SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

18 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Unjoni doganali — Proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Opinjoni motivata — Tneħħija taħt il-leġiżlazzjoni Franċiża tal-monopolju tal-korp tas-sensara interpreti u aġenti ta’ bastimenti — Ksur suffiċjentement serju — Rabta kawżali”

Fil-Kawżi magħquda T-440/03, T-121/04, T-171/04, T-208/04, T-365/04 u T-484/04,

Jean Arizmendi, residenti f’Bayonne (Franza), u s-60 rikorrent l-oħra li isimhom jinsab fl-anness, irrappreżentati, fil-Kawża T-440/03, minn. J.-F. Péricaud, P. Péricaud u M. Tournois, u, fil-Kawżi T-121/04, T-171/04, T-208/04, T-365/04 u T-484/04, minn J.-F. Péricaud u M. Tournois, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn:

Chambre nationale des courtiers maritimes de Franza, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J.-F. Péricaud, avukat,

intervenjenti fil-Kawża T-440/03,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J.-P. Jacqué u M. Giorgi Fort, sussegwentement minn F. Florindo Gijón u M. Balta, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn X. Lewis u, fil-Kawża T-121/04, minn X. Lewis u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett talba għad-danni, imressqa taħt l-Artikolu 235 KE u taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, intiża għall-kundanna tal-Komunità għall-ħlas lura tad-dannu kkawżat mit-tneħħija tal-monopolju tal-korp Franċiż tas-sensara interpreti u aġenti ta’ bastimenti (corps des courtiers interprètes et conducteurs de navires),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 4(17) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), jiddefinixxi d-dikjarazzjoni doganali bħala l-att li bih persuna tindika bil-forma u l-mod preskritti x-xewqa li tqiegħed merkanzija taħt proċedura doganali partikolari.

2

L-Artikolu 4(19) tar-Regolament Nru 2913/92 jiddefinixxi l-preżentazzjoni ta’ merkanzija lid-dwana bħala n-notifika lill-awtoritajiet doganali, bil-mod stipulat, tal-wasla tal-merkanzija fl-uffiċċju doganali jew f’kull post ieħor indikat jew approvat mill-awtoritajiet doganali.

3

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92 jipprovdi:

“1.   Taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 64(2) u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet adottati fi ħdan il-qafas ta’ l-Artikolu 243(2)(b), kull persuna tista’ taħtar rappreżentant fin-negozjati tagħha ma’ l-awtoritajiet doganali biex jesegwixxi l-atti u l-formalitajiet stipulati mir-regoli doganali.

2.   Din ir-rappreżentazzjoni tista’ tkun:

diretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra, jew

indiretta, f’liema każ ir-rappreżentant għandu jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ persuna oħra.

Stat Membru jista’ jirrestrinġi d-dritt li jsiru dikjarazzjonijiet doganali:

b’rappreżentazzjoni diretta, jew

b’rappreżentazzjoni indiretta,

għalhekk [b’tali mod li] ir-rappreżentant għandu jkun aġent doganali li jwettaq il-kummerċ tiegħu fit-territorju ta’ dak il-pajjiż.”

4

L-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 2913/92 jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 5, dikjarazzjoni doganali tista’ ssir minn kull persuna li hija kapaċi tippreżenta l-merkanzija konċernata jew tara li tkun preżentata lill-awtorità kompetenti doganali, flimkien mad-dokumenti kollha li huma meħtieġa li jiġu prodotti għall-applikazzjoni tar-regoli li jamministraw il-proċedura doganali li fir-rigward tagħha ġiet dikjarata l-merkanzija.

2.   Iżda,

a)

fejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali timponi obligazzjonijiet partikolari fuq persuna speċifika, id-dikjarazzjoni għandha ssir minn dik il-persuna jew għan-nom tagħha […]”

5

L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 2913/92 jipprovdi:

“Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha titwassal mill-persuna li ddaħħalha fil-Komunità mingħajr dewmien, mir-rotta speċifikata mill-awtoritajiet doganali u skond l-istruzzjonijiet tagħhom, jekk ikun hemm:

a)

fl-uffiċċju doganali nominat mill-awtoritajiet doganali jew f’xi post ieħor nominat jew approvat minn dawk l-awtoritajiet; jew,

b)

f’żona ħielsa, jekk il-merkanzija ser tiddaħħal f’dik iż-żona ħielsa direttament:

bil-baħar jew bl-ajru, jew

minn fuq l-art mingħajr ma tgħaddi minn parti oħra tat-territorju doganali tal-Komunità, fejn iż-żona ħielsa tmiss mal-fruntiera ta’ l-art bejn Stat Membru u pajjiż terz.”

6

L-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 2913/92, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-każ ineżami, jipprovdi:

“Merkanzija li, skond l-Artikolu 38(1)(a), tasal fl-uffiċċju doganali jew post ieħor nominat jew approvat mill-awtoritajiet doganali għandha tkun preżentata lid-dwana mill-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità jew, jekk ikun xieraq, mill-persuna li tassumi responsabbilità għall-ġarr tal-merkanzija wara dak id-dħul.”

7

L-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 2913/92, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-każ ineżami, jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 45, merkanzija preżentata lid-dwana fit-tifsira ta’ l-Artikolu 40 għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni sommarja.

Id-dikjarazzjoni sommarja għandha tkun preżentata meta l-merkanzija tkun ġiet preżentata lid-dwana. L-awtoritajiet doganali jistgħu, madankollu, jikkonċedu perjodu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni li m’għandux jestendi aktar mill-ewwel jum ta’ xogħol wara l-jum li fih il-merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana.”

8

L-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 2913/92, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-każ ineżami, jindika:

“1.   Id-dikjarazzjoni sommarja għandha ssir fuq formola li tikkorrispondi mal-mudell preskritt mill-awtoritajiet doganali. Madankollu, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu l-użu, bħala dikjarazzjoni sommarja, ta’ kull dokument kummerċjali jew uffiċjali li jkollu fih id-dettalji neċessarji għall-identifikazzjoni tal-merkanzija.

2.   Id-dikjarazzjoni sommarja għandha tiġi pprezentata minn:

a)

il-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità jew minn kull persuna li tassumi r-responsabbilità għall-ġarr tal-merkanzija wara dak id-dħul;

b)

il-persuna li f’isimha aġixxew il-persuni li ssir referenza għalihom fis-subparagrafu (a).”

Il-fatti

L-istatus inizjali tas-sensara marittimi

L-istorja u n-natura tal-istatus ta’ sensar marittimu

9

Fil-code de commerce Franċiż (Kodiċi tal-Kummerċ, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kummerċ”), il-korp tas-sensara interpreti u aġenti ta’ bastimenti (iktar ’il quddiem is-“sensara marittimi”) kien jibbenefika minn status ibridu peress li kien jgħaqqad l-istatus ta’ uffiċjal pubbliku, li kellu monopolju fir-rigward ta’ ċerti operazzjonijiet, u l-istatus ta’ negozjant.

10

Dan l-istatus inħoloq mix-xewqa tal-leġiżlatur Franċiż li jipproteġi l-kaptani barranin li ma kinux jafu l-Franċiż, kif ukoll lill-kaptani Franċiżi, kontra intermedjarji li kienu japplikaw tariffi eċċessivi.

Konsegwenzi tal-istatus ibridu tas-sensara marittimi

— Qafas ġenerali tal-obbligi u tad-drittijiet rilevanti

11

Mill-kwalitajiet tas-sensara marittimi bħala negozjanti u bħala uffiċjali pubbliċi kienu jirriżultaw ċertu numru ta’ drittijiet u obbligi (iktar ’il quddiem il-“privileġġ”).

12

B’hekk, l-istatus ta’ negozjant kien jimplika ż-żamma ta’ ktieb u ta’ operazzjonijiet kontabbli, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-fallimenti u l-projbizzjoni li n-negozjant jissieħeb f’soċjetà inkorporata taħt id-dritt ċivili.

13

L-istatus ta’ uffiċjal pubbliku, li kien jirriżulta mill-Artikoli L-131-1 et seq tal-Kodiċi tal-Kummerċ, kien jimplika l-ħatra permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tat-Trasport Franċiż u l-eżerċizzju tal-kariga f’suq irriżervat mil-leġiżlatur.

14

L-Artikolu 131-2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ kien jipprovdi hekk:

“[Is-sensara marittimi] jagħmluha ta’ sensara fir-rigward ta’ noleġġi; huma biss għandhom, barra minn hekk, id-dritt li jittraduċu, fil-każ ta’ kontestazzjoni mressqa quddiem il-qrati, id-dikjarazzjonijiet, il-kuntratti ta’ noleġġ, il-poloz tat-tagħbija, il-kuntratti u l-atti kummerċjali kollha li tkun meħtieġa t-traduzzjoni tagħhom; fl-aħħar nett, huma jikkonstataw il-prezz tal-ġarr jew in-nol.

Fil-kawżi kummerċjali kontenzjużi, u għal finijiet doganali, huma biss għandhom jagħmulha ta’ interpreti għall-barranin kollha, għall-kaptani ta’ bastimenti, għall-kummerċjanti, għall-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti u għal baħħara oħra.”

— Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-privileġġ

15

Fil-kuntest tal-privileġġ tagħhom, is-sensara marittimi kienu jeżerċitaw żewġ funzjonijiet distinti marbuta, minn naħa, mat-twettiq tal-formalitajiet meħtieġa mill-amministrazzjoni doganali u/jew mill-amministraturi tal-port u, min-naħa l-oħra, mal-funzjoni ta’ interpretu ġuramentat quddiem il-qrati.

16

Fir-rigward tal-monopolju marbut mat-twettiq tal-atti u tal-formalitajiet marbuta mat-trattament doganali, dawn l-atti u formalitajiet kienu jinkludu l-kontroll tar-rotazzjoni tal-bastimenti mal-wasla u mat-tluq, it-trażmissjoni tal-karatteristiċi fiżiċi li jippermettu li jiġi stabbilit il-volum taxxabbli, it-tħejjija tad-“déclarations Navire” (dikjarazzjonijiet dwar il-bastiment) (wasla u tluq), ir-redazzjoni ta’ attestazzjonijiet u ta’ ċertifikati mitluba mid-dwana u t-trażmissjoni ta’ kopji tal-listi tal-ekwipaġġ lill-awtoritajiet kompetenti, bħalma huma l-awtoritajiet doganali, il-pulizija tal-ajru u tal-fruntieri u l-ġendarmerija marittima.

— Kamp ta’ applikazzjoni territorjali u personali tal-privileġġ

17

Il-privileġġ miżmum mis-sensara marittimi kien limitat ġeografikament għall-port li għalih kien maħtur is-sensar marittimu u kien japplika, bħala regola ġenerali, għall-bastimenti kollha. Dan il-privileġġ seta’ jitgawda minn diversi sensara marittimi bl-istess kompetenza.

— Obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ uffiċjal pubbliku

18

Il-kariga, li hija waħda mill-elementi li jikkostitwixxu l-uffiċċju ta’ uffiċjal pubbliku, kienet timplika li s-sensar marittimu kien marbut jeżerċita l-uffiċċju tiegħu għall-benefiċċju ta’ kull min jagħmel talba f’dan is-sens.

19

Barra minn hekk, kull sensar marittimu kien marbut jeżerċita l-kompetenzi tiegħu kollha u, sabiex tkun iggarantita l-indipendenza tiegħu, kien ipprojbit milli jwettaq operazzjonijiet kummerċjali jew bankarji għan-nom tiegħu stess.

— Drittijiet li jirriżultaw mill-kariga ta’ uffiċjal pubbliku

20

Minn naħa, kull sensar marittimu kellu dritt jirċievi, għas-servizzi pprovduti minnu, onorarji li t-tariffi tagħhom kienu stabbiliti permezz ta’ digriet.

21

Min-naħa l-oħra, kull sensar marittimu kellu “droit de présentation” (dritt ta’ preżentazzjoni) li kien jippermettilu jippreżenta s-suċċessur tiegħu sabiex jiġi approvat mill-Ministru responsabbli għall-bastimenti merkantili. Dan id-“droit de présentation” kien ikkunsidrat bħala dritt patrimonjali li seta’ jiġi ttrasferit, li kien suġġett għall-preskrizzjoni u li kien jirrappreżenta l-korrispettiv għall-akkwist b’titolu oneruż tal-kariga ta’ uffiċjal pubbliku.

Tneħħija tal-privileġġ tas-sensara marittimi

Adozzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

22

Ir-Regolament Nru 2913/92, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994, illiberalizza l-eżerċizzju ta’ ċerti professjonijiet marbuta mal-kummerċ portwali. B’mod partikolari, dan ir-regolament stabbilixxa, bħala prinċipju, il-libertà ta’ rappreżentazzjoni quddiem l-awtoritajiet doganali billi pprojbixxa, fl-Artikolu 5 tiegħu, ir-rappreżentazzjoni doppja quddiem l-awtoritajiet doganali.

23

Fl-1997, l-Artikolu L-131-2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, li kien jirriżerva għas-sensara marittimi monopolju fir-rigward tat-twettiq tal-atti u tal-formalitajiet marbuta mat-trattament doganali kien għadu fis-seħħ. Peress li kkunsidrat li din il-leġiżlazzjoni ma kinitx konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bdiet proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Franċiża.

24

B’hekk, fit-12 ta’ Frar 1997, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika Franċiża sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-monopolju fir-rigward tat-trattament doganali rriżervat lis-sensara marittimi.

25

Fit-3 ta’ Diċembru 1997 il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE dwar ksur tal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 2913/92.

26

F’din l-opinjoni l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li:

“Fir-rigward tas-sensara marittimi, l-Artikolu [L-131-2] tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż jirriżervalhom l-privileġġ ta’ rappreżentazzjoni quddiem l-awtoritajiet doganali. Dawn huma responsabbli għat-trattament tal-bastiment, jiġifieri għall-formalitajiet amministrattivi u doganali kollha li huwa meħtieġ li jitwettqu mal-wasla u t-tluq tal-bastiment tagħhom.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) [tar-Regolament Nru 2913/92] iħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirriżervaw ir-rappreżentazzjoni iżda, fid-dawl tal-fatt li tidderoga mill-prinċipju tal-libertà ta’ rappreżentazzjoni, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett. Din id-dispożizzjoni tista’ tkopri biss ir-redazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u għalhekk ma tistax tiġi estiża għal atti u formalitajiet oħra minbarra dawk marbuta direttament mad-dikjarazzjoni doganali kif iddefinita fl-Artikoli 4(17) u 62 sa 77 [tar-Regolament Nru 2913/92].

[…]

Għal dawn il-motivi, il-Kummissjoni […] tagħti l-opinjoni motivata, taħt [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE] li, […] billi rriżervat permezz tal-Artikolu [L-131-2] tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż lis-sensara marittimi r-rappreżentazzjoni fir-rigward tat-twettiq tal-atti u l-formalitajiet marbuta mat-trattament doganali, […] ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) u (2) [tar-Regolament Nru 2913/92].

Il-Kummissjoni tistieden lir-Repubblika Franċiża tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Emenda tal-leġiżlazzjoni Franċiża

27

Il-leġiżlatur Franċiż adotta l-Liġi Nru 2001-43, tas-16 ta’ Jananr 2001, dwar diversi dispożizzjonijiet ta’ adattament għad-dritt Komunitarju fis-settur tat-trasport (JORF tas-17 ta’ Jannar 2001, p. 848). Din il-liġi neħħiet il-monopolju li kienu jgawdu s-sensara marittimi.

28

Fil-fatt, l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“I.   L-Artikolu L-131-2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ huwa mħassar.

II.   Is-sensarija fir-rigward ta’ noleġġi, il-konstatazzjoni tal-prezz tal-ġarr jew tan-nol, il-formalitajiet marbuta mat-trattament doganali, it-traduzzjoni tad-dikjarazzjonijiet, tal-kuntratti ta’ noleġġ, tal-poloz tat-tagħbija, tal-kuntratti u tal-atti kummerċjali kollha, meta jikkonċernaw il-bastimenti, huma mwettqa b’mod liberu mis-sid tal-bastiment jew mir-rappreżentant tiegħu, li jista’ jkun il-kaptan.”

29

L-Artikoli 2 u 4 tal-Liġi Nru 2001-43 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom is-sensara marittmi jistgħu jingħataw kumpens għat-telf tad-dritt tagħhom.

30

L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2001-43 jispeċifika li, permezz ta’ digriet, kellhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom is-sensara marittimi se jkunu jistgħu jeżerċitaw il-professjonijiet ta’ amministratur tat-trasport, ta’ reġistratur fil-qrati kummerċjali, ta’ marixxall fil-qrati jew ta’ rappreżentant ġudizzjarju fil-likwidazzjoni ta’ kumpanniji, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispensi totali jew parzjali mid-diplomi u mill-formazzjoni professjonali.

Il-proċedura

31

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2009) bejn id-29 ta’ Diċembru 2003 u d-9 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti, Jean Arizmendi u s-60 sensar marittimu l-oħra li isimhom jidher fl-anness, ippreżentaw dawn ir-rikorsi għad-danni.

32

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2004, ix-Chambre nationale des courtiers maritimes de France (il-Kamra nazzjonali ta’ sensara marittimi ta’ Franza) talbet sabiex tintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tar-rikorrenti fil-Kawża T-440/03. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Ġunju 2004, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit-termini mogħtija.

33

Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bejn id-29 ta’ Marzu 2004 u d-19 ta’ Jannar 2005, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qajjem żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, f’kull waħda mill-kawżi ineżami.

34

Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bejn it-30 ta’ Marzu 2004 u l-20 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni qajmet tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, f’kull waħda mill-kawżi ineżami, kif ukoll eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà oħra fil-Kawża T-121/04.

35

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2005, il-Kawżi T-440/03, T-121/04, T-171/04, T-208/04, T-365/04 u T-484/04 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

36

Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2005, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni ġew irrinvijati għas-sentenza finali dwar il-mertu skont l-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura u l-ispejjeż ġew irriżervati.

37

Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet laqgħu din l-istedina.

38

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2009.

It-talbiet tal-partijiet

39

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u tiddikjara r-rikorsi ammissibbli;

prinċipalment, tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-Komunità Ewropea fil-konfront ta’ kull wieħed mir-rikorrenti minħabba li adottat, u sussegwentement applikat fir-rigward tagħhom, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92 b’mod illegali;

sussidjarjament, tirrikonoxxi r-responsabbiltà tal-Komunità fil-konfront ta’ kull wieħed mir-rikorrenti minħabba l-adozzjoni, anki jekk legali, u sussegwentement l-applikazzjoni, tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92, li kkawża għal dawn tal-aħħar dannu mhux normali u speċjali;

konsegwentement, tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni in solidum sabiex jikkumpensaw id-dannu mġarrab fl-ammonti speċifikati fl-atti tagħhom;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni in solidum għall-ispejjeż.

40

Ix-Chambre nationale des courtiers maritimes de France titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors fil-Kawża T-440/03 ammissibbli u fondat;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

41

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

42

Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lix-Chambre nationale des courtiers maritimes de France tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fl-eventwalità ta’ sentenza favur ir-rikorrenti.

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-prinċipji dwar l-involviment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali

43

Kif deċiż permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità huwa meħtieġ li jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C-243/05 P, Ġabra p. I-10833, punt 26; tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 106, u tat-30 ta’ April 2009, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, C-497/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

44

In-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplika li, jekk waħda minnhom ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C-257/98 P, Ġabra p. I-5251, punti 14 u 63; tat-8 ta’ Mejju 2003, T. Port vs Il-Kummissjoni, C-122/01 P, Ġabra p. I-4261, punt 30, u CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 40).

Fuq il-portata tar-rikors

Sunt tal-argumenti tal-partijiet

45

Fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti, sensara marittimi, qegħdin jitolbu li l-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni u l-Kunsill, tiġi kkundannata tħallashom kumpens għat-telf ikkawżat mit-tneħħija tal-privileġġ tagħhom. Mar-rikorsi tagħhom huma annettew evalwazzjoni li tindika, b’mod prinċipali, l-ammont ta’ dan it-telf għal kull wieħed minnhom u, b’mod sussidjarju, dan l-istess ammont bil-kumpens riċevut taħt il-Liġi Nru 2001-43 imnaqqas minnu. Ir-rikorrenti jifformulaw żewġ talbiet alternattivi li jikkonċernaw, it-tnejn li huma, il-kumpens ta’ dan it-telf.

46

B’mod prinċipali, ir-rikorrenti jitolbu li jiġu kkumpensati għad-dannu li huma ġarrbu minħabba t-tneħħija, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92, tal-privileġġ li kien jagħtihom l-istatus ta’ sensar marittimu. Din it-talba hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92 jipprojbixxi ż-żamma tal-privileġġ. B’mod iktar partikolari, kien l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92 li wassal għall-adozzjoni, mir-Repubblika Franċiża, tal-Liġi Nru 2001-43 li abolixxiet il-monopolju tas-sensara marittimi. Issa, l-adozzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92 timplika kemm ir-responsabbiltà minħabba tort u kif ukoll ir-responsabbiltà mingħajr tort tal-Komunità. Fil-fatt, ir-rikorrenti jqisu li l-adozzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92 hija illegali minħabba li tikser l-Artikolu 45 KE, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll id-dritt tagħhom għal proprjetà. Barra minn hekk, huma jikkunsidraw li, irrispettivament mill-kwistjoni tal-legalità ta’ din id-dispożizzjoni, id-dannu mġarrab mis-sensara marittimi b’konsegwenza tal-adozzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92 huwa ta’ natura speċjali u mhux normali.

47

B’mod sussidjarju, ir-rikorrenti jitolbu li jiġu kkumpensati għad-dannu li huma ġarrbu minħabba t-tneħħija tal-privileġġ li kien jagħtihom l-istatus ta’ sensar marittimu b’konsegwenza tal-ftuħ indebitu, mill-Kummissjoni, ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Franċiża. Din it-talba hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92, li indirizza r-rappreżentazzjoni doganali, ma japplikax għall-attivitajiet ta’ sensara marittimi, li jagħmlu attivitajiet ta’ sensarija doganali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta indirizzat lir-Repubblika Franċiża, fit-3 ta’ Diċembru 1997, opinjoni motivata fejn essenzjalment ikkunsidrat li ż-żamma tal-monopolju tas-sensara marittimi kien inkompatibbli mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92. Din l-opinjoni motivata rabbtet lir-Repubblika Franċiża sabiex tadotta l-Liġi Nru 2001-43 li abolixxiet il-monopolju tas-sensara marittimi, b’tali mod li l-Komunità hija responsabbli għad-dannu kkawżat lir-rikorrenti minħabba t-tneħħija tal-privileġġ tagħhom.

48

Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkontestaw l-ammissibbiltà u l-fondatezza tar-rikorsi, u dan kemm fir-rigward tat-talba prinċipali u kif ukoll fir-rigward tat-talba sussidjarja. Barra minn hekk, fil-Kawża T-121/04, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors ta’ Anne Le Boutillier minħabba li ma ġiex speċifikat b’liema titolu din il-persuna hija s-suċċessura tad-drittijiet ta’ Martine Le Boutillier.

Preċiżjonijiet dwar il-portata tal-kwistjoni mogħtija mill-partijiet fil-mori tal-kawża

49

Fil-mori tal-kawża l-partijiet ippreċiżaw il-portata tal-kwistjoni bejniethom.

50

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fil-konfront tar-rikors ta’ A. Le Boutillier fil-Kawża T-121/04.

51

Barra minn hekk, fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti, wara li fakkru li s-sensara marittimi jagħmlu sensarija u mhux rappreżentazzjoni, ippreċiżaw li huma jwettqu t-trattament doganali tal-bastiment u mhux it-trattament doganali tal-merkanzija. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92, għalhekk, ma japplikax għalihom peress li jikkonċerna biss ir-rappreżentazzjoni waqt it-trattament doganali tal-merkanzija.

52

Matul is-seduta, ir-rikorrenti indikaw li l-attività ta’ sensara marittimi quddiem l-awtoritajiet doganali taqa’ taħt l-Artikoli 38, 43 u 44 tar-Regolament Nru 2913/92, li jirregolaw il-preżentazzjoni fid-dwana tal-merkanzija introdotta fit-territorju doganali. Skont ir-rikorrenti, id-dikjarazzjoni sommarja quddiem l-awtoritajiet doganali msemmija fl-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 2913/92 tikkorrispondi għall-preżentata tal-“Manifeste” li fir-rigward tiegħu jagħmluha ta’ sensara.

53

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ddikjaraw waqt is-seduta li l-kawża tad-dannu tagħhom ma hijiex l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92 iżda l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 1997 fejn din tat interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni meta kkunsidrat li dan l-artikolu kien jipprojbixxi ż-żamma tal-monopolju tas-sensara marittimi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

54

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fid-dawl tar-risposta tal-Kummissjoni, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minnha fil-konfront tar-rikors ta’ A. Le Boutillier fil-Kawża T-121/04.

55

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti waqt is-seduta, riprodotta fil-punt 53 iktar ’il fuq, fis-sens li l-opinjoni motivata tat-3 ta’ Diċembru 1997 waħedha hija l-kawża tad-dannu tagħhom, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għad-danni mressqa mir-rikorrenti b’mod prinċipali fir-rikorsi tagħhom, li hija bbażata fuq il-premessa li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92 huwa l-kawża tad-dannu allegat sa fejn jipprojbixxi ż-żamma tal-monopolju tas-sensara marittimi (ara l-punt 46 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma hijiex se teżamina l-kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà u ta’ mertu mqajma permezz tat-talba għad-danni tar-rikorrenti bbażata fuq din il-premessa tal-aħħar.

56

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali se teżamina biss it-talba għad-danni mressqa mir-rikorrenti b’mod sussidjarju fir-rikorsi tagħhom, li hija bbażata fuq il-premessa li d-dannu li ġarrbu kien ikkawżat mill-opinjoni motivata tat-3 ta’ Diċembru 1997. Il-Qorti Ġenerali se teżamina, l-ewwel nett, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront tar-rikorsi minħabba li l-Komunità ma tistax tiġi obbligata tagħmel tajjeb għal dannu kkawżat mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, minn fost l-eċċezzjonijiet imqajma f’dawn il-kawżi, din l-eċċezzjoni biss hija bbażata fuq din il-premessa tal-aħħar u hija din l-eċċezzjoni biss li ma tikkonċernax il-kwistjoni tal-imputabbiltà, kwistjoni relatata mal-mertu u mhux mal-ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois u Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-113/96, Ġabra p. II-125, punt 34). It-tieni nett, fl-eventwalità li din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda, il-Qorti Ġenerali se teżamina l-kwistjonijiet marbuta mal-mertu mqajma minn dawn ir-rikorsi.

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

57

Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li hija ma tistax tiġi obbligata tagħmel tajjeb għal dannu kkawżat mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

58

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Komunità ma tistax tinżamm responsabbli talli ma tkunx fetħet proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 2004, Makedoniko Metro u Michaniki vs Il-Kummissjoni, T-202/02, Ġabra p. II-181, punt 43, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata). Skont il-Kummissjoni, jekk individwu ma jistax jikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx fetħet proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa perfettament loġiku li individwu ma jistax jikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni tkun fetħet tali proċedura. Fil-kuntest tal-Artikolu 226 KE, huwa l-Istat Membru kkonċernat biss li jista’ jikkontesta l-ftuħ ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

59

Il-Kummissjoni tqis li l-konsegwenzi li l-Istat Membru jislet mill-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa fil-konfront tiegħu ma jistgħux jiġu imputati lilha. L-azzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, jew in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, l-istess bħall-fatt jekk fetħitx jew le l-proċedura, ma tistax tiġi imputata lill-Kummissjoni.

60

Ir-rikorrenti, sostnuti mill-intervenjenti, ma jaqblux li r-rikorsi tagħhom jistgħu jkunu inammissibbli minħabba li l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

61

Il-Kummissjoni tqis li rikors għad-danni bbażat fuq il-fatt li fetħet proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli minħabba li, jekk hija ma tistax tinżamm responsabbli talli ma fetħitx proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa perfettament loġiku li hija ma tistax tinżamm responsabbli talli fetħet tali proċedura.

62

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kif ġie rikonoxxut permezz ta’ ġurisprudenza ferm stabbilita, rikors għad-danni bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma fetħitx proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE [li sar l-Artikolu 258 TFUE] huwa inammissibbli. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, sa fejn il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiftaħ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, id-deċiżjoni tagħha li ma tiftaħtx tali proċedura ma tikkostitwixxix, fi kwalunkwe każ, illegalità, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma hijiex ta’ natura li twassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 1990, Asia Motor France vs Il-Kummissjoni, C-72/90, Ġabra p. I-2181, punti 13 sa 15, u digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 1997, Smanor et vs Il-Kummissjoni, T-201/96, Ġabra p. II-1081, punti 30 u 31; Makedoniko Metro u Michaniki vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punti 43 u 44). B’hekk, peress li l-Kummissjoni ma għandha ebda obbligu li tiftaħ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-fatt li ma tiftaħx tali proċedura ma jistax iwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità.

63

Madankollu, mill-fatt li ma hemmx responsabbiltà għall-fatt li ma tinfetaħx proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistax jiġi konkluż li l-ftuħ ta’ tali proċedura mill-Kummissjoni jeskludi wkoll kull responsabbiltà min-naħa tal-Komunità.

64

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li r-rikors għad-danni huwa rimedju legali awtonomu li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fost ir-rimedji legali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1971, Lütticke vs Il-Kummissjoni, 4/69, Ġabra p. 325, punt 6, u tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2007, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il-BĊE, T-3/00 u T-337/04, Ġabra p. II-4779, punt 293). Is-suġġett tar-rikors għad-danni huwa t-talba sabiex jiġi kkumpensat dannu kkawżat minn att jew minn aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 2004, Ombudsman vs Lamberts, C-234/02 P, Ġabra p. I-2803, punt 59, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

65

Għaldaqstant, irrispettivament mill-kwistjoni jekk jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament (ara l-punt 69 iktar ’il quddiem), kull att ta’ istituzzjoni, anki meta jkun ittieħed minn din l-istituzzjoni fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, jista’ jkun, bħala regola ġenerali, is-suġġett ta’ rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-277/97, Ġabra p. II-1825, punti 109 u 110, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 41).

66

Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali li tgawdi minnha istituzzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li teżentaha mill-obbligu tagħha li taġixxi inkonformità kemm man-normi superjuri tad-dritt, bħalma huma t-Trattat u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u kif ukoll mad-dritt sekondarju rilevanti. Meta l-legalità ta’ dan l-att tiġi kkontestata f’rikors għad-danni, din il-legalità tkun għalhekk suġġetta għal evalwazzjoni fid-dawl tal-obbligi tal-istituzzjoni msemmija.

67

Jekk jittieħed approċċ kuntrarju, dan ikun kontra l-prinċipju ta’ Komunità bbażata fuq id-dritt u jċaħħad lir-rikors għad-danni mill-effett utli tiegħu sa fejn tali approċċ jipprekludi lill-qorti milli tevalwa l-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni meta jiġi ppreżentat tali rikors (sentenza Ombudsman vs Lamberts, punt 64 iktar ’il fuq, punt 61).

68

Għaldaqstant, għalkemm, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha taħt l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni tista’ tevalwa b’mod liberu jekk huwiex opportun li tiftaħ jew le azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru mingħajr ma hija obbligata tiġġustifika l-għażla tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-70/99, Ġabra p. I-4845, punt 17), u għalkemm hija tista’, għaldaqstant, tindirizza fl-istess kundizzjonijiet opinjoni motivata lil Stat Membru fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi verament eċċezzjonali, individwu jista’ juri li tali opinjoni motivata hija vvizjata b’illegalità li tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali ta’ natura li jikkawżalu dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ombudsman vs Lamberts, punt 64 iktar ’il fuq, punt 52, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2002, Lamberts vs Ombudsman, T-209/00, Ġabra p. II-2203, punt 57).

69

Il-fatt li opinjoni motivata tal-Kummissjoni maħruġa skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE ma tikkostitwixxix att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi u, għalhekk, li din l-opinjoni ma hijiex att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Marzu 1966, Lütticke et vs Il-Kummissjoni, 48/65, Ġabra p. 27, 39; digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Frar 1998, Smanor et vs Il-Kummissjoni, T-182/97, Ġabra p. II-271, punt 28, u tal-5 ta’ Settembru 2006, AEPI vs Il-Kummissjoni, T-242/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 30) ma jaffettwax l-evalwazzjoni preċedenti. Fil-fatt, bħala regola ġenerali, opinjoni motivata tista’, minħabba l-kontenut illegali tagħha, tikkawża dannu lil terzi. B’hekk, pereżempju, ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tikkawża dannu lil persuni li jkunu għaddewlha informazzjoni kunfidenzjali jekk tiżvela din l-informazzjoni f’opinjoni motivata. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li opinjoni motivata jkun fiha informazzjoni ineżatta dwar ċerti persuni li tkun ta’ natura li tikkawżalhom dannu.

70

Issa, il-kwistjoni ta’ jekk opinjoni motivata tistax twassal għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni taqa’ taħt l-eżami tal-mertu u mhux taħt l-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors.

71

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

Fuq l-eżistanza ta’ ksur suffiċjentement serju

L-argumenti tal-partijiet

72

Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-opinjoni motivata tat-3 ta’ Diċembru 1997, li tistieden lir-Repubblika Franċiża sabiex temenda l-Artikolu L-131-2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ sa fejn jagħti lis-sensara marittimi privileġġ inkompatibbli mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2913/92, hija żbaljata sa fejn dan l-artikolu ma japplikax għall-attivitajiet tas-sensara marittimi.

73

Il-Kummissjoni u l-Kunsill ma jaqblux ma’ dan l-argument.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

74

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, meta l-illegalità ta’ att legali tkun inkwistjoni, sabiex tkun stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità huwa meħtieġ li jkun hemm ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha jkun li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni, T-259/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata). Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li ksur tad-dritt Komunitarju huwa suffiċjentement serju huwa l-kriterju tan-nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, min-naħa ta’ istituzzjoni, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punti 43 u 44, u tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C-282/05 P, Ġabra p. I-2941, punt 47].

75

It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif prevista fl-Artikolu 226 KE hija proċedura speċifika intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattat (ara, f’dan is-sens l-Artikolu 211 KE), tiżgura l-osservanza tad-dritt Komunitarju min-naħa tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-431/92, Ġabra p. I-2189, punt 21). Din il-proċedura tippermetti lill-Kummissjoni tikseb, wara l-adozzjoni ta’ opinjoni motivata, sakemm l-Istat Membru indirizzat ma jimxix ma’ din l-opinjoni, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-nuqqasijiet imqajma fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-kompetenza sabiex tikkonstata li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju (digriet tas-16 ta’ Frar 1998, Smanor et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 28).

76

Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tevalwa b’mod liberu jekk huwiex opportun li tiftaħ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 68 iktar ’il fuq, punt 17), hija ma tistax tikkonstata b’mod vinkolanti tali nuqqas. Fil-fatt, matul proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tista’ tagħti biss opinjoni dwar in-nuqqas ta’ osservanza min-naħa ta’ Stat Membru tad-dritt Komunitarju. Sa fejn, f’din l-opinjoni, hija sempliċement tieħu pożizzjoni dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju, l-adozzjoni ta’ din l-opinjoni ma tistax twassal għal ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi.

77

Għaldaqstant, lanqas it-teħid ta’ pożizzjoni żbaljata mill-Kummissjoni, f’opinjoni motivata, dwar il-portata tad-dritt Komunitarju ma jista’ jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju li jista’ jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità. It-talbiet għad-danni tar-rikorrenti, għalhekk, ma humiex fondati.

78

Għall-kuntrarju, jekk l-evalwazzjonijiet magħmula f’opinjoni motivata jmorru lil hinn mid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu jew jekk aġir ieħor min-naħa tal-Kummissjoni fl-okkażjoni ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jmur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha, pereżempju l-iżvelar indebitu ta’ sigrieti kummerċjali jew ta’ informazzjoni li tista’ tippreġudika r-reputazzjoni ta’ persuna, dawn l-evalwazzjonijiet jew dan l-aġir jistgħu jikkostitwixxu ksur ta’ natura li jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li f’din il-kawża ma huwiex allegat tali ksur.

Fuq ir-rabta kawżali

Introduzzjoni

79

Irrispettivament mill-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġi vverifikat ukoll jekk teżistix rabta kawżali bejn l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-opinjoni motivata tat-3 ta’ Diċembru 1997 u d-dannu allegat mir-rikorrenti.

L-argumenti tal-partijiet

80

Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill jirrikonoxxi li l-Liġi Nru 2001-43, li kkonfermat it-telf tal-privileġġ tas-sensara marittimi, u għalhekk id-dannu mġarrab minnhom, kienet adottata fuq il-bażi tal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 1997.

81

Ir-Repubblika Franċiża, id-destinatarja ta’ din l-opinjoni motivata, ma kellha ebda diskrezzjoni sabiex tieħu l-miżura nazzjonali li tapplika d-dritt Komunitarju. L-isem tal-Liġi Nru 2001-43 juri l-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi sempliċement ċedew għall-ordnijiet tal-Kummissjoni mogħtija fl-opinjoni motivata tat-3 ta’ Diċembru 1997.

82

Għalhekk, il-Liġi Nru 2001-43 ma tistax titqies bħala separazzjoni bejn l-att Komunitarju li kkawża d-dannu u dan tal-aħħar. Id-dannu mġarrab mir-rikorrenti huwa għalhekk imputabbli kompletament lill-Kummissjoni, minkejja l-adozzjoni mir-Repubblika Franċiża tal-Liġi Nru 2001-43, u hija biss il-qorti Komunitarja li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ talba għad-danni intiża sabiex jiġi kkumpensat tali dannu.

83

Ir-rikorrenti jenfasizzaw li r-responsabbiltà esklużiva tal-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni fid-dawl tar-rwol tagħha fir-redazzjoni tal-att kontenzjuż, hija l-kontroparti tal-limiti u taċ-ċedimenti ta’ sovranità tal-Istati Membri għall-ħolqien tal-unjoni doganali.

84

Il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jaqblux ma’ dan l-argument.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

85

Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, rabta kawżali tkun stabbilita meta jkun hemm rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni u d-dannu invokat, rabta li għandha tiġi pprovata mir-rikorrent. L-aġir allegat, għalhekk, għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 59; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-149/96, Ġabra p. II-3841, punt 101; ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2000, Royal Olympic Cruises et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-201/99, Ġabra p. II-4005, punt 26, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata, ikkonfermata fl-appell b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 2002, Royal Olympic Cruises et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-49/01 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra; sentenza Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il-BĊE, punt 64 iktar ’il fuq, punt 292).

86

Issa, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-opinjoni motivata tat-3 ta’ Diċembru 1997 u d-dannu allegat mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-uniċi atti li l-Kummissjoni tista’ tasal sabiex tieħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu rregolata mill-Artikolu 226 KE huma atti indirizzati lill-Istati Membri (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Diċembru 2003, Viomichania Syskevasias Typopoiisis Kai Syntirisis Agrotikon Proïonton vs Il-Kummissjoni, T-334/02, Ġabra p. II-5121, punt 44, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata). Din il-proċedura għalhekk tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

87

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE tagħmel distinzjoni bejn fażi prekontenzjuża jew amministrattiva u fażi kontenzjuża jew ġudizzjarja. Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tqis li Stat Membru naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu, hija l-ewwel tibda fażi prekontenzjuża li matulha hija tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jieħu pożizzjoni dwar in-nuqqas allegat fil-konfront tiegħu. Il-Kummissjoni tikkonkludi din il-fażi prekontenzjuża billi tindirizza opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru. L-għan tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 226 KE huwa li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju jew li jqajjem b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 25). Għalhekk, l-Istat Membru ma huwiex obbligat isegwi din l-opinjoni motivata iżda jista’, jekk iqis li l-Kummissjoni ma għandhiex raġun li tallega nuqqas fil-konfront tiegħu, ma jikkonformax ruħu ma’ din l-opinjoni.

88

Huwa biss fl-eventwalità li l-imsemmi Stat Membru ma jikkonformax ruħu, fit-terminu mogħti lilu għal dan l-iskop, mal-opinjoni motivata li tkun indirizzata lilu li l-Kummissjoni tista’, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 226 KE, tiftaħ fażi kontenzjuża billi tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-221/04, Ġabra p. I-4515, punt 22, u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata).

89

Dan ir-rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 226 KE għandu l-għan li jiġi kkonstatat li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi Komunitarji tiegħu, u hija l-konstatazzjoni ta’ tali nuqqas li tobbliga lill-Istat Membru inkwistjoni jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi eżegwita s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-104/02, Ġabra p. I-2689, punt 49).

90

Peress li l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa mill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 226 KE, tikkonċerna biss ir-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u peress li, barra minn hekk, tali proċedura twassal inizjalment għal opinjoni motivata li l-Istat Membri jista’ jsegwi jew jinjora, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Diċembru 1997 setgħetx tikkostitwixxi, minħabba l-kontenut tagħha, il-kawża determinanti tad-dannu allegat mir-rikorrenti.

91

F’dan ir-rigward għandu jingħad li, fl-opinjoni motivata msemmija, il-Kummissjoni kkonstatat li, billi rriżervat għas-sensara marittimi, skont l-Artikolu L-131-2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, ir-rappreżentazzjoni għat-twettiq tal-atti u tal-formalitajiet marbuta mal-proċeduri doganali, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 2913/92. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lir-Repubblika Franċiża sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn.

92

Issa, il-fatt li, fl-opinjoni motivata tat-3 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu L-131-2 tal-Kodiċi tal-Kummerċ kien inkompatibbli mad-dritt Komunitarju — u li l-Kummissjoni setgħet żbaljat f’dan ir-rigward — huwa fir-realtà irrilevanti għal dawn il-kawżi peress li l-imsemmija opinjoni motivata ma kinitx tobbliga lill-Istat Membru jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija biss sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jkollha tali effett vinkolanti.

93

Fin-nuqqas ta’ effett vinkolanti tal-opinjoni motivata tat-3 ta’ Diċembru 1997 sa fejn fiha l-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt Komunitarju, din l-opinjoni motivata ma tistax titqies bħala l-kawża determinanti tad-dannu allegat mir-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rabta kawżali bejn id-dannu allegat u l-fatt li kkawżah, jiġifieri, skont ir-rikorrenti, l-opinjoni motivata tat-3 ta’ Diċembru 1997, ma ġietx stabbilita.

94

Għaldaqstant, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq l-ispejjeż

95

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

96

Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni u mill-Kunsill.

97

Barra minn hekk, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

98

F’dan il-każ, l-intervenjenti interveniet, fil-Kawża T-440/03, insostenn tar-rikorrenti, li tilfu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li l-intervenjenti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess.

99

Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess ikkawżati mill-intervent peress li ma talbux li, fil-każ li jiġu miċħuda r-rikorsi, l-intervenjenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

2)

Jean Arizmendi u s-60 rikorrent l-oħra li isimhom jinsab fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ix-Chambre nationale des courtiers maritimes de France għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

4)

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom ikkawżati mill-intervent tax-Chambre nationale des courtiers maritimes de France.

 

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Diċembru 2009.

Firem

Anness

Kawża T-440/03,

Alain Assier de Pompignan, residenti f’Fort-de-France (Franza),

Bruno Bachemont, residenti f’Dunkerque (Franza),

Eredi ta’ Frédéric Blanchy, residenti f’Bordeaux (Franza),

Stéphane De Borville, residenti f’Dunkerque,

Jean-Pierre Caradec, residenti f’Brest (Franza),

Jean-Jacques Caruel, residenti f’Baie Mahault (Franza),

Christian Colin-Olivier, residenti f’Havre (Franza),

Édouard Croze, residenti f’Nice (Franza),

Philippe Demonchy, residenti f’Boulogne-sur-mer (Franza),

Eredi ta’ Jacques Durand-Viel, residenti f’Lacanau (Franza),

Michel Elain, residenti f’Brest,

Bernard Flandin, residenti f’Rouen (Franza),

Patrick Foissey, residenti f’Calais (Franza),

François Boyer de la Giroday, residenti f’Bassens (Franza),

Thierry Gelée, residenti f’Tréport (Franza),

Stanislas Gomercic, residenti f’Marseille (Franza),

Michel Hecquet, residenti f’Dunkerque,

Jacques Héliard, residenti f’Nantes (Franza),

Xavier Humann, residenti f’Havre,

Francis Humann, residenti f’Rouen,

Michel Jolivet, residenti f’Montoir (Franza),

Guy Jourdan-Barry, residenti f’Marseille,

Pierre Lambot, residenti f’Sables-d’Olonne (Franza),

Pierre Laurent, residenti f’Rochefort (Franza),

Joachim Lefebvre, residenti f’Dunkerque,

Didier Levavasseur, residenti f’Havre,

Alexis Lobadowski, residenti f’Havre,

Eredi ta’ Erik Martin, residenti f’Havre,

Éric Mascle, residenti f’Port-la-Nouvelle (Franza),

Catherine Meclot, residenti f’Basse-Terre (Franza),

Loïc Morice, residenti f’Brest,

Roger Phelippeau, residenti f’Toulon (Franza),

Serge Pierre, residenti f’Dunkerque,

Jean-Pierre Porry, residenti f’Fort-de-Franza,

Antoine Ravisse, residenti f’Calais,

Eredi ta’ Félix Rogliano, residenti f’Port-de-Bouc (Franza),

François Sédard, residenti f’Venosc (Franza),

Raymond Schmit, residenti f’Pointe-à-Pitre (Franza),

Jean-Philippe Taconet, residenti f’Havre,

Lionel Taconet, residenti f’Rouen,

Philippe Thillard, residenti f’Havre,

Olivier Vallois, residenti f’Dunkerque,

Daniel-Guy Voillot, residenti f’Havre.

Kawża T-121/04,

Henri Boquien, residenti f’Bordeaux,

Yves Delamaire, residenti f’Saint-Malo (Franza),

Éric Eltvedt, residenti f’Marseille,

Thierry Ferran, residenti f’Port-Vendres (Franza),

Didier Frisch, residenti f’Sète (Franza),

Merri Jacquemin, residenti f’Larmor-Plage (Franza),

Eredi ta’ Anne Le Boutillier, residenti f’La Rochelle (Franza),

Pierre-Olivier Le Normand de Bretteville, residenti f’Port-de-Bouc,

Gérard Lesaignoux, residenti f’Sète,

Jean-Pierre Roger, residenti f’Plerin (Franza),

Michel Roy, residenti f’Saint-Malo,

Léon Ruggiero, residenti f’Sète,

Pascal Vialard, residenti f’Sète.

Kawża T-171/04,

Daniel Surget, residenti f’Cherbourg (Franza).

Kawża T-208/04,

Dominique Hardy, residenti f’Coudeville-Plage (Franza).

Kawża T-365/04,

Dominique Cantoni, residenti f’Marseille.

François Pilat, residenti f’Honfleur (Franza).

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Il-fatti

 

L-istatus inizjali tas-sensara marittimi

 

L-istorja u n-natura tal-istatus ta’ sensar marittimu

 

Konsegwenzi tal-istatus ibridu tas-sensara marittimi

 

— Qafas ġenerali tal-obbligi u tad-drittijiet rilevanti

 

— Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-privileġġ

 

— Kamp ta’ applikazzjoni territorjali u personali tal-privileġġ

 

— Obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ uffiċjal pubbliku

 

— Drittijiet li jirriżultaw mill-kariga ta’ uffiċjal pubbliku

 

Tneħħija tal-privileġġ tas-sensara marittimi

 

Adozzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

 

Emenda tal-leġiżlazzjoni Franċiża

 

Il-proċedura

 

It-talbiet tal-partijiet

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq il-prinċipji dwar l-involviment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali

 

Fuq il-portata tar-rikors

 

Sunt tal-argumenti tal-partijiet

 

Preċiżjonijiet dwar il-portata tal-kwistjoni mogħtija mill-partijiet fil-mori tal-kawża

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq l-ammissibbiltà

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq il-mertu

 

Fuq l-eżistanza ta’ ksur suffiċjentement serju

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq ir-rabta kawżali

 

Introduzzjoni

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.