62003J0121



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-121/03

li għanda bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226KE, ippreżentat fid-19 ta' Marzu 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , irrappreżentata minn G. Valero Jordana, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Renju ta' Spanja , irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.P. Puissochet (Relatur), S. von Bahr, U. Lhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Diċembru 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-26 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li:

- billi ma abottax il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi impost fuqu bis-saħħa ta' l-Artikoli 4, 9 u 13 tad-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart (75/442/KEE) (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32, iktar 'il-quddiem "Direttiva 75/442"), billi li ma ħax il-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxi li l-iskart li jkun ġej mill-istallazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer li jinstabu fir-reġjun ta' Baix Ter, fil-provinċja ta' Ġirona, ikun mormi jew irkuprat mingħajr ma titpoġġa fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent, billi ħalla numru minn dawn l-istallazzjonijiet joperaw mingħajr l-awtorizzazzjoni mitluba minn din id-Direttiva u billi li ma għamilx il-kontrolli perjodiċi meħtieġa f'dawn l-istallazzjonijiet,

- billi ma wettaq, qabel il-bini ta' l-imsemmija installazzjonijiet jew il-modifia tal-proġetti tagħhom, ebda stima ta' l-effetti tagħhom, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (85/337/KEE) (ĠU L 175, p. 40), iktar 'il quddiem id-"direttiva 85/337, fil-verżjoni inizjali tagħha", jew bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta' Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 85/337"),

- billi ma wettaqx l-istudji idroġeoloġiċi meħtieġa fiż-żona effettwata mit-tniġġis, f'dak li jirrigwarda l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer li qed issir referenza għalihom f'dan ir-rikors, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3(b), 5(1) u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 1979 dwar il-ħarsien ta' ilma ta' taħt l-art kontra tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi (80/68/KEE) (ĠU 1980, L 20, p. 43),

- billi qabeż, f'diversi netwerks pubbliċi ta' distribuzzjoni ta' l-ilma tar-reġjun ta' Baix Ter, il-konċentrazzjoni massima permessa għall-parametru "nitrati" u stabbilita fl-Anness I, C, punt 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta' Lulju 1980 dwar il-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum tal-bniedem (ĠU L 229, p. 11), bi ksur ta' l-Artikolu 7(6) ta' din id-Direttiva,

ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta' l-imsemmija Direttivi.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-iskart

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

2. L-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 jiddefinixxi l-iskart bħala "kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-possessur jarmi jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jarmi".

3. It-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 jafda lill-Kummissjoni bil-biċċa xogħol li tfassal "lista ta' l-iskartijiet li jappartjienu għall-kategoriji mniżżla fil-lista fl-Anness I". Permezz tad-Deċiżjoni 94/3/KE ta' l-20 ta' Diċembru 1993 li tistabbilixxi lista ta' skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 (ĠU 1994, L 5, p. 15), il-Kummissjoni stabbiliet katalogu Ewropew ta' l-iskart, li jinkludi b'mod partikolari, fost l-"iskart li ġej mill-produzzjoni ewlenija ta' l-agrikoltura [traduzzjoni mhux uffiċjali]", l-"eskrementi, awrina u demel (inkluż tiben maħmuġ), dranaġġ miġbur separatament u ttrattat f'post ieħor [traduzzjoni mhux uffiċjali]". In-nota preliminari li tidher fl-Anness ta' l-imsemmija Deċiżjoni tippreċiża li din il-lista ta' skart "mhijiex eżawrjenti", li "l-fatt li materjal huwa inkluż fiha ma jfissirx li huwa skart f'kull każ" u li "l-inseriment f'din il-lista għandu biss effett jekk il-materjal ikun konformi mad-definizzjoni ta' l-iskart [traduzzjoni mhux uffiċjali]".

4. L- Artikolu 1(c) jiddefinixxi l-pussessur bħala l-"produttur ta' l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li tippossjedih"

5. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li:

"1. Dawn li ġejjin għandhom jitħallew barra mill-iskop ta' din id-Direttiva:

(a) l-effluwenti tal-gassijiet rilaxxati fl-atmosfera;

(b) fejn ikunu diġà koperti b' liġijiet oħra:

[...]

(iii) il-karkassi ta' l-annimali u l-iskart tal-biedja li ġej: materjal ta' ħmieġ u sustanzi oħra naturali imma mhux ta' perikolu u li jintużaw fil-biedja;

[...]

2. Jistgħu jiġu preskritti regoli għal okkażjonijiet partikolari jew li jissupplimentaw dawk ta' din id-Direttiva għal kategoriji partikolari ta' skart permezz ta' Direttivi individwali".

6. L-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li :

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta' proċessi jew ta' metodi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent, u b' mod partikolari:

- mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,

- mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,

- mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta' interess speċjali.

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta' l-iskart."

7. Skond l-Artikolu 9 ta' l-istess Direttiva, għall-finijiet, b'mod partikolari, ta' l-implimentazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 4, kull stabbiliment u kull impriża li jwettaq ix-xogħolijiet ta' rimi ta' skart speċifikati fl-Anness II A ta' din id-Direttiva għandu jikseb permess mingħand l-awtorità kompetenti, liema permess għandu jkopri, b'mod partikolari, it-tipi u l-kwantitajiet ta' l-iskart, il-ħtiġiet tekniċi, il-prekawzjonijiet tas-sigurtà li għandhom jittieħdu, il-post tar-rimi u l-metodu tat-trattament.

8. Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 75/442:

"L-istabbilimenti jew l-impriżi li jwettqu x-xogħlijiet imsemmija fl-Artikoli 9 sa 12 għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet xierqa perjodikament mill-awtoritajiet kompetenti."

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9. L-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru. 10/1998 tal-21 ta' April 1998 dwar l-iskart (BOE tat-22 ta' April 1998) jipprovdi li "din il-liġi tapplika b'mod supplementari għall-oqsma li hija ssemmi iktar 'il quddiem f'dak li jirrigwarda l-aspetti li hija tirregola espressament bil-leġiżlazzjoni speċifika tagħha:

[...]

b) ir-rimi u l-ipproċessar ta' annimali mejtin u ta' skart li joriġina mill- annimali, safejn dan is-suġġett huwa rregolat mid-Digriet Irjali Nru. 2224/1993 tas-17 ta' Diċembru 1993 fuq ir-regoli sanitarji dwar ir-rimi u l-ipproċessar ta' annimali mejta u ta' skart li joriġina mill-annimali u l-protezzjoni kontra l-aġenti patoġeni fl-għalf għall-annimali [...]

c) l-iskart li jiġi minn installazzjonijiet agrikoli u l-bhejjem li jkun magħmul minn eskrementi u sustanzi naturali oħra li ma jagħmlux ħsara, użat fil-kuntest ta' installazzjonijiet agrikoli, safejn dan il-qasam huwa rregolat mid-Digriet Irjali Nru. 261/1996 tas-16 ta' Frar 1996 dwar il-ħarsien ta' l-ilma kontra t-tniġġiz min-nitrati li jkunu ġejjin minn sorsi agrikoli, u bil-leġiżlazzjoni li għandha tiġi adottata mill-Gvern konformement mall-ħames dispożizzjoni addizjonali

[...]"

10. Din il-ħames dispożizzjoni addizzjonali tipprovdi li l-użu ta' l-iskart bħala fertilizzant agrikolu previst fl-imsemmi Artikolu 2(2)(c) huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni li l-Gvern adotta għal dan il-għan u għar-regoli supplementari adottati, skond il-każ, mir-reġjuni awtonomi. Skond l-istess dispożizzjoni addizzjonali, din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi t-tip u l-kwantità ta' skart li jista' jintuża bħala fertilizzant kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom l-attività ma tkunx suġġetta għal permess, u tippresskrivi li din l-istess attività għandha tiġi implementata mingħajr ma tipperikola s-saħħa umana u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-ambjent, b'mod partikolari li jikkawżaw it-tniġġis ta' l-ilma. L-imsemmija dispożizzjoni addizzjonali tipprovdi wkoll, fit-tielet paragrafu tagħha, li jekk l-iskart li hija tagħmel referenza għalih jiġi użat fil-kundizzjonijiet deskritti minnha, ma jkunx hemm operazzjoni ta' skarikar fis-sens ta' l-Artikolu 92 tal-Liġi Nru. 29/1985 tat-2 ta' Awissu 1985, dwar l-ilma.

11. Bis-saħħa ta' l-awtorizzazzjoni legali li tirriżulta mill-istess dispożizzjoni addizzjonali, il-Gvern Spanjol adotta d-Digriet Irjali Nru. 324/2000 tat-3 ta' Marzu 2000 li jistabbilixxi r-regoli baziċi fuq l-amministrazzjoni ta' l-installazzjonijiet tat-trobbija tal-ħnieżer (BOE tat-8 ta' Marzu 2000). Dan id-Digriet jipprovdi li l-ġestjoni tad-dranaġġ ta' l-irziezet li jkunu ġej minn installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer tista' ssir, b'mod partikolari, permezz ta' l-irkupru bħala demel organiku minerali u li l-kwantità massima tad-dranaġġ hekk użat u l-kontenut ta' nitroġenu tiegħu għandu jirrispetta r-regoli tad-Digriet Irjali Nru. 261/1996.

12. Il-Komunità Awtonoma tal-Katalunja, safejn jirrigwardaha, adottat il-Liġi Nru. 6/1993 tal-15 ta' Lulju 1993 dwar l-iskart. L-Artikolu 4(2)(c) ta' din il-Liġi jeskludi mill-iskop ta' l-applikazzjoni tagħha "l-iskart ta' installazzjonijiet agrikoli u tat-trobbija tal-bhejjem li mhux perikoluż u li huwa użat biss fil-kuntest ta' l-isfruttament agrikolu". Id-Digriet Nru. 220/2001 ta' l-1 ta' Awissu 2001 dwar il-ġestjoni tal-ħmieġ ta' l-intestini tal-bhejjem jipprevedi, b'mod partikolari, l-obbligu li jiġu mħejjija pjanijiet ta' ġestjoni u li jiġu miżmuma reġistri, jikkompleta din il-leġiżlazzjoni. Dan id-Digriet jippreċiża li l-imsemmi skart għandu jiġi ġestit b'mod li jirrispetta l-kodiċi ta' prattiċi agrikoli tajba f'dak li jirrigwarda n-nitroġenu, liema kodiċi ġie adottata bl-ordni tat-22 ta' Ottubru 1998.

Il-leġiżlazzjoni dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti fuq l-ambjent

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

13. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, fl-ewwel verżjoni tagħha, kien jipprovdi:

"Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta' l-effetti tagħhom.

Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4."

14. Skond l-Artikolu 4(2) ta' l-imsemmija Direttiva, "Proġetti tal-klassijiet elenkati fl-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karateristiċi tagħhom jirrikjedu hekk". Dan l-Anness II, punt 1(f) isemmi l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer.

15. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(1) ta' din id-Direttiva 85/337, "[il-]proġetti tal-klassijiet elenkati fl-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal stima skond Arikoli 5 sa 10"

16. L-imsemmi Anness I, punt 17(b) isemmi l-installazzjonijiet destinati għat-trobbija intensiva tal-ħnieżer b'aktar minn 3,000 post għall-produzzjoni tal-ħnieżer (ta' iktar minn 30 Kg) u l-istess punt, paragrafu (c), jinkludi l-installazzjonijiet b'aktar minn 900 post għall-majjaliet.

17. L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, għall-proġetti elenkati fl-Anness II ta' din id-Direttiva, fuq il-bażi ta' eżami każ b'każ jew fuq il-bażi ta' limiti jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru, "jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10 [traduzzjoni mhux uffiċjali]". L-Artikolu 4(3) jippreċiża li, "għall-eżami każ b'każ jew sabiex jiġu stabbiliti l-limiti jew il-kriterji skond il-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti ta' l-għażla stabbiliti fl-Anness III" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

18. L-Anness II punt 1(e) tad-Direttiva 85/337 jirreferi għall-"[in]stallazzjonijiet għat-tkabbir b'mod intensiv ta' l-annimali ta' l-irziezet (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);" u il-punt 13 ta' l-istess Anness jirreferi għal, "kull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I jew l-Anness II, diġà aworizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista' jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent". Id-Direttiva 85/337 kellha tiġi transposta mill-Istati Membri qabel l-14 ta' Marzu 1999.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

19. Bis-saħħa tal-Liġi Nru. 3/1998 tal-Komunità Awtonoma tal-Katalunja tas-27 ta' Frar 1998 fuq interventi integrali ta' l-amministrazzjoni ta' l-ambjent, kif ukoll tad-Digriet li jimplimentaha, jiġifieri d-Digriet Nru. 136/1999 tat-18 ta' Mejju 1999, l-installazzjonijiet ta' iktar minn 2,000 ħanżir tas-simna jew ta' iktar minn 750 majjaliet tat-trobbija huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni mogħtija minn qabel fil-qasam ta' l-ambjent, liema awtorizzazzjoni tipresupponi li jiġu sodisfatti obbligi preċiżi ta' ġestjoni tad-dranaġġ ta' l-irziezet u tal-karkassi ta' l-annimali. L-installazzjonijiet ta' minn 200 sa 2,000 ħanżir għandhom jiksbu, qabel ma jiġu stabbiliti, permess ambjentali. L-istess liġi tipprovdi li l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer li diġà jeżistu u li m'għandhomx permess ambjentali għandhom jippreżentaw applikazzjonijiet għall-permess, sab iex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.

20. Fuq livell nazzjonali, il-Liġi Nru. 6/2001 tat-8 ta' Mejju 2001, li temenda d-Digriet Irjali Nru. 1302/1986 tat-28 ta' Ġunju 1986 dwar l-istima ta' l-effetti fuq l-ambjent (BOE tad-9 ta' Mejju 2001), teżiġi li l-installazzjonijiet ġodda tat-trobbija intensiva ta' l-annimali b'aktar minn 2,000 ħanżir tas-simna u 750 ħanżir tat-trobbija għandhom ikunu suġġetti għal proċedura ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent.

Il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-ħarsien ta' l-ilma ta' taħt l-art

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

21. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/68 jipprovdi li:

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha sabiex:

[...]

(b) jillimitaw l-introduzzjoni fl-ilma ta' taħt l-art tas-sustanzi elenkati fil-lista II sabiex jiġi evitat tniġġis ta' dan l-ilma minn dawn is-sustanzi".

22. L-imsemmi punt 3 tal-lista II isemmi s-"sustanzi li għandhom effett li jħassru t-togħma u/jew ir-riħa ta' l-ilma ta' taħt l-art, u komposti li x' aktarx jistgħu jikkawżaw il-formazzjoni ta' dawn is-sustanzi f' dan l-ilma u li jirrenduh mhux tajjeb għall-konsum uman".

23. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 80/68 jipprovdi, b'mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jissottoponu għal investigazzjoni minn qabel l-iskarikar ta' sustanzi li jinstabu fl-istess lista II u li jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni, sakemm jiġu mħarsa l-prekawzjonijiet tekniċi kollha għall-prevenzjoni ta' tniġġis ta' ilma ta' taħt l-art minn dawn is-sustanzi.

24. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 7 ta' l-imsemmija Direttiva, "l-investigazzjonijiet minn qabel imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 għandhom jinkludu eżami tal-kundizzjonijiet idroġeoloġiċi taż-żona kkonċernata, tal-poteri possibbli ta' purifikazzjoni tal-ħamrija u tas-saff ta' ħamrija ta' taħt il-wiċċ, u tar-riskju ta' tniġġis u alterazzjoni tal-kwalita' ta' l-ilma ta' taħt l-art ikkawżat mill-iskarikar, u għandhom jistabbilixxu jekk l-iskarikar ta' sustanzi fl-ilma ta' taħt l-art huwiex soluzzjoni sodisfaċenti mill-perspettiva ambjentali".

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

25. Ebda leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala għan speċifiku t-traspożizzjoni tad-Direttiva 80/68 ma ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' din il-kawża.

Il-leġiżlazzjoni dwar il-kwalita ta' l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

26. L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE jipprovdi:

"Skond din id-Direttiva, b'ilma maħsub għall-konsum uman, wieħed għandu jifhem kull ilma użat għal dan il-għan, kemm fl-istat li fih jinstab, kemm wara li jiġi ttrattat, tkun xi tkun l-oriġini tiegħu kemm:

- jekk ikun ilma maħsub għall-konsum

jew

- jekk ikun ilma :

- użat minn impriża alimentari għall-fabbrikazzjoni, it-trattament, il-konservazzjoni jew it-tpoġġija fis-suq ta' prodotti jew sustanzi maħsuba sabiex jiġu kkunsmati mill-bniedem

u

- li jista' jkollu effett fuq il-kwalità tal-prodott alimentari finali li jkun tajjeb għas-saħħa",[traduzzjoni mhux uffiċjali]

27. Skond l-Artikolu 7(1) ta' l-imsemmija Direttiva :

"L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-valuri li japplikaw għall-ilma maħsub għall-konsum uman għall-parametri li jidhru fl-Anness I " [traduzzjoni mhux uffiċjali]

28. Il-paragrafu 6 ta' l-istess Artikolu jippreċiża li "[l-]Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex l-ilma maħsub għall-konsum uman ikun ta' l-inqas konformi mal-ħtiġijiet speċifikati fl-Anness I". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29. L-imsemmi Anness I, C, punt 20, jipprovdi li l-konċentrazzjoni massima permessa għall-parametru "nitrati" hija ta' 50mg/l.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

30. Iż-żona kkonċernata minn dan ir-rikors ġiet iddikjarata vulnerabbli bis-saħħa tad-Digriet Nru. 283/1998 tal-Komunità awtonoma tal-Katalunja tal-21 ta' Ottubru 1998. Fl-implimentazzjoni ta' dan id-dokument, ġie adottat id-Digriet Nru. 167/2000 tat-2 ta' Mejju 2000, li adotta miżuri eċċezzjonali għall-għejun pubbliċi ta' provvista effettwata mit-tniġġis min-nitrati, li sabiex tiġi ggarantita l-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum uman.

Il-proċedura prekontenzjuża

31. Fl-2000, il-Kummissjoni rċeviet ilment fejn ġie rrapportat it-tniġġis ta' l-akwifer ta' Baix Ter, li jinsab fil-bokka tax-xmara Ter, fil-provinċja ta' Ġirona, kif ukoll ta' l-ilma distribwit f'diversi komuni ta' Emprodà, fl-istess provinċja. Min ressaq l-ilment sostna li dan it-tniġġis minn diversi sustanzi, b'mod partikolari min-nitrati, kien dovut għall-iżvilupp ta' rziezet għat-trobbija intensiva tal-ħnieżer, li d-dranaġġ tagħhom kien jiġi skarikat direttament, mingħajr ebda kontroll jew trattament, fl-ambjenti akwatiċi. Filwaqt li bagħtet lill-Kummissjoni riżultati ta' analiżi li juru l-livell tan-nitrati ta' l-ilma kkonċernat, l-istess persuna li ressqet l-ilment indikat li d-delegazzjoni tas-Sanità ta' Ġirona kienet irrifjutat li tgħaddilu ċerta informazzjoni li tirrigwarda l-kwalita ta' l-imsemmi ilma.

32. Permezz ta' ittra tat-2 ta' Mejju 2000, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dan l-ilment u jgħaddulha informazzjoni fuq l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-bhejjem in kwistjoni kif ukoll fuq l-istat ta' l-akwifer ta' Baix Ter.

33. Permezz ta' ittra tat-13 ta' Lulju 2000, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu diversi rapporti mħejjija mid-Direttorat ta' l-Ambjent tal-Komunità Awtonoma tal-Katalunja. Fir-risposta tagħhom huma sostnew li l-iskart agrikolu kien eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 75/442 u li l-attivitajiet in kwistjoni ma kinux suġġetti għall-proċedura ta' stima prevista mid-Direttiva 85/337, f'dak li jirrigwarda l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Dokumenti li ġew annessi ma din ir-risposta juru li kienu ttieħdu azzjonijiet repressivi wara kontroll fuq l-iskart li joħroġ minn installazzjonijiet għat-trobbija ta' l-annimali u li t-tniġġis ta' l-akwifer min-nitrati kien żdied, b'nofs il-kampjuni miġbura għall-ewwel trimestru tas-sena 2000 li ma kinux jirrispettaw il-konċentrazzjoni massima ta' 50 mg/l. F'dak li jirrigwarda d-Direttiva 80/778, l-awtoritajiet Spanjoli semmew id-Digriet Nru. 167/2000.

34. Peress li qieset li l-awtoritajiet Spanjoli kienu kisru d-Direttivi 75/442, 85/337, 80/68, anke fl-ewwel verżjoni tagħha, u 80/778, il-Kummissjoni, fil-25 ta' Ottubru 2000, indirizzat intimazzjoni lir-Renju ta' Spanja.

35. Permezz ta' ittri ta' l-1 u tal-15 ta' Frar 2001, l-awtoritajiet Spanjoli wieġbu għal din l-intimazzjoni billi bagħtu lill-Kummissjoni rapport mħejji mid-Direttorat ta' l-Ambjent tal-Komunità Awtonoma tal-Katalunja, fejn l-amministrazzjoni Katalana ddikjarat li kienet taf bill-problema tat-tniġġis min-nitrati f'Baix Ter. L-awtoritajiet Spanjoli ammettew b'mod partikolari li, f'sitt komuni ta' l-akwifer ikkonċernat, il-konċentrazzjoni tan-nitrati kienet taqbeż il-limitu ta' 50mg/l. Madankollu, huma indikaw li d-Digriet Nru. 283/98 kien indika ż-żona in kwistjoni bħala żona vulnerabbli tal-Katalunja, f'dak li jirrigwarda t-tniġġis min-nitrati ta' oriġini agrikola, u li programm ta' miżuri ta' ġestjoni tar-riżorsi ta' l-ilma fiż-żoni vulnerabbli għal dan it-tniġġis kien ġie approvat mill-Gvern fit-3 ta' April 2000. L-awtoritajiet Spanjoli ppreċiżaw ukoll li, fiż-żona kkonċernata, il-kodiċi ta' prattiċi agrikoli tajba adottat bl-ordni tat-22 ta' Ottubru 1998 kien obligatorju, kif kien ukoll id-Digriet Nru. 205/2000 li adotta l-programm ta' miżuri ta' agromonija li japplikaw għaż-żoni vulnerabbli. F'dak li jirrigwarda d-Direttivi 75/442 u 80/68, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li dawn ma ġewx miksura, peress li l-installazzjonijiet kollha għat-trobbija tal-ħnieżer kkonċernati kienu suġġetti għall-proċedura intiża sabiex tiggarantixxi ġestjoni korretta ta' l-iskart tagħhom.

36. Permezz ta' ittra tal-15 ta' Marzu 2001, l-awtoritajiet Spanjoli ssottomettew lill-Kummissjoni rapport sanitarju mħejji mid-Direttorat tas-Sanità u tas-Sigurta Soċjali tal-Komunità Awtonoma tal-Katalunja, li kien juri li l-konċentrazzjoni massima ta' nitrati ta' 50 mg/l kienet inqabżet f'numru ta' komuni ta' l-akwifew kkonċernat kif ukoll f'numru kbir ta' bjar.

37. Billi qieset li r-risposti mogħtija ma kinux għal kollox sodisfaċenti, il-Kummissjoni, b' ittra tas-26 ta' Lulju 2001, indirizzat opinjoni motivata lir-Renju ta' Spanja, fejn stednitu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu, f'terminu ta' xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika ta' din l-opinjoni.

38. Permezz ta' ittra tat-3 ta' Diċembru 2001, l-awtoritajiet Spanjoli rrispondew għall-opinjoni motivata billi bagħtu lill-Kummissjoni rapport ġdid imħejji mid-Direttorat ta' l-Ambjent tal-Komunità Awtonoma tal-Katalunja. F'dan ir-rapport, huma, qabel kollox, indikaw li l-proċeduri ta' regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni ta' l-installazzjonijiet tat-trobbija tal-ħnieżer kkonċernati kienu qed jittieħdu u li r-rapporti ambjentali ppreparati f'dan il-kuntest, li kellhom isiru qabel ma l-għotja jew ir-rifjut ta' l-approvazzjoni, kienu ġew ippubblikati. Huma għamlu wkoll referenza għall-eżistenza ta' pjan ta' spezzjoni ta' l-imsemmija installazzjonijiet u t-teħid ta' azzjonijiet repressivi. Huma enfasizzaw li l-irziezet il-ġodda kollha għat-trobbija intensiva tal-ħnieżer li għandhom iktar minn 2,000 post għall-ħnieżer tas-simna u minn 750 post għall-ħnieżer tat-trobbija kienu suġġetti għal stima ta' l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, konformement mal-Liġi Nru. 6/2001. Fl-aħħarnett, huma ammettew li l-konċentrazzjoni massima ta' nitrati kienet inqabżet f'ħames komuni taż-żona in kwistjoni, b'popolazzjoni li kienet tirrappreżenta biss, skond rapport ta' l-14 ta' Settembru 2001 tad-Direttorat tas-Sanità Pubblika tal-Komunità Awtonoma tal-Katalunja li ġie mibgħut lill-Kummissjoni, 1 424 resident.

39. Billi kkunsidrat li r-Renju ta' Spanja kien baqa ma ħax il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma l-obbligi tiegħu il-Kummissjoni ippreżentat dan ir-rikors.

40. Ir-Renju ta' Spanja jitlob li l-imsemmi rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

Dwar ir-rikors

Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 75/442

L-argumenti tal-partijiet

41. Il-Kummissjoni ssostni li l-installazzjonijiet kkontestati jipproduċu skart fi kwantità importanti, b'mod partikolari tad-demel likwidu u tal-karkassi ta' l-annimali u li dan l-iskart huwa, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni komunitarja speċifika li tkopri r-riskji kollha ta' ħsara lill-ambjent li tista' ssir minn dan l-iskart, irregolat mid-Direttiva 75/442.

42. Skond il-Kummissjoni, it-tniġġis ta' l-akwifer ta' Baix Ter, li ġie ammess mill-awtoritajiet Spanjoli fl-ittri tagħhom ta' l-1 u tal-15 ta' Frar 2001, tal-15 ta' Marzu 2001 u tat-3 ta' Diċembru 2001, huwa dovut għall-iskarikar mingħajr ġestjoni u kontroll ta' volum dejjem jiżdied ta' demel likwidu, bi ksur ta' l-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva. Diversi analiżi jikkonfermaw dan. Il-kwantità medja ta' nitrati fl-ilma ta' l-unità idroġeoloġika ta' Baix Ter hija ta' 61mg/l, aktar mill-konċentrazzjoni massima konsentita.

43. Barra minn dan, il-Kummissjoni ssostni li, sad-data stabbilita fl-opinjoni motivata, l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-bhejjem ikkonċernati kienu qegħdin jaħdmu mingħajr il-permess previst mill-Artikolu 9 ta' l-istess Direttiva. L-awtoritajiet Spanjoli kienu ammettew dan meta indikaw li s-sitwazzjoni ta' numru minn dawn l-installazzjonijiet kienet qed tiġi regolarizzata, fatt li juri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata minn dawn l-awtoritajiet mhijiex rispettata.

44. Fl-aħħarnett, l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer fiż-żona kkonċernata, li huma bejn wieħed u ieħor 200, ma kinux suġġetti għal kontrolli perjodiċi xierqa u effettivi mill-awtoritajiet kompetenti, bi ksur ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 75/442. L-awtoritajiet Spanjoli llimitaw ruħhom sabiex jittrażmettu tabella li tirrigwarda s-snin mill-1994 sa l-1998 u li jsemmu pjan ta' kontroll kif ukoll xi azzjonijiet repressivi.

45. Fil każ tad-demel likwidu tal-ħnieżer il-Gvern Spanjol jikkuntesta l-kwalifika ta' skart skond id-Direttiva 75/442. Id-demel likwidu jiġi użat bħala fertilizzant minerali organiku tal-ħamrija u għalhekk jikkostitwixxi, mhux skart, imma materja prima. Dan id-demel likwidu, użat b'dan il-mod bħala materja prima, fil-fatt, jaqà taħt id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, p.1), intiża sabiex tipprevjeni t-tniġġis min-nitrati li jkunu ġejjin minn sorsi agrikoli.

46. Il-Gvern Spanjol jippreċiża, barra minn hekk, li d-Direttiva 91/676 għanda tiġi meqjusa, fi kwalunkwe każ, bħala "liġijiet oħra", fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 75/442, li għaldaqstant jirrendu din l-aħħar Direttiva inapplikabbli għad-demel likwidu tal-ħnieżer. Kieku dan il-kunċett ta' "liġijiet oħra" kellu jiġi analizzat b'mod li jkopri wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali, id-Digrieti Irjali 261/1996 u 324/2000 ikollhom jiġu meqjusa li jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett.

47. Alternattivament, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-demel likwidu jidħol fil-kamp ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva 75/442, il-Gvern Spanjol iqis li l-Kummissjoni, li għanda tistabbilixxi li l-fatti li hija tippreżenta huma eżatti, ma stabbilixxitx l-eżistenza ta' ksur ta' din id-Direttiva. L-azzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli f'dan il-qasam kienet riżoluta u ppermettiet li jinkisbu riżultati tanġibbli.

48. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-kunċett ta' "liġijiet oħra", fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 75/442, ikopri biss leġizlazzjoni komunitarja oħra, bl-esklużjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza tal-11 ta' Settenbru 2003, AvestaPolarit Chrome (C-114/01, Ġabra p. I-8725), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali tista' wkoll tikonstitwixxi "liġijiet oħra".

49. F'kull każ, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni eżistenti Spanjola, jiġifieri d-Digrieti Irjali Nru. 261/1996 u Nru. 324/2000, ma jassigurawx livell ta' protezzjoni tas-saħħa umana u ta' l-ambjent li jista' jitqabbel ma dak assigurat mid-Direttiva 75/442. Barra minn dan, ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni komunitarja oħra li tapplika għad-demel likwidu minn barra din id-Direttiva. Id-Direttiva 91/676 għandha kamp ta' applikazzjoni speċifiku li ma jinkludix id-danni ambjentali kollha kkawżati mid-dranaġġ ta' l-irziezet. Il-Gvern Spanjol ma jsemmi xejn fir-rigward tal-karkassi ta' l-annimali u d-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE tas-27 ta' Novembru 1990, li tippreskrivi r-regoli veterinarji għall-qerda u l-proċessar ta' rimi mill-annimali, għat-tqegħid tiegħu fis-suq u għall-prevenzjoni ta' patoġeni fl-għalf ta' oriġini mill-annimali jew mill-ħut u li temenda d-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 363, p. 51), li la tkopri l-ħsara kollha kkawżata minn dawn il-karkassi u lanqas l-attivitajiet kollha ta' ġestjoni ta' l-iskart, ma tistax tiġi kkwalifikata bħala "liġijiet oħra". Għalhekk, id-Direttiva 75/442 biss tapplika għall-iskart (demel likwidu u karkassi ta' l-annimali) ġenerat mill-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer.

50. Sussegwentement, il-Kummissjoni tiċħad it-teżi tal-Gvern Spanjol li d-demel likwidu ma jikkonstitwixxix skart imma materja prima. Il-fatt li d-demel likwidu tal-ħnieżer huwa s-suġġett ta' irkupru u jissemma fil-katalogu ewropew ta' l-iskart imur favur il-kwalifika ta' din is-sustanza bħala skart. Huwa biss id-demel likwidu użat fl-installazzjonijiet għat-trobbija ta' l-annimali bħala fertilizzant u skond prattiċi agrikoli tajba li jista' jiġi kkunsidrat bħala prodott sekondarju. Dan mhuwiex il-każ fl-installazzjonijiet kollha għat-trobbija ta' l-annimali kollha li qed issir referenza għalihom f'dan ir-rikors, safejn id-demel likwidu jiġi prodott fi kwantità kbira wisq biex ikun riżervata għal dan l-użu.

51. Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tqis li hija ppreżentat elementi biżżejjed sabiex tistabbilixxi li l-awtoritajiet Spanjoli naqsu milli jwettqu l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 75/442.

52. Fil-kontro-replika tiegħu, il-Gvern Spanjol indika li ma kinx jidhirlu rilevanti li tiġi kkontestata l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-kunċett ta' "liġijiet oħra" fis-sentenza tagħha AvestaPolarit Chrome, iċċitata iktar 'il fuq.

53. Huwa jsostni li l-leġiżlazzjoni kollha interna li hija app likabbli, jiġifieri min-naħa, fuq livell nazzjonali, id-Digriet Irjali Nru. 261/1996 għaż-żoni vulnerabbli u d-Digriet Irjali Nru. 324/2000 għaż-żoni l-oħra, ikkomplementati b'mod supplementari mil-Liġi Nru. 10/1998 u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni kompluta ħafna adottata mill-Komunità Awtonoma tal-Katalunja fir-rigward ta' l-iskart tal-ħmieġ mill-intestini tal-bhejjem (pjanijiet ta' ġestjoni, kotba ta' ġestjoni, regoli dwar l-applikazzjoni ta' fertilizzant fuq l-art, ta' trasport barra mill-installazzjoni, sistema ta' awtorizzazzjoni, ta' sanzjonijiet, etc.), jikkonstitwixxu "liġijiet oħra" fis-sens ta' l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 75/442 u li għalhekk din ta' l-aħħar ma hijiex applikabbli. Il-Kummissjoni hija żbaljata meta fir-replika tagħha tinsisti fuq il-karkassi ta' l-annimali, billi dan ir-rikors sa mill-bidu kien fuq it-tniġġis ta' l-ilma minħabba skart tal-ħmieġ mill-intestini tal-bhejjem.

54. Il-Gvern Spanjol isostni li, fuq livell komunitarju, id-Direttiva 91/676 tirregola r-riċiklaġġ tad-dranaġġ ta' l-irziezet fl-agrikoltura. Id-Direttiva 90/667, min-naħa l-oħra, ma tapplikax għad-demel likwidu, minħabba li l-ħmieġ ta' l-intestini ta' l-annimali huwa eszluż mill-kamp ta' l-applikazzjoni tagħha. Id-demel likwidu jikkonstitwixxi prodott sekondarju, meta jiġi rkuprat bħala fertilizzant skond il-prattiċi agrikoli tajba. Il-fatt li jistà jiġi faċilment ikkummerċjalizzat, anke barra ż-żona ta' produzzjoni tiegħu, juri li ma jaqax taħt il-kunċett ta' "skart" fis-sens tad-Direttiva 75/442. F'dak li jirrigwarda l-karkassi ta' l-annimali, huwa r-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru. 1774/2002 (KE) tat-3 ta' Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta' l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 273, p. 1) li huwa speċifikament applikabbli.

55. Fl-aħħarnett, il-Gvern Spanjol jenfasizza li l-awtoritajiet Katalani implimentaw azzjonijiet ta' taħriġ għall-bdiewa fid-dawl ta' ġestjoni xierqa ta' l-iskart tad-dranaġġ ta' l-irziezet u li huma jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' fabbriki ta' l-ikkompostjar għat-trattament tal-ħmieġ ta' l-intestini ta' l-annimali żejjed. Tnax minn dawn il-fabbriki diġà qegħdin joperaw, filwaqt li għaxra oħra huma pproġettati u qegħdin fl-istadju ta' l-approvazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56. B'mod preliminari, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni semmiet espliċitament il-karkassi ta' l-annimali fost l-iskart iġġenerat mill-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer in kwistjoni. L-ilmenti ibbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 75/442 għalhekk jirrigwardaw mhux biss in-nuqqasijiet li l-awtoritajiet Spanjoli wettqu fil-ġestjoni tad-demel likwidu tal-ħnieżer prodott mill-imsemmija installazzjonijiet iżda wkoll fuq in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' numru ta' dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva għall-karkassi ta' l-annimali.

57. Għandu jiġi mfakkar li l-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' "skart", fis-sens tad-Direttiva 75/442, jiddependi fuq it-tifsira tal-kelma "jarmi", li tinstab fl-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 1(a) ta' l-imsemmija Direttiva (ara s-sentenza tat-18 ta' Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 26).

58. Iżda, f' ċerti sitwazzjonijiet, oġġett, materjal jew materja prima li jirriżulta minn proċess ta' estrazzjoni jew ta' fabrikazzjoni li mhuwiex intiż prinċipalment sabiex jipproduċih jista' jikkonstitwixxi mhux residwu, imma prodott sekondarju, li l-impriża ma tippruvax "tarmi", fis-sens ta' l-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, iżda li hija għandha l-intenzjoni li tisfrutta jew tikkummerċjalizza f'kundizzjonijiet vantaġġużi għaliha, f'proċess sussegwenti, mingħajr operazzjoniji preliminari ta' trasformazzjoni. F'tali każ m'hemm, ebda ġustifikazzjoni sabiex oġġetti, mateIrjali jew materja prima li ekonomikament għandhom il-valur ta' prodotti, indipendentement minn kull trasformazzjoni, u li, bħala tali, huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni li tapplika għal dawk il-prodotti jiġu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, li huma maħsuba sabiex jipprovdu għar-rimi jew l-irkupru ta' l-iskart, bil-kundizzjoni li dan l-użu mill-ġdid ma jkunx biss possibbli imma ċert, mingħajr trasformazzjoni preliminari, u fil-kontinwità tal-proċess ta' produzzjoni (ara s-sentenza tat-18 ta' April 2002, Palin Granit et Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, C-9/00, Ġabra p. I-3533, punti 34 sa 36)

59. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li fdal ta' ġebel u ta' ramel li jibqa' minn operazzjonijiet ta' arrikiment ta' minerali li jiġu mill-isfruttament ta' minjiera ma jaqgħux taħt il-kwalifika ta' skart fis-sens tad-Direttiva 75/442 meta l-possessur tagħhom jużawhom legalment għall-irdim meħtieġ tal-mini ta' l-imsemmija minjiera u jagħti garanziji suffiċjenti dwar l-identifikazzjoni u l-użu effettiv ta' dawn is-sustanzi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza AvestaPolarit Chrome, ċċitata iktar 'il fuq, punt 43). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li kokk taż-żejt mhux raffinat prodott volontarjament, jew li jirriżulta mill-produzzjoni simultanja ta' sustanzi kombustibbli oħra taż-żejt, ġewwa raffinerija taż-żejt mhux raffinat li jintuża b'ċertezza bħala fjuwil għall-bżonnijiet ta' enerġija elettrika ta' raffinerija taż-żejt u għal bżonnijiet industrijali oħra ma jikkonstitwixxix skart fis-sens ta' l-imsemmija Direttiva (digriet tal-15 ta' Jannar 2004, Saetti u Frediani, C-235/02, Ġabra p. I-1005, punt 47).

60. Hekk kif ġustament sostna l-Gvern Spanjol, dranaġġ ta' l-irziezet jista', fl-istess kundizzjonijiet, ma jikkwalifikax bħala skart, jekk jiġi użat bħala fertilizzant għall-ħamrija fil-kuntest ta' prassi legali ta' fertilizzazzjoni ta' artijiet identifikati sewwa u jekk il-ħażna li huwa s-suġġett tagħha hija limitata għall-bżonnijiet ta' dawn l-operazzjonijiet ta' fertilizzazzjoni.

61. Bil-kontra ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, m'hemmx lok li din l-analiżi tiġi llimitata għad-dranaġġ ta' l-irziezet użat bħala fertilizzant fuq l-artijiet li jagħmlu parti mill-istess installazzjoni agrikola li ġġenerat dan id-dranaġġ. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, jekk sustanza tintuża b'ċertezza għall-bżonnijiet ta' operaturi ekonomiċi oħra barra minn dak li jkun ipproduċiha din tista' ma tiġix meqjusa bħala skart fis-sens tad-Direttiva 75/442 (ara, f'dan is-sens, id-digriet Saetti u Freidiani, ċitat iktar 'il fuq, punt 47).

62. Min-naħa l-oħra, l-analiżi li tippermetti li jiġi kkunsidrat, f'ċerti sitwazzjonijiet, li residwu tal-produzzjoni ma huwiex skart iżda prodott sekondarju jew materja prima li tista' terġa tintuza fil-kontinwità tal-proċess ta' produzzjoni ma tistax tiġi applikata fil-każ tal-karkassi ta' l-annimali tat-trobbija, meta dawn l-annimali ikunu mietu fl-installazzjoni u ma jkunux ġew maqtula għall-finijiet tal-konsum uman.

63. Fil-fatt, dawn il-karkassi ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jerġgħu jintużaw għal finijiet ta' alimentazzjoni umana. Dawn huma kkunsidrati mil-leġiżlazzjoni komunitarja, b'mod partikolari mid-Direttiva 90/667, li ġiet revokata, wara d-data stabbilita fl-opinjoni motivata, mill-Artikolu 37 tar-Regolament Nru. 1774/2002, bħala "skart ta' l-annimali" u, barra minn dan, bħala skart li jaqa fil-kategorijja ta' "materjal b'riskju elevat", li għandu jiġi ttrasformat ġewwa fabbriki awtorizzati mill-Istati Membri jew li għandu jiġi eliminat permezz ta' inċenerazzjoni jew dfin f'miżbla. L-imsemmija Direttiva tipprovdi li dan il-materjal jista' jintuża għall-għalf ta' bhejjem li ma jkunux intiżi għall-konsum uman, iżda biss bis-saħħa ta' permessi mogħtija mill-Istati Membri u taħt is-superviżjoni veterinarja ta' l-awtoritajiet kompetenti.

64. Il-karkassi ta' annimali li mietu fl-installazzjonijiet in kwistjoni ma jistgħu għalhekk fl-ebda każ jintużaw f'kundizzjonijiet li jippermettu li ma jibqgħux jaqgħu taħt il-kwalifika ta' skart, fis-sens tad-Direttiva 75/442. Il-possessur ta' dawn il-karkassi għandu l-obbligu li jeħles minnhom, b'tali mod li dan il-materjal għandu jitqies bħala skart.

65. Fil-każ in eżami, f'dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok id-demel likwidu ġġenerat mill-installazzjonijiet għat-trobbija ta' l-annimali kkonċernati, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li dan id-demel likwidu jintuża bħala fertilizzant agrikolu, fil-kuntest tar-regoli ta' fertilizzazzjoni konformi mal-prattiċi agrikoli tajba, stabbiliti mill-Komunità Awtonoma tal-Katalunja. Il-persuni li jmexxu l-imsemmija installazzjonijiet ma jfittxux għaldaqstant li jeħilsu minn dan id-demel likwidu, b'tali mod li dan ma jikkostitwixxix skart fis-sens tad-Direttiva 75/442.

66. Il-fatt li, fil-Katalogu Ewropew ta' l-iskart, fost l-"skart li ġej mill-produzzjoni ewlenija ta' l-agrikoltura", hemm l-"eskrementi, awrina u demel (inkluż tiben maħmuġ), dranaġġ miġbur separatament u ttrattat f'post ieħor", ma hijiex ta' natura li jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, dan l-aċċenn ġenerali għad-dranaġġ ta' l-irziezet ma jqisx l-kundizzjonijiet li fihom dan id-dranaġġ jintuża u li huma determinanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kunċett ta' skart. Barra minn dan, in-nota preliminari fl-Anness tal-Katalogu Ewropew ta' l-Iskart tinkludi l-preċiżazzjoni li din il-lista ma "hijiex eżawrjenti", li "l-fatt li materjal huwa inkluż fiha ma jfissirx li huwa skart f'kull każ" u li "l-inseriment f'din il-lista għandu biss effett jekk il-materjal ikun konformi mad-definizzjoni ta' l-iskart".

67. Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 75/442 għandhom, safejn jirrigwardaw il-ġestjoni tad-demel likwidu tal-ħnieżer, jiġu miċħuda.

68. F'dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-karkassi ta' l-annimali ġġenerati mill-installazzjonijiet tat-trobbija ta' l-annimali kkontestati, li għandhom jiġu meqjusa bħala skart fis-sens tad-Direttiva 75/442, kif intqal fil-punt 65 ta' din is-sentenza, il-Gvern Spanjol isostni madankollu li dawn il-karkassi huma "diġa koperti b'liġijiet oħra" u għalhekk huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, skond l-Artikolu 2(1)(b)(iii) tagħha..

69. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett ta' "liġijiet oħra" jista' jkopri kemm leġiżlazzjoni komunitarja kif ukoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tkopri kategorija ta' skart imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 75/442, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni, komunitarja jew nazzjonali, tirrigwarda l-ġestjoni ta' l-imsemmi skart bħala tali u li twassal għal-livell ta' protezzjoni ta' l-ambjent li hu ta' l-inqas ekwivalenti għal dak intiż mill-imsemmija Direttiva (ara s-sentenza AvestaPolarit Chrome, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61).

70. Iżda, mingħajr ma jkun hemm bżonn li f'din il-kawża tittieħed deċiżjoni fuq il-kritika magħmula mill-Kummissjoni kontra s-sentenza AvestaPolarit Chrome, iċċitata iktar 'il fuq, hemm lok li jiġi osservat li, f'dak li jirrigwarda l-karkassi ta' l-annimali kkonċernati, ġiet adottata "liġi oħra" komunitarja mil-leġiżlatur komunitarju apparti d-Direttiva 75/442, fis-sens ta' l-Artikolu 2(1)(b) ta' din id-Direttiva.

71. Fil-fatt, id-Direttiva 90/667 tirrigwarda, b'mod partikolari, il-ġestjoni bħala skart ta' dawn il-karkassi. Hija tistabbilixxi regoli preċiżi li japplikaw għal din il-kategorija ta' skart, u tipprovdi b'mod partikolari li dawn jiġu ttrasformati f'fabbriki awtorizzati jew jiġu eliminati permezz ta' l-inċinerazzjoni jew inkella eliminati permezz ta' dfin f'miżbla. Hija tiddefinixxi, per eżempju, l-ipoteżi fejn, meta ma jkunx jista' jiġi ttrasformat, dan l-iskart għandu jiġi inċinerit jew midfun. L-Artikolu 3(2) ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li dan l-iskart jista' jiġi inċinerit jew midfun f'miżbla b'mod partikolari jekk "il-kwantità u d-distanza ma jiġġustifikawx il-ġbir ta' l-iskart" u li "d-dfin f'miżbla għandu jkun fil-fond biżżejjed li jwaqqaf lill-annimali karnivori milli jerġgħu jaqilgħu l-karkassi jew l-iskart u għandu jseħħ f'art approprjata sabiex tkun evitata kontaminazzjoni ta' l-akwiferi ta' l-ilma jew kull ħsara lill-ambjent. Qabel ma jindifnu f'miżbla, il-karkassi jew l-iskart, għandhom, jekk ikun hemm bżonn, jiġu mbexxa b'diżinfettant xieraq awtorizzat mill-awtorità kompetenti". L-istess Direttiva tipprovdi wkoll għall-kontrolli u l-ispezzjonijiet li għandhom jagħmlu l-Istat Membru u, fl-Artikolu 12 tagħha, li esperti veterinarji tal-Kummissjoni jistgħu, f'ċerti każijiet, iwettqu kontrolli fuq il-post b'kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali. Ir-Regolament Nru. 1774/2002 daħal fis-seħħ wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u għalhekk ma japplikax għal din il-kawża. Adottat wara l-kriżi sanitarja mgħarufa bħala l-" mad cow ", dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll rekwiżiti iktar preċiżi għall-ħażna, it-trattament u l-inċenirazzjoni ta' l-iskart mill-annimali.

72. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/667 jirregolaw l-efetti ambjentali tat-trattament tal-karkassi ta' l-annimali u, permezz tal-grad ta' preċiżjoni tagħhom, jinvolvu livell ta' protezzjoni ta' l-ambjent li huwa ta' l-inqas ekwivalenti għal dak stabbilit mid-Direttiva 75/442. Huma għaldaqstant jikkonstitwixxu, bil-kontra ta' dak li ssostni l-Kummissjoni fir-replika tagħha, "liġi oħra" li tkopri din il-kategorija ta' skart, u li tippermetti li din il-kategorija tiġi kkunsidrata bħala eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mill-Gvern Spanjol tikkostitwixxix hija nfisha tali "liġi oħra".

73. Id-Direttiva 75/442 m'hijiex għaldaqstant applikabbli għall-karkassi ta' l-annimali in kwistjoni. Peress li l-Kummissjoni invokat biss il-ksur ta' din id-Direttiva, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tagħha għandhom jinċaħdu safejn jirrigwardaw l-imsemmija karkassi.

74. Għaldaqstant, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 85/337

L-argumenti tal-partijiet

75. Il-Kummissjoni tosserva li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, anke fl-ewwel verżjoni tagħha, ma jagħtix lill-Istati Membri l-poter li jeskludu b'mod globali u definittiv mill-obbligu ta' stima klassi waħda jew iktar ta' progetti li jaqgħu taħt l-Anness II ta' l-imsemmija Direttiva. Il-marġni ta' diskrezzjoni li jiddisponu minnu l-Istati Membri, f'dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-proġetti koperti minn dan l-Anness II, hija fil-fatt limitata mill-obbligu li l-proġetti kollha li jistgħu jkollhom effett sinnifikanti fuq l-ambjent, b'mod partikolari minħabba n-natura, il-kobor u s-sit tagħhom ikunu suġġetti għal studju ta' l-effetti tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li Spanja kienet naqset mill-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tat-13 ta' Ġunju 2002, il-Kummissjoni vs Spanja, C-474/99, Ġabra p. I-5293).

76. Fil-każ in eżami, jekk jitqiesu l-effetti negattivi ta' l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer fuq l-ambjent, partikolarment it-tniġġis ta' l-ilma u l-irwejjaħ ħżiena, id-dimensjoni u l-proliferazzjoni kbira fl-istess żona ta' dawn l-installazzjonijiet, il-lokalizzazzjoni ta' dawn l-istess installazzjonijiet f'żona ddikjarata vulnerabbli skond id-Direttiva 91/676 mill-awtoritajiet Spanjoli stess, kellhom jitwettqu proċeduri ta' stima preliminari. L-awtoritajiet Spanjoli kienu ammettew dan fir-rapport tagħhom tal-31 ta' Ottubru 2001 li ġie ppreżentat flimkien mar-risposta tagħhom għall-opinjoni motivata.

77. Għalhekk il-Kummissjoni ssostni li r-Renju ta' Spanja kiser l-Artikoli 2 u 4(2) tad-Direttiva 85/337, anke fl-ewwel verżjoni tagħha, skond jekk l-applikazzjoni għall-permess jew għal-modifika tal-proġetti kkonċernati saritx qabel jew wara l-14 ta' Marzu 1999, id-data tad-dħul fis-seħħ ta' l-emendi magħmula mid-Direttiva 97/11.

78. Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx fuq liema waħda miż-żewġ verżjonijiet tad-Direttiva 85/337 kien imsejjes in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu u li, għaldaqstant, l-ilment huwa inammissibbli.

79. Alternattivament, l-istess Gvern isostni li dan l-ilment għandu, f'kull każ, jiġi miċħud. Tnax-il applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għal permess ambjentali ġew iddepożitati mill-proprjetarji ta' installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer fir-reġjun ta' Baix Ter, bejn l-2000 u l-2003, b'disgħa minn dawn l-applikazzjonijiet jirrigwardaw ir-regolarizzazzjoni ta' installazzjonijiet li diġà jeżistu. Għaldaqstant huma biss tlett applikazzjonijiet li, fil-fatt, jirrigwardaw il-ħolqien ta' strutturi ġodda għat-trobbija ta' l-annimali. Erbgħa min dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda.

80. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tosserva li hija indikat b'mod preċiż li l-awtoritajiet Spanjoli kienu kisru d-Direttiva 85/337, anke fl-ewwel verżjoni tagħha, skond id-data li fiha l-installazzjonijiet għat-trobbija ta' l-annimali ġew miftuħa jew estiżi. Għaldaqstant l-ilment huwa ammissibbli. Rigward il-mertu, il-Gvern Spanjol ma jikkontestax l-argumenti li fuqhom l-ilment huwa bbażat.

81. Fil-kontro-replika tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni m'humix preċiżi, meta wieħed iqis in-numru ta' installazzjonijiet ikkonċernati, jiġifieri 387 fl-1989, u li dan l-ilment huwa għaldaqstant inammissibbli.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82. Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta li, f'kull rikors ippreżentat bis-saħħa ta' l-Artikolu 226 KE, tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu deċiżjoni, kif ukoll, b'mod sommarju, l-elementi ta' dritt u ta' fatt li fuqhom dawn l-ilmenti huma bbażati (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta' Ottubru 1997, il-Kummissjoni vs il-Greċja, C-375/95, Ġabra p. I-5981, punt 35, u tad-29 ta' Novembru 2001, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-202/99, Ġabra p. I-9319, punt 20).

83. Dan huwa l-każ f'din il-kawża..

84. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat li l-ilmenti tagħha kienu jirrigwardaw in-nuqqas ta' stima preliminari ta' l-effetti fuq l-ambjent ta' l-installazzjonijiet tat-trobbija tal-ħnieżer tar-reġjun ta' Baix Ter, billi tat numru ta' eżempji preċiżi ta' installazzjonijiet li kellhom jiġu suġġetti għal tali stima u billi indikat li d-Direttiva li dwara kien hemm allegazzjoni ta' ksur kienet id-Direttiva 85/337 jew l-istess Direttiva fl-ewwel verżjoni tagħha, skond jekk id-data ta' l-applikazzjoni għal-permess jew għall-modifika tal-proġetti kkonċernati hijix qabel jew wara l-14 ta' Marzu 1999, id-data tad-dħul fis-seħħ ta' l-emendi lid-Direttiva 97/11.

85. B'dan il mod, dawn l-ilmenti ġew ippreżentat bi preċiżjoni li tippermetti lir-Renju ta' Spanja li jippreżenta d-difiża tiegħu u huma, konsegwentement, ammissibbli.

86. Fuq il-mertu, f'dak li jirrigwarda, l-ewwelnett, l-installazzjonijiet maħluqa jew immodifikati qabel l-14 ta' Marzu 1999, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-proġetti ta' twaqqif jew ta' modifika ta' dawn l-installazjonijiet, għalkemm huma inklużi fl-Anness II tad-Direttiva 85/337, fl-ewwel verżjoni tagħha, kellhom ikunu suġġetti għal stima preliminari ta' l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, skond l-Artikolu 2(1) ta' l-istess Direttiva.

87. Fil-fatt, jekk it-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, fl-ewwel verżjoni tagħha, kienet tagħti lill-Istati Membri marġni ta' diskrezzjoni sabiex jispeċifikaw jekk il-klassijiet ta' proġetti elenkati fl-Anness II ta' din id-Direttiva kellhomx ikunu suġġetti għal stima jew sabiex jistabbilixxu kriterji u/jew limiti li kellhom jinżammu, dan il-marġni ta' diskrezzjoni kien limitat mill-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta' l-istess Direttiva li l-proġetti li seta' jkollhom effetti sinnifikanti fuq l-ambjent, b'mod partikolari minħabba n-natura, il-kobor u s-sit tagħhom jiġu suġġetti għal-studju ta' l-effetti (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Kraaijeveld et ., C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 50; tal-21 ta' Settembru 1999, il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 64, u l-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar 'il fuq, punti 30 u 31). Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri ma setgħux, b'mod partikolari, jeskludu, b'mod globali u definittiv, mill-obbligu ta' stima waħda jew aktar mill-klassijiet ta' proġetti koperti mill-imsemmi Anness II (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta' Mejju 1996, il-Kummissjoni vs il-Belġju, C-133/94, Ġabra p. I-2323, punti 41 sa 43).

88. Fil-każ in eżami, il-karatteristiċi ta' l-installazzjonijiet kkonċernati kienu jimponi li dawn jiġu suġġetti għal stima ta' l-effetti tagħhom. Id-daqs ta' numru minn dawn l-installazzjonijiet, is-sit ġeografiku tagħhom f'żona ddikjarata vulnerabbli fl-1998 mill-awtoritajiet Spanjoli, skond id-Direttiva 91/676, in-numru relativament kbir tagħhom fl-istess żona u l-inkonvenjenzi li huma partikolarment marbuta ma' dan it-tip ta' installazzjonijiet għat-trobbija ta' l-annimali kienu juru li għandhom isiru dawn l-istimi.

89. Il-Gvern Spanjol ma semma ebda proċedura ta' stima preliminari li kienet ġiet applikata lill-installazzjonijiet tat-trobbija tal-majjali kkonċernati qabel l-14 ta' Marzu 1999. Huwa għaldaqstant issottometta, matul il-proċedura prekontenzjuża li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien ma kinetx tipprevedi li l-attivitajiet in kwistjoni kellhom jiġu suġġetti għal stima ta' l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Bl-istess mod, l-argumenti li qed iressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw biss l-implimentazzjoni fir-reġjun ta' Baix Ter ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li daħlu fis seħħ wara l-14 ta' Marzu 1999.

90. Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 85/337, fl-ewwel verżjoni tagħha, għandhom jintlaqgħu.

91. F'dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-annimali maħluqa jew immodifikati wara l-14 ta' Marzu 1999, id-data meta daħlu fis-seħħ l-emendi li saru mid-Direttiva 97/11, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 kienu jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fuq il-bażi ta' eżami każ b'każ jew fuq il-bażi tal-limiti jew kriterji li huma jistabbilixxu, jekk il-proġetti msemmija fl-Anness II ta' din id-Direttiva, li fosthom hemm l-installazzjonijiet għat-trobbija intensiva ta' l-annimali barra minn dawk ikoperti mill-Anness I ta' l-istess Direttiva, għandhomx jiġu suġġetti għal stima ta' l-effetti tagħhom.

92. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, sostanzjalment, l-istess portata ta' dak ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, fl-ewwel verżjoni tagħha. Huma ma jbiddlux ir-regola ġenerali, imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta' din id-Direttiva, li tgħid li l-proġetti li jistgħu jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, b'mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, il-kobor tagħhom u s-sit tagħhom, huma suġġetti għal stima ta' l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Konsegwentement, id-dħul fis-seħħ ta' l-emendi li saru mid-Direttiva 97/11 ma kellux effett fuq l-obbligu ta' l-awtoritajiet Spanjoli li jassiguraw li tali stimi jsiru fir-rigward ta' l-installazzjonijiet għat-trobbija ta' l-annimali kkonċernati.

93. Madankollu l-Gvern Spanjol isostni li, konformement mal-Liġi Nru. 3/1998 u tad-Digriet li jimplimentaha, l-installazzjonijiet ta' aktar minn 2,000 ħanżir tas-simna jew 750 majjaliet tat-trobbija huma suġġetti għal permess preliminari f'dak li jirrigwarda l-ambjent, li jinkludi obbligi preċiżi ta' ġestjoni tad-dranaġġ ta' l-irziezet u tal-karkassi ta' l-annimali. L-installazzjonijet ta' minn 200 sa 2,000 ħanżir għandhom jiksbu permess ambjentali qabel il-ħalqien tagħhom. L-istess liġi tipprovdi li l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer li diġa jeżistu u li m'għandhomx permess ambjentali għandhom jippreżentaw applikazzjonijiet għall-permess, sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.

94. Skond il-Gvern Spanjol, tlieta biss mill-applikazzjonijiet ippreżentati fuq il-bażi ta' l-imsemmija liġi kienu jirrigwardaw stabbilimenti ġodda għat-trobbija ta' l-annimali. L-installazzjonijiet il-ġodda kollha huma għaldaqstant is-suġġett ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għal permess ambjentali, bl-iktar importanti fosthom li huma suġġetti, fuq il-bażi tal-kriterji esposti fil-punt 93 ta' din is-sentenza, għal stima ta' l-effetti tagħhom.

95. Il-Gvern Spanjol jindika wkoll li n-numru ta' installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer għadda, fil-komuni kollha tar-reġjun ta' Baix Ter ikkonċernati minn dan ir-rikors, minn 387 fl-1989 għal 197 fl-1999. Minn din l-aħħar sena, anke jekk l-imsemmi numru qiegħed jiżdied xi ftit, dak ta' l-annimali naqas b'mod ċert, bit-tnaqqis li huwa ta' 12,017-il ras. L-azzjoni ta' l-awtoritajiet Spanjoli tidher b'mod partikolari fil-ftuħ ta' 63 fajl dwar azzjoni repressiva li wasslu għal pieni finanzjarji.

96. Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fondatezza tal-limiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni adottata mil-Komunità Awtonoma tal-Katalunja. Barra minn dan, jekk hija tikkontesta l-effettività tal-miżuri adottati fuq il-bażi tal-Liġi Nru. 3/1998, hija ma tistabbilixxix li ċerti installazzjonijiet ġew maħluqa jew immodifikati wara l-14 ta' Marzu 1999 mingħajr ma kienu s-suġġett ta' stima ta' l-effetti tagħhom. Bill-kontra ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, l-awtoritajiet Spanjoli ma ammettewx li xi installazzjonijiet kienu f'sitwazzjoni bħal din. L-imsemmija awtoritajiet ammettew biss li installazzjonijiet maħluqa qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru. 3/1998 u tad-Digriet li jimplimentaha ma kinux ġew suġġetti għal studju ta' l-effetti tagħhom u li uħud minnhom kienu s-suġġett ta' proċeduri ta' awtorizzazzjoni li wasslu, jekk ikun hemm bżonn, għal regolarizzazzjoni.

97. F'dawn iċ-ċirkostanzi, in-nuqqas tar-Renju ta' Spanja li jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 4(2) tad-Direttiva 85/337 ma seħħx. L-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom għalhekk jinċaħdu.

98. Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq ksur ta' l-obbligu ta' stima ta' l-effetti fuq l-ambjent ta' installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer fir-reġjun ta' Baix Ter huma fondati biss safejn jirrigwardaw il-ksur ta' l-Artikoli 2 u 4(2) tad-Direttiva 85/337, fl-ewwel verżjoni tagħha.

Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 80/68

99. Il-Kummissjoni ssostni li d-demel likwidu huwa sustanza li għandha effett fuq it-togħma u/jew ir-riħa ta' l-ilma ta' taħt l-art u li għalhekk jidħol fil-lista II tad-Direttiva 80/68. Proċeduri ta' awtorizzazzjoni li jinkludu stħarriġ preliminari u studji idroġeoloġiċi kellhom, konsegwentement, jiġu implimentati fiż-żoni minsusa mit-tniġġis fejn kienu se jiġu stabbiliti irziezet tal-ħnieżer, skond l-Artikoli 3(b), 5(1) u 7 tad-Direttiva 80/68, iżda dan ma seħħx. L-eżistenza ta' skart u ta' infiltrazzjonijiet mhux kontrollati ta' demel likwidu hija kkorroborata mill-azzjonijiet repressivi meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli kontra persuni li jmexxu l-installazzjonijiet in kwistjoni.

100. Madankollu, għandu jiġi osservat, min-naħa, li l-użu tad-demel likwidu bħala fertilizzant hija operazzjoni li normalment tissodisfa l-prattiċi agrikoli tajba u li għalhekk ma tikkonstitwixxix "skarikar jew depożitu bl-iskop ta' skarikar ta' dawn is-sustanzi", fis-sens ta' l-Artikolu 5 ta' l-imsemmija Direttiva.

101. Min-naħa l-oħra, anke kieku l-fertilizzazzjoni b'demel likwidu kellha effett fuq it-togħma u/jew ir-riħa ta' l-ilma ta' taħt l-art u li setgħet tkun il-kawża ta' tniġġis ta' l-ilma, is-sistema ta' protezzjoni ta' l-ilma kontra t-tniġġis li jirriżulta minn dranaġġ ta' l-irziezet ma hijiex ibbażata, fuq livell komunitarju, fuq id-Direttiva 80/68 iżda fuq id-Direttiva 91/676. Din l-aħħar Direttiva għandha fil-fatt l-għan speċifiku li tissielet kontra t-tniġġis ta' l-ilma li jirriżulta minn fertilizzazzjoni jew minn skart tal-ħmieġ ta' l-intestini ta' l-annimali kif ukoll mill-użu eċċessiv ta' demel. Is-sistema ta' protezzjoni li din tipprevedi ġġib magħha miżuri preċiżi ta' ġestjoni li l-Istati Membri għandhom jimponu fuq il-proprjetarji ta' installazzjonijiet agrikoli u li jqisu l-karattru ftit jew wisq vulnerabbli ta' l-ambjenti li jirċevu dranaġġ.

102. Kieku l-Artikolu 5 tad-Direttiva 80/68 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom jissottomettu kull użu ta' demel likwidu jew, b'mod aktar ġenerali, tad-dranaġġ ta' l-irziezet bħala fertilizzant agrikolu għal stħarriġ preliminari li, b'mod partikolari, jkun jinkludi studju idroġeoloġiku, kieku minn dan kienu jirriżultaw obbligi wiesa' ta' stħarriġ, tkun liema tkun iż-żona kkonċernata. Dawn l-obbligi jkunu manifestament iktar riġidi minn dawk li l-leġiżlatur kommunitarju kien beħsiebu, permezz tad-Direttiva 91/676, jimponi fuq l-Istati Membri fil-qasam agrikolu. Is-sistema ta' protezzjoni mwaqqfa mid-Direttiva 80/86 kienet tissostitwixxi ruħha parzjalment għal dik speċifikament imwaqqfa mid-Direttiva 91/676.

103. Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 80/68 ma tistax għalhekk tiġi aċċettata.

104. L-awtoritajiet Spanjoli ma kinux konsegwentement marbuta, fuq il-bażi ta' l-imsemmija Direttiva, li jissottomettu l-użu agrikolu ta' demel likwidu ta' l-installazzjonijiet għat-trobbija ta' l-annimali in kwistjoni għall-proċedura ta' awtorizzazzjoni prevista minn din id-Direttiva u lanqas, f'dawn iċ-ċirkostanzi, li jwettqu studji idroġeoloġiċi fiż-żona kkonċernata.

105. Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 80/68 għandhom jinċaħdu.

Fuq l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 80/778

L-argumenti tal-partijiet

106. Il-Kummissjoni tosserva li, f'diversi komuni tar-Reġjun ta' Baix Ter, il-konċentrazzjoni massima ta' nitrati ta' 50 mg/l stabbilita fl-Anness I, C, punt 20 tad-Direttiva 80/778, inqabżet numru ta' drabi, fatt li ġie ammess mill-awtoritajiet Spanjoli fl-ittri tagħhom tat-13 ta' Lulju 2000, ta' l-1 u tal-15 ta' Frar 2001, tal-15 ta' Marzu 2001, tat-3 ta' Diċembru 2001 u tad-29 ta' Jannar 2002.

107. Il-Gvern Spanjol osserva li l-Komunità Awtonoma tal-Katalunja nidiet pjan ta' tiswija tat-tniġġis ta' l-ilma min-nitrati, li rriżulta fi studji u diversi analiżi u miżuri ta' protezzjoni ta' żoni fejn jinġabar l-ilma. Ġiet immwaqqfa sistema ta' sorveljanza, bi 28 punt ta' analiżi kull tlett xhur fir-reġjun ta' Baix Ter. Fl-2003, 73% ta' l-analiżi li saru f'din is-sistema wrew livelli ta' konċentrazzjoni ta' nitrati ta' inqas minn 50mg/l. Ġew imwettqa sforzi simili f'dak li jirrigwarda l-analiżi tal-preżenza ta' komposti tan-nitroġenu fl-ilma ta' taħt l-art tal-provinċja ta' Ġirona. L-insuffiċjenza tar-riżultati ta' dawn l-azzjonijiet kollha tista' tiġi spjegata parzjalment min-nixfa kbira li għaddiet minnu l-Katalunja f'dawn l-aħħar snin. Barra minn dan, l-istabbilimenti għat-trobbija ta' l-annimali kienu s-suġġett ta' kontrolli iktar stretti. Fl-2002, ġew mibdija wkoll xogħolijiet f'diversi komuni sabiex jirrimedjaw għall-problemi li hemm fil-każ tal-provvista pubblika ta' ilma tax-xorb. Il-problemi rappurtati fin-netwerks l-oħra għandhom jiġu riżolti f'qasir żmien.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 80/778 ma jimponix sempliċi dmir ta' diliġenza, iżda obbligu li jinkisbu riżultati (sentenza ta' l-14 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-316/00, Ġabra p. I-10527, punt 37).

109. Il-Gvern Spanjol ma jikkontestax li bejn 30 u 40 % tal-kampjuni ta' l-ilma analizzat fiż-żona kkonċernata minn dan ir-rikors juru konċentrazzjoni ta' nitrati li ma tirrispettax il-limitu ta' 50 mg/l stabbilit fl-Anness I, C, punt 20, tad-Direttiva 80/778. Dan il-Gvern jammetti, b'mod partikolari, li f'ċerti komuni, partikolarment f'dawk ta' Albons, ta' Parlavà, ta' Rupià u ta' Foixà, l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva ma humiex rispettati safejn jirrigwarda l-paramentru "nitrati".

110. Għalkemm jidhru li tejjbu b'mod globali l-kwalita ta' l-ilma maħsub għall-konsum uman fir-reġjun ta' Baix Ter, il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Spanjoli madankollu ma humiex ta' natura tali li juru li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 80/778 huma mħarsa.

111. Fir-rigward tal-fatt, allegat mill-Gvern Spanjol, li r-riskju sanitarju għall-popolazzjoni kkonċernata kien naqas b'riżultat ta' kampanji ta' informazzjoni, dan bl-ebda mod ma jeżonera lill-awtoritajiet Spanjol mill-obbligu li jiksbu ir-riżultati impost fuqhom bis-saħħa tad-Direttiva 80/778.

112. Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tad-Direttiva 80/778 huma fondati.

113. Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li :

- billi ma effettwa, qabel il-bini ta' l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer tar-reġjun ta' Baix Ter jew qabel il-modifika tagħhom, ebda stima ta' l-effetti tagħhom, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 4(2) tad-Direttiva 85/337, fl-ewwel verżjoni tagħha,

- billi qabeż, f'diversi netwerks pubbliċi tad-distribuzzjoni ta' l-ilma tar-reġjun ta' Baix Ter, il-konċentrazzjoni massima permessa għall-parametru "nitrati" stabbilit fl-Anness I, C, punt 20 tad-Direttiva 80/778, bi ksur ta' l-Artikolu 7(6) ta' din id-Direttiva,

ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu mill-imsemmija direttivi.

114. Hemm lok li l-kumplament tar-rikors jinċaħad.

Dwar l-ispejjeż

115. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 69(3) ta' l-istess Regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

116. F'din il-kawża, għandu jitqies il-fatt li r-rikors ma ntlaqax fir-rigward tan-nuqqas kollu ta' l-Istat li jwettaq obbligu, kif definit mill-Kummissjoni.

117. Għaldaqstant hemm lok li r-Renju ta' Spanja jiġi kkundannat ibati żewġ terzi mill-ispejjeż kollha. Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati t-terz l-ieħor.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1) Billi ma effettwa, qabel il-bini ta' l-installazzjonijiet għat-trobbija tal-ħnieżer tar-reġjun ta' Baix Ter jew qabel il-modifika tagħhom, ebda stima ta' l-effetti tagħhom, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (85/337/KEE), ċu billi qabeż, f'diversi netwerks pubblici tad-distribuzzjoni ta' l-ilma tar-reġjun ta' Baix Ter, il-konċentrazzjoni massima permessa għall-parametru "nitrati" stabbilit fl-Anness I, C, punt 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta' Lulju 1980 dwar il-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum tal-bniedem, bi ksur ta' l-Artikolu 7(6) ta' din id-Direttiva, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu mill-imsemmija direttivi.

2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3) Ir-Renju ta' Spanja huwa kkundannat ibati żewġ terzi mill-ispejjeż kollha. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati t-terz l-ieħor.