SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

12 ta' Jannar 2006 (*)

"Sitt Direttiva tal-VAT – L-Artikolu 13B(b) u Ċ(a) – Eżenzjonijiet ta’ tranżazzjonijet ta' kiri ta’ proprjetà immobbli – Dritt ta’ għażla favur persuni taxxabbli – Għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitt – Kundizzjonijiet"

Fil-kawża C-246/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Mejju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Ġunju 2004, fil-proċedura

Turn- und Sportunion Waldburg

vs

Finanzlandesdirektion für Oberösterreich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, S. von Bahr, U. Lõhmus (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Wilms, u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali u ħadet id-deċiżjoni li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13B(b) u Ċ tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p.1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Turn- und Sportunion Waldburg u Finanzlandesdirection für Oberösterreich, fir-rigward tal-possibbiltà għal għaqda sportiva li ma tagħmilx profitt, li twettaq tranżazzjoni ta' kiri ta’ proprjetà immobbli, li teżerċita d-dritt ta' għażla mogħti lill-persuni taxxabbli mil-leġiżlatur nazzjonali skond l-Artikolu 13Ċ(a) tas-Sitt Direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva jiddisponi:

"Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt k[u]ndizzjonijet li huma għandhom jista[b]bilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta' kawlunkwe' evażjoni, evitar jew abbuż possibbli [kwalunkwè frodi, evażjoni u abbuż eventwali]:

[…]

m)      ċertu servizzi li marbuta mill-qrib ma’ sport u edukazzjoni fiżika fornuti minn organizzazzjoniet li ma jagħmlux profitt għall-persuni li jieħdu parti fl-isport jew fl-edukazzjoni fiżika;

[…]"

4       Taħt l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, il-kiri ta’ proprjetà immobbli hija eżentata, ħlief għal ċertu tranżazzjonijiet mingħajr pertinenza għal din il-kawża.

5       L-Artikolu 13Ċ ta' din l-istess Direttiva jiddisponi:

"L-Istati Membri jistgħu iħallu lil min iħallas t-taxxa dritt għal għażla għal tassazzjoni f’każijiet ta’:

a)      kiri u aljenazzjoni ta’ proprjetà immobbli;

[…]

L-Istati Membri jistgħu jirristrinġu l-iskop ta’ dan id-dritt u għandhom jiffissaw id-dettalji ta’ l-użu tiegħu."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       Skond il-punt 14 ta' l-Artikolu 6(1) tal-Liġi ta' l-1994 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz, iktar 'il quddiem l-"UStG 1994"), it-tranżazzjonijiet magħmula minn għaqdiet li ma jagħmlux profitt li għandhom bħala għan l-eżerċizzju jew il-promozzjoni ta' l-edukazzjoni fiżika, huma eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT"), bl-esklużjoni tat-tnaqqis tat-taxxi mħallsa fuq l-input. Din l-eżenżjoni ma tapplikax għas-servizzi mogħtija (fil-kuntest ta' użu agrikolu jew ta' foresterija jew ta' impriża artiġjanali, industrijali jew kummerċjali skond l-Artikolu 45(3) tal-Kodiċi Federali tat-Taxxa (Bundesabgabenordnung).

7       Il-punt 16 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994 jeżenta it-tranżazzjonijiet ta' kiri ta’ proprjetà immobbli. It-tqegħid għall-kiri ta' bini għal użu professjonali u użu ieħor huwa kkunsidrat bħala kiri ta’ proprjetà immobbli.

8       Skond l-Artikolu 6(2) tal-UStG 1994, l-intraprenditur jista' jiddeċiedi li jissoġġetta għall-VAT tranżazzjoni eżenti skond il-punt 16 tal-paragrafu 1 ta' l-istess Artikolu.

9       Il-punt 27 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994 jeżenta t-tranżazzjonijiet magħmula mill-intraprendituri ż-żgħar. Taħt il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, l-intraprenditur li t-tranżazzjonijiet tiegħu huma eżenti skond il-punt 27 ta' l-Artikolu 6(l) tal-UStG 1994 jista' jirrinunzja għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni billi jindirizza dikjarazzjoni bil-miktub lill-Finanzamt (amministrazzjoni fiskali).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija assoċjazzjoni sportiva kklassifikata bħala għaqda li ma tagħmilx profitt. Fl-1997, tat bidu għall-bini ta' anness għall-club-house, li parti minnu kien intiż għall-ipprattikar ta' l-isport, waqt li l-parti l-oħra, kbira daqs madwar kwart tad-daqs totali ta' dan l-anness, kellha tkun użata bħala kafetterija u tiġi mikrija lil kuntrattur. Fid-dikjarazzjoni tal-VAT ta' l-1997, l-assoċjazzjoni għamlet tnaqqis tas-somma totali ta' ATS 39 285, li jirrigwarda l-VAT mħallsa fuq l-inputs esklużivament għall-parti ta' l-anness intiża għall-użu bħala kafetterija. Hija rrinunzjat għall-applikazzjoni tal-punt 27 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994 dwar l-intraprendituri ż-żgħar.

11     Permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta' Awwissu 1999, il-Finanzamt irrifjutat dan it-tnaqqis għar-raġuni li assoċjazzjoni sportiva eżenti skond il-punt 14 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994 mingħajr ma tibbenifika mid-dritt għal tnaqqis, ma tistax tirrinunzja, permezz tad-dritt ta' għażla, għall-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet li jirriżultaw mill-kiri ta' proprjetà immobbli. L-eżenzjoni personali prevista għall-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitt fil-punt 14 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994, tipprevali fuq l-eżenzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri ta' proprjetà immobbli, skond il-punt 16 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994.

12     Ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud bħala infondat, minħabba li l-punt 14 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994 jipprevali, bħala liġi speċjali, fuq il-punt 16 ta' l-istess paragrafu. Skond l-amministrazzjoni, il-fatt li l-assoċjazzjoni sportiva tirrinunzja għar-regoli dwar l-intraprendituri ż-żgħar ma jbiddel xejn mis-sitwazzjoni ġuridika in kwistjoni.

13     Ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. Fid-deċiżjoni tagħha ta' rinviju, din il-qorti qieset li l-eżenzjoni ta' servizzi mogħtija lil persuni li ma jipprattikawx l-isport jew l-edukazzjoni fiżika, bħall-kiri jew l-għoti ta' kafetterija, ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva u għalhekk ma tistax tkun ibbażata fuq din id-dispożizzjoni. Madankollu, hi staqsiet jekk l-eżenzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri magħmula minn assoċjazzjonijiet sportivi li ma jagħmlux profitt tistax tkun fondata fuq l-Artikolu 13B(b) ta' din id-Direttiva.

14     Billi qieset li l-UStG 1994 ma toffri l-ebda possibbiltà lill-assoċjazzjonijiet sportivi li jagħżlu biex jiġu intaxxati fuq it-tranżazzjonijiet tagħhom ta' kiri, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva u fuq il-possibbiltà li ċerti persuni taxxabbli jiġu esklużi mill-possibbiltà mogħtija lill-persuni taxxabbli oħra li jagħżlu t-tassazzjoni.

15     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċiedet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Id-diskrezzjoni ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva […], li jagħtu lill-persuni taxxabbli d-dritt ta' għażla għat-tassazzjoni ta' kiri ta' proprjetà immobbli, minkejja l-eżenzjoni li toħroġ mill-Artikolu 13B(b) ta' [din id-]Direttiva, għandha tiġi użata b'mod uniformi jew l-Istat Membru jista' jagħmel distinzjoni skond in-natura tat-tranżazzjonijiet jew il-kategoriji ta' persuni taxxabbli?

2)      L-Artikolu 13B(b) flimkien ma' l-Artikolu 13Ċ(a) [tas-Sitt] Direttiva jawtorizzaw lill-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni bħal dik prevista mill-punt 14 ta' l-Artikolu 6(1) [ta' l-UStG 1994], flimkien mal-punt 16 ta' l-Artikolu 6(1) ta' din l-istess liġi, li permezz tagħha l-possibbiltà li tagħżel it-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta' kiri hija limitata b'tali mod li l-assoċjazzjonijiet sportivi li ma jagħmlux profitt huma esklużi minnha?"

16     Id-deċiżjoni tar-rinviju tirrigwarda wkoll kawża bejn is-Sinjura Edith Barris u l-Finanzlandesdirektion für Tirol u, f'dan il-kuntest, il-qorti staqsiet it-tielet domanda preliminari. Madankollu, permezz tad-digriet tas-16 ta' Marzu 2005, li wasal il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Marzu 2005, il-Verwaltungsgerichtshof irtirat din it-tielet domanda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

17     Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li t-tranżazzjoni ta' kiri tal-proprjetà immobbli in kwistjoni tikkostitwixxi att ta' amministrazzjoni ta' proprjetà skond l-Artikolu 32 tal-Kodiċi Federali tat-Taxxa, li, mingħajr l-ebda kontestazzjoni, jaqa' taħt l-eżenzjoni għall-għaqdiet sportivi prevista mill-punt 14 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994. Huwa jqis li d-domandi, f'din il-kawża, għandhom jiġu fformulati mill-ġdid sabiex jiġi eżaminat jekk il-punt 14 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994 jittrasponix l-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva fid-dritt Awstrijak korrettament.

18     B'hekk id-domanda hija jekk l-atti ta' amministrazzjoni ta' beni immobbli, li huma wkoll eżentati fil-liġi Awstrijaka, li huma mwettqa minn assoċjazzjoni sportiva li ma tagħmilx profitt, jippreżentawx rabta mill-qrib mas-servizzi mogħtija minn din l-assoċjazzjoni lill-persuni li jipprattikaw l-isport jew l-edukazzjoni fiżika.

19     Skond il-Gvern Awstrijak, jew tezisti din ir-rabta, jiġifieri li l-kiri ta' immobbli għall-użu tal-kafetterija ta' club-house li sservi għall-attivitajiet sportivi tista' tkun ikkunsidrata bħala li għandu rabta mas-servizzi mogħtija minn assoċjazzjoni sportiva, jew dawn is-servizzi huma, fil-prinċipju, sekondarji u, għalhekk, negliġibbli.

20     F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest ta' rinviju preliminari, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkunsidra jekk id-domandi magħmula minn qorti nazzjonali humiex rilevanti, lanqas li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li tagħti l-qorti tar-rinviju hijiex korretta (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta' Novembru 1977, Cayrol, 52/77, Ġabra p. 2261, punt 32; tas-16 ta' April 1991, Eurim-Pharm, C-347/89, Ġabra p. I-1747, punt 16, u tat-3 ta' Ottubru 2000, Corsten, C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 24).

21     Fil-fatt, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjonijiet bejn il-qrati Komunitarji u dawk nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u l-leġiżlazzjoni li jaqgħu taħthom id-domandi preliminari, kif iddefiniti mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara s-sentenzi tat-13 ta' Novembru 2003, Neri, C-153/02, Ġabra p. I-13555, punti 34 u 35, u tad-29 ta' April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42).

22     Għalhekk jeħtieġ li konsegwentement jiġu eżaminati d-domandi preliminari fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni kif iddefinita mill-Verwaltungsgerichtshof fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel domanda

23     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istati Membri, meta jagħtu lil persuni taxxabbli tagħhom id-dritt ta' għażla għat-tassazzjoni, previst fl-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva, jistgħux jagħmlu distinzjoni skond in-natura tat-tranżazzjonijiet jew il-kategoriji ta' persuni taxxabbli.

24     Il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri jgawdu minn marġinu ta' diskrezzjoni kbir fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13B(b) u l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva, f'dak li jirrigwarda l-eżenzjoni jew it-tassazzjoni tal-kiri. Hija tibbaża fuq ġurisprudenza li tgħid li ċerti tranżazzjonijiet u kategoriji ta' persuni taxxabbli jistgħu jkunu esklużi minn dritt ta' għażla għat-tassazzjoni skond l-Artikolu 13Ċ ta' din id-Direttiva. Tali huwa l-każ, b'mod partikolari, fejn l-Istat Membru jikkonstata li dan id-dritt huwa eżerċitat sabiex tiġi evitata t-taxxa. Madankollu, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-għanijiet u l-prinċipji tas-Sitt Direttiva, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' newtralità tal-VAT u dak ta' proporzjonalità.

25     Preliminarjament, jeħtieġ jitfakkar li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju li għandhom l-għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 15, u tat-8 ta' Mejju 2003, Seeling, C-269/00, Ġabra p. I-4101, punt 46).

26     Skond ġurisprudenza kostanti, it-tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri hija fakultà li l-leġiżlatur Komunitarju kkunsenta lill-Istati Memrbi b'deroga għar-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, li tgħid li t-tranżazzjonijiet ta' kiri huma eżentati mill-VAT. Għalhekk, id-dritt għal tnaqqis fir-rigward ta' din it-tassazzjoni mhuwiex eżerċitat b'mod awtomatiku f'dan il-kuntest iżda biss jekk l-Istati Membri jagħmlu użu mill-fakultà li toħroġ mill-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva u bla ħsara għad-dritt ta' għażla mogħti lill-persuni taxxabbli (ara, is-sentenza tad-9 ta' Settembru 2004, Vermietungsgesellschaft Objekt Kirchberg, C-269/03, Ġabra p. I-8067, punt 20).

27     Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-ifformular stess ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu, permezz ta' din il-fakultà, jagħtu lill-benefiċjarji ta' l-eżenzjonijiet previsti minn din id-Direttiva l-possibbiltà li jirrinunzjaw għall-eżenzjoni, f'kull każ, f'ċerti limiti, jew taħt ċertu regoli dettaljati (ara s-sentenza tad-19 ta' Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, punt 38).

28     Għalhekk, l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jagħtu lill-persuni taxxabbli tagħhom id-dritt ta' għażla għat-tassazzjoni tal-kiri ta' immobbli, kif ukoll il-possibbiltà li jillimitaw l-applikazzjoni ta' dan id-dritt jew li jneħħuh (ara s-sentenza tad-29 ta' April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 u C-7/02, Ġabra p. I-5337, punt 66).

29     Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta' diskrezzjoni kbir fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, huwa f'idejhom li jiddeterminaw jekk id-dritt ta' għażla għandux jiġi stabbilit jew le skond dak li jikkunsidraw xieraq fil-kuntest eżistenti f'pajjiżhom f'mument partikolari (ara s-sentenzi tat-3 ta' Diċembru 1998, Belgocodex, C‑381/97, Ġabra p. I-8153, punti 16 u 17; tat-3 ta' Frar 2000, Amengual Far, C-12/98, Ġabra p. I-527, punt 13, u ta' l-4 ta' Ottubru 2001, "Goed Wonen", C-326/99, Ġabra p. I-6831, punt 45).

30     Konsegwentament, meta jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom dwar id-dritt ta' għażla, l-Istati Membri jistgħu wkoll jeskludu ċerti tranżazzjonijiet jew ċerti kategoriji ta' persuni taxxabbli mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan id-dritt.

31     Madankollu, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, meta l-Istati Membri jagħmlu użu mill-fakultà li jillimitaw l-applikazzjoni ta' dan id-dritt ta' għażla u li jiddeterminaw id-dettalji ta' l-eżerċizzju tiegħu, iridu jirrispettaw l-għanijiet u l-prinċipji ġenerali tas-Sitt Direttiva, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' newtralità fiskali u l-eżiġenza ta' l-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi ta' l-eżenzjonijiet previsti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Ġunju 1998, Fischer, C-283/95, Ġabra p. I-3369, punt 27, u "Goed Wonen", iċċitata iktar 'il fuq, punt 56).

32     Il-prinċipju ta' newtralità, li twaqqaf fl-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE tal-11 ta' April 1967, fuq l-armonizazzjoni tal-leġi[ż]lazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU 1967, 71, p. 1301), u li huwa inerenti fis-sistema komuni tal-VAT, kif inhu mfakkar ukoll fir-raba' u fil-ħames premessi tas-Sitt Direttiva, jimplika li l-attivitajiet ekonomiċi kollha għandhom jiġu ttratti bl-istess mod (sentenzi ta' l-20 ta' Ġunju 1996, Wellcome Trust, C-155/94, Ġabra p. I-3013, punt 38; u Belgocodex, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18). Huwa l-istess għall-operaturi ekonomiċi li jagħmlu l-istess tranżazzjonijiet (sentenza tas-7 ta' Settembru 1999, Gregg, C-216/97, Ġabra p. I-4947, punt 20).

33     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, il-prinċipju ta' newtralità fiskali jipprekludi, b'mod partikolari, li l-prestazzjonijiet ta' servizzi simili, li għalhekk ikunu jikkompetu ma' xulxin, jiġu ttrattati b'mod differenti għall-finijiet tal-VAT (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Ottubru 2001, Adam, C-267/99, Ġabra p. I-7467, punt 36; tat-23 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20, u tas-26 ta' Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 41).

34     Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, biex tevalwa jekk prestazzjonijiet ta' servizzi humiex simili, l-identità ta' min jipprovdi dawn is-servizzi u l-forma ġuridika li taħtha dawn jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom huma, fil-prinċipju, irrilevanti (ara s-sentenza tas-17 ta' Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C-453/02 u 462/02, Ġabra p. I‑1131, punti 24 u 25).

35     Għalhekk jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Istati Membri, meta jagħtu lill-persuni taxxabbli tagħhom id-dritt ta' għażla għat-tassazzjoni, previst fl-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva, jistgħu jagħmlu distinzjoni skond in-natura tat-tranżazzjonijiet jew il-kategoriji ta' persuni taxxabbli bil-kundizzjoni li jirrispettaw l-għanijiet u l-prinċipji ġenerali tas-Sitt Direttiva, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' newtralità fiskali u l-eżiġenza ta' l-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi ta' l-eżenzjonijiet previsti.

 Fuq it-tieni domanda

36     Permezz tat-tieni domanda, il-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13B(b) u l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva jmorrux kontra regola nazzjonali li, filwaqt li teżenta b'mod ġenerali t-tranżazzjonijiet magħmula mill-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitt, tillimita d-dritt ta' dawk li jagħżlu t-tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri.

37     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-punt 14 ta' l-Artikolu 6(1) tal-UStG 1994 dwar assoċjazzjonijiet sportivi, li jistabbilixxi d-deroga, huwa fformulat f'termini iktar ġeneriċi mid-dispożizzjoni li tikkorrispondi għalih fis-Sitt Direttiva, jiġifieri l-Artikolu 13A(1)(m) ta' din. Konsegwentament, ir-regola li twaqqfet fid-dritt Awstrijak fuq il-VAT hija nieqsa mill-eżiġenzi li huma kundizzjoni preliminari għal kull eżenzjoni skond l-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva. Skond it-termini ta' din id-dispożizzjoni, dawn għandhom ikunu ċerti prestazzjonijiet ta' servizzi li għandhom rabta mill-qrib ma' l-isport u li jippreżentaw rabta bejn min jipprovdi dawn is-servizzi u l-benefiċjarju.

38     Waqt li tisħaq dwar l-obbligu li l-partijiet A, B u C ta' l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jiġu interpretati b'mod koerenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li assoċjazzjoni sportiva li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 13A(1)(m) ta' din id-Direttiva, tista' xorta waħda jkollha l-possibbiltà, fir-rigward ta' l-għan tagħha, tagħżel it-tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri.

39     Preliminarjament, jeħtieġ jitfakkar li s-Sitt Direttiva ma fihiex regoli li jeżentaw, b'mod ġenerali, servizzi kollha marbuta ma' l-ipprattikar ta' l-isport u l-edukazzjoni fiżika (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta' Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C-150/99, Ġabra p. I-493, punt 22).

40     Fil-fatt, it-tranżazzjonijiet magħmula mill-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitt huma eżenti, bħala tranżazzjonijiet ta' interess ġenerali, skond l-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva, bil-kundizzjoni li jkollhom rabta mill-qrib ma' l-ipprattikar ta' l-sport jew ta' l-edukazzjoni fiżika u li jkunu mogħtija lill-persuni li jipprattikaw l-isport jew l-edukazzjoni fiżika (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta' Mejju 1998, il-Kummissjoni vs Spanja, C‑124/96, Ġabra p. I‑2501, punt 15; Stockholm Lindöpark, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19, u tal-21 ta' Marzu 2002, Kennemer Golf, C‑174/00, Ġabra p. I-3293, punt 19).

41     Fil-kuntest ta' dan ir-rinviju, il-qorti nazzjonali tikkunsidra li l-kiri ta' proprjetà immobbli għall-użu ta' kafetterija la jikkostitwixxi servizz b'rabta mill-qrib ma' l-ipprattikar ta' l-isport, u lanqas servizz mogħti lill-persuni li jipprattikaw l-isport jew l-edukazzjoni fiżika. F'din l-ipotezi, l-eżenzjoni tal-kiri ta' kafetterija ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 13A(1)(m) tas-Sitt Direttiva, iżda tista', fil-prinċipju, tkun ibbażata fuq l-Artikolu 13B(b) ta' din id-Direttiva.

42     Fir-rigward tad-domanda dwar jekk l-Istati Membri jistgħux jeskludu l-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitt mid-dritt ta' għażla permezz ta' eżenzjoni ġenerali tat-tranżazzjonijiet kollha effettwati minn dawn ta' l-aħħar, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva ma jippreċiżax taħt liema kundizzjonijiet u skond liema regoli dettaljati tista' tiġi limitata l-applikazzjoni ta' dan id-dritt ta' għażla. Għalhekk huwa f'idejn kull Stat Membru li jippreċiża, fid-dritt nazzjonali tiegħu, l-applikazzjoni tad-dritt ta' għażla u li jistabilixxi r-regoli li permezz tagħhom ċerti persuni taxxabbli jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta' għażla għat-tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri ta' proprjetà immobbli.

43     Madankollu, kif ġa ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva ma jagħtix lill-Istati Membri l-fakultà li jissoġġettaw l-eżenzjonijiet previsti mill-parti B ta' dan l-Artikolu għal xi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet. Huwa sempliċiment jirriżervalhom il-fakultà li jiftħu, f'miżura ftit jew wisq wiesa', għall-benefiċjarji ta' dawn l-eżenzjonijiet, il-possibbiltà li huma stess jagħżlu t-tassazzjoni, jekk iqisu li dan huwa fl-interess tagħhom (ara s-sentenza Becker, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39).

44     Skond l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jeżentaw il-kiri ta' proprjetà immobbli fil-kundizzjonijiet li jistabbilixxu sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta' l-eżenzjoni u jevitaw kwalunkwè frodi, evażjoni u abbuż eventwali. Id-deċiżjoni ta' Stat Membru, skond l-Artikolu 13Ċ ta' din id-Direttiva, li jillimita l-applikazzjoni tad-dritt ta' għażla għat-tassazzjoni tal-kiri ta' proprjetà immobbli tista' tkun iġġustifikata, b'mod partikolari, mill-istess għanijiet.

45     Madankollu, tali deċiżjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta' newtralità, imfakkar fil-punti 32 sa 34 ta' din is-sentenza.

46     Huwa f'idejn il-qorti nazzjonali li tiddetermina, fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża prinċipali, kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata iktar 'il fuq, jekk l-applikazzjoni ta' eżenzjoni ġenerali għat-tranżazzjonijiet kollha, inkluż il-kiri ta' proprjetà immobbli, effettwati mill-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitt tinkludix jew le ksur tal-prinċipju ta' newtralità fiskali.

47     Hekk, jista' jkun hemm ksur tal-prinċipju ta' newtralità fiskali, jekk għaqda sportiva li għandha bħala għan l-eżerċizzju jew il-promozzjoni ta' l-edukazzjoni fiżika ma jkollhiex il-possibbiltà li tagħżel it-tassazzjoni, waqt li tali possibbiltà teżisti għal persuni taxxabbli oħra li jwettqu attivitajiet simili u li huma f'kompetizzjoni ma' dawk ta' din l-għaqda.

48     Sabiex jiġi ddeterminat jekk inqabżux il-limiti ta' din is-setgħa diskrezzjonali fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika wkoll jekk kienx hemm ksur ta' l-eżiġenza ta' l-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi ta' l-eżenzjonijiet previsti. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-fatt li s-sistema ta' eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva ma tipprovdix għal trattament differenti tat-tranżazzjonijiet effettwati mill-għaqdiet li ma jagħmlux profitt safejn dawn huma marbuta ma' l-ipprattikar ta' l-isport u mogħtija lill-persuni li jipprattikaw l-isport. F'tali każ, dawn it-tranżazzjonijiet huma eżentati mill-VAT għal raġunijiet ta' interess ġenerali.

49     Għalhekk jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li huwa f'idejn il-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk, regola nazzjonali li teżenta, b'mod ġenerali, it-tranżazzjonijiet effettwati mill-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitt u li tillimita d-dritt ta' dawn li jagħżlu t-tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri, tmurx oltre s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri, fir-rigward, b'mod partikolari, tal-prinċipju ta' newtralità fiskali u ta' l-eżiġenza ta' l-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi ta' l-eżenzjonijiet previsti.

 Fuq l-ispejjeż

50     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Meta lill-persuni taxxabbli tagħhom jagħtuhom dritt ta' għażla għal tassazzjoni, previst fl-Artikolu 13Ċ tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, l-Istati Memrbi jistgħu jagħmlu distinzjoni skond in-natura tat-tranżazzjonijiet jew il-kategoriji ta' persuni taxxabbli bil-kundizzjoni li jirrispettaw l-għanjiet u l-prinċipji ġenerali tas-Sitt Direttiva, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' newtralità fiskali u l-eżiġenza ta' l-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi ta' l-eżenzjonijiet previsti.

2)       Huwa f'idejn il-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk regola nazzjonali li teżenta, b'mod ġenerali, it-tranżazzjonijiet effettwati mill-għaqdiet sportivi li ma jagħmlux profitt, u li tillimita d-dritt ta' dawn li jagħżlu t-tassazzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' kiri, tmurx oltre s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri, fir-rigward, b'mod partikolari, tal-prinċipju ta' newtralità fiskali u ta' l-eżiġenza ta' l-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi ta' l-eżenzjonijiet previsti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.