SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

6 ta' Ottubru 2005 (*)

«Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 17 u 19 tas-Sitt Direttiva VAT –Sussidji – Limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis»

Fil-kawża C-204/03

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-14 ta' Mejju 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur), J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi pprovda tnaqqis prorata tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT") imħallsa mill-persuni taxxabbli li jwettqu biss operazzjonijiet taxxabbli u billi stabbilixxa regola partikolari li tillimita t-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ta' prodotti jew servizzi ffinanzjati permezz ta' sussidji, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, skond l-Artikoli 17(2) u (5) u 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, ta' l-10 ta' April 1995 (ĠU L 102, p. 18, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-ammont taxxabbli għandu jkun:

"fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi [...], dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti".

3       L-Artikolu 17(2)(a) ta' l-imsemmija Direttiva, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f ta' l-istess, jipprovdi li, "sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas [...] taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa ġewwa t-territorju tal-pajjiz rigward l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra".

4       Il-paragrafu 5 ta' l-istess Artikolu jippreċiża li:

"Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li[ema] t-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas, u għal transazzjonijiet fir-rigward ta’ li[ema] t-taxxa fuq il-valur miżjud ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għat-transazzjonijiet ta’ qabel.

Dan il-proporzjon għandu jkun determinat, b’mod konformi ma’ Artikolu 19, għat-transazzjonijiet kollha mwettqa minn persuna taxxabbli.

[…]"

5       L-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva, intitolat "Kalkulazzjoni tal-proporzjon imnaqqas [tnaqqis prorata]", jiddisponi li:

"Il-proporzjon imnaqqas [tnaqqis prorata] taħt l-ewwel sub-paragrafu ta’ Artikolu 17 (5) għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jkollha:

–       bħala numeratur, l-ammont totali, esklussiv mit-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-bejgħ kull sena attribwit għat-transazzjonijet li fuqhom it-taxxa fuq il-valur miżjud titnaqqas taħt Artikolu 17 (2) u (3),

–       bħala denominatur, l-ammont totali, esklussiv tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-bejgħ kull sena attribwit lit-transazzjonijiet inklużi fin-numeratur u lit-transazzjonijiet fir-rigward ta’ li[ema] t-taxxa fuq il-valur miżjud mhux imnaqqas. L-Istati Membri jistgħu ukoll jinkludu fid-denominatur l-ammont ta’ sussidji, għajr dawk speċifikati fl-Artikolu 11 A (1) (a).

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 102 tal-liġi nru 37/1992 tat-28 ta' Diċembru 1992, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (BOE nru 312, tad-29 ta' Diċembru 1992, p. 44247), kif emendata mil-liġi nru 66/1997, tat-30 ta' Diċembru 1997 (BOE nru 313, tal-31 ta' Diċembru 1997, p. 38517, iktar 'il quddiem il-"liġi nru 37/1992"), jittratta r-regola tat-tnaqqis prorata ta' l-imsemmija taxxa. L-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu jipprovdi li:

"Ir-regola tal-prorata tapplika meta l-persuna taxxabbli, fl-eżerċizzju ta' l-attività kummerċjali jew professjonali tagħha, tipprovdi provvisti ta’ oġġetti jew servizzi li jagħtu dritt għal tnaqqis u ta' operazzjonijiet ta' l-istess natura li ma jagħtux dan id-dritt.

Ir-regola ta' prorata tapplika wkoll meta l-persuna taxxabbli tirċievi sussidji li, skond il-punt 3 ta' l-Artikolu 78(2) ta' din il-liġi, ma jiffurmawx parti mill-bażi ta' stima, sakemm dawn ikunu intiżi għall-finanzjament ta' attivitajiet kummerċjali jew professjonali tal-persuna taxxabbli."

7       L-Artikolu 104 ta' l-istess liġi tirreferi għall-prorata ġenerali. It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 104(2) jiddisponi li:

"Is-sussidji kapitali għandhom jiġu inklużi fid-denominatur tal-prorata, iżda jistgħu jkunu imputati f'waħda minn kull ħamsa għas-sena fiskali li matulha ġew mogħtija u fl-erba' snin fiskali sussegwenti. Madankollu, is-sussidji kapitali mogħtija għall-finanzjament tax-xiri ta' ċerti prodotti jew servizzi, akkwistati fil-kuntest ta' operazzjonijiet taxxabbli u li mhumiex eżentati mill-VAT, inaqqsu biss l-ammont tat-tnaqqis tal-VAT dovut jew imħallas għal dawn l-operazzjonijiet, eżattament safejn dawn ikkontribwew għall-finanzjament tagħhom."

 Il-proċedura qabel il-kawża

8       Il-Kummissjoni rrikorriet għall-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE billi bagħtet, fl-20 ta' April 2001, ittra ta' intimazzjoni lill-Gvern Spanjol li fiha hija ssostni li l-Artikolu 102 flimkien mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 104(2) tal-liġi nru 37/1992 jillimitaw, kuntrarjament għall-Artikoli 17(2) u (5) u 19 tas-Sitt Direttiva, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

9       Ir-Renju ta' Spanja ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi tweġiba għal din l-intimazzjoni permezz ta' ittra tat-28 ta' Mejju 2001.

10     Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta bit-tweġiba tiegħu, hija ħarġet, fis-27 ta' Ġunju 2002, opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn li jibda jiddekorri minn meta tiġi nnotifikata.

11     Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Settembru 2002, ir-Renju ta' Spanja wieġeb għal din l-opinjoni motivata fejn tenna li ma jaqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

 Fuq ir-rikors

 Osservazzjoni preliminarji

12     Għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nru 37/1992 imsemmija fil-punti 6 u 7 ta' din is-sentenza fihom regola ġenerali u regola speċifika.

13     Skond ir-regola ġenerali, espressa fl-Artikolu 102 ta' din il-liġi moqrija flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 104 ta' l-istess liġi ċċitata fil-punt 7 ta' din is-sentenza, is-sussidji għall-finanzjament ta' l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tal-persuna taxxabbli, li ma jiffurmawx parti mill-bażi ta' stima tal-VAT, jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tnaqqis prorata safejn dawn jidhru fid-denominatur tal-parti fejn tirriżulta l-imsemmija prorata. Għaldaqstant, dawn is-sussidji jnaqqsu b'mod ġenerali d-dritt għal tnaqqis li minnu jebbenefikaw il-persuni taxxabbli. Dawn ta' l-aħħar jinkludu mhux biss il-persuni taxxabbli li jużaw il-prodotti u s-servizzi akkwistati bħala inputs sabiex jwettqu fl-istess ħin operazzjonijiet taxxabbli li jagħtu dritt għal tnaqqis u operazzjonijiet li huma eżentati li ma jagħtux lok għal dan id-dritt ("iktar 'il quddiem il-"persuni taxxabbli b'mod imħallat"), iżda wkoll il-persuni taxxabbli li jużaw dawn il-prodotti u servizzi esklussivament biex iwettqu operazzjonijiet taxxabbli li jagħtu dritt għal tnaqqis (iktar 'il quddiem il-"persuni taxxabbli totalment").

14     Ir-regola speċifika tinsab fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 104 tal-liġi nru 37/1992, iċċitata fil-punt 7 ta' din is-sentenza. Skond din ir-regola, is-sussidji għall-finanzjament speċifiku tax-xiri ta' ċerti prodotti jew servizzi akkwistati fil-kuntest ta' operazzjonijiet taxxabbli li mhumiex eżentati mill-VAT, inaqqsu biss l-ammont tat-tnaqqis tal-VAT dovut jew imħallas għal dawn l-operazzjonijiet, eżattament safejn dawn ikkontribwew għall-finanzjament tagħhom. Konsegwentement, f'każ ta' sussidju li jammonta, per eżempju, għal 20 % tal-prezz ta' xiri ta' prodott jew ta' servizz, id-dritt li titnaqqas il-VAT fuq dan il-prodott jew servizz jiġi mnaqqas b'20 %.

 L-argumenti tal-partijiet

15     Il-Kummissjoni ssostni li, permezz tar-regola ġenerali li l-liġi nru 37/1992 tistabbilixxi, hija twessa' illegalment il-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikolu 17(5) moqri flimkien ma' l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, billi tapplika din il-limitazzjoni mhux biss għall-persuni taxxabbli b'mod imħallat iżda wkoll għall-persuni taxxabbli totalment. Barra minn hekk, ir-regola speċifika istitwita minn din l-istess liġi tintroduċi mekkaniżmu ta' tnaqqis li mhuwiex previst mis-Sitt Direttiva u li huwa kuntrarju għal dan.

16     Il-Gvern Spanjol jikkunsidra, min-naħa tiegħu, li l-Kummissjoni qiegħda tinterpreta s-Sitt Direttiva b'mod letterali u li mhijiex qiegħda tieħu in kunsiderazzjoni l-objettivi ta' dan it-test u b'mod partikolari tal-prinċipju tan-newtralità tal-VAT.

17     Skond dan il-Gvern, l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva ma jikkostitwixxix biss regola ta' kalkolu tal-prorata imsemmija fl-Artikolu 17(5) ta' din id-Direttiva bl-għan li jiġi kkalkulat, fil-każ tal-persuni taxxabbli b'mod imħallat, il-proporzjon ta' attivitajiet taxxabbli, li jagħtu dritt għal tnaqqis, meta mqabbla mat-totalità ta' attivitajiet taxxabbli u eżentati tal-persuna taxxabbli. Billi hemm ipprovdut fl-imsemmi Artikolu 19 li l-Istati Membri jistgħu jinkludu fid-denominatur tal-parti tas-sussidji li mhumiex marbuta direttament mal-prezz ta' operazzjonijiet u li mhumiex għalhekk inklużi fl-ammont taxxabbli definit fl-Artikolu 11A(1)(a) ta' l-imsemmija Direttiva, il-leġiżlatur introduċa eċċezzjoni għar-regola mniżżla fl-Artikolu 17(5) dwar il-persuni taxxabbli b'mod imħallat billi ppermetta li jiġi limitat id-dritt għal tnaqqis ta' persuni taxxabbli totalment.

18     Il-Gvern Spanjol isostni li l-għan ta' l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva huwa li jippermetti lill-Istati Membri li jerġgħu jistabbilixxu bilanċ fil-qasam tal-kompetizzjoni u, b'hekk, li jiġi rispettat il-prinċipju tan-newtralità tat-taxxa. B'sostenn għal dan, huwa jġib l-eżempju ta' trasportatur li jirċievi sussidju sabiex jixtri mezz ta' trasport. Is-sussidju jippermettilu li jnaqqas il-prezz tas-servizz tiegħu u konsegwentement l-ammont tal-VAT li għandu jitħallas għal dak is-servizz. Barra minn hekk, jekk l-imsemmi trasportatur jista' inaqqas kompletament il-VAT fuq l-ispejjeż li huwa għamel għall-inputs li akkwista bl-għajnuna tas-sussidju, huwa jibbenefika minn vantaġġ addizzjonali fuq il-kompetituri tiegħu li ma jirċievux sussidji.

19     Dan il-Gvern iżid jgħid li r-regola speċifika prevista mil-liġi nru 37/1992 tipprovdi limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis iktar ristretta minn dik li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva peress li hija tirrigwarda t-tnaqqis tal-VAT li għandu x'jaqsam biss mal-prodott jew servizz miksub bl-għajnuna tas-sussidju u li hija m'għandha ebda impatt fuq it-tnaqqis tat-taxxa fuq prodotti u servizzi oħrajn miksuba mill-persuna taxxabbli.

20     Sussidjarjament, l-imsemmi Gvern jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, f'każ li hija ma taqbilx ma' l-interpretazzjoni li huwa jipproponi, li tillimita fiż-żmien l-effetti tas-sentenza tagħha. L-implimentazzjoni li mhijiex retroattiva ta' l-effetti tas-sentenza hija ġġustifikata, min-naħa, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli aġixxew bi bona fidi meta adottaw il-leġiżlazzjoni in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, minħabba l-problemi li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taf iġġib.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21     L-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi l-prinċipju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Dan ta' l-aħħar jirrigwarda l-input tax imposta fuq il-prodotti jew is-servizzi użati mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet ta' l-operazzjonijiet taxxabbli tiegħu.

22     Meta l-persuna taxxabbli twettaq fl-istess ħin operazzjonijiet taxxabbli li jagħtu dritt għal tnaqqis u operazzjonijiet li huma eżentati li ma jagħtux lok għal dan id-dritt, l-Artikolu 17(5) ta' din id-Direttiva jipprovdi li t-tnaqqis huwa possibbli biss għall-parti tal-VAT li tikkorrispondi għall-ammont ta' operazzjonijiet taxxabbli. Din il-prorata hija kkalkulata skond il-modalitajiet imniżżla fl-Artikolu 19 ta' l-imsemmija Direttiva.

23     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem tenniet, kull limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis taffettwa l-livell tal-piż fiskali u għandha tapplika b'mod simili fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement, mhumiex ammessi eċċezzjonijiet ħlief fil-każijiet imsemmija espressament fis-Sitt Direttiva (ara b'mod partikolari s-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1988, il-Kummissjoni vs Franza, 50/87, Ġabra p. 4797, punt 17, tas-6 ta' Lulju 1995, BP Soupergaz, C-62/93, Ġabra p. I-1883, punt 18, u tat-8 ta' Jannar 2002, Metropol u Stadler, C-409/99, Ġabra p. I-81, punt 42).

24     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva, intitolat "Kalkulazzjoni tal-proporzjon imnaqqas [tnaqqis prorata]", jirreferi espressament għall-Artikolu 17(5) ta' l-istess Direttiva, ma' liema għandu rabta sħiħa.

25     Id-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 19(1) dwar sussidji differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri s-sussidji li mhumiex inklużi fil-prezz tal-prodott jew tas-servizz mogħti u li ma jiffurmawx parti mill-bażi ta' stima tal-VAT, għandhom għalhekk jiġu moqrija fid-dawl ta' l-Artikolu 17(5). Madankollu, dan ta' l-aħħar, hekk kif jirriżulta espressament mill-kliem tiegħu, japplika biss f'każ ta' persuni taxxabbli b'mod imħallat. Minn dan jirriżulta li, billi ma jikkostitwixxix eċċezzjoni applikabbli għal persuni taxxabbli b'mod imħallat u għal persuni taxxabbli totalment, l-imsemmi tieni inċiż ta' l-Artikolu 19(1), jippermetti li d-dritt għal tnaqqis ikun ristett, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni s-sussidji hekk definiti, biss fil-każ ta' persuni taxxabbli b'mod imħallat.

26     Konsegwentement, ir-regola ġenerali li tinsab fil-liġi nru 37/1992, billi testendi l-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis għall-persuni taxxabbli totalment, tintroduċi limitazzjoni li teċċedi dik imsemmija espressament fl-Artikoli 17(5) u 19 tas-Sitt Direttiva u tikser id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

27     F'dak li jirrigwarda r-regola speċifika stabbilita minn l-imsemmija liġi, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li hija tintroduċi mekkaniżmu li jillimita d-dritt għal tnaqqis li mhux previst mill-Artikoli 17(5) u 19 tas-Sitt Direttiva jew minn dispożizzjonijiet oħrajn ta' din id-Direttiva. Konsegwentement, tali mekkaniżmu mhuwiex awtorizzat mill-imsemmija Direttiva.

28     L-argument tal-Gvern Spanjol li l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 19 tas-Sitt Direttiva li huwa qed jipproponi tippermetti li jiġi assigurat b'mod aħjar ir-rispett tal-bilanċ fil-qasam tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, tal-prinċipju tan-newtralità tal-VAT, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, l-Istati Membri huma obbligati japplikaw is-Sitt Direttiva anki jekk jikkunsidrawha bħala li tista' titjieb. Kif jirriżulta mis-sentenza tat-8 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni vs l-Olanda, C-338/98, Ġabra p. I-8265, punti 55 u 56, anki jekk l-interpretazzjoni proposta minn ċerti Stati Membri tippermetti li ċerti għanjiet imsemmija fis-Sitt Direttiva, bħan-newtralità tat-taxxa, jiġu rispettati aħjar, l-Istati Membri ma jistgħux iwarrbu d-dispożizzjonijiet imsemmija espressament fid-Direttiva billi jintroduċu f'dan il-każ limitazzjonijiet oħrajn tad-dritt għal tnaqqis differenti minn dawk imniżżla fl-Artikoli 17 u 19 ta' l-imsemmija Direttiva.

29     F'dak li jirrigwarda l-limitazzjoni fiż-żmien ta' l-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mitluba mill-Gvern Spanjol, għandu jiġi mfakkar li huwa biss f'sitwazzjoni eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista', b'applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fis-sistema legali Komunitarja, tiddeċiedi fuq tali limitazzjoni.

30     F'dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi stabbilit li l-awtoritajiet nazzjonali kienu indotti jadottaw regolament jew aġir li mhuwiex konformi mad-Dritt Komunitarju minħabba inċertezza oġġettiva u importanti f'dak li jirrigwarda l-iskop tad-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, C-359/97, Ġabra p. I-6355, punt 92). Tali inċertezza ma kinitx teżisti f'dan il-każ. Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li l-effetti ta' din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien.

31     Meta jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet imsemmija, għandu jiġi kkonstatat li, billi pprovda tnaqqis prorata tal-VAT dovuta mill-persuni taxxabbli li jwettqu biss operazzjonijiet taxxabbli u billi stabbilixxa regola partikolari li tillimita t-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ta' prodotti jew servizzi ffinanzjati permezz ta' sussidji, ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, skond l-Artikoli 17(2) u (5) u 19 tas-Sitt Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

32     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż subiti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1)      Billi pprovda tnaqqis prorata tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa mill-persuni taxxabbli li jwettqu biss operazzjonijiet taxxabbli u billi stabbilixxa regola partikolari li tillimita t-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ta' prodotti jew servizzi ffinanzjati permezz ta' sussidji, ir-Renju ta' Spanja naqas mill-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, skond l-Artikoli 17(2) u (5) u 19 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, ta' l-10 ta' April 1995.

2)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol