SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

27 ta' April 2006 (*)

"Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 13 A(1)(c) - Eżenzjonijiet – Servizzi ta' kura lil persuna mwettqa fil-kuntest ta' l-eżerċizzju ta' professjonijiet mediċi u paramediċi – Trattamenti terapewtiċi mogħtija minn fiżjoterapista u psikoterapista – Definizzjoni mill-Istat Membru kkonċernat tal-professjonijiet paramediċi – Setgħa diskrezzjonali – Limiti"

Fil-kawżi magħquda C‑443/04 u C‑444/04

li għandhom bħala suġġett talba għal domanda preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, ippreżentat mil-le Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), bid-deċiżjonijiet tal-15 ta' Ottubru 2004, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-proċeduri

H. A. Solleveld (C‑443/04),

J. E. van den Hout‑van Eijnsbergen (C‑444/04)

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA(it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr, A. Borg Barthet u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-20 ta' Ottubru 2005,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Solleveld, minn A. B. Schoonbeek, advocaat,

–       għal van den Hout-van Eijnsbergen, minn F. D. Kouwenhoven, belastingadviseur,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. van Nuffel u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal domanda preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (77/388/KEE) (ĠU l 145, p. 1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Dawn id-domandi ġew ippreżentati fil-kuntest ta' kawża bejn minn naħa, is-sinjur Solleveld, fiżjoterapista, u min-naħa l-oħra, is-sinjura van den Hout-van Eijnsbergen, psikoterapista, kontra s-Staatssecretaris van Financiën fir-rigward ta' deċiżjonijiet ta' l-Ispettur van de Belastingdienst - Ondernemingen (spettur tal-kontribuzzjonijiet, iktar 'il quddiem l-"ispettur") li bihom irrifjuta li jeżenta t-taxxa fuq il-valur mizjud (iktar 'il quddiem il-"VAT") ta' servizzi ta' kura lill-persuna li ġew imwettqa fil-kuntest ta' l-attivitajiet professjonali rispettivi tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3       L-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva jiddisponi li:

"Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta' kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[…]

c)      id-disposizzjonijiet tal-medikazzjoni medika [is-servizzi ta' kura] fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-leġiżlazzjoni bis-suġġett tal-VAT

4       Fil-verżjoni fis-seħħ qabel l-1 ta' Diċembru 1997, l-Artikolu 11(1)(g) tal-liġi ta' l-1968 dwar il-figura ta' negozju (Wet op de omzetbelasting 1968), tat-28 ta' Ġunju 1968 (Stb. 1968 Nru 329, iktar 'il quddiem il-"liġi ta' l-1968 dwar il-VAT"), kienet tipprevedi li jkunu eżenti mill-VAT:

"[I]s-servizzi mogħtija mit-tobba, bl-eċċezzjoni tal-veterinarji, mill-psikologi u t-terapisti tal-kelma (speech therapists), mill-infermiera u mill-ostetriċi; is-servizzi mogħtija mill-pratikanti ta' professjoni paramedika li għalihom ġew iffissati regoli abbażi tal-liġi fuq il-professjonijiet paramediċi […]"

5       Wara l-1 ta' Diċembru 1997, l-Artikolu 11 (1)(g), tal-liġi ta' l-1968 dwar il-VAT jiddisponi li huma eżenti mill-VAT:

"[I]s-servizzi mogħtija mill-pratikanti ta' professjoni li għalihom ġew iffissati regoli skond u bis-saħħa tal-liġi fuq il-professjonijiet ta' kura tas-saħħa individwali […]"

 Il-Leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trattamenti tas-saħħa

6       Sa meta ġiet imħassra fl-1997, il-liġi fuq il-professjonijiet paramediċi (Wet op de paramedische beroepen), tal-21 ta' Marzu 1963 (Stb. 1963, Nru 113, iktar 'il quddiem il-"liġi fuq il-professjonijiet paramediċi") kienet tipprevedi fl-Artikolu 1(2) li:

"Il-liġi preżenti mhijiex applikabbli għal trattamenti minn infermiera u, kif ukoll, tapplika biss għall-professjonijiet paramediċi organizzati minn att ġenerali ta' amministrazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 2."

7       Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju fis-sentenza C-444/04 li, fiż-żmien meta l-liġi fuq il-professjonijiet paramediċi kienet fis-seħħ, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi mniżżla fir-reġistru tal-psikoterapisti kienu ġew stabbiliti mid-deċiżjoni fuq ir-reġistrazzjoni tal-psikoterapisti (Besluit inzake registratie van psychotherapeuten, Stcrt. 1986, Nru 149, iktar 'il quddiem is-"sentenza ta' l-1986"). Huwa kostanti li din id-deċiżjoni ma tikkostitwixxix att ġenerali ta' amministrazzjoni fis-sens ta' liġi fuq il-professjonijiet paramediċi.

8       Il-liġi fuq il-professjonijiet tat-trattamenti tas-saħħa individwali (Wet op de beroepen in de individuele gezondheidszorg), tal-11 ta' Novembru 1993 (Stb. 1993, Nru 655), kif emendata fl-1997 (iktar 'il quddiem il-"liġi BIG"), tipprevedi fl-Artikolu 3(1) li:

"Reġistri ġew maħluqa sabiex dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti għal dan il-għan skond jew bis-saħħa ta' din il-liġi u li jagħmlu talba jitniżżlu fihom rispettivament bħala: tabib, dentist, spiżjar, psikologu tal-kura tas-saħħa, psikoterapista, fiżjoterapista, ostetriku, infermier."

9       L-Atti li joħorġu mill-qasam ta' attivitajiet speċifiċi ta' fiżjoterapisti fis-sens tal-liġi BIG huma ddefiniti u nnumerati, rispettivament, fl-Artikolu 29 ta' din il-liġi u fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' taħriġ ta' fiżjoterapisti u l-qasam ta' attivita speċifika tagħhom (Besluit opleidingseisen en deskundigheidsgebied fysiotherapeut), tat-13 ta' Ottubru 1997 (Stb. 1997, Nru 516; iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' l-1997"). Skond l-Artikolu 5(1) ta' din id-deċiżjoni, dawn l-atti jiġbru fihom, b'mod partikolari, l-eżami tal-pazjent meta hemm ostaklu jew riskju serju għas-sistema li tħaddem il-moviment fiżiku tiegħu u t-trattament ta' din ta' l-aħħar bl-applikazzjoni ta' metodi fiżjoterapewtiċi. Bis-saħħa ta' paragrafu (2) ta' l-istess Artikolu, dawn il-metodi jinkludu t-terapija permezz ta' moviment, ta' massaġġi u ta' stimulazzjoni fiżika, bl-eċċezzjoni ta' l-amministrazzjoni tar-radjazzjoni jonizzata.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C-443/04

10     Solleveld huwa fiżjoterapista mniżżel bħala tali fir-reġistru previst mil-liġi BIG. Barra mill-attivitajiet tiegħu ta' fiżjoterapista "klassiku", Solleveld jeżerċita wkoll attivitajiet magħrufa bħala "djanjożi tad-disturbi", li għalihom irċieva taħriġ supplementari speċifiku fil-Ġermanja. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-attività tagħti attenzjoni partikolari lin-nuqqas ta' funzjonijiet sodisfaċenti għall-parti tax-xedaq u tal-ħalq, li jidhru permezz ta' radjografiji, ta' miżuri tal-kurrenti elettriċi fil-parti tal-ħalq u tal-ġilda kif ukoll permezz ta' eżamijiet intraorali. Din l-attività hija bbażata fuq teorija li tgħid li eżami profond tax-xedaq, tas-snien u tal-ħalq jista' jippermetti li jiġu magħrufa l-kawżi ta' l-uġiegħ kif ukoll tal-mard u jagħti lok għal bidu tat-trattament previst li jfejjaq lill-pazjent jew li jtejjeb l-istat tiegħu.

11     L-attivitajiet ta' Solleveld f'dan il-qasam jikkonsistu l-ewwel nett li jistabbilixxu djanjożi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-uġiegħ li l-pazjent għandu huwiex marbut ma' "disturbi" fil-parti ta' l-għadma tax-xedaq ta' fuq jew ta' isfel jew tas-snien. Jekk dan huwa l-każ, Sollevald jistabbilixxi pjan ta' trattament. Essenzjalment dan jinkludi l-applikazzjoni ta' raġġi ħfief bil-lażer, mediċinali omeopatiċi u terapija manwali. Qabel ma jiġu pprattikati dawn it-trattamenti, Solleveld jista' wkoll jibgħat lill-pazjent għand dentist jew kirurgu tax-xedaq.

12     Peress li Solleveld ma ħallasx il-VAT fuq l-għotja ta' servizzi relattivi għall-attività ta' djanjożi ta' disturbi, ntbagħtulu avviżi għal aġġustament tal-VAT għall-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2000. L-ilmenti li huwa ppreżenta kontra dawn l-avviżi ġew miċħuda mill-ispettur. Id-deċiżjonijiet ta' ċaħda huma bbażati, b'mod partikolari, fuq l-avviż ta' l-Ispettur voor de Gezondheiszorg (spettur tat-trattamenti tas-saħħa), li skond dan id-djanjożi ta' disturbi ma taqax fil-qasam ta' l-attività speċifika ta' fiżjoterapist skond l-Artikolu 29 tal-liġi BIG u l-Artikolu 5 tas-sentenza ta' l-1997.

13     Bis-sentenza tat-18 ta' Novembru, il-Gerechtshof te Amsterdam irrifjuta r-rikors ippreżentat minn Solleveld kontra d-deċiżjonijiet ta' ċaħda ta' dawn l-ilmenti, minħabba, sostanzjalment, li s-servizz tat-trattamenti in kwistjoni ma setax jiġi kkunsidrat li ġie pprovdut minnu fil-kwalità tiegħu ta' fiżjoterapista.

14     Solleveld ressaq appell fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden kontra din is-sentenza. Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, din il-qorti, wara li rrilevat li s-servizz tat-trattamenti in kwistjoni ma ngħatax minn Solleveld fil-kwalità tiegħu professjonali fis-sens tal-liġi BIG, tistaqsi jekk dawn għandhomx xorta waħda jiġu eżenti mill-VAT, peress li minn naħa l-għan tagħhom huwa, minn punto di vista suġġettiv, li jikkontribwixxu għat-trattament mediku tal-pazjent u, minn naħa l-oħra, peress li jirriżulta mill-fatti kkonstatati mill-Gerechtshof te Amsterdam li, fl-40% tal-każijiet, il-pazjenti ta' Solleveld ġew indirizzati lilu minn tabib jew dentist u li l-biċċa l-kbira tal-kumpanniji ta' assigurazzjoni jirrimborsaw l-ispejjeż inerenti mat-trattament, sakemm il-pazjenti jkunu kkonkludew assigurazzjoni supplementari li tkopri l-prattiċi mediċinali oħra li ma jaqgħux taħt mediċina tradizzjonali.

15     Kien f'dawn il-kundizzjonijiet li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"L-Artikolu 13A (1), […] (c), tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li atti li jikkonsistu f'impożizzjoni ta' djanjożi, għotja ta' opinjoni terapewtika u eventwalment fl-applikazzjoni ta' trattament – dan kollu fil-kuntest ta' djanjożi [ta' disturbi] […] – huma eżenti mill-VAT anki meta dawn l-atti ma jagħmlux parti mill-eżerċizzju tal-professjoni medika jew paramedika ta' dik il-persuna li teżerċitahom hekk kif hija ddefinita mill-Istat Membru kkonċernat?"

 Kawża C‑444/04

16     Is-sinjura van den Hout-van Eijnsbergen teżerċita għal rasha attivitajiet ta' psikoterapista li għalihom għandha diploma bħala għalliema. Il-Geneeskundig Hoofdinspecteur voor de Geestelijke Volksgezondheid (spettur mediku prinċipali tas-saħħa mentali), wara li kkonstata li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet prevvisti mid-deċiżjoni ta' l-1986, niżżilha fl-1988 fir-reġistru previst minn din id-deċiżjoni bħala psikoterapista.

17     Peress li s-sinjura van den Hout-van Eijnsbergen ma kinitx ħallset il-VAT fuq il-provvista ta' servizzi relattivi ma' dawn l-attivitajiet, intbagħtulha avviżi għal aġġustament tal-VAT għal-perijodu mill-1 ta' Jannar 1992 sal-31 ta' Diċembru 1995. L-ilment li hija ppreżentat kontra dawn l-avviżi ġie miċħud mill-ispettur.

18     Bis-sentenza ta' l-20 ta' Marzu 2003, il-Gerechtshof te 's Gravenhage ċaħad ir-rikors ippreżentat mis-Sinjura van den Hout-van Eijnsbergen kontra d-deċiżjoni ta' ċaħda ta' l-ilment tagħha, minħabba, sostanzjalment, li l-kunċett ta' "servizzi mogħtija minn tobba u minn psikologi" previsti fl-Artikolu 11(1)(g) tal-liġi ta' l-1968 dwar il-VAT, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ matul is-snin taxxabbli in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrigwarda esklużivament is-servizzi mogħtija minn persuni awtorizzati li għandhom it-titolu ta' tabib jew ta' psikologu.

19     Is-Sinjura van den Hout-van Eijnsbergen ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden kontra din is-sentenza. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti, wara li rrilevat li għalkemm xejn m'hemm li jawtorizza li jitqiegħed fid-dubju b'mod raġjonevoli l-fatt li t-trattamenti pprattikati mill-psikoterapisti indipendenti jsegwu għan terapewtiku, ikkonstatat li l-psikoterapisti ma jidhrux fil-lista ta' professjonijiet prevista fl-Artikolu 11(1)(g) tal-liġi ta' l-1968 dwar il-VAT fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża, u dan anki jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali ta' reġistrazzjoni u anki jekk effettivament iddaħħlu fir-reġistru tal-psikoterapisti. Barra minnhekk, il-qorti tar-rinviju tindika li din id-dispożizzjoni, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta' Diċembru 1997, tipprevedi minn dakinhar li s-servizz ta' kura mwettaq minn psikoterapisti jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-VAT. Din il-qorti għalhekk tistaqsi jekk in-numerazzjoni limitattiva tal-professjonijiet mediċi previsti mil-liġi ta' l-1968 dwar il-VAT, fil-verżjoni tagħha qabel din id-data, hijiex biżżejjed sabiex teskludi s-servizzi ta' kura in kwistjoni mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva.

20     Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-le Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"L-Artikolu 13A (1), […] (c), tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li atti ta' psikoterapija mwettqa minn persuna li teżerċita professjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet legali ta' reġistrazzjoni msemmija [iktar 'il fuq] u mniżżla fir-reġistru tal-psikoterapisti […] huma eżenti mill-VAT anki meta dawn l-atti ma jagħmlux parti mill-eżerċizzju tal-professjoni medika jew paramedika ta' dik il-persuna li teżerċitahom hekk kif iddefinita mill-Istat Membru kkonċernat?"

21     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Jannar 2005, il-kawżi C-443/04 u C-444/04 ġew magħquda għal finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

22     Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva hijiex applikabbli għal trattamenti li huma mogħtija, rispettivament, minn fiżjoterapista u minn psikoterapista barra mill-qasam ta' l-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi bħal dawk iddefiniti mir-regolament ta' l-Istat Membru kkonċernat.

23     Skond l-interpretazzjoni litterali ta' l-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva, sabiex il-persuna li teżerċita professjoni tkun tista' tibbenefika minn eżenzjoni prevista f'din id-dispożizzjoni, hija trid tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, tipprovdi "servizz ta' kura lill-persuna" u, minn naħa l-oħra, dawn iridu "jitwettqu fil-qasam ta' l-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi skond kif inhuma ddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat".

24     F'dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li t-trattamenti mogħtija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu kura lill-persuna fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, peress li dawn it-trattamenti jsiru bl-iskop li ssir djanjożi, li tiġi kkurata u, safejn huwa possibbli, li titfejjaq minn mard jew problemi tas-saħħa, u b'hekk tfittex li tilħaq għan terapewtiku (sentenza ta' l-20 ta' Novembru 2003, D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services, C‑307/01, Ġabra p. I‑13989, punt 57).

25     Min-naħa l-oħra, id-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju huma dwar jekk dawn it-trattamenti jistgħux jiġu kkunsidrati bħala trattamenti li ġew imwettqa fil-qasam ta' l-eżerċizzju ta' professjonijiet mediċi jew paramediċi, hekk kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, skond it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva.

26     F'dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju li, fis-sentenza C-444/04, it-trattamenti in kwistjoni ġew mogħtija minn fornitur li ma kienx jappartjeni, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, għal waħda mill-professjonijiet paramediċi ddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-finijiet ta' l-eżenzjoni mill-VAT, filwaqt li, fil-kawża C-443/04, it-trattamenti in kwistjoni, kieku ngħataw minn fornitur li jappartjeni għal tali professjoni paramedika, ma kinux jaqgħu taħt il-qasam ta' attività speċifika ta' din il-professjoni, hekk kif iddefinita fl-imsemmija leġiżlazzjoni.

27     Jirriżulta li, mid-domanda tagħha fil-kawża C-444/04, il-qorti tar-rinviju trid b'mod partikolari tiddetermina f'liema miżura l-Istati Membri jistgħu, għal finijiet ta' eżenzjoni mill-VAT, prevista fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva, jeskludu ċerti professjonijiet mid-definizzjoni ta' professjonijiet paramediċi msemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt, fil-kawża C-443/04, din il-qorti sostanzjalment issaqsi jekk dawn l-istess Stati Membri jistgħux jeskludu minn din id-definizzjoni ċerti attivitajiet speċifiċi ta' kura għall-persuna.

28     F'dan ir-rigward, jidher b'mod ċar mill-kliem ta' l-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva li din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix hija stess il-kunċett ta' "professjonijiet paramediċi", imma tirreferi dan il-punt għad-definizzjoni li hija rritenuta mil-leġiżlazzjoni interna ta' l-Istati Membri.

29     F'dawn iċ-ċirkuatanzi, huwa kull Stat Membru li għandu jiddefinixxi, fid-dritt intern tiegħu, il-professjonijiet paramediċi li fil-kuntest tagħhom l-eżerċizzju ta' kura lill-persuna huwa eżentat mill-VAT, skond l-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali f'dan ir-rigward (sentenza tas-6 ta' Novembru 2003, Dornier, C-45/01, Ġabra p. I‑12911, punt 81).

30     Din is-setgħa diskrezzjonali tiġbor fiha mhux biss dak li jiddefinixxi l-kwalifiki mitluba sabiex jiġu eżerċitati l-imsemmija professjonijiet, imma wkoll dak li jiddefinixxi l-attivitajiet speċifiċi ta' kura lill-persuna li joħorġu minn tali professjonijiet. Fil-fatt, peress li l-kwalifiki differenti miksuba mill-fornituri mhux neċessarjament jippreparawhom li jipprovdu t-tipi kollha ta' kura, Stat Membru għandu d-dritt li jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li d-definizzjoni tal-professjonijiet paramediċi ma tkunx kompleta jekk din tkun limitata li timponi eżiġenzi ġenerali dwar il-kwalifiki tal-fornituri, mingħajr ma tippreċiża l-kuri li għalihom dawn huma kkwalifikati fil-kuntest ta' dawn il-professjonijiet.

31     Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali li jgawdu minnha l-Istati Membri f'dan ir-rigward mhijiex limitata.

32     Ċertament, hekk isostni l-Gvern Olandiż, l-Istati Membri għandhom id-dritt, bis-saħħa ta' l-ewwel parti tal-frażi ta' l-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva, li jiffissaw il-kundizzjonijiet ta' eżenzjonijiet sabiex jassiguraw applikazzjoni korretta u sempliċi tagħhom.

33     B'hekk, bil-kontra ta' dak li ssostni l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irid jiġi rrikonoxxut li s-setgħa diskrezzjonali mħaddna mill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-professjonijiet paramediċi tawtorizzahom li ma jikkunsidrawhomx bħala tali u, b'hekk, li jeskludu l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva professjoni ddeterminata, bħal dik ta' psikoterapista fil-kawża C-444/04, u dan minkejja ċ-ċirkustanza li din il-professjoni, għal xi wħud mill-aspetti tagħha, hija wkoll is-suġġett ta' leġiżlazzjoni partikolari fid-dritt nazzjonali.

34     L-istess mod, huwa korrett, hekk kif isostni l-Gvern Olandiż, li l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta' l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva hija assigurata meta, bħal fil-kawża C-443/04 għal għoti ta' servizzi minn fiżjoterapisti, din l-eżenzjoni hija rriżervata biss għal fornituri li għandhom il-kwalifiki professjonali msemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-professjonijiet paramediċi u biss għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet speċifiċi ta' kura lill-persuna li għalihom dawn il-kwalifiki ġew miksuba, hekk kif dawn l-attivitajiet huma ddefiniti mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

35     Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-eżiġenza ta' applikazzjoni korretta u sempliċi ta' eżenzjonijiet m'għandhiex tippermetti lill-Istati Membri li jiksru kemm l-għanijiet mfittxija mis-Sitt Direttiva u lanqas il-prinċipji tad-dritt komunitarju, b'mod partikolari l-prinċipju ta' ugwaljanzi fit-trattament, li huwa rifless, fil-materja tal-VAT, mill-prinċipju ta' newtralità fiskali (ara s-sentenzi Dornier, iċċitata iktar 'il fuq, punti 42 u 69; tas-26 ta' Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C‑498/03, Ġabra p. I‑4427, punti 29 u 52, kif ukoll tat-12 ta' Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg, C‑246/04, li għadha mhiex ippubblikata fil-Ġabra, punti 44 sa 46).

36     Konsegwentement, meta persuna taxxabbli titlob li l-attivitajiet tagħha ta' kura lill-persuna jiġu rrikonoxxuti li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-professjonijiet paramediċi, sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva, huwa d-dover tal-qrati nazzjonali li jeżaminaw jekk l-awtoritajiet kompetenti rrispettawx il-limiti ta' setgħa diskrezzjonali permessa minn din id-dispożizzjoni, fid-dawl ta' l-għan mfittex minnha u tal-prinċipju ta' newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-10 ta' Settembru 2002, Kügler, C‑141/00, Ġabra p. I‑6833, punt 56; is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Dornier, punt 69, u Kingscrest Associates u Montecello, punt 52).

37     F'dan ir-rigward, f'dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, l-għan mfittex mill-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kundizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi li servizzi ta' kura lill-persuna għandhom jiġu mwettqa fil-kuntest ta' l-eżerċizzju tal-professjonijiet paramediċi bħal dawk iddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat, tipprevedi li tiggarantixxi li l-eżenzjoni hija applikabbli biss għas-servizzi ta' kura lill-persuna mwettqa minn fornituri li jipposjedu l-kwalifiki professjonali meħtieġa (sentenza Kügler, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27). Għalhekk, mhux il-provvisti kollha ta' servizzi ta' kura lill-persuna jaqgħu taħt tali eżenzjoni, billi din tikkonċerna biss dawk it-trattamenti li jippreżentaw livell ta' kwalità suffiċjenti u meta jittieħed in kunsiderazzjoni t-taħriġ professjonali tal-fornituri.

38     Minn dan isegwi li l-esklużjoni ta' professjoni ddeterminata jew ta' attività speċifika ta' kura lill-persuna mid-definizzjoni ta' professjonijiet paramediċi aċċettati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal finijiet ta' l-eżenzjoni prevista fl-Artiklou 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva għandu jkun iġġustifikat minn motivi suġġettivi bbażati fuq il-kwalifiki professjonali tal-fornituri ta' trattamenti u, għaldaqstant, minn kunsiderazzjonijiet relattivi għall-kwalità tas-servizz ipprovdut.

39     F'dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-prinċipju ta' newtralità fiskali, li huwa inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, huwa tajjeb li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju jipprekludi l-provvista ta' servizzi li jixxiebhu, li għalhekk ikunu f'kompetizzjoni ma xulxin, jiġu ttrattati b'mod differenti għall-iskop tal-VAT (sentenzi tat-23 ta' Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-109/02, Ġabra p. I‑12691, punt 20, u Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata iktar 'il fuq, punt 54).

40     Sabiex tiddetermina jekk servizzi ta' kura lill-persuna jixxiebhux, huwa tajjeb li mal-ewwel jittieħed in kunsiderazzjoni, fir-rigward ta' l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva u fir-rigward ta' l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, tal-kwalifiki professjonali tal-fornituri ta' dawn il-kuri. Fil-fatt, sakemm dawn mhumiex identiċi, is-servizzi ta' kura lill-persuna għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jixxiebħu biss fil-każ safejn dawn jippreżentaw livell ta' kwalità ekwivalenti għall-benefiċarji.

41     Isegwi li l-esklużjoni ta' professjoni jew ta' attivita speċifika ta' kura lill-persuna mid-definizzjoni tal-professjonijiet paramediċi aċċettati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal finijiet ta' l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva mhijiex kuntrarja għal prinċipju ta' newtralità fiskali jekk jintwera li l-persuni li jeżerċitaw din il-professjoni jew attività għandhom, għal provvista ta' tali servizzi ta' kura, kwalifiki professjonali adegwati li jassiguraw għal dawn is-servizzi livell ta' kwalità ekwivalenti għal dawk ipprovduti minn persuni li jibbenefikaw, bis-saħħa ta' l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-eżenżjoni.

42     Għalhekk hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk, fir-rigward ta' dawn l-elementi kollha flimkien, l-esklużjoni, fil-kawża C-444/04, tal-professjoni ta' psikoterapista, u fil-kawża C-443/04, ta' l-attivitajiet ta' djanjożi fil-qasam ta' disturbi mwettqa minn fiżjoterapista, fil-kuntest ta' l-eżerċizzju tal-professjonijiet paramediċi għal finijiet ta' l-eżenzjoni tal-VAT prevista fl-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva jeċċedix il-limiti ta' setgħa diskrezzjonali permessa lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni.

43     F'dan ir-rigward, f'dak li jikkonċerna l-kawża C-444/04, huwa tajjeb li jiġi rrilevat mal-ewwel li, bil-kontra ta' dak li allega l-Gvern Olandiż, il-fatt li l-psikoterapisti kollha kienu s-suġġett ta' trattament identiku fil-qasam tal-VAT, irrispettivament mill-istat ġuridiku tagħhom, mhuwiex rilevanti. Bil-kontra, huwa tajjeb li jiġi eżaminat jekk, hekk kif issostni s-sinjura van den Hout-van Eijnsbergen, l-Istat Membru kkonċernat, matul is-snin taxxabbli in kwistjoni fil-kawża prinċipali, issottomettiex l-attivitajiet eżerċitati mill-psikoterapisti li kisbu diploma ta' għalliema għal sistema ta' VAT differenti minn dik applikata għall-psikjatri u għall-psikologi imposta fuq l-eżerċizzju ta' l-istess attivitajiet.

44     Jekk dan huwa l-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-psikoterapisti li kisbu, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, diploma ta' għalliema, effettivament jiddisponux, bħal fil-każ ta' psikjatri u psikologi, mill-kwalifiki professjonali mitluba sabiex jitwettqu t-trattamenti psikoterapewtiċi pprattikati mir-rikorrenti u, f'dan il-każ, jekk dawn jibbenefikawx, għal eżerċizzju ta' attivitajiet bħal dawn, mill-eżenzjoni mill-VAT.

45     F'każ affermattiv, il-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma teċċedix is-setgħa diskrezzjonali li jgawdu minnha l-Istati Membri fil-kuntest ta' l-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva jekk, minn dak li l-qorti tar-rinviju għandha tevalwa skond il-fatti kollha rilevanti tal-kawża li jinsabu quddiemha, il-kwalità tat-trattamenti mwettqa mill-psikoterapisti tista' tiġi kkunsidrata, fid-dawl tal-kwalifiki professjonali tagħhom, bħala ekwivalenti għal dik ta' trattamenti simili mwettqa mill-psikjatri, il-psikologi jew kull professjoni oħra medika jew paramedika.

46     F'dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tista' tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha diploma ta' għalliema u li t-trattamenti psikoterapewtiċi li hija wettqet matul is-snin taxxabbli in kwistjoni ġew mwettqa f'kuntest legali, taħt il-kontroll ta' l-ispezzjoni medika tas-saħħa pubblika u skond il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni speċifika, li l-osservanza tagħhom hija ċċertifikata minn reġistrazzjoni fir-reġistru previst għal dan il-għan, peress li tali ċirkustanzi huma ta' natura li jiggarantixxu li hija tiddisponi, għall-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tagħha, minn kwalifiki professjonali mitluba.

47     Fir-rigward tal-kawża C-443/04, sabiex jiġi vverifikat jekk l-Istat Membru kkonċernat eċċediex is-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu bis-saħħa ta' l-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva, huwa tajjeb li jiġi eżaminat jekk it-trattamenti għad-djanjożi fl-oqsma ta' disturbi humiex eżenti mill-VAT meta jiġu mwettqa minn tobba jew dentisti.

48     Meta ġie mistoqsi fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż, mingħajr ma ried jieħu pożizzjoni ċara fuq dan ir-rigward, xorta waħda indika, fir-rigward ta' tobba, li huwa a priori ma eskludiex li dawn, fid-dawl ta' l-esperjenza u tat-taħriġ mediku komplet tagħhom, jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-VAT għat-twettieq ta' dawn it-trattamenti.

49     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju, billi ssegwi r-raġunament li hemm fil-punti 44 u 45 ta' din is-sentenza, li għandha tiddetermina jekk, billi ma eżentax mill-VAT it-trattamenti għad-djanjożi fl-oqsma ta' distrubi mogħtija mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru kkonċernat eċċediex is-setgħa diskrezzjonali li huwa jgawdi taħt l-Artikolu 13A(1)(c) tas-Sitt Direttiva, fid-dawl tas-sistema tal-VAT applikata għat-tobba u għad-dentisti għall-istess trattamenti u tal-kwalità ta' trattamenti mogħtija f'dan il-qasam minn kull wieħed minnhom.

50     F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tista' tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-fatt li, fil-kwalità tiegħu ta' fiżjoterapista, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jeżerċita professjoni paramedika skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat, li, sabiex jiġu pprovduti dawn it-trattamenti, huwa għandu taħriġ komplet u speċifiku u li, sabiex dawn it-trattamenti jitwettqu, il-pazjenti tiegħu ħafna drabi kienu jintbagħtu għandu minn tobba u dentisti.

51     Għalhekk hemm lok li r-risposti għad-domandi li saru jkunu li:

–       L-Artikolu 13A (1)(c), tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali sabiex jiddefinixxu l-professjonijiet paramediċi u l-għotjiet ta' trattamenti lill-persuna li jaqgħu taħt tali professjonijiet għal finijiet ta' eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju ta' din is-setgħa diskrezzjonali, jirrispettaw l-għan mfittex minn din id-dispożizzjoni, li huwa dak li jiggarantixxi li l-eżenzjoni tkun tapplika biss għas-servizzi pprovduti minn persuni li għandhom il-kwalifiki professjonali mitluba, kif ukoll li jiggarantixxi l-prinċipju ta' newtralità fiskali.

–       Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-professjoni ta' psikoterapista mid-definizzjoni tal-professjonijiet paramediċi tmur kontra dan l-għan u prinċipju biss fil-każ fejn it-trattamenti psikoterapewtiċi huma, kieku kellhom jiġu mwettqa minn psikjatri, minn psikologi jew kull professjoni oħra medika jew paramedika, eżenti mill-VAT, u dan huwa dak li l-qorti ta' rinviju trid tivverika, meta jitwettqu minn psikoterapisti, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati li huma ta' kwalità ekwivalenti fid-dawl tal-kwalifiki professjonali ta' dawn ta' l-aħħar.

–       Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi ċerti attivitajiet speċifiċi ta' trattamenti għall-persuna, bħat-trattamenti minn djanjożi fl-oqsma ta' disturbi eżerċitati minn fiżjoterapisti tmur kontra dan l-għan u prinċipju biss fil-każ fejn dawn it-trattamenti mogħtija fil-qasam ta' dawn l-attivitajiet huma, jekk jiġu mwettqa minn tobba jew dentisti, eżenti mill-VAT, u dan huwa dak li trid tivverifka l-qorti tar-rinviju, meta jitwettqu minn fiżjoterapisti, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ta' kwalità ekwivalenti meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki professjonali ta' dawn ta' l-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

52     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 13A (1)(c), tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (77/388/KEE), għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali sabiex jiddefinixxu l-professjonijiet paramediċi u s-servizzi ta' kura lill-persuna li jaqgħu taħt tali professjonijiet għall-finijiet ta' eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju ta' din is-setgħa diskrezzjonali, jirrispettaw l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li huwa dak li jiġi ggarantit li l-eżenzjoni tkun applikabbli biss għas-servizzi pprovduti minn persuni li għandhom il-kwalifiki professjonali mitluba, kif ukoll li jiġi ggarantit il-prinċipju ta' newtralità fiskali.

Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-professjoni ta' psikoterapista mid-definizzjoni tal-professjonijiet paramediċi tmur kontra dan l-għan u prinċipju biss fil-każ fejn it-trattamenti psikoterapewtiċi huma, kieku kellhom jiġu mwettqa minn psikjatri, minn psikologi jew kull professjoni oħra medika jew paramedika, eżenti mill-VAT, u dan huwa dak li l-qorti ta' rinviju trid tivverika, meta jitwettqu minn psikoterapisti, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati li huma ta' kwalità ekwivalenti fid-dawl tal-kwalifiki professjonali ta' dawn ta' l-aħħar.

Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi ċerti attivitajiet speċifiċi ta' trattamenti għall-persuna, bħat-trattamenti minn djanjożi fl-oqsma ta' disturbi eżerċitati minn fiżjoterapisti tmur kontra dan l-għan u prinċipju biss fil-każ fejn dawn it-trattamenti mogħtija fil-qasam ta' dawn l-attivitajiet huma, jekk jiġu mwettqa minn tobba jew dentisti, eżenti mill-VAT, u dan huwa dak li trid tivverifka l-qorti tar-rinviju, meta jitwettqu minn fiżjoterapisti, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ta' kwalità ekwivalenti meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki professjonali ta' dawn ta' l-aħħar.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.