SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta' Jannar 2006 (*)

"Direttiva 85/374/KEE – Responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi – Responsabbiltà tal-fornitur ta' prodott difettuż"

Fil-kawża C-402/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Settembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Settembru 2003, fil-proċedura

Skov Æg

vs

Bilka Lavprisvarehus A/S

u

Bilka Lavprisvarehus A/S

vs

Jette Mikkelsen,

Michael Due Nielsen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann (Relatur), C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann u J. Makarczyk, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Novembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal Skov Æg, minn G. Lett u U. Christrup, advokaterne,

–       għal Bilka Lavprisvarehus A/S, minn J. Rostock‑Jensen, advokat,

–       għas-Sinjura Mikkelsen u s-Sur Due Nielsen, minn J. Andersen, advokat,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Molde, bħala aġent, assistit minn P. Biering, advokat,

–       għall-Gvern Spanjol, minn L. Fraguas Gadea u E. Braquehais Conesa, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen u G. Valero Jordana, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/EEC tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU 1985 L 210, p. 29)

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kontroversja bejn, min-naħa, is-Sinjura Mikkelsen u s-Sur Due Nielsen (iktar 'il quddiem il-“persuni li saritilhom il-ħsara”) u Bilka Lavprisvarehus A/S (iktar 'il quddiem "Bilka") u, min-naħa l-oħra, Bilka u Skov Æg (iktar 'il quddiem "Skov") dwar l-indennizz għad-dannu li sofrew il-persuni li saritilhom il-ħsara b'riżultat tal-konsum ta' bajd mibjugħa minn Bilka u prodotti minn Skov.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Kif tindika l-ewwel premessa tad-Direttiva, l-adozzjoni ta' din ta' l-aħħar tirrispondi għall-idea li "approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tal-produttur għall-ħsara kkawżata mid-difetti tal-prodotti tiegħu hija meħtieġa minħabba [l-fatt li] d-diverġenzi preżenti jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-moviment tal-prodotti fis-suq komuni u jinvolvu livell differenti ta' protezzjoni tal-konsumatur kontra ħsara kkawżata minn prodott difettuż għal saħħtu jew lil proprjetà tiegħu".

4       Kif jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva, is-sistema ta' responsabbiltà stabbilita minn din id-Direttiva tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni li "[ir-] responsabbiltà mingħajr ħsara min-naħa tal-produttur hija l-uniku mezz li bih tissolva l-problema b'mod adekwat, tipiku għal żmienna fejn it-teknikalità qiegħda dejjem [...] tikber, ta' distribuzzjoni ġusta tar-riskji intrinsiċi fil-produzzjoni teknoloġika moderna".

5       L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprevedi li:

"Il-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu".

6       L-Artikolu 3 tad-Direttiva jistipula li:

"1.       'Produttur' tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.

2.      Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-produttur, kull persuna li timporta fil-Komunità prodott għall-bejgħ, kiri, jew kull forma oħra ta’ distribuzzjoni fil-kors tan-negozju tagħha titqies bħala produttur skond it-tifsira ta’ din id-Direttiva u tkun responsabbli bħala produttur.

3.       Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta’ prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità ta’ l-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat".

7       F'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tar-responsabbiltà tal-prodottur, l-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi li "[I]l-persuna li saritilha l-ħsara hija meħtieġa tagħti prova tal-ħsara, id-difett u r-relazzjoni kawżali bejn id-difett u d-dannu". L-Artikolu 7 jelenka l-każijiet li fihom il-produttur mhuwiex responsabbli. Fost dawn il-każijiet jissemmew dawk fejn il-produttur ma poġġiex il-prodott fiċ-ċirkulazzjoni, fejn id-difett ma kienx jeżisti fil-ħin meta l-prodott tpoġġa fiċ-ċirkulazzjoni, fejn il-prodott ma kienx immanifatturat għad-distribuzzjoni, fejn id-difett huwa dovut minħabba l-konformità tal-prodott mar-regoli obbligatorji li jirriżultaw mill-awtoritajiet pubbliċi u fejn il-qagħda tat-tagħrif fiż-żmien meta l-prodott tpoġġa fiċ-ċirkulazzjoni ma kinitx ippermettiet li jiġi skopert id-difett.

8       F’dak li jirrigwarda r-rabtiet bejn, min-naħa, is-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita mid-Direttiva, u, min-naħa l-oħra, il-liġijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, l-Artikolu 13 tad-Direttiva jipprevedi li:

“Ir-responsabbiltà tal-produttur li toħroġ minn din id-Direttiva tista', f'relazzjoni mal-persuna korruta, ma tkunx limitata jew eskluża minn dispożizzjoni li tillimita r-responsabbiltà tiegħu jew li teżentah mir-responsabbiltà tiegħu”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9       Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Daniż jirriżulta li, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva, ir-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi, kemm tal-produttur kif ukoll tal-fornitur, kienet rregolata mill-ġurisprudenza. Skond din ta’ l-aħħar, ir-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi kienet evalwata fid-dawl tar-regoli ġenerali tar-responsabbiltà ċivili, ibbażati fuq il-kunċett ta’ ħtija. Madankollu, l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza waslet sabiex, f’ċertu każijiet, il-produttur ġie kkunsidrat responsabbli anki fin-nuqqas ta' ħtija. F'dak li jirrigwarda l-fornitur, huwa jassumi r-responsabbiltà ta' l-operaturi ekonomiċi li jintervjenu fil-bidu tal-katina ta' produzzjoni u ta' distribuzzjoni.

10     Id-Direttiva ġiet trasposta fid-Danimarka permezz tal-Liġi Nru 371 tas-7 ta' Ġunju 1989, dwar ir-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi, emendata mil-Liġi Nru 1041 tat-28 ta' Novembru 2000 (iktar 'il quddiem il-"Liġi Nru 371"). Il-Gvern Daniż ippreċiża li din il-Liġi, min-naħa, għamlet is-sistema ta' responsabbiltà prevista mid-Direttiva applikabbli għall-produttur u, min-naħa l-oħra, issanzjonat ir-regola tal-ġurisprudenza eżistenti li l-fornitur huwa responsabbli għall-operaturi ekonomiċi li jintervjenu suċċessivament fil-bidu. Għall-bqija, ir-regoli preċedenti tal-ġurisprudenza baqgħu applikabbli.

11     L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 371 tagħti s-segwenti definizzjonijiet lill-kunċetti ta' "produttur" u ta' "fornitur":

"1.      Huwa kkunsidrat bħala produttur dak li jimmanifattura prodott lest, prodott intermedjarju jew materjal mhux maħdum, li jipproduċi jew jiġbor prodott naturali, kif ukoll dak li jippreżenta ruħu bħala produttur billi jpoġġi fuq il-prodott ismu, it-trademark tiegħu jew sinjal ieħor distintiv.

2.      Huwa wkoll ikkunsidrat bħala produttur dak li jimporta prodott fil-Komunità għal skopijiet ta' bejgħ, kiri, leasing jew kull forma oħra ta' distribuzzjoni fil-kuntest ta' l-attività kummerċjali tiegħu.

3.      Huwa kkunsidrat bħala fornitur dak li jqiegħed prodott fiċ-ċirkolazzjoni fil-kuntest ta' l-attivitajiet kummerċjali tiegħu mingħajr ma jiġi kkunsidrat bħala produttur.

[…]."

12     L-Artikolu 6 ta' l-istess Liġi jimponi l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-produttur għad-difetti f' prodott. L-Artikolu 10 ta' din il-Liġi jipprevedi li:

"Fornitur huwa responsabbli direttament għad-difetti ta' prodott fir-rigward tal- persuni li saritilhom il-ħsara u tal-fornituri fl-aħħar tal-katina ta' distribuzzjoni."

13     Skond l-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 371, il-fornitur li indennizza lill-persuna li saritilha l-ħsara b'riżultat ta' prodott difettuż huwa ssurrogat fid-drittijiet tagħha kontra l-operaturi fil-bidu tal-katina ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Wara li kkunsmaw bajd li huma kienu xtraw minn ħanut ta' Bilka, li hija kienet xtrat mill-produttur Skov, il-persuni li saritilhom il-ħsara mardu bis-salmonella.

15     Il-persuni li saritilhom il-ħsara fittxew lill-fornitur Bilka, li kkjamat fil-kawża lill-produttur Skov.

16     Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Jannar 2002, l-Aalborg Byret ikkunsidrat li l-bajd kien difettuż, li kien hemm relazzjoni kawżali bejn dan id-difett u d-dannu subit u li ma ntweriet ebda ħtija tal-persuni li saritilhom il-ħsara. Bilka ġiet ordnata tħallas indennizz lill-persuni li saritilhom il-ħsara u Skov ġiet ikkundannata tħallas lura lill-Bilka dan l-indennizz.

17     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fuq appell ta’ Bilka u ta’ Skov, il-Vestre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Id-Direttiva […] tipprekludi sistema legali skond liema fornitur jassumi mingħajr restrizzjonijiet ir-responsabbiltà tal-produttur taħt id-Direttiva?

2)      Id-Direttiva […] tipprekludi sistema skond liema l-fornitur huwa obbligat, skond il-ġurisprudenza, jassumi mingħajr restrizzjonijiet ir-responsabbiltà għall-ħtija tal-produttur, kif stabbilita mill-ġurisprudenza, għal difett fil-prodott li kkawża danni lill-persuna jew lill-beni tal-konsumatur?

3)      B’referenza:

–       għall-minuti [tal-1025 laqgħa] tal-Kunsill tal-Ministri [tal-25 ta’ Lulju 1985], fejn fil-punt 2 jingħad:

“f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3 u 1[3], il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-fatt li xejn ma jipprekludi li kull Stat Membru jista' jistabbilixxi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu regoli dwar ir-responsabbiltà ta' intermedjarji, peress li r-responsabbiltà ta' dawn mhijiex koperta mid-Direttiva. Hemm qbil ukoll fuq il-fatt li, skond id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-regoli dwar il-qsim reċiproku finali tar-responsabbiltà bejn diversi produtturi responsabbli (ara l-Artikolu 3) u l-intermedjarji",

–       għall-Artikolu 13 tad-Direttiva […],

qed jiġi mistoqsi jekk id-Direttiva timpedixxix li Stat Membru jirregola bil-liġi r-responsabbiltà tal-fornitur għad-dannu ikkawżat minħabba prodott, bil-kundizzjoni li l-fornitur jiġi ddefinit, bħal fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu [4](3) tal-Liġi [Nru 371], bħala dak li jqiegħed prodott fiċ-ċirkolazzjoni fil-kuntest ta' l-attivitajiet kummerċjali tiegħu mingħajr ma jiġi kkunsidrat bħala produttur skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi.

4)      Id-Direttiva […] tipprekludix li l-Istati Membri jintroduċu dispożizzjoni legali dwar ir-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi skond liema l-fornitur – mingħajr ma jkun hu stess produttur jew imqabbel ma' produttur skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva – huwa [o]bbligat li jassumi:

–       ir-responsabbiltà tal-produttur skond id-Direttiva?

–       ir-responsabbiltà għall-ħtija tal-produttur, ibbażata fuq il-ġurisprudenza, f'dak li jirrigwarda r-responsabbiltà għad-danni kkawżati minn prodott lill-persuna jew lill-beni tal-konsumatur?

Id-dispożizzjoni legali in kwistjoni tippresupponi:

a)      li l-fornitur ikun ddefinit bħala dak li jqiegħed prodott fiċ-ċirkolazzjoni fil-kuntest ta' l-attivitajiet kummerċjali tiegħu mingħajr ma jiġi kkunsidrat bħala produttur (l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4(3) tal-Liġi [Nru 371]);

b)      li l-produttur jista' jinsab responsabbli, u li għalhekk, jekk dan ma jkunx il-każ, il-fornitur mhuwiex responsabbli (Artikolu 10 tal-Liġi [Nru 371]);

c)      li l-fornitur għandu azzjoni għal indennizz kontra l-produttur (Artikolu 11(3) tal-Liġi [Nru 371]);

5)      Id-Direttiva […] tipprekludi li Stat Membri jżomm regola, mhux ta' liġi iżda bbażata fuq il-ġurisrudenza, li tippreċedi d-Direttiva, skond liema l-fornitur – mingħajr ma jkun hu stess produttur jew imqabbel ma' produttur skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva – jassumi:

–       ir-responsabbiltà tal-produttur skond id-Direttiva?

–       ir-responsabbiltà għall-ħtija tal-produttur, ibbażata fuq il-ġurisprudenza, f'dak li jirrigwarda r-responsabbiltà għad-danni kkawżati minn prodott lill-persuna jew lill-beni tal-konsumatur?

Ir-regola ta' ġurisprudenza in kwistjoni tippresupponi:

a)      li l-fornitur ikun ddefinit bħala dak li jqiegħed prodott fiċ-ċirkolazzjoni fil-kuntest ta' l-attivitajiet kummerċjali tiegħu mingħajr ma jiġi kkunsidrat bħala produttur (punt 1 ta' l-Artikolu 4(3) tal-Liġi [Nru 371]);

b)      li l-produttur jista' jinsab responsabbli, u li għalhekk, jekk dan ma jkunx il-każ, il-fornitur mhuwiex responsabbli (Artikolu 10 tal-Liġi [Nru 371]);

c)      li l-fornitur għandu azzjoni għal indennizz kontra l-produttur (Artikolu 11(3) tal-Liġi [Nru 371])."

 Fuq id-domandi preliminari

18     Permezz tad-deċiżjonijiet tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva tipprekludix li Stat Membru jirregola r-responsabbiltà tal-fornitur billi jipprevedi li huwa għandu jassumi r-responsabbiltà tal-produttur.

19     F'dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li r-responsabbiltà stabbilita mid-Direttiva u li hija imposta fuq il-produttur mill-Artikolu 1 ta' l-istess Direttiva, hija responsabbiltà mingħajr ħtija. It-tieni premessa tad-Direttiva tispeċifika espressament dan. Dan il-fatt jirriżulta wkoll mil-lista, fl-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva, ta' l-elementi ta' prova li għandha tagħti l-persuna li saritilha l-ħsara kif ukoll mill-każijiet, koperti mill-Artikolu 7, li fihom ir-responsabbiltà tal-produttur hija eskluża.

20     Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva tipprekludix, min-naħa, regola nazzjonali li tittrasferixxi lill-fornitur ir-responsabbiltà mingħajr ħtija li d-Direttiva tistabbilixxi u tpoġġi fuq il-produttur u, min-naħa l-oħra, regola nazzjonali li tittrasferixxi lill-fornitur ir-responsabbiltà għall-ħtija tal-produttur.

21     Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi ddeterminat, qabel kollox, l-estent ta' l-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva.

 Fuq l-estent ta' l-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva

22     Fis-sentenzi tal-25 ta' April 2002, il-Kummissjoni vs Franza (C-52/00, Ġabra p. I‑3827, punt 16), il-Kummissjoni vs il-Greċja (C-154/00, Ġabra p. I‑3879, punt 12) u González Sánchez (C-183/00, Ġabra p. I-3901, punt 25), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-marġni diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri sabiex jirregolaw ir-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi huwa ddeterminat kompletament mid-Direttiva stess u għandu jiġi dedott mill-kliem, mill-objettivi u mill-istruttura tagħha.

23     Wara li eżaminat dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva trid tilħaq, fuq il-punti li hija tirregola, armonizzazzjoni totali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi ta' l-Istati membri (sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq, il-Kummissjoni vs Franza, punt 24, u il-Kummissjoni vs il-Greċja, punt 20).

24     Fil-kuntest ta' din il-proċedura, il-persuni li saritilhom il-ħsara u l-Gvern Daniż isostnu li d-Direttiva ma twettaqx armonizzazzjoni totali tar-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi, iżda biss tar-responsabbiltà tal-produttur li tirriżulta minn prodotti difettużi. Billi jibbażaw ruħhom fuq il-kliem ta' l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva, huma jsostnu li din id-Direttiva ma tirregolax ir-responsabbiltà tal-fornitur u tħalli marġni diskrezzjonali lill-Istati Membri f'dak li jikkonċerna d-definizzjoni taċ-ċirku tal-persuni responsabbli.

25     L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprevedi responsabbiltà għad-dannu kkawżat minn difett f'prodott u jpoġġi din ir-responsabbiltà fuq il-produttur tal-prodott in kwistjoni.

26     Il-kunċetti ta' "dannu", "difett" u "prodott" huma ddefiniti rispettivament fl-Artikoli 9, 6 u 2 tad-Direttiva. Il-kunċett ta' "produttur" huwa ddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. Skond l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, dan huwa l-manifattur tal-prodott. It-tieni paragrafu ta' dan l-istess Artikolu jinkludi fil-kelma "produttur", l-importatur tal-prodott fil-Komunità. B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, jekk il-produttur ma jistax jiġi identifikat, il-fornitur huwa kkunsidrat bħala tali, sakemm huwa ma jindikax lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġonevoli, l-identità tal-fornitur tiegħu stess.

27     Ir-raġunijiet li għalihom kien deher opportun li l-produttur jinżamm responsabbli huma spjegati fl-Artikolu 1(e) tan-nota ta' spjegazzjoni ta' l-abbozz tad-Direttiva [dokument COM (76) 372 finali (ĠU C 241, p. 9)], li rrefera għalih il-Gvern Daniż. Dawn il-motivi, li jirreferu għall-Artikoli 1 u 2 ta’ l-imsemmija proposta, li saru mingħajr ebda emenda sostanzjali l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva, jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej.

28     Għalkemm huwa veru li l-possibbiltà li l-fornitur ikun responsabbli għal prodott difettuż skond il-modalitajiet previsti mid-Direttiva tiffaċilita l-azzjonijiet ġudizzjarji mressqa mill-persuna li saritilha l-ħsara, għandu jingħad li din il-faċilità jkollha konsegwenzi serji fis-sens li, peress li tobbliga lill-fornituri joħorġu assigurazzjoni kontra tali responsabbiltà, hija twassal għal żieda konsiderevoli fil-prezzijiet tal-prodotti. Barra minn hekk, din il-faċilità twassal għal multiplikazzjoni tar-rikorsi peress illi l-fornitur imbagħad ifittex il-fornitur tiegħu stess sakemm jasal għall-produttur. Peress li, fil-biċċa l-kbira ta' każijiet, il-fornitur jillimita ruħu li jerġa' jbiegħ il-prodott li jkun xtara u li biss il-produttur għandu l-possibbiltà li jaġixxi fuq il-kwalità ta' dan, ġie kkunsidrat opportun li r-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi tkun ikkonċentrata fuq il-produttur.

29     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li huwa wara li sar ħafna ħsieb fuq ir-rwoli rispettivi ta' operaturi ekonomiċi differenti li jintervjenu fil-katina tal-manifatturazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni, li ttieħdet id-deċiżjoni li r-responsabbiltà għad-danni kkawżati minn prodotti difettużi fis-sistema ġuridika stabbilita mid-Direttiva titpoġġa bħala prinċipju fuq il-produttur, u biss f'ċerti każijiet speċifiċi fuq l-importatur u l-fornitur.

30     Kuntrarjament għall-interpretazzjoni mogħtija mill-persuni li saritilhom il-ħsara u mill-Gvern Daniż, l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva ma jillimitawx għalhekk rwieħhom li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-produttur li tirriżulta minn prodott difettuż, iżda jiddeterminaw, fost il-professjonisti li pparteċipaw fil-proċess ta' manifatturazzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni, dak li għandu jassumi r-responsabbiltà stabbilita mid-Direttiva.

 Fuq it-trasferiment lill-fornitur tar-responsabbiltà mingħajr ħtija tal-produttur skond id-Direttiva

31     Permezz ta' l-ewwel parti tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali li tobbliga lill-fornitur jassumi mingħajr restrizzjonijiet ir-responsabbiltà mingħajr ħtija li d-Direttiva tistabbilixxi u tpoġġi fuq il-produttur.

32     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirku ta' persuni responsabbli li kontrihom il-persuni li saritilhom il-ħsara jistgħu jressqu azzjoni skond is-sistema ta' responsabbiltà prevista mid-Direttiva huwa speċifikati fl-Artikoli 1 u 3 ta’ din (ara punti 29 u 30 ta' din is-sentenza).

33     Kif ġie mfakkar fil-punt 23 ta' din is-sentenza, peress li d-Direttiva tipprova tilħaq armonizzazzjoni totali fuq il-punti li hija tirregola, id-determinazzjoni taċ-ċirku ta' persuni responsabbli mwettqa fl-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva għandha tiġi kkunsidrata bħala eżawrjenti.

34     L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jipprevedi biss ir-responsabbiltà tal-fornitur fl-ipotesi fejn il-produttur ma jistax jiġi identifikat. Billi l-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 371 jipprevedi li l-fornitur huwa responsabbli direttament għal difetti f'prodott fir-rigward tal-persuni li saritilhom il-ħsara, il-leġiżlatur Daniż kabbar għalhekk iċ-ċirku tal-persuni responsabbli li kontrihom il-persuni li saritilhom il-ħsara jistgħu jressqu azzjoni skond is-sistema ta' responsabbiltà prevista mid-Direttiva lilhinn mill-limiti stabbiliti f'din ta' l-aħħar.

35     Il-Gvern Daniż isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma timponix fuq il-fornitur responsabbiltà awtonoma, peress li dan ta’ l-aħħar huwa responsabbli fir-rigward tal-persuni li saritilhom il-ħsara biss meta l-produttur, kontra liema huwa għandu azzjoni għal indennizz, jista' jkun responsabbli. Għalhekk, is-sitwazzjoni tal-fornitur hija simili għal dik ta' persuna li hija obbligata in solidum.

36     Dan l-element mhuwiex determinanti. Minbarra l-fatt li s-sistema stabbilita mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali timponi fuq il-fornitur obbligu li l-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra bħala mhux ġustifikat (ara l-punt 28 ta' din is-sentenza), din twassal għal multiplikazzjoni tan-numru tal-kjamati fil-kawża li l-azzjoni diretta li l-persuna li saritilha l-ħsara għandha kontra l-produttur, fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, għandha l-għan li tevita speċifikament (ara s-sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40, u l-punt 28 ta' din is-sentenza).

37     Minn dan jirriżulta li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi regola nazzjonali li tobbliga lill-fornitur jassumi mingħajr restrizzjonijiet ir-responsabbiltà tal-produttur skond id-Direttiva.

38     Madankollu, il-Gvern Daniż isostni li l-Artikolu 13 tad-Direttiva, skond liema d-Direttiva ma taffettwax id-drittijiet li l-persuna li saritilha l-ħsara għandha taħt il-liġi dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali jew delittwali, jista’ jipprovdi bażi legali għal estenzjoni lill-fornitur tar-responsabbiltà mpoġġija, fis-sistema tad-Direttiva, fuq il-produttur.

39     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq, il-Kummissjoni vs Franza, punt 21, il-Kummissjoni vs il-Greċja, punt 17, u González Sánchez, punt 30, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li analizzat il-kliem, l-objettiv u l-istruttura tad-Direttiva, iddeċidiet li l-Artikolu 13 ta’ din ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżommu sistema ġenerali ta’ responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi differenti minn dik prevista mill-imsemmija Direttiva.

40     Il-Gvern Daniż jixtieq li din il-ġurisprudenza tkun eżaminata mill-ġdid fid-dawl tad-dikjarazzjoni dwar l-Artikoli 3 u 1[3] li tinsab fil-punt 2 tal-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-25 ta’ Lulju 1985, li tgħid li dawn l-Artikoli ma jipprekludix li kull Stat Membru jistabbilixxi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu r-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ intermedjarji.

41     Il-Gvern Daniż, sabiex jiddefendi iż-żamma tar-regola nazzjonali, skond liema l-fornitur jassumi r-responsabbiltà tal-produttur, li ġiet żviluppata mill-ġurisprudenza qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u li kienet ikkonfermata biss mil-liġi li tittrasponi din ta’ l-aħħar, jinvoka wkoll id-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 16 ta’ l-imsemmija minuti li fiha l-Kunsill esprima “ix-xewqa li l-Istati Membri, li bħalissa japplikaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-konsumaturi minn dawk li jirriżultaw mid-Direttiva, ma jieħdux vantaġġ mill-possibbiltajiet mogħtija mid-Direttiva sabiex jitnaqqas dan il-livell ta’ protezzjoni.”

42     L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta dikjarazzjoni inkluża f’minuti tal-Kunsill ma tkunx ġiet espressament imsemmija fit-test ta’ dispożizzjoni ta' liġi sekondarja, din ma tistax tiġi kkunsidrata fl-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C-292/89, Ġabra p. I-745, punt 18, u tat-8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe, C-375/98, Ġabra p. I-4243, punt 26).

43     It-tieni nett, iż-żewġ dikjarazzjonijiet li għalihom jirreferi l-Gvern Daniż ma jiġġustifikawx, kuntrarjament għall-kliem u l-istruttura tat-test, emenda fiċ-ċirku tal-persuni responsabbli kif definit mid-Direttiva. B’mod partikolari, dawn ma jistgħux jiġu invokati sabiex Stati Membri jitħallew jittrasferixxu fuq il-fornitur, ħlief f’dawk il-każijiet koperti b’mod limitat mill-Artikolu 3(3), ir-responsabbiltà stabbilita mid-direttiva u mpoġġija minnha fuq il-produttur.

44     F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Gvern Daniż li din l-interpretazzjoni tad-Direttiva hija tali li twassal fid-Danimarka għal tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, għandu jiġi osservat li estenzjoni eventwali tar-responsabbiltà stabbilita mid-Direttiva lill-fornituri taqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju, li għandu jipproċedi, jekk ikun il-każ, għal emenda tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati.

45     F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għall-ewwel parti tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi regola nazzjonali li tobbliga l-fornitur jassumi, ħlief fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(3) tagħha, ir-responsabbiltà mingħajr ħtija li din id-Direttiva tistabbilixxi u tpoġġi fuq il-produttur.

 Fuq it-trasferiment lill-fornitur tar-responsabbiltà minħabba ħtija tal-produttur

46     Permezz tat-tieni parti tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva tipprekludi regola nazzjonali li tobbliga lill-fornitur jassumi mingħajr restrizzjonijiet ir-responsabbiltà minħabba ħtija tal-produttur fil-każ ta’ dannu kkawżat minn difett f’prodott.

47     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fis-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq, il-Kummissjoni vs Franza, punt 22, il-Kummissjoni vs il-Greċja, punt 18, u González Sánchez, punt 31, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema stabbilita minn din ta’ l-aħħar ma teskludix l-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew delittwali oħrajn bil-kundizzjoni li dawn ikunu bbażati fuq elementi differenti, bħall-garanzija għad-difetti li ma jidhrux u l-ħtija.

48     F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għat-tieni parti tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju hija li d-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix regola nazzjonali li tobbliga lill-fornitur jassumi mingħajr restrizzjonijiet ir-responsabbiltà minħabba ħtija tal-produttur.

 Fuq il-limitazzjoni ta’ l-effetti tas-sentenza fiż-żmien

49     Fl-ipotesi li l-Qorti tal-Gustizzja ma tilqax l-interpretazzjoni tad-Direttiva li huma ppreżentaw, il-persuni li saritilhom il-ħsara u l-Gvern Daniż talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha fiż-żmien. B’sostenn għat-talba tagħhom, huma invokaw, b’mod partikolari, il-konsegwenzi serji għaċ-ċertezza legali u l-implikazzjonijiet finanzjarji li s-sentenza tista’ tinvolvi għall-persuni li saritilhom il-ħsara f’numru kbir ta’ kontroversji dwar ir-responsabbiltà li tirriżulta minn prodotti difettużi deċiżi wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttva.

50     Skond ġurisprudenza kostanti, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt Komunitarju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, tikkjarifika u tispeċifika, jekk neċessarju, is-sinifikat u l-iskop ta’ din ir-regola, kif għandha jew kif kellha tinftihem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal rapporti ġuridiċi mfassla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar talba għal interpretazzjoni, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li tiġi mressqa kontroversja dwar l-appikazzjoni ta’ l-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot, 24/86, Ġabra p. 379, punt 27, u tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 141).

51     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tista' tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jkunu sodisfatti, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ konsegwenzi serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, Vroege, C-57/93, Ġabra p. I-4541, punt 21, u tat-12 ta’ Ottubru 2000, Cooke, C-372/98, Ġabra p. I-8683, punt 42).

52     Għandu jiġi osservat li, fl-Artikolu 11(3) tal-Liġi Nru 371, il-leġiżlatur Daniż irrikorra għas-sistema ta’ l-azzjoni għal indennizz, magħrufa mill-biċċa l-kbira tas-sistemi ġuridiċi, u pprovda li l-fornitur li jkun ta indennizz lill-persuna li saritilha l-ħsara minħabba prodott difettuż huwa ssurrogat fid-drittijiet tagħha kontra l-produttur. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-fornitur ikkunsidrat bħala responsabbli fir-rigward tal-persuna li saritilha l-ħsara jista’, ġeneralment, jiġi indennizzat mill-produttur b’kundizzjonijiet li jiggarantixxu ċ-ċertezza legali.

53     F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr mhemm il-bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-fornitur jistax jiddisponi jew le minn azzjoni kontra persuna li saritilha l-ħsara diġà indennizzata, u mingħajr il-bżonn li wieħed jistaqsi fuq il-kwistjoni dwar il-bona fide tal-persuni kkoncernati, it-talba tal-persuni li saritilhom il-ħsara u tal-Gvern Daniż, li ma ressqu ebda element ieħor li jista’ jkun ta’ sostenn għall-argument tagħhom skond liema din is-sentenza tinvolvi riskju ta’ konsegwenzi serji jekk l-effetti tagħha ma jiġux limitati fiż-żmien, ma tistax tiġi milqugħa.

 Fuq l-ispejjeż

54     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/EEC tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi, għandha tiġi interpretata f'dan is-sens:

–       li hija tipprekludi regola nazzjonali li tobbliga fornitur jassumi, ħlief fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, ir-responsabbiltà mingħajr ħtija li d-Direttiva tistabbilixxi u tpoġġi fuq il-produttur;

–       li hija ma tipprekludix regola nazzjonali li tobbliga fornitur jassumi mingħajr restrizzjonijiet ir-responsabbiltà minħabba ħtija tal-produttur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.