SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta' Ġunju 2006 (*)

"Għajnuna mogħtija mill-Istat – Skema ta' għajnuna eżistenti – Sistema fiskali taċ-ċentri ta' koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju – Rikors ta' assoċjazzjoni – Ammissibbiltà – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħid li din is-sistema ma tikkostitwixxix għajnuna – Bdil fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Artikolu 87(1) KE – Protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ġenerali ta' l-ugwaljanza"

Fil-kawżi magħquda C-182/03 u C-217/03,

li għandha bħala suġġett rikorsi għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressqa fil-25 u t-28 ta' April 2003,

Ir-Renju tal-Belġju, inizjalment irrappreżentat minn A. Snoecx, wara minn E. Dominkovits, bħala aġenti, assistiti minn B. van de Walle de Ghelcke, J. Wouters u P. Kelley, avocats,

rikorrent fil-kawża C-182/03,

Forum 187 ASBL, stabbilita fi Brussell (Il-Belġju), irrappreżentata minn A. Sutton u J. Killick, barristers,

rikorrenti fil-kawża C-217/03,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet, R. Lyal, u V. Di Bucci, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Schintgen, P. Kūris (Relatur) u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/757/KE tas-17 ta' Frar 2003 dwar l-iskema ta' għajnuna implementata mill-Belġju favur ċerti ċentri ta' koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 282, p. 25, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata") safejn din ma tawtorizzax, lanqas temporanjament, it-tiġdid ta' l-istatut ta' ċentru ta' koordinazzjoni għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni li kienu jibbenefikaw minn din l-iskema fil-31 ta' Diċembru 2000.

2       Forum 187 ASBL (iktar 'il quddiem "Forum 187") titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-kontroll ta' l-iskemi ta' għajnuna eżistenti fid-dritt Komunitarju

3       L-Artikolu 88(1) KE u l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 88(2) KE jipprovdu:

"1. Il-Kummissjoni għandha teżamina kostantement ma' l-Istati Membri s-sistemi kollha ta’ għajnuna li jeżiżtu f’dawk l-Istati. Hija għandha tipproponi lil dawn ta' l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa għall-iżvilupp progressiv u għall-funzjonament tas-suq komuni.

2. Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni."

4       Skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU L 83, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament"):

"Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li skema ta' għajuna eżistenti m'hijiex, jew m'għadhiex, kompatibbli mas-suq komuni, għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-opinjoni preliminarja tagħha u tagħti lill-Istat Membrukkonċernat l-opportunità li jissottometti l-kummenti tiegħu fi żmien xahar. F'każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista' testendi dan il-perijodu."

 Is-sistema fiskali Belġjana taċ-ċentri ta' koordinazzjoni

5       Is-sistema fiskali Belġjana taċ-ċentri ta' koordinazzjoni, li tidderoga mil-liġi ordinarja, hija rregolata mid-Digriet Irjali Nru 187 tat-30 ta' Diċembru 1982 dwar it-twaqqif ta' ċentri ta' koordinazzjoni (Moniteur belge tat-13 ta' Jannar 1983), kif kompletat u emendat diversi drabi.

6       Il-benefiċċju ta' din is-sistema huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni individwali u minn qabel taċ-ċentru permezz ta' Digriet Irjali. Sabiex jikseb din l-awtorizzazzjoni, iċ-ċentru għandu jifforma parti minn grupp multinazzjonali li jkollu kapital u riżervi li jilħqu jew jaqbżu biljun BEF u li jipproduċi fatturat annwu li l-ammont globali tiegħu jilħaq jew jaqbeż għaxar biljun BEF. Huma awtorizzati biss ċerti attivitajiet preparatorji, awżiljarji jew ta' ċentralizzazzjoni u l-impriżi tas-settur finanzjarju huma esklużi mill-benefiċċju ta' din is-sistema. Iċ-ċentri jridu jimpjegaw, fil-Belġju, għallinqas l-ekwivalenti ta' għaxar ħaddiema full time matul l-ewwel sentejn ta' l-attività tagħhom.

7       L-awtorizzazzjoni mogħtija lill-ċentru hija valida għal għaxar snin u tista' tiġġedded għal għaxar snin oħra.

8       Is-sistema fiskali li minnha jibbenefikaw iċ-ċentri ta' koordinazzjoni awtorizzati tidderoga mis-sistema fiskali ordinarja f'diversi aspetti.

9       L-ewwel nett, id-dħul taxxabbli taċ-ċentri huwa ddeterminat b'rata fissa skond il-metodu msejjaħ "cost plus". Dan jikkorrispondi għal perċentwali ta' l-ammont ta' l-infiq u ta' l-ispejjeż tat-tħaddim li minnhom huma esklużi l-ispejjeż tal-persunal, il-piżijiet finanzjarji u t-taxxa fuq il-kumpanniji.

10     It-tieni nett, iċ-ċentri huma eżentati mill-précompte immobilier (taxxa fuq il-proprjetà immobbli) fuq il-proprjetà immobbli li huma jużaw għat-twettiq ta' l-attività professjonali tagħhom.

11     It-tielet nett, id-dritt ta' reġistrazzjoni ta' 0.5 % la huwa dovut fuq is-sottoskrizzjonijiet magħmula għal ċentru u lanqas fuq iż-żidiet fl-ammont tal-kapital azzjonarju awtorizzat.

12     Ir-raba' nett, huma eżentati mill-précompte mobilier (taxxa miżmuma f'ras il-għajn), minn naħa, id-dividendi, interessi u royalties distribwiti miċ-ċentri, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, id-dħul li jirċievu ċ-ċentri jirċevu mid-depożiti ta' flus tagħhom.

13     Il-ħames nett, iċ-ċentri kull sena jħallsu taxxa fissa ta' 400 000 BEF għal kull impjegat full time, iżda li ma tistax taqbeż 4 000 000 BEF għal kull ċentru.

 Ix-xogħol tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni fiskali dannuża

14     Fil-kuntest ta' riflessjoni globali fuq il-kompetizzjoni fiskali dannuża, il-Kunsill, fl-1 ta' Diċembru 1997, adotta kodiċi ta' mġieba fil-qasam tat-tassazzjoni ta' l-impriżi (ĠU 1998, C 2, p. 2). F'dan il-kuntest, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li progressivament ineħħu ċerti miżuri fiskali li ġew ikkwalifikati bħala dannużi, filwaqt li l-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni tagħha li teżamina jew li terġa teżamina s-sistemi fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri, fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

15     Il-leġiżlazzjoni Belġjana dwar is-sistema fiskali taċ-ċentri ta' koordinazzjoni kienet fost il-miżuri fiskali nazzjonali kkonċernati minn dawn id-diversi inizjattivi.

 Il-fatti li ġraw qabel id-deċiżjoni kkontestata

16     Is-sistema fiskali taċ-ċentri ta' koordinazzjoni kienet ġiet eżaminata mill-Kummissjoni meta ġiet introdotta. B'mod partikolari, f'deċiżjonijiet ikkomunikati fil-forma ta' ittri fis-16 ta' Mejju 1984 u fid-9 ta' Marzu 1987 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjonijiet ta' l-1984 u ta' l-1987"), il-Kummissjoni kienet essenzjalment ikkunsidrat li tali sistema, ibbażata fuq sistema ta' determinazzjoni b'rata fissa tad-dħul taċ-ċentri ta' koordinazzjoni, ma kienx fiha elementi ta' għajnuna.

17     Din l-evalwazzjoni kienet ġiet ikkonfermata fir-risposta mogħtija f'isem il-Kummissjoni mis-Sur Brittan, Kummissarju inkarigat mill-kompetizzjoni, fl-24 ta' Settembru 1990, għall-mistoqsija bil-miktub Nru 1735/90 tas-Sur Gijs de Vries, Membru tal-Parlament Ewropew (ĠU 1991, C 63, p. 37).

18     Wara li fil-11 ta' Novembru 1998 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri relattivi għat-tassazzjoni diretta ta' l-impriżi (ĠU C 384, p.3), hija wettqet eżami ġenerali tal-leġiżlazzjoni fiskali ta' l-Istati Membri mill-aspett tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

19     F'dan il-kuntest, fi Frar 1999, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani jipprovdulha ċerta informazzjoni b'mod partikolari fuq is-sistema taċ-ċentri ta' koordinazzjoni. Dawn irrispondew f'Marzu 1999.

20     F'Lulju 2000, id-dipartimenti tal-Kummissjoni infurmaw lill-imsemmija awtoritajiet li din is-sistema kienet tidher li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Bil-għan li jibdew il-proċedura ta' kooperazzjoni, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament, id-dipartimenti tal-Kummissjoni stiednu lill-awtoritajiet Belġjani jissottomettu l-kummenti tagħhom fi żmien xahar.

21     Waqt is-sessjoni tiegħu tas-26 u tas-27 ta' Novembru 2000, il-Kunsill "Ecofin" fakkar li, skond ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Diċembru 1997, il-miżuri dannużi kollha f'dak li jikkonċerna t-tassazzjoni diretta ta' l-impriżi għandhom ikunu tneħħew qabel l-1 ta' Jannar 2003. Huwa adotta l-proposta tal-Presidenza ta' l-Unjoni Ewropea, li tipprovdi li, għall-impriżi li fil-31 ta' Diċembru 2000 ikunu jgawdu minn sistema fiskali dannuża, l-effetti ta' din is-sistema jiskadu l-iktar tard fil-31 ta' Diċembru 2005, kemm jekk tkun sistema mogħtija għal żmien determinat kemm jekk le. Huwa pprovda wkoll li huwa seta', każ b'każ u sabiex jieħu in kunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari, jiddeċiedi, wara rapport tal-grupp "kodiċi ta' mġieba", li jtawwal l-effetti ta' ċerti sistemi fiskali dannużi lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2005.

22     Fil-11 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni adottat erba' proposti ta' miżuri utli, abbażi ta' l-Artikolu 88(1) KE, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema taċ-ċentri ta' koordinazzjoni. Hija pproponiet lill-awtoritajiet Belġjani li jaċċettaw li jagħmlu numru ta' emendi għal din is-sistema filwaqt li pprovdiet, b'mod tranżitorju, li ċ-ċentri awtorizzati qabel id-data ta' aċċettazzjoni ta' dawn il-miżuri jkomplu jibbenefikaw mis-sistema preċedenti sal-31 ta' Diċembru 2005.

23     Peress li l-awtoritajiet Belġjani ma aċċettawx il-miżuri utli proposti, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura formali ta' eżami permezz ta' deċiżjoni notifikata b'ittra tas-27 ta' Frar 2002 (ĠU C 147, p. 2), skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament. B'mod partikolari, hija stiednet lir-Renju tal-Belġju jissottometti l-kummenti tiegħu u jipprovdi kull informazzjoni utli għall-evalwazzjoni tal-miżura in kwistjoni. Hija stiednet ukoll lil dan l-Istat Membru u lit-terzi kkonċernati sabiex jissottomettu kummenti u jipprovdu kull elementi utli sabiex jiġi ddeterminat jekk kinux jeżistu, għall-benefiċjarji tas-sistema in kwistjoni, aspettattivi leġittimi li jimponu t-teħid ta' miżuri tranżitorji.

24     Wara li t-terminu inizjali ġie mtawwal b'xahar, l-awtoritajiet Belġjani ssottomettew il-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tat-12 ta' April 2002.

25     Permezz ta' ittra tas-16 ta' Mejju 2002, l-imsemmija awtoritajiet innotifikaw abbozz ta' liġi intiża sabiex temenda d-Digriet Irjali Nru 187. Il-Kummissjoni rreġistrat dan l-abbozz bħala għajnuna ġdida taħt in-numru ta' referenza N351/2002.

26     Wara diversi laqgħat, f'Lulju 2002 il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tal-Belġju talba għal informazzjoni supplimentari kemm dwar is-sistema eżistenti kif ukoll dwar l-abbozz notifikat, u l-awtoritajiet Belġjani rrispondew għal din it-talba permezz ta' ittra tat-30 ta' Awwissu 2002. Xi terzi kkonċernati wkoll ipparteċipaw fil-proċedura formali ta' eżami tal-miżura in kwistjoni.

27     Fil-21 ta' Jannar 2003, il-Kunsill "Ecofin" iddeċieda li l-effetti ta' ċerti sistemi fiskali dannużi jiġu mtawla lil hinn mill-2005. F'dak li jirrigwarda s-sistema fiskali Belġjana taċ-ċentri ta' koordinazzjoni, huwa pprovda li dawk li fil-31 ta' Diċembru 2000 kienu jaqgħu taħt din is-sistema setgħu jkomplu jibbenefikaw minnha sal-31 ta' Diċembru 2010.

 Id-deċiżjoni kkontestata

28     Fis-17 ta' Frar 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li ġiet innotifikata lir-Renju tal-Belġju fl-istess ġurnata. Peress li kkonstatat li l-kliem użat fl-Artikolu 2 tad-dispożittiv ta' l-imsemmija deċiżjoni seta' jidher kontradittorju mal-konklużjonijiet li hija waslet għalihom fil-punti 122 u 123 tad-deċiżjoni, fit-23 ta' April 2003 il-Kummissjoni ddeċidiet li temenda l-Artikolu 2 permezz ta' korriġendum. Din l-emenda ġiet innotifikata lill-imsemmi Stat Membru fil-25 ta' April 2003.

29     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, preliminarjament, spjegat għaliex hija kkwalifikat is-sistema taċ-ċentri ta' koordinazzjoni bħala għajnuna eżistenti kif ukoll il-bażi legali li fuqha hija bbażata l-proċedura li hija segwiet. Din id-deċiżjoni tesponi li f'dan il-każ l-Artikolu 1(b) tar-Regolament seta' jservi ta' bażi legali u li, fin-nuqqas, l-Artikoli 87 KE u 88 KE kienu jikkostitwixxu l-vera bażi legali li fuqa hija bbażata l-azzjoni tal-Kummissjoni.

30     Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat ukoll li, kieku din kellha titqies bħala rtirar jew emenda tad-deċiżjonijiet ta' l-1984 u ta' l-1987, id-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett id-dritt tal-Kummissjoni li tirtira jew temenda kull att favorevoli vvizzjat b'illegalità.

31     Fil-kumplament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li d-diversi miżuri li jifformaw is-sistema fiskali taċ-ċentri ta' koordinazzjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE, mingħajr ma jistgħu jikkwalifikaw għall-ebda waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 87(2) u (3).

32     Fir-rigward ta' l-aspettattivi leġittimi invokati miċ-ċentri ta' koordinazzjoni, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

"(117)  Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta' aspettattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna. Dawn l-aspettattivi leġittimi jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tippermetti liċ-ċentri li fil-31 ta' Diċembru 2000 kellhom awtorizzazzjoni fis-seħħ li jibbenefikaw mill-vantaġġi tas-sistema sakemm jiskadilhom il-perijodu ta' awtorizzazzjoni fis-seħħ fil-mument ta' l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni u l-iktar tard sal-31 ta' Diċembru 2010. Din il-pożizzjoni tistrieħ fuq l-elementi spjegati iktar 'l isfel.

(118)  […] [l-]awtorizzazzjonijiet [maħruġa mill-amministrazzjoni fiskali] jirrigwardaw biss il-fatti u bl-ebda mod ma jiddeskrivu s-sistema li għandha tiġi applikata. Dawn, għalhekk, ma jistgħux jagħtu garanzija legali li s-sistema ser tinżamm, hekk kif tkun fid-data ta' l-awtorizzazzjoni, għall-għaxar snin ta' wara. […]

(119)  […] Għalkemm l-awtorizzazzjoni ma tikkostitwixxix garanzija li s-sistema ser tibqa' għal dejjem u lanqas tan-natura vantaġġjuża tagħha, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ħolqien taċ-ċentru, l-investimenti magħmula u l-obbligi meħuda ġew deċiżi fil-perspettiva raġjonevoli u leġittima ta' ċerta kontinwità fil-kundizzjonijiet ekonomiċi, fosthom is-sistema fiskali. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti perijodu tranżitorju li jippermetti t-tneħħija progressiva tas-sistema cost plus għall-benefiċjarji attwali.

(120)  Peress li l-awtorizzazzjonijiet ma jagħtu l-ebda dritt li s-sistema tibqa' għal dejjem u lanqas xi dritt għan-natura vantaġġjuża tad-dispożizzjonijiet tagħha, lanqas għall-perijodu ta' awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni tqis li dawn fl-ebda każ ma jistgħu jagħtu dritt għat-tiġdid tal-benefiċċju tas-sistema lil hinn mid-data ta' skadenza ta' l-awtorizzazzjonijiet fis-seħħ. Il-limitazzjoni espliċita ta' l-awtorizzazzjonijiet għal għaxar snin tipprekludi wkoll li setgħu jinħolqu aspettattivi leġittimi f'tali tiġdid awtomatiku, li teoretikament ikun ifisser awtorizzazzjoni li tibqa' għal dejjem." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33     Skond il-konklużjonijiet li jidhru fil-punti 121 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata:

"(121)  Il-Kummissjoni tikkonstata li s-sistema fiskali applikabbli għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni fil-Belġju hija inkompatibbli mas-suq komuni u li l-inkompatibbiltà tad-diversi elementi tagħha għandha tintemm billi jiġu mħassra jew emendati. Mid-data meta tiġi nnotifikata din id-deċiżjoni, il-benefiċċju ta' din is-sistema jew ta' l-elementi tagħha la jkun jista' jingħata iktar lil benefiċjarji ġodda u lanqas jiġi mtawwal permezz tat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet fis-seħħ. Il-Kummissjoni tinnota li ċ-ċentri awtorizzati fl-2001 ma baqgħux jibbenefikaw minn din is-sistema wara l-31 ta' Diċembru 2002.

(122)  F'dak li jirrigwarda ċ-ċentri li attwalment jibbenefikaw mis-sistema, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-deċiżjoni ta' l-1984 li awtorizzat id-Digriet Irjali Nru 187, kif ukoll ir-risposta għal domanda Parlamentari mogħtija mill-Kummissarju inkarigat mill-kompetizzjoni, ħolqu fihom l-aspettattivi leġittimi li din is-sistema ma tiksirx ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

(123)  Barra minn dan, minħabba l-investimenti konsiderevoli li setgħu ġew imwettqa fuq din il-bażi, ir-rispett ta' l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali tal-benefiċjarji jiġġustifika l-għoti ta' terminu raġjonevoli għat-tneħħija ta' l-effetti tas-sistema għaċ-ċentri diġà awtorizzati. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-terminu raġjonevoli jiġi fi tmiemu fil-31 ta' Diċembru 2010. Iċ-ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom tiskadi qabel din id-data ma jkunux jistgħu jibbenefikaw iktar minn din is-sistema wara d-data ta' l-iskadenza. Lil hinn mid-data ta' l-iskadenza ta' l-awtorizzazzjoni, u f'kull każ lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2010, l-għoti jew iż-żamma tal-vantaġġi fiskali kkonċernati jkun illegali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

34     Skond l-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata:

"Artikolu 1

Is-sistema fiskali attwalment fis-seħħ fil-Belġju favur ċentri ta' koordinazzjoni awtorizzati abbażi tad-Digriet Irjali Nru 187 hija sistema ta' għajnuna mogħtija mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

Il-Belġju huwa obbligat ineħħi s-sistema ta' għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 jew jemendaha b'mod li tkun kompatibbli mas-suq komuni.

Mid-data meta tiġi nnotifikata din id-deċiżjoni, il-benefiċċju ta' din is-sistema jew ta' l-elementi tagħha la jkun jista' jingħata iktar lil benefiċjarji ġodda u lanqas jiġi mtawwal permezz tat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet fis-seħħ.

F'dak li jirrigwarda ċ-ċentri diġà awtorizzati qabel il-31 ta' Diċembru 2000, l-effetti tas-sistema jistgħu jinżammu sa meta tiskadi l-awtorizzazzjoni individwali fis-seħħ fid-data tan-notifika ta' din id-deċiżjoni, u l-iktar tard sal-31 ta' Diċembru 2010. Konformement mat-tieni subparagrafu, fil-każ ta' tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni qabel din id-data, il-benefiċċju tas-sistema li hija s-suġġett ta' din id-deċiżjoni ma jistax jingħata iktar, lanqas temporanjament." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li ġraw wara d-deċiżjoni kkontestata

35     L-emendi għad-Digriet Irjali Nru 187 li l-awtoritajiet Belġjani kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni fis-16 ta' Mejju 2002 ġew adottati mill-Parlament Belġjan fl-24 ta' Diċembru 2002 u ppubblikati fil-Moniteur Belge fil-31 ta' Diċembru 2002.

36     Fit-23 ta' April 2003, il-Kummissjoni awtorizzat din is-sistema l-ġdida safejn din tistabbilixxi, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' l-awtorizzazzjoni minn qabel taċ-ċentri ta' koordinazzjoni għal perijodu ta' għaxar snin u d-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli kkalkolata fuq l-ispejjeż kollha tat-tħaddim, bl-applikazzjoni ta' marġni ta' profitt xieraq. Madankollu, billi din is-sistema l-ġdida tipprovdi wkoll għall-eżenzjoni ta' dawn iċ-ċentri mill-précompte mobilier u mit-taxxa fuq is-sottoskrizzjoni ta' kapital azzjonarju, kif ukoll għan-nuqqas ta' ntaxxar tal-vantaġġi msejħa "straordinarji u gratuwiti" mogħtija lil dawn iċ-ċentri, il-Kummissjoni fetħet proċedura formali ta' eżami f'dak li jirrigwarda dawn it-tliet miżuri.

37     Permezz tad-Deċiżjoni 2005/378/KE tat-8 ta’ Settembru 2004 dwar l-iskema ta’ għajnuna li l-Belġju beħsiebu jimplementa favur iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2005, L 125, p. 10), il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl ta’ l-impenji li ħa r-Renju tal-Belġju sabiex ineħħi l-eżenzjonijiet in kwistjoni u jissostitwihom b'miżuri ta’ eżenzjoni jew ta’ tnaqqis li japplikaw għall-impriżi kollha stabbiliti fit-territorju tiegħu kif ukoll li jintaxxa l-vantaġġi "straordinarji u gratuwiti" li jirċievu ċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, il-miżuri li jifformaw is-sistema fiskali l-ġdida taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna li taqa' taħt l-Artikolu 87(1) KE.

38     Waqt is-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2005, ir-rappreżentant tar-Renju tal-Belġju kkonferma l-informazzjoni li kienet ingħatat lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2005, li tgħid li din is-sistema l-ġdida kienet ġiet abbandunata.

39     Barra minn hekk, permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, il-Ministru tal-Finanzi Bejġjan informa lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 88(3) KE, bl-intenzjoni tiegħu li jagħti, sal-31 ta’ Diċembru 2005, il-benefiċċju ta’ ċerti miżuri fiskali lill-impriżi li fil-31 ta’ Diċembru 2000 kienu suġġetti għas-sistema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni u li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet tiskadi bejn is-17 ta’ Frar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2005.

40     Permezz ta' ittra ta' l-istess ġurnata, ir-Renju tal-Belġju talab ukoll lill-Kunsill jikkunsidra dawn il-miżuri bħala kompatibbli mas-suq komuni skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) KE.

41     F'ittra tal-25 ta’ April 2003, il-President tal-Kummissjoni kkonstata li d-deċiżjoni kkontestata kienet eżegwibbli u kkunsidra li l-ittra fuq imsemmija ta’ l-20 ta’ Marzu 2003 ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala notifika ta’ għajnuna ġdida fis-sens ta’ l-Artikolu 88(3) KE.

42     Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Mejju 2003, ir-Renju tal-Belġju reġa' informa lill-Kummissjoni bl-intenzjoni li huwa kien esprima fl-ittra tiegħu ta’ l-20 ta’ Marzu 2003.

43     Waqt il-laqgħa tat-3 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill "Ecofin" ta l-approvazzjoni tiegħu fil-prinċipju għal din it-talba u inkariga lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti sabiex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-Kunsill ikun jista' jadotta d-deċiżjoni prevista mill-iktar fis, u f’kull każ, qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2003.

44     Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/531/KE tas-16 ta' Jannar 2003, dwar l-għoti mill-Gvern Belġjan ta' għajnuna lil ċerti ċentri ta' koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 184, p. 17), li ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 88(2) KE, ġie ddikjarat li "l-għajnuna li l-Belġju [kien] beħsiebu jagħti sal-31 ta’ Diċembru 2005 lill-impriżi li fil-31 ta' Diċembru 2000, bis-saħħa tad-Digriet Irjali Nru 187 […], kienu jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni bħala ċentri ta' koordinazzjoni li kienet tiskadi bejn is-17 ta' Frar 2003 u l-31 ta' Diċembru 2005" [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienet kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hija s-suġġett tal-kawża C-399/03.

45     Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni, b’risposta għan-notifika tas-26 ta’ Mejju 2003, imsemmija iktar 'il fuq, ikkonfermat il-pożizzjoni li kienet esprimiet fl-ittra tagħha tal-25 ta’ April 2003.

46     Permezz ta' digriet tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 R u C-217/03 R, Ġabra p. I-6887), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, safejn din tipprojbixxi lir-Renju tal-Belġju milli jġedded l-awtorizzazzjonijiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li kienu fis-seħħ fid-data meta ġiet innotifikata l-imsemmija deċiżjoni.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

47     Fil-kawża C-182/03, ir-Renju tal-Belġju jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla t-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dan jipprovdi li, "[m]id-data meta tiġi nnotifikata [l-imsemmija] deċiżjoni, il-benefiċċju ta' din is-sistema jew ta' l-elementi tagħha ma jkunx jista' […] jiġi mtawwal iktar permezz tat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet fis-seħħ", u li, "[k]onformement mat-tieni subparagrafu, fil-każ ta' tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni qabel il-[31 ta’ Diċembru 2010], il-benefiċċju tas-sistema li hija s-suġġett ta' din id-deċiżjoni ma jistax jingħata iktar, lanqas temporanjament" [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż fosthom dawk relatati mal-proċedura sommarja.

48     Fil-kawża C-217/03, Forum 187 titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       prinċipalment, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u sussidjarjament, li tannullaha safejn din ma pprovdietx miżuri tranżitorji xierqa;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża C-217/03 kif ukoll tal-kawża li tat lok għad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta' Ġunju 2003, Forum 187 vs Il-Kummissjoni (T-276/02, Ġabra p. II-2075).

49     F’kull waħda minn dawn il-kawżi l-Kummissjoni titlob li:

–       ir-rikorsi jiġu miċħuda;

–       ir-rikorrenti jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, fosthom dawk relatati mal-proċedura sommarja.

50     B’att separat, irreġistrat fis-16 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni qajjmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors ta’ Forum 187.

51     B'deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirriżerva l-eċċezzjoni ta’ innammissibbiltà għall-ġudizzju fuq il-mertu u tkompli bil-proċeduri.

52     Permezz ta' digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-28 ta’ April 2005, il-kawżi C-182/03 u C-217/03 ġew magħquda għal-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq l-ammissibbiltà

53     Il-Kummissjoni ssostni li Forum 187 m’għandhiex locus standi sabiex tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, li mhijiex indirizzata lejha, peress li hija mhijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni.

54     Minn naħa, Forum 187 tikkontesta din l-eċċezzjoni ta’ innammissibbiltà billi ssostni li huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata tletin ċentru li kisbu tiġdid ta’ l-awtorizzazzjoni matul is-snin 2001 u 2002 u li l-perijodu li matulu huma jistgħu jibbenefikaw mis-sistema fiskali kkontestata jagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2010 u tmien ċentri li l-applikazzjoni tagħhom għat-tiġdid kienet pendenti fid-data meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li hija affettwata mid-deċiżjoni kkontestata fil-kwalità tagħha ta’ korp rappreżentattiv taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni rikonoxxut mill-awtoritajiet Belġjani u li magħhom għandha status kważi uffiċjali li b’mod partikolari ppermettielha li jkollha sehem importanti fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni kif ukoll minħabba li l-imsemmija deċiżjoni taffettwa l-istess raġuni għall-eżistenza tagħha.

55     Skond l-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista' tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn persuna oħra biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tirrigwardaha direttament u individwalment.

56     Fil-prinċipju, huwa ammissibbli għal assoċjazzjoni bħal mhija Forum 187, inkarigata li tiddefendi l-interessi kollettivi taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju, li tressaq rikors għal annullament kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar għajnuna mogħtija mill-Istat biss jekk l-impriżi li hija tirrappreżenta jew uħud minnhom ikollhom locus standi sabiex jaġixxu individwalment (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1993, Federmineraria et vs Il-Kummissjoni, C-6/92, Ġabra p. I-6357, punti 15 u 16) jew jekk hija tkun tista’ tipprova li hija stess għandha interess (sentenza ta’ l-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punti 29 u 30).

57     F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni meħtieġa mir-raba' subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, huwa paċifiku li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi lill-Gvern Belġjan milli jġedded l-awtorizzazzjonijiet taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li jiskadu mis-17 ta’ Frar 2003 'l quddiem u li f’kull każ tillimita l-effett fiż-żmien ta’ l-awtorizzazzjonijiet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2010, hija mandatorja fl-applikazzjoni tagħha u għalhekk iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni in kwistjoni huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

58     F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 230 iċċitat iktar 'il fuq, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-fatt li dispożizzjoni kkontestata tkun, min-natura u l-portata tagħha, ta' applikazzjoni ġenerali peress li tkun tapplika għall-operaturi ekonomici kkonċernati in ġenerali, ma jeskludix, minħabba f’hekk, li din tista’ tikkonċerna individwalment lil uħud minn dawn l-operaturi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 19).

59     Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippretendi li hija individwalment ikkonċernata biss jekk id-dispożizzjoni kkontestata taffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha u minħabba stat ta’ fatt li jiddistingwiha minn kull persuna oħra (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 199).

60     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-att ikkontestat jaffettwa grupp ta’ persuni li kien identifikat jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att safejn jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1985 Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punt 31, u tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C-152/88, Ġabra p. I-2477, punt 11).

61     L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, min-naħa, li d-deċiżjoni kkontestata kellha l-effett li tistabbilixxi l-31 ta’ Diċembru 2010 bħala d-data li mhux iżjed tard minnha kellu jintemm il-perijodu ta’ awtorizzazzjoni taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li bbenefikaw minn tiġdid ta’ l-awtorizzazzjoni matul is-snin 2001 u 2002 minflok ma stabbiliet it-tmiem ta' dan il-perijodu matul is-snin 2011 u 2012, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li dawn iċ-ċentri kienu perfettament identifikabbli fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, it-tletin ċentru ta’ koordinazzjoni li huma kkonċernati mill-effetti ta’ l-imsemmija deċiżjoni setgħu jressqu proċeduri individwalment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

62     It-tieni nett, hemm lok li jiġi rilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma pprovdietx miżuri tranżitorji favur iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet simultanjament man-notifika ta’ din id-deċiżjoni u favur dawk li l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tagħhom kienet pendenti fid-data meta ġiet innotifikata din id-deċiżjoni.

63     Għalhekk, tmien ċentri li l-applikazzjoni tagħhom għat-tiġdid ta’ l-awtorizzazzjoni kienet pendenti dak iż-żmien huma kkonċernati. Dawn ta’ l-aħħar jagħmlu parti minn ċirku ristrett li l-membri tiegħu huma partikolarment affettwati mid-deċiżjoni kkontestata peress li ma jistgħux iktar jiksbu tiġdid ta’ l-awtorizzazzjoni. Minn dan isegwi li dawn iċ-ċentri kellhom locus standi sabiex jaġixxu individwalment kontra d-deċiżjoni kkontestata.

64     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta, u dan mingħajr m'hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk Forum 187 tistax tipprova li hija stess għandha interess, li huwa ammissibbli għal din l-assoċjazzjoni li tressaq proċeduri safejn hija tirrappreżenta, minn naħa, tletin ċentru ta’ koordinazzjoni li d-drittijiet tagħhom li jibbenefikaw mis-sistema kkontestata ġew limitati sal-31 ta’ Diċembru 2010 u, min-naħa l-oħra, tmien ċentri li l-applikazzjoni tagħhom għat-tiġdid kienet pendenti fid-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu tar-rikorsi

65     Peress li r-Renju tal-Belġju u Forum 187 it-tnejn qegħdin jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn din ma tipprovdix dispożizzjonijiet tranżitorji, għandhom l-ewwel nett jiġu eżaminati t-talbiet ta’ Forum 187 intiżi għall-annullament ta' l-imsemmija deċiżjoni safejn din tikkwalifika l-għajnuna in kwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

 Fuq it-talbiet ta’ Forum 187 intiżi għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkwalifika l-miżuri in kwistjoni bħala għajnuna mogħtija mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni

 Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali

66     Permezz ta’ dan il-motiv, Forum 187 issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn bażi legali u tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali. Fid-dawl tal-pożizzjonijiet li ħadet il-Kummissjoni iktar minn ħmistax-il sena qabel, l-imsemmija deċiżjoni la tista' tkun ibbażata fuq l-Artikoli 87 KE u 88 KE u lanqas fuq l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament peress li din ma tirreferix għal xi evoluzzjoni tas-suq komuni.

67     Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka d-dritt li ssewwi l-iżbalji tagħha. Minn dan l-assoċjazzjoni tiddeduċi li, f’dan il-każ, inkiser il-prinċipju taċ-ċertezza legali marbut mar-rispett ta’ l-invjolabbiltà tad-deċiżjonijiet preċedenti.

68     Preliminarjament, għandu jiġi rilevat li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rtiratx id-deċiżjonijiet ta’ l-1984 u ta’ l-1987. Hija fil-verità għamlet eżami ġdid tas-sistema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni billi applikat għal din ta’ l-aħħar il-proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna li diġà teżisti u minn dan ikkonkludiet li llum il-ġurnata din is-sistema kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli.

69     Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx iġġustifikata li tagħmel dan l-eżami l-ġdid, hemm lok li jiġi mfakkar mhux biss li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, 325/85, Ġabra p. 5041, punt 18, u tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C-63/93, Ġabra p. I-569, punt 20), iżda wkoll li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat flimkien mal-prinċipju tal-legalità (sentenza tat-22 ta’ Marzu 1961, SNUPAT vs L-Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, Ġabra p. 99, 159).

70     F’dan ir-rigward, huwa paċifiku, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 212 u 213 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-Regolament, li jikkodifika l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 88 KE, ma jiddefinixxix il-portata tal-kunċett ta’ "evoluzzjoni tas-suq komuni" li jidher fl-Artikolu 1(b)(v) tiegħu li jispeċifika li miżura li meta daħlet fis-seħħ ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna għandha madankollu titqies bħala għajnuna eżistenti safejn din tkun "sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni".

71     Dan il-kunċett, li jista’ jinftiehem bħala bdil tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura in kwistjoni, ma jkoprix l-ipoteżi fejn, bħal f’dan il każ, il-Kummissjoni tibdel l-evalwazzjoni tagħha biss abbażi ta’ applikazzjoni iktar stretta tar-regoli tat-Trattat fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

72     Madankollu, għandu jiġi rilevat li r-Regolament jikkostitwixxi att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja adottat għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE, li ma jistax inaqqas il-portata ta’ l-imsemmija Artikoli u dan iktar u iktar minħabba li s-setgħat li għandha l-Kummissjoni ġejjin direttament minnhom.

73     Fil-fatt, l-Artikolu 88(1) KE jagħti lill-Kummissjoni l-missjoni li teżamina kostantement is-sistemi ta’ għajnuna li jeżistu fl-Istati Membri u li tipproponi lil dawn ta’ l-aħħar kull miżura xierqa meħtieġa mill-iżvilupp progressiv jew mill-funzjonament tas-suq komuni.

74     Il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu jippermetti lill-Kummissjoni, fil-każ li jfallu dawn il-proposti, li tirrikjedi lill-Istat Membru kkonċernat li jimmodifika jew jabolixxi l-għajnuna fit-terminu preskritt.

75     Minn dan jirriżulta li, meta ddeċidiet li tagħmel eżami mill-ġdid tas-sistema fiskali taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni fis-seħħ fil-Belġju li kienet ġiet iddikjarata dannuża għas-suq komuni mill-grupp "kodiċi ta’ mġieba", il-Kummissjoni qdiet il-missjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 88 KE. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala bażi legali l-Artikoli 87 KE u 88 KE.

76     Għalhekk, billi l-prinċipju tal-legalità ġie rrispettat, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att ċert li l-applikazzjoni tiegħu kienet prevedibbli għall-persuni suġġetti għalih. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma tmurx kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali.

77     Barra minn dan, l-unika proċedura applikabbli mill-Kummissjoni f'dan il-każ hija dik prevista mir-Regolament għall-kontroll ta’ l-għajnuna eżistenti. Fil-fatt, mhemm l-ebda dubju li s-sistema fiskali in kwistjoni tikkostitwixxi miżura eżistenti peress li kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fl-1984 u ma sar l-ebda tibdil sinjifikattiv fl-imsemmija sistema.

78     Għaldaqstant, Forum 187 m'għandhiex raġun issostni li, meta l-Kummissjoni adottat l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament bħala bażi għall-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami, kif indikat fl-ittra tagħha lill-awtoritajiet Belġjani tas-17 ta’ Lulju 2000, u sussegwentement irreferiet biss għall-Artikoli 87 KE u 88 KE, hija għamlet żball ta’ dritt. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87(1) KE

79     Permezz ta' dan il-motiv, Forum 187 issostni li s-sistema fiskali applikabbli għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Għal dan il-għan, hija ssostni mhux biss li l-metodu ta’ analiżi li użat il-Kummissjoni għal din is-sistema fiskali kien globali wisq iżda wkoll li d-diversi miżuri li jikkostitwixxu s-sistema in kwistjoni ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu. B’mod partikolari, hija tindika li dawn il-miżuri ma jagħtu l-ebda vantaġġ liċ-ċentri, mhumiex ġejjin minn trasferiment tar-riżorsi ta’ l-Istat, mhumiex ta' natura selettiva u li l-Kummissjoni ma ppruvatx li għandhom effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ intrakomunitarju. F’kull każ, hija ssostni li l-imsemmija sistema hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali Belġjana.

–       Fuq il-metodu ta’ analiżi tas-sistema fiskali

80     Forum 187 tilmenta li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-kompetenza ta’ l-Istati Membri fil-qasam fiskali, u li wettqet analiżi ġenerali wisq tas-sistema in kwistjoni.

81     Ir-risposta għandha tkun, minn naħa, li l-Artikolu 87 KE ma jeskludix ir-regoli fiskali mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

82     Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakar li fil-każ ta’ programm ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista' tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-programm in kwistjoni sabiex tevalwa jekk dan jagħtix vantaġġ konsiderevoli lill-benefiċjarji fil-konfront tal-kompetituri tagħhom (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 48). Hija lanqas mhija obbligata teżamina kull każ partikolari li fih tapplika s-sistema (is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, 278/00, Ġabra p. I-3997, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

83     Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE

84     Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ta' għajnuna teħtieġ li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 87(1) KE (sentenza ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C 280/00, Ġabra p. I-7747, punt 74).

85     Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati dawn il-kundizzjonijiet kollha.

i)     F’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-benefiċċju ta’ ċerti impriżi

86     F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ għajnuna jista’ jkopri mhux biss prestazzjonijiet pożittivi bħalma huma sussidji, self jew it-teħid ta' ishma f'impriżi, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, għalkemm mhumiex sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma ta’ l-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, Gemo, C-126/01, Ġabra p. I-13769, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, għalkemm ma tkunx tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi ta’ l-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik ta’ persuni taxxabbli oħra tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat (sentenza tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 14).

88     Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li l-metodu ta’ determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, l-eżenzjoni mill-précompte immobilier u mill-précompte mobilier, mit-taxxa fuq is-sottoskrizzjoni ta' kapital azzjonarju, kif ukoll is-sistema ta' précompte mobilier fittizju jikkostitwixxu vantaġġi għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni.

89     Forum 187 tiċħad din l-analiżi.

90     L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punti 89 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-determinazzjoni b'rata fissa tad-dħul skond il-metodu "cost plus" tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE.

91     Fil-fatt, skond is-sistema in kwistjoni, il-qligħ taxxabbli huwa stabbilit f'ammont fiss, li jikkorrispondi għal perċentwali ta’ l-ammont totali ta’ l-infiq u ta' l-ispejjeż tat-tħaddim li minnhom huma esklużi l-ispejjeż tal-persunal u l-piżijiet finanzjarji.

92     Barra minn hekk, il-marġni ta’ qligħ ta’ ċentru ta’ koordinazzjoni għandu, fil-prinċipju, ikun stabbilit skond l-attività realment imwettqa minn dan ta’ l-aħħar. Jekk dan iċ-ċentru jitlob ħlas huwa stess għal ċerti servizzi pprovduti bi prezz li jikkorrispondi għall-ammont ta’ l-ispejjeż miżjuda b’marġni ta’ qligħ, tista' tiġi adottata l-perċentwali ta’ dan ta’ l-aħħar sakemm ma tkunx straordinarja. Jekk ma jeżistux kriterji oġġettivi sabiex tiġi ddeterminata l-perċentwali tal-qligħ li għandha tiġi kkunsidrati, din għandha, fil-prinċipju, tkun stabbilita għal 8%.

93     Il-qligħ taxxabbli ta’ l-imsemmi ċentru ma jistax, madankollu, jkun inqas mit-total ta’ l-ispejjeż jew piżijiet li ma jistgħux jiġu mnaqqsa bħala spejjeż professjonali u tal-vantaġġi "straordinarji u gratuwiti" mogħtija liċ-ċentru mill-membri tal-grupp. Dan il-qligħ huwa taxxabbli bir-rata normali tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

94     Dan il-metodu ta’ determinazzjoni tal-qligħ taxxabbli huwa bbażat fuq l-hekk imsejjaħ "cost plus" irrakkomandat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) għall-intaxxar tas-servizzi pprovduti minn kumpannija sussidjarja jew stabbiliment fiss f’isem il-kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp u stabbiliti fi Stati oħra.

95     Sabiex jiġi eżaminat jekk id-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, kif prevista fis-sistema taċ-ċentri ta’ koordinazzoni, tagħtix vantaġġ lil dawn ta’ l-aħħar, għandu jsir paragun, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni fil-punt 95 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn l-imsemmija sistema u dik tal-liġi ordinarja bbażata fuq id-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa.

96     Issa, f’dan ir-rigward, l-ispejjeż tal-persunal u l-piżijiet finanzjarji sostnuti fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ amministrazzjoni ta’ fondi jew ta’ finanzjament jirrappreżentaw elementi li jikkontribwixxu b’mod determinanti għar-realizazzjoni tad-dħul taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni safejn dawn ta’ l-aħħar jipprovdu servizzi, b’mod partikolari ta’ natura finanzjarja. Konsegwentement, l-esklużjoni ta’ dawn l-ispejjeż u piżijiet mill-infiq użat sabiex jiġi ddeterminat id-dħul taxxabbli ta’ l-imsemmija ċentri ma tippermettix li jiġu stabbiliti prezzijiet ta’ trasferiment li jkunu qrib dawk li jintalbu f'kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ħielsa.

97     Minn dan jirriżulta li din l-esklużjoni hija ta’ natura li tagħti vantaġġ ekonomiku lill-imsemmija ċentri.

98     Bil-kontra ta’ dak li ssostni Forum 187, din l-analiżi la tistax titqiegħed fid-dubju mill-fatt li l-inklużjoni tal-piżijiet finanzjarji tista’, f’ċerti każi, twassal għal bażi taxxabbli għolja wisq, la mill-kobor tal-piż fiskali li jista' jsostni l-grupp, u lanqas mill-fatt li ċentru jista' jiġi intaxxat mingħajr ma jkun għamel qligħ. Fil-fatt, dawn l-elementi huma kollha inerenti fil-metodu "cost plus".

99     Barra minn dan, it-taxxa annwali ta' 10 000 EUR għal kull persuna impjegata full time u li ma tistax tkun aktar minn 100 000 EUR, introdotta mill-1 ta' Jannar 1993, ma tagħmilx tajjeb għall-effetti pożittivi tal-metodu ta' kalkolu użat, peress li l-limitu jikkorrispondi għan-numru minimu ta' impjegati li ċ-ċentri huma obbligati jħaddmu matul l-ewwel sentejn ta' l-attività tagħhom.

100   Din il-konstatazzjoni tgħodd ukoll f'dak li jirrigwarda r-rata ta' 8% applikata fin-nuqqas għall-ispejjeż ta' tħaddim sabiex tiġi ddetermina l-bażi taxxabbli, billi din ir-rata hija applikata għal bażi diġà mnaqqsa u billi fil-verità l-marġni ta' qligħ ivarja ħafna bejn ċentru u ieħor peress li dan jiddependi mill-attività mwettqa.

101   Fl-aħħar nett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 265 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li skondha l-bażi alternattiva ta' taxxa intiża sabiex tevita eventwali abbużi billi tistabbilixxi limitu minimu mhijiex ta' natura li tneħħi l-vantaġġ mogħti bl-applikazzjoni ta' l-eżenzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq flimkien mar-rata ta' 8%, tista' tiġi approvata. Fil-fatt, din il-bażi tinkludi biss ammonti li huma wkoll intaxxati fil-Belġju fil-każ ta' kumpanniji li ma jaqgħux taħt is-sistema kkontestata.

102   Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni għalhekk kienet iġġustifikata meta qieset li r-regoli dwar id-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli kienu jikkostitwixxu vantaġġ għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni u għall-gruppi li huma jagħmlu parti minnhom.

103   It-tieni nett, fil-punti 76 u 77 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-eżenzjoni mill-précompte immobilier li minnha jibbenefikaw iċ-ċentri ta' koordinazzjoni tagħti vantaġġ ekonomiku lil dawn ta' l-aħħar.

104   Fil-fatt, is-sistema fiskali in kwistjoni tipprovdi li dawn iċ-ċentri huma eżentati mill-précompte immobilier għal immobbli li huma jużaw għat-twettiq ta' l-attivitajiet tagħhom għalkemm din it-taxxa fil-prinċipju hija piż fuq il-baġit ta' kull kumpannija li hija proprjetarja ta' immobbli fil-Belġju, jiġifieri proprjetà immobbli mibnija jew mhux mibnija kif ukoll il-materjal u t-tagħmir li huma immobbli min-natura jew mid-destinazzjoni tagħhom.

105   Minn dan isegwi li l-eżenzjoni mill-imsemmi précompte tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku. Il-fatt li 5% biss miċ-ċentri ta' koordinazzjoni realment jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni minħabba li ċ-ċentri l-oħra kollha jikru l-immobbli tagħhom m'għandu l-ebda effett fuq din l-evalwazzjoni peress li l-għażla bejn jekk ikunux propjetarji jew inkella kerrejja ta' immobbli tiddependi biss fuq ir-rieda ta' l-imsemmija ċentri.

106   It-tielet nett, fil-punti 78 u 79 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq is-sottoskrizzjoni ta' kapital azzjonarju li minnu jibbenefikaw iċ-ċentri ta' koordinazzjoni ukoll tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku.

107   Fil-fatt, peress li fil-Belġju r-regola hija li s-sottoskrizzjonijiet ta' kapital azzjonarju huma taxxabbli, kull kumpannija għalhekk għandha tbati l-piż ta' din it-taxxa. L-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw l-imsemmija ċentri ta' koordinazzjoni, li tapplika kemm għas-sottoskrizzjonijiet inizjali ta' kapital azzjonarju awtorizzat kif ukoll għaż-żidiet fih, għalhekk ma tistax ma tiġix ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi vantaġġ.

108   Il-fatt li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335 (KEE) tas-17 ta' Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 249, p. 25), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta' l-10 ta' Ġunju 1985 (ĠU L 156, p. 23), pprovda li l-eżenzjonijiet ta' tranżazzjonijiet li kienu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1984 kellhom jinżammu, m'għandu l-ebda effett fuq din l-evalwazzjoni peress li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq is-sottoskrizzjoni ta' kapital azzjonarju in kwistjoni hija prevista biss għal ċerti tipi ta' kumpanniji, u għalhekk mhijiex ta' natura ġenerali.

109   Ir-raba' nett, fil-punti 80 sa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat bħala vantaġġ ekonomiku l-eżenzjoni mill-précompte mobilier li minnha jibbenefikaw iċ-ċentri ta' koordinazzjoni.

110   Fil-fatt, skond is-sistema in kwistjoni, mhumiex dovuti l-précomptes mobiliers, jiġifieri il-ġbir f'ras il-għajn ta' taxxa fuq id-dividendi, l-interessi – minbarra dawk imħallsa lil benefiċjarji li huma suġġetti fil-Belġju għat-taxxa fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi –, ir-royalties imħallsa miċ-ċentri ta' koordinazzjoni kif ukoll fuq id-dħul minn depożiti ta' flus.

111   Mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li l-précompte mobilier huwa t-taxxa finali Belġjana fuq id-dħul imqassam lil kumpanniji mhux residenti li ma jistgħux jiksbu t-tpaċija jew ir-rimbors tagħha fl-Istat fejn huma stabbiliti.

112   Minn dan isegwi li, bl-eżenzjoni taċ-ċentri ta' koordinazzjoni mill-ħlas ta' dan il-précompte, is-sistema kkontestata tagħti lill dawn ta' l-aħħar vantaġġ li l-eżistenza tiegħu, f'kull każ, ma tistax tiġi kkontestata minħabba li ġew stabbiliti eżenzjonijiet oħra mill-istess précompte favur tipi oħra ta' impriżi.

113   Il-ħames nett, fil-punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għoti ta' précompte mobilier fittizju jikkostitwixxi vantaġġ.

114   Fil-fatt, id-destinatarji tal-ħlasijiet magħmula miċ-ċentri ta' koordinazzjoni mhux biss huma eżentati mill-précompte mobilier iżda jibbenefikaw ukoll minn tnaqqis b'rata fissa fuq l-ammont totali tat-taxxa li dawn għandhom iħallsu.

115   Mit-trattazzjoni orali jirriżulta li fl-1991 ir-rata tal-précompte fittizju ġiet imnaqqsa għal żero.

116   Madankollu, l-interessi mħallsa fuq self fit-tul li ġie konkluż qabel l-24 ta' Lulju 1991 għadhom eżentati. Konsegwentement, din is-sitwazzjoni tagħti vantaġġ liċ-ċentri ta' koordinazzjoni kkonċernati.

117   Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rata ta' dan il-précompte, li ġiet imnaqqsa għal żero, tista' tiġi mibdula permezz ta' Digriet Irjali, l-iktar l-iktar jikkostitwixxi biss vantaġġ eventwali u fil-futur. Issa, tali ċirkustanza ma tistax tintuża sabiex din il-miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mogħtija mill-Istat.

118   Minn dan isegwi li s-sistema in kwistjoni tagħti vantaġġ liċ-ċentri ta' koordinazzjoni.

ii)  F'dak li jirrigwarda s-selettività

119   Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 87(1) KE jimponi l-obbligu li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta' sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta' natura tali li tiffavorixxi "ċerti impriżi jew ċerti produtturi" fil-konfront ta' oħrajn li jinsabu, fid-dawl ta' l-għan li l-imsemmija sistema tfittex li tilħaq, f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli. Jekk dan ikun il-każ, il-miżura kkonċernata tissodisfa l-kundizzjoni ta' selettività li hija wieħed mill-elementi kostituttivi tal-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat previst minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tat-3 ta' Marzu 2005, Heiser, C-172/03, Ġabra p. I-1627, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

120   Għalhekk, mill-analiżi magħmula iktar 'il fuq jirriżulta li l-eżenzjonijiet mill-précompte immobilier u mill-précompte mobilier, mit-taxxa fuq is-sottoskrizzjoni ta' kapital azzjonarju u mill-għoti ta' précompte mobilier fittizju jikkostitwixxu derogi mis-sistema fiskali ġenerali Belġjana. Il-fatt, invokat minn Forum 187, li jeżistu diversi eżenzjonijiet oħrajn, ma jqiegħedx fid-dubju l-konstatazzjoni li din is-sistema hija, fil-fatt, ta' natura derogatorja u li tillimita dawn l-eżenzjonijiet għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni biss.

121   Għaldaqstant, in-natura selettiva ta' l-imsemmija eżenzjonijiet hija stabbilita.

122   F'dak li jirrigwarda l-metodu ta' determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, anke jekk Forum 187 issostni li s-sistema in kwistjoni tapplika għall-kumpanniji li għalihom hija ġiet speċifikament maħluqa sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' tassazzjoni doppja, huwa paċifiku li l-imsemmija sistema hija applikabbli biss għall-gruppi internazzjonali li l-kumpanniji sussidjarji tagħhom huma stabbiliti f'għall-inqas erba' pajjiżi differenti, li għandhom kapital u riżervi ta' biljun BEF jew iktar u li jagħmlu fatturat annwu konsolidat ta' 10 biljun BEF jew iktar.

123   Minn dan isegwi li anke fuq dan il-punt is-sistema in kwistjoni hija ta' natura selettiva.

124   Din il-konstatazzjoni ma titqegħidx fid-dubju bl-argument ta' Forum 197 li jgħid li s-sistema in kwistjoni ma tikkostitwixxix deroga mis-sistema ġenerali ta' tassazzjoni applikabbli għall-impriżi iżda hija tip ta' sistema differenti, meħtieġa mil-loġika fiskali u mill-ħtieġa li tinsab solużżjoni għall-problema tat-tassazzjoni doppja tas-servizzi pprovduti fi ħdan grupp internazzjonali ta' kumpanniji.

125   Fil-fatt, minn naħa, Forum 187 ma tispjegax ir-raġuni li għaliha d-diversi miżuri previsti fil-kuntest tas-sistema in kwistjoni huma ġġustifikati mis-sistema fiskali fis-seħħ fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, Forum 187 ma ppruvatx b'liema mod l-għan li tinstab soluzzjoni għal-problema tat-tassazzjoni doppja tas-servizzi pprovduti fi ħdan il-gruppi tiġġustifika li l-benefiċċju tas-sistema in kwistjoni jiġi limitat għal ċentri maħluqa minn gruppi ta' ċertu kobor, u lanqas b'liema mod dan l-għan jagħmel neċessarju kull wieħed mid-diversi vantaġġi li jifformaw din is-sistema.

126   Għalhekk, Forum 187 ma ppruvatx li s-sistema in kwistjoni hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali Belġjana li minnha tagħmel parti, b'mod li għandu jiġi konkluż li n-natura selettiva ta' din is-sistema huwa stabbilit.

iii)  F'dak li jirrigwarda r-rekwiżit li l-għajnuna għandha tingħata permezz ta' riżorsi ta' l-Istat u tkun attribwibbli lill-Istat

127   Sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta' riżorsi ta' l-Istat u, min-naħa l-oħra, jkunu attribwibbli lill-Istat (sentenza, Gemo, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

128   Għalkemm huwa paċifiku li t-tieni kundizzjoni hija sodisfatta peress li s-sistema fiskali in kwistjoni ġiet adottata mil-Gvern Belġjan, skond Forum 187 dan ma jistax jingħad għall-ewwel kundizzjoni peress li hija ssostni li l-Istat Belġjan irċieva 500 miljun EUR fis-sena minn dħul fiskali u minn kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li kienu ġejjin miċ-ċentri ta' koordinazzjoni.

129   Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eżenzjonijiet analizzati iktar 'il fuq ikkawżaw nuqqas ta' dħul mit-taxxa u mis-sigurtà soċjali għal dan l-Istat sabiex jiġi stabbilit li l-vantaġġi li jirriżultaw minnhom jingħataw permezz ta' riżorsi ta' l-Istat.

iv)  F'dak li jirrigwarda r-rekwiżit li s-sistema ta' għajnuna għandha tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri u twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni

130   Mill-punti 99 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li s-sistema in kwistjoni tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni.

131   Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sseħħ distorsjoni tal-kompetizzjoni meta miżura tnaqqas il-piżijiet ta' l-impriża benefiċjarja u b'hekk issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-konfront ta' impriżi oħra li jikkompetu magħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta' Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 11, u tal-11 ta' Novembru 1987, Franza vs Il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punt 24).

132   F'dan il-każ, il-vantaġġi mogħtija liċ-ċentri ta' koordinazzjoni kellhom l-effett li jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u dawk li jipprovdu servizzi fis-setturi finanzjarji, tat-trusts, ta' l-informatika u tar-reklutaġġ billi jinkoraġġixxu lill-kumpanniji tal-grupp sabiex jagħmlu użu mis-servizzi pprovduti mill-imsemmija ċentri.

133   Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 320 tal-konklużjonijiet tiegħu, minħabba l-firxa wiesgħa ta' l-attivitajiet koperti mill-gruppi multinazzjonali li ħolqu ċentru ta' koordinazzjoni, is-sistema fiskali in kwistjoni bilfors għandha impatt fuq il-kompetizzjoni.

134   Fl-aħħar nett, l-imsemmija sistema bilfors tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri peress li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni huma maħluqa minn kumpanniji multinazzjonali li huma stabbiliti f'għall-inqas erba' Stati.

135   Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li s-sistema fiskali taċ-ċentri ta' koordinazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE. Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-imsemmi Artikolu għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni

136   Forum 187 prinċipalment issostni li l-Kummissjoni naqset milli tispjega r-raġunijiet li wassluha sabiex terġa' lura mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha.

137   F'dan ir-rigward għandu jiġi rilevat li għalkemm l-obbligu ta' motivazzjoni ta' att Komunitarju previst fl-Artikolu 253 KE għandu jkun adattat għan-natura ta' dan l-att u għandu juri, b'mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament li segwiet l-istituzzjoni li adottat l-att, b'mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet għall-miżura meħuda u sabiex il-qorti kompetenti tkun tista' teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tad-9 ta' Lulju 1969, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 1/69, Ġabra p. 277, punt 9, u tas-7 ta' Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 48), mhemmx lok li l-Kummissjoni tkun obbligata tindika r-raġunijiet li għalihom hija kienet għamlet, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, evalwazzjoni differenti tas-sistema in kwistjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat jikkorrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li għandha tiġi evalwata fid-data meta l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha.

138   Konsegwentement, għandu jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni u għandhom jiġu miċħuda t-talbiet ta' Forum 187 intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkwalifika l-miżuri kkontestati bħala għajnuna mogħtija mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

 Fuq it-talbiet tar-Renju tal-Belġju u ta' Forum 187 intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

139   Ir-Renju tal-Belġju, li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn din ma tawtorizzahx iġedded, lanqas temporanjament, l-awtorizzazzjoni taċ-ċentri li fil-31 ta' Diċembru 2000 kienu jibbenefikaw mis-sistema in kwistjoni u li l-awtorizzazzjoni tagħhom tiskadi qabel il-31 ta' Diċembru 2010, jinvoka erba' motivi bbażati fuq il-ksur ta' l-Artikolu 88 KE, fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' l-ugwaljanza kif ukoll fuq nuqqas ta' motivazzjoni.

140   Forum 187, li titlob l-annullament ta' l-istess deċiżjoni safejn din ma tipprovdix miżuri tranżitorji xierqa għaċ-ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom tiskadi bejn is-17 ta' Frar 2003 u l-31 ta' Diċembru 2004, tinvoka żewġ motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u fuq nuqqas ta' motivazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi

–       L-argumenti tal-partijiet

141   Ir-Renju tal-Belġju jsostni li għalkemm il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-kodiċi ta' mġieba u fuq ix-xogħol tal-Kunsill "Ecofin" meta ppermettiet li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni jkomplu jibbenefikaw mill-awtorizzazzjoni fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2010, hija ma rrispettatx il-pożizzjonijiet kollha tal-Kunsill u, b'mod partikolari, in-nota tas-26 u s-27 ta' Novembru 2000 li kienet tipprovdi li s-sistema fiskali in kwistjoni għandha tinżamm għaċ-ċentri kollha sal-31 ta' Diċembru 2005.

142   Huwa jsostni wkoll li t-teħid ta' din il-pożizzjoni wassal lill-Ministru tal-Finanzi Belġjan sabiex, fl-20 ta' Diċembru 2000, iħabbar uffiċjalment lill-Kamra tar-Rappreżentanti l-possibbiltà ta' tiġdid sal-31 ta' Diċembru 2005, data li ġiet riprodotta mill-Kummissjoni fil-proposti tagħha ta' miżuri utli tal-11 ta' Lulju 2001.

143   Ir-Renju tal-Belġju jirrileva wkoll li, peress li, għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni, it-tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni kien awtomatiku f'każ li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet simultanjament ma' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata setgħu leġittimament jemmnu li dan it-tiġdid kien ser jingħatalhom. Huwa jenfasizza li sad-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata, la l-imsemmija ċentri u lanqas huwa stess ma setgħu jkunu jafu li l-Kummissjoni kienet ser iżomm din id-data sabiex ittemm it-tiġdid ta' l-awtorizzazzjonijiet.

144   Forum 187 issostni li, fid-dawl tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni setgħu leġittimament jemmnu li huma kellhom id-dritt li jkomplu jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni.

145   Hija ssostni wkoll li ċ-ċentri li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet matul is-snin 2003 u 2004 kellhom bżonn perijodu tranżitorju ta' sentejn sabiex jirriorganizzaw ruħhom, jew, jekk ikun il-każ, jitilqu mill-Belġju. Hija tikkontesta l-motivi invokati mill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-għoti ta' miżuri tranżitorji.

146   Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti kollha billi tispeċifika li hija rrikonoxxiet li ċ-ċentri kellhom aspettattivi leġittimi dwar is-sistema in kwistjoni, li tnisslu mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, u li kien għal din ir-raġuni li hija stabbiliet perijodu tranżitorju li jiskadi l-iktar tard fil-31 ta' Diċembru 2010, applikabbli għaċ-ċentri li kellhom awtorizzazzjoni fis-seħħ fid-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

147   Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li d-dritt li jsir użu mill-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi jestendi għall-persuni kkonċernati kollha li fihom istituzzjoni Komunitarja tkun nisslet aspettattivi fondati. Barra minn dan, ħadd ma jista' jinvoka ksur ta' dan il-prinċipju jekk ma jkunx ingħata garanziji preċiżi mill-amministrazzjoni (sentenza ta' l-24 ta' Novembru 2005, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-506/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 58). Bl-istess mod, jekk operatur ekonomiku prudenti u għaqli jista' jipprevedi l-adozzjoni ta' miżura Komunitarja li tista' taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta' tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (sentenza tal-11 ta' Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products Lopik vs Il-Kummissjoni, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44).

148   Barra minn hekk, anke jekk jitqies li l-Kummissjoni tkun preċedentement ħolqot sitwazzjoni li tista' tagħti lok għal aspettattivi leġittimi, interess pubbliku predominanti jista' jipprekludi l-adozzjoni ta' miżuri tranżitorji għal sitwazzjonijiet li jkunu nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida iżda li ma jkunux għadhom laħqu l-milja tagħhom (sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, Affish, C-183/95, Ġabra p. I-4315, punt 57).

149   Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fin-nuqqas ta' interess pubbliku predominanti, il-Kummissjoni kisret regola superjuri tad-dritt bil-fatt li ħassret leġiżlazzjoni mingħajr ma pprovdiet miżuri tranżitorji li jħarsu l-aspettattivi li l-operatur seta' leġittimament kellu fil-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 533, punt 44).

150   L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 u s-27 ta' Novembru 2000 kif ukoll il-proposti ta' miżuri utli magħmula mill-Kummissjoni setgħux joħolqu aspettattivi li s-sistema in kwistjoni kienet ser tinżamm għall-inqas sal-31 ta' Diċembru 2005.

151   Mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-konklużjonijiet tal-Kunsill jesprimu rieda ta' natura politika u ma jistgħux, minħabba l-kontenut tagħhom, jipproduċu effetti legali li għalihom l-persuni kkonċernati jistgħu jinvokaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-imsemmija konklużjonijiet bl-ebda mod ma jistgħu jorbtu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat fil-qasam ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Minn dan isegwi li l-Gvern Belġjan m'għandux raġun meta jsostni li dawn l-istess konklużjonijiet setgħu jagħtu lok għal garanziji dwar il-ksib ta' miżuri tranżitorji.

152   Dan jgħodd ukoll għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni li huma meqjusa li jafu x'kompetenzi għandha l-Kummissjoni u li għalhekk ma jistgħux jużaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 u s-27 ta' Novembru 2000 kontra l-Kummissjoni.

153   D'dak li jirrigwarda l-proposti ta' miżuri utli li l-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Belġju, dawn f'ebda każ ma jistgħu jikkostitwixxu l-bażi ta' aspettattivi peress li dawn jagħmlu parti integrali mill-proċedura formali ta' eżami u peress li Stat jista', bħal f'dan il-każ, jirrifjutahom.

154   Konsegwentement, la r-Renju tal-Belġju u lanqas Forum 187 ma jistgħu jsostnu aspettattivi li s-sistema in kwistjoni kienet ser tinżamm għall-inqas sal-31 ta' Diċembru 2005.

155   It-tieni nett, huwa paċifiku li, permezz tad-deċiżjonijiet li tat fl-1984 u fl-1987 kif ukoll permezz tar-risposta mogħtija fl-24 ta' Settembru 1990, il-Kummissjoni ħolqot aspettattivi fil-fatt li s-sistema in kwistjoni ma kienx fiha elementi ta' għajnuna.

156   Huwa paċifiku wkoll li:

–       għalkemm is-sistema in kwistjoni tipprovdi proċedura għall-għoti ta' awtorizzazzjoni għal perijodu ta' għaxar snin, it-tiġdid ta' din l-awtorizzazzjoni, għalkemm mhux awtomatiku, huwa suġġett għall-istess proċedura u jista' jinkiseb mingħajr ebda diffikulta sakemm jibqgħu jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa;

–       barra minn dan, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tillimitax in-numru ta' tiġdidiet;

–       sakemm ma jkunx hemm evalwazzjoni diskrezzjonali ta' l-awtoritajiet nazzjonali, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni interessati li tiġġeddilhom l-awtorizzazzjoni setgħu raġjonevolment jikkunsidraw li ma kellux ikun hemm ostakoli għal dan it-tiġdid.

157   Il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li l-awtoritajiet Belġjani kienu naqqsu l-vantaġġi mogħtija mis-sistema in kwistjoni, b'mod partikolari billi introduċew taxxa annwali għal kull impjegat, mhijiex ta' natura li tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni dwar il-kontinwità ta' l-imsemmija sistema għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni. Fil-fatt, mit-trattazzjoni orali ma jirriżultax li l-emendi hekk magħmula għas-sistema stabbilita bid-Digriet Irjali Nru 187 kienu ta' natura sostantiva, b'mod biddluha fundamentalment.

158   Minn dan isegwi li permezz tad-deċiżjonijiet tagħha ta' l-1984 u ta' l-1987 kif ukoll permezz tar-risposta tagħha ta' l-24 ta' Settembru 1990, il-Kummissjoni ppermettiet liċ-ċentri ta' koordinazzjoni li kienu awtorizzati fil-31 ta' Diċembru 2000 li jqiegħdu l-aspettattivi tagħhom fil-fatt li r-regoli tat-Trattat ma kinux jipprekludu tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni tagħhom.

159   It-tielet nett, għandu jiġi kkunsidrat jekk l-aspettattivi hekk imnissla humiex leġittimi.

160   Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni ma setgħux jinvokaw aspettattivi leġittimi fil-permanenza tas-sistema in kwistjoni meta huma kienu kellhom ċerti indikazzjonijiet li juru li din is-sistema ma kinitx ser tinżamm.

161   Anke jekk jitqies li l-indikazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward setgħu jdajfu l-aspettattivi li kellhom iċ-ċentri ta' koordinazzjoni fil-kompatibbiltà tas-sistema għal dawn iċ-ċentri mar-regoli tat-Trattat, l-imsemmija ċentri setgħu, f'kull każ, jistennew li deċiżjoni tal-Kummissjoni li terġa' lura fuq l-evalwazzjoni preċedenti tagħha tikkonċedilhom iż-żmien meħtieġ sabiex effettivament jieħdu in kunsiderazzjoni din il-bidla fl-evalwazzjoni.

162   F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li ż-żmien li għadda bejn il-publikazzjoni tad-deċiżjoni ta' ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami ta' l-20 ta' Ġunju 2002 u d-deċiżjoni kkontestata tas-17 ta' Frar 2003 ma kienx biżżejjed sabiex iċ-ċentri jkunu jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni l-eventwalità ta' deċiżjoni li ttemm is-sistema in kwistjoni. Fil-fatt, kif gie indikat preċedentement, l-imsemmija sistema hija sistema fiskali awtorizzata għal perijodi ta' għaxar snin, ħaġa li tinvolvi miżuri ta' kontabbilità u deċiżjonijiet finanzjarji u ekonomiċi li ma jistgħux jittieħdu f'terminu daqsekk qasir minn operatur ekonomiku għaqli.

163   Għaldaqstant, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni li l-applikazzjoni għat-tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet pendenti fid-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata jew li l-awtorizzazzjoni tagħhom kienet tiskadi simultanjament ma', jew ftit wara, in-notifika ta' l-imsemmija deċiżjoni, kienu ġġustifikati li jkollhom aspettattivi leġittimi fl-għoti ta' perijodu tranżitorju raġjonevoli sabiex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-konsegwenzi li jirriżultaw mill-imsemmija deċiżjoni. F'dan ir-rigward, il-kliem "ftit wara" għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għal data hekk qrib ta' dik tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni kkonċernati ma kellhomx żmien biżżejjed sabiex jadattaw ruħhom għall-bdil tas-sistema in kwistjoni.

164   Ir-raba' nett, għandu jiġi assigurat li ma kien hemm l-ebda interess pubbliku li seta' jieħu preċedenza fuq l-interess taċ-ċentri ta' koordinazzjoni in kwistjoni li jingħatalhom tali perijodu tranżitorju.

165   Minn naħa, għandu jiġi rilevat li l-Kummissjoni ma wrietx b'liema mod l-interessi Komunitarji jipprekludu tali perijodu tranżitorju. Min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni turi nuqqas ta' kooerenza peress li din tippermetti li l-awtorizzazzjonijiet li kienu fis-seħħ fid-data meta ġiet notifikata din id-deċiżjoni jinżammu sal-31 ta' Diċembru 2010 filwaqt li, bil-kontra ta' dan, hija tirrifjuta l-benefiċċju ta' kull sistema tranżitorja liċ-ċentri ta' koordinazzjoni li l-applikazzjoni tagħhom għat-tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni kienet pendenti fid-data meta ġiet innotifikata din id-deċiżjoni jew li l-awtorizzazzjoni kienet tiskadi simultanjament jew ftit wara n-notifika ta' l-imsemmija deċiżjoni.

166   Fl-aħħar nett, barra mill-fatt li l-Kummissjoni ammettiet fid-deċiżjoni tagħha li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni kienu għamlu investimenti kbar u daħlu għal obbligi għal żmien twil, għandu jiġi rilevat li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ma kienet teżisti l-ebda sistema sostituttiva jew modifikata.

167   Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi huwa fondat.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza

168   Ir-Renju tal-Belġju jsostni li d-deċiżjoni kkontestata toħloq diskriminazzjoni inġustifikata bejn iċ-ċentri ta' koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet ftit qabel l-adozzjoni tagħha u li għalhekk jibbenefikaw mis-sistema in kwistjoni sal-31 ta' Diċembru 2010 u dawk li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet wara d-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata u li ġew imċaħħda minn kull miżura tranżitorja.

169   Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi ssostni li ċ-ċentri ta' koordinazzjoni kollha kienu s-suġġett ta' awtorizzazzjoni għal għaxar snin u li, peress li setgħu jibbenefikaw mill-perijodu kollu ta' l-awtorizzazzjoni, huma jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

170   Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ġenerali ta' l-ugwaljanza jeżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux trattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament differenti ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tas-27 ta' Marzu 1980, Salumi et, 66/79, 127/79 u 128/79, Ġabra p. 1237, punt 14; u tas-6 ta' Marzu 2003, Niemann, C-14/01, Ġabra p. I-2279, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

171   Fid-dawl tal-konklużjoni esposta fil-punt 167 ta' din is-sentenza, id-deċiżjoni kkontestata twassal għat-trattament differenti ta' uħud miċ-ċentri ta' koordinazzjoni li setgħu, kollha kemm huma, ikollhom aspettattivi leġittimi fl-għoti ta' perijodu tranżitorju raġjonevoli.

172   Għalhekk, l-iskadenza tal-benefiċċju tas-sistema in kwistjoni tvarja skond jekk id-data ta' l-aħħar tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni seħħitx matul is-snin 2001 u 2002 jew inkella jekk l-awtorizzazzjoni kinitx tiskadi simultanjament ma', jew ftit wara, id-deċiżjoni kkontestata, peress li fl-ewwel każ din isseħħ fil-31 ta' Diċembru 2010 filwaqt li fit-tieni każ ma ġie previst l-ebda perijodu tranżitorju.

173   Minn dan isegwi li, bil-fatt li ma adottatx miżuri tranżitorji fir-rigward taċ-ċentri ta' koordinazzjoni li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet simultanjament ma', jew ftit wara, in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali ta' l-ugwaljanza.

174   Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata safejn din ma tipprovdix miżuri tranżitorji fir-rigward taċ-ċentri ta' koordinazzjoni li l-applikazzjoni tagħhom għat-tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni kienet pendenti fid-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata jew li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet simultanjament ma', jew ftit wara, in-notifika ta' l-imsemmija deċiżjoni.

175   Peress li r-rikorsi ġew milqugħa, mhemmx lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikorsi.

 Fuq l-ispejjeż

176   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 69(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

177   Peress li r-Renju tal-Belġju talab li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż u peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż fil-kawżi C-182/03 u C-182/03 R.

178   Peress li Forum 187 talbet li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż u peress li l-Kummissjoni tilfet parzjalment, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati nofs l-ispejjeż ta' Forum 187 fil-kawża C-217/03 u l-ispejjeż kollha ta' Forum 187 fil-kawża C-217/03 R.

179   Min-naħa l-oħra, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ordnat li Forum 187 għandha tbati l-ispejjeż tal-kawża li tat lok għad-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba ta' Forum 187 intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' din l-istanza.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/757/KE tas-17 ta' Frar 2003 dwar l-iskema ta' għajnuna implementata mill-Belġju favur ċerti ċentri ta' koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju hija annullata safejn din ma tipprovdix miżuri tranżitorji fir-rigward taċ-ċentri ta' koordinazzjoni li l-applikazzjoni tagħhom għat-tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni kienet pendenti fid-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata jew li l-awtorizzazzjoni tagħhom skadiet simultanjament ma', jew ftit wara, in-notifika ta' l-imsemmija deċiżjoni.

2)      Il-kumplament tar-rikors ta' Forum 187 ASBL huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż fil-kawża C-182/03 u nofs l-ispejjeż ta' Forum 187 ASBL fil-kawża C-217/03.

4)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż fil-kawżi C-182/03 R u C-217/03 R.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż u l-Ingliż.