SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta' Settembru 2004 (*)

"Ambjent – Skart – Direttivi 75/442/KEE u 91/156/KEE – Kunċetti ta' 'skart', ta' 'produttur ta' skart' u ta' 'pussessur ta' skart' – Art infiltrata b'idrokarboni ġejjin minn tnixxija – Ġestjoni indipendenti ta' pompa tal-petrol ta' kumpannija taż-żejt"

Fil-kawża C-1/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Cour d'appel de Bruxelles (Il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Diċembru 2002, li ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Jannar 2003, fil-proċedura kriminali mibdija quddiem din il-qorti kontra

Paul Van de Walle,

Daniel Laurent,

Thierry Mersch,

u

Texaco Belgium SA,

fil-preżenza ta':

Région de Bruxelles-Capitale,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President  ta' l-Awla, J.-P. Puissochet (Imħallef Relatur), R. Schintgen, F. Macken u N. Colneric, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ppreżentati:

–       għal P. Van de Walle, D. Laurent u Texaco Belgium SA, minn M. Mahieu, avocat,

–       għal T. Mersch, minn O. Klees, avocat,

–       għar-Région de Bruxelles-Capitale, minn E. Gillet, L. Levi u P. Boucquey, avocats,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Simonetti u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' Jannar 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991 (ĠU L 78, p.32, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 75/442").

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' proċedimenti mibdija kontra s-Sinjuri Van de Walle, Laurent u Mersch, responsabbli għall-kumpannija Texaco Belgium SA (iktar 'il quddiem "Texaco"), kif ukoll kontra Texaco nfisha (iktar 'il quddiem, flimkien, "is-Sur Van de Walle et"), li, minħabba tnixxija aċċidentali ta' idrokarboni minn pompa tal-petrol ġestita taħt il-marka ta' din il-kumpannija, huma akkużati bir-reat ta' abbandun ta' skart.

 Il-kuntest legali

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

a)      "skart" għandu jfisser kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-p[u]ssessur [iwarrab] jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li [jwarrab].

         […]

b)      "produttur" għandu jfisser dawk kollha li l-attivitajiet tagħhom jipproduċu l-iskart ('produttur oriġinali) u/jew dawk kollha li jwettqu ħidmiet ta' qabel l-ipproċessar, it-taħlit, jew ħidmiet oħra li jirriżultaw f'bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta' dan l-iskart;

ċ)      "pussessur" għandu jfisser il-produttur ta' l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li [jkollha l-iskart fil-pussess tagħha];

         […]"

4       L-Anness I tad-Direttiva 75/442, intitolat "Il-Kategoriji ta' l-Iskart", isemmi, fil-punt Q 4 tiegħu, il-"materjali li jkunu ġew imxerrda, mitlufa jew għaddew minn xi diżgrazzja oħra, inkluż kull materjal, tagħmir, eċċ. kkontaminat b'riżultat tad-di[ż]grazzja", fil-punt Q 7 tiegħu, is-[s]ustanzi li ma jaqdux iktar xogħolhom sodisfaċentement ([per eżempju,] aċidi kkontaminati, solventi kkontaminati, melħ tat-tempra maħdum eċċ.)", fil-punt Q 14 tiegħu, il-"prodotti li għalihom il-pussessur ma jkollux iktar użu ([per eżempju,] l-iskart mill-biedja, mid-djar, mill-uffiċċji, mill-kummerċ u mill-ħwienet, eċċ)" u, fil-punt Q 15 tiegħu, il-"materjali […], is-sustanzi jew il-prodotti [kkontaminati] li jirriżultaw minn azzjonijiet ta' rimedju rigward l-art".

5       Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442, "[l]-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħu u r-rimi mhux ikkontrollat ta' l-iskart".

6       L-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li kull pussessur ta' skart jgħaddi dan l-iskart lil kollettur privat jew pubbliku jew lil impriża li twettaq l-operazzjonijiet ta' rimi jew ta' rkupru, jew li dan il-pussessur iwettaq dawn l-operazzjonijiet huwa stess.

7       L-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li:

"B'mod konformi mal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", in-nefqa fuq ir-rimi ta' l-iskart trid tinġarr mill-:

–       pussessur li l-iskart tiegħu jiġi [mgħoddi lil] kollettur jew [lil] impriża kif [imsemmi] fl-Artikolu 9,

u/jew

–       […]pussessuri ta' qabel jew il-produttur tal-prodott minn fejn ikun ġie l-iskart."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       Id-Digriet tal-Kunsill tar-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale, tas-7 ta' Marzu 1991, dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' l-iskart (Moniteur belge tat-23 ta' April 1991, iktar 'il quddiem, id-"Digriet tas-7 ta' Marzu 1991"), fl-Artikolu 2(1) tiegħu, jiddefinixxi l-iskart bħala "sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-p[u]ssessur iwarrab jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jwarrab".

9       L-Anness I ta' dan id-digriet, li jelenka diversi kategoriji ta' skart, isemmi, fil-punt Q 4 tiegħu, il-"materjali li jkunu ġew imxerrda, mitlufa jew ikunu għaddew minn xi diżgrazzja oħra, inkluż kull materjal, tagħmir, eċċ. kkontaminat b'riżultat tad-diżgrazzja in kwistjoni", fil-punt Q 7 tiegħu, "is-sustanzi li ma jaqdux aktar xogħolhom b'mod sodisfaċenti" u, fil-punt Q 12 tiegħu, il-"materjali kkontaminati".

10     L-Anness III ta' l-imsemmi digriet, intitolat "Kostitwenti li jagħtu lill-iskart il-karattru perikoluż tiegħu", jinkludi punt C 51 li jkopri l-"idrokarburanti u l-komposti ossiġeni, nitroġeni u sulfuriċi tagħhom li mhumiex imsemmija speċifikament f'dan l-Anness".

11     L-Artikolu 8 ta' l-istess digriet jipprovdi li:

"Huwa pprojbit li skart jiġi abbandunat f'post pubbliku jew privat barra mill-postijiet awtorizzati għal dan il-għan mill-awtorità amministrattiva kompetenti jew mingħajr ma jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar ir-rimi ta' l-iskart".

12     L-Artikolu 10 tad-Digriet tas-7 ta' Marzu 1991 jipprovdi li:

"Kull min jipproduċi jew għandu fil-pussess tiegħu skart huwa marbut li jassigura jew li jara li jiġi assigurat ir-rimi tiegħu, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan id-digriet, f'kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġu limitati l-effetti negattivi fuq l-art, il-flora, il-fawna, l-arja u l-ilma u, b'mod ġenerali, mingħajr ma jagħmel ħsara la lill-ambjent u lanqas lis-saħħa tal-bniedem.

L-Eżekuttiv [tar-reġjun ta' Bruxelles-Capitale] għandu jassigura li l-ispejjeż marbuta mar-rimi ta' l-iskart jiġu sostnuti mill-pussessur ta' l-iskart li jgħaddih lill-istabbiliment ta' rimi jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-pussessuri preċedenti jew mill-produttur tal-prodott li jkun iġġenera l-iskart".

13     L-Artikolu 22 ta' l-imsemmi digriet jissuġġetta għal penali kriminali lil min jabbanduna l-iskart tiegħu stess jew dak ta' ħaddieħor bi ksur tar-regoli ta' l-Artikolu 8 ta' l-istess digriet.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale huwa l-proprjetarju ta' bini li jinstab f'132, Avenue du Pont de Luttre fi Brussell (il-Belġju). Ix-xogħlijiet ta' rinnovament ta' dan il-bini li huwa kien beda sabiex jiftaħ ċentru ta' għajnuna soċjali f'dan il-bini kellhom jitwaqqfu fit-18 ta' Jannar 1993 wara li, fil-kantina ta' dan il-bini, instabu tnixxijiet ta' ilma mimli b'idrokarboni li kienu ġejjin mill-ħajt diviżorju bejn dan il-bini u l-bini ta' maġenbu, li jinstab f'numru 134 ta' l-istess vjal, fejn, dak iż-żmien, kien hemm pompa tal-petrol ġestita taħt il-marka Texaco.

15     Din il-pompa tal-petrol kienet is-suġġett ta' kera kummerċjali bejn Texaco u l-proprjetarju tal-post. Mill-1988, din il-pompa tal-petrol kienet ġestita minn operatur taħt "kuntratt ta' ġestjoni" li kien jipprovdi li l-art, il-bini, il-materjal u l-apparat meħtieġa għall-ġestjoni kienu qiegħdin jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-operatur minn Texaco. L-operatur kien jiġġestixxi l-pompa tal-petrol f'ismu stess iżda ma kellux id-dritt li jagħmel bidliet fil-post mingħajr ma qabel jingħata awtorizzazzjoni bil-miktub mingħand Texaco, li kienet tforni l-pompa tal-petrol bi prodotti tal-fjuwil u li, barra minn hekk, kienet irriservat għaliha nfisha kontroll fuq il-kontabbiltà u l-provvisti. 

16     Wara li nstabet it-tnixxija ta' idrokarboni, li kienet tirriżulta minn nuqqasijiet fil-faċilitajiet ta' ħżin tal-pompa tal-petrol, Texaco dehrilha li l-ġestjoni ta' din il-pompa ma kinitx għadha possibbli u, filwaqt li invokat nuqqas gravi minn naħa ta' l-operatur, ddeċidiet, f'April 1993, li xxolji l-kuntratt ta' ġestjoni. Sussegwentament hija temmet il-kera kummerċjali f'Ġunju 1993.

17     Filwaqt li ċaħdet ir-responsabbiltà tagħha, Texaco ikkummissjonat xogħlijiet ta' dekontaminazzjoni ta' l-art u ssostitwiet parti mill-faċilitajiet ta' ħżin li kienu wasslu għat-tnixxija ta' idrokarboni. Hija ma wettqitx iktar interventi fil-post wara Mejju 1994. Ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale deherlu li d-dekontaminazzjoni ma kinitx kompluta u ffinanzja l-miżuri addizzjonali ta' rimedju li huwa qies li kienu meħtieġa sabiex ikun jista' jwettaq l-proġett ta' bini tiegħu.

18     Minħabba li deher li l-azzjonijiet ta' Texaco dehru li jistgħu jammontaw għal ksur tad-Digriet tas-7 ta' Marzu 1991, b'mod partikolari ta' l-Artikoli 8, 10 u 22 tiegħu, is-Sur Van de Walle, diriġent ta' Texaco, is-Sinjuri Laurent u Mersch, uffiċjali ta' din l-impriża, kif ukoll Texaco, bħala persuna ġuridika, tressqu quddiem it-Tribunal correctionnel de Bruxelles. Ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale ikkostitwixxa ruħu bħala parti ċivili f'din il-proċedura. Permezz ta' sentenza ta' l-20 ta' Ġunju, l-imsemmi Tribunal ħeles lill-akkużati, eżonera lil Texaco u ddikjara li ma kienx kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar it-talba tal-parti ċivili.

19     Il-Ministeru Pubbliku u l-parti ċivili ressqu appell kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

20     Din il-qorti dehrilha li l-Artikolu 22 tad-Digriet tas-7 ta' Marzu 1991 kien jimponi penali fir-rigward tan-nuqqas ta' rispett ta' l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 8 ta' dan id-digriet u mhux fir-rigward tal-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 tiegħu. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju dehrilha li, sabiex jiġu sanzjonati b'penali kriminali skond l-Artikolu 22, l-azzjonijiet ta' l-akkużati kellhom jitqiesu bħala abbandun ta' skart, fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu 8. Hija osservat li Texaco ma kinitx ħelset mill-iskart billi fornietu lill-pompa tal-petrol u li la l-petrol fornut u lanqas it-tankijiet li kienu baqgħu mirduma taħt l-art wara x-xogħlijiet ta' dekontaminazzjoni mwettqa minn din l-impriża ma setgħu jammontaw għal skart fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) ta' l-istess digriet, jiġifieri "sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-p[u]ssessur iwarrab jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li jwarrab".

21     Mill-banda l-oħra, il-qorti tar-rinviju staqsiet lilha nnifisha jekk ħamrija taħt l-art imniġġsa minn tnixxija aċċidentali ta' idrokarboni setgħatx titqies bħala skart u indikat li hija kellha dubju dwar jekk din il-kwalifika kinitx possibbli sakemm l-art ikkonċernata ma kinitx imħaffra u ttrattata. Hija osservat ukoll li, fid-duttrina legali, m'hemmx qbil dwar jekk tnixxija aċċidentali ta' prodott li tniġġes l-art għandhiex tiġi assimilata ma' abbandun ta' skart.

22     Wara li fakkret li d-definizzjoni ta' "skart" mogħtija fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet tas-7 ta' Marzu 1991 kienet adottata kelma b'kelma mid-Direttiva 75/442 u li l-anness ta' dan id-digriet li jelenka l-kategoriji ta' skart juża l-kliem ta' l-Anness I ta' l-imsemmija direttiva, il-Cour d'appel de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)       L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva […] 75/442[…] li jiddefinixxi l-kunċett ta' skart bħala 'kull sustanza jew oġġett li l-p[u]ssessur iwarrab] jew ikun meħtieġ li jwarrab] skond il-liġijiet nazzjonali fis-seħħ', u l-Artikoli 1(b) u 1(ċ), ta' l-istess direttiva, li jiddefinixxu produttur ta' skart bħala 'dawk kollha li l-attivitajiet tagħhom jipproduċu l-iskart ('produttur oriġinali') u/jew dawk kollha li jwettqu ħidmiet ta' qabel l-ipproċessar, it-taħlit, jew ħidmiet oħra li jirriżultaw f'bidla fin-natura jew fil-kompożizzjoni ta' dan l-iskart' u lill-pussessuri bħala 'il-produttur ta' l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li [jkollha l-iskart fil-pussess tagħha]', għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistgħu jiġu applikati għal impriża taż-żejt li tipproduċi idrokarboni u li tbigħhom lil operatur li jiġġestixxi waħda mill-pompi tal-petrol tagħha taħt kuntratt ta' ġestjoni awtonoma [li jeskludi] kull rabta ta' subordinazzjoni għaliha meta dawn l-idrokarboni jnixxu fl-art u b'hekk jikkawżaw tniġġis ta' l-art u ta' l-ilma ta' taħt l-art.

2)      Jew, għall-kuntrarju, għandu jitqies li l-kwalifika ta' skart fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq tapplika biss meta l-art hekk imniġġsa tkun ġiet imħaffra."

 Fuq id-domandi preliminari

23     Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, minn naħa, jekk idrokarboni mxerrda b'mod mhux intenzjonat u li jikkawżaw tniġġiż ta' art u ta' ilma ta' taħt l-art jistgħux jitqiesu bħala skart fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442, u jekk l-art imniġġsa b'dan il-mod, inkluż meta ma tkunx ġiet imħaffra, tistax tiġi kklassifikata wkoll bħala skart fis-sens ta' l-istess dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, jekk, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kumpannija taż-żejt li tforni lill-pompa tal-petrol tistax titqies bħala produttriċi jew li għandha pussess ta' skart eventwali, fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) u (ċ) ta' l-imsemmija direttiva.

 L-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

24     Ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale jidhirlu li Texaco tissodisfa d-definizzjoni ta' "pussessur ta' skart", safejn oriġinarjament din il-kumpannija kellha pussess ta' l-idrokarboni, kienet forniethom lill-pompa tal-petrol, eżerċitat kontroll strett fuq l-attività ta' din il-pompa u ppumpjat ilma mill-akwifer sabiex tnaddaf l-art imniġġsa.

25     L-idrokarboni ma jikkwalifikawx bħala skart sal-mument li fih il-pompa tal-petrol twarrabhom għal xi raġuni kwalunkwe, mil-liema mument huma jsiru skart, inkluż għall-impriża, bħal ma hi Tesco, li tkun ipproduċiethom u forniethom.

26     Għaldaqstant, impriża taż-żejt li pproduċiet u biegħet prodotti li jkunu saru skart għandha titqies bħala li għandha pussess ta' skart fis-sens tad-Direttiva 75/442 jekk kellha aċċess għall-post fejn kien jinstab dan l-iskart jew kellha dritt li tiddeċiedi dwar kif jitmexxew l-attivitajiet tal-klijent tagħha jew li tikkontrolla l-faċilitajiet ta' ħżin tal-prodott li huma l-kawża tat-tnixxija fl-art u fl-ilma ta' taħt l-art. Għaldaqstant, l-impriża taż-żejt li effettivament kellha l-ġestjoni ta' parti minn dan l-iskart għandha l-pussess ta' dan l-iskart.

27     Fir-rigward ta' l-idrokarboni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu nixxew mit-tankijiet tal-pompa tal-petrol, il-produttur jew il-pussessur tagħhom warrabhom. Dawn l-idrokarboni jissemmew speċifikament fil-punt Q 4 ta' l-Anness I tad-Direttiva 75/442 u, barra minn hekk, huwa skart perikoluż. Għaldaqstant, huma għandhom jitqiesu bħala skart fis-sens ta' l-imsemmija direttiva.

28     Il-ħamrija mniġġsa minn dawn l-idrokarboni għandha wkoll tiġi kkwalifikata bħala skart. Dan jirriżulta kemm mill-kliem tal-punti Q 5, Q 12 u Q 13 ta' l-Anness imsemmi u mill-obbligu tal-pussessur ta' dawn is-sustanzi li jwarrabhom.

29     Obbligu bħal dan jirriżulta, b'mod partikolari, mill-għanijiet tad-Direttiva 75/442 dwar protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent, għanijiet li ma jistgħux jintlaħqu kieku l-pussessur jew il-produttur ta' l-iskart ma kellux l-obbligu li jwarrab il-ħamrija kkontaminata jew jekk jillimita ruħu għall-ħabi tal-materjal ikkontaminat fl-art.

30     Skond is-Sur Van de Walle et, Texaco forniet prodotti petrolifiċi li kienu f'kundizzjoni tajba meta nbiegħu lill-pompa tal-petrol, operazzjoni li ma tistax titqies bħala produzzjoni ta' skart jew bħala indikazzjoni ta' l-intenzjoni li teħles minn skart.

31     Is-Sur Van de Walle et jidhrilhom li l-leġiżlatur Komunitarju, meta ddefinixxa l-iskart bħala kull sustanza li l-pussessur tagħha "[iwarrab] jew ikun beħsiebu jew ikun imġiegħel li [jwarrab]", kellu l-intenzjoni li jinkludi, minbarra l-element oġġettiv (jiġifieri l-inklużjoni ta' skart f'katalogu abbażi tal-karatteristiċi u tal-livell ta' tossiċità tiegħu), element suġġettiv billi speċifika biss is-sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm, min-naħa tal-pussessur, azzjoni, intenzjoni jew obbligu li jwarrab l-iskart permezz ta' rimi jew permezz ta' rkupru.

32     Il-partikolarità tal-kawża prinċipali tinstab fil-fatt li la Texaco u lanqas l-operatur tal-pompa tal-petrol ma kienu jafu jew kienu konxji li l-idrokarboni kienu nixxew mit-tankijiet u kienu kkontaminaw l-ilma u l-art madwarhom. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma tista' tiġi identifikata l-ebda azzjoni, intenzjoni jew obbligu li jitwarrbu dawn is-sustanzi.

33     Barra minn hekk, kien biss f'Jannar 1993, wara li nstabet it-tnixxija ta' idrokarboni, li Texaco ġiet inġunta tiddekontamina s-sit. Din l-inġunzjoni, li allegatament kienet waħda arbitrarja, kien imissha ġiet indirizzata lill-operatur tal-pompa tal-petrol li, bħala operatur awtonomu, kien imissu tqies bħala l-unika persuna meħtieġa twarrab dawn is-sustanzi. Barra minn hekk, Texaco dejjem baqgħet tenfasizza li x-xogħlijiet ta' dekontaminazzjoni ta' l-art li kienet wettqet kienu twettqu "mingħajr ebda rikonoxximent ta' responsabbiltà".

34     Fir-rigward tal-kunċetti ta' "produttur" jew ta' "pussessur" ta' skart fis-sens tad-dritt Komunitarju, is-Sur Van de Walle et isostnu li l-mod kif inhi miktuba d-domanda preliminari u l-motivazzjoni tas-sentenza tar-rinviju jagħtu lil wieħed x'jifhem li l-Cour d'appel de Bruxelles tqis li Texaco la hija produttriċi u lanqas pussessur ta' l-iskart in kwistjoni u li din il-qorti mhijiex interessata f'dawn il-kunċetti iżda hija biss li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-kunċett ta' skart.

35     Għaldaqstant, huwa biss fl-alternattiv, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li għandha teżamina l-kunċetti ta' "pussessur" u ta' "produttur", li s-Sur Van de Walle et isostnu li Texaco kienet biss forniet prodotti f'kundizzjoni tajba lill-pompa tal-petrol u li għaldaqstant ma kinitx iġġenerat, ħolqot jew ipproduċiet skart. Fil-fatt, fil-każ ta' prodotti mhux użati, huwa dak li ma jużax iktar dawn il-prodotti li jkun il-produttur ta' skart u mhux dak li jkun oriġinarjament forniethomlu. Għaldaqstant, huwa biss l-operatur tal-pompa tal-petrol li għandu jitqies, jekk ikun il-każ, bħala l-produttur ta' skart u, barra minn hekk, bħala l-pussessur tagħhom.

36     F'dan ir-rigward, minn diversi klawżoli tal-kuntratt ta' ġestjoni tal-pompa tal-petrol, b'mod partikolari mill-Artikolu 6(10) tiegħu, jirriżulta li l-operatur kellu responsabbiltà sħiħa bħala operatur u bħala kummerċjant awtonomu u li huwa kien l-unika persuna responsabbli għad-dannu li l-attività kkawżati lil terzi minħabba l-attività tiegħu. L-Artikolu 2 ta' l-imsemmi kuntratt jipprovdi li l-ġestjoni tal-pompa tal-petrol kienet "fdata" lilu minn Texaco. Skond l-Artikolu 6(2) ta' dan il-kuntratt, l-operatur kellu l-obbligu "li jżomm fi statt perfett u bi spejjeż [tiegħu] il-proprjetà [fdata lilu]" u li jivverifika kuljum li l-pompi u apparat ieħor ikunu qegħdin jiffunzjonaw tajjeb kif ukoll li jinforma immedjatament lil Texaco dwar tiswijiet li jkunu ppjanati. Skond l-Artikolu 5 ta' l-istess kuntratt, il-provvisti kienu "l-proprjetà esklużiva [ta' l-operatur]", li kien marbut jassumi "responsabbiltà sħiħa" għalihom.

37     Għall-Kummissjoni, mill-punt Q 4 ta' l-Anness I tad-Direttiva 75/442, li jkopri l-"materjali li jkunu ġew imxerrda, mitlufa jew għaddew minn xi diżgrazzja oħra", jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda espressament li din id-direttiva kellha tkopri l-każ fejn il-pussessur ta' skart iwarrbu b'mod aċċidentali. Dan mhuwiex inkompatibbli ma' l-Artikolu 1 ta' l-imsemmija direttiva li ma jippreċiżax jekk l-azzjoni ta' "twarrib" għandhiex jew le titqies bħala "volontarja". Il-pussessur jista' wkoll, bħal fil-kawża prinċipali, ma jkunx konxju li jkun warrab prodott.

38     Bl-istess mod, il-mod kif inhu miktub l-imsemmi punt Q 4, li jkopri wkoll "kull materjal, tagħmir, eċċ. kkontaminat b'riżultat tad-di[ż]grazzja [in kwistjoni]", jindika li d-Direttiva 75/442 tassimila l-materjali kkontaminati minn skart ma' l-iskart, b'tali mod li tassigura li fil-każ ta' tnixxija aċċidentali ta' materjali li jikkostitwixxu skart, il-pussessur ta' dawn il-materjali ma jabbandunax is-sustanzi jew oġġetti kkontaminati iżda jsir responsabbli għar-rimi tagħhom.

39     Mill-banda l-oħra, l-art ikkontaminata minn tnixxija aċċidentali ta' idrokarboni, li, bħall-ilma u l-arja, tagħmel parti mill-ambjent, ma tistax tkun is-suġġett ta' l-operazzjonijiet ta' rkupru u ta' rimi preskritti minn din id-direttiva u tista' tkun biss is-suġġett ta' operazzjonijiet ta' dekontaminazzjoni. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, l-istess art li hija kkontaminata minn skart ma tistax titqies bħala skart.

40     Madankollu, kieku l-art kellha tiġi mħaffra minħabba dekontaminazzjoni tkun meħtieġa konklużjoni differenti. F'każ bħal dan, meta tkun imħaffra, l-art ma tibqax iktar element ta' l-ambjent iżda ssir proprjetà immobbli li, minħabba li titħallat ma' materjali mxerrda aċċidentalment li jikkwalifikaw bħala skart, jkollha tiġi assimilata ma' dan l-iskart.

41     Fl-aħħar nett, il-persuna li kellha dawn l-idrokarboni fil-pussess tagħha fil-mument meta dawn saru skart, jiġifieri, f'dan il-każ, l-operatur tal-pompa tal-petrol li kien xtrahom mingħand Texaco, għandha titqies bħala l-"pussessur" ta' l-idrokarboni mxerrda aċċidentalment. Dawn is-sustanzi saru skart meta nixxew mit-tankijiet. Anki jekk l-impriża taż-żejt hija attwalment il-produttur ta' idrokarboni, kien biss il-bejjiegħ bl-imnut li, fil-kuntest ta' l-attività tiegħu, "ipproduċa" l-iskart aċċidentalment.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

42     L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442 jiddefinixxi l-iskart bħala "kull sustanza jew oġġett fil-kategoriji ddikjarati fl-Anness I li l-p[u]ssessur [iwarrab] jew ikun beħsiebu [...] [jwarrab]". L-imsemmi Anness jippreċiża u jispjega din id-definizzjoni billi jipproponi listi ta' sustanzi u ta' oġġetti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala skart. Madankollu, dan l-anness għandu biss karattru indikattiv peress li l-kwalifika ta' skart tirriżulta qabel kollox mill-imġiba tal-pussessur u mit-tifsira tal-kelma "jwarrab" (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta' Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 26, u tat-18 ta' April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, C 9/00, Ġabra p. I-3533, punt 22).

43     Għaldaqstant, il-fatt li l-Anness I tad-Direttiva 75/442, intitolat "Kategoriji ta' Skart", isemmi l-"materjali li jkunu ġew imxerrda, mitlufa jew għaddew minn xi diżgrazzja oħra, inkluż kull materjal, tagħmir, eċċ. kkontaminat b'riżultat tad-di[ż]grazzja" fil-punt Q 4 tiegħu, jammonta biss għal indikazzjoni ta' l-inklużjoni ta' materjali bħal dawn fil-kunċett ta' skart. L-anness ma jippermettix, minnu nnifsu, li jiġu kkwalifikati bħala skart l-idrokarboni mxerrda aċċidentalment u li jikkawżaw tniġġis ta' l-art u ta' l-ilma ta' taħt l-art.

44     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat jekk din it-tnixxija aċċidentali ta' idrokarboni tammontax għal att li bih il-pussessur "warrab" dawn l-idrokarboni.

45     L-ewwel nett, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-verb "warrab" għandu jiġi interpretat fid-dawl ta' l-għan tad-Direttiva 75/442 li, skond it-tielet premessa tagħha, huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent kontra l-effetti ta' ħsara kkawżati mill-ġbir, it-trasport, it-trattament, il-ħażna u l-ħatt ta' skart, kif ukoll fid-dawl ta' l-għan ta' l-Artikolu 174(2) KE, li jipprovdi li l-politika Komunitarja fil-qasam ta' l-ambjent għandu jkollha livell ta' protezzjoni għoli u li għandha tkun ibbażata, b'mod partikolari, fuq il-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' azzjoni preventiva. Għaldaqstant, il-verb "warrab", li jiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' skart, ma għandux jingħata interpretazzjoni ristretta (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et, C-418/97 u C-419/97, Ġabra p. I-4475, punti 36 sa 40).

46     It-tieni nett, meta s-sustanza jew l-oġġett in kwistjoni jikkostitwixxu fdal ta' produzzjoni, jiġifieri, prodott li mhux mixtieq bħala tali għal użu sussegwenti u li l-pussessur ma jistax jerġa' juża f'kundizzjonijiet ekonomikament vantaġġjużi mingħajr ma jipproċessah, dawn għandhom jiġu evalwati bħala piż li l-pussessur "iwarrab" (ara, f'dan is-sens, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, iċċitata iktar 'il fuq, punti 32 sa 37).

47     Huwa ċar li idrokarboni mxerrda aċċidentalment u li jikkawżaw tniġġis ta' art u ta' ilma ta' taħt l-art mhumiex prodott li jista' jerġa' jintuża mingħajr ma jiġi pproċessat. Fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija inċerta ħafna u, jekk wieħed jassumi li tkun għadha possibbli, din tirrikjedi qabel operazzjonijiet li mhumiex ekonomikament vantaġġjużi għall-pussessur tagħhom. Għaldaqstant, dawn l-idrokarboni huma sustanzi li l-pussessur ma kellux l-intenzjoni li jipproduċi u li huwa "[j]warrab", anki jekk involontarjament, meta jitwettqu operazzjonijiet ta' produzzjoni jew ta' distribuzzjoni li jikkonċernawhom.

48     Fl-aħħar nett, jekk idrokarboni li jikkawżaw tniġġis ma jitqisux bħala skart minħabba r-raġuni waħdanija li kienu mxerrda aċċidentalment, id-Direttiva 75/442 jitneħħilha parzjalment l-effett tagħha. L-Artikolu 4 ta' din id-direttiva jipprovdi, b'mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-iskart ikun irkuprat jew mormi mingħajr ma tkun ipperikolata s-saħħa tal-bniedem, "mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali", u "sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta' l-iskart". Skond l-Artikolu 8 ta' l-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li kull pussessur ta' skart jgħaddi dan l-iskart lil kollettur responsabbli mill-irkupru jew mir-rimi tiegħu jew iwettaq dawn l-operazzjonijiet huwa stess. L-Artikolu 15 ta' l-imsemmija direttiva jidentifika l-operatur li għandu jbati l-ispejjeż tar-rimi ta' l-iskart "[b']mod konformi mal-prinċipju ta' 'min iniġġes iħallas'".

49     Jekk l-idrokarboni li jikkawżaw tniġġis ma jitqisux bħala skart minħabba li kienu mxerrda b'mod involontarju, il-pussessur tagħhom jkun eżentat mill-obbligi li d-Direttiva 75/442 teżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu fir-rigward tiegħu, u dan bi ksur tal-projbizzjoni li l-iskart jiġi abbandunat, mitfugħ jew mormi b'mod mhux ikkontrollat.

50     Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li l-pussessur ta' idrokarboni li xterrdu b'mod aċċidentali u li jniġġsu l-art u l-ilma ta' taħt l-art "jwarrab" dawn is-sustanzi, li, konsegwentament, għandhom jiġu kkwalifikati bħala skart fis-sens tad-Direttiva 75/442.

51     Għandu jiġi ppreċiżat li, barra minn hekk, l-idrokarboni mxerrda b'mod aċċidentali huma meqjusa wkoll bħala skart perikoluż taħt id-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, tat-12 ta' Diċembru 1991, fuq skart perikoluż (ĠU L 377, p.20) u taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE, tat-22 ta' Diċembru 1994, li tistabbilixxi lista ta' skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 91/689 (ĠU L 356, p.14).

52     L-istess kwalifika bħala "skart", fis-sens tad-Direttiva 75/442, tapplika fir-rigward tal-ħamrija kkontaminata minn tnixxija aċċidentali ta' idrokarboni. Fil-fatt, f'każ bħal dan, dawn l-idrokarboni ma jistgħux jiġu sseparati mill-art li niġġsu u ma jistgħux jiġu rkuprati jew mormija mingħajr ma l-art ma tkun ukoll is-suġġett ta' l-operazzjonijiet ta' dekontaminazzjoni meħtieġa. Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tiggarantixxi r-rispett ta' l-għanijiet ta' l-imsemmija direttiva ta' protezzjoni ta' l-ambjent naturali u tal-projbizzjoni ta' abbandun ta' skart. Din l-interpretazzjoni hija kompletament konformi ma' l-għan ta' din id-direttiva, imsemmi fil-punt Q 4 ta' l-Anness I li, kif ġie mfakkar, jinkludi "kull materjal, tagħmir, eċċ. kkontaminat b'riżultat [ta' tixrid aċċidentali ta' dawn il-materjali, it-telf tagħhom jew minn xi diżgrazzja oħra]" fost is-sustanzi jew oġġetti li jistgħu jitqiesu bħala skart. Għaldaqstant, il-kwalifika ta' skart, fir-rigward ta' art imniġġsa mill-idrokarboni, tiddependi tassew fuq l-obbligu tal-persuna li tikkawża t-tnixxija aċċidentali ta' dawn is-sustanzi li twarrabhom. Din il-kwalifika ma tistax tirriżulta mill-applikazzjoni ta' regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta' użu, ta' protezzjoni u ta' dekontaminazzjoni ta' l-art fejn tkun seħħet it-tnixxija.

53     Peress li l-art imniġġsa hija meqjusa bħala skart minħabba l-fatt waħdieni li ġiet ikkontaminata b'mod aċċidentali mill-idrokarboni, il-kwalifika tagħha bħala skart ma tiddependix mit-twettiq ta' operazzjonijiet oħra li l-proprjetarju tagħha huwa obbligat iwettaq jew li dan jiddeċiedi li jwettaq. Għaldaqstant, il-fatt li din l-art mhijiex imħaffra ma għandu l-ebda rilevanza fir-rigward tal-kwalifika tagħha bħala skart.

54     Fir-rigward tal-kwistjoni jekk, f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kumpannija taż-żejt li tforni lill-pompa tal-petrol tistax titqies bħala produttriċi jew fil-pussess ta' skart, fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) u (ċ) ta' l-imsemmija direttiva, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li hija l-qorti tar-rinviju li, skond id-diviżjoni tal-funzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 234 KE, għandha tapplika r-regoli tad-dritt Komunitarju, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-każ konkret li jkollha quddiemha (ara s-sentenza tat-8 ta' Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, Ġabra p. I-285, punt 11).

55     L-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li l-pussessur huwa "l-produttur ta' l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li [jkollha l-iskart fil-pussess tagħha]". Għaldaqstant, din id-direttiva tagħti definizzjoni wiesgħa tal-pussessur peress li ma tippreċiżax jekk l-obbligi ta' rimi jew ta' rkupru ta' skart jaqgħux, bħala regola ġenerali, fuq il-produttur ta' l-iskart jew fuq il-pussessur tiegħu, jiġifieri, l-proprjetarju jew il-pussessur.

56     Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442, l-imsemmija obbligi, li huma l-konsegwenza tal-projbizzjoni ta' abbandun, ta' tfigħ u ta' rimi mhux ikkontrollat ta' skart imsemmija fl-Artikolu 4 ta' l-istess direttiva, jikkonċernaw "[kull] pussessur ta' skart".

57     Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 75/442 jipprovdi li, skond il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, l-ispejjeż tar-rimi ta' skart għandhom jitħallsu mill-pussessur li jgħaddi l-iskart lil operatur responsabbli mir-rimi tagħhom u/jew mill-pussessuri preċedenti jew mill-produttur tal-prodott li jkun iġġenera l-iskart. Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva ma teskludix li, f'ċerti sitwazzjonijiet, l-ispejjeż tar-rimi ta' l-iskart ikunu r-responsabbiltà ta' pussessur jew pussessuri preċedenti, jiġifieri persuna jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li la huma l-produtturi u lanqas il-pussessuri ta' l-iskart.

58     Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tliet punti preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 75/442 tagħmel distinzjoni bejn it-twettiq materjali ta' operazzjonijiet ta' rkupru jew ta' rimi, li hija timponi fuq kull "pussessur ta' skart", irrispettivament minn jekk dan ikunx il-produttur jew il-pussessur, u r-responsabbiltà finanzjarja għal dawn l-operazzjonijiet li hija timponi, skond il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, fuq il-persuni li jikkawżaw l-iskart, irrispettivament minn jekk dawn humiex pussessuri jew pussessuri preċedenti jew ukoll produtturi tal-prodott li jkun iġġenera l-iskart.

59     L-idrokarboni mxerrda aċċidentalment minn tnixxija mill-faċilitajiet ta' ħżin ta' pompa tal-petrol kienu nxtraw minn din il-pompa tal-petrol għall-ħtiġijiet tal-ġestjoni tagħha. Għaldaqstant, huma jinstabu fil-pussess ta' l-operatur tal-pompa tal-petrol. Barra minn hekk, huwa dan l-operatur li, għall-ħtiġijiet ta' l-attività tiegħu, kien qed jaħżinhom meta saru skart u li għaldaqstant jista' jitqies bħala l-persuna li "pproduċiethom" fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442. F'dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba li l-operatur tal-pompa tal-petrol huwa kemm il-pussessur u l-produttur ta' dan l-iskart, huwa għandu jitqies bħala l-pussessur tagħhom fis-sens ta' l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442.

60     Madankollu, jekk fil-kawża prinċipali, minħabba elementi li l-qorti tar-rinviju biss tista' tevalwa, jirriżulta li l-istat ħażin tal-faċilitajiet ta' ħżin tal-pompa tal-petrol u t-tnixxija ta' idrokarboni huma attribwibbli għal nuqqas ta' rispett ta' l-obbligi kuntrattwali min-naħa ta' l-impriża taż-żejt li tforni din il-pompa tal-petrol, jew għal xi atti li jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà ta' din l-impriża, jkun possibbli li din l-impriża taż-żejt, minħabba l-attività tagħha, tiġi kkunsidrata li "[pproduċiet] skart" fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 75/442, u għalhekk tista' titqies bħala li kellha pussess ta' dan l-iskart.

61     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li idrokarboni mxerrda b'mod mhux intenzjonat u li jikkawżaw tniġġis ta' art u ta' ilma sottorranju huma skart fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442. Dan jgħodd ukoll għall-art mniġġsa minn idrokarboni, inkluż meta din l-art ma tkunx ġiet imħaffra. F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kumpannija taż-żejt li tforni l-pompa tal-petrol ma tistax titqies bħala fil-pussess ta' dan l-iskart, fis-sens ta' l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442, ħlief meta t-tnixxija mill-faċilitajiet ta' ħżin tal-pompa tal-petrol, minn fejn oriġina l-iskart, tkun tista' tiġi attribwita għall-imġiba ta' din l-impriża.

 Fuq l-ispejjeż

62     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Idrokarboni mxerrda b'mod mhux intenzjonat u li jikkawżaw tniġġis ta' art u ilma sottorranju huma skart fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta' Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta' Marzu 1991. Dan jgħodd ukoll għall-art mniġġsa minn idrokarboni, inkluż meta din il-art ma tkunx ġiet imħaffra. F'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kumpannija taż-żejt li tforni l-pompa tal-petrol ma tistax titqies bħala fil-pussess ta' dan l-iskart, fis-sens ta' l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 75/442, ħlief meta t-tnixxija mill-faċilitajiet ta' ħżin tal-pompa tal-petrol, minn fejn oriġina l-iskart, tkun tista' tiġi attribwita għall-imġiba ta' din l-impriża

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.