SENTENZA TAL-QORTI (l-Ewwel Awla)

13 ta' Ottubru 2005 (*)

"Kuntratti Pubbliċi – Proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi – Konċessjoni ta' servizzi – Tmexxija ta' erjas ta' parkeġġ pubbliċi bi ħlas"

Fil-kawża C-458/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht, Autonome Sektion für die Provinz Bozen (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni tat-23 ta' Lulju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta' Ottubru 2003, fil-proċedura

Parking Brixen GmbH

vs

Gemeinde Brixen,

Stadtwerke Brixen AG,

IL-QORTI (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla,  K. Schiemann, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Jannar 2005,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Parking Brixen GmbH, minn K. Zeller u S. Thurin, avvocati,

–       għall-Gemeinde Brixen, minn N. De Nigro, Rechtsanwalt,

–       għal Stadtwerke Brixen AG, minn A. Mulser, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Olandiż,  minn C. Wissels, bħala aġent,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Wiedner, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta' l-1 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), ta' l-Artikoli 43 KE, 49 KE et 86 KE, kif ukoll tal-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni, ta' trasparenza u ta' trattament ugwali.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Parking Brixen GmbH (iktar 'il quddiem "Parking Brixen") u l-Gemeinde Brixen (komun ta' Brixen) u l-kumpannija Stadtwerke Brixen AG dwar l-għoti lil din ta' l-aħħar tat-tmexxija taż-żewġ erjas ta' parkeġġ li jinsabu fit-territorju ta' dan il- komun.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       L-Artikolu 43 KE jiddisponi li:

"Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta' hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. […]

Il-libertà ta' l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira ta’ l-Artikolu 58, paragrafu 2, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital."

4       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 49 KE jipprevedi li:

"Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta' hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi."

5       It-tmien premessa tad-Direttiva 92/50 tippreċiża:

"[…] id-dispożizzjoni tas-servizzi hija koperta b'din id-Direttiva biss sa fejn hija bbażata fuq kuntratti; […] id-dispożizzjoni tas-servizzi fuq bażijiet oħra, bħal-liġi jew regolamenti, jew kuntratti ta' l-impjieg, mhijiex koperta;"

6       L-Artikolu 1 ta' l-istess Direttiva jiddisponi:

"Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

a)      kuntratti ta' servizz pubbliku għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti […]

[…]

b)      l-awtoritajiet kontraenti għandhom ifissru l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika.

[…]"

 Id-dritt nazzjonali

7       L-Artikolu 22(3) tal-liġi Taljana Nru 142 tat-8 ta' Ġunju 1990, dwar l-organizzazzjoni ta' l-awtonomiji lokali (supplement ordinarju tal-GURI Nru 135, tat-12 ta' Ġunju 1990, iktar 'il quddiem il-"liġi Nru 142/1990"), tipprovdi li l-komuni u l-provinċji jistgħu jirrikorru għal forom ta' tmexxija li ġejjin tas-servizzi pubbliċi lokali li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom skond il-liġi:

"a)      permezz ta' kontroll mill-gvern lokali, meta minħabba fid-daqsijiet żgħar jew fil-karatteristiċi tas-servizz mhuwiex opportun li tinħoloq istituzzjoni jew impriża;

b)      b'konċessjoni lil terzi, meta hemm raġunijiet tekniċi, ekonomiċi jew ta' opportunità soċjali;

c)      permezz ta' impriżi speċjali, anki għat-tmexxija ta' diversi servizzi ta' interess ekonomiku u kummerċjali;

d)      permezz ta' istituzzjonijiet, għall-eżerċizzju ta' servizzi soċjali mingħajr interessi kummerċjali;

e)      permezz ta' kumpanniji li fihom l-awtoritajiet pubbliċi lokali jkollom il-maġġoranza ta' l-ishma, meta l-parteċipazzjoni ta' persuni pubbliċi jew privati oħra tidher opportuna minħabba fin-natura tas-servizz offrut."

8       L-Artikolu 44 tal-liġi reġjunali Nru 1 ta' l-4 ta' Jannar 1993, fil-verżjoni oriġinali tagħha, irrifletta fil-biċċa l-kbira tiegħu, l-Artikolu 22 tal-liġi Nru 142/1990. Sussegwentement, dan l-Artikolu 44 ġie emendat mil-liġi reġjunali Nru 10 tat-23 ta' Ottubru 1998.

9       L-Artikolu 44 tal-liġi reġjunali Nru 1, kif emendata mill-liġi reġjunali Nru 10, jiddisponi:

"[…]

6.      Il-komuni jistabbilixxu, permezz ta' regoli, il-proċeduri u l-kriterji ta' għażla tal-forom ta' organizzazzjoni, elenkati iktar 'il quddiem, tat-tmexxija tas-servizzi pubbliċi ta' interess ekonomiku u kummerċjali:

a)      il-kostituzzjoni ta' impriżi speċjali;

b)      il-kostituzzjoni jew il-parteċipazzjoni f'kumpanniji joint-stock jew private limited companies xierqa, li għandhom influwenza pubblika lokali dominanti;

c)      għoti tat-tmexxija tas-servizzi pubbliċi lil terzi, bil-proċeduri xierqa għat-tqegħid f'kompetizzjoni li jiġu previsti għal tali għotjiet. Bla ħsara għal dispożizzjonijiet legali oħra, din ir-relazzjoni ma tistax iddum aktar minn għoxrin sena u ma tista tiġi biss mġedda għall-istess suġġett u li skond il-metodi stabbiliti minn din l-ittra. Il-kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw bis-saħħa tal-liġi l-invalidi u l-ħandikappati, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet ta' volontarjat u l-impriżi li mhumiex bi skop ta' qliegħ għandhom jingħataw preferenza meta joffru l-istess kundizzjonijiet.

[…]

18.      L-awtoritajiet lokali assoċjati jistgħu f'kull mument jafdaw lill-kumpanniji stabbiliti skond il-paragrafu 6 u lill-kumpanniji koperti mill-paragrafu 17 it-twettiq ta' servizzi pubbliċi oħra kumpatibbli ma' l-għan tal-kumpannija, permezz ta' deliberazzjoni tal-kunsill li simultanjament tapprova l-kuntratt ta' servizz kkonċernat."

10     Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 44(6) u (18) tal-liġi reġjunali Nru 1, kif emendata mill-liġi reġjunali Nru 10, huma rrepetuti testwalment bħala l-Artikolu 88(6) u (18), tat-test koordinat tad-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-komuni tar-Reġjun Awtonomu tat-Trentino-Südtirol.

11     L-Artikolu 115 tad-digriet-liġi Nru 267 tat-18 ta' Awwissu 2000, test uniku tal-liġijiet fuq l-organizzazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali (supplement ordinarju tal-GURI Nru 227 tat-28 ta' Settembru 2000, iktar 'il quddiem id-"digriet-liġi Nru 267/2000"), jawtorizza lill-komuni li jbiddlu l-impriżi speċjali tagħhom f'kumpanniji joint-stock u li jibqgħu l-uniċi azzjonisti għal perijodu li ma jaqbiżx is-sentejn li jibdew jiddekorru mid-data ta' din il-bidla.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Skond l-Artikolu 22 tal-liġi Nru 142/1990, il-Gemeinde Brixen irrikorra, għat-tmexxija ta' ċerti servizzi pubbliċi lokali li tagħhom huwa responsabbli, għal Stadtwerke Brixen, impriża speċjali li hija proprjetà ta' dan il-komun.

13     Skond l-Artikolu 1 ta' l-istatuti tagħha, l-iStadtwerke Brixen kienet mogħnija, mill-1 ta' Jannar 1999, b'persunalità ġuridika kif ukoll b'awtonomija ta' impriża u hija tikkostitwixxi korp komunali li għandu bħala funzjoni speċifika l-prestazzjoni uniformi u integrata ta' servizzi pubbliċi lokali.

14     Taħt l-Artikolu 2 ta' l-istess statuti, Stadtwerke Brixen kellha bħala għan, b'mod partikolari:

"f)      it-tmexxija ta' postijiet ta' parkeġġ u ta' erjas ta' parkeġġ fuq numru ta' sulari inkluż it-twettiq ta' kull attività relatata".

15     Skond l-Artikolu 115 tad-digriet-liġi Nru 267/2000, il-Gemeinde Brixen, bid-deċiżjoni Nru 97 tal-25 ta' Ottubru 2001, biddlet l-impriża speċjali Stadtwerke Brixen f'kumpannija joint-stock bl-isem "Stadtwerke Brixen AG".

16     Skond l-Artikolu 1(3) ta' l-istatuti ta' din ta' l-aħħar, "kull dritt u obbligu li kien jeżisti qabel ta' l-impriża speċjali [Stadtwerke Brixen] baqa' wkoll fis-seħħ wara l-bidla u l-kumpannija [Stadtwerke Brixen AG] b'konsegwenza tidħol fir-relazzjonijiet kollha attivi u passivi ta' l-impriża [speċjali] Stadtwerke Brixen".

17     Taħt l-Artikolu 4 ta' l-istatuti tagħha, Stadtwerke Brixen AG tista' teżerċita, b'mod partikolari, l-attivitajiet li ġejjin fuq skala lokali, nazzjonali u internazzjonali:

"g)      it-tmexxija ta' postijiet ta' parkeġġ u ta' garaxxijiet, kif ukoll l-attivitajiet konnessi".

18     L-Artikolu 18 ta' l-istatuti ta' Stadtwerke Brixen AG jipprovdi li s-setgħat li ġejjin huma kkonferiti lill-kunsill ta' amministrazzjoni ta' din ta' l-aħħar:

"1)      Il-kunsill ta' amministrazzjoni jiddisponi mill-aktar setgħat wesgħin tat-tmexxija ordinarja tal-kumpannija, bil-possibbiltà li jieħu kull att li jqis utli jew neċessarju għat-twettiq ta' l-għan tal-kumpannija.

2)      Il-kunsill ta' amministrazzjoni jista' jagħti biss garanziji b'ammont għola minn 5 (ħames) miljun EUR, kif ukoll jiffirma kambjali fuqu stess u jaċċetta drafts li jaqbżu dan l-ammont b'awtorizzazzjoni mogħtija mil-laqgħa tas-soċji.

3)      Il-ksib u ċ-ċessjoni ta' ishma f’kumpanniji oħra, l-akkwist u ċ-ċessjoni kif ukoll l-assenjazzjoni tat-tmexxija ta' impriżi jew ta' taqsimiet ta' impriżi u x-xiri u l-bejgħ ta' vetturi sa' l-ammont ta’ 5 (ħames) miljun EUR għal kull transazzjoni huma kkunsidrati bħala atti amministrattivi ordinarji.

4)      Id-deċiżjonijiet li għandhom bħala suġġett id-determinazzjoni u/jew il-modifika tar-remunerazzjoni taħt titoli partikolari, fis-sens tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2389 tal-kodiċi ċivili Taljan, li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-kunsill ta' amministrazzjoni."

19     Taħt l-Artikolu 5(2) ta' l-istatuti ta' Stadtwerke Brixen AG, "is-sehem tal-Gemeinde Brixen fil-kapitali inizjali m'huwa fl-ebda każ inqas mill-maġġoranza assoluta ta' l-ishma". Minbarra dan, il-Gemeinde Brixen għandu d-dritt li jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-kunsill ta' amministrazzjoni ta' din il-kumpannija. Il-kunsill ta' sorveljanza ta' l-istess kumpannija huwa kompost minn tliet membri effettivi u żewġ sostituti, l-imsemmi komun jaħtar għallinqas żewġ membri effettivi u membru sostitut ta' dan il-kunsill.

20     Skond il-qorti tar-rinviju, il-bidla ta' impriża speċjali f'kumpannija joint-stock tinvolvi ksib ċar ta' awtonomija għall-profitt ta' din ta' l-aħħar. Fil-fatt, l-isfera ta' attività ta' Stadtwerke Brixen AG ġiet kunsiderevolment imwessa' meta mqabbla ma' dik ta' Stadtwerke Brixen għaliex hija tista' twettaq attivitajiet fuq skala lokali, nazzjonali u internazzjonali, waqt li l-attività ta' l-impriża speċjali Stadtwerke Brixen kienet illimitata għat-territorju tal-Gemeinde Brixen. Minbarra dan, l-impriża speċjali Stadtwerke Brixen kienet suġġetta għall-kontroll u l-influwenza diretta tal-kunsill muniċipali, waqt li, f'dak li jirrigwarda Stadtwerke Brixen AG, il-kontroll eżerċitat mill-imsemmi komun huwa llimitat għal-libertà ta' azzjoni li l-maġġoranza tas-soċji għandhom skond id-dritt tal-kumpanniji.

21     Bid-deċiżjoni Nru 37 tat-23 ta' Marzu 2000, il-kunsill muniċipali ta' Brixen fada l-bini u t-tmexxija ta' pixxina pubblika lil Stadtwerke Brixen. Mal-bidla ta' din ta' l-aħħar f'kumpannija joint-stock, li seħħet fil-25 ta' Ottobru 2001, Stadtwerke Brixen AG daħlet fid-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni.

22     Bid-deċiżjoni Nru 118 tat-18 ta' Diċembru 2001, il-kunsill muniċipali ta' Brixen ta lil Stadtwerke Brixen AG konċessjoni għall-bini u l-iżvillupar fuq u taħt art intiża għal pixxina, b'mod partikolari fuq il-plott irreġistrata 491/11, sitwata fuq it-territorju tal-Gemeinde Brixen, għall-bini ta' postijiet għall-ipparkjar taħt l-art.

23     Sakemm ma twettaq dan il-proġett ta' parkeġġ taħt l-art jitwettaq, ġie previst parkeġġ provviżorju fuq is-superfiċji. Għal dan il-għan, il-plott 491/11, li sa dak iż-żmien kienet użata bħala ground tal-futbol, ingħata kisja provviżorja ta' tarmak biex isir parkeġġ fuq l-art li jesa' madwar 200 post. Skond il-qorti tar-rinviju, l-ebda ftehim ma ġie konkluż għall-isfruttar tal-plott 491/11 bħala parkeġġ fuq l-art.

24     Sabiex jiġu pprovduti postijiet għall-parkeġġ supplimentari, it-tmexxija tal-parkeġġ ta' fuq l-art li jinsab fuq l-art adjaċenti, jiġifieri l-plott irreġistrata 491/6, li tinsab ukoll fuq it-territorju tal-Gemeinde Brixen, li tesa' madwar 200 post u li kienet immexxija direttament minn din ta' l-aħħar għal aktar minn 10 snin, ġiet mogħtija lil Stadtwerke Brixen AG, bid-deċiżjoni tal-kunsill muniċipali ta' Brixen Nru 107 tat-28 ta' Novembru 2002. F'din id-deċiżjoni, huwa ppreċiżat li, "għall-attività ta' l-għawm, diġa ġie mibni parkeġġ provviżorju minn Stadtwerke Brixen AG ferm qrib l-art tal-kunsill" u li "konsegwentement jidher neċessarju u opportun li tiġi fdata wkoll lill-Stadtwerke Brixen AG it-tmexxija ta' l-art adjaċenti, kostitwita mill-plott 491/6, […] ta' 5 137 m2, li bħalissa hija direttament immexxija mill-komun".

25     Fid-19 ta' Diċembru 2002, il-Gemeinde Brixen ikkonkluda ftehim ma' Stadtwerke Brixen AG, skond id-deċiżjoni Nru 107, li fdat lil din ta' l-aħħar, għal perijodu ta' disa' snin, it-tmexxija tal-parkeġġ fuq il-plott 491/6.

26     Bħala kumpens għat-tmexxija ta' dan il-parkeġġ, Stadtwerke Brixen AG tirċievi l-ħlasijiet għall-ipparkjar. Madankollu, hija tħallas lill-Gemeinde Brixen kumpens ta' 151 700 EUR, liema kumpens huwa maħdum fuq il-prezz tal-biljetti għall-parkeġġ, b'mod li żieda fil-prezz ta' dawn tfisser żieda fil-kumpens mogħti lill-komun. Minbarra t-tmexxija tal-parkeġġ, Stadtwerke Brixen AG tieħu ħsieb is-servizz ta' kiri b'xejn ta' roti u taċċetta li s-suq ta' kull ġimgħa jibqa' jinżamm fuq iż-żona in kwistjoni. Bl-istess mod Stadtwerke Brixen AG impjegat ukoll il-persunal li kien mħaddem qabel fuq din iż-żona minn Gemeinde Brixen. Fl-aħħarnett, il-manutenzjoni ordinarja u straordinarja taż-żona li hija f'idejn l-imsemmija kumpannija li tassumi kull responsabbiltà f'dan ir-rigward.

27     Taħt kuntratt ta' konċessjoni konkluż fid-19 ta' Ġunju 1992 mal-Gemeinde Brixen, Parking Brixen kien assuma il-bini u t-tmexxija ta' parkeġġ, distint minn dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, li huwa ukoll sitwat fit-territorju ta' dan il-komun. Parking Brixen ikkuntesta quddiem il-Verwaltungsgericht Autonome Sektion für die Provinz Bozen, l-għoti lil Stadtwerke Brixen AG tat-tmexxija tal-parkeġġi li jinstabu fuq il-plottijiet 491/6 u 491/11. Fl-opinjoni tagħha, il-Gemeinde Brixen kellu japplika d-dispożizzjonijiet fir-rigward ta' l-għoti ta' kuntratt pubbliku.

28     Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, jiġifieri Stadtwerke Brixen AG u l-Gemeinde Brixen, ikkuntestaw kull obbligu li jipproċedu għal sejħa pubblika għall-offerti. F'dan ir-rigward, dawn ta' l-aħħar issostni li hija għandha kontroll sħiħ fuq Stadtwerke Brixen AG u li għaldaqstant ma kienx hemm proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku lill-terzi.

29     F'dawn il-kundizzjonijiet, il-Verwaltungsgericht, Autonome Sektion für die Provinz Bozen, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-għoti tat-tmexxija tal-parkeġġi pubbliċi bi ħlas ikkonċernati jikkostitwixxi kuntratt tas-servizz pubbliku skond id-Direttiva 92/50/KEE, jew konċessjoni ta' servizzi pubbliċi suġġetti għar-regolamenti tal-kompetizzjoni tal-Komunità Ewropeja u b'mod partikolari għall-obbligi ta' trattament ugwali u ta' trasparenza?

2)      Kieku kien hemm effettivament konċessjoni ta' servizzi li tirrigwarda t-tmexxija ta' servizz pubbliku lokali, l-għoti tat-tmexxija tal-parkeġġi pubbliċi bi ħlas, li skond l-Artikolu 44(6)(b) tal-liġi reġjunali Nru 1 ta' l-4 ta' Jannar 1993, kif emendata mill-Artikolu 10 tal-liġi reġjunali Nru 10 tat-23 ta' Ottubru 1998, u skond l-Artikolu 88(6)(a) u (b) tat-test ikkoordinat tad-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-komuni, jista' jsseħħ mingħajr sejħa pubblika għall-offerti, huwa kumpattibbli mad-dritt Komunitarju, u b'mod partikolari mal-prinċipji tal-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi fil-Komunità, tal-kompetizzjoni ħielsa u tan-non-diskriminazzjoni, u ma' l-obbligi ta' trattament ugwali u ta' trasparenza li jirriżultaw minnhom, kif ukoll mal-prinċipju ta' proporzjonalità, fil-każ ta' kumpannija joint-stock li tirriżulta, skond l-Artikolu 115 tad-digriet-liġi Nru 267/2000, mill-bidla ta' impriża speċjali ta' komun u li l-kapital awtorizzat tagħha huwa kollu ta' l-istess komun fil-mument ta' l-għoti, iżda li l-kunsill ta' amministrazzjoni tagħha jżomm is-setgħat il-kbar kollha tat-tmexxija ordinarja sa l-ammont ta' 5 miljun EUR għal kull transazzjoni?"

30     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Mejju 2004, ġiet miċħuda talba għal intervent ppreżentata minn Energy Service Srl bħala inammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

31     Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għoti tat-tmexxija tal-parkeġġi pubbliċi bi ħlas ikkonċernata fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi kuntratt tas-servizz pubbliku, skond id- Direttiva 92/50, jew konċessjoni ta' servizzi pubbliċi.

32     Qabel kollox għandu jiġi ppreċiżat li mhuwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tikkwalifika konkretament l-operazzjonijiet ikkonċernati fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, kwalifika bħal din taqa' biss fil-kompetenza ta' l-imħallef nazzjonali. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa llimitat f'li tipprovdi lil dan ta' l-aħħar interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju utli għad-deċiżjoni li huwa għandu jieħu fil-kawża li għandu quddiemu.

33     Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeduċi mill-inkartament tal-kawża prinċipali l-elementi rilevanti fir-rigward ta' l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

34     F'dan il-kuntest għandu jiġi nnutat li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-għoti tat-tmexxija ta' żewġ parkeġġi distinti: min-naħa, dak li jinstab fuq il-plott 491/11 u, min-naħa l-oħra, dak li jinstab fil-plott 491/6.

35     Rigward il-parkeġġ fuq l-art li jinstab fuq il-plott 491/11, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika biss li ma ġie konkluż l-ebda ftehim għall-isfruttar tiegħu. B'mod partikolari, din id-deċiżjoni ma fiha l-ebda informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' ħlas għall-isfruttar ta' dan il-parkeġġ.

36     F'dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista biss ma tikkonstata li hija ma tiddisponix minn elementi suffiċjenti ta' informazzjoni sabiex tipproċedi għal interpretazzjoni utli tad-dritt Komunitarju b'risposta għal din il-parti tad-domanda.

37     Fir-rigward tal-parkeġġ li jinstab fuq il-plott 491/6, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, kif ġie wkoll innutat fil-punti 24 sa 26 ta' din is-sentenza, dan il-parkeġġ kien direttament immexxi mill-Gemeinde Brixen għal aktar minn għaxar snin meta t-tmexxija tiegħu ġiet fdata, għal perijodu ta' disa' snin, lil Stadtwerke Brixen AG bi ftehim konkluż fid-19 ta' Diċembru 2002 bejn din ta' l-aħħar u l-imsemmi komun. Bħala kumpens għat-tmexxija ta' dan il-parkeġġ, Stadtwerke Brixen AG tirċievi ħlasijiet għall-ipparkjar mingħand dawk li jużaw il-parkeġġ, u tħallas lill-Gemeinde Brixen kumpens annwali. Minbarra dan, Stadtwerke Brixen AG taċċetta li s-suq ta' kull ġimgħa jkompli jsir fiż-żona fil-kwistjoni, tieħu ħsieb is-servizz ta' kiri b'xejn ta' roti u twettaq il-manteniment ta' din iż-żona.

38     Meta jitqiesu dawn l-elementi, għandu jinftiehem li, bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob, fis-sustanza, jekk l-għoti, minn awtorità pubblika tat-tmexxija ta' parkeġġ pubbliku bi ħlas, lil min jipprovdi servizzi, li jieħu bħala kumpens talli jipprovdi tali servizz il-pagamenti mħallsa minn terzi għall-użu ta' dan il-parkeġġ, jikkostitwixxix kuntratt tas-servizz pubbliku, skond id-Direttiva 92/50, jew konċessjoni ta' servizzi pubbliċi li għaliha ma tapplikax din id-Direttiva.

39     Kif jirriżulta mit-tmien premessa tad-Direttiva 92/50 din tapplika għal "kuntratti tas-servizz pubbliku", li fl-Artikolu 1(a) huma definiti bħala "kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti". Minn din id-definizzjoni jirriżulta li kuntratt tas-servizz pubbliku skond din id-Direttiva jwassal għal kumpens li hu mħallas direttament mill-awtorità kontraenti lil min jipprovdi servizzi.

40     Fis-sitwazzjoni deskritta mill-ewwel domanda, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni ta' min jipprovdi s-servizz ma tiġix mill-awtorità pubblika kkonċernata, iżda mill-ammonti mħallsa minn terzi għall-użu tal-parkeġġ ikkonċernat. Dan il-mod ta' remunerazzjoni jimplika li min jipprovdi s-servizz jassumi r-riskju ta' sfruttar tas-servizzi fil-kwistjoni u għaldaqstant jikkaratterizza konċessjoni ta' servizzi pubbliċi. Għalhekk, f'sitwazzjoni bħal dik ikkonċernata fil-kawża prinċipali, tirrigwarda mhux kuntratt tas-servizz pubbliku, iżda konċessjoni ta' servizzi pubbliċi.

41     F'dan ir-rigward, huwa rilevanti li jiġi nnutat li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114), anki jekk din ma kinitx applikabbli fid-data meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, skond l-Artikolu 1(4) ta' din id-Direttiva, il-'"Konċessjoni tas-servizz" huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-kunsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas'.

42     Huwa paċifiku li l-konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 (ara d-digriet tat-30 ta' Mejju 2002, Buchhändler‑Vereinigung, C-358/00, Ġabra p. I-4685, punt 28).

43     Għalhekk l-ewwel domanda għandha tiġi mwieġba fis-sens li l-għoti, minn awtorità pubblika tat-tmexxija ta' parkeġġ pubbliku bi ħlas, lil min jipprovdi s-servizzi, li jieħu bħala kumpens għal tali servizz il-pagamenti magħmula minn terzi għall-użu ta' dan il-parkeġġ, jikkostitwixxi konċessjoni ta' servizzi pubbliċi li għaliha ma tapplikax din id-Direttiva 92/50.

 Fuq it-tieni domanda

44     Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob fis-sustanza jekk l-għoti ta' konċessjoni ta' servizzi pubbliċi mingħajr kompetizzjoni huwiex kumpatibbli mad-dritt Komunitarju fil-każ fejn l-impriża li tieħu l-konċessjoni hija kumpannija joint-stock li tirriżulta mill-bidla ta' impriża speċjali ta' awtorità pubblika, li l-kapital awtorizzat tagħha huwa kollu ta' l-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni fil-waqt ta' l-għoti ta' tali konċessjoni, iżda li l-kunsill ta' amministrazzjoni tagħha jkollu setgħat il-kbar kollha tat-tmexxija ordinarja u jista' jwettaq b'mod awtonomu, mingħajr il-kunsens tal-laqgħa tas-soċji, ċertu transazzjonijiet sa l-ammont ta' ħames miljun EUR.

45     Din il-kwistjoni tikkonċerna, min-naħa, il-kondotta ta' l-awtorità li tagħmel il-konċessjoni fil-konfront ta' l-għoti ta' konċessjoni speċifika u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta' tali konċessjoni mingħajr sejħa għall-offerti.

46     Minkejja l-fatt li l-kuntratti ta' konċessjoni ta' servizzi pubbliċi huma, fl-istadju attwali tad-dritt Komunitarju, esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkluduhom huma, madankollu, marbuta li jirrispettaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat KE b'mod ġenerali u l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, b'mod partikolari (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta' Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C-324/98, Ġabra p. I-10745, punt 60, u tal-21 ta' Lulju 2005, Coname, C-231/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16).

47     Il-projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità tirriżulta mill-Artikolu 12 KE. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li huma b'mod aktar speċifiku applikabbli għall-konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi jinkludu b'mod partikolari l-Artikolu 43 KE, li fl-ewwel paragrafu tiegħu jipprovdi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor huma pprojbiti, u l-Artikolu 49 KE, li fl-ewwel paragrafu tiegħu jiddisponi li r-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità huma pprojbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

48     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 43 KE u 49 KE huma espressjoni partikolari tal-prinċipju ta' trattament ugwali (ara s-sentenza tal-5 ta' Diċembru 1989, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-3/88, Ġabra p. 4035, punt 8). Il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalià hija bl-istess mod espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali (ara s-sentenza tat-8 ta' Ottubru 1980, Überschär, 810/79, Ġabra p. 2747, punt 16). Fil-ġurisprudenza tagħha rigward id-direttivi Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-prinċipju ta' trattament ugwali ta' l-offerenti huwa intiż sabiex l-offerenti kollha jiddisponu mill-istess opportunitajiet fl-ifformular tat-termini ta' l-offerti taghom, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta' April 1996, il-Kummissjoni va il-Belġju, C-87/94, Ġabra p. I-2043, punti 33 u 54). Minn dan jirriżulta li l-prinċipju ta' trattament ugwali fost l-offerenti japplika għall-konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi anki fin-nuqqas ta' diskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità.

49     Il-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, jimplika b'mod partikolari obbligu ta' trasparenza li jippermetti lill-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni li tiżgura li dawn il-prinċipji jiġu rispettati. Dan l-obbligu ta' trasparenza li għandha din l-awtorità jikkonsisti fil-garanzija, għal kull offerenti potenzjali, ta' grad ta' pubbliċità adegwata li tippermetti ftuħ tal-konċessjoni ta' servizzi għall-kompetizzjoni kif ukoll tal-kontroll ta' l-imparzjalità tal-proċeduri ta' l-għoti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61 u 62).

50     Hija l-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni li għandha tevalwa, taħt il-kontroll tal-qrati kompetenti, jekk il-modalitajiet ta' tqegħid fil-kompetizzjoni humiex adattati għall-karatteristiċi tal-konċessjoni tas-servizzi pubbliċi in kwistjoni. Madankollu, in-nuqqas totali ta' tqegħid fil-kompetizzjoni fil-każ ta' l-għoti ta' konċessjoni ta' servizzi pubbliċi bħal dawn ikkonċernati fil-kawża prinċipali m'huwa konformi la ma' l-eżiġenzi ta' l-Artikoli 43 KE u 49 KE u lanqas mal-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' non-diskriminazzjoni u ta' trasparenza.

51     Minbarra dan, l-Artikolu 86(1) KE jipprovdi li l-Istati Membri, m'għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ xi miżura kuntrarja għar-regoli tat-Trattat, b'mod partikolari għal dawk previsti fl-Artikoli 12 KE u 81 KE sa 89 KE inklużi, f'dak li jirrigwarda l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li jingħataw mill-Istat drittijiet speċjali jew esklużivi.

52     Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta' konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi mingħajr kompetizzjoni billi tali għoti jikser l-Artikoli 43 KE jew 49 KE jew il-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' non-diskriminazzjoni u ta' trasparenza.

53     Żewġ argumenti huma invokati biex isostnu li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-prinċipji ġenerali msemmija fil-punti 46 sa 52 ta' din is-sentenza ma japplikawx għal konċessjoni ta' servizzi pubbliċi mogħtija f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

54     Min-naħa, Stadtwerke Brixen AG tisħaq li l-Artikoli 43 KE sa 55 KE mhumiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, billi din hija sitwazzjoni purament interna għal Stat Membru wieħed biss, peress li Parking Brixen, Stadtwerke Brixen AG u l-Gemeinde Brixen it-tlieta għandhom is-sede tagħhom fl-Italja.

55     DDan l-argument ma jistax jintlaqa'. Fil-fatt, ma jistax ikun eskluż li, fil-kawża prinċipali, impriżi oħra stabbiliti fi Stati Membri barra mir-Repubblika Taljana, setgħu jkunu interessati li jipprovdu s-servizzi konċernati (ara, f'dan is-sens, is-sentenza il-Kummissjoni vs il-Belġju, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33). Issa, fin-nuqqas ta' reklamar u ta' ftuħ għall-kompetizzjoni għall-għoti ta' konċessjoni ta' servizzi pubbliċi bħal dik ikkonċernata fil-kawża prinċipali, hemm diskriminazzjoni, ta' l-inqas potenzjalment, għad-dannu ta' l-impriżi ta' l-Istati Membri l-oħra li huma mwaqqfa milli jagħmlu użu mil-libertà li jipprovdu servizzi u mil-libertà ta' l-istabbiliment previsti mit-Trattat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Coname, iċċitat iktar 'il fuq, punt 17).

56     Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Taljana, Stadtwerke Brixen AG u l-Gemeinde Brixen jisħqu li l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali hija eskluża minħabba li Stadtwerke Brixen AG mhijiex entità indipendenti mill-imsemmi komun. Sabiex isostni dan l-argument, huma jinvokaw is-sentenza tat-18 ta' Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121, punti 49 sa 51).

57     F'dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista (ĠU L 199, p. 1), hija applikabbli meta awtorità kontraenti, bħal awtorità lokali, għandha l-intenzjoni li tikkonkludi bil-miktub, ma' awtorità distinta minnha mill-aspett formali u awtonoma minnha fl-aspett deċiżjonali, kuntratt oneruż li għandu bħala suġġett il-provvista ta' prodotti.

58     F'dak li jirrigwarda fl-eżistenza ta' kuntratt bħal dan, il-Qorti ppreċiżat fil-punt 50 tas-sentenza Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, li, skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/36, bħala prinċipju, huwa biżżejjed li l-kuntratt ġie konkluż bejn, min-naħa, awtorità lokali u, min-naħa oħra, persuna ġuridikament distinta minn din ta' l-aħħar. Jista' biss jiġri mod ieħor fl-ipoteżi fejn, fl-istess ħin, l-awtorità nazzjonali teżerċita fuq il-persuna ikkonċernata kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq is-servizzi tagħha stess u fejn din il-persuna twettaq l-parti essenzjali ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità jew ma' l-awtoritajiet li jipposseduha.

59     Il-Qorti kkonfermat li l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għad-Direttivi tal-Kunsill 92/50 dwar il-kuntratti tas-servizz pubbliku u 93/37/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħolijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54) (ara, rispettivament, is-sentenzi tal-11 ta' Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau. C-26/03, Ġabra p. I-1, punti 48, 49 u 52, kif ukoll tat-13 ta' Jannar 2005, il-Kummissjoni vs Spanja, C-84/03, Ġabra p. I-139, punt 39).

60     Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bbażati fuq il-premessa li l-applikazzjoni tad-Direttivi 92/50, 93/36 u 93/37 tiddependi fuq l-eżistenza ta' kuntratt konkluż bejn żewġ persuni distinti (ara is-sentenza Teckal, iċċitata iktar 'il fuq, punti 46 u 49). Issa, l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll tal-prinċipji ta' ugwaljanza, ta' non-diskriminazzjoni u ta' trasparenza li huma assoċjati magħhom, ma jiddependux fuq eżistenza ta' kuntratt. B'konsegwenza, il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 56 sa 59 ta' din is-sentenza ma japplikawx awtomatikament għal dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u lanqas għal dawn il-prinċipji.

61     Madankollu, għandu jiġi kkunstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu trasposti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u għall-prinċipji li huma relatati ma' konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam ta' kuntratti pubbliċi. Fil-fatt, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u tal-konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi, il-prinċipju ta' trattament ugwali u l-interdizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità kif ukoll l-Artikoli 43 KE u 49 KE li huma espressjonijiet speċifiċi tiegħu huma applikabbli fil-każ fejn awtorità pubblika tafda t-twettiq ta' attivitajiet ekonomiċi lil terzi. Min-naħa l-oħra, m'hemmx lok li jiġu applikati r-regoli Komunitarji fir-rigward ta' kuntratti pubbliċi jew ta' konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi fil-każ fejn awtorità pubblika twettaq xogħol ta' interess pubbliku li hija responsabbli għalih permezz tal-mezzi tagħha stess, amministrattivi, tekniċi u oħrajn, mingħajr maz' tagħmel użu ta' entitajiet esterni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar 'il fuq, punt 48).

62     B'konsegwenza, fil-qasam tal-konċessjonijiet ta' servizzi pubbliċi, l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mill-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali dawn jikkostitwixxu l-espressjoni speċifika tagħhom hija eskluża jekk, fl-istess ħin, il-kontroll eżerċitat fuq l-entità tieħu l-konċessjoni mill-awtorità pubblika li tagħti l-konċessjoni huwa analogu għal dak li din ta' l-aħħar teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess u jekk din l-entità twettaq l-essenzjali ta' l-attività tagħha bl-awtorità li għandha.

63     F'dak li jirrigwarda eċezzjoni għar-regoli ġenerali tad-dritt Komunitarju, iż-żewġ kondizzjonijiet li joħorġu fil-punt preċedenti għandhom ikunu s-suġġett ta' interpretazzjoni stretta u għal dak li bi ħsiebu jagħmel użu minnha li għandu l-oneru li jipprova li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-deroga minn dawn ir-regoli effettivament jeżistu (ara s-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar 'il fuq, punt 46).

64     L-ewwelnett jeħtieġ għandu jiġi eżaminat jekk l-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni teżerċitax fuq l-entità li tieħu l-konċessjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess.

65     Din l-evalwazzjoni trid tqis id-dispożizzjonijiet leġiżlativi kollha u ċ-ċirkustanzi pertinenti. Minn dan l-eżami għandu jirriżulta li l-entità li tieħu l-konċessjoni kkonċernata hija suġġetta għal kontroll li jippermetti lill-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni li tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta' l-imsemmija entità. Għandu jkun hemm possibbiltà ta' influwenza determinanti kemm fuq l-għanjiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti.

66     Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, skond l-Artikolu 1 ta' l-istatuti ta' l-impriża speċjali Stadtwerke Brixen, din tikkostitwixxi korp tal-komun li għandu bħala funzjoni speċifika l-provvista uniformi u integrata ta' servizzi pubbliċi lokali. Il-kunsill tal-komun kien stabbilixxa l-orjentazzjoni ġenerali, atribwixxa l-kapital disponibbli, żgura li l-ispejjeż tal-kumpannija eventwali jkunu koperti, ivverfika r-riżultati tat-tmexxija u eżerċita superviżjoni strateġika, filwaqt li l-impriża kienet assigurata l-awtonomija neċessarja.

67     Min-naħa l-oħra, Stadtwerke Brixen AG kiseb dritt għal skop kummerċjali li jrendi prekarju l-kontroll tal-komun. F'dan is-sens hemm:

a)      il-bidla ta' Stadtwerke Brixen – impriża speċjali tal-Gemeinde Brixen – f'public limited company (Stadtwerke Brixen AG) u n-natura ta' dan it-tip ta' kumpannija;

b)      l-estensjoni ta' l-għanijiet tal-kumpannija, billi l-kumpannija bdiet taħdem f'oqsma ġodda importanti, b'mod partikolari dawk tat-trasport tal-persuni u tal-merkanzija, kif ukoll ta' l-informatika u tat-telekomunikazzjoni. Għandu jiġi nnutat li l-kumpannija żammet il-gamma kbira ta' attivitajiet li qabel kienu jitwettqu mill-impriża speċjali, b'mod partikolari dawk tal-provvista ta' l-ilma u ta' l-ippurifikar ta' l-ilma użat, tal-provvista ta' tisħin u ta' enerġija, ta' l-eliminazzjoni ta' l-iskart u tal-bini ta' toroq;

c)      il-ftuħ obbligatorju tal-kumpannija, fi żmien qasir, għal kapitali oħra;

d)      l-espansjoni ta' l-isfera territorjali ta' l-attivitajiet tal-kumpannija għall-Italja kollha u barra mill-pajjiż;

e)      is-setgħat konsiderevoli attribwiti lill-kunsill ta' amministrazzjoni, mingħajr prattikament ma jiġi eżerċitat xi kontroll tat-tmexxija mill-komun.

68     B'mod konkret fir-rigward tas-setgħat mogħtija lil dan il-kunsill ta' amministrazzjoni, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-istatuti ta' Stadtwerke Brixen AG, b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħhom, jagħtu lil dan l-organu setgħat ferm wiesgħa ta' tmexxija ta' din il-kumpannija, billi dan jiddisponi mill-jedd li jieħu kull att li jikkunsidra neċessarju għat-twettiq ta' l-għanijiet tal-kumpannija. Minbarra dan, is-setgħa, prevista msemmi fl-Artikolu 18, li jiġu kkostitwiti garanziji sa l-ammont ta' ħames miljun EUR jew li jitwettqu operazzjonijiet oħra mingħajr il-kunsens preliminari tal-laqgħa tas-soċji tindika li din il-kumpannija tiddisponi minn awtonomija kbira fil-konfront ta' l-azzjonisti tagħha.

69     Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika wkoll li l-Gemeinde Brixen għandu d-dritt li jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-kunsill ta' amministrazzjoni ta' Stadtwerke Brixen AG. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tisħaq li l-kontroll eżerċitat minn dan il-komun fuq Stadtwerke Brixen AG huwa llimitat essenzjalment għal dak li d-dritt tal-kumpanniji jagħti lill-maġġoranza tas-soċji, fatt li jnaqqas b'mod konsiderevoli ir-relazzjoni ta' dipendenza li teżisti bejn dan il-komun u l-impriża speċjali Stadtwerke Brixen, b'mod partikolari fid-dawl tas-setgħat kbar li għandu l-kunsill ta' amministrazzjoni ta' Stadtwerke Brixen AG.

70     Meta entità li tieħu konċessjoni għandha marġni ta' awtonomija kkaratterizzat minn elementi bħal dawk innutati fil-punti 67 sa 69 ta' din is-sentenza, huwa eskluż li l-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni teżerċita fuq l-entita li tieħu l-konċessjoni kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq is-servizzi proprji tagħha.

71     F'kundizzjonijiet bħal dawn, u mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-entità li tieħu l-konċessjoni wettqetx l-essenzjali ta' l-attività tagħha ma' l-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni, l-għoti ta' konċessjoni ta' servizzi pubbliċi minn awtorità pubblika lil entità bħal din ma jistax jiġi kkunsidrat bħala operazzjoni interna ta' din l-awtorità, li għaliha r-regoli Komunitarji m'humiex applikabbli.

72     Għaldaqstant it-tieni domanda għandha tiġi mwieġba kif ġej:

L-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll il-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' non-diskriminazzjoni u ta' trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità pubblika tagħti, mingħajr tqegħid fil-kompetizzjoni, konċessjoni ta' servizzi pubbliċi lill-kumpannija joint-stock li tirriżulta mill-bidla ta' impriża speċjali ta' din l-awtorità pubblika, kumpannija li l-għanjiet tagħha ġew estiżi għal oqsma ġodda importanti, li l-kapital tagħha għandu obbligatorjament jiġi miftuħ fi żmien qasir, għal kapitali oħra, li l-isfera territorjali ta' attivitajiet tagħha ġiet estiża għall-pajjiż kollu kif ukoll għal barra mill-pajjiż u li l-kunsill ta' amministrazzjoni tagħha għandu setgħat ferm kbar ta' tmexxija li huwa jista' jeżerċita b'mod awtonomu.

 Dwar l-ispejjeż

73     Peress illi l-proċeduri għandhom, fir-rigward tal-plottijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija plottijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-għoti, minn awtorità pubblika tat-tmexxija ta' parkeġġ pubbliku bi ħlas, lil min jipprovdi s-servizzi, li jieħu bħala kumpens għal tali servizz mill-pagamenti magħmula minn terzi għall-użu ta' dan il-parkeġġ, tikkostitwixxi konċessjoni ta' servizzi pubbliċi li għaliha ma tapplikax id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku.

2)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE, kif ukoll il-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' non-diskriminazzjoni u ta' trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità pubblika tagħti, mingħajr tqegħid fil-kompetizzjoni, konċessjoni ta' servizzi pubbliċi lill-kumpannija joint-stock li tirriżulta mill-bidla ta' impriża speċjali ta' din l-awtorità pubblika, kumpannija li l-għanjiet tagħha ġew estiżi għal oqsma ġodda importanti, li l-kapital tagħha għandu obbligatorjament jiġi miftuħ fi żmien qasir, għal kapitali oħra, li l-isfera territorjali ta' attivitajiet tagħha ġiet estiża għall-pajjiż kollu kif ukoll għal barra mill-pajjiż u li l-kunsill ta' amministrazzjoni tagħha għandu setgħat ferm kbar ta' tmexxija li huwa jista' jeżerċita b'mod awtonomu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.