SENTENZA TAL-QORTI tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla)

20 ta' Ottubru 2005 (*)

"Tariffi doganali komuni – Dazju fuq l-importazzjoni– Valur doganali li jinkludi kummissjoni tax-xiri – Applikazzjoni tad-dazju doganali fuq l-ammont totali ddikjarat – Reviżjoni tad-dikjarazzjoni tad-Dwana – Kundizzjonijiet – Ħlas lura tad-dazji doganali imħallsa fuq il-kummissjoni tax-xiri"

Fil-kawża C-468/03,

Li għandha bħala suġġett it-talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressaq mit- VAT and Duties Tribunal, Londra (Renju-Unit), permezz ta' deċiżjoni tad-29 ta' Settembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Novembru 2003, fil-proċedimenti

Overland Footwear Ltd

vs

Commissioners of Customs & Excise,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla),

komposta min M. C. W. A. Timmermans, J. Makarczyk Presidenti ta' l-Awla, C. Gulmann (relatur), R. Schintgen u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: K. Sztranc, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' April 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Overland Footwear Ltd, minn R. Cordara, QC,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala ta' aġent, assistit minn S. Moore, barrister,

–       għall-Gvern tal-Ġermanja, minn W.‑D. Plessing u M. Lumma, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn  X. Lewis, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-25 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 29, 32, 33, 78 u 236 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92(KEE), tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p.1, iktar il-quddiem il- "kodiċi doganali").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest kawża bejn Overland Footwear Ltd (iktar il-quddiem "Overland") u il- Commissioners of Customs & Excise (iktar il-quddiem il-"Commissioner") dwar il-ħlas lura tad-dazji doganali mħallsa fuq il-kummissjonijiet tax-xiri inklużi fl-ammont totali ddikjarat lid-dwana. Din ġiet wara talba għal deċiżjoni preliminari preċedenti ppreżentata mill-qorti ta' rinvju fil-kuntest ta' l-istess kawża u li wasslet għas-sentenza tal-5 ta'  Diċembru 2002, Overland Footwear (C-379/00, Ġabra. p. I-11133).

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

"Il-valur doganali ta' merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33[...]"

4       L-Artikolu 32 ta' l-istess kodiċi jipprovdi:

"1.Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:

(a) li ġejjin, sal-punt li jkunu ġew inkorsi mix-xerrej iżda m'humiex inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija:

(i) kummissjonijiet u senserija, minbarra kummissjonijiet tax-xiri; [...]

3.      Ebda żieda m'għandha ssir fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali ħlief kif ipprovdut f'dan l-Artikolu.

4.      F'dan il-Kapitolu, it-terminu "kummissjonijiet tax-xiri" jfisser drittijiet mħallsa minn importatur lill-aġent tiegħu għas-servizz li jirrapreżentah fix-xiri tal-merkanzija li qed tkun stmata.

[…]"

5       L-Arikolu 33, e), jippreċiża:

"Sakemm jintwerew separatament mill-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas, is-segwenti m'għandhomx jiġu inklużi fil-valur doganali:

[...]

e)      kummissjonijiet tax-xiri;

[…]"

6       L’Artikolu 65 jipprovdi

"Id-dikjara[nt] għand[u], fuq talba tiegħu, [j]kun awtorizzat sabiex [j]emenda waħda jew aktar mid-dettalji tad-dikjarazzjoni wara li tkun ġiet aċċettata mid-dwana. L-emenda m'għandux ikollha l-effett li tirrendi d-dikjarazzjoni applikabbli għal merkanzija ħlief dik li oriġinarjament kienet tkopri.

Iżda, ebda emenda m'għandha tiġi permessa meta l-awtorizzazzjoni tintbagħat wara li l-awtoritajiet doganali:

[...]

c)       […] ikunu ħelsu l-merkanzija."

7       L’Artikolu 78, taħt it-titolu "Eżami tad-dikjarazzjonijiet wara r-rilaxx", jipprovdi:

"1.      L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija..

2.      L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x'taqsam ma' l-operazzjonijiet ta' importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta' kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f'dawk l-operazzjonijiet f'kapaċità kummerċjali jew ta' kull persuna oħra li jkollha f'idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta.

3.      Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta' informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom."

8       L-Artikolu 236 jipprovdi:

"1.      Dazji fuq l-importazzjoni […] għandhom jitħallsu lura sakemm jiġi stabbilit li meta kien tħallas l-ammont ta' dawk id-dazji ma kienx legalment dovut jew li dak l-ammont iddaħħal fil-kontijiet bi ksur ta' l-Artikolu 220(2).

[...]

Ebda ħlas lura […] m'għandha tingħata meta l-fatti li wasslu għall-ħlas […] ta' ammont li ma kienx legalment dovut kienu r-riżultat ta' azzjoni maħsuba mill-persuna involuta.

2.      Dazji fuq l-importazzjoni […] għandhom jitħallsu lura […] malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta' dawk id-dazji kien ġie kkomunikat lid-debitur.

Dak il-perjodu għandu jiġi estiż jekk il-persuna interessata tipprovdi evidenza li ma kenitx tħalliet tippreżenta l-applikazzjoni tagħha fil-perjodu msemmi b'riżultat ta' ċirkostanzi imprevedibbli jew ta' forza maġġuri.

[...]"

 Il-kawża prinċipali, it-talba għal deċiżjoni preliminari preċedenti u d-domandi preliminari

9       Fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, Overland, kumpannija stabbilita fir-Renju Unit, xtratt prodotti li kienu ġew iffabbrikati barra mill-Komunità, b'mod partikolari żraben, li mbgħadhi importat u biegħet. Wolverine Far East (iktar il-quddiem "Wolverine") kien l-aġent tagħha li jixtri fil-Lvant Imbiegħed.

10     Overland ħallset lil Wolverine għas-servizzi tagħha permezz ta' kummissjoni tax-xiri ta' 4 % fuq il-prezz tal-bejgħ. Hi ħalset din il-kummissjoni lil min immanifatturhom, li dawwarhom fuq Wolverine għan-nom ta' Overland.

11     Qabel l-1 ta' Jannar 1998, id-dikjarazzjonijiet ta' l-importazzjonijiet ippreżentati min Overland fiz-żmien meta kienu tqiegħedu fiċ-ċirkolazzjoni l-prodotti in kwistjoni, jndikaw bħala valur doganali l-ammont li kien jidher fuq il-fattura tal-produttur. Dan l-ammont kien jinkludi l-kummissjoni fuq ix-xiri li ma kientx tidher separata. Għaldaqstant id-dazju fuq l-importazzjoni kien ikkalkulat u mħallas wkoll fuq din il-kummissjoni.

12     Mill-1 ta' Jannar 1998, bi ftehim mal-Commissioners, Overland uriet, il-kummissjoni tax-xiri u il-prezz tal-bejgħ tal-prodotti importati b'mod separat fuq id-dikarazzjonijiet ta' l-importazzjoni. Min din il-ġurnata l- Commissioners ma ħadmux aktar dazji fuq l-ammonti indicati bħala kumissjoni tax-xiri.

13     Skond l-Artikolu 236 tal-Kodiċi tad-dwana, Overland ippreżentat erba' talbiet lill- Commissioners sabiex titħallas lura 38 085,45 GBP ta' dazji li hi ħallset għall- merkanzija importata ta' qabel 1998. Hi żgurat li parti mill-valur muri fuq kull dikjarazzjoni ta' importazzjoni kien jikkorrispondi għal kummissjoni tax-xiri u li l-ebda dazju ma kien dovut fuq dan l-ammont .

14     L-ewwel tlett talbiet li kellhom l-għan li jitħallsu lura l-ammont ta' 4 384,29 GBP, ġew milqugħa permezz ta' l-ittri tal-5 ta' Mejju, ta' l-1 ta' Lulju u ta' l-24 ta' Lulju 1998 u l-ħlas lura ġie effetwat. Madankollu wara re-eżami, l-Commissioners kkunsidraw li minħabba l-fatt li d-dazji kienu legalment dovuti d-deċiżjonijiet tagħhom li jagħtu rifużjoni lil Overland kienu zballjati. Permezz ta' deċiżjonijiet tat-30 ta' Novembru u 16 ta' Diċembru 1998, huma talbu lil Overland biex tirrifondi s-somma totali ta' 4 384,29 GBP. Huma kkonfermaw din it-talba bid-deċiżjonijiet tal-4 u 5 ta' Frar 1999.

15     Barra min hekk il- Commissioners, permezz ta' l-ittra tad-29 ta' Ottubru 1998 ċaħdu r-raba' talba ta' Overland għar-rifużjoni ta' 33 701,16 GBP. Bit-tieni deċiżjoni tal- 5 ta' Frar 1999, huma kkonfermaw dan ir-rifjut.

16     Overland ippreżentat rikors quddiem il-VAT and Duties Tribunal, Londra, kontra d-deċiżjoni ta' l-4 ta' Frar 1999 u kontra iż-żewġ deċiżjonijiet tal-5 ta' Frar 1999.

17     B'digriet ta' l-24 ta' Marzu 2000, il-VAT and Duties Tribunal, Londra ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jirreferi d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Fuq il-bażi tar-Regolament Nru 2913/92 tal-Kunsill (iktar il-Quddiem 'Kodiċi Doganali'), b'mod partikolari l-Artikoli 29,32 u 33, tiegħu il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipotesi li, meta jsir il-ħelsien tal-merkanzija, importatur jiddikjara bi żvista bħala prezz imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija ammont li jinkludi Kummissjoni tax-xiri, u bi żvista jinsa juri separatament il-kummissjoni tax-xiri fid-dikjarazzjoni ta' importazzjoni, mill-prezz li ħallas effettivament, iżda li, wara li l-merkanzija ġiet meħlusa għaċ-ċirkolazzjoni libera, juri b'mod soddisfaċenti lil l-awtorità doganali li l-prezz iddikjarat bħala mħallas jew li għandu jitħallas għal merkanzija kien jinkludi kummissjoni tax-xiri, li setgħat tiġi regolarment imnaqqsa fil-mument ta' l-importazzjoni, u jitlob rifużjoni tad-dazju mħallas fuq il-kummissjoni tax-xiri fi żmien tlett snin mid-data li sar jaf li d-dazju kien dovut:

1)      Tista' l-kummissjoni tax-xiri tkun taxxabli, bħala parti mill-prezz effettivament imħallas jew li jrid jitħallas għall-merkanzija skond l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali?

2)      Fil-każ li t-tweġiba għal l-ewwel domanda tkun negattiva, il-kummissjoni tax-xiri tista' fil-fatt titnaqqas mill-valur dikjarat tat-trażazzjoni, meta tikkunsidra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 32(3) u 33 tal-Kodiċi Doganali?

3)      F'dawn iċ-ċirkostanzi l-awtoritajiet doganali huma marbuta, taħt il-Kodiċi Doganali u b'mod partikolari l-Artikolu 78(3) tiegħu li jaċċettaw ir-reviżjoni tal-prezz imħallas jew li jrid jitħallas għall-merkanzija importata u għalhekk it-tnaqqis tal-valur doganali?

4)       Jekk b'konsegwenza l-importatur għandux d-dritt, taħt il-Kodiċi Doganali u b'mod partikolari l-Artikolu 236 ta' l-istess kodiċi, għall-ħals lura tad-dazju imħallas fuq il-kummissjoni tax-xiri?"

18     Fl-introduzzjoni ta' dan id-digriet, il-qorti ta' rinviju spjegat li Overland ressqet appell kontra tlett deċiżjonijiet tal- Commissioners "li f'kull waħda jikkonferma id-deċiżjoni li fiha talbu l-ħlas, skond l-Artikolu 242 tal-[Kodiċi Doganali], ta' dazju li bi żball tħallas lura lil [Overland] skond l-Artikolu 236 ta' l-istess kodiċi ". Hi żiedet li "l-punti inkwistjoni" kienu irregolati mil-leġislazzjoni Komunitarja.

19     Wara li fissret il-fatti li taw lok għall-kawża, hi indikat li l-ewwel tlett talbiet għal rifużjoni ppreżentati min Overland lill-Commissioners wasslu għar-rifużjoni tad-dazji in kwistjoni. Hi speċifikat li r-raba talba kienet ġiet miċħuda.

20     Hi wara irreferiet għad deċiżjonijiet tat-30 ta' Novermbru u s-16 ta' Diċembru 1998, adottati mill- Commissioners li kienu jordnaw lil Overland, tħallas lura s-somom li ġew rifużi lilha wara l-ewwel tlett talbiet tagħha.

21     Il-qorti ta' rinviju, fl-aħħar, għamlet sunt ta' l-argumenti tal-partijiet dwar id-dispożizzjoniet applikabbli .

22     It-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari wasslet għas-sentenza ta' Overland Footwear, ċitata iktar il-fuq, fejn l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat :

–       L-Artikoli 29, 32 u 33 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, kummissjoni tax-xiri inkluża fil-valur doganali ddikjarat u li ma hijiex separata mill-prezz tal-bejgħ tal-merkanzija fid-dikjarazzjoni ta' l-importazzjoni għandha titqies bħala parti mill-valur tat-tranżazzjoni skond l-Artikolu 29 ta' l-istess kodiċi u konsegwentement huma taxxabbli;

–       Fiċ-ċirkostanzi fejn l-awtoritajiet doganali aċċettaw li jirrevedu dikjarazzjoni ta' importazzjoni u adottaw deċiżjoni li ppermettiet li "tirranġa s-sitwazzjoni" skond l-Artikolu 78 (3) tal-Kodiċi Doganali billi kkunsidraw li d-dikjarazzjoni kienet inkompleta minħabba żball involontarju tad-dikjarant, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jmorru lura fuq dik id-deċiżjoni.

23     Fil-punt 22 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma huwiex meħtieġ li jiġi determinat jekk u, jekk jkun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet l-awtoritajiet doganali għandhom skond l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali l-obbligu jirrevedu fuq it-talba tad-dikjarant.

24     F'dan ir-rigward, hi osservat, fil-punt 23 tas-sentenza, li l- Commissioners fil-bidu laqgħu t-talba għar-rifużjoni ta' Overland wara li fid-dawl ta' l-elementi l-ġodda mressqa min Overland irrieżaminaw id-dikjarazzjonijiet doganali. Hija kkonkludiet li dawn l-awtoritajiet aċċettaw li jgħaddu għar-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet u adottaw, skond ir-riżultati ta' din ir-reviżjoni, d-deċiżjoni neċessarja biex "titranġa s-sitwazzjoni" skond l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, billi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet kienu inkompleti minħabba żball involontarju tad-dikjarant.

25     Fil-punt 24 tas-sentenza il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, l-awtoritajiet imsemmija ma setgħux jerġgħu lura fuq id-deċiżjoni tagħhom.

26     B'digriet tad-29 ta' Settembru 2003, il-VAT and Duties Tribunal, Londra, iddeċieda għal darba oħra, li fil-kuntest tal-kawża li kien hemm quddiemu jissospendi l-proċedimenti, li jagħmel talba għal-deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

27     B'din id-deċiżjoni l-qorti ta' rinviju osservat li l-Qorti ta' Ġustizzja, mingħajr ma għandha tort, ibbażat is-sentenza tagħha Overland Footwear, ċitata iktar 'il fuq, fuq elementi mhux eżatti, b'mod li t-tweġiebiet mogħtija għad-domandi li saru lilha ma jgħinux għas-soluzzjoni tal-Kontroversja.

28     Hi tindika, permezz tal-ittri tas-7 u t-8 ta' Lulju 1999, li l- Commissioners kienu nfurmaw lil Overland li huma rtiraw id-deċiżjonijiet dwar it-talba għal rifużjoni tas-somma ta' 4 384,29 GBP, minħabba li skond l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, il-komunikazzjoni lid-debitur ta' l-ammont ta' dazju doganali ma jistax isir wara l-għeluq ta’ perijod ta’ tlett snin mid-data li fiha jkun dovut id-dejn doganali.

29     Għalhekk hi tenfasizza li, sad-data ta' l-ewwel deċiżjoni ta' rinviju l-unika kontroversja li kien baqa bejn il partijiet kienet dwar id-deċiżjoni li ċaħdet ir-raba talba ta' Overland, dwar ir-rifużjoni tas-somma ta' 33 701,16 GBP, deċiżjoni li ġiet ikkontestata fil-kawża li kien hemm quddiema.

30     Il-qorti ta' rinviju tosserva li dawn l-elementi ma ġewx miġjuba suffiċentement għal l-għarfien tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31     Għaldaqstant hi tosserva li l-premessi li din ta' l-aħħar osservatf'punt 23 tas-sentenza Overland Footwear ċitata iktar 'il-fuq skond liema :

–       Il-Commissioners inizjalment laqgħu t-talba għal rifużjoni ta' Overland,

–       l-awtoritajiet doganali allura aċċettaw li jirrevedu d-dikjarazzjonijiet u li jieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji sa biex "jirranġaw is-sitwazzjoni",

ma setgħux japplikaw fir-rigward tar-raba talba għal rifużjoni minħabba li din ġiet miċħuda mill- Commissioners u ma tatx lok għal rifużjoni.

32     F'dan il-kuntest, il-VAT and Duties Tribunal, Londra, ikkonkluda li kien neċċessarju li terġa tissotometti lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-istess terminmni d-domandi l-mistoqsijiet li kien hemm fid-digriet għal rinviju ta' l-24 ta' Marzu 2000.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

33     L-ewwel digriet ta' rinviju tal-24 ta' Marzu 2000, wera li r-rikors magħmul min Overland kien kontra tlett deċiżjonijiet tal- Commissioners, fejn kull waħda tikkonferma deċiżjoni li titlob lura r-rifużjoni tad-dazi fuq l-importazzjoni preċedentement imħallsa lura bi żball lill-applikant skond l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali.

34     Iċ-ċaħda tar-raba' talba għal rifużjoni saret referenza għaliha biss fil-kuntest ta' l-indikazzjoni tal-kronoloġija tal-fatti li ġraw qabel ma ġiet ippreżentata il-kawża prinċipali. Id-digriet ta' rinviju ma kienx jindika b'mod espliċitu li d-deċiżjoni li ċaħdet it-talba kienet fost dawk ikkontestati.

35     Fl-aħħar l-istess digriet ma kienx isemmi li ġew irtirati, waqt il-proċedimenti, d-deċiżjonijiet li kienu jeżiġu rifużjoni tas-somma totali ta' 4 384,29 GBP.

36     Għalhekk irid jiġi osservat li, għar-raġunijiet imsemmija mill-qorti nazzjonali fit-tieni deċiżjoni tagħha għal rinviju s-sentenza Overland Footwear, ċitata iktar 'il fuq, ma tagħtix tweġiba għad-domandi mressqa li setgħet twassal għas-soluzzjoni tal–kwistjoni fil-kawża prinċipali, kif kienu fid-data ta' l-ewwel deċiżjoni għal rinviju..

37     Għaldaqstant hemm bżonn li jiġu eżaminati l-istess domandi fid-dawl ta' l-elementi ta' fattli issa ġew mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja .

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

38     Fis-sentenza tagħha ċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, bi tweġiba għall-ewwel żewġ domandi magħmula mill-qorti ta' rinviju, iddeċiediet li l-Artikoli 29,32 u 33 tal-Kodiċi Doganali jridu jiġu interpretati fis-sens li kummissjoni tax-xiri li hija inkluża fil-valur iddikjarat lid-dwana u li ma hijiex fid-dikjarazzjoni ta' importazzjoni separata mill-prezz ta' bejgħ tal-merkanzija għandha tkun ikkunsidrata li tagħmel parti mill-valur tat-tranżazzjoni skond l-Artikolu 29 ta' l-istess kodiċi, u, għaldaqstant hija taxxabbli.

39     Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 23 sa 25 tal-konkluzjonijiet tiegħu, iċ-ċirkostanza li l-kwistjoni fil-kawża priċipali, tirrigwarda biss id-deċiżjoni tal- Commissioners li jiċħdu r-raba talba ta' Overland għar-rifużjoni ta' l-ammont ta' 33 701,16 GBP liema ammont fil-bidu ma kienx ġie rifuż mill-awtoritajiet doganali ma għandha l-ebda effett fuq il-premessi kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti t-tweġiba tagħha.

40     Din iċ-ċirkostanza, għal dak li jirrigwarda l-erba' talbiet għal-rifużjoni ta' Overland, ġrat wara l-fatti relevanti, jiġifieri d-dikjarazzjoni doganali u l-applikazzjoni tat-taxxa fuq l-importazzjoni.

41     Id-domanda jekk kummissjoni tax-xiri, meta tiġi inkluza mill-importatur fil-valur iddikjarat lid-dwana, mingħajr ma tkun separata mill-prezz tal-bejgħ, tistax tiġi inkluża fil-bażi ta' taxxa fuq l-importazzjoni, saret bl-istess mod kemm għall-ewwel tlett talbiet kif ukoll għar-raba' waħda.

42     F'dan ir-rigward, minħabba li:

–       skond l-Artikolu 62 (1), tal-Kodiċi Doganali, għandu jkun id-dikjarant li juri fuq id-dikjarazzjoni tiegħu "id-dettalji neċessarji għall-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata",

–       skond l-Artikolu 71 ta' l-istess kodiċi, l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet li jirregolaw din il-proċedura issir skond skond dak li ntqal fid-dikjarazzjoni meta ma jgħaddux għal verifika ta' din, jew meta il-verifika ma tħallix dubju dwar dak li ntqal,

l-awtoritajiet doganali jistgħu legalment jintaxxaw il-merkanzija skond il-valur iddikjarat lid-dwana, inkluża kummissjoni tax-xiri li tkun inkluża bi żball f'dan ta' l-aħħar, u fejn l-awtoritajiet ma setgħux jkunu jafu bl-eżistenza tagħha fin-nuqqas ta' informazzjoni fuq dan il-punt.

43     Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, minkejja l-elementi ta' fatt li ġew mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni deċiżjoni għal rinviju, it-tweġiba għal l-ewwel żewġ domandi preliminari gġandha tkun f'termini identiċi għal dawk użati fis-sentenza Overland Footwear ċitata iktar 'il fuq, kif indikat fil-punt 38 ta' din is-sentenza.

 Fuq it-tielet u r-raba' domanda

44     Permezz tat-tielet u r-raba' domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti ta' rinviju effetivament titlob, jekk l-Artikoli 78 u 236 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretat fis-sens li wara li l-merkanzija importata tkun inħelset, l-awtoritajiet doganali meta jirċevu talba mingħand id-dikjarant intiża għar-reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali tiegħu fir-rigward ta' dik il-merkanzija, huma marbuta li jipproċedu għar-revisjoni mitluba u, jekk jindunaw, wara r-revisjoni, li l-valur doganali ddikjarat jinkludi bi żball kummissjoni tax-xiri, huma obbligati jirranġaw is-sitwazzjoni billi jgħaddu għar-rifużjoni tad-dazju maħdum fuq dik il-kummissjoni.

45     L-Artikolu 78 (1), tal-Kodiċi Doganali jipprovdi lil awtoritajiet doganali, ex-offiċio jew fuq talba tad-dikjarant, "jistgħu" jgħaddu għar-reviżjoni tad-dikjarazzjoni, u ċioe' għar-rieżami tiegħu.

46     Meta d-dikjarant jitlob reviżjoni, t-talba tiegħu għandha tiġi eżaminata mill-awtoritajiet doganali, għal ta' lanqas dwar jekk hemmx bżonn li ssir tali reviżjoni.

47     Fil-kuntest ta' din l-ewwel valutazzjoni, l-awtoritajiet doganali kkunsidraw, b'mod partikolari, l-possibilità li jikkontrollaw il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet li hemm fid-dikjarazzjoni li għandha tiġi riveduta u tat-talba għal reviżioni .

48     Bħala eżempju, huma jistgħu jirrifjutaw li jipproċedu għal reviżjoni meta l-fatti li għandhom jiġu vverifikati jirrikjedu jkontroll fiżiku u, wara li l-merkanzija tkun meħlusa, dawn ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati lilhom.

49     Jekk, min naħa, il-verifiki li jridu jsiru ma jirrikjedux li tiġi ppreżentata l-merkanzija, per eżempju meta t-talba għal reviżjoni teħtieġ biss eżami tal-kotba tal-kontijiet jew dokumenti kontrattwali, reviżjoni hija fil-prinċipju possibbli.

50     Fl-aħħar tal-valutazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet doganali għalhekk għandhom, salv possibiltà għal rikors quddiem il-qorti, jewjiċħdu t-talba tad-dikjarant permezz ta' deċiżjoni motivata, inkella jgħaddu għar-reviżjoni mitluba.

51     Fil-każ li t-talba tiġi milqugħa, huma jirrieżaminaw id-dikjarazzjoni u jeżaminaw jekk l-allegazzjonijiet tad-dikjarant humiex fondati, fid-dawl ta' l-elementi mressqa.

52     Jekk ir-reviżjoni turi li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-sistema doganali kkonċernata ġew applikati fuq il-bażi ta' elementi ineżatti u inkompleti, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond l-Artikolu 78 (3) tal-Kodiċi Doganali, jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirranġaw is-sitwazzjoni billi jikkunsidraw l-elementi ġodda li għandhom.

53     Meta fl-aħħar jidher li d-dazji fuq l-importazzjoni mħallsa mid-dikjarant huma aktar mill-ammont li kien legalment dovut fil-mument meta tħallsu, il-miżura neċessarja biex tirranġa s-sitwazzjoni ma tistax tkun ħlief ir-rifużjoni ta' l-ammont żejjed li tħallas.

54     Ir-rifużjoni issir skond l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali, jekk il-kundizjonijet ta' din id-dispożizzjoni jkunu ġew sodisfatti, b'mod partikolari, li ma kienx hemm manuvri mid-dikjarant, u li ġie rispettat it-terminu, ġeneralment ta' tlett snin, previst għall-preżentata tat-talba għal rifużjoni.

55     Il-gvern Ġermaniz u dak tar-Renju Unit jsostnu li l-Artikolu 78 (3) tal-Kodiċi Doganali huwa applikabbli biss f'każijiet bħal żball fil-klassifikazzjoni tal-merkanzija, żbalji aritmetiċi, l-użu mhux eżatt tal-kodiċijiet tal-valuti jew l-indikazzjoni mhux eżatta tal-kwantita.

56     Din id-dispożizzjoni ma tkunx applikabbli meta kummissjoni tax-xiri ma tkunx indikata b'mod separat mill-prezz tal-merkanzija. F'dan il-każ, il-kummissjoni hija parti integrali mill-valur doganali, b'mod li d-dazji għall-importazzjoni applikati fuq din il-kummissjoni kienu legalment dovuti.

57     Skond il-gvern Ġermaniż, Overland, billi ma indikatx il-kummissjoni tax-xiri fid-dikjarazzjoni doganali tagħha, għamlet għażla. Minħabba li l-operatur kellu din l-għażla hu ma għamilx żball.

58     Il-gvern tar-Renju Unit żied li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 78 (3) tal-Kodiċi Doganali, f'ċirkostanzi bħal dawk in kwestjoni fil-kawża priċipali tneħħi kull effett ta' l-Artikolu 65 ta' l-istess kodiċi. L-Artikolu 78 jservi ta' deroga għal projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 65, imma din id-deroga jkollha effett limitat.

59     Il-Gvern Ġermaniż u dak tar-Renju Unit jikkunsidraw li l-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali ma huwiex applikabbli f'sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, skond it-tifsira ta' din id-disposizzjoni, d-dazji fuq l-importazzjoni maħduma fuq il-kummissjoni tax-xiri kienu legalment dovuti fil-mument meta tħallsu.

60     Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati.

61     Hemm lok, li jiġi mfakkar, li l-Artikolu 65 tal-Kodiċi Doganali, ma jippermettix li d-dikjarant jirranġa d-dikjarazzjoni tiegħu wara li l-merkanzija tinħeles. L-istess projbizzjoni kienet diġa' teżisti qabel ma daħal fis-seħħ il-Kodiċi Doganali, fl-1 ta' Jannar 1994.

62     L-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali espressament daħħal, min din id-data, il-possibbilità ta' revizjoni tad-dikjarazzjoni doganali min naħa ta' l-awtoritajiet doganali fuq talba tad-dikjarant imressqa wara li l-mekanzija tkun inħelset.

63     L-Artikolu 78 (3) ma jagħmilx distinzjoni bejn żbalji u ommissjonijiet li jkunu jistgħu jiġu kkoreġuti u oħrajn li ma jistgħux (jiġu kkoreġuti). It-termini " informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa" għandhom jiġu interpretati bħala li jkopru fl-istess ħin żbalji jew omissjonijiet materjali u żbalji ta' interpretazzjoni tal-liġi applikabbli.

64     Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma tistax titqies li tneħħi effett, kompletament jew parzjalment, ta' l-Artikolu 65 ta' l-istess kodiċi. Fir-realta', iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprovdu żewġ sistemi differenti li japplikaw qabel u wara l-ħelsien tal-merkanzija, il-modifiki li jistgħu jsiru lill-elementi kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-valur doganali u b'konsegwenza għad-dazji fuq l-importazzjoni.

65     L-Artikolu 65 tal-Kodiċi Doganali jippermetti l-korrezzjoni unilaterali tad-dikjarazzjoni doganali mid-dikjarant stess, sakemm ma tkunx inħelset il-merkanzija Dan id-dritt jispjega ruħu minħabba li, sakemm jkun hemm il-ħelsien tal-merkanzija, l-eżattezza tal-korrezzjoni tista' jekk neċessarju tiġi vverifikata mill-awtoritajiet doganali permezz ta' kontroll fiżiku tal-merkanzija. Barra min hekk, il-korrezzjoni tista' issir, jekk jkun il-każ, sakemm l-ammont tad-dazji ma jkunx għadu ġie determinat mill-awtoritajiet doganali. .

66     L-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi proċeduri aktar stretta. Din tapplika wara li tinħeles il-merkanzija, f'mument meta l-preżentazzjoni tal-merkanzija tista' tkun impossibbli u fejn id-dazji fuq l-importatzjoni jkunu ġew diġà kkalkulati. Għalhekk tħalli f'idejn l-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-verifiki mitluba mid-dikjarant u tissoġġetta tali reviżjoni għal valutazzjoni tagħhom għal dak i jirrigwarda l-prinċipju kif wkoll ir-riżultat.

67     Barra min hekk, għandu jiġi osservat li, ċ-ċirkostanza li minn aspett formali, dikjarazzjoni doganali ma fihiex referenza għal kummissjoni tax-xiri li hija distinta mill-prezz tal-merkanzija, tfisser biss li din il-kummissjoni hija b'mod validu kkunsidrata bħala taxxabbli u allura, d-dazji fuq l-importazzjoni li jiġu applikati fuq il-kummissjoni huma dovuti legalment.

68     Din iċ-ċirkostanza, meta hemm possibilità ta' reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali fuq talba tad-dikjarant, ma għandiex jkollha bħala konsegwenza li minkejja li hemm biżżejjed elementi ta' prova, d-dazji legalment miġbura minħabba sempliċi regoli ta' provi wara, jiġu assimlati ma dazji legalment dovuti skond l-Artikolu 236(1), tal-Kodiċi Doganali..

69     Fl-aħħar għandu jiġi osservat li, f'kull każ, żball li jikkonsisti f'omissjoni involontarja ma jisax jitqies, bħala eżerċizju ta' għażla volontarja.

70     Għandu jiġi osservat mil-premess, illi l-Artikoli 78 u 236 tal-Kodiċi Doganali huma applikabbli fil-każ ta' dikjarazzjoni doganali li tinkludi bi żball kummissjoni ta' xiri fil-valur doganali.

71     It-tweġiba għat-tielet u r-raba' domanda għandha tkun li, l-Artikoli 78 u 236 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–       wara l-ħelsien tal-merkanzija importata, l-awtoritajiet doganali, meta jirċievu talba tad-dikjarant għar-reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali tiegħu fir-rigward ta' dik il-merkanzija, huma marbuta, salv għal possibilità ta' rikors quddiem il-qrati, li jew jiċħdu t-talba permezz ta' deċiżjoni motivata jew li jgħaddu għar-reviżjoni mitluba;

–       meta huma jinnotaw, wara l-għeluq tar-reviżjoni, li l-valur doganali ddikjarat jinkludi bi żball kummissjoni tax-xiri, huma marbuta jirranġaw is-sitwazzjoni billi jħallsu lura d-dazju fuq l-importazzjoni maħdum fuq din il-kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

72     Peress li dan l-proċedimenti huma, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, riżulata ta' kwistjoni li tqajment quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż għall-preżentata ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li

1)      L-Artikoli 29, 32 u 33 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92(KEE), tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandhom jiġu interpretati fis-sens li, kummissjoni tax-xiri inkluża fil-valur iddikjarat lid-dwana u li ma hijiex fid-dikjarazzjoni ta' importazzjoni separata mill-prezz tal-bejh tal-merkanzija għandha tkun ikkunsidrata li tagħmel parti mill-valur tat-tranżazzjoni skond l-Artikolu 29 ta' l-istess regolament u għaldaqstant hija taxxabbli.

2)      L-Artikoli 78 u 236 tar-Regolament Nru 2919/92 għandhom jiġu nterpretati fis-sens li:

–       wara l-ħelsien tal-merkanzija importata, l-awtoritajiet doganali, meta jirċievu talba tad-dikjarant għar-reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali tiegħu fir-rigward ta' dik il-merkanzija, huma marbuta, salv għal possibilità ta' rikors quddiem il-qrati, li jew jiċħdu t-talba permezz ta' deċiżjoni motivata jew li jgħaddu għar-reviżjoni mitluba;

–       meta huma jinnotaw, wara l-għeluq tar-reviżjoni, li l-valur doganali ddikjarat jinkludi bi żball kummissjoni tax-xiri, huma marbuta jirranġaw is-sitwazzjoni billi jħallsu lura d-dazju fuq l-importazzjoni maħdum fuq din il-kummissjoni..

Firem


* Lingwa tal-Kawża: l-Ingliż.