SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

15 ta' Settembru 2005 (*)

"Applikanti għal impjieg – Ċittadinanza Ewropea – Prinċipju ta' non-diskriminazzjoni – Artikolu 39 KE – Għoti ta' flus bħala għajnuna finanzjara favur żgħażagħ li qed ifittixu l-ewwel impjieg tagħhom – Għajnuna soġġetta għat-twettiq ta' l-istudji sekondarji fl-Istat Membru kkonċernat"

Fil-kawża C-258/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour du travail de Liège (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' Ġunju 2004, fil-kawża

Office national de l’emploi

vs

Ioannis Ioannidis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla,  N. Colneric,  J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Office national de l’emploi, minn Y. Denoiseux u G. Lewalle, Avukati,

–       għall-Gvern Belġjan, minn Y. Denoiseux u G. Lewalle, Avukati,

–       għall-Gvern Grieg, minn S. Bodina, Z. Chatzipavlou u M. Apessos, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sur Ioannidis u l-Office national de l'emploi (iktar 'il quddiem il-"ONEM") fir-rigward tad-deċiżjoni li biha dan ta' l-aħħar irrifjuta li jagħti lill-persuna kkonċernata l-benefiċċju ta' l-għoti ta' flus bħala għajnuna sakemm ma jsib xogħol previst mill-leġiżlazzjoni Belġjana.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 12 KE, jipprovdi li:

"Fil-kamp ta' l-applikazzjoni ta' dan it-Trattat, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita."

4       L-Artikolu 17 KE jipprovdi li:

"1.      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta' l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru għandha tkun ċittadina ta' l-Unjoni. […]

2.      Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet mogħtija minn dan it-Trattat u jkunu marbutin bid-dmirijiet imposti minnu."

5       L-Artikolu 18(1) KE jipprovdi li kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta' l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mill-miżuri adottati sabiex jagħtuh effett.

6       Skond l-Artikolu 39(2) KE, il-moviment liberu tal-ħaddiema "jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta' l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol."

7       Skond it-termini ta' l-Artikolu 39(3) KE, il-moviment liberu tal-ħaiddiema "jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet ġustifikati minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika:

a)      li jaċċetta offerti ta' impjieg li jkunu saru,

[…]"

8       Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2) kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92 tas-27 ta' Lulju 1992 (ĠU L 245, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1612/68"), il-ħaddiem li hu ċittadin ta' Stat Membru jibbenefika, fuq it-territorju ta' l-Istati Membru l-oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9       Il-leġiżlazzjoni Belġjana tipprovdi għal għotja liż-żgħażagħ li jkunu għadhom kemm spiċċaw l-istudji tagħhom u li jkunu qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom, benefiċċji tal-qgħad, li huma msejħa "benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg".

10     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 36(1),tad-Digriet Rjali tal-25 ta' Novembru 1991, li jirregola l-qgħad (Moniteur belge tal-31 ta' Diċembru 1991, p. 29888), hekk kif emendat mid-Digriet Rjali tat-13 ta' Diċembru 1996 (Moniteur belge tal-31 ta' Diċembru 1996, p. 32265, iktar 'il quddiem id-"Digriet Rjali"), jipprovdi li

"Sabiex jikkwalifika għall-benefiċċju ta' l-għoti ta' flus bħala għajnuna sakemm ma jsib xogħol iż-żagħżugħ ħaddiem għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

1º      ma jkunx soġġett għall-obbligu edukattiv;

2º      a)      ikun spiċċa l-istudji sekondarji għolja jew l-istudji sekondarji inferjuri ta' taħriġ tekniku jew professjonali fi stabbiliment ta' edukazzjoni organizzat, sussidjat jew rikonoxxut minn Komunità;

[…]

h)      ikun segwa l-istudji jew taħriġ fi Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea, jekk il-kundizzjonijiet segwenti huma sodisfatti simultanjament:

-      iż-żagħżugħ jippreżenta dokumenti li minnhom jirriżulta li l-istudji jew it-taħriġ huma ta' l-istess livell u ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-ittri preċedenti;

-      fil-mument tat-talba għall-benefiċċji, iż-żagħżugħ huwa, bħala tifel, a karigu ta' ħaddiema migranti skond l-Artikolu 48 tat-Trattat KE, li huma residenti fil-Belġju;

[…]"

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11     Wara li spiċċa l-istudji sekondarji tiegħu fil-Greċja, is-Sur Ioannidis, ta' ċittadinanza Griega, wasal fil-Belġju fl-1994. Iċ-ċertifikat ta' studji mogħti lill-persuna kkonċernata fil-Greċja ġie rikonoxxut bħala ekwivalenti għal ċertifikat rikonoxxut ta' edukazzjoni sekondarja għolja li jagħti aċċess fil-Belġu għat-tagħlim għoli ta' dewmien qasir.

12     Mat-tmiem ta' ċiklu ta' tliet snin studji, is-Sur Ioannidis irċieva, fid-29 ta' Ġunju 2000, diploma ta' gradwat fil-kinesiterapija mogħtija mill-haute école de la province de Liège André Vésale, imbagħad wara rregistra bħala applikant għal impjieg full time ma' l-office communautaire et régional de la formation professionnelle et de l'emploi.

13     Mill-10 ta' Ottubru 2000 sad-29 ta' Ġunju 2001, il-persuna kkonċernata segwiet fi Franza, fil-kuntest ta' kuntratt tax-xogħol konkluż bħala tekniku ma' kumpannija ċivili professjonali ta' tobba speċjalizzati fl-otorinolaringoloġija, taħriġ remunerat fir-riedukazzjoni tal-vestibolu.

14     Fis-7 ta' Awwissu 2001, wara li reġa lura fil-Belġju, is-Sur Ioannidis ippreżenta lill-ONEM talba għal għoti tal-benefiċċju sakemm ma jinstab impjieg.

15     Permezz ta' deċiżjoni tal-5 ta' Ottubru 2001, l-ONEM ċaħad din it-talba minħabba li s-Sur Ioannidis ma kienx spiċċa l-istudji sekondarji tiegħu fi stabbiliment ta' edukazzjoni organizzat, sussidjat jew rikonoxxut minn wieħed mit-tliet Komunitajiet tal-Belġju, hekk kif jeħtieġ l-ewwel paragrafu 2º(a) ta' l-Artikolu 36(1) tad-Digriet Rjali.

16     Is-Sur Ioannidis ikkontesta din id-Deċiżjoni quddiem it-tribunal du travail ta' Liège. Permezz ta' sentenza tas-7 ta' Ottubru 2002, din il-qorti annullat din id-Deċiżjoni, filwaqt li kkonstatat li, "fil-mument tat-talba tiegħu għall-benfiċċji, l-applikant stess kien ħaddiem migrant, peress li kien ħadem fi Franza", u li "l-Artikolu 36 tad-Digriet Rjali […], interpretat kif ġie mill-amministrazzjoni, huwa kjarament kontra l-Artikolu [39 KE]".

17     Fl-appell imressaq mill-ONEM kontra din is-sentenza, il-cour du travail ta' Liège kkonstatat li s-Sur Ioannidis ma kien jissodisfa ebda waħda mill-kundizzjonijiet imposti b'mod alternattiv mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. B'mod partikolari, huwa ma kien jissodisfa la l-provvedimenti ta' l-ewwel paragrafu 2º(a) ta' l-Artikolu 36 tad-Digriet Rjali, minħabba li huwa ma kienx spiċċa l-istudji sekondarji tiegħu fil-Belġju, u lanqas dawk ta' din id-dispożizzjoni, taħt h). Il-qorti tar-rinviju osservat li l-persuna kkonċernata kienet spiċċat, fi Stat Membru ieħor, l-studji sekondarji għolja li huwa dimostrat, mid-dokumenti mressqa, li huma ekwivalenti għal dawk indikati fl-istess dispożizzjoni, taħt a) tad-Digriet Rjali u ta' l-istess livell tagħhom. Min-naħa l-oħra, skond din il-Qorti, ebda dokument jew element tal-fajl ma jistabbilixxi li, fid-data meta tressqet it-talba għall-benefiċċju sakemm ma jinstab impjieg, il-ġenituri tas-Sur Ioannidis kienu ħaddiema migranti residenti fil-Belġju.

18     Peress li tħassbet dwar l-eżistenza ta' diskriminazzjoni indiretta possibbli kontra s-Sur Ioannidis, minħabba l-fatt li l-benefiċċju sakemm ma jinstab impjieg ġie rrifjutat lill-persuna kkonċernata għall-unika raġuni li huwa ma kienx spiċċa l-istudji sekondarji għolja tiegħu fi stabbiliment ta' edukazzjoni organizzat, sussidjat jew rikonoxxut mill-awtoritajiet pubbliċi Belġjani, meta huwa kien temm għal kollox istudji ekwivalenti fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu, il-cour du travail ta' Liège iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti:

"Id-dritt komunitarju (b'mod partikolari l-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 […] KE jipprekludi lill-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru (bħal, fil-Belġju, id-Digriet Rjali tal-25 ta' Novembru 1991, li tirregola l-qgħad), li tagħti lill-applikanti għal impjieg li, fil-prinċipju għandhom inqas minn 30 sena, benefiċċji magħrufa bħala benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg fuq il-bażi ta' l-istudji sekondarji li huma jkunu wettqu, timponi li dawk l-applikanti li huma ċittadini ta' Stat Membru ieħor, fl-istess termini għaċ-ċittadini tiegħu, il-kundizzjoni li dawn il-benefiċċji ma jingħatawx ħlief jekk l-istudji meħtieġa jkunu ġew mitmuma fi stabbiliment ta' edukazzjoni organizzat, sussidjat jew rikonoxxut minn wieħed mit-tliet komunitajiet nazzjonali (kif previst fid-Digriet Rjali ċitat iktar 'il fuq, mill-ewwel paragrafu 2º ta' l-Artikolu 36(1) b'mod li l-benefiċċji sakemm jinstab impjieg jiġu rrifjutati lil applikant żagħżugħ għal impjieg li, għalkemm m'huwiex membru tal-familja ta' ħaddiem migrant, huwa madankollu ċittadin ta' Stat Membru ieħor li fih, qabel ma ċċaqlaq fi ħdan l-Unjoni, kien segwa u wettaq studji sekondarji, rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-istudji meħtieġa mill-awtoritajiet ta' l-Istat fejn il-benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg huma mitluba?"

 Fuq id-domanda preliminari

19     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob fis-sustanza jekk id-dritt komunitarju jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta l-benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg lil ċittadin ta' Stat Membru ieħor li qed ifittex l-ewwel impjieg tiegħu, għall-unika raġuni li l-persuna kkonċernata spiċċat l-istudji sekondarji tagħha fi Stat Membru ieħor.

20     Preliminarjament, għandu jiġi nnutat li l-fatt li l-qorti tar-rinviju fformulat id-domanda preliminari filwaqt li rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt komunitarju mhuwiex ta' ostakolu sabiex il-Qorti tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta' interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawza li għandha quddiemha, kemm jekk hija għamlet referenza għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1990, SARPP, C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8 u tas-7 ta' Settembru 2004, Trojani, C-456/02, Ġabra p. I-7573, punt 38).

21     Fil-kuntest ta' din il-kawża, għandu jiġi mfakkar li ċ-ċittadini ta' Stat Membru li jkunu qed ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 39 KE u, għaldaqstant, jibbenefikaw mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst fil-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni.

22     Hekk kif il-Qorti diġà ddeċidiet, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini ta' l-Unjoni, mhuwiex aktar possibbli li mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 39(2) KE jiġi eskluż servizz ta' tip finanzjarju intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta' Stat Membru (is-sentenza tat-23 ta' Marzu 2004, Collins, C-138/02,Ġabra p. I-2703, punt 63).

23     M'hemmx dubju li l-għoti ta' benefiċċji previst mill-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett fil-kawża prinċipali huwa benefiċċju soċjali, l-iskop tiegħu huwa li jiffaċilita, għaż-żagħżagħ, il-passaġġ mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol (is-sentenza tal-11 ta' Lulju 2002, D'Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 38).

24     M'hemmx dubju li, fid-data li ġiet ippreżentata t-talba intiża għal dawn il-benefiċċji, is-Sur Ioannidis kellu l-karatteristika ta' ċittadin ta' Stat Membru li, filwaqt li kien spiċċa l-istudji tiegħu, sab ruħu jfittex impjieg fi Stat Membru ieħor.

25     F'dawn il-kundizzjonijiet, il-persuna kkonċernata hija fondata meta tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 39 KE sabiex issostni li hija ma tistax tkun is-suġġett ta' diskriminazzjonijiet minħabba ċ-ċittadinanza għal dak li jikkonċerna l-għoti ta' benefiċċji.

26     Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet apparenti, bbażati fuq iċ-ċittadinanza, imma wkoll l-forom kollha moħbija ta' diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta' kriterji oħra ta' distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Frar 1974, Sotgiu, 152/73, Ġabra p. 153, punt 11, u tal-15 ta' Marzu 2005, Bidar, C-209/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).

27     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett fil-kawża prinċipali tintroduċi differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini li spiċċaw l-istudji sekondarji tagħhom fil-Belġju u dawk li wettquhom fi Stat Membru ieħor, b'dawk ta' l-ewwel li għandhom dritt għal benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg.

28     Din il-kundizzjoni tirriskja li tiżfavorixxi prinċipalment iċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra. Fil-fatt, safejn hija torbot l-għoti ta' dawn il-benefiċċji mar-rekwiżit li l-applikant ikun kiseb id-diploma meħtieġa fil-Belġju, din il-kundizzjoni tista' tiġi aktar faċilment sodisfatta miċ-ċittadini nazzjonali.

29     Differenza ta' trattament bħal din ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk hija fondata fuq konsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u proporzjonati għall-oġġettiv leġittimament segwit mil-liġi nazzjonali (is-sentenzi tat-23 ta' Mejju 1996, O'Flynn, C-237/94, Ġabra p. I-2617, punt 19, u Collins, ċitata iktar 'il fuq, punt 66).

30     Hekk kif il-Qorti diġa ddeċidiet, huwa leġittimu għall-leġiżlatur nazzjonali li jkun irid jassigura l-eżistenza ta' rabta vera bejn l-applikant għal dawn il-benefiċċji u s-suq ġeografiku tax-xogħol in kwistjoni (is-sentenza D'Hoop, ċitata iktar 'il fuq, punt 38).

31     Madankollu, kundizzjoni unika li tirrigwara l-post fejn tiġi miksuba d-diploma ta' tmiem l-istudji sekondarji għandha karattru wisq ġenerali u esklussiv. Hija tiffavorixxi mingħajr raġuni element li mhuwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv tar-rabta bejn l-applikant tal-benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg u s-suq ġeografiku tax-xogħol, bl-esklużjoni ta' kull element rappreżentattiv ieħor. Hija għaldaqstant tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għan imsegwi (is-sentenza D'Hoop, ċitat iktar 'il fuq, punt 39).

32     Barra minn hekk, jirriżulta mill-ewwel paragrafu 2º h) ta' l-Artikolu 36(1) tad-Digriet Rjali, li applikant għal impjieg li ma jkunx spiċċa l-istudji sekondarji tiegħu fil-Belġju għandu dritt madankollu għal benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg jekk huwa jkun segwa studji jew taħriġ ta' l-istess livell u ekwivalenti fi Stat Membru ieħor u jekk huwa a karigu ta' ħaddiema migranti, skond l-Artikolu 39 KE, li huma residenti fil-Belġju.

33     Il-fatt li l-ġenituri tas-Sur Ioannidis mhumiex ħaddiema migranti residenti fil-Belġju m'għandux f'kull każ jimmotiva r-rifjut tal-benefiċċji mitluba. Fil-fatt, din il-kundizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-intenzjoni li tiġi assigurata l-eżistenza ta' rabta vera bejn l-applikant u s-suq ġeografiku tax-xogħol ikkonċernat. Hija żgur li hija bbażata fuq element li jista' jkun ikkunsidrat bħala rappreżentattiv ta' livell reali u effettiv ta' rabta. Madankollu, m'għandux ikun eskluż li persuna, bħas-Sur Ioannidis, li, wara l-istudji sekondarji li temm fi Stat Membru, isegwi studji għolja fi Stat Membru ieħor u hemm jikseb diploma, ikun fil-pożizzjoni li jiġġustifka rabta vera mas-suq tax-xogħol ta' dan l-Istat, anki tali persuna mhijiex a karigu ta' ħaddiema migranti residenti fl-imsemmi Stat. Għaldaqstant, kundizzjoni bħal din ukoll tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għan segwit.

34     Għandu jiġi miżjud li l-benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg jikkostitwixxi vantaġġ soċjali fis-sens ta' l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (is-sentenza d'Hoop, ċitata iktar 'il fuq, punt 17).

35     Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, li jinkludi l-vantaġġi kollha li, marbuta jew le ma' kuntratt ta' impjieg, huma ġeneralment rikonoxxuti fil-każ tal-ħaddiema ċittadini, prinċipalment minħabba l-karatteristika oġġettiva tagħhom bħala ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, huwa ntiż ukoll sabiex iwaqqaf id-diskriminazzjonijiet magħmula għad-detriment tad-dixxendenti li huma a karigu tal-ħaddiem (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta' Settembru 1975, Cristini, 35/75, Ġabra p. 1085, punt 19; ta' l-20 ta' Ġunju 1985, Deak, 94/84, Ġabra p. 1873, punt 22, u tat-8 ta' Ġunju 1999, Meeusen, C-337/97, Ġabra p. I-3289, punt 22).

36     Minn dan isegwi li t-tfal a karigu tal-ħaddiema migranti li huma residenti fil-Belġju jieħdu d-dritt tagħhom għall-għoti ta' benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, indipendentement mill-fatt li, f'dan il-każ preżenti, teżisti rabta reali mas-suq ġeografiku tax-xogħol ikkonċernat.

37     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, m'hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-interpetazzjoni ta' l-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE.

38     Għaldaqstant, hemm lok li tweġiba għad-domanda mressqa tkun li l-Artikolu 39KE jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta l-għoti tal-benefiċċji sakemm ma jinstab impjieg lil ċittadin ta' Stat Membru ieħor li jkun qed ifittex l-ewwel impjieg, li ma jkunx, bħala tifel, a karigu ta' ħaddiem migranti residenti fl-ewwel Stat, għall-unika raġuni li l-persuna kkonċernata spiċċat l-istudji sekondarji tagħha fi Stat Membru ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

39     Pererss illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' inċident imqajjem quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għall-preżentata ta' osservazzjonijiet lill-Qorti ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi li:

L-Artikolu 39KE jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta l-għoti tal-benefiċċju sakemm ma jinstab impjieg lil ċittadin ta' Stat Membru ieħor li jkun qed ifittex l-ewwel impjieg li ma jkunx, bħala tifel, a karigu ta' ħaddiem migranti residenti fl-ewwel Stat, għall-unika raġuni li l-persuna kkonċernata spiċċat l-istudji sekondarji tagħha fi Stat Membru ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.