62003J0176



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-176/03,

Li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 35 UE, ippreżentat fil-15 ta' April 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , irrappreżentata minn M. Petite, J.-F. Pasquier u W. Bogensberger, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

sostnuta minn:

il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn G. Garzón Clariana, H. Duintjer Tebbens u A. Baas, kif ukoll minn M. Gómez-Leal, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

vs

il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-C. Piris u J. Schutte, kif ukoll minn K. Michoel, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

sostnut minn:

ir-Renju tad-Danimarka , irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent,

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja , irrappreżentata minn W.D. Plessing u A. Dittrich, bħala aġenti,

ir-Repubblika Ellenika , irrappreżentata minn E.Mamouna u M. Tassopoulou, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Repubblika Franċiża , irrappreżentata minn G. de Bergues, F. Alabrune u E. Puisais, bħala aġenti,

l-Irlanda , irrappreżentata minn D. O'Hagan, bħala aġent, assistit minn P. Gallagher u E. Fitzsimons, SC, kif ukoll minn E. Regan, BL, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Renju ta' l-Olanda , irrappreżentat minn H. G. Sevenster u C. Wissels, bħala aġenti,

ir-Repubblika Portugiża , irrappreżentata minn L. Fernandes u A. Fraga Pires, bħala aġenti,

ir-Repubblika tal-Finlandja , irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

ir-Renju ta' l-Iżvezja , irrappreżentat minn A. Kruse kif ukoll minn K. Wistrand u A. Falk, bħala aġenti,

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, ir rappreżentat minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn R. Plender, QC,

partijiet intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta u A. Borg Barthet, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen (Relatur), N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, G. Arestis, M. Ilei u J. Malenovsk, Imħallfin

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta' April 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill 2003/80/ĠAI, tas-27 ta' Jannar 2003, dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 29, p. 55, iktar 'il quddiem "id-Deċiżjoni-qafas").

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2. Fis-27 ta' Jannar 2003, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta, fuq inizjattiva tar-Renju tad-Danimarka, id-Deċiżjoni-qafas.

3. Ibbażata fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 29 UE, 31(e) UE u 34(2)(b) UE, fil-verżjoni ta' qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Nizza, id-Deċiżjoni-qafas tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-ewwel tliet premessi tagħha, l-istrument li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea bi ħsiebha tirreaġixxi b'mod kollettiv kontra ż-żieda inkwetanti fir-reati kontra l-ambjent.

4. Id-Deċiżjoni-qafas tiddefinixxi ċertu numru ta' reati kontra l-ambjent, u tistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu pieni ta' natura kriminali għalihom.

5. B'dan il-mod, skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni-qafas, intitolat "L-offiżi [Reati] b'intenzjoni":

"Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jistabbilixxi bħala offiżi [reati] kriminali taħt il-liġijiet domestiċi tiegħu:

a) l-iskarigu, l-emissjoni jew l-introduzzjoni ta' kwantità ta' sustanzi jew ta' radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma li jikkaġunaw il-mewt jew feriti serji lil kull persuna;

b) l-iskarigu, l-emissjoni jew l-introduzzjoni illegali ta' kwantità ta' sustanzi jew radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma li jikkawżaw, jew x'aktarx li jikkawżaw id-deterjorazzjoni bla tmiem jew sostanzjali tagħhom jew il-mewt jew feriti serji lil kull persuna jew ħsara sostanzjali lill-monumenti protetti, lil oġġetti oħra protetti, [lill-beni], lill-animali jew lill-pjanti;

c) id-disponiment [ir-rimi], it-trattament, il-ħażna, it-trasport, l-esportazzjoni jew l-importazzjoni illegali ta' l-iskart, inkluż l-iskart perikoluż, li jikkaġunaw jew li x'aktarx jikkaġunaw il-mewt jew feriti serji lil kull persuna, jew ħsara sostanzjali lill-kwalità ta' l-arja, tal-ħamrija, ta' l-ilma, [lill]-annimali jew [lill]-pjanti;

d) il-ħidma illegali ta' impjant li fih titwettaq attività perikoluża u li, 'il barra mill-impjant, tikkaġuna jew x'aktarx li tikkaġuna l-mewt jew feriti serji lil kull persuna, jew ħsara sostanzjali lill-kwalità ta' l-arja, tal-ħamrija, ta' l-ilma, [lill]-annimali jew [lill]-pjanti;

e) il-fabbrikazzjoni, it-trattament, il-ħażna, it-trasport, l-użu, l-esportazzjoni jew l-importazzjoni illegali ta' materjali nukleari jew ta' sustanzi radjoattivi oħra perikolużi, li jikkaġunaw jew li x'aktarx jikkaġunaw il-mewt jew feriti serji lil kull persuna, jew ħsara sostanzjali lill-kwalità ta' l-arja, tal-ħamrija, ta' l-ilma, ta' l-annimali jew tal-pjanti;

f) il-pussess, it-teħid, il-ħsara, il-qtil jew il-kummerċ illegali ta' jew fi speċji protetti tal-fawna u l-flora selvaġġi jew ta' partijiet minnhom, mill-inqas fejn ikunu mhedda bl-estinsjoni kif iddefiniti fil-liġijiet nazzjonali;

g) il-kummerċ illegali f'sustanzi li jnaqqsu [s-saff ta'] l-ożonu;

meta kommessi b'mod intenzjonali."

6. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni-qafas, intitolat "L-offiżi [Reati] ta' negliġenza", jiddisponi:

"Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi bħala offiżi [reati] kriminali skond il-liġijiet domestiċi tiegħu, meta kommessi b'negliġenza, jew għall-inqas negliġenza serja, l-offiżi [ir-reati] enumerati fl-Artikolu 2."

7. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni-qafas jistipula li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 jew it-tixwix tagħhom jiġu kkastigati.

8. L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni-qafas jistipula li l-pieni hekk ipprovduti għandhom ikunu "effettivi, proporzjonali u dissważivi" u li, fosthom, għandhom jiġu pprovduti, "għall-inqas fil-każijiet serji, pieni li jinvolvu t-tiċħid tal-libertà li tista' twassal għall-estradizzjoni". Il-paragrafu (2) ta' l-istess Artikolu jżid lil-imsemmija pieni "jistgħu jiġu akkumpanjati b'pieni jew miżuri oħra".

9. L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni-qafas jirregola r-responsabbiltà, għall-atti jew l-omissjonijiet, tal-persuni legali u l-Artikolu 7 ta' l-istess deċiżjoni jiddefinixxi l-pieni li għandhom japplikaw għalihom, "li għandhom jinkludu l-multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra".

10. Fl-aħħarnett, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni-qafas jikkonċerna l-ġurisdizzjoni u l-Artikolu 9 jirrigwarda l-prosekuzzjonijiet li jsiru minn Stat Membru li ma jestradixxix liċ-ċittadini tiegħu.

11. Il-Kummissjoni ddikjarat ruħha, quddiem id-diversi proċedimenti tal-Kunsill, kontra l-bażi legali li din ta' l-aħħar strieħet fuqha biex timponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jippreskrivu pieni kriminali kontra min jikkometti reati kontra l-ambjent. Hija ssostni, fil-fatt, li l-bażi legali t-tajba f'dan ir-rigward hija l-Artikolu 175(1) KE u kienet ippreżentat ukoll, fil-15 ta' Marzu 2001, proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU C 180, p. 238, iktar 'il quddiem "il-proposta għal Direttiva), ibbażata fuq l-imsemmi Artikolu, proposta li fl-Anness tagħha telenka l-atti ta' dritt Komunitarju li għalihom issir referenza fl-attivitajiet li jikkostitwixxu reati elenkati fl-Artikolu 3 ta' din il-proposta.

12. Fid-9 ta' April 2002, il-Parlament Ewropew iddikjara ruħu kemm fuq il-proposta għal Direttiva, fl-ewwel qari, kif ukoll fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni-qafas.

13. Huwa qabel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-limiti tal-poteri tal-Komunità, filwaqt li stieden lill-Kunsill juża d-deċiżjoni qafas bħala strument kumplementari għad-Direttiva, jintervjeni fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali biss għall-finijiet ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u ma jadottax id-Deċiżjoni-qafas qabel ma tiġi adottata l-proposta għal Direttiva [ara t-testi adottati mill-Parlament fid-9 ta' April 2002, bir-referenzi A50099/2002 (l-ewwel qari) u A50080/2002].

14. Il-Kunsill ma adottax il-proposta għal Direttiva, iżda l-ħames u s-seba' premessi tad-deċiżjoni qafas jużaw dan il-kliem:

"(5) Il-Kunsill ikkunsidra li huwa approprjat li fid-Deċiżjoni-qafas preżenti jiġu inkorporati numru ta' disposizzjonijiet sostantivi ssoktati fid-Direttiva proposta, b'mod partikolari dawk li jiddefinixxu l-kondotta li l-Istati Membri jridu jistabbilixxu bħala delitti kriminali skond il-liġijiet domestiċi tagħhom.

[...]

(7) Il-Kunsill ikkunsidra din il-proposta imma wasal għall-konklużjoni li ma setgħetx tinkiseb il-maġġoranza meħtieġa biex tiġi adottata mill-Kunsill. Il-maġġoranza msemmija kkunsidrat illi l-proposta kienet tmur lil hemm mill-poteri attribwiti lill-Komunità bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u li l-għanijiet jistgħu jinkisbu billi tiġi adottata Deċiżjoni-qafas fuq il-bażi tat-titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill ikkunsidra wkoll illi d-Deċiżjoni-qafas preżenti, imsejsa fuq l-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, hija strument korrett sabiex jiġi impost fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu sanzjonijiet kriminali. Il-proposta emendata ssottomessa mill-Kummissjoni ma kenitx ta' natura li tippermetti lill-Kunsill jibdel il-pożizzjoni tiegħu f'dan ir-rigward."

15. Il-Kummissjoni hemżet is-segwenti dikjarazzjoni mal-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill li fiha ġiet adottata d-Deċiżjoni-qafas:

"Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li d-Deċiżjoni-qafas mhijiex l-istrument legali xieraq biex l-Istati Membri jiġu obbligati jipprovdu pieni ta' natura kriminali fuq livell nazzjonali f'każ ta' reati kontra l-ambjent.

Il-Kummissjoni, kif fakkret kemm-il darba fi ħdan il-proċedimenti tal-Kunsill, fil-fatt tikkunsidra li, fil-kuntest tal-poteri li hija għandha sabiex tilħaq l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 2 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Komunità għandha s-setgħa timponi li l-Istati Membri jipprovdu pieni, penali jekk ikun il-każ, fuq livell nazzjonali, meta dan jirriżulta neċessarju sabiex jintlaħaq għan Komunitarju.

Dan huwa l-każ fil-qasam ta' l-ambjent, li huwa s-suġġett tat-Titolu XIX tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li l-proposta tagħha għal Direttiva dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali ma ġietx eżaminata b'mod xieraq fil-kuntest tal-proċedura ta' kodeċiżjoni.

Jekk il-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni-qafas minkejja dan il-poter tal-Komunità, il-Kummissjoni tirriżerva għaliha d-drittijiet kollha mogħtija lilha mit-Trattat". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Fuq ir-rikors

16. Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 2003, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta' l-Iżvezja u r-Renju tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-waħda, u l-Parlament, min-naħa l-oħra, ġew ammessi biex jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni rispettivament.

17. Permezz ta' digriet tas-17 ta' Marzu 2004, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba għal intervent ippreżentata mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

L-argumenti tal-partijiet

18. Il-Kummissjoni tikkontesta l-għażla tal-Kunsill ta' l-Artikolu 34 UE, flimkien ma' l-Artikoli 29 UE u 31(e) UE, bħala bażi legali ta' l-Artikoli 1 sa 7 tad-Deċiżjoni-qafas. Hija ssostni li l-għan u l-kontenut tagħha jaqgħu taħt il-poteri tal-Komunità fil-qasam ta' l-ambjent, kif stipulati fl-Artikoli 3(1)(a) KE u 174KE sa 176 KE.

19. Mingħajr neċessarjament ma jiġi pretiż li l-leġiżlatur Komunitarju għandu poteri ġenerali biex jilleġiżla fil-qasam kriminali, il-Kummissjoni hi tal-fehma li dan ta' l-aħħar għandu l-poter, bis-saħħa ta' l-Artikolu 175 KE, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu pieni kriminali f'każ ta' ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet kriminali nazzjonali, b'mod partikolari ta' l-elementi li jikkostitwixxu reati kontra l-ambjent u punibbli b'pieni kriminali, titqies bħala strument għall-benefiċċju tal-politika Komunitarja in kwistjoni.

20. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ma jeżisti l-ebda preċedent f'dan ir-rigward. Madankollu hija tinvoka, biex issostni t-teżi tagħha, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dover ta' lealtà kif ukoll dwar il-prinċipji ta' effettività u ugwaljanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta' Frar 1977, Amsterdam Bulb, 50/76, Ġabra p. 137, punt 33, u tat-8 ta' Lulju 1999, Nunes u de Matos, C-186/98, Ġabra p. I4883, punti 12 u 14, kif ukoll id-digriet tat-13 ta' Lulju 1990, Zwartveld e.a., C-2/88 IMM, Ġabra p. I-3365, punt 17).

21. Bl-istess mod, diversi regolamenti adottati fil-qasam tal-politika tas-sajd jew tat-trasport jimponu obbligu fuq l-Istati Membri li jaġixxu permezz tal-liġi kriminali jew jipprovdu limiti għat-tip ta' pieni li dawn ta' l-aħħar jistgħu jistabbilixxu. Il-Kummissjoni ssemmi, b'mod partikolari, żewġ atti Komunitarji li jipprovdu obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu pieni li neċessarjament ikunu ta' natura kriminali, anki jekk ma ntużatx din il-kwalifika espressament [ara l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE, ta' l-10 ta' Ġunju 1991, dwar il-prevenzjoni ta' l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 166, p. 77), u l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE, tat-28 ta' Novembru 2002, li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux aworizzati (ĠU L 328, p. 17)].

22. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li d-Deċiżjoni-qafas għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi annullata parzjalment minħabba li l-Artikoli 5(2), 6 u 7 iħallu l-Istati Membri liberi li jipprovdu wkoll pieni li ma jkunux ta' natura kriminali, jew li jagħżlu bejn il-pieni kriminali u pieni oħra, ħaġa li, inkontestabbilment, taqa' taħt il-poteri tal-Komunità.

23. Madankollu, il-Kummissjoni ma ssostnix li d-Deċiżjoni-qafas kellha, kollha kemm hi, tiġi promulgata bħala direttiva. Hija ma tikkontestax, b'mod partikolari, li t-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi l-bażi legali xieraq għad-dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni li jittrattaw il-ġurisdizzjoni, l-estradizzjoni u l-prosekuzzjonijiet kontra min jagħmel reati. Iżda, peress illi dawn id-dispożizzjonijiet m'għandhomx eżistenza awtonoma, hija tinsab marbuta titlob l-annullament tad-Deċiżjoni-qafas kollha kemm hi.

24. Minbarra dan, il-Kummiss joni tqajjem raġuni dedotta minn abbuż ta' proċedura. F'dan ir-rigward, hija tistrieħ fuq il-ħames u s-seba' premessi tad-Deċiżjoni-qafas, li minnhom jirriżulta li l-għażla ta' strument li jaqa' taħt it-Titolu VI tat-Trattat hija riżultat ta' kunsiderazzjonijiet ta' espedjenza, billi l-proposta għal direttiva ma kisbitx il-maġġoranza meħtieġa għall-adozzjoni tagħha minħabba li maġġoranza ta' Stati Membri rriffjutat li tirrokonoxxi lill-Komunità l-poter neċessarju biex timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu pieni kriminali għal reati kontra l-ambjent.

25. Il-Parlament adotta l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni. Huwa jsostni, b'mod partikolari, li l-Kunsill ikkonfonda l-poter biex tiġi adottata l-proposta għal direttiva, li jappartjeni lill-Komunità, ma' poter, mhux pretiż minn din ta' l-aħħar, biex tiġi adottata d-Deċiżjoni-qafas kollha kemm hi. L-elementi invokati mill-Kunsill biex isostni t-teżi tiegħu huma, fil-fatt, kunsiderazzjonijiet ta' espedjenza dwar l-għażla li jiġu jew li ma jiġux imposti pieni kriminali biss, kunsiderazzjonijiet li jmisshom ġew ikkunsidrati fil-proċedura leġiżlattiva, fuq il-bażi ta' l-Artikoli 175 KE u 251 KE.

26. Il-Kunsill u l-Istati Membri li intervenew f'din il-kawża bl-eċċezzjoni tar-Renju ta' l-Olanda jsostnu li, skond il-liġi attwali, il-Komunità m'għandiex il-poter li tobbliga l-Istati Membri jimponu pieni kriminali fir-rigward ta' l-aġir imsemmi fid-Deċiżjoni-qafas.

27. Mhux biss ma teżisti l-ebda attribuzzjoni espressa ta' poter f'dan ir-rigward, iżda, meta titqies l-importanza konsiderevoli tal-liġi kriminali għas-sovranità ta' l-Istati Membri, ma jistax jiġi aċċettat li dan il-poter seta' ġie trasferit impliċitament lill-Komunità meta ġew attribwiti poteri speċifiċi sostanzjali, bħal dawk eżerċitati bis-saħħa ta' l-Artikolu 175 KE.

28. L-Artikoli 135 KE u 280 KE, li espressament jirriżervaw l-applikazzjoni tal-liġi kriminali nazzjonali u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja lill-Istati Membri, jikkonfermaw din l-interpretazzjoni.

29. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa wkoll mill-fatt li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddedika titolu speċifiku għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali [ara l-Artikoli 29 UE, 30 UE u 31(e) UE], li espressament jagħti lill-Unjoni Ewropea kompetenza f'materji kriminali, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta' l-elementi kostituttivi tar-reati u l-pieni applikabbli. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija paradossali peress illi tfisser, min-naħa l-waħda, li l-awturi tat-trattati dwar l-Unjoni Ewropea u KE riedu, impliċitament, jagħtu lill-Komunità kompetenza kriminali u, min-naħa l-oħra, li jkun qed jiġi injorat li l-istess awturi taw din il-kompetenza lill-Unjoni Ewropea b'mod espress.

30. L-ebda waħda mis-sentenzi jew mis-siltiet ta' liġi sussidjarja li għalihom għamlet referenza l-Kummissjoni ma ssostni t-teżi tagħha.

31. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma obbligat l-Istati Membri jadottaw pieni kriminali. Skond il-ġurisprudenza tagħha, dawn ta' l-aħħar huma ċertament responsabbli biex jiżguraw li l-ksur tad-dritt Komunitarju jiġi ppenalizzat taħt kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali bħal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta' natura u ta' importanza simili. Barra minn hekk, il-piena għandha tkun ta' natura effettiva, dissważiva u proporzjonali għar-reat; minbarra dan, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipproċedu, fir-rigward tal-ksur tad-dritt Komunitarju, bl-istess diliġenza li jużaw fl-implementazzjoni tal-liġijiet nazzjonali korrispondenti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta' Settembru 1989, il-Kummissjoni vs il-Greċja, 68/88, Ġabra p. 2965, punti 24 u 25). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, espressament jew impliċitament, li l-Komunità għandha l-poter li tarmonizza r-regoli penali applikabbli fl-Istati Membri. Għall-kuntrarju, hija kkunsidrat li l-għażla tal-pieni hija f'idejn dawn ta' l-aħħar.

32. Fit-tieni lok, il-prattika leġiżlattiva hija konformi ma' din l-interpretazzjoni. L-atti differenti ta' liġi sussidjarja jirrepetu l-formula tradizzjonali li tgħid li għandhom jiġu pprovduti "pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi" (ara, per eżempju, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/90), mingħajr ma jitqajmu dubji dwar il-libertà ta' l-Istati Membri li jagħżlu bejn il-mezz amministrattiv jew dak kriminali. Fil-każi rari meta l-leġiżlatur Komunitarju ppreċiża li l-Istati Membri għandhom iressqu proċedimenti kriminali jew amministrattivi, huwa llimita ruħu biex jispjega l-għażla li huma kellhom fi kwalunkwe każ.

33. Barra minn hekk, kull darba li l-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill li jiġi adottat att Komunitarju li kellu implikazzjonijiet fil-kamp kriminali, il-Kunsill neħħa l-parti kriminali ta' dan l-att sabiex tiġi ttrattata f'Deċiżjoni-qafas [ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98, tat-3 ta' Mejju 1998, dwar l-introduzzjoni ta' l-euro (ĠU L 139, p. 1), li kellu jiġi kkompletat mid-Deċiżjoni-qafas 2000/383/ĠAI tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000, dwar it-tisħiħ permezz ta' pieni kriminali u pieni oħra tal-protezzjoni kontra l-falsifikazzjoni tal-flus fid-dawl ta' l-introduzzjoni ta' l-EUR (ĠU l 140, p. 1); ara wkoll id-Direttiva 2002/90, li ġiet ikkompletata permezz tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI, tat-28 ta' Novembru 2002, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut [l-iffaċilitar] tad-dħul, it-tranżitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, p.1)].

34. F'din il-kawża, fid-dawl kemm ta' l-għan, kif ukoll tal-kontenut tagħha, id-Deċiżjoni-qafas tikkonċerna l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali. Is-sempliċi fatt li hija tipprova tikkumbatti r-reati kontra l-ambjent mhuwiex biżżejjed biex jistabbilixxi l-poter tal-Komunità. Fir-realtà, din id-deċiżjoni tikkompleta d-dritt Komunitarju fil-kamp tal-protezzjoni ta' l-ambjent.

35. Barra minn hekk, għal dak li għandu x'jaqsam mar-raġuni dedotta mill-abbuż ta' poter, il-Kunsill isostni li din hija bbażata fuq qari żbaljat tal-premessi tad-Deċiżjoni-qafas.

36. Fir-rigward tar-Renju ta' l-Olanda, filwaqt illi jsostni t-talbiet tal-Kunsill, huwa jadotta pożizzjoni ftit aktar sfumata minn dik tal-Kunsill. Huwa jsostni li, fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat KE, il-Komunità tista' tobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu l-possibbiltà li ċerti attivitajiet jiġu ppenalizzati kriminalment fuq livell nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-piena tkun konnessa b'mod inseparabbli mad-dispożizzjonijiet Komunitarji sostantivi u li jkun jista' effettivament jintwera li tali politika repressiva tkun neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-imsemmi trattat fil-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas-27 ta' Ottubru 1992, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-240/90, Ġabra p. I-5383). Dan jista' jkun il-każ jekk l-applikazzjoni ta' regola ta' armonizzazzjoni bbażata, per eżempju, fuq l-Artikolu 175 KE tkun teħtieġ pieni kriminali.

37. Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta mill-kontenut u min-natura tal-miżura proposta li hija hi essenzjalment intiża biex tarmonizza, b'mod ġenerali, dispożizzjonijiet kriminali u li s-sistema ta' pieni mhijiex konnessa b'mod inseparabbli mal-qasam tad-dritt Komunitarju kkonċernat, l-Artikoli 29 UE, 31(e) UE u 34(2)(b) UE jikkostitwixxu l-bażi ġuridika t-tajba għal din il-miżura. Dan huwa l-każ f'din il-kawża. Fil-fatt, jirriżulta mill-għan u mill-kontenut tad-Deċiżjoni-qafas li din hija intiża, b'mod ġenerali, biex tiżgura armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet kriminali fl-Istati Membri. Il-fatt li jistgħu jkunu kkonċernati xi regoli adottati skond it-Trattat KE mhuwiex wieħed determinanti.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38. Skond l-Artikolu 47 UE, ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE m'għandha tiġi affettwata minn dispożizzjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din il-kundizzjoni tinsab ukoll fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 29 UE, li jintroduċi t-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

39. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-atti li, skond il-Kunsill, jaqgħu taħt l-imsemmi Titolu VI, ma jindaħlux fil-poteri li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jagħtu lill-Komunità (ara s-sentenza tat-12 ta' Mejju 1998, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-170/96, Ġabra p. I-2763, punt 16).

40. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikoli 1 sa 7 tad-Deċiżjoni-qafas jaffettwawx il-poter li għandha l-Komunità bis-saħħa ta' l-Artikolu 175 KE, fis-sens li huma setgħu, kif issostni l-Kummissjoni, jiġu adottati fuq il-bażi ta' l-imsemmija dispożizzjoni.

41. F'dan ir-rigward, huwa kostanti li l-protezzjoni ta' l-ambjent tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità (ara s-sentenzi tas-7 ta' Frar 1985, ADBHU, 240/83, Ġabra p. 531, punt 13; ta' l-20 ta' Settembru 1988, il-Kummissjoni vs id-Danimarka, 302/86, Ġabra p. 4607, punt 8 u tat-2 ta' April 1998, Outokumpu, C-213/96, Ġabra, p. I-1777, punt 32). F'dan is-sens, l-Artikolu 2 KE jiddisponi li l-Komunità għandha bħala kompitu li tippromwovi "livell għoli ta' protezzjoni u titjib fil-kwalità ta' l-ambjent" u, għal dan il-fini, l-Artikolu 3(1)(l) KE jipprovdi għat-twettiq ta' "politika fil-qasam ta' l-ambjent".

42. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 6 KE, "[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta' l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u l-attivitajiet Komunitarji", dispożizzjoni li tenfasizza n-natura trażversali u fundamentali ta' dan l-għan.

43. L-Artikoli 174 KE sa 176 KE jikkostitwixxu, bħala prinċipju, il-qafas li fih għandha titwettaq il-politika Komunitarja fil-qasam ta' l-ambjent. B'mod partikolari, l-Artikolu 174(1) KE jelenka l-għanijiet ta' l-azzjoni ambjentali tal-Komunità u l-Artikolu 175 KE jiddefinixxi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Il-poter tal-Komunità huwa, bħala regola ġenerali, eżerċitat skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 KE, wara konsultazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni. Madankollu, għal dak li jikkonċerna ċerti oqsma msemmija fl-Artikolu 175(2) KE, il-Kunsill jiddeċiedi waħdu, u jaġixxi unanimament, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u ż-żewġ entitajiet imsemmija hawn fuq.

44. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri msemmija fit-tliet sub-inċiżi ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 175(2) KE kollha jimplikaw intervent ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji f'oqsma bħall-politika fiskali, il-politika ta' l-enerġija jew il-politika ta' l-ippjanar ta' l-ibliet u l-kampanja, li fihom, bl-eċċezzjoni tal-politika Komunitarja ta' l-ambjent, jew il-Komunità m'għandhiex poter leġiżlattiv, jew hija meħtieġa l-unanimità fi ħdan il-Kunsill (sentenza tat-30 ta' Jannar 2001, Spanja vs il-Kunsill, C-36/98, Ġabra p. I779, punt 54).

45. Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' l-att (ara s-sentenzi tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, magħrufa bħala "Dijossidu tat-titanju", C-300/89, Ġabra p. I2867, punt 10, u tad-19 ta' Settembru 2002, Huber, C-336/00, Ġabra p. I7699, punt 30).

46. Għal dak li jikkonċerna l-għan tad-Deċiżjoni-qafas, jirriżulta kemm mit-titolu tagħha, kif ukoll mill-ewwel tliet premessi, li hija għandha bħala għan il-protezzjoni ta' l-ambjent. Imħassba "biż-żieda [fir-reati kontra l-ambjent] u l-effetti tagħhom, li b'mod dejjem jiżdied jinfirxu lil hemm mill-fruntieri ta' l-Istati li fihom huma kommessi", il-Kunsill, wara li kkonstata li dawn ir-reati jikkostitwixxu "theddida għall-ambjent" u "problema ffaċċjata b'mod konġunt mill-Istati Membri", ikkonkluda li hu meħtieġ li tingħata "risposta iebsa" u "[b'mod kollettiv] sabiex jipproteġu l-ambjent bil-liġi kriminali".

47. Fir-rigward tal-kontenut tad-Deċiżjoni-qafas, hija telenka, fl-Artikolu 2, serje ta' attivitajiet partikolarment gravi li huma ta' ħsara għall-ambjent u li l-Istati Membri għandhom jippenalizzaw bil-liġi kriminali. Huwa veru li l-Artikoli 2 sa 7 ta' din id-Deċiżjoni jinvolvu armonizzazzjoni parzjali tal-liġijiet kriminali ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-elementi kostituttivi tar-reati differenti kontra l-ambjent. Bħala prinċipju, il-liġi kriminali, bħar-regoli tal-proċedura kriminali, ma jaqgħux taħt il-poteri tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta' Novembru 1981, Casati, 203/80, Ġabra p. 2595, punt 27, u tas-16 ta' Ġunju 1998, Lemmens, C-226/97, Ġabra p. I3711, punt 19).

48. Madankollu, din l-aħħar konstatazzjoni ma tistax timpedixxi lill-leġiżlatur Komunitarju, meta l-applikazzjoni ta' pieni kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tikkostitwixxi miżura indispensabbli għall-ġlieda kontra l-abbużi gravi ta' l-ambjent, milli jieħu miżuri in relazzjoni mal-liġi kriminali ta' l-Istati Membri u li huwa jidhirlu li jkunu meħtieġa sabiex tiġi garantita l-effettività sħiħa tar-regoli li huwa jadotta fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-ambjent.

49. Għandu jiġi miżjud li f'din il-kawża, filwaqt illi l-Artikoli 1 sa 7 tad-Deċiżjoni-qafas jirregolaw il-kwalifika bħala reat ta' ċertu aġir partikolarment gravi li huwa ta' ħsara għall-ambjent, huma jħallu f'idejn l-Istati Membri l-għażla tal-pieni kriminali applikabbli, li madankollu għandhom, skond l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni, ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

50. Il-Kunsill ma jikkontestax li, l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni-qafas, jinkludu ksur ta' numru konsiderevoli ta' atti Komunitarji, li ġew imsemmija fl-Anness tal-proposta għal Direttiva. Barra minn hekk, jirriżulta mill-ewwel tliet premessi ta' din id-Deċiżjoni li l-Kunsill kien tal-fehma li l-pieni kriminali kienu indispensabbli għall-ġlieda kontra l-abbużi gravi ta' l-ambjent

51. Jirriżulta minn dak li ntqal iktar 'il fuq li, kemm minħabba fil-għan, kif ukoll minħabba fil-kontenut tagħhom, l-Artikoli 1 sa 7 tad-Deċiżjoni-qafas għandhom bħala għan prinċipali l-protezzjoni ta' l-ambjent u setgħu ġew validament adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 175 KE.

52. Il-fatt li l-Artikoli 135 KE u 280(4) KE jirriżervaw, fl-oqsma tal-kooperazzjoni doganali u tal-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji Komunitarji rispettivament, l-applikazzjoni tal-liġi kriminali nazzjonali u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja lill-Istati Membri mhijiex ta' natura li tqajjem dubji fuq din il-konklużjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet li, fil-kuntest tat-twettiq tal-politika ambjentali, kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġi kriminali, anki limitata bħal dik li tirriżulta mid-Deċiżjoni-qafas, għandha tiġi eskluża, anki meta tkun meħtieġa biex tiggarantixxi l-effettività tal-liġi Komunitarja.

53. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-Deċiżjoni-qafas, billi tindaħal fil-poteri li l-Artikolu 175 KE jagħti lill-Komunità, tikser fl-intier tagħha, minħabba li hija indiviżibbli, l-Artikolu 47 UE.

54. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li jsostni li d-Deċiżjoni-qafas għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi annullata parzjalment inkwantu l-Artikoli 5(2), 6 u 7 iħallu l-Istati Membri liberi li jipprovdu wkoll pieni li ma jkunux ta' natura kriminali, jew li jagħżlu bejn il-pieni kriminali u pieni oħra, ħaġa li, inkontestabbilment, taqa' taħt il-poteri tal-Komunità.

55. Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, hemm lok għall-annullament tad-Deċiżjoni qafas.

Fuq l-ispejjeż

56. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni talbet li l-Kunsill ibati l-ispejjeż u peress illi l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż. Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 69(4), il-partijiet intervenjenti f'din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeciedi:

1) Id-Deċiżjoni-qafas 2003/80/ĠAI, tas-27 ta' Jannar 2003, dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali hija annullata.

2) Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż.

3) Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta' l-Iżvezja u r-Renju tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.