi lil impriżi oħra milli jwettqu ksur simili. Fl-aħħar, hija tallega li l-ammont inzijali huwa bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ u fuq il-profitti li hija wettqet fuq livell dinji u li l-istess ċifri ntużaw sabiex jiġġustifikaw iż-żieda f’dan l-ammont bħala effett dissważiv (nota ta’ qiegħ il-paġna 1342 tad-deċiżjoni kkontestata), proċess dan li jimplika “li l-istess fattur ittieħed in kunsiderazzjoni darbtejn”. Il-fatturi l-oħra msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1342 tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jiġġustifikaw l-irdoppjar ta’ l-ammont inizjali.

1308

It-tielet nett, Microsoft iżżid li ż-żieda b’ 50 % tad-doppju ta’ l-ammont inizjali, minħabba d-dewmien tal-ksur, hija eċċessiva. Hija tikkritika, fl-ewwel lok, il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-miżuri li hija kienet adottat sabiex issib rimedju għall-problemi mqajma minnha matul id-diskussjonijiet tagħhom u fid-dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet u lanqas ta’ l-impenni li hija kienet assumiet fil-kuntest tal-ftehim Amerikan. Fit-tieni lok, Microsoft tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-dewmien tal-proċedura amministrattiva u tqis li hija ma tistax tiġi kkritikata talli pprovat tasal għal ftehim bonarju mal-Kummissjoni. Hija żżid li hija ma setgħetx ittemm l-allegati abbużi iktar kmieni peress li “t-teoriji tal-Kummissjoni evolvew b’mod kunsiderevoli matul l-aħħar sitt snin”.

1309

Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-teżi prinċipali ta’ Microsoft għandha tiġi miċħuda, peress li din ta’ l-aħħar ma stabbilixxietx li hija kienet żbaljat meta kkonkludiet li kien jeżisti ksur ta’ l-Artikolu 82 KE.

1310

Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll it-teżi sussidjarja mressqa minn Microsoft.

1311

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-multa hija ġustifikata.

1312

L-ewwel nett, hija ssostni li, f’dan il-każ, hija ma applikat ebda regola ta’ dritt ġdida.

1313

B’hekk, fir-rigward tar-rifjut abbużiv in kwistjoni, hija tallega li ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li kien possibbli li “huma involuti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali”. Għaldaqstant, filwaqt li bbażat ruħha fuq sentenzi bħalma hija s-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, hija ddedikat parti kbira mid-deċiżjoni kkontestata sabiex turi li, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, rifjut li tingħata liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet intellettwali seta’ jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Hija żżid li, peress li l-premessi tad-Direttiva 91/250 jindikaw espressament li l-fatt li ma tingħatax informazzjoni dwar l-interoperabbiltà jista’ jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, Microsoft ma tistax issostni b’mod serju li hija ma kinitx taf li kienet qiegħda tikser l-Artikolu 82 KE.

1314

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li hija diġà ċaħdet l-argumenti ta’ Microsoft dwar il-portata tat-talba ta’ Sun u li hija diġà indikat li l-ġurisprudenza ma teskludix il-possibbiltà li l-prodotti tal-proprjetarju tad-dritt ta’ l-awtur u l-prodotti futuri tad-detentur tal-liċenzja jkunu jikkompetu ma’ xulxin. Fil-kontroreplika tagħha, hija żżid li hija kienet identifikat, mill-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, “ċertu ammont ta’ informazzjoni li kien miżmum inġustament minn Microsoft” u tirrepeti li din ta’ l-aħħar kienet kompletament konxja tal-fatt li hija kienet qiegħda tirrifjuta li tagħti lill-kompetituri tagħha aċċess għall-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà identifikata fid-deċiżjoni kkontestata.

1315

Fir-rigward ta’ l-irbit abbużiv, il-Kummissjoni tammetti li jista’ jkun li dan il-każ huwa differenti mill-każijiet preċedenti ta’ rbit safejn, fid-deċiżjoni kkontestata, hija wettqet evalwazzjoni ta’ l-effetti reali ta’ dan l-aġir. Hija tqis li, madankollu, minn dan ma jistax jiġi konkluż li hija elaborat teorija ġdid u tinsisti fuq il-fatt li l-konstatazzjonijiet tagħha huma bbażati fuq prinċipji ġuridiċi u ekonomiċi magħrufa sewwa.

1316

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li Microsoft, fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji u ġuridiċi sostanjali tagħha, kienet f’pożizzjoni li tipprevedi li l-aġir tagħha li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha f’suq sabiex tikseb pożizzjoni dominanti f’suq ieħor kien ser jiġi kkunsidrat bħala abbużiv. Hija tenfasizza li l-qorti Komunitarja ċaħdet b’mod kostanti l-argument li ebda multa m’għandha tiġi imposta meta l-impriża kkonċernata ma setgħetx tkun taf li hija kienet qiegħda tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, hija tqis li Microsoft ma tistax targumenta abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni ma imponietx multa fuq impriża f’każ ieħor.

1317

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-multa mhijiex eċċessiva, filwaqt li tosserva, b’mod partikolari, li din tammonta biss għal 1,62 % tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Microsoft matul is-sena ta’ negozju li għalqet fit-30 ta’ Ġunju 2003.

1318

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tesponi li, fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, hija għandha diskrezzjoni u li hija mhijiex marbuta tapplika formoli matematiċi preċiżi. Hija żżid li l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha ma jeżiġix li hija tindika fid-deċiżjoni tagħha ċ-ċifri marbuta mal-metodu tal-kalkolu tal-multi. Barra minn hekk, hija tindika li, in konformità mal-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Reoglament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), hija evalwat il-gravità tal-ksur billi ħadet in kunsiderazzjoni n-natura tiegħu, l-impatt tiegħu fuq is-suq u l-portata ġeografika tas-suq.

1319

Il-Kummissjoni tallega li hija ma stabbilixxietx l-ammont inizjali tal-multa billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji ta’ Microsoft iżda billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ Microsoft fiż-ŻEE mis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs u għal servers ta’ work group. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 217 tad-difiża, hija tippreċiża li dan il-punt tat-tluq jirrappreżenta 7,5 % ta’ dan id-dħul mill-bejgħ. Minn dan hija tikkonkludi li l-allegazzjoni ta’ Microsoft li hija ħadet dan il-fattur in kunsiderazzjoni darbtejn mhijiex fondata. B’risposta għall-allegazzjoni ta’ Microsoft li hija ħadet in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ miksub fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers in ġenerali, hija tindika li hija bbażat ruħha fuq il-figuri li rċeviet mingħand Microsoft wara talba għal informazzjoni li kienet tikkonċerna s-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għal ittra li Microsoft bagħtitilha fid-9 ta’ Marzu 2004 (anness D.16 tal-kontroreplika).

1320

It-tieni nett, il-Kummissjoni tallega li hija kellha d-dritt tapplika multiplikatur ta’ 2 għal-ammont inizjali tal-multa. F’dan ir-rigward, hija tosserva li dan l-ammont jikkorrispondi għal anqas minn 1 % tad-dħul mill-bejgħ miksub minn Microsoft matul l-aħħar sena ta’ negozju, ċifra li ma kinitx tagħmel lill-multa suffiċjentement dissważiva. Hija tesponi li hija stabilixxiet dan il-multiplikatur billi ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi kbar ġeneralment ikollhom riżorsi li permezz tagħhom jista’ jkollhom għarfien aħjar tar-rekwiżiti u tal-konsegwenzi tad-dritt tal-kompetizzjoni milli jista’ jkollhom l-impriżi ta’ daqs iżgħar.

1321

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-għan dissważiv li hija għandha d-dritt tfittex meta tistabbilixxi l-ammont ta’ multa huwa intiż li jiggarantixxi l-osservanza mill-impriżi tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat meta jwettqu l-attivitajiet tagħhom fil-Komunità jew fiż-ŻEE (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punti 110 u 111). Minn dan isegwi li n-natura dissważiva ta’ multa imposta minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata biss abbażi tas-sitwazzjoni partikolari ta’ l-impriża ppenalizzata. M’huwiex meħtieġ biss li din l-impriża tiġi skoraġġita milli tirripeti l-istess ksur u milli twettaq ksur ieħor tar-regoli tal-kompetizzjoni iżda huwa meħtieġ ukoll li impriżi oħra “ta’ daqs u ta’ riżorsi simili” jiġu skoraġġiti milli jwettqu ksur komparabbli.

1322

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza, minn naħa, li hija ma allegatx li Microsoft ostakolat l-investigazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, li hija ma identifikat ebda ċirkustanza aggravanti fil-konfront ta’ Microsoft.

1323

It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkontestata li ż-żieda ta’ 50 % li hija applikat, minħabba d-dewmien tal-ksur, għall-ammont ikkalkulat abbażi tal-gravità kienet eċċessiva. Hija tallega li hija mxiet mal-prassi normali li, għall-ksur li jdumu għal ħafna żmien, tiġi applikata żieda ta’ 10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni fil-ksur.

1324

Hija tikkunsidra li Microsoft ma tistax tinvoka l-miżuri li hija ħadet sabiex issolvi l-problemi mqajma mill-Kummissjoni jew fil-kuntest tal-ftehim Amerikan, peress li dawn il-miżuri m’għandhom ebda rilevanza fejn jidħol il-kalkolu tad-dewmien tal-ksur. Filwaqt li tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet 241, 242 u 270 sa 279 tad-deċiżjoni kkontestata, hija żżid li l-ksur ma twaqqafx permezz ta’ dawn il-miżuri.

1325

Fl-aħħar, hija tikkontesta l-argument ta’ Microsoft dwar id-dewmien tal-proċedura amministrattiva filwaqt li tosserva, b’mod partikolari, li dan id-dewmien kien oġġettivament iġġustifikat mill-kumplessità tal-każ u mill-ħtieġa li jiġu assigurati d-drittijiet ta’ difiża ta’ Microsoft.

C — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1326

Fil-kuntest tat-talbiet preżenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija mitluba teżamina l-legalità ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata u, jekk ikun il-każ, teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq Microsoft minn dan l-artikolu.

1327

Il-Kummissjoni timponi multa waħda fuq Microsoft għaż-żewġ abbużi kkonstatati fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-kunsiderazzjonijiet 1061 sa 1069 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta b’mod partikolari li l-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ żewġ abbużi distinti, tikkunsidra, madankollu, li Microsoft wettqet abbuż wieħed, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ strateġija li tikkonsisti fl-użu permezz ta’ ‘leveraging’ tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs (ara, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjoni 1063 tad-deċiżjoni kkontestata).

1328

Mill-kunsiderazzjonijiet 1054 sa 1080 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li — minkejja li dan mhuwiex indikat espressament fid-deċiżjoni kkontestata — l-intenzjoni tal-Kummissjoni kienet li tikkalkula l-ammont tal-multi skond il-metodoloġija esposta fil-linji gwida.

1329

Prinċipalment, Microsoft issostni li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, il-multa imposta m’għandha ebda bażi.

1330

Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-evalwazzjoni magħmula fil-kuntest tal-kwistjoni prinċipali tar-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li jiġi awtorizzat l-użu tagħha kif ukoll tal-kwistjoni prinċipali ta’ l-irbit tas-sistema operattiva Windows għal client PCs mal-Windows Media Player jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li Microsoft kienet kisret l-Artikolu 82 KE meta adottat dawn iż-żewġ tipi ta’ aġir.

1331

Sussidjarjament, Microsoft issostni li l-multa hija eċċessiva u sproporzjonata u li għalhekk hija għandha tiġi annullata jew sostanzjalment imnaqqsa. Hija ssostni b’mod partikolari li ż-żewġ tipi ta’ aġir imsemmija fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu forom ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti kompletament ġodda u li hija ma setgħetx tipprevedi li l-aġir tagħha, li kien jikkonsisti, minn naħa, fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha li jikkonċernaw teknoloġija ta’ valur kbir żviluppata minnha u, min-naħa l-oħra, fit-titjib teknoloġiku ta’ prodott eżistenti, kien ser jiġi interpretat mill-Kummissjoni bħala li jammonta għal ksur ta’ l-Artikolu 82 KE.

1332

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-argumenti mressqa b’mod sussidjarju minn Microsoft mhumiex fondati u, b’mod partikolari, li din ta’ l-aħħar ma tipprovax li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat il-gravità u d-dewmien tal-ksur jew wettqet xi żball fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa.

1333

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ewwel kwistjoni prinċipali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat il-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li minnha jirriżulta li r-rifjut ikkonstatat fil-konfront ta’ Microsoft — bil-premessa li kien possibbli li dan ir-rifjut huwa rifjut li terzi jingħataw liċenzja fir-rigward ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali — kien ta’ natura abbużiv peress li, minn naħa, kien imdawwar b’ċirkustanzi eċċezzjonali, bħal dawk identifikati fil-ġurisprudenza, li, fl-interess pubbliku li tinżamm kompetizzjoni effettiva fis-suq, jippermettu limitazzjonijiet tad-dritt esklużiv tal-proprjetarju tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali, u, min-naħa l-oħra, ma kienx oġġettivament iġġustifikat.

1334

Għandu jiġi mfakkar ukoll li, fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni kwistjoni prinċipali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni kienet stabilixxiet, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi, li l-fatt li Microsoft tissuġġetta l-provvista tas-sistema operattiva Windows għal client PCs għall-akkwist simultanju tas-softwer Windows Media Player jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kkonstatat irbit abbużiv fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE u ma kienx oġġettivament iġġustifikat.

1335

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-argument ta’ Microsoft li ż-żewġ abbużi kkonstatati fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżultaw minn “interpretazzjoni ġdida tad-dritt” (ara l-punti 1299 sa 1302 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà stabilixxiet, fil-kuntest ta’ l-eżami tagħha ta’ l-ewwel żewġ kwistjonijiet prinċipali, li dan l-argument mhuwiex fondat. Minn dan l-eżami jirriżulta li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, ma applikat ebda regola ta’ dritt ġdida.

1336

B’hekk, fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ l-abbuż ikkonstatat fl-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata, diġà ġie espost li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet, fis-sentenza Magill, iċċitata fil-punt 107 iktar ’il fuq, li, għalkemm ir-rifjut li tingħata liċenzja min-naħa tal-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, anki meta dan ikun min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu abbuż ta’ din il-pożizzjoni dominanti, l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mill-proprjetarju jista’, madankollu, jagħti lok, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għal aġir abbużiv.

1337

Barra minn hekk, huwa diffiċli li l-allegazzjoni ta’ Microsoft li ma kienx faċli għaliha li tirrealizza li l-aġir in kwistjoni kien jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tiġi rrikonċiljata mal-pożizzjoni li hija ddefendiet matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, Microsoft sostniet li jekk il-Kummissjoni tikkonstata li r-rifjut in kwistjoni kien jikkostitwixxi abbuż, dan seta’ jippreġudika l-“bilanċ prudenti bejn id-dritt ta’ l-awtur u l-politika tal-kompetizzjoni” milħuq mid-Direttiva 91/250 (kunsiderazzjoni 743 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jingħad ukoll li s-sitta u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva tindika li d-dispożizzjonijiet tagħha “huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni skond l-Artikoli [81 u 82] tat-Trattat [KE] jekk fornitur dominanti jirrifjuta li jagħmel disponibbli l-informazzjoni li hiija meħtieġa għall-interoperabbiltà kif imfissra f’din id-Direttiva”.

1338

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament tikkunsidra li Microsoft kien imissha kienet taf li r-rifjut in kwistjoni kien ta’ natura li seta’ jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni.

1339

Dan jgħodd ukoll fir-rigward, it-tieni nett, ta’ l-abbuż ikkonstatat fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-argumenti bbażati fuq l-allegata applikazzjoni ta’ teorija ġdida diġà ġew miċħuda fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni kwistjoni prinċipali (ara b’mod partikolari l-punti 859 u 863 sa 868 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament tesponi, fil-kunsiderazzjoni 1057 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżami tagħha ta’ l-irbit in kwistjoni kif ukoll il-konklużjoni li hija tasal għaliha minn dan l-eżami fir-rigward tan-natura abbużiva ta’dan l-aġir huma bbażati fuq prassi stabbilita sew, b’mod partikolari fil-kawżi Hilti u Tetra Pak II.

1340

Fir-rigward tal-fatt li l-irbit abbużiv ma ssemmiex fl-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, dan il-fatt mhuwiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Kummissjoni applikatx teorija ġuridika ġdida.

1341

L-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi l-ewwel deċiżjoni fejn il-Kummissjoni kklassifikat bħala abbużiv il-fatt li jsir titjib fi prodott billi tiġi integrata fih funzjonalità “mtejba” lanqas ma tista’ tintlaqa’. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 936, 937 u 1221 iktar ’il fuq, l-integrazzjoni in kwistjoni ma kinitx meħtieġa minħabba raġunijiet ta’ natura teknika. Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti b’mod partikolari fil-punt 935 iktar ’il fuq, din l-allegazzjoni ma tinvalidax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ żewġ prodotti distinti, li hija wieħed mill-kriterji li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ rbit abbużiv skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 859 iktar ’il fuq.

1342

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Microsoft m’għandhiex raġun meta tallega li l-Kummissjoni ma kienx imissha imponitilha multa jew li kien imissha imponitilha multa simbolika.

1343

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-argument ta’ Microsoft li l-ammont tal-multa huwa eċċessiv, dan għandu jiġi miċħud ukoll. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, fil-fatt, li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni eżatta tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur.

1344

L-ewwel nett, fir-rigward tal-gravità tad-dewmien, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li ż-żewġ abbużi in kwistjoni jagħmlu parti minn ksur li jikkonsisti fl-applikazzjoni, minn Microsoft, ta’ strateġija ta’ ‘leveraging’, jiġifieri l-użu tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs bil-għan li testendi din il-pożizzjoni f’żewġt iswieq viċini, f’dan il-każ is-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group u s-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa.

1345

Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-abbuż ikkonstatat fl-Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tevalwa l-gravità ta’ dan l-abbuż billi tieħu in kunsiderazzjoni n-natura tiegħu stess (kunsiderazzjoni 1064 u 1065 tad-deċiżjoni kkontestata), l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq (kunsiderazzjonijiet 1069 u 1070 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat (kunsiderazzjoni 1073 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikklassifika l-ksur li minnu jagħmel parti dan l-abbuż bħala “gravi ħafna” u, għaldaqstant, bħala li għandu jiġi ppenalizzat b’multa ta’ iktar minn EUR 20 miljun.

1346

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fil-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti jiġġustifikaw li l-ksur ikun ikklassifikat bħala “gravi ħafna”. Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argumenti ta’ Microsoft.

1347

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tħoss li għandha tenfasizza, f’dan ir-rigward, li diversi dokumenti interni ta’ Microsoft li jinsabu fil-proċess tal-kawża jikkonfermaw li hija nqdiet, permezz ta’ l-eżerċizzju ta’ ‘leveraging’, mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-sistemi operattiva għal client PCs sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group. B’hekk, fil-kunsiderazzjoni 774 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkwota silta ta’ ittra elettronika mibgħuta mis-Sur Bayer, direttur f’pożizzjoni għolja ta’ Microsoft, lis-Sur Madigan, direttur ieħor f’pożizzjoni għolja ta’ Microsoft, fejn is-Sur Bayer jindika li “[Microsoft] għandha vantaġġ enormi fis-suq ta’ l-informatika għal impriżi […] permezz tal-poter li tagħtiha l-pożizzjoni dominanti tal-Windows fuq il-kompjuters użati fl-uffiċċji”.

1348

Fil-kunsiderazzjoni segwenti tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinvoka silta minn ittra elettronika oħra skambjata bejn dawn iż-żewġ diretturi ta’ Microsoft li turi li l-konkwista tas-suq tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group kienet ikkunsidrata bħala metodu ta’ implementazzjoni ta’ l-istess strateġija ta’ ‘leveraging’ fil-konfront ta’ l-internet. Din is-silta tipprovdi kif ġej:

“Mhux ser ikun faċli li niddominaw l-infrastruttura server ta’ internet [iżda] aħna jista’ jirnexxielna nagħmlu dan abbażi tan-netwerks ta’ impriżi jekk jirnexxielna niddominaw dawn in-netwerks (ħaġa li, fil-fehma tiegħi, hija possibbli).”

1349

Barrra minn hekk, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 778 tad-deċiżjoni kkontestata, minn silta ta’ diskors magħmul mis-Sur Gates fi Frar 1997 jirriżulta li d-diretturi fil-livelli l-iktar għolja ta’ Microsoft kienu jikkunsidraw l-interoperabbiltà bħala għodda fil-kuntest ta’ din l-istrateġija ta’ ‘leveraging’. Din is-silta tipprovdi kif ġej:

“Aħna qegħdin nipprovaw nużaw l-għarfien tagħna fir-rigward ta’ servers sabiex niżviluppaw protokolli ġodda u neskludu b’mod iktar partikolari lil Sun u Oracle […] Ma nafx jekk hux ser jirnexxielna nagħmlu dan, iżda, f’kull każ, dan huwa dak li qegħdin nipprovaw nagħmlu.”

1350

Għandu jiġi osservat li d-diskors tas-Sur Gates sar fi Frar 1997, jiġifieri ħafna qabel id-data li fiha Microsoft ċaħdet it-talba li kienet magħmula fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998. Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li r-rifjut in kwistjoni kien jagħmel parti minn strateġija ġenerali fejn Microsoft tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq viċin tas-sistemi operattivi għal servers ta’ work group.

1351

Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-irbit tal-Windows Media Player u tal-Windows imsemmi fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni eżatta anki tal-kriterju tal-gravità tal-ksur meta kklassifikatu bħala “gravi ħafna”.

1352

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li mill-ittra elettronika mibgħuta lis-Sur Gates mis-Sur Bay f’Jannar 1999 (ara l-punt 911 iktar ’il fuq) jirriżulta li dan it-tieni abbuż ukoll kien jagħmel parti minn strateġija ta’ ‘leveraging’.

1353

It-tieni, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-kunsiderazzjoni 1068 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi abbuż jikkostitwixxi, min-natura tiegħu, ksur gravi ħafna ta’ l-Artikolu 82 KE u ta’ l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

1354

Fil-fatt, il-prassi ta’ rbit kienet diġà ġiet iddikjarata b’mod ċar bħala illegali mill-qrati Komunitarji, b’mod partikolari fil-kawżi Hilti u Tetra Pak II, u l-aġir in kwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-ġurisprudenza. Għandu jiġi mfakkar, b’mod partikolari, li, kif diġà ġie espost fil-punti 859 u 863 sa 868 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma applikatx teorija ġuridika ġdida f’dan il-każ, b’mod partikolari meta eżaminat jekk il-kundizzjoni dwar l-esklużjoni tal-kompetituri mis-suq kinitx issodisfata.

1355

Il-Kummissjoni ġustament osservat, fil-kunsiderazzjoni 1066 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-irbit in kwistjoni jagħti lill-Windows Media Player omnipreżenza dinjija fuq il-client PCs, ħaġa din li tiskoraġġixxi lill-OEMs milli jinstallaw minn qabel fuq il-client PCs media players kompetituri u li tippreġudika l-kompetizzjoni fis-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa (ara l-punti 1031 sa 1058 iktar ’il fuq).

1356

Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni 1067 tad-deċiżjoni kkontestata, l-irbit abbużiv in kwistjoni għandu effetti sinjifikattivi fuq l-istat tal-kompetizzjoni fis-settur tal-provvista ta’ kontenut fuq l-internet kif ukoll f’dak tas-softwer multimedjali, li huma setturi importanti u li huma mistennija jkomplu jiżviluppaw. Kif ġie espost fil-punti 1060 sa 1075 iktar ’il fuq, l-omnipreżenza li dan l-irbit jagħti lill-Windows Media Player tinkoraġġixxi, minn naħa, lill-fornituri ta’ kontenut sabiex ixandru l-kontenut tagħhom fil-formats Windows Media u, min-naħa l-oħra, lill-iżviluppaturi ta’ applikazzjonijiet sabiex jiddisinjaw il-prodotti tagħhom b’tali mod li jkunu bbażati fuq ċerti funzjonalitajiet tal-Windows Media Player, u dan minkejja l-fatt li l-media players kompetituri huma ta’ kwalità simili, jekk mhux ukoll superjuri, għal dan il-player. Fil-punt 1076 iktar ’il fuq ġie pprovat ukoll li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-kunsiderazzjonijiet 897 sa 899 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-irbit abbużiv kellu wkoll effetti fuq ċerti swieq viċini.

1357

It-tielet, il-Kummissjoni ġustament osservat, fil-kunsiderazzjonijiet 1069 u 1071 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-irbit abbużiv in kwistjoni għandu impatt sinjifikattiv fuq is-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa. Fil-fatt, dan l-irbit ippermetta lil Microsoft takkwista l-ewwel post fis-suq bil-player Windows Media Player tagħha.

1358

Ir-raba’, huwa paċifiku li s-suq tal-media players li jippermettu riċezzjoni kontinwa jkopri ż-ŻEE kollha (kunsiderazzjoni 1073 tad-deċiżjoni kkontestata).

1359

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 1344 sa 1358 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ħadet ammont minimu ta’ EUR 20 miljun bħala l-punt tat-tluq għall-iffissar tal-multa fir-rigward tal-ksur.

1360

F’dan il-każ, il-Kummissjoni, wara li ħadet in kunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-effett tiegħu fuq is-swieq ta’ prodott in kwistjoni u l-portata ġeografika ta’ dawn is-swieq, adottat ammont inizjali wieħed, li hija stabilixxiet bħala EUR 165732101 għaż-żewġ abbużi (kunsiderazzjoni 1075 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tispjegax għal xiex jikkorrispondi dan l-ammont u lanqas kif inhuwa diviż bejn iż-żewġ abbużi. Madankollu, mill-qari tan-nota ta’ qiegħ il-paġna 217 tad-difiża flimkien mal-kontenut ta’ l-ittra ta’ Microsoft tad-9 ta’ Marzu 2004 (ara l-punt 1319 iktar ’il fuq) jirriżulta li dan l-ammont jirrappreżenta 7,5 % tad-dħul mill-bejgħ akkumulat miksub minn Microsoft fiż-ŻEE fis-swieq tas-sistemi operattivi għal client PCs u għal servers ta’ work group matul is-sena ta’ negozju li għalqet fit-30 ta’ Ġunju 2003. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega Microsoft, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan l-ammont inizjali ġie stabbilit b’mod arbitrarju.

1361

Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-iffissar ta’ l-ammont inizjali tal-multa bħala EUR 165732101 mhuwiex motivat, huwa biżżejjed li jiġi osservat li skond ġurisprudenza stabbilita il-Kummissjoni mhijiex meħtieġa, bħala parti mill-obbligu ta’ motivazzjoni, li tindika fid-deċiżjoni tagħha ċ-ċifri marbuta mal-metodu tal-kalkolu tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punti 76 u 80, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 95 iktar ’il fuq, punt 464).

1362

Lanqas l-allegazzjoni ta’ Microsoft li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ miksub fis-suq tas-sistemi operattivi għal servers in ġenerali, jiġifieri suq iktar wiesa’ mit-tieni suq identifikat fid-deċiżjoni kkontestata, ma tista’ tintlaqa’. Fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-figuri li ngħatawlha minn Microsoft fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Marzu 2004 (ara l-punt 1319 iktar ’il fuq) b’risposta għat-talba għal informazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2004 (anness D.16 tal-kontroreplika) li tirreferi espressament għas-sistemi operattivi Windows għal servers ta’ work group li f’dak iż-żmien Microsoft kienet għadha tipprovdi.

1363

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament applikat multiplikatur ta’ 2 għal dan l-ammont inizjali sabiex tassigura li l-multa tkun ta’ natura suffiċjentement dissważiva u fid-dawl tal-kapaċità ekonomika sinjifikattiva ta’ Microsoft. Minn naħa, peress li huwa wisq probabbli li Microsoft ser tibqa’ żżomm il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tas-sistemi operattivi għal client PCs, ta’ l-anqas matul is-snin li ġejjin, ma jistax jiġi eskluż li din il-kumpannija ser ikollha okkażjonijiet oħra li tuża l-istrateġija ta’ ‘leveraging’ fir-rigward ta’ swieq viċini oħra. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li Microsoft diġà kienet is-suġġett ta’ proċedimenti ġudizzjarji fl-Istati Uniti minħabba prassi analoga għall-irbit abbużiv in kwistjoni, jiġifieri l-irbit tal-browser Internet Explorer tagħha mas-sistema operattiva Windows għal client PCs tagħha, u li jeżisti riskju li hija twettaq l-istess tip ta’ ksur fil-futur b’softwer ta’ applikazzjoni oħra.

1364

It-tieni nett, fir-rigward tad-dewmien tal-ksur, l-argument ta’ Microsoft li ż-żieda ta’ 50 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa hija eċċessiva għandu jiġi miċħud. Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kkonstatat fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni parti tal-kwistjoni prinċipali tar-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998 kien fiha rifjut fil-konfront ta’ Sun li tingħatalha l-informazzjoni mitluba minnha. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li, b’effett minn dik id-data, Microsoft kienet ħatja ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE. Huwa stabbilit li dan il-ksur baqa’ fis-seħħ sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li, b’effett minn Mejju 1999, żdied aġir abbużiv ieħor ma’ dan il-ksur.

1365

It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li f’dan il-każ ma kienx hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

1366

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-argument ta’ Microsoft li l-multa hija eċċessiva u sproporzjonata għandu jiġi miċħud.

1367

Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat safejn huwa intiż għall-annullament tal-multa jew għat-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha.

Fuq l-ispejjeż

1368

Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 87(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

1369

F’dan il-każ, Microsoft tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha kif ukoll fir-rigward tat-talbiet intiżi għall-annullament tal-multa jew għat-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tilfet fir-rigward tat-talbiet tagħha għaċ-ċaħda tar-rikors fl-intier tiegħu.

1370

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa xieraq, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-ispejjeż jinqasmu. Microsoft għandha tbati 80 % ta’ l-ispejjeż tagħha u 80 % ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, ħlief għall-ispejjeż ta’ din ta’ l-aħħar marbuta ma’ l-interventi ta’ CompTIA, ACT, TeamSystem, Mamut, DMDsecure et u Exor. Il-Kummissjoni għandha tbati 20 % ta’ l-ispejjeż tagħha u 20 % ta’ l-ispejjeż ta’ Microsoft, ħlief għall-ispejjeż ta’ din ta’ l-aħħar marbuta ma’ l-interventi ta’ SIIA, FSFE, Audiobanner.com u ECIS.

1371

Fir-rigward tal-proċedura sommarja, Microsoft għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, ħlief għall-ispejjeż ta’ din ta’ l-aħħar marbuta ma’ l-interventi ta’ CompTIA, ACT, TeamSystem, Mamut, DMDsecure et u Exor.

1372

CompTIA, ACT, TeamSystem, Mamut, DMDsecure et u Exor għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, inklużi dawk marbuta mal-proċedura sommarja. Peress li l-Kummissjoni ma talbitx li dawn l-intervenjenti jiġi kkundannati jbatu l-ispejjeż marbuta ma’ l-interventi tagħhom, dawn l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom biss.

1373

Microsoft għandha tbati l-ispejjeż ta’ SIIA, FSFE, Audiobanner.com u ECIS, inklużi dawk marbuta mal-proċedura sommarja.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla Manja)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/53/CE ta’ l-24 ta’ Marzu 2004, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 [KE] u ta’ l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE mibdija fil-konfront ta’ Microsoft Corp. (każ COMP/C-3/37.792 — Microsoft) huwa annullat safejn:

jordna lil Microsoft tippreżenta proposta dwar l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu li għandu jinkludi l-ħatra ta’ trustee indipendenti li jkollu poteri ta’ aċċess, indipendentement mill-Kummissjoni, għall-assistenza, għall-informazzjoni, għad-dokumenti, għall-uffiċċji u għall-impjegati ta’ Microsoft kif ukoll għall-“kodiċi sors” (source code) tal-prodotti rilevanti ta’ Microsoft;

jeżiġi li l-proposta dwar l-implementazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu tipprovdi li l-ispejjeż kollha marbuta mal-ħatra ta’ trustee, inkluża r-remunerazzjoni tiegħu, ikunu a karigu ta’ Microsoft;

jirriżerva lill-Kummissjoni d-dritt li timponi permezz ta’ deċiżjoni mekkaniżmu bħal dak imsemmi fl-ewwel u fit-tieni inċiżi iktar ’il fuq.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Microsoft għandha tbati 80 % ta’ l-ispejjeż tagħha u 80 % ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, ħlief għall-ispejjeż ta’ din ta’ l-aħħar marbuta ma’ l-interventi ta’ The Computing Technology Industry Association, Inc., ta’ Association for Competitive Technology, Inc., ta’ TeamSystem SpA, ta’ Mamut ASA, ta’ DMDsecure.com BV, ta’ MPS Broadband AB, ta’ Pace Micro Technology plc, ta’ Quantel Ltd, ta’ Tandberg Television Ltd u ta’ Exor AB.

 

4)

Microsoft għandha tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati mal-proċedura sommarja fil-Kawża T-201/04 R, ħlief għall-ispejjeż tal-Kummissjoni marbuta ma’ l-interventi ta’ The Computing Technology Industry Association, ta’ Association for Competitive Technology, ta’ TeamSystem, ta’ Mamut, ta’ DMDsecure.com, ta’ MPS Broadband, ta’ Pace Micro Technology, ta’ Quantel, ta’ Tandberg Television u ta’ Exor.

 

5)

Microsoft għandha tbati l-ispejjeż ta’ Software & Information Industry Association, ta’ Free Software Foundation Europe, ta’ Audiobanner.com u ta’ European Committee for Interoperable Systems (ECIS), inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja.

 

6)

Il-Kummissjoni għandha tbati 20 % ta’ l-ispejjeż tagħha u 20 % ta’ l-ispejjeż ta’ Microsoft, ħlief għall-ispejjeż ta’ din ta’ l-aħħar marbuta ma’ l-interventi ta’ Software & Information Industry Association, ta’ Free Software Foundation Europe, ta’ Audiobanner.com u ta’ l-ECIS.

 

7)

The Computing Technology Industry Association, Association for Competitive Technology, TeamSystem, Mamut, DMDsecure.com, MPS Broadband, Pace Micro Technology, Quantel, Tandberg Television u Exor għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, inklużi dawk relatati mal-proċedura sommarja.

 

Vesterdorf

Jaeger

Pirrung

García-Valdecasas

Tiili

Azizi

Cooke

Meij

Forwood

Martins Ribeiro

Wiszniewska-Białecka

Vadapalas

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Settembru 2007.

Reġistratur

E. Coulon

Il-President

B. Vesterdorf

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Id-deċiżjoni kkontestata

 

I — Swieq ta’ prodott u suq ġeografiku in kwistjoni

 

II — Pożizzjoni dominanti

 

III — Abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

 

A — Rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li jiġi awtorizzat l-użu tagħha

 

B — Irbit tas-sistema operattiva Windows għal client PCs u tal-Windows Media Player

 

IV — Multa u miżuri korrettivi

 

Proċedimenti għal ksur tal-liġi Amerikana ta’ l-antitrust

 

Proċedura

 

It-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

I — Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

 

A — Kwistjonijiet preliminari

 

1. Fuq il-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju mill-qorti Komunitarja

 

2. Fuq l-ammissibbiltà tal-kontenut ta’ ċerti annessi

 

B — Fuq il-kwistjoni prinċipali tar-rifjut li tingħata l-informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u li jiġi awtorizzat l-użu tagħha

 

1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-argument li l-kriterji li jippermettu li impriża f’pożizzjoni dominanti tiġi obbligata tagħti liċenzja, kif definiti mill-qorti Komunitarja, mhumiex sodisfatti f’din il-kawża

 

a) Introduzzjoni

 

b) Fuq il-livelli differenti ta’ interoperabbiltà u l-portata tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

— Konstatazzjonijiet fattwali u tekniċi

 

— Fuq in-natura ta’ l-informazzjoni koperta mid-deċiżjoni kkontestata

 

— Fuq il-livell ta’ interoperabbiltà mitlub mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata

 

— Fuq il-portata ta’ l-Artikolu 5(a) tad-deċiżjoni kkontestata

 

c) Fuq l-allegazzjoni li l-protokolli ta’ komunikazzjoni ta’ Microsoft huma protetti bi drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

d) Fuq l-argumenti proprja invokati in sostenn ta’ l-ewwel parti tal-motiv

 

i) Fuq iċ-ċirkustanzi li fid-dawl tagħhom għandu jiġi analizzat l-aġir abbużiv

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

ii) Fuq in-natura indispensabbli ta’ l-informazzjoni marbuta ma’ l-interoperabbiltà

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

— Fuq l-allegat żball ta’ liġi

 

— Fuq l-allegat żball ta’ fatt

 

iii) Fuq l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

— Fuq id-definizzjoni tas-suq ta’ prodott in kwistjoni

 

— Fuq il-metodoloġija applikata fil-kalkolu ta’ l-ishma tas-suq

 

— Fuq il-kriterju applikabbli

 

— Fuq l-evalwazzjoni tad-data tas-suq u tas-sitwazzjoni kompetittiva

 

iv) Fuq il-prodott ġdid

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

v) Fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-argument li Sun ma talbitx lil Microsoft sabiex tibbenefika mit-teknoloġija li l-Kummissjoni ordnat lil Microsoft tiżvela

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-portata tat-talba ta’ Sun

 

Fuq il-portata ta’ l-ittra tas-6 ta’ Ottubru 1998

 

Fuq il-portata ġeografika tat-talba magħmula fl-ittra tal-15 ta’ Settembru 1998

 

3. Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma tieħux in kunsiderazzjoni b’mod korrett l-obbligi imposti fuq il-Komunitajiet mill-Ftehim TRIPs

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

C — Fuq il-kwistjoni prinċipali ta’ l-irbit tas-sistema operattiva Windows għal client PCs u tal-Windows Media Player

 

1. Konstatazzjonijiet fattwali u tekniċi

 

2. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 82 KE

 

a) Fuq il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kkonstatat irbit abbużiv

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

b) Fuq l-eżistenza ta’ żewġ prodotti distinti

 

Id-deċiżjoni kkontestata

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

c) Fuq il-fatt li l-konsumaturi m’għandhomx l-għażla li jiksbu l-prodott li jorbot mingħajr il-prodott marbut

 

Id-deċiżjoni kkontestata

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

d) Fuq il-limitazzjoni tal-kompetizzjoni

 

Id-deċiżjoni kkontestata

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

e) Fuq in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

 

Id-deċiżjoni kkontestata

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

f) Fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligi imposti fuq il-Komunitajiet mill-Ftehim TRIPs

 

Id-deċiżjoni kkontestata

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

3. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 

a) Id-deċiżjoni kkontestata

 

b) L-argumenti tal-partijiet

 

c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

D — Fuq il-kwistjoni prinċipali tat-trustee indipendenti

 

1. Id-deċiżjoni kkontestata

 

2. L-argumenti tal-partijiet

 

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

II — Fuq it-talbiet għall-annullament tal-multa jew għat-tnaqqis ta’ l-ammont tagħha

 

A — Id-deċiżjoni kkontestata

 

B — L-argumenti tal-partijiet

 

C — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.