SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

6 ta' Ottubru 2005(*)

"Sitt Direttiva VAT – Skema għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar – Vjaġġi kollox kompriż (package travel) – Servizzi mixtrija mingħand terzi u servizzi pprovduti minnhom stess – Metodu ta' kalkulazzjoni tat-taxxa"

Fil-kawża C-291/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-VAT and Duties Tribunal, Manchester (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta' Lulju 2003, fil-proċedimenti

MyTravel plc

vs

Commissioners of Customs & Excise,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), J.-P. Puissochet, S. von Bahr u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' Novembru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal MyTravel plc, minn N. Gibbon, Solicitor, u J. Woolf, Barrister,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, u assistit minn N. Paines, Q.C.,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (77/388/KEE) (ĠU L 145, p. 1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija MyTravel plc (iktar 'il quddiem "MyTravel") u l-Commissioners of Customs & Excise, dwar l-applikabbiltà għal din il-kumpannija ta' l-iskema prevista fl-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva, wara s-sentenza tat-22 ta' Ottubru 1998, Madgett u Baldwin (C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229).

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-ammont taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT") għandu jkun, għall-parti l-kbira tas-servizzi, "dak koll[u] li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti […]".

4       L-Artikolu 26 ta' l-imsemmija Direttiva, li jistabbilixxi skema speċjali għall-operazzjonijiet ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar u ta' l-operaturi tal-ġiti, jipprovdi:

"1.      L-Istati Membri għandhom japplikaw it-taxxa fuq il-valur miżjud għall-operazzjonijiet ta' l-aġenti ta' l-ivjaġġar b'mod konformi mad-disposizzjonijet ta' dan l-Artikolu, fejn l-aġenti ta' l-ivvjaġġar ikollhom x'jaqsmu mal-klijenti f'isimhom u jużaw il-provvisti u s-servizzi ta' persuni taxxabbli oħrajn fid-disposizzjonijiet ta' l-faċilitajiet ta' l-ivvjaġġar. Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-aġenti ta' l-ivvjaġġar li jaġixx[u] biss bħala intermedjarji u jieħdu kont tat-taxxa b'mod konformi ma' [l-]Artikolu 11A(3)(ċ). F'dan l-Artikolu l-aġenti ta' l-ivvjaġġar jinkludu l-operaturi tal-ġiti.

2.      It-transazzjonijet li jsiru mill-aġent ta' l-ivvjaġġar fir-rigward ta' vjaġġ għandhom ikunu ttrattati bħala servizz waħdu pprovdut mill-aġent ta' l-ivvaġġjar. Hu għandu jkun taxxabbli fl-Istat Membru li fih l-aġent ta' l-ivvjaġġar ikun stabilixxa n-negozju tiegħu jew għandu l-istabbiliment fiss minn fejn l-aġent ta' l-ivvjaġġar ipprovda s-servizzi. L-ammont taxxabbli u l-prezz esklussiv tat-taxxa, fit-tifsira ta' [l-] Artikolu 22(3)(b), fir-rigward ta' dan is-servizz għandu jkun il-marġini ta' l-aġent ta' l-ivvjaġġar, jiġifieri, id-differenza bejn l-ammont totali li għandu jkun imħallas mill-vjaġġatur, esklussiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud, u l-ispejjeż attwali li [jitħallsu mil]l-aġent ta' l-ivvjaġġar [għall]-provvisti u s-servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn fejn dawn it-transazzjonijiet huma għall-benefiċċju dirett tal-vjaġġatur.

3.      Jekk it-transazzjonijet [fdati] mill-aġent ta' l-ivvjaġġar lill-persuni taxxabbli oħrajn huma mwettqa mit-tali persuni barra l-Komunità, is-servizz ta' l-aġent ta' l-ivjaġġar għandu jkun trattat bħala attività eżenti intermedjarja taħt Artikolu 15(14). Fejn dawn it-transazzjonijiet twettqu kemm ġewwa u barra l-Komunità, il-parti biss ta' l-aġent ta' l-ivvjaġġar li għandha x'taqsam ma' transazzjonijiet barra l-Komunità tista' tkun eżentata.

4.      Taxxa miġbura mill-aġent ta' l-ivvjaġġar minn persuni taxxabbli oħrajn fuq transazzjonijiet deskritti f'paragrafu 2 li huma ta' benefiċċju dirett tal-vjaġġatur, m'għandhomx ikunu eleġibbli għat-tnaqqis jew ħlas lura fi kwalunkwe Stat Membru."

5       L-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva huwa traspost fid-dritt intern permezz ta' l-Artikolu 53 ta' l-Att ta' l-1994 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Value Added Tax Act 1994), kif ukoll permezz ta' l-Ordni ta' l-1987 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għall-operaturi tal-ġiti [Value Added Tax (Tour Operators) Order 1987]. Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ġew speċifikati iżjed permezz ta' l-Avviż 709/5/88, u wara permezz ta' l-Avviż 709/5/96 tal-Commissioners of Customs & Excise, dwar l-iskema fuq il-marġini għall-operaturi tal-ġiti (Tour Operators' Margin Scheme VAT Notice, iktar 'il quddiem l-i"skema TOMS"). Din l-iskema teżiġi li l-ammont totali li jdaħħal l-operatur ta' vjaġġ jew ta' ġita jinqasam bejn is-servizzi mixtrija mingħand terzi u s-servizzi pprovduti minnu stess, b'riferenza għall-ispejjeż attwali ta' kull komponent.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6       MyTravel torganizza vaganzi kollox kompriż (package holidays) f'pajjiżi barranin. Din il-kumpannija tixtri l-alloġġ sistematikament mingħand terzi. Madankollu, billi hija tippossiedi l-kumpannija ta' l-ajru tagħha, hija stess ġeneralment tipprovdi għat-trasport tal-vjaġġaturi lejn id-destinazzjoni tal-vaganzi tagħhom. Hija tbigħ ukoll lill-pubbliku biljetti ta' l-ajru wieħed wieħed, magħrufa bħala post biss ("seat only"), li jikkorrispondu għal postijiet abbord l-ajruplan tagħha jew għal postijiet mixtrija minn kumpanniji oħrajn, u barra minn hekk tbigħ postijiet lil operaturi tal-ġiti oħrajn, magħrufa bħala "postijiet mibjugħa bl-ingrossa" ("broked seats"). Hija ddikjarat l-ammont ta' VAT dovut minnha għas-snin mill-1995 sa l-1999 billi applikat l-iskema TOMS. Wara s-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar 'il fuq, hija reġgħet ikkalkulat l-ammont ta' VAT dovut minnha għas-snin mill-1995 sa l-1997, billi bbażat ruħha fuq il-valur fis-suq tal-postijiet mibjugħa fil-kuntest tal-vaganzi kollox kompriż.

7       Sabiex tasal għal dan il-valur fis-suq, MyTravel utilizzat żewġ metodi. Għas-sena 1995 kif ukoll, milli jidher, għas-sena 1996, hija ħadet bħala punt tat-tluq l-ispejjeż tal-biljetti ta' l-ajru mibjugħa fil-kuntest tal-vaganzi kollox kompriż u magħhom żiedet perċentwali magħrufa bħala "ta' awment" li tekwivali għal dak li hija tallega li daħħlet matul l-istess perijodu mill-bejgħ tal-biljetti mibjugħa wieħed wieħed. Matul is-sena 1995, MyTravel biegħet ukoll vaganzi kollox kompriż li jinkludu kruċieri, vjaġġi bl-ajru bil-possibbiltà ta' kiri ta' vettura u alloġġ f'kampeġġi. Madankollu, hija kkalkulat id-debitu tagħha bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-valur fis-suq biss għal dak li jirrigwarda l-vjaġġi bl-ajru, billi qieset li għas-servizzi l-oħra pprovduti minnha stess ma kellhiex elementi xierqa sabiex tagħmel paragun.

8       Abbażi ta' dokument intern intitolat "Rapport fuq il-kapaċità tar-rotot li jrendu qligħ" ("Route Profitability Report"), MyTravel ikkalkulat id-dħul medju lineari tagħha għas-sena 1997 għar-rigward tal-biljetti ta' l-ajru mibjugħa lill-pubbliku barra mill-vaganzi kollox kompriż, fis-somma ta' 153 GBP. Skond MyTravel, din is-somma tapplika għall-biljetti kollha mibjugħa.

9       Wara li reġgħet ikkalkulat, fuq dawn il-bażijiet, l-ispejjeż tal-biljetti ta' l-ajru mibjugħa fil-kuntest tal-vaganzi kollox kompriż, MyTravel talbet lill-Commissioners of Customs & Excise li jitħallsu lura s-somom ta' 212 000 GBP, 2 004 857 GBP u 711 051 GBP għas-snin mill-1995 sa l-1997 rispettivament. Dawn l-ammonti huma sostanzjali partikolarment minħabba li l-metodu użat minn MyTravel iwassal għal żieda fil-parti tal-prezz tal-vaganzi kollox kompriż li hija attribwita lit-trasport u li, taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, hija ntaxxata 0%.

10     Il-Commissioners of Customs & Excise ċaħdu t-talbiet ta' MyTravel. Kif sostnew quddiem il-qorti tar-rinviju, jirriżulta, skonthom, mis-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar 'il fuq, li, għall-finijiet li tiġi identifikata l-parti ta' l-ispejjeż tal-vaganzi kollox kompriż relattiva għas-servizzi pprovduti minn MyTravel stess, il-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq ma jistax jiġi użat meta, bħal fil-każ ta' l-imsemmija kumpannija, ma jkollux il-vantaġġ tas-sempliċità, jipproduċi ammont artifiċjali għar-rigward tal-marġini fuq is-servizzi mixtrija mingħand terzi u jibdel b'mod sinifikattiv l-ammont ta' VAT dovut. Barra minn hekk, huma sostnew li din is-sentenza ma tippermettix li wieħed japplika tali metodu b'mod selettiv u li s-somma ta' 153 GBP ma tirrappreżentax il-valur fis-suq tal-postijiet fl-ajruplan mibjugħa bħala parti mill-vaganzi kollox kompriż.

11     Min-naħa l-oħra, MyTravel issottomettiet li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li l-kriterju ta' l-ispejjeż attwali għandu jikkostitwixxi indikatur li tista' toqgħod fuqu iktar mill-valur tad-diversi elementi f'vaganza kollox kompriż. Hija sostniet ukoll li ma jistax jiġi rikjest li ż-żewġ metodi jwasslu għal ammonti identiċi ta' VAT dovuti, billi dan kieku jobbliga l-operaturi li jagħmlu kalkulazzjonijiet li jikkorrispondu għal kull wieħed minnhom. Għal dak li jirrigwarda l-motiv ta' din is-sentenza relattiv għan-natura iktar sempliċi tal-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq, dan jikkostitwixxi biss fattur li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in kunsiderazzjoni sabiex waslet għall-konklużjoni tagħha, u mhux kundizzjoni li għaliha jkun suġġett l-użu ta' l-imsemmi metodu.

12     MyTravel jidhrilha li għandha d-dritt tuża l-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq ġaladarba tiddisponi minn element sodisfaċenti sabiex tagħmel paragun, bħalma huwa l-każ fir-rigward tal-vjaġġi bl-ajru, u skontha, l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva ma jżommhiex milli, fl-istess ħin, tuża l-imsemmi metodu u dak ibbażat fuq l-ispejjeż attwali. Għal dak li jirrigwarda l-ammont ta' 153 GBP, dan jirrifletti l-valur medju tal-biljetti ta' l-ajru mibjugħa separatament u jista' jservi ta' bażi għall-istima tal-vjaġġi pprovduti bħala parti mill-vaganzi kollox kompriż, billi, fis-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti ma rrikjedietx li l-operatur jiffissa l-valur fis-suq tas-servizzi pprovduti minnu stess abbażi ta' servizzi identiċi, iżda abbażi ta' servizzi simili.

13     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-VAT and Duties Tribunal, Manchester, iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u jressaq id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      F'liema ċirkustanzi, dejjem jekk dan huwa possibbli, jista' operatur tal-ġiti, li jkun mela l-prospett tal-[VAT] tiegħu għal sena finanzjarja billi uża l-metodu ta' l-ispejjeż attwali, li kien l-uniku metodu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva, jkollu d-dritt li sussegwentement jerġa' jikkalkula l-ammont ta' VAT dovut minnu parzjalment skond il-metodu tal-valur fis-suq deskritt fil-punt 46 ta[s-sentenza Madgett u Baldwin]?

a)      B'mod partikolari, jista' dan l-operatur tal-ġiti juża l-metodu tal-valur fis-suq b'mod selettiv skond id-diversi snin finanzjarji u, jekk iva, f'liema ċirkustanzi?

b)      Meta l-operatur tal-ġiti jbigħ lill-pubbliku, barra mill-vaganzi kollox kompriż, parti mill-komponenti tal-vaganzi kollox kompriż ipprovduti minnu stess (f'dan il-każ, vjaġġi bl-ajru), iżda ma jbigħx lill-pubbliku, barra mill-vaganzi kollox kompriż, il-komponenti l-oħra tal-vaganzi kollox kompriż ipprovduti minnu stess (f'dan il-każ, kruċieri u postijiet tal-kampeġġ), jista' dan l-operatur tal-ġiti:

–       juża l-metodu tal-valur fis-suq għal dawn il-vaganzi kollox kompriż (li jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tal-vaganzi kollox kompriż) f'każ li huwa jkun jista' jiddetermina l-valur tal-provvisti jew tas-servizzi pprovduti minnu stess (f'dan il-każ, il-vjaġġi bl-ajru) b'riferenza għall-bejgħ magħmul lill-pubbliku barra mill-vaganzi kollox kompriż;

–       fil-każijiet fejn il-vaganza kollox kompriż tinkludi elementi pprovduti mill-operatur tal-ġiti stess li huwa ma jbigħx lill-pubbliku barra mill-vaganzi kollox kompriż (f'dan il-każ, il-kruċieri u l-postijiet tal-kampeġġ), juża l-metodu tal-valur fis-suq sabiex jiddetermina l-valur tal-provvisti jew tas-servizzi pprovduti minnu stess li huwa jbigħ lill-pubbliku (f'dan il-każ, il-vjaġġi bl-ajru) f'każ li ma jkunx possibbli li jiġi determinat valur fis-suq għal komponenti oħra tal-vaganza kollox kompriż?

c)      L-użu ta' kumbinazzjoni ta' metodi għandu jkun a) iktar sempliċi, b) iktar sempliċi b'mod sinifikattiv jew c) mhux iktar kumplikat b'mod sinifikattiv?

d)      Il-metodu tal-valur fis-suq għandu jwassal għall-istess ammont ta' VAT dovut, jew għal ammont simili ħafna għal dak li jirriżulta bil-metodu bbażat fuq l-ispejjeż?

2)      Huwa possibbli, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, li tiġi stabbilita dik il-parti tas-servizzi pprovduti mill-operatur stess relattivi għall-vjaġġi bl-ajru mibjugħa bħala parti minn vaganza kollox kompriż billi jew a) tittieħed l-ispiża medja ta' post f'ajruplan miżjuda bil-marġini medju mdaħħal mill-operatur tal-ġiti mill-bejgħ ta' postijiet biss, fis-sena finanzjarja in kwistjoni jew b) jittieħed id-dħul medju magħmul mill-operatur tal-ġiti mill-bejgħ ta' postijiet biss, fl-istess sena finanzjarja?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

14     Permezz ta' l-ewwel domanda tiegħu, li hija maqsuma f'diversi partijiet, il-VAT and Duties Tribunal, Manchester, qiegħed sostanzjalment jistaqsi jekk u f'liema ċirkustanzi operatur tal-ġiti bħal MyTravel jista' jerġa' jikkalkula l-marġini taxxabbli skond l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva, abbażi tal-metodu tal-valur fis-suq deskritt fis-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar 'il fuq.

 Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel domanda

15     Għandu jiġi eżaminat jekk operatur tal-ġiti, li jkun mela l-prospett tal-VAT tiegħu għal perijodu partikolari ta' taxxa billi uża l-metodu previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi s-Sitt Direttiva, għandux id-dritt, b'applikazzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jerġa' jikkalkula l-ammont ta' VAT dovut minnu, skond il-metodu li dik is-sentenza tkun qieset li huwa konformi ma' l-imsemmija Direttiva.

16     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ambitu tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, hija tispeċifika s-sens u l-portata ta' dik id-dispożizzjoni kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mid-dħul fis-seħħ tagħha 'l quddiem (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta' Marzu 1990, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 16; tas-6 ta' Lulju 1995, BP Soupergaz, C-62/93, Ġabra p. I-1883, punt 39, u tat-13 ta' Jannar 2004, Kühne & Heitz, C-453/00, Ġabra p. I-837, punt 21). Jiġri mod ieħor biss meta, fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod eċċezzjonali, tillimita fiż-żmien il-portata ta' din l-interpretazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Denkavit Italiana, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17; tad-29 ta' Novembru 2001, Griesmar, C-366/99, Ġabra. p. I-9383, punt 74, u, għal applikazzjoni reċenti ta' dawn il-prinċipji fil-qasam tal-VAT, tas-17 ta' Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punti 41 sa 45).

17     Sentenza mogħtija fuq domanda preliminari għandha l-għan li tipproduċi effetti fuq ir-relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu nħolqu qabel ma tkun ingħatat. Minn dan joħroġ, b'mod partikolari, li regola tad-dritt Komunitarju interpretata b'dan il-mod għandha tiġi applikata minn korp amministrattiv fl-ambitu tal-kompetenzi tiegħu anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu nħolqu u ġew ikkostitwiti qabel id-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi d-domanda preliminari (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta' Jannar 2004, Kühne & Heitz, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22). Fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitarja dwar talbiet għal ħlas lura ta' taxxi, huwa l-ordni ġuridiku intern ta' kull Stat Membru li għandu jipprovdi l-kundizzjonijiet li taħthom dawn it-talbiet jistgħu jiġu eżerċitati, u dawn il-kundizzjonijiet għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività, jiġifieri la għandhom ikunu inqas vantaġġjużi mill-kundizzjonijiet simili dwar il-ħlas lura li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt intern u lanqas għandhom ikunu implementati b'mod li jirrendu prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordni ġuridiku Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta' Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595, punt 12, u tat-2 ta' Ottubru 2003, Weber's Wine World et, C-147/01, Ġabra p. I-11365, punt 103).

18     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tweġiba għall-ewwel parti ta' l-ewwel domanda għandha tkun li aġent ta' l-ivvjaġġar jew operatur tal-ġiti li, għal perijodu partikolari ta' taxxa, ikun mela l-prospett tal-VAT tiegħu billi uża l-metodu previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi s-Sitt Direttiva fid-dritt intern, għandu d-dritt jerġa' jikkalkula l-ammont ta' VAT dovut minnu skond il-metodu li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qieset li huwa konformi mad-dritt Komunitarju, taħt il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali tiegħu, li għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività.

 Fuq il-partijiet l-oħra ta' l-ewwel domanda

19     Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-qsim tal-prezz tal-vaganzi kollox kompriż minn persuna taxxabbli skond l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva billi jintuża l-kriterju tal-valur fis-suq għas-servizzi pprovduti minnu stess huwiex suġġett għall-kundizzjoni li tali użu jkun effettivament iktar sempliċi fis-sitwazzjoni partikolari ta' dik il-persuna taxxabbli u li jwassal għal ammont ta' VAT dovut simili għal dak miksub abbażi tal-kriterju ta' l-ispejjeż attwali.

20     L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-kriterju tas-sempliċità, MyTravel tirrileva li l-fatt li tissuġġetta l-użu ta' l-imsemmi metodu għad-determinazzjoni tal-VAT dovuta minn aġent ta' l-ivvjaġġar jew operatur tal-ġiti għall-kundizzjoni li, fis-sitwazzjoni partikolari ta' kull persuna taxxabbli, dan il-metodu jkun effettivament iktar sempliċi minn dak ibbażat fuq l-ispejjeż attwali jwassal biex jirrendi d-determinazzjoni ta' l-ammont taxxabbli, li jikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema tal-VAT, dipendenti minn evalwazzjoni kkaratterizzata b'inċertezza u b'ċertu ammont ta' suġġettività.

21     Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li persuna taxxabbli bħal MyTravel ma tistax tibdel il-prospetti tal-VAT tagħha billi tapplika l-kriterju tal-valur fis-suq, għar-raġuni li hija kienet f'pożizzjoni li timlihom mingħajr diffikultà partikolari bl-użu tal-kriterju ta' l-ispejjeż attwali u li l-effett ta' dan it-tibdil huwa li jitnaqqas id-debitu fiskali tagħha b'mod sinifikattiv.

22     Issa kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-eżami tal-punt 45 tas-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar 'il fuq, li r-raġunijiet għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq għandu l-vantaġġ tas-sempliċità mhumiex marbuta maċ-ċirkustanzi partikolari ta' dik il-kawża.

23     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu tal-kriterju tal-valur fis-suq mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li jkun iktar sempliċi minn dak tal-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali.

24     Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-ammont ta' VAT dovut, għandu jiġi eżaminat jekk l-użu tal-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq huwiex suġġett għall-kundizzjoni li jwassal għal ammont ta' VAT dovut identiku jew simili għal dak li kien jinkiseb bl-użu tal-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali tas-servizzi.

25     Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta awtorizzat l-użu tal-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq, kienet influwenzata mill-fatt li kienet qiegħda tistenna li dan il-metodu jwassal għal ammont ta' VAT dovut komparabbli għal dak ikkalkulat bil-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali.

26     Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-użu ta' dawn iż-żewġ metodi wassal għal kalkulazzjoni ta' debitu fiskali simili jidher, minn dak li jingħad bejn id-daxxijiet fil-punt 46 tas-sentenza Madgett u Baldwin, li huwa element superfluwu.

27     Barra minn hekk, l-interpretazzjoni kuntrarja, avanzata mill-Gvern tar-Renju Unit, ikollha l-effett li tobbliga l-persuni taxxabbli li, wara li jkunu ħadmu l-prospett tat-taxxa tagħhom skond il-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq, jagħmlu xorta waħda l-operazzjonijiet neċessarji għall-kalkulazzjoni ta' l-ammont ta' VAT dovut skond il-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali, u b'hekk jillimitaw l-użu tal-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq.

28     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-użu minn persuna taxxabbli skond l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva, li għall-prezz ta' vaganza kollox kompriż jipprovdi lil-vjaġġaturi servizzi mixtrija mingħand terzi u servizzi pprovduti minnu stess, tal-kriterju tal-valur fis-suq sabiex jaqsam dan il-prezz tal-vaganzi kollox kompriż mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li dan iwassal għal ammont ta' VAT dovut komparabbli għal dak li jinkiseb bl-użu tal-kriterju ta' l-ispejjeż attwali.

29     Għandu jiġi eżaminat jekk l-użu tal-kriterju tal-valur fis-suq, meta dan jista' jiġi determinat, għandux jitħalla fid-diskrezzjoni tal-persuna taxxabbli.

30     Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju li fuqu hija bbażata l-VAT jinsab fil-fatt li s-sistema ta' din it-taxxa fuq il-konsum tfittex li tolqot biss lill-konsumatur finali. Il-VAT hija eżattament proporzjonali għall-prezz ta' l-oġġetti u tas-servizzi u tinġabar mill-persuni taxxabbli f'kull stadju tal-proċess ta' produzzjoni jew ta' distribuzzjoni f'isem l-amministrazzjoni fiskali, li lilha dawn il-persuni huma obbligati li jħallsuha. Skond il-prinċipju li fuqu hija bbażata din is-sistema u l-modalitajiet għat-tħaddim tagħha, il-VAT li għandha tinġabar mill-awtoritajiet fiskali għandha tkun ugwali għat-taxxa effettivament imħallsa mill-konsumatur finali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Elida Gibbs, C-317/94, Ġabra p. I-5339, punti 18 sa 24). Il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-iskema speċjali mwaqqfa bl-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva għall-benefiċċju ta' l-aġenti ta' l-ivvjaġġar u għall-operaturi tal-ġiti, fil-każijiet fejn il-persuna taxxabbli, għall-ħlas ta' prezz ta' vaganza kollox kompriż, tipprovdi lill-vjaġġatur kemm servizzi mixtrija minn terzi kif ukoll servizzi pprovduti minnha stess, m'għandhomx idgħajfu l-prinċipju li fuqu hija bbażata s-sistema tal-VAT.

31     Issa jirriżulta mis-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar 'il fuq, li l-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq ma jistax jiġi aċċettat meta jkun possibbli li dik il-parti tal-prezz tal-vaganza kollox kompriż li tikkorrispondi għas-servizz ipprovdut mill-aġent jew operatur tiġi identifikata abbażi tal-valur fis-suq ta' servizzi simili għal dawk li jagħmlu parti mill-prezz tal-vaganza kollox kompriż. Madankollu, dan m'għandux iwassal sabiex jagħti lil persuna taxxabbli l-fakultà li tuża dan il-metodu b'mod diskrezzjonali, skond jekk tali użu jkollux jew le l-effett li jnaqqas id-debitu fiskali ta' din il-persuna taxxabbli meta mqabbel ma' dak li jirriżulta mill-użu tal-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali.

32     Il-fatt li tingħata tali fakultà lill-persuni taxxabbli jista' jkollu l-konsegwenza li jippermettilhom iżidu b'mod artifiċjali l-ammont taxxabbli suġġett għall-inqas rata għolja u li b'hekk tinħoloq inegwaljanza kompetittiva bejn operaturi ekonomiċi, favur dawk li jkunu stabbilew l-uffiċċju reġistrat ta' l-attività tagħhom jew stabbiliment fiss fi Stat Membru li jintaxxa ċerti operazzjoni b'rati baxxi ħafna, jew anki b'0%, bħal fir-Renju Unit għal dak li jirrigwarda t-trasport ta' persuni. Għaldaqstant, tali interpretazzjoni tista' tikser il-prinċipju tan-newtralità tal-VAT.

33     Issa, għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li, kif jirriżulta mid-disa' premessa tas-Sitt Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju ried li l-ammont taxxabbli jkun armonizzat "biex l-applikazzjoni tar-rata tal-Komunità għal operazzjonijiet taxxabbli twassal għal riżultati komparabbli fl-Istati Membri kollha". Għalhekk, din l-armonizzazzjoni tfittex li tassigura li sitwazzjonijiet simili mill-aspett ekonomiku jew kummerċjali jiġu ttrattati b'mod identiku fir-rigward ta' l-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT. B'hekk, din l-armonizzazzjoni tikkontribwixxi sabiex tassigura n-newtralità ta' din is-sistema.

34     Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija ġustifikata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li skontha l-qsim tal-prezz ta' vaganzi kollox kompriż bejn is-servizzi mixtrija mingħand terzi u s-servizzi pprovduti mill-aġenti jew operaturi stess għandu jsir abbażi tal-valur fis-suq ta' dawn is-servizzi ta' l-aħħar, kull meta dan il-valur jista' jiġi determinat. Min-naħa l-oħra, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 ta' l-istess konklużjonijiet, huwa diffiċli li wieħed jeskludi kompletament kull possibbiltà ta' deroga minn din is-soluzzjoni. Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġi aċċettat li aġent ta' l-ivvjaġġar jew operatur tal-ġiti, li jkun f'pożizzjoni li juri li l-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali jirrifletti preċiżament l-istruttura attwali tal-prezz tal-vaganzi kollox kompriż, jaqsam il-prezzijiet tal-vaganzi kollox kompriż billi juża dan il-metodu minflok dak ibbażat fuq il-valur fis-suq.

35     F'dawn iċ-ċirkustanzi, aġent ta' l-ivvjaġġar jew operatur tal-ġiti li, għall-ħlas ta' prezz ta' vaganza kollox kompriż, jipprovdi lill-vjaġġatur servizzi mixtrija mingħand terzi u servizzi pprovduti minnu stess għandu, bħala regola, jidentifika dik il-parti ta' dan il-prezz li tikkorrispondi għas-servizzi pprovduti minnu stess abbażi tal-valur tagħhom fis-suq, meta dan il-valur jista' jiġi determinat, ħlief jekk ikun f'pożizzjoni li juri li, għall-perijodu ta' taxxa li jkun qed jiġi kkunsidrat, il-metodu bbażat fuq il-kriterju ta' l-ispejjeż attwali jirrifletti preċiżament l-istruttura attwali tal-prezz tal-vaganza kollox kompriż.

36     Barra minn hekk, huma l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali u, jekk ikun il-każ, il-qorti nazzjonali li għandhom jikkunsidraw jekk dik il-parti tal-prezz tal-vaganzi kollox kompriż li tikkorrispondi għas-servizzi pprovduti mill-aġent jew operatur stess tistax tiġi identifikata abbażi tal-valur tagħhom fis-suq, u, f'dan il-kuntest, jiddeterminaw liema jkun l-iktar suq xieraq.

37     Fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi kif għandha tipprroċedi għall-qsim tal-prezz tal-vaganzi kollox kompriż meta l-persuna taxxabbli m'hijiex f'pożizzjoni li tiddetermina l-valur fis-suq ta' ċerti servizzi pprovduti minnha stess, minħabba li hija ma tbigħx servizzi simili barra mill-vaganzi kollox kompriż. Għaldaqstant, l-istess qorti tistaqsi jekk, f'ċirkustanzi bħal dawn, dan il-kriterju japplikax xorta waħda għas-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli stess, li valur tagħhom fis-suq jista' jiġi determinat.

38     F'dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-valur fis-suq ma jistax jiġi determinat għas-servizzi kollha pprovduti mill-persuna taxxabbli stess ma jistax jiġġustifika deroga mill-applikazzjoni ta' dan il-kriterju għall-istima tas-servizzi li l-imsemmi valur tagħhom jista' jiġi determinat. F'din l-ipoteżi, huwa minnu li l-persuna taxxabbli tkun obbligata taqsam il-prezz tal-vaganzi kollox kompriż billi tuża ż-żewġ metodi ta' kalkulazzjoni għas-servizzi pprovduti minnha stess. Madankollu, l-applikazzjoni ta' din il-kumbinazzjoni taż-żewġ metodi m'għandhiex toħloq diffikultajiet prattiċi insormontabbli.

39     Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet, għalkemm l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva għandu l-għan li jadatta r-regoli applikabbli dwar il-VAT għall-ispeċifiċitajiet ta' l-attività ta' aġent ta' l-ivvjaġġar u b'hekk inaqqas id-diffikultajiet prattiċi li jistgħu jostakolaw din l-attività, l-iskema stabbilita b'dan l-Artikolu ma tfittixx, kuntrarjament għal dik stabbilita favur l-impriżi żgħar u l-bdiewa, li tissemplifika l-eżiġenzi ta' kontabbiltà li tinvolvi s-sistema normali tal-VAT. Għaldaqstant, dan l-Artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li, meta t-tranżazzjonijiet li dwarhom dawn l-operaturi ekonomiċi jinkarigaw lil persuni taxxabbli oħrajn jitwettqu kemm ġewwa kif ukoll barra l-Komunità Ewropea, hija biss il-parti tal-prezz tal-vaganzi kollox kompriż li għandha x'taqsam mat-tranżazzjonijiet imwettqa barra l-Komunità li tiġi eżentata. L-applikazzjoni ta' tali dispożizzjoni tista' wkoll tobbliga lill-aġenti ta' l-ivvjaġġar li jagħmlu eżercizzji ta' qsim tal-prezzijiet tal-vaganzi kollox kompriż tagħhom.

40     F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx raġuni suffiċjenti, f'każ bħal dak tal-kawża prinċipali, sabiex tiġi skartata l-applikazzjoni tal-kriterju tal-valur fis-suq. Għalhekk, persuna taxxabbli tista', fil-kuntest ta' l-istess perijodu ta' taxxa, tapplika l-kriterju tal-valur fis-suq għal ċerti servizzi u mhux għal oħrajn meta ma tkunx f'pożizzjoni li tiddetermina l-valur fis-suq ta' dawn is-servizzi l-oħrajn.

41     Għaldaqstant, it-tweġiba għall-partijiet l-oħra ta' l-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li aġent ta' l-ivvjaġġar jew operatur tal-ġiti li, għall-ħlas ta' prezz ta' vaganza kollox kompriż, jipprovdi lill-vjaġġatur servizzi mixtrija mingħand terzi u servizzi pprovduti minnu stess għandu, bħala regola, jidentifika dik il-parti tal-prezz tal-vaganza kollox kompriż li tikkorrispondi għas-servizzi pprovduti minnu stess abbażi tal-valur tagħhom fis-suq, meta dan il-valur jista' jiġi determinat. F'tali ipoteżi, persuna taxxabbli tista' biss tuża l-kriterju ta' l-ispejjeż attwali jekk turi li dan il-kriterju jirrifletti preċiżament l-istruttura attwali tal-prezz tal-vaganza kollox kompriż. L-applikazzjoni tal-kriterju tal-valur fis-suq mhija suġġetta la għall-kundizzjoni li tkun iktar sempliċi minn dik tal-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali u lanqas għall-kundizzjoni li twassal għal ammont ta' VAT dovut identiku jew simili għal dak li jirriżulta bl-użu tal-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali. Għaldaqstant:

–       aġent ta' l-ivvjaġġar jew operatur tal-ġiti ma jistax juża l-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq b'mod diskrezzjonali u

–       dan il-metodu ta' l-aħħar japplika għas-servizzi pprovduti mill-aġent jew operatur stess li l-valur fis-suq tagħhom jista' jiġi determinat, anki jekk, fil-kuntest ta' l-istess perijodu ta' taxxa, il-valur ta' ċerti komponenti tal-vaganzi kollox kompriż li jkunu pprovduti minnu stess ma jistgħux jiġu determinati billi l-persuna taxxabbli ma tbigħx servizzi simili barra mill-vaganzi kollox kompriż.

 Fuq it-tieni domanda

42     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti ta' rinviju tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, huwiex possibbli li tiġi determinata dik il-parti tas-servizzi pprovduti mill-aġent jew operatur stess li tikkonċerna l-vjaġġi bl-ajru mibjugħa fil-kuntest ta' vaganzi kollox kompriż billi jitqiesu l-ispejjeż medji ta' post f'ajruplan miżjuda bil-marġini medju mdaħħal mill-operatur tal-ġiti mill-bejgħ ta' postijiet wieħed wieħed matul is-sena finanzjarja in kwistjoni, jew inkella billi jitqies id-dħul medju magħmul mill-operatur tal-ġiti mill-bejgħ ta' postijiet wieħed wieħed fl-istess sena finanzjarja.

43     Għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex is-setgħa li tapplika r-regoli Komunitarji għal każ partikolari, iżda biss li tippronunzja ruħha fuq l-interpretazzjoni tat-Trattat KE u ta' l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Lulju 1964, Van der Veen, 100/63, Ġabra p. 1105, 1121; tat-2 ta' Diċembru 1964, Dingemans, 24/64, Ġabra p. 1259, 1273; tat-22 ta' Ottubru 1998, Jokela u Pitkäranta, C-9/97 u C-118/97, Ġabra p. I-6267, punt 30; tal-25 ta' Frar 1999, Trans-Ex-Import, C-86/97, Ġabra p. I-1041, punt 15; tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan, C-61/98, Ġabra p. I-5003, punt 29, u ta' l-10 ta' Mejju 2001, Veedfald, C-203/99, Ġabra p. I-3569, punt 31). Madankollu, fil-kuntest ta' l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva u meqjusa l-informazzjoni ġa mogħtija fuq il-mod kif jinqasam il-prezz tal-vaganzi kollox kompriż meta l-persuna taxxabbli tipprovdi servizzi mixtrija mingħand terzi u servizzi pprovduti minnha stess, għandha tingħata tweġiba għat-tieni domanda, safejn tfittex li tistabbilixxi jekk il-valur fis-suq jistax jiġi determinat abbażi ta' valuri medji.

44     F'dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jipprekludi tali prattika. Valur medju jista' jkun iktar rappreżentattiv meta, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, ikun hemm varjazzjonijiet sinifikattivi fil-prezzijiet tas-servizzi simili mibjugħa barra mill-vaganzi kollox kompriż. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju, li għandha tidentifika, f'kull każ li teżamina, il-valur li l-iktar jikkorrispondi għall-ispirtu tas-Sitt Direttiva, tista' leġittimament tiddetermina l-valur fis-suq tal-vjaġġi bl-ajru mibjugħa minn MyTravel fil-kuntest tal-vaganzi kollox kompriż, abbażi tal-prezz tal-bejgħ medju ta' biljetti ta' l-ajru għall-istess destinazzjoni jew għal destinazzjoni simili, mibjugħa minn din il-persuna taxxabbli. Hija din il-qorti li għandha tagħmel l-aġġustamenti neċessarji għal dawn il-valuri medji sabiex tieħu in kunsiderazzjoni, per eżempju, il-fatt li, fil-kuntest tal-vaganzi kollox kompriż, postijiet fl-ajruplan għat-tfal tal-vjaġġaturi jkunu offruti b'xejn jew bi prezzijiet imnaqqsa.

45     Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tweġiba għat-tieni domanda għandha tkun li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-valur fis-suq tal-vjaġġi bl-ajru pprovduti fil-kawża prinċipali bħala parti mill-vaganzi kollox kompriż. Din il-qorti tista' tiddetermina l-imsemmi valur fis-suq abbażi ta' valuri medji. F'dan il-kuntest, is-suq ibbażat fuq il-postijiet mibjugħa lil operaturi tal-ġiti oħrajn jista' jikkostitwixxi l-iktar suq xieraq.

 Fuq l-ispejjeż

46     Peress li l-proċedimenti għandhom, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Aġent ta' l-ivvjaġġar jew operatur tal-ġiti li, għal perijodu partikolari ta' taxxa, ikun mela l-prospett tat-taxxa fuq il-valur miżjud tiegħu billi uża l-metodu previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi fid-dritt intern is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju, 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (77/388/KEE), jista' sussegwentement jerġa' jikkalkula l-ammont ta' taxxa fuq il-valur miżjud dovut minnu skond il-metodu li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qieset li huwa konformi mad-dritt Komunitarju, taħt il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali tiegħu, li għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività.

2)      l-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li aġent ta' l-ivvjaġġar jew operatur tal-ġiti li, għall-ħlas ta' prezz ta' vaganza kollox kompriż, jipprovdi lill-vjaġġatur servizzi mixtrija mingħand terzi u servizzi pprovduti minnu stess għandu, bħala regola, jidentifika dik il-parti tal-prezz tal-vaganza kollox kompriż li tikkorrispondi għas-servizzi pprovduti minnu stess abbażi tal-valur tagħhom fis-suq, meta dan il-valur jista' jiġi determinat. F'tali ipoteżi, persuna taxxabbli tista' biss tuża l-kriterju ta' l-ispejjeż attwali jekk turi li dan il-kriterju jirrifletti preċiżament l-istruttura attwali tal-prezz tal-vaganza kollox kompriż. L-applikazzjoni tal-kriterju tal-valur fis-suq m'hija suġġetta la għall-kundizzjoni li tkun iktar sempliċi minn dik tal-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali u lanqas għall-kundizzjoni li twassal għal ammont ta' taxxa fuq il-valur miżjud dovut identiku jew simili għal dak li jirriżulta bl-użu tal-metodu bbażat fuq l-ispejjeż attwali. Għaldaqstant:

–       aġent ta' l-ivvjaġġar jew operatur tal-ġiti ma jistax juża l-metodu bbażat fuq il-valur fis-suq b'mod diskrezzjonali u

–       dan il-metodu ta' l-aħħar japplika għas-servizzi pprovduti mill-aġent jew operatur stess li l-valur fis-suq tagħhom jista' jiġi determinat, anki jekk, fil-kuntest ta' l-istess perijodu ta' taxxa, il-valur ta' ċerti komponenti tal-vaganzi kollox kompriż li jkunu pprovduti minnu stess ma jistgħux jiġu determinati billi l-persuna taxxabbli ma tbigħx servizzi simili barra mill-vaganzi kollox kompriż.

3)      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-valur fis-suq tal-vjaġġi bl-ajru pprovduti fil-kawża prinċipali bħala parti mill-vaganzi kollox kompriż. Din il-qorti tista' tiddetermina l-imsemmi valur fis-suq abbażi ta' valuri medji. F'dan il-kuntest, is-suq ibbażat fuq il-postijiet mibjugħa lil operaturi tal-ġiti oħrajn jista' jikkostitwixxi l-iktar suq xieraq.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.