SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

tal-11 ta’ Lulju 2007

Kawża T-93/03

Spyros Konidaris

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Uffiċjali – Reklutaġġ – Impjieg ta’ direttur fil-grad A 2 – Ċaħda ta’ kandidatura – Rikors għal annullament – Obbligu ta’ motivazzjoni – Regolarità ta’ l-eżami komparattiv tal-kandidaturi – Evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidat innominat”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent għall-post ta’ direttur għad-direzzjoni ġenerali “Soċjetà ta’ l-informazzjoni”.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Rifjut ta’ kandidatura – Obbligu ta’ motivazzjoni mhux iktar tard mill-istadju taċ-ċaħda ta’ l-ilment

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 25, u l-Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali – Avviż ta’ post vakanti – Determinazzjoni tal-kwalifiki minimi meħtieġa għall-impjieg ta’ direttur

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 29)

3.      Uffiċjali – Post vakanti – Mili ta’ post vakanti permezz ta’ promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29(1) u 45)

4.      Uffiċjali – Post vakanti – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5(3) u 29)

5.      Uffiċjali – Post vakanti – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 4 u 29)

1.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra mhijiex obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fil-konfront ta’ kandidati li ma jkunux ingħataw promozzjoni, hija hi obbligata, min-naħa l-oħra, timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-ilment imressaq skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti minn kandidat li ma jkunx ingħata promozzjoni, peress li l-motivi għal din id-deċiżjoni huma preżunti li jikkoinċidu mal-motivi li kontrihom huwa dirett l-ilment. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li l-motiv tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura ta’ uffiċjal għal impjieg li għandu jimtela permezz ta’ promozzjoni jissodisfa l-eżistenza tal-kundizzjonijiet legali kollha neċessarji sabiex il-proċedura tkun regolari skond ir-Regolamenti.

Jekk in-nuqqas totali ta’ motivi għaċ-ċaħda ta’ kandidatura ta’ uffiċjal kandidat għal impjieg li għandu jimtela permezz ta’ promozzjoni ma jistax jiġi ġustifikat minn spjegazzjonijiet mogħtija mill-Awtorità tal-Ħatra wara li jiġi ppreżentat ir-rikors ġudizzjarju, min-naħa l-oħra sempliċi insuffiċjenza tal-motivazzjoni mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura prekontenzjuża mhijiex ta’ natura li tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni meħuda meta tingħata informazzjoni komplementari mill-amministrazzjoni matul il-proċedimenti ta’ l-istanza. B’dan il-mod jista’ jingħata rimedju għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni li kien hemm fil-bidu permezz ta’ informazzjoni komplementari li tingħata, anke matul il-proċedimenti ta’ l-istanza, meta, qabel ma jippreżenta r-rikors tiegħu, l-interessat kellu diġà l-elementi li jikkostitwixxu bidu ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 51, 53, 54 u 58)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, Ġabra p. 1099, punt 14; Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Diċembru 1993, Il-Parlament vs Volger, C‑115/92 P, Ġabra p. I‑6549, punt 22; Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gaspari, C‑316/97 P, Ġabra p. I‑7597, punt 29; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il-Parlament, T‑52/90, Ġabra p. II‑121, punt 40, ikkonfermat minn Il-Parlament vs Volger, iċċitat iktar ’il fuq, punti 22 sa 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Marzu 1997, Picciolo u Caló vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑178/95 u T‑179/95, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑155, punt 34; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Jannar 2000, Gouloussis vs Il-Kummissjoni, T‑86/98, Ġabra SP p. I‑A‑5 u II‑23, punti 73 sa 77; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T‑117/01, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑121, punti 26 u 30; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑135/00, Ġabra SP p. I‑A‑265 u II‑1313, punti 34 u 37; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, Ġabra SP p. I‑A‑253 u II‑1169, punt 36

2.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalitajiet meħtieġa għall-postijiet vakanti li għandhom jimtlew u żball manifest fl-evalwazzjoni skond id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet minimi neċessarji sabiex jimtela l-impjieg in kwistjoni biss jista’ jwassal għall-illegalità ta’ l-avviż ta’ post vakanti.

Fir-rigward ta’ impjieg ta’ direttur, l-istituzzjoni tista’, mingħajr ma tkun qegħda tikkometti żball manifest fl-evalwazzjoni, tikkunsidra li l-esperjenza jew il-konoxxenza speċifika fil-qasam tad-direzzjoni in kwistjoni jista’ jkollu rwol inqas determinanti mill-pussess ta’ kwalitajiet ġenerali ta’ direzzjoni, ta’ analiżi u ta’ ġudizzju f’livell għoli, minħabba li l-esperjenza u l-konoxxenza teknika jistgħu dejjem jinstabu fi ħdan id-direzzjoni stess.

(ara l-punti 72 u 74)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Ottubru 1990, Gallone vs Il-Kunsill, T‑132/89, Ġabra p. II‑549, punt 27; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Marzu 1993, Booss u Fischer vs Il-Kummissjoni, T‑58/91, Ġabra p. II‑147, punt 69; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Mejju 1997, Contargyris vs Il-Kunsill, T‑6/96, ĠabraSP p. I‑A‑119 u II‑357, punt 100; Morello vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 69

3.      Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxi element ta’ ġudizzju indispensabbli kull darba li karriera ta’ uffiċjal tittieħed in kunsiderazzjoni mill-awtorità ġerarkika. Proċedura ta’ promozzjoni hija vvizzjata b’irregolarità meta l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx tista’ twettaq eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati minħabba li r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera ta’ wieħed jew uħud minnhom ikun ġie redatt mill-amministrazzjoni b’dewmien sostanzjali. Madankollu, tali difett mhuwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni għan-nomina ħlief jekk in-nuqqas tar-rapport ta’ evalwazzjoni seta’ kellu effett deċisiv fuq il-proċediment.

F’dan ir-rigward, jeżistu differenzi bejn il-proċedura ta’ mili ta’ post vakanti permezz ta’ trasferiment jew promozzjoni, li ssir skond l-Artikolu 29(1)(a) tar-Regolamenti, u dik skond il-proċedura ta’ promozzjoni prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti. Jekk din l-aħħar proċedura għandha l-għan li tmexxi l-karriera ta’ l-uffiċjali skond l-isforzi li jkunu għamlu u skond il-merti li jkunu wrew fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, jiġifieri li jiġu ppremjati dawk l-uffiċjali li jkunu taw prova, fil-passat, ta’ merti globalment superjuri, il-proċedura ta’ mili ta’ post vakanti għandha l-għan li tfittex, fl-interess uniku tad-dipartiment, l-uffiċjal l-aktar adatt sabiex iwettaq id-dmirijiet relatati ma’ l-impjieg li għandu jimtela. Għalhekk, fil-kuntest ta’ l-eżami komprattiv tal-merti, l-Awtorità tal-Ħatra mhijiex obbligata tibbaża l-ġudizzju tagħha fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni, imma tista’ tieħu in kunsiderazzjoni elementi oħra relatati mal-merti tal-kandidati, bħal informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni amministrattiva jew personali tagħhom. Din l-informazzjoni tista’ tkun tali li tirrelativizza l-evalwazzjoni li tkun saret abbażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 88 u 90 sa 92)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 27 ta’ Jannar 1983, List vs Il-Kummissjoni, 263/81, Ġabra p. 103, punti 25 u 26; Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Frar 1987, Bonino vs Il-Kummissjoni, 233/85, Ġabra p. 739, punt 5; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 3 ta’ Marzu 1993, Vela Palacios vs CES, T‑25/92, Ġabra p. II‑201, punti 40 u 43; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Novembru 1993, X vs Il-Kummissjoni, T‑89/91, T‑21/92 u T‑89/92, Ġabra p. II‑1235, punti 49 u 50; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Marzu 1998, Manzo-Tafaro vs Il-Kummissjoni, T‑221/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑307, punt 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 24 ta’ Frar 2000, Jacobs vs Il-Kummissjoni, T‑82/98, Ġabra SP p. I‑A‑39 u II‑169, punt 36; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Ottubru 2000, Rappe vs Il-Kummissjoni, T‑202/99, Ġabra SP p. I‑A‑201 u II‑911, punt 40; Morello vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89

4.      Fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Awtorità tal-Ħatra skond id-definizzjoni tal-modi ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidaturi, hija din l-awtorità kif ukoll id-diversi responsabbli ġerarkiċi li kienu ġew ikkonsultati matul il-proċedura ta’ promozzjoni jew trasferiment li jevalwaw, f’kull pass ta’ l-eżami tal-kandidaturi, jekk ikunx il-każ li jinġabru, f’dan l-istadju, informazzjoni jew elementi ta’ evalwazzjoni supplementari permezz ta’ intervista lill-kandidati kollha jew lil xi uħud minnhom, sabiex jieħdu deċiżjoni kemm jista’ jkun informata. L-ebda dispożizzjoni ma tagħti lill-kandidati, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reklutaġġ, id-dritt li jikkomunika mal-kap ġerarkiku potenzjali. L-Awtorità tal-Ħatra mhijiex obbligata torganizza intervisti mal-kandidati għal xi impjieg ħlief jekk, u sakemm, tali obbligu jirriżulta mill-kuntest ġuridiku li hi tkun stabbiliet.

Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-amministrazzjoni f’dak li jirrigwarda l-isvolġiment l-proċedura jew il-metodu adottat fl-eżami komparattiv tal-kandidaturi huwa limitat bin-neċessità li dan l-eżami jseħħ b’kura u imparzjalità, fl-interess tad-dipartiment u skond il-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-uffiċjali, stipulat, fi kliem ġenerali, fl-Artikolu 5(3) tar-Regolamenti. Fil-prattika, l-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati għandu jsir fuq bażi ugwali u jkun ibbażat fuq sorsi ta’ informazzjoni u ta’ tagħrif komparabbli.

(ara l-punti 107, 108 u 110)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il-Kummissjoni, 282/81, Ġabra p. 1245, punt 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Novembru 1993, Perakis vs Il-Parlament, T‑78/92, Ġabra p. II‑1299, punt 15; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Novembru 1993, Tsirimokos vs Il-Parlament, T‑76/92, Ġabra p. II‑1281, punt 20; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Novembru 2003, Cougnon vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑240/01, Ġabra SP p. I‑A‑263 u II‑1283, punti 67 u 70

5.      Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ kandidatura mal-bżonnijiet stabbiliti f’avviż ta’ post vakanti, l-Awtorità tal-Ħatra għandha, b’mod partikolari fil-każ meta l-impjieg li għandu jimtela jkun ta’ grad A 1 jew A 2, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-ipparagunar tal-merti tal-kandidati għal tali impjieg. L-eżerċizju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa jitlob madankollu eżami skrupluż ta’ l-inkartamenti tal-kandidatura u osservanza kuxjenzjuża tal-bżonnijiet indikati fl-avviż ta’ post vakanti, b’mod li l-Awtorità tal-Ħatra teskludi kull kandidat li ma jissodisfax dawn il-bżonnijet. Fil-fatt, l-avviż ta’ post vakanti huwa qafas ġuridiku li l-Awtorità tal-Ħatra timponi fuqha nfisha u li għandha tirrispetta b’mod rigoruż.

(ara l-punti 120 u 121)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Lulju 2002, Tilgenkamp vs Il-Kummissjoni, T‑158/01, Ġabra SP p. I‑A‑111 u II‑595, punti 50 u 51; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Novembru 2003, Faita vs CES, T‑248/02, ĠabraSP p. I‑A‑281 u II‑1365, punt 70