SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta' Lulju 2006(*)

“Direttiva 1999/70/KE − Klawżoli 1(b) u 5 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien fiss − Kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss suċċessivi fis-settur pubbliku − Kunċetti ta’ ‘kuntratti suċċessivi’ u ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti − Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi − Penalitajiet − Portata ta’ l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”

Fil-kawża C-212/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Monomeles Protodikeio Thessalonikis (il-Greċja), permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' April 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' Mejju 2004, fil-kawża

Konstantinos Adeneler,

Pandora Kosa-Valdirka,

Nikolaos Markou,

Agapi Pantelidou,

Christina Topalidou,

Apostolos Alexopoulos,

Konstantinos Vasiniotis,

Vasiliki Karagianni,

Apostolos Tsitsionis,

Aristeidis Andreou,

Evangelia Vasila,

Kalliopi Peristeri,

Spyridon Sklivanitis,

Dimosthenis Tselefis,

Theopisti Patsidou,

Dimitrios Vogiatsis,

Rousas Voskakis,

Vasileios Giatakis

vs

Ellinikos Organismos Galaktos (ELOG),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen (Relatur), N. Colneric, J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

–       għas-Sur Adeneler u għas-17-il rikorrent l-oħra fil-kawża prinċipali, minn V. Christianos, A. Kazakos u C. Nikoloutsopoulos, dikigori,

–       għall-Ellinikos Organismos Galaktos (ELOG), minn K. Mamelis, P. Tselepidis u I. Tsitouridis, dikigori,

–       għall-Gvern Elleniku, minn A. Samoni-Rantou u E.-M. Mamouna, kif ukoll minn I. Bakopoulos u V. Kyriazopoulos, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli 1 u 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ‘il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż minn KETU, UKIE u ĊEIP (ĠU L 175, p. 43), kif ukoll fuq il-livell ta’ l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi li għandhom il-qrati ta’ l-Istati Membri.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Adeneler u 17-il impjegat oħra, u min kien jimpjegahom, l-Ellenikos Organismos Galaktos (Uffiċċju Elleniku tal-ħalib, iktar ‘il quddiem l-“ELOG”), rigward in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss li kien jorbothom ma' dan ta' l-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Id-Direttiva 1999/70 hija bbażata fuq l-Artikolu 139(2) KE u hija intiża, skond l-Artikolu 1 tagħha, “li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...], konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (KETU, UKIIE u ĊEIP) annessi hawn”.

4       Jirriżulta mit-tielet, is-sitt, is-seba’, it-tlettax sal-ħmistax u s-sbatax-il premessa ta’ l-imsemmija Direttiva kif ukoll mill-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Preambolu u mill-punti 3, 5 sa 8 u 10 tal-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tal-ftehim qafas li:

–       il-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet ta’ l-għejxien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea permezz ta’ approssimazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet waqt li jinżamm it-titjib, fir-rigward ta’ forom partikolari ta’ impjieg ta’ xort’oħra minn impjieg b’kuntratti mingħajr terminu fiss, sabiex jintlaħaq l-aħjar ekwilibriju bejn il-flessibbiltà tal-ħinijiet ta’ xogħol u s-sigurtà tal-ħaddiema.

–       dawn l-objettivi ma jistgħux jitwettqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, b’tali mod li kien ikkunsidrat ġust li tintuża miżura Komunitarja li torbot legalment, żviluppata permezz ta’ kollaborazzjoni fil-qrib ma’ l-imsieħba soċjali rappreżentattivi;

–       il-partijiet għall-ftehim qafas jirrikonoxxu li, minn naħa, il-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu jkunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg, peress illi jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u għat-titjib tax-xogħol tagħhom, imma li, min-naħa l-oħra, il-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss jirrispondu, f’ċerti ċirkustanzi, għall-bżonnijiet kemm ta’ min jimpjega kif ukoll tal-ħaddiema;

–       dan il-ftehim qafas jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet minimi li jirrelataw għax-xogħol ta’ terminu fiss, billi jistabbilixxi, b’mod partikolari, kuntest ġenerali ddestinat sabiex jassigura l-ugwaljanza ta’ trattament għall-ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni kif ukoll sabiex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi, filwaqt li jirreferi għall-Istati Membri u għall-imsieħba soċjali għad-definizzjoni ta’ l-arranġamenti ddettaljati ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija prinċipji u preskrizzjonijiet, sabiex jieħu in kunsiderazzjoni r-realtajiet tas-sitwazzjonijiet speċifiċi nazzjonali, settorjali u staġonali.

–       kien permezz ta’ dan li l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea kkunsidra li l-istrument xieraq għall-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas huwa Direttiva, peress illi hija torbot l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna r-riżultat li għandu jintlaħaq, imma tħallilhom l-għażla tal-forma u tal-mezzi;

–       fir-rigward b’mod aktar partikolari tat-termini użati fil-ftehim qafas, imma li mhumiex definiti fih b’mod speċifiku, id-Direttiva 1999/70 tippermetti lill-Istati Membri li jippreċiżawhom skond id-dritt u/jew il-prattiċi nazzjonali, bil-kundizzjoni li huma jirrispettaw il-ftehim qafas;

–       skond il-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas, l-użu tal-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss bbażati fuq raġunijiet oġġettivi, jikkostitwixxi mezz ta’ prevenzjoni ta’ l-abbuż għad-dannu tal-ħaddiema.

5       Skond il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, “l-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

a)      li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)      li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss”.

6       Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“1.      Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jipprovdu li dan il-ftehim ma japplikax għal:

a)      relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprendistat tal-bidu;

b)      kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku u ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid.”

7       Il-klawżola 3 ta’ l-istess ftehim qafas tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem

1.      “ħaddiem għal terminu fiss” ifisser persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kundizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

2.      “ħaddiem kumparabbli permanenti” ifisser ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet.

8       Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“1.      Sabiex jiġi pprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal termini fissi, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

c)      in-numru ta’ tiġdid ta’dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

9       Il-klawżola 8 tal-ftehim qafas tipprovdi:

“1.      L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal ħaddiema milli kif stabbilit f’dan il-ftehim.

[...]

3.      L-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim m’għandhiex tikkostitwixxi bażijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-ftehim.

[...]”

10     Skond l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-10 ta’ Lulju 2001, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill-inqas, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il-ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

L-Istati Membri għandhom massimu ta’ sena oħra, jekk neċessarju, u wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali, biex jieħdu kont tad-diffikultajiet speċjali jew implementazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih b’dawn iċ-ċirkustanzi.”

11     L-Artikolu 3 ta’ l-istess Direttiva jipprovdi:

"Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     Skond l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Gvern Elleniku informa lil din l-istituzzjoni li huwa kellu l-intenzjoni li jagħmel użu mill-fakultà, prevista fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, għall-finijiet li jiddisponi minn terminu addizzjonali għall-bżonnijiet ta’ l-adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, fejn dan it-terminu kien jiskadi biss fl-10 ta’ Lulju 2002 minħabba din il-proroga.

13     It-traspożizzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva fis-sistema legali Ellenika saret matul ix-xahar ta’ April tas-sena 2003.

14     Fil-fatt, id-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003, rigward dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħaddiema reklutati fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss (FEK A’ 77/2.4.2003), li jikkostitwixxi l-ewwel miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, daħal fis-seħħ fit-2 ta’ April 2003.

15     L-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmi digriet jippreċiża li dan huwa “applikabbli għal ħaddiema impjegati fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal terminu fiss”.

16     Sussegwentement, skond l-Artikolu 1 tad-Digriet Presidenzjali Nru 180/2004 (FEK A’ 160/23.8.2004), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 2004, l-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmi Digriet Presidenzjali ġie mibdul bit-test segwenti:

“Dan id-Digriet Presidenzjali huwa applikabbli għall-ħaddiema impjegati fis-settur privat fuq il-bażi ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal terminu fiss [...]”

17     Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 5 tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003, intitolat “Dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ħaddiema u ta’ prevenzjoni tal-frodi konta l-liġi għad-dannu tagħhom” kien jipprovdi:

“1.      It-tiġdid mingħajr limitu tal-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss huwa leċitu meta huwa ġġustifikat minn raġuni oġġettiva.

a)      Din ir-raġuni oġġettiva teżisti b’mod partikolari fil-każijiet segwenti:

[...] Meta l-konklużjoni ta’ kuntratt għal terminu fiss huwa impost minn dispożizzjoni ta’ liġi jew ta’ regolament [...]

b)      Salv għal meta l-ħaddiem irressaq prova kuntrarja, l-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva hija preżunta fis-setturi ta’ attività fejn din teżisti minħabba n-natura tagħhom jew tax-xogħol li jsir [...]

[...]

3.      Meta, mingħajr ma tiġġustifikah waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, it-tul ta’ żmien totali tas-suċċessjoni ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss jaqbeż sentejn, għandu jiġi preżunt li dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol huma intiżi sabiex ikopru bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ l-impriża jew ta’ l-ażjenda, b’tali mod li jinbidlu f'kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indefinit. Jekk, matul is-sentejn imsemmija iktar ‘il fuq, ikun hemm aktar minn tliet każijiet ta' tiġdid suċċessivi, skond il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, mingħajr ma jkunu ġġustifikati minn ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandu jiġi preżunt li dawn il-każijiet ta' tiġdid huma intiżi sabiex ikopru l-bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ l-impriża jew ta’ l-ażjenda, b’tali mod li l-kuntratti korrispondenti jinbidlu f’kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indefinit.

F’kull wieħed minn dawn il-każijiet li jidhru, l-oneru tal-prova kuntrarja jaqa’ fuq il-persuna li timpjega.

4.      Għandhom jiġu kkunsidrati bħala ‘suċċessivi’ il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss, konklużi bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess ħaddiem, għall-istess kundizzjonijiet jew għal kundizzjonijiet analogi, meta dawn mhumiex separati minn perijodu akbar minn 20 ġurnata ta’ xogħol.

5.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma applikabbli għall-kuntratti jew għat-tiġdid ta’ kuntratti jew għal relazzjonijiet ta’ xogħol konklużi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet.”

18     Wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 180/2001, l-imsemmi Artikolu 5 jipprovdi:

“1.      It-tiġdid mingħajr limitu tal-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss huwa leċitu meta huwa ġġustifikat minħabba raġuni oġġettiva. Tali raġuni oġġettiva teżisti b’mod partikolari:

meta t-tiġdid huwa ġġustifikat minħabba l-forma, in-natura jew l-attività ta’ min jimpjega jew ta’ l-impriża jew minħabba raġunijiet jew rekwiżiti speċjali, safejn dawn iċ-ċirkustanzi joħorġu direttament jew indirettament mill-kuntratt ikkonċernat, per eżempju f’każ ta’ tibdil temporanju tal-ħaddiem, ta’ l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet provviżorji, ta’ żieda temporanja ta’ xogħol jew meta t-tul ta’ żmien limitat huwa marbut ma’ l-edukazzjoni jew mat-taħriġ, meta t-tiġdid tal-kuntratt għandu bħala għan li jiffaċilita l-passaġġ tal-ħaddiem għal impjieg analogu jew li jagħmel xi xogħlijiet jew programm preċiż jew meta huwa marbut ma’ avveniment preċiż [...]

[...]

3.      Meta t-tul ta’ żmien totali tas-suċċessjoni ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss jaqbeż sentejn, għandu jiġi preżunt li dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’xogħol huma ntiżi sabiex ikopru bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ l-impriża jew ta’ l-ażjenda, b’tali mod li jinbidlu f’kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indefinit. Jekk, matul is-sentejn imsemmija iktar ‘il quddiem, ikun hemm aktar minn tlitt tiġdid suċċssivi, skond il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, għandu jiġi preżunt li dan it-tiġdiid huwa ntiż sabiex ikopri bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ l-impriża jew ta’ l-ażjenda, b’tali mod li l-kuntratti korrispondenti jinbidlu f’kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indefinit.

F’kull wieħed minn dawn il-każijiet, l-oneru tal-prova kuntrarja taqa’ fuq il-persuna li timpjega.

4.      Għandhom jiġu kkunsidrati bħala ‘suċċessivi’ il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss konklużi bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess ħaddiem, għal kundizzjonijiet identiċi jew analogi, għal intervalli li ma jaqbżux ħamsa u erbgħin ġurnata, kemm jekk huma ġranet ta’ xogħol jew le.

Jekk dan huwa grupp, wieħed ifisser ukoll bħala ‘l-istess persuna li timpjega’ għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tas-sub-paragrafu preċedenti, l-impriżi ta’ l-imsemmi grupp.

5.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu huma applikabbli għall-kuntratti jew għat-tiġdid ta’ kuntratti jew għal relazzjonijiet ta’ xogħol konklużi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet.”

19     L-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 2190/1994, dwar il-ħolqien ta’ awtorità indipendenti inkarigata li tagħżel il-persunal u li tirregola l-kwistjonijiet amministrattivi (FEK A’ 28/3.3.1994), jipprovdi:

“1.      Is-servizzi pubbliċi u l-persuni ġuridiċi [...] jistgħu jimpjegaw persunal fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol ta’ dritt privat għal terminu fiss sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet staġonali jew mal-bżonnijiet perijodiċi jew temporanji oħra, fil-kundizzjonijiet u skond il-proċedura prevista iktar ‘il quddiem.

2.      It-tul ta’ żmien ta’ impjieg tal-persunal imsemmi fil-paragrafu 1 ma jistax jaqbeż tmien xhur matul perijodu totali ta’ tnax il-xahar. Meta persunal huwa reklutat temporanjament sabiex jintlaħqu, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, bżonnijiet urġenti, minħabba n-nuqqas tal-persunal jew impjiegi vakanti, it-tul ta’ żmien ta’ impijeg ma jistax jaqbeż erba’ xhur għall-istess persuna. Il-proroga ta’ kuntratt jew il-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid matul l-istess sena kif ukoll it-tibdil fi kuntratt għal żmien indefinit huma nulli.”

20     Id-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, dwar dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħaddiema reklutati fuq il-bażi ta’ kuntratti għal terminu fiss fis-settur pubbliku (FEK A’ 134/19.7.2004), kien ittraspona d-Direttiva 1999/70 fil-leġiżlazzjoni Ellenika applikabbli għall-persunal ta’ l-Istat u tas-settur pubbliku f’sens wiesa'. Dan daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2004.

21     Skond l-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmi Digriet Presidenzjali:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet huma applikabbli għall-persunal tas-settur pubbliku [...] kif ukoll għall-persunal ta’ l-impriżi komunali u muniċipali impjegat fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal terminu fiss jew fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ impriża jew ta’ kull forma oħra ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol li taħbi rabta ta’ subordinazzjoni.”

22     L-Artikolu 5 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet segwenti:

“1.      Huma projbiti l-kuntratti suċċessivi konklużi u eżegwiti bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess ħaddiem, fi speċjalità professjonali identika jew analoga u taħt kundizzjonijiet ta’ xogħol identiċi jew analogi, għal intervalli inferjuri għal tliet xhur.

2.      Bħala eċċezzjoni, il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti hija leċita meta hija ġġustifikata minħabba raġuni oġġettiva. Ikun hemm raġuni oġġettiva meta l-kuntratti li jsegwu l-kuntratt inizjali huma konklużi sabiex jirrispondu għall-bżonnijiet partikolari ta’ l-istess tip direttament jew indirettament konnessi mal-forma, man-natura jew ma’ l-attività ta’ l-impriża.

[...]

4.      Fl-ebda każ m’għandu jkun hemm aktar minn tliet kuntratti suċċessivi [...]”

23     L-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jinkludi d-dispożizzjonijiet transitorji segwenti:

“1.      Bil-kundizzjoni li jkunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet u li wkoll ikunu applikabbli fil-mument ta’ dan id-dħul fis-seħħ, il-kuntratti suċċessivi skond l-Artikolu 5(1) huma minn issa mibdula f'kuntratti ta’ xogħol għal żmien indefinit jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi indikati hawn taħt huma sodisfatti:

a)      it-tul ta’ żmien totali tal-kuntratti suċċessivi huwa ugwali għal 24 xahar għall-anqas qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet, indipendentement minn-numru ta’ tiġdid, jew jeżistu 3 każijiet ta' tiġdid għall-anqas wara l-kuntratt inizjali skond l-Artikolu 5(1) [ta’ dan id-Digriet] flimkien ma’ tul ta’ żmien totali ta’ impjieg ta’ 18-il xahar għall-anqas f'perijodu ta’ 24 xahar li jibdew jgħoddu mill-kuntratt inizjali;

b)      it-tul ta’ żmien totali ta’ impjieg imsemmi f’(a) għandu jsir ma’ l-istess istituzzjoni, fl-istess kwalità jew fi kwalità analoga, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal fil-kuntratt ta’ xogħol inizjali, jew taħt kundizzjonijiet analogi [...];

c)      il-kuntratt għandu jkollu bħala għan attivitajiet li jirrelataw direttament u immedjatament għal bżonnijiet permanenti u fit-tul ta’ l-istituzzjoni in kwistjoni, kif dawn il-bżonnijiet huma definiti skond l-interess pubbliku li tagħha din l-istituzzjoni għandha r-responsabbiltà;

d)      it-tul ta’ żmien totali ta’ impjieg skond ma ntqal iktar ‘il fuq għandu jsir f’sistema full time jew part time u x-xogħlijiet effettwati għandhom ikunu identiċi u analogi għal dawk indikati fil-kuntratt inizjali [...]

4.      Huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu l-ħaddiema tas-settur pubbliku [...] kif ukoll il-ħaddiema ta’ l-impriżi muniċipali [...]

5.      Huma wkoll suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu l-kuntratti li kienu skadew matul it-tliet xhur li kienu ppreċedew id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet; dawn il-kuntratti huma kkunsidrati bħala kuntratti suċċessivi li baqgħu applikabbli sad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet. Il-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi sodisfatta fid-data ta’ skadenza tal-kuntratt.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24     Jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jeżerċitaw il-professjonijiet ta’ persuni inkarigati mit-teħid ta’ kampjuni, segretarji, tekniċi u veterinarji, kienu kkonkludew, sa mix-xahar ta’ Mejju 2001 u qabel id-data finali li fiha d-Direttiva 1999/70 kellha tiġi trasposta fis-sistema legali Ellenika, jiġifieri l-10 ta’ Lulju 2002, ma’ l-ELOG, persuna ġuridika ta’ dritt privat li taqa’ taħt is-servizz pubbliku stabbilit f'Tessalonika, bosta kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi, fejn dawn ta’ l-aħħar kienu waslu fit-tmiem bejn ix-xhur ta’ Ġunju u ta’ Settembru tas-sena 2003 mingħajr ma ġew imġedda (iktar ‘il quddiem il-“kuntratti in kwistjoni”). Kull wieħed minn dawn il-kuntratti, kemm il-kuntratt inizjali kif ukoll il-kuntratti suċċessivi, kien ġie konkluż għal terminu ta’ 8 xhur u l-kuntratti differenti kienu separati minn terminu ta’ żmien varjabbli, bejn minimu ta’ 22 ġurnata sa massimu ta’ 10 xhur u 26 ġurnata. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kull darba kienu ġew impjegati mill-ġdid sabiex jokkupaw l-istess post ta’ xogħol bħal dak li għalih il-kuntratt inizjali kien ġie konkluż. Il-ħaddiema kkonċernati kollha kellhom tali kuntratt għal terminu fiss fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003.

25     Sa min-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, il-persuni kkonċernati huma jew mingħajr xogħol, jew impjegati provviżorjament mill-ELOG sussegwentement għal deċiżjonijiet tal-qrati bi proċedura sommarja.

26     B’hekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors quddiem il-Monomeles Protodikeio Thessalonikis sabiex jikkonstata li l-kuntratti in kwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala kuntratti ta’ xogħol għal żmien indefinit, skond il-ftehim qafas. Għal dan il-għan, huma jsostnu li huma kienu pprovdew lill-ELOG servizzi regolari li jikkorrispondu għal “bżonnijiet permanenti u fit-tul”, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’tali mod li l-konklużjoni suċċessiva ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss mal-persuna li kienet timpjegahom kienet abbużiva, li ebda raġuni oġġettiva ma kienet tiġġustifika l-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 2190/1994, li r-relazzjonijiet ta’ impjieg in kwistjoni jinbidlu f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indefinit.

27     Skond il-qorti tar-rinviju, tali rikwalifikazzjoni tal-kuntratti in kwistjoni tikkostitwixxi l-aspett preliminari meħtieġ għad-deċiżjoni li tikkonċerna allegazzjonijiet oħra tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħar-rintegrazzjoni tagħhom u l-ħlas ta’ arretrati tas-salarji tagħhom.

28     Filwaqt li tosserva li l-klawżola 5 tal-ftehim qafas tikkonferixxi lill-Istati Membri marġni wiesa' ta’ evalwazzjoni għat-traspożizzjoni tagħha fis-sistema legali interna tagħhom u li m’għandhiex natura suffiċjentement preċiża u inkundizzjonali sabiex tipproduċi effett dirett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi l-ewwel nett sa minn liema data, f’każ ta’ traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 1999/70, id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat skond din ta’ l-aħħar. Hija taħseb f’bosta dati f’dan ir-rigward, bħal dik tal-pubblikazzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li tikkorrispondi għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, dik ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni u dik tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003.

29     Hija sussegwentement tistaqsi fuq il-portata tal-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” skond il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, li jistgħu jiġġustifikaw it-tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss, b’kunsiderazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1)(a) tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003 li jippermetti t-tiġdid mingħajr limitu tal-kuntratt ta’ xogħol għal terminu fiss b’mod partikolari meta dan huwa impost minn dispożizzjoni legali jew regolamentari.

30     Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-kundizzjonijiet tat-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss, kif jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 5(3) u (4) tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003 huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u effettività tad-Direttiva 1999/70.

31     Fl-aħħar nett, wara li kkonstatat li l-użu, fil-prattika, ta' l-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 2190/1994 sabiex iservi ta’ bażi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol ta’ dritt privat għal terminu fiss, filwaqt li dawn il-kuntratti għandhom bħala skop li jkopru “bżonnijiet permanenti u fit-tul”, huwa abbużiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’tali ipoteżi, il-projbizzjoni li l-kuntratti konklużi għal terminu fiss jinbidlu f'kuntratti għal żmien indefinit, imsemmija fl-aħħar frażi ta’ l-imsemmi Artikolu 21(2), ma taffettwax ħażin l-effettività tad-dritt Komunitajru u jekk hija konformi għall-objettiv imsemmi fil-klawżola 1(b) tal-ftehim qafas, li huwa intiż sabiex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta' suċċessjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss.

32     Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Monomeles Protodikeio Thessalonikis iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-verżjoni tagħhom kif emendati minn deċiżjoni tal-Monomeles Protodikeio Thessalonikis tal-5 ta’ Lulju 2004:

“1)      Il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha – sakemm dan huwa possibbli – b’mod konformi għal Direttiva trasposta tardivament fis-sistema legali interna

a)      sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva jew

b)      sa mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni li ma kienx ġie rrispettat jew

c)      sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni?

2)      Il-klawżola 5, [punt] 1(a) tal-ftehim qafas [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li s-sempliċi fatt li l-konklużjoni ta’ kuntratt għal terminu fiss hija imposta minn dispożizzjoni legali jew regolamentari jista’ jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika t-tiġdid suċċessiv jew il-konklużjoni ta’ tali kuntratti, bħar-raġunijiet marbuta man-natura, mat-tip u mal-karatteristiċi ta’ xogħol effettwat jew minħabba raġunijiet simili oħra?

3)      a)     Dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 5(4) tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003, li skond dan għandhom jiġu kkunsidrati bħala kuntratti suċċessivi l-kuntratti konklużi bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess ħaddiem meta dawn huma kkaratterizzati minn kundizzjonijiet ta’ xogħol identiċi jew simili u li t-terminu ta’ żmien li jisseparahom mhuwiex aktar minn għoxrin ġurnata, hija kompatibbli mal-klawżola 5 [punti] 1 u 2 tal-ftehim qafas [...]?

b)      Il-klawżola 5, [punti] 1 u 2 tal-ftehim qafas [...] tista’ tiġi interpretata fis-sens li r-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-ħaddiem u min jimpjegah mhijiex preżunta li hija għal żmien indefinit ħlief jekk il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 5(4) tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003 hija sodisfatta?

4)      Il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 2190/1994 li kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi jinbidlu fi kuntratt għal żmien indefinit, bħala prinċipju konklużi sabiex ikopru bżonnijiet eċċezzjonali jew staġonali tal-persuna li timpjega, imma fil-fatt sabiex ikopru bżonnijiet permanenti u fit-tul, hija konformi mal-prinċipju ta’ l-effettività tad-dritt Komunitarju u l-għan tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-klawżola 5, [punti] 1 u 2, u tal-klawżola 1 tal-ftehim qafas [...]?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

33     Il-Kummissjoni, mingħajr ma espliċitament tqajjem l-inammissibbiltà ta’ l-ewwel domanda, tikkunsidra li r-rilevanza tagħha għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali mhijiex evidenti. Hija tibbaża d-dubji tagħha f’dan ir-rigward fuq iċ-ċirkustanza li l-kuntratti in kwistjoni ma kinux skadew ħlief wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003, iddestinat preċiżament sabiex jimplementa d-Direttiva 1999/70 fis-sistema legali Ellenika. Għaldaqstant, ir-raġuni li għaliha il-qorti ta’ rinviju tressaq il-kwistjoni ta’ l-obbligu, li kien diġà waqa’ fuqha f’data preċedenti għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, li tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’mod konformi magħha, mhijiex ċara.

34     Inkwantu għall-Gvern Elleniku, huwa jiddubita mir-rilevanza tat-tieni u t-tielet domandi għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

35     F’dan ir-rigward huwa josserva li, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003, kif emendat mid-Digriet Presidenzjali Nru 180/2004, id-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel ta’ dawn iż-żewġ digrieti ma kinux applikabbli ħlief għall-ħaddiema impjegati fis-settur privat u marbuta mal-persuna li timpjegahom permezz ta' kuntratt għal terminu fiss.

36     Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-persunal ta’ l-Istat u tas-settur pubbliku f’sens wiesa', it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 kellha ssir mid-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004. Madankollu, b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan id-Digiret, dan kien irregolarizza l-konsegwenzi li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tardiva ta’ din id-Direttiva.

37     Fil-fatt l-Artikolu 11 ibiddel il-kuntratti ta’ xogħol suċċessivi konlużi ma’ l-aġenti tas-settur pubbliku fix-xahar ta’ Lulju 2002 – li jikkostitwixxi t-terminu finali ffissat għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 -, f'kuntratti għal żmien indefinit, bil-kundizzjoni li dawn il-kuntratti kienu validi fid-19 ta’ Lulju 2004, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, jew li kienu skadew matul it-tliet xhur qabel din id-data.

38     Konsegwentement, it-tieni u t-tielet domandi, li kienu ġew ippreżentati b’referenza għad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003, kienu mingħajr skop sa mid-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, peress illi l-ewwel minn dawn iż-żewġ digrieti kien inapplikabbli għall-kawża prinċipali. Minbarra dan, 9 mit-18-il rikorrent fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba għat-tbiddil tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom f'kuntratti għal żmien indefinit, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 234 KE, meta titqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tat-Trattat KE jew ta’ leġiżlazzjoni sekondarja adottata mill-istituzzjonijiet tal-Komunità quddiem qorti ta’ Stat Membru, din ta’ l-aħħar tista’, jew, jekk ikun il-każ, għandha, jekk tqis li deċiżjoni hija neċessarja sabiex tkun tista’ tagħti sentenza, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 22, u tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981, punt 33).

40     Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha l-ewwel waħda tipprovdi lit-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitajru li huma jkollhom bżonn għas-soluzzjoni tal-kawżi li huma jridu jiddeċiedu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41     Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-qorti nazzjonali li quddiemha hija mressqa l-kawża, li hija biss għandha konoxxenza diretta tal-fatti li wasslu għal kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni li għandha tingħata, hija, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, l-aħjar li tista’ tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress illi dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati Schmidberger, punt 31, kif ukoll Mangold, punti 34 u 35).

42     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, bil-għan li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża tressqet quddiemha mill-qorti nazzjonali. Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jkun hemm f’rinviju preliminari jinvolvi li, min-naħa tagħha, l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Mangold, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43     Hija b’kunsiderazzjoni għal din il-funzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma tistax tagħti deċiżjoni fir-rigward ta’ domanda preliminari mqajma quddiem qorti nazzjonali meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju m’għandha ebda rapport mar-realtà jew ma’ l-għan tal-kawża prinċipali (ara sentenza Mangold, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37).

44     F’din il-kawża, għandu madankollu jiġi kkonstatat li ma jidhirx b’mod manifest li d-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju jaqgħu taħt każ bħal dan.

45     Għaldaqstant, fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dubji espressi mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna r-rilevanza ta’ l-ewwel domanda, jirriżulta mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li, għal numru mhux ta’ importanza żgħira ta’ rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-ewwel kuntratt ta’ xogħol ta’ 8 xhur kien ġie konkluż minn dawn ta’ l-aħħar ma’ l-ELOG qabel l-10 ta’ Lulju 2002, li kienet id-data finali ffissata għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, jiġifieri qabel l-10 ta’ Lulju 2001, data normalment prevista għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva fis-sistemi legali ta’ l-Istati Membri. Barra minn hekk jirriżulta mill-imsemmi proċess li, għal uħud fosthom, il-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss sussegwentement konklużi ma’ l-istess persuna li kienet impjegathom kienu saru 22 ġurnata biss wara l-iskadenza tal-kuntratt preċedenti.

46     Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippresupponi li r-Repubblika Ellenika kienet irrispettat il-formalitajiet rekwiżiti sabiex validament tagħmel użu mill-fakultà ta’ proroga sa l-10 ta’ Lulju 2002 tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, din id-dispożizzjoni f’kull każ kienet saret tardivament, kif il-Gvern Elleniku stess irrikonoxxa, minħabba li l-ewwel miżura ta’ implementazzjoni ma daħlitx fis-seħħ f’dan l-Istat Membru ħlief matul ix-xahar ta’ April 2003 (ara punti 13 u 14 ta’ din is-sentenza). Barra minn hekk, l-ewwel domanda hija b’mod ċar imressqa b’kunsiderazzjoni ta’ tali traspożizzjoni tardiva ta’ l-imsemmija Direttiva fis-sistema ġuridika nazzjonali. Minbarra dan, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003 ma japplikawx ħlief għal kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet.

47     F’dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju hija ġġustifikata li tistaqsi dwar liema hija d-data li minnha l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt intern fir-rigward ta’ Direttiva jaqa’ fuq il-qrati ta’ l-Istati Membri u, b’mod partikolari, jekk tali obbligu jeżisti sa mid-dħul fis-seħħ tagħha jew, għall-anqas, sa mill-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jeffettwaw it-traspożizzjoni tagħha.

48     Madankollu, il-kwistjoni dwar il-portata ta’ l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi li taqa’ fuq il-qrati nazzjonali ma tistax tiġi effettivament eżaminata ħlief jekk ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lil waħda jew għal bosta mid-domandi l-oħra mressqa tista’ twassal lill-qorti tar-rinviju sabiex teżamina l-konformità ta’ norma tad-dritt intern mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, l-ewwel domanda għandha, fil-każ in eżami, tiġi eżaminata fl-aħħar lok.

49     Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna t-tieni u t-tielet domandi, għandu jiġi rilevat li l-punt dwar liema mid-Digrieti Presidenzjali Nru 81/2003, 164/2004 u 180/2001 japplika għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandu jiġi ttrattat quddiem il-qorti tar-rinviju u hija biss din ta’ l-aħħar li għandha tiddeċiedi fuq dan il-punt.

50     Minbarra dan, mhuwiex ikkontestat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali mhumiex kollha fil-pożizzjoni li jgawdu mid-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fil-leġiżlazzjoni adottata fl-2004 mir-Repubblika Ellenika sabiex tirregola speċifikatament is-settur pubbliku.

51     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ma jistax validament jiġi sostnut li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mitluba tiddeċiedi fuq kwistjonijiet li mhumiex rilevanti fir-rigward tad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba li tagħti.

52     Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ rinviju kif ukoll il-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti nazzjonali ma jinkludu ebda element ta’ natura li jqiegħed fid-dubju in-natura reali tal-kawża prinċipali u l-evalwazzjoni magħmula minn din ta’ l-aħħar fuq in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari li tippermettilha li tiddeċiedi din il-kawża b’kunsiderazzjoni tar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula.

53     Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

54     Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi mressqa, għandu l-ewwel nett jiġi ppreċiżat li d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas għandhom jiġu applikati wkoll għall-kuntratti u relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss konklużi ma’ l-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra tas-settur pubbliku.

55     Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ atti ma fihom ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi dedott li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għall-kuntratti għal terminu fiss konklużi mill-ħaddiema mal-persuni li jimpjegawhom tas-settur privat biss.

56     Għall-kuntrarju, minn naħa, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa maħsub b’mod wiesa', billi huwa intiż b’mod ġenerali għal “ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol definit mil-leġiżlazzjoni, il-ftehim kollettivi jew il-prattiċi fis-seħħ f’kull Stat Membru”. Minbarra dan, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal terminu fiss” skond il-ftehim qafas, mogħtija fil-klawżola 3(1) tiegħu, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skond il-karatteristika pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbutin.

57     Min-naħa l-oħra, il-klawżola 2(2) ta’ l-istess ftehim qafas, li ma tipprevedix l-esklużjoni tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss konklużi ma’ persuna pubblika li timpjega, tillimita ruħha sabiex tagħti lill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali l-fakultà li jneħħu mill-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas ir-“relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprentistat tal-bidu” kif ukoll il-kuntratti u relazzjonijiet ta’ xogħol “konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ ta[' l-awtoritajiet] pubbli[ċi] ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid”.

 Fuq it-tieni domanda

58     Din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” li, skond il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, jiġġustifika t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi.

59     F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod aktar partikolari jekk, bħal fil-każ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tinsab fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003, fil-verżjoni inizjali tagħha, l-unika ċirkustanza li l-konklużjoni ta’ kuntratt għal terminu fiss hija imposta minn dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari ta’ Stat Membru tista’ tikkostitwixxi tali raġuni oġġettiva.

60     Peress illi dan il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” mhuwiex definit mill-ftehim qafas, is-sens u l-portata tiegħu għandhom jiġu ddeterminati fil-funzjoni ta’ l-għan imfittex minnu kif ukoll mill-kuntest li fih jinsab l-imsemmija klawsola 5(1)(a) (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-323/03, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 23).

61     F’dan ir-rigward, il-ftehim qafas jitlaq mill-premessa li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indefinit jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, filwaqt li jirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss huma karatteristika ta’ l-impjieg f’ċerti setturi jew għal ċerti okkupazzjonijiet u attivitajiet (ara punti 6 u 8 tal-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tal-ftehim qafas).

62     Konsegwentement, il-benefiċċju ta’ l-istabbiltà ta’ l-impjieg huwa maħsub bħala element importanti fil-protezzjoni tal-ħaddiema (ara sentenza Mangold, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 64) filwaqt li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss jistgħu jirrispondu għall-bżonnijiet kemm tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema (ara t-tieni subparagrafu tal-Preambolu u punt 8 tal-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tal-ftehim qafas).

63     Minn dan il-lat, il-ftehim qafas huwa intiż sabiex ikopri r-rikors suċċessiv għal din l-aħħar kategorija ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, ikkunsidrata bħala kawża potenzjali ta’ abbuż għad-dannu tal-ħaddiema, filwaqt li jipprovdi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet protettivi minimi ddestinati sabiex jevitaw il-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-persuni impjegati.

64     Għaldaqstant, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas tipprova speċifikatament sabiex “jiġi pprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal termini fissi”.

65     Għal dan il-għan, l-imsemmija klawżola timponi lill-Istati Membri l-obbligu li jintroduċu fis-sistema legal tagħhom waħda jew bosta mill-miżuri elenkati fil-punt 1(a) sa (c) tagħha meta ma jkunux diġà jeżistu fl-Istat Membru kkonċernat dispożizzjonijiet legali ekwivalenti ddestinati sabiex jipprevjenu b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi.

66     Fost l-imsemmija miżuri, il-klawżola 5(1)(a) tipprovdi r-“raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet”.

67     Il-partijiet firmatarji tal-ftehim qafas fil-fatt ikkunsidraw li l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss fondat fuq raġunijiet oġġettivi huwa mezz ta’ prevenzjoni ta’ l-abbużi (ara punt 7 tal-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tal-ftehim qafas).

68     Huwa veru li l-ftehim qafas iħalli f'idejn l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali d-definizzjoni ta’ l-arranġamenti ddettaljati ta’ applikazzjoni tal-prinċipji u preskrizzjonijiet li huwa jsemmi, għall-finijiet li jiggarantixxi l-konformità tagħhom mad-dritt u/jew il-prattiċi nazzjonali u li jassigura li jiġu debitament ikkunsidrati l-partikolaritajiet tas-sitwazzjonijiet konkreti (ara punt 10 tal-Kunsiderazzjonijiet Ġenerali tal-ftehim qafas). Jekk l-Istati Membri għaldaqstant jibbenefikaw minn marġni ta’ evalwazzjoni f’dan il-qasam, xorta jibqa’ l-fatt li huma għandhom l-obbligu li jiggarantixxu r-riżultat impost mid-dritt Komunitarju kif ukoll dak li jirriżulta mhux biss mit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, imma wkoll ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, li għandu jinqara fid-dawl tas-sbatax-il premessa tagħha.

69     F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” skond il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas għandu jinftiehem bħala li huwa intiż għaċ-ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi.

70     Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari min-natura partikolari tax-xogħlijiet li għat-twettiq tagħhom xi kuntratti kienu ġew konklużi u karatteristiċi inerenti tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta' objettiv leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru.

71     Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt, permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta' kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti kif ippreċiżati fiż-żewġ punti preċedenti.

72     Fil-fatt, tali dispożizzjoni, ta’ natura purament formali u li ma tiġġustifikax b’mod speċifiku l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi minħabba l-eżistenza ta’ fatturi oġġettivi konnessi mal-partikolaritajiet ta’ l-attività kkonċernata u għall-kundizzjonijet ta’ l-eżerċizzju tagħha, tinkludi riskju reali li jwassal għal rikors abbużiv għal dan it-tip ta’ kuntratti, u għaldaqstant mhijiex kompatibbli ma’ l-objettiv u l-effettività tal-ftehim qafas.

73     Għaldaqstant, il-fatt li jiġi aċċettat li dispożizzjoni nazzjonali tista’, b’kull dritt u mingħajr preċiżjoni oħra, tiġġustifika kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi jwassal sabiex jikser l-għan tal-ftehim qafas, li huwa li jipproteġi l-ħaddiema kontra l-instabbiltà ta’ l-impjieg, u li jneħħi mis-sustanza tiegħu l-prinċipju li l-kuntratti għal żmien indefinit jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol.

74     B’mod aktar partikolari, ir-rikors għal kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss fuq l-uniku bażi ta’ dispożizzjoni legali jew regolamentari ġenerali, mingħajr relazzjoni mal-kontenut konkret ta’ l-attività kkunsidrata, ma jippermettix li jsiru kriterji oġġettivi u trasparenti għall-finijiet li jivverfikaw jekk it-tiġdid ta’ tali kuntratti jirrispondi effettivament għal bżonn veru, li jista’ jilħaq l-objettiv imfittex u neċessarju għal dan il-għan.

75     Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessvi li huwa ġġustifikat minħabba ċirkustanza waħda prevista minn dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari ġenerali ta’ Stat Membru. Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” skond l-imsemmija klawżola jirrikjedi li r-rikors għal dan it-tip partikolari ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ikun iġġustifikat minħabba l-eżistenza ta’ elementi konkreti li għandhom x'jaqsmu b’mod partikolari ma' l-attività in kwistjoni u l-kundizzjoni ta’ l-eżerċizzju tagħha.

 Fuq it-tielet domanda

76     Permezz tat-tielet domanda tagħha, li hija magħmula minn żewġ partijiet marbuta fil-qrib ma’ xulxin u peress illi minħabba dan il-motiv, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq li tingħata preċiżazzjonijiet fuq il-kunċett ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss “suċċessivi” skond il-klawżola 5 tal-ftehim qafas.

77     Jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju li l-imsemmija domanda fis-sustanza tikkonċerna l-kundizzjoni, msemmija fl-Artikolu 5(4) tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003, fil-verżjoni inizjali tiegħu, li kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala suċċessivi ħlief meta dawn ma jkunux separati b'terminu ta’ żmien ta' aktar minn 20 ġurnata xogħol.

78     F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinvju tistaqsi b’mod partikolari jekk definizzjoni daqshekk limitattiva tan-natura suċċessiva tar-relazzjonijiet ta’ imjieg li jorbtu l-istess persuna li timpjega u l-istess ħaddiem, ikkaratterizzati minn kundizzjonijiet ta’ xogħol identiċi jew simili, mhijiex ta’ natura li taffettwa l-objettiv u l-effettività tal-ftehim qafas, peress illi fuq kollox l-imsemmija kundizzjoni tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja minn qabel sabiex dan il-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika, skond l-Artikolu 5(3) ta’ l-istess Digriet Presidenzjali, mit-tibdil f'kuntratt għal żmien indefinit ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss li fit-total jaqbżu s-sentejn li matulhom huma kienu ġew imġedda għal aktar minn tliet darbiet.

79     Sabiex tingħata deċiżjoni fuq din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-klawżoli 1(b) u 5(1) tal-ftehim qafas, dan għandu bħala għan li jistabbilixxi qafas iddestinat sabiex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi.

80     Għal dan il-għan, il-ftehim qafas jelenka, b’mod partikolari fil-klawżola 5(1)(a) sa (c) tiegħu, miżuri differenti ddestinati sabiex jipprevjenu l-imsemmija abbużi, fejn l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jintroduċu għall-anqas wieħed minn dawn il-miżuri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

81     Għall-bqija, il-punt 2 ta’ l-imsemmija klawżola fi prinċipju jħalli lill-Istati Membri l-għażla li jiddeterminaw liema huma l-kundizzjonijiet li għalihom il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss huma kkunsidrati, minn naħa, bħala suċċessivi u, min-naħa l-oħra, bħala konklużi għal żmien indefinit.

82     Jekk tali referenza għall-awtoritajiet nazzjonali għall-bżonnijiet tad-definizzjoni ta’ l-arranġamenti konkreti ta’ applikazzjoni tat-termini “suċċessivi” u “għal żmien indefinit” skond il-ftehim qafas tispjega ruħha mix-xewqa li tippreserva d-diversità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam, madankollu għandu jiġi mfakkar li l-marġni ta’ diskrezzjoni kif mogħti lill-Istati Membri mhuwiex mingħajr limitu, minħabba li huwa f’kull każ ma jistax jintuża sabiex jiġi affettwat l-objettiv jew l-effettività tal-ftehim qafas (ara punt 68 ta’ din is-sentenza). B’mod partikolari, din is-setgħa ta’ evalwazzjoni m’għandhiex tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali b’mod li twassalha għal sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal abbużi u għaldaqstant li tmur kontra l-imsemmi objettiv.

83     Tali interpretazzjoni timponi ruħha partikolarment fir-rigward ta’ kunċett prinċipali, bħal dak tan-natura suċċessiva tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, li hija determinanti għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni stess tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ddestinati sabiex jimplementaw il-ftehim qafas.

84     Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li dispożizzjoni nazzjonali li tikkunsidra bħala suċċessivi biss il-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss li huma separati b'terminu ta’ żmien inqas jew ugwali għal 20 ġurnata xogħol għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija ta’ natura li tikkomprometti l-iskop, l-għan kif ukoll l-effettività tal-ftehim qafas.

85     Fil-fatt, kif irrilevaw il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 sa 69 tal-konklużjonijiet tagħha, definizzjoni daqshekk riġida u restrittiva tan-natura suċċessiva ta’ bosta kuntratti ta’ xogħol sussegwenti tippermetti li jiġu impjegati ħaddiema b’mod prekarju matul is-snin, minħabba li, fil-prattika, il-ħaddiem ġeneralment ma jkollux għażla oħra ħlief li jaċċetta interruzzjonijiet ta’ 20 ġurnata xogħol fil-kuntest ta’ katina ta’ kuntratti li jorbtuh mal-persuna li timpjegah.

86     Minbarra dan, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali tirriskja li jkollha bħala effett mhux biss li teskludi fil-fatt numru kbir ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss mill-benefiċċju tal-protezzjoni tal-ħaddiema intiżi mid-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas, billi tneħħi l-objettiv imfittex minn parti kbira tas-sustanza tagħhom, imma wkoll li tippermetti l-użu abbużiv ta’ tali relazzjonijiet mill-persuni li jimpjegaw.

87     Fil-kawża prinċipali, tali legiżlazzjoni tista’ wkoll twassal għal konsegwenzi aktar gravi għall-persuni impjegati, peress illi hija tagħmel prattikament inoperanti l-miżura nazzjonali li l-awtoritajiet Elleniċi kienu għażlu li jadottaw sabiex speċifikatament jimplementaw il-klawżola 5 tal-ftehim qafas, jiġifieri li ċerti kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss huma preżunti li kienu ġew konklużi għal żmien indefinit bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li huma għandhom natura suċċessiva skond id-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003.

88     Ikun għaldaqstant biżżejjed għall-persuna li timpjega li tħalli, fit-tmiem ta’ kull kuntratt ta’ xogħol għal terminu fiss, terminu ta’ 21 ġurnata xogħol biss qabel ma tikkonkludi kuntratt ieħor ta’ l-istess natura sabiex awtomatikament ma jsirx tibdil tal-kuntratti suċċessivi f'kuntratti ta’ impjieg aktar stabbli, u dan indipendentement kemm min-numru ta’ snin li matulhom il-ħaddiem ikkonċernat kien imqabbad għall-istess impjieg kif ukoll miċ-ċirkustanza li l-imsemmija kuntratti jkopru bżonnijiet mhux ta’ tul ta’ żmien limitat, imma bil-kontra “permanenti u fit-tul”. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-użu abbużiv tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss, li tikkostitwixxi l-għan tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas, ssib ruħha kkontestata.

89     Fid-dawl ta’ l-iżviluppi li jippreċedu, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-klawżola 5 tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tikkunsidra li huma biss il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss li mhumiex separati la wieħed u l-anqas l-ieħor b'terminu ta’ żmien aktar minn 20 ġurnara xogħol li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li għandhom natura “suċċessiva” skond l-imsemmija klawżola.

 Fuq ir-raba’ domanda

90     Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fis-sustanza tistaqsi jekk il-ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jostakola l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fis-settur pubbliku, it-tibdil f’kuntratt għal żmien indefinit sensiela ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss li fil-fatt kellhom bħala skop li jkopru “bżonnijiet permanenti u fit-tul” ta’ min jimpjega.

91     Fl-ewwel lok, għandu jiġi rilevat f’dan ir-rigward li l-ftehim qafas ma jistipulax obbligu ġenerali ta’ l-Istati Membri li jipprovdu t-tibdil tal-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss f'kuntratti għal żmien indefinit, u lanqas ma jippreskrivi l-kundizzjonijiet preċiżi li permezz tagħhom huwa jista’ jagħmel użu minn dawn ta’ l-aħħar.

92     Madankollu, huwa jimponi fuq l-Istati Membri li jadottaw għall-anqas waħda mill-miżuri li huma elenkati fil-klawżola 5(1)(a) sa (c) tal-ftehim qafas, li huma ddestinati sabiex jipprevjenu b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi.

93     Inoltre, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħżlu, fil-kuntest tal-libertà mogħtija lilhom mit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, il-forom u l-metodi l-aktar xierqa sabiex jassiguraw l-effettività tad-Direttivi, b’kunsiderazzjoni ta’ l-iskop tagħhom (ara s-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Royers, 48/75, Ġabra p. 497, punt 75, u tat-12 ta’ Settembru 1996, Gallotti et, C-58/95, C-75/95, C-112/95, C-119/95, C-123/95, C-135/95, C-140/95, C-141/95, C-154/95 u C-157/95, Ġabra p. I-4345, punt 14).

94     Għaldaqstant meta, bħal f’dan il-każ, id-dritt Komunitarju ma jipprovdix sanzjonijiet speċifiċi f'sitwazzjoni fejn abbużi kienu madankollu ġew ikkonstatati, huwa obbligu ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li jadottaw miżuri xierqa sabiex jilqgħu tali sitwazzjoni, miżuri li għandhom ikollhom natura mhux biss proporzjonali, imma wkoll biżżejjed effettiva u dissważiva sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tan-normi meħuda skond il-ftehim qafas.

95     Jekk il-proċeduri ta’implementazzjoni ta’ tali normi jaqgħu taħt is-sistema legali interna ta’ l-Istati Membri skond il-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ dawn ta’ l-aħħar, madankollu m’għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) la li fil-prattika jagħmlu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96     Fit-tieni lok, fir-rigward aktar preċiżament tal-kuntest li fih ir-raba’ domanda ġiet imressqa, għandhom jiġu fformulati l-osservazzjonijiet segwenti.

97     Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li, anki jekk il-leġiżlatur Elleniku kien għażel li jipprovdi, inkwantu miżura meħuda sabiex timplementa l-ftehim qafas, it-tibdil, taħt ċerti kundizzjonijiet, tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss f'kuntratti għal żmien indefinit (ara l-Artikolu 5(3) tad-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003), il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, skond l-Artikolu 1 tad-Digriet Presidenzjali, kien limitat għal kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss tal-ħaddiema impjegati fis-settur privat.

98     Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-settur pubbliku, l-Artikolu 21(2) tal-Liġi Nru 2190/1994 jipprojbixxi, b’mod assolut u taħt piena ta’ nullità, kull kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss f'kuntratti għal żmien indefinit imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-imsemmi Artikolu.

99     Sussegwentement, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fil-prattika, l-Artikolu 21 tal-Liġi Nru 2190/1994 jirriskja li jitlef l-iskop tiegħu minħabba li, minflok ma jillimita ruħu sabiex ikun ta’ bażi għall-konklużjoni ta’ kuntratti għal terminu fiss iddestinati sabiex jilqgħu l-bżonnijiet li huma temporanji biss, ikun jidher li għandu jiġi użat sabiex jikkonkludi tali kuntratti li fil-fatt huma intiżi sabiex ikopru “bżonnijiet permanenti u fit-tul”. Minbarra dan il-qorti tar-rinviju, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, diġà kkonstatat in-natura abbużiva, skond il-ftehim qafas, ta' l-użu, fil-kawża prinċipali, ta' l-Artikolu 21 sabiex isservi ta’ bażi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss li fir-realtà għandhom bħala skop li jirrispondu għall-“bżonnijiet permanenti u fit-tul”. Din il-qorti b’hekk tillimita ruħha li tistaqsi jekk, f’tali sitwazzjoni, il-projbizzjoni ġenerali stipulata mill-imsemmija dispożizzjoni li tbiddel tali kuntratti għal terminu fiss f'kuntratti għal żmien indefinit ma taffettwax l-iskop u l-effettività tal-ftehim qafas.

100   Fl-aħħar nett, ma kienx sostnut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fis-settur pubbliku, kien eżista fid-dritt Elleniku, għall-anqas sad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, kwalunkwe miżura ddestinata sabiex tevita u sabiex tippenalizza b’mod xieraq l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessivi.

101   Madankollu, kif diġà ntqal fil-punti 91 sa 95 ta’ din is-sentenza, il-ftehim qafas ma jistipulax obbligu ġenerali ta’ l-Istati Membri li jipprovdu t-tibdil tal-kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss f'kuntratti għal żmien indefinit, imma l-punt 1 tal-klawżola 5 tagħha jippreskrivi l-adozzjoni effettiva u li torbot ta’ għall-anqas wieħed mill-miżuri elenkati f’din id-dispożizzjoni u intiża sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal terminu fiss suċċessivi, peress illi d-dritt nazzjonali ma jinkludix diġà miżuri ekwivalenti.

102   Barra minn hekk, meta tali użu abbużiv madankollu jkun seħħ, miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għandha tkun tista’ tiġi applikata sabiex debitament tippenalizza dan l-abbuż u tilqa’ l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, skond l-istess termini ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom “jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex jistgħu f’kull ħin ikunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti bl-[imsemmija] Direttiva”.

103   Mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt intern, peress illi din il-missjoni taqa’ esklużivament fuq il-qorti tar-rinviju li għandha, f’din il-kawża, tiddetermina jekk l-eżiġenzi mfakkra fil-punt preċedenti humiex sodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

104   Jekk l-imsemmija qorti jkollha tikkonstata li dan mhuwiex il-każ, ikun hemm lok li jiġi konkluż li l-ftehim qafas jipprekludi l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

105   Minn dan isegwi li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm is-sistema legali interna ta’ l-Istat Membru kkonċernat ma tinkludix, fis-settur ikkunsidrat, miżura effettiva oħra sabiex tevita u, jekk ikun il-każ, tippenalizza l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal terminu fiss suċċessivi, il-ftehim qafas jostakola l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut fis-settur pubbliku biss, li tbiddel f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indefinit sensiela ta’ kuntratti għal terminu fiss li, fil-fatt, kellhom bħala skop li jkopru “bżonnijiet permanenti u fit-tul” tal-persuna li timpjega u għandhom jiġu kkunsidrati bħala abbużivi.

 Fuq l-ewwel domanda

106   Fid-dawl tar-risposti għall-aħħar tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, fejn jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, din il-qorti tkun tista’, jekk ikun il-każ, teżamina l-konformità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti mal-preskrizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas, għandha wkoll tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel domanda.

107   Kif jirriżulta mill-motivazzoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda fis-sustanza hija intiża sabiex tiddetermina, fl-ipoteżi tat-traspożizzoni tardiva fis-sistema legali ta’ l-Istati Membru kkonċernat ta’ Direttiva kif ukoll ta’ l-assenza ta’ effett dirett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha, liema huwa l-mument li minnu l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretaw ir-regoli tad-dritt intern b’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi f’dan il-kuntest partikolarment fuq ir-rilevanza tad-data li fiha d-Direttiva in kwistjoni kienet ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u li tikkorrispondi għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha fir-rigward ta’ l-Istati Membri destinatarji, minn dik ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva jew dik tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implementazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar.

108   Għandu jiġi mfakkar li, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretaw b’kull mezz possibbli fid-dawl tat-test u ta’ l-għan tad-Direttiva in kwistjoni sabiex jilħqu r-riżultat intiż minnha u, għaldaqstant, jikkonformaw ruħhom mat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kollha, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għad-Direttiva li tikkonċernahom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8, u Pfeiffer et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 115).

109   L-eżiġenza ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali hija fil-fatt inerenti għas-sistema tat-Trattat minħabba li hija tippermetti lill-qrati nazzjonali li jassiguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju meta huma jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 114).

110   Żgur li l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ Direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern issib il-limiti tagħha fil-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari f’dawk ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ non-retroattività, u hija ma tistax isservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C-105/03, Ġabra p. I-5285, punti 44 u 47).

111   Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi madankollu jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jagħmlu kull ma jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, filwaqt li jieħdu kunsiderazzjoni tad-dritt intern kollu u japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-Direttiva in kwistjoni u sabiex iwasslu għal soluzzjoni konformi ma’ l-għan imfittex minnha (ara s-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 115, 116, 118 u 199).

112   Barra minn hekk, għall-każ fejn ir-riżultat preskritt minn Direttiva ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ interpretazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 39), id-dritt Komunitarju jimponi lill-Istati Membri li jikkumpensaw id-danni li huma kienu kkawżaw lill-individwi għar-raġuni tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva safejn tliet kundizzjonijiet huma sodisfatti. L-ewwel nett, id-Direttiva in kwistjoni għandha jkollha bħala skop l-allokazzjoni ta’ drittijiet lill-individwi. Sussegwentement, il-kontenut ta’ dawn id-drittijiet għandu jiġi identifikat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva. Fl-aħħar nett, għandu jkun hemm rabta ta’ kawżalità bejn il-ksur ta’ l-obbligu li jaqa’ fuq l-Istat Membru u d-dannu subit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Facini Dori, C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 27).

113   Sabiex jiġi ddeterminat b’mod aktar preċiż sa minn liema data huwa obbligu tal-qrati nazzjonali li japplikaw il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, għandu jiġi enfasizzat li dan l-obbligu, li joħroġ mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10 u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE kif ukoll mid-Direttiva kkonċernata stess, kien ġie impost b’mod partikolari f’każ ta’ assenza ta’ effett dirett ta’ dispożizzjoni ta’ Direttiva, kemm jekk id-dispożizzjoni rilevanti mhijiex biżżejjed ċara, preċiża u inkundizzjonali sabiex tipproduċi tali effett, u kif ukoll jekk il-kawża tipprekludi esklużivament lill-individwi.

114   Għandu jingħad ukoll li, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva, ma jistax jiġi akkużat lill-Istati Membri li ma jkunux għadhom adottaw il-miżuri ta’ implementazzjoni tagħha fis-sistema legali tagħhom (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 43).

115   Minn dan isegwi li, f’każ ta’ traspożizzjoni tardiva ta’ Direttiva, l-obbligu ġenerali tal-qrati nazzjonali, li jinterpretaw id-dritt intern b’mod konformi mad-Direttiva ma jeżistix ħlief ma’ l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tagħha.

116   Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta neċessarjament li, f'sitwazzjoni ta’ traspożizzjoni tardiva ta’ Direttiva, id-data – maħsuba mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, (c), - li fiha miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni jidħlu effettivamenmt fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat ma tikkostitwixxix il-kriterju rilevanti. Fil-fatt, tali soluzzjoni hija ta’ natura li tipperikola b’mod serju l-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju kif ukoll l-applikazzjoni uniformi ta’ dan id-dritt permezz, b’mod partikolari, tad-Direttivi.

117   Barra minn hekk, fir-rigward tad-data msemmija fl-ewwel domanda, (a), u sabiex tiddeċiedi kompletament fuqha, għandu jiġi ppreċiżat li diġà jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-obbligu ta' l-Istati Membri li jieħdu, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10 u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE kif ukoll id-Direttiva kkonċernata stess, il-miżuri neċessarji kollha sabiex jintlaħaq ir-riżultat preskritt minn din ta’ l-aħħar huwa impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha, li jinkludu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati Inter-Environnement Wallonie, punt 40, kif ukoll Pfeiffer et, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118   Minbarra dan, skond l-Artikolu 254(1) KE, id-Direttivi huma kemm ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u, f’dan il-każ, jidħlu fis-seħħ fid-data li huma jiffissaw jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħhom, u kif ukoll innotifikati lid-destinatarji tagħhom u b’hekk jieħdu effett permezz ta’ din in-notifika, skond il-paragrafu 3 ta’ l-imsemmi Artikolu.

119   Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li Direttiva tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ l-Istat Membru destinatarju – u, għaldaqstant, ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kollha -, skond il-każ, wara l-pubblikazzjoni tagħha jew mid-data tan-notifika tagħha.

120   F’dan il-każ, id-Direttiva 1999/70, fl-Artikolu 3 tagħha, tippreċiża li hjia tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri l-10 ta’ Lulju 1999.

121   Madankollu, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mill-applikazzjoni magħquda kemm tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10 KE u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE kif ukoll mid-Direttiva kkonċernata stess li, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva, l-Istati Membri destinatarji tagħha għandhom jastjenu milli jieħdu dispożizzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu serjament ir-realizzazzjoni tar-riżultat preskritt minn din id-Direttiva (sentenzi Inter-Environnemnent Wallonie, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 45; tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4432, punt 58, u Mangold, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 67). F’dan ir-rigward mhuwiex importanti jekk id-dispożizzjoni in kwistjoni tad-dritt nazzjonali, adottata wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkonċernata, tipprovdix jew le għat-traspożizzjoni ta’ din ta’ l-aħħar (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq, ATRAL, punt 59, u Mangold, punt 68).

122   Peress illi l-awtoritajiet kollha ta’ l-Istati Membri huma suġġetti għall-obbligu li jiggarantixxu l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (ara sentenzi Frankcovich et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 32; tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C-453/00, Ġabra p. I-837, punt 20 kif ukoll Pfeiffer et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 111), l-obbligu ta’ astensjoni kif imsemmi fil-punt preċedenti huwa impost ukoll fuq il-qrati nazzjonali.

123   Minn dan isegwi li, mid-data li fiha Direttiva tkun daħlet fis-seħħ, il-qrati ta’ l-Istati Membri għandhom jastjenu safejn huwa possibbli milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li jirriskja li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, ir-realizzazzjoni ta’ l-iskop imfittex minn din id-Direttiva.

124   Fid-dawl ta' l-iżviluppi li jippreċedu, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, f'sitwazzjoni ta' traspożizzjoni tardiva fis-sistema legali ta’ l-Istati Membru kkonċernat ta’ Direttiva kif ukoll ta' nuqqas ta’ effett dirett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu, kemm huwa possibbli, li jinterpretaw id-dritt intern, sa mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-Direttiva in kwistjoni sabiex jintlaħqu r-riżultati mfittxa minn din ta’ l-aħħar, filwaqt li jipprivileġġaw l-interpretazzjoni tar-regoli nazzjoni bl-aktar mod konformi ma’ dan l-għan sabiex għalhekk jaslu għal soluzzjoni kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

125   Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jikkonċerna l-ftehim qafas KETU, UKIIE u ĊEIP dwar xogħol għal żmien fiss, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss suċċessvi li huwa ġġustifikat minħabba ċirkustanza waħda prevista minn dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari ġenerali ta’ Stat Membru. Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” skond l-imsemmija klawżola jirrikjedi li r-rikors għal dan it-tip partikolari ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ikun iġġustifikat minħabba l-eżistenza ta’ elementi konkreti konnessi b’mod partikolari ma' l-attività in kwistjoni u l-kundizzjoni ta’ l-eżerċizzju tagħha.

2)      Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tikkunsidra li huma biss il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss li mhumiex separati la wieħed u l-anqas l-ieħor b'terminu ta’ żmien aktar minn 20 ġurnara xogħol li għandhom jiġu kkunsdrati bħala li għandhom natura “suċċessiva” skond l-imsemmija klawżola.

3)      F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien fiss għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm is-sistema legali interna ta’ l-Istat Membru kkonċernat ma tinkludix, fis-settur ikkunsidrat, miżura effettiva oħra sabiex tevita u, skond il-każ, tippenalizza l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal terminu fiss suċċessivi, l-imsemmi ftehim qafas jostakola l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut fis-settur pubbliku biss, li tbiddel f'kuntratti ta’ xogħol għal żmien indefinit sensiela ta’ kuntratti għal terminu fiss li, fil-fatt, kellhom bħala skop li jkopru “bżonnijiet permanenti u fit-tul” tal-persuna li timpjega u għandhom jiġu kkunsidrati bħala abbużivi.

4)       F'sitwazzjoni ta' traspożizzjoni tardiva, fis-sistema legali ta’ l-Istati Membru kkonċernat, ta’ Direttiva kif ukoll ta' nuqqas ta’ effett dirett tad-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu, kemm huwa possibbli, li jinterpretaw id-dritt intern sa mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-Direttiva in kwistjoni sabiex jintlaħqu r-riżultati mfittxa minn din ta’ l-aħħar, filwaqt li jipprivileġġaw l-interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali bl-aktar mod konformi ma’ dan l-għan sabiex għalhekk jaslu għal soluzzjoni kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.