SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Settembru 2006 (*)

"Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 98/5/KE – Eżerċizzju permanenti tal-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru barra dak li fih inkisbet il-kwalifika – Kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti – Verifika minn qabel tal-konoxxenza tal-lingwi ta’ l-Istat Membru ospitanti – Rimedju quddiem qorti jew tribunal skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika"

Fil-kawża C-506/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour administrative (Il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Diċembru 2004, fil-proċedimenti

Graham J. Wilson 

vs

Ordre des avocats du barreau de Luxembourg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, J.‑P. Puissochet, R. Schintgen, K. Lenaerts (Relatur), E. Juhász, E. Levits, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Marzu 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal G. Wilson, minn L. Lorang, Avukat, C. Vajda, QC, u V. Sloane, barrister,

–       għall-ordre des Avukati du barreau de Luxembourg, minn C. Ossola u C. Kaufhold, Avukati,

–       għall-Gvern Lussemburgiż, minn S. Schreiner, bħala aġent, assistit minn L. Dupong, Avukat,

–       għall-Gvern Franċiż, minn C. Bergeot-Nunes u G. de Bergues, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistit minn M. Demetriou, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Bordes u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri barra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU L 77, p. 36).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża li oriġinat minnħabba r-rifjut tal-Conseil de l-ordre des avocats du barreau de Luxembourg (Il-Kunsill tal-Kamra ta’ l-Avukati tal-Lussemburgu, iktar ’il quddiem il-"conseil de l-ordre") li jirreġistra lil G.J. Wilson, ċittadin tar-Renju Unit, fl-avukatura tal-Kamra ta’ l-Avukati tal-Lussemburgu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 98/5

3       Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/5:

"Kull avukat għandu jkun intitulat li jsegwi fuq bażi permanenti, f’kull Stat Membru ieħor taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu, l-attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 5."

4       L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5, intitolat "Ir-reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti", jgħid:

"1.      Avukat li jixtieq jipprattika fi Stat Membru [...] barra dak li fih kiseb il-kwalifika professjonali għandu jirreġistra ma’ l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat.

2.      L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tirreġistra lill-avukat mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu. Tista’ teħtieġ li, meta jkun ippreżentat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, iċ-ċertifikat ma jkunx eqdem minn tliet xhur. Għandha tinforma bir-reġistrazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu l-pajjiż ta’ l-avukat.

[…]"

5       L-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/5, intitolat "Il-qasam ta’ attività", jgħid:

"1.      Suġġett għall-paragrafi 2 u 3, avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu iwettaq l-istess attivitajiet professjonali bħala avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali relevanti użat fl-Istat Membru ospitanti u jista’, inter alia, jagħti parir fuq il-liġi ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, fuq il-liġi tal-Komunità, fuq il-liġi internazzjonali u fuq il-liġi ta’ l-Istat Membru ospitanti. Għandu f’kull każ ikun konformi mar-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qrati nazzjonali.

2.      L-Istati Membri li jawtorizzaw fit-territorju tagħhom kategorija preskritta ta’ avukati sabiex iħejju atti sabiex jiksbu titolu biex jamministraw bini ta’ persuni mejta u sabiex joħolqu jew jitrasferixxu interessi fl-art li, fi Stati Membri oħra, huma rriservati għal professjonijiet barra dawk ta’ avukat jistgħu jeskludu minn dawn l-attivitajiet avukati li jipprattikaw taħt titolu professjonali ta’ pajjiżhom mogħtija f’wieħed mill-Istati Membri ta’ l-aħħar.

3.      Għas-segwiment ta’ attivitajiet li jirrelataw mar-rappreżentazzjoni jew difiża ta’ klijent fi proċeduri legali u safejn il-liġi ta’ l-Istat Membru ospitanti tirriserva attivitajiet bħal dawn għal avukati li jipprattikaw taħt it-titoli professjonali ta’ dak l-Istat, dan ta’ l-aħħar jista’ jeħtieġ li avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom jaħdmu flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem l-awtorità ġudizzjarja in kwistjoni u li jkun, fejn meħtieġ, jwieġeb għal għemilu lil dik l-awtorità jew lill-'avoué' li jipprattika quddiemha.

Madanakollu, sabiex ikun assigurat it-tħaddim tajjeb tas-sistema ġudizzjarja, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw ir-regoli speċifiċi għall-aċċess għall-qorti suprema, bħalma hu l-użu ta’ avukati speċjalisti."

6       L-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5, intitolata "Stqarrija ta’ raġunijiet u rimedji", jipprovdi:

"Id-deċiżjonijiet sabiex ma ssirx ir-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jew sabiex tiġi kkanċellata r-reġistrazzjoni u d-deċiżjonijiet li jimponu miżuri dixxiplinari għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati.

Għandu jkun disponibbli rimedju kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem qorti jew tribunal skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika."

7       L-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/5, intitolata "Trattament simili bħal avukat ta’ l-Istat Membru ospitanti", jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

"1.      Avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li effettivament u regolarment segwa għal perijodu ta’ lanqas tliet snin attività fl-Istat Membru li ospitah fil-liġi ta’ l-Istat inkluża l-liġi tal-Komunità għandu, in-vista li jikseb dħul fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru li ospitah, ikun eżentat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48/KEE [tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tlett snin (ĠU 1989, L 19, p. 16)], 'l-eżerċizzju effettiv u regolari' jfisser taħriġ attwali ta’ l-attività mingħajr interruzzjonijiet ħlief dik li tirriżulta mill-każijiet tal-ħajja ta’ kuljum.

[…]

3.      Avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu li segwa effettivament u regolarment attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu ta’ mill-anqas tliet snin imma għal perijodu iqsar fil-liġi ta’ dak l-Istat Membru jista’ jikseb mingħand l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat dħul fil-professjoni ta’ avukat fl-Istat Membru ospitanti u d-dritt li jipprattikaha taħt it-titolu professjonali li jikkorrispondi mal-professjoni f’dak l-Istat Membru, mingħajr il-ħtieġa li jilħaq il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48/ [...], taħt il-kundizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti hawn taħt.

a)      L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti għandha tikkonsidra l-attività professjonali eżerċitata effettivament u regolarment matul il-perijodu hawn fuq imsemmi u kull tagħrif [u] esperjenza professjonali tal-liġi ta’ l-Istat Membru ospitanti, u kull attendenza għal lectures jew seminars dwar il-liġi ta’ l-Istat Membru ospitanti, inklużi r-regoli li jirregolaw il-prattika u l-kondotta professjonali.

[…]"

 Id-dritt nazzjonali

8       Skond l-Artikolu 5 tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 fuq il-professjoni ta’ avukat (Mémorial A 1991, p. 1110, iktar ’il quddiem il-"liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991"):

"Ħadd ma jista’ jeżerċita l-professjoni ta’ avukat jekk ma jkunx ġie rreġistrat fl-avukatura ta’ kamra ta’ l-avukati stabbilita fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu."

9       L-Artikolu 6 tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 jipprovdi hekk:

"(1)      Sabiex ikun irreġistrat fl-elenku, jeħtieġ:

a)      li tiġi ippreżentata l-garanzija neċessarja ta’ onorabiltà.

b)      juri li twettqu l-kundizzjonijiet ta’ amissibiltà għall-prattika.

Eċċezzjonalment, il-Conseil de l’Ordre jista’ jeżenta l-persuni li kkompletaw il-prattika professjonali tagħhom fl-Istat ta’ l-oriġini tagħhom u jistgħu juru li ppratikkaw il-professjoni għal inqas għal ħames snin, b’ċerti kundizzjonijiet ta’ amissibiltà għall-prattika.

c)      ikun ta’ nazzjonalità Lussemburgiża jew ikun ġej minn Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej. Il-conseil de l-ordre, wara li jkun ġie innotifikat mill-Ministeru tal-Ġustizzja, jista’, fuq il-prova tar-reċiproċità minn-naħa tal-pajjiż li mhux membru tal-Komunità Ewropea li minnu jkun ġej il-kandidat, jeżenta minn din il-kundizzjoni. L-istess japplika għal kandidati li għandhom l-istatut ta’ refuġjat politiku u li jibbenefikaw mid-dritt ta’ ażilu fil-Gran Dukat tal-Lusssemburgu.

(2)      Qabel ma jkunu rreġistrati fl-avukatura ta’ l-avukati, il-kandidati-avukati, fuq preżentazzjoni tal-President tal-kamra ta’ l-avukati jew ta’ persuna ddelegata minnu, għandhom jieħdu quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni l-ġurament segwenti 'Naħlef fedeltà lill-Gran Duka, li nobdi l-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ l-Istat; li ma nonqosx mir-rispett dovut lill-qrati; li ma nagħtix parir jew li niddefendi l-ebda kawża li ma nikkunsidrax ġusta skond il-kuxjenza u l-konoxxenza tiegħi."

10     Dawn il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni kienu ġew emendati mill-Artikolu 14 tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002 li titrasponi fid-dritt Lussemburgiż id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri [...] barra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni u li: 1) temenda l-liġi emendata ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 fuq il-professjoni ta’ avukat; 2) temenda l-liġi tal-31 ta’ Mejju 1999 li tirregola d-domiċiljazzjoni ta’ kumpanniji (Mémorial A 2002, p. 3202 iktar ’il quddiem il-"liġi tat-13 ta’ Novembru 2002").

11     L-imsemmi Artikolu 14 b’mod partikolari żied ma’ l-Artikolu 6(1) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 punt (d), li jimponi l-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni segwenti:

"għarfien tajjeb tal-lingwa tal-leġiżlazzjoni u tal-lingwi amministrattivi u ġudizzjarji skond il-liġi ta’ l-24 ta’ Frar 1984 fuq is-sistema tal-lingwi."

12     Il-lingwa tal-leġiżlazzjoni hija rregolata mill-Artikolu 2 tal-liġi ta’ l-24 ta’ Frar 1984 fuq is-sistema tal-lingwi (Mémorial A 1984, p. 196) fil-kliem segwenti:

"L-atti leġiżlattivi u r-regolamenti tagħhom ta’ eżekuzzjoni huma mħejjija bil-Franċiz. Meta l-atti leġiżlattivi u regolamentari huma akkumpanjati b’traduzzjoni, it-test Franċiż biss huwa awtentiku.

Fil-każ fejn xi regolamenti mhux msemmija fil-paragrafu preċedenti huma ppromulgati minn organu ta’ l-Istat, tal-kunsilli lokali jew ta’ stabbilimenti publiċi f’lingwa oħra minbarra l-Franċiż, it-test biss fil-lingwa użata minn dan l-organu huwa awtentiku.

Dan l-artikolu ma jidderogax mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta’ konvenzjonijiet internazzjonali."

13     Il-lingwi amministrattivi u ġudizzjarji huma rregolati mill-Artikolu 3 tal-liġi ta’ l-24 ta’ Frar 1984 fuq is-sistema tal-lingwi fil-mod segwenti:

"Fil-qasam amministrattiv, kontenzjuż jew mhux kontenzjuż, u fil-qasam ġudizzjarju, jistgħu jintużaw il-Franċiż, il-Ġermaniż jew il-Lussemburgiż, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali dwar ċerti oqsma."

14     Skond l-Artikolu 3(1) tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002, l-avukat li kiseb il-kwalifika tiegħu fi Stat Membru ieħor minbarrra l-Gran Dukat tal-Lussemburgu (iktar ’il quddiem l-"avukat Ewropew") għandu jkun ġie rreġistrat fl-avukatura ta’ waħda mill-kmamar ta’ l-avukati ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru sabiex ikun jista’ jeżerċità hemmhekk taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu.

15     L-Artikolu 3(2) ta’ l-istess liġi jipprovdi:

"Le Conseil de l’Ordre des Avocats du Grande-Duche de Luxembourg (Il-Kunsill ta’ l-Kamra ta’ l-Avukati tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu) li quddiemu tressqet it-talba mill-avukat Ewropew sabiex ikun jista’ jeżerċità taħt it-titolu professjonali ta’ orġini tiegħu, jipproċedi bir-reġistrazzjoni ta’ l-avukat ewropew fir-reġistru ta’ l-avukati ta’ din il-Kamra wara eżami oral li jippermetti lill-Conseil de l’Ordre jivverifika li l-avukat ewropew jaf tajjeb mill-inqas il-lingwi skond l-Artikolu 6(1) (d) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 u wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti previsti fl-Artikolu 6(1)(a), fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(1)(c) u 6(1)(d) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 kif ukoll taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ l-avukat ewropew ikkonċernat ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini.

[...]"

16     Skond l-Artikolu 3(3) tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002, id-deċiżjonijiet ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu motivati u nnotifikati lill-avukat ikkonċernat, u huma suġġetti "għar-rimedji previsti fl-Artikoli 26(7) u segwenti tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 skond il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet hemmhekk speċifikati".

17     L-Artikolu 26(7) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 jipprovdi, b’mod partikolari f’każ ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni fl-avukatura ta’ kamra ta’ l-avukati, il-possibbiltà għall-parti kkonċernata li tirrikorri għall-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv.

18     Il-kompożizzjoni ta’ dan il-korp hija rregolata mill-Artikolu 24 ta’ din il-liġi, bil-mod segwenti:

"(1) Din il-liġi tipprovdi l-ħolqien ta’ Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv kompost minn ħames avukati rreġġistrati fil-lista I ta’ l-avukati li erba’ minnhom huma eletti permezz ta’ maġġoranza relattiva mill-Assemblea Ġenerali ta’ l-Ordre de Luxembourg u wieħed minnhom huwa elett mill-Assemblea Ġenerali ta’ l-Ordre de Diekirch. L-Assemblea Ġenerali ta’ l-Ordre de Luxembourg teleġġi erba’ sostituti u l-Assemblea Ġenerali ta’ l- Ordre de Diekirch teleġġi sostitut wieħed. Kull membru effettiv huwa, f’każ ta’ impediment, sostitwit skond l-ordni ta’ anzjanità minn sostitut tal-kamra ta’ l-avukati li minnha huwa jifforma parti, u, f’każ ta’ impediment tas-sostituti tal-kamra ta’ l-avukati tiegħu, minn sostitut tal-kamra ta’ l-avukati l-oħra.

(2)      It-terminu ta’ funzjoni tal-membri huwa ta’ sentejn mill-15 ta’ Settembru ta’ wara l-elezzjoni tagħhom. F’każ ta’ post battal ta’ kariga ta’ membru effettiv jew ta’ membru sostitut, is-sostituzzjoni tiegħu hija kooptjata mill-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv. Il-funzjonijiet tal-membri effettivi u tas-sostituti kooptjati jiqfu fid-data li fiha l-funzjonijiet tal-membru elett li huma jisosstitwixxu jkunu intemmu. Il-membri tal-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv huma re-eliġibbli.

(3)      Il-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv jeleġġi President u Viċi-President. Fil-każ fejn il-President u l-Viċi-President ikollhom impediment, il-Kunsill huwa ppresedut mill-membru titolari l-aktar anzjan fil-ġerarkija. Il-membru li jkollu l-iżgħar età ikun is-Segretarju.

(4)      Sabiex persuna tkun membru tal-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv, din trid tkun ta’ nazzjonalità Lussemburgiża, irreġistrat fil-lista I ta’ l-Avukati għal mill-inqas ħames snin u ma tkunx membru ta’ Kunsill tal-kamra ta’ l-avukati.

(5)      Meta l-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv ma jistgħax jiġi kompost skond dak li ntqal iktar ’il fuq, il-membri tiegħu huma maħtura mill-Kunsill tal-kamra ta’ l-avukati li minnha jiffurmaw parti l-membri li għandhom jiġu sostitwiti."

19     L-Artikolu 28(1) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 jipprovdi l-possibbiltà li jsir appell mid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv.

20     Fil-verżjoni preċedenti tiegħu għal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu kien jipprovdi kif ġej:

"Għal dawn il-finijiet huwa maħluq Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv ta’ Appell kompost minn żewġ magistrati tal-Qorti ta’ l-Appell u avukat assessur irreġistrat fil-lista I ta’ l-avukati.

Il-membri maġistrati u s-sostituti tagħhom, kif ukoll ir-reġistratur assenjat lill- Kunsill huma maħtura permezz ta’ digriet Gran Dukali, fuq preżentazzjoni mill-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja, għal terminu ta’ sentejn. L-allokazzjonijiet tagħhom huma stabbiliti permezz ta’ regolament Gran Dukali.

L-avukat assesseur u s-sostitut tiegħu huma maħtura permezz ta’ digriet Gran Dukali għal terminu ta’ sentejn. Huma magħżula minn fuq lista ta’ tliet avukati irreġistrati fil-lista I ta’ l-avukati għal mill-inqas ħames snin ippreżentata minn kull kunsill tal-kamra ta’ l-avukati għal kull funzjoni.

Il-funzjoni ta’ assessur hija inkompatibbli ma’ dik ta’ membru ta’ Kunsill tal-kamra ta’ l-avukati jew ma’ dik ta’ membru tal-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv.

Il-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv ta’ Appell huwa bbażat fil-bini tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja fejn hemm ukoll ir-reġistru."

21     L-Artikolu 28(2) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991, kif emendat mill-Artikolu 14 tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002, issa jipprovdi:

"Għal dawn il-finijiet huwa maħluq Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv ta’ Appell kompost minn żewġ maġistrati tal-Qorti ta’ l-Appell u minn tliet avukati-assessuri rreġistrati fil-lista I ta’ l-avukatura.

[…]

L-avukati assessuri u s-sostituti tagħhom huma maħtura permezz ta’ digriet Gran Dukali għal terminu ta’ sentejn. Huma magħżula minn fuq lista ta’ ħames avukati awtorizzati jipprattikaw fil-qorti rreġistrati fil-lista I ta’ l-avukatura għal mill-inqas ħames snin ippreżentata minn kull Kunsill tal-Kamra ta’ l-Avukati għal kull funzjoni.

[…]

Il-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv ta’ Appell huwa ppresedut mill-maġistrat l-aktar anzjan fil-ġerarkija."

22     Skond l-Artikolu 8(3) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991, kif emendat mill-Artikolu 14, punt V, tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002, l-avukatura ta’ kull kamra ta’ l-avukati tinkludi erba’ listi, jiġifieri:

"1.      Il-lista I ta’ l-avukati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6 u li għaddew mill-eżami tat-tmiem ta’ l-istage previst mil-liġi;

2.      Il-lista II ta’ l-avukati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 6;

3.      Il-lista III ta’ l-avukati onorarji;

4.      Il-lista IV ta’ l-avukati li jipprattikaw taħt il-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom."

 Il-kawża prinċipali u d-domadi preliminari

23     G. J. Wilson, ċittadin tar-Renju Unit, huwa barrister. Huwa membru tal-kamra ta’ l-avukati ta’ l-Ingilterra u ta’ Wales mill-1975. Huwa jeżerċita l-professjoni ta’ avukat fil-Lussemburgu mill-1994.

24     Fid-29 ta’ April 2003, il-Conseil de l’Ordre talab lil G. Wilson jagħmel l-eżami orali previst fl-Artikolu 3(2) tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002.

25     Fis-7 ta’ Mejju 2003, G. J. Wilson ippreżenta ruħhu għal dan l-eżami akkumpanjat minn avukat Lussemburgiż, iżda l-Conseil de l’Ordre rrifjuta li dan ta’ l-aħħar jassisti l-imsemmi eżami.

26     Permezz ta’ ittra rreġistrata ta’ l-14 ta’ Mejju 2003, il-Conseil de l’Ordre nnotifika lil G. J. Wilson bid-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta li jirreġistrah fl-avukatura fil-lista IV ta’ l-avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom. Din id-deċiżjoni kienet immotivata kif ġej:

"Peress illi l-Conseil de l’Ordre kien infurmak li ma kienx ser jippermetti l-assistenza ta’ avukat, liema assistenza mhijiex prevista mil-liġi, inti rrifjutajt li tippreżenta ruħhek għall-eżami orali mingħajr l-assistenza ta’ avukat li jagħtik pariri […]. Għaldaqstant, il-Conseil de l’Ordre ma setax jivverifika li inti għandek għarfien tajjeb tal-lingwi skond l-Artikolu 6 (1)(d) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 [...]"

27     F’din l-ittra, il-Conseil de l’Ordre informa lil G. J. Wilson li, "[s]kond l-Artikolu 26(7) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991, din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ appell imressaq permezz ta’ talba quddiem il-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv (Kaxxa Postali 575 f’L-1025, il-Lussemburgu) fi żmien erbgħin jum mill-jum li fih intbagħtet din l-ittra ".

28     Permezz ta’ rikors tat-28 ta’ Lulju 2003, G. J. Wilson ressaq rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem it-tribunal administratif de Luxembourg..

29     Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Mejju 2004, dan it-tribunal iddikjara ruħhu inkompetenti sabiex jitratta dan ir-rikors.

30     Permezz ta’ rikors li wasal fir-reġistru tal-Cour administrative fit-22 ta’ Ġunju 2004, G. J. Wilson appella minn din is-sentenza.

31     Il-qorti tar-rinviju tressaq li l-kwistjoni tal-konformità tal-proċedura għal rimedju stabbilita mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża ma’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5 tirrifletti direttament fuq dik tal-kompetenza tal-qrati amministrattivi li jsiru jafu l-kawża prinċipali. Fuq il-mertu, hija tistaqsi lilha nnifisha dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tad-dispożizzjonijiet Lussemburgiżi li jistabbilixxu verifika tal-konoxxenzi lingwistiċi ta’ l-avukati Ewropej li jixtiequ jipprattikaw fil-Lussemburgu.

32     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour administrative ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5 […] għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi proċedura għal rimedju kif stabbilita mil-liġi ta’ l-10 ta’ Awissu 1991, kif emendata mil-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002?

2.      Aktar speċifikament, il-korpi ta’ appell bħall-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv u l-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv ta’ Appell jikkostitwixxu rimedji quddiem qorti jew tribunal skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5 u [dan l-Artikolu] għandu jiġi interpretat bħala li jeskludi rimedju li jimponi li ssir referenza għal korp wieħed jew aktar ta’ dan it-tip qabel ma jkun hemm il-possibbiltà li "qorti jew tribunal" tiġi mitluba tiddeċiedi fuq kwistjoni ta’ dritt skond [dan l-Artikolu]?

3.      L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru huma awtorizzati sabiex jissuġġettaw id-dritt ta’ avukat ta’ Stat Membru [ieħor] li jippratika fuq bażi permanenti l-professjoni ta’ avukat taħt il-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu fl-oqsma ta’ attivitajiet speċifikati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva [98/5] għar-rekwiżit ta’ għarfien tajjeb tal-lingwi ta’ [dan l-ewwel] Stat Membru?

4.      B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistipulaw il- kundizzjoni li dan id-dritt ta’ eżerċizzju tal-professjoni jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-avukat jgħaddi minn eżami orali tal-lingwa fit-tliet lingwi prinċipali kollha (jew f’diversi minnhom) ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw jekk l-avukat għandux għarfien tajjeb tat-tliet lingwi u, jekk dan ikun il-każ, liema huma l-garanziji proċedurali, jekk hemm, li huma meħtieġa?"

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi għal dawn id-domandi u fuq l-ammissibiltà tagħhom

33     L-ordre des avocats du barreau de Luxembourg, sostnut mill-Gvern Lussemburgiż, isostni li l-ewwel żewġ domandi ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustiżżja. Fil-fatt, permezz ta’ dan id-domandi, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti la biex tivverifika l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju u lanqas sabiex tinterpreta tali dispożizzjonijiet.

34     Ċertament, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippronunzja ruħha, fil-kuntest ta’ proċedura imressqa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 234 KE, fuq il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1994, Lamaire, C‑130/93, Ġabra p. I‑3215, punt 10). Minbarra dan, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn dan l-Artikolu, huma l-qrati nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jinterpretaw dispożizzjonijiet nazzjonali (ara, b’mod partikolari, s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker et Lesage, C‑37/92, Ġabra p. I‑4947, punt 7).

35     Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara, b’mod partikolari, s-sentenza Lamaire, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10).

36     F’dan il-każ partikolari, l-ewwel żewġ domandi jinvolvu domanda dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5 li għanda tippermetti lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-kompatibbiltà tal-proċedura għal rimedju stabbilita mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża ma’ dan l-Artikolu. Konsegwentement dawn jaqaw taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37     L-ordre des avocats du barreau de Luxembourg jallega barra minn hekk li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjonijiet fuq in-natura, il-kompożizzjoni u l-mod ta’ funzjonament tal-korpi ta’ appell in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimpedixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju għal dak li jikkonċerna l-ewwel żewġ domandi.

38     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġizlattiv li taħtu jaqgħu d-domandi li hija tagħmel jew li, għall-inqas, tispjega iċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punt 39, u tal-11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, Ġabra p. I‑2549, punt 30).

39     L-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju m’għandiex tippermetti biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġibiet utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet kkonċernati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tassigura li din il-possibbiltà tkun mħarsa, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li, skond din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Albany, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u tat-12 ta’ April 2005, Keller, C‑145/03, Ġabra p. I‑2529, punt 30).

40     F’dan il-każ partikolari, minn naħa, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li dawn setgħu effettivament jieħdu pożizzjoni fuq l-ewwel żewġ domandi.

41     Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija suffiċjentement infurmata mill-informazzjoni li tidher fid-deċiżjoni tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lilha sabiex tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula.

42     Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi.

 Fuq il-mertu

43     Permezz ta’ l-ewwel żewġ domandi tagħha, li jaqbel li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ rimedju quddiem qorti jew tribunal skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5, fid-dawl ta’ proċedura għal rimedju bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża.

44     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5 jipprovdi li għandu jkun hemm rimedju quddiem qorti jew tribunal skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti li jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni ta’ avukat li jixtieq jeżerċita hemmhekk l-attivitajiet tiegħu taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu.

45     Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw miżuri li huma suffiċjentement effettivi sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 98/5 u li jagħmlu mod li d-drittijiet hekk mogħtija ikunu jistgħu jiġu effettivament invokati quddiem il-qrati nazzjonali mill-persuni kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra 1651, punt 17).

46     Kif enfasizzaw il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju impost mill-imsemmija dispożizzjoni huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jirriżulta mill-prassi kostituzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Johnston, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 14; tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑424/99, Ġabra p. I‑9285, punt 45, u tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX, C‑459/99, Ġabra p. I‑6591, punt 101).

47     Sabiex tkun garantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet previsti mid-Direttiva 98/5, l-istanza mitluba tisma’ appelli kontra d-deċiżjonijiet ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva għandha tikkorrispondi għall-kunċett ta’ qorti kif definit mid-dritt Komunitarju.

48     L-imsemmi kunċett ġie limitat, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ qorti nazzjonali skond l-Artikolu 234 KE, bl-istabbiliment ta’ ċertu numru ta’ kriterji li l-istanza kkonċernata għandha tissodisfa, bħall-oriġini legali, il-permanenza, in-natura obbligatorju tar-rinviju, in-natura kontradittorja tal-proċedura u l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels, 61/65, Ġabra p. 377, 395, u tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C‑54/96, Ġabra p. I‑4961, punt 23) kif ukoll l-indipendenza u l-imparzjalità (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1987, Pretore di Salò vs X, 14/86, Ġabra p. I‑2545, punt 7; tal-21 ta’ April 1988, Pardini, 338/85, Ġabra p. 2041, punt 9, u tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster, C‑17/00, Ġabra p. I‑9445, punt 17).

49     Il-kunċett ta’ indipendenza, li huwa inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jimplika qabel kollox li l-istanza kkonċernata għandha l-kwalità ta’ terza parti fir-rigward ta’ l-awtorità li adottat id-deċiżjoni li minnha qed isir appell (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1993, Corbiau, C‑24/92, Ġabra p. I‑1277, punt 15, u tat-30 ta’ Mejju 2002, Schmid, C‑516/99, Ġabra p. I‑4573, punt 36).

50     Huwa jinkludi, barra minn hekk żewġ aspetti.

51     L-ewwel aspett, estern, jissoponi li l-istanza tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Frar 1999, Köllensperger u Atzwanger, C‑103/97, Ġabra p. I‑551, punt 21, u tas-6 ta’ Lulju 2000, Abrahamsson u Anderson, C‑407/98, Ġabra p. I‑5539, punt 36; ara ukoll, fl-istess sens, il-Qorti Ewropea D. B. sentenza Campbell u Fell vs Ir-Renju Unit tat-28 ta’ Ġunju 1984, serje A Nru 80, § 78). Din il-libertà indispensabbli fir-rigward ta’ dawn l-elementi esterni teżiġi ċerti garanziji xierqa sabiex jipproteġu l-persuna minn dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu, bħall-impossibiltà ta’ tneħħija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Jokela u Pitkäranta, C‑9/97 u C‑118/97, Ġabra p. I‑6267, punt 20).

52     It-tieni aspett, intern, jaqgħadd il-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u ta’ l-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi r-rispett ta’ l-oġġettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abrahamsson u Anderson, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32) u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tal-kawża barra mill-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt.

53     Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ impartzjalità jassumu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni ta’ l-istanza, il-ħatra, it-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, ta’ kontestazzjoni u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, fl-imħuħ tal-persuni suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qrati, fir-rigward ta’ l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ l-elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward ta’ l-interessi li taffronta (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi iċċitati Dorsch Consult, punt 36; Köllensperger u Atzwanger, punti 20 sa 23, kif ukoll De Coster, punti 18 sa 21; ara ukoll, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea D. B., sentenza De Cubber vs Il-Belġju tas-26 ta’ Ottubru 1984, serje A Nru 86, § 24).

54     F’dan il-każ partikolari, il-kompożizzjoni tal-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv, kif stabbilit mill-Artikolu 24 tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991, hija kkaratterizzata mill-preżenza esklussiva ta’ avukati ta’ nazzjonalità Lussemburgiża, irreġistrati fil-lista I ta’ l-avukatura – jiġifieri l-lista ta’ l-avukati li jeżerċitaw taħt il-titolu professjonali Lussemburgiż u li għaddew mill-eżami ta’ tmiem ta’ l-istage – u eletti mill-assemblej ġenerali rispettivi ta’ l-ordre des avocats de Luxembourg u mill-ordre des avocats de Diekirch.

55     Għal dak li jikkonċernma l-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv ta’ Appell, l-emenda magħmula lill-Artikolu 28(2) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 mill-Artikolu 14 tal-liġi tat-13 ta’ Novembru 2002 tpoġġi piż preponderanti fuq il-membri assessuri, li għandhom ikunu rreġistrati fuq din l-istess lista u huma ppreżentati mill-kunsill ta’ kull waħda mill-kmamar ta’ l-avukati msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, meta mqabbla mal-maġistrati li huma hekk bi professjoni.

56     Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ avukat Ewropew tal-conseil de l-ordre, li, skond l-Artikolu 16 tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991, il-membri tiegħu huma avukati rreġistrati fil-lista I ta’ l-avukatura, huma għaldaqstant suġġetti għall-istħarriġ, fl-ewwel istanza, minn korp kompsot esklussivament minn avukati rreġistrati fuq din l-istess lista u, fuq il-livell ta’ appell, minn korp li l-parti l-kbira tiegħu hija komposta minn avukati bħal dawn.

57     Avukat Ewropew li r-reġistrazzjoni tiegħu fil-lista IV ta’ l-avukatura tkun ġiet irrifjutata mill-Conseil de l’Ordre għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, raġunijiet leġittimi li jemmen li, skond il-każ, il-membri kollha jew il-parti l-kbira tagħhom ta’ dawn il-korpi għandhom interess kuntrarju għal tiegħu, jiġifieri dak li jikkonfermaw deċiżjoni li tneħħi mis-suq kompetitur li kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu fi Stat Membru ieħor, u li jibża’ li ser ikun hemm vkolazzjoni ta’ l-ekwidistanza fir-rigward ta’ l-interessi in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea D. B., sentenza Langborger vs L-Iżvezja tat-22 ta’ Ġunju 1989, Serje A Nru 155, § 35).

58     Ir-regoli ta’ kompożizzjoni ta’ korpi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux għalhekk li huma tali li jipprovdu impenn suffiċjenti ta’ imparzjalità.

59     Kuntrarjament għal dak li jsostni l-ordre des avocats du barreau de Luxembourg, l-apprensjonijiet marbuta ma’ dawn ir-regoli ta’ kompożizzjoni ma jistgħux jiġu kkoreġuti mill-possibbiltà ta’ appell fil-kassazzjoni mogħtija mill-Artikolu 29(1) tal-liġi ta’ l-10 ta’ Awwissu 1991 kontra s-sentenzi tal-Kunsill Dixxiplinari u Amministrattiv ta’ Appell.

60     Fil-fatt, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5, għalkemm ma jsekludix l-eżerċizzju minn qabel ta’ rimedju quddiem korp li mhuwiex tribunal jew qorti, lanqas ma jipprovdi li l-r-rimedju quddiem tribunal jew qorti jista’ jkun possibbli għall-persuna kkonċernata biss wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ta’ natura oħra. Fi kwalunkwe każ, fil-każ fejn rimedju quddiem korp li mhuwiex tribunal jew qorti huwa previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-imsemmi Artikolu 9 jeħtieġ l-aċċess effettiv u f’terminu raġonevoli (ara, b’analoġija, sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et. vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 180 sa 205 u 223 sa 234) għal qorti skond id-dritt Komunitarju, kompetenti sabiex tiddeċiedi kemm dwar il-fatti kif ukoll dwar id-dritt.

61     Issa, indipendentement mill-punt dwar jekk il-fatt li wieħed irid l-ewwel jagħddi minn żewġ korpi li mhumiex la tribunal u lanqas qorti huwiex konċiljabbli mal-ħtieġa ta’ terminu raġonevoli, il-kompetenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu hija limitata għall-kwistjonijiet ta’ dritt, peress li hija m’għandhiex ġurisdizzjoni totali (ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea D. B., sentenza Incal vs It-Turkija tad-9 ta’ Ġunju 1998, Ġabra ta’sentenzi u deċiżjonijiet 1998-IV, p. 1547, § 72).

62     Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi tkun li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi proċedura għal rimedju fil-kuntest li fih id-deċiżjoni ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija direttiva għandha tkun ikkontestata, fl-ewwel lok, quddiem korp kompost esklussivament minn avukati li jeżerċitaw taħt it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti u, fl-appell, quddiem korp kompost fil-parti l-kbira tiegħu minn avukati bħal dawn, filwaqt li l-appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru jippermetti stħarriġ ġudizzjarju biss fid-dritt u mhux fil-fatt.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

63     Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet id-dritt Komunitarju jippermetti lill-Istat Membru ospitanti jissuġġetta d-dritt ta’ avukat li jeżerċita b’mod permanenti l-attivitajiet tiegħu fl-imsemmi Stat Membru taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu għal verifika ta’ l-għarfien tajjeb tal-lingwi ta’ dan l-Istat Membru.

64     Kif jirriżulta mis-sitt premessa tad-Direttiva 98/5, permezz ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur komunitairju ried b’mod partikolari jġib fi tmiem id-differenza bejn ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti, li kienet l-oriġini ta’ l-inugwaljanzi u ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu (ara ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑168/98, Ġabra p. I‑9131, punt 64).

65     F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 jipprovdi li l-avukat li jixtieq jeżerċita fi Stat Membru ieħor barra minn dak fejn huwa kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu huwa obbligat jirreġistra ruħhu ma’ l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, li hija obbligata twettaq din ir-reġistrazzjoni "mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu".

66     Fid-dawl ta’ l-għan tad-Direttiva 98/5 imfakkar fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkunsidrat, bħall-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, li l-leġiżlatur komunitarju pproċeda, fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għal armonizzazzjoni kompluta tal-kundizzjonijiet meħtieġa minn qabel għall-użu tad-dritt mogħti minnha.

67     Il-preżentazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti, ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tidher għaldaqstant li hija l-unika kundizzjoni li għaliha għandha tkun suġġetta r-reġistrazzjoni tal-parti kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti li tippermettilu jeżerċità hemmhekk taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu.

68     Din l-analiżi hija kkonfermata mill-ispjegazzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, intiża sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju permanenti tal-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ieħor barra dak li fih inkisbet il-kwalifika [COM(94) 572 finali], li fiha, taħt il-kummentarju ta’ l-Artikolu 3, huwa ppreċiżat li "[ir]-reġistrazzjoni [ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti] għandha ssir bi dritt meta l-applikant jippreżenta ċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini".

69     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġa rrilevat, il-leġiżlatur komunitarju, sabiex jiffaċilità l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali ta’ stabbiliment ta’ kategorija speċifika ta’ avukati migranti, astjena milli jagħżel sistema ta’ verifika a priori tal-konoxxenzi tal-partijiet kkonċernati (ara s-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

70     Id-Direttiva 98/5 għalhekk ma tippermettix li r-reġistrazzjoni ta’ avukat Ewropew ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti tista’ tkun suġġetta għal eżami li huwa suppost li jippermetti lil imsemmija awtorità tevalwa l-għarfien tajjeb, tal-parti kkonċernata, tal-lingwi ta’ dan l-Istat Membru.

71     Hekk kif sostnew G. J. Wilson, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, ir-rinunzja għal sistema ta’ verifika minn qabel tal-konoxxenzi, b’mod partikolari lingwistiċi, ta’ l-avukat Ewropew hija madankollu bbilanċjata, fid-Direttiva 98/5, b’serje ta’ regoli li għandhom l-għan li jassiguraw, fuq livell aċċettabbli fil-Komunità, il-protezzjoni tal-persuni suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qrati u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara s-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 33).

72     B’hekk, l-obbligu impost mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/5 fuq l-avukati Ewropej li jeżerċitaw fl-Istat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom huwa intiż, skond id-disa’ premessa ta’ din id-direttiva, sabiex jippermetti li ssir distinzjoni bejn dawn u l-avukati integrati fil-professjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru, b’mod li l-persuna suġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tkun infurmata bil-fatt li l-professjonist li fidejh hija fdat id-difiża ta’ l-interessi tagħha ma kisibx il-kwalifika tiegħu f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34) u m’għandux neċessarjament il-konoxxenzi lingwistiċi xierqa sabiex jitratta l-każ tagħha.

73     Fir-rigward ta’ l-attivitajiet relatati mar-rappreżentanza u d-difiża ta’ klijent quddiem qorti, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-avukati Ewropej li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tagħhom, skond l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 98/5, li jaġixxu jew flimkien ma’ avukat li jipprattika quddiem il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li jkun responsabbli, jekk ikun hemm lok, fir-rigward ta’ din il-qorti, jew flimkien ma’ avoué li jipprattika quddiemha. Din il-possibbiltà tippermetti li jittaffew in-nuqqasijiet eventwali ta’ l-avukat Ewropew fl-għarfien tajjeb tal-lingwi ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ospitanti.

74     Skond l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 98/5, l-avukat Ewropew huwa obbligat li josserva mhux biss ir-regoli ta’ kondotta professjonali ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini, iżda ukoll dawk ta’ l-Istat Membru ospitanti, u dan bil-piena li jbati sanzjonijiet dixxiplinari u li jkun responsabbli professjonalment (ara s-sentenza Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 sa 41). Fost ir-regoli ta’ kondotta applikabbli għall-avukati jissemma l-iktar spiss l-obbligu, sanzjonat b’mod dixxiplinari, bħal dak li huwa previst fil-kodiċi ta’ kondotta adottat mill-Kunsill tal-Kmamar ta’ l-Avukati ta’ l-Unjoni Ewropea (CCBE), li ma jiġux trattati kawżi li l-professjonisti in kwistjoni jafu jew għandhom ikunu jafu li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħhom, per eżempju minħabba nuqqas ta’ konoxxenzi lingwistiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). Fil-fatt, id-djalogu mal-klijenti, l-awtoritajiet amministrattivi u l-korpi professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti, bħall-osservanza tar-regoli tal-kondotta mħejjija mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru, huwa tali li jeħtieġ li l-avukat Ewropew ikollu l-konoxxenzi lingwistiċi xierqa jew li jirrikorri għal għajnuna f’każ ta’ konoxxenzi insuffiċjenti.

75     Hekk kif għamlet il-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 98/5 huwa, skond il-ħames premessa tagħha, li, tilħaq "permezz ta’ l-possibbiltà li l-avukati jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom fuq bażi permanenti fi Stat Membru ospitanti, [... ] il-ħtiġijiet ta’ konsumaturi ta’ servizzi legali li, minħabba ż-żjieda ta’ kummerċ iċċirkulat li jirriżulta, partikolarment, mis-suq intern, ifittxu parir meta jwettqu transazzjonijiet transkonfini fejn il-liġi internazzjonali, l-liġi tal-Komunità u l-liġijiet domestiċi ħafna drabi jissovrapponu". Dawn il-kawżi internazzjonali, bħall-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt ta’ Stat Membru għajr milli l-Istat Membru ospitanti, jistgħu ma jeħtieġux livell ta’ konoxxenza tal-lingwi ta’ dan l-aħħar Stat Membru għoli daqs dak meħtieġ għall-ittrattar ta’ kawżi li għalihom id-dritt ta’ dan l-Istat Membru huwa applikabbli..

76     Fl-aħħar nett jeħtieġ li jingħad li l-assimilazzjoni ta’ l-avukat Ewropew ma’ l-avukat ta’ l-Istat Membru ospitanti, li d-Direttiva 98/5 hija intiża li tiffaċilita skond l-erbatax-il premessa tagħha, teħtieġ, skond l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, li l-parti kkonċernata tiġġustifika attività effettiva u regolari ta’ mill-inqas tliet snin fid-dritt ta’ dan l-Istat Membru jew, f’każ ta’ tul ta’ żmien ta’ inqas minn dan, ta’ kull konoxxenza, taħriġ jew esperjenza professjonali oħra fir-rigward ta’ dan id-dritt. Miżura bħal din tippermetti lill-avukat Ewropew li jixtieq jintegra fil-professjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti jiffamiljarizza ruħhu mal-lingwa jew il-lingwi ta’ l-imsemmi Stat Membru.

77     Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni ta’ avukat ma’ l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għajr dak li fih huwa kiseb il-kwalifika tiegħu sabiex jeżerċita hemmhekk taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu ta’ pajjiżu ma jistgħax ikun suġġett għal verifika minn qabel ta’ l-għarfien tajjeb tal-lingwi ta’ Stat Membru ospitanti.

 Fuq l-ispejjeż

78     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/5KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri barra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi proċedura għal rimedju fil-kuntest li fih id-deċiżjoni ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija direttiva għandha tkun ikkontestata, fl-ewwel lok, quddiem korp kompost esklussivament minn avukati li jeżerċitaw taħt it-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti u, fl-appell, quddiem korp kompost fil-parti l-kbira tiegħu minn avukati bħal dawn, filwaqt li l-appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru jippermetti stħarriġ ġudizzjarju biss fid-dritt u mhux fil-fatt.

2)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni ta’ avukat ma’ l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għajr dak li fih huwa kiseb il-kwalifika tiegħu sabiex jeżerċita hemmhekk taħt it-titolu professjonali ta’ oriġini tiegħu ta’ pajjiżu ma jistgħax ikun suġġett għal verifika minn qabel ta’ l-għarfien tajjeb tal-lingwi ta’ Stat Membru ospitanti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.