SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA(it-Tieni Awla)

25 ta' Ottubru 2005 (*)

"Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti nnegozjati barra minn stabbilimenti kummerċjali – Kuntratt ta' self marbut ma' akkwist ta' immobbli nnegozjat permezz ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb – Dritt ta' rinunzja"

Fil-kawża C-229/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Mejju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Ġunju 2004, fil-proċedura

Crailsheimer Volksbank eG

vs

Klaus Conrads,

Frank Schulzke et Petra Schulzke-Lösche,

Joachim Nitschke,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczky, C. Gulmann (Relatur), R. Silva de Lapuerta, u P. Kūris, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Marzu 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Crailsheimer Volksbank eG, minn M. Siegmann u N. Polt, Rechtsanwälte,

–       għas-Sur Conrads, il-konjugi s-Sur Schulzke u s-Sinjura Schulzke-Lösche kif ukoll is-Sur Nitschke, minn E. Ahr u K.-O. Knops, Rechtsanwälte,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Dittrich u C.-D. Quassowski, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn R. Loosli-Surrans, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u H. Kreppel kif ukoll minn S. Gruenheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (85/577/KEE) (ĠU L 372, p. 31, iktar 'il quddiem id-"Direttiva") u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 5(2) tagħha.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' tliet kawżi bejn Crailsheimer Volksbank eG (iktar 'il quddiem il-"bank") u s-sur K. Conrads, il-konjugi F. Schulzke u P. Schulzke-Losche, u s-sur Nitschke respettivament (iktar 'il quddiem, "il-kommodatarji") fir-rigward tar-rinunzja, skond dritt nazzjonali applikabbli dwar bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, kuntratti ta' self iffirmati mill-kommodatarji għand il-bank sabiex jiffinanzjaw l-akkwist ta' immobbli.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Id-Direttiva timmira sabiex toffri lill-konsumaturi ta' l-Istati Membri protezzjoni minima fil-qasam ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, sabiex tipproteġihom kontra l-possibbiltà li tirriżulta miċ-ċirkustanzi li għandhom x'jaqsmu mal-konklużjoni ta' kuntratt barra mil-lok tan-negozju. Ir-raba' u l-ħamest inċiżi tad-Direttiva jipprovdu:

"[...] kuntratti magħmula barra mill-uffiċju tan-negozjant hija li bħala regola huwa n-negozjant li jibda n-negozjati għall-kuntratt, li għalih il-konsumatur ma jkunx lest jew li ma jeskludix; billi ta' spiss il-konsumatur ma jkunx jista' jqabbel il-kwalità ta' l-offerta ma’ offerti oħra; [...]

[…] billi l-konsumatur għandu jingħata d-dritt li jħassar tul perjodu ta' għallanqas sebat ijiem biex ikun jista' jivverifika l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt".

4       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jipprovdi:

"Din id-Direttiva għandha tgħodd għall-kuntratti li taħthom negozjant iforni merkanzija jew servizzi lil konsumatur u li jsiru:

[...]

–      waqt xi żjara minn xi negozjant:

(i)       fid-dar tal-konsumatur jew f'dik ta' xi konsumatur ieħor;

[...]

meta ż-żjara ma ssirx fuq talba espressa tal-konsumatur."

5       L-Artikolu 2 tad-Direttiva jippreċiża:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva

[...]

'negozjant' tfisser persuna naturali jew legali li, għat-tranżazzjoni in kwistjoni, jaġixxi fil-kapaċità kummerċjali jew professjonali tiegħu, u kull persuna li taġixxi f'isem jew għan-negozjant."

6       L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva jipprovdi:

"Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għall-:

a)      kuntratti għall-bini, il-bejgħ u l-kiri ta' proprjetà immobiljari jew kuntratti dwar drittijiet oħra konnessi ma' proprjetà immobiljari.

[…]"

7       L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi kif ġej:

"Fil-każ tat-transazzjonijiet li jaqgħu taħt l-iskop ta' l-Artikolu 1, in-negozjanti jridu jagħtu lill-konsumaturi notifika bil-miktub tad-dritt tagħhom li jħassru [l-kuntratt] fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5, flimkien ma' l-isem u l-indirizz ta' xi persuna li jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt kontriha.

Din in-notifika għandu jkollha d-data fuqha u jrid ikollha fiha dawk id-dettalji li jippermettu li l-kuntratt ikun identifikat. Trid tingħata lill-konsumatur:

a)       fil-każ ta' l-Artikolu 1 (1), fil-ħin li jkun sar il-kuntratt;

[…]

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom tistabilixxi miżuri xierqa ta' protezzjoni għall-konsumatur f'dawk il-kazi meta l-informazzoni msemmija f'dan l-Artikolu ma tingħatax."

8       Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva:

"1.      Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinunżja għall-effetti tal-ftehim tiegħu billi jibgħat avviż fi żmien perijodu ta' mhux anqas minn sebat ijiem minn meta tkun waslet lill-konsumatur in-notifika msemmija fl-Artikolu 4, skond il-proċedura stabilita fil-liġi nazzjonali.

2.      L-għotja ta' l-avviż ikollha l-effett li tħoll lill-konsumatur minn kull obbligazzjoni li ġejja mill-kuntratt imħassar."

9       L-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprovdi:

"Jekk il-konsumatur jeserċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja, l-effetti legali ta' din ir-rinunzja għandhom jiġu rregolati mil-liġijiet nazzjonali, b'mod partikulari għal dak li għandu x'jaqsam mal-ħlas lura ta' flus għall-oġġetti jew għas-servizzi forniti u għar-ritorn ta' l-oġġetti li jkunu riċevuti."

10     L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi hekk:

"Din id-Direttiva ma tipprojibix lill-Istati Membri milli jadottaw jew jiżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu lill-konsumatur fil-qasam li jkopru."

 Il-ġurisprudenza tal-Qorti

11     Bis-sentenza tagħha tat-13 ta' Diċembru 2001, Heininger (C-481/99, Ġabra p. I-9945), il-Qorti interpretat id-Direttiva minn tliet perspettivi.

12     L-ewwel nett hija ddeċidiet li d-Direttiva tapplika għall-kuntratti ta' self bankarju, jiġifieri għall-kuntratti ta' self iddestinati sabiex jiffinanzjaw l-akkwist ta' immobbli. Fil-punt 32 ta' l-imsemmi sentenza, hija ddeċidiet li, anki jekk dan il-kuntratt jirrigwarda dritt relatat ma' immobbli safejn is-self għandu jiġi ggarantit minn ipoteka fuq l-immobbli, dan l-element tal-kuntratt mhuwiex biżżejjed sabiex jikkunsidra li l-imsemmi kuntratt jikkonċerna dritt relatat ma' immobbli fis-sens ta' l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva.

13     Għaldaqstant il-Qorti fakkret li l-konsumatur li kkonkluda kuntratt ta' self bankarju f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb jiddisponi mid-dritt ta' rinunzja msemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva. Hija ppreċiżat, fil-punt 35 ta' l-istess sentenza, li l-konsegwenzi ta' rinunzja eventwali tal-kuntratt ta' self bankarju, li jseħħ skond ir-regoli ta' l-istess Direttiva, fuq il-kuntratt ta' bejgħ ta' l-immobbli u l-għotja ta' ipoteka fuq l-immobbli jirriżultaw mid-dritt nazzjonali.

14     Fl-aħħar, il-Qorti fakkret li l-perijodu ta' sebat ijiem sabiex tiġi eżerċitata r-rinunzja għandu jiġi kkalkolat minn meta l-konsumatur irċieva n-notifika dwar id-dritt tiegħu ta' rinunzja mingħand il-kummerċant. Fil-punt 48 ta' l-imsemmija sentenza Heininger, iċċitata iktar 'il fuq, hija ddeċidiet li d-Direttiva tipprekludi li l-leġiżlatur nazzjonali japplika perijodu ta' sena li jibda jgħodd mill-konklużjoni tal-kuntratt għall-eżerċizzju tad-dritt ta' rinunzja msemmi fl-Artikolu 5 ta' l-imsemmija Direttiva, meta l-konsumatur ma jingħatax in-notifika msemmija fl-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15     Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż b'liġi dwar ir-rinunzja ta' kuntratti nnegozjati permezz ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb u tranżazzjonijiet simili (Gesetz über den Widerruf von Haustürgeschäften und ähnlichen Geschäften), tas-16 ta' Jannar 1986 (BGBl. 1986 I, p. 122, iktar 'il quddiem il-"HWiG").

16     Fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti prinċipali, l-Artikolu 1(1) tal-HWiG jipprovdi:

"Meta l-klijent ikun ġie inkorraġat jagħmel dikjarazzjoni ta' l-intenzjoni tiegħu li jidħol f'kuntratt rigward xi servizz taħt titolu oneruż:

1.      permezz ta' ftehim orali fuq il-post tax-xogħol jew fid-dar privata tiegħu,

[…]

din id-dikjarazzjoni ta' intenzjoni ma jkollhiex effett ħlief fis-sitwazzjoni fejn il-klijent ma rrinunzjax għaliha bil-miktub f'perijodu ta' ġimgħa."

17     L-Artikolu 3 tal-HWiG jipprovdi:

"(1)      F'każ ta' rinunzja, kull parti għandha tirrestitwixxi lill-parti l-oħra s-servizzi rċevuti. Ir-rinunzja mhijiex eskluża bid-deterjorament jew it-telfa ta' l-oġġett jew impossibbiltà oħra li l-oġġett irċevut jiġi restitwit. Jekk il-klijent huwa responsabbli tad-deterjorament, tat-telfa jew ta' l-impossibbiltà oħra, huwa għandu joħroġ id-differenza fil-valur jew fil-valur ta' l-oġġett skond l-opinjoni tal-parti l-oħra fil-kuntratt.

(2)      Jekk il-klijent ma kienx ġie informat skond l-Artikolu 2 u ma kienx ġie informat b'mod ieħor bid-dritt tiegħu ta' rinunzja, huwa mhuwiex meqjus responsabbli tad-deterjorament, tat-telfa u ta' l-impossibbiltà oħra li ma ħax ħsieb bl-attenzjoni li jagħti ssoltu għall-ħwejjeġ tiegħu.

(3)      Rigward it-tmiem ta' l-użu jew l-użu ta' oġġett kif ukoll għas-servizzi l-oħra, il-valur tagħhom sal-mument ta' l-eżerċizzju tad-dritt ta' rinunzja għandu jiġi mħallas lura; it-telfa ta' valur intervenut minħabba l-użu adegwat ta' oġġett jew ta' servizz ieħor m'għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni.

(4)      Il-klijent jista' jeżiġi mill-banda l-oħra l-kumpens ta' l-ispejjeż neċessarji mwettqa għall-oġġett."

18     Il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch) jipprovdi, fl-Artikolu 123 tiegħu, dwar il-kontestazzjoni għal atti ta' frodi u minaċċi:

"1.      Kull min ġie mqarraq b'atti ta' frodi jew b'minaċċi illeċiti sabiex jagħmel dikjarazzjoni ta' intenzjoni, jista' jikkontestaha.

2.      Billi l-att huwa kommess minn terzi, dikjarazzjoni li għandha tingħata lill-persuna oħra ma tistax tiġi kkontestata ħlief jekk din il-persuna kella konoxxenza tal-frodi jew kellha jkollha konoxxenza tiegħu. [...]"

 Il-kawżi prinċipali

19     Fil-bidu tas-snin 1990, kumpannija ta' żvilupp immobbiljari bniet fl-inħawi ta' Stuttgart blokk appartamenti li kellhom jiġu mikrija, b'mod partikolari, lin-nies tan-negozju. Dan il-blokk appartamenti kellu jiġi mmexxi bħala lukanda minn soċjetà mexxejja, li taġixxi bħala kerrejja.

20     L-appartamenti ġew mibjugħa bi koproprjetà lill-individwi, fosthom il-kommodatarji, bħala investiment li jippreżenta vantaġġi fiskali. Il-kumpannija ta' żvilupp immobbiljari għamlet appell sabiex tipprovdi servizzi ta' kumpannija ta' bejgħ imqegħda taħt il-kontroll tagħha li stabbilixxiet "kalendarju" li jinkludi l-fażijiet differenti meħtieġa għall-twettiq ta' l-operazzjoni ta' xiri u tal-finanzjament tagħha. Mill-banda tagħha, din il-kumpannija ta' bejgħ mexxiet l-intervent ta' intermedjarji indipendenti, inkluż l-aġent M. W. (iktar 'il quddiem l-"aġent"), li nnegozja l-akkwisti li huma s-suġġett tal-kawżi prinċipali. Il-finanzjament tax-xiri ta' appartamenti kellu lok fil-parti l-kbira ta' każijiet b'tali mod li l-bank (id-DSL-Bank) ħa fuqu parti mill-ispejjeż ma' ipotekarju ta' l-ewwel kategorija, waqt li l-bank, li kien diġà ffinanzja l-kummerċjant għall-kostruzzjoni ta' l-immobbli, iffinanzja l-bqija ta' l-ispejjeż ma' ipotekarju tat-tieni kategorija.

21     Fit-tliet kawżi prinċipali, il-mod ta' aġir ta' l-aġent ikkonsista filli jitkellem, x'imdaqqiet f'bosta intervalli, mal-kommodatarji fid-dar privata tagħhom sabiex jippreżentahom b' "eżempji ta' kalkolu" u jiġbor informazzjoni personali u elementi fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' talba ta' finanzjament. L-aġent reġa' ġie xi ftit ġimgħat wara sabiex jiffirma l-kuntratti ta' self li kienu ġew abbozzati fl-intervall mill-bank. Fl-istess waqt ta' dawn it-tranżazzjonijiet, il-kuntratti ta' bejgħ immobbiljari ekwivalenti jew ta' prokura li jippermettu li tali kuntratt jiġi mgħoddi ġew ikkonstatati min-nutar.

22     Il-bini tlesta fi Frar 1993. Ħames xhur wara din id-data, il-kumpannija prinċipali waqfet milli tħallas il-kirja u, fil-bidu tas-sena 1994, hija tqiegħdet fi stat ta' falliment. Il-kumpannija ta' żvilupp immobiljari ħalset il-kirja prevista sa' l-aħħar tas-sena 1993 u falliet fl-1995. Ir-rata ta' okkupazzjoni ppjanifikat ma ntlaħqet qatt.

23     Għaldaqstant, id-dħul mill-investiment kien insuffiċjenti. Minħabba restrizzjonijiet li jiffiguraw fid-dikjarazzjoni ta' qsim, fil-prattika l-appartamenti ma kinux immexxija b'mod separat, billi kull użu privat jew kirja individwali kienu esklużi.

24     Il-kommodatarji wkoll waqfu l-pagamenti tagħhom lill-bank.

25     Wara l-kanċellament tal-kuntratti ta' self mill-kommodatarji, il-bank ressaq kawża kontra kull wieħed mill-kommodatarji bl-iskop li jikseb il-ħlas tal-krediti tiegħu kif ukoll l-interessi arretrati.

26     F'dak li jirrigwarda s-Sur Conrads, il-Landgericht Bremen irrefera għat-talba tal-bank b'sentenza ta' l-4 ta' Diċembru 2001.

27     Wara r-rikors ta' Appell ippreżentat minn dan il-kommodatarju kontra l-imsemmija sentenza, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen ipproċeda għall-miżuri istruttorji sabiex jistabbilixxi jekk il-kuntratt ta' self kienx ġie konkluż f'sitwazzjoni ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb. Jirriżulta li l-aġent indirizza ruħhu lill-imsemmi kommodatarju bl-inizjattiva tiegħu stess u ftiehem miegħu fuq il-kontribuzzjoni tiegħu fis-somma globali fiskali f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb. B'sentenza tas-16 ta' Jannar 2003, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen annullat ideċiżjoni tal-Landgericht Bremen u ċaħdet ir-rikors inizjali.

28     Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen iġġustifika din iċ-ċaħda, l-ewwel nett, billi enfasizza l-eżistenza tar-responsabbiltà tal-bank fuq il-fatt li ta' informazzjoni żbaljata fuq il-kontroll ta' l-użu ta' fondi u ta' elementi oħra, it-tieni nett, billi ċaħad id-dritt għar-rimbors tas-self, l-oġġezzjonijiet ippreżentati kontra l-bennej u, it-tielet nett, billi ddeċidiet li r-revoka tal-kuntratt ta' self fir-rigward ta' HWiG kien validu.

29     Fuq dan il-punt, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li din il-kawża tikkonċerna sitwazzjoni ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb. Rigward il-kwistjoni dwar min hu responsabbli għal din is-sitwazzjoni, hija kkwotat u applikat il-prinċipji stabbiliti fuq dan is-suġġett mill-ħdax-il Awla tal-Bundesgerichtshof. Huwa fuq din il-bażi li l-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen akkużat lill-bank, li dwarha hi ġġudikat li kien injora, b'negliġenza, il-każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, billi sostna li ż-żmien qasir ipprovdut mill-aġent kellu jinkoraġġih sabiex jitlob iktar informazzjoni vasta fuq il-possibbiltajiet tan-negozjar tal-kuntratti. Billi rriferiet għall-unità ekonomika bejn ix-xiri u l-finanzjament, il-qorti tar-rinviju rrifjutat li tilqa' t-talba ta' rimbors tal-bank fis-sens ta' l-Artikolu 3 tal-HWiG.

30     Wara r-rikors għal "reviżjoni" magħmul mill-bank, il-Bundesgerichtshof, b'sentenza tas-27 ta' Jannar 2004, annullat is-sentenza tal-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen u rrinvijat il-kawża quddiem din l-istess Qorti sabiex terġa tiddeċiedi.

31     Fir-rigward tas-Sur Schulzke u s-Sinjorina Schulzke-Lösche, il-Landgericht Bremen laqgħet it-talba tal-bank b'deċiżjoni tas-27 ta' Novembru 2001.

32     Meta tressaq appell quddiemha minn dawn il-kommodatarji, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen ipproċediet għas-smigħ ta' xhud. Din il-miżura rrivelat li l-kuntratt ta' self kien ukoll ġie konkluż wara ż-żjara ta' l-aġent fid-dar tal-kommodatarji. L-istanza ġiet sospiża, minħabba r-rikors ta' "Reviżjoni" fil-kawża li tirrigwarda s-Sur Conrads.

33     Fir-rigward tat-talba ta' rimbors tas-self ippreżentata mill-bank kontra s-Sur Nitschke, din ġiet miċħuda mil-Landgericht Bremen. Il-bank appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen.

 Id-domandi preliminari

34     Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen jispjega, preliminarjament, li, wara s-sentenza Heininger, iċċitata iktar 'il fuq, hemm kontroversja fil-Ġermanja bejn l-Awla Numru Ħdax tal-Bundesgerichtshof u serje ta' Qrati inferjuri u superjuri fuq il-konsegwenzi ġuridiċi ta' din is-sentenza.

35     Skond il-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet għad-dritt ta' revoka pprovduti fl-ewwel Artikolu tal-HWiG huma fihom infushom kontroversjali. Hija tindika f'dan ir-rigward li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Bundesgerichtshof, id-dritt ta' revoka ma jiddependix biss mill-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb imma wkoll mill-imputabbiltà ta' din ta' l-aħħar. Din il-ġurisprudenza tirriżulta min-nota ta' raġunijiet annessa mal-HWiG, li fiha huwa rrakkomandat li l-Artikolu 1 ta' din il-liġi jiġi interpretat fuq il-bażi tal-prinċipji ġuridiċi ta' l-Artikolu 123(2) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, jiġifieri li mhuwiex possibbli li l-azzjonijiet ta' frodi ta' terz jiġu imputati lil parti kuntrattwali ħlief jekk dan ta' l-aħħar kien jaf bil-kondotta tat-terz jew kellu jkun jaf bihom. Għaldaqstant, skond il-Bundesgerichtshof, kull persuna li, f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, hija meħuda għal għarrieda u tiġi sfurzata tagħti l-kunsens tagħha għal kuntratt ma għandhiex tiġi ttrattata aħjar mill-vittma ta' frodi. Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen tqis bil-kontra li d-Direttiva ma għandha l-ebda element li jippermetti li d-dritt ta' revoka jiġi limitat b'dan il-mod, għax hija tissuġġetta dan id-dritt biss f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb. L-ewwel domanda tikkonċerna konsegwentement il-kundizzjonijiet li fihom każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb għandu jiġi imputat lis-sellief.

36     Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen tistaqsi wkoll jekk, f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, ir-revoka timplika neċessarjament obbligu ta' rimbors. It-tieni u r-raba' domandi tagħha huma għaldaqstant relatati mal-konsegwenzi ġuridiċi tar-revoka.

37     F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Bundesgerichtshof jitlaq mill-prinċipju li, f'waħda mis-sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kommodatarju għandu jirrimborsa lill-bank l-ammont misluf anki jekk dan l-ammont ġie mħallas direttament lil terz, f'dan il-każ il-kumpannija ta' żvilupp immobbiljari. L-imsemmija Qorti tkompli tgħid li l-Bundesgerichtshof tinterpreta l-Artikolu 3(1)(1) tal-HWiG fis-sens illi, wara r-revoka tas-self, il-kommodatarju għandu jirrimborsa l-ammont tas-self mhux fit-termini stipulati, imma immedjatament u f'somma waħda.

38     Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen tirreferi għat-talba ta' deċiżjoni preliminari tal-Landgericht Bochum fil-kawża Schulte, li tat lok għas-sentenza tal-lum (C-350/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li fiha l-Qorti wkoll ġiet mitluba fuq il-konsegwenzi ġuridiċi tar-revoka ta' kuntratt ta' self bankarju konkluż f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb.

39     Fir-rigward tat-tieni domanda, li, bħat-tielet domanda tal-Landgericht Bochum fil-kawża ċċitata iktar 'il fuq, tirrigwarda l-obbligu ta' rimbors, il-qorti tar-rinviju ssostni li, sabiex iżżomm l-effett utli tad-Direttiva u, b'mod partikolari, ta' l-Artikolu tagħha 5(2), il-kommodatarju mhuwiex tenut li jirrimborsa l-ammont tas-self billi, f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb, mhux biss ġie inkoraġġat sabiex jikkonkludi l-kuntratt ta' self, imma, fl-istess ħin, ġie mħeġġeġ b'mod irreversibbli sabiex jaċċetta li l-ammont ta' self jiġi mħallas lil terzi, bla ma seta' jiddisponi mod ieħor. M'għandux jiġi dedott, minn dan l-ordni mogħti mill-konsumatur li ġie meħud għal għarrieda, l-ebda obbligu ta' rimbors. Fir-rigward tat-tielet u r-raba' domandi tiegħu, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen tindika li huma ekwivalenti għar-raba' domanda tal-Landgericht Bochum fil-kawża Schulte, iċċitata iktar 'il fuq.

40     F'dawn il-ċirkustanzi, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti d-domandi preliminari segwenti:

"1)      Huwa kompatibbli ma' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [...] li d-drittijiet tal-konsumatur, b'mod partikolari d-dritt tiegħu ta' revoka, jiġu suġġetti mhux biss għall-eżistenza ta' każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb fis-sens ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva [...] imma wkoll għall-kundizzjonijiet supplementari, bħall-intervent, fuq inizjativa tan-negozjant, ta' terz fil-konklużjoni tal-kuntratt, jew in-negliġenza tan-negozjant rigward l-aġir ta' terz fil-kuntest tal-bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb?

2)      Huwa kompatibbli ma' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva […] li x-xerrej ta' proprjetà immobbli għandu, f'każ ta' revoka, jirrimborsa l-ammont tas-self ikkuntrattat f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb meta x-xerrej jiddepożita l-ammont in kwistjoni fuq kont li, fil-prattika, ma setgħax jiddisponi minnu?

3)      Huwa kompatibbli ma' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [...] li x-xerrej ta' proprjetà immobbli, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-obbligu ta' rimbors wara revoka min-naħa tiegħu, għandu jirrimborsa s-self mhux fiż-żmien stipulat fil-kuntratt, imma immedjatament u f'somma waħda?

4)      Huwa kompatibbli ma' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva [...] li, f'każ ta' obbligu ta' rimbors wara r-revoka min-naħa tiegħu, ix-xerrej ta' proprjetà immobbli għandu jħallas l-interessi bir-rata tas-suq?

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

41     B'din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk l-ewwel u t-tieni Artikoli tad-Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, billi terz intervjena f'isem u għan-negozjant fin-negozjat jew fil-konklużjoni ta' kuntratt, l-applikazzjoni tad-Direttiva tistax tiġi ssuġġettata mhux biss għall-kundizzjoni li l-kuntratt ġie konkluż f'każ ta' bejgħ imsemmi fl-ewwel Artikolu tad-Direttiva, imma wkoll għal dik li n-negozjant kien jaf jew kellu jkun jaf li l-kuntratt kien ġie konkluż f'dan il-każ.

42     F'dan il-każ biżżejjed jiġi rrilevat li l-impożizzjoni ta' din il-kundizzjoni supplementari ma għandha l-ebda bażi fit-titolu tad-Direttiva. Fil-fatt, l-ewwel Artikolu ta' din ta' l-aħħar jippreċiża li hija tapplika għall-kuntratti konklużi bejn negozjant u konsumatur f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb u, skond l-Artikolu 2 ta' l-istess Direttiva, il-kunċett ta' "negozjant" fis-sens ta' din ta' l-aħħar jinkludi kull persuna li taġixxi f'isem jew għan-negozjant.

43     Barra minn hekk, kieku tali kundizzjoni kellha tiġi ammessa din tkun kontra l-obbjettiv tad-Direttiva li hu li jipproteġi l-konsumatur kontra l-element ta' sorpriża inerenti fil-bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb.

44     Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-punt 43 tas-sentenza tat-22 ta' April 1999, Travel Vac (C-423/97, Ġabra p. I-2195), li tgħid li, sabiex il-konsumatur jibbenefika mid-dritt ta' revoka, biżżejjed li jinsab f'waħda mis-sitwazzjonijiet oġġettivi deskritti fl-ewwel Artikolu ta' l-imsemmija Direttiva u ma hemmx bżonn li jiġi pprovat li ġie influwenzat jew immanipulat min-negozjant.

45     Konsegwentement l-ewwel domanda għandha tiġi mwieġba billi l-ewwel u t-tieni Artikoli tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens illi, billi terz jintervjeni f'isem u għan-negozjant fil-ftehim jew fil-konklużjoni tal-kuntratt, l-applikazzjoni tad-Direttiva ma tistax tiġi ssuġġettata għall-kundizzjoni li n-negozjant kien jaf jew kellu jkun jaf li l-kuntratt kien ġie konkluż f'sitwazzjoni ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb skond l-ewwel Artikolu ta' l-imsemmija Direttiva.

 Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba' domandi

46     B'dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva, u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha, tipprekludix li x-xerrej ta' proprjetà immobbiljari għandu, f'każ ta' revoka, jirrimborsa lis-sellief l-ammont ta' self ikkuntrattat f'każ ta' bejgħ fuq it-tarġa tal-bieb fejn ix-xerrej iddepożita l-imsemmi ammont fuq kont li, fil-prattika, ma setax jiddisponi minnu, u, fil-każ kontrarju, jekk tipprekludix li x-xerrej għandu jirrimborsa s-self mhux barra miż-żmien stipulat fil-kuntratt, imma immedjatament u f'somma waħda bil-pagament ta' l-interessi bir-rata tas-suq.

47     Hekk kif għamlu l-bank, il-kommodatarji, il-Gvernijiet Ġermaniżi u Franċiżi kif ukoll il-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, kif innotat ukoll il-qorti tar-rinviju, it-tieni, tielet u raba' domandi jikkorrispondu essenzjalment għat-tielet u raba' domandi ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Schulte, iċċitata iktar 'il fuq.

48     Għaldaqstant, b'risposta għal dawn id-domandi, il-Qorti ddeċidiet li d-Direttiva, u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha, ma tipprekludix il-fatt li:

–       il-konsumatur li għamel użu mid-dritt tiegħu ta' revoka skond din id-Direttiva għandu jirrimborsa lis-sellief l-ammont ta' self minkejja li, skond il-mekkaniżmu elaborat għall-investiment finanzjarju, is-self iservi esklużivament għall-finanzjament ta' l-akkwist tal-proprjetà immobbli u jiġi mħallas direttament lill-bejjiegħ ta' din il-proprjetà;

–       jiġi mitlub li l-ammont tas-self jiġi rrimborsat immedjatament;

–       leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-obbligu għall-konsumatur, f'każ ta' revoka ta' kuntratt ta' self ipotekarju, mhux biss li jirrimborsa l-ammonti mħallsa ma' dan il-kuntratt, imma anki li jħallas lis-sellief l-interessi applikabbli fuq is-suq.

Madankollu, f'każ fejn, jekk il-bank irrispetta l-obbligu li jinforma l-konsumatur bid-dritt tiegħu ta' revoka, dan ta' l-aħħar seta' jevita milli jesponi ruħu għar-riskji inerenti għall-investimenti bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 4 tad-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipproteġi l-konsumaturi li ma setgħux jevitaw milli jesponu ruħhom għal dawn ir-riskji, bl-adozzjoni ta' miżuri li jevitawlhom li jbatu l-konsegwenzi li dawn ir-riskji jseħħu.

49     Konsegwentement, id-domandi magħmula għandhom jiġu mwieġba f'sens identiku ta' dawk tas-sentenza Schulte, iċċitata iktar 'il fuq, fis-sens illi d-Direttiva, u b'mod partikolari l-artikolu 5 tagħha, ma tipprekludix il-fatt li:

–       il-konsumatur li għamel użu mid-dritt tiegħu ta' revoka skond din id-Direttiva għandu jirrimborsa lis-sellief l-ammont ta' self minkejja li, skond il-mekkaniżmu elaborat għall-investiment finanzjarju, is-self iservi esklużivament għall-finanzjament ta' l-akkwist tal-proprjetà immobbli u jiġi mħallas direttament lill-bejjiegħ ta' din il-proprjetà;

–       jiġi mitlub li l-ammont tas-self jiġi rimborsat immedjatament;

–       leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi l-obbligu għall-konsumatur, f'każ ta' revoka ta' kuntratt ta' self ipotekarju, mhux biss li jirrimborsa l-ammonti mħallsa ma' dan il-kuntratt, imma anki li jħallas lis-sellief l-interessi applikabbli fuq is-suq.

Madankollu, f'każ fejn, jekk il-bank irrispetta l-obbligu li jinforma l-konsumatur bid-dritt tiegħu ta' revoka, dan ta' l-aħħar ikun seta' jevita milli jesponi ruħu għar-riskji inerenti għall-investimenti bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-Artikolu 4 tad-Direttiva jimponi fuq l-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipproteġi l-konsumaturi li ma setgħux jevitaw milli jesponu ruħhom għal dawn ir-riskji, bl-adozzjoni ta' miżuri li jevitawlhom li jbatu l-konsegwenzi tat-twettiq ta' dawn ir-riskji.

 Fuq l-ispejjeż

50     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-ewwel u t-tieni Artikoli tad-Direttiva tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (85/577/KEE), għandhom jiġu interpretati fis-sens illi, meta terz jintervjeni f'isem u għan-negozjant fin-negozjat jew fil-konklużjoni ta' kuntratt, l-applikazzjoni tad-Direttiva ma tistax tiġi ssuġġettata għall-kundizzjoni li n-negozjant kien jaf jew kellu jkun jaf li l-kuntratt kien ġie konkluż f'sitwazzjoni ta' bejgħ imsemmi fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmija Direttiva.

2)      Id-Direttiva 85/577, u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha, ma tipprekludix li:

–       il-konsumatur li għamel użu tad-dritt tiegħu ta' revoka skond din id-Direttiva għandu jirrimborsa lis-sellief l-ammont ta' self minkejja li, skond il-mekkaniżmu elaborat għall-investiment finanzjarju, is-self iservi esklużivament għall-finanzjament ta' l-akkwist tal-proprjetà immobbli u jiġi mħallas direttament lill-bejjiegħ ta' din il-proprjetà;

–       jiġi mitlub li l-ammont tas-self jiġi rrimborsat immedjatament;

–       leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi l-obbligu għall-konsumatur, f'każ ta' revoka ta' kuntratt ta' self ipotekarju, mhux biss li jirrimborsa l-ammonti mħallsa ma' dan il-kuntratt, imma anki li jħallas lis-sellief l-interessi applikabbli fuq is-suq.

Madankollu, f'każ fejn, jekk il-bank irrispetta l-obbligu li jinforma l-konsumatur bid-dritt tiegħu ta' revoka, dan ta' l-aħħar ikun seta' jevita li jesponi ruħu għar-riskji inerenti għall-investimenti bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/577 timponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tipproteġi l-konsumaturi li ma setgħux jevitaw li jesponu ruħhom għal dawn ir-riskji, bl-adozzjoni ta' miżuri li jevitawlhom li jbatu l-konsegwenzi tat-twettiq ta' dawn ir-riskji.


Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.